Proċedura : 2017/2169(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0109/2018

Testi mressqa :

A8-0109/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.57
CRE 18/04/2018 - 12.57

Testi adottati :

P8_TA(2018)0162

RAPPORT     
PDF 735kWORD 64k
26.3.2018
PE 613.454v01-00 A8-0109/2018

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2169(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Bart Staes

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2169(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Uffiċċju fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0079/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 60 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0109/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Europol għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2169(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju(7),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(8) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Uffiċċju fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0079/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)(10), u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI(11), u b'mod partikolari l-Artikolu 60 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0109/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Europol għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2169(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0109/2018),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tissaħħaħ ulterjorment permezz ta' titjib fit-trasparenza u fl-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u ta' governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tiegħu(13), il-baġit finali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija ("Europol") għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 104 274 784, li jirrappreżenta żieda ta' 9,27 % meta mqabbel mal-2015; billi ż-żieda kienet dovuta għal kompiti ġodda jew addizzjonali li wessgħu l-mandat tal-Europol; billi l-baġit tal-Europol jiġi kważi kollu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Europol huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari,

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata għolja ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 99,75 %, li turi li l-impenji saru f'waqthom; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 90,98 %, li tindika żieda ta' 1,98 % meta mqabbla mal-2015;

Impenji u riporti

2.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, ir-riporti ta' approprjazzjonijiet impenjati għat-Titolu II (infiq amministrattiv) laħqu l-livell għoli ta' EUR 3 500 000 (39 %) meta mqabbla ma' EUR 4 200 000 (41 %) fl-2015; jinnota li dawn ir-riporti kienu jikkonċernaw prinċipalment il-kwartieri ġenerali tal-Europol, u dawn l-ispejjeż ma ġewx iffatturati mill-Istat ospitanti qabel l-2017 (EUR 2 000 000); jinnota li l-Europol se jkompli bl-isforzi tiegħu biex jiżgura implimentazzjoni baġitarja effiċjenti u konformi, b'mod partikolari fir-rigward ta' riporti b'rabta mal-infiq amministrattiv; jinnota li peress li x-xogħol b'rabta mal-kwartieri ġenerali tal-Europol qiegħed isir taħt l-awtorità tal-Istat ospitanti bħala parti esterna, hu mistenni li l-ġestjoni tal-ispejjeż relatati mal-bini taffettwa wkoll is-snin finanzjarji li ġejjin; jinnota li dan hu dovut għall-istruttura amministrattiva inerenti, li tipprevedi li l-Europol jirċievi l-fatturi relatati wara li l-Istat ospitanti jkun ikkoordina mal-kuntratturi rilevanti fil-livell nazzjonali;

3.  Jinnota li r-riporti sikwit ikunu parzjalment jew kompletament ġustifikati min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, mhux bilfors jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit u mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, partikolarment jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-Europol u kkomunikati lill-Qorti;

Trasferimenti

4.  Jinnota li b'kollox saru 48 trasferiment, għal ammont totali ta' kważi EUR 4 960 000 (4,9 % tal-baġit); jinnota, barra minn hekk, li xi trasferimenti kienu meħtieġa fid-dawl tad-differenzi bejn l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-baġit minħabba sitwazzjonijiet urġenti f'ċerti oqsma tal-kriminalità, pereżempju l-attivitajiet relatati mal-hotspots; jinnota li t-trasferimenti magħmula sabiex ikopru temporanjament l-infiq fuq l-għotjiet fil-baġit regolari, minħabba d-dewmien fit-tisrif tal-ammont tal-prefinanzjament tal-ftehim dwar l-għotjiet, inqalbu lura meta wasal il-prefinanzjament;

Proċedura ta' akkwist u politika tal-persunal

5.  Jinnota li, fi tmiem l-2016, l-għadd totali ta' membri tal-persunal impjegati mill-Europol kien ta' 655: 505 fit-tabella tal-persunal, 146 aġent kuntrattwali u 4 membri tal-persunal lokali; jinnota, barra minn hekk, li l-għadd ta' membri tal-persunal mhux tal-Europol (esperti nazzjonali sekondati, uffiċjali ta' kollegament u persunal tal-uffiċċji ta' kollegament, trainees u kuntratturi) kien ta' 452; jinnota li fl-2016 l-Europol impjega 145 membru tal-persunal ġdid (104 aġent temporanju u 41 aġent kuntrattwali), u li 86 membru tal-persunal telqu mill-Europol (64 aġent temporanju u 22 aġent kuntrattwali);

6.  Jiddispjaċih profondament li, meta wieħed jara t-total ta' postijiet okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, il-bilanċ bejn is-sessi ma ntlaħaqx peress li l-proporzjon kien ta' aktar minn żewġ irġiel għal kull mara (32,4 % nisa u 67,6 % irġiel) u – ħaġa saħansitra aktar allarmanti – il-persunal femminili kien rappreżentat biss f'14 % tal-pożizzjonijiet ta' speċjalista/analista superjuri u li, agħar minn hekk, il-perċentwal ta' nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali u ekwivalenti jew ogħla kien ta' 6,1 % biss (żewġ membri tal-persunal); jistieden lill-Europol ikun aktar proattiv u jqis il-kwistjoni tal-bilanċ bejn is-sessi b'urġenza meta jirrekluta persunal ġdid u jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress magħmul fi tmiem l-2017 matul il-proċedura ta' kwittanza li jmiss;

7.  Jinnota li, f'April 2016, il-Parlament adotta baġit emendatorju li rriżulta fit-tisħiħ tal-livelli tal-persunal taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu tal-Europol b'żieda ta' EUR 2 000 000 fil-baġit u bil-ħolqien ta' 35 post addizzjonali (25 aġent temporanju, 5 aġenti kuntrattwali u 5 esperti nazzjonali sekondati);

8.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-persunal tal-Europol kien bil-liv minħabba mard għal medja ta' 1,2 % biss tal-ġranet tax-xogħol fl-2016; josserva li l-għadd ta' ġranet iddedikati għal attivitajiet ta' benessri minn kull membru tal-persunal kien ta' inqas minn ġurnata; jinnota li l-Europol ma semmiex id-diversi attivitajiet għall-benessri implimentati fl-2016, kif mitlub mill-Parlament, iżda rrapporta dwar l-ispejjeż li ntefqu għal kull membru tal-persunal fuq servizzi mediċi u spejjeż relatati; jistieden lill-Europol jagħti rendikont ġenerali tal-liv minħabba mard f'termini ta' ġranet;

9.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Europol stabbilixxa netwerk ta' 10 konsulenti kunfidenzjali bħala parti mill-politika dwar il-ħarsien tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u sesswali; jinnota, barra minn hekk, li l-Europol organizza sessjonijiet ta' sensibilizzazzjoni, ipprovda informazzjoni standard dwar il-fastidju fuq l-intranet tiegħu u introduċa programm għall-impjegati l-ġodda li kien jinkludi preżentazzjoni dwar is-saħħa u l-benessri li matulha ngħataw spjegazzjonijiet dwar il-politika tal-fastidju u n-netwerk ta' konsulenti kunfidenzjali;

10.  Jinnota li fl-2016 inbdew proċedura informali u oħra formali (talba għal assistenza) b'rabta ma' fastidju; jinnota li l-proċedura formali wasslet għall-ftuħ ta' inkjesta amministrattiva/investigazzjoni interna li ma kkonfermatx l-eżistenza ta' fastidju; josserva li, għaldaqstant, l-ebda każ ma tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

11.  Jinnota li l-Europol juża vetturi uffiċjali iżda ma jippermettix l-użu privat tagħhom;

Kontrolli interni

12.  Jinnota li, fl-2016, l-attivitajiet ta' ġestjoni tar-riskju fl-Europol kienu jiffukaw fuq l-indirizzar tar-rekwiżiti identifikati mill-Qorti, b'mod partikolari l-kontijiet annwali, il-ftehim ta' delega u l-għeluq tal-Fond tal-Pensjonijiet tal-Europol; jinnota, barra minn hekk, li l-attivitajiet marbuta mar-riskju kienu jinkludu wkoll il-monitoraġġ tar-riskji li jaffettwaw l-objettivi marbutin mal-attivitajiet prinċipali stabbiliti fil-Programm ta' Ħidma għall-2016, b'mod partikolari b'rabta mal-kompitu l-ġdid ta' stazzjonament fuq il-post għall-kontrolli tas-sigurtà sekondarji u l-internalizzazzjoni tat-tnedija finali tas-Sistema ta' Analiżi tal-Europol; jinnota li, sa tmiem l-2016, ir-reġistru tar-riskji korporattivi tal-Europol kien fih 16-il riskju kbir jew kritiku, li jirrappreżenta 4 riskji korporattivi addizzjonali meta mqabbel mal-istatus irreġistrat fi tmiem l-2015;

13.  Jinnota li l-Uffiċċju tal-Awditjar Intern wettaq rieżami tal-implimentazzjoni tal-istandards ta' kontroll intern fl-Europol fl-ewwel semestru tal-2016; jinnota li l-Europol ħejja pjan ta' azzjoni sabiex jindirizza 15 mill-40 rakkomandazzjoni sal-aħħar tal-2016 u li, minn dawk ir-rakkomandazzjonijiet, 20 kienu ġew ikklassifikati bħala "importanti ħafna" u waħda – rakkomandazzjoni relatata mal-adozzjoni ta' strateġija kontra l-frodi, li ġiet approvata mill-Bord ta' Amministrazzjoni fil-31 ta' Jannar 2017 – bħala "kritika";

Awditu intern

14.  Jinnota li 83 % tar-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Qorti, tas-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS), tal-Awtorità ta' Kontroll Komuni tal-Europol, tal-uffiċjal għall-protezzjoni tad-data tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju tal-Awditjar Intern, li kienu ġew ikklassifikati bħala "kritiċi" jew "importanti ħafna" wara dawn l-awditi, ġew indirizzati fl-2016, u dan jirrappreżenta żieda ta' 12 % meta mqabbel mal-2015;

15.  Jinnota li f'Ottubru 2016 l-IAS wettaq awditu dwar l-akkwist, li l-abbozz ta' rapport tal-awditjar dwaru ma nħariġx fi tmiem l-2016; jistieden lill-Europol jippreżenta r-riżultati ta' dak l-awditu lill-awtorità ta' kwittanza;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

16.  Jinnota li fl-1 ta' Mejju 2017 il-Bord ta' Amministrazzjoni adotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess fir-rigward tal-membri tiegħu, inkluż b'rabta mad-dikjarazzjonijiet ta' interess rispettivi tagħhom; jinnota b'dispjaċir li l-approċċ tal-Europol kien li jiddikjara li m'hemm l-ebda kunflitt ta' interess; jinnota bi tħassib li l-membri tal-Bord ta' Amministrazzjoni komplew jippublikaw dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitt ta' interess; jistieden lill-membri tal-Bord ta' Amministrazzjoni jippubblikaw id-dikjarazzjonijiet ta' interess rispettivi tagħhom, minflok dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess, li fihom jelenkaw is-sħubija tagħhom fi kwalunkwe organizzazzjoni oħra; jenfasizza li ma jinkombix fuq il-membri tal-Bord ta' Amministrazzjoni li jiddeċiedu huma stess jekk għandhomx kunflitti ta' interess; jinnota li l-membri u s-sostituti tal-Bord ta' Amministrazzjoni ġew mistiedna jimlew, jiffirmaw u jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet ta' interess u s-CVs rispettivi tagħhom sal-15 ta' Diċembru 2017, biex dawn jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Europol; jilqa' l-pubblikazzjoni tas-CVs tal-membri tal-Bord ta' Amministrazzjoni fuq is-sit web tal-Europol; jistieden lill-Europol jinforma lill-awtorità ta' kwittanza jekk il-membri tal-Bord ta' Amministrazzjoni fil-fatt ippubblikawx id-dikjarazzjonijiet ta' interess rispettivi tagħhom sal-iskadenza stabbilita;

17.  Jinnota li fl-2016 l-Europol irċieva 107 talbiet ta' aċċess għad-dokumenti (b'rabta ma' 138 dokument) u li l-Europol ta aċċess sħiħ għal 39 dokument, filwaqt li ta aċċess parzjali għal 20 dokument u ċaħad l-aċċess għal 79 wieħed; jistieden lill-Europol tkun miftuħa kemm jista' jkun meta tindirizza dawn it-talbiet u ma żżommx f'moħħha r-restrizzjonijiet legali biss iżda anke d-dmir ta' ftuħ u trasparenza;

18.  Jinnota li, f'Ottubru 2017, l-Europol nieda kampanja ta' komunikazzjoni addizzjonali dwar id-dispożizzjonijiet etiċi tiegħu biex jiffamiljarizza lill-persunal kollu tal-Europol u lill-esperti nazzjonali sekondati mal-verżjonijiet aġġornati tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Europol u tal-linji gwida dwar il-ġestjoni ta' rigali, il-kunflitti ta' interess u l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jinnota b'sodisfazzjon li l-linji gwida dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta jenfasizzaw il-fatt li l-Europol jimpenja ruħu li jħares l-identità tal-informaturi; jilqa' l-pubblikazzjoni ta' linji gwida dwar l-arranġamenti għall-iżvelar ta' informazzjoni protetta fuq is-sit web tal-Europol; jitlob lill-Europol jagħti dettalji dwar każijiet ta' żvelar ta' informazzjoni protetta fl-2016, jekk kien hemm, u dwar kif ġew ipproċessati;

19.  Jesprimi l-bżonn li jitwaqqaf korp indipendenti ta' żvelar, konsulenza u riferiment, mogħni b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw informazzjoni dwar irregolaritajiet li jistgħu jkunu qed jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jagħtihom l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa;

20.  Jilqa' l-adozzjoni ta' strateġija kontra l-frodi għall-perjodu 2017-2018 min-naħa tal-Bord ta' Amministrazzjoni;

Kisbiet ewlenin

21.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Europol fl-2016, jiġifieri:

–  it-twaqqif taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u ċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti, inkluż l-istazzjonament ta' persunal fuq il-post inkarigat mit-twettiq ta' aktar minn 4 800 kontroll tas-sigurtà sekondarju fil-hotspots tal-migrazzjoni sa tmiem l-2016; jinnota li l-Europol għen fi 'l fuq minn 270 operazzjoni kontra t-terroriżmu, li jirrappreżenta żieda ta' aktar mid-doppju meta mqabbel mas-sena 2016 kollha kemm hi (127 operazzjoni kontra t-terroriżmu fl-2016);

–  l-introduzzjoni ta' strumenti innovattivi ta' appoġġ fl-investigazzjonijiet: is-sit web Europe's Most Wanted Fugitives li nħoloq fl-2016 u li, f'Novembru 2017, kien fih informazzjoni dwar 115-il persuna maħruba u dwar l-arrest ta' 41 persuna maħruba prominenti, fosthom 13 li ġew arrestati bl-għajnuna tas-sit web; jinnota li ċ-Ċentru taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol (EC3) vara soluzzjoni ta' analiżi ta' ritratti u filmati ġdida biex jiffaċilita, b'mod partikolari, l-identifikazzjoni ta' tfal vittmi ta' sfruttament sesswali, inkluż, fl-2017, l-appoġġ mogħti mill-Europol fi 38 operazzjoni kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal fuq l-internet;

–  l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/794(14) f'Mejju 2016, applikabbli mill-1 ta' Mejju 2017, li jintroduċi tisħiħ fl-arranġamenti ta' sorveljanza tal-Parlament u titjib fil-mandat ta' appoġġ operazzjonali;

Kummenti oħra

22.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Europol, f'kooperazzjoni mal-Eurojust, ifformalizza approċċ ikkombinat għaċ-Ċertifikazzjoni ISO14001/EMS; jinnota li l-Europol implimenta għadd kbir ta' miżuri biex jiżgura post tax-xogħol kosteffikaċi u ekoloġiku u biex inaqqas jew jikkumpensa ulterjorment l-emissjonijiet ta' CO2;

23.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Europol kompla jikkoopera ma' għadd ta' sħab internazzjonali, kif ukoll ma' aġenziji u korpi oħra tal-Unjoni, u li, partikolarment fid-dawl tal-kriżi migratorja, l-Europol saħħaħ aktar il-kooperazzjoni tiegħu mal-Frontex;

24.  Jinnota li, skont l-Europol, jeżistu riskji finanzjarji u operattivi sostanzjali minħabba l-Brexit; jistieden lill-Europol ikompli jkun proattiv fl-identifikazzjoni u l-indirizzar ta' dawn ir-riskji u jżomm lill-awtorità ta' kwittanza infurmata bis-sħiħ bl-impatt futur tal-Brexit fuq l-Europol u jaħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni dwar in-negozjati tal-Brexit sabiex ikun ippreparat biżżejjed u b'hekk jitnaqqas kemm jista' jkun kwalunkwe impatt negattiv operattiv jew finanzjarju li jista' jkun hemm;

25.  Jiddispjaċih li r-rieżami 2016-2017 tal-Europol ma ġiex ippubblikat fuq is-sit web tal-Europol qabel it-23 ta' Jannar 2018, jiġifieri ħamest ijiem wara d-data ta' skadenza għat-tressiq tal-emendi għar-rapport dwar il-kwittanza tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament; jistieden lill-Europol biex, fil-futur, jippubblika r-rieżami annwali tiegħu fil-ħin għall-proċedura ta' kwittanza sabiex l-awtorità ta' kwittanza tkun tista' tagħmel xogħolha b'għarfien sħiħ tal-fatti;

26.  Jinnota d-domanda dejjem akbar għas-servizzi tal-Europol min-naħa tal-Istati Membri; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li r-riżorsi limitati disponibbli għall-ICT wasslu għal bidla fil-prijoritajiet dwar l-attivitajiet ewlenin ta' żvilupp tas-sistemi, dewmien fil-proġetti u t-tfittxija ta' aktar possibbiltajiet ta' esternalizzazzjoni, li jimplika riskji akbar;

o

o o

27.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' ... 2018(15) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

7.2.2018

OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2169(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Kostas Chrysogonos

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jiddispjaċih li r-rieżami 2016-2017 tal-Europol ġie ppubblikat fuq is-sit web tal-Europol fit-23 ta' Jannar 2018 biss, ħamest ijiem wara d-data ta' skadenza għat-tressiq tal-emendi għal dan ir-rapport; jistieden lill-Europol jippubblika r-rieżamijiet annwali tiegħu fil-ħin għall-proċeduri ta' kwittanza futuri sabiex l-awtorità ta' kwittanza tkun tista' twettaq il-ħidma tagħha b'mod infurmat bis-sħiħ;

2.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-kontijiet annwali tal-Europol jippreżentaw b'mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2016 u li t-tranżazzjonijiet tagħha huma legali u regolari;

3.  Jinnota li l-livell relattivament għoli ta' riporti ta' approprjazzjonijiet impenjati għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) kien ta' EUR 3 500 000, jiġifieri 39 %; jirrikonoxxi l-fatt li dan huwa dovut għan-natura tal-arranġamenti amministrattivi bejn l-Europol u l-Istat ospitanti tiegħu fir-rigward ta' xogħlijiet ta' bini; jinnota li fl-2016 l-Europol irċieva għotja mill-Fond għas-Sigurtà Interna għal assistenza f'każ ta' emerġenza li ammontat għal EUR 1 500 000 bil-ħsieb li jibgħat esperti (uffiċjali mistiedna) fil-hotspots biex iwettqu kontrolli ta' sigurtà sekondarji li għalihom in-nefqa ġiet awditjata u vvalutata bħala eliġibbli f'konformità mal-ftehim tal-għotja;

4.  Jinnota ż-żieda ta' 12 % fil-persunal u ta' 8,3 % fil-baġit tal-Europol fl-2016 wara d-deċiżjoni li lill-Europol jiġi fdat b'kompiti ġodda; jilqa' r-rati għolja ta' implimentazzjoni għall-approprjazzjoni ta' impenn (99,8 %) u ta' pagament (91,0 %);

5.  Jikkonstata d-domanda dejjem tikber għas-servizzi tal-Europol min-naħa tal-Istati Membri; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, għall-fatt li r-riżorsi limitati disponibbli tal-ICT wasslu għal prijoritizzazzjoni mill-ġdid tal-attivitajiet għall-iżvilupp relatati mas-sistemi ewlenin, dewmien fil-proġetti u s-sejbien ta' aktar possibbiltajiet ta' esternalizzazzjoni li jimplikaw riskji akbar;

6.  Jilqa' l-passi li l-Europol ħa biex jindirizza fil-ħin ir-rakkomandazzjoni kritika unika u l-biċċa l-kbira mis-sitta u għoxrin rakkomandazzjoni importanti ħafna identifikati bħala parti mill-awditjar intern imwettaq bl-appoġġ operattiv li ta ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità lill-Istati Membri kif ukoll bl-implimentazzjoni tal-istandards ta' kontroll intern min-naħa tal-Europol; jirrakkomanda l-prijoritizzazzjoni biex jissolvew ir-rakkomandazzjonijiet; jistieden lill-Europol jieħu l-azzjoni neċessarja biex jindirizza l-ħames rakkomandazzjonijiet li fadal li għadhom pendenti; jilqa' l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġija kontra l-frodi tal-Europol għall-perjodu 2017-2018;

7.  Jenfasizza li l-qafas legali l-ġdid tal-Europol jipprevedi miżuri addizzjonali f'dak li jirrigwarda l-għoti ta' informazzjoni speċifika lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-ħidma tiegħu, inklużi kwistjonijiet operattivi sensittivi permezz tal-adozzjoni ta' sistema ta' ġestjoni tad-data aktar flessibbli u moderna; jilqa' l-komunikazzjoni proattiva tal-pakkett tal-etika tal-Europol lill-persunal tiegħu, li jikkonsisti f'verżjoni aġġornata tal-kodiċi ta' kondotta tal-Europol, kif ukoll f'linji gwida għall-persunal kollu dwar ir-rigali, il-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u l-arranġamenti tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta li jipprovdu salvagwardji addizzjonali għall-operat tal-Europol; jinnota li r-regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta huma disponibbli għall-persunal tal-Europol fuq l-intranet tal-Europol; jirrikonoxxi l-adozzjoni tar-regoli tal-Bord ta' Amministrazzjoni tal-Europol dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess tal-membri tiegħu; jilqa' l-fatt li reċentement tlestiet il-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' interess mill-membri tal-Bord ta' Amministrazzjoni tal-Europol fuq is-sit web tal-Europol;

8.  Jilqa' l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' attività annwali konsolidat tal-Europol għall-2016; jiddispaċih, madankollu, li minkejja r-rakkomandazzjonijiet preċedenti, il-pubblikazzjoni tar-Rapport tal-Qorti tal-Awdituri mill-Europol għadha pendenti; itenni l-importanza tat-trasparenza biex tinżamm il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni u fl-istituzzjonijiet tagħha.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

1.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Heinz K. Becker, Malin Björk, Michał Boni, Caterina Chinnici, Frank Engel, Cornelia Ernst, Raymond Finch, Lorenzo Fontana, Kinga Gál, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Dietmar Köster, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Roberta Metsola, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Sergei Stanishev, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Marie-Christine Vergiat, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Kostas Chrysogonos, Carlos Coelho, Maria Grapini, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Marek Jurek, Andrejs Mamikins, Angelika Mlinar, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jaromír Štětina

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Jonathan Bullock, Julia Reda, Francis Zammit Dimech

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

46

+

ALDE

Nathalie Griesbeck, Filiz Hyusmenova, Sophia in 't Veld, Angelika Mlinar, Maite Pagazaurtundúa Ruiz

ECR

Marek Jurek, Branislav Škripek, Helga Stevens

GUE/NGL

Malin Björk, Kostas Chrysogonos, Cornelia Ernst, Marie-Christine Vergiat

PPE

Asim Ademov, Georges Bach, Heinz K. Becker, Michał Boni, Carlos Coelho, Frank Engel, Kinga Gál, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Barbara Kudrycka, Roberta Metsola, Csaba Sógor, Jaromír Štětina, Traian Ungureanu, Francis Zammit Dimech, Tomáš Zdechovský

S&D

Caterina Chinnici, Ana Gomes, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Dietmar Köster, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Birgit Sippel, Sergei Stanishev, Josef Weidenholzer

VERTS/ALE

Julia Reda, Judith Sargentini

5

-

EFDD

Jonathan Bullock, Raymond Finch

ENF

Lorenzo Fontana, Auke Zijlstra

NI

Udo Voigt

1

0

EFDD

Kristina Winberg

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Raffaele Fitto, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Jean-François Jalkh, Arndt Kohn, Notis Marias, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, Julia Pitera, Miroslav Poche

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

20

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Cătălin Sorin Ivan, Karin Kadenbach, Arndt Kohn, Miroslav Poche, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

4

-

ECR

Raffaele Fitto, Notis Marias

EFDD

Marco Valli

ENF

Jean-François Jalkh

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 223.

(2)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 223.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)

ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.

(5)

ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.

(6)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(7)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 223.

(8)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 223.

(9)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(10)

ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.

(11)

ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.

(12)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(13)

ĠU C 84, 17.03.2017, p. 172.

(14)

  Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(15)

Testi adottati ta' din id-data, P8_TA-PROV(2018)0000.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' April 2018Avviż legali