Proċedura : 2016/2329(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0065/2018

Testi mressqa :

A8-0065/2018

Dibattiti :

PV 19/04/2018 - 4
CRE 19/04/2018 - 4

Votazzjonijiet :

PV 19/04/2018 - 10.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0189

RAPPORT     
PDF 949kWORD 68k
14.3.2018
PE 613.377v03-00 A8-0065/2018

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/99/UE dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni

(2016/2329(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-InternKumitat tad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Rapporteur: Soraya Post, Teresa Jiménez-Becerril Barrio

(Proċedura ta' kumitat konġunt – Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura)

EMENDI
NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Proċedura u sorsi

Id-Direttiva dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni (EPO) kienet inbdiet minn grupp ta' tnax-il stat taħt il-presidenza ta' Spanja fl-2010. Id-Direttiva EPO hija bbażata fuq l-Artikolu 82(1) tat-TFUE dwar kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali. Fil-11 ta' Jannar 2011, id-Direttiva daħlet fis-seħħ u l-Istati Membri tal-UE kellhom jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fil-liġijiet nazzjonali tagħhom sal-11 ta' Jannar 2015. L-Irlanda u d-Danimarka mhumiex marbutin mil-leġiżlazzjoni tal-EPO.

Dan ir-rapport jirrappreżenta opportunità għar-rapporteurs tal-Kumitati LIBE u FEMM biex jivvalutaw kif il-mekkaniżmu li ġie stabbilit mid-Direttiva 2011/99/UE(1), li jippermetti lil persuni li jibbenefikaw minn ordni ta' protezzjoni f'materji kriminali maħruġa fi Stat Membru wieħed biex jitolbu EPO, kien applikat fl-Istati Membri kkonċernati.

Dan l-istrument huwa bbażat fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, li jfisser li ordnijiet ta' protezzjoni maħruġa fi Stat Membru wieħed iridu jiġu rikonoxxuti u infurzati fi Stat Membru ieħor. Waħda mill-isfidi ewlenin fl-applikazzjoni ta' dan l-istrument hija li jiġi żgurat li l-protezzjoni tal-vittmi ma tkunx ostakolata mid-diversità tal-miżuri nazzjonali.

Ir-rapport se jeżamina wkoll:

  l-ostakoli li jitfaċċaw fl-implimentazzjoni fil-livell tal-Istati Membri;

  il-konnessjoni mal-istrumenti komplementari;

  l-isfidi relatati mad-diversità tal-miżuri li l-Istati Membri jistgħu japplikaw fl-eżekuzzjoni tal-EPOs;

  l-impatt tal-istrument f'termini tal-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità;

  ir-rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jingħelbu d-diversi sfidi li jitfaċċaw fl-implimentazzjoni.

Minn mindu nħatru, iż-żewġ rapporteurs ġabru l-informazzjoni u bbażaw ruħhom, fost l-oħrajn, fuq is-sorsi li ġejjin:

  seduta ta' smigħ li saret fil-laqgħa konġunta tal-Kumitati LIBE u FEMM fit-12 ta' Ottubru;

  Valutazzjoni tal-Impatt Ex Post mis-Servizzi ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS), ippubblikata f'Settembru 2017;

  skambju ta' informazzjoni mal-kollegi rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), u l-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-vittmi rilevanti;

Din id-Direttiva tinkludi klawżola ta' reviżjoni (l-Artikolu 23) li tgħid li "sal-11 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk meħtieġ, minn proposti leġiżlattivi". Fiż-żmien meta dan ir-rapport ta' implimentazzjoni ġie abbozzat, il-Kummissjoni ma ressqitx rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni

Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2011/99/UE dwar l-EPO f'Jannar 2015, ftit li xejn inġabret data mill-Kummissjoni Ewropea, l-aġenziji tal-UE jew l-NGOs biex jiġi valutat l-użu ta' dan l-istrument fil-livell tal-UE.

Skont il-valutazzjoni tal-EPRS, ippubblikata f'Settembru 2017, s'issa, ġew identifikati seba' EPOs biss. L-użu limitat ħafna ta' dan l-istrument huwa sorprendenti meta jitqies in-numru ta' vittmi li qegħdin jibbenefikaw minn miżuri ta' protezzjoni f'materji kriminali fil-livell tal-Istati Membri – li ħafna minnhom x'aktarx jivvjaġġaw/jiċċaqilqu/jivvjaġġaw għax-xogħol madwar l-UE fuq bażi regolari u/jew okkażjonali. Bħala eżempju ta' dan, huwa stmat li fl-2010 aktar minn 100 000 mara li għandhom residenza fl-UE kienu koperti minn miżuri ta' protezzjoni relatati ma' vjolenza sessista.

Għalkemm l-ordnijiet ta' protezzjoni jistgħu jiġu applikati għal kull min jeħtieġ protezzjoni, fil-prattika, miżuri bħal dawn fil-biċċa l-kbira jiġu applikati biex jipproteġu lin-nisa f'każijiet relatati ma' vjolenza intima jew domestika, fastidju, stalking jew attakk sesswali. Il-vjolenza sessista hija kwistjoni ta' tħassib li dejjem qed tikber fil-livell tal-UE u fl-2014 l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) stmat li waħda minn tliet nisa fl-UE esperjenzat vjolenza fiżika u/jew sesswali mill-età ta' 15-il sena u li waħda minn ħames nisa esperjenzat stalking. L-istalking huwa elenkat bħala wieħed mir-reati li l-aktar ta' spiss jirriżulta f'ordni ta' protezzjoni; madankollu, huwa wkoll wieħed mir-reati elenkati li mhuwiex soġġett għal-liġi kriminali f'kull Stat Membru – dan ċertament jagħmel ħsara lin-nisa b'mod sproporzjonat meta jiġu biex jiksbu EPO.

L-ordnijiet ta' protezzjoni huma maħsuba biex jipproteġu persuna kontra att li jista' jipperikola ħajjitha, l-integrità fiżika jew psikoloġika, id-dinjità, il-libertà personali jew l-integrità sesswali tagħha. L-għan huwa li jiġu evitati kuntatti bejn l-awtur tar-reat jew l-awtur potenzjali tar-reat u vittma jew individwu fir-riskju li jiġu attakkati.

L-Istati Membri kollha jipprovdu xi forma ta' ordnijiet ta' protezzjoni kriminali u/jew ċivili. Madankollu, minkejja xebh ċar fil-mod kif dawn il-miżuri huma maħruġa, teżisti varjetà wiesgħa ta' miżuri madwar l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-mod kif dawn huma applikati fil-prattika jvarja ħafna.

Sabiex jiġi żgurat li persuna li tkun ingħatat miżuri ta' protezzjoni fi Stat Membru tkompli tibbenefika minn protezzjoni ekwivalenti meta tiċċaqlaq jew tivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor, l-UE stabbiliet id-Direttiva 2011/99/UE dwar l-EPO, mekkaniżmu għar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri protettivi f'materji kriminali. Il-miżuri protettivi koperti mid-Direttiva jikkonċernaw sitwazzjonijiet fejn il-vittmi jew vittmi potenzjali tal-kriminalità jibbenefikaw minn projbizzjoni jew regolamentazzjoni tad-dħul f'ċerti postijiet, li jiġu kkuntattjati jew avviċinati minn persuna li qed toħloq ir-riskju, it-tliet tipi ta' miżuri protettivi l-aktar komuni fl-UE.

Fiż-żmien meta dan l-istrument ġie propost, sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni ta' bażijiet legali separati fid-dritt tal-UE għal għarfien reċiproku ta' miżuri tal-liġi ċivili u miżuri tal-liġi kriminali, il-Kummissjoni pproponiet li tadotta pakkett li jikkonsisti mid-Direttiva EPO li tittratta proċeduri kriminali, u Regolament dwar l-għarfien reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili. Ir-Regolament (UE) Nru 606/2013 jistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti għarfien dirett ta' ordnijiet ta' protezzjoni maħruġa bħala miżura tal-liġi ċivili bejn l-Istati Membri. B'hekk, il-persuni li jibbenefikaw minn ordni ta' protezzjoni tal-liġi ċivili maħruġa fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom jistgħu jinvokawha direttament fi Stati Membri oħrajn billi jippreżentaw ċertifikat(2) lill-awtoritajiet kompetenti li jiċċertifika d-drittijiet tagħhom. Ir-Regolament beda japplika mill-11 ta' Jannar 2015.

Dawn iż-żewġ strumenti huma parti minn sett komprensiv ta' atti legali tal-UE intenzjonati li jtejbu l-protezzjoni tal-vittmi madwar l-UE.

Il-miżuri ta' protezzjoni inklużi fl-EPOs jiddependu mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali interni tal-Istati Membri: l-EPOs jinħarġu abbażi tal-miżuri ta' protezzjoni li ġew adottati qabel fl-Istat emittenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu; il-protezzjoni ddikjarata fl-EPOs se tiġi rikonoxxuta fl-Istat ta' eżekuzzjoni permezz tal-adozzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni disponibbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

Skont dak li rriżulta mill-valutazzjoni ex post imsemmija hawn fuq, li saret mill-EPRS, din id-Direttiva ma waslitx għal konverġenza/approssimazzjoni tad-diversità tal-miżuri nazzjonali: is-sistemi nazzjonali differenti għall-protezzjoni tal-vittmi jinżammu, il-leġiżlazzjoni interna dwar il-protezzjoni tal-vittmi ma ġietx modifikata b'mod sostanzjali, u l-liġijiet ta' implimentazzjoni tad-Direttiva jinkorporaw b'mod kważi mimetiku d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, mingħajr kważi l-ebda aġġustament.

Rigward il-vittmi, punt importanti huwa l-bżonn li tingħata informazzjoni adegwata lill-persuna protetta, li tinkludi l-possibbiltà li din titlob EPO jekk tiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor. L-awturi ta' dan l-istudju jiġbdu l-attenzjoni lejn id-difetti kbar f'dan ir-rigward u jenfasizzaw in-nuqqas ġenerali ta' informazzjoni u kampanji ta' sensibilizzazzjoni mmirati lejn il-vittmi nnifishom madwar l-Istati Membri kollha. F'dawn is-sitwazzjonijiet, in-nuqqas ta' aċċess għal informazzjoni huwa ta' detriment għall-protezzjoni tal-vittmi.

Peress li l-EPOs dejjem jimplikaw iċ-ċaqliq ta' vittma minn Stat Membru għal ieħor, il-vittmi kollha f'ċertu punt se jiġu kkonfrontati minn sistema legali jew lingwa li ma jafux, li tpoġġihom f'pożizzjoni partikolarment vulnerabbli. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma stabbilixxew ebda miżura jew dispożizzjoni speċjali rigward persuni bi ħtiġijiet speċifiċi.

Il-protezzjoni effettiva tal-vittma tirrikjedi li l-proċedura għall-adozzjoni u l-eżekuzzjoni ta' EPO ssir malajr. Il-liġijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri użaw formuli differenti biex jenfasizzaw l-immedjatezza u l-urġenza tal-proċedura, u f'xi każijiet anke biex jistabbilixxu limiti ta' żmien speċifiċi. Il-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti u ċentrali huma importanti wkoll għall-protezzjoni tal-vittmi u għall-effikaċja tal-EPO.

L-esperti enfasizzaw li l-kwistjoni tat-taħriġ tal-professjonisti li aktarx jiġu f'kuntatt ma' vittmi fil-bżonn ta' miżuri protettivi tidher li hija kruċjali. Skont id-data disponibbli ftit li xejn Stati Membri organizzaw taħriġ speċifiku dwar l-EPO.

(1)

ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.

(2)

ĠU L 263, 3.9.2014, p. 10-20


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/99/UE dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni

(2016/2329(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 10, 18, 19, 21, 79 u 82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6, 20, 21, 23, 24, 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, li ġiet adottata fl-20 ta' Diċembru 1993,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi New York fl-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottata mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5 (2000), Beijing +10 (2005), Beijing +15 (2010) u Beijing +20 (2015),

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali adottat fis-26 ta' Awwissu 2016 mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità dwar l-Artikolu 6 ("Nisa u Bniet b'Diżabilitajiet") tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2017/865(1) u (UE) 2017/866 tal-11 ta' Mejju 2017(2) dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika,

–  wara li kkunsidra l-iffirmar mill-Istati Membri kollha tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika(3);

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE li għandha x'taqsam ma' kumpens għal vittmi ta' delitti,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI(5), u d-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI(6),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2012 bit-titolu "L-istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin, 2012-2016" (COM (2012)0286),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili(8),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta' sorveljanza ta' miżuri ta' probation u ta' sanzjonijiet alternattivi(9),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tat-23 ta' Ottubru 2009 dwar l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta' superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja(10),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali(11),

  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2011 dwar Pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet u l-protezzjoni tal-vittmi, b'mod partikolari fi proċedimenti kriminali(12),

  wara li kkunsidra l-Programm ta' Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini(13),

–  wara li kkunsidra l-Programm "Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza" għall-perjodu 2014-2020,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" ("Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2016-2019") (SWD(2015)0278),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) bit-titolu "Violence against women – an EU-wide survey" (Il-vjolenza fuq in-nisa - stħarriġ madwar l-UE kollha),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(17),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea (PE 603.272) tad-Direttiva 2011/99/UE tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, magħmula mill-Unità ta' Evalwazzjoni Ex Post,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0065/2018),

A.  billi kull forma ta' vjolenza kontra l-bniedem hija ksur dirett tad-dinjità tal-bniedem tiegħu, li hija l-bażi essenzjali tad-drittijiet fundamentali kollha tal-bniedem u għalhekk trid tiġi rispettata u protetta; billi l-vjolenza fuq in-nisa hija forma brutali ta' diskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali;

B.  billi l-vittmi ta' vjolenza u abbuż qegħdin fir-riskju li jiġu suġġetti għall-vittimizzazzjoni, ritaljazzjoni u intimidazzjoni sekondarji u ripetuti; billi, għalhekk, l-għoti lilhom tal-protezzjoni meħtieġa, inkluż dik bejn il-fruntieri, tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq is-sensibilizzazzjoni tal-vittmi, is-soċjetà inġenerali u l-prattikanti kollha li jiġu f'kuntatt magħhom, inklużi l-atturi rilevanti, bħalma huma d-djar ta' kenn;

C.  billi n-nuqqas ta' għoti ta' protezzjoni adegwata ta' bniedem minn vjolenza sessista huwa detrimentali għas-soċjetà kollha kemm hi;

D.  billi wieħed mill-aspetti tas-sigurtà l-aktar importanti ta' kull soċjetà huwa l-protezzjoni tal-integrità u l-libertà personali ta' kull individwu; billi l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà għandha tinkludi s-salvagwardja tas-sigurtà personali u l-protezzjoni tal-individwi kollha mill-vjolenza sessista bħala prijoritajiet;

E.  billi l-vjolenza u l-abbuż fiżiku, psikoloġiku u sesswali jaffettwaw lin-nisa b'mod sproporzjonat(18); billi mara waħda minn kull tlieta fl-UE esperjenzat vjolenza fiżika u/jew sesswali mill-età ta' 15-il sena; billi l-firxa u l-ħruxija tal-vjolenza kontra n-nisa ta' spiss huma injorati u trivjalizzati f'uħud mill-Istati Membri u għad hemm tendenza komuni inkwetanti li l-vittmi jingħataw il-ħtija; billi terz biss tan-nisa li huma abbużati fiżikament jew sesswalment mill-partner tagħhom jikkuntattjaw lill-awtoritajiet;

F.  billi l-iżgurar tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha ta' politika huwa prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea u element essenzjali fil-ġlieda kontra l-vjolenza sessista;

G.  billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul, li ġiet iffirmata iżda li mhijiex ratifikata mill-UE u mill-Istati Membri kollha(19), tistipula li d-dispożizzjonijiet kollha tagħha, b'mod partikolari l-miżuri biex jipproteġu d-drittijiet tal-vittmi, għandhom jiġu żgurati mingħajr diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi, u b'mod espliċitu tistieden lill-firmatarji tagħha jirrikonoxxu l-istalking bħala reat kriminali; billi r-ratifikazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Istanbul se jgħinu sabiex jingħelbu l-isfidi li jinħolqu mill-EPO bl-għoti ta' qafas legali Ewropew koerenti għall-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u biex il-vjolenza fuq in-nisa tiġi kkumbattuta;

H.  billi, sabiex jitnaqqas in-numru stmat ta' każijiet mhux irrappurtati ta' vjolenza, l-Istati Membri jeħtiġilhom jistabbilixxu u jsaħħu l-istrumenti ta' twissija u ta' protezzjoni għan-nisa biex ikunu jistgħu jħossuhom sikuri u f'pożizzjoni li jirrapportaw vjolenza sessista; billi l-għadd konsiderevolment kbir ta' każijiet mhux irreġistrati ta' vjolenza sessista jista' jkun marbut ma' nuqqas ta' riżorsi pubbliċi; billi l-awtoritajiet rilevanti jeħtiġilhom ikollhom strutturi, bħal postijiet ta' kenn li jipprovdu appoġġ mediku u forensiku, konsulenza psikoloġika u għajnuna legali, li joħolqu żona sikura għan-nisa li huma vittmi tal-vjolenza sessista;

I.  billi l-libertà ta' moviment fl-UE tfisser li n-nies spiss jiċċaqalqu minn pajjiż għal ieħor; billi l-EPO hija bbażata fuq il-bżonn li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-libertajiet tal-vittmi, u b'mod partikolari jiġi rrispettat id-dritt tal-vittmi u l-vittmi potenzjali li jgawdu l-libertà ta' moviment, u li tkun żgurata l-protezzjoni kontinwa tagħhom meta jeżerċitaw dak id-dritt;

J.  billi l-prevenzjoni tal-vjolenza permezz tal-investiment f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni b'kopertura medjatika effettiva, edukazzjoni u taħriġ ta' professjonisti hija element kruċjali fil-ġlieda kontra l-vjolenza sessista; billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul tobbliga lill-partijiet jipprevjenu l-vjolenza sessista u l-istereotipi billi jindirizzaw ir-rwol tal-midja; billi n-nuqqas ġenerali ta' għarfien fost il-vittmi li jibbenefikaw minn miżuri ta' protezzjoni nazzjonali tal-eżistenza tal-EPO għandu impatt negattiv fuq l-implimentazzjoni tagħha; billi kampanji ta' sensibilizzazzjoni u programmi ta' sensitizzazzjoni li jiġġieldu kontra t-trivjalizzazzjoni tal-vjolenza domestika u sessista jikkontribwixxu għal żieda fir-rieda tal-vittmi li jirrappurtaw abbużi u jitolbu ordnijiet Ewropej ta' protezzjoni (EPOs), kif ukoll jibnu l-fiduċja tagħhom fl-awtoritajiet rilevanti;

K.  billi fl-2010, meta l-Kunsill Ewropew ippropona l-EPO, 118 000 mara li għandhom residenza fl-UE kienu koperti minn miżuri ta' protezzjoni relatati mal-vjolenza sessista; billi fl-2011, kien stmat li medja ta' 1 180 individwu se jkunu jeħtieġu miżuri ta' protezzjoni transkonfinali kontinwi fl-UE;

L.  billi l-NGOs ta' spiss għandhom rwol fundamentali f'bosta Stati Membri fl-appoġġ lill-vittmi;

M.  billi l-EPOs huma strumenti ta' rikonoxximent reċiproku u kooperazzjoni, li la jistgħu jiffunzjonaw b'mod korrett u lanqas jipproteġu lill-vittmi sakemm ma jkunux implimentati bis-sħiħ mill-Istati Membri kollha;

N.  billi, b'mod partikolari f'każijiet ta' vjolenza, xi Stati Membri joħorġu miżuri ta' protezzjoni abbażi ta' proċeduri kriminali, filwaqt li oħrajn joħorġu ordnijiet ta' protezzjoni abbażi ta' proċeduri ċivili;

O.  billi varjetà wiesgħa ta' ordnijiet ta' protezzjoni madwar l-Istati Membri tal-UE, u minħabba sistemi ġudizzjarji differenti fl-Istati Membri, l-implimentazzjoni ta' EPOs tiffaċċja ħafna diffikultajiet u konsegwentement tista' timmina l-applikazzjoni xierqa ta' EPOs għall-vittmi u tfixkel l-għadd ta' EPOs maħruġa;

P.  billi l-maġġoranza tal-Istati Membri m'għandhomx sistema ta' reġistru biex jiġbru d-data dwar l-EPOs, u lanqas ma hemm sistema Ewropea ta' reġistru ċentrali biex tinġabar id-data rilevanti kollha tal-UE; billi data insuffiċjenti tagħmilha diffiċli biex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tal-EPO u biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni jew fl-implimentazzjoni;

Q.  billi l-EPO hija applikabbli għall-vittmi tat-tipi kollha ta' kriminalità, inklużi l-vittmi tat-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin, il-vjolenza sessista u l-kriminalità organizzata; billi persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli li sfaw vittmi ta' delitt jeħtieġu li jiġu ttrattati b'kunsiderazzjoni partikolari meta japplikaw għal EPO;

R.  billi hemm rabta qawwija bejn il-funzjonament tal-EPO u l-istandards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità li ġew stabbiliti permezz tad-Direttiva 2012/29/UE;

1.  Jistieden lill-Istati Membri jikkundannaw b'mod ċar u jimpenjaw ruħhom biex jeqirdu l-forom kollha ta' vjolenza sessista u l-vjolenza fuq in-nisa, u jiżguraw politika ta' tolleranza zero għal dawn il-forom ta' vjolenza;

2.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jintroduċu perspettiva tas-sessi fil-politiki kollha tagħhom, b'mod partikolari dawk li huma potenzjalment marbuta mas-sensibilizzazzjoni u detezzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa, kif ukoll il-protezzjoni u s-salvagwardjar tal-integrità tal-vittmi;

Valutazzjoni ġenerali tal-implimentazzjoni tad-direttiva, u rakkomandazzjonijiet biex jittejbu l-istat ta' implimentazzjoni u l-funzjonament tal-EPO

3.  Jirrikonoxxi li l-Istati Membri kollha li huma marbuta mid-Direttiva EPO innotifikaw lill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali;

4.  Huwa konxju tal-effett pożittiv li l-istabbiliment tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja jista' jkollu fuq il-protezzjoni transkonfinali tal-vittmi; iqis li l-EPO għandha l-potenzjal li tkun strument effettiv sabiex tipproteġi lill-vittmi f'dinja moderna kkaratterizzata minn rata għolja ta' mobilità u nuqqas ta' fruntieri interni; jinnota bi tħassib, madanakollu, li, mit-traspożizzjoni tad-Direttiva EPO, seba' EPOs biss ġew identifikati fost l-Istati Membri, għalkemm eluf ta' ordnijiet ta' protezzjoni nazzjonali ġew mitluba u maħruġa fl-Istati Membri f'dawn l-aħħar snin(20);

5.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma ppreżentatx rapport lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva EPO sal-11 ta' Jannar 2016; jistieden lill-Kummissjoni tissodisfa l-obbligi ta' rappurtar tagħha kif stabbilit fid-Direttiva u tinkludi fir-rapport tagħha elenku ta' miżuri ta' protezzjoni nazzjonali, ħarsa ġenerali tal-attivitajiet ta' taħriġ, analiżi tal-konformità tal-Istati Membri mad-dritt tal-vittmi għal għajnuna legali b'xejn, inkluża informazzjoni dwar jekk kienx hemm spejjeż imġarrba mill-vittmi fir-rigward ta' ordni ta' protezzjoni u elenku ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni li ġew organizzati fl-Istati Membri;

6.  Ifakkar fl-obbligu tal-istat ta' eżekuzzjoni li jirrikonoxxi l-EPO bl-istess prijorità tal-istat emittenti, minkejja d-diversi kumplessitajiet u l-isfidi legali involuti;

7.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li hemm lakuna sinifikanti bejn il-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni fost l-Istati Membri meta EPO tiġi eżegwita; jistieden lill-Istati Membri biex itejbu u b'mod konġunt isaħħu l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni fir-rigward tal-EPO, peress li dan jagħti bidu għal proċeduri aktar effiċjenti u azzjoni transkonfinali simultanja fost l-Istati Membri;

8.  Jinsisti li l-ġbir tad-data statistika jeħtieġ li jittejjeb sabiex jiġu vvalutati l-kobor tal-problema u r-riżultati tal-azzjoni biex titnaqqas il-vjolenza sessista; jistieden lill-Istati Membri jistandardizzaw u jiddiġitalizzaw il-formuli u l-proċeduri tal-EPO u biex jistabbilixxu Sistema ta' Reġistru Nazzjonali ta' EPOs bl-għan li jiġbru data, u kif ukoll itejbu l-iskambju ta' informazzjoni mal-Kummissjoni u l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jiġbru u jikkomunikaw b'mod regolari lill-Kummissjoni data diżaggregata skont is-sess u data relatata man-numru ta' EPOs mitluba, maħruġa u infurzati, kif ukoll informazzjoni dwar it-tipi ta' delitti;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi Sistema ta' Reġistru Nazzjonali biex tiġbor informazzjoni dwar EPOs mill-Istati Membri kollha;

10.  Jitlob li jkun hemm formula waħda standard, valida kemm għal proċeduri kriminali kif ukoll ċivili u fl-Istati Membri kollha, li tiġi mfassla u li tintuża għall-applikazzjoni u r-rikonoxximent ta' ordnijiet ta' protezzjoni; jitlob li tintuża wkoll sistema diġitali ta' ġestjoni biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni, id-data li tinġabar tiġi standardizzata u jitħaffu kemm il-ġestjoni tal-ordnijiet kif ukoll it-tħejjija ta' statistika operattiva fil-livell tal-UE;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippubblikaw il-lista sħiħa tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-ħruġ u r-rikonoxximent tal-EPOs u tal-awtoritajiet ċentrali li jittrażmettu u jirċievu l-EPOs fl-Istati Membri, u biex jagħmlu l-lista faċilment aċċessibbli biex tippermetti lill-persuni protetti u lill-organizzazzjonijiet ta' appoġġ lill-vittmi jitolbu EPOs jew isolvu kwistjonijiet relatati; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-istituzzjonijiet nazzjonali u lokali u lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex itejbu l-aċċessibbiltà u l-applikabbiltà tal-EPO b'mod li jwassal għall-ħruġ ta' EPOs;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni trawwem il-forom kollha ta' skambju ta' prattiki tajbin u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili sabiex jiġi salvagwardjat il-funzjonament adegwat tal-EPOs;

13.  Jenfasizza li l-vittmi tal-kriminalità li għandhom jew li jistgħu jikkunsidraw li jiksbu ordni ta' protezzjoni nazzjonali għandhom jiġu infurmati u mfakkra b'mod awtomatiku u xieraq minn awtorità responsabbli speċifika, kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub, dwar il-possibbiltà li jitolbu EPO waqt il-proċedimenti kriminali; jenfasizza li l-persuna protetta ma għandhiex teħel spejjeż finanzjarji meta titlob li tinħareġ EPO;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jwettqu valutazzjoni individwali, billi jadottaw approċċ sensittiv għall-ġeneru, fir-rigward tal-għoti ta' assistenza u miżuri ta' appoġġ meta jintalbu EPOs;

15.  Jiddeplora n-nuqqas ta' aċċess għall-ġustizzja u l-għajnuna legali lill-vittmi ta' kull tip ta' delitt f'uħud mill-Istati Membri li jirriżulta f'informazzjoni fqira pprovduta lill-vittma dwar il-possibbiltà li titlob EPO; iqis li l-għoti ta' għajnuna legali b'xejn, appoġġ amministrattiv u informazzjoni adegwata dwar l-EPO lill-persuni protetti għandhom jiġu żgurati mill-Istati Membri peress li dan huwa kruċjali għall-użu u l-effikaċja tal-istrument, kemm fil-fażi tal-ħruġ kif ukoll tal-infurzar; jistieden lill-Istati Membri jżidu r-riżorsi ddedikati għall-monitoraġġ u l-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa f'żoni rurali;

16.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinnotifikaw lill-persuni protetti dwar ir-riżorsi addizzjonali ta' għajnuna soċjali disponibbli fl-istat ospitanti, fosthom benefiċċji tal-familja, akkomodazzjoni eċċ. peress li dawn il-miżuri jinsabu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-EPO;

17.  Jenfasizza li, bħala parti mill-protezzjoni u l-ħidma soċjali komplementari, għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tfal vittmi u lit-tfal tal-vittmi ta' azzjonijiet kriminali, speċjalment meta jkunu fir-riskju ta' attakk sesswali;

18.  Jiddeplora l-fatt li s-servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni fil-lingwa li l-vittma tifhem mhumiex iggarantiti mill-Istati Membri qabel, matul u wara l-ħruġ ta' EPO;

19.  Jenfasizza li l-vittmi dejjem għandu jkollhom id-dritt li jinstemgħu waqt il-proċeduri tal-EPO; jenfasizza li s-servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni jeħtieġ li jkunu disponibbli u mingħajr ħlas matul il-proċess kollu tal-EPO; jenfasizza, għalhekk, li d-dokumenti kollha rilevanti għandhom jiġu tradotti f'lingwa li tinftiehem mill-vittma;

20.  Jiddeplora n-nuqqas ta' miżuri speċjali implimentati mill-Istati Membri għall-vittmi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli jew vittmi bi bżonnijiet speċifiċi; jikkunsidra li t-tnaqqis fl-infiq pubbliku spiss jaffettwa b'mod negattiv ir-riżorsi disponibbli għal dawn il-miżuri speċjali; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-organizzazzjonijiet rilevanti li jaħdmu fil-qasam tal-protezzjoni tal-vittmi, jadottaw linji gwida u miżuri speċjali li jiffaċilitaw l-EPO għall-vittmi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli jew vittmi bi bżonnijiet speċifiċi;

21.  Jenfasizza li minħabba t-tendenza dejjem tikber u perikoluża tat-traffikar tal-bnedmin, l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni tista' tkun strument ta' benefiċċju kbir għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tinkorpora lill-EPO fi ħdan strateġija tal-UE sabiex tikkumbatti t-traffikar tal-bnedmin;

22.  Iqis li, sabiex tilħaq il-potenzjal tagħha u biex jiġu żgurati miżuri ta' protezzjoni kemm fl-istat emittenti kif ukoll fl-istat ta' eżekuzzjoni, il-ħruġ ta' ordni ta' protezzjoni jrid ikun kemm jista' jkun rapidu, effettiv, effiċjenti u awtomatiku u jinvolvi burokrazija minima; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu qafas ta' żmien ċar u qasir ta' ġimagħtejn għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta joħorġu EPOs u jinnotifikaw dwarhom sabiex jevitaw li jżidu l-inċertezza ta' persuni protetti u l-pressjoni li jkunu taħtha, u biex jinkiseb l-istess għan, jagħtu istruzzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti biex jipprovdu informazzjoni suffiċjenti lill-vittmi waqt il-proċess ta' teħid ta' deċiżjoni dwar it-talbiet tagħhom għal EPO, inkluż li jinnotifikawhom dwar kwalunkwe inċident li jseħħ waqt din il-proċedura; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, f'dan il-kuntest, jallokaw biżżejjed riżorsi lill-awtoritajiet li jaħdmu fuq EPOs sabiex jiffaċilitaw sistema effiċjenti li tqis is-sitwazzjoni tal-vittma;

23.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu b'mod dovut l-interessi tal-persuna protetta u jkunu żona sikura għall-persuni li jirrappurtaw vjolenza billi jirrispettaw bis-sħiħ l-obbligu li ma jinfurmawx lill-persuna li tikkawża l-periklu dwar il-post u dettalji oħra rigward il-persuna protetta – sakemm ma jkunx strettament meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-ordni ta' protezzjoni; jenfasizza li kull meta s-sitwazzjoni tirrikjedi li l-awtur tar-reat jiġi infurmat dwar kwalunkwe dettall fir-rigward tal-EPO, il-vittma jeħtiġilha tiġi infurmata b'dik id-deċiżjoni;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jipprevedu proċeduri speċjali biex jiffaċilitaw il-ħruġ ta' EPOs biex jipproteġu lill-membri tal-familja li jgħixu mal-vittma li diġà hija protetta b'EPO;

25.  Jenfasizza l-effiċjenza dejjem tiżdied ta' teknoloġiji ġodda bħalma huma s-sistemi ta' monitoraġġ tal-GPS u l-applikazzjonijiet tal-ismartphone li jattivaw allarm meta l-periklu jkun imminenti bħala mezz biex tittejjeb l-effiċjenza u l-adattabbiltà tal-EPOs kemm fi ħdan l-istat emittenti kif ukoll dak ta' eżekuzzjoni; jinsab imħasseb dwar il-fatt li għadd limitat ta' Stati Membri jużaw tali teknoloġiji ġodda;

26.  Jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ tal-EPOs fl-istat ta' eżekuzzjoni fir-rigward tat-theddida li għaliha l-vittma tkun esposta sabiex jiddetermina jekk il-miżuri ta' protezzjoni adottati jkunux ġew implimentati sew u jekk ikunx hemm bżonn li jiġu riveduti;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni ta' din id-direttiva u tagħti bidu għal proċeduri ta' ksur mingħajr dewmien kontra l-Istati Membri kollha li jiksruha;

28.  Iħeġġeġ, b'mod konformi mal-viżjoni li spiss itennu l-assoċjazzjonijiet tal-vittmi tal-vjolenza sessista, biex jiġu ppruvati proċeduri li jbiddlu l-approċċ tradizzjonali dwar kif jitqies il-kunċett ta' protezzjoni fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri; jenfasizza li, pjuttost mill-konċentrazzjoni fuq miżuri għall-vittmi, kif spiss ikun il-każ, it-tekniki biex jiġu evitati r-riskji għandhom jinkludu miżuri ta' prevenzjoni, sorveljanza, kontroll u monitoraġġ tal-persuni li jikkawżaw il-ħsara, u li l-miżuri preventivi użati għandhom jinkludu, bħala prijorità, ir-riedukazzjoni obbligatorja għall-awturi tar-reati;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu eżami bir-reqqa tal-possibbiltajiet ta' kif itejbu l-leġiżlazzjoni relatata mal-EPO u l-implimentazzjoni effettiva tagħha fl-Istati Membri kollha tal-UE u appoġġ prattiku sabiex jiggarantixxu d-drittijiet għall-protezzjoni internazzjonali u għall-assistenza u l-appoġġ li jgawdu l-vittmi ta' vjolenza protetti fil-livell nazzjonali;

30.  Jistieden lill-aġenziji tal-UE bħall-FRA u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva b'mod regolari;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għal monitoraġġ u rappurtar tas-soċjetà ċivili sabiex ittejjeb il-funzjonament tal-istrument tal-EPO fl-Istati Membri u għal dan il-għan tagħmel fondi tal-UE disponibbli għall-NGOs;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sejħiet għall-promozzjoni tar-riċerka dwar l-użu ta' ordnijiet ta' protezzjoni nazzjonali u Ewropej, u biex tikkoordina programmi biex tibda kampanji ta' sensibilizzazzjoni fi ħdan l-Istati Membri biex tinforma lill-vittmi tal-kriminalità bil-possibbiltà li japplikaw għal EPO u dwar il-miżuri protettivi transkonfinali;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-ħidma tagħhom mal-NGOs u jipprovdu korsijiet ta' taħriġ obbligatorji bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem, orjentati lejn is-servizzi, prattiċi u intersezzjonali għall-uffiċjali pubbliċi kollha li jaħdmu mal-vittmi fuq bażi professjonali f'relazzjoni mal-EPO u li huma essenzjali għall-implimentazzjoni korretta ta' din id-direttiva; jenfasizza li taħriġ u korsijiet speċifiċi u regolari dwar l-EPOs għall-pulizija, il-persunal tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u għall-prattikanti legali, il-ħaddiema u l-assoċjazzjonijiet soċjali u l-NGOs li jittrattaw vittmi ta' vjolenza sessista għandhom jiġu stabbiliti fl-Istati Membri kollha; jitlob li l-persunal li jaħdem f'każijiet ta' vjolenza sessista jirċievi taħriġ adegwat dwar l-apprezzament tal-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa li jkunu vittmi ta' vjolenza u li jiġu allokati biżżejjed riżorsi sabiex il-vjolenza sessista tingħata prijorità;

34.  Jistieden lill-Istati Membri biex, minħabba l-fatt li l-misoġinija u s-sessiżmu għandhom għeruq fondi fis-soċjetajiet tagħna u l-fatt li t-tfal u l-adolexxenti qed ikunu dejjem aktar esposti għall-vjolenza onlajn, jinkludu edukazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nonvjolenza fil-kurrikulu tal-iskola primarja u sekondarja billi jaraw li l-istudenti jieħdu sehem f'diskussjonijiet u billi jagħmlu użu mill-opportunitajiet kollha possibbli tat-tagħlim;

35.  Jenfasizza li l-mezzi ġodda ta' komunikazzjoni, pereżempju permezz ta' pjattaformi diġitali, qed jintużaw bħala forma ġdida ta' vjolenza sessista li jinkludu wkoll it-theddid u l-fastidju; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membrji jinkludu dawn l-aspetti meta joħorġu u/jew jeżegwixxu EPO;

Rakkomandazzjonijiet ġenerali relatati mal-vjolenza sessista

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-protezzjoni taċ-ċittadini kollha, speċjalment dawk li jinsabu fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli, fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, b'enfasi fuq il-vittmi tal-kriminalità bħat-traffikar tal-bnedmin jew il-vjolenza sessista, inklużi l-vittmi tat-terroriżmu, li wkoll jeħtieġu attenzjoni speċjali, appoġġ u rikonoxximent soċjali;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kampanji biex tinkoraġġixxi lin-nisa jirrappurtaw kwalunkwe forma ta' vjolenza fuq il-bażi tas-sess, biex b'hekk jistgħu jkunu protetti u sabiex l-eżattezza tad-data dwar il-vjolenza sessista tkun tista' tittejjeb;

38.  Jenfasizza li, b'konformità mar-rapport ta' valutazzjoni mfassal mill-EPRS, l-ewwel kawża tal-livelli differenti tal-użu tal-ordnijiet ta' protezzjoni nazzjonali u Ewropej hija li l-vittmi u ħafna professjonisti mhumiex konxji dwar il-possibbiltajiet li toffri din id-Direttiva; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jassumu responsabbiltà sħiħa għaċ-ċittadini tagħhom u – bl-involviment tal-NGOs rilevanti – iniedu kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' sensitizzazzjoni intersezzjonali fit-tul dwar l-istrumenti disponibbli u l-użu tagħhom, li jkunu mmirati lejn a) is-soċjetà kollha kemm hi, b) il-vittmi potenzjali, speċjalment in-nisa b'ordnijiet ta' protezzjoni nazzjonali fis-seħħ, u c) il-professjonisti, bħall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, l-uffiċjali fis-sistema ġudizzjarja u dawk li jipprovdu għajnuna legali u s-servizzi soċjali u ta' emerġenza, li huma l-ewwel li jittrattaw il-vittmi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tipprovdi finanzjament biex tniedi programmi ta' informazzjoni;

39.  Jirrikonoxxi l-eżistenza ta' portal tal-ġustizzja elettronika ġestit mill-Kummissjoni b'kontributi mill-Istati Membri; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex testendi t-"taqsima tal-vittmi" eżistenti fi ħdan il-portal tal-ġustizzja elettronika u biex tinkludi l-informazzjoni kollha rilevanti dwar id-drittijiet tal-vittmi, inklużi linji gwida speċifiċi għall-pajjiżi dwar każijiet ta' vjolenza; jenfasizza l-ħtieġa li titfassal "taqsima tal-vittmi" bħala għodda prattika li tintuża faċilment u sors ta' informazzjoni li għandha tkun disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu sit web faċli għall-utent iddedikat għad-drittijiet tal-vittmi li jinkludi wkoll l-EPO u pjattaforma ta' rappurtar diġitali biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni ta' vjolenza sessista, u li tkun faċilment aċċessibbli pereżempju permezz ta' portali nazzjonali tal-informazzjoni dwar il-ġustizzja;

40.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-ħidma tagħhom mal-NGOs li jipproteġu lill-vittmi tal-vjolenza sabiex ifasslu strateġiji li jinkludu miżuri proattivi u reattivi fir-rigward tal-vjolenza sessista, il-funzjonament tal-istrument EPO u l-bidliet meħtieġa fil-leġiżlazzjoni u l-appoġġ;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta att legali li jappoġġja lill-Istati Membri fil-prevenzjoni u t-trażżin ta' kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u tal-vjolenza sessista;

42.  Jistieden lill-Kunsill jattiva l-klawżola passerelle billi jadotta deċiżjoni unanima biex tiġi identifikata l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet (u forom oħra ta' vjolenza sessista) bħala reat kriminali skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE;

43.  Iħeġġeġ, bħala kwistjoni ta' urġenza, li tittieħed azzjoni li twassal għal konverġenza progressiva tal-leġiżlazzjoni dwar imġiba vjolenti li tirriżulta f'ordnijiet ta' protezzjoni; jenfasizza li attakki li jkollhom fil-mira n-nisa b'mod partikolari huma kwistjoni serja u għandhom ikunu punibbli bħala reat fl-Istati Membri kollha, u l-miżuri ta' protezzjoni f'każijiet ta' vjolenza sessista għandhom ukoll jinħarġu mill-qrati;

Għal qafas legali koerenti tal-UE li jipproteġi lill-vittmi

44.  Jilqa' l-iffirmar, fit-13 ta' Ġunju 2017, tal-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta' Istanbul, li ssegwi approċċ olistiku, komprensiv u kkoordinat, li jpoġġi d-drittijiet tal-vittma fiċ-ċentru u li għandu jkun konness b'mod sħiħ mal-EPO; jistieden lill-Istati Membri jikkonkludu adeżjoni wiesgħa mal-Konvenzjoni sabiex jipprevjenu l-vjolenza fuq in-nisa, jikkumbattu l-impunità u jipproteġu l-vittmi; jenfasizza l-importanza ta' dan l-istrument biex jingħeleb wieħed mill-ostakoli għall-applikazzjoni tal-EPOs, jiġifieri n-nuqqas ta' rikonoxximent ta' stalking bħala reat kriminali fl-Istati Membri kollha; f'konformità mar-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, jitlob lill-Kummissjoni taħtar koordinatur tal-UE dwar il-Vjolenza fuq in-Nisa li jkun responsabbli għall-koordinazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki, l-istrumenti u l-miżuri tal-UE sabiex tipprevjeni u tiġġieled il-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u jaġixxi bħala rappreżentant tal-UE għall-Kumitat tal-Partijiet għall-Konvenzjoni;

45.  Jistieden lill-Istati Membri kollha li għadhom m'għamlux dan, biex jirratifikaw u jinfurzaw bis-sħiħ il-Konvenzjoni ta' Istanbul u jallokaw riżorsi finanzjarji u umani adegwati għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza sessista, inkluż bl-għoti ta' setgħa lin-nisa u l-bniet, billi jipproteġu lill-vittmi u billi jgħinuhom jingħataw kumpens;

46.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw taħriġ, proċeduri u linji gwida xierqa għall-professjonisti kollha li jittrattaw il-vittmi tal-atti kollha ta' vjolenza koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, sabiex jiġu evitati diskriminazzjoni jew rivittimizzazzjoni matul il-proċedimenti ġudizzjarji, mediċi, u dawk immexxija mill-pulizija;

47.  Jilqa' l-obbligu stipulat mill-Konvenzjoni ta' Istanbul li jiġu stabbiliti linji telefoniċi għall-għajnuna mingħajr ħlas mifruxa mal-istat kollu 24/7 sabiex dawk il-persuni li jċemplu jingħataw parir fir-rigward tal-forom kollha ta' vjolenza koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw din l-għodda f'każijiet rilevanti u jipprovdu lill-vittmi b'informazzjoni relatata mal-EPO;

48.  Jenfasizza li n-nuqqasijiet ġudizzjarji u prattiċi fl-implimentazzjoni ta' din id-direttiva jistgħu jiġu kontrobilanċjati mill-interazzjoni xierqa bejn id-diversi strumenti tal-UE għall-protezzjoni tal-vittmi, bħad-Deċiżjoni Qafas dwar miżuri ta' superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja u d-Deċiżjoni Qafas dwar miżuri ta' probation(21), ir-Regolament 606/2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili(22) u d-Direttiva 2012/29/UE tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi dwar id-drittijiet, appoġġ u protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, li stabbiliet id-dritt li wieħed jirċievi informazzjoni u li jirċievi servizzi ta' interpretazzjoni u traduzzjoni ta' informazzjoni bla ħlas u li tadotta approċċ komprensiv għall-vittmi bi bżonnijiet speċjali, inklużi l-vittmi ta' vjolenza sessista;

49.  Jistieden lill-Istati Membri jinfurmaw lill-vittmi dwar miżuri oħra ta' protezzjoni fil-każ li l-istat ta' eżekuzzjoni ma jibqax jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-direttiva;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni bil-għan li tirrevedi l-istrumenti eżistenti ta' protezzjoni legali għall-vittmi tal-kriminalità u tistabbilixxi qafas legali koerenti tal-UE għaliha;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif din id-direttiva hija applikata b'rabta mal-istrument relatat f'materji ċivili, jiġifieri r-Regolament tal-UE Nru 606/2013 u biex tipproponi linji gwida dwar kif dawn iż-żewġ strumenti legali tal-UE li qegħdin ifittxu li jipproteġu lill-vittmi billi jirrikonoxxu miżuri ta' protezzjoni adottati skont proċeduri legali ċivili jew kriminali jistgħu jiġu applikati b'mod aktar effiċjenti mill-Istati Membri;

°

°  °

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

(1)

ĠU L 131, 20.5.2017, p. 11.

(2)

ĠU L 131, 20.5.2017, p. 13.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0329.

(4)

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(5)

ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.

(6)

ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.

(7)

ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.

(8)

ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4.

(9)

ĠU L 337, 16.12.2008, p. 102.

(10)

ĠU L 294, 11.11.2009, p. 20.

(11)

ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

(12)

ĠU C 187, 28.6.2011, p. 1.

(13)

ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(14)

ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 53.

(15)

ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 35.

(16)

Testi adottati, P7_TA(2014)0126.

(17)

ĠU C 407, 4.11.2016, p. 2.

(18)

Ir-rapport tal-FRA bit-titolu "Violence against Women: an EU-wide survey. Main results report" (Il-vjolenza fuq in-nisa: stħarriġ madwar l-UE. Ir-rapport tar-riżultati ewlenin) juri li mara minn kull tlieta (33 %) esperjenzat vjolenza fiżika u/jew sesswali mill-età ta' 15-il sena; mara waħda minn kull ħamsa (18 %) esperjenzat stalking u mara waħda minn kull tnejn (55 %) ħabbtet wiċċha ma' xi forma jew aktar forom ta' fastidju sesswali. Minħabba dan, il-vjolenza kontra n-nisa ma tistax titqies bħala kwistjoni marġinali li tolqot biss il-ħajja ta' ftit nisa.

(19)

https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list/-/conventions/treaty/210/signatures?desktop=true

(20)

L-istudju tal-EPRS bit-titolu "European Protection Order Directive 2011/99/EU – European Implementation Assessment" (Direttiva dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni 2011/99/UE – Valutazzjoni ta' Implimentazzjoni Ewropea) jirrapporta li "huwa stmat li fl-2010 aktar minn 100 000 mara li għandhom residenza fl-UE kienu koperti minn miżuri ta' protezzjoni relatati ma' vjolenza sessista".

(21)

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta' superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja, ĠU L 294, 11.11.2009, p. 20, u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta' sorveljanza ta' miżuri ta' probation u ta' sanzjonijiet alternattivi, f'każ li awtur ta' reat kif ukoll il-vittma jiċċaqilqu fi Stat Membru ieħor, ĠU L 337, 16.12.2009, p. 102.

(22)

Ir-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili, ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

27.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

54

6

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Martina Anderson, Maria Arena, Heinz K. Becker, Monika Beňová, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Frank Engel, Ana Gomes, Sylvie Guillaume, Monika Hohlmeier, Mary Honeyball, Sophia in ‘t Veld, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Monica Macovei, Florent Marcellesi, Roberta Metsola, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Maria Noichl, Liliana Rodrigues, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Michaela Šojdrová, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Ángela Vallina, Udo Voigt, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Anna Záborská, Tomáš Zdechovský, Auke Zijlstra, Maria Gabriela Zoană

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Rosa Estaràs Ferragut, Maria Grapini, Lívia Járóka, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Urszula Krupa, Jeroen Lenaers, Andrejs Mamikins, Christine Revault d’Allonnes Bonnefoy, Jaromír Štětina

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Franc Bogovič, Iris Hoffmann, Peter Jahr, Ivan Jakovčić, Svetoslav Hristov Malinov, Dennis Radtke, Julia Reid, Dominique Riquet, Tadeusz Zwiefka


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

54

+

ALDE

Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Sophia in 't Veld, Ivan Jakovčić, Dominique Riquet, Cecilia Wikström

ECR

Monica Macovei, Helga Stevens

GUE/NGL

Martina Anderson, Malin Björk, Ángela Vallina

PPE

Asim Ademov, Heinz K. Becker, Franc Bogovič, Frank Engel, Rosa Estaràs Ferragut, Monika Hohlmeier, Peter Jahr, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Barbara Kudrycka, Jeroen Lenaers, Svetoslav Hristov Malinov, Roberta Metsola, Dennis Radtke, Csaba Sógor, Michaela Šojdrová, Jaromír Štětina, Traian Ungureanu, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Tomáš Zdechovský, Tadeusz Zwiefka

S&D

Maria Arena, Monika Beňová, Vilija Blinkevičiūtė, Ana Gomes, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Iris Hoffmann, Mary Honeyball, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Maria Noichl, Christine Revault d'Allonnes Bonnefoy, Liliana Rodrigues, Birgit Sippel, Maria Gabriela Zoană

VERTS/ALE

Florent Marcellesi, Judith Sargentini

6

-

ECR

Urszula Krupa, Branislav Škripek

EFDD

Julia Reid

ENF

Auke Zijlstra

NI

Udo Voigt

S&D

Josef Weidenholzer

1

0

PPE

Anna Záborská

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' April 2018Avviż legali