Proċedura : 2017/2153(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0106/2018

Testi mressqa :

A8-0106/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.31

Testi adottati :

P8_TA(2018)0136

RAPPORT     
PDF 725kWORD 60k
26.3.2018
PE 613.466v02-00 A8-0106/2018

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2153(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Bart Staes

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2153(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta taċ-Ċentru(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata liċ-Ċentru fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0063/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/1994 tat-28 ta' Novembru 1994 li jistabbilixxi Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0106/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2153(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta taċ-Ċentru(6),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(7) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata liċ-Ċentru fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0063/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(8), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/1994 tat-28 ta' Novembru 1994 li jwaqqaf ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0106/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2153(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0106/2018),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont ir-rapport tad-dħul u n-nefqa tiegħu(11), il-baġit finali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea ("iċ-Ċentru") għas-sena finanzjarja 2016 kien jammonta għal EUR 50 576 283, li jirrappreżenta żieda ta' 2,0 % meta mqabbel ma' dak għall-2015;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet bażi huma legali u regolari;

Segwitu għall-kwittanza 2015

1.  Jiddispjaċih ħafna li ċ-Ċentru għad m'għandux pjan tal-kontinwità tan-negozju stabbilit skont il-kumment tal-Qorti, u b'hekk mhuwiex konformi mal-Istandard ta' Kontroll Intern Nru 10; iħeġġeġ liċ-Ċentru jinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar azzjoni ulterjuri;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 89,37 %, li tirrappreżenta żieda ta' 1,21 % meta mqabbla ma' dik tas-sena preċedenti; josserva li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 82,19 %, li tfisser żieda ta' 3,66 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;

3.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fl-2016 id-depożiti fi flus kontanti u għal terminu qasir miżmuma miċ-Ċentru naqsu għal EUR 34 200 000 (meta mqabbla ma' EUR 38 300 000 fl-aħħar tal-2015) u r-riżervi naqsu għal EUR 31 100 000 (meta mqabbla ma' EUR 34 000 000 fi tmiem l-2015); jinnota li dan it-tnaqqis jirriżulta minn approċċ baġitarju li għandu l-intenzjoni li jnaqqas is-surplus akkumulat minn snin preċedenti; jirrikonoxxi li, skont iċ-Ċentru, huwa previst li t-tnaqqis tal-eċċessi tal-baġit ser ikompli jiġi aċċellerat fl-2017 bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-istruttura l-ġdida tal-prezzijiet li ser tnaqqas il-prezz medju mħallas għat-traduzzjoni mill-klijenti taċ-Ċentru;

Impenji u riporti

4.  Jinnota li ċ-Ċentru naqqas bi ftit ir-rata globali tal-approprjazzjonijiet impenjati riportati għas-sena ta' wara minn 9,63 % fl-2015 għal 7,56 % fl-2016, jiġifieri tnaqqis ta' 2,07 %; jieħu nota tal-fatt li l-ispejjeż għolja ta' eżekuzzjoni huma dovuti l-aktar minħabba l-infiq fit-Titolu 1, fejn intużaw 97,80 % tal-baġit;

5.  Jinnota li r-riporti ħafna drabi jistgħu jkunu parzjalment jew kompletament ġustifikati minħabba n-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-aġenziji u kkomunikati lill-Qorti; jirrimarka, madankollu, li l-perċentwal għoli ta' riporti kanċellati (10 %) jista' jitqies sinjal ta' ppjanar impreċiż tal-baġit;

Politika tal-persunal

6.  Josserva, mit-tabella tal-persunal, li 195 post (mill-197 post awtorizzat skont il-baġit tal-Unjoni) kienu okkupati fl-2016, l-istess ċifra tal-2015; jinnota bi tħassib li, abbażi tan-numru ta' postijiet okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, fl-2016 l-iżbilanċ bejn il-ġeneri kien ta' 61,64 % fil-każ tan-nisa u 38,36 % fil-każ tal-irġiel, proporzjon żbilanċjat ta' kważi żewġ nisa għal kull raġel; jirrakkomanda li dan l-iżbilanċ għandu jiġi regolarizzat u rimedjat malajr kemm jista' jkun;

7.  Jinnota li s'issa ċ-Ċentru kkonforma mal-mira ta' 5 % tnaqqis fil-persunal (flimkien ma' 5 % bħala aġenzija "li qabdet it-triq") mill-2014 sal-2018; jinsisti li ċ-Ċentru jrid ikollu r-riżorsi meħtieġa biex jipprovdi servizz tat-traduzzjoni u tal-lingwa tal-ogħla livell; iwissi kontra aktar tnaqqis fil-futur għall-baġit taċ-Ċentru jew għat-tabella tal-persunal;

8.  Jisħaq fuq il-fatt li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun parti mill-politika tal-persunal taċ-Ċentru; jinnota li l-baġit li ntefaq fuq attivitajiet ta' benessri jammonta għal EUR 13 754; josserva li n-numru medju ta' liv minħabba mard fl-2016 kien ta' 13,04 ijiem għal kull membru tal-persunal;

9.  Ifakkar li fl-2009 ċ-Ċentru adotta deċiżjoni dwar il-fastidju psikoloġiku u sesswali; huwa favur is-sessjonijiet ta' taħriġ u informazzjoni organizzati biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-persunal rigward il-fastidju psikoloġiku u sesswali;

10.  Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2016 iċ-Ċentru ma rċeviex ilmenti, azzjonijiet legali jew każijiet irrapportati marbuta mar-reklutaġġ jew mat-tkeċċija ta' membri tal-persunal;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

11.  Jirrikonoxxi li l-istrateġija kontra l-frodi taċ-Ċentru ġiet adottata mill-Bord Amministrattiv tiegħu f'Ottubru 2016 u li ċ-Ċentru se jinkludi kapitolu dwar it-trasparenza, id-dover ta' rendikont u l-integrità fir-rapport annwali tiegħu tal-2017;

12.  Jinnota bi tħassib li ċ-Ċentru għażel li jippubblika d-dikjarazzjonijiet ta' interess mingħajr il-curricula vitae minħabba problemi ta' ġestjoni assoċjati li jikkonċernaw id-daqs tal-bord amministrattiv tiegħu (madwar 130 membru u membri supplenti); jinnota li d-dikjarazzjoni tal-interessi u l-curriculum vitae tad-direttur huma ppubblikati fuq is-sit web taċ-Ċentru;

13.  Japprezza l-fatt li fl-2016 iċ-Ċentru ma kellu ebda każ ta' kunflitt ta' interess;

14.  Jinnota b'sodisfazzjon li ċ-Ċentru adotta regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta fl-2008 u mmodifikahom fl-2014; jinnota li fl-2016 ma kien hemm ebda każ ta' informaturi fiċ-Ċentru;

15.  Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp indipendenti ta' żvelar, konsulenza u riferiment b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, sabiex jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jagħtihom l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa;

16.  Jiddispjaċih li ċ-Ċentru ma jippubblikax il-minuti tal-laqgħat tal-bord amministrattiv tiegħu; jistieden liċ-Ċentru jibdel il-politika tiegħu;

17.  Jieħu nota tar-raġunijiet taċ-Ċentru għala rrifjuta l-aċċess għad-dokumenti ; jistenna li ċ-Ċentru juża bl-akbar legalità u regolarità l-possibbiltà li jirrifjuta l-aċċess għal dokumenti filwaqt li jipproteġi data kunfidenzjali jew personali;

Kisbiet ewlenin

18.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati miċ-Ċentru fl-2016, prinċipalment:

–  li ċ-Ċentru żviluppa l-Istrateġija 2016-2020 tiegħu li kienet adottata mill-Bord Amministrattiv tiegħu;

–  li s-sistema l-ġdida tal-ġestjoni tal-fluss tax-xogħol taċ-Ċentru (eCDT) tnediet b'suċċess għall-klijenti taċ-Ċentru;

–  li ċ-Ċentru żviluppa struttura ġdida għall-prezzijiet tat-traduzzjoni ta' dokumenti li rriżultat f'iffrankar għall-klijenti taċ-Ċentru abbażi tal-użu mill-ġdid ta' kontenut merfugħ fil-memorji tat-traduzzjoni taċ-Ċentru;

19.  Jiddispjaċih ħafna, madankollu, li ċ-Ċentru ma jużax indikaturi tal-impatt, indikaturi tal-eżiti, jew indikaturi tal-input għad-dokumenti ta' programmazzjoni tiegħu; jinnota li ċ-Ċentru ma jwettaqx valutazzjonijiet sistematiċi ex ante għall-ippjanar u l-kontrolli, u barra minn hekk jistieden liċ-Ċentru juża b'mod sistematiku l-valutazzjonijiet ex post biex ikejjel il-prestazzjoni tiegħu;

Awditjar Intern

20.  Jinnota, miċ-Ċentru, li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) wettaq awditjar ta' segwitu dwar il-ġestjoni tal-kontinwità tan-negozju taċ-Ċentru u dwar il-ġestjoni tal-fluss tax-xogħol għat-traduzzjoni tad-dokumenti; josserva li r-rakkomandazzjonijiet kollha, ħlief għal tlieta, li għandhom jiġu indirizzati fl-2017, kienu ġew implimentati b'mod adegwat u effikaċi; jinnota li sar progress sinifikanti fit-twaqqif ta' pjanijiet tal-kontinwità tan-negozju li parzjalment immitigaw ir-riskji identifikati u għalhekk naqqsu l-livell ta' importanza tar-rakkomandazzjoni minn "importanti ħafna" għal "importanti"; jinnota, barra minn hekk, li l-IAS irrikonoxxa l-iżvilupp kontinwu ta' sistema ġdida tal-ġestjoni tal-fluss tax-xogħol tat-traduzzjoni, eCDT, iżda kkunsidra li bosta elementi għad iridu jiġu finalizzati qabel dik ir-rakkomandazzjoni "importanti" tista' titqies bħala kompletament implimentata; jistieden liċ-Ċentru jgħaddi rapport lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-IAS;

Prestazzjoni

21.  Jieħu nota tar-rieżami tas-sistema ta' sodisfazzjon tal-klijent sabiex jiġi żviluppat proċess aktar effikaċi għall-kuntatt mal-klijenti; jilqa' l-approċċ il-ġdid li ġie ppreżentat lil sitt klijenti f'Settembru 2016, jiġifieri l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol; jistenna bil-ħerqa li jara soluzzjoni ssemplifikata li se tittejjeb u tiġi varata fl-eCDT matul l-2017;

22.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-iffirmar ta' ftehimiet ġodda bejn iċ-Ċentru u tliet entitajiet fl-2016, biex b'hekk in-numru totali ta' klijenti tela' għal 64; jistieden lill-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni biex kull meta jkun possibbli, jevitaw l-irduppjar tas-servizzi tat-traduzzjoni billi jagħmlu użu aktar estensiv mis-servizzi taċ-Ċentru;

23.  Jinnota, mir-rapport annwali tal-attività taċ-Ċentru li, abbażi tar-rieżami ta' tmiem is-sena mwettaq mill-maniġment taċ-Ċentru, u bl-applikazzjoni ta' xi fatturi ta' ponderazzjoni, il-perċentwal globali ta' implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma emendat taċ-Ċentru għall-2016 kien ta' 79,2 % abbażi tal-baġit inizjali u ta' 85 % abbażi tal-baġit emendatorju;

24.  Jinnota b'sodisfazzjon li ċ-Ċentru adotta pjan ta' azzjoni ġdid għall-assigurazzjoni tal-kwalità tat-traduzzjonijiet (TQAAP) għall-perjodu 2015-2016; jinnota li l-mira tar-rata tat-twettiq għat-TQAAP fil-programm ta' ħidma emendat taċ-Ċentru għall-2016 kienet stabbilita għal 100 %, u li sa tmiem l-2016 98,2 % tal-pjan kien implimentat; jirrikonoxxi li l-enfasi kienet fuq l-implimentazzjoni ta' għodda ta' ġestjoni ġdida tal-corpus (MultiTrans) u l-awtomazzjoni tal-fluss tal-informazzjoni dwar talbiet ta' traduzzjoni relatati permezz tal-għodda tal-fluss tax-xogħol ġdida, eCDT; jilqa' l-progress ulterjuri li sar bit-testijiet imwettqa bil-programmi tat-traduzzjoni mekkanizzata speċifiċi taċ-Ċentru;

25.  Japprova l-impenn ċar taċ-Ċentru favur il-kwalità, kif muri fil-pożizzjoni iebsa tiegħu dwar traduzzjonijiet minn kuntratturi esterni li kienu "ripetutament mhux sodisfaċenti"; jilqa' l-approċċ tiegħu li jipprovdi taħriġ tematiku kontinwu kemm għat-tradutturi interni taċ-Ċentru kif ukoll għall-kuntratturi esterni, peress li dan jgħin biex jinżammu standards ta' kwalità għolja;

Kummenti oħra

26.  Itenni l-impenn sostnut tiegħu favur il-multilingwiżmu fl-Unjoni, bħala pjattaforma ewlenija għall-inklużjoni taċ-ċittadini u, bħala tali, rekwiżit essenzjali għas-suċċess tas-sistema demokratika tal-Unjoni; f'dan ir-rigward, jitlob lill-Parlament Ewropew biex jingħaqad mal-Kunsill u mal-Kumitat tar-Reġjuni u jippermetti interpretazzjoni u traduzzjoni f'dawk il-lingwi li għandhom status kostituzzjonali fil-livell nazzjonali(12); jilqa' r-rwol li jwettaq iċ-Ċentru biex jiffaċilita l-ħidma tal-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni bit-twassil ta' servizzi ta' traduzzjoni u tal-lingwa ta' kwalità għolja;

27.  Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-kompitu taċ-Ċentru huwa li jipprovdi s-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għall-attivitajiet tal-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni minbarra li jagħmel dan ukoll għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jitolbu s-servizzi tiegħu; jinnota barra minn hekk li r-Regolamenti Fundaturi tal-biċċa l-kbira tal-aġenziji u l-korpi jeħtieġu li dawn jużaw is-servizzi ta' traduzzjoni taċ-Ċentru; jinnota, madankollu, li diversi minnhom (li jgħoddu għal aktar minn nofs id-dħul taċ-Ċentru) jagħmlu użu dejjem akbar ta' soluzzjonijiet interni u ta' soluzzjonijiet alternattivi oħra, li jfisser li ma jintużax il-potenzjal kollu possibbli tal-kapaċità taċ-Ċentru u li hemm duplikazzjoni tal-iżvilupp ta' sistemi u tal-ispejjeż operattivi fil-livell tal-Unjoni u li l-mudell u l-kontinwità operattivi jistgħu jkunu f'riskju;

28.  Iħeġġeġ liċ-Ċentru jkompli bl-isforzi tiegħu biex jesplora teknoloġiji lingwistiċi innovattivi bħala għajnuna għall-ħidma ewlenija tiegħu; iqis li, bl-iżvilupp ta' sorsi terminoloġiċi multilingwi, bħall-bażi ta' data IATE, iċ-Ċentru jgħin biex jiġi żgurat li l-lingwi kollha tal-Unjoni jżommu l-pass mal-kunċetti emerġenti;

°

°  °

29.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' ... 2018(13) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

26.1.2018

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2153(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Bogdan Andrzej Zdrojewski

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Itenni l-impenn sostnut tiegħu favur il-multilingwiżmu fl-Unjoni Ewropea, bħala pjattaforma ewlenija għall-inklużjoni taċ-ċittadini, u, bħala tali, rekwiżit essenzjali għas-suċċess tas-sistema demokratika tal-Unjoni; jilqa' r-rwol li jwettaq iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni biex jiffaċilita l-ħidma tal-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni billi jipprovdi servizzi tat-traduzzjoni u lingwistiċi ta' kwalità għolja;

2.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu dwar l-iffirmar ta' ftehimiet ġodda bejn iċ-Ċentru u tliet entitajiet fl-2016, biex b'hekk in-numru totali ta' klijenti tela' għal 64; jistieden lill-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni biex kull meta jkun possibbli, jevitaw l-irduppjar tas-servizzi tat-traduzzjoni, billi jagħmlu użu ikbar mis-servizzi taċ-Ċentru;

3.  Jinnota li s'issa ċ-Ċentru kkonforma mal-mira ta' 5 % tnaqqis fil-persunal (flimkien ma' 5 % bħala aġenzija "li qabdet it-triq") mill-2014 sal-2018; jinsisti li ċ-Ċentru jrid ikollu r-riżorsi meħtieġa biex jipprovdi servizz tat-traduzzjoni u tal-lingwa tal-ogħla livell; iwissi kontra aktar tnaqqis fil-futur għall-baġit taċ-Ċentru jew għall-pjan ta' stabbiliment;

4.  Ifaħħar l-isforzi taċ-Ċentru biex jitnaqqas il-bilanċ pożittiv baġitarju permezz ta' tnaqqis fil-prezzijiet tiegħu fl-2015, bi tnaqqis fi flus kontanti u depożiti fuq perjodu qasir ta' żmien minn EUR 38,3 miljun fl-2015 għal EUR 34,2 miljun fl-2016 u fir-riżervi minn EUR 34 miljun fl-2015 għal EUR 31,1 miljun fl-2016; jieħu nota tal-istqarrija tad-Direttur li f'mument jew ieħor iż-żieda fil-prezzijiet se ssir inevitabbli u jappella liċ-Ċentru biex jimmaniġġja ż-żieda fil-prezzijiet f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-klijenti;

5.  Japprova l-impenn ċar taċ-Ċentru favur il-kwalità, kif muri fil-pożizzjoni iebsa tiegħu fuq traduzzjonijiet minn kuntratturi esterni li huma "ripetutament mhux sodisfaċenti"; jilqa' l-approċċ tiegħu li jipprovdi taħriġ tematiku kontinwu kemm għat-tradutturi interni taċ-Ċentru kif ukoll għall-kuntratturi esterni, peress li dan jgħin biex jinżammu standards ta' kwalità għolja;

6.  Iħeġġeġ liċ-Ċentru jkompli bl-isforzi tiegħu biex jesplora teknoloġiji lingwistiċi innovattivi bħala għajnuna għall-ħidma ewlenija tiegħu; iqis li, bl-iżvilupp ta' sorsi terminoloġiċi multilingwi, bħall-bażi ta' data tal-IATE, iċ-Ċentru jgħin biex jiġi żgurat li l-lingwi kollha tal-Unjoni jżommu l-pass mal-kunċetti emerġenti.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

23.1.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Damian Drăghici, Angel Dzhambazki, Jill Evans, María Teresa Giménez Barbat, Petra Kammerevert, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Rupert Matthews, Stefano Maullu, Luigi Morgano, John Procter, Michaela Šojdrová, Yana Toom, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Algirdas Saudargas

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

27

+

ALDE

Mircea Diaconu, María Teresa Giménez Barbat, Yana Toom

ECR

Angel Dzhambazki, Rupert Matthews, John Procter

EFDD

Isabella Adinolfi

ENF

Dominique Bilde

GUE/NGL

Nikolaos Chountis, Curzio Maltese

PPE

Andrea Bocskor, Svetoslav Hristov Malinov, Stefano Maullu, Algirdas Saudargas, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski

S&D

Silvia Costa, Damian Drăghici, Petra Kammerevert, Krystyna Łybacka, Luigi Morgano, Julie Ward

Verts/ALE

Jill Evans, Helga Trüpel

0

-

0

0

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Raffaele Fitto, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Jean-François Jalkh, Notis Marias, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Brian Hayes, Karin Kadenbach, Julia Pitera, Miroslav Poche

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

17

+

ALDE

Martina Dlabajová

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Brian Hayes, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Cătălin Sorin Ivan, Karin Kadenbach, Miroslav Poche, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

4

-

ECR

Raffaele Fitto, Notis Marias

EFDD

Marco Valli

ENF

Jean-François Jalkh

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 37.

(2)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 37.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)

ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1.

(5)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(6)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 37.

(7)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 37.

(8)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(9)

ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1.

(10)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(11)

ĠU C 443, 29.11.2016, p 10.

(12)

Il-Kunsill u l-Kumitat tar-Reġjuni daħlu fi ftehim amministrattiv mal-gvernijiet ta' Spanja u tar-Renju Unit sabiex dawk il-lingwi li għandhom status kostituzzjonali fil-livell nazzjonali bħall-Katalan, il-Galizjan, il-Bask, il-lingwa ta' Wales u l-Gaelic Skoċċiż, jistgħu jintużaw għal varjetà ta' skopijiet, inkluża t-traduzzjoni u l-interpretazzjoni. L-implikazzjoni baġitarja għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni hija, effettivament, żero, peress li l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tiegħu huma adottati fil-livell nazzjonali. S'issa, la l-Kunsill u lanqas il-Kumitat tar-Reġjuni ma rrappurtaw problemi fl-implimentazzjoni tal-ftehim.

(13)

Testi adottati, P8_TA-PROV(2018)0000.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' April 2018Avviż legali