Proċedura : 2017/2163(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0098/2018

Testi mressqa :

A8-0098/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.33

Testi adottati :

P8_TA(2018)0138

RAPPORT     
PDF 735kWORD 62k
26.3.2018
PE 613.463v02-00 A8-0098/2018

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (qabel l-1 ta' Lulju 2016: il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija) (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2163(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Bart Staes

EMENDI
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (qabel l-1 ta' Lulju 2016: il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija) (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2163(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0073/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI tal-20 ta' Settembru 2005 li tistabbilixxi l-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) u li tħassar id-Deċiżjoni 2000/820/ĠAI(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0098/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (qabel l-1 ta' Lulju 2016: il-Kulleġġ Ewropew tal-Puliżija) (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2163(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(7),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(8) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0073/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI tal-20 ta' Settembru 2005 li tistabbilixxi l-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) u li tħassar id-Deċiżjoni 2000/820/ĠAI(10), u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI(11), u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0098/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (qabel l-1 ta' Lulju 2016: il-Kulleġġ Ewropew tal-Puliżija) (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2163(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0098/2018),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tissaħħaħ ulterjorment permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tiegħu(13), il-baġit finali tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija ("il-Kulleġġ") għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 10 291 700, u dan jirrappreżenta żieda ta' 17,34 % meta mqabbel mal-2015 minħabba l-ftehim ta' għotja mal-Kummissjoni dwar is-Sħubija għal Taħriġ Kontra t-Terroriżmu UE/MENA; billi l-baġit kollu tal-Kulleġġ huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Kulleġġ għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Kulleġġ huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 95,95 %, li tfisser żieda ta' 0,44 % meta mqabbla mal-2015; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 78,85 %, li tirrappreżenta tnaqqis żgħir ta' 0,15 % meta mqabbla mal-2015;

2.  Jinnota li wara l-iffirmar tal-ftehim ta' għotja mal-Kummissjoni fl-2005 dwar is-Sħubija għal Taħriġ Kontra t-Terroriżmu UE/MENA, ġie maqbul baġit ta' EUR 2 490 504, li minnu sar disponibbli t-tieni ħlas parzjali ta' EUR 1 243 891 għall-impenji u l-pagamenti; jinnota, barra minn hekk, li 89 % tal-krediti disponibbli ġew impenjati u 48 % tal-krediti disponibbli ġew imħallsa; jistieden lill-Kulleġġ jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-evalwazzjoni esterna ta' dik is-Sħubija fir-rapport ta' attività annwali tal-2017 tiegħu;

3.  Jirrikonoxxi li, fi tmiem is-sena, il-Kulleġġ ħallas fil-ħin 91 % tal-impenji finanzjarji kollha tiegħu, u b'hekk inqabeż l-objettiv ta' 85 % tal-pagamenti kollha mħallsa fi ħdan il-perjodu ta' żmien stabbilit legalment; jinnota li l-ebda mgħax ma ntalab mill-fornituri għal pagamenti tard;

4.  Jinnota l-fatt li għadd ta' membri tal-persunal ressqu talba legali kontra l-Kulleġġ dwar il-kundizzjonijiet li fihom saret ir-rilokazzjoni u dwar l-impatt finanzjarju tagħha fuq l-introjtu tagħhom; jinnota li ntlaħaq ftehim bonarju ma' xi membri tal-persunal u l-pagamenti tħallsu għal dan il-għan fl-2015 u l-2016; jinnota, barra minn hekk, li xi membri tal-persunal appellaw is-sentenza tal-qorti, li hija mistennija fl-2018; jappella lill-Kulleġġ jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-eżitu ta' dan l-appell;

Impenji u riporti

5.  Josserva li total ta' EUR 1 477 288 ġie riportat għall-2017, ammont li jirrappreżenta 17 % tal-baġit ġenerali 2016; jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-livell ta' riporti ta' approprjazzjonijiet impenjati kien għoli għat-Titolu II (infiq għal attivitajiet ta' sostenn) f'ammont ta' EUR 140 055, jiġifieri 30 % (meta mqabbel mal-2015 li kien jammonta għal EUR 212 456, jiġifieri 49 %); jikkonstata li dawn ir-riporti prinċipalment jirreferu għal konsulenza tal-IT u għal oġġetti u servizzi relatati mal-IT li ġew ordnati lejn l-aħħar tas-sena;

6.  Jinnota li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għalkollox ġustifikabbli min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, u li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk jiġu ppjanati minn qabel u kkomunikati lill-Qorti;

7.  Jinnota li fl-aħħar ta' Diċembru 2016, l-implimentazzjoni totali tal-bagit 2015, inklużi fondi riportati mill-2015 sal-2016, laħqet total ta' 93 %;

Trasferiment

8.  Jinnota li l-Kulleġġ wettaq disa' trasferimenti baġitarji għall-baġit amministrattiv u operattiv standard u 2 trasferimenti relatati mal-awtorità tad-Direttur Eżekuttiv bl-użu ta' klawsola ta' flessibbiltà skont l-Artikolu 27(1)(a) tar-Regolament Finanzjarju tal-Kulleġġ;

Politika tal-persunal

9.  Josserva mit-tabella tal-persunal li 25 post tax-xogħol (mit-28 post awtorizzat skont il-baġit tal-Unjoni) kienu okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, meta mqabbel ma' 26 post fl-2015;

10.  Jinnota b'sodisfazzjon li ntlaħaq bilanċ bejn is-sessi mill-postijiet tax-xogħol okkupati fl-2016, peress li l-proporzjon huwa ta' 50 % nisa u 50 % irġiel; jinnota, madankollu, il-proporzjon tal-bilanċ bejn is-sessi ta' 69 % għal 31 % fil-bord maniġerjali;

11.  Josserva li, bħala konsegwenza tar-rilokazzjoni tal-Kulleġġ mir-Renju Unit għall-Ungerija, u minħabba l-koeffiċjent ta' korrezzjoni sinifikament aktar baxx għas-salarji tal-persunal fil-post il-ġdid, l-għadd ta' riżenji żdied; jinnota li ġew implimentati għadd ta' azzjonijiet ta' mitigazzjoni; jinnota, madankollu, li l-gradazzjoni baxxa tal-postijiet tax-xogħol flimkien mal-koeffiċjent ta' korrezzjoni baxx, ma jħeġġux lill-barranin (speċjalment mill-Ewropa tal-Punent u tat-Tramuntana) imorru l-Ungerija, u b'riżultat ta' dan, il-bilanċ ġeografiku tal-persunal ma jiġix żgurat; josserva, f'dan ir-rigward, li fl-2016, 30 % tal-persunal kollu tal-Kulleġġ kienu Ungeriżi, li huwa numru sproporzjonat; jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li r-rata għolja ta' bidla fil-persunal jista' jkollha impatt fuq il-kontinwità tal-operat u fuq il-kapaċità tal-Kulleġġ li jimplimenta l-attivitajiet previsti fil-programm ta' ħidma tiegħu u jirrimarka li din il-problema trid tiġi indirizzata; jinnota, barra minn hekk, li l-bilanċ ġeografiku tal-persunal għandu impatt fuq l-ispejjeż tal-persunal, li wassal għad-deċiżjoni biex jiġu trasferiti fondi mhux użati mit-Titolu 1 għat-Titolu 3 li jippermettu l-implimentazzjoni ta' attivitajiet operattivi addizzjonali;

12.  Jinnota li fl-2016, bħala medja, il-persunal tal-Kulleġġ ħa 4,3 ijiem liv minħabba mard; josserva bi tħassib li, fl-2016, il-membri tal-persunal ma qattgħux jum wieħed fuq attivitajiet ta' benessri u l-uniku avveniment ġie organizzat wara l-ħinijiet tax-xogħol; jinnota madankollu li fit-tweġibiet tiegħu lill-awtorità ta' kwittanza, il-Kulleġġ indika li nefaq EUR 3 900 fuq attivitajiet ta' benessri; jistieden lill-Kulleġġ ikompli jispjega kif intefaq dan l-ammont;

13.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Kulleġġ stabbilixxa netwerk ta' konsulenti kunfidenzjali, organizza t-taħriġ tagħhom u offra wkoll taħriġ dwar il-prevenzjoni tal-fastidju għall-persunal; jinnota b'sodisfazzjon li ma ġie rrappurtat l-ebda każ ta' fastidju fl-2016;

14.  Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp ta' żvelar, konsulenza u riferiment indipendenti b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jingħata l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa;

15.  Jinnota li l-Kulleġġ ma juża ebda vettura uffiċjali;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, it-trasparenza u d-demokrazija

16.  Jirrikonoxxi li d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-maniġment superjuri u tal-Membri tal-Bord Maniġerjali ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Kulleġġ; jirrikonoxxi mill-Kulleġġ li l-persunal tiegħu u individwi oħra li jikkollaboraw direttament mal-Kulleġġ intalbu jimlew dikjarazzjoni ta' interess;

17.  Jinnota li fir-rigward ta' esperti esterni li jitħallsu, il-Kulleġġ ippubblika fuq is-sit web tiegħu, bħala parti mil-lista annwali ta' kuntratturi, il-kuntratti tal-esperti mogħtija mill-Kulleġġ; jinnota, madankollu, li d-dikjarazzjonijiet dwar il-kunflitti ta' interess u dwar il-kunfidenzjalità għall-esperti li jitħallsu mhumiex ippubblikati fuq is-sit web; jirrikonoxxi li l-Kulleġġ se jirrevedi l-arranġamenti tiegħu dwar il-pubblikazzjoni ta' dikjarazzjonijiet bħal dawn; jistieden lill-Kulleġġ jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda;

18.  Jinnota li l-Kulleġġ ma jippubblikax il-minuti tal-laqgħat maniġerjali; jistieden lill-Kulleġġ jagħmel disponibbli tali minuti fuq is-sit web tiegħu;

19.  Jinnota li fl-2016, il-Kulleġġ irċieva talba waħda għal aċċess għad-dokumenti, li bħala rispons għaliha l-Kulleġġ ta aċċess sħiħ għad-dokumenti mitluba;

Kisbiet ewlenin

20.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Kulleġġ fl-2016, prinċipalment:

–  il-kisba taċ-ċertifikazzjoni ISO 9001 għal żewġ oqsma kummerċjali ewlenin: l-attivitajiet residenzjali u l-Programm ta' Skambju tas-CEPOL;

–  l-ikkompletar tat-tħejjijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tal-mandat il-ġdid tiegħu li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016;

–  l-implimentazzjoni b'suċċess tal-proġett ta' Sħubija għal Taħriġ Kontra t-Terroriżmu UE/MENA;

Strateġija kontra l-frodi

21.  Jinnota b'sodisfazzjon li r-regoli dwar ir-rappurtar ta' frodi u l-protezzjoni tal-informaturi ġew inkorporati fl-istrateġija kontra l-frodi tal-Kulleġġ;

22.  Jinnota li strateġija riveduta kontra l-frodi hija skedata li tiġi adottata mill-Bord Maniġerjali f'Novembru 2017; jistieden lill-Kulleġġ jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-reviżjoni ta' din l-istrateġija;

Awditu intern

23.  Jinnota li f'Novembru u Diċembru 2016, is-Servizz ta' Awditjar Intern awditja lill-Kulleġġ dwar "il-Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet ta' Taħriġ, l-Ippjanar u l-Ibbaġitjar" b'enfasi fuq l-attivitajiet ewlenin tiegħu tan-negozju; jinnota, barra minn hekk, li l-abbozz ta' rapport tal-awditjar ta' Marzu 2017 jikkonkludi li filwaqt li r-riżultat tal-awditu ma identifika l-ebda kwistjoni importanti ħafna jew kritika, is-Servizz ta' Awditjar Intern iqis li għad hemm lok għal titjib fl-użu tal-Matriċi ta' Taħriġ "Ġustizzja u Affarijiet Interni" sabiex jiġi evitat li jaħbat mal-korsijiet ta' taħriġ organizzati minn aġenziji oħrajn tal-ġustizzja u l-affarijiet interni; jikkunsidra li din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata malajr kemm jista' jkun;

Prestazzjoni

24.  Jinnota li fl-2016 il-portafoll ta' taħriġ tal-Kulleġġ kien jinkludi 174 attività ta' taħriġ, li minnhom kien hemm 87 attività residenzjali u 87 webinar, 492 skambju fil-qafas tal-Programm Ewropew ta' Skambju tal-Pulizija, 27 modulu online u kors wieħed online; jinnota b'sodisfazzjon li, għas-sitt sena konsekuttiva, l-impatt tal-Kulleġġ żdied, u dan wassal sabiex il-Kulleġġ ħarreġ 18 009 professjonisti tal-infurzar tal-liġi fl-2016 meta mqabbel ma' 12 992 fl-2015, li jfisser żieda ta' aktar minn 38 %;

25.  Jieħu nota li l-Kulleġġ għandu sistema ta' valutazzjoni komprensiva fis-seħħ biex jiżgura l-kwalità tal-portafoll ta' taħriġ tiegħu; jinnota, barra minn hekk, li l-evalwazzjoni tal-korsijiet għandha l-għan li tivvaluta l-effiċjenza tat-taħriġ, iżda wkoll li tkejjel ir-rati ta' sodisfazzjon tal-parteċipanti; jinnota li s-sodisfazzjon ġenerali baqa' għoli, u li 95 % tal-parteċipanti ddikjaraw li kienu sodisfatti ħafna jew sodisfatti bl-attivitajiet tal-Kulleġġ;

26.  Jirrimarka li l-Kulleġġ wettaq b'mod effikaċi l-prodotti u s-servizzi mistennija skont il-Programm ta' Ħidma tal-2016 tiegħu;

Kummenti oħra

27.  Jinnota li l-evalwazzjoni esterna fuq ħames snin tal-Kulleġġ (2011-2015) twettqet mill-evalwatur estern f'Jannar 2016; jinnota b'sodisfazzjon li l-evalwatur estern ivvaluta lill-Kulleġġ bħala effiċjenti u li l-konklużjoni tiegħu hija appoġġata b'evidenza ta' żieda fl-għadd ta' attivitajiet implimentati mill-Kulleġġ matul il-perjodu ta' evalwazzjoni, kontra l-għadd relattivament stabbli ta' riżorsi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu għall-istess perjodu; jinnota, madankollu, li r-rapport tal-evalwazzjoni tal-Kulleġġ fuq ħames snin inkorpora 17-il rakkomandazzjoni; josserva li ġie mfassal pjan ta' azzjoni biex jiġu indirizzati dawk ir-rakkomandazzjonijiet u identifika 31 azzjoni li għandhom jiġu implimentati bejn nofs l-2016 u tmiem l-2018; huwa mħasseb li, abbażi tal-evalwazzjoni fuq ħames snin, hemm ħtieġa ċara li l-Kulleġġ jissaħħaħ b'mod sinifikanti b'riżorsi kemm umani kif ukoll finanzjarji;

28.  Jinnota b'sodisfazzjon li fil-kurituri tal-Kulleġġ, id-dawl jitħaddem permezz ta' sensur tal-moviment sabiex isir xi ffrankar tal-enerġija iżda ma jaqbilx mal-Kulleġġ li, filwaqt li fl-2016 il-bini sar disponibbli għall-Kulleġġ mill-awtoritajiet Ungeriżi, dawn ma kinux involuti fit-tmexxija tal-bini u ma kellhom l-ebda possibbiltà diretta li jimplimentaw miżuri kosteffikaċi jew miżuri favur l-ambjent;

29.  Jinnota bi tħassib – peress li ż-żmien huwa qasir wisq – li f'dan l-istadju l-Kulleġġ m'għandux biżżejjed informazzjoni biex jippermetti tħejjija bir-reqqa għat-twettiq ta' attivitajiet futuri wara l-Brexit; jinnota li l-Brexit se jillimita l-aċċess tal-Kulleġġ għall-għarfien espert tar-Renju Unit dwar l-infurzar tal-liġi u l-kapaċità tiegħu li jorganizza taħriġ ma' uffiċjali tar-Renju Unit; jinnota li dawn l-aspetti jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-iżvilupp ta' prattiki komuni, l-iskambju ta' informazzjoni u finalment il-kooperazzjoni transfruntiera dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità u l-prevenzjoni tagħha; jirrakkomanda li jiġu implimentati miżuri biex għall-inqas jinżamm il-livell attwali ta' kooperazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kulleġġ jaġġornaw lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-ġestjoni tar-riskju relatata mal-Brexit;

30.  Jinnota li l-2016 kienet l-ewwel sena sħiħa ta' implimentazzjoni tal-proġett ta' Sħubija għal Taħriġ Kontra t-Terroriżmu UE/MENA; jilqa' r-rikonoxximent ta' dan il-proġett bħala proġett ewlieni fil-kooperazzjoni tal-Unjoni mal-pajjiżi MENA dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu;

31.  Jistieden lill-Kulleġġ jimplimenta mingħajr dewmien l-għanijiet tiegħu li jżid il-viżibbiltà tiegħu online u jkompli jtejjeb is-sit web tiegħu sabiex isir aktar rilevanti għall-partijiet interessati tiegħu u jappoġġa aħjar il-ħidma tal-Kulleġġ; jirrakkomanda li l-Kulleġġ jirrapporta aħjar dwar l-impatt tal-attivitajiet tiegħu, b'mod partikolari dwar is-sigurtà tal-Unjoni; jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kulleġġ f'din id-direzzjoni;

o

o o

32.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' ... 2018(14) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

19.2.2018

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAL-LIBERTAJIET ĊIVILI, IL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2163(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Kostas Chrysogonos

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) jippreżentaw b'mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2016 u li t-tranżazzjonijiet tagħha huma legali u regolari;

2.  Jirrimarka li l-baġit u l-persunal tas-CEPOL żdiedu b'madwar 22 % fl-2016; jinnota, f'dan il-kuntest, li r-riporti tal-approprjazzjonijiet impenjati kienu għoljin għat-Titolu II (nefqa għal attivitajiet ta' appoġġ) b'EUR 140 055, jiġifieri 30 %, u kienu prinċipalment relatati ma' servizzi ta' konsulenza tal-IT u prodotti u servizzi relatati mal-IT ordnati lejn tmiem is-sena;

3.  Jinnota r-rata għolja ta' bidla fil-persunal ta’ CEPOL wara r-rilokazzjoni tagħha mir-Renju Unit għall-Ungerija, u jirrikonoxxi li dan huwa minħabba d-differenza fil-koeffiċjenti tal-korrezzjoni tas-salarji u tal-gradi baxxi ta' reklutaġġ; jinnota f'dan ir-rigward li r-Regolamenti tal-Persunal joffru l-flessibilità neċessarja biex jitqiesu l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol li jeżistu fl-Unjoni waqt li jkunu qed jiġu reklutati l-uffiċjali sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-istituzzjonijiet; iħeġġeġ lis-CEPOL tieħu azzjonijiet fit-tul biex tistabbilizza l-bidla fil-persunal, speċjalment fil-qasam tal-ICT;

4.  Jinnota li fl-2016 l-ambitu tas-CEPOL żdied b'mod sinifikanti bl-għadd ta' parteċipanti li jilħaq it-18 009 meta mqabbel mat-12 992 fl-2015 (+38,6 %); jenfasizza l-kwalità tal-prodotti tas-CEPOL, b'95 % tal-parteċipanti jkunu sodisfatti ħafna jew sodisfatti; jilqa' l-fatt li ċ-ċertifikazzjoni tas-CEPOL hija f'konformità mal-Istandard tas-Sistema ta' Amministrazzjoni tal-Kwalità ISO 9001:2015;

5.  Jirrimarka li l-Aġenzija wettqet b'mod effikaċi l-prodotti u s-servizzi mistennija skont il-Programm ta' Ħidma tal-2016 tagħha;

6.  Jinnota li l-2016 kienet l-ewwel sena sħiħa ta' implimentazzjoni tal-proġett ta' Sħubija għal Taħriġ Kontra t-Terroriżmu UE/MENA; jilqa' l-fatt li dan il-proġett issa huwa rikonoxxut bħala proġett ewlieni fil-kooperazzjoni tal-Unjoni mal-pajjiżi MENA (il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq) dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu;

7.  Jenfasizza li total ta' 1 788 parteċipant attendew il-korsijiet residenzjali, il-webinars u l-iskambji tal-Aġenzija fil-qasam tad-drittijiet fundamentali kif irrappurtat fir-Rapport Annwali Konsolidat 2016; iħeġġeġ lis-CEPOL tkompli l-implimentazzjoni ta' taħriġ f'dawn l-oqsma b'mod effiċjenti; jappoġġa wkoll l-intenzjoni tas-CEPOL li tkompli l-implimentazzjoni tat-taħriġ u tal-webinars biex tipprovdi lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi informazzjoni aġġornata u l-aħjar prattika dwar l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tad-delitti ta' mibegħda u l-forom differenti ta' vjolenza sessista, u biex iżżid l-għarfien dwar l-isfidi mġarrba minn gruppi soċjali vulnerabbli;

8.  Jiddeplora l-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-esperti ta' CEPOL huma ppubblikati fuq is-sit web tagħha għall-maniġment superjuri u l-membri tal-Bord ta' Tmexxija biss; iħeġġeġ l-għan ta' CEPOL biex jiġu riveduti l-arranġamenti tagħha għall-ġbir u l-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-esperti, b'kunsiderazzjoni xierqa għar-rekwiżiti tal-ħarsien tad-data personali;

9.  Jistieden lill-Aġenzija tadotta u timplimenta mingħajr dewmien strateġija ċara u solida dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u regoli kontra r-"revolving doors" f'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni;

10.  Jistieden lill-Aġenzija timplimenta mingħajr dewmien l-għanijiet tagħha li żżid il-viżibilità tagħha online u biex tkompli ttejjeb is-sit web tagħha sabiex isir aktar rilevanti għall-partijiet interessati tagħha u għal sostenn aħjar tal-ħidma tas-CEPOL; jirrakkomanda lill-Kulleġġ jirrapporta aħjar l-effetti tal-attivitajiet tiegħu, b'mod partikolari dwar is-sigurtà tal-Unjoni; jirrikonoxxi l-isforzi tas-CEPOL f'din id-direzzjoni;

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

1.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Heinz K. Becker, Malin Björk, Michał Boni, Caterina Chinnici, Frank Engel, Cornelia Ernst, Raymond Finch, Lorenzo Fontana, Kinga Gál, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Dietmar Köster, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Roberta Metsola, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Sergei Stanishev, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Marie-Christine Vergiat, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Kostas Chrysogonos, Carlos Coelho, Gérard Deprez, Maria Grapini, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Marek Jurek, Andrejs Mamikins, Angelika Mlinar, Jaromír Štětina

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Jonathan Bullock, Julia Reda, Francis Zammit Dimech

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT MITLUB JAGĦTI OPINJONI

46

+

ALDE

Gérard Deprez, Nathalie Griesbeck, Filiz Hyusmenova, Sophia in 't Veld, Angelika Mlinar

ECR

Marek Jurek, Branislav Škripek, Helga Stevens

GUE/NGL

Malin Björk, Kostas Chrysogonos, Cornelia Ernst, Marie-Christine Vergiat

PPE

Asim Ademov, Georges Bach, Heinz K. Becker, Michał Boni, Carlos Coelho, Frank Engel, Kinga Gál, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Barbara Kudrycka, Roberta Metsola, Csaba Sógor, Jaromír Štětina, Traian Ungureanu, Francis Zammit Dimech, Tomáš Zdechovský

S&D

Caterina Chinnici, Ana Gomes, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Dietmar Köster, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Birgit Sippel, Sergei Stanishev, Josef Weidenholzer

VERTS/ALE

Julia Reda, Judith Sargentini

5

-

EFDD

Jonathan Bullock, Raymond Finch

ENF

Lorenzo Fontana, Auke Zijlstra

NI

Udo Voigt

1

0

EFDD

Kristina Winberg

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Raffaele Fitto, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Jean-François Jalkh, Notis Marias, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Brian Hayes, Karin Kadenbach, Julia Pitera, Miroslav Poche

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

17

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Brian Hayes, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Cătălin Sorin Ivan, Karin Kadenbach, Miroslav Poche, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

5

-

ECR

Raffaele Fitto, Notis Marias

EFDD

Marco Valli

ENF

Jean-François Jalkh

GUE/NGL

Dennis de Jong

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 47.

(2)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 47.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)

ĠU L 256, 1.10.2005, p. 63.

(5)

ĠU L 319, 4.12.2015, p. 1.

(6)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(7)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 47.

(8)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 47.

(9)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(10)

ĠU L 256, 1.10.2005, p. 63.

(11)

ĠU L 319, 4.12.2015, p. 1.

(12)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(13)

ĠU C 113, 30.03.2016, p. 107.

(14)

Testi adottati ta' din id-data, P8_TA-PROV(2018)0000.

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' April 2018Avviż legali