Proċedura : 2017/2139(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0122/2018

Testi mressqa :

A8-0122/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.21

Testi adottati :

P8_TA(2018)0126

RAPPORT     
PDF 670kWORD 67k
27.3.2018
PE 612.024v01-00 A8-0122/2018

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

(2017/2139(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Ingeborg Gräßle

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

(2017/2139(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 (2017)0356 – C8-0250/2017)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0122/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

(2017/2139(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0122/2018),

1.  Jinnota li fir-Rapport Annwali tagħha 2016, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE);

2.  Jinnota l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2016 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;

3.  Jilqa' l-ġestjoni finanzjarja kumplessivament prudenti u soda tal-QtĠ-UE fil-perjodu tal-baġit tal-2016; jesprimi appoġġ għall-bidla fundamentali lejn ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni fl-ippjanar tal-baġit tal-Kummissjoni, introdotta f'Settembru 2015 mill-Viċi President Kristalina Georgieva bħala parti mill-inizjattiva "Baġit tal-UE ffukat fuq ir-Riżultati"; iħeġġeġ lill-QtĠ-UE tapplika l-metodu għall-proċedura ta' ppjanar tal-baġit tagħha stess;

4.  Jinnota li, skont il-proċedura ta' kwittanza attwali, il-QTĠ-UE tippreżenta r-rapporti ta' attività annwali lill-Qorti tal-Awdituri f'Ġunju, il-Qorti tal-Awdituri mbagħad tippreżenta r-rapport tagħha lill-Parlament f'Ottubru, u sa Mejju ssir votazzjoni dwar il-kwittanza mill-Parlament fis-sessjoni plenarja; jinnota li, sakemm il-kwittanza ma tiġix differita, jgħaddu mill-inqas 17-il xahar bejn l-għeluq tal-kontijiet annwali u l-għeluq tal-proċedura ta' kwittanza; jirrimarka li l-awditjar fis-settur privat isegwi skeda ta' żmien ħafna iqsar; jenfasizza li l-proċedura ta' kwittanza jeħtiġilha tiġi ssimplifikata u mħaffa; jitlob lill-QtĠ-UE u lill-Qorti tal-Awdituri jsegwu l-aħjar prattika fis-settur privat; jipproponi, f'dan ir-rigward, li l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta' rapporti ta' attività annwali tkun il-31 ta' Marzu tas-sena li tiġi wara s-sena kontabilistika u dik għall-preżentazzjoni tar-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri tkun l-1 ta' Lulju; jipproponi wkoll li jsir rieżami tal-iskeda taż-żmien għall-proċedura ta' kwittanza kif stabbilita fl-Artikolu 5 tal-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament sabiex il-votazzjoni dwar il-kwittanza ssir fis-sessjoni parzjali tal-Parlament f'Novembru, biex b'hekk tagħlaq il-proċedura ta' kwittanza matul is-sena ta' wara s-sena kontabilistika inkwistjoni;

5.  Jinnota li fl-2016, il-QtĠ-UE kellha approprjazzjonijiet li jammontaw għal EUR 380 002 000 (meta fl-2015 dawk kienu jammontaw għal EUR 357 062 000) u li r-rata ta' implimentazzjoni kienet ta' 98,2 %; jirrikonoxxi r-rata għolja ta' użu; jinnota, madankollu, tnaqqis żgħir meta mqabbel mas-snin preċedenti;

6.  Jinnota li d-dħul stmat tal-QtĠ-UE għas-sena finanzjarja 2016 kien jammonta għal EUR 51 505 000 filwaqt li l-intitolamenti stabbiliti kienu 3,1 % inqas minn dak stmat (EUR 49 886 228); jinnota li d-differenza ta' EUR 1,62 miljun hija prinċipalment dovuta għal wasla tard fl-2016 ta' 16 minn 19-il imħallef addizzjonali fil-Qorti Ġenerali;

7.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja konsistentement tistima b'aktar l-impenji tagħha għal missjonijiet, fejn fl-2016 impenjat EUR 342 000 meta l-pagamenti kienu EUR 157 974 biss; jistieden lill-QtĠ-UE biex tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba sabiex tevita diskrepanza simili fil-futur;

8.  Jinnota li l-baġit tal-QtĠ-UE huwa fil-biċċa l-kbira amministrattiv: 75 % minnu jintuża għal infiq relatat mal-persuni li jaħdmu fi ħdan l-istituzzjoni waqt li l-bqija jintuża għall-bini, l-għamara, it-tagħmir u l-funzjonijiet speċjali mwettqa mill-istituzzjoni; jinnota li, wara t-talba tal-Parlament, il-QtĠ-UE talbet lis-servizzi amministrattivi tagħha jintroduċu l-prinċipju tal-ibbaġitjar ibbażat fuq ir-riżultati fil-qasam ta' attività tagħhom; jitlob lill-QtĠ-UE tkompli tapplika dan il-prinċipju fl-operazzjonijiet amministrattivi ta' kuljum tagħha, u biex tirrapporta lura lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-esperjenzi tagħha, u r-riżultati miksuba;

9.  Jilqa' l-intenzjoni tal-QtĠ-UE li tfassal rapport dwar il-funzjonament tal-Qorti Ġenerali sas-26 ta' Diċembru 2020, il-fatt li ser ikun involut konsulent estern, u li r-rapport ser jiġi ppreżentat lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni;

10.  Jieħu att tal-attività ġudizzjarja tal-QtĠ-UE fl-2016, fejn kien hemm 1604 kawżi mressqa quddiem it-tliet qrati u 1628 kawża magħluqa dik is-sena, li huwa numru inferjuri għal dak tal-2015 fejn ingħalqu 1775 kawża; jinnota wkoll li t-tul medju tal-proċedimenti kien ta' 16,7 xahar, jiġifieri ftit itwal minn dak tal-2015 (16,1 xahar); jilqa' l-fatt li minħabba r-riforma tal-QtĠ-UE ż-żmien medju meħud biex tiġi deċiża kawża fl-2017 kien ta' 16-il xahar; ifakkar fil-ħtieġa li jkunu garantiti l-kwalità u l-ħeffa tad-deċiżjonijiet tal-QtĠ-UE, sabiex tiġi evitata kwalunkwe nefqa sinifikanti għall-partijiet ikkonċernati minħabba t-tul ta' żmien eċċessiv meħud; itenni l-importanza tat-tnaqqis tal-lista ta' kawżi pendenti sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni;

11.  Jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja għalqet 704 kawża fl-2016 (imqabbla ma' 616-il kawża magħluqa fl-2015) u tressqu quddiemha 692 kawża ġdida (imqabbla ma' 713-il kawża fl-2015), b'żieda fil-kawżi għal deċiżjonijiet preliminari u appelli;

12.  Jinnota li fl-2016, il-Qorti Ġenerali rċeviet 974 kawża ġdida (imqabbla ma' 831 fl-2015) u ttrattat 755 kawża (imqabbla ma' 987 fl-2015), b'żieda fl-għadd ta' kawżi pendenti meta mqabbla mas-snin preċedenti;

13.  Jirrikonoxxi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku baqa' jeżisti biss sal-1 ta' Settembru 2016, u għalhekk l-attività tiegħu trid titqies matul perjodu ta' tmien xhur biss; jinnota li t-Tribunal għalaq169 kawża u kellu 77 kawża ġdida, bi tnaqqis konsiderevoli fl-għadd ta' kawżi pendenti (mqabbla ma' 231 fl-2015 u 139 fl-2016); jilqa' l-informazzjoni inkluża fil-proposti tal-QtĠ-UE dwar ir-riforma tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li inkludiet valutazzjoni tal-funzjonament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ippreżentata fil-Parlament fl-2011 u fl-2014 u ppreżentata bħala anness mat-tweġiba għall-kwestjonarju tal-kwittanza għall-2016; itenni l-appell tiegħu għal valutazzjoni dettaljata tal-funzjonament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fuq l-għaxar snin tal-eżistenza tiegħu;

14.  Jinnota l-fatt li l-2015 kienet is-sena tal-adozzjoni tar-riforma tal-arkitettura ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja, li kienet akkumpanjata mill-iżvilupp ta' regoli ta' proċedura ġodda għall-Qorti Ġenerali; jifhem li, minħabba li l-għadd ta' mħallfin qed jirdoppja fi proċess ta' tliet stadji li jestendi sal-2019, ir-riforma se tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tkompli tittratta ż-żieda fl-għadd tal-kawżi; jistenna bil-ħerqa li jara l-kisbiet ta' dik ir-riforma fil-kapaċità tal-Qorti tal-Ġustizzja li tittratta l-kawżi fi żmien raġonevoli u fl-osservanza tar-rekwiżiti ta' smigħ xieraq;

15.  Jinnota li fl-2016, wara r-riforma tal-arkitettura ġudizzjarja tal-QtĠ-UE, il-kawżi tal-persunal kienu t-tielet l-aktar tip komuni ta' proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali; jistieden lill-QtĠ-UE tkompli tipprovdi statistika dwar l-attivitajiet ġudizzjarji tagħha;

16.  Jieħu att tat-tnaqqis ġenerali fit-tul tal-proċedimenti fl-2016, innotat mill-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 14/2017(6) b'medja ta' 0,9 xahar fil-Qorti tal-Ġustizzja u 1,9 xahar fil-Qorti Ġenerali meta mqabbel mal-2015; jieħu att tal-azzjonijiet organizzattivi u proċedurali meħuda mill-QtĠ-UE biex ittejjeb l-effiċjenza tagħha u jistieden lill-QtĠ-UE biex tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura l-kontinwazzjoni ta' xejra 'l isfel b'tali mod li l-każijiet kollha jiġu konklużi fi żmien raġonevoli; jinnota bi tħassib li wieħed mill-aktar fatturi frekwenti li jolqot il-perjodu tat-trattament tal-kawżi huma l-btajjel ġudizzjarji; jinnota li kien hemm 14-il ġimgħa ta' btajjel ġudizzjarji fl-2016;

17.  Jieħu att tad-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri u ex-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxi regoli li jirriflettu diversi punti ta' tħassib tal-Parlament rigward id-dikjarazzjonijiet ta' interess u l-attivitajiet esterni; jappoġġja d-deċiżjoni tal-QtĠ-UE li jitwaqqfu regoli dwar il-fenomenu ta' "bibien iduru" fl-2018;

18.  Jitlob li l-QtĠ-UE tintroduċi approċċ abbażi tal-prestazzjoni aktar immirat fir-rigward tal-attivitajiet esterni tal-imħallfin għad-disseminazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-kriterju użat jidher pjuttost ġenerali u l-effetti ta' dawn l-attivitajiet mhumiex imkejla b'mod ċar;

19.  Itenni l-appell tiegħu għal livell ogħla ta' trasparenza fir-rigward tal-attivitajiet esterni ta' kull imħallef; jistieden lill-QtĠ-UE tagħti informazzjoni dwar karigi u attivitajiet esterni mħallsa oħra tal-imħallfin fuq is-sit web tagħha u fir-rapport dwar l-attività annwali tagħha, inkluż l-isem tal-avveniment, il-post, ir-rwol tal-imħallfin ikkonċernati, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza u jekk dawn kinux tħallsu mill-QtĠ-UE jew minn parti terza;

20.  Iħeġġeġ lill-QtĠ-UE tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri kollha tal-QtĠ-UE, fejn jiġu elenkati s-sħubiji ta' kwalunkwe organizzazzjoni oħra;

21.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' regoli dwar il-fenomenu "bibien iduru" u jħeġġeġ lill-QtĠ-UE tistabbilixxi u timplimenta obbligi stretti f'dan ir-rigward;

22.  Huwa tal-fehma li l-QtĠ-UE għandha tikkunsidra tipproduċi l-minuti tal-laqgħat ma' lobbyists, assoċjazzjonijiet professjonali u atturi tas-soċjetà ċivili, meta dan ma jikkompromettix il-kunfidenzjalità ta' kawżi li għadhom għaddejjin;

23.  Jitlob lill-QtĠ-UE tippubblika l-laqgħat ma' assoċjazzjonijiet professjonali kif ukoll ma' aġenti li jirrappreżentaw l-Istati Membri;

24.  Jiddeplora n-nuqqas ta' sforz mill-Istati Membri biex jinkiseb bilanċ bejn is-sessi f'pożizzjonijiet ta' responsabilità għolja, u jinnota li l-Parlament u l-Kunsill stabbilew, fost l-għanijiet tagħhom, ir-rappreżentazzjoni bilanċjata tas-sessi fil-ħatra ta' mħallfin ġodda fil-Qorti Ġenerali (sal-lum, ħames imħallfin nisa u żewġ avukati ġenerali nisa huma parti mill-organigramma tal-Qorti tal-Ġustizzja u għaxar imħallfin nisa huma parti mill-organigramma tal-Qorti Ġenerali). iqis li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu rappreżentattivi taċ-ċittadini tagħhom; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-għan stabbilit mill-Parlament u mill-Kunsill.

25.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ma kellhiex aċċess għal ċerti dokumenti rilevanti għall-awditjar tar-rieżami tal-prestazzjoni tal-QtĠ-UE(7); jistieden lill-QtĠ-UE biex tkompli taħdem mal-Qorti tal-Awdituri u tagħtiha aċċess għad-dokumenti kollha li jkollha bżonn biex twettaq l-awditjar tagħha dment li dan ma jmurx kontra l-obbligu li tinżamm is-segretezza tal-proċess deliberattiv;

26.  Huwa konxju li r-rwol tar-référendaires huwa li dawn jassistu lill-membri tal-Qorti fl-eżaminar ta' kawżi u l-abbozzar ta' dokumenti legali taħt is-superviżjoni tagħhom, bħal sentenzi, digrieti, konklużjonijiet u memoranda; jinnota li r-regoli dwar il-kondotta tagħhom ġew adottati mill-QtĠ-UE fl-2009; jinnota wkoll li r-référendaires jintgħażlu mill-membri li huma ser jaħdmu għalihom u li jeżistu kriterji minimi għar-reklutaġġ; jappella lill-QtĠ-UE biex timplimenta politika li tippermetti allokazzjoni aktar flessibbli tar-référendaires eżistenti biex tgħin fil-mitigazzjoni ta' problemi relatati mal-ġestjoni ta' riżorsi jew kwistjonijiet organizzattivi(8);

27.  Jinnota bi tħassib li l-QtĠ-UE ma setgħetx tevalwa l-kapaċità ta' ġestjoni tal-kawżi tal-imħallfin u tar-référendaires peress li l-QtĠ-UE ma tiġbor l-ebda informazzjoni dwar l-ammont ta' ħin li mħallef jew référendaire jieħu fuq kawża partikolari; jinnota li ser jitwettaq studju sabiex jiġi evalwat kemm l-introduzzjoni ta' sistema għall-monitoraġġ tal-użu tar-riżorsi tista' tipprovdi data utli; jistieden lill-QtĠ-UE tippreżenta r-riżultati tal-istudju lill-Parlament;

28.  Iqis li t-tweġiba mogħtija mill-QtĠ-UE għall-mistoqsija tal-Parlament (Mistoqsija Nru 50) dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti mhijiex sodisfaċenti; jitlob lill-QtĠ-UE tikkunsidra sistema ta' monitoraġġ sabiex jiġu kkalkolati l-ispejjeż ta' kull kawża;

29.  Jieħu att tal-monitoraġġ kostanti tal-iżvilupp tax-xogħol b'lura u dewmien potenzjali fi ħdan l-awli; jiddispjaċih li l-QtĠ-UE ma tatx data lill-Parlament dwar in-nuqqas ta' konformità mal-iskedi ta' żmien indikattivi minħabba li tikkonċerna l-organizzazzjoni interna tal-qrati;

30.  Huwa mħasseb li l-ilqugħ u l-ipproċessar ta' atti proċedurali mir-reġistru huwa l-aktar fattur frekwenti li jaffettwa t-tul tal-proċedura bil-miktub fil-Qorti Ġenerali(9); jinnota li l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali huma kkaratterizzati mill-volum tal-atti; jappella lill-Qorti Ġenerali biex tkompli timmonitorja l-għadd u l-kumplessità tal-kawżi sabiex jiġi żgurat li r-reġistru jkollu riżorsi suffiċjenti;

31.  Jissottolinja r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 14/2017 li l-prestazzjoni tiġi mkejla fuq bażi ta' każ b'każ b'referenza għal żmien speċifiku, filwaqt li jitqiesu r-riżorsi effettivament użati;

32.  Jinnota li wara r-riforma tal-istruttura ġudizzjarja tal-QtĠ-UE, l-allokazzjoni tal-imħallfin għall-awli qed ssir skont l-ammont ta' kawżi f'oqsma differenti; jixtieq ikun jaf kif issir din l-allokazzjoni u jekk hemmx awli speċjalizzati għal ċerti oqsma, u jitlob analiżi dwar kif l-allokazzjoni taffettwa l-veloċità li biha l-kawżi huma ttrattati;

33.  Jieħu att tal-proċess għall-assenjazzjoni tal-kawżi riferuti lill-Qrati; jinnota li fl-2016, bħas-snin preċedenti, madwar 40 % tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali kienu assenjati barra mis-sistema ta' rotazzjoni, u dan il-fatt iqajjem dubji dwar is-sistema nnifisha; jitlob lill-QtĠ-UE tipprovdi regoli li jistipulaw il-proċedura ta' assenjazzjoni fiż-żewġ Qrati;

34.  Jinnota li għadd sinifikanti ta' kawżi jinvolvu kwistjonijiet ta' proprjetà intellettwali; iħeġġeġ lill-QtĠ-UE tanalizza modi biex tissimplifika l-proċeduri għal dawn il-kawżi u tikkunsidra analiżi minn qabel mis-servizzi tagħha ta' riċerka u dokumentazzjoni;

35.  Josserva li l-QtĠ-UE qed tkompli tikkonforma mal-ftehim interistituzzjonali li tnaqqas il-persunal b'5 % matul il-perjodu ta' ħames snin, minkejja l-ħolqien ta' 137 post ġdid relatati maż-żieda fl-għadd ta' mħallfin u avukati ġenerali;

36.  Jieħu att tar-rata għolja ta' okkupazzjoni ta' karigi (kważi 98 %) minkejja r-rata għolja ta' tibdil tal-persunal; jieħu att tad-diffikultajiet iddikjarati mill-QtĠ-UE biex tirrekluta persunal permanenti fil-gradi tad-dħul; jitlob li jkun hemm evalwazzjoni mill-QtĠ-UE dwar ir-raġunijiet tar-rata għolja ta' tibdil tal-persunal u l-miżuri stabbiliti jew dawk maħsuba li jiddaħħlu fis-seħħ biex titjieb is-sitwazzjoni;

37.  Jirrikonoxxi l-azzjonijiet tal-QtĠ-UE meħuda fl-2016 biex jitjieb il-bilanċ bejn is-sessi f'karigi ta' maniġment medju u għoli, iżda jissottolinja l-importanza li jinżamm l-għan ta' titjib f'din il-kwistjoni; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-iżbilanċ ġeografiku fil-livell maniġerjali medju u għoli u, f'dan ir-rigward ukoll, jappella lill-QtĠ-UE biex tipprova ttejjeb is-sitwazzjoni;

38.  Jinnota li l-QtĠ-UE offriet 245 traineeship fl-2016; jiddispjaċih li 188 traineeship fil-Kabinetti ma kinux remunerati; jistieden lill-QtĠ-UE ssib soluzzjoni biex tipprovdi remunerazzjoni diċenti lit-trainees kollha li jaħdmu fl-istituzzjoni bil-għan li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs;

39.  Jilqa' l-iskambju tal-persunal tal-QtĠ-UE mal-Bank Ċentrali Ewropew u l-proġett biex jiġi stabbilit qafas ta' skambji għall-ġuristi lingwisti bejn id-diversi istituzzjonijiet;

40.  Jilqa' l-kooperazzjoni mas-servizzi ta' interpretazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Parlament fi ħdan il-Kumitat Interistituzzjonali tat-Traduzzjoni u l-Interpretazzjoni (ICTI);

41.  Jinnota b'apprezzament li l-QtĠ-UE saret membru sħiħ tal-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar Indikaturi Interistituzzjonali Ewlenin tal-Attività u tal-Prestazzjoni u kopriet l-ispejjeż tat-traduzzjoni skont il-metodoloġija armonizzata maqbula fi ħdan il-grupp ta' ħidma;

42.  Jieħu att tal-investiment tal-QtĠ-UE f'għodod tal-IT biex ittejjeb il-ġestjoni tal-kawżi; jitlob lill-QtĠ-UE tipprovdi informazzjoni finanzjarja dettaljata li tkun kwantitattiva u kwalitattiva dwar proġetti tal-IT fi ħdan il-QtĠ-UE sa mill-2014; jappella lill-QtĠ-UE biex tiżviluppa sistema tal-IT kompletament integrata biex tappoġġja l-ġestjoni ta' kawżi;

43.  Jirrimarka t-tkabbir kostanti tal-okkorrenzi ta' aċċess għall-applikazzjoni "e-Curia" (għadd ta' kontijiet ta' aċċess: 3 599 fl-2016, meta mqabbla ma' 2 914 fl-2015) u l-fatt li fl-2016 l-Istati Membri kollha użaw "e-Curia", li juri li l-għarfien pubbliku dwar l-eżistenza u l-vantaġġi ta' din l-applikazzjoni żdied;

44.  Jistieden lill-QtĠ-UE ttejjeb l-attivitajiet ta' komunikazzjonijiet tagħha sabiex issir aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni, pereżempju billi torganizza seminars ta' taħriġ għall-ġurnalisti jew tiżviluppa prodotti ta' komunikazzjoni dwar l-attività tagħha b'approċċ aktar iffukat fuq iċ-ċittadin; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-QtĠ-UE ħadet id-deċiżjoni li taġġorna s-sit web tagħha sabiex tkun aktar faċli għall-utent u jitlob il-QtĠ-UE tagħmel sforzi biex ittejjeb il-bażi ta' data tagħha billi ssir aktar ċentrata fuq l-utenti; jirrikonoxxi l-isforzi tal-QtĠ-UE fir-rigward tal-kanali ta' komunikazzjoni online u jħeġġiġha biex tkompli b' din il-ħidma siewja;

45.  Jinnota li l-QtĠ-UE segwiet b'mod gradwali r-rakkomandazzjoni tal-Parlament fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2015 dwar l-użu ta' vetturi uffiċjali ; iqis li l-azzjonijiet meħuda għar-razzjonalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-flotta huma passi fid-direzzjoni t-tajba; jilqa' s-sejħa għall-offerti interistituzzjonali l-ġdida għall-kiri tal-karozzi, li tnediet fl-2016 bl-għan li tipprovdi tfaddil ekonomiku f'dan ir-rigward; jinnota bi tħassib li, fl-2016, 21 titjira ġew irranġati bi spiża ta' EUR 3 998,97 biex is-sewwieqa jintbagħtu fuq missjoni mal-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-Istati Membri rispettivi ta' dawk il-membri;

46.  Jilqa' l-impenn tal-QtĠ-UE lejn miri ambjentali ambizzjużi, u jitlob li dawn l-għanijiet jintlaħqu fi żmien xieraq; jinkoraġġixxi lill-istituzzjoni tapplika l-prinċipji ta' akkwist pubbliku ekoloġiku u jitlob li jiġu stabbiliti regoli u baġit suffiċjenti għall-kumpens għall-emissjonijiet tal-karbonju;

47.  Jieħu att tal-informazzjoni dettaljata dwar il-politika tal-binjiet, b'mod partikolari rigward il-kostruzzjoni tal-ħames estensjoni tal-kumpless ta' binjiet attwali;

48.  Jieħu att tal-esperjenza ulterjuri miksuba fir-rigward tal-uffiċċji fi spazju miftuħ; huwa mħasseb dwar il-fatt li vantaġġi bħat-tnaqqis ta' bżonn ta' spazju u kisbiet f'termini ta' komunikazzjoni aktar faċli u aktar flessibbiltà jistgħu jiġu annullati mit-telf ta' kunfidenzjalità, restrizzjonijiet fuq xogħol fuq fajls li jeħtieġu konċentrazzjoni għolja u telf ta' privatezza; Jappella lill-QtĠ-UE biex tevalwa l-effetti pożittivi u negattivi fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol, filwaqt li tieħu kont tal-ħtiġijiet tal-persunal, u biex tinforma lill-Parlament dwar ir-riżultat ta' din l-evalwazzjoni;

49.  Jilqa' l-adozzjoni mill-QtĠ-UE tal-linji gwida fuq l-informazzjoni għall-informaturi u l-protezzjoni tagħhom fil-bidu tal-2016, u jfakkar li l-protezzjoni tal-informaturi hija kwistjoni li trid titqies b'mod serju fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, li għandha dejjem tingħata attenzjoni partikolari. jistieden lill-QtĠ-UE biex tħeġġeġ lill-persunal tagħha jiffamiljarizza ruħu mal-linji gwida tal-2016, filwaqt li tissottolinja r-rwol kruċjali tal-informaturi li jikxfu l-għemil ħażin; jistieden lill-QtĠ-UE biex tħeġġeġ lill-persunal tagħha biex jieħu vantaġġ mil-linji gwida tal-2016 f'każijiet xierqa; jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi fi żmien debitu dettalji dwar il-każijiet ta' informaturi, kif ġew trattati u riżolti;

50.  Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp indipendenti ta' żvelar, konsulenza u riferiment li jkollu riżorsi baġitarji suffiċjenti, bil-għan li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jagħtihom l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa;

51.  Jinnota li n-nomina tal-Membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 253 tat-TFUE; jirrileva li, għall-prestazzjoni tal-QtĠ-UE, huwa importanti li n-nomina u l-ħatra tal-imħallfin isiru f'waqthom; jitlob regola ġdida li tistabbilixxi skadenza speċifika għan-nomina (jew ir-rinomina) ta' mħallef sew qabel tmiem il-mandat tiegħu, u jistieden lill-Kunsill biex jikkunsidra l-ispejjeż mal-benefiċċji fil-ħatra ta' mħallfin ġodda tal-QtĠ-UE; jikkritika n-nomina irregolari, mingħajr sejħa għall-applikazzjonijiet, ta' żewġ imħallfin għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għal mandat li, barra minn hekk, dam biss mill-14 ta' April 2016 sal-31 ta' Awwissu 2016;

52.  Jinnota li wieħed minn żewġ imħallfin għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li nħatru fl-1 ta' April sal-31 ta' Awwissu 2016 tħallas allowance għall-installazzjoni (EUR 18 962,25) f'konformità mal-Artikolu 4(a) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/300(10), spejjeż tal-ivvjaġġar (EUR 493,10) skont l-Artikolu 4(c) ta' dak ir-Regolament, u spejjeż ta' ġarr (EUR 2 972,91) skont l-Artikolu 4(d) tiegħu; jinnota, barra minn hekk, li l-istess imħallef tħallas allowance tranżizzjonali għal sitt xhur li ammontat għal EUR 47 070 sal-aħħar tal-mandat; jieħu att b'dispjaċir tal-ispejjeż assoċjati ma' wieħed minn dawk l-imħallfin li beda u temm "il-mandat ta' 4 xhur" tiegħu li ammonta għal EUR 69 498,25, barra mis-salarju li rċieva l-imħallef; jistieden lill-QtĠ-UE teżamina jekk it-tul tal-mandat huwiex proporzjonali għall-allowances imsemmija hawn fuq meta jinħatru mħallfin fil-futur; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra mill-ġdid il-kundizzjonijiet u l-ammonti ta' dawn l-allowances u jirrevedi r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/300 kif xieraq; jikkundanna din il-ħela ta' flus il-kontribwenti tal-Unjoni;

53.  Jinnota, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell, sentenza tat-23 ta' Jannar 2018 fil-Kawża T-639/16 P)(11) ikkunsidrat li t-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, ikkostitwita biex tinkludi wieħed mill-imħallfin b'mandat "ta' 4 xhur" kienet irregolari, li b'hekk invalidat id-deċiżjoni li għaliha tirreferi s-sentenza msemmija kif ukoll kull deċiżjoni ulterjuri tat-Tieni Awla f'dik il-kompożizzjoni; jistaqsi lill-QtĠ-UE liema deċiżjonijiet tat-Tieni Awla f'dik il-kompożizzjoni huma affettwati mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali; jesiġi li l-Kunsill jikkummenta dwar dan il-falliment u jikkjarifika min hu responsabbli għalih.

54.  Jistieden lill-QtĠ-UE tikkunsidra testendi l-lingwi tad-deliberazzjoni tal-QtĠ-UE, b'mod partikolari tal-Qorti Ġenerali, għal lingwi oħra li mhumiex il-Franċiż; jilqa' t-talba tal-President tal-Qorti Ġenerali fi Frar 2016 għal valutazzjoni tal-impatt ta' bidla fil-lingwa tad-deliberazzjoni li għadha ma ġietx iffinalizzata;

55.  Jiddispjaċih għad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea; josserva li, f'dan il-waqt, ma tista' ssir l-ebda previżjoni tal-konsegwenzi finanzjarji, amministrattivi, umani u oħrajn relatati mal-ħruġ, jitlob lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt u jinformaw lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultati sa tmiem l-2018.

25.1.2018

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja

(2017/2139(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Pavel Svoboda

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrimarka li l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 tirrappreżenta rata għolja ħafna ta' użu ta' approprjazzjoni finali (98,23 %), anke jekk kemmxejn aktar baxxa mir-rata tal-2015 (99,1 %), l-aktar minħabba l-wasla gradwali fl-2016 ta' 12-il Imħallef ġdid fil-Qorti Ġenerali;

2.  Jenfasizza li l-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa purament amministrattiv, b'madwar 75 % tan-nefqa għall-persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni u l-kumplament għall-bini, l-għamara, it-teknoloġija tal-informazzjoni u nefqiet operattivi varji; jenfasizza, madankollu, li l-introduzzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni m'għandhiex tapplika biss għall-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja kollu kemm hu, iżda għandha tinkludi wkoll l-iffissar ta' objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, realistiċi u marbuta mal-ħin (SMART) għall-pjanijiet annwali tad-dipartimenti individwali, tal-unitajiet u tal-persunal, u li tistabbilixxi indikaturi rilevanti għat-tfassil tal-istimi tal-istituzzjoni; jistieden għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tintroduċi l-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni b'mod aktar wiesa' fl-operazzjonijiet tagħha;

3.  Jenfasizza l-effiċjenza mtejba tal-Qorti grazzi għall-isforzi koordinati tal-ġudikatura u tas-servizzi awżiljarji kollha, bir-riżultat ta' żieda ta' 46 % fl-għadd ta' kawżi konklużi matul il-perjodu 2007-2016, minkejja żieda limitata ħafna fl-għadd ta' persunal awżiljarju matul dak il-perjodu (+3,5 % jekk l-adeżjoni tal-Kroazja tiġi inkluża fil-kalkolu u inqas minn +0,1 % jekk ma tiġix inkluża);(12)

4.  Jinnota li mill-impenji ta' missjonijiet ta' EUR 295 500 intużaw biss EUR 41 209; jirrimarka li dan is-sottoinvestiment jista' jiġi evitat; jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja ttejjeb l-ibbaġitjar u l-obbligu ta' rendikont tagħha fir-rigward tal-baġit għall-missjonijiet, u jenfasizza l-ħtieġa tal-prinċipju li l-missjonijiet ikunu kosteffikaċi;

5.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-Qorti tal-Awdituri, fir-Rapport Annwali 2016 tagħha, ma għamlet l-ebda osservazzjoni rigward il-Qorti tal-Ġustizzja, kif diġà kien il-każ sa mis-sena 2010; jirrimarka li l-Qorti tal-Awdituri ilha xi żmien ma toħroġ rapport speċjali dwar il-Qorti tal-Ġustizzja;

6.  Jinnota li l-istatistiċi tal-2016 għat-tliet qrati li jifformaw il-Qorti tal-Ġustizzja jikkonfermaw ix-xejra li ntweriet f'dawn l-aħħar snin f'dak li għandu x'jaqsam mat-tul medju tal-proċedimenti, li jidher li huwa iqsar (il-Qorti tal-Ġustizzja: l5-il xahar għal talbiet għal deċiżjoni preliminari (15,3-il xahar fl-2015), 2,7 xhur għal talbiet urġenti għal deċiżjoni preliminari (1,9 xahar fl-2015), 19,3-il xahar għar-rikorsi diretti (17,6-il xahar fl-2015), 12,9-il xahar għall-appelli (14-il xahar fl-2015);

7.  Jirrimarka li b'mod ġenerali dawn it-tliet qrati li jifformaw il-Qorti tal-Ġustizzja għalqu 1 628 kawża fl-2016, numru kemxejn inqas mill-2015 (1 775 kawża magħluqa); itenni l-importanza, sabiex jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE, li titnaqqas il-lista ta' kawżi pendenti;

8.  Jinnota t-tkabbir kostanti tal-aċċessi għall-applikazzjoni "e-Curia" (numru ta' kontijiet ta' aċċess: 3 599 fl-2016, meta mqabbla ma' 2 914 fl-2015), u l-fatt li fl-2016 l-Istati Membri kollha użaw "e-Curia", li juri li s-sensibilizzazzjoni pubblika dwar l-eżistenza u l-vantaġġi ta' din l-applikazzjoni żdiedet b'mod effiċjenti;

9.  Jiddeplora n-nuqqas ta' sforz mill-Istati Membri biex jinkiseb bilanċ bejn is-sessi f'pożizzjonijiet ta' responsabilità għolja, u li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill indikaw, fost l-għanijiet tagħhom, rappreżentazzjoni bilanċjata tas-sessi fil-ħatra ta' Mħallfin ġodda fil-Qorti Ġenerali (sal-lum, ħames Imħallfin nisa u żewġ Avukati Ġenerali nisa huma parti mill-organigramma tal-Qorti u għaxar Imħallfin nisa huma parti mill-organigramma tal-Qorti Ġenerali).

Iqis li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jkunu rappreżentattivi taċ-ċittadini tagħhom; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-għan stabbilit mill-Parlament u mill-Kunsill.

10.  Jinnota l-fatt li l-2015 kienet is-sena tal-adozzjoni tar-riforma tal-arkitettura ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja, li kienet akkumpanjata mill-iżvilupp ta' regoli ta' proċedura ġodda għall-Qorti Ġenerali; jifhem li, bis-saħħa tal-fatt li l-għadd ta' Mħallfin irdoppja fi proċess ta' tliet stadji li jestendi sal-2019, dik ir-riforma se tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tkompli tittratta ż-żieda fl-għadd tal-kawżi; jistenna bil-ħerqa li jara l-kisbiet ta' dik ir-riforma fil-kapaċità tal-Qorti tal-Ġustizzja li tittratta l-kawżi fi żmien raġonevoli u fl-osservanza tar-rekwiżiti ta' smigħ xieraq;

11.  Jinnota r-riformulazzjoni li ġejja tal-Kodiċi ta' Mġiba għall-Membri li fih għandhom jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet għat-twettiq ta' attivitajiet esterni u l-pubblikazzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom;

12.  Jappella għal livell ogħla ta' trasparenza dwar l-attivitajiet esterni ta' kull Imħallef; jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol oħra u attivitajiet esterni mħallsa oħra tal-Imħallfin fuq is-sit web uffiċjali tagħha u fir-rapporti ta' attività annwali tagħha;

13.  Iqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel disponibbli ħarsa ġenerali lejn il-parteċipanti u l-kontenut tal-laqgħat tagħha ma' partijiet esterni minbarra dawk relatati mal-attività ġudizzjarja tagħha;

14.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li r-regoli interni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta ma ġewx adottati qabel il-bidu tal-2016; jirrakkomanda li l-Qorti tal-Ġustizzja xxerred dawn ir-regoli fost il-persunal tagħha biex l-impjegati kollha jkunu konxji tagħhom; jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi fi żmien debitu dettalji dwar il-każijiet ta' informaturi fl-2015, jekk kien hemm, u dwar kif ġew trattati u finalizzati;

15.  Jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinforma lill-Parlament dwar l-ispejjeż speċifiċi tat-traduzzjoni skont il-metodoloġija armonizzata miftiehma fil-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar indikaturi ewlenin tal-attività u tal-prestazzjoni interistituzzjonali;

16.  Jilqa' l-impenn tal-Qorti tal-Ġustizzja għal miri ambjentali ambizzjużi; jinkoraġġixxi lill-istituzzjoni tapplika l-prinċipji ta' akkwist pubbliku ekoloġiku u jitlob li jiġu stabbiliti regoli u baġit suffiċjenti għall-kumpens għall-emissjonijiet tal-karbonju;

17.  Jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja ttejjeb il-politika ta' komunikazzjonijiet tagħha għaċ-ċittadini tal-Unjoni, pereżempju billi torganizza seminars għall-ġurnalisti jew tiżviluppa prodotti ta' komunikazzjoni dwar l-attività tagħha b'approċċ aktar iffukat fuq iċ-ċittadini;

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

24.1.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Sajjad Karim, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Jiří Maštálka, Emil Radev, Julia Reda, Pavel Svoboda, József Szájer, Axel Voss, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Sergio Gaetano Cofferati, Evelyne Gebhardt, Heidi Hautala, Angelika Niebler, Răzvan Popa, Tiemo Wölken, Kosma Złotowski

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Zullo

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT MITLUB JAGĦTI OPINJONI

21

+

ALDE

ECR

GUE/NGL

PPE

S&D

Verts/ALE

Jean-Marie Cavada, António Marinho e Pinto

Sajjad Karim, Kosma Złotowski

Kostas Chrysogonos, Jiří Maštálka

Rosa Estaràs Ferragut, Emil Radev, Pavel Svoboda, József Szájer, Axel Voss, Francis

Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

Sergio Gaetano Cofferati, Mady Delvaux, Evelyne Gebhardt, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Răzvan Popa, Tiemo Wölken

Max Andersson, Heidi Hautala

2

-

ENF

Marie-Christine Boutonnet, Gilles Lebreton

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Jean-François Jalkh, Arndt Kohn, Notis Marias, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Julia Pitera

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT

19

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová

EFDD

Marco Valli

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Cătălin Sorin Ivan, Arndt Kohn, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

2

-

ECR

Notis Marias

ENF

Jean-François Jalkh

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

  ĠU L 48, 24.2.2016.

  ĠU C 323, 28.9.2017, p. 1.

  ĠU C 322, 28.9.2017, p. 1.

  ĠU C 322, 28.9.2017, p. 10.

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(2)

  ĠU C 323, 28.9.2017, p. 1.

(3)

  ĠU C 322, 28.9.2017, p. 1.

(4)

  ĠU C 322, 28.9.2017, p. 10.

(5)

  ĠU L 298, 26.10.2002, p. 1.

(6)

Rapport Speċjali Nru 14/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Analiżi tal-prestazzjoni tal-ġestjoni ta' kawżi fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea"

(7)

Rapport Speċjali Nru 14/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Analiżi tal-prestazzjoni tal-ġestjoni ta' kawżi fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea"

(8)

Jekk jogħġbok ara l-paġna 49, il-punt C) tar-Rapport Speċjali Nru 14/2017 tal-Qorti tal-Awdituri fejn l-istess Qorti identifikat l-aspetti li ġejjin: in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' référendaires, il-piż tax-xogħol tal-imħallfin, l-avukati ġenerali u r-référendaires tagħhom, l-assenjazzjoni mill-ġdid ta' kawżi dovuta għat-tmiem il-mandat tal-imħallfin. https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR17_14/SR_CJEU_MT.pdf

(9)

ara r-Rapport Speċjali Nru 14/2017 tal-QEA. Analiżi tal-prestazzjoni tal-ġestjoni ta' kawżi fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, p. 27

(10)

Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/300 tad-29 ta' Frar 2016 li jiddetermina l-emolumenti ta' persuni f'karigi pubbliċi għolja tal-UE (ĠU L 58, 4.3.2016, p. 1).

(11)

ECLI:EU:T:2018:22.

(12)

Ċifri meħuda mir-Rapport Annwali għall-2016 - Rapport tal-Ġestjoni għall-2016 ("RAPPORT TA' ATTIVITÀ ANNWALI GĦAS-SENA FINANZJARJA 2016 ARTIKOLU 66(9) TAR-REGOLAMENT FINANZJARJU") https://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application /pdf/2017-06/rapport_gestion_2016_mt_.pdf

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' April 2018Avviż legali