Proċedura : 2017/2166(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0107/2018

Testi mressqa :

A8-0107/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.40

Testi adottati :

P8_TA(2018)0145

RAPPORT     
PDF 732kWORD 62k
26.3.2018
PE 613.441v02-00 A8-0107/2018

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2166(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Bart Staes

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2166(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0076/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 tas-26 ta' April 2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-Politika Komuni tas-Sajd(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0107/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2166(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(6),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(7) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0076/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(8), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 tas-26 ta' April 2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-Politika Komuni tas-Sajd(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0107/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2166(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0107/2018),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont ir-rapporti tad-dħul u l-infiq tagħha(11), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 9 967 000, li jfisser żieda ta' 8,14 % meta mqabbel mal-2015; billi ż-żieda kienet dovuta prinċipalment għal għotjiet addizzjonali ad hoc relatati mal-Proġetti Pilota tal-Gwardja tal-Kosta Ewropea; billi l-baġit kollu tal-Aġenzija huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,6 %; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 88,5 %;

2.  Jinnota li l-fondi addizzjonali li waslu mill-Kummissjoni matul is-sena għall-Proġetti Pilota dwar il-funzjonijiet tal-Gwardja tal-Kosta Ewropea influwenzaw b'mod sinifikanti l-baġit, b'mod partikolari żewġ għotjiet ad hoc, total ta' EUR 750 000, waslu fil-baġit bħala dħul assenjat li għandhom jintefqu fis-snin baġitarji 2016 u 2017 (jiġifieri pluriennali), li jiġġustifika l-fatt li r-rata ta' implimentazzjoni tagħhom hija meqjusa apparti mill-implimentazzjoni tal-bqija tal-baġit;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-passi miksuba fl-2016 fil-qasam tal-amministrazzjoni elettronika: l-implimentazzjoni tal-moduli e-Prior għal offerti, ordnijiet u fatturazzjonijiet elettroniċi f'kooperazzjoni mad-Direttorat Ġenerali għall-Informatika (DĠ DIGIT) tal-Kummissjoni, l-implimentazzjoni tal-għodda tal-ġestjoni tal-kuntratti ABAC għar-reġistrazzjoni u s-segwitu ta' kuntratti qafas, l-implimentazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni tal-missjonijiet tal-Kummissjoni (MIPS) li twassal għal tnaqqis sostanzjali fl-użu ta' formoli stampati, l-użu fil-futur tas-Sysper 2, (għodda tal-IT għar-riżorsi umani); jirrikonoxxi mill-Aġenzija li, flimkien mal-implimentazzjoni ta' miżuri oħra ta' razzjonalizzazzjoni għat-titjib, bħalissa qed tipproċessa madwar 95 % tat-tranżazzjonijiet finanzjarji tagħha b'mod elettroniku, li twassal għal aktar effiċjenza, affidabbiltà tad-data u traċċabbiltà għall-awditjar;

4.   Ifakkar li l-baġit tal-Aġenzija baqa' l-istess matul dawn l-aħħar ħames snin finanzjarji minkejja ż-żieda fil-missjonijiet u fl-ispezzjonijiet tagħha, jinnota, madankollu, li l-infiq tagħha fuq ir-riżorsi umani ma nbidilx u li l-kost tal-operazzjonijiet tagħha naqas matul l-istess perjodu; jisħaq fuq il-fatt li dawn l-elementi, li jissarrfu fl-ottimizzazzjoni tar-riżorsi u fil-kwalità tal-ġestjoni tal-Aġenzija, jissograw li jxekklu l-avvanz tagħha minħabba approprjazzjonijiet baġitarji insuffiċjenti, u jikkostitwixxu pressjoni fuq l-attività tal-aġenti li jeħtieġ li tkun suġġetta għal awditjar biex tkun żgurata l-kwalità tal-kundizzjonijiet ta' xogħol tagħhom;

Impenji u riporti

5.  Jinnota li l-livell ta' fondi riportati mill-2016 għall-2017 kien ta' 11 % tas-sussidju totali tal-2016; jinnota li r-rata ta' riporti għat-Titolu II (infiq amministrattiv) kienet ta' 34 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 14 % meta mqabbel mar-riżultati tal-2015; jinnota madankollu li rata ta' implimentazzjoni aktar baxxa għat-Titolu II tista' tiġi spjegata b'għadd ta' servizzi esterni li t-tlestija u l-pagamenti finali tagħhom għadhom pendenti fi tmiem is-sena (bħall-ICT, is-servizzi ta' traduzzjoni u ta' evalwazzjoni esterna); jirrikonoxxi mill-Aġenzija li l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom se ssir matul l-2017 u li l-approprjazzjonijiet mhux se jkollhom jiġu kkanċellati;

6.  Jinnota li, fir-rigward ta' impenji riportati mis-sena ta' qabel, l-implimentazzjoni hija ta' 95,3 %, u l-kanċellazzjoni korrispondenti tirrappreżenta 0,4 % tal-approprjazzjonijiet ta' pagament tal-2016;

7.  Jirrimarka li r-riporti ħafna drabi huma parzjalment jew għalkollox ġustifikabbli min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, li mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u li mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-aġenziji u kkomunikati lill-Qorti tal-Awdituri;

Trasferimenti

8.  Jinnota b'sodisfazzjon li, skont il-kontijiet finali tal-Aġenzija, il-livell u n-natura tat-trasferimenti fl-2016 baqgħu fi ħdan il-limiti tar-regoli finanzjarji;

Proċedura ta' akkwist u politika tal-persunal

9.  Jinnota li fil-31 ta' Diċembru 2016, l-għadd totali tal-persunal f'attività kien ta' 56, li jfisser li t-tabella tal-persunal kienet mimlija 100 %;

10.  Josserva li l-Aġenzija wettqet it-tnaqqis ġenerali ta' 5 % tal-persunal; jinnota madankollu li, minħabba t-tibdil fir-regolament fundatur, l-Aġenzija ngħatat 13-il post tax-xogħol għall-kompiti l-ġodda assoċjati fit-tabella tal-persunal għall-2017;

11.  Jinnota li l-istruttura interna tal-Aġenzija ġiet riorganizzata biex tadatta għall-bidliet ġodda u għar-riżorsi addizzjonali relatati mal-emenda tar-regolament fundatur tal-Aġenzija;

12.  Jinnota bi tħassib li l-perċentwal globali ta' membri tal-persunal irġiel huwa ta' 62 % u ta' 38 % nisa, proporzjon żbilanċjat ta' kważi żewġ nisa għal kull raġel; jistieden lill-Aġenzija tindirizza u tirrimedja dan l-iżbilanċ mill-aktar fis possibbli;

13.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija għamlet il-maġġoranza kbira ta' pagamenti fil-limiti ta' żmien stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju u li ma ntalab ebda mgħax mill-fornituri għal pagamenti tard; jinnota, barra minn hekk, li l-għadd medju ta' ġranet għall-pagamenti fl-2015 kien ta' 22 jum;

14.  Jisħaq fuq il-punt li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun parti mill-politika tal-persunal tal-Aġenzija; jinnota li l-baġit li ntefaq fuq attivitajiet ta' benessri jammonta għal EUR 138,14 għal kull membru tal-persunal; josserva li l-ammont medju ta' liv minħabba mard għal kull membru tal-persunal huwa ta' 3,7 ġranet, ferm anqas mill-medja tal-aġenziji tal-Unjoni;

15.  Jinnota li r-regoli ta' implimentazzjoni dwar fastidju ġew adottati mill-bord amministrattiv fl-2017; jiddispjaċih dwar id-dewmien fl-introduzzjoni ta' dawn ir-regoli; jappella lill-Aġenzja tappoġġa l-organizzazzjoni ta' sessjonijiet ta' taħriġ u informazzjoni sabiex iżżid is-sensibilizzazzjoni tal-persunal;

16.  Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2016, l-Aġenzija ma rċeviet ebda lment, azzjoni legali jew każ irrapportat marbuta mal-ingaġġ jew mat-tkeċċija ta' membri tal-persunal;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

17.  Jirrikonoxxi li l-Aġenzija adottat politika komprensiva dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, li ġiet emendata fl-2016, u strateġija kontra l-frodi; jieħu nota tal-fatt li minn total ta' 13-il azzjoni li huma ppjanati li jiġu implimentati sa tmiem l-2017, 11 minnhom diġà ġew implimentati; jieħu nota tal-fatt li l-kontrolli tal-Aġenzija mmirati biex jimpedixxu u jidentifikaw il-frodi huma simili għal dawk li jiżguraw il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet, bħall-prinċipju ta' "erba' għajnejn aħjar minn tnejn", il-kontrolli awtomatizzati fis-sistemi finanzjarji u tal-kontabilità, il-kalkolu esternalizzat tas-salarji kif ukoll il-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess ikunu ffirmati dejjem mill-membri tal-bord; jinnota b'sodisfazzjon mill-Aġenzija li, sa mit-twaqqif tagħha, ma seħħ ebda każ ta' frodi;

18.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-emendi għall-politika tal-kunflitti ta' interess tal-Aġenzija adottata fl-2016, b'mod partikolari, l-obbligu li l-membri tal-Bord Amministrattiv, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija u l-Kapijiet ta' Unitajiet jippreżentaw CVs li huma soġġetti għal pubblikazzjoni fuq is-sit web tal-Aġenzija u għandu jiġi aġġornat kull meta jkun meħtieġ; jinnota l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-membri tal-Bord Konsultattiv;

19.  Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li kull dikjarazzjoni ta' interess annwali bil-miktub ġiet immonitorjata mill-Aġenzija; jiddispjaċih madankollu li, sa tmiem l-2016, żewġ membri tal-Bord Amministrattiv ma kinux għadhom ippreżentaw id-dikjarazzjoni ta' interess tagħhom; jinnota li l-membri tal-Bord huma mitluba mill-President biex qabel kull laqgħa tal-Bord Amministrattiv jikkonfermaw il-korrettezza fattwali tad-dikjarazzjoni ta' interess billi jiddikjaraw kwalunkwe kunflitt potenzjali li jista' jinqala' f'dak li jirrigwarda l-laqgħa; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar rigward is-sottomissjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' interess li għadhom neqsin;

20.  Jirrikonoxxi li l-Aġenzija qed tistenna d-deċiżjoni mudell mill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha stess dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jinnota madankollu li, sakemm tiġi proposta d-deċiżjoni mudell mill-Kummissjoni, id-deċiżjoni attwali tal-Kummissjoni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta se tkompli tiġi pprovduta bħala gwida lill-persunal; jinnota li fl-2016 ma kien hemm ebda każ ta' żvelar ta' informazzjoni protetta fl-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-implimentazzjoni tad-deċiżjoni mudell;

21.  Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp indipendenti ta' żvelar, konsulenza u riferiment b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, sabiex jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jagħtihom l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa;

Kisbiet ewlenin

22.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Aġenzija fl-2016, jiġifieri li:

–  ikkoordinat 20 000 spezzjoni tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni u fl-ilmijiet internazzjonali permezz tal-pjanijiet tal-eżerċizzju konġunt tagħha;

–  stabbiliet kooperazzjoni ma' Aġenziji oħra tal-Unjoni għall-istabbiliment ta' Mekkaniżmu Ewropew ta' Gwardja tal-Kosta;

–  appoġġat l-implimentazzjoni reġjonali tal-obbligu ta' ħatt l-art fil-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS);

Kontrolli interni

23.  Jinnota li l-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija adotta sett ta' Standards ta' Kontroll Intern (ICS) maħsub biex jiżgura l-kisba tal-objettivi tal-politika u dawk operattivi; jirrikonoxxi li 12 mill-ICS għandhom livell għoli ta' implimentazzjoni, fejn erba' oqsma għandhom livell medju ta' implimentazzjoni fis-sistema ta' kontroll intern;

24.  Jinnota b'sodisfazzjon mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri li ICS 10 (Kontinwità tan-Negozju), ICS 11 (Ġestjoni tad-Dokumenti) u ICS 12 (Informazzjoni u Komunikazzjoni) issa huma mmarkati bħala "Ikkompletata";

Awditu intern

25.  Jinnota li, fl-2016, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) wettaq valutazzjoni tar-riskju li tkopri l-proċessi ewlenin tal-Aġenzija, kemm operattivi kif ukoll amministrattivi; jinnota li, b'riżultat tax-xogħol tal-IAS, ġie stabbilit "il-Pjan ta' Awditjar Intern Strateġiku tal-IAS 2017-2019"; jinnota b'sodisfazzjon li ma hemm ebda rakkomandazzjoni miftuħa tal-IAS;

26.  Jieħu nota li t-tieni Evalwazzjoni Esterna Indipendenti fuq Ħames Snin tal-Aġenzija għall-perjodu 2012-2016 bdiet f'Ottubru 2015 u kienet ippjanata li titlesta fl-2017; jirrimarka li kull evalwazzjoni għandha tivvaluta l-utilità, ir-rilevanza u l-effikaċja tal-Aġenzija u l-prattiki tax-xogħol tagħha u sa liema punt tikkontribwixxi għall-kisba ta' livell għoli ta' konformità mar-regoli li saru taħt il-PKS; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-eżitu ta' din l-evalwazzjoni;

27.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenzija żviluppat u implimentat monitoraġġ ċentralizzat tar-rakkomandazzjonijiet kollha ta' awditjar maħruġa mill-Qorti tal-Awdituri, l-IAS u l-Kapaċità ta' Kontroll Intern tagħha, bil-ħsieb li tikkonsolidahom u tissorveljahom, kif ukoll biex jittejjeb is-segwitu għall-pjanijiet ta' azzjoni korrispondenti;

Prestazzjoni

28.  Jinnota l-adozzjoni tar-Regolament fundatur emendat tal-Aġenzija fl-2016, li estenda l-missjoni tal-Aġenzija biex tikkopera mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u biex tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu l-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta; josserva li dawn it-tliet Aġenziji ilhom jaħdmu flimkien mat-tliet Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni "sħab" tagħhom (Affarijiet Marittimi u Sajd (MARE), Migrazzjoni u Affarijiet Interni (HOME) u Mobilità u Trasport (MOVE)) fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proġett pilota "Il-Ħolqien tal-funzjoni ta' Gwardja tal-Kosta Ewropea", stabbilit mill-Parlament bi tħejjija għall-implimentazzjoni tal-"pakkett dwar il-fruntieri";

Kummenti oħra

29.  Jissottolinja r-rwol importanti tal-Aġenzija fl-armonizzazzjoni u fl-applikazzjoni tal-prinċipji tal-PKS; jilqa' favorevolment l-effikaċja tagħha, l-avvanz tagħha u r-riżultati eċċellenti li kisbet minn mindu twaqqfet;

30.   Jevidenzja l-kontribut li tagħti l-Aġenzija lill-armonizzazzjoni u lill-istandardizzazzjoni tal-miżuri tal-PKS marbuta mal-monitoraġġ, mal-kontroll u mas-sorveljanza maħsuba biex jiżguraw it-trattament indaqs u jtejbu r-rispett tar-regoli tal-PKS, inkluż l-obbligu ta' ħatt l-art;

31.  Jisħaq fuq ir-rwol tal-Aġenzija fil-kooperazzjoni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali relatati mas-sajd, inklużi l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, sabiex tissaħħaħ il-konformità mal-miżuri, b'mod speċjali dawk li jiġġieldu kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), adottati minn dawn l-organizzazzjonijiet internazzjonali;

32.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għaż-żieda ta' 15 % fl-ispezzjonijiet fl-2016, fatt li jixhed titjib fil-koordinament tar-riżorsi umani mal-Istati Membri permezz tal-Pjanijiet tal-Eżerċizzju Konġunt u tal-koordinament tal-pjanijiet operattivi;

33.   Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-valutazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, fir-Rapport Speċjali Nru 08/2017 tagħha, tar-rwol fundamentali tal-Aġenzija fl-iżvilupp u fit-titjib ta' approċċ armonizzat u koerenti tas-sistemi ta' komunikazzjoni u ta' skambji tad-data dwar il-prodotti tas-sajd;

34.   Jirrikonoxxi l-kwalità u r-rilevanza tal-kollaborazzjoni li saret mill-Aġenzija fil-qafas tal-proġett pilota komuni mal-EMSA u ma' Frontex fir-rigward tal-ħolqien ta' funzjoni ta' gwardji tal-kosta; iżda jfakkar lill-Kummissjoni li jeħtieġ li l-Aġenzija tkun mgħammra b'biżżejjed mezzi għal dan it-tip ta' proġetti jew kull proġett ieħor fil-ġejjieni, speċjalment dawk marbuta mal-użu ta' teknoloġiji ġodda fil-monitoraġġ (droni) jew fit-taħriġ (e-learning);

35.  Ifakkar fl-importanza li jissaħħaħ il-mandat tal-Aġenzija sabiex jiġu żviluppati azzjonijiet operattivi konġunti ma' aġenziji tal-Unjoni oħra speċjalizzati fis-settur marittimu, bil-għan li jiġu evitati d-diżastri fuq il-baħar u jiġu kkoordinati l-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta Ewropej;

36.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' żieda fl-allokazzjoni ta' riżorsi biex tissaħħaħ il-kapaċità operattiva tal-Aġenzija quddiem l-inċertezzi marbuta mal-Brexit u mal-kontrolli supplementari li jirriżultaw minnu;

37.  Jipproponi li jiddaħħal Membru tal-Parlament Ewropew fil-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija bil-għan li tissaħħaħ it-trasparenza istituzzjonali tagħha, partikolarment fl-okkażjoni tal-approvazzjoni tal-baġit minn dan il-Bord; jipproponi li l-Membru jkun elett mill-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament;

o

o o

38.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' ... 2018(12) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

2.3.2018

OPINJONI tal-Kumitat għas-Sajd

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2166(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Isabelle Thomas

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Sajd jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jissottolinja l-importanza tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (minn hawn 'il quddiem l-"Aġenzija") fl-armonizzazzjoni u fl-applikazzjoni tal-prinċipji tal-politika komuni tas-sajd (PKS); jilqa' favorevolment l-effikaċja tagħha, l-avvanz tagħha u r-riżultati eċċellenti li kisbet minn mindu twaqqfet;

2.   Jevidenzja l-kontribut li tagħti l-Aġenzija lill-armonizzazzjoni u lill-istandardizzazzjoni tal-miżuri tal-PKS marbuta mal-monitoraġġ, mal-kontroll u mas-sorveljanza maħsuba biex jiżguraw it-trattament indaqs u jtejbu r-rispett tar-regoli, inkluż l-obbligu ta' ħatt l-art;

3.  Ifakkar fir-rwol tal-Aġenzija fil-kooperazzjoni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali relatati mas-sajd, inklużi l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, sabiex tissaħħaħ il-konformità mal-miżuri, b'mod speċjali dawk li jiġġieldu kontra s-sajd IUU, adottati minn dawn l-organizzazzjonijiet internazzjonali;

4.   Jieħu nota tar-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016, kif ukoll ir-rapport annwali tal-attività tal-2016 tal-Aġenzija;

5.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għaż-żieda ta' 15 % fl-ispezzjonijiet fl-2016, fatt li jixhed titjib fil-koordinament tar-riżorsi umani mal-Istati Membri permezz tal-Pjanijiet tal-Eżerċizzju Konġunt u tal-koordinament tal-pjanijiet operattivi;

6.   Ifakkar li l-baġit tal-Aġenzija baqa' invarjat matul dawn l-aħħar ħames snin finanzjarji minkejja ż-żieda fil-missjonijiet u fl-ispezzjonijiet tagħha, li l-ispejjeż għar-riżorsi umani, mill-banda l-oħra, ma evolvewx, li l-kost tal-operazzjonijiet naqas fuq l-istess perjodu; jisħaq fuq il-fatt li dawn l-elementi, li jissarrfu fl-ottimizzazzjoni tar-riżorsi u fil-kwalità tal-ġestjoni tal-Aġenzija, jissograw li jxekklu l-avvanz tagħha minħabba approprjazzjonijiet baġitarji insuffiċjenti, u jikkostitwixxu pressjoni fuq l-attività tal-aġenti li jeħtieġ li tkun suġġetta għal awditjar biex tkun żgurata l-kwalità tal-kundizzjonijiet ta' xogħol tagħhom;

7.   Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għad-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet marbuta mal-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2016 u għall-valutazzjoni min-naħa tal-Qorti, fir-Rapport Speċjali Nru 08/2017 tagħha, tar-rwol fundamentali tal-Aġenzija fl-iżvilupp u fit-titjib ta' approċċ armonizzat u konsistenti tas-sistemi ta' komunikazzjoni u ta' skambji tad-data dwar il-prodotti tas-sajd;

8.  Jissottolinja r-rata ta' implimentazzjoni baġitarja eċċellenti tal-approprjazzjonijiet C1 ta' impenn (99,6 %), li żdiedet meta mqabbla mas-sena finanzjarja preċedenti, u tal-approprjazzjonijiet C1 ta' pagamenti (88,5 %), stabbli meta mqabbla mas-snin finanzjarji preċedenti; iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura l-użu ottimali tal-approprjazzjonijiet allokati;

9.   Jirrikonoxxi l-kwalità u r-rilevanza tal-kollaborazzjoni li saret mill-Aġenzija fil-qafas tal-proġett pilota komuni mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u ma' Frontex fir-rigward tal-ħolqien ta' funzjoni ta' gwardji tal-kosta; iżda jfakkar lill-Kummissjoni li jeħtieġ li l-Aġenzija tkun mgħammra b'biżżejjed mezzi għal dan it-tip ta' proġetti jew kull proġett ieħor fil-ġejjieni, speċjalment dawk marbuta mal-użu ta' teknoloġiji ġodda fil-kontrolli (droni) jew fit-taħriġ (e-learning);

10.  Ifakkar fl-importanza li jissaħħaħ il-mandat tal-Aġenzija sabiex jiġu żviluppati azzjonijiet operattivi konġunti ma' aġenziji tal-Unjoni oħra speċjalizzati fis-settur marittimu, bil-għan li jiġu evitati d-diżastri fuq il-baħar u jiġu kkoordinati l-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta Ewropej;

11.  Jirrimarka li jkun tajjeb li l-Aġenzija tingħata biżżejjed riżorsi biex twettaq tipi ġodda ta' operazzjonijiet ħalli twaqqaf ir-rotot użati mill-faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' bnedmin u tuża d-data fornuta mis-sistemi tar-rappurtaġġ tal-bastimenti bil-għan li jiġu lokalizzati d-dgħajjes li jġorru l-migranti;

12.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' żieda fl-allokazzjoni ta' riżorsi biex tissaħħaħ il-kapaċità operattiva tal-Aġenzija quddiem l-inċertezzi marbuta mal-Brexit u mal-kontrolli supplementari li jirriżultaw minnu;

13.  Ifakkar li l-kompożizzjoni tal-persunal tal-Aġenzija ma turix parità bejn l-irġiel u n-nisa u jistidinha tikkunsidra tqassim ġust tal-funzjonijiet;

14.  Jipproponi li jiddaħħal Membru tal-Parlament Ewropew fil-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija bil-għan li tissaħħaħ it-trasparenza istituzzjonali tagħha, partikolarment fl-okkażjoni tal-approvazzjoni tal-baġit minn dan il-Bord; jipproponi, f'dan ir-rigward, li l-Membru jkun elett mill-Kumitat għas-Sajd tal-Parlament Ewropew;

15.  Jipproponi, fid-dawl tad-data disponibbli, li tingħata l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

27.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

5

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Alain Cadec, David Coburn, Linnéa Engström, João Ferreira, Sylvie Goddyn, Mike Hookem, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, António Marinho e Pinto, Gabriel Mato, Norica Nicolai, Liadh Ní Riada, Ulrike Rodust, Annie Schreijer-Pierik, Remo Sernagiotto, Isabelle Thomas, Ruža Tomašić, Peter van Dalen, Jarosław Wałęsa

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Norbert Erdős, Maria Lidia Senra Rodríguez

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Liliana Rodrigues

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET

FIL-KUMITAT MITLUB JAGĦTI OPINJONI

14

+

ALDE

António Marinho e Pinto, Norica Nicolai

PPE

Alain Cadec, Norbert Erdős, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, Gabriel Mato, Annie Schreijer-Pierik, Jarosław Wałęsa

S&D

Clara Eugenia Aguilera García, Liliana Rodrigues, Ulrike Rodust, Isabelle Thomas

VERTS/ALE

Linnéa Engström

5

-

EFDD

David Coburn, Mike Hookem

ENF

Sylvie Goddyn

GUE/NGL

João Ferreira, Liadh Ní Riada

3

0

ECR

Peter van Dalen, Remo Sernagiotto, Ruža Tomašić

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Raffaele Fitto, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Jean-François Jalkh, Arndt Kohn, Notis Marias, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, Julia Pitera, Miroslav Poche

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

20

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Cătălin Sorin Ivan, Karin Kadenbach, Arndt Kohn, Miroslav Poche, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

4

-

ECR

Raffaele Fitto, Notis Marias

EFDD

Marco Valli

ENF

Jean-François Jalkh

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 110.

(2)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 110.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1

(4)

ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1

(5)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42

(6)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 110.

(7)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 110.

(8)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1

(9)

ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1

(10)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42

(11)

ĠU C 333, 9.9.2016, p. 31.

(12)

Testi adottati ta' din id-data, P8_TA-PROV(2018)0000.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' April 2018Avviż legali