Proċedura : 2017/2148(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0092/2018

Testi mressqa :

A8-0092/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.55

Testi adottati :

P8_TA(2018)0160

RAPPORT     
PDF 738kWORD 62k
23.3.2018
PE 613.446v02-00 A8-0092/2018

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2148(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Bart Staes

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2148(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Fondazzjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Fondazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0058/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta' Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0092/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2148(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Fondazzjoni(6),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni(7) ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Fondazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0058/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(8), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta' Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0092/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2148(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0092/2018),

A.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz tat-titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont ir-rapporti tad-dħul u l-infiq tagħha(11), il-baġit finali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (il-''Fondazzjoni'') għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 20 789 500, ammont li jfisser tnaqqis ta' 1,72 % meta mqabbel mal-2015, billi l-baġit tal-Fondazzjoni huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja 2016 (ir-"rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

1.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fir-rapport tagħha tal-2014, il-Qorti rrapportat pagamenti insuffiċjenti għall-persunal mill-2005 sal-2014, fir-rigward tat-tranżizzjoni għar-Regolamenti il-ġodda tal-Persunal tal-Unjoni fl-2005. jinnota li, għalkemm ir-raġunijiet għall-pagamenti insuffiċjenti (2014: nuqqas ta' rispett għas-salarji minimi garantiti; 2015: fattur skorrett ta' multiplikazzjoni (applikat) fuq is-salarji huma differenti, il-Qorti reġgħet sabet pagamenti insuffiċjenti (EUR 43 350) u xi pagamenti eċċessivi (EUR 168 930), li jaffettwaw 30 membru tal-persunal attiv u li ma għadhomx fis-servizz; jinnota li l-Fondazzjoni kkoreġiet il-pagamenti insuffiċjenti kollha, iżda mhijiex se tirkupra l-pagamenti eċċessivi (skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal attwali); jistieden lill-Fondazzjoni terġa' tanalizza kull żball possibbli relatat mat-tranżizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-2005, twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-funzjoni tar-remunerazzjoni tagħha u tirrapporta s-sejbiet lill-awtorità ta' kwittanza; jirrikonoxxi mill-Fondazzjoni li f'April 2017 wettqet awditu intern komprensiv tal-funzjoni tar-remunerazzjoni; jinnota li l-Fondazzjoni qed tistenna r-rapport finali u se tiġi kkunsidrata kull rakkomandazzjoni li ssir; jistieden lill-Fondazzjoni tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri korrettivi li se jittieħdu;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit, matul is-sena finanzjarja 2016, irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,99 % u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 84,80 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 2,55 % meta mqabbel mal-2015;

3.  Jesprimi tħassib dwar l-impatt baġitarju negattiv taż-żieda tal-koeffiċjent għall-Irlanda, li qiegħed dejjem iżjed jirriskja li jimmina l-kapaċità finanzjarja tal-Fondazzjoni li taqdi l-mandat tagħha; jistenna li tittieħed azzjoni mill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex tikkumpensa għall-effetti;

Impenji u riporti

4.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati għall-2017 kien għoli u ammonta għal EUR 2 800 000 (43 %) għat-Titolu III (infiq operattiv), meta mqabbel ma' EUR 2 100 000 (31 %) fl-2015, prinċipalment fir-rigward ta' proġetti (studji u skemi pilota) li jmorru lil hinn minn tmiem is-sena; jieħu nota li l-Fondazzjoni tista' tikkunsidra l-introduzzjoni ta' approprjazzjonijiet baġitarji differenzjati sabiex jirriflettu aħjar in-natura pluriennali tal-operazzjonijiet u d-dewmien inevitabbli bejn l-iffirmar tal-kuntratti, il-kunsinni u l-pagamenti;

5.  Jirrikonoxxi li l-Fondazzjoni, bi ftehim mal-Qorti, tiddistingwi bejn ir-riporti ppjanati u dawk mhux ippjanati; jinnota li fl-2016 il-Fondazzjoni kienet ippjanat riporti ta' EUR 3 000 000 filwaqt li r-riporti reali ammontaw għal EUR 2 800 000 biss; jinnota, barra minn hekk, li l-Fondazzjoni qed tikkunsidra bir-reqqa li ddaħħal l-approprjazzjonijiet baġitarji differenzjati;

6.  Jinnota li r-riporti ħafna drabi jistgħu jkunu parzjalment jew għal kollox ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-Fondazzjoni u kkomunikati lill-Qorti;

Akkwist

7.  Jinnota li l-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkwisti u l-Kuntratti tal-Fondazzjoni (KKAK), li jagħti opinjoni dwar proposti ta' kuntratti b'valur ta' mill-inqas EUR 250 000, ma ltaqax matul l-2016 billi ma kienx hemm dossiers li jirrispettaw il-kriterji; jinnota, barra minn hekk, li l-KKAK wettaq verifika ex post annwali ta' tliet kuntratti minn ħdax li ngħataw fl-2016; jinnota li l-KKAK globalment kien sodisfatt li l-Fondazzjoni osservat il-proċeduri ta' akkwist;

Politika tal-persunal

8.  Jinnota li f'Diċembru 2016 twettaq eżerċizzju ta' evalwazzjoni tal-postijiet tax-xogħol, li juri livell relattivament għoli ta' stabbilità fuq perjodu ta' tliet snin li matulhom sar eżerċizzju ta' evalwazzjoni;

9.  Josserva li minn Diċembru 2016 it-tabella tal-persunal u t-tqassim tal-persunal jipprovdi għal 107 postijiet tax-xogħol (uffiċjali, aġenti temporanji u aġenti kuntrattwali) meta mqabbel mal-108 postijiet tax-xogħol fl-2015; jinnota b'sodisfazzjon li b'referenza għan-numru ta' postijiet tax-xogħol okkupati sal-31 ta' Diċembru 2016, kważi ntlaħaq bilanċ bejn is-sessi peress li l-proporzjon huwa ta' 55,14 % għan-nisa u ta' 44,86 % għall-irġiel;

10.  Jisħaq fuq il-fatt li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun parti mill-politika tal-persunal tal-Fondazzjoni; jinnota li l-baġit minfuq għal kull membru tal-persunal fuq attivitajiet ta' benessri jammonta għal EUR 80,21; josserva li l-għadd medju ta' liv minħabba mard għal kull membru tal-persunal huwa ta' 6,5 ijiem - inqas minn f'ħafna Aġenziji oħra tal-UE iżda s-sitwazzjoni għadha preokkupanti, u jistħoqqilha tiġi eżaminata biex wieħed jara jekk l-istress fuq il-post tax-xogħol huwiex fattur rilevanti - u li ebda membru tal-persunal ma kien fuq liv minħabba mard għal sena sħiħa;

11.  Japprezza l-fatt li fl-2016 ma kien irrapportat l-ebda każ formali jew informali ta' fastidju; isostni s-sessjonijiet ta' taħriġ u ta' informazzjoni organizzati biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-persunal;

12.  Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2016 il-Fondazzjoni ma rċeviet l-ebda lment, azzjoni legali jew każijiet irrapportati marbuta mal-ingaġġ jew mat-tkeċċija ta' membri tal-persunal;

13.  Jilqa' l-azzjonijiet ta' rimedju tal-Fondazzjoni mwettqa b'rabta mal-korrezzjonijiet tas-salarji wara r-rapporti tal-Qorti; jinnota li fit-tieni trimestru tal-2017 twettaq awditjar tal-funzjoni tas-salarji sabiex tingħata assigurazzjoni addizzjonali li l-proċessi u l-kontrolli xierqa huma fis-seħħ u qed joperaw sew;

14.  Ifakkar li b'diffikultà kbira ġie implimentat tnaqqis fir-reklutaġġ u jtenni t-tħassib tiegħu rigward tnaqqis ulterjuri li jillimita l-abbiltà tal-aġenziji li jwettqu l-mandati tagħhom;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

15.  Jinnota b'sodisfazzjon li f'Novembru u f'Diċembru 2016 saru workshops dwar l-etika, l-integrità u l-ħidma kontra l-frodi; jinnota, barra minn hekk, li l-attendenza f'dawn il-workshops kienet mandatorja għall-persunal kollu u li dawk li ma setgħux jattendu kienu meħtieġa jsegwu programm online li jkopri l-istess suġġetti;

16.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Fondazzjoni għandha regoli fis-seħħ dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u li ebda każ ma ġie rreġistrat fl-2016;

17.  Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp ta' żvelar, konsulenza u riferiment indipendenti b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jiġu offruti l-appoġġ u l-konsulenza li jeħtieġu;

18.  Japprezza l-fatt li fl-2016 il-Fondazzjoni ma kellha ebda każ ta' kunflitti ta' interess;

19.  Jappella lill-Fondazzjoni tadotta kodiċi tal-etika u tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-kunflitti ta' interess allegati u kkonfermati, kif indirizzathom, u kif se tevitahom fil-futur;

Kisbiet ewlenin

20.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Fondazzjoni fl-2016, jiġifieri:

–  it-tlestija tas-sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kondizzjonijiet tax-Xogħol u l-preżentazzjoni tas-sejbiet tiegħu lill-Parlament fis-17 ta' Novembru 2016;

–  l-implimentazzjoni matul l-aħħar sena, taċ-ċiklu tal-programm fuq erba' snin b'implimentazzjoni baġitarja ta' 100 % u rata ta' implimentazzjoni tal-programm ta' 98 %, kif ukoll livell ta' sodisfazzjon tal-utenti l-aktar għoli li qatt ġie rreġistrat matul il-perjodu ta' erba' snin;

–  il-pakkett tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li jagħmel referenza għas-sejbiet riċenti tal-Eurofound: dwar il-pagi, il-benefiċċji soċjali, l-akkomodazzjoni inadegwata fl-Ewropa, il-forom ġodda ta' impjiegi u l-aħħar stħarriġ dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol;

21.  Jilqa' l-implimentazzjoni b'suċċess tal-programm ta' ħidma fuq erba' snin tal-Fondazzjoni b'livell għoli ta' effettività organizzattiva, kif muri minn titjib ġenerali tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-Fondazzjoni;

22.  Jinnota b'sodisfazzjon li r-rata ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma prevista għall-2016 kienet ta' 97 %, li taqbeż sew il-mira ta' 80 %, li timplika bidla sinifikanti mis-sottoimplimentazzjoni tas-sentejn ta' qabel, u tiżgura li fi tmiem il-perjodu ta' programmar ta' erba' snin, kważi l-outputs kollha skedati għall-aħħar sena tal-programm twettqu fil-ħin;

Kontrolli interni

23.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-koordinatur tal-kontroll intern tal-Fondazzjoni, skont il-prijoritizzazzjoni ppreżentata lill-Bureau tal-Bord Governattiv f'Jannar 2016, iffoka fuq ħames standards ta' kontroll intern relatati mal-missjoni u l-viżjoni tagħha, mal-valuri etiċi u organizzattivi, mal-allokazzjoni u l-mobilità tal-persunal, mal-proċess tal-ġestjoni tar-riskju u mal-valutazzjoni tal-istandards ta' kontroll intern;

Awditu intern

24.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fir-rapport ta' awditjar tiegħu ta' Diċembru 2016, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) enfasizza l-ħtieġa li jittejjeb il-mod kif il-Fondazzjoni timmaniġġja l-proġetti, prinċipalment fir-rigward tal-mekkaniżmi ta' governanza, monitoraġġ u rapportar. jinnota b'sodisfazzjon, barra minn hekk, li l-Fondazzjoni u s-Servizz ta' Awditjar Intern qablu dwar pjan biex tittieħed azzjoni korrettiva;

25.  Jinnota li l-IAS wettaq awditu tal-ġestjoni tal-proġetti (PM) bl-objettiv li "jevalwa l-adegwatezza tat-tfassil u tal-effikaċja tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, li tqiegħdu fis-seħħ mill-Fondazzjoni għall-attivitajiet tal-ġestjoni tal-proġetti tiegħu"; jinnota, barra minn hekk, li r-rapport tal-IAS fih erba' rakkomandazzjonijiet dwar is-suġġetti li ġejjin: il-governanza tal-ġestjoni tal-proġetti, il-monitoraġġ u r-rapportar tal-proġetti, l-ippjanar tal-proġetti u s-sistema ta' informazzjoni tal-ġestjoni tal-proġetti; jinnota li l-IAS aċċetta li l-pjan ta' azzjoni tal-Fondazzjoni jitlesta sa tmiem l-2017; jistieden lill-Fondazzjoni tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar;

26.  Jinnota b'sodisfazzjon li ngħalqu r-rakkomandazzjonijiet kollha indirizzati mill-IAS minn awditi preċedenti qabel is-sena ta' rapportar;

Kummenti oħra

27.  Jiddispjaċih għall-fatt li r-Regolament (KEE) Nru 1365/75 ma jirrikjedix b'mod espliċitu l-evalwazzjonijiet esterni tal-attivitajiet tal-Fondazzjoni; jinnota, madankollu, li l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament fundatur ġdid tinkludi l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni kull ħames snin; jilqa' wkoll il-fatt li fil-preżent kull wieħed mill-programmi ta' ħidma fuq erba' snin huwa suġġett għal evalwazzjoni esterna;

28.  Jirrikonoxxi li l-'Fondazzjoni' baqgħet kontributur essenzjali għall-iżvilupp tal-politiki u li l-użu tal-kompetenza tagħha f'dokumenti ewlenin ta' politika tal-Unjoni baqa' wieħed sinifikanti;

29.  Jirrikonoxxi l-ħidma tal-Fondazzjoni matul il-programm ta' ħidma fuq erba' snin bejn l-2013 u l-2016 "Minn kriżi għal irkupru: Politiki informati aħjar għal Ewropa kompetittiva u ġusta"; jilqa' b'sodisfazzjon il-kwalità għolja tal-analiżi u l-kontribut tal-politika li tat il-Fondazzjoni fir-rigward tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, ir-relazzjonijiet industrijali u l-impjiegi u l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari r-Rapport ta' analiżi tas-Sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kondizzjonijiet tax-Xogħol u r-rapport dwar Forom Ġodda ta' Impjiegi; jissottolinja l-importanza tal-ġestjoni tripartitika tal-Fondazzjoni li tippermetti li tinkiseb stampa ġenerali komprensiva tar-realtà ekonomika u soċjali;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinżamm kooperazzjoni b'saħħitha bejn il-Fondazzjoni u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali sabiex dawn jibbenefikaw mill-għarfien espert tal-Fondazzjoni u jinvolvu ruħhom f'diskussjonijiet kostruttivi u bbażati fuq l-evidenza;

31.  Jilqa' l-fatt li l-Parlament, il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati l-oħra huma l-utenti ewlenin tal-għarfien espert li tagħti l-Fondazzjoni, u li huma konxji mill-kwalità u mill-interess tiegħu;

32.  Jinnota r-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1365/75/KEE(12), li jistabbilixxi l-Fondazzjoni, u jilqa' l-inklużjoni mill-Parlament u mill-Kummissjoni ta' referenza espliċita għall-użu ta' rapporti u evalwazzjonijiet ta' verifika esterni;

33.  Jilqa' l-kooperazzjoni tajba bejn il-Fondazzjoni u l-aġenziji l-oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari s-Cedefop, l-EU-OSHA, l-ETF, l-FRA u l-EIGE, waqt l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-ħidma tagħha sabiex tiżgura koordinament u sinerġiji tajbin fl-attivitajiet tagħha;

34.  Jinnota kemm il-Fondazzjoni kkontribwiet b'mod qawwi fil-ġlieda kontra l-faqar u l-kuntratti ta' xogħol frawdolenti f'diversi azzjonijiet madwar l-Unjoni.

o

o o

35.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' ...2018(13) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

24.1.2018

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2148(DEC))

Rapporteur: Claude Rolin

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") iddikjarat li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja 2016 kienu skont il-liġi u regolari u li l-pożizzjoni finanzjarja tagħha sal-31 ta' Diċembru 2016 hija rappreżentata b'mod ġust;

2.  Jirrikonoxxi li l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (il-"Fondazzjoni") baqgħet kontributur essenzjali għall-iżvilupp tal-politiki u li l-użu tal-għarfien espert tagħha f'dokumenti politiċi ewlenin tal-Unjoni baqa' sinifikanti;

3.  Jirrikonoxxi l-ħidma tal-Fondazzjoni matul il-programm ta' ħidma ta' erba' snin bejn l-2013 u l-2016 "Minn kriżi għal irkupru: Politiki informati aħjar għal Ewropa kompetittiva u ġusta"; jilqa' b'sodisfazzjon il-kwalità għolja tal-analiżi u l-kontribut tal-politika li tat il-Fondazzjoni fir-rigward tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, ir-relazzjonijiet industrijali u l-impjiegi u l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari r-Rapport ta' analiżi tas-Sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kondizzjonijiet tax-Xogħol u r-rapport dwar Forom Ġodda ta' Impjiegi; jissottolinja l-importanza tal-ġestjoni tripartitika tal-Fondazzjoni li tippermetti li tinkiseb stampa ġenerali komprensiva tar-realtà ekonomika u soċjali;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinżamm kooperazzjoni b'saħħitha bejn il-Fondazzjoni u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali sabiex dawn jibbenefikaw mill-għarfien espert tal-Fondazzjoni u jinvolvu ruħhom f'diskussjonijiet kostruttivi u bbażati fuq l-evidenza; jilqa' r-rata tal-eżekuzzjoni tal-programmi tagħha ta' 97 %, li kienet ferm ogħla mill-objettiv għall-2016 u titjib sinifikanti fuq is-sentejn ta' qabel;

5.  Jilqa' l-fatt li l-Parlament, il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati l-oħra huma l-utenti ewlenin tal-għarfien espert li tagħti l-Fondazzjoni, u li huma konxji mill-kwalità u mill-interess tiegħu;

6.  Jilqa' l-implimentazzjoni b'suċċess tal-programm ta' ħidma fuq erba' snin tal-Fondazzjoni, b'livell għoli ta' effikaċja organizzattiva, kif muri mit-titjib ġenerali tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-Fondazzjoni;

7.  Jinnota r-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1365/75/KEE(14) li jistabbilixxi l-Fondazzjoni, u jilqa' l-fatt li l-Parlament u l-Kummissjoni inkludew referenza espliċita għall-użu ta' rapporti u evalwazzjonijiet ta' verifika esterni;

8.  Jinnota r-rapport ta' awditjar 2016 tas-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni li enfasizza l-ħtieġa li titjieb il-ġestjoni tal-proġetti tal-Fondazzjoni, l-aktar b'rabta mal-arranġamenti ta' governanza, ta' monitoraġġ u ta' rapportar, u jilqa' l-fatt li l-Fondazzjoni hija lesta timplimenta l-pjan ta' azzjoni miftiehem f'kooperazzjoni mal-IAS;

9.  Ifaħħar ir-rata għolja ta' implimentazzjoni eżemplari tal-baġit (100 %); jinnota, madankollu, li l-livell ta' approprjazzjonijiet riportati għall-2017 żdiedu għat-Titolu III (43 %) meta mqabbel mal-2016 (31 %), prinċipalment fir-rigward ta' proġetti li jmorru lil hinn minn tmiem is-sena; jinnota t-tweġiba tal-Fondazzjoni li tiddistingwi li dawn kienu riporti ppjanati u fil-fatt inqas miċ-ċifra inizjali ta' EUR 3 miljun;

10.  Jinnota r-rakkomandazzjoni tal-Qorti li l-Fondazzjoni tista' tikkunsidra l-introduzzjoni ta' approprjazzjonijiet baġitarji differenzjati sabiex jirriflettu aħjar in-natura pluriennali tal-operazzjonijiet u d-dewmien inevitabbli bejn l-iffirmar ta' kuntratti, il-kunsinni u l-ħlasijiet;

11.  Jilqa' l-azzjonijiet ta' rimedju tal-Fondazzjoni mwettqa b'rabta mal-korrezzjonijiet tas-salarji wara r-rapporti tal-Qorti; jinnota li fit-tieni trimestru tal-2017 twettaq awditjar tal-funzjoni tas-salarji sabiex tingħata assigurazzjoni addizzjonali li l-proċessi u l-kontrolli xierqa huma fis-seħħ u qed joperaw sew u jistieden lill-Fondazzjoni tieħu l-passi neċessarji fejn meħtieġ;

12.  Jesprimi tħassib dwar l-impatt baġitarju negattiv taż-żieda tal-koeffiċjent għall-Irlanda, li qiegħed dejjem iżjed jirriskja li jimmina l-kapaċità finanzjarja tal-Fondazzjoni li taqdi l-mandat tagħha; jistenna li tittieħed azzjoni mill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex tikkumpensa għall-effetti;

13.  Jilqa' l-kooperazzjoni tajba bejn il-Fondazzjoni u l-aġenziji l-oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari s-Cedefop, l-EU-OSHA, l-ETF, l-FRA u l-EIGE, waqt l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-ħidma tagħha sabiex tiżgura koordinament u sinerġiji tajbin fl-attivitajiet tagħha;

14.  Jinnota kemm il-Fondazzjoni kkontribwiet b'mod qawwi fil-ġlieda kontra l-faqar u l-kuntratti ta' xogħol frawdolenti f'diversi azzjonijiet madwar l-Unjoni.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

23.1.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

8

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Guillaume Balas, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Michael Detjen, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Arne Gericke, Marian Harkin, Czesław Hoc, Agnes Jongerius, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, João Pimenta Lopes, Georgi Pirinski, Marek Plura, Dennis Radtke, Terry Reintke, Claude Rolin, Siôn Simon, Romana Tomc, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Tatjana Ždanoka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Lynn Boylan, Rosa D’Amato, Tania González Peñas, Krzysztof Hetman, Paloma López Bermejo, António Marinho e Pinto, Edouard Martin, Ivari Padar, Flavio Zanonato

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Geoffroy Didier, Morten Messerschmidt

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

42

+

ALDE

Enrique Calvet Chambon, Martina Dlabajová, Marian Harkin, António Marinho e Pinto

EFDD

Rosa D'Amato

GUE/NGL

Lynn Boylan, Tania González Peñas, Rina Ronja Kari, Paloma López Bermejo, João Pimenta Lopes

PPE

Georges Bach, David Casa, Geoffroy Didier, Krzysztof Hetman, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Marek Plura, Dennis Radtke, Claude Rolin, Romana Tomc

S&D

Guillaume Balas, Vilija Blinkevičiūtė, Ole Christensen, Michael Detjen, Agnes Jongerius, Jan Keller, Javi López, Edouard Martin, Ivari Padar, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Siôn Simon, Marita Ulvskog, Flavio Zanonato

VERTS/ALE

Jean Lambert, Terry Reintke, Tatjana Ždanoka

8

-

ECR

Arne Gericke, Czesław Hoc, Anthea McIntyre, Morten Messerschmidt, Ulrike Trebesius

ENF

Dominique Martin, Joëlle Mélin

NI

Lampros Fountoulis

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Raffaele Fitto, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Jean-François Jalkh, Arndt Kohn, Notis Marias, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, Julia Pitera, Miroslav Poche

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

21

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová

EFDD

Marco Valli

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Cătălin Sorin Ivan, Karin Kadenbach, Arndt Kohn, Miroslav Poche, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

3

-

ECR

Raffaele Fitto, Notis Marias

ENF

Jean-François Jalkh

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 212.

(2)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 212.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)

ĠU L 139, 30.5.1975, p. 1.

(5)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(6)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 212.

(7)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 212.

(8)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(9)

ĠU L 139, 30.5.1975, p. 1.

(10)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(11)

ĠU C 84, 17.13.2017, p. 11.

(12)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta' Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol (ĠU L 139, 30.5.1975, p. 1).

(13)

Testi adottati ta' din id-data, P8_TA-PROV(2018)0000.

(14)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta' Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol (ĠU L 139, 30.5.1975, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' April 2018Avviż legali