Proċedura : 2017/2144(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0099/2018

Testi mressqa :

A8-0099/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.27

Testi adottati :

P8_TA(2018)0132

RAPPORT     
PDF 639kWORD 64k
26.3.2018
PE 612.041v02-00 A8-0099/2018

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima IX - Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

(2017/2144(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur għal opinjoni: Marco Valli

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima IX - Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

(2017/2144(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 (COM(2017)0365 – C8-255/2017)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0099/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

(2017/2144(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0099/2018),

A.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tenfasizza l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u billi jiġi implimentat il-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.  Jinnota l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2016 għall-infiq amministrattiv u għal infiq ieħor tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ("il-Kontrollur") kienu ħielsa minn żball materjali u li s-sistemi ta' superviżjoni u kontroll eżaminati għall-infiq amministrattiv u għal infiq ieħor kienu effikaċi;

2.  Jinnota li fir-Rapport Annwali 2016 tagħha, il-Qorti osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija serja fir-rigward tat-temi awditjati b'rabta mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Kontrollur;

3.  Jinnota li, skont il-proċedura ta' kwittanza attwali, il-Kontrollur jippreżenta rapporti ta' attività annwali lill-Qorti f'Ġunju, il-Qorti mbagħad tippreżenta r-rapport tagħha lill-Parlament f'Ottubru, u ssir votazzjoni dwar il-kwittanza mill-Parlament fis-sessjoni plenarja sa Mejju; jinnota li, sakemm ma tiġix posposta l-kwittanza, jgħaddu mill-inqas 17-il xahar bejn l-għeluq tal-kontijiet annwali u l-għeluq tal-proċedura ta' kwittanza; jirrimarka li l-awditjar fis-settur privat isegwi skeda ta' żmien ħafna iqsar; jisħaq fuq il-fatt li l-proċedura ta' kwittanza teħtieġ li tiġi semplifikata u li titħaffef; jitlob lill-Kontrollur u lill-Qorti jsegwu l-aħjar prattika fis-settur privat; jipproponi f'dan ir-rigward li jiġi stabbilit terminu għall-preżentazzjoni tar-rapporti ta' attività annwali sal-31 ta' Marzu tas-sena ta' wara s-sena kontabilistika u terminu għall-preżentazzjoni tar-rapport tal-Qorti tal-1 ta' Lulju; jipproponi wkoll li jsir rieżami tal-iskeda taż-żmien għall-proċedura ta' kwittanza kif stabbilit fl-Artikolu 5 tal-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament sabiex il-votazzjoni dwar il-kwittanza ssir fis-sessjoni parzjali plenarja tal-Parlament, u b'hekk tingħalaq il-proċedura ta' kwittanza fi żmien sena wara s-sena kontabilistika inkwistjoni;

4.  Jilqa' l-ġestjoni finanzjarja ġeneralment prudenti u soda tal-Kontrollur fil-perjodu tal-baġit tal-2016; jesprimi appoġġ għall-bidla tal-paradigma li rnexxiet lejn ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni fl-ippjanar tal-baġit tal-Kummissjoni introdotta mill-Viċi President Kristalina Georgieva f'Settembru 2015 bħala parti mill-inizjattiva "Baġit tal-UE Ffukat fuq ir-Riżultati"; iħeġġeġ lill-Kontrollur japplika dak il-metodu għall-proċedura ta' ppjanar tal-baġit tiegħu stess;

5.  Jinnota li fl-2016, il-Kontrollur kellu baġit allokat totali ta' EUR 9 288 043 (EUR 8 760 417 fl-2015), u li r-rata ta' implimentazzjoni kienet ta' 91,93 % (94,66  % fl-2015); jinnota t-tnaqqis fir-rata ta' implimentazzjoni u l-previżjoni tal-Kontrollur għaż-żamma ta' din ix-xejra fis-snin li ġejjin; jistieden lill-Kontrollur jiddefinixxi l-estimi baġitarji tiegħu b'mod prudenti, filwaqt li jqis iż-żieda prevedibbli fl-attività għas-snin li ġejjin;

6.  Jinnota li l-Kontrollur għadu qed jaħdem fuq it-twaqqif tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data; iqis li l-estimi baġitarji għandhom jiżguraw prestazzjoni baġitarja effiċjenti fis-snin li ġejjin;

7.  Jisħaq fuq il-fatt li r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-data fis-setturi tal-pulizija u tal-ġustizzja(6) se jibdew ikunu eżegwibbli minn Mejju 2018 u se jkollhom jiġu rispettati u implimentati bis-sħiħ; jirrikonoxxi l-intenzjoni tal-Kontrollur li jżomm ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data bħala punt ta' referenza għall-ħidma tiegħu;

8.  Jilqa' l-ħidma li qed iwettaq bħalissa n-Netwerk tal-Inġinerija tal-Privatezza tal-Internet, li huwa grupp magħmul minn esperti tal-IT mis-setturi kollha li jipprovdi pjattaforma għall-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni dwar metodi u għodda ta' inġinerija li jintegraw ir-rekwiżiti f'dak li jikkonċerna l-protezzjoni tad-data u l-privatezza fit-teknoloġiji l-ġodda, li hija kwistjoni essenzjali fl-implimentazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data;

9.  Jistieden lill-Kontrollur jipprovdi lista dettaljata tal-missjonijiet imwettqa mill-membri tiegħu fl-2016, li fiha jkunu indikati l-prezz, il-post u l-ispejjeż ta' kull missjoni; jappella biex il-missjonijiet imwettqa fl-2017 jiġu inklużi fir-rapport ta' attività annwali li jmiss tiegħu;

10.  Huwa konxju tal-adozzjoni tal-miżuri implimentattivi biex ikun żgurat kontroll intern effikaċi tal-proċessi sabiex jiggarantixxu l-kisba ekonomika, effiċjenti u effikaċi tal-objettivi tal-Kontrollur; jistieden lill-Kontrollur jinkludi informazzjoni dwar il-miżuri tar-rapport ta' attività annwali tiegħu;

11.  Jilqa' t-tnedija tal-Inizjattiva tal-Kontrollur għar-Responsabbiltà fl-2016, intiża biex tgħammar lill-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Kontrollur stess bħala kontrollur tad-data, ħalli jmexxu bl-eżempju kif l-istituzzjonijiet għandhom jikkonformaw u juru konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

12.  Jirrimarka li fir-rapport Annwali tal-Awditjar Intern tiegħu għall-2016, ippubblikat lejn tmiem Marzu 2017, l-awditur intern (IAS) identifika ħames rakkomandazzjonijiet importanti b'rabta mas-Sistemi ta' Kontroll Intern li kienu diġà saru fi snin preċedenti u li għadhom ma ġewx indirizzati; jiddispjaċih li xi wħud minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma relatati mas-sigurtà tal-informazzjoni u ma' politiki dwar il-kontinwità tal-attivitajiet; jinnota li n-nuqqas ta' Politika dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni jżid ir-riskju li l-informazzjoni ma tiġix protetta biżżejjed, u dan jaf iwassal biex l-informazzjoni tiġi żvelata u r-reputazzjoni tal-Kontrollur tittappan; jilqa' l-adozzjoni min-naħa tal-Kontrollur tal-Politika dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni fid-19 ta' Ġunju 2017 minkejja dewmien ta' aktar minn 14-il xahar; jistieden lill-Kontrollur, speċjalment fid-dawl tan-natura tal-missjoni u l-kompiti tiegħu, biex imexxi bl-eżempju u fil-futur jimplimenta rakkomandazzjonijiet mingħajr dewmien bla bżonn;

13.  Jistieden lill-Kontrollur jinforma lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar l-ammonti mħallsa fl-2016 fl-ambitu tal-ftehimiet fil-livell tas-servizz li jinvolvu l-ħlas ta' drittijiet li jiddependu mill-konsum;

14.  Jilqa' l-adozzjoni fl-2016 ta' strateġija għall-opportunitajiet indaqs u l-kunsiderazzjoni ta' miżuri li jtejbu l-benesseri fuq il-post tax-xogħol;

15.   Jilqa' l-inklużjoni ta' informazzjoni eżawrjenti dwar ir-riżorsi umani kollha għad-dispożizzjoni tal-Kontrollur fir-rapport ta' attività annwali tiegħu;

16.  Jitlob li fir-rapport ta' attività annwali tal-Kontrollur tingħata ħarsa ġenerali lejn it-taqsimiet dwar il-ġestjoni tal-akkwisti u tal-missjonijiet, biex tinkludi tabella komparattiva ta' dawn l-aħħar erba' snin;

17.  Jinnota l-adozzjoni fl-2016 tal-Qafas tal-Etika li jirregola l-imġiba tal-membri u tal-persunal kollu tal-Kontrollur fir-relazzjonijiet esterni u interni tagħhom; jinnota wkoll li dan il-qafas jinkludi l-kodiċi ta' kondotta eżistenti, id-deċiżjonijiet dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u dawk kontra l-fastidju, il-proċeduri dixxiplinari u l-investigazzjonijiet amministrattivi; jitlob li l-informazzjoni dwar is-suġġetti differenti tal-qafas tkompli tiġi ppreżentata separatament fir-rapport ta' attività annwali;

18.  Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp ta' żvelar, konsulenza u riferiment indipendenti b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jiġu offruti l-appoġġ u l-konsulenza li jeħtieġu;

19.  Iħeġġeġ il-kontribut dejjem akbar tal-Kontrollur għal soluzzjonijiet li jmexxu l-innovazzjoni u li jiżguraw li jkun hemm konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, speċjalment billi jiżdiedu t-trasparenza, il-kontroll tal-utenti u r-responsabbiltà fl-ipproċessar tal-big data; jitlob li jittieħdu azzjonijiet effikaċi li jimmassimizzaw il-benefiċċji tat-teknoloġiji l-ġodda filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali;

20.  Jinnota li l-Kontrollur, fir-rapport ta' attività annwali tiegħu, ippubblika kapitolu dwar il-kooperazzjoni interistituzzjonali ma' istituzzjonijiet oħrajn kif ġie mitlub fir-rapport ta' kwittanza tal-2015; jinnota li, fl-2016, il-Kontrollur iffirma żewġ Ftehimiet Individwali ta' Kooperazzjoni ġodda; jistieden lill-Kontrollur ikompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni interistituzzjonali u jaġġorna ir-riżultati li kiseb fir-rapport ta' attività annwali li jmiss tiegħu;

21.  Jinnota li l-Kontrollur, fir-rapport ta' attività annwali tiegħu, inkluda dikjarazzjoni dwar il-progress li kien għamel fir-rigward tal-istrateġija tiegħu għall-2015-2019; jinnota li, f'Marzu 2015, il-Kontrollur evalwa mill-ġdid l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tiegħu sabiex jimmonitorja u jaġġusta l-impatt ta' ħidmietu u l-użu min-naħa tiegħu tar-riżorsi; jinnota b'sodisfazzjon li l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni kollha stabbiliti fl-istrateġija għall-2015-2019 tal-Kontrollur intlaħqu, u li, xi drabi, il-Kontrollur qabeż l-objettivi rispettivi tiegħu fl-2016, fatt li juri li l-implimentazzjoni tal-istrateġija miexja tajjeb; iħeġġeġ lill-Kontrollur ikompli jaħdem f'din id-direzzjoni;

22.  Jilqa' l-għan tal-Kontrollur, kif stabbilit fl-istrateġija dwar il-mandat tiegħu, biex il-protezzjoni tad-data ssir sempliċi u effikaċi kemm jista' jkun għal dawk kollha involuti;

23.  Jiddispjaċih għad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea; josserva li f'dan il-punt ma tista' ssir ebda previżjoni dwar il-konsegwenzi finanzjarji, amministrattivi, umani u ta' tip ieħor relatati mal-ħruġ, u jitlob lill-Kumitat u lill-Qorti jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt u jinformaw lill-Parlament dwar ir-riżultati sa tmiem l-2018.

7.2.2018

OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016: Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

(2017/2144(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Kostas Chrysogonos

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-Baġit tal-UE ma fih l-ebda kumment dwar il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD); jirrikonoxxi, madankollu, li ma ntgħażlet l-ebda tranżazzjoni tal-KEPD biex isirilha awditu mill-Qorti tal-Awdituri fl-2016 bħala parti minn kampjun aleatorju min-nefqa amministrattiva kollha kemm hi, li jkopri l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha, u li, għaldaqstant, il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti tal-KEPD ma ġewx eżaminati mill-Qorti tal-Awdituri; jisħaq fuq il-punt, madankollu, li fl-aħħar erba' snin il-Qorti tal-Awdituri ppubblikat opinjonijiet pożittivi għall-KEPD; ifakkar li t-trasparenza hija essenzjali biex dan il-korp tal-Unjoni jiffunzjona tajjeb;

2.  Jirrimarka li fir-rapport Annwali tal-Awditjar Intern għall-2016 ippubblikat lejn tmiem Marzu 2017, l-awditur intern (Is-Servizz tal-Awditjar Intern) identifika ħames rakkomandazzjonijiet importanti b'rabta mas-Sistemi ta' Kontroll Intern li ġew identifikati f'eżerċizzji preċedenti u li għadhom ma ġewx indirizzati; jiddispjaċih li xi wħud minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma relatati mas-sigurtà tal-informazzjoni u ma' politiki dwar il-kontinwità tal-attivitajiet; jinnota li n-nuqqas ta' Politika dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni jżid ir-riskju li l-informazzjoni ma tiġix protetta biżżejjed, u dan jaf iwassal biex l-informazzjoni tiġi żvelata u r-reputazzjoni tal-istituzzjoni tittappan; jilqa' l-adozzjoni min-naħa tal-KEPD tal-Politika dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni fid-19 ta' Ġunju 2017 minkejja dewmien ta' aktar minn 14-il xahar; jitlob lill-KEPD, speċjalment fid-dawl tan-natura tal-missjoni u l-kompiti tiegħu, biex imexxi bl-eżempju u fil-futur jimplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet mingħajr dewmien bla bżonn;

3.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni stabbiliti fl-Istrateġija tal-KEPD 2015-2019 laħqu l-miri rispettivi tagħhom fl-2016, u xi drabi qabżuhom, u dan juri li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija miexja tajjeb;

4.  Jenfasizza l-kwalità tal-parir mogħti lil min ifassal il-politiki tal-Unjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-Ftehim Komprensiv u l-Ħarsien tal-Privatezza; jirrikonoxxi l-isforzi tal-KEPD biex iħejji lilu nnifsu ħalli jiggarantixxi s-Segretarjat tal-Bord Ewropew il-ġdid għall-Protezzjoni tad-Data bħala parti mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data(7); josserva b'interess il-ħolqien min-naħa tal-KEPD tal-Grupp Konsultattiv dwar l-Etika(8);

5.  Jenfasizza li r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-data fis-setturi tal-pulizija u tal-ġustizzja(9) se jibdew ikunu eżegwibbli minn Mejju 2018 u għandhom jiġu rispettati u implimentati bis-sħiħ; jirrikonoxxi l-intenzjoni tal-KEPD li jżomm ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data bħala punt ta' referenza għall-ħidma tiegħu;

6.  Jilqa' l-ħidma li qed iwettaq bħalissa n-Netwerk tal-Inġinerija tal-Privatezza tal-Internet, li huwa grupp magħmul minn esperti tal-IT mis-setturi kollha li jipprovdi pjattaforma għall-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni dwar metodi u għodda ta' inġinerija li jintegraw ir-rekwiżiti f'dak li jikkonċerna l-protezzjoni tad-data u l-privatezza fit-teknoloġiji l-ġodda, li hija kwistjoni essenzjali fl-implimentazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data;

7.  Jilqa' t-tnedija tal-Inizjattiva ta' Akkontabilità tal-KEPD fl-2016, intiża biex tgħammar lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b'mod partikolari l-KEPD stess bħala kontrollur tad-data, ħalli jmexxu bl-eżempju kif għandhom jikkonformaw u juru konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

8.  Iħeġġeġ il-kontribuzzjoni dejjem akbar tal-KEPD għal soluzzjonijiet li jmexxu l-innovazzjoni u li jiżguraw li jkun hemm konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, speċjalment billi jiżdiedu t-trasparenza, il-kontroll tal-utenti u l-akkontabilità fl-ipproċessar tal-big data; jitlob li jittieħdu azzjonijiet effikaċi li jimmassimizzaw il-benefiċċji tat-teknoloġiji l-ġodda filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali;

9.  Jilqa' l-għan tal-KEPD, kif stabbilit fl-Istrateġija għall-mandat tiegħu, biex il-protezzjoni tad-data ssir sempliċi u effikaċi kemm jista' jkun għal dawk kollha involuti;

10.  Jinnota b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tal-linji gwida dwar l-ipproċessar ta' informazzjoni personali bħala parti minn proċedura ta' whistleblowing, li jipprovdu rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jinħolqu passaġġi sikuri għall-persunal biex jirrapporta l-frodi, jiżgura l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jirċievi u jipproteġi l-identitajiet ta' kull min huwa kollegat mal-każ.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

1.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Heinz K. Becker, Malin Björk, Michał Boni, Caterina Chinnici, Frank Engel, Cornelia Ernst, Raymond Finch, Lorenzo Fontana, Kinga Gál, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Dietmar Köster, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Roberta Metsola, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Sergei Stanishev, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Marie-Christine Vergiat, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Kostas Chrysogonos, Carlos Coelho, Gérard Deprez, Maria Grapini, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Marek Jurek, Andrejs Mamikins, Angelika Mlinar, Jaromír Štětina

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Jonathan Bullock, Julia Reda, Francis Zammit Dimech

RIŻULTAT TAL-VOTAZZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

46

+

ALDE

Gérard Deprez, Nathalie Griesbeck, Filiz Hyusmenova, Sophia in 't Veld, Angelika Mlinar

ECR

Marek Jurek, Branislav Škripek, Helga Stevens

GUE/NGL

Malin Björk, Kostas Chrysogonos, Cornelia Ernst, Marie-Christine Vergiat

PPE

Asim Ademov, Georges Bach, Heinz K. Becker, Michał Boni, Carlos Coelho, Frank Engel, Kinga Gál, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Barbara Kudrycka, Roberta Metsola, Csaba Sógor, Jaromír Štětina, Traian Ungureanu, Francis Zammit Dimech, Tomáš Zdechovský

S&D

Caterina Chinnici, Ana Gomes, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Dietmar Köster, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Birgit Sippel, Sergei Stanishev, Josef Weidenholzer

VERTS/ALE

Julia Reda, Judith Sargentini

6

-

EFDD

Jonathan Bullock, Raymond Finch, Kristina Winberg

ENF

Lorenzo Fontana, Auke Zijlstra

NI

Udo Voigt

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Raffaele Fitto, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Jean-François Jalkh, Arndt Kohn, Notis Marias, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Julia Pitera

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

19

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová

EFDD

Marco Valli

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Cătălin Sorin Ivan, Arndt Kohn, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

3

-

ECR

Raffaele Fitto, Notis Marias

ENF

Jean-François Jalkh

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

  ĠU L 48, 24.2.2016.

(2)

  ĠU C 323, 28.9.2017, p. 1.

(3)

  ĠU C 322, 28.9.2017, p. 1.

(4)

  ĠU C 322, 28.9.2017, p. 10.

(5)

  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(6)

Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(7)

  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(8)

  Deċiżjoni dwar il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-3 ta' Diċembru 2015 li tistabbilixxi grupp konsultattiv estern dwar id-dimensjonijiet etiċi tal-protezzjoni tad-data ("il-Grupp Konsultattiv dwar l-Etika")

(9)

  Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' April 2018Avviż legali