Proċedura : 2017/2258(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0118/2018

Testi mressqa :

A8-0118/2018

Dibattiti :

PV 16/04/2018 - 24
CRE 16/04/2018 - 24

Votazzjonijiet :

PV 17/04/2018 - 6.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0103

RAPPORT     
PDF 859kWORD 77k
27.3.2018
PE 616.848v02-00 A8-0118/2018

dwar l-implimentazzjoni tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument tal-Għajnuna Umanitarja u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp

(2017/2258(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp

Rapporteur: Enrique Guerrero Salom

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Il-kuxjenza li aħna bħala bnedmin niffurmaw parti mill-istess u l-unika dinja kibret b'mod progressiv f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin. Il-paċi ma tistax issaltan qalb il-faqar, l-inġustizzja u l-esklużjoni. Il-vjolenza u n-nuqqas ta' sigurtà joħolqu riskju li l-effetti tiegħu jispiċċaw biex jikbru u jilħqu lil kullħadd. L-iżvilupp estremament inugwali u n-nuqqas ta' opportunitajiet vitali joħolqu kunflitti, jiżbilanċaw ir-reġjuni, joħolqu tensjonijiet bejn il-fruntieri u jagħtu lok għal movimenti ta' diżordni fil-popolazzjoni. It-tibdil fil-klima jpoġġi f'riskju l-futur stess tal-umanità u jimmultiplika l-frekwenza u l-intensità ta' ħafna diżastri naturali.

Is-Summits ta' New York u Pariġi fl-2015, jew ta' Istanbul fl-2016, huma espressjoni ċara ta' din il-kuxjenza komuni. Ir-riżoluzzjoni adottata fl-ewwel wieħed minn dawn is-summits tikkostitwixxi sejħa kollettiva għal "trasformazzjoni tad-dinja tagħna", id-dinja komuni tagħna; it-tieni waħda ssejjaħ għal azzjoni universali fil-konfront tat-tisħin globali; it-tielet waħda tappella għal responsabbiltà kondiviża għall-umanità. It-tlieta li huma jassumu li mhux se jkun hemm risposta effettiva jekk ma jkunx hemm risposta konġunta.

Dan l-approċċ, li issa huwa aċċettat sew, kien diġà jinsab fl-oriġini tal-politika ta' żvilupp u ta' għajnuna umanitarja li ġiet stabbilita fil-bidu tal-proċess tal-integrazzjoni Ewropea. It-Trattat ta' Ruma witta t-triq għall-ħolqien tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) biex, inizjalment, jiffaċilita l-għajnuna lil pajjiżi fil-kuntest ta' proċessi ta' dekolonizzazzjoni, biex imbagħad ġie estiż gradwalment sabiex jinkludi aktar pajjiżi li jinsabu fil-fażi ta' żvilupp fl-Asja u l-Amerika Latina u fil-viċinat tagħna.

It-Trattat ta' Lisbona għolla l-livell morali ta' din il-politika, fl-istess żmien meta saħħaħ il-bażi legali għall-politiki ta' kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja tal-UE. It-Trattat jistabbilixxi b'mod ċar li t-tnaqqis u, fuq medda ta' żmien twil, il-qerda tal-faqar, huma l-għanijiet ewlenin tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni. Politika mmirata lejn il-promozzjoni ta' valuri fundamentali, bħar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-paċi, is-solidarjetà u l-appoġġ għall-beni pubbliċi globali. Dan il-għan irid jiġi rrispettat meta l-Unjoni tapplika politiki differenti li jistgħu jaffettwaw lil pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u jagħti karattru speċifiku u awtonomu lill-politiki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja fir-rigward tal-kumplament tal-azzjoni esterna tal-UE.

Fil-fatt, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma d-donaturi prinċipali ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp. It-tmexxija tal-UE f'din il-politika ma tirriżultax biss mill-piż finanzjarju sostanzjali tal-għajnuna, iżda wkoll mill-valur miżjud tal-azzjoni tagħha, li hija dovuta għal serje ta' fatturi bħall-esperjenza tagħha f'dan il-kamp u l-fatt li l-UE titqies bħala entità sovranazzjonali li hija politikament influwenti, b'rieda ta' intermedjazzjoni strateġika u kapaċi, għaldaqstant, li tmexxi n-negozjati tal-istrumenti internazzjonali prinċipali ta' kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja.

Dan il-valur miżjud tal-azzjoni esterna tal-UE fil-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp huwa msaħħaħ ukoll bid-durata ta' terminu medju tal-programmi, bil-prevedibbiltà tal-fondi u l-kapaċità innovattiva tagħhom, u bil-kopertura ġeografika u tematika wiesgħa tal-istrumenti tagħha, li huma disponibbli f'diversi livelli (nazzjonali, reġjonali, kontinentali), inkluż f'żoni fejn joperaw ftit donaturi u f'pajjiżi u reġjuni fi kriżi, f'sitwazzjonijiet ta' wara kriżi jew ta' fraġilità.

Mid-diversi strumenti finanzjarji tal-azzjoni esterna tal-UE, il-monitoraġġ ta' tlieta minnhom jaqa' f'idejn il-Kumitat għall-Iżvilupp (DEVE) tal-Parlament Ewropew. Il-Kumitat DEVE jeżerċita l-funzjoni tiegħu ta' kontroll permezz ta' laqgħat regolari ta' diversi gruppi ta' ħidma tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, kif ukoll permezz tad-Djalogi Strateġiċi u strutturali tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea.

Il-politika esterna tal-UE tifforma parti mill-intestatura IV, "Ewropa globali", tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020 attwali, li għandha allokazzjoni ta' EUR 66 200 miljun. B'mod konkret, fir-rigward tat-tliet strumenti finanzjarji esterni li dwarhom jittratta dan ir-rapport, l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) għandu allokazzjoni ta' EUR 19 700 miljun u l-partita għall-għajnuna umanitarja għandha allokazzjoni ta' EUR 6 621 miljun. Finalment, il-FEŻ, b'baġit ta' EUR 30 506 miljun għall-perjodu 2014-2020, iffinanzjati direttament mill-Istati Membri, u barra mill-baġit tal-UE, huwa l-akbar strument finanzjarju tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE.

L-għan ta' dan ir-rapport huwa li jikkontribwixxi għar-reviżjoni, li nbdiet mill-Kummissjoni, tal-FEŻ u tal-DCI u li jevalwa l-adegwatezza tagħhom, kif ukoll tal-Istrument ta' Għajnuna Umanitarja, fir-rigward tal-għanijiet tal-politiki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u ta' għajnuna umanitarja tal-UE. Abbażi tal-analiżi tal-implimentazzjoni, minn Jannar 2014 sa Ġunju 2017, tal-FEŻ u tal-DCI, ir-rapport jippreżenta sensiela ta' rakkomandazzjonijiet immirati biex itejbu l-ħidma tal-FEŻ u tal-DCI sat-tmiem tal-perjodu ta' validità tagħhom fl-2020, kif ukoll biex isiru għadd ta' proposti u jiġu fformulati rakkomandazzjonijiet fid-dawl tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid, li se jiġi ppreżentat fix-xhur li ġejjin mill-Kummissjoni Ewropea, u li dwaru, u meta jasal il-waqt, l-istess Kumitat ta' Żvilupp ikollu jeżerċita l-evalwazzjoni politika tiegħu u l-funzjoni tiegħu bħala koleġiżlatur.

Ir-rapport kien ibbażat fuq informazzjoni li ġiet irċevuta permezz tar-rapport tal-Kummissjoni "Mid-term review report of the External Financing Instruments" (Rapport dwar l-analiżi ta' nofs it-terminu tal-Istrumenti ta' Finanzjament Estern), tad-dokumenti ta' ħidma tal-Kummissjoni "Evalwazzjoni tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp" u "Evalwazzjoni tal-ħdax-il Fond Ewropew ta' Żvilupp", tal-Pjan ta' Azzjoni 2008-2013 tal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn is-Summit Umanitarju Dinji: Sħubija globali għal azzjoni umanitarja msejsa fuq il-prinċipji u effettiva", kif ukoll rapport speċifiku fformulat mis-Servizz ta' Studji tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Istrument ta' Għajnuna Umanitarja. Barra minn hekk, kien ibbażat ukoll fuq id-diversi rapporti fformulati minn evalwaturi esterni mqabbda mill-Kummissjoni Ewropea dwar kull wieħed mit-tliet strumenti inkwistjoni. Finalment, ir-rapport kien mogħni bil-kontribuzzjonijiet mogħtija minn diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi b'esperjenza kbira u b'għarfien dirett tas-saħħiet u d-dgħufijiet tat-tliet strumenti finanzjarji inkwistjoni.

F'dawn l-aħħar snin, l-UE kellha taffronta perjodu turbulenti b'diversi kriżijiet, li xi kultant seħħew wara xulxin iżda ħafna drabi f'daqqa, kemm f'livell nazzjonali kif ukoll fix-xena internazzjonali: il-kriżi finanzjarja, rekwiżiti ġodda fil-qasam tas-sigurtà, il-migrazzjoni u r-refuġjati, il-qawmien tal-popoliżmu politiku, l-inċertezza politika internazzjonali kif ukoll il-proliferazzjoni ta' kriżijiet umanitarji, ikkawżati kemm mill-bniedem kif ukoll minn diżastri naturali, li issa jinsabu fl-aktar punt kritiku fl-istorja, bl-aktar numru ta' persuni spostati mit-tieni gwerra dinjija 'l hawn.

Madankollu, dawn l-isfidi jenħtieġ li ma jimminawx il-prinċipji u l-valuri li fuqhom l-UE tibbaża l-azzjonijiet tagħhom fil-politiki ta' żvilupp u ta' għajnuna umanitarja. Għall-kuntrarju, l-UE, għalkemm b'impatt prevedibbli ta' tnaqqis minħabba l-Brexit, jenħtieġ li żżomm u saħansitra żżid il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha f'dak li għandu x'jaqsam mal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja, jekk tabilħaqq trid tikkontribwixxi b'mod deċiżiv biex telimina l-faqar u tiġġieled fl-istess ħin il-kawżi tal-biċċa l-kbira tal-movimenti ta' migrazzjoni, li llum il-ġurnata jokkupaw ħafna l-azzjoni kemm interna kif ukoll esterna tal-UE. Dan se jkun wisq aktar meħtieġ, ta' mill-inqas fil-futur immedjat, jekk xi atturi kbar globali ma jibqgħux jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom għall-iżvilupp tal-pjaneta jew, saħansitra agħar, jekk imorru lura għall-impenji li assumew qabel.

It-tixrid ta' sfidi ġodda, kemm umanitarji kif ukoll politiċi, kif ukoll l-interazzjoni akbar bejn l-isfidi interni u esterni tal-UE, jistgħu jwasslu għal tendenza ta'strumentalizzazzjoni, jew saħansitra subordinazzjoni, tal-politiki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja għal interessi nazzjonali jew sovranazzjonali, li d-difiża tagħhom ma tridx issir għad-detriment tal-valuri u l-objettivi li ngħataw dawn il-politiki permezz tat-Trattat ta' Lisbona, u li huma appoġġjati bil-kbir miċ-ċittadini Ewropej kif juru ripetutament l-istħarriġ tal-opinjoni.

L-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju stabbilew qafas dinji li serva biex jiggwida l-azzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra l-faqar u biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u s-sostenibbiltà ambjentali. L-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli l-ġodda, li ġew adottati f'Settembru 2015, jikkostitwixxu pass ieħor f'din id-direzzjoni, biex jitkabbru u jiġu approfonditi l-miri stabbiliti, kif ukoll biex ikunu applikabbli kemm fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp kif ukoll fil-pajjiżi żviluppati. Biex jinkiseb dan, il-koerenza mal-politika favur l-iżvilupp jenħtieġ li ssir il-mutur tal-azzjoni politika tal-UE, billi tissaħħaħ il-konsistenza bejn il-politiki esterni, permezz ta' strumenti finanzjarji aktar koerenti u kkoordinati, kif ukoll bejn l-għanijiet tal-politiki esterni u interni tal-UE.

Għaldaqstant, jekk l-UE trid tkompli tkun referenza dinjija ta' tmexxija, kemm fil-volum tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħha għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja kif ukoll fir-rilevanza tal-azzjonijiet tagħhom f'dawn il-politiki, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid ta' wara l-2020 irid ikun aġġustat u mogħni b'kontribuzzjonijiet finanzjarji li jlaħħqu mal-isfidi dinjin li qiegħda tiffaċċja l-UE, billi tiġi żgurata l-koerenza tal-politiki interni u esterni tagħha waqt li, fl-istess ħin, jinżammu l-awtonomija u l-individwalità tal-politiki tagħha ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u għajnuna umanitarja skont il-valuri kostituttivi tagħha.


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument tal-Għajnuna Umanitarja u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp

(2017/2258(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3(5) u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 208 sa 211 u 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra s-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp, adottata fil-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effettività tal-Għajnuna fil-Busan fl-2011 u mġedda fil-Laqgħa ta' Livell Għoli f'Nairobi fl-2016,

–  wara li kkunsidra t-Tielet Konferenza Dinjija tan-NU dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri, li ġiet organizzata f'Sendai (il-Ġappun) bejn l-14 u t-18 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-NU bit-titolu "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli", adottata fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi New York fil-25 ta' Settembru 2015, u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) inklużi fiha,

–  wara li kkunsidra s-Summit Umanitarju Dinji li ġie organizzat f'Istanbul fit-23 u l-24 ta' Mejju 2016, u l-ftehim "Grand Bargain" li ntlaħaq minn xi wħud mill-akbar donaturi u fornituri tal-għajnuna,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE ffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000, kif rivedut fil-25 ta' Ġunju 2005 u fit-22 ta' Ġunju 2010(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(4),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji Barranin li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ("il-Ftehim Intern"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322 tat-2 ta' Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 tat-2 ta' Marzu 2015 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020(7),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja tal-2007(8),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp tas-7 ta' Ġunju 2017(9),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar l-involviment tal-UE mas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet esterni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 bit-titolu "il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika: l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja"(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar ir-Rapport 2015 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili: l-involviment tal-Ewropa b'appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli(13),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 18/2014 dwar is-Sistemi ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ orjentat lejn ir‑riżultati, tal‑EuropeAid,

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2017 bit-titolu "Midterm Review Report on the External Financing Instruments" (Rapport ta' Reviżjoni ta' Nofs it-Terminu dwar l-Istrumenti ta' Finanzjament Estern) (COM(2017)0720), u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni relatati, "Evaluation of the Development Cooperation Instrument" (Evalwazzjoni tal-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp) (SWD(2017)0600) u "Evaluation of the 11th European Development Fund" (Evalwazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp) (SWD(2017)0601),

–  wara li kkunsidra l-Evalwazzjoni Esterna tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (rapport finali ta' Ġunju 2017), ikkummissjonata mill-Kummissjoni minn tim ta' kuntratturi esterni,

–  wara li kkunsidra l-Evalwazzjoni Esterna tal-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (rapport finali ta' Ġunju 2017), ikkummissjonata mill-Kummissjoni minn tim ta' kuntratturi esterni,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Frar 2018 dwar Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b'mod effiċjenti wara l-2020 (COM(2018)0098),

–  wara li kkunsidra l-"Coherence report– Insights from the External Evaluation of the External Financing Instruments" (Rapport ta' koerenza - Għarfien mill-Evalwazzjonijiet Esterni tal-Istrumenti ta' Finanzjament Estern) (rapport finali ta' Lulju 2017), ikkummissjonat mill-Kummissjoni minn tim ta' kuntratturi esterni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0118/2018),

A.  billi mill-adozzjoni tal-Istrumenti ta' Finanzjament Estern (EFIs), il-qafas ta' politika internazzjonali u tal-UE nbidel b'mod sinifikanti mal-adozzjoni ta' strumenti ewlenin bħall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa, il-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030 u l-Aġenda għall-Umanità; billi l-UE kellha rwol ewlieni fin-negozjati ta' dawn l-istrumenti;

B.  billi t-Trattat ta' Lisbona, l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), flimkien mal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, il-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp u l-prinċipji ta' Busan rigward l-effikaċja tal-iżvilupp, jiddeterminaw l-istrateġija tal-UE dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja; billi, barra minn hekk, il-Kunsill adotta Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, li tittratta, fost l-oħrajn, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

C.  billi skont l-Artikolu 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, l-għajnuna umanitarja jenħtieġ li tingħata skont il-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-indipendenza u l-imparzjalità u trid tkun iggwidata minn approċċ ibbażat fuq il-ħtiġijiet; billi l-għajnuna umanitarja jenħtieġ li ma tkunx għodda għall-ġestjoni ta' kriżijiet;

D.  billi l-politika ta' żvilupp jenħtieġ li tikkomplementa l-politika estera u l-ġestjoni tal-migrazzjoni tal-UE, filwaqt li tiżgura li l-finanzjament għall-iżvilupp jintuża biss għal objettivi u skopijiet relatati mal-iżvilupp u mhux biex ikopri spejjeż relatati mal-ilħuq ta' objettivi differenti, bħall-politiki li jirrigwardaw il-kontroll fil-fruntieri jew dawk ta' kontra l-migrazzjoni;

E.  billi l-objettiv ewlieni tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) huwa li jnaqqas u, fuq medda ta' żmien twil, jeqred il-faqar fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp li ma jibbenefikawx minn finanzjament taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), l-IstrumentEwropew tal-Viċinat (ENI) jew l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), sabiex jipprovdi appoġġ tematiku lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-awtoritajiet lokali f'pajjiżi sħab fil-qasam tal-beni u l-isfidi pubbliċi globali relatati mal-iżvilupp, u jappoġġja s-sħubija strateġika bejn l-Afrika u l-UE; billi d-DCI huwa l-istrument ġeografiku ewlieni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-baġit tal-UE, b'allokazzjoni ta' EUR 19.6 biljun għall-perjodu 2014-2020;

F.  billi l-objettiv ewlieni tal-FEŻ huwa li jnaqqas u, fuq medda ta' żmien twil, jeqred il-faqar fir-reġjun Afrikan, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u jikseb l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi u territorji barranin (OCTs); billi l-FEŻ huwa l-istrument ewlieni ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, b'allokazzjoni ta' EUR 30.5 biljun għall-11-il FEŻ għall-perjodu 2014-2020;

G.  billi l-objettiv ewlieni tal-Istrument ta' Għajnuna Umanitarja (HAI) huwa li jipprovdi għajnuna, serħan u protezzjoni lill-persuni affettwati minn diżastri u emerġenzi simili naturali jew ikkawżati mill-bniedem, filwaqt li jagħmel enfasi fuq l-aktar vittmi vulnerabbli irrispettivament min-nazzjonalità, ir-reliġjon, is-sess, l-età, l-oriġini etnika jew l-affiljazzjoni politika, u f'konformità mal-ħtiġijiet reali, mal-prinċipji umanitarji internazzjonali u mal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja;

H.  billi l-HAI jestendi lil hinn mill-kompitu ewlieni tal-operazzjonijiet ta' salvataġġ biex jinkludi serħan għal dawk affettwati minn kriżijiet itwal, xogħol ta' riabilitazzjoni u rikostruzzjoni fuq terminu qasir, tħejjija għal diżastri u jindirizza l-konsegwenzi tal-movimenti tal-popolazzjoni;

I.  billi kooperazzjoni għall-iżvilupp effettiva titlob approċċi innovattivi, filwaqt li tagħti lid-donaturi l-kapaċità li jirreaġixxu malajr għal sitwazzjonijiet lokali, jaħdmu ma' organizzazzjonijiet lokali u jappoġġjaw negozji u intraprendituri lokali, speċjalment fl-aktar pajjiżi fqar u f'dawk l-aktar fraġli; billi s-sistema ta' awditu tal-UE jenħtieġ li tagħti lid-donaturi l-flessibbiltà li jieħdu ammont raġonevoli ta' riskju f'tali proġetti, filwaqt li ttejjeb il-kapaċità tal-UE li tirreaġġixxi malajr u tipprovdi għajnuna effettiva;

J.  billi l-UE hija d-donatur ewlieni fid-dinja tal-għajnuna għall-iżvilupp u dik umanitarja; billi, permezz ta' din l-għajnuna, l-UE tippromwovi sforzi sabiex jitnaqqas il-faqar u jiġu promossi l-interessi u l-valuri fundamentali globali u tal-UE;

K.  billi s-Summit bejn l-Unjoni Afrikana u l-UE li sar f'Abidjan fid-29 u t-30 ta' Novembru 2017 ikkonferma r-rieda li tiġi stabbilita sħubija ġenwina, modernizzata, globalizzata u ambizzjuża, filwaqt li jinħolqu l-kundizzjonijiet politiċi u ekonomiċi għal ugwaljanza reali;

L.  billi kien hemm żieda esponenzjali fl-għadd ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp konklużi ma' pajjiżi terzi, inklużi ċ-Ċina, ir-Russja, it-Turkija, il-Brażil u l-Indja;

M.  billi l-istabbiliment mill-ġdid u l-estensjoni tal-hekk imsejħa "global gag rule" u t-tnaqqis tal-fondi għall-organizzazzjonijiet li jipprovdu lin-nisa u lit-tfajliet servizzi li jirrigwardaw l-ippjanar tal-familja, is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi huma ta' tħassib serju;

N.  billi l-gvernijiet ta' pajjiżi terzi għandhom aspettattivi reali f'dak li għandu x'jaqsam ma' azzjoni rapida, effettività u indirizzar tal-bżonn urġenti li jinżammu sħubiji ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp b'saħħithom; billi jeħtieġ li jiġu żviluppati ekonomiji miftuħa u produttivi f'pajjiżi sħab, filwaqt li jitqiesu ċirkostanzi ġodda u partijiet ikkonċernati ekonomiċi ġodda fl-arena internazzjonali;

O.  billi minħabba n-nuqqas ta' involviment tar-Renju Unit wara l-2020, il-Brexit se jwassal għal tnaqqis fil-baġit tal-UE ta' bejn 12 u 15 %;

P.  billi l-evalwazzjonijiet tal-FEŻ u tad-DCI jikkonfermaw li l-użu ta' strumenti ġeografiċi u tematiċi differenti b'mod koerenti huwa fil-fatt possibbli;

Q.  billi l-evalwazzjoni tal-11-il FEŻ tiddikjara li "hemm theddida reali li l-FEŻ se jkollu jirrispondi għal aġendas li jbegħduh mill-objettiv primarju tiegħu li jnaqqas il-faqar, li huwa diffiċli biex dawn jirrikonċiljaw mal-valuri fundamentali tal-FEŻ u jinkludu dak li jagħmel b'mod tajjeb", li "minkejja l-konsultazzjonijiet, l-opinjonijiet tal-gvern u ta' [organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili] (b’xi eċċezzjonijiet notevoli bħal fir-reġjun Paċifiku), rarament tqiesu fl-għażliet ta' programmazzjoni" u li "għalhekk, il-programmazzjoni tal-11-il FEŻ użat approċċ minn fuq għal isfel biex tapplika l-prinċipju ta' konċentrazzjoni iżda għad-detriment tal-prinċipju ċentrali tas-sħubija tal-Ftehim ta' Cotonou";

R.  billi skont l-evalwazzjoni tal-11-il FEŻ, sa April 2017, kważi EUR 500 miljun mir-riżerva tal-FEŻ intefqu sabiex jiġi appoġġjat id-dipartiment għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja tal-Kummissjoni (ECHO) tal-Kummissjoni, kważi EUR 500 miljun ġew allokati f'appoġġ ta' emerġenza għal pajjiżi individwali u EUR 1.5 biljun intefqu għall-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika; billi l-FEŻ jikkontribwixxi wkoll għall-Fond Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp Sostenibbli;

S.  billi l-evalwazzjoni tad-DCI tiddikjara li "id-DCI jibqa', b'mod ġenerali, rilevanti u xieraq, kemm meta dan jiġi adottat kif ukoll fin-nofs tal-implimentazzjoni tiegħu. Ġeneralment, dan huwa konformi ma' dokumenti ta' politika ġodda (pereżempju l-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli) għalkemm l-implimentazzjoni ta' ċerti prijoritajiet tista' tkun diffiċli fil-format attwali tiegħu";

T.  billi meta ġew adottati l-EFIs tal-2014-2020, il-Parlament esprima preferenza għal EFI distint iddedikat għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp u talab id-delimitazzjoni tal-fondi tal-iżvilupp f'każ li jiġi bbaġitjat il-FEŻ;

U.  billi b'referenza għall-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika, l-evalwazzjoni tal-FEŻ tiddikjara li "meta mqabbel ma' proġetti tal-FEŻ standard, iż-żmien imqassar ta' tħejjija u ta' approvazzjoni, l-involviment indirett tal-UE fl-implimentazzjoni tal-proġett u l-fatt li dawn il-proġetti joriġinaw mit-tħassib prijoritarju tal-UE pjuttost milli bħala rispons għall-objettivi fit-tul tal-[pajjiżi sħab], kollha jqajmu tħassib dwar l-effettività u s-sostenibbiltà probabbli tal-proġetti tal-[Fondi Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika] tal-UE u dwar il-kapaċità tal-UE li tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tagħhom";

V.  billi l-fluss finanzjarju mill-Unjoni lejn il-pajjiżi li jibbenefikaw minn strumenti finanzjarji għall-iżvilupp huwa aktar baxx mir-rimessi li jsiru privatement mid-dijaspora minn dawk l-istess pajjiżi li jgħixu fl-Ewropa;

W.  billi minkejja li rċeviet biljuni ta' euros mill-FEŻ għal bosta snin u minkejja t-tħassib serju tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni finanzjarja tagħha, il-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika ma kinitx parti mill-evalwazzjoni tal-FEŻ; billi l-Faċilita għall-Paċi fl-Afrika ilha ma tiġi evalwata mill-2011;

X.  billi skont l-evalwazzjonijiet rispettivi tagħhom u r-rapport ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Kummissjoni dwar l-EFIs, huwa diffiċli li jitkejlu l-effettività globali u l-impatt fit-tul tad-DCI u l-FEŻ fl-ilħuq tal-objettivi tagħhom minħabba l-limitazzjonijiet serji fid-definizzjoni ta' sistemi xierqa ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ u fil-valutazzjoni tar-rwol li qdew fatturi esterni, u l-firxa tal-pajjiżi u t-temi kkonċernati; billi skont l-evalwaturi, it-taħlit jimmobilizza biss riżorsi addizzjonali f'50 % tal-każijiet;

Y.  billi l-Parlament kellu jħabbat wiċċu ma' skadenzi qosra ħafna għall-iskrutinju tal-abbozz ta' miżuri ta' implimentazzjoni; billi dawn l-iskadenzi ma jqisux b'mod xieraq il-karatteristiċi tal-attivitajiet parlamentari; billi, xi drabi, dan kien aggravat mill-fatt li l-Parlament irċieva abbozz ta' miżuri ta' implimentazzjoni wara l-iskadenza jew qabel il-perjodi ta' vaganzi, li saħansitra rrestrinġa aktar il-kapaċità tiegħu li jeżerċita b'mod adegwat is-setgħat ta' skrutinju tiegħu;

Z.  billi l-UE rrikonoxxiet l-importanza tas-sħubiji mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) f'relazzjonijiet esterni; billi dan jinkludi l-involviment ta' CSOs fil-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-EFIs;

Fatti u sejbiet tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tad-DCI, il-FEŻ u l-HAI

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jilqa' l-fatt li l-evalwazzjonijiet tad-DCI, il-FEŻ u l-HAI juru li, meta tfasslu, l-objettivi ta' dawn l-istrumenti kienu fil-parti l-kbira tagħhom rilevanti għall-prijoritajiet ta' politika u li, b'mod ġenerali, dawn jaqdu l-funzjoni tagħhom u huma allinjati mal-valuri u l-objettivi tal-SDGs; jirrimarka li d-diskrepanza fil-finanzjament annwali għall-ilħuq tal-SDGs huwa ta' USD 200 biljun;

2.  Jinnota li xi pajjiżi fejn joperaw programmi ġeografiċi tal-FEŻ u d-DCI raw progress fit-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp tal-bniedem u dak ekonomiku u matul dawn l-aħħar għaxar snin, filwaqt li għal oħrajn, is-sitwazzjoni għadha kritika;

3.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-prijoritajiet tad-DCI u l-FEŻ huma allinjati mal-valuri u l-objettivi tal-SDGs, minħabba r-rwol instrumentali li l-UE kellha fl-adozzjoni tagħhom, u li dan il-fatt ffaċilita u ssimplifika bil-bosta r-reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' dawn l-istrumenti;

4.  Jinnota li fl-ewwel snin tal-implimentazzjoni tagħhom, id-DCI u l-FEŻ ippermettew lill-UE tirrispondi għal kriżijiet u ħtiġijiet ġodda bis-saħħa tan-natura wiesgħa tal-objettivi tal-istrumenti; jinnota, madankollu, li multiplikazzjoni ta' kriżijiet u l-emerġenza ta' prijoritajiet politiċi ġodda poġġew pressjoni finanzjarja fuq id-DCI, l-FEŻ u l-HAI, l-istrumenti kellhom joperaw sal-limiti tagħhom u wasslu għad-deċiżjoni li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ad-hoc ġodda bħal fondi fiduċjarji, li hemm bosta tħassib serju dwarhom, jiġifieri fir-rigward tat-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont demokratiku u n-nuqqas ta' rabta tagħhom mal-objettivi ta' żvilupp; ifakkar fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli li ġie adottat riċentement, li nħoloq sabiex jipprovdi kapaċità ta' ingranaġġ ulterjuri;

5.  Jinsab sodisfatt bil-koerenza interna miżjuda fi ħdan id-DCI u l-FEŻ, l-aktar minħabba valutazzjonijiet ta' kwalità għolja, proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet armonizzati u konċentrazzjoni fis-setturi;

6.  Jinnota li hemm każijiet fejn l-appoġġ tal-baġit għadu jiġi kkritikat minħabba n-nuqqas tiegħu ta' adegwatezza u effiċjenza, meta fil-verità dan huwa forma ta' appoġġ li tikkorrispondi għal kunċett modern ta' kooperazzjoni li huwa ferm adatt għal sħubiji ta' żvilupp ġenwini, jagħmel possibbli l-appartenenza tal-pajjiżi sħab u għandu l-vantaġġ li huwa flessibbli u effiċjenti; jitlob, għalhekk, li tittieħed azzjoni sabiex tissaħħaħ is-sħubija politika u istituzzjonali li tippromwovi l-għoti tal-appoġġ tal-baġit, filwaqt li jinsisti fuq governanza ekonomika effettiva u rispett għall-valuri demokratiċi; jirrimarka li l-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp trid tiġi implimentata b'mod li jqis ix-xewqat tal-pajjiżi u tal-popolazzjonijiet li għandhom bżonnha, filwaqt li tiżgura l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u li dawn jassumu r-responsabbiltà għall-applikazzjoni trasparenti u effiċjenti tagħha;

7.  Jinnota l-fatt li għadd kbir ta' pajjiżi saru pajjiżi b'introjtu medju għoli (UMICs), bir-riżultat li dawn iggradwaw mill-kooperazzjoni bilaterali taħt id-DCI jew irċevew għotjiet imnaqqsa ta' kooperazzjoni bilaterali taħt il-FEŻ, peress li l-għajnuna għall-iżvilupp flimkien ma' politiki nazzjonali ta' suċċess jistgħu jwasslu għal riżultati pożittivi; ifakkar li l-faqar u l-iżvilupp huma multidimensjonali, u li ż-żamma tal-PDG bħala l-uniku indikatur għall-iżvilupp hija insuffiċjenti; jinnota wkoll li peress li l-maġġoranza tan-nies l-aktar foqra fid-dinja jgħixu f'pajjiżi b'introjtu medju, fejn jippersistu l-inugwaljanzi, l-irtirar f'daqqa tal-għajnuna għall-pajjiżi b'introjtu medju jista' jnaqqas l-ilħuq tal-SDGs; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa li dawn il-pajjiżi jibqgħu jiġu appoġġjati f'din il-fażi delikata fi triqithom lejn żvilupp akbar;

8.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-għajnuna għall-iżvilupp tintuża skont l-iskop oriġinali tagħha, filwaqt li jitqiesu b'mod xieraq il-prinċipji dwar l-effikaċja tal-għajnuna u l-iżvilupp; itenni li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE jenħtieġ li tkun konformi mal-pjanijiet u mal-bżonnijiet tal-pajjiżi sħab;  

9.  Jenfasizza li l-interessi domestiċi tal-UE fuq terminu qasir (is-sigurtà u l-migrazzjoni) jenħtieġ li taħt l-ebda ċirkostanza ma jixprunaw l-aġenda ta' żvilupp tagħha, u li l-prinċipji dwar l-effikaċja tal-għajnuna u l-iżvilupp jenħtieġ li jiġu rrispettati bis-sħiħ u applikati għall-forom kollha ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp;

10.  Jinnota li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-koerenza fost l-istrumenti tista' tittejjeb billi dawn jiġu ssimplifikati; jenfasizza li ma saret l-ebda referenza għal tali sejba f'xi waħda mill-evalwazzjonijiet differenti;

11.  Jinsab imħasseb dwar is-sejbiet tal-evalwaturi li jikkonċernaw in-nuqqas ta' sistemi ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni, li jagħmilha diffiċli sabiex jitkejlu r-riżultati; jenfasizza, min-naħa l-oħra, id-diversi sejbiet pożittivi relatati mal-politiki għall-iżvilupp ta' awditi tal-UE li twettqu mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA); ifakkar l-osservazzjonijiet li saru mill-QEA fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 18/2014 dwar is-sistemi ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati tal-EuropeAid; jistieden lill-Kummissjoni tuża din l-okkażjoni sabiex tkompli ttejjeb is-sistema qafas tar-riżultati skont ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-QEA;

12.  Jinsab sorpriż mid-diskrepanza bejn ir-riżultati tal-evalwazzjoni u l-konklużjonijiet li għamlet il-Kummissjoni fir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tagħha; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-problemi serji tan-nuqqas ta' sħubija tal-istrumenti u r-riskju ta' devjazzjoni tal-fokus mit-tnaqqis tal-faqar mhuma indirizzati bl-ebda mod fil-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, minkejja li dawn huma element ewlieni tal-evalwazzjoni;

13.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas tad-data disponibbli jew in-natura limitata tagħha; jinnota li n-nuqqas ta' sistema ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni lil hinn mill-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) u l-SDGs jagħmilha impossibbli li l-bidliet jitkejlu b'mod preċiż, pereżempju fir-rigward tal-flessibbiltà tal-istrument jew il-livell ta' konsistenza ma' strumenti oħra;

14.  Jinnota wkoll li n-nuqqas ta' kapitolu ta' finanzjament li jkun imfassal b'mod espliċitu biex iħeġġeġ dibattitu politiku, b'referenza partikolari għall-appoġġ għall-partiti politiċi, ma jwassalx għall-ilħuq tal-miri ta' żvilupp sostenibbli;

15.  Jitlob titjib fir-rapportar billi dan jipproduċi b'mod awtomatiku statistika u indikaturi;

16.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma ħatfitx l-opportunità ppreżentata mir-reviżjoni ta' nofs it-terminu biex tadatta l-politiki tagħha għar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp fir-rigward tal-appoġġ għal biedja agroekoloġika fuq skala żgħira u sostenibbli; jinnota li, għall-kuntrarju ta' dan, il-miżuri proposti saħansitra jinkludu aktar appoġġ għal biedja u negozji agrikoli fuq skala kbira;

DCI

17.  Jenfasizza li r-rilevanza tal-DCI tinsab primarjament fil-flessibbiltà tiegħu li jirrispondi għal avvenimenti mhux previsti fir-rigward tal-għażla tal-metodi ta' programmazzjoni u ta' implimentazzjoni kif ukoll fir-rigward ta' riallokazzjonijiet fl-istrumenti u bejniethom u tal-użu ta' fondi ta' riżerva; jenfasizza li l-flessibbiltà fil-programmazzjoni multiannwali ppermettiet ukoll li t-tul tal-perjodu ta' programmazzjoni jiġi adatt għas-sitwazzjoni fil-prattika, sabiex ikun hemm riallokazzjoni rapida tal-finanzjament f'każ ta' bidliet kbar, u jintużaw miżuri speċjali;

18.  Jilqa' l-fatt li l-evalwazzjonijiet issottolinjaw ir-rilevanza strateġika tal-programm tematiku tad-DCI, b'mod partikolari fil-kapaċità tiegħu li jippromwovi l-azzjonijiet globali fuq il-beni pubbliċi;

19.  Jieħu nota tal-modalitajiet ta' simplifikazzjoni, armonizzazzjoni u implimentazzjoni usa' introdotti fir-Regolament (UE) Nru 236/2014 dwar regoli komuni għall-implimentazzjoni tal-EFIs, li waslu għal aktar effikaċja fid-DCI; jisħaq fuq il-fatt li r-Regolament (UE) Nru 233/2014 li jistabbilixxi d-DCI(14) ma jipprovdix dettalji dwar sistema ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni għall-kejl tal-prestazzjoni tal-istrument; jinsab estremament imħasseb dwar il-fatt li l-proċeduri ta' implimentazzjoni, li xi wħud minnhom joriġinaw mir-Regolament Finanzjarju, għadhom meqjusa bħala twal u ta' piż żejjed, filwaqt li dan jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-UE u jżid l-interess għal approċċi meħuda minn ċerti pajjiżi li huma meqjusa li jiddependu fuq formalitajiet u kundizzjonijiet f'livell ferm inqas; ifakkar, f'dan il-kuntest, li xi wħud minn dawn il-proċeduri joriġinaw mir-Regolament Finanzjarju, u mhux mill-EFIs, filwaqt li rekwiżiti oħra huma bbażati fuq l-applikazzjoni ta' prinċipji fundamentali ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, bħas-sħubija u s-sjieda;

20.  Jinnota li d-dokumenti ta' ħidma tal-Kummissjoni juru li l-ammonti mħallsa huma pjuttost baxxi meta mqabbla mal-ammonti impenjati; jenfasizza li din hija problema kbira fejn hija kkonċernata l-"kompetizzjoni" għal għajnuna għall-iżvilupp; jitlob, għalhekk, komunikazzjoni aħjar dwar l-għażliet ta' finanzjament, sabiex jiġi żgurat li s-sħab tal-UE jiġi infurmati; jitlob sabiex il-partijiet ikkonċernati lokali, inklużi l-impjegati taċ-ċivil, jingħataw taħriġ dwar il-kumpilazzjoni ta' dokumenti tal-UE, sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu fl-aħjar pożizzjoni biex jissodisfaw il-kriterji u b'hekk iżidu l-possibbiltajiet tagħhom li jagħmlu applikazzjonijiet tal-proġett b'suċċess; jinnota li tali taħriġ jista' jkun immirat ukoll lejn it-titjib tar-rispons għas-sejħiet ta' proġetti minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra;

21.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tad-DCI tindika r-riskju ta' nuqqas meqjus ta' konformità mar-rekwiżit għall-allokazzjoni ta' mill-anqas 20 % ta' assistenza taħt id-DCI għal servizzi soċjali bażiċi bħas-saħħa, u għall-edukazzjoni sekondarja u servizzi soċjali oħra, meta dawn il-ħtiġijiet huma essenzjali għall-iżvilupp ta' dawn il-pajjiżi; jinsab imħasseb ukoll dwar l-appoġġ inadegwat mogħti lis-sistemi tas-saħħa nazzjonali, kif ukoll in-nuqqas ta' data fir-rigward tar-riżultati miksuba b'rabta mal-finanzjament għall-edukazzjoni; itenni l-impenn li sar fil-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp li mill-inqas 20 % tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tal-UE (ODA) tiġi allokata għall-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-bnedmin;

22.  Jinsab sodisfatt bl-objettivi u r-riżultati tal-programm tematiku ddedikat lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) u l-awtoritajiet lokali (LAs), u jitlob li jinżamm fi strumenti futuri; jinsab imħasseb b'mod serju, madankollu, dwar l-ispazju dejjem jonqos mogħti lis-CSOs u l-LAs fil-fażijiet ta' programmazzjoni u implimentazzjoni tal-programmi, u jitlob rwol imsaħħaħ għal dawn il-korpi, inkluż bħala fornituri tas-servizz, kif ukoll aktar modalitajiet ta' kooperazzjoni mfassla apposta u approċċ aktar strateġiku; jissottolinja li l-iżvilupp ta' dawn il-pajjiżi jista' jinkiseb bis-sħiħ permezz ta' kooperazzjoni ma' awtoritajiet lokali leġittimi;

23.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta politiki li jħeġġu l-involviment tad-dijaspora Afrikana bħala parti kkonċernata ewlenija għall-iżvilupp;

FEŻ

24.  Jinnota li l-FEŻ għandu rwol importanti fl-indirizzar tal-qerda tal-faqar u l-kisba tal-SDGs; jinnota, madankollu, li l-evidenza ta' progress hija aktar dgħajfa fil-livell reġjonali u li l-FEŻ ma stabbiliex b'mod konsistenti sinerġiji u koerenza solidi fil-progammi nazzjonali, reġjonali u ta' kooperazzjoni intra-AKP kollha tiegħu;

25.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li r-reviżjoni ta' nofs it-terminu ma koprietx il-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika, li ilha ma tiġi evalwata b'mod xieraq għal bosta snin; iqis li fi żminijiet meta qed issir enfasi politika dejjem akbar fuq ir-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp, tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza huwa essenzjali;

26.  Jilqa' l-fatt li l-FEŻ wera li huwa xieraq għall-użu tiegħu f'ambjent li qed jinbidel b'mod rapidu bis-saħħa ta' ċiklu tal-ippjanar imnaqqas, proċeduri simplifikati u ġestjoni tal-baġit imtejba; jinnota, madankollu, li dan għadu mhuwiex adatt għalkollox għal kuntest mibdul u li l-proċeduri jibqgħu kemxejn riġidi u ta' piż;

27.  Jinnota li l-ħtiġijiet u n-natura differenti ħafna tal-gruppi tal-pajjiżi AKP u OCTs koperti mill-FEŻ iqajmu mistoqsijiet dwar l-appoċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd" li jikkaratterizza l-għażla tal-proċeduri u l-modalitajiet, u fl-aħħar mill-aħħar dwar il-kamp ta' applikazzjoni territorjali tal-FEŻ; ifakkar il-ħtieġa għal sħubija ġdida u ġenwina bejn membri ugwali, bid-drittijiet tal-bniedem bħala l-fokus ewlieni;

28.  Jinnota li l-FEŻ iffaċċja pressjoni biex jindirizza numru dejjem jiżdied ta' domandi politiċi, bħas-sigurtà u l-migrazzjoni, li l-allinjament tagħhom mal-valuri u l-prinċipji ewlenin tal-FEŻ tal-politika tal-iżvilupp u l-kooperazzjoni tal-UE, jiġifieri l-qerda tal-faqar, hija diffiċli;

HAI

29.  Jinsab sodisfatt li l-HAI kiseb l-objettiv tiegħu li tiġi pprovduta għajnuna f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza abbażi ta' rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali pubbliku, filwaqt li jiġi żgurat li l-għajnuna umanitarja mhijiex strumentalizzata u li l-prinċipji tal-umanita, l-imparzjalità, in-newtralità u l-indipendenza huma rispettati;

30.  Jinnota li l-għadd ta' kriżijiet u diżastri umanitarji indirizzati mill-HAI żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar ftit snin, li wassal għall-użu sħiħ tar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza u għall-ħtieġa li jintużaw fondi addizzjonali, u li mhuwiex probabbli li din is-sitwazzjoni tara titjib f'perjodu taż-żmien qasir sa medju minħabba l-għadd dejjem akbar ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi li jaffettwaw bosta żoni madwar id-dinja kollha; jinnota li dan jindika l-ħtieġa għal żieda sostanzjali fir-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza u għal użu aktar rapidu u aktar flessibbli tar-riżorsi kollha disponibbli;

31.  Iqis li l-persuni u l-komunitajiet jenħtieġ li jibqgħu l-miri u l-partijiet ikkonċernati ewlenin tal-HAI, u li approċċ flessibbli, ikkoordinat, speċifiku għall-kuntest li jikkunsidra l-opinjonijiet tal-gvernijiet u l-awtoritajiet lokali, kif ukoll tal-komunitajiet lokali, tal-organizzazzjonijiet reliġjużi orjentati lejn l-iżvilupp, u tal-atturi tas-soċjetà ċivili, jenħtieġ li jiġi adottat fiċ-ċirkostanzi kollha; jissottolinja li l-parti l-kbira ta' dawn l-organizzazzjoniet, inklużi l-organizzazzjonijiet tad-dijaspora bbażati fl-Ewropa, iwettqu xogħol siewi f'diversi oqsma kritiċi u jistgħu jipprovdu valur miżjud għall-għajnuna umanitarja;

32.  Ifakkar li l-abort mhux sikur huwa elenkat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bħala waħda mit-tliet kawżi ewlenin ta' mewt marbuta mal-maternità; ifakkar l-bażi legali ddikjarata fuq bażi internazzjonali għad-dritt għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet għall-vittmi ta' vjolenza sesswali u ta' persuni f'kunflitti;

Rakkomandazzjonijiet għall-bqija tal-perjodu ta' implimentazzjoni

33.  Jenfasizza li d-DCI, il-FEŻ u l-HAI jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dawl tal-qafas ta' politika internazzjonali u tal-UE l-ġdid, inklużi l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa u l-Aġenda għall-Umanità;

34.  Ifakkar li l-SDGs iridu jintlaħqu madwar id-dinja permezz ta' sforzi konġunti u sħubija tal-atturi internazzjonali kollha, inklużi n-nazzjonijiet fil-fażi tal-iżvilupp u dawk żviluppati u organizzazzjonijiet internazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li, fil-livell tal-UE, dan jitlob politiki interni u esterni mfassla u implimentati b'mod konġunt, koerenti u kkoordinat, skont il-prinċipji tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD); iqis li l-PCD trid tkun fattur ewlieni fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-EFIs u fl-adozzjoni ta' politiki u strumenti oħra tal-UE minħabba l-interkonnessjoni bejn il-politiki interni u esterni tal-UE; huwa tal-opinjoni, madankollu, li l-koerenza globali bejn l-istrumenti jenħtieġ li tkompli tittejjeb, b'mod partikolari billi jittejbu l-koerenza u l-koordinazzjoni bejn programmi ġeografiċi u tematiċi u billi jinkisbu koordinazzjoni u komplementarjetà akbar ma' politiki oħra tal-UE;

35.  Jinsab inkwetat għall-fatt li l-UMICs li ggradwaw mill-FEŻ u d-DCI jistgħu jiffaċċjaw diskrepanza tal-likwidità li tpoġġihom f'sitwazzjoni ta' vulnerabbiltà; jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti fuq il-konsegwenzi, tqis miżuri li jipprevjenu effetti negattivi, u tiffaċilita l-aċċess tal-UMICs għal EFIs imfassla apposta għall-bżonnijiet tagħhom, b'mod partikolari bl-għan li tintensifika l-isforzi sabiex ittejjeb il-governanza tajba permezz tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi tat-taxxa u l-impunità, filwaqt li tiżgura r-rispett lejn l-istat tad-dritt u l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti, tiżgura aċċess ugwali għall-ġustizzja u tindirizza d-dgħufijiet istituzzjonali; jirrikonoxxi l-ħidma mwettqa minn EUROsociAL f'dan il-qasam; jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa li tiġi pprijoritizzata l-allokazzjoni tal-għotjiet għall-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) li huma suxxettibbli għal instabbiltà, jiffaċċjaw ostakoli strutturali sinifikanti għall-iżvilupp sostenibbli u għalhekk jiddependu bil-bosta fuq finanzjament pubbliku internazzjonali;

36.  Huwa tal-opinjoni li l-EFIs jenħtieġ li jkomplu jappoġġjaw direttament lis-CSOs kemm tal-UE kif ukoll dawk lokali, lill-komunitajiet lokali, lill-gvernijiet lokali u reġjonali kif ukoll lill-awtoritajiet lokali f'pajjiżi sħab u s-sħubiji tagħhom mal-gvernijiet lokali u reġjonali Ewropej, u jiffaċilitaw b'mod sistematiku l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fi djalogi ma' bosta partijiet ikkonċernati dwar politiki tal-UE u dwar il-proċessi ta' programmazzjoni kollha fl-istrumenti kollha; iqis, barra minn hekk, li l-UE jenħtieġ li tippromwovi r-rwol tas-CSOs bħala gwardjani kemm fl-UE kif ukoll barra minnha u tappoġġja riformi ta' deċentralizzazzjoni f'pajjiżi sħab; jilqa', f'dan il-kuntest, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tapprofondixxi u tikkonsolida l-ħidma kontinwa biex tibni sħubiji u djalogu mas-soċjetà ċivili li taħdem fl-iżvilupp u ttejjeb l-involviment fi djalogu u l-involviment tan-netwerks tas-CSOs fit-tfassil tal-politika u l-proċessi tal-UE; ifakkar li l-UE jenħtieġ li tappoġġja konsolidazzjoni demokratika billi tidentifika mekkaniżmi li jappoġġjaw l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet f'pajjiżi terzi, sabiex tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni u t-titjib ta' standards istituzzjonali għall-ġestjoni tal-beni pubbliċi;

37.   Jikkonferma d-determinazzjoni tiegħu li jimmonitorja t-twettiq tal-impenn tal-UE li tkompli tipprovdi appoġġ għall-iżvilupp tal-bniedem sabiex jittejbu l-ħajjiet tan-nies, b'mod konformi mal-SDGs; ifakkar li, fil-każ tad-DCI, dan jirriżulta fil-ħtieġa li mill-inqas 20 % tal-għajnuna tiġi allokata għal servizzi soċjali bażiċi, b'enfasi fuq is-saħħa u l-edukazzjoni, u għall-edukazzjoni sekondarja; jinsab imħasseb, għalhekk, dwar il-fatt li fi żmien meta għad hemm dubji dwar l-ilħuq tal-objettiv ta' 20 % ta' żvilupp tal-bniedem, il-Kummissjoni qed tiddevja l-fondi mill-iżvilupp tal-bniedem lejn l-investiment;

38.  Jitlob l-applikazzjoni stretta ta' prekundizzjonijiet li jippermettu l-użu effettiv tal-appoġġ tal-baġit u għal monitoraġġ aktar sistematiku ta' din il-modalità ta' għajnuna f'pajjiżi sħab, sabiex jittejbu r-responsabbiltà, it-trasparenza, l-effettività tal-għajnuna, u l-allinjament tal-appoġġ tal-baġit mal-objettivi tiegħu;

39.  Iwissi kontra rikors abużiv għal fondi fiduċjarji, li jhedded l-ispeċifiċità tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE; jinsisti li dawn jenħtieġ li jintużaw biss meta jiġi ggarantit il-valur miżjud tagħhom meta mqabbla ma' modalitajiet oħra ta' għajnuna, speċjalment f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, u l-użu tagħhom jenħtieġ li dejjem ikun konformi mal-prinċipji dwar l-effikaċja tal-għajnuna u mal-objettiv primarju tal-politika tal-iżvilupp: il-qerda tal-qafar; huwa mħasseb dwar il-fatt li l-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri u donaturi oħra għal fondi fiduċjarji kienu aktar baxxi milli mistenni, b'konsegwenzi negattivi għall-effikaċja tagħhom; ifakkar il-ħtieġa għal skrutinju parlamentari ta' dawn il-fondi; jinsab imħasseb b'mod serju dwar is-sejbiet tal-evalwazzjoni tal-FEŻ dwar l-effikaċja tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika;

40.   Ifakkar li l-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura t-trasparenza meta jintużaw il-fondi fiduċjarji, fost l-oħrajn, billi tipprovdi lill-Parlament aġġornamenti ta' informazzjoni regolari u tiżgura l-involviment xieraq tiegħu fi strutturi ta' governanza rilevanti, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE; ifakkar, barra minn hekk, li l-fondi fiduċjarji jridu japplikaw il-firxa sħiħa ta' prinċipji ta' effikaċja fl-iżvilupp, jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-prijoritajiet, il-prinċipji u l-valuri għal żvilupp fit-tul, ma' strateġiji nazzjonali u tal-pajjiżi tal-UE u ma' strumenti u programmi oħra rilevanti, u li jenħtieġ li jiġi ppubblikat, darbtejn fis-sena, programm ta' monitoraġġ li jivvaluta dan l-allinjament; ifakkar li, għaldaqstant, l-għan tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika huwa li jindirizza l-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni billi jippromowovi r-reżiljenza, l-opportunitajiet ekonomiċi, l-opportunitajiet indaqs, is-sigurtà u l-iżvilupp;

41.  Ifakkar li l-baġit allokat għall-azzjoni esterna tal-UE ġie kontinwament mobilizzat u rinfurzat, bl-eżawriment tal-marġnijiet kollha disponibbli sabiex jiġi indirizzat l-għadd dejjem jiżdied ta' emerġenzi umanitarji; huwa tal-opinjoni li f'dan il-kuntest ta' bosta kriżijiet u inċertezza, l-EFIs jeħtieġ li jkollhom biżżejjed flessibbiltà biex ikunu jistgħu jaġġustaw ruħhom malajr għal prijoritajiet li qed jinbidlu u avvenimenti mhux previsti, u biex jiksbu r-riżultati fil-prattika; jirrakkomanda, għaldaqstant, użu intelliġenti tar-riżerva tal-EFIs jew il-fondi mhux użati, aktar flessibbiltà fil-programmazzjoni pluriennali, kombinazzjoni xierqa ta' modalitajiet ta' finanzjament u aktar simplifikazzjoni fil-livell tal-implimentazzjoni; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li aktar flessibbiltà jenħtieġ li ma tinkisibx għad-detriment tal-effikaċja u tal-prevedibbiltà tal-għajnuna u lanqas tal-prijoritajiet ġeografiċi u tematiċi fit-tul, jew tal-impenji biex jinżammu r-riformi f'pajjiżi sħab;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-HAI b'mod konsistenti mal-impenji umanitarji, mal-impenji miftiehma fil-Grand Bargain fis-Summit Umanitarju Dinji, u mal-konklużjonijiet tar-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 15/2016(15); jistieden lill-Kummissjoni sabiex, b'mod partikolari, iżżid it-trasparenza fil-proċedura tal-għażla strateġika tal-programmazzjoni u l-finanzjament, tagħti l-attenzjoni dovuta lill-kosteffikaċja tal-azzjonijiet, mingħajr ma tikkomprometti l-objettivi ta' għajnuna umanitarja u r-rieda li tingħata għajnuna lil dawk l-aktar vulnerabbli u filwaqt li żżomm il-kapaċità biex ittejjeb il-monitoraġġ biex issostni l-urġenza umanitarja billi tilħaq lil dawk l-aktar vulnerabbli u topera fejn il-ħtiġijiet huma l-aktar urġenti, ittejjeb il-monitoraġġ matul l-implimentazzjoni, talloka aktar finanzjament għal dawk li jintervjenu fuq livell nazzjonali u lokali, tnaqqas il-burokrazija permezz ta' rekwiżiti ta' rapportar armonizzati, u tipprevedi fuq bażi pluriennali f'termini ta' strateġija, il-programmazzjoni u l-finanzjament, sabiex jiġu żgurati aktar prevedibbiltà, flessibbiltà, rapidità u kontinwità fir-rispons umanitarju;

43.  Jinsisti fuq il-fatt li l-għajnuna umanitarja jenħtieġ li tkompli tiġi allokata għal gruppi ta' popolazzjoni f'żoni ta' kriżi, u li l-atturi umanitarji jenħtieġ li jkollhom aċċess bla xkiel għal vittimi f'żoni ta' kunflitt u f'pajjiżi vulnerabbli sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li, minbarra rispons immedjat għall-kriżijiet umanitarji, il-HAI, flimkien u f'komplementarjetà mad-DCI u l-FEŻ u fid-dawl tar-rabta bejn l-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp, jibni reżiljenza għal xokkijiet futuri billi jippromwovi strateġiji u strutturi ta' twissija bikrija u prevenzjoni, jipprovdi benefiċċji għall-iżvilupp sostenibbli fuq terminu twil f'konformità mal-ħtieġa li tinħoloq rabta bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp, u jiffoka fuq kriżijiet minsija b'rispett sħiħ għall-prinċipju li ma jitħalla ħadd barra;

45.  Jinnota li l-komplementarjetà bejn l-istrumenti ta' żvilupp u l-HAI trid tittejjeb, b'mod partikolari fil-kuntest tar-rabta bejn l-għajnuna umanitarja u l-iżvilupp, l-approċċ strateġiku ġdid għar-reżiljenza u l-impenn tal-UE għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u t-tħejjija għalihom, mingħajr ma timmina l-objettivi u l-mandati tagħhom;

46.  Ifakkar li l-iżvilupp jikkomplementa l-għajnuna umanitarja bl-għan li jipprevjeni xokkijiet u kriżijiet;

47.  Jitlob ir-rikonoxximent tal-ispeċifiċità tal-għajnuna umanitarja fil-baġit tal-UE, li jinvolvi l-ħtieġa li tiġi żgurata r-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza bħala strument flessibbli għar-rispons għal kriżijiet ġodda b'fondi suffiċjenti;

48.  Huwa tal-opinjoni li d-delegazzjonijiet tal-UE jenħtieġ li jkunu aktar involuti fl-għażliet ta' programmazzjoni ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp taħt l-EFIs differenti li huma jimmaniġġjaw; iqis li dan jippermetti titjib fil-komplementarjetà u s-sinerġiji, u żieda fl-allinjament mal-ħtiġijiet u mas-sjieda tal-pajjiżi sħab;

49.  Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' riżorsi umani xierqa fis-sede tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u fid-delegazzjonijiet tal-UE, kemm f'termini ta' numri kif ukoll f'għarfien espert fl-iżvilupp u fl-għajnuna umanitarja;

50.  Mhuwiex sodisfatt bl-iskadenza qasira ħafna mogħtija għall-iskrutinju tal-abbozz tal-miżuri ta' implimentazzjoni mill-Parlament taħt id-DCI; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmodifika r-Regoli ta' Proċedura tad-DCI u tal-Kumitati għall-Għajnuna Umanitarja sa Diċembru 2018 sabiex il-Parlament u l-Kunsill jingħataw aktar żmien biex jeżerċitaw is-setgħat ta' skrutinju tagħhom b'mod xieraq;

51.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jżidu u jtejbu l-koordinazzjoni tad-donaturi permezz ta' programmazzjoni konġunta u implimentazzjoni konġunta ma' Stati Membri u donaturi oħra, f'konformità mal-programmi ta' żvilupp nazzjonali ta' pajjiżi sħab, taħt it-tmexxija u l-koordinazzjoni tad-delegazzjonijiet tal-UE;

52.  Jitlob li l-Parlament ikollu skrutinju politiku akbar fir-rigward tad-dokumenti ta' programmazzjoni tal-11-il FEŻ bħala mezz biex jittejbu t-trasparenza u r-responsabbiltà;

Rakkomandazzjonijiet għall-arkitettura ta' wara l-2020 tad-DCI u l-FEŻ, u għall-implimentazzjoni futura tal-HAI

53.  Itenni l-awtonomija tal-politiki tal-iżvilupp u umanitarji tal-UE, li huma bbażati fuq bażijiet legali speċifiċi rikonoxxuti fit-Trattati u jistabbilixxu valuri u objettivi li huma speċifiċi u li jenħtieġ li ma jiġux subordinati għall-istrateġija ġeopolitika tal-UE, u li jenħtieġ li jkunu dejjem allinjati mal-priniċpji dwar l-effikaċja tal-iżvilupp, u fil-każ ta' għajnuna umanitarja, mal-prinċipji tal-umanità, l-imparzjalità, in-newtralità u l-indipendenza;

54.  Jisħaq fuq il-ħtieġa assoluta li jinżammu strumenti tal-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja separati li jirrispettaw il-prinċipji ewlenin tal-iżvilupp, fid-dawl tas-sejbiet tal-evalwazzjoni tal-FEŻ u d-DCI dwar in-nuqqas ta' sħubija u t-theddida għall-objettiv ċentrali tat-tnaqqis tal-faqar fi ħdan il-qafas il-ġdid tal-bidla fil-prijoritajiet ta' politika;

55.  Ifakkar li l-FEŻ, id-DCI u l-HAI huma kkaratterizzati minn eżekuzzjoni pożittiva tal-baġit u huma essenzjali biex juru solidarjetà internazzjonali, filwaqt li jikkontribwixxu għall-kredibbiltà tal-UE fix-xena globali; iqis li, irrispettivament minn bidliet jew fużjonijiet strutturali possibbli fir-rigward ta' dawn l-istrumenti, inkluża l-inklużjoni possibbli tal-FEŻ fil-baġit, l-approprjazzjonijiet globali tal-QFP li jmiss jenħtieġ li jiżdiedu, filwaqt li jenħtieġ li ma jiddgħajfux il-kriterji għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA), u li l-arkitettura futura tal-istrumenti ta' finanzjament estern jenħtieġ li tinkludi inkorporazzjoni aktar trasparenti tal-fondi fiduċjarji u tal-faċilitajiet, iggwidata mill-prinċipji ewlenin ta' sjieda demokratika u l-effikaċja tal-iżvilupp, kif ukoll il-possibbiltà li jitkompla l-Pjan ta' Investiment Estern abbażi ta' evalwazzjoni li turi kemm l-addizzjonalità tal-iżvilupp kif ukoll l-impatt soċjali, ambjentali u fuq id-drittijiet tal-bniedem tagħha;

56.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment jikkonkludu ftehim interistituzzjonali mal-Parlament dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-iskrutinju parlamentari abbażi tal-prinċipji ta' politika stabbiliti fil-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp, minħabba l-bidla fil-modalitajiet tal-għajnuna minn għotjiet diretti għall-fondi fiduċjarji u l-finanzjament imħallat, inkluż permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli;

57.  Jenfasizza l-istampa pożittiva li l-komunità internazzjonali għandha tal-UE bħala attur globali kooperattiv, li, madankollu, hemm ir-riskju li din tiġi mxekkla mill-burokrazija żejda u d-dewmien burokratiku; huwa tal-opinjoni li dan jikkontribwixxi għas-setgħa ta' persważjoni tal-UE fir-relazzjonijiet internazzjonali, li titlob politika tal-iżvilupp b'saħħitha u awtonoma wara l-2020 bi strumenti għall-iżvilupp differenzjati;

58.  Jenfasizza li t-tnaqqis, u fuq terminu twil, il-qerda tal-faqar, flimkien mal-implimentazzjoni tal-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi u l-protezzjoni tal-ġid komuni globali, jenħtieġ li jikkostitwixxu l-objettivi primarji tal-politika tal-iżvilupp tal-UE u tal-istrumenti għall-iżvilupp tagħha, b'attenzjoni speċjali għal dawk l-aktar f'riskju;

59.  Jisħaq fuq il-fatt li l-arkitettura ta' wara l-2020 tad-DCIs u tal-FEŻ u l-implimentazzjoni tal-HAI jridu jiġi allinjati mal-impenji internazzjonali tal-UE, inklużi l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-SDGs, il-Ftehim ta' Pariġi, u l-qafas ta' politika tal-UE, inkluż il-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp, l-Istrateġija Globali l-ġdida għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-UE u l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja;

60.  Iqis li l-arkitettura tal-EFIs il-ġodda jenħtieġ li tqis il-funzjonament tajjeb ippruvat tal-EFIs attwali, l-eliġibbiltà tal-ODA u l-ħtieġa li jintlaħqu l-SDGs;

61.  Iqis li l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u d-dimensjoni globali ta' bosta SDGs jitolbu approċċ politiku ġdid, fejn l-atturi politiċi kollha, kemm mill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp kif ukoll minn dawk żviluppati, jeħtiġilhom jagħmlu ħilithom biex jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-SDGs permezz ta' politiki interni u esterni konsisteni u kkoordinati, u jqis li l-EFIs il-ġodda ta' wara l-2020 u l-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp se jkunu strumentali għal dan il-għan;

62.  Jinsab konvint bl-importanza li jiġi promoss approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq il-prinċipji għall-iżvilupp, u b'hekk jiġu promossi l-prinċipji demokratiċi, il-valuri fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem mad-dinja kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkombinaw b'mod xieraq l-għajnuna taħt l-EFIs u d-djalogu politiku, kemm b'mod bilaterali kif ukoll fil-qafas ta' ogranizzazzjonijiet reġjonali u globali, sabiex jippromwovu dawn il-prinċipji, valuri u drittijiet;

63.  Iqis li huwa essenzjali li l-protezzjoni ambjentali orizzontali u transsettorjali u l-opportunitajiet li joffru l-politiki ambjentali jiġu inklużi fil-politiki kollha tal-iżvilupp; jiddispjaċih dwar il-fatt li ma sarx biżżejjed progress f'termini tal-integrazzjoni tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi; iħeġġeġ, barra minn hekk, biex l-impenji tal-ftehim ta' Pariġi jiġu riflessi bis-sħiħ fl-istrumenti u l-programmi futuri, akkumpanjati minn monitoraġġ adegwat; iqis, għalhekk, li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jenħtieġ li taqdi rwol dejjem aktar importanti fil-kuntest tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

64.  Iqis li jeħtieġ li jitwettaq eżerċizzju relatat mat-"tagħlimiet miksuba" sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet fi, u tittejjeb, il-koordinazzjoni tal-EFIs tal-UE mal-istrumenti ta' finanzjament ta' istituzzjonijiet internazzjonali oħra, sabiex jinħolqu sinerġiji u jiżdied l-impatt tal-istrumenti ta' finanzjament fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp;

65.   Iqis li huwa meħtieġ li jiżdiedu l-livelli attwali tal-ODA tal-UE fl-arkitettura futura tal-EFIs ta' wara l-2020 u li tiġi żviluppata skeda ta' żmien ċara, sabiex l-UE tkun tista' tonora l-impenn kollettiv tagħha li tipprovdi 0.7 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) fl-ODA u talloka 0.2 % tal-ODA/ING lill-pajjiżi l-anqas żviluppati; jilqa', f'dan il-kuntest, il-komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni dwar il-QFP il-ġdid; ifakkar lill-Istati Membri dwar il-ħtieġa li jirrispettaw l-impenn tagħhom biex jikkontribwixxu 0.7 % tal-ING tagħhom fl-ODA; ifakkar il-ħtieġa li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi dwar il-kisba ta' element medju ta' għotjiet fl-ODA totali ta' 86 %.

66.  Huwa tal-opinjoni li, mingħajr preġudizzju għaż-żieda fil-flessibbiltà u/jew fir-riżervi, l-arkitettura ta' wara l-2020 tal-EFIs jenħtieġ li tkompli tipprevedi taħlita ta' programmi pluriennali ġeografiċi kif ukoll tematiċi, li jippermettu azzjonijiet ta' żvilupp fuq skali differenti; iqis li l-appoġġ għall-kooperazzjoni reġjonali u għall-integrazzjoni tal-pajjiżi sħab huwa fattur importanti li huwa meħtieġ sabiex jinqered il-faqar u jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli fit-tul;

67.  Jisħaq fuq il-fatt li l-azzjoni ta' żvilupp estern tal-UE trid tkun ibbażata fuq kombinazzjoni bbilanċjata b'mod xieraq ta' flessibbiltà u prevedibbiltà ta' għajnuna għall-iżvilupp, fuq bażi ta' finanzjament suffiċjenti; jirrikonoxxi, fl-istess ħin, li l-prevedibbiltà tal-għajnuna għall-iżvilupp tista' tinkiseb, fost l-oħrajn, permezz tat-twaqqif ta' sistemi ta' twissija bikrija li jiffunzjonaw tajjeb fl-aktar pajjiżi vulnerabbli u dawk l-inqas reżiljenti;

68.  Huwa tal-opinjoni li t-trasferiment ta' fondi bejn l-objettivi u għal prijoritajiet li qed jinbidlu fi ħdan strument jenħtieġ li jseħħ biss abbażi tal-ħtiġjiet reali tal-pajjiżi sħab, mingħajr ma jiġu kompromessi l-prinċipji u l-objettivi tal-istrument u b'involviment adegwat tal-awtorità ta' monitoraġġ; jitlob, b'mod partikolari, distinzjoni ċara bejn finanzjament eliġibbli għal ODA u finanzjament ieħor mhux eliġibbli għal ODA; jiċħad bil-qawwa kwalunkwe trasferiment ta' fondi allokati għal attivitajiet tad-DAC għal programmi li ma jistgħux jitqiesu bħala ODA; jenfasizza l-ħtieġa li dan jiġi ssalvagwardjat fil-miri tal-ODA fir-regolamenti tal-EFI;

69.  Hu tal-opinjoni li l-arkitettura ta' wara l-2020 tal-EFIs jenħtieġ li tinkludi numru ta' parametri referenzjarji u allokazzjoni delimitata stretta, kif ukoll l-integrazzjoni ta' impenji biex jiġu żgurati fondi suffiċjenti għal prijoritajiet ewlenin;

70.  Iqis li ħtiġijiet mhux previsti jenħtieġ li jiġu koperti minn riżerva ta' kontinġenza mdaqqsa fl-EFIs differenti, u li fondi mhux impenjati jew diżimpenjati relatati ma' sena partikolari jenħtieġ li jiġu trasferiti lir-riżerva ta' kontinġenza għas-sena ta' wara;

71.  Ifakkar il-ħtieġa li jinżamm strument robust u indipendenti għall-għajnuna umanitarja, kif mitlub mill-kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja; iqis li jenħtieġ li tinżamm riżerva separata speċifikament għal għajnuna umanitarja, u li l-baġit rilevanti jenħtieġ li jiżdied biex iqis il-fatt li r-riżerva tal-għajnuna umanitarja ġiet attivata b'mod kostanti matul il-perjodu kurrenti tal-QFP; ifakkar li, filwaqt li jirrikonoxxi ripetutament l-isforzi tal-Kummissjoni biex tirrispondi għall-isfidi dejjem akbar, il-Parlament enfasizza b'mod regolari l-ħtieġa biex jiżdied il-finanzjament għall-għajnuna umanitarja u insista fuq l-eliminazzjoni tad-diskrepanza dejjem akbar bejn l-impenji u l-ħlasijiet u fuq it-titjib tal-effettività u r-reattività tal-għajnuna umanitarja u dik għall-iżvilupp disponibbli taħt il-baġit tal-UE;

72.   Jenfasizza li kwalunkwe kisba f'termini ta' flessibbiltà u simplifikazzjoni finanzjarja jenħtieġ li ma tinkisibx a skapitu ta' anqas kapaċità ta' monitoraġġ u skrutinju min-naħa tal-koleġiżlatur, li xxekkel il-prinċipji tar-responsabbiltà u tat-trasparenza; jisħaq fuq il-ħtieġa għal trasparenza fil-kriterji tal-allokazzjoni tal-fondi u fil-fażijiet kollha ta' programmazzjoni; huwa tal-opinjoni li l-arkitetturi tal-EFI l-ġdida jenħtieġ li tkun flessibbli u moderna, filwaqt li tippermetti l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi u tipproduċi riżultati ta' żvilupp għall-pajjiżi sħab;

73.  Jisħaq fuq il-fatt li l-flessibbiltà finanzjarja fl-EFIs il-ġodda jenħtieġ li testendi wkoll għall-flessibbiltà fil-pajjiżi sabiex l-OSĊ, in-negozji u l-intraprendituri lokali jingħataw għotjiet żgħar fuq bażi diskrezzjonali; iqis li l-Kummissjoni jenħtieġ li tirrevedi r-rekwiżiti ta' awditu attwali tagħha fir-rigward tal-għajnuna għall-iżvilupp sabiex tippermetti profil ta' riskju akbar għal għotjiet fuq skala żgħira, u dawk fil-pajjiżi;

74.  Iqis li l-politika tal-iżvilupp u l-objettivi umanitarji jenħtieġ li la jiġu sottomessi għall-objettivi ta' sigurtà tal-pajjiżi donaturi u tal-UE jew għall-kontrolli fil-fruntieri u lanqas għall-ġestjoni tal-flussi tal-migrazzjoni; iqis, f'dan is-sens, li l-ODA jenħtieġ li tintuża primarjament biex jittaffa l-faqar u li l-azzjonijiet u l-programmi li huma allinjati unikament mal-interessi ta' sigurtà nazzjonali jenħtieġ għalhekk li ma jiġux iffinanzjati permezz tal-finanzjament tal-iżvilupp; iqis li, fl-istess ħin, jeħtieġ li tiġi appoġġjata r-reżiljenza tal-pajjiżi sħab bl-għan li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp sostenibbli;

75.  Iqis li, fil-QFP futur, in-nefqa għall-ilħuq tal-objettivi interni tal-UE taħt l-intestaturi tal-migrazzjoni, l-asil u s-sigurtà interna, minn naħa waħda, u immirati lejn l-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp, min-naħa l-oħra, iridu jinżammu separati; huwa tal-fehma li l-amalgamazzjoni ta' dawn iż-żewġ intestaturi distinti toħloq ir-riskju ta' aktar strumentalizzazzjoni tal-għajnuna mill-UE, inkluż billi din issir tiddependi fuq il-kooperazzjoni fil-qafas tal-migrazzjoni;

76.  Jipproponi, f'dan il-kuntest, sabiex ir-reżiljenza soċjetali u tal-istat tkompli tissaħħaħ permezz tal-għajnuna għall-iżvilupp, u li jiġu ddedikati aktar mezzi finanzjarji u politiċi għall-prevenzjoni tal-kunflitti, għat-tħejjija għal diżastri u għat-teħid ta' azzjoni bikrija kemm fid-dawl tal-kunflitti kif ukoll tad-diżastri naturali;

77.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex ma tibbażax l-allokazzjonijiet tal-finanzjament għall-pajjiżi sħab u l-modalitajiet ta' finanzjament fuq il-PDG biss, iżda fuq firxa wiesgħa ta' kriterji, filwaqt li tqis l-iżvilupp tal-bniedem, id-drittijiet tal-bniedem u l-livelli ta' inugwaljanza;

78.  Itenni t-talba tiegħu għall-ibbaġitjar tal-FEŻ bħala għodda ewlenija sabiex tiġi żgurata koerenza bejn l-iżvilupp u politiki oħra tal-UE u sabiex jissaħħaħ l-iskrutinju baġitarju tal-Parlament; itenni li l-ibbaġitjar tal-FEŻ iġib vantaġġi bħal leġittimità demokratika u skrutinju aktar b'saħħithom tal-istrument, u viżibbiltà u trasparenza mtejba, filwaqt li jwassal għal aktar ċarezza dwar l-infiq tal-UE f'dan il-qasam, kif ukoll żieda fl-effiċjenza u fl-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE; ifakkar li d-dibattiti parlamentari dwar il-politika ta' żvilupp jassisitu liċ-ċittadini fl-implimentazzjoni tal-infiq tal-UE fuq l-għajnuna għall-iżvilupp;

79.  Jissottolinja li l-ibbaġitjar tal-FEŻ jenħtieġ li jkun akkumpanjat b'garanziji li jipprevjenu kwalunkwe trasferiment tal-fondi FEŻ preċedenti lejn linji baġitarji oħra u li dan jenħtieġ li jqis kwalunkwe donatur ta' pajjiż terz; jissottolinja, barra minn hekk, li l-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika jenħtieġ li tibqa' barra mill-baġit tal-UE u fi ħdan il-qafas ta' strument iddedikat;

80.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ibbaġitjar tal-FEŻ jenħtieġ li jkun akkumpanjat b'żieda proporzjonali fil-limitu massimu miftiehem tal-baġit tal-UE, sabiex b'hekk dan la jwassal għal tnaqqis fl-impenn finanzjarju tal-UE għall-pajjiżi AKP u lanqas għal tnaqqis globali fl-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE fil-QFP ta' wara l-2020;

81.  Iqis li n-natura mifuħa tal-HAI wasslet għal riżultati pożittivi; jirrakkomanda, għalhekk, li jinżammu strumenti u baġits separati għall-azzjoni umanitarja u ta' żvilupp, filwaqt li jinżammu wkoll rabtiet b'saħħithom u strateġiċi bejn dawn iż-żewġ oqsma;

82.  Jenfasizza l-importanza li tiġi rinforzata l-leġittimità demokratika fl-arkitettura ta' wara l-2020 u l-ħtieġa li ssir reviżjoni tal-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jisħaq fuq il-fatt li f'din l-arkitettura l-ġdid ta' wara l-2020, il-koleġiżlaturi jenħtieġ li jingħataw is-setgħa li jeżerċitaw bis-sħiħ is-setgħa ta' skrutinju tagħhom kemm fil-livell legali kif ukoll f'dak politiku, fil-fażijiet tat-tfassil, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrumenti u l-programmi ta' implimentazzjoni tagħhom; jissottolinja li jrid jingħata biżżejjed żmien għal dan il-għan;

83.  Huwa tal-fehma li l-potenzjal għall-kooperazzjoni mal-Istati Membri fil-fażijiet tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi ta' żvilupp, b'mod partikolari permezz ta' programmazzjoni konġunta u abbażi ta' programmi ta' żvilupp nazzjonali u b'sinkronizzazzjoni magħhom, jenħtieġ li jiġi sfruttat bis-sħiħ;

84.  Jitlob valutazzjoni u reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-arkitettura ta' wara l-2020 tal-EFIs sabiex tkompli tittejjeb il-ġestjoni tagħhom, jiġu esplorati modi li bihom jinkisbu aktar koerenza u simplifikazzjoni, u jiġu żgurati rilevanza u allinjament kontinwi mal-prinċipji effettivi dwar l-iżvilupp; jitlob l-involviment tal-partijiet ikkonċernati f'dan l-eżerċizzju;

85.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)

ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1.

(3)

ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.

(4)

ĠU  L 347, 20.12.2013, p. 884.

(5)

ĠU L 58, 3.3.2015, p. 1.

(6)

ĠU L 58, 3.3.2015, p. 17.

(7)

ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44.

(8)

ĠU C 25, 30.1.2008, p. 1.

(9)

ĠU C 210, 30.6.2017, p. 1.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2016)0437.

(11)

Testi adottati, P8_TA(2016)0337.

(12)

ĠU C 86, 6.3.2018, p. 2.

(13)

ĠU C 208, 10.6.2016, p. 25.

(14)

ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44.

(15)

Rapport Speċjali, Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 15/2016 "Il-Kummissjoni mmaniġġjat b'mod effettiv l-Għajnuna umanitarja pprovduta lil popolazzjonijiet milquta minn kunflitti fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani?’," It-Tnejn, 4 ta' Lulju 2016.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (8.3.2018)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar l-implimentazzjoni tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument tal-Għajnuna Umanitarja u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp

(2017/2258(INI))

Rapporteur: Jordi Solé

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jiddispjaċih li l-kwantità u n-nuqqas ta' flessibbiltà u koerenza tal-finanzjament tal-UE taħt l-Intestatura 4 tal-QFP attwali kienu indikattivi tal-ambizzjoni limitata tal-Unjoni Ewropea li taġixxi bħala attur globali, b'mod partikolari fir-rigward tal-provvista ta' beni pubbliċi globali, l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp; ifakkar fil-ħtieġa għal programmazzjoni u prevedibbiltà fit-tul, li hija ta' importanza partikolari għall-għajnuna għall-iżvilupp;

2.  Ifakkar li l-baġit allokat għall-azzjoni esterna tal-UE ġie kontinwament mobilizzat u rinfurzat, bl-eżawriment tal-marġnijiet kollha disponibbli sabiex jiġi indirizzat l-għadd dejjem jiżdied ta' emerġenzi umanitarji u ta' tip ieħor fl-Ewropa kollha; jissottolinja l-ħtieġa ta' proċedura aktar flessibbli sabiex il-finanzjament ikun jista' jintuża b'mod aktar rapidu b'reazzjoni għal żviluppi u kriżijiet imprevisti; jisħaq, madankollu, li aktar flessibbiltà la jenħtieġ li tkun għad-detriment tal-effikaċja u tal-prevedibbiltà tal-għajnuna u lanqas tal-prijoritajiet ġeografiċi u tematiċi fit-tul;

3.  Ifakkar fil-ħtieġa ta' programmazzjoni u prevedibbiltà fit-tul, li hija ta' importanza partikolari għall-għajnuna għall-iżvilupp; jinnota, madankollu, l-enfasi insuffiċjenti fuq ir-riżultati kif ukoll il-livell inadegwat ta' monitoraġġ u evalwazzjoni tal istrumenti ta' finanzjament estern relatati mal-iżvilupp;

4.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi evitata kwalunkwe diskrepanza bejn l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għall-għajnuna umanitarja;

5.  Ifakkar li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u l-Istrument tal-Għajnuna Umanitarja huma kkaratterizzati minn eżekuzzjoni pożittiva tal-baġit u huma essenzjali biex juru solidarjetà internazzjonali, filwaqt li jikkontribwixxu għall-kredibbiltà tal-UE fix-xena globali; iqis li, irrispettivament minn bidliet jew fużjonijiet strutturali possibbli fir-rigward ta' dawn l-istrumenti, inkluża l-inklużjoni possibbli tal-FEŻ fil-baġit, l-approprjazzjonijiet globali tal-QFP li jmiss jenħtieġ li jiżdiedu, filwaqt li jenħtieġ li ma jiddgħajfux il-kriterji għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA), u li l-arkitettura futura tal-istrumenti ta' finanzjament estern jenħtieġ li tinkludi inkorporazzjoni aktar trasparenti tal-fondi fiduċjarji u tal-faċilitajiet, iggwidata mill-prinċipji ewlenin ta' sjieda demokratika u l-effikaċja tal-iżvilupp, kif ukoll il-possibbiltà li jitkompla l-Pjan ta' Investiment Estern abbażi ta' evalwazzjoni li turi kemm l-addizzjonalità tal-iżvilupp kif ukoll l-impatt soċjali, ambjentali u fuq id-drittijiet tal-bniedem tagħha;

6.  Jenfasizza l-importanza li l-assistenza minn fondi pubbliċi tiġi kkomplementata minn strumenti flessibbli u adattabbli li jafu jwasslu għall-investiment privat f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

7.  Ifakkar fil-ħtieġa li jinżamm strument robust u indipendenti għall-għajnuna umanitarja, kif mitlub mill-kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja;

8.  Jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-koerenza u s-sinerġiji bejn l-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja; iqis li għajnuna għall-iżvilupp li tkun ġestita u użata sewwa hija element importanti fit-tisħiħ tal kapaċità tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jindirizzaw aħjar il-kriżijiet umanitarji;

9.  Ifakkar fl-importanza ta' dawn l-istrumenti għall-provvista ta' beni pubbliċi globali u għall-indirizzar tal-isfidi globali, bħal ma huma l-iżvilupp tal-bniedem, l-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni tal-kunflitti, l-appoġġ għall-paċi u l-istabbiltà, il-migrazzjoni u l-asil u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs); jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq l-obbligu li l-qafas baġitarju tal-UE jiġi allinjat mal-SDGs;

10.  Jinnota r-rwol potenzjali tal-ODA sabiex tiffaċilita l-mobilizzazzjoni tal-finanzjament għall-iżvilupp minn sorsi oħrajn, kemm pubbliċi kif ukoll privati, nazzjonali u internazzjonali; jappoġġa l-isforzi tal-UE sabiex tistimula l-investiment privat permezz ta' taħlita ta' għotjiet u self u billi tagħti garanziji;

11.  Iqis li huwa essenzjali li l-ħarsien ambjentali u l-opportunitajiet li joffru dawn il-politiki ambjentali jiġu inklużi b'mod trasversali u intersettorjali fil-politiki kollha tal-iżvilupp;

12.  Iqis li l-politika ta' żvilupp jenħtieġ li tikkomplementa l-politika barranija u l-ġestjoni tal-migrazzjoni tal-UE, filwaqt li tiggarantixxi li l-finanzjament għall-iżvilupp jenħtieġ li jintuża biss għall objettivi u l-finijiet relatati mal-iżvilupp; jindika, f'dan il-kuntest, li l-ODA jenħtieġ li ma tintużax sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tar-rifuġjati fil-pajjiżi donaturi, l-esternalizzazzjoni tal-politiki dwar il-migrazzjoni barra l-fruntieri tal-UE jew l-ispejjeż tar-ritorni u tar-riammissjonijiet fil-pajjiżi ta' oriġini;

13.  Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, kif ukoll li jiġu rrispettati l-prinċipji ta' Busan rigward l-effikaċja tal-iżvilupp, kif ukoll jiġu promossi l-koordinament tad-donaturi u l-programmazzjoni konġunta mal-Istati Membri; jirrimarka li l-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha titwettaq b'tali mod li tqis ix-xewqat tal-pajjiżi u tal-popolazzjonijiet li jeħtiġuha, li b'hekk tiżgura l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u li jassumu r-responsabbiltà tal-applikazzjoni trasparenti u effiċjenti tagħha;

14.  Jiddispjaċih għall-fatt li ma sarx progress biżżejjed f'termini tal-integrazzjoni tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi; barra minn hekk, iħeġġeġ biex l-impenji tal-ftehim ta' Pariġi dwar il-klima jiġu riflessi bis-sħiħ fl-istrumenti u l-programmi futuri, akkumpanjati minn monitoraġġ adegwat; iqis, madankollu, li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jenħtieġ li jkollha rwol dejjem aktar importanti fil-kuntest tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

15.  Jilqa' l-allinjament aktar mill-qrib mal-prijoritajiet tal-pajjiżi riċevituri, u jħeġġeġ li jkun hemm inqas frammentazzjoni tal-programmi tematiċi;

16.  Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' riżorsi umani adegwati fis-sede ċentrali u fid-delegazzjonijiet tal-UE, kemm f'termini ta' numri kif ukoll f'għarfien espert fl-iżvilupp u fl-għajnuna umanitarja.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

8.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

3

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, Manuel dos Santos, André Elissen, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, John Howarth, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Urmas Paet, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Xabier Benito Ziluaga, Heidi Hautala, Andrey Novakov, Stanisław Ożóg, Marie-Pierre Vieu, Rainer Wieland

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Michael Detjen, Norbert Lins

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

26

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Gérard Deprez, Urmas Paet

ECR

Stanisław Ożóg

PPE

Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Monika Hohlmeier, Norbert Lins, Andrey Novakov, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Rainer Wieland

S&D

Michael Detjen, Eider Gardiazabal Rubial, Iris Hoffmann, John Howarth, Vladimír Maňka, Isabelle Thomas, Daniele Viotti, Manuel dos Santos

Verts/ALE

Heidi Hautala, Indrek Tarand

3

-

ENF

André Elissen, Marco Zanni

NI

Eleftherios Synadinos

3

0

ECR

Bernd Kölmel

GUE/NGL

Xabier Benito Ziluaga, Marie-Pierre Vieu

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Mireille D’Ornano, Nirj Deva, Charles Goerens, Enrique Guerrero Salom, Maria Heubuch, György Hölvényi, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Linda McAvan, Norbert Neuser, Vincent Peillon, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Eleni Theocharous, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Cécile Kashetu Kyenge, Maria Noichl, Adam Szejnfeld, Rainer Wieland


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

25

+

ALDE

Beatriz Becerra Basterrechea, Charles Goerens, Paavo Väyrynen

ECR

Nirj Deva, Eleni Theocharous

EFDD

Ignazio Corrao, Mireille D'Ornano

GUE/NGL

Stelios Kouloglou, Lola Sánchez Caldentey

PPE

Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, György Hölvényi, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Cristian Dan Preda, Adam Szejnfeld, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland

S&D

Enrique Guerrero Salom, Cécile Kashetu Kyenge, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maria Noichl, Vincent Peillon, Elly Schlein

ĦODOR/AĦE

Maria Heubuch

0

-

 

 

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' April 2018Avviż legali