Proċedura : 2017/2151(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0090/2018

Testi mressqa :

A8-0090/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.39

Testi adottati :

P8_TA(2018)0144

RAPPORT     
PDF 729kWORD 65k
23.3.2018
PE 613.461v02-00 A8-0090/2018

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2151(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Bart Staes

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2151(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0061/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208(2) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0090/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2151(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(6),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(7) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0061/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(8), u b'mod partikolari l-Artikolu 208(2) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0090/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2151(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0090/2018),

A.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tenfasizza l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha(11), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 50 509 265, li jfisser żieda ta' 2,75 % meta mqabbel mal-2015; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,9 % u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 89,8 %;

Impenji u riporti

2.  Jieħu nota li r-riporti mill-2016 għall-2017 kienu ta' EUR 4 203 111, jiġifieri tnaqqis ta' EUR 741 628 meta mqabbel mas-sena ta' qabel (EUR 4 944 739 fl-2015);

3.  Jinnota li r-riporti ħafna drabi jistgħu jkunu parzjalment jew kompletament ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-Aġenzija u kkomunikati lill-Qorti;

Politika tal-persunal

4.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-bord ta' mmaniġġjar tal-Aġenzija huwa mħasseb dwar it-tnaqqis kontinwu tal-persunal allokat lill-Aġenzija fid-dawl tat-tnaqqis previst ta' 10 % tal-postijiet tax-xogħol li jirriżulta mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014–2020 u l-istabbiliment ta' "riżerva ta' riallokazzjoni" għal aġenziji b'kompiti ġodda;

5.  Jinnota li l-bord ta' mmaniġġjar jaqbel mal-rwol futur propost tal-Aġenzija u tan-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (EIONET) fil-qasam tal-Unjoni tal-Enerġija, u jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tqiegħed riżorsi addizzjonali għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija b'rabta mal-kompiti ġodda proposti;

6.  Jinnota li l-Aġenzija kisbet rata ta' okkupanza ta' 99,2 % għall-aġenti temporanji, b'129 membru tal-persunal mill-130 post tax-xogħol awtorizzat mill-baġit tal-Unjoni; jieħu nota li l-aħħar post tax-xogħol huwa riżervat għat-tnaqqis ippjanat fit-tabella tal-persunal fl-2017; jilqa' l-fatt li madwar 77 % tal-persunal kollu huwa ddedikat għal attivitajiet operattivi;

7.  Jinnota b'sodisfazzjon il-bilanċ bejn is-sessi fil-bord ta' mmaniġġjar tal-Aġenzija; madankollu, jiddispjaċih dwar l-iżbilanċ bejn is-sessi fit-tim tal-maniġment superjuri tal-Aġenzija; jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenzija għandha biss seba' pożizzjonijiet disponibbli ta' kap ta' unità, u dan jillimita l-ħeffa potenzjali ta' tranżizzjoni lejn proporzjon aħjar irġiel/nisa;

8.  Japprezza l-fatt li min-numru tal-postijiet tax-xogħol kollha okkupati fl-2015 intlaħaq bilanċ bejn is-sessi peress li l-proporzjon huwa 54,6 % fil-każ tan-nisa u 45,4 % fil-każ tal-irġiel;

9.  Jenfasizza li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun parti mill-politika tal-persunal tal-Aġenzija u li l-baġit minfuq fuq attivitajiet ta' benessri jammonta għal madwar EUR 560 għal kull membru tal-persunal, li jikkorispondi għal jumejn xogħol; josserva li l-medja tal-liv minħabba mard tammonta għal 13,8 ġurnata għal kull membru tal-persunal, li jirrappreżenta medja ta' kważi tliet ġimgħat tax-xogħol; jistieden lill-Aġenzija biex, b'urġenza, teżamina din il-kwistjoni bil-għan li jiġu aċċertati u indirizzati l-kawżi ewlenin tagħha, u tistabbilixxi b'mod partikolari jekk l-istress fuq il-post tax-xogħol huwiex b'xi mod responsabbli;

10.  Jilqa' l-fatt li, f'Ġunju 2017, l-Aġenzija adottat politika ġdida dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju; isostni s-sessjoni ta' taħriġ organizzata biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-persunal u jissuġġerixxi l-organizzazzjoni perjodika ta' sessjonijiet ta' taħriġ u informazzjoni dwar il-kwistjoni; jiddispjaċih dwar l-allegat każ ta' fastidju li tressaq ilment dwaru fis-16 ta' Diċembru 2016; jitlob informazzjoni addizzjonali mingħand id-direttur eżekuttiv filwaqt li jirrispetta l-preżunzjoni tal-innoċenza u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; jistenna d-deċiżjoni finali u jikkunsidra li din se tingħata segwitu bir-reqqa matul l-eżerċizzju tal-kwittanza li jmiss;

11.  Jinnota li tressqu żewġ ilmenti abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (21 ta' Diċembru 2016 u 8 ta' Marzu 2017) kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra (AIPN) li tittermina kuntratt matul il-perjodu ta' prova u li ma tikkonfermax kuntratt fi tmiem il-perjodu ta' prova; jitlob aktar informazzjoni mingħand id-direttur eżekuttiv, filwaqt li jirrispetta r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

12.  Jenfasizza li t-tnaqqis li għadu għaddej fil-persunal jirrappreżenta riskju għall-Aġenzija biex twettaq bis-sħiħ il-programm ta' ħidma pluriennali tagħha għas-snin 2014-2020, u jillimita l-kapaċità tagħha li tirrispondi għal żviluppi tal-politika; jenfasizza li sar dejjem aktar diffiċli għall-Aġenzija biex timmaniġġja r-riskji assoċjati mat-tnaqqis fir-riżorsi; jinnota li l-limitazzjoni ta' riżorsi umani kkontribwiet għar-rata ta' realizzazzjoni aktar baxxa li ġiet osservata f'xi oqsma strateġiċi;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

13.  Jilqa' l-fatt li 18-il membru tal-bord qiegħdu għad-dispożizzjoni s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tagħhom fis-sit web tal-Aġenzija; barra minn hekk, jirrikonoxxi l-fatt li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tat-tim tal-maniġment superjuri tagħha huma ppubblikati fis-sit web;

14.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-membri tal-persunal ġodda li jiġu rreklutati jieħdu sehem f'korsijiet tal-etika u l-integrità u li, għal kull membru tal-persunal, valutazzjoni tal-kunflitti ta' interess potenzjali hija parti mill-analiżi tal-prestazzjoni annwali tal-persunal; barra minn hekk, jinnota li jiġi pprovdut taħriġ speċifiku għall-persunal kollu b'responsabbiltajiet ta' maniġment;

15.  Jinnota li, f'Novembru 2014, il-bord ta' mmaniġġjar tal-Aġenzija adotta strateġija kontra l-frodi bil-għan li tiġi żgurata ġestjoni xierqa ta' kwistjonijiet ta' kunflitt ta' interess u li jiġu żviluppati attivitajiet kontra l-frodi speċjalment permezz ta' pjan ta' azzjoni li jkopri tliet objettivi: li tiġi żgurata organizzazzjoni interna effikaċi għall-identifikazzjoni ta' frodi potenzjali, li tissaħħaħ il-formalizzazzjoni tal-awtorizzazzjoni tad-drittijiet tal-aċċess għall-bażi ta' data tar-Repożitorju tad-Data Kummerċjali u li jinżamm livell għoli ta' etika u sensibilizzazzjoni dwar il-frodi fi ħdan l-Aġenzija;

16.  Jilqa' l-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-Aġenzija dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta li għandhom l-għan, inter alia, li jiċċaraw ir-regoli li jirrigwardaw l-etika professjonali fi ħdan l-Aġenzija billi jipprovdu informazzjoni dwar it-tipi ta' sitwazzjonijiet li fihom japplika l-obbligu li tiġi żvelata informazzjoni protetta u dwar il-mezzi li bihom wieħed jista' jirrapporta; jilqa' l-fatt li dawk il-linji gwida jindirizzaw ukoll il-protezzjoni li għandha tingħata lill-informatur u l-gwida u l-appoġġ li jistgħu jingħataw mill-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dawk il-linji gwida;

17.  Jesprimi l-ħtieġa li jiġi stabbilit korp indipendenti ta' żvelar, konsulenza u riferiment b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jiġu offruti l-appoġġ u l-konsulenza li jeħtieġu;

Kisbiet ewlenin

18.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Aġenzija fl-2016, jiġifieri:

–  il-pubblikazzjoni tar-rapport 2016 dwar il-kwalità tal-arja fl-Ewropa;

–  il-pubblikazzjoni fl-2016 tal-ewwel rapport ta' valutazzjoni dwar "Circular economy in Europe – Developing the knowledge base", li jindirizza l-prospettiva tat-tnaqqis tal-pressjonijiet u l-impatti ambjentali mill-użu tar-riżorsi materjali;

–  il-pubblikazzjoni tar-rapport "Transforming the EU power sector: avoiding a carbon lock-in", li jivvaluta l-punt sa fejn is-settur tal-enerġija termali fl-Unjoni għandu l-potenzjal li jiffaċilita t-tranżizzjoni meħtieġa lejn objettivi fit-tul tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-klima;

Awditu intern

19.  Jinnota li s-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditu fuq ir-Rapport dwar l-Istat tal-Ambjent (SOER), li ġie ffinalizzat fl-2016; jinnota b'sodisfazzjon li, skont il-konklużjonijiet tal-IAS, is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll stabbiliti mill-Aġenzija għall-proċess ta' tħejjija tas-SOER 2015 kienu ġeneralment adegwati għall-iskop u żguraw koordinazzjoni interna u esterna effiċjenti u effikaċi ta' dan il-proġett pluriennali kumpless; jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Aġenzija u l-IAS qablu dwar pjan biex dawn jittejbu aktar; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' azzjoni;

20.  Jieħu nota li l-IAS wettaq awditu fuq il-ġestjoni tad-data/tal-informazzjoni, inkluż komponent tal-IT, li ġie ffinalizzat fl-2015; jirrikonoxxi l-fatt li, sabiex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-IAS b'rabta ma' dak l-awditu, tfassal pjan ta' azzjoni li jkopri s-snin li ġejjin; jinnota b'sodisfazzjon li fl-2017 il-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet ingħalqu mill-IAS, u dan juri li ġew implimentati miżuri xierqa biex tiġi żgurata ġestjoni adegwata ta' volum ogħla ta' data;

Kontrolli interni

21.  Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li, anke kieku l-Aġenzija kellha taġġorna l-politika tas-sigurtà tagħha fl-2016, ħafna proċeduri interni oħra huma antikwati; jinnota li l-maniġment superjuri approva pjan ta' azzjoni li jinkludi r-rieżami u l-aġġornament tal-pjan tal-kontinwità tan-negozju u li l-Aġenzija wkoll biħsiebha tirrieżamina l-politika tagħha tal-ġestjoni tad-dokumenti, li adottat fl-2009, skont il-politika tas-sigurtà l-ġdida; barra minn hekk, jinnota li l-Aġenzija biħsiebha tirrieżamina u taġġorna l-istandards tagħha ta' kontroll intern, meta jkun meħtieġ; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' azzjoni;

22.  Jieħu nota li l-IAC stabbiliet valutazzjoni tar-riskju biex jintgħażlu benefiċjarji għal verifiki fuq il-post, u din wasslet għall-verifika ta' pagamenti għal żewġ benefiċjarji b'rabta ma' tmien għotjiet biex tiġi żgurata l-eżattezza u l-affidabbiltà tal-ispejjeż tal-persunal iddikjarati; jinnota li, b'konsegwenza ta' dan, ġie identifikat pagament mhux ġustifikat li tħallas lura lill-Aġenzija skont id-dispożizzjonijiet kuntrattwali; josserva li, abbażi tal-politika l-ġdida approvata f'Ottubru 2015, saru aktar verifiki fuq il-post fl-2016; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-riżultati ta' dawk il-verifiki;

23.  Jinnota li, wara l-osservazzjonijiet mill-awtorità ta' kwittanza, l-Aġenzija tejbet il-metodi ta' verifika billi pprovdiet linji gwida u taħriġ lis-sħab taċ-Ċentri Tematiċi Ewropej rigward il-kriterji għall-eliġibilità tal-ispejjeż;

Kummenti oħra

24.  Ifakkar bi tħassib, mir-rapport tal-Qorti, li fl-2014 il-Kummissjoni, f'isem aktar minn 50 istituzzjoni u korp tal-Unjoni (inkluża l-Aġenzija), iffirmat kuntratt qafas (FWC) ma' kuntrattur wieħed għall-akkwist ta' softwer u liċenzji, u għall-forniment ta' servizzi ta' manutenzjoni u konsulenza relatati mal-IT; jinnota li l-kuntrattur qafas jaġixxi bħala intermedjarju bejn l-Aġenzija u l-fornituri u li, għal dawn is-servizzi intermedjarji, il-kuntrattur qafas huwa intitolat japplika żidiet ta' bejn tnejn u disgħa fil-mija fuq il-prezzijiet tal-fornituri; barra minn hekk, jinnota li l-FWC jistipula espliċitament li ma jikkonferixxi ebda dritt esklużiv lill-kuntrattur; josserva li, fl-2016, l-Aġenzija użat dan il-FWC biex tixtri liċenzji tas-softwer għal total ta' EUR 442 754; jinnota li l-biċċa l-kbira ta' dawk l-akkwisti kienu prodotti li jappartjenu għal kategorija partikolari li għandha tintuża biss fuq bażi eċċezzjonali, u li għalihom ma ġewx ikkwotati prezzijiet, la matul il-proċess tal-offerti u lanqas fil-FWC; jirrikonoxxi l-fatt li r-rapport tal-Qorti jindika li din il-proċedura ma tiżgurax kompetizzjoni biżżejjed jew l-applikazzjoni tas-soluzzjoni l-aktar ekonomika; barra minn hekk, jirrikonoxxi l-fatt li ż-żidiet imposti mill-kuntrattur qafas ma ġewx iċċekkjati adegwatament: l-akbar ordni kienet tikkonċerna t-tiġdid ta' liċenzji tas-softwer ipprovduti minn rivenditur Skandinavu esklużiv (EUR 112 248); jesprimi t-tħassib tiegħu li, f'dan il-każ, ma kienx hemm ġustifikazzjoni għall-użu tal-FWC, li rriżulta fi spiża għal żieda li ma kinitx neċessarja; jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija għall-kumment tal-Qorti;

25.  Ifakkar li, sa mit-twaqqif tagħha, l-Aġenzija, flimkien mal-EIONET, kienet sors ta' informazzjoni għal dawk involuti fl-iżvilupp, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki tal-Unjoni dwar l-ambjent u l-klima, kif ukoll il-politiki dwar l-iżvilupp sostenibbli, u kienet ukoll sors ta' informazzjoni għall-pubbliku ġenerali;

26.  Jenfasizza li l-Kummissjoni, f'konformità mal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, fl-2016 bdiet evalwazzjoni tal-Aġenzija u l-EIONET li tkopri l-perjodu bejn nofs l-2012 u tmiem l-2016, li s-sejbiet tagħha se jintużaw biex jiġi vvalutat kemm l-Aġenzija qed taħdem tajjeb;

o

o o

27.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' ... 2018(12) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.25.1.2018

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2151(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Adina-Ioana Vălean

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li, fl-2016, il-baġit totali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ("l-Aġenzija") kien ta' EUR 50 487 497 (+2,7 % meta mqabbel mal-2015), li minnu EUR 36 309 240 (71,9 %) kien sar disponibbli permezz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea; jinnota li s-sussidju tal-Unjoni fl-2016 kien bħal dak tal-2015, u li t-tkabbir fil-baġit kien dovut għal żieda fil-fondi assenjati;

2.  Jilqa' l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju min-naħa tal-Aġenzija, li jirriżulta f'rata ta' eżekuzzjoni tal-baġit ta' 99,9 % tal-approprjazzjonijiet disponibbli tal-baġit prinċipali (sussidju tal-Unjoni u kontribuzzjonijiet minn pajjiżi membri oħra);

3.  Ifakkar li, sa mit-twaqqif tagħha, l-Aġenzija, flimkien man-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (EIONET) tagħha, kienet sors ta' informazzjoni għal dawk involuti fl-iżvilupp, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki tal-Unjoni dwar l-ambjent u l-klima, kif ukoll il-politiki dwar l-iżvilupp sostenibbli, u kienet ukoll sors ta' informazzjoni għall-pubbliku ġenerali;

4.  Jenfasizza li t-tnaqqis li għadu għaddej fil-persunal jirrappreżenta riskju għall-Aġenzija biex twettaq bis-sħiħ il-programm ta' ħidma pluriennali tagħha għas-snin 2014-2020, u jillimita l-kapaċità tagħha li tirrispondi għal żviluppi tal-politika; jenfasizza li sar dejjem aktar diffiċli għall-Aġenzija biex timmaniġġja r-riskji assoċjati mat-tnaqqis fir-riżorsi; jinnota li l-limitazzjoni ta' riżorsi umani kkontribwixxiet għar-rata ta' realizzazzjoni aktar baxxa li ġiet osservata f'xi oqsma strateġiċi;

5.  Jilqa' l-fatt li madwar 77 % tal-persunal kollu huwa ddedikat għal attivitajiet operattivi; jieħu nota tal-fatt li r-rata ta' okkupazzjoni tal-Aġenzija għal aġenti temporanji hija ta' 99,2 %, b'129 membru tal-persunal meta mqabbel mal-130 kariga disponibbli, filwaqt li l-aħħar kariga hija riżervata għal tnaqqis magħruf fl-organigramma fl-2017;

6.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-awditu dwar il-proċess tat-tħejjija tar-Rapport dwar il-Qagħda tal-Ambjent 2015 fl-Aġenzija, li ddeterminaw li l-proċessi awditjati, b'mod ġenerali kienu tajbin għall-iskop tagħhom;

7.  Jieħu nota tal-adozzjoni tal-linji gwida tal-Aġenzija dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

8.  Jinnota li, wara l-osservazzjonijiet mill-awtorità ta' kwittanza, l-Aġenzija tejbet il-metodi ta' verifika billi pprovdiet linji gwida u taħriġ lis-sħab taċ-Ċentri Tematiċi Ewropej rigward il-kriterji għall-eliġibilità tal-ispejjeż;

9.  Jenfasizza li l-Kummissjoni, f'konformità mal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, fl-2016 bdiet evalwazzjoni tal-Aġenzija u l-EIONET li tkopri l-perjodu bejn nofs l-2012 u tmiem l-2016, li s-sejbiet tagħha se jintużaw biex jiġi vvalutat kemm qed taħdem tajjeb l-Aġenzija;

10.  Jilqa' l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri ħabbret li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016 kienu legali u regolari fl-aspetti materjali kollha; ifaħħar lill-Aġenzija dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi rakkomandati kollha mill-2012 sal-2015;

11.  Jirrakkomanda, abbażi tal-fatti disponibbli, li tingħata l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

24.1.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

6

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Pilar Ayuso, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Paul Brannen, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Seb Dance, Stefan Eck, José Inácio Faria, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Arne Gericke, Julie Girling, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, Anneli Jäätteenmäki, Karin Kadenbach, Urszula Krupa, Giovanni La Via, Peter Liese, Susanne Melior, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, John Procter, Julia Reid, Frédérique Ries, Daciana Octavia Sârbu, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Ivica Tolić, Adina-Ioana Vălean, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Martin Häusling, Norbert Lins, Nuno Melo, Ulrike Müller, Christel Schaldemose, Bart Staes, Keith Taylor, Carlos Zorrinho

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jiří Maštálka

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

39

+

ALDE

Gerben-Jan Gerbrandy, Anneli Jäätteenmäki, Ulrike Müller, Frédérique Ries

EFDD

Piernicola Pedicini

GUE/NGL

Stefan Eck, Jiří Maštálka

PPE

Pilar Ayuso, Ivo Belet, Birgit Collin-Langen, José Inácio Faria, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Nuno Melo, Ivica Tolić, Adina-Ioana Vălean

S&D

Simona Bonafè, Biljana Borzan, Paul Brannen, Nessa Childers, Seb Dance, Jytte Guteland, Karin Kadenbach, Susanne Melior, Gilles Pargneaux, Christel Schaldemose, Daciana Octavia Sârbu, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Damiano Zoffoli, Carlos Zorrinho

VERTS/ALE

Marco Affronte, Martin Häusling, Bart Staes, Keith Taylor

6

-

ECR

Arne Gericke, Urszula Krupa, Bolesław G. Piecha, John Procter, Jadwiga Wiśniewska

EFDD

Julia Reid

1

0

ECR

Julie Girling

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Raffaele Fitto, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Jean-François Jalkh, Arndt Kohn, Notis Marias, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, Julia Pitera, Miroslav Poche

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

21

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová

EFDD

Marco Valli

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Cătălin Sorin Ivan, Karin Kadenbach, Arndt Kohn, Miroslav Poche, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

3

-

ECR

Raffaele Fitto, Notis Marias

ENF

Jean-François Jalkh

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 104.

(2)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 104.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)

ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13.

(5)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(6)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 104.

(7)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 104.

(8)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(9)

ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13.

(10)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(11)

ĠU C 443, 29.11.2016, p. 1.

(12)

Testi adottati ta' din id-data, P8_TA-PROV(2018)0000.

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' April 2018Avviż legali