Proċedura : 2017/2164(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0108/2018

Testi mressqa :

A8-0108/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.59

Testi adottati :

P8_TA(2018)0164

RAPPORT     
PDF 762kWORD 65k
26.3.2018
PE 613.453v02-00 A8-0108/2018

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2164(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Bart Staes

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2164(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (l-Aġenzija) għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0074/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE(5), b'mod partikolari l-Artikolu 76 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0108/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2164(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (l-Aġenzija) għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(7),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(8) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0074/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 li jwaqqaf Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea(10), u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE(11), b'mod partikolari l-Artikolu 76 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0108/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) għas-sena finanzjarja 2016

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2164(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0108/2018),

A.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tenfasizza l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u bl-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq(13), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 232 757 000, li jirrappreżenta żieda ta' 62,43 % meta mqabbel mal-2015; billi, bi tweġiba għall-kriżi ta' migrazzjoni li qiegħda taffaċċja l-Unjoni, il-mandat tal-Aġenzija ġie estiż konsiderevolment fl-2016;

C.  billi, skont id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha, il-kontribuzzjoni globali tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija għall-2016 ammontat għal EUR 218 686 000; li tirrappreżenta żieda ta' 63,78 % meta mqabbla mal-2015;

D.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti"), iddikjarat li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li t-tranżazzjonijiet ta' bażi tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016 huma legali u regolari; billi l-kummenti tal-Qorti għandhom jinqraw fil-kuntest tal-isfidi li kellha taffaċċja l-Aġenzija fl-2016;

Segwitu għall-kwittanzi tal-2013, 2014 u 2015

1.  Jinnota bi tħassib in-numru ta' kwistjonijiet pendenti u miżuri korrettivi bi tweġiba għall-kummenti li l-Qorti għamlet fl-2013, 2014, u 2015 relatati mad-dikjarazzjonijiet tal-fornituri fl-aħħar tas-sena, mal-ftehim tal-kwartieri ġenerali, il-verifiki ex ante u ex post tan-nefqa ddikjarata minn pajjiżi li jikkooperaw taħt ftehimiet ta' għotja, l-għadd dejjem jikber ta' ftehimiet ta' għotja, il-ħtieġa li jiġi rfinat il-kalkolu ta' kontribuzzjonijiet minn pajjiżi assoċjati ma' Schengen, l-irkupru ta' pagamenti irregolari mill-gwardja tal-kosta Iżlandiża u r-riskju ta' finanzjament doppju mill-Fond għas-Sigurtà Interna; jistieden lill-Aġenzija twettaq kompletament l-azzjonijiet korrettivi malajr kemm jista' jkun fl-2018 u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tagħhom lill-awtorità tal-kwittanza;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

2.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li r-Regolament ta' stabbiliment preċedenti tal-Aġenzija, li kien fis-seħħ sal-5 ta' Ottubru 2016, ipprovda finanzjament ta' operazzjonijiet ta' ritorn konġunti li twettqu ma' pajjiżi parteċipanti; jinnota li l-operazzjonijiet ta' ritorn nazzjonali saru eleġibbli biss taħt ir-Regolament fundatur il-ġdid; jinnota madankollu li, fil-perjodu ta' bejn Jannar u Ottubru 2016, l-Aġenzija ffinanzjat operazzjonijiet ta' ritorn nazzjonali għal ammont ta' EUR 3 600 000; jinnota li dawn il-pagamenti huwa irregolari;

3.  Jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li fl-2016, minħabba l-pressjoni migratorja sproporzjonata lejn l-Istati Membri tal-UE u wara l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għal ritorn minn Ottubru 2015, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew mill-15 ta' Ġunju 2015 u dawk tas-16/17 ta' Marzu 2016, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija adotta d-Deċiżjoni 2016/36, li pprevediet interpretazzjoni usa' tal-modalitajiet ta' (ko)finanzjament ta' operazzjoni ta' ritorn konġunta sal-punt li anke operazzjoni ta' ritorn nazzjonali mwettqa minn Stat Membru wieħed biss li kien qed jiffaċċja pressjoni migratorja sproporzjonata tkun (ko)finanzjata mill-baġit tal-Aġenzija; jirrikonoxxi wkoll il-fatt li l-awtorità baġitarja emendat il-baġit għall-2016 speċifikament biex timplimenta l-Pjan ta' Azzjoni dwar dawn l-operazzjonijiet ta' ritorn;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

4.  Jinnota, b'sodisfazzjon, li l-isforzi ta' sorveljanza tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 97,90 %; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 66,07 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 3,40 % meta mqabbla mal-2015;

5.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li skont il-mandat estiż tal-Aġenzija, l-operazzjonijiet ta' ritorn ingħataw importanza kbira u li EUR 63 000 000 ġew assenjati għal dan fil-baġit tagħha tal-2016; jinnota madankollu li EUR 23 000 000, jiġifieri, 37,5 % reġgħu lura fil-baġit tal-Unjoni peress li saru inqas operazzjonijiet ta' ritorn milli kien previst; josserva li d-dewmien sinifikanti tal-proċedura ta' akkwist għal kuntratt qafas ta' EUR 50 000 000 għall-kiri ta' inġenji tal-ajru u għal servizzi relatati għal operazzjonijiet ta' ritorn tal-Aġenzija kkontribwixxa għal din is-sitwazzjoni u qed ikompli jaffettwa l-għadd ta' operazzjonijiet ta' ritorn organizzati mill-Aġenzija; jiddispjaċih li, filwaqt li t-tnedija ta' din il-proċedura ta' akkwist kienet ippjanata għal Marzu 2016, din kienet għadha ma nbdietx sal-aħħar tas-sena; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li din żiedet b'mod drastiku n-numru ta' titjiriet ta' ritorn konġunti (232 fl-2016 meta mqabbla ma' 66 fl-2015); jinnota madankollu li l-EUR 23 000 000 ma setgħux jintużaw prinċipalment minħabba li l-kuntratt qafas għall-kiri ta' inġenji tal-ajru u għal servizzi relatati għal operazzjonijiet ta' ritorn kellu dewmien iġġenerat mit-tnaqqis fil-prijorità ta' proġetti favur l-isforzi meħuda biex jiġi żgurat appoġġ loġistiku (laneċ u xarabanks) għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija; jinnota li sadanittant ġiet ippubblikata proċedura tal-offerti għall-istabbiliment ta' kuntratt qafas ta' erba' snin, madankollu b'baġit stmat aktar baxx (EUR 20 000 000);

6.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fit-22 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni u l-Aġenzija, kobenefiċjarju u koordinatur ta' tliet kobenefiċjarji oħra – l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) – iffirmaw ftehim ta' għotja li tammonta għal EUR 5 500 000 bħala appoġġ reġjonali għall-ġestjoni tal-migrazzjoni sensittiva li tikkunsidra l-aspett tal-protezzjoni fil-Balkani tal-Punent u fit-Turkija għal perjodu ta' tliet snin li jibda mill-1 ta' Jannar 2016; jinnota madankollu li l-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' dawn it-tliet sħab b'ammont ta' EUR 3 400 000 ġew iffirmati biss bejn Awwissu u Novembru 2016; jinnota li, fi tnejn minn dawn il-ftehimiet, l-impenji baġitarji, li kellhom jirrilaxxaw il-fondi qabel id-dħul fl-impenji legali, ġew iffirmati biss f'Ottubru u f'Diċembru 2016; jinnota, barra minn hekk, li l-impenji baġitarji ammontaw għal EUR 1 200 000, li jkopru biss il-ħlas ta' qabel il-finanzjament; jinnota li proċedura bħal din tikser ir-regoli tar-Regolament Finanzjarju dwar il-ġestjoni baġitarja u l-firma tardiva tal-ftehimiet ikkawżat inċertezza għall-kooperazzjoni operattiva bejn is-sħab; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li l-Aġenzija korrettement iddokumentat bħala eċċezzjoni l-fatt li għat-tliet sħab kollha tal-proġett l-impenn legali kien sar qabel l-impenn baġitarju;

7.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenzija, fl-2017, qiegħda tirrevedi l-iskema finanzjarja sħiħa tagħha bl-għan li tissimplifika, taqleb minn għotjiet għal kuntratti ta' servizz u tintroduċi rati fissi; jistieden lill-Aġenzija tibgħat rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni u r-riżultati miksuba;

Impenji u riporti

8.  Jinnota li l-livell ta' riporti għal approprjazzjonijiet impenjati għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) kien ta' EUR 6 400 000 (43 % tal-approprjazzjonijet impenjati), meta mqabbel ma' EUR 3 200 000 (38 %) fl-2015, u għalhekk kien għoli; jinnota, barra minn hekk, li r-riporti għat-Titolu III (nefqa operazzjonali) kienu wkoll għoljin fl-ammont ta' EUR 67 300 000 (37 %), meta mqabbla ma' EUR 40 200 000 (35 %) fl-2015; jinnota li r-raġuni prinċipali hija minħabba kuntratti u operazzjonijiet li jestendu lil hinn minn tmiem is-sena; jitlob lill-Aġenzija tqis il-possibbiltà li tintroduċi approprjazzjonijiet baġitarji differenzjati biex jiġi rifless aħjar id-dewmien inevitabbli bejn l-impenji legali, l-implimentazzjoni ta' kuntratti u l-pagamenti relatati;

9.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-livell ta' riporti kkanċellati mill-2015 li ammonta għal EUR 6 400 000, jiġifieri 16 %, kien għoli għat-Titolu III (nefqa operazzjonali) minħabba sopravalutazzjoni tal-ispejjeż tal-2015 li kien għad kellhom jiġu rimborżati lill-pajjiżi parteċipanti fl-2016; jikkunsidra li hemm ħtieġa li jinkisbu stimi tal-ispejjeż aktar preċiżi u rapportar tal-ispejjeż aktar f'waqtu minn pajjiżi li jikkooperaw;

10.  Jirrimarka li r-riporti ħafna drabi jistgħu jkunu parzjalment jew għalkollox ġustifikabbli min-natura pluriennali tal-programmi operazzjonali tal-aġenziji, mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk jiġu ppjanati min qabel u kkomunikati lill-Qorti;

Politika tal-persunal

11.  Josserva mit-tabella tal-persunal li 197 post temporanju (minn 275 post awtorizzat taħt il-baġit tal-Unjoni), meta mqabbel ma' 149 fl-2015, kienu okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016; jinnota wkoll li, l-Aġenzija kienet qiegħda timpjega (f'ekwivalenti għall-full time) 77 espert nazzjonali sekondat, 83 persunal kuntrattwali u 15-il persunal interim;

12.  Jinnota b'apprezzament li, min-numru tal-postijiet kollha okkupati, intlaħaq bilanċ bejn is-sessi peress li l-proporzjon huwa ta' 50 % nisa ma' 50 % irġiel; min-naħa l-oħra, jiddispjaċih li għal postijiet superjuri in-nisa jirrapreżentaw biss 15 % u l-irġiel 85 %; jistieden lill-Aġenzija, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, ittejjeb il-bilanċ bejn is-sessi fil-bord maniġerjali u fost il-maniġment superjuri;

13.  Jinnota mill-Aġenzija li sabiex tibda bl-implimentazzjoni tal-mandat il-ġdid u mtejjeb tagħha, kien meħtieġ li jiġi reklutat persunal addizzjonali diġà matul l-aħħar kwart tal-2016; jinnota li valutazzjoni tal-ħtiġijiet identifikat 50 post iżda mhux il-proċeduri ta' reklutaġġ kollha rnexxilhom ikunu konklużi sal-aħħar tas-sena; jinnota li fl-aħħar tal-2016, il-persunal tal-Aġenzija laħaq total ta' 365 membru;

14.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, wara l-estensjoni tal-mandat tagħha, il-persunal tal-Aġenzija se jkun aktar mid-doppju u minn 365 fl-2016 jilħaq l-1 000 fl-2020; jinnota, barra minn hekk, li ż-żieda ppjanata fil-persunal se tirrikjedi spazju ta' uffiċċji addizzjonali; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li fil-bidu tal-2017, din talbet lill-awtorità baġitarja u rċeviet l-approvazzjoni biex tespandi l-uffiċċji attwali tagħha sabiex takkomoda n-numri ta' persunal addizzjonali; jinnota li l-ftehim dwar il-kwartieri ġenerali daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2017;

15.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Aġenzija tradizzjonalment tesperjenza diffikultajiet biex issib persunal bil-profil meħtieġ, parzjalment minħabba l-koeffiċjent ta' korrezzjoni tas-salarju (66,7 %); jistieden lill-Aġenzija tirrifletti dwar miżuri ta' mitigazzjoni possibbli u biex din tirrapporta dwar ir-riflessjonijiet tagħha lill-awtorità tal-kwittanza;

16.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li r-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu li fil-każ ta' proċedura tal-għażla esterna, il-persunal temporanju jista' jiġi reklutat biss fi gradi SC 1 sa SC 2, AST 1 sa AST 4 jew AD 5 sa AD 8; jinnota li fl-2016 l-Aġenzija rreklutat 14-il persunal fi gradi AST ogħla; jenfasizza li r-reklutaġġi f'dawn il-gradi huma irregolari; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li l-motivazzjoni għaż-żieda fil-grad ta' 5 postijiet AST4 għal 5 postijiet AST5 kien motivat mill-ħtiġijiet tan-negozju biex jiġi operat is-servizz tal-uffiċjali li jkunu fuq xogħol 24/7; jirrikonoxxi l-fatt li minħabba l-livell ta' resposabbiltajiet fil-kuntest tal-flussi migratorji u l-isfida tas-sigurtà fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, l-Aġenzija kellha tattira kandidati kkwalifikati u b'esperjenza ta' xogħol preċedenti rilevanti;

17.  Jinnota l-fatt li l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali rċieva ħames karigi ġodda mill-2016 'il hawn u tlieta minnhom huma vakanti; jiddispjaċih bil-qawwa, madankollu, li minkejja l-appelli ripetuti tal-Parlament u ż-żieda ġenerali sinifikanti fil-persunal għall-Frontex, l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali għad m'għandux riżorsi umani adegwati u għalhekk għad hemm ostaklu għat-twettiq tal-kompiti fdati lilha mir-Regolament (UE) Nru 2016/1624; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Aġenzija tipprovdi lill-uffiċjal tagħha għad-drittijiet fundamentali bir-riżorsi u l-persunal adegwati, b'mod partikolari għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu għall-ilmenti u għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-istrateġija tal-Aġenzija biex timmonitorja u tiżgura l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

18.  Jinnota li l-Aġenzija ma rċevietx ilmenti, kawżi jew inkella każijiet irrappurtati ta' impjegar jew tkeċċija mhux trasparenti tal-persunal fl-2016;

19.  Josserva li fl-2016 il-medja ta' liv minħabba mard tal-persunal tal-Aġenzija kien ta' 11,4 jiem għalkemm, fil-kalkolu tagħha, l-Aġenzija ma inkludietx il-persunal li ma ħa ebda jum liberu minħabba liv ta' mard; jistieden lill-Aġenzija biex tikkonsulta mas-servizz mediku dwar kif għandha titbaxxa l-assenza mix-xogħol bħala liv minħabba mard;

20.  Jinnota mit-tweġibiet tal-Aġenzija li l-membri tal-persunal kellhom jum wieħed għal attivitajiet ta' benesseri fl-2016; jinnota li l-Aġenzija għandha politika interna dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol u tikkontribwixxi għall-benesseri tal-persunal bi tliet modi:

a)  il-kiri ta' grawnds tal-isport għal sport f'tim u kontribuzzjoni parzjali għall-parteċipazzjoni tal-persunal f'kompetizzjonijiet tal-isport interaġenzjali;

b)  bħala parti mill-miżuri preventivi fis-saħħa u s-sigurtà, l-Aġenzija tirrimborża parti mill-ispejjeż tal-attivitajiet tal-isport li jsiru mill-persunal (sa limitu ta' EUR 45 fix-xahar għal kull membru tal-persunal).

c)  kull sena l-Aġenzija torganizza tilqim tal-influwenza staġjonali għall-membri tal-persunal b'mod volontarju;

21.   Josserva li l-Aġenzija użat l-Artikoli 12 u 12a tar-Regolamenti tal-Persunal u d-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-"Kodiċi ta' Kondotta għall-persuni kollha li pparteċipaw f'attivitajiet ta' Frontex" u tal-"Kodiċi ta' Kondotta tal-Persunal ta' Frontex"; josserva li fl-2016 ma ġie rrappurtat jew tressaq il-qorti l-ebda każ ta' fastidju;

22.  Jinnota li l-Uffiċċju tal-Aġenzija għandu żewġ vetturi uffiċjali li għalihom huwa permess biss użu uffiċjali u li dawn il-vetturi ma jintużawx għal skopijiet personali;

Prevenzjoni u ġestjoni ta' kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

23.  Josserva li, fis-17 ta' Diċembru 2015, l-Aġenzija adottat strateġija u pjan ta' azzjoni kontra l-frodi, li jidentifika erba' objettivi strateġiċi bi 22 azzjoni li għandhom jiġu implimentati matul il-perjodu 2015-2018; jinnota b'apprezzament li aktar minn 50 % tal-azzjonijiet identifikati ġew implimentati fl-2016;

24.  Jinnota li l-Aġenzija ppreparat abbozz ta' regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u kkomunikathom lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f'Marzu 2017; jinnota li l-kwistjoni hi dwar jekk għandhomx jiġu implimentati r-regoli interni jew jekk għandhiex tittieħed deċiżjoni biex jiġu implimentati r-regoli mudell tal-Kummissjoni ladarba jkunu ġew innotifikati lill-aġenziji; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar id-deċiżjoni meħuda;

25.  Josserva li l-Aġenzija wieġbet li ma tagħmilx il-minuti approvati tal-laqgħat tal-bord maniġerjali tagħha disponibbli għall-pubbliku u li dawn il-minuti ma jsirux disponibbli lanqas tliet xhur mid-data tal-laqgħa; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar ir-raġunijiet għal deċiżjoni bħal din fid-dawl tal-politika tal-Unjoni dwar trasparenza akbar tal-operazzjonijiet tagħha;

26.  Josserva li l-Aġenzija ma weġbitx jekk il-laqgħat tagħha mal-lobbisti (jiġifieri, persuni li b'mod mhux uffiċjali jirrappreżentaw lill-partijiet ikkonċernati tal-Aġenzija iżda li jkollhom xi interess pekunarju jew ekonomiku fir-rigward tal-mandat operazzjonali tagħha), f'każ li laqgħat bħal dawn saru, ġewx irreġistrati u sarux disponibbli għall-pubbliku; jistieden lill-Aġenzija biex tipprovdi tweġiba lill-awtorità tal-kwittanza;

27.  Jinnota li fl-2016, l-Aġenzija rċeviet 67 talba għal aċċess għal dokumenti li għalihom l-Aġenzija tat aċċess sħiħ għal 15-il talba, filwaqt li għal 38 talba, l-aċċess ingħata biss parzjalment u 10 talbiet oħra ġew irrifjutati l-aktar minħabba "Protezzjoni tas-sigurtà pubblika" u "Protezzjoni tal-privatezza u tal-integrità tal-individwu";

28.  Jinnota li erba' minn dawn ir-rifjuti ġew soġġetti għal applikazzjoni konfermatorja li rriżultat f'żewġ konfermi ta' aċċess li preċedentement ġie rrifjutat, talba waħda ngħatat aċċess parzjali u waħda aċċess sħiħ għad-dokumenti; jinnota li wieħed mir-rifjuti ntbagħat lill-Ombudsman Ewropew; jistieden lill-Aġenzija biex tinforma lill-awtorità tal-kwittanza bid-deċiżjoni tal-Ombudsman u l-proċedura sussegwenti;

Kisbiet ewlenin

29.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Aġenzija fl-2016, prinċipalment:

–  l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (UE) 2016/1624 li jiddefinixxi l-mandat estiż tagħha;

–  l-assistenza għal 232 Operazzjoni ta' Ritorn (+251 % meta mqabbla mal-operazzjoni assistita fl-2015) għal total ta' 10 698 persuna rimpatrijata;

–  it-tnedija f'Jannar 2017 tal-ewwel pass tal-metodoloġija komuni ta' valutazzjoni tal-vulnerabbiltà;

30.  Jirrikonoxxi l-fatt li r-Regolament dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ta bidu għal possibbiltajiet ġodda ta' kooperazzjoni ma' Aġenziji oħra fir-rigward tal-funzjoni tal-gwardja tal-kosta, li wasslet għal arranġament tax-xogħol trilaterali bejn il-Frontex, l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA); jinnota, barra minn hekk, li tkompliet kooperazzjoni mill-qrib ma' disa' aġenziji tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni (ĠAI), issaħħet il-kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (eu-LISA), ġie ffaċilitat l-iskambju regolari mal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u matul l-2016 ġie ttestjat ftehim ta' kooperazzjoni mal-Europol;

31.  Jinnota li l-Aġenzija tikkondividi l-uffiċċji tagħha mal-Europol u l-EASO fil-qafas tat-Task Forces Reġjonali tal-Unjoni Ewropea fl-Italja u fil-Greċja;

Kontroll intern

32.  Jinnota li r-reviżjoni annwali tal-2016 tas-sistema ta' kontroll intern ipprovdiet assigurazzjoni raġonevoli lill-maniġment tal-Aġenzija fir-rigward tal-livell ta' konformità mal-kontrolli interni kollha; jirrikonoxxi li din identifikat spazju għal titjib fi tmien Standards ta' Kontroll Intern (ICS) u żviluppat strateġija biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet; kif ukoll ivvalutat l-effiċjenza tas-sistema ta' kontroll intern tagħha fl-aħħar tal-2015; jinnota, barra minn hekk, li, skont il-valutazzjoni, l-ICS ġew implimentati u qegħdin jiffunzjonaw; jinnota, madankollu li, sa miż-żieda sostantiva fl-allokazzjoni baġitarja tal-Aġenzija (riżorsi finanzjarji u umani) u l-espansjoni tal-kompiti u tar-responsabbiltajiet li jiġu assenjati lill-Aġenzija, is-sistema ta' kontroll intern tirrikjedi aktar titjib fl-2017; jistieden lill-Aġenzija biex tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri li jittieħdu biex titjieb is-sistema ta' kontroll intern;

Awditjar intern

33.  Jinnota li fl-2016, is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) wettaq awditu fuq "Il-Validazzjoni tad-Data u l-Garanzija tal-Kwalità għall-Analiżi tar-Riskju", li rriżulta f'erba' rakkomandazzjonijiet ikklassifikati bħala "importanti"; jirrikonoxxi mill-Aġenzija li din ippreparat pjan ta' azzjoni biex tindirizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet; jistieden lill-Aġenzija biex tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' azzjoni;

34.  Jinnota mill-konklużjonijiet tal-IAS li fl-2016 ma nħarġet l-ebda rakkomandazzjoni kklassifikata bħala "kritika";

35.  Jinnota b'sodisfazzjon li sabiex jiġi żgurat post tax-xogħol kosteffikaċi u ekoloġiku u sabiex jitnaqqsu jew jiġu bbilanċjati l-emissjonijiet ta' CO2, l-Aġenzija għandha politika ġdida dwar soluzzjonijiet għall-istampaturi u l-istampar li naqqset il-konsum tal-karta, implimentat vidjokonferenzi u qiegħda timmira li ttejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-ilma u tal-enerġija kif ukoll li żżid ir-riċiklaġġ; il-kantin juża prodotti ta' tindif u ta' diżinfettar bijodegradabbli kif ukoll jipprovdi metodi ta' imballaġġ għal take-away ekoloġiċi u tazzi, platti u pożati li jistgħu jiġu rriċiklati; l-ikel li jisserva fil-kantin jiġi ppreparat permezz ta' prodotti li jsiru lokalment u prodotti staġjonali kif ukoll ingredjenti li jiġu minn azjendi agrikoli ekoloġiċi;

36.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija hija impenjata biex tippromwovi l-użu ta' trasport pubbliku u ekoloġiku waqt li l-Aġenzija tgħin biex tirkupra l-ispejjeż tat-trasport pubbliku għall-persunal tagħha;

37.  Jinnota wkoll li l-bini tal-Aġenzija ġie ddisinjat u nbena skont l-ekorekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni BREEAM (Building Research Establishment Environmental Assessment Method) u issa huwa deskritt bħala wieħed mill-aktar bini sostenibbli fil-Polonja;

38.  Jinnota li l-Aġenzija ma tara l-ebda riskju finanzjarju li jinfluwenza l-operazzjonijiet tagħha minħabba Brexit;

39.  Jenfasizza l-kontribut tal-Frontex biex fl-2015 ġew salvati aktar minn 250 000 persuna fuq il-baħar; jilqa' ż-żieda fil-kapaċità ta' tiftix u salvataġġ tal-Aġenzija; jinnota, madankollu, li għad iridu jsiru sforzi konsiderevoli f'dik id-direzzjoni;

40.  Jinnota l-eżistenza ta' objettivi u indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi għal użu intern fir-rigward tal-operazzjonijiet konġunti; jiddispjaċih li dawn mhumiex pubbliċi u li l-biċċa l-kbira tal-programmi operattivi tal-Frontex għaldaqstant għandhom nuqqas ta' objettivi kwantitattivi u valuri mmirati speċifiċi għall-operazzjonijiet konġunti; jinnota bi tħassib li dan, flimkien ma' dokumentazzjoni insuffiċjenti mill-pajjiżi li jikkooperaw, jistgħu jfixklu l-evalwazzjoni ex post tal-effikaċja tal-operazzjonijiet konġunti fit-tul; jiddispjaċih li l-valutazzjoni tal-impatt attwali tal-operazzjonijiet konġunti għalhekk hija diffiċli; jistieden lill-Aġenzija tkompli tistabbilixxi objettivi strateġiċi rilevanti għall-attivitajiet tagħha u sistema effikaċi ta' monitoraġġ u rapportar li jkunu orjentati lejn ir-riżultati b'indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni rilevanti u li jistgħu jitkejlu;

o

o o

41.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' ... 2018(14) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

7.2.2018

OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2164(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Kostas Chrysogonos

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b'mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2016 u li t-tranżazzjonijiet tagħha huma legali u regolari; jenfasizza li fl-2016, kien hemm espansjoni sinifikanti tar-rwol u l-attivitajiet tal-Frontex, b'żieda baġitarja ta' 75 % u żieda fil-persunal ta' 18 % wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(15);

2.  Jinnota li, wara ż-żieda fil-livelli tal-migrazzjoni fl-Unjoni fl-2015 u fl-2016, il-Frontex ħabbtet wiċċha ma' problemi li jassorbu fondi addizzjonali tal-Unjoni mogħtija matul l-2016, u dan wassal għal diffikultajiet konsiderevoli biex l-Aġenzija tikkonforma ma' regoli baġitarji u finanzjarji; jenfasizza l-livell għoli ta' riporti kkanċellati mill-2015 għat-Titolu III (16 %); jinnota f'dan ir-rigward ir-rata ta' użu tal-baġit globali ta' 95,3 % għall-approprjazzjonijiet tal-2015; jissottolinja li l-Frontex oriġinarjament allokat EUR 20 miljun mill-baġit tagħha għall-2016 għal infiq iddedikat għall-'hotspots', iżda sadattant hija diġà impenjat kważi EUR 35 miljun għal dan l-iskop u l-attivitajiet operattivi konġunti relatati; jirrimarka li sa Ottubru 2016 l-Aġenzija ffinanzjat operazzjonijiet nazzjonali ta' ritorn, u li l-Qorti kkunsidrat li dawn kienu pagamenti irregolari; jitlob lill-Aġenzija ttejjeb b'mod sinifikanti l-ippjanar finanzjarju, il-kontroll u l-kapaċitajiet ta' ġestjoni tal-baġit tagħha;

3.  Jinnota li l-Aġenzija esperjenzat diffikultajiet fis-sejbien ta' kandidati adatti bil-profil mitlub u l-isforzi tal-Aġenzija biex tibbilanċja d-distribuzzjoni ġeografika tar-reklutaġġ tagħha ta' kandidati kwalifikati; jikkritika, madankollu, ir-reklutaġġ irregolari ta' 14-il aġent temporanju fi gradi AST għolja; jitlob lill-Aġenzija taderixxi strettament mar-Regolamenti tal-Persunal f'kull waqt; jinnota f'dan ir-rigward li r-Regolamenti tal-Persunal joffru l-flessibbiltà meħtieġa biex il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol li huma prevalenti fl-Unjoni jiġu kkunsidrati fir-reklutaġġ ta' uffiċjali u aġenti oħra sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet speċifiċi tal-istituzzjonijiet; jenfasizza li mill-2016 għall-2020 il-persunal tal-Aġenzija ser jikber b'aktar mid-doppju; jiddispjaċih, madankollu, li ż-żieda ma kinitx ibbażata fuq analiżi bir-reqqa; jitlob lill-Aġenzija tiġġustifika aħjar il-ħtiġijiet tagħha fil-ġejjieni abbażi ta' informazzjoni u data preċiża u verifikabbli;

4.  Jenfasizza l-kontribut tal-Frontex biex fl-2015 ġew salvati aktar minn 250 000 persuna fuq il-baħar; jilqa' ż-żieda fil-kapaċità ta' tiftix u salvataġġ tal-Aġenzija; jinnota, madankollu, li għad iridu jsiru sforzi konsiderevoli f'dik id-direzzjoni;

5.  Jinnota l-eżistenza ta' objettivi speċifiċi u indikaturi tal-prestazzjoni għal użu intern fir-rigward tal-operazzjonijiet konġunti; jiddispjaċih li dawn mhumiex pubbliċi u li l-biċċa l-kbira tal-programmi operattivi tal-Frontex għaldaqstant għandhom nuqqas ta' objettivi kwantitattivi u valuri mmirati speċifiċi għall-operazzjonijiet konġunti; jinnota bi tħassib li dan, flimkien ma' dokumentazzjoni insuffiċjenti mill-pajjiżi li jikkooperaw, jistgħu jfixklu l-evalwazzjoni ex post tal-effikaċja tal-operazzjonijiet konġunti fit-tul; jiddispjaċih li l-valutazzjoni tal-impatt konkret tal-operazzjonijiet konġunti għalhekk hija diffiċli; jistieden lill-Aġenzija tkompli tistabbilixxi objettivi strateġiċi rilevanti għall-attivitajiet tagħha u sistema effikaċi ta' monitoraġġ u rappurtar li tkun orjentata lejn ir-riżultati b'indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni rilevanti u li jistgħu jitkejlu; ifakkar li d-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni u l-komunikazzjoni bħala parti mir-responsabbiltà tal-Frontex lejn il-pubbliku kienu modifikati ferm bir-Regolament (UE) Nru 2016/1624 li jirrikjedi li l-Frontex tkun aktar trasparenti dwar l-attivitajiet tagħha; jiddispjaċih li l-Frontex għadha ma wettqitx bis-sħiħ dawn ir-regoli l-ġodda u jitlob lill-Frontex timplimentahom mingħajr dewmien;

6.  Jinnota bi tħassib żbilanċ sinifikanti bejn il-ġeneri ta' 93 % / 7 % fil-bord amministrattiv tal-Aġenzija; iħeġġeġ korrezzjoni futura ta' dan l-indikatur; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li n-nomini tal-membri tagħhom għall-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija juru bilanċ bejn il-ġeneri; jistieden lill-Aġenzija biex tfakkar b'mod proattiv lill-Istati Membri dwar l-importanza ta' bilanċ bejn il-ġeneri;

7.  Jinnota l-fatt li l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali rċieva ħames karigi ġodda mill-2016 'il hawn u tlieta minnhom huma vakanti; jiddispjaċih bil-qawwa, madankollu, li minkejja l-appelli ripetuti tal-Parlament u ż-żieda ġenerali sinifikanti fil-persunal għall-Frontex, l-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali għad m'għandux riżorsi umani adegwati u għalhekk għadha ostakolata fit-twettiq tal-kompiti fdati lilha mir-Regolament (UE) Nru 2016/1624; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Aġenzija tipprovdi lill-uffiċjal tagħha għad-drittijiet fundamentali r-riżorsi u l-persunal adegwati, b'mod partikolari għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu għall-ilmenti u għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-istrateġija tal-Aġenzija biex timmonitorja u tiżgura l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

1.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

7

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Heinz K. Becker, Malin Björk, Michał Boni, Caterina Chinnici, Frank Engel, Cornelia Ernst, Raymond Finch, Lorenzo Fontana, Kinga Gál, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Dietmar Köster, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Roberta Metsola, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Sergei Stanishev, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Marie-Christine Vergiat, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Kostas Chrysogonos, Carlos Coelho, Maria Grapini, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Marek Jurek, Andrejs Mamikins, Angelika Mlinar, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jaromír Štětina

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Jonathan Bullock, Julia Reda, Francis Zammit Dimech

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT MITLUB JAGĦTI OPINJONI

42

+

ALDE

Nathalie Griesbeck, Filiz Hyusmenova, Sophia in 't Veld, Angelika Mlinar, Maite Pagazaurtundúa Ruiz

GUE/NGL

Kostas Chrysogonos, Cornelia Ernst, Marie-Christine Vergiat

PPE

Asim Ademov, Georges Bach, Heinz K. Becker, Michał Boni, Carlos Coelho, Frank Engel, Kinga Gál, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Barbara Kudrycka, Roberta Metsola, Csaba Sógor, Jaromír Štětina, Traian Ungureanu, Francis Zammit Dimech, Tomáš Zdechovský

S&D

Caterina Chinnici, Ana Gomes, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Dietmar Köster, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Birgit Sippel, Sergei Stanishev, Josef Weidenholzer

VERTS/ALE

Julia Reda, Judith Sargentini

7

-

EFDD

Jonathan Bullock, Raymond Finch, Kristina Winberg

ENF

Lorenzo Fontana, Auke Zijlstra

GUE/NGL

Malin Björk

NI

Udo Voigt

3

0

ECR

Marek Jurek, Branislav Škripek, Helga Stevens

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Raffaele Fitto, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Jean-François Jalkh, Arndt Kohn, Notis Marias, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, Julia Pitera, Miroslav Poche

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

19

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Cătălin Sorin Ivan, Karin Kadenbach, Arndt Kohn, Miroslav Poche, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

4

-

ECR

Raffaele Fitto, Notis Marias

EFDD

Marco Valli

GUE/NGL

Dennis de Jong

1

0

ENF

Jean-François Jalkh

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 233.

(2)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 233.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1

(4)

ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1

(5)

ĠU L 251, 16.09.2016, p. 1.

(6)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42

(7)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 233.

(8)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 233.

(9)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1

(10)

ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1

(11)

ĠU L 251, 16.09.2016, p. 1.

(12)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42

(13)

ĠU C 12, 13.01.2017, p.27

(14)

Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA-PROV(2018)0000.

(15)

  Ir-Regolament (UE) Nru 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' April 2018Avviż legali