Proċedura : 2017/2177(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0083/2018

Testi mressqa :

A8-0083/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.35

Testi adottati :

P8_TA(2018)0140

RAPPORT     
PDF 763kWORD 67k
23.3.2018
PE 613.447v01-00 A8-0083/2018

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2177(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Bart Staes

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2177(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja ◄2016► skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Uffiċċju fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0087/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0083/2018),

1.  Jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta' kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2177(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(3) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Uffiċċju fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0087/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil(5), b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0083/2018),

1.  Jipposponi l-għeluq tal-kontijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2177(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0083/2018),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tissaħħaħ ulterjorment permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tiegħu(7), il-baġit finali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil ("l-Uffiċċju") għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 65 370 233,75, li jirrappreżenta żieda ta' 309,98 % meta mqabbel mal-2015; billi ż-żieda kienet dovuta għal kompiti addizzjonali ġodda li jestendu l-mandat tiegħu;

C.  billi EUR 29 463 600 huma derivati mill-baġit tal-Unjoni, EUR 21 710 759 huma derivati minn kontribuzzjonijiet oħrajn, primarjament fil-forma ta' ftehimiet ta' għotjiet mill-Kummissjoni, u EUR 1 900 134 huma derivati minn kontribuzzjonijiet minn pajjiżi assoċjati (ir-Renju tan-Norveġja u l-Konfederazzjoni Żvizzera);

D.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li hija kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Uffiċċju huma affidabbli, iżda ma setgħetx tikseb biżżejjed evidenza xierqa għall-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet bażi;

Segwitu għall-kwittanzi tal-2013 u tal-2014

1.  Jinnota bi tħassib l-għadd ta' kwistjonijiet pendenti u azzjonijiet korrettivi li għaddejjin b'reazzjoni għall-kummenti tal-Qorti fl-2013 u fl-2014 relatati ma' pagamenti tard, standards ta' kontroll intern (ICSs) u ċaqliq frekwenti tal-persunal; jistieden lill-Uffiċċju jtemm l-azzjonijiet korrettivi malajr kemm jista' jkun matul l-2018 u jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tagħhom lill-awtorità ta' kwittanza;

Il-bażi għall-opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi u d-deċiżjoni li jiġi pospost l-għoti tal-kwittanza

2.  Jiddispjaċih ferm bis-sejbiet materjali li għamlet il-Qorti fir-rigward ta' tnejn minn ħames proċeduri ta' akkwist sinifikanti mill-2016, li l-pagamenti għalihom saru matul is-sena, li juri nuqqas ta' rigorożità fil-proċeduri ta' akkwist tal-Uffiċċju;

3.   Ifakkar li tnejn mit-tliet offerenti li pparteċipaw fi proċedura ta' akkwist awditjata waħda għall-għoti ta' servizzi tal-ivvjaġġar taħt kuntratt ta' servizz qafas li jammonta għal EUR 4 000 000 għall-perjodu mill-2016 sal-2020 intalbu jipprovdu informazzjoni addizzjonali fir-rigward tal-istess kriterji tal-għażla; ifakkar li għalkemm ħadd minnhom ma ppreżenta l-informazzjoni meħtieġa (CVs tal-persuni li jwettqu l-kompitu fil-bini tal-Uffiċċju), wieħed biss minnhom kien eskluż mill-proċedura għal din ir-raġuni; jinnota li l-offerent l-ieħor ingħata l-kuntratt fuq il-bażi li s-CVs rilevanti kienu se jiġu pprovduti wara l-għoti tal-kuntratt; huwa għalhekk tal-opinjoni li l-proċedura ta' akkwist ma kinitx konformi mal-prinċipju ta' trattament indaqs u li l-kuntratt ingħata lil offerent li ma ssodisfax il-kriterji tal-għażla kollha; huwa tal-fehma li, għaldaqstant, il-kuntratt qafas u l-pagamenti assoċjati li saru fl-2016, li jammontaw għal EUR 920 561, huma irregolari;

4.   Ifakkar li, fi Frar 2016, l-Uffiċċju ta direttament kuntratt qafas għal servizzi interim maħsuba biex jappoġġawh fir-rispons tiegħu għall-kriżi tal-migrazzjoni għal perjodu ta' 12-il xahar, li jammonta għal EUR 3 600 000; jiddeplora l-fatt li l-kuntratt qafas ingħata lil operatur ekonomiku wieħed magħżul minn qabel mingħajr ma ġiet applikata l-ebda waħda mill-proċeduri ta' akkwist stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju; huwa tal-fehma li, għalhekk, l-għoti ma kienx konformi mar-regoli tal-Unjoni rilevanti u li l-pagamenti assoċjati li saru fl-2016, li jammontaw għal EUR 592 273, huma irregolari;

5.  Jinnota li l-ammonti involuti fir-rigward tal-għoti ta' dawn iż-żewġ kuntratti qafas jirrappreżentaw 2,9 % tan-nefqa totali tal-Uffiċċju għall-2016;

6.  Jinnota li, skont l-Uffiċċju, fil-każ tal-kuntratt qafas imsemmi fil-paragrafu 3, l-Uffiċċju ħa d-deċiżjoni tiegħu abbażi tal-fatt li l-kuntrattur li ngħata l-kuntratt kien l-uniku wieħed bil-kapaċità eżistenti li jissodisfa l-obbligi kuntrattwali; jinnota, barra minn hekk, li fil-każ tal-kuntratt qafas msemmi fil-paragrafu 4, l-azzjonijiet tal-Uffiċċju kienu fil-kuntest ta' urġenza estrema marbuta mal-kriżi tar-rifuġjati, li f'dak iż-żmien kienet fil-qofol tagħha, aggravata mill-ħtieġa li jiġu implimentati deċiżjonijiet tal-Kunsill rigward il-kompiti ta' emerġenza fdati lill-Uffiċċju; jinnota li l-kuntrattur magħżul f'dawk iċ-ċirkostanzi estremi diġà kien ingħata kuntratt qabel minn aġenzija oħra tal-Unjoni li tinsab fil-Greċja; jinnota li d-deċiżjoni kienet iddokumentata u approvata f'talba ta' eċċezzjoni;

7.  Jitlob lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda sabiex jiġu rrimedjati l-kwistjonijiet identifikati mill-Qorti qabel il-15 ta' Ġunju 2018;

8.  Jinnota li l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) fetaħ investigazzjoni dwar l-operazzjonijiet tal-Uffiċċju; jirrispetta bis-sħiħ l-indipendenza tal-investigazzjoni tal-OLAF u l-fatt li ma tista' tiġi żvelata ebda parti separata ta' tali investigazzjoni qabel ma tingħalaq l-investigazzjoni sħiħa;

9.  Huwa tal-opinjoni li l-għoti ta' kwittanza qabel ma tkun magħrufa kompletament l-informazzjoni rilevanti kollha rigward l-operazzjonijiet tal-Uffiċċju ma jkunx responsabbli; jistieden lill-OLAF jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-eżitu tal-investigazzjoni hekk kif tingħalaq sabiex tiġi inkluża kwalunkwe sejba rilevanti fir-rapport ta' kwittanza tal-2016 dwar l-Uffiċċju;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

10.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Uffiċċju nieda proċedura miftuħa (ħames lottijiet) f'Awwissu 2016 sabiex jagħti kuntratt qafas bil-għan li jkopri l-ħtiġijiet tiegħu għall-medjaturi/interpreti kulturali f'pajjiżi differenti; jinnota, barra minn hekk, li l-ammont totali tal-kuntratt qafas għall-erba' lottijiet li ġew iffirmati u awditjati (il-lottijiet 2 sa 5) kien ta' EUR 60 000 000 fuq medda ta' erba' snin; josserva li dawk l-erba' lottijiet ingħataw lill-istess offerent bħala l-ewwel rebbieħ tal-kuntratt f'kaskata; jinnota li dak il-kuntrattur issodisfa r-rekwiżiti finanzjarji tal-kriterji tal-għażla (fatturat annwali ta' EUR 1 000 000) għajr għal waħda mit-tliet snin ta' qabel, li għaliha ġie ffirmat kuntratt ta' fejda ma' organizzazzjoni mingħajr skop ta' lukru li impenjat lilha nnifisha li tagħmel il-"fatturat" tagħha disponibbli għall-kuntrattur; ifakkar il-fatt li r-Regolament Finanzjarju jippermetti li jkun hemm dipendenza mill-kapaċità finanzjarja u ekonomika ta' entitajiet oħrajn; jiddispjaċih, madankollu, li f'dan il-każ mhuwiex ċar kif il-"fatturat" ta' din l-entità jista' jsir disponibbli u lanqas, fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet tagħha, jekk hija tistax tappoġġa l-għoti tas-servizzi li jridu jiġu pprovduti; iqis li l-Uffiċċju kien imissu rrifjuta l-offerta billi din ma wrietx konformità mar-rekwiżiti tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-offerent; iqis li l-kuntratt qafas u l-pagamenti kollha relatati huma irregolari (ma sarux pagamenti fl-2016).

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

11.  Jinnota bi tħassib li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata baxxa ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 80,64 %; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 63,40 %;

12.  Jinnota li l-programm ta' ħidma tal-Uffiċċju ġie emendat tliet darbiet u l-baġit tiegħu ġie emendat erba' darbiet sabiex jitqiesu l-bidliet sinifikanti li seħħew matul l-2016, b'mod partikolari ż-żieda sinifikanti fl-attivitajiet ta' appoġġ operattiv tal-Uffiċċju fil-"hotspots" f'xi Stati Membri u l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija; jitlob lill-Uffiċċju jqis ir-Rapport Speċjali Nru 6/2017 tal-Qorti bit-titolu "Ir-rispons tal-UE għall-kriżi tar-refuġjati: l-approċċ "hotspot"" u jistieden lill-Qorti tagħti prijorità lir-rapport ta' segwitu ta' dan ir-Rapport Speċjali, li ntalab mill-Parlament biex iqis il-hotspots bħala parti minn sistema ta' asil aktar estiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha;

Impenji u riporti

13.  Jinnota li l-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) kien għoli fil-livell ta' EUR 2 500 000 jew 43,9 % (meta mqabbel ma' EUR 1 076 583 jew 36,9 % fl-2015); jirrikonoxxi li dawn ir-riporti huma primarjament relatati ma' infrastruttura tal-IT, traduzzjonijiet u pubblikazzjonijiet, konsulenza dwar l-operat u l-ispejjeż għal-laqgħat tal-bord ta' tmexxija li għalihom il-kuntratti ġew iffirmati lejn tmiem l-2016 jew il-fatturi nħarġu fl-2017;

14.  Jinnota li r-riporti ħafna drabi jkunu parzjalment jew kompletament ġustifikabbli min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-Uffiċċju u kkomunikati lill-Qorti;

Trasferimenti

15.  Jinnota li d-direttur eżekuttiv għamel 20 trasferiment baġitarju fl-2016 sabiex jikkumpensa għan-nuqqasijiet baġitarji u jakkomoda l-ħtiġijiet baġitarji li qegħdin jiżdiedu b'mod esponenzjali fil-hotspots, b'mod partikolari wara d-Dikjarazzjoni UE-Turkija; jinnota bi tħassib li wieħed mill-erba' trasferimenti magħmula bejn it-titoli kien eżegwit permezz ta' deċiżjoni tad-direttur eżekuttiv, anki jekk huwa qabeż il-limitu ta' 10 % stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 27(1)(a) tar-Regolament Finanzjarju tal-EASO(8); jinnota li t-trasferiment kien ftit wara approvat mill-bord ta' tmexxija fit-tieni emenda għall-baġit tal-2016;

16.  Jinnota li minħabba l-kriżi tal-migrazzjoni, il-baġit tal-Uffiċċju ġie emendat f'erba' okkażjonijiet separati fl-2016 biex jirreaġixxi għal appelli mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għal espansjoni operattiva fid-dawl ta' żieda fil-wasliet ta' persuni li jfittxu asil fl-2015 u l-2016; huwa tal-fehma li dan irriżulta f'diffikultajiet biex l-Uffiċċju jassorbi dawk il-fondi, li mbagħad wassal għal ċerti kanċellazzjonijiet u riporti kif ukoll għal diffikultajiet biex l-Uffiċċju jikkonforma ma' regoli baġitarji u finanzjarji; jenfasizza li din is-sitwazzjoni għandha tiġi solvuta fil-futur;

Proċedura ta' akkwist u politika tal-persunal

17.  Jiddispjaċih bil-fatt li għall-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-Uffiċċju, tnejn mill-ħames proċeduri ta' akkwist li ġew awditjati kienu irregolari u kellhom pagamenti irregolari korrispondenti li jirrappreżentaw 2,9 % tat-total tan-nefqa; jinnota wkoll l-iffirmar ta' kuntratt qafas addizzjonali irregolari li għalih ma sar l-ebda pagament; jinnota l-fatt li l-Uffiċċju diġà ħa azzjoni korrettiva fl-2017 li biha ssostitwixxa l-kuntratti li jirriżultaw minn dawk il-proċeduri b'kuntratti ġodda; jistieden lill-Uffiċċju jiżgura li dawn l-irregolaritajiet ma jiġux ripetuti;

18.  Jinnota bi tħassib li mill-4 861 pagament fl-2016 l-Uffiċċju pproċessa 2 007 li saru wara l-iskadenza legali (41 %); jinnota, madankollu, li dan kien dovut primarjament għaż-żieda esponenzjali fil-baġit; jirrikonoxxi li, skont l-Uffiċċju, l-attivitajiet operattivi tiegħu żdiedu b'mod esponenzjali, tant li wasslu għal żieda sinifikanti fin-numru ta' tranżazzjonijiet finanzjarji li għandhom jiġu pproċessati mill-istess numru ta' membri tal-persunal; jinnota b'sodisfazzjon id-diversi miżuri meħuda mill-Uffiċċju sabiex jindirizza din is-sitwazzjoni; jirrikonoxxi li dawk il-miżuri kienu mistennija jwasslu għan-normalizzazzjoni tal-pagamenti sal-aħħar tal-ewwel nofs tal-2017; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-effetti ta' dawk il-miżuri;

19.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jitolbu bil-miktub id-dettalji tal-elementi kostitwenti tal-prezz jew tal-ispiża, jekk dawn ikunu jidhru li huma baxxi b'mod anormali, u għandhom jagħtu lill-offerent l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu; jinnota, madankollu, li għal tnejn mil-lottijiet (il-lottijiet 3 u 5), għall-akkwist ta' medjaturi/interpreti kulturali f'pajjiżi differenti, l-Uffiċċju rċieva offerti finanzjarji li kienu 50 % u 31 %, rispettivament, aktar baxxi mill-offerti l-aktar baxxi ta' qabilhom; jiddispjaċih ħafna li, filwaqt li dan huwa indikattiv tal-fatt li l-offerti kienu baxxi b'mod anormali, l-Uffiċċju ma qiesx li kien hemm ħtieġa li jitlob xi spjegazzjoni ulterjuri mingħand l-offerent f'dan ir-rigward;

20.  Ifakkar li, fl-2014, il-Kummissjoni, f'isem aktar minn 50 istituzzjoni u korp tal-Unjoni, inkluż l-Uffiċċju, iffirmat kuntratt qafas ma' kuntrattur wieħed partikolari għall-akkwiżizzjoni ta' liċenzji ta' software u l-forniment ta' manutenzjoni u appoġġ; jinnota li d-detentur tal-kuntratt qafas jaġixxi bħala intermedjarju bejn l-Uffiċċju u l-fornituri li jistgħu jaqdu l-ħtiġijiet tal-Uffiċċju; jinnota li għal dawk is-servizzi intermedjarji, id-detentur tal-kuntratt qafas għandu d-dritt li japplika żidiet bejn 2 % u 9 % fuq il-prezzijiet tal-fornituri; jinnota, madankollu, li fl-2016, il-pagamenti totali li saru lid-detentur tal-kuntratt qafas ammontaw għal EUR 534 900; jiddispjaċih li l-Uffiċċju ma qabbilx b'mod sistematiku l-prezzijiet u ż-żidiet iddebitati mal-kwotazzjonijiet u l-fatturi li nħarġu mill-fornituri lid-detentur tal-kuntratt qafas; jinnota li, skont ir-risposta tal-Uffiċċju, mill-1 ta' Jannar 2018, l-Uffiċċju kien suppost se jintroduċi kontrolli sistematiċi għal kull stima ta' 'l fuq minn EUR 135 000;

21.  Josserva li, biż-żieda sinifikanti fil-kompiti attribwiti lill-Uffiċċju fil-bidu tal-2016, ir-riżorsi tiegħu żdiedu ripetutament, kemm f'termini ta' approprjazzjonijiet finanzjarji kif ukoll ta' persunal; jinnota b'sodisfazzjon li, sabiex dawk ir-riżorsi jiġu assorbiti u ġestiti b'mod effikaċi, ġie deċiż li tiġi ssemplifikata l-istruttura organizzattiva interna tal-Uffiċċju billi jitqiesu l-kompiti addizzjonali ġodda assenjati lilu; jinnota li, fit-12 ta' Mejju 2016, il-bord ta' tmexxija adotta struttura organizzattiva ġdida għall-Uffiċċju, kif proposta mid-direttur eżekuttiv; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar it-titjib mistenni bħala riżultat ta' din l-organizzazzjoni ġdida;

22.  Jinnota li, mill-31 ta' Diċembru 2016, l-Uffiċċju kellu 136 membru tal-persunal kemm fis-servizz kif ukoll maħtura, inklużi 86 aġent temporanju (minn fost 91 post awtorizzat skont il-baġit tal-Unjoni), 43 aġent kuntrattwali u 7 esperti nazzjonali sekondati; jinnota li 63,2 % tal-membri tal-persunal kollha kienu nisa, filwaqt li 36,8 % kienu rġiel; jistieden lill-Uffiċċju jagħti attenzjoni lill-bilanċ bejn is-sessi tal-persunal u li jqis dan meta jirrekluta fil-ġejjieni;

23.  Jinnota b'sodisfazzjon li kien hemm żieda fil-kategorija tat-tipi ta' impjiegi operattivi minn 58,18 % fl-2015 għal 63,31 % fl-2016 minħabba ż-żieda rapida fl-attivitajiet relatati mal-operazzjonijiet matul l-2016;

24.  Jinnota li l-Uffiċċju rċieva lment wieħed wara perjodu ta' prova li ma rnexxiex; jitlob lill-Uffiċċju jinforma lill-awtorità ta' kwittanza wara li l-ilment ikun ġie riżolt;

25.  Jinnota li, fl-2016, il-medja ta' jiem għal liv minħabba mard tal-membri tal-persunal tal-Uffiċċju kien 2,4; josserva b'ċertu tħassib li l-Uffiċċju ma rrapportax dwar il-baġit jew dwar in-numru ta' jiem li kull membru tal-persunal qatta' fuq attivitajiet ta' benesseri fl-2016; jiddispjaċih li l-Uffiċċju ma semmiex l-attivitajiet ta' benesseri differenti implimentati fl-2016 kif mitlub mill-Parlament;

26.   Josserva bi tħassib li, sa issa, l-Uffiċċju ma għandu l-ebda politika ta' prevenzjoni tal-fastidju fis-seħħ; jistieden lill-Uffiċċju jistabbilixxi netwerk ta' konsulenti kunfidenzjali bħala parti mill-politika dwar il-ħarsien tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju sesswali u psikoloġiku u jorganizza sessjonijiet ta' sensibilizzazzjoni, jipprovdi informazzjoni standard dwar il-fastidju fuq is-sit tal-intranet tiegħu u jintroduċi programm għall-membri tal-persunal ġodda, inkluża preżentazzjoni dwar is-saħħa u l-benesseri;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza u demokrazija

27.  Jirrikonoxxi li, skont l-Uffiċċju, fl-ewwel nofs tal-2018, se jiżviluppa gwida prattika għall-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess, kif ukoll regoli vinkolanti għall-protezzjoni tal-informaturi ta' irregolaritajiet; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dik il-miżura;

28.  Jinnota li l-Uffiċċju se jintensifika l-pressjoni fuq il-membri tal-bord ta' tmexxija biex ifornu d-dikjarazzjonijiet ta' interess tagħhom għall-pubblikazzjoni; ifakkar li t-trasparenza hija element fundamentali sabiex tinżamm il-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-kwistjoni;

29.  Josserva li l-Uffiċċju ma weġibx il-mistoqsija dwar jekk il-laqgħat kollha mal-lobbisti ġewx irreġistrati u jekk tqegħdux għad-dispożizzjoni tal-pubbliku; jistieden lill-Uffiċċju jagħti tweġiba lill-awtorità ta' kwittanza;

30.  Jinnota li, fl-2016, l-Uffiċċju rċieva tmien talbiet għal aċċess għad-dokumenti, li għalihom l-Uffiċċju ta aċċess sħiħ għal seba' dokumenti, u ċaħad talba għal dokument wieħed minħabba l-fatt li ma kienx hemm informazzjoni disponibbli għall-Uffiċċju iżda li ngħataw riferimenti għall-awtoritajiet xierqa;

31.  Jinnota li l-Uffiċċju ma għandu l-ebda vettura uffiċjali, iżda qed jippjana li jixtri żewġ vetturi fil-ġejjieni;

Riżultati ewlenin li nkisbu

32.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Uffiċċju fl-2016, jiġifieri:

–  kien attiv fis-sostenn lill-Istati Membri, b'mod partikolari l-Greċja u l-Italja, fit-trattament tal-pressjoni kontinwa u bla preċedent fuq is-sistemi tal-asil tagħhom;

–  appoġġa bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-iskema ta' rilokazzjoni tal-Unjoni fl-Italja u fil-Greċja għall-persuni bi ħtieġa ċara ta' protezzjoni internazzjonali;

–  tejjeb l-attivitajiet tiegħu sabiex jirrispondi b'mod effiċjenti u f'waqtu għall-isfidi relatati mal-implimentazzjoni koerenti tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil;

33.  Jinnota b'sodisfazzjon li, fl-2016, kien hemm 218-il persuna li jħarrġu li pparteċipaw fi 15-il sessjoni ta' "ħarreġ lil min iħarreġ" organizzati mill-Uffiċċju; jinnota, barra minn hekk, li l-Uffiċċju amministra 361 sessjoni ta' taħriġ nazzjonali fuq il-pjattaforma tat-tagħlim elettroniku tiegħu "Kurrikulu ta' Taħriġ tal-EASO" għal 5 833 membru tal-persunal nazzjonali;

Kontrolli interni

34.  Jinnota li, fil-bidu tal-2016, minn fost is-16-il ICS, erbgħa ġew implimentati parzjalment u wieħed ma ġiex implimentat; jinnota li l-Uffiċċju żviluppa r-regoli ta' implimentazzjoni neqsin għar-Regolamenti tal-Persunal (ICS numru 3), stabbilixxa s-sistema ta' evalwazzjoni tal-prestazzjoni annwali tiegħu (ICS numru 4), mexxa għall-ewwel darba proċess ta' mmaniġġjar tar-riskji (ICS numru 6), adotta Karta tal-Governanza tal-IT kif ukoll Karta tal-Governanza tal-Ġestjoni tal-Proġetti (ICS numru 7) u għamel progress fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' regoli għall-ġestjoni tad-dokumenti billi approva l-politika dwar il-ġestjoni tar-reġistri (ICS numru 11); jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar it-titjib relatat mal-implimentazzjoni ta' dawk l-ICSs;

35.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-ftehim ta' għotja għax-xiri u d-donazzjoni sussegwenti lill-Istat Grieg ta' 90 magna għall-iskennjar tal-marki tas-swaba' u 90 kompjuter kompatibbli (tagħmir) għal ammont ta' EUR 1 100 000 kien jirrikjedi li t-tagħmir jitwassal lid-diviżjoni tal-IT tal-pulizija f'Ateni u minn hemm jiġi distribwit lejn il-hotspots li jinsabu fil-gżejjer Griegi; ifakkar li d-deskrizzjoni tal-azzjoni kienet tirrikjedi li l-membri tal-persunal tal-Uffiċċju jkunu fuq il-post sabiex jiżguraw li t-twassil, l-installazzjoni u t-trasferiment sussegwenti tas-sjieda tat-tagħmir lill-pulizija Griega jsiru kif suppost; jiddispjaċih ħafna, madankollu, li l-membri tal-persunal tal-Uffiċċju ma kinux fuq il-post sabiex jissodisfaw dan ir-rekwiżit u kien biss f'Lulju 2017 li waslet il-konferma mingħand l-awtoritajiet Griegi rilevanti li t-tagħmir kien twassal fil-hotspots fi Frar u lejn il-bidu ta' Marzu 2016 u li dan kien qed jintuża għall-iskop intenzjonat tiegħu; jinnota li, skont ir-risposta tal-Uffiċċju, fit-23 ta' Mejju 2016 dan tal-aħħar kien talab formalment għall-ewwel darba konferma mingħand l-awtoritajiet Griegi dwar it-twassil u l-installazzjoni tat-tagħmir fil-hotspots;

36.  Josserva li fl-2016 l-Uffiċċju ffaċċja bosta sfidi fl-ambjent operattiv tiegħu, li kienu jinkludu mhux biss żieda sostanzjali fil-baġit tiegħu u espansjoni tal-kompiti tiegħu, iżda wkoll żieda sinifikanti fl-għadd ta' tranżazzjonijiet, bidla fl-uffiċjal tal-kontabbiltà b'bosta soluzzjonijiet provviżorji u l-introduzzjoni ta' sistema tal-fluss tax-xogħol mingħajr karti; jiddispjaċih li din is-sitwazzjoni ta' bidla u instabbiltà konsiderevoli la ġiet mitigata permezz ta' validazzjoni mill-ġdid tas-sistema kontabilistika u lanqas permezz tal-introduzzjoni ta' sistema ta' verifiki ex post regolari tat-tranżazzjonijiet; jinnota li, skont ir-risposta tal-Uffiċċju, il-validazzjoni mill-ġdid tas-sistema kontabilistika hija ppjanata għall-2017 u se tiġi kkunsidrata strateġija ta' verifika ex post fit-terminu medju;

Awditi interni

37.  Jinnota li, fl-2016, l-Uffiċċju kien soġġett għal awditu mwettaq mis-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) dwar l-implimentazzjoni tal-baġit u l-implimentazzjoni tal-pjan tal-akkwist fl-Uffiċċju; jinnota li l-awdituri rrikonoxxew l-isforzi kontinwi magħmula mill-Uffiċċju sabiex jiżgura l-funzjonament xieraq tal-proċessi amministrattivi, bħall-implimentazzjoni tal-baġit u l-akkwist, filwaqt li kellu jiffaċċja l-isfidi operattivi marbuta mar-rwol tal-Uffiċċju fil-kriżi tar-rifuġjati; jinnota b'sodisfazzjon li l-Uffiċċju tejjeb b'mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu u li l-implimentazzjoni tal-baġit tqieset bħala sodisfaċenti; jinnota, barra minn hekk, li għalkemm ir-riporti kienu relattivament għoljin, huma kienu meqjusa ġustifikati; huwa tal-fehma li l-Uffiċċju għandu jsaħħaħ l-ippjanar tiegħu għall-proċeduri ta' akkwist għan-nefqa amministrattiva; jinnota li l-monitoraġġ tal-proċeduri u tal-kuntratti speċifiċi konklużi skont l-kuntratti qafas huwa skars u, għalhekk, għandu jissaħħaħ aktar; jinnota li l-Uffiċċju qed ikompli jaħdem flimkien mal-IAS sabiex jiżviluppa azzjonijiet konkreti maħsuba biex inaqqsu r-riskji identifikati; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri li jittieħdu sabiex jittejbu l-proċeduri ta' akkwist;

38.  Jinnota li, fil-bidu tal-2016, l-Uffiċċju kellu tliet pjanijiet ta' azzjoni miftuħa li rriżultaw minn tliet awditi li saru fl-2014 u fl-2015; josserva b'sodisfazzjon li l-Uffiċċju lesta 19 minn fost l-20 azzjoni ta' segwitu pendenti li oriġinaw mill-awditi mwettqa mill-IAS; jinnota li l-Uffiċċju qed jistenna li jagħlaq l-unika rakkomandazzjoni li għadha miftuħa ladarba jiġi adottat ir-Regolament il-ġdid li jistabbilixxi l-aġenzija kompluta;

Kummenti oħrajn

39.  Jinnota li, fl-4 ta' Mejju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament ġdid li ppropona li l-Uffiċċju jiġi ttrasformat f'aġenzija kompluta;

40.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 439/2010(9), l-Uffiċċju għandu jikkummissjona evalwazzjoni esterna indipendenti tal-kisbiet tiegħu; jinnota li l-kamp ta' applikazzjoni tematiku tal-evalwazzjoni kien ikopri l-valur miżjud tal-Unjoni u l-effettività u l-impatt tal-Uffiċċju fil-kontribut tiegħu għall-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, inkluż il-pakkett leġiżlattiv tal-asil; jinnota li l-evalwaturi esterni ppreżentaw is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom lill-bord ta' tmexxija f'Jannar 2016; jinnota li l-Uffiċċju qabel li jiżviluppa pjan ta' azzjoni li jindirizza d-disa' rakkomandazzjonijiet tal-evalwaturi esterni; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni;

41.  Jitlob lill-Uffiċċju jtejjeb il-proċessi ta' kontroll intern tiegħu; jilqa' l-azzjonijiet korrettivi li diġà ġew implimentati f'dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta' ICSs ġodda; jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta' ppjanar xieraq għall-proċeduri ta' akkwist pubbliku, u jfakkar lill-Uffiċċju fl-importanza tiegħu anki f'kuntest ta' kriżi; jinnota li l-Uffiċċju ma assigurax 65 kontejner (EUR 852 136) li jinsabu f'żoni riskjużi fejn kontejners oħra qabel kienu ġew meqruda minn irvellijiet; jinnota li l-Uffiċċju kkunsidra li tali assigurazzjoni ma kinitx effikaċi għan-nefqa; jinnota li l-Uffiċċju ma rkuprax ir-rifużjoni tal-VAT kollha tiegħu b'mod tempestiv għas-snin 2014 u 2015; jilqa' l-fatt li, sadattant, dan l-irkupru ġie konkluż;

42.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Uffiċċju xtara u installa 65 kontejner li għandhom jintużaw bħala uffiċċji mobbli fil-hotspots Griegi u Taljani għal ammont totali ta' EUR 852 136; jinnota li xi wħud mill-kontejners tpoġġew f'post fejn kontejners simili, li ma kinux il-proprjetà tal-Uffiċċju, sfaw meqruda aktar tard minn irvellijiet; jinnota li l-Uffiċċju ma kopriex il-kontejners kontra dan ir-riskju peress li d-diriġenti tiegħu ddeċidew li ma kienx effikaċi f'termini tal-kostijiet li tinkiseb assigurazzjoni;

43.  Jinnota li l-Uffiċċju emenda l-ftehim tal-kiri tiegħu u, fit-tieni nofs tal-2016, estenda l-ispazju tal-uffiċini tiegħu għal blokk addizzjonali tal-bini fejn jinsab il-post tal-operat tiegħu; josserva li, bħala konsegwenza taż-żieda fir-responsabbiltajiet u l-kompiti, l-għadd ta' persunal għandu jiżdied għal 500 sal-aħħar tal-2020, sabiex b'hekk tinħoloq domanda konsiderevoli għal aktar spazju ta' uffiċini; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implikazzjonijiet għall-baġit mistennija minn din iż-żieda;

44.  Jieħu nota tal-ftuħ tal-uffiċċji f'Ruma u f'Ateni u tar-rwol dejjem jikber tal-Uffiċċju madwar l-Unjoni hekk kif qed joqrob dejjem aktar lejn il-hotspots;

45.  Jieħu nota tal-ħatra ta' uffiċjali ta' kollegament fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni fi Brussell u fil-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta sabiex jitrawmu relazzjonijiet aktar mill-qrib u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni f'oqsma ta' interess reċiproku;

46.  Jinnota li, skont ir-risposti tal-Uffiċċju, l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-Brexit bejn l-Uffiċċju u l-Kummissjoni kien magħmul bl-akbar reqqa u li l-Uffiċċju qed isegwi mill-qrib il-pariri tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni u qed jipprepara kif xieraq, anki fid-dawl tat-trasformazzjoni tal-Uffiċċju f'Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Asil ġdida;

47.  Josserva b'insodisfazzjon li l-Uffiċċju ma weġibx lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-isforzi tagħhom sabiex jiżguraw li jkun hemm post tax-xogħol effikaċi f'termini ta' kostijiet u li jirrispetta l-ambjent u sabiex inaqqsu jew ipaċu l-emissjonijiet tas-CO2; jistieden lill-Uffiċċju jagħti attenzjoni wkoll lill-implikazzjonijiet ambjentali tal-attivitajiet tiegħu, speċjalment fid-dawl tat-tkabbir futur tiegħu sa massimu ta' 500 membru tal-persunal;

o

o o

48.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu... 2018(10) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

7.2.2018

OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2177(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Kostas Chrysogonos

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil ("l-Uffiċċju") jippreżentaw b'mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tiegħu fil-31 ta' Diċembru 2016; jinnota, madankollu, l-osservazzjonijiet speċifiċi dwar żewġ proċeduri ta' akkwist;

2.  Jenfasizza li, sabiex ikopri kompiti addizzjonali sinifikanti sa mill-bidu tal-2015, inkluż l-appoġġ tiegħu lill-Istati Membri tal-ewwel dħul, b'mod partikolari għar-reġistrazzjoni u l-intervisti tal-applikanti għal asil u l-iskema ta' rilokazzjoni, il-baġit tal-Uffiċċju żdied b'273 %; jenfasizza l-fatt li l-persunal tal-Uffiċċju żdied b'34 % biss u li ħafna inqas esperti mill-Istati Membri ġew mibgħuta fl-Istati Membri tal-ewwel dħul milli fil-fatt kien meħtieġ;

3.  Jinnota li minħabba l-kriżi tal-migrazzjoni, il-baġit tal-Uffiċċju ġie emendat f'erba' okkażjonijiet differenti fl-2016 biex jirreaġixxi għal sejħiet mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għal espansjoni operazzjonali fid-dawl ta' żieda fil-wasliet ta' persuni li jfittxu asil fl-2015 u l-2016; dan irriżulta f'diffikultajiet biex l-Uffiċċju jassorbi dawk il-fondi, li mbagħad wassal għal ċerti kanċellazzjonijiet u riporti kif ukoll għal diffikultajiet biex l-Uffiċċju jikkonforma ma' regoli baġitarji u finanzjarji; jenfasizza li din is-sitwazzjoni għandha tiġi solvuta għall-futur;

4.  Jinnota li l-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) riportati kien għoli f'livell ta' EUR 2,5 miljun (43,9 %) u jikkorrispondi għal kuntratti ffirmati lejn tmiem l-2016, parzjalment minħabba pagamenti baġitarji addizzjonali lejn tmiem dik is-sena, jew li l-fatturi għalihom waslu biss fl-2017; jitlob għalhekk li l-Uffiċċju jtejjeb il-ġestjoni baġitarja tiegħu;

5.  Jiddispjaċih għall-fatt li għall-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-EASO, tnejn mill-ħames proċeduri ta' akkwist li ġew awditjati kienu irregolari u kellhom pagamenti irregolari korrispondenti li jirrappreżentaw 2,9 % tat-total tan-nefqa; jinnota wkoll l-iffirmar ta' kuntratt qafas addizzjonali irregolari li għalih ma sar l-ebda pagament; jinnota l-fatt li l-Uffiċċju diġà ħa azzjoni korrettiva fl-2017 fejn issostitwixxa l-kuntratti li jirriżultaw minn dawn il-proċeduri b'kuntratti ġodda; jistieden lill-Uffiċċju jiżgura li dawn l-irregolaritajiet ma jiġux ripetuti;

6.  Jitlob lill-Uffiċċju jtejjeb il-proċessi ta' kontroll intern tiegħu; jilqa' l-azzjonijiet korrettivi li diġà ġew implimentati f'dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta' standards ġodda ta' kontroll intern; jenfasizza n-nuqqas ta' ppjanar xieraq għall-proċeduri ta' akkwist pubbliku, u jfakkar fl-importanza tiegħu anki f'kuntest ta' kriżi; jinnota li l-Uffiċċju ma assigurax 65 kontejner (EUR 852 136) li jinsabu f'żoni riskjużi fejn kontejners oħra qabel kienu meqruda minn irvellijiet; jinnota, madankollu, li l-Uffiċċju kkunsidra li tali assigurazzjoni ma kinitx kosteffettiva; jinnota li l-Uffiċċju ma rkuprax ir-rifużjoni tal-VAT kollha tiegħu b'mod tempestiv għas-snin 2014 u 2015; u jilqa' l-fatt li, sadattant, dan l-irkupru ġie konkluż;

7.  Jilqa' l-fatt li r-rata ta' ħlasijiet tard naqset minn 65 % f'Jannar 2016 għal 9 % f'Ottubru 2016, filwaqt li l-għadd totali ta' tranżazzjonijiet żdied minn 483 f'Jannar 2016 għal 806 f'Ottubru 2016; jistieden lill-Uffiċċju jikkompleta għadd ta' azzjonijiet korrettivi meħtieġa, bħal dawk relatati ma' pagamenti tard u r-rimborż tal-ispejjeż; jilqa' l-miżuri li diġà ttieħdu rigward politika ġdida ta' reklutaġġ u t-tnaqqis fil-bidla tal-persunal; jitlob lill-Uffiċċju jissottometti lill-awtorità ta' kwittanza l-pjanijiet tiegħu għar-riforma tal-ippjanar baġitarju u l-parametri ta' prestazzjoni tal-ġestjoni;

8.  Iħeġġeġ lill-Uffiċċju jibni fuq il-politiki tiegħu tal-2013 dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess, f'konformità mal-prattika tajba u mal-linji gwida tal-Kummissjoni; jistieden lill-Uffiċċju jiżgura l-implimentazzjoni tal-politiki adottati fl-2017 għall-protezzjoni effettiva tal-informaturi, filwaqt li jistenna l-proposti sħaħ tal-Kummissjoni.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

1.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Heinz K. Becker, Malin Björk, Michał Boni, Caterina Chinnici, Frank Engel, Cornelia Ernst, Raymond Finch, Lorenzo Fontana, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Dietmar Köster, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Roberta Metsola, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Sergei Stanishev, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Marie-Christine Vergiat, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Kostas Chrysogonos, Carlos Coelho, Gérard Deprez, Maria Grapini, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Marek Jurek, Andrejs Mamikins, Angelika Mlinar, Jaromír Štětina

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Jonathan Bullock, Julia Reda, Francis Zammit Dimech

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

45

+

ALDE

Gérard Deprez, Nathalie Griesbeck, Filiz Hyusmenova, Sophia in 't Veld, Angelika Mlinar

ECR

Marek Jurek, Branislav Škripek, Helga Stevens

GUE/NGL

Malin Björk, Kostas Chrysogonos, Cornelia Ernst, Marie-Christine Vergiat

PPE

Asim Ademov, Georges Bach, Heinz K. Becker, Michał Boni, Carlos Coelho, Frank Engel, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Barbara Kudrycka, Roberta Metsola, Csaba Sógor, Jaromír Štětina, Traian Ungureanu, Francis Zammit Dimech, Tomáš Zdechovský

S&D

Caterina Chinnici, Ana Gomes, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Dietmar Köster, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Birgit Sippel, Sergei Stanishev, Josef Weidenholzer

VERTS/ALE

Julia Reda, Judith Sargentini

6

-

EFDD

Jonathan Bullock, Raymond Finch, Kristina Winberg

ENF

Lorenzo Fontana, Auke Zijlstra

NI

Udo Voigt

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Raffaele Fitto, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Jean-François Jalkh, Arndt Kohn, Notis Marias, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, Julia Pitera, Miroslav Poche

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT

24

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová

ECR

Raffaele Fitto, Notis Marias

EFDD

Marco Valli

ENF

Jean-François Jalkh

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Cătălin Sorin Ivan, Karin Kadenbach, Arndt Kohn, Miroslav Poche, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

0

-

 

 

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 79.

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 79.

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11.

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(2)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 79.

(3)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 79.

(4)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(5)

ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11.

(6)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(7)

ĠU C 245, 29.07.2017, p. 16.

(8)

  Deċiżjoni Nru 20 tal-Bord ta' Tmexxija tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil tas-27 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Regolament Finanzjarju tal-EASO.

(9)

  Ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11).

(10)

Testi adottati ta' din id-data, P8_TA-PROV(2018)0000.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' April 2018Avviż legali