Proċedura : 2017/2181(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0077/2018

Testi mressqa :

A8-0077/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.67

Testi adottati :

P8_TA(2018)0172

RAPPORT     
PDF 752kWORD 65k
22.3.2018
PE 613.430v01-00 A8-0077/2018

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja ◄2016►

(2017/2181(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Brian Hayes

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja ◄2016►

(2017/2181(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05943/2018 – C8-0090/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta' Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta' ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR)(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(b) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0077/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta SESAR għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta SESAR, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2181(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(6),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(7) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05943/2018 – C8-0090/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(8), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta' Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta' ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR)(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(b) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0077/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta SESAR, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2181(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0077/2018),

A.  billi l-Impriża Konġunta SESAR ("l-Impriża Konġunta") twaqqfet fi Frar 2007 biex tmexxi l-programm ta' Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), li huwa intenzjonat biex jimmodernizza l-ġestjoni tat-traffiku fl-Ewropa,

B.  billi wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 721/2014, il-programm SESAR 2 estenda t-tul ta' żmien tal-Impriża Konġunta sal-31 ta' Diċembru 2024;

C.  billi l-Impriża Konġunta ġiet imfassla bħala sħubija pubblika-privata, bl-Unjoni u Eurocontrol bħala membri fundaturi;

D.  billi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-fażi ta' attwazzjoni tal-Programm SESAR 2 2014-2024 iffinanzjat minn Orizzont 2020 hija ta' EUR 585 000 000; billi skont il-Ftehimiet ta' Sħubija l-ġodda tal-Orizzont 2020, il-kontribuzzjoni minn Eurocontrol mistennija li tkun ta' madwar EUR 500 000 000, u l-kontribuzzjoni tas-sħab l-oħra mill-industrija tal-avjazzjoni mistennija li tkun ta' madwar EUR 720 700 000 li 90 % minnha għandha tkun in natura;

Segwitu għall-kwittanza 2015

1.  Jinnota li l-Impriża Konġunta inkorporat fil-proċeduri tagħha l-mudell komuni għad-dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess;

Ġenerali

2.  Josserva mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") dwar il-kontijiet tal-Impriża Konġunta għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2016 (ir-"rapport tal-Qorti") li jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta' Diċembru 2016, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni;

3.  Jirrikonoxxi li r-rapport tal-Qorti jiddikjara li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2016 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

4.  Jinnota li fl-2016, il-baġit tal-pagamenti tal-Impriża Konġunta kien ta' EUR 157 100 000 (2015: EUR 136 900 000);

5.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-baġit finali 2016 disponibbli mis-Seba' Programm Kwadru ("FP7") u mill-Orizzont 2020 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn ta' EUR 101 400 000 u approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 162 800 000;

6.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, ir-rati ta' utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kienu ta' 95,7 % u 63,2 % rispettivament; jesprimi tħassib dwar il-fatt li r-rata baxxa ta' implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' pagament hija prinċipalment dovuta għal dewmien fl-implimentazzjoni tal-istudji u l-iżviluppi li twettqu mill-membri tal-Impriża Konġunta; jirrikonoxxi li waħda mir-raġunijiet ewlenin għad-dewmien fl-implimentazzjoni tal-pagamenti għall-istudji u l-iżviluppi tal-membri kienet id-diffikultajiet biex jiġu adattati l-għodod komuni tal-IT tal-Orizzont 2020 għall-bżonnijiet speċjali tal-Impriża Konġunta; madankollu, għandha tingħata prijorità biex jiġi żgurat li fil-futur ma jerġgħux iqumu dawn il-kwistjonijiet;

7.  Jinnota li, bħala parti mill-awditu tal-2016 ġew awditjati 383 dikjarazzjoni tal-ispejjeż, li jirrappreżentaw il-15-il Membru kollha u li jammontaw għal EUR 77 000 000 jew 10 % tal-ispejjeż totali ddikjarati ta' EUR 728 800 000, b'rata tal-iżball residwu ta' 1,34 %;

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt l-FP7 u t-TEN-T

8.  Jinnota li mill-baġit operattiv u amministrattiv totali ta' EUR 892 800 000 għall-attivitajiet ta' SESAR I, sa tmiem l-2016 l-Impriża Konġunta SESAR kienet għamlet impenji ta' EUR 827 400 000 u pagamenti ta' EUR 704 200 000 (79 % tal-baġit disponibbli);

9.  Jinnota li mill-ammont ta' EUR 1 254 500 000 ta' kontribuzzjonijiet in natura u kontribuzzjonijiet fi flus kontanti li għandhom isiru mill-membri l-oħra għall-attivitajiet operattivi u amministrattivi tal-Impriża Konġunta (EUR 670 200 000 mill-Eurocontrol u EUR 584 300 000 mill-membri tas-settur tat-traffiku tal-ajru), sa tmiem l-2016 l-Impriża Konġunta kienet ivvalidat kontribuzzjonijiet li jammontaw għal EUR 910 000 000 (EUR 427 700 000 mill-Eurocontrol u EUR 482 300 000 mis-settur tat-traffiku tal-ajru); jinnota, barra minn hekk, li sa tmiem l-2016, kienu ġew rappurtati kontribuzzjonijiet in natura li jammontaw għal EUR 133 500 000 mill-membri l-oħra lill-Impriża Konġunta (EUR 49 200 000 mill-Eurocontrol u EUR 84 200 000 mill-membri tas-settur tat-traffiku tal-ajru);

10.  Jinnota li fi tmiem l-2016, il-kontribuzzjonijiet kumulattivi fi flus kontanti mill-Unjoni kienu jammontaw għal EUR 597 100 000, meta mqabbla mat-total tal-kontribuzzjonijiet in natura u fi flus kontanti mill-Eurocontrol, li jammonta għal EUR 476 900 000, u EUR 566 500 000 mill-membri tas-settur tat-traffiku tal-ajru;

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt Orizzont 2020

11.  Jinnota li mill-ammont ta' EUR 585 000 000 ta' fondi taħt Orizzont 2020 li ġew allokati lill-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni ta' SESAR 2020, sa tmiem l-2016, l-Impriża Konġunta kienet għamlet impenji ta' EUR 61 600 000 u pagamenti ta' EUR 49 900 000 (8,5 % tal-fondi allokati); jinnota, barra minn hekk, li l-pagamenti kienu prinċipalment pagamenti ta' prefinanzjament għall-ewwel sensiela ta' proġetti ta' SESAR 2020;

12.  Jinnota li sa tmiem l-2016, il-kontribuzzjonijiet kumulattivi fi flus kontanti mill-Unjoni għall-attivitajiet operattivi tal-Impriża Konġunta kienu jammontaw għal EUR 56 800 000;

13.  Jenfasizza li huwa mistenni li l-membri l-oħra jagħmlu kontribuzzjonijiet in natura u fi flus kontanti ta' EUR 1 220 700 000 għall-attivitajiet operattivi tal-Impriża Konġunta għal SESAR 2020 (EUR 500 000 000 mill-Eurocontrol u EUR 720 700 000 mis-settur tat-traffiku tal-ajru); jesprimi t-tħassib tiegħu li sa tmiem l-2016 l-ebda kontribuzzjoni in natura u fi flus kontanti ma kienet ġiet ivvalidata mill-Bord Amministrattiv, jinnota madankollu, li l-proġetti SESAR 2020 kienu fl-istadji bikrin tagħhom; jirrikonoxxi l-fatt li huwa mistenni li l-membri se jissottomettu l-ewwel dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż tagħhom fl-2018, u wara l-Impriża Konġunta se tibda tivvalida l-kontribuzzjonijiet in natura relatati;

14.  Jinnota li l-Impriża Konġunta ffaċċjat diffikultajiet fl-adattament tal-għodod tal-IT ta' Orizzont 2020 għall-ħtiġijiet partikolari tagħha, u dan irriżulta f'dewmien fl-implimentazzjoni tal-pagamenti għall-istudji u l-iżviluppi tal-membri; jiddeplora l-fatt li EUR 14,5 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament – relatati ma' talbiet ta' SESAR 2020 għal proposti u attivitajiet li inizjalment kienu bbaġitjati fl-2016 – kellhom jiġu kkanċellati permezz ta' baġit emendat għall-2016 minħabba fatturi esterni lil hinn mill-kontroll tal-Impriża; huwa mħasseb dwar it-tendenza dejjem tikber ta' impenji pendenti (RAL), li żdiedu minn EUR 72,1 miljun għal EUR 83,8 miljun matul l-2016, u jitlob li din ix-xejra titreġġa' lura wara t-tranżizzjoni għal SESAR 2020;

15.  Jilqa' l-iffirmar tal-ftehim imġedded tal-Impriża Konġunta Eurocontrol/SESAR fl-2016, li jiddefinixxi r-rwol il-ġdid tal-Eurocontrol bħala kofundatur ta' SESAR u li jinkludi sensiela ta' impenji u attivitajiet rigward l-implimentazzjoni ta' SESAR 2020; jilqa' wkoll iż-żieda fin-numru ta' membri għal 19-il membru, li jirrappreżenta 'l fuq minn 100 kumpanija mifruxin mas-settur kollu, li se jipparteċipaw fl-attivitajiet tar-riċerka industrijali, il-validazzjoni u d-dimostrazzjoni ta' SESAR 2020; jieħu nota tal-adozzjoni tal-ewwel edizzjoni tad-Dokument Uniku ta' Programmazzjoni tal-Impriża għall-perjodu 2017-2019;

Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

16.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti, li fil-31 ta' Diċembru 2016, l-Impriża Konġunta kellha 44 membru tal-persunal impjegati magħha (2015: 41);

17.  Jirrimarka li l-Impriża Konġunta wettqet sitt proċeduri ta' akkwist b'valur approssimattiv ta' EUR 22 300 000 f'konformità mar-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta, biex tiżgura kompetizzjoni ġusta fost il-fornituri u l-aktar użu effiċjenti tal-fondi tal-Impriża Konġunta;

18.  Jinnota li fil-proċeduri tagħha għall-akkwist ta' servizzi, l-Impriża Konġunta tistabbilixxi baġit massimu għall-kuntratti; jinsab imħasseb dwar il-fatt li dan l-ammont massimu mhuwiex ibbażat fuq proċess sistematiku ta' stimar tal-ispejjeż fuq sistema raġonevoli ta' referenza għall-prezzijiet tas-suq; jinnota madankollu li dan ma jiżgurax il-kosteffettività tal-kuntratti ta' servizz pluriennali tagħha, billi l-esperjenza turi li l-biċċa l-kbira tal-offerti riċevuti kienu viċin il-baġit massimu; jilqa' l-fatt li wara l-osservazzjoni tal-Qorti, f'April 2017, l-Impriża Konġunta introduċiet metodoloġija biex tivvaluta b'mod sistematiku l-ħtiġijiet u l-ispejjeż għall-kuntratti matul il-fażi ta' ppjanar ta' akkwist;

19.  Jinnota r-riżultati tal-eżerċizzju tal-2016 ta' valutazzjoni komparattiva fil-qasam tar-Riżorsi Umani: 62 % postijiet operattivi, 30 % postijiet amministrattivi u 8 % postijiet newtrali;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

20.  Jinnota li matul l-2016 twettqu disa' awditi minn kumpanija esterna tal-awditjar differenti minħabba li ġie identifikat kunflitt ta' interess ta' Membru mal-awditur statutorju; jieħu nota li l-Impriża Konġunta adottat kuntratt qafas rivedut għas-servizzi tal-awditjar ma' tliet ditti tal-awditjar esterni u l-attività ta' awditjar titwettaq biss minn dawk id-ditti; jenfasizza l-fatt li ebda kwistjoni materjali ma ġiet identifikata mill-awditi mwettqa sa issa li tkun tirrikjedi l-attenzjoni tal-Bord Amministrattiv;

Kontroll Intern

21.  Jilqa b'sodisfazzjon il-fatt li l-Impriża Konġunta stabbiliet proċeduri ta' kontroll ex ante bbażati fuq rieżamijiet finanzjarji u operattivi fl-uffiċċju, u twettaq awditi ex post tal-benefiċjarji;

22.  Jesprimi tħassib li l-Impriża Konġunta għadha ma introduċietx gwida speċifika għall-membri u l-awdituri esterni tagħhom rigward id-dikjarazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri għall-proġetti taħt SESAR 2020; jinsab imħasseb barra minn hekk li l-Impriża Konġunta ma stabbilietx gwida interna dwar il-kontrolli ex ante tagħha tad-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż għall-proġetti SESAR 2020; jilqa' l-fatt li f'Diċembru 2016 il-Bord Amministrattiv tal-Impriża Konġunta adotta d-dokument "Methodology and Validation process for In kind contributions (IKC) in the SJU (SESAR 2020 Programme only)" (Proċess ta' Metodoloġija u Validazzjoni għal Kontribuzzjonijiet in natura fl-SJU (Programm SESAR 2020 biss); jinnota li l-Impriża Konġunta għandha tinvestiga jekk ikun hemm il-ħtieġa li tadatta l-istrateġija ta' kontroll ex ante tal-Kummissjoni għall-Orizzont 2020 għal riskji speċifiċi relatati mal-proġetti SESAR 2020;

23.  Jistieden lill-Impriża Konġunta tistabbilixxi proċedura sistematika interna għall-valutazzjoni mill-ġdid ta' konstatazzjoni ta' vijabbiltà finanzjarja dgħajfa fir-rigward ta' koordinatur ta' proġett ta' għotjiet, inklużi miżuri biex itaffu r-riskju finanzjarju akbar u jikkumpensaw għalih; jinnota n-nuqqas ta' gwida speċifika għall-membri u għall-awdituri esterni tagħhom fir-rigward tad-dikjarazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura li saru mill-membri għal proġetti SESAR 2020, u jistieden lill-Impriża Konġunta tiżviluppa Termini ta' Referenza u ċertifikat mudell qabel ma tirċievi kwalunkwe kontribuzzjoni in natura fl-2018;

24.  Jilqa' l-fatt li l-Impriża Konġunta kompliet tapplika approċċ multidimensjonali bl-iskop li tirrieżamina, timmaniġġja u ttaffi r-riskji b'mod effettiv, u jistenna li l-Impriża Konġunta tagħti attenzjoni partikolari lir-riskji korporattivi kritiċi li tkun identifikat rigward il-Pjan Regolatorju tal-ATM u SESAR 2020; jilqa' l-fatt li l-Bord Amministrattiv tal-Impriża Konġunta adotta l-Istrateġija Kontra l-Frodi fit-18 ta' Marzu 2016;

25.  Jinnota li fir-rigward ta' SESAR 1 ġew ippjanati 21 eżerċizzju ta' awditjar f'ħames Membri magħżula, li minnhom 14 tlestew fl-2016 bħala parti mit-tielet ċiklu ta' awditjar fil-15-il Membru kollha kif deskritt fl-Istrateġija tal-Awditjar Ex Post tal-Impriża Konġunta; jinsab imħasseb dwar ir-rata tal-iżball residwu ta' 6,21 % għas-sena 2016; madankollu, huwa sodisfatt li r-rata tal-iżball residwu kumulattiva ta' SESAR 1 hija ta' 1,34 %;

Awditi interni

26.  Jinnota li f'Ottubru 2015, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditu dwar "Governanza operattiva u aġġornament tal-Pjan Regolatorju"; josserva li l-IAS ħareġ tliet rakkomandazzjonijiet; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet miftuħa li fadal;

27.  Jinnota li f'Ottubru 2016, l-IAS wettaq awditu fuq il-proċessi ta' Orizzont 2020; jinnota l-fatt li l-awditu vvaluta l-konformità tal-Impriża Konġunta mal-proċessi ta' Orizzont 2020, jiġifieri rigward l-identifikazzjoni tas-suġġett, l-evalwazzjoni u l-għażla tal-proposti u l-preparazzjoni tal-ftehimiet tal-għotjiet;

Sejħiet għal proposti

28.  Jinnota li għas-sejħa ristretta għal riċerka industrijali li kienet limitata għall-membri tal-industrija tal-Impriża Konġunta, din tat għotjiet lil konsorzji ta' proġetti, minkejja l-fatt li, f'żewġ każijiet, il-kontrolli tal-vijabbiltà finanzjarja tal-benefiċjarji li twettqu mill-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka kienu indikaw li l-kapaċità finanzjarja tal-membru koordinatur tal-industrija fil-konsorzji kienet dgħajfa; jinnota li dan jimplika riskju finanzjarju ogħla għall-ikkompletar ta' dawk il-proġetti, u r-riskju finanzjarju huwa ogħla wkoll għall-proġetti l-oħra li fihom dawn iż-żewġ benefiċjarji huma involuti; jinnota li f'dawn iż-żewġ każijiet, id-deċiżjoni tad-Direttur Eżekuttiv kienet ibbażata fuq valutazzjonijiet ad hoc u komplementari tar-riskju, li twettqu mill-persunal tal-Impriża Konġunta; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Impriża Konġunta għadha ma stabbilietx proċedura interna sistematika biex issir valutazzjoni mill-ġdid fejn il-vijabbiltà finanzjarja ta' koordinatur ta' proġett li ngħata għotja tkun dgħajfa, u li tkun tinkludi miżuri li jimmitigaw u jikkumpensaw għar-riskju finanzjarju akbar; jinnota li wara r-riżultati ta' valutazzjonijiet tar-riskju komplementari li twettqu f'konformità mal-linji gwida ta' Orizzont 2020, l-Impriża Konġunta sabet li ċ-ċaħda tal-koordinaturi tal-proġetti fuq l-unika bażi tal-analiżi mmexxija mill-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka setgħet esponiet lill-Impriża Konġunta għal riskju sinifikanti ta' litigazzjoni; jinnota li l-Impriża Konġunta taqbel li għandha tiġi stabbilita proċedura interna għal valutazzjoni mill-ġdid tal-vijabbiltà finanzjarja dgħajfa ta' koordinatur ta' proġett li ngħata għotja, inklużi l-miżuri li jimmitigaw u jikkompensaw iż-żieda fir-riskji finanzjarji;

Komunikazzjoni

29.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-Impriża Konġunta tikkomunika maċ-ċittadini tal-Unjoni, permezz tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, rigward ir-riċerka u l-kollaborazzjoni sinifikanti li qed twettaq, tenfasizza l-importanza li ssir enfasi fuq it-titjib reali li twettaq bħala konsegwenza tax-xogħol tagħha, bħala parti importanti mill-mandat tagħha, kif ukoll il-fatt li taħdem ma' impriżi konġunti oħra fil-promozzjoni ta' sensibilizzazzjoni pubblika għall-benefiċċji tax-xogħol tagħhom;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-involviment dirett tal-Impriża Konġunta fil-proċess ta' rieżami ta' nofs it-terminu ta' Orizzont 2020 fil-qasam ta' aktar simplifikazzjonijiet u armonizzazzjoni tal-impriżi konġunti.

Kwistjonijiet oħra

31.  Huwa sodisfatt li l-proġetti SESAR 1 ingħalqu mil-lat operattiv fi tmiem l-2016 u li 61 soluzzjoni li huma lesti għall-industrijalizzazzjoni u l-mobilizzazzjoni, li jinsabu fl-ewwel edizzjoni tal-Katalogu ta' Soluzzjonijiet ta' SESAR, twasslu lill-komunità tal-avjazzjoni; jinnota li 54 soluzzjoni mibdija f'SESAR 1 se jkomplu jiġu żviluppati aktar fil-programm SESAR 2020, li jikkostitwixxi eżempju tal-isforzi biex tiġi żgurata tranżizzjoni effettiva bejn iż-żewġ programmi;

32.  Jistieden lill-Impriża Konġunta u lill-Kummissjoni jevalwaw ir-riżultati tal-mobilizzazzjoni tas-soluzzjoni SESAR, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżgurar tal-interoperabbiltà u mal-passi 'l quddiem fit-tlestija tal-Ajru Uniku Ewropew; waqt li jqis li l-fażi ta' mobilizzazzjoni diġà hija għaddejja, jistieden lil SESAR tibda bl-iżvilupp tal-Proġett Pilota rigward arkitettura ġdida tal-ispazju tal-ajru Ewropew li se jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-effikaċja finanzjarja tal-mobilizzazzjoni;

33.  Jilqa' l-pubblikazzjoni ta' "SESAR European Drones Outlook Study" f'Novembru 2016; iqis li hemm bżonn ta' varjetà ta' innovazzjonijiet, inklużi teknoloġiji relatati mal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru, biex id-droni jiġu integrati b'mod sikur fl-ispazju tal-ajru Ewropew; jinnota b'interess il-ħarsa ġenerali tagħha tal-iżvilupp tas-suq Ewropew tad-droni sal-2050 u l-potenzjal enormi għall-Ewropa u l-kompetittività globali tagħha, kif ukoll l-azzjonijiet li jeħtieġ li jittieħdu fil-ħames sa għaxar snin li ġejjin biex jiġi liberat dak il-potenzjal, inkluż l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp miksub billi tiġi stabbilita, fil-livell tal-Unjoni, ekosistema li tkopri kemm qafas regolatorju kif ukoll it-teknoloġija, u li tgħaqqad flimkien il-partijiet interessati pubbliċi u privati ewlenin, u li tirriżulta fil-forniment ta' livelli ogħla ta' finanzjament tal-Unjoni, prinċipalment bl-għan li tingħata spinta lill-SMEs fis-settur;

34.  Jinnota li l-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew għadha frammentata filwaqt li l-Ajru Uniku Ewropew bħala kunċett għadu ma ntlaħaqx; itenni r-rwol kruċjali tal-Impriża Konġunta fil-koordinament u l-implimentazzjoni tar-riċerka fil-proġett SESAR, li huwa proġett pilastru tal-Ajru Uniku Ewropew, għalkemm l-iskadenza biex jintlaħqu l-objettivi tal-proġett SESAR ġiet posposta mid-data oriġinali tal-2020 għall-2035;

35.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza li tiġi solvuta l-problema tal-frammentazzjoni tal-ajru Ewropew, peress li attwalment is-Suq Uniku Ewropew mhux qed jisfrutta bis-sħiħ il-vantaġġi offruti mill-Ajru Uniku Ewropew;

20.2.2018

OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2181(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Isabella De Monte

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-fatti li rriżultaw lill-Qorti tal-Awdituri fejn sabet li l-kontijiet tal-Impriża Konġunta għar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) ("l-Impriża") għas-sena finanzjarja 2016 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha; jenfasizza r-rilevanza tal-punti magħmula fir-Rapport Speċjali Nru 18/2017 tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-Ajru Uniku Ewropew;

2.  Jinnota li l-2016 kienet sena ta' tranżizzjoni għall-Impriża bit-tlestija u l-għeluq tal-fażi SESAR 1 u t-tisħiħ tal-fażi SESAR 2020, u li l-Impriża ppreżentat il-baġit tagħha f'żewġ taqsimiet separati: (1) SESAR 1 u (2) SESAR 2020; jinnota wkoll li SESAR 1 kienet ikkofinanzjata mit-TEN-T u l-programmi tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka (PK7), u SESAR 2020 hija kkofinanzjata minn Orizzont 2020, u li l-oqfsa regolatorji differenti għal dawn it-taqsimiet tal-baġit ippreżentaw sfida amministrattiva sinifikanti għall-Impriża u l-membri tagħha; jenfasizza li, għal raġunijiet ta' stabilità, dawn il-problemi ma għandhomx jerġgħu jseħħu fil-futur;

3.  Jinnota li l-baġit finali tal-Impriża għas-sena 2016 mill-PK7 u Orizzont 2020 kien ta' EUR 101,4 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' EUR 162,8 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament, u li r-rati ta' implimentazzjoni kienu ta' 95,7 % u 63,2 % rispettivament; jinnota li r-rata baxxa ta' implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' pagament hija prinċipalment minħabba dewmien fl-implimentazzjoni tal-istudji u l-iżviluppi mwettqa mill-membri tal-Impriża; jinnota li, fi tmiem l-2016, għal SESAR 1 il-kontribuzzjoni kumulattiva fi flus kontanti mill-Unjoni kienet ta' EUR 597,1 miljun meta mqabbla ma' total ta' EUR 476,9 miljun f'kontribuzzjonijiet in natura mill-Eurocontrol u EUR 566,5 miljun mill-membri tas-settur tat-traffiku tal-ajru, filwaqt li, għal SESAR 2020, il-kontribuzzjoni kumulattiva fi flus kontanti mill-Unjoni kienet ta' EUR 56,8 miljun, u l-ebda kontribuzzjoni in natura jew fi flus kontanti ma kienet ġiet ivvalidata minn membri oħra għaliex il-proġetti kienu fl-istadji bikrijin tagħhom;

4.  Jinnota li l-Impriża ffaċċjat diffikultajiet fl-adattament tal-għodod tal-IT ta' Orizzont 2020 għall-ħtiġijiet partikolari tagħha, u dan irriżulta f'dewmien fl-implimentazzjoni tal-pagamenti għall-istudji u l-iżviluppi tal-membri; jiddeplora l-fatt li EUR 14,5-il miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament – relatat ma' talbiet ta' SESAR 2020 għal proposti u attivitajiet li inizjalment kienu bbaġitjati fl-2016 – kellhom jiġu kkanċellati permezz ta' baġit emendat għall-2016 minħabba fatturi esterni lil hinn mill-kontroll tal-Impriża; huwa mħasseb dwar it-tendenza dejjem tikber ta' impenji pendenti (RAL), li żdiedu minn EUR 72,1 miljun għal EUR 83,8 miljun matul l-2016, u jitlob li din ix-xejra tinqeleb wara t-tranżizzjoni għal SESAR 2020;

5.  Huwa sodisfatt li l-proġetti SESAR 1 ingħalqu mil-lat operattiv fi tmiem l-2016 u li 61 soluzzjoni li huma lesti għall-industrijalizzazzjoni u l-mobilizzazzjoni, li jinsabu fl-ewwel edizzjoni tal-Katalogu ta' Soluzzjonijiet ta' SESAR, twasslu lill-komunità tal-avjazzjoni; jinnota li 54 soluzzjoni mibdija f'SESAR 1 se jkomplu jiġu żviluppati aktar fil-programm SESAR 2020, li jikkostitwixxi eżempju tal-isforzi biex tiġi żgurata tranżizzjoni effettiva bejn iż-żewġ programmi;

6.  Jistieden lil SESAR u lill-Kummissjoni jevalwaw ir-riżultati tal-mobilizzazzjoni tas-soluzzjoni SESAR, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżgurar tal-interoperabilità u mal-passi 'l quddiem fit-tlestija tal-Ajru Uniku Ewropew; waqt li jqis li l-fażi ta' mobilizzazzjoni diġà hija għaddejja, jistieden lil SESAR tibda bl-iżvilupp tal-Proġett Pilota rigward arkitettura ġdida tal-ispazju tal-ajru Ewropew li se jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-effikaċja finanzjarja tal-mobilizzazzjoni;

7.  Jilqa' l-iffirmar tal-ftehim imġedded tal-Impriża Konġunta Eurocontrol/SESAR fl-2016, li jiddefinixxi r-rwol il-ġdid tal-Eurocontrol bħala kofundatur ta' SESAR u li jinkludi sensiela ta' impenji u attivitajiet rigward l-implimentazzjoni ta' SESAR 2020; jilqa' wkoll iż-żieda fin-numru ta' membri għal 19-il membru, li jirrappreżenta 'l fuq minn 100 kumpanija mifruxin mas-settur kollu, li se jipparteċipaw fl-attivitajiet tar-riċerka industrijali, il-validazzjoni u d-dimostrazzjoni ta' SESAR 2020; jinnota l-adozzjoni tal-ewwel edizzjoni tad-Dokument Uniku ta' Programmazzjoni tal-Impriża għall-perjodu 2017-2019;

8.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li fil-proċedura tagħha għas-servizzi ta' akkwist, l-Impriża tistabbixxi baġit kuntrattwali massimu, li ma jidhirx li hu bbażat fuq proċess ta' stima tal-kostijiet u fuq sistema raġonevoli ta' referenza tal-prezz tas-suq; jitlob lill-Impriża tistabbilixxi proċessi ta' stima tal-kostijiet xierqa qabel ma tagħti bidu għal proċeduri ta' akkwist, abbażi ta' sistema raġonevoli ta' referenza, sabiex tiżgura l-effikaċja tal-kuntratti ta' servizz pluriennali tagħha meta mqabbel mal-kostijiet;

9.  Jistieden lill-Impriża tistabbilixxi proċedura sistematika interna għall-valutazzjoni mill-ġdid ta' konstatazzjoni ta' vijabilità finanzjarja dgħajfa fir-rigward ta' koordinatur ta' proġett ta' għotjiet, inklużi miżuri biex itaffu r-riskju finanzjarju akbar u jikkumpensaw għalih; jinnota n-nuqqas ta' gwida speċifika għall-membri u għall-awdituri esterni tagħhom fir-rigward tad-dikjarazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura li saru mill-membri għal proġetti SESAR 2020, u jistieden lill-Impriża tiżviluppa Termini ta' Referenza u ċertifikat mudell qabel ma tirċievi kwalunkwe kontribuzzjoni in natura fl-2018;

10.  Jilqa' l-pubblikazzjoni ta' "SESAR European Drones Outlook Study" f'Novembru 2016; iqis li hemm bżonn ta' varjetà ta' innovazzjonijiet, inklużi teknoloġiji relatati mal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru, biex id-droni jiġu integrati b'mod sikur fl-ispazju tal-ajru Ewropew; jinnota b'interess il-ħarsa ġenerali tagħha tal-iżvilupp tas-suq Ewropew tad-droni sal-2050 u l-potenzjal enormi għall-Ewropa u l-kompetittività globali tagħha, kif ukoll l-azzjonijiet li jeħtieġ li jittieħdu fil-ħames sa għaxar snin li ġejjin biex jiġi liberat dak il-potenzjal, inkluż l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp miksub billi tiġi stabbilita, fil-livell tal-Unjoni, ekosistema li tkopri kemm qafas regolatorju kif ukoll it-teknoloġija, u li tgħaqqad flimkien il-partijiet interessati pubbliċi u privati ewlenin, u li tirriżulta fil-forniment ta' livelli ogħla ta' finanzjament tal-Unjoni, prinċipalment bl-għan li tingħata spinta lill-SMEs fis-settur;

11.  Jilqa' l-fatt li l-Impriża kompliet tapplika approċċ multidimensjonali bl-iskop li tirrieżamina, timmaniġġja u ttaffi r-riskji b'mod effettiv, u jistenna li l-impriża tagħti attenzjoni partikolari lir-riskji korporattivi kritiċi li tkun identifikat rigward il-Pjan Regolatorju tal-ATM u SESAR 2020; jilqa' l-fatt li l-Bord Amministrattiv tal-Impriża Konġunta adotta l-Istrateġija Kontra l-Frodi fit-18 ta' Marzu 2016;

12.  Jinnota li fir-rigward ta' SESAR 1 ġew ippjanati 21 eżerċizzju ta' awditjar f'ħames Membri magħżula, li minnhom 14 tlestew fl-2016 bħala parti mit-tielet ċiklu ta' awditjar fil-15-il Membru kollha kif deskritt fl-Istrateġija tal-Awditjar Ex Post tal-Impriża; jinsab imħasseb dwar ir-rata ta' żball residwu ta' 6,21 % għas-sena 2016; madankollu, huwa sodisfatt li r-rata ta' żbalji residwi kumulattiva ta' SESAR 1 hija ta' 1,34 %;

13.  Jinnota r-riżultati tal-eżerċizzju tal-2016 ta' valutazzjoni komparattiva fil-qasam tar-Riżorsi Umani: 62 % postijiet operattivi, 30 % postijiet amministrattivi u 8 % postijiet newtrali;

14.  Jinnota li l-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew għadha frammentata filwaqt li l-Ajru Uniku Ewropew bħala kunċett għadu ma ntlaħaqx; itenni r-rwol kruċjali tal-Impriża fil-koordinament u l-implimentazzjoni tar-riċerka fil-proġett SESAR, li huwa proġett pilastru tal-Ajru Uniku Ewropew, għalkemm l-iskadenza biex l-objettivi tal-proġett SESAR jintlaħqu ġiet posposta mid-data oriġinali tal-2020 għall-2035;

15.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza li tiġi solvuta l-problema tal-frammentazzjoni tal-ajru Ewropew, peress li attwalment is-Suq Uniku Ewropew mhux qed jisfrutta bis-sħiħ il-vantaġġi offruti mill-Ajru Uniku Ewropew;

16.  Jipproponi li l-Parlament jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża għall-implimentazzjoni tal-baġit tagħha għas-sena finanzjarja 2016.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Lucy Anderson, Marie-Christine Arnautu, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Dieter-Lebrecht Koch, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Marian-Jean Marinescu, Renaud Muselier, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Gabriele Preuß, Christine Revault d’Allonnes Bonnefoy, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, Claudia Schmidt, Jill Seymour, Keith Taylor, Pavel Telička, István Ujhelyi, Wim van de Camp, Marie-Pierre Vieu, Janusz Zemke, Roberts Zīle, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jakop Dalunde, Michael Detjen, Markus Ferber, Maria Grapini, Rolandas Paksas, Jozo Radoš, Evžen Tošenovský, Henna Virkkunen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Olle Ludvigsson

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET

FIL-KUMITAT MITLUB JAGĦTI OPINJONI

40

+

ALDE

ECR

EFDD

GUE/NGL

PPE

 

S&D

 

Verts/ALE

Izaskun Bilbao Barandica, Jozo Radoš, Dominique Riquet, Pavel Telička

Jacqueline Foster, Tomasz Piotr Poręba, Evžen Tošenovský Roberts Zīle

Daniela Aiuto, Rolandas Paksas

Marie-Pierre Vieu

Georges Bach, Deirdre Clune, Andor Deli, Markus Ferber, Dieter-Lebrecht Koch, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Marian-Jean Marinescu, Renaud Muselier, Markus Pieper, Massimiliano Salini, Claudia Schmidt, Henna Virkkunen, Luis de Grandes Pascual, Wim van de Camp

Lucy Anderson, Isabella De Monte, Michael Detjen, Ismail Ertug, Maria Grapini, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Olle Ludvigsson, Gabriele Preuß, Christine Revault d'Allonnes Bonnefoy, István Ujhelyi, Janusz Zemke

Michael Cramer, Jakop Dalunde, Keith Taylor

2

-

EFDD

ENF

Jill Seymour

Marie-Christine Arnautu

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Raffaele Fitto, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Jean-François Jalkh, Arndt Kohn, Notis Marias, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, Julia Pitera, Miroslav Poche

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT

20

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Cătălin Sorin Ivan, Karin Kadenbach, Arndt Kohn, Miroslav Poche, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

4

-

ECR

Raffaele Fitto, Notis Marias

EFDD

Marco Valli

ENF

Jean-François Jalkh

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 426, 12.12.2017, p. 1.

(2)

ĠU C 426, 12.12.2017, p. 56.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)

ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1.

(5)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(6)

ĠU C 426, 12.12.2017, p. 1.

(7)

ĠU C 426, 12.12.2017, p. 56.

(8)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(9)

ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1.

(10)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' April 2018Avviż legali