Proċedura : 2017/2178(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0111/2018

Testi mressqa :

A8-0111/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.52

Testi adottati :

P8_TA(2018)0157

RAPPORT     
PDF 758kWORD 65k
26.3.2018
PE 613.476v02-00 A8-0111/2018

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2178(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Bart Staes

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2178(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0088/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0111/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2178(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(6),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(7) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0088/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(8), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0111/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2178(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0111/2018),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u fl-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha(11), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 82 267 949, ammont li jirrappreżenta żieda ta' 21,77 % meta mqabbel mal-2015 minħabba l-proċedura ġdida ta' akkwist għas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża u s-Sistema ta' Tqabbil Bijometriku; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016 ("ir-rapport tal-Qorti"), iddikjarat li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Segwitu għall-kwittanzi 2013 u 2015

1.  Jinnota bi tħassib l-għadd ta' kwistjonijiet pendenti u miżuri korrettivi li għaddejjin bħalissa b'reazzjoni għall-kummenti tal-Qorti fl-2013 u fl-2015 relatati ma' kuntratt qafas għall-akkwist ta' servizzi u mar-relazzjoni bejn l-Aġenzija u l-pajjiżi assoċjati ma' Schengen; iħeġġeġ lill-Aġenzija tieħu azzjonijiet korrettivi mingħajr aktar dewmien;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

2.  Jikkundanna l-fatt li l-Aġenzija rċeviet u aċċettat fornimenti li jammontaw għal EUR 2 800 000 mingħajr ma kellha impenji baġitarji u legali (kuntratti) stabbiliti. jinnota li l-impenji legali saru b'mod retroattiv sabiex ix-xirjiet jiġu regolarizzati; jinnota, barra minn hekk, li skont l-Aġenzija, ix-xirjiet saru b'dan il-mod sabiex jiġu trattati rekwiżiti operattivi urġenti, u anki b'reazzjoni għall-bżonnijiet ta' ħżin ta' ċerti Stati Membri li qed jiżdiedu rapidament; jistieden lill-Aġenzija ttejjeb b'mod sinifikanti l-ippjanar baġitarju u l-implimentazzjoni tal-baġit; huwa tal-fehma li l-ħtiġijiet ta' ħżin li qed jiżdiedu min-naħa tal-Istati Membri kienu prevedibbli mill-Aġenzija; huwa tal-fehma li r-regoli tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku jippermettu proċedura urġenti, u b'hekk li l-iffirmar retroattiv ta' kuntratti għal xiri urġenti mhuwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.  Jinnota li l-isforzi ta' sorveljanza tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 97,9 % u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 97,6 %;

4.  Jinnota li l-Aġenzija ffirmat kuntratt ta' kostruzzjoni għall-bini tagħha fi Strasburgu b'valur ta' EUR 21 500 000 f'Ġunju 2015; jinnota, barra minn hekk, li sar qbil dwar pagamenti fi stadji bħala l-metodu prinċipali ta' pagament; jinnota bi tħassib li l-Aġenzija emendat il-kuntratt f'Lulju 2015 biex tagħmel il-ħlasijiet bil-quddiem il-metodu regolari biex jiżdied il-konsum tal-baġit; huwa mħasseb serjament dwar il-fatt li sa Novembru 2016 l-Aġenzija kienet ħallset l-ammont sħiħ tal-kuntratt, għalkemm inqas minn nofs ix-xogħol kien tlesta; jinnota li, skont ir-risposta tal-Aġenzija, il-pagamenti ta' prefinanzjament kienu assoċjati ma' garanzija finanzjarja korrispondenti u garanzija tal-eżekuzzjoni ta' 5 %; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dak il-kuntratt;

Impenji u riporti

5.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-approprjazzjonijiet riportati taħt it-Titolu II (nefqa amministrattiva) huma għoljin, f'livell ta' EUR 5 000 000, jiġifieri 63 %, tal-approprjazzjonijiet impenjati (imqabbla ma' EUR 9 000 000 fl-2015, jiġifieri 50 %); ifakkar li r-riporti prinċipalment jikkonċernaw il-manutenzjoni tal-bini u s-servizzi ta' konsulenza li kellhom jiġu fornuti fl-2017;

6.  Jinnota li, skont ir-risposta tal-Aġenzija, ir-riporti għat-Titolu I u t-Titolu II huma kontinwament riveduti u ppjanati bl-objettiv li dawn jitnaqqsu fuq perjodu ta' żmien għall-minimu strett u meħtieġ u li mill-EUR 19,5 miljun ta' approprjazzjonijiet mhux differenzjati riportati għall-2016, EUR 474 000 biss ġew ikkanċellati, ammont li jirrappreżenta 2,42 %;

7.  Jinnota li r-riporti spiss jistgħu jiġu parzjalment jew kompletament ġustifikati bin-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji, mhux neċessarjament jindikaw dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u mhux dejjem imorru kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati minn qabel mill-Aġenzija u jiġu kkomunikati lill-Qorti;

Akkwist pubbliku u politika tal-persunal

8.  Jinnota bi tħassib li l-Qorti identifikat akkwisti pubbliċi fejn l-Aġenzija ma fittxitx is-soluzzjoni l-aktar ekonomika billi ma ċċekkjatx jekk il-kuntrattur ta' kuntratt qafas kienx sab l-aħjar prezz; jistieden lill-Aġenzija tqis il-prinċipju ta' ekonomija u effikaċja f'termini ta' spejjeż bis-serjetà u twettaq il-miżuri rilevanti kollha biex jiġi evitat li din is-sitwazzjoni terġa' sseħħ;

9.  Jinnota li f'Mejju 2016 l-Aġenzija ffirmat kuntratt qafas ma' konsorzju għal EUR 194 000 000 għall-iżvilupp ulterjuri u l-manutenzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u tas-Sistema ta' Tqabbil Bijometriku (BMS) għal perjodu massimu ta' sitt snin; jinnota li l-kuntratt ingħata permezz ta' proċedura ta' akkwist pubbliku; jinnota wkoll li rekwiżit ewlieni biex l-offerenti jiġu aċċettati kien li jkollhom aċċess kummerċjali għat-teknoloġija BMS; jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tar-riskju potenzjali għall-kompetittività tal-proċedura; jinnota li, skont ir-risposta tal-Aġenzija, l-akkwist ta' liċenzji permanenti huwa marbut mal-manutenzjoni sussegwenti tagħhom u rriżulta fi ffrankar sinifikanti ta' fondi fuq terminu twil stmat għal EUR 402 243,22 fuq perjodu ta' erba' snin; jinnota li l-Artikolu I.19.1 tal-kundizzjonijiet speċjali tal-kuntratt qafas jipprevedi l-"klijent l-aktar favorit", biex b'hekk ikompli jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Aġenzija fl-akkwist ta' ħardwer jew softwer mill-kuntrattur;

10.  Josserva mill-pjan ta' stabbiliment tal-Aġenzija li 114-il post tax-xogħol (mill-118-il post awtorizzat taħt il-baġit tal-Unjoni) kienu okkupati fil-31 ta' Diċembru 2016, meta mqabbel ma' 117-il post fl-2015; jinnota li, barra minn hekk, l-Aġenzija kienet tħaddem 26 aġent kuntrattwali, 47 membru ta' persunal temporanju u 6 esperti nazzjonali sekondati;

11.  Josserva bi tħassib li r-riskju operattiv li qed jikber, li l-operazzjonijiet tal-Aġenzija qed jiffaċċjaw, huwa relatat ma' nuqqas ta' persunal tal-Aġenzija b'tali mod li waqt li l-kompiti allokati lilha qed jiżdiedu kontinwament, il-livelli tal-persunal tnaqqsu bħala riżultat tar-rekwiżit li l-persunal jitnaqqas b'5 %; josserva li hemm għadd ta' funzjonijiet fl-Aġenzija li jew huma neqsin mill-persunal jew ma għandhom l-ebda kontinwità tal-attivitajiet integrata (membru wieħed tal-persunal li jwettaq il-kompiti u jġorr l-għarfien dwar l-operazzjonijiet); jinnota bi tħassib li t-tnaqqis tal-persunal u l-esternalizzazzjoni tax-xogħol iżidu r-riskju ta' "revolving doors" u żvelar ta' informazzjoni; jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija ppubblikat il-prinċipji ġenerali dwar l-obbligi wara t-tluq mis-servizz fil-kodiċi ta' mġiba u kondotta etika;

12.  Josserva li l-Aġenzija qiegħda ssir dejjem aktar dipendenti fuq il-persunal estern, li spiss jiswa aktar biex jiġi impjegat mill-persunal intern u jista' jippreżenta riskji inerenti fir-rigward taż-żamma tal-għarfien u l-kapaċitajiet fl-Aġenzija u s-sostenibbiltà tal-operazzjonijiet tagħha;

13.  Jilqa' l-politika ta' żamma tal-persunal tal-Aġenzija, implimentata mill-bord ta' tmexxija, li tipprevedi l-possibbiltà li aġenti temporanji jingħataw kuntratti għal żmien indeterminat fi tmiem l-ewwel terminu kuntrattwali tagħhom, fattur li jippermetti lill-Aġenzija żżomm għarfien espert u kompetenzi interni fundamentali;

14.  Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' bilanċ bejn is-sessi fost il-postijiet tax-xogħol okkupati sad-data tal-31 ta' Diċembru 2016, meta jitqies li l-proporzjon tal-membri tal-persunal hu ta' 28 % nisa u 72 % rġiel; jiddispjaċih li l-bord ta' tmexxija huwa saħansitra aktar żbilanċjat bi proporzjon ta' 11 % nisa u 89 % rġiel; jistieden lill-Aġenzija tagħti aktar attenzjoni lill-bilanċ bejn is-sessi tal-persunal tagħha;

15.  Jiddispjaċih li ma ttieħed l-ebda pass rigward l-iżbilanċ bejn is-sessi fil-kompożizzjoni tal-bord ta' tmexxija tal-Aġenzija; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw bilanċ bejn is-sessi meta jinnominaw lill-membri tagħhom u lill-membri sostituti għall-bord ta' tmexxija tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tfakkar b'mod proattiv lill-Istati Membri dwar l-importanza ta' bilanċ bejn is-sessi;

16.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija ma rċeviet l-ebda lment, azzjoni legali jew każ irrappurtat b'rabta mal-ingaġġ jew mat-tkeċċija ta' membri tal-persunal fl-2016;

17.  Josserva li fl-2016 il-persunal tal-Aġenzija bħala medja kien fuq liv tal-mard għal 10,7 ijiem; jinnota li, skont ir-risposti tal-Aġenzija, l-għadd ta' ġranet iddedikati għal attivitajiet ta' benesseri għal kull membru tal-persunal fl-2016 kien bejn jumejn u tlett ijiem; jinnota li l-Aġenzija organizzat diversi attivitajiet ta' bini ta' tim b'aktar jiem allokati lill-persunal operattiv u inqas lill-persunal amministrattiv; jistieden lill-Aġenzija tikkonsulta mas-servizz mediku dwar kif għandha tnaqqas l-assenzi mix-xogħol dovuti għal liv tal-mard;

18.   Josserva li fl-2015 l-Aġenzija adottat politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u l-fastidju sesswali u li l-informazzjoni dwar ir-regoli ta' implimentazzjoni hija inkluża fil-programm għall-membri l-ġodda tal-persunal; jinnota li r-riżorsi umani u l-unità tat-taħriġ tal-Aġenzija jipprovdu r-risposti u l-informazzjoni lill-membri tal-persunal dwar dan is-suġġett; jinnota li fl-2016 żewġ ilmenti ġew ippreżentati, investigati u konklużi b'rakkomandazzjonijiet u li l-ebda każ ma' tressaq il-qorti;

19.  Jinnota li l-Aġenzija m'għandha l-ebda vettura uffiċjali;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, it-trasparenza u d-demokrazija

20.  Jinnota li l-bord ta' tmexxija tal-Aġenzija approva l-linji gwida tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta fit-23 ta' Mejju 2016 u li l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (l-OLAF) ta opinjoni pożittiva dwar it-test; jinnota, madankollu, li d-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani tal-Kummissjoni ma kienx favur tiegħu u informa lill-Aġenzija li l-Kummissjoni qed taħdem fuq linji gwida ġodda; jinnota b'soddisfazzjon li sadattant l-Aġenzija ppubblikat il-prinċipji ġenerali għall-iżvelar ta' informazzjoni protetta rilevanti fil-kodiċi ta' kondotta ppubblikata fuq is-sit web tagħha; itenni li t-trasparenza hija kwistjoni kruċjali għall-ħolqien u ż-żamma ta' relazzjoni ta' fiduċja bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha;

21.  Jinnota li l-membri kollha tal-bord ta' tmexxija huma obbligati li joħorġu dikjarazzjoni pubblika annwali ta' interess bil-miktub, li tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Aġenzija; jinnota li s-CV tad-direttur eżekuttiv u l-president tal-bord ta' tmexxija huma wkoll ippubblikati u miżmuma aġġornati; jinnota li l-Aġenzija qed tħejji regoli ġodda dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess; jiddispjaċih li l-membri tal-bord ta' tmexxija u tal-grupp konsultattiv ippubblikaw dikjarazzjonijiet ta' "nuqqas ta' kunflitti ta' interess" pjuttost milli dikjarazzjonijiet ta' interess, peress li m'għandux jitħalla f'idejn il-membri nfushom li jiddikjaraw li ma għandhom l-ebda kunflitt ta' interess, iżda għandhom ikunu partijiet terzi li jivverifikaw b'mod indipendenti d-dikjarazzjonijiet ta' interess; jistieden lill-membri tal-bord ta' tmexxija u tal-grupp konsultattiv jippubblikaw dikjarazzjonijiet ta' interess fejn jelenkaw is-sħubija tagħhom fi kwalunkwe organizzazzjoni oħra; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar din il-kwistjoni qabel tmiem Lulju 2018;

22.  Jinnota li l-ewwel rapport annwali ta' monitoraġġ dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija kontra l-frodi tal-Aġenzija (April 2016) wera livell baxx ta' implimentazzjoni qrib is-60 %, filwaqt li r-rapport ta' segwitu ta' wara (Novembru 2017) wera livell ta' implimentazzjoni kwantitattiva ta' mill-inqas 80 %; jinnota l-progress li sar f'dan ir-rigward; jistieden lill-Aġenzija ttejjeb b'mod kostanti l-implimentazzjoni tal-istrateġija tagħha kontra l-frodi;

23.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija qed tħejji reviżjoni tal-istrateġija tagħha kontra l-frodi; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda;

24.  Josserva li l-Aġenzija infurmat lill-Parlament li ma tittrattax ma' lobbyists;

25.  Jinnota li fl-2016 l-Aġenzija rċeviet ħdax-il talba għal aċċess għad-dokumenti li l-Aġenzija tat aċċess sħiħ għalihom f'disa' każijiet, filwaqt li ċaħdet l-aċċess għal żewġ talbiet minħabba raġunijiet ta' protezzjoni tal-interessi kummerċjali u l-protezzjoni tal-iskop ta' spezzjoni, ta' investigazzjoni u ta' awditjar; jistenna li l-Aġenzija, meta tkun qed tiddeċiedi dwar il-limitazzjoni ta' aċċess għad-dokumenti biex tipproteġi l-interessi kummerċjali, tqis ukoll b'serjetà l-interess taċ-ċittadini u l-impenn tal-Unjoni għal trasparenza akbar, filwaqt li tqis ukoll ir-regoli u r-regolamenti kollha rilevanti;

26.  Jinnota li għal wieħed mill-każijiet li fihom talba għal aċċess għad-dokumenti ġiet miċħuda, il-każ ġie mgħoddi ulterjorment lill-Ombudsman Ewropew li wettqet spezzjoni bejn tmiem l-2016 u l-bidu tal-2017 u għalqet il-fajl f'Marzu 2017 b'rapport iffirmat u ddatat it-3 ta' Marzu 2017; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar id-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew u l-proċedura sussegwenti, jekk ikun hemm;

Kisbiet ewlenin

27.  Jilqa' t-tliet kisbiet ewlenin identifikati mill-Aġenzija fl-2016, jiġifieri li:

–  implimentat sistema ta' ġestjoni tal-kwalità korporattiva;

–  żgurat operazzjonijiet stabbli u kontinwi tas-sistemi fdati lilha u fl-istess ħin ipprovdiet appoġġ wiesa' lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' numru ta' proposti legali ewlenin;

–  kellha rwol ewlieni fl-iżviluppi kollha relatati mal-interoperabbiltà bejn is-sistemi tal-IT fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni u tat kontribut sinifikanti biex tappoġġa u tiffaċilita x-xogħol ta' grupp ta' esperti ta' livell għoli dwar is-sistemi ta' informazzjoni u l-interoperabbiltà mmexxija mill-Kummissjoni;

28.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, evalwazzjoni esterna tal-Aġenzija twettqet f'isem il-Kummissjoni minn Marzu sa Diċembru 2015 u li r-riżultati ġew ippreżentati f'Marzu 2016; jinnota li l-evalwazzjoni kkonkludiet li l-Aġenzija tikkontribwixxi għall-ġestjoni operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, u tissodisfa l-kompiti tagħha b'mod effikaċi; jinnota wkoll li sabiex itejbu l-ġestjoni operattiva, l-evalwaturi għamlu 64 rakkomandazzjoni, li sebgħa minnhom jitqiesu kritiċi u ħdax importanti ħafna; jilqa' l-fatt li l-Aġenzija ħejjiet pjan biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet u li dan qed jiġi implimentat; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dak il-pjan;

29.  Jilqa' l-kooperazzjoni kontinwa tal-Aġenzija mal-aġenziji l-oħra tal-ġustizzja u l-affarijiet interni; jinnota li r-rapport annwali tan-Netwerk tal-Aġenziji tal-UE jindika li fl-2016 l-Aġenzija impenjat ruħha f'għadd ikbar ta' attivitajiet konġunti ma' aġenziji oħra milli fi kwalunkwe sena preċedenti;

30.  Jinnota li l-2016 kienet l-aktar sena intensiva u impenjattiva għall-Aġenzija minn mindu ġiet stabbilita u li l-Aġenzija, madankollu, kellha prestazzjoni tajba u ssodisfat il-programm ta' ħidma annwali tagħha b'mod sħiħ, billi wettqet kważi l-attivitajiet kollha tagħha kif ippjanat u kisbet l-objettivi operattivi tagħha; jinnota, barra minn hekk, li għadd ta' kompiti addizzjonali ġew assunti matul is-sena;

Awditjar intern

31.  Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fir-rapport tal-awditjar tagħha ta' Lulju 2016, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) ikkonkluda li t-tfassil ġenerali u l-implimentazzjoni prattika tal-proċessi jiżguraw li l-Aġenzija topera s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen II, is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża u s-Sistema Ewropea għat-Tqabbil tar-Rekords Dattiloskopiċi ta' Persuni li jfittxu l-Asil (Eurodac IT) b'mod li jippermetti l-iskambju kontinwu u mingħajr interruzzjoni ta' data bejn l-awtoritajiet nazzjonali li jużawhom; jilqa' wkoll il-fatt li, skont il-valutazzjoni esterna mwettqa f'isem il-Kummissjoni, l-Aġenzija topera u twettaq il-kompiti tagħha b'mod effikaċi; jinnota, barra minn hekk, li l-IAS qies li hemm lok għal titjib fl-effiċjenza tal-proċessi fir-rigward tal-ġestjoni tal-konfigurazzjonijiet u l-ġestjoni tal-bidliet, il-ġestjoni tar-rilaxxi u tal-ittestjar, il-ġestjoni tal-problemi, kif ukoll il-ġestjoni tas-servizzi u tal-inċidenti; jinnota li l-Aġenzija u l-IAS qablu dwar pjan biex tittieħed azzjoni korrettiva; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dak il-pjan;

32.  Josserva li l-IAS wettaq żewġ awditi ta' assigurazzjoni fl-2016: awditu dwar operazzjonijiet tal-IT u awditu dwar l-ippjanar tal-persunal u l-allokazzjoni tal-persunal, evalwazzjoni tal-prestazzjoni, il-promozzjoni u t-taħriġ; jinnota li l-IAS ikkonkluda li għad hemm xi dgħufijiet fil-proċess tal-Aġenzija għall-ġestjoni tar-riżorsi umani, b'mod partikolari elementi li mhumiex għalkollox konformi mal-aspetti proċedurali tar-regoli ta' implimentazzjoni u l-linji gwida interni tal-Aġenzija stess; jinnota li ġie ppreparat pjan ta' azzjoni biex ir-riżultati kollha miksuba jiġu indirizzati; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dak il-pjan ta' azzjoni;

33.  Josserva li l-Kapaċità ta' Awditjar Intern (IAC) wettqet tliet awditi ta' assigurazzjoni:

–  awditu dwar id-Disinn ta' Sistema ta' Kontroll Intern għal Ftehim ta' Delega tal-Fruntieri Intelliġenti, fejn l-IAC kienet tal-fehma li d-disinn tas-sistema ta' kontroll intern stabbilit mill-Aġenzija kien adegwat fid-data tat-23 ta' Mejju 2016;

–  awditu dwar il-proġett ta' rikostruzzjoni fi Strasburgu, fejn l-IAC ma setgħetx tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli rigward l-effikaċja u l-effiċjenza tas-sistema ta' kontroll intern stabbilita għall-proġett fin-nuqqas tad-dokumenti meħtieġa tal-proġett u kienet imħassba dwar l-organizzazzjoni tal-ġestjoni tal-proġetti u tal-kuntratti li kienet stabbilita; jinnota li ġie ppreparat pjan ta' azzjoni biex ir-riżultati kollha miksuba jiġu indirizzati; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dak il-pjan ta' azzjoni;

–  rapport tal-awditjar finali dwar il-ġestjoni tal-proġetti tal-IT, fejn l-IAC kienet tal-fehma li l-proċess ta' ġestjoni tal-proġetti kellu bżonn urġenti ta' reviżjoni u titjib; jinnota li ġie ppreparat pjan ta' azzjoni; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dak il-pjan ta' azzjoni;

34.  Jinnota li sad-data tal-31 ta' Diċembru 2016, l-Aġenzija kellha 22 rakkomandazzjoni tal-awditjar miftuħa li kienu kklassifikati bħala "importanti ħafna", u li jinkludu 10 rakkomandazzjonijiet tal-awditjar li nħarġu reċentement; jinnota li l-ebda kwistjoni "kritika" ma hija miftuħa; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar;

Kummenti oħra

35.  Jinnota li l-ftehim dwar is-sit tekniku mal-Istat Membru ospitanti, Franza, daħal fis-seħħ fit-28 ta' Awwissu 2016;

36.  Jinnota b'sodisfazzjon li sabiex jiġi żgurat post tax-xogħol effikaċi fil-konfront tal-ispejjeż u li jkun favorevoli għall-ambjent, kriterji ta' prestazzjoni klimatika u ambjentali ġew inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-offerti tal-Aġenzija u li għall-binjiet direttament ġestiti mill-Aġenzija japplikaw regoli dwar l-effiċjenza fl-enerġija;

37.  Jinnota b'sodisfazzjon li sabiex jiġi żgurat tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet tas-CO2, jew biex jitpatta għalihom, il-politiki tal-ġestjoni tal-ivvjaġġar tal-Aġenzija għandhom l-għan li jnaqqsu l-ivvjaġġar bl-ajru għal dak li huwa essenzjali, permezz tal-użu estensiv tal-vidjokonferenzi bejn iż-żewġ siti prinċipali tal-Aġenzija;

38.  Jinnota li livell ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-Aġenzija u l-Kummissjoni li jippermetti tħejjija bir-reqqa għall-attivitajiet wara l-Brexit ma ġiex kompletament irranġat, peress li xi aspetti legali, bħalma huwa l-aċċess għas-sistemi ġestiti mill-Aġenzija u l-użu ta' data mdaħħla mir-Renju Unit fihom wara l-Brexit, jirrikjedu aktar elaborazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-Aġenzija b'soluzzjonijiet malli l-proċess tan-negozjati mar-Renju Unit jipprovdilhom biżżejjed informazzjoni;

39.  Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija żgurat operazzjoni stabbli u kontinwa tas-sistemi fdati lilha u pprovdiet appoġġ wiesa' lill-Kummissjoni fl-iżvilupp tagħha ta' għadd ta' proposti legali ewlenin (is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES), is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS TCN), riformulazzjoni tas-Sistema Ewropea għat-Tqabbil tar-Rekords Dattiloskopiċi ta' Persuni li jfittxu l-Asil (Eurodac) u riformulazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II));

o

o o

40.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' ... 2018(12) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

7.2.2018

OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2016

(2017/2178(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Kostas Chrysogonos

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja ("l-Aġenzija") jippreżentaw b'mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2016;

2.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-proċedura ta' akkwist pubbliku mnedija għall-iżvilupp u l-manutenzjoni ulterjuri tas-sistema VIS (EUR 194 miljun għal kuntratt ta' sitt snin) skont il-bażi ġuridika tas-sistema, mingħajr ma ġew iddefiniti b'mod preċiż is-servizzi mitluba, kienet teżiġi li l-offerenti jkollhom aċċess għat-teknoloġija tas-Servizz ta' Tqabbil Bijometriku żviluppata minn kumpanija waħda li m'għandha l-ebda obbligu li tipprovdi aċċess kummerċjali lill-offerenti; jappella lill-Aġenzija biex, kull meta jkun possibbli, tevita li tkun marbuta ma' xi bejjiegħa partikolari filwaqt li jinnota li s-servizzi akkwistati għandhom ikunu mfasslin skont il-komponenti li huma attwalment użati; iħeġġeġ lill-Aġenzija biex, kull meta jkun possibbli, tikkonkludi ftehimiet ma' aktar minn fornitur wieħed u tiddefinixxi s-servizzi mitluba b'mod preċiż;

3.  Jinnota l-livell għoli ta' riporti ta' approprjazzjonijiet impenjati taħt it-Titolu II (nefqa amministrattiva) fl-2016, li jammontaw għal EUR 5 miljun, ekwivalenti għal 63 % tal-approprjazzjonijiet ta' impenn; jirrikonoxxi li prinċipalment huma jikkonċernaw il-manutenzjoni tal-bini u servizzi ta' konsulenza li għandhom jiġu fornuti fl-2017; jinnota li livell hekk għoli ta' riporti imur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità; jirrakkomanda lill-Aġenzija biex, kull meta jkun possibbli, tirrispetta l-prinċipju baġitarju tal-annwalità; jistieden lill-Aġenzija ttejjeb il-ġestjoni tan-nefqa amministrattiva tagħha;

4.  Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija żgurat operazzjonijiet stabbli u kontinwi tas-sistemi fdati lilha u pprovdiet appoġġ wiesa' lill-Kummissjoni fl-iżvilupp tagħha ta' għadd ta' proposti legali ewlenin (l-EES, l-ETIAS, l-ECRIS TCN, ir-Riformulazzjoni tal-EURODAC u r-riformulazzjoni ta' SIS II);

5.  Jinnota li l-Aġenzija emendat il-kuntratt ta' kostruzzjoni għall-bini tagħha fi Strasburgu (EUR 21.2 miljun) biex tipproċedi b'pagamenti bil-quddiem sabiex iżżid il-konsum tal-baġit tagħha; jinnota li bidla bħal din kienet marbuta maċ-ċiklu finanzjarju impost mir-Regolament Finanzjarju għal approprjazzjonijiet mhux differenzjati; jinnota li sa Novembru 2016, l-Aġenzija ħallset l-ammont sħiħ tal-kuntratt, għalkemm inqas minn nofs ix-xogħol kien għadu tlesta; jinnota li r-riskju assoċjat mal-pagament bil-quddiem kien parzjalment ikkumpensat minn garanziji finanzjarji u ta' prestazzjoni kif stipulati fil-kuntratt; jitlob lill-Aġenzija tivvaluta aħjar il-ħtieġa għal teħid ta' tali riskji finanzjarji fi proġetti futuri, peress li l-użu ta' garanziji finanzjarji ma jkoprix ir-riskji finanzjarji kollha;

6.  Jiddispjaċih li fl-2016, l-Aġenzija rċeviet u aċċettat provvisti li jammontaw għal EUR 2,8 miljun mingħajr ma kellha baġit u kuntratti fis-seħħ għal dan; jitlob lill-Aġenzija tirrispetta bis-sħiħ il-proċeduri ta' akkwist pubbliku;

7.  Jiddispjaċih li skont ir-rapport ta' kapaċità tal-Awditjar Intern tal-Aġenzija dwar il-ġestjoni tal-proġetti tal-IT, il-proċess ta' ġestjoni tal-proġetti tal-Aġenzija għandu bżonn urġenti ta' reviżjoni u titjib f'termini ta' sjieda, persunal, għodod, appoġġ u superviżjoni xierqa;

8.  Jiddispjaċih li l-proċedura interna ta' żvelar ta' informazzjoni protetta għadha ma ġietx implimentata; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura l-adozzjoni rapida tal-linji gwida tagħha dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta li mbagħad se jiġu implimentati u effettivament adottati minnufih mill-Aġenziji tal-Unjoni, inkluża l-Aġenzija; jifhem li, bħala miżura interim, l-Aġenzija kienet proattiva billi inkludiet prinċipji ġenerali tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta fil-kodiċijiet tal-kondotta tagħha li huma faċilment aċċessibbli fuq is-sit web tagħha;

9.  Iħeġġeġ lill-koleġiżlaturi jadottaw, u lill-Aġenzija sussegwentement timplimenta b'mod effettiv, rekwiżiti legali u linji gwida għal politika koerenti dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, kif ukoll tiżviluppa politika ċara u trasparenti dwar dawn il-kwistjonijiet; jenfasizza li l-koleġiżlaturi għandhom is-setgħa li jistabbilixxu rekwiżit legali għall-Aġenzija għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess; jinnota li l-Aġenzija ppubblikat dikjarazzjonijiet individwali ta' "nuqqas ta' kunflitt ta' interess" minn membri tal-Bord ta' Tmexxija u tal-grupp konsultattiv; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' dikjarazzjonijiet ta' interess; jilqa' l-fatt li, fin-nuqqas ta' kwalunkwe obbligu legali, l-Aġenzija ppubblikat dikjarazzjonijiet ta' impenn individwali mill-membri tal-Bord ta' Tmexxija;

10.  Jinnota li l-ewwel rapport annwali ta' sorveljanza dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija kontra l-frodi tal-Aġenzija (April 2016) wera livell baxx ta' implimentazzjoni qrib is-60 %, filwaqt li r-rapport ta' sorveljanza ta' wara (Novembru 2017) wera livell ta' implimentazzjoni kwantitattiva ta' mill-inqas 80 %; jinnota l-progress li sar f'dan ir-rigward; jistieden lill-Aġenzija ttejjeb b'mod kostanti l-implimentazzjoni tal-istrateġija tagħha kontra l-frodi;

11.  Jiddispjaċih li ma ttieħed l-ebda pass rigward l-iżbilanċ bejn is-sessi fil-kompożizzjoni tal-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw bilanċ bejn is-sessi meta jinnominaw il-membri tagħhom u tas-sostituti għall-Bord ta' Tmexxija tal-Aġenzija; Jistieden lill-Aġenzija biex tfakkar b'mod proattiv lill-Istati Membri dwar l-importanza ta' bilanċ bejn is-sessi.

12.  Jilqa' r-rapport tal-awditjar tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) li ma identifikax kwistjonijiet importanti relatati mal-operazzjoni, il-manutenzjoni, is-sigurtà u l-kontinwità tas-sistemi SIS II, VIS u Eurodac IT; jilqa' wkoll il-fatt li skont il-valutazzjoni esterna mwettqa f'isem il-Kummissjoni, l-Aġenzija topera u twettaq il-kompiti tagħha b'mod effikaċi; jinnota li għad hemm lok għal titjib u jirrikonoxxi l-impenn tal-Aġenzija li tagħti segwitu għal dan l-awditjar importanti;

13.  Jilqa' l-politika ta' żamma tal-persunal tal-Aġenzija, implimentata mill-Bord ta' Tmexxija, li tipprevedi l-possibbiltà li Aġenti Temporanji jkunu jistgħu jingħataw kuntratti għal żmien indeterminat fi tmiem l-ewwel klawżola kuntrattwali tagħhom, li jippermetti lill-Aġenzija żżomm għarfien u kompetenzi interni ewlenin;

14.  Jiddispjaċih dwar il-konklużjonijiet mill-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea li għad hemm xi dgħufijiet fil-proċess tal-Aġenzija għall-ġestjoni tar-riżorsi umani, b'mod partikolari elementi li mhumiex għalkollox konformi mal-aspetti proċedurali tar-Regoli ta' Implimentazzjoni u mal-linji gwida interni tal-Aġenzija stess; jistieden lill-Aġenzija tindirizza ż-żewġ sejbiet "importanti ħafna" u ż-żewġ sejbiet "importanti" identifikati mill-awditjar, marbuta mal-kejl tal-prestazzjoni u mal-proċeduri ta' promozzjoni, mal-konformità mal-proċeduri, iż-żamma b'mod preċiż tal-fajls tal-persunal u l-ippjanar u l-ġestjoni tar-riżorsi umani.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

1.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Heinz K. Becker, Malin Björk, Michał Boni, Caterina Chinnici, Frank Engel, Cornelia Ernst, Raymond Finch, Lorenzo Fontana, Kinga Gál, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Dietmar Köster, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Roberta Metsola, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Sergei Stanishev, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Kostas Chrysogonos, Carlos Coelho, Gérard Deprez, Maria Grapini, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Marek Jurek, Andrejs Mamikins, Angelika Mlinar, Jaromír Štětina

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Jonathan Bullock, Julia Reda, Francis Zammit Dimech

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

45

+

ALDE

Gérard Deprez, Nathalie Griesbeck, Filiz Hyusmenova, Sophia in 't Veld, Angelika Mlinar

ECR

Marek Jurek, Branislav Škripek, Helga Stevens

GUE/NGL

Malin Björk, Kostas Chrysogonos, Cornelia Ernst

PPE

Asim Ademov, Georges Bach, Heinz K. Becker, Michał Boni, Carlos Coelho, Frank Engel, Kinga Gál, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Barbara Kudrycka, Roberta Metsola, Csaba Sógor, Jaromír Štětina, Traian Ungureanu, Francis Zammit Dimech, Tomáš Zdechovský

S&D

Caterina Chinnici, Ana Gomes, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Dietmar Köster, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Birgit Sippel, Sergei Stanishev, Josef Weidenholzer

VERTS/ALE

Julia Reda, Judith Sargentini

6

-

EFDD

Jonathan Bullock, Raymond Finch, Kristina Winberg

ENF

Lorenzo Fontana, Auke Zijlstra

NI

Udo Voigt

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Raffaele Fitto, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Jean-François Jalkh, Arndt Kohn, Notis Marias, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, Julia Pitera, Miroslav Poche

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

19

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Cătălin Sorin Ivan, Karin Kadenbach, Arndt Kohn, Miroslav Poche, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

4

-

ECR

Raffaele Fitto, Notis Marias

EFDD

Marco Valli

GUE/NGL

Dennis de Jong

1

0

ENF

Jean-François Jalkh

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 194.

(2)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 194.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)

ĠU L 286, 1.11.2011.

(5)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(6)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 194.

(7)

ĠU C 417, 6.12.2017, p. 194.

(8)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(9)

ĠU L 286, 1.11.2011.

(10)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(11)

ĠU C 113, 30.03.2016, p. 191.

(12)

Testi adottati ta' din id-data, P8_TA-PROV(2018)0000.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' April 2018Avviż legali