Proċedura : 2016/2149(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0127/2018

Testi mressqa :

A8-0127/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 23
CRE 18/04/2018 - 23

Votazzjonijiet :

PV 19/04/2018 - 10.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0186

RAPPORT     
PDF 743kWORD 68k
28.3.2018
PE 612.115v01-00 A8-0127/2018

dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-parlamenti nazzjonali

(2016/2149(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

Rapporteur: Paulo Rangel

PR_INI_ImplReport

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI
 FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET
 FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Introduzzjoni

Tmien snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (AFCO) ikkunsidra meħtieġ li jitfassal rapport ta' implimentazzjoni fuq inizjattiva proprja (INI) li jivvaluta "L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-parlamenti nazzjonali".

L-għan tar-rapport huwa li jivvaluta l-użu tal-mekkaniżmi attwali għall-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess politiku Ewropew. Abbażi ta' din il-valutazzjoni, ir-rapport imbagħad jikkunsidra t-titjib possibbli għal dawk il-mekkaniżmi, sabiex il-parlamenti nazzjonali jinġiebu eqreb tal-proċess ta' integrazzjoni fl-intier tiegħu. Ir-rapport għandu jivvaluta wkoll id-dibattitu politiku strutturat stabbilit bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-parlamenti nazzjonali.

Attivitajiet ta' ġbir ta' informazzjoni

L-għodod ta' skrutinju u s-sejbiet dwar l-istat ta' implimentazzjoni li twettqu kienu dawn li ġejjin:

– Workshop b'esperti mid-dinja akkademika fl-20 ta' Marzu 2017, organizzat mid-Dipartiment Tematiku C tad-DĠ IPOL, fejn ġew ippreżentati u diskussi Studju(1) u żewġ Sessjonijiet ta' Tgħarrif(2);

– Laqgħa Interparlamentari tal-Kumitati (ICM) li saret fit-2 ta' Mejju 2017, fejn tliet esperti ppreżentaw studji dwar is-suġġett tar-rapport, li ppermetta lill-membri tal-parlamenti nazzjonali jesprimu l-fehmiet tagħhom kif ukoll jinvolvu ruħhom fi djalogu mal-Membri tal-Parlament Ewropew(3);

– kontributi bil-miktub minn diversi parlamenti nazzjonali;

– missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni fl-Assembleia da República fil-21 ta' Frar 2017, fil-Folketing Daniż fit-22 u t-23 ta' Mejju 2017 u fil-Parlament Elleniku fl-24 ta' Mejju 2017;

– Valutazzjoni ta' Implimentazzjoni Ewropea(4) u Stħarriġ(5) mill-Unità ta' Evalwazzjoni Ex Post tad-DĠ EPRS, ippreżentata u diskussa fit-12 ta' Ottubru 2017;

– opinjoni ġuridika mis-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, fis-27 ta' Ottubru 2017.

I.  Il-funzjoni primarja tal-parlamenti nazzjonali: l-iskrutinju tal-politika Ewropea billi jagħtu mandat lill-gvernijiet tagħhom stess, irrappreżentati fil-Kunsill u fil-Kunsill Ewropew

It-Trattat ta' Lisbona sar magħruf bħala t-Trattat tal-Parlamenti, preċiżament minħabba li żied b'mod konsiderevoli s-setgħat tal-Parlament Ewropew, filwaqt li rrikonoxxa r-rwol kostituzzjonali tal-parlamenti nazzjonali nnifishom fil-qafas Ewropew. Dawn issa għandhom rwol essenzjali fl-iżgurar tal-leġittimità demokratika tal-Unjoni, fil-promozzjoni tal-pluraliżmu u d-diversità tagħha u fl-għoti tal-funzjonament kostituzzjonali tagħha.

Kif rifless fir-rapporti preċedenti u fl-Artikolu 10(2) tat-TFUE, huwa evidenti li l-funzjoni ewlenija tal-parlamenti nazzjonali għadha l-iskrutinju demokratiku u l-monitoraġġ tal-attività governattiva fil-Kunsill u fil-Kunsill Ewropew. Aktar ma s-superviżjoni tal-azzjonijiet tal-gvernijiet tagħhom fil-livell nazzjonali ssir b'mod tajjeb u effettiv, akbar ikun ir-rwol tagħhom fl-influwenzar tal-ħajja politika u kostituzzjonali tal-UE. Għaldaqstant, huwa ta' importanza kbira li l-parlamenti nazzjonali jqabblu l-aħjar prattiki fil-qafas tal-COSAC u anke b'mod spontanju bejniethom. Huwa wkoll kruċjali li jittejbu u jiġu mobilizzati l-mezzi kollha disponibbli għall-IPEX sabiex tiżdied il-firxa, il-veloċità u l-effiċjenza tal-informazzjoni eżistenti kollha dwar kwistjonijiet Ewropej.

Minħabba l-ilment rikorrenti li l-parlamenti nazzjonali qed jitilfu xi ftit mis-setgħa tagħhom fil-kwistjonijiet baġitarji minħabba l-hekk imsejjaħ "semestru Ewropew", jista' jagħti l-każ, f'rispett sħiħ tal-prerogattiva tal-awtoorganizzazzjoni ta' kull kamra parlamentari, li jkun ta' benefiċċju li wieħed jipprevedi l-adattament fil-ġejjieni tar-"regoli ta' proċedura" rilevanti tagħhom. Fil-fatt, l-istabbiliment ta' terminu (trimestru nazzjonali) li jġib 'il quddiem it-taħdidiet dwar il-baġit bejn il-gvernijiet u l-Kummissjoni u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu parlamentari ta' segwitu li jippermetti l-monitoraġġ sussegwenti tar-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill, jagħti żieda sostanzjali lill-kapaċità ta' skrutinju tal-parlamenti nazzjonali fi kwistjoni li storikament kienet tagħhom.

II.  Il-kontribut kostituzzjonali speċifiku tal-parlamenti nazzjonali fil-livell Ewropew: il-ħolqien ta' sfera politika Ewropea

Barra minn hekk, u bis-saħħa tal-kliem u tal-ispirtu tat-Trattat ta' Lisbona, il-parlamenti nazzjonali ntalbu li jaġixxu dejjem aktar direttament fil-livell Ewropew, kemm jekk f'interazzjoni mal-Parlament Ewropew, kif ukoll jekk f'interazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea. Ħlief għal kwistjonijiet relatati mal-kontroll tas-sussidjarjetà u d-drittijiet ta' informazzjoni, l-involviment tal-parlamenti nazzjonali fi kwistjonijiet Ewropej huwa madankollu kkunsidrat bħala li għadu limitat.

Jekk it-Trattat ta' Lisbona jitlob relazzjoni aktar intima bejn il-parlamenti nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej, dan huwa naturalment minħabba li jistenna l-kontribut speċifiku tagħhom aktar milli dak li l-eżekuttivi tiegħu jwasslu permezz tal-vuċi u l-vot tagħhom fil-Kunsill u fil-Kunsill Ewropew. Hemm differentia specifica kostituzzjonali reali bejn il-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fil-ħajja Ewropea u l-parteċipazzjoni tal-gvernijiet nazzjonali fil-Kunsill u l-Kunsill Ewropew imsemmija hawn fuq. Filwaqt li l-gvernijiet jirrapreżentaw pożizzjoni politika unika, riflessa fl-indiviżibilità tal-vot tagħhom, il-parlamenti nazzjonali huma preċiżament l-espressjoni tal-pluralità u d-diversità interna (mingħajr preġudizzju għall-konformità stretta mar-rieda tal-maġġoranza espressa fihom). Il-kontribut speċifiku li l-parlamenti nazzjonali jistgħu jagħtu fil-livell Ewropew huwa preċiżament din id-diversità ta' viżjonijiet nazzjonali (rappreżentati b'mod proporzjonali). Madankollu, ftit li xejn sar biex tinġibed l-attenzjoni u tingħata preċedenza lill-funzjoni kostituzzjonali insostitwibbli tal-parlamenti nazzjonali fil-ħajja Ewropea. Din tal-aħħar tikkontribwixxi b'mod qawwi għall-istabbiliment ta' spazju politiku Ewropew reali u sfera pubblika verament awtentika. Fil-fatt, il-pożizzjonijiet ta' minoranza f'parlament nazzjonali jistgħu jikkorrispondu ma' pożizzjoni ta' maġġoranza f'ieħor, u l-interazzjoni bejniethom tirrifletti l-ħolqien ta' arena politika Ewropea. Fost l-oħrajn, ir-rapport għandu l-għan li jnaqqas din id-disparità. L-ewwel nett, l-inkoraġġiment qawwi tar-rappreżentanza tal-pluralità interna mid-delegazzjonijiet tal-parlamenti nazzjonali, fl-avvenimenti konġunti kollha tagħhom, u b'mod konformi mal-proporzjonijiet tal-gruppi politiċi. It-tieni, li l-gruppi ta' minoranza li jirrapreżentaw pożizzjoni ta' minoranza jitħallew iżidu l-opinjonijiet kuntrarji tagħhom mal-opinjonijiet motivati, mingħajr ma jimminaw l-impenn tal-opinjonijiet adottati mar-rieda tal-maġġoranza.

III.  L-immirar lejn kooperazzjoni interistituzzjonali sħiħa: l-iżvilupp ta' sfera politika Ewropea

Il-ħolqien ta' arena politika Ewropea huwa ovvjament imsaħħaħ mir-rinfurzar tat-tipi ta' inizjattivi kollha li diġà huma fis-seħħ. Fil-fatt, il-kooperazzjoni kontinwa bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-parlamenti nazzjonali tjiebet b'mod konsiderevoli matul l-aħħar deċennju. L-ewwel nett, l-inizjattiva Barroso, dokumentata fir-rapporti annwali dwar ir-relazzjonijiet tagħhom, bla dubju rawmet djalogu politiku bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Kummissjoni.

It-tieni, kwalunkwe "għira kostituzzjonali" li setgħet eżistiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali xxejnet wara t-Trattat ta' Lisbona (ara l-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll Nru 1 tat-TFUE dwar id-determinazzjoni tal-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta' Kooperazzjoni interparlamentari effettiva u regolari fl-Unjoni).

Filwaqt li din il-kooperazzjoni hija marbuta mill-qrib mad-djalogu bejn il-fergħat leġiżlattivi nazzjonali nfushom, għad hemm lok għal titjib(6). L-ewwel u qabel kollox, għandhom isiru sforzi biex jiġi ssimplifikat il-qafas attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-parlamenti nazzjonali, inkluża l-Konferenza tal-Ispeakers tal-Parlamenti tal-UE, il-COSAC, il-Konferenza Interparlamentari dwar l-Istabilità, il-Koordinazzjoni Ekonomika u l-Governanza fl-UE, il-Grupp ta' Skrutinju Parlamentari Konġunt dwar l-Europol, il-laqgħat tal-kumitat interparlamentari u l-laqgħat parlamentari konġunti, fost ħafna oħrajn. L-iżvilupp ta' approċċ ibbażat fuq kumitat ikun ta' benefiċċju kbir f'dan ir-rigward(7).

L-istess jgħodd għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-parlamenti nazzjonali fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (ara l-Artikoli 70, 88 u 85 tat-TFUE). Fi żmien meta dawn il-kwistjonijiet huma ħafna aktar kumplessi, l-UE għandha titlob lill-parlamenti nazzjonali kollha, wieħed mis-sorsi ewlenin ta' leġittimità demokratika tagħha, sabiex jiżguraw rwol attiv fil-monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża futura. Għaldaqstant, il-parteċipazzjoni u l-involviment attiv tal-parlamenti nazzjonali jidhru kruċjali u verament indispensabbli.

Għall-istess għan, se nitolbu l-istabbiliment ta' "ġimgħa Ewropea" li tista' tiġi organizzata fl-istess ħin fis-27 parlament nazzjonali u li għandhom jattendu għaliha l-Kummissarji u l-Membri tal-Parlament Ewropew, li waqtha jiġu diskussi affarijiet Ewropej mal-membri parlamentari nazzjonali. Barra minn hekk, din l-inizjattiva tkun l-aħjar mod kif titwettaq l-idea diskussa ħafna tal-organizzazzjoni ta' "konvenzjonijiet demokratiċi" nazzjonali dwar il-futur tal-Ewropa. Il-"ġimgħa Ewropea", għal darb'oħra mingħajr ma tiġi pperikolata l-prerogattiva sovrana ta' kull parlament, tinvolvi riforma tar-"regoli ta' proċedura" tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew.

IV.  Ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fir-rigward tal-kontroll tas-sussidjarjetà

Filwaqt li huma konxji li din hija waħda mis-setgħat kostituzzjonali l-aktar importanti tagħhom, il-parlamenti nazzjonali huma unanimi fl-evalwazzjoni tagħhom ta' ċertu trażżin fil-funzjonament tal-STB li tista' tiskatta l-proċeduri tal-karta s-safra jew il-karta oranġjo. L-ewwel ostakolu huwa l-perjodu sospensiv limitat ta' tmien ġimgħat, li jista' jinbidel biss b'riforma tat-Trattat u li għandu jittawwal ladarba sseħħ ir-riforma msemmija. Hemm, madankollu, mistoqsija teknika – b'implikazzjonijiet legali fil-kamp ta' applikazzjoni tas-separazzjoni tas-setgħat – li tista' tiffaċilita l-piż ta' dan l-ostakolu. Fil-fatt, il-jum minn meta jibda l-perjodu sospensiv ta' tmien ġimgħat jenħtieġ li ma jitħalliex għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, kif inhu l-każ f'ħafna proċedimenti nazzjonali, għandha tiġi kkunsidrata estensjoni teknika, b'tali mod li l-bidu tal-perjodu ta' tmien ġimgħat ma jkunx biss għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

It-tieni ostakolu, li huwa madankollu importanti wkoll, jirrigwardja interpretazzjoni ristretta tal-principju tas-sussidjarjetà kif previst fl-Artikolu 5 tat-TUE, li jeskludi l-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi u l-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan huwa l-argument li bih il-Kummissjoni ħafna drabi tirrifjuta li l-parlamenti nazzjonali jeżerċitaw din is-setgħa ta' kontroll. Madankollu, id-duttrina legali ilha li fasslet distinzjoni bejn is-sussidjarjetà stricto sensu u lato sensu, fejn din tal-aħħar tinkludi t-tliet dimensjonijiet iddikjarati. L-esperjenza preċedenti turi li huwa estremement diffiċli li wieħed jifhem il-konfini preċiż bejn id-dimensjoni politika tas-sussidjarjetà u d-dimensjoni legali tal-proporzjonalità. Billi hemm linja fina bejn il-politika u l-liġi, il-Kummissjoni għandha teżerċita trażżin fuqha nnifisha meta tirreferi għall-STB fl-adozzjoni ta' viżjoni verament restrittiva tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

F'dan ir-rigward, u wara l-konċessjoni magħmula fil-qafas tal-proċess tar-referendum Brittaniku, ma hemm l-ebda appelli mill-parlamenti nazzjonali għal karta ħamra fil-ġejjieni. Għall-kuntrarju, hemm moviment qawwi, li huwa dokumentat ukoll fir-rapporti tal-PE, għall-ħolqien ta' karta ħadra, li tagħti lill-parlamenti nazzjonali speċi ta' strument fil-qasam tal-inizjattiva leġiżlattiva. Din l-innovazzjoni neċessarjament ikollha tliet limiti: ma tistax tkun inizjattiva leġiżlattiva reali, billi dan huwa dritt esklużivament riżervat lill-Kummissjoni (la l-Parlament u lanqas il-Kunsill ma jistgħu jibdew leġiżlazzjoni); ma tistax tintuża fir-rigward tat-tħassir tal-liġi eżistenti tal-UE peress li din kieku taġixxi bħala karta ħamra li taħdem bil-kontra u, fl-aħħar nett, ma għandha tinkorpora l-ebda dritt ta' emenda tal-leġiżlazzjoni Ewropea (li tieħu f'idejha setgħat assenjati lill-PE u lill-Kunsill mit-Trattati). L-idea hija, għalhekk, ta' min ifaħħarha ħafna, billi tirrifletti l-fehim tajjeb tas-sussidjarjetà, sal-punt li tfisser li l-parlamenti nazzjonali jirrikonoxxu li xi kwistjonijiet huma ta' kompetenza esklużiva tal-Unjoni. F'kapaċità sħiħa, ikun id-dritt ta' proposta jew suġġeriment li, b'mod simili għal mekkaniżmi paralleli, jista' joriġina l-obbligu għal risposta motivata mill-Kummissjoni fil-każ ta' rifjut.

(1)

"The Role of National parliaments in the EU after Lisbon: Potentialities and Challenges" (Ir-Rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-UE wara Lisbona: Potenzjalitajiet u Sfidi), mill-Prof. Dr. Olivier Rozenberg.

(2)

"Subsidiarity as a Means to Enhance Cooperation between EU Institutions and National parliaments" (Is-Sussidjarjetà bħala Mezz biex Tissaħħaħ il-Kooperazzjoni bejn l-Istituzzjonijiet u l-Parlamenti Nazzjonali tal-UE), mill-Prof. Dr. Diane Fromage, u "The Legisprudential Role of National parliaments in the European Union" (Ir-Rwol Leġisprudenzjali tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea), mill-Prof. Dr. Luís Heleno Terrinha.

(3)

"The interparliamentary cooperation at EU level" (Il-kooperazzjoni interparlamentari fil-livell tal-UE), minn Carlo Casini, "Subsidiarity and National parliaments" (Is-sussidjarjetà u l-parlamenti nazzjonali), minn Ludwik Dorn, u "Political structured dialogue and National parliaments" (Id-Djalogu politiku strutturat u l-Parlamenti nazzjonali), mill-Prof. Dr. Ingolf Pernice.

(4)

Valutazzjoni ta' Implimentazzjoni Ewropea, "Working with national parliaments on EU affairs" (Naħdmu mal-parlamenti nazzjonali fir-rigward tal-affarijiet tal-UE), minn Dr. Milan Remac, Parlament Ewropew 2017 (PE 603.271).

(5)

Implimentazzjoni f'tgħarrif ta' azzjoni dwar is-"Survey of permanent representatives of national parliaments in the European Parliament" (l-Istħarriġ tar-rappreżentanti permanenti tal-parlamenti nazzjonali fil-Parlament Ewropew) (PE 610.992).

(6)

Ara l-istudju tal-Prof. Dr Olivier Rozenberg "The Role of National parliaments in the EU after Lisbon: Potentialities and Challenges" (Ir-Rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-UE wara Lisbona: Potenzjalitajiet u Sfidi).

(7)

Ara: Ir-rapport finali tal-Missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni, 17 ta' Lulju 2017, PE608.137v01-00.


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-parlamenti nazzjonali

(2016/2149(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 5 dwar l-għoti tal-kompetenzi u s-sussidjarjetà, l-Artikolu 10(1) dwar id-demokrazija rappreżentattiva, l-Artikolu 10(2) dwar ir-rappreżentanza taċ-ċittadini tal-UE, l-Artikolu 10(3) dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, l-Artikolu 11 dwar id-demokrazija parteċipattiva, l-Artikolu 12 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali, l-Artikolu 48(3) dwar il-proċedura ta' reviżjoni ordinarja u l-Artikolu 48(7) (il-klawżola "passerelle") tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat ta' Amsterdam u l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità anness mat-Trattat ta' Lisbona,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli 41 u 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Ġunju 1997 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali(1), tas-7 ta' Frar 2002 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fil-qafas tal-integrazzjoni Ewropea(2), tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali taħt it-Trattat ta' Lisbona(3) u tas-16 ta' April 2014 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(5), dwar il-kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro(6) u dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea(7),

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-parlamenti nazzjonali, b'mod partikolari r-rapport għall-2014 tat-2 ta' Lulju 2015 (COM(2015)0316), u għall-2015 tal-15 ta' Lulju 2016 (COM(2016)0471), u r-rapporti annwali tagħha dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, b'mod partikolari r-rapporti għall-2015 tal-15 ta' Lulju 2016 (COM(2016)0469), u għall-2016 tat-30 ta' Ġunju 2017 (COM(2017)0600),

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali tad-Direttorat għar-Relazzjonijiet mal-Parlamenti Nazzjonali tal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari r-Rapport ta' nofs it-terminu tal-2016 dwar ir-Relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-2015(8),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa tal-1 ta' Marzu 2017, u d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker tat-13 ta' Settembru 2017, li fih ġie ppreżentat pjan direzzjonali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni intitolata "Integrazzjoni Ewropea Akbar: It-triq 'il quddiem" mill-Presidenti tal-Camera dei Deputati tal-Italja, l-Assemblée Nationale ta' Franza, il-Bundestag tal-Ġermanja u x-Chambre des Députés tal-Lussemburgu, li ġiet iffirmata fl-14 ta' Settembru 2015 u hija attwalment approvata minn 15-il kamra tal-parlamenti nazzjonali fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Konferenza tal-Ispeakers tal-Parlamenti tal-UE (il-Konferenza tal-Ispeakers tal-UE) fil-laqgħat tagħha mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikolari dawk fil-Lussemburgu fl-2016 u fi Bratislava fl-2017,

–  wara li kkunsidra l-kontributi u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Konferenza tal-Kumitati għall-Affarijiet Ewropej tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea (COSAC) sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikolari l-laqgħat li saru fil-Belt Valletta u f'Tallinn fl-2017, u r-rapporti biannwali tal-COSAC,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Istabilità, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG) li fih hemm minquxa l-organizzazzjoni tal-konferenzi interparlamentari għall-finijiet tad-diskussjoni tal-politiki baġitarji u kwistjonijiet oħra koperti mit-Trattat;

­–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-Senát tar-Repubblika Ċeka tat-30 ta' Novembru 2016 (is-26 riżoluzzjoni tal-11-il terminu), ir-riżoluzzjoni tas-Senato della Republica tal-Italja tad-19 ta' Ottubru 2016 (Dok.  XVIII nru.  164) u l-kontributi tal-Kumitat għall-Politiki tal-Unjoni Ewropea tiegħu tat-2 ta' Mejju 2017 (Prot.  573) u l-kontributi tal-Kumitat għall-Affarijiet tal-UE tal-Assemblée Nationale ta' Franza fil-31 ta' Mejju 2017 (referenza 2017/058) u l-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet Ewropej tat-Tweede Kamer der Staten-Generaal (Kamra tar-Rappreżentanti) tan-Netherlands tat-22 ta' Diċembru 2017 (ittra A(2018)1067);

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura tal-għoti ta' awtorizzazzjoni għat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0127/2018),

A.  billi l-parlamenti nazzjonali jtejbu u jikkontribwixxu attivament għall-funzjonament kostituzzjonali tajjeb tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 12 tat-TUE) u b'hekk għandhom rwol importanti fil-leġittimità demokratika tagħha u jwettquha fil-milja tagħha;

B.  billi l-obbligu ta' rendikont parlamentari tal-gvernijiet nazzjonali fil-qafas tal-affarijiet Ewropej, li jiddependi mill-prattiki nazzjonali individwali, huwa l-bażi fundamentali tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali fit-Trattat Ewropew attwali;

C.  billi, sabiex jitjieb is-sens ta' appartenenza, il-parlamenti nazzjonali għandhom jiskrutinizzaw il-gvernijiet nazzjonali bħalma l-Parlament Ewropew jiskrutinizza l-eżekuttiv Ewropew; billi, madankollu, il-livell ta' influwenza tal-parlamenti nazzjonali fuq il-gvernijiet nazzjonali jvarja b'mod sinifikanti fil-livell ta' Stat Membru;

D.  billi l-parlamenti nazzjonali ħafna drabi jilmentaw dwar l-involviment limitat tagħhom fl-affarijiet tal-Unjoni u jixtiequ jkunu assoċjati aktar mal-iżvilupp tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea;

E.  billi n-nuqqas ta' trasparenza fil-proċessi leġiżlattivi u tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE jġib ir-riskju li jimmina kemm il-prerogattivi tal-parlamenti nazzjonali taħt it-Trattati u l-Protokolli rilevanti kif ukoll, b'mod partikolari, ir-rwol tagħhom bħala l-gwardjani tal-gvernijiet tagħhom;

F.  billi l-pluraliżmu tal-parlamenti nazzjonali huwa ta' benefiċċju notevoli għall-Unjoni, billi l-allinjament ta' pożizzjonijiet politiċi differenti fl-Istati Membri jsaħħaħ u jwessa' d-dibattiti trażversali fil-livell Ewropew;

G.  billi s-sottorappreżentanza tal-minoranzi parlamentari fl-affarijiet Ewropej għandha tiġi kontrobilanċjata filwaqt li jiġu rispettati b'mod sħiħ il-maġġoranzi f'kull parlament nazzjonali, u b'mod konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità;

H.   billi l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol fi kwalunkwe reviżjoni tat-Trattati Ewropej u riċentement intalbu jinvolvu ruħhom f'sensiela ta' fora demokratiċi tal-UE;

I.  billi l-isfera pubbblika Ewropea tista' titrawwem permezz ta' sensiela ta' fora dwar il-futur tal-Ewropa, li għandhom jiġu organizzati mill-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew bħala rappreżentanti naturali tad-demos Ewropew; billi tali fora jistgħu jiġu approvati permezz tal-Ġimgħa Ewropea komuni, li fiha membri tal-kmamar parlamentari nazzjonali jiddiskutu simultanjament affarijiet Ewropej fil-preżenza ta' Kummissarji u Membri tal-Parlament Ewropew;

J.  billi kif intwera mit-tendenzi elettorali riċenti, il-kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali kattret l-isfiduċja u d-diżillużjoni taċ-ċittadini tal-UE fil-mudell ta' rappreżentanza demokratiku attwali, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali;

K.  billi l-implimentazzjoni tad-dritt tal-parlamenti nazzjonali li jiskrutinizzaw il-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, abbażi tal-hekk imsejħa sistema ta' twissija bikrija (STB), tejbet parzjalment ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-parlamenti nazzjonali;

L.  billi l-parlamenti nazzjonali xi kultant jikkritikaw l-STB u jiddikjaraw li mhuwiex faċli li jitpoġġew fil-prattika d-dispożizzjonijiet tagħha u li m'għandhiex kamp ta' applikazzjoni wiesgħa;

M.  billi ntlaħaq progress fl-implimentazzjoni tal-STB kif muri mill-aktar ċifri riċenti dwar l-għadd totali ta' opinjonijiet preżentati mill-parlamenti nazzjonali fil-qafas tad-djalogu politiku; billi l-użu limitat tal-proċedura ta' karta safra u l-ineffikaċja tal-proċedura ta' karta oranġjo juru li għad hemm lok għal titjib u li koordinazzjoni aħjar bejn il-parlamenti nazzjonali hija possibbli f'dan ir-rigward;

N.  billi l-perjodu ta' tmien ġimgħat stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 ma nstabx adegwat għall-monitoraġġ f'waqtu tal-konformità mal-principju tas-sussidjarjetà;

O.  billi l-STB tista' tiġi kkomplementata mis-sistema li attwalment tippermetti lill-parlamenti nazzjonali jippreżentaw proposti kostruttivi għall-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni u bir-rispett dovut għad-dritt ta' inizjattiva tagħha;

P.  billi diversi parlamenti nazzjonali esprimew l-interess tagħhom fi strument għat-titjib tad-djalogu politiku li jkun jagħtihom l-opportunità li jissuġġerixxu proposti kostruttivi għall-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni u bir-rispett dovut għad-dritt ta' inizjattiva tal-Kummissjoni wara li jkunu kisbu l-appoġġ tal-Parlament;

Q.  billi l-parlamenti nazzjonali jistgħu, fi kwalunkwe ħin, joħorġu opinjonijiet fil-qafas tad-djalogu politiku, jagħtu mandat lill-gvernijiet tagħhom biex jitolbu l-formulazzjoni tal-proposti leġiżlattivi permezz tal-Kunsill jew, f'konformità mal-Artikolu 225 tat-TFUE, sempliċement jistiednu lill-Parlament jippreżenta proposti lill-Kummissjoni;

R.  billi l-implimentazzjoni ta' proċedura ta' karta ħamra mhijiex possibbli f'dan l-istadju tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea;

S.  billi l-firxa komprensiva ta' drittijiet ta' informazzjoni previsti fit-Trattat ta' Lisbona tista' tissaħħaħ jekk il-parlamenti nazzjonali jingħataw aktar riżorsi u żmien biex ilaħħqu mad-dokumenti mibgħuta lilhom mill-Istituzzjonijiet Ewropej;

T.  billi l-IPEX, pjattaforma għall-iskambju kontinwu ta' informazzjoni fost il-parlamenti nazzjonali u bejn il-parlamenti nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej, għandha tkompli tiġi żviluppata b'mod konformi mal-Istrateġija Diġitali tagħha, li fiha l-Parlament Ewropew għandu rwol ta' appoġġ ewlieni;

U.  billi l-kooperazzjoni interistituzzjonali tjiebet wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u l-hekk imsejħa inizjattiva Barroso – id-djalogu politiku mibdi mill-Kummissjoni f'Settembru 2006 li jagħti lill-parlamenti nazzjonali l-opportunità li jikkummentaw, jipprovdu feedback pożittiv jew jikkritikaw il-proposti tal-Kummissjoni;

V.  billi l-parlamenti nazzjonali kultant jilmentaw dwar ir-relazzjonijiet tagħhom mal-Unjoni Ewropea, u jsostnu li huma kumplessi ħafna;

W.  billi l-parlamenti nazzjonali għandhom kompetenzi rilevanti fl-ispazji tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, skont l-Artikoli 70, 85 u 88 tat-TFUE u għalhekk għandu jkollhom sehem fil-futur tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża tal-Unjoni;

X.  billi għandu jkun hemm kontroll parlamentari nazzjonali u Ewropew akbar tal-politiki fiskali u ekonomiċi, tad-deċiżjonijiet li jittieħdu u ta' materji ta' governanza fil-livell tal-UE;

Y.  billi d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2017 dwar in-natura mħallta tal-ftehim kummerċjali bejn l-UE u Singapore biddlet il-mod kif il-parlamenti nazzjonali se jkunu involuti fil-ftehimiet kummerċjali fil-ġejjieni;

Z.  billi interazzjoni aħjar u skambju ta' informazzjoni mtejjeb bejn l-MPE u l-MP u wkoll bejn l-impjegati taċ-ċivil tal-parlamenti nazzjonali jistgħu jgħinu biex jitjieb l-iskrutinju tad-dibattitu Ewropew fil-livell nazzjonali u għalhekk irawwem kultura parlamentari u politika Ewropea;

L-iskrutinju tal-attività governattiva fl-affarijiet Ewropej

1.  Iqis li l-implimentazzjoni tad-drittijiet u d-dmirijiet tal-parlamenti nazzjonali li ġejjin mit-Trattat ta' Lisbona tejbet ir-rwol tagħhom fil-qafas kostituzzjonali Ewropew u għalhekk tipprevedi aktar pluraliżmu, leġittimità demokratika u l-funzjonament aħjar tal-Unjoni;

2.  Jirrikonoxxi li l-gvernijiet nazzjonali huma demokratikament responsabbli lejn il-parlamenti nazzjonali kif rikonoxxut mill-Artikolu 10(2) tat-TUE, f'konformità mal-ordinamenti kostituzzjonali nazzjonali rispettivi tagħhom; huwa tal-fehma li dan l-obbligu ta' rendikont huwa l-element ċentrali tar-rwol tal-kmamar parlamentari nazzjonali fl-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jeżerċitaw b'mod sħiħ il-funzjonijiet Ewropej tagħhom sabiex jinfluwenzaw direttament u jiskrutinizzaw il-kontenut tal-politiki Ewropej, b'mod partikolari permezz tal-monitoraġġ tal-gvernijiet nazzjonali tagħhom waqt li jaġixxu bħala membri tal-Kunsill Ewropew jew il-Kunsill;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-parlamenti nazzjonali jingħataw biżżejjed żmien, il-kapaċità u l-aċċess meħtieġ għall-informazzjoni sabiex jissodisfaw ir-rwol kostituzzjonali tagħhom ta' skrutinju u b'hekk jilleġittimaw l-attività tal-gvernijiet nazzjonali meta dawn il-gvernijiet jaġixxu fil-livell Ewropew, kemm fil-Kunsill kif ukoll fil-Kunsill Ewropew; Jirrikonoxxi li din il-funzjoni Ewropea għandha sseħħ f'konformità sħiħa mat-tradizzjonijiet kostituzzjonali rispettivi tal-Istati Membri; jemmen li, sabiex jiġi ppreservat u msaħħaħ dan ir-rwol, l-iskambju eżistenti tal-aħjar prattiki u l-interazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali għandu jiġi msaħħaħ u promoss;

4.  Iqis li t-trasparenza tal-metodi ta' ħidma u tal-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE tirrapreżenta prekundizzjoni sabiex il-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jissodisfaw b'mod effikaċi r-rwol istituzzjonali tagħhom li ġej mit-Trattati; barra minn hekk, jitlob li l-parlamenti nazzjonali jagħmlu użu sħiħ mill-kompetenzi rispettivi tagħhom bl-għan li jeżerċitaw skrutinju fuq l-azzjonijiet tal-gvernijiet fil-livell Ewropew, inter alia billi jadattaw l-organizzazzjoni interna, l-iskedi ta' żmien u r-regoli ta' proċedura tagħhom sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dan; Jissuġġerixxi wkoll skambju tal-aħjar prattiki bejn il-parlamenti nazzjonali, dibattiti regolari bejn il-ministri rispettivi u l-kumitati speċjalizzati fil-parlamenti nazzjonali qabel u wara l-laqgħat tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew u laqgħat regolari bejn il-membri tal-parlamenti nazzjonali, il-Kummissarji u l-MPE;

5.  Hu tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni sabiex tiġi evitata kwalunkwe regolamentazzjoni żejda tal-leġiżlazzjoni tal-UE min-naħa tal-Istati Membri u li l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol importanti x'jaqdu f'dan ir-rigward; ifakkar, madankollu, li dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li japplikaw klawsoli ta' nuqqas ta' rigressjoni u li, pereżempju, jistabbilixxu standards soċjali u ambjentali ogħla fil-livell nazzjonali;

6.  Ifakkar, waqt li jħeġġeġ djalogu msaħħaħ u politiku mal-parlamenti nazzjonali u jirrikonoxxi l-ħtieġa ċara biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni parlamentari, li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu f'konformità mal-kompetenzi kostituzzjonali u billi tiġi kkunsidrata d-delinjazzjoni ċara bejn il-kompetenzi ta' teħid ta' deċiżjonijiet rispettivi tal-korpi nazzjonali u Ewropej;

7.  Jiddikjara li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu involuti aħjar fis-Semestru Ewropew u jirrakkomanda li l-kalendarji baġitarji fil-livell nazzjonali u Ewropew jiġu kkoordinati aħjar matul il-proċess sabiex jiġi mħeġġeġ użu aktar effikaċi ta' dan l-istrument; barra minn hekk, ifakkar li l-allinjament tas-Semestru Ewropew mal-aġendi tal-parlamenti nazzjonali jista' jikkontribwixxi aktar għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi filwaqt li jissottolinja li tali allinjament ma għandux jinjora s-setgħat ta' awto governanza u r-regoli speċifiċi ta' proċedura ta' kull kamra parlamentari;

8.  Jissuġġerixxi, għalhekk, l-implimentazzjoni ta' perjodu nazzjonali għad-djalogu baġitarju, li matulu l-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jiddeliberaw fuq is-Semestru Ewropew u jikkontribwixxu għalih billi jagħtu mandat lill-gvernijiet tagħhom stess fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Kummissjoni u l-Kunsill;

9.  Jissottolinja li matul l-aħħar laqgħa plenarja tal-Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej (COSAC), f'Tallinn, ġie rikonoxxut li l-maġġoranza tal-parlamenti nazzjonali attivament attendew is-sessjonijiet plenarji biex jiddibattu kwistjonijiet tal-UE, kemm f'intervalli regolari jew kif ukoll fuq bażi ad hoc u li aktar dibattiti plenarji dwar kwistjonijiet tal-UE jżidu l-viżibilità tal-Unjoni u jagħtu liċ-ċittadini l-opportunità li jitgħallmu aktar dwar l-aġenda tal-UE u l-pożizzjonijiet tal-partiti politiċi dwar dawn il-kwistjonijiet;

Il-ħolqien ta' sfera pubblika Ewropea

10.  Jinnota li l-allinjament ta' pożizzjonijiet politiċi differenti fl-Istati Membri kollha jista' jsaħħaħ u jespandi dibattiti trażversali fil-livell Ewropew; jirrakkomanda, għalhekk, li d-delegazzjonijiet parlamentari nazzjonali li jaġixxu quddiem l-Istituzzjonijiet Ewropej għandhom jirriflettu d-diversità politika; f'dan ir-rigward, jenfasizza r-rilevanza tal-prinċipju ta' rappreżentazzjoni proporzjonali ta' membri minn partiti politiċi differenti;

11.  Jinnota l-fatt li r-rieda vinkolanti tal-maġġoranzi parlamentari tista' tiġi espressa fl-opinjonijiet maħruġa mill-parlamenti nazzjonali fil-qafas jew barra mill-qafas tal-STB; madankollu, japprova l-idea li l-minoranzi politiċi parlamentari jingħataw il-possibilità li jesprimu fehmiet diverġenti li mbagħad ikunu jistgħu jiġu inkorporati fl-annessi ta' tali opinjonijiet; jemmen li dawn l-opinjonijiet għandhom jinħarġu f'konformità sħiħa mal-prinċipju tal-proporzjonalità u f'konformità mar-regoli ta' proċedura ta' kull kamra parlamentari nazzjonali;

12.   Jieħu nota tat-talba riċenti għal sensiela ta' konvenzjonijiet demokratiċi madwar l-Ewropa; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-istabbiliment ta' ġimgħa Ewropea annwali tippermetti lill-MPE u lill-Kummissarji, partikolarment Viċi Presidenti inkarigati mir-Raggruppamenti jidhru quddiem assemblej parlamentari nazzjonali sabiex jiddiskutu u jispjegaw l-aġenda Ewropea flimkien mal-MP u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jissuġġerixxi li jirrevedi r-regoli ta' proċedura tiegħu stess sabiex japprova l-inizjattiva u jħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jagħmlu l-istess; jemmen ukoll li l-laqgħat bejn il-gruppi politiċi nazzjonali u dawk Ewropej fil-qafas tal-kooperazzjoni interparlamentari tal-UE jistgħu jġibu valur miżjud fil-forma ta' dibattitu politiku Ewropew awtentiku;

Is-sostenn tar-riforma tal-STB

13.  Jissottolinja l-fatt li l-STB rarament intużat mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, u jemmen li tista' tiġi riformata fil-qafas kostituzzjonali attwali;

14.  Jinnota li eżempji bħall-iskattar tal-proċedura ta' "karta safra" kontra l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad-"Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema" fl-2016 turi li l-STB hija operattiva; jissottolinja li l-użu limitat tal-proċedura ta' "karta safra" jista' jindika li l-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa b'mod ġenerali rispettat fl-UE; għalhekk jemmen li n-nuqqasijiet proċedurali tal-STB ma għandhomx jitqiesu prova konklużiva li ma ġietx osservata s-sussidjarjetà; barra minn hekk, jinnota li l-parlamenti nazzjonali jistgħu jintervjenu u jeżaminaw il-kwistjoni ta' konformità mal-principju tas-sussidjarjetà qabel il-preżentazzjoni ta' proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni fil-forma ta' Green Paper u White Paper jew il-preżentazzjoni annwali tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni;

15.  Ifakkar li, fir-rigward ta' kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva ġdida, il-Kummissjoni hija obbligata teżamina jekk l-UE għandhiex id-dritt li tieħu azzjoni u jekk tali azzjoni tkunx ġustifikata; barra minn hekk jissottolinja li l-esperjenza preċedenti wriet li d-distinzjoni bejn id-dimensjoni politika tal-principju tas-sussidjarjetà u d-dimensjoni legali tal-prinċipju tal-proporzjonalità hija, xi kultant, diffiċli u problematika; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni, fir-risposti tagħha għall-opinjonijiet motivati maħruġa fil-qafas tal-STB jew barra minnu, tindirizza wkoll il-proporzjonalità u, fejn ikun xieraq, kwalunkwe tħassib dwar l-alternattivi ta' politika proposti, flimkien mal-interpretazzjoni tagħha tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

16.  Jirrikonoxxi t-talba li saret min-naħa ta' parlamenti nazzjonali biex jiġi estiż il-perjodu ta' tmien ġimgħat li matulu jistgħu joħorġu opinjonijiet motivati skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1; madankollu, jissottolinja li l-qafas attwali tat-Trattat ma jipprevedix tali estensjoni; iqis, għaldaqstant, li l-Kummissjoni għandha timplimenta perjodu ta' notifika teknika fl-STB sabiex tagħti żmien addizzjonali bejn id-data li fiha abbozzi ta' atti leġiżlattivi teknikament jiġu rċevuti mill-kmamar parlamentari nazzjonali u d-data li fiha jibda l-perjodu ta' tmien ġimgħat; ifakkar, f'dan ir-rigward, li arranġamenti prattiċi oħrajn għat-tħaddim tal-mekkaniżmu ta' kontroll sussidjarju tqiegħdu fil-prattika mill-Kummissjoni fl-2009;

17.  Jieħu nota tat-talba li saret min-naħa ta' ċerti parlamenti nazzjonali biex jiġi estiż il-perjodu ta' tmien ġimgħat li matulu jistgħu joħorġu opinjoni motivata skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2;

18.  Jissuġġerixxi, f'konformità mad-djalogu politiku mniedi mill-Kummissjoni fl-2016, l-użu sħiħ tas-sistema li permezz tagħha l-parlamenti nazzjonali jistgħu jissottomettu proposti kostruttivi lill-Kummissjoni bl-għan li jinfluwenzaw pożittivament id-dibattitu Ewropew u s-setgħa ta' inizjattiva tal-Kummissjoni; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tista' tgawdi mid-diskrezzjoni ta' jekk tadottax tali proposti jew jekk toħroġx risposta formali li tissottolinja r-raġunijiet għaliex ma adottathomx; jirrimarka li tali proċedura ma tistax tikkonsisti minn dritt għal inizjattiva jew dritt għall-irtirar jew l-emenda ta' leġiżlazzjoni, billi altrimenti tfixkel "il-metodu tal-Unjoni" u d-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn il-livell nazzjonali u l-livell Ewropew u b'hekk tikser it-Trattati; jirrakkomanda, sadattant, li fl-eventwalità ta' reviżjoni futura tat-Trattati, id-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva għandu jingħata prinċipalment lill-Parlament Ewropew bħala rappreżentant dirett taċ-ċittadini tal-UE;

L-implimentazzjoni tad-dritt għall-informazzjoni

19.  Jafferma mill-ġdid li l-Artikolu 12 tat-TUE u l-Protokoll Nru 1 jagħtu lill-parlamenti nazzjonali d-dritt li jirċievu informazzjoni direttament mill-istituzzjonijiet Ewropej;

20.  Jenfasizza li l-parlamenti nazzjonali jistgħu jlaħħqu aħjar mal-informazzjoni mibgħuta lilhom jew bis-saħħa tal-STB, jew skont id-dritt tagħhom għall-informazzjoni, jekk il-pjattaforma IPEX tingħata r-rilevanza ta' Agora jew forum, għal djalogu informali permanenti fost il-parlamenti nazzjonali u bejn il-parlamenti nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej; jiddeċiedi, għalhekk, li jippromwovi l-użu tal-pjattaforma għat-tisħiħ tad-djalogu politiku; jirrakkomanda li l-parlamenti nazzjonali jużaw il-pjattaforma IPEX fil-ħin sabiex jiżguraw li l-mekkaniżmu ta' skrutinju nazzjonali jibda jaħdem malajr; jirrakkomanda li l-IPEX tiġi użata bħala mezz għall-kondiviżjoni sistematika tal-informazzjoni u għall-immarkar bikri ta' tħassib tas-sussidjarjetà; jara l-potenzjal għall-iżvilupp tal-IPEX bħala l-mezz prinċipali għall-komunikazzjoni u t-trażmissjoni ta' dokumenti rilevanti mill-istituzzjonijiet tal-UE lill-parlamenti nazzjonali u viċe versa, u, f'dan il-kuntest, jimpenja ruħu li joffri assistenza lill-amministrazzjonijiet tal-kmamar parlamentari nazzjonali dwar kif jaħdmu permezz ta' din il-pjattaforma; barra minn hekk, jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' aktar skambji bejn l-uffiċjali tal-istituzzjonijiet u l-gruppi politiċi fl-amministrazzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali;

Il-previżjoni ta' kooperazzjoni interistituzzjonali aħjar

21.  Jieħu nota tal-kooperazzjoni li hemm bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fil-COSAC, il-Konferenza Interparlamentari dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK-IPC), u fil-qafas tal-Artikolu 13 tat-TSKG; jenfasizza li tali kooperazzjoni għandha tiġi żviluppata abbażi tal-prinċipji tal-kunsens, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni, sabiex il-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jeżerċitaw skrutinju fuq il-gvernijiet u l-amministrazzjonijiet rispettivi tagħhom;

22.  Itenni li l-qafas attwali tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-parlamenti nazzjonali jista' jiġi simplifikat u armonizzat sabiex isir aktar effiċjenti u effikaċi; f'dan il-kuntest, jitlob li jsir rieżami tal-involviment bejn l-Unjoni u l-parlamenti nazzjonali fil-pjattaformi u l-fora eżistenti, bl-għan li jissaħħu dawn ir-relazzjonijiet u jiġu adattati għall-ħtiġijiet attwali; jinsisti, madankollu, li ssir delinjazzjoni ċara tal-kompetenzi ta' teħid tad-deċiżjonijiet bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, fejn tal-ewwel għandhom jeżerċitaw il-funzjoni Ewropea tagħhom fuq il-bażi tal-kostituzzjonijiet nazzjonali tagħhom, b'mod partikolari permezz tal-eżerċitar ta' skrutinju fuq il-membri tal-gvernijiet nazzjonali tagħhom bħala membri tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill, li huwa l-livell li fih jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jimmonitorjaw il-proċess leġiżlattiv Ewropew; għalhekk, jirrifjuta l-ħolqien ta' korpi parlamentari konġunti li jieħdu d-deċiżjonijiet għal raġunijiet ta' trasparenza, responsabilità politika u l-kapaċità li jieħdu azzjoni;

23.  Jindika li t-tisħiħ tad-djalogu politiku u tekniku bejn il-kumitati parlamentari, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew, ikun pass produttiv ħafna lejn kooperazzjoni interparlamentari sħiħa; qiegħed jikkunsidra l-possibilità li jalloka riżorsi addizzjonali sabiex jikseb dan l-għan u l-użu ta' vidjokonferenzi meta jkun possibbli;

24.  Jirrikonoxxi r-rilevanza tal-Laqgħat Interparlamentari tal-Kumitati (ICM) stabbiliti fl-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll Nru 1; jemmen li tista' tinkiseb kooperazzjoni interistituzzjonali aħjar jekk l-ICM jingħataw aktar rilevanza mill-Membri tal-Parlament Ewropew u mill-parlamenti nazzjonali, u jekk jiġu mħejjija għal kooperazzjoni aktar mill-qrib;

25.  Jirrakkomanda li l-parlamenti nazzjonali jkunu involuti b'mod sħiħ fl-iżvilupp li għaddej tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni; jemmen li tali involviment għandu jiġi promoss f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew u b'rispett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-kostituzzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-politiki ta' sigurtà u difiża, inkluż permezz ta' laqgħat interparlamentari konġunti bejn ir-rappreżentanti mill-parlamenti nazzjonali u Membri tal-Parlament Ewropew u permezz ta' djalogu politiku bejn Kumitat dwar is-Sigurtà u d-Difiża stabbilit b'mod sħiħ fil-Parlament Ewropew u l-kumitati parlamentari nazzjonali korrispondenti; jinnota l-potenzjal li dan għandu għall-Istati Membri tal-UE newtri biex jeżerċitaw skrutinju kostruttiv f'dan il-qasam;

26.  Iqis li djalogu politiku u leġiżlattiv imsaħħaħ bejn il-parlamenti nazzjonali u magħhom jiffavorixxi l-konformità mal-objettivi stabbiliti fil-ftehim interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet;

o

o    o

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU C 200, 30.6.1997, p. 153.

(2)

ĠU C 284 E, 21.11.2002, p. 322.

(3)

ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 94.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2014)0430.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2017)0049.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2017)0050.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2017)0048.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2017)0421.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

21.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Michał Boni, Mercedes Bresso, Elmar Brok, Fabio Massimo Castaldo, Pascal Durand, Esteban González Pons, Danuta Maria Hübner, Alain Lamassoure, Jo Leinen, Morten Messerschmidt, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Markus Pieper, Paulo Rangel, Helmut Scholz, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Barbara Spinelli, Claudia Țapardel, Kazimierz Michał Ujazdowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Pervenche Berès, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Jasenko Selimovic


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

23

+

ALDE

Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jasenko Selimovic

ECR

Morten Messerschmidt, Kazimierz Michał Ujazdowski

EFDD

Fabio Massimo Castaldo

GUE/NGL

Helmut Scholz, Barbara Spinelli

PPE

Michał Boni, Elmar Brok, Esteban González Pons, Danuta Maria Hübner, Alain Lamassoure, Markus Pieper, Paulo Rangel, György Schöpflin

S&D

Pervenche Berès, Mercedes Bresso, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Jo Leinen, Pedro Silva Pereira, Claudia Țapardel

VERTS/ALE

Max Andersson, Pascal Durand

1

-

ENF

Gerolf Annemans

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' April 2018Avviż legali