Proċedura : 2017/2145(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0128/2018

Testi mressqa :

A8-0128/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.25

Testi adottati :

P8_TA(2018)0130

RAPPORT     
PDF 734kWORD 67k
28.3.2018
PE 613.512v02-00 A8-0128/2018

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

(2017/2145(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Marco Valli

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

(2017/2145(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 (COM(2017)0365 – C8-0256/2017)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99 u 164 sa 167 tiegħu,

  wara li kkunsidra r-rapport speċjali Nru 7/2016 tal-Qorti tal-Awdituri dwar "Kif is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jimmaniġġja l-binjiet tiegħu madwar id-dinja";

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0128/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għall-implimentazzjoni tal-baġit tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

(2017/2145(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0128/2018),

1.  Jinnota li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) kompla jimplimenta l-baġit amministrattiv tiegħu mingħajr ma ġie affettwat minn żbalji kbar u li, skont ma stmat il-Qorti tal-Awdituri (minn hawn 'il quddiem il-"Qorti"), il-livell ġenerali ta' żbalji fl-infiq relatat mal-baġit għall-"Amministrazzjoni" huwa 0,2 %;

2.  Jiddispjaċih li, l-istess bħal fl-2015, il-Qorti reġgħet sabet nuqqasijiet fil-proċeduri ta' akkwist organizzati mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni għal kuntratti b'valur ta' anqas minn EUR 60 000;

3.  Jirrikonoxxi li s-SEAE adotta sensiela ta' inizjattivi maħsubin biex inaqqsu l-iżbalji fil-proċeduri ta' akkwist permezz ta' titjib fit-taħriġ, fl-appoġġ u fil-pariri mogħtija lill-persunal tad-delegazzjonijiet responsabbli għall-akkwist; jitlob, madankollu, lis-SEAE jkompli għaddej bl-isforzi tiegħu biex b'mod attiv jappoġġja u jissorvelja l-implimentazzjoni tar-regoli u l-proċeduri tal-akkwist fid-delegazzjonijiet bil-għan li dawn itejbu l-konformità u l-effikaċja ġenerali tal-proċeduri li jużaw għall-offerti u tal-mod kif jipproċedu bil-ġestjoni tal-kuntratti; jinkoraġġixxi lis-SEAE jikkunsidra l-possibbiltà li jintroduċi proċeduri ta' akkwist globali jew reġjonali li jkopru diversi delegazzjonijiet tal-Unjoni biex jissostitwixxu kuntratti individwali ta' valur baxx; jitlob lis-SEAE biex jevalwa sa liema punt tali arranġament jista' jnaqqas in-nuqqasijiet fil-proċeduri tal-akkwist u biex jinforma lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament bir-riżultat ta' din l-analiżi;

4.  Jinnota li r-rakkomandazzjonijiet preċedenti li jirrigwardaw kemm l-aġġornament tas-sitwazzjoni personali tal-membri tal-persunal u d-dokumentazzjoni ta' appoġġ relatata kif ukoll il-ġestjoni tal-allowances tal-familja tagħhom ġew implimentati fil-biċċa l-kbira tal-aspetti;

5.  Josserva li 15 mill-20 impenn li ġew eżaminati mill-Qorti kienu ppreparati qabel tmiem is-sena, filwaqt li s-servizzi u l-oġġetti relatati u l-pagamenti korrispondenti kellhom jiġu pprovduti parzjalment jew totalment fl-2017; ifakkar li din il-prattika ta' riporti tmur kontra l-prinċipju tal-annwalità tal-baġit u għandha tibqa' eċċezzjoni u mhux issir mod kif jiġi massimizzat il-perċentwali tal-konsum tal-approprjazzjonijiet fi tmiem is-sena;

6.  Jieħu nota tar-rata għolja ta' anomaliji maqbuda fil-verifiki ex ante tat-tranżazzjonijiet finanzjarji, filwaqt li jinnota n-natura tal-iżbalji u tal-irregolaritajiet, bħal pereżempju n-nuqqas ta' disponibbiltà ta' dokumenti ta' appoġġ jew l-ineliġibbiltà tal-infiq; jilqa' s-sistema estensiva ta' rappurtar intern tas-SEAE li tippermetti l-antiċipazzjoni ta' żbalji potenzjali u b'hekk tikkontribwixxi għal-livell baxx tar-rata ta' żball misjuba mill-Qorti; jinkoraġġixxi lis-SEAE jieħu miżuri biex inaqqas din ir-rata għolja ta' anomaliji; jenfasizza, madankollu, li t-tnaqqis tal-anomaliji maqbuda fil-verifiki ex ante m'għandux jinkiseb għad-detriment taż-żamma ta' rata baxxa ta' żball;

7.  Jiddispjaċih dwar il-persistenza tal-istess nuqqasijiet matul is-snin f'dak li jirrigwarda l-istandards ta' kontroll intern għall-"kontinwità tal-attivitajiet" u l-"ġestjoni tad-dokumenti", liema standards iġibu magħhom ir-riskju li jxekklu d-disponibbiltà u l-affidabbiltà ta' informazzjoni ewlenija b'rabta mal-ġestjoni li tintuża għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-attivitajiet u l-proġetti mid-delegazzjonijiet; ifakkar li t-trasparenza tad-dokumentazzjoni tkun utli mhux biss biex ittejjeb il-kwalità tal-monitoraġġ u tal-kontroll, iżda wkoll bħala strument effiċjenti għall-prevenzjoni tal-frodi u tal-korruzzjoni;

8.  Jinnota li delegazzjoni waħda biss, li taqa' taħt il-kompetenza taċ-Ċentru Reġjonali tal-Ewropa, ħarġet u ġeddet riżerva fid-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tagħha b'rabta mal-ġestjoni tal-akkwist; jistieden lis-SEAE jagħti attenzjoni lill-koerenza bejn l-implimentazzjoni effikaċi, jew biss formali, tal-istandards ta' kontroll intern u l-assigurazzjoni tal-ġestjoni tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u jistiednu wkoll jirrifletti dwar tali koerenza;

9.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-analiżi u l-irfinar tal-kosteffikaċja tal-kontroll ex post permezz tal-ipparagunar tal-ispiża tal-attivitajiet ta' kontroll ex post mal-valur tal-iżbalji maqbuda; jinnota li l-ispiża unitarja għall-qbid tal-iżbalji (spiża għal kull euro) fl-2016 kienet tammonta għal 23 ċenteżmu; jirrikonoxxi li din l-ispiża unitarja hija relatata mar-rata baxxa ta' żball u għaldaqstant tkun aktar baxxa kemm-il darba s-somma affettwata mill-iżball tkun ogħla;

10.  Jilqa' l-introduzzjoni ta' linji gwida ġodda għaċ-ċiklu ta' żjajjar ta' spezzjoni fl-2016, fosthom il-kriterji segwenti għall-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet tad-delegazzjonijiet, bħal pereżempju ambaxxaturi tal-Unjoni li jkunu qed jeżerċitaw il-kariga tagħhom għall-ewwel darba, delegazzjonijiet li jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi partikolari, il-perjodu li jkun għadda mill-ispezzjoni ta' qabel u d-daqs tad-delegazzjonijiet, b'obbligu ta' spezzjoni kull ħames snin għad-delegazzjonijiet li jkunu akbar; jinkoraġġixxi lis-SEAE jkompli jiddefinixxi ċ-ċikli ta' spezzjoni tiegħu fuq tali raġunijiet ibbażati fuq ir-riskju, u jistieden lis-SEAE jinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-esperjenzi u bir-riżultati tiegħu fl-ambitu tal-użu tal-linji gwida l-ġodda;

11.  Jinnota li l-baġit inizjali għall-2016 kien ta' EUR 633,6 miljun, jiġifieri żieda ta' 5,1 % meta mqabbel mas-sena finanzjarja ta' qabel, inklużi EUR 18,9 miljun biex jikkumpensaw għat-telf fil-valur tal-euro u l-approprjazzjonijiet għall-ftuħ ta' delegazzjoni fl-Iran, it-trasferiment tad-delegazzjoni fis-Somalja minn Nairobi għal Mogadishu u l-aġġustamenti tas-salarji fi tmiem is-sena; jinnota li ġew approvati EUR 2,5 miljun f'approprjazzjonijiet supplimentari għall-implimentazzjoni tal-pakkett dwar is-sigurtà fin-netwerk kollu tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, partikolarment għar-reklutaġġ ta' uffiċjali tas-sigurtà reġjonali, xogħlijiet tas-sigurtà jew taħriġ dedikat lill-persunal tas-SEAE, u permezz ta' hekk il-baġit tas-SEAE laħaq l-ammont finali ta' EUR 636,1 miljun;

12.  Josserva li l-baġit finali tas-SEAE ta' EUR 636,1 miljun għall-2016 ġie eżegwit b'99,7 % f'impenji u 87,5 % f'pagamenti fi tmiem is-sena;

13.  Jieħu nota tat-tqassim attwali tal-baġit, jiġifieri EUR 222,7 miljun għall-kwartieri ġenerali tas-SEAE u EUR 413,4 miljun għad-delegazzjonijiet;

14.  Josserva li, fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE, 65,1 % tal-baġit jew EUR 144,2 miljun ġew allokati għall-ħlas tas-salarji u intitolamenti oħra tal-persunal statutorju u dak estern, 13 % jew EUR 30 miljun għall-ġestjoni tal-bini u l-ispejjeż assoċjati, u 14 % jew EUR 30,8 miljun għas-sistemi (inklużi sistemi ta' informazzjoni klassifikata) u t-tagħmir tal-informatika;

15.  Jinnota li l-baġit tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni ta' EUR 413,4 miljun kien maqsum bejn EUR 109,1 miljun (26,4 %) għar-remunerazzjoni u l-intitolamenti tal-persunal statutorju, EUR 64,3 miljun (15,6 %) għall-persunal estern u għas-servizzi esterni, EUR 25,2 miljun (6,1 %) għal infiq ieħor relatat mal-persunal, EUR 169 miljun (40,9 %) għall-bini u l-ispejjeż assoċjati, u EUR 45,7 miljun (11,1 %) għal infiq amministrattiv ieħor; jinnota li, biex ikopri l-ispiża amministrattiva tal-persunal tal-Kummissjoni li jaħdem fid-delegazzjonijiet, is-SEAE rċieva mill-Kummissjoni kontribuzzjoni ta' EUR 185,6 miljun; dan l-ammont (li ma jinkludix id-dħul assenjat) huwa maqsum bejn l-Intestatura V tal-Kummissjoni (EUR 50,4 miljun), il-linji amministrattivi tal-programmi operattivi (EUR 89,9 miljun) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) (EUR 45,4 miljun); jinnota li, fl-2016, il-FEŻ għall-ewwel darba ħallas ammont standard għal kull persuna għall-ispejjeż ġenerali tad-delegazzjonijiet għall-membri tal-persunal tal-Kummissjoni ffinanzjati mill-FEŻ;

16.  Jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm stampa trasparenti u effikaċi tal-baġit tas-SEAE; jiddispjaċih li l-frammentazzjoni tal-istrumenti tiegħu tagħmilha diffiċli biex jinkiseb aċċess għall-informazzjoni; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tagħti aċċess għad-data relatata mal-ispejjeż tal-missjonijiet tagħha;

17.  Jissottolinja li l-eżekuzzjoni tal-baġit amministrattiv tas-SEAE, b'mod partikolari għad-delegazzjonijiet, għandha titjieb fl-effiċjenza, peress li ċerti delegazzjonijiet qed jirċievu kontribuzzjonijiet separati mill-Kummissjoni minn 33 linja baġitarja differenti rigward l-ispejjeż amministrattivi tal-persunal tal-Kummissjoni fid-delegazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni taħdem f'kooperazzjoni mal-Kunsill u mal-Parlament favur semplifikazzjoni baġitarja sabiex tittejjeb il-ġestjoni tal-baġit u sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jingħataw stampa ġenerali trasparenti tal-ispejjeż;

18.  Ifakkar lis-SEAE li hemm differenza sottili bejn id-diplomazija ekonomika u l-illobbjar; jistieden għaldqastant lis-SEAE jistabbilixxi regoli dwar l-illobbjar sabiex issir distinzjoni bejn it-tnejn u sabiex tiġi żgurata t-trasparenza għall-illobbjar kemm fil-kwartieri ġenerali kif ukoll fid-delegazzjonijiet;

19.  Jinnota b'apprezzament li, fl-2016, l-ispejjeż ġenerali komuni tal-uffiċċji tad-delegazzjonijiet kollha (kera, sigurtà u spejjeż ġenerali oħra), inklużi d-delegazzjonijiet tal-FEŻ, ġew iffinanzjati kompletament mil-linji baġitarji tas-SEAE, fatt li jirrappreżenta pass sinifikanti 'l quddiem fir-razzjonalizzazzjoni tal-baġit; jistieden lis-SEAE jkompli javvanza lejn tali semplifikazzjoni tas-sorsi u l-arranġamenti baġitarji;

20.  Jappoġġja l-isforzi kontinwi tas-SEAE matul dawn l-aħħar sentejn biex jissemplifika u jirrazzjonalizza l-arranġamenti ġenerali fil-livell ta' organizzazzjoni u governanza billi fittex integrazzjoni aktar fil-fond tas-servizzi u flussi msaħħa għar-rappurtar u l-komunikazzjoni; iqis li t-tisħiħ tal-kultura tas-servizz tas-SEAE jkun ta' benefiċċju għall-prestazzjoni tas-SEAE; jinnota li, fl-2016, bħala riżultat ta' sforzi matul dawn l-aħħar sentejn biex titnaqqas l-organizzazzjoni b'ammont sproporzjonat ta' karigi tal-ogħla livell, il-persunal li jokkupa pożizzjonijiet maniġerjali jirrappreżenta 6,4 % tal-persunal totali minflok 7,5 % fl-2014;

21.  Jilqa' l-prijoritajiet stabbiliti mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mis-SEAE, f'konformità mal-Istrateġija Globali tal-Unjoni, biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, inkluża l-attenzjoni mogħtija lill-kwistjonijiet ta' migrazzjoni, drogi u traffikar tal-bniedem, u l-implimentazzjoni ta' diplomazija abbażi tad-drittijiet tal-bniedem sabiex il-prijoritajiet politiċi u l-isfidi internazzjonali emerġenti jiġu indirizzati aħjar permezz ta' reazzjonijiet koordinati; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol dejjem aktar importanti tas-SEAE fil-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp tal-bniedem, kif muri, fost oħrajn, permezz tar-rwol tiegħu bħala medjatur u rappreżentant f'organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU, l-innegozjar u l-preservazzjoni tal-ftehim nukleari mal-Iran, u r-rwol tiegħu bħala medjatur fil-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina u l-proċess ta' Brussell għas-Sirja;

22.  Jenfasizza li l-bilanċ ġeografiku, jiġifieri relazzjoni proporzjonata bejn il-membri tal-persunal ta' nazzjonalità partikolari u d-daqs tal-Istat Membru rilevanti, għandu jibqa' wieħed mill-prinċipji ta' gwida fil-ġestjoni tar-riżorsi, partikolarment fir-rigward tal-Istati Membri li daħlu fl-Unjoni fl-2004 jew wara; ifakkar ukoll fl-impenn mogħti lill-Parlament mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà li tindirizza r-rappreżentanza żejda eżistenti ta' diplomatiċi nazzjonali fil-pożizzjoni ta' kap ta' delegazzjoni;

23.  Jiddispjaċih li minn 136 kap ta' delegazzjoni tal-Unjoni, 21 biss ġejjin mit-13-il Stat Membru li ngħaqdu mal-Unjoni wara l-2004; jistieden lis-SEAE jwettaq valutazzjoni fil-fond tal-politika ta' reklutaġġ tiegħu sabiex tkun tista' ssir implimentazzjoni aħjar tal-politika dwar il-bilanċ ġeografiku li tinsab fil-mira tas-SEAE;

24.  Għadu mħasseb dwar l-iżbilanċi kontinwi fil-profil tal-persunal tas-SEAE fir-rigward tan-nazzjonalità; jinnota li, fi tmiem l-2016, 31,7 % tal-persunal tas-SEAE kien ġej mill-Istati Membri meta mqabbel ma' 32,9 % fl-2015 (25,3 % fil-kwartieri ġenerali u 40,8 % fid-delegazzjonijiet); jappella għal distribuzzjoni aktar bilanċjata tal-persunal, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE(6); jilqa' l-impenn mogħti lill-Parlament mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà li tindirizza r-rappreżentanza żejda eżistenti ta' diplomatiċi nazzjonali fil-pożizzjoni ta' kap ta' delegazzjoni;

25.   Jinnota li t-13-il Stat Membru li ngħaqdu mal-Unjoni mill-2004 'l hawn jirrappreżentaw 19,6 % tal-persunal kollu tas-SEAE li għandu l-istatus ta' amministratur, ammont li huwa qrib is-sehem tagħhom mill-popolazzjoni tal-UE (20,6 %); jiġbed, madankollu, l-attenzjoni għall-fatt li t-tali Stati Membri jirrappreżentaw biss 13,28 % tal-pożizzjonijiet maniġerjali u jenfasizza li, filwaqt li jirrispetta politika ta' reklutaġġ ibbażata fuq il-mertu, dan l-iżbilanċ jista' jitqies aħjar fil-proċeduri ta' reklutaġġ fil-futur; jinnota bi tħassib li l-Istati Membri inkwistjoni huma sottorappreżentati b'mod speċjali fil-livell ogħla tal-amministrazzjoni; jirrimarka wkoll li huwa rrakkomandat li jsir progress f'din il-kwistjoni;

26.  Jitlob lis-SEAE biex, sat-30 ta' Ġunju 2018, jagħti spjegazzjoni ulterjuri dwar l-għadd dejjem jikber ta' esperti nazzjonali sekondati, li laħqu l-445 fl-2016 (85 % minnhom ibbażati Brussell) meta mqabbla ma' 434 fl-2015 u 407 fl-2014;

27.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-iżbilanċi bejn is-sessi fil-persunal tas-SEAE fil-livelli ogħla tal-amministrazzjoni; jieħu nota taż-żieda żgħira fin-nisa li jokkupaw postijiet maniġerjali u jenfasizza li għad hemm lok għal titjib sabiex tiżdied ir-rata attwali (22,7 %, fosthom 14 % fil-maniġment superjuri, jiġifieri 6 postijiet minn total ta' 44, u 25 % fil-maniġment intermedju, jiġifieri 53 post minn total ta' 215); jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu b'mod aktar attiv lil kandidati nisa biex japplikaw għal postijiet fil-livell maniġerjali fi ħdan is-SEAE;

28.  Jilqa', f'dan il-kuntest, il-ħolqien tat-task forces dwar "Żvilupp tal-Karriera, Ugwaljanza bejn is-Sessi u Opportunitajiet Indaqs" u "Qafas ta' Tagħlim u Żvilupp" (LEAD) kif ukoll il-ħolqien tan-netwerk "In-Nisa u s-SEAE" (WEEAS) bħala stadji importanti għat-titjib tal-funzjonament tas-SEAE; jemmen li dawn l-inizjattivi jiddefinixxu perkorsi ta' karriera aktar attraenti, jissemplifikaw ir-reklutaġġ u jiżguraw il-ħatra ta' individwi kompetenti, l-adegwatezza tal-kompetenzi kif ukoll ugwaljanza bejn is-sessi u opportunitajiet indaqs mill-perspettiva kemm tas-sessi kif ukoll tal-isfond etniku; jistieden lill-Istati Membri jistinkaw aktar biex jippromwovu kandidati kwalifikati nisa għall-pożizzjonijiet maniġerjali sabiex jitnaqqsu l-iżbilanċi bejn is-sessi; jilqa' l-intenzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà li tiżgura li l-frekwenza tar-rotazzjoni tal-persunal ma tippreġudikax il-kontinwità ta' għarfien u kompetenzi speċifiċi disponibbli kemm fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE kif ukoll fid-delegazzjonijiet;

29.  Jiddispjaċih li, fl-2016, is-Servizz ta' Medjazzjoni tas-SEAE rċieva notifika ta' 75 każ ta' kunflitt, fastidju jew ambjent tax-xogħol ħażin u li 23 każ kienu għadhom miftuħin fi tmiem is-sena; jinnota li, fl-2015, 36 minn 65 każ kienu għadhom miftuħin fi tmiem l-2015 u, għalhekk, li l-għadd relattiv ta' każijiet miftuħin fi tmiem is-sena naqas fl-2016; jilqa' s-sistema ta' twissija stabbilita mis-SEAE li tippermetti segwitu sistematiku tal-ilmenti u jirrikonoxxi b'sodisfazzjon l-azzjonijiet meħuda biex jiġi indirizzat dan il-fenomenu permezz tal-iżvilupp ta' servizzi ta' appoġġ bħal pereżempju medjatur, konsulenti kunfidenzjali, appoġġ mediku u psikoloġiku, sensibilizzazzjoni u miżuri dixxiplinarji xierqa; jistieden lis-SEAE jkompli jtejjeb il-politika tiegħu f'dan ir-rigward sabiex jimpedixxi kwalunkwe forma ta' fastidju psikoloġiku u sesswali kif ukoll każijiet ta' kunflitt, u jistiednu jinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-iżviluppi li jkunu saru;

30.  Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp indipendenti ta' żvelar, konsulenza u riferiment b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, bil-għan li jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jagħtihom l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa;

31.  Josserva li s'issa s-SEAE kkonforma mal-ftehim interistituzzjonali li l-persunal jitnaqqas b'5 % fuq perjodu ta' ħames snin billi neħħa sbatax-il post tax-xogħol fl-2016, u b'hekk it-tnaqqis tal-postijiet applikat s'issa huwa ta' 68, filwaqt li aktar postijiet iridu jiġu identifikati għall-2017 sabiex is-SEAE jilħaq kontribut kumplessiv ta' 84 post matul il-perjodu ta' ħames snin li jintemm fl-2017; jiġbed l-attenzjoni li l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni fuq il-post m'għandhiex tiġi mfixkla minn ammont enormi ta' xogħol għall-persunal, speċjalment f'delegazzjonijiet żgħar jew meta delegazzjoni tkun responsabbli għal aktar minn pajjiż wieħed;

32.   Ifakkar fir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman dwar il-prattika tas-SEAE li joffri traineeships mingħajr remunerazzjoni fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u jissottolinja li huwa importanti li t-trainees kollha tas-SEAE jitħallsu allowance xierqa, sabiex l-isforzi tat-trainees jiġu remunerati b'mod suffiċjenti u sabiex ma tissaħħaħx id-diskriminazzjoni abbażi ta' kriterji ekonomiċi; jilqa', għalhekk, il-miżuri meħuda mis-SEAE biex jirristruttura l-programm ta' traineeships tiegħu, inkluż billi joffri boroż ta' studju għal traineeships fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni; jinsab imħasseb, madankollu, minħabba li l-għadd ta' boroż ta' studju offrut huwa aktar baxx b'mod sinifikanti mill-għadd ta' traineeships fid-delegazzjonijiet offrut fl-2016; jistieden lis-SEAE jsib modi oħra biex joffri traineeships imħallsin bil-għan li jiżgura opportunitajiet indaqs, pereżempju, f'kooperazzjoni ma' universitajiet jew istituzzjonijiet pubbliċi oħra;

33.  Jinsab imħasseb minħabba li n-nuqqasijiet fil-proċeduri tal-akkwist fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni (sejħiet għall-offerti, proposti u oħrajn) affettwaw 87 proġett fl-2015 u fl-2016 b'valur totali ta' EUR 873 197 910; iqis li huwa essenzjali li l-kapijiet tad-delegazzjonijiet ikomplu jirċievu taħriġ regolari u li, waqt sessjonijiet ta' tgħarrif qabel ma jieħdu l-kariga tagħhom, waqt seminars ad hoc jew matul il-konferenza annwali tal-ambaxxaturi, jiġu mfakkra regolarment fir-rwol ewlieni li jiżvolġu fit-tisħiħ kumplessiv tal-assigurazzjoni tas-SEAE u fl-obbligu ta' rendikont tagħhom, kemm għall-ġestjoni tal-infiq amministrattiv u l-portafolli tal-proġetti li jirrikjedu valutazzjoni adegwata kif ukoll għall-ponderazzjoni tad-diversi komponenti li x'aktarx jattivaw il-ħruġ ta' riżerva, apparti d-dmirijiet politiċi tagħhom;

34.  Jenfasizza li n-nuqqasijiet sostanzjali fil-loġika tal-intervent, fis-suppożizzjonijiet jew fil-valutazzjoni tar-riskju kienu l-problemi ewlenin irrappurtati fl-2015 u fl-2016 mill-kapijiet tad-delegazzjonijiet u affettwaw 293 proġett b'ammont totali ta' EUR 2 574 730 715; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jwettqu analiżi fil-fond biex tittejjeb il-ġestjoni tal-proġetti, jiġifieri billi jivvalutaw kif xieraq ir-riskji, il-prijoritajiet ġeografiċi, il-kapaċità tad-delegazzjonijiet tal-UE li jlaħħqu mal-ammont ta' xogħol u li jkomplu jiffokaw fuq l-oqsma ta' appoġġ sabiex ikattru l-impatt tal-għajnuna;

35.  Jinnota li l-baġit annwali għall-185 binja intiża għall-uffiċini u l-144 residenza uffiċjali tas-SEAE jammonta għal madwar EUR 160 miljun, ċifra li tirrappreżenta 20 % tal-baġit tas-SEAE; jirrikonoxxi l-isforzi li saru mis-SEAE mill-aħħar proċedura ta' kwittanza 'l hawn biex jadatta u jikkoreġi diversi komponenti tal-politiki immobiljari tiegħu; jafferma mill-ġdid, madankollu, li l-monitoraġġ u l-irkupru tal-ispejjeż kollha u l-proċedura ta' selezzjoni jridu jiġu approfonditi; jenfasizza li huwa importanti li jinstab bilanċ bejn il-kwistjonijiet ta' sigurtà, il-politika ambjentali u l-aċċess għall-persuni b'diżabbiltà u l-ħtieġa li jsir aktar iffrankar b'rabta mal-bini; jenfasizza li huwa importanti li l-kuntratti jiġu nnegozjati sabiex joffru ffrankar u kontinwità fil-politika immobiljari; jissuġġerixxi li s-SEAE jwettaq analiżi komprensiva tad-delegazzjonijiet kollha tal-Unjoni biex jiddetermina f'liema pajjiżi jkun aktar kosteffiċjenti li d-delegazzjonijiet jixtru, u mhux jikru, il-bini intiż għall-uffiċini jew għar-residenza;

36.  Jilqa' l-isforzi maħsubin biex jiżdied l-appoġġ koordinat għad-delegazzjonijiet tal-Unjoni rigward il-ġestjoni tal-bini pprovdut mill-kwartieri ġenerali, inkluż, fost l-oħrajn, il-varar ta' verżjoni aġġornata tal-għodda informatika għall-Ġestjoni tal-Bini (IMMOGEST) jew iż-żieda ta' persunal kuntrattwali speċjalizzat fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE; jistieden lis-SEAE jkompli jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti fir-rapport speċjali tagħha dwar kif is-SEAE jimmaniġġja l-binjiet tiegħu madwar id-dinja; jitlob lis-SEAE jwettaq rieżami tal-miżuri l-ġodda u jżomm lill-Parlament infurmat bir-riżultati(7);

37.  Jinsab konvint li huwa importanti li jkun hemm netwerk konsistenti ta' uffiċjali tas-sigurtà reġjonali għas-sigurtà tal-persunal;

38.  Iqis li, fi kwalunkwe fajl ġdid jew tranżazzjoni ġdida ta' natura immobiljari li jridu jiġu maqbula fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE, trid tiġi żgurata verifika fil-fond tal-kundizzjonijiet tal-kera jew l-għażliet tax-xiri ta' bini intiż għall-uffiċini u residenzi; jirrikonoxxi li, mill-2016 'l hawn, is-SEAE tejjeb is-sistema ta' verifika għax-xiri ta' proprjetà immobbli permezz tal-implimentazzjoni ta' evalwazzjonijiet finanzjarji u awditi tekniċi esterni magħmula minn esperti rikonoxxuti u jistieden lis-SEAE jippreżenta r-riżultati ta' dawk l-azzjonijiet; jistieden lis-SEAE jkompli jissorvelja l-ispazju intiż għall-uffiċini sabiex jilħaq il-parametri referenzjarji previsti; jilqa' l-fatt li d-daqs medju tal-bini tad-delegazzjonijiet ċkien bi ftit fl-2016 iżda jiddispjaċih li l-fatt li s-SEAE qabeż il-limitu massimu ta' 35 m² għal kull persuna f'dak li jirrigwarda l-bini intiż għall-uffiċini wassal għal spejjeż addizzjonali ta' EUR 7,4 miljun; jirrikonoxxi li d-delegazzjonijiet huma mxekkla fil-kapaċità tagħhom li jċekknu d-daqs tal-bini meta, pereżempju, ikunu marbutin b'kuntratti lokatizji eżistenti;

39.  Jistieden ukoll lis-SEAE jidentifika l-aħjar prattiki fost l-Istati Membri f'dak li jirrigwarda l-ġestjoni tal-proprjetà immobbli li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-politika immobiljari tiegħu b'mod kosteffikaċi; jinnota li, mill-2016 'l hawn, is-SEAE kkonkluda kuntratt ma' fornitur tas-servizzi biex b'mod sistematiku jissorvelja l-informazzjoni dwar is-suq u biex jikkalkula r-redditu fuq l-investiment fid-dawl tal-għażliet tal-kiri eżistenti; 

40.  Jilqa' t-task force mal-Istati Membri ddedikata għall-kwistjoni politika ewlenija tal-kolokazzjoni tal-bini diplomatiku u tal-estensjoni potenzjali tagħha; jinnota li 11-il kolokazzjoni ġdida ġew maqbula matul l-2016 u li b'hekk l-għadd totali ta' arranġamenti ta' dan it-tip bħalissa jammonta għal 91;

41.  Jinnota b'apprezzament l-arranġamenti interistituzzjonali mad-DĠ Protezzjoni Ċivili u Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (ECHO) u l-arranġament mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), fil-fażi ta' tħejjija, għall-kondiviżjoni tal-bini u t-tnaqqis tal-ispejjeż; jistieden lis-SEAE biex, bħala parti mill-monitoraġġ tal-ispejjeż, jestendi tali memoranda ta' qbil għal entitajiet oħrajn tal-Unjoni;

42.  Jenfasizza l-bżonn li d-diżinformazzjoni tiġi esposta, speċjalment fil-Viċinat tal-Lvant, il-Balkani tal-Punent u n-Nofsinhar u jinnota l-ħidma tat-Task Force East StratCom f'dan ir-rigward;

43.  Jilqa' l-istabbiliment tal-pjattaforma ta' sostenn għall-missjonijiet maħsuba biex tipprovdi sostenn amministrattiv ċentralizzat lill-missjonijiet tal-PSDK; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa importanti li jiġi indirizzat il-finanzjament tal-pjattaforma, b'qafas ċar u trasparenti għall-allokazzjoni u l-użu tal-finanzjament tagħha, filwaqt li jiġi massimizzat l-effett tal-livelli preeżistenti ta' nfiq, sabiex jiġi żgurat effett qawwi u osservabbli fil-każijiet fejn tintuża;

44.  Jitlob lill-Kunsill u lis-SEAE jissodisfaw l-obbligu legali tagħhom li jibagħtu lill-Parlament Ewropew, mingħajr dewmien u mingħajr ma jkollha għalfejn issir talba f'dan s-sens, id-dokumenti kollha rilevanti relatati man-negozjati dwar ftehimiet internazzjonali, inklużi d-direttivi ta' negozjati, it-testi maqbula u l-minuti ta' kull ċiklu ta' negozjati, f'konformità mal-Artikolu 218(10) tat-TFUE, li jgħid li l-"Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura"; ifakkar lill-Kunsill u lis-SEAE li, minħabba l-ksur tal-Artikolu 218(10) fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diġà annullat id-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta' diversi ftehimiet u jenfasizza li fil-futur l-approvazzjoni tal-Parlament dwar ftehimiet ġodda, bħall-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ mal-Armenja, tista' ma tingħatax, sakemm il-Kunsill u s-SEAE jissodisfaw l-obbligu legali tagħhom;

45.  Jinnota li s-SEAE għadu ma indirizzax ir-rakkomandazzjoni li saret fir-Rapport Speċjali tal-Qorti 14/2013 li titlob it-tħejjija ta' pjan ta' azzjoni dettaljat sabiex titjieb l-effikaċja tal-appoġġ tal-Unjoni lill-Palestina; jinkoraġġixxi lis-SEAE jimplimenta bis-sħiħ din ir-rakkomandazzjoni f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni;

46.  Jinnota li, skont il-proċedura ta' kwittanza attwali, is-SEAE jippreżenta r-rapporti ta' attività annwali lill-Qorti f'Ġunju, il-Qorti mbagħad tippreżenta r-rapport tagħha lill-Parlament f'Ottubru, u sa Mejju ssir votazzjoni dwar il-kwittanza mill-Parlament fis-sessjoni plenarja; jinnota li, sakemm il-kwittanza ma tiġix differita, jgħaddu mill-anqas 17-il xahar bejn l-għeluq tal-kontijiet annwali u l-għeluq tal-proċedura ta' kwittanza; jirrimarka li l-awditjar fis-settur privat isegwi skeda ta' żmien ħafna iqsar; jenfasizza li l-proċedura ta' kwittanza jeħtieġ li tiġi ssemplifikata u mħaffa; jitlob li s-SEAE u l-Qorti jsegwu l-aħjar prattika fis-settur privat u jipproponi, f'dan ir-rigward, li l-iskadenza għall-preżentazzjoni tar-rapporti ta' attività annwali tkun il-31 ta' Marzu tas-sena li tiġi wara s-sena kontabilistika u l-iskadenza għall-preżentazzjoni tar-rapport tal-Qorti tkun l-1 ta' Lulju; jipproponi wkoll li jsir rieżami tal-iskeda taż-żmien għall-proċedura ta' kwittanza kif stabbilit fl-Artikolu 5 tal-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament sabiex il-votazzjoni dwar il-kwittanza ssir fis-sessjoni parzjali tal-Parlament f'Novembru, u b'hekk il-proċedura ta' kwittanza tingħalaq matul is-sena li tiġi wara s-sena kontabilistika inkwistjoni.31.1.2018

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima X - Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

(2017/2145(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Cristian Dan Preda

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) implimenta l-baġit amministrattiv tiegħu tal-2016 mingħajr ma ġie affettwat minn żbalji materjali; jinnota ż-żieda fir-rata ta' żbalji meta mqabbla mal-2015, kif indikat mill-kontrolli ex post; jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li jissaħħu l-isforzi sabiex titnaqqas ir-rata sinifikanti tal-anomaliji li nstabu fil-verifiki ex ante tat-tranżazzjonijiet finanzjarji;

2.  Jinnota li fi tmiem l-2016, 31,7 % tal-persunal tas-SEAE kien ġej mill-Istati Membri (25,3 % fil-kwartieri ġenerali u 40,8 % fid-delegazzjonijiet); jappella għal distribuzzjoni aktar bilanċjata tal-persunal, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE(8); jilqa' l-impenn mogħti lill-Parlament mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà li tindirizza r-rappreżentanza żejda eżistenti ta' diplomatiċi nazzjonali fil-pożizzjonijiet ta' Kapijiet tad-Delegazzjonijiet;

3.  Jieħu nota pożittiva li t-13-il Stat Membru li ssieħbu fl-Unjoni mill-2004 jirrappreżentaw 19,6 % tal-persunal AD kollu tas-SEAE, li jqarreb is-sehem tagħhom tal-popolazzjoni tal-Unjoni (20,6 %); jiġbed l-attenzjoni, madankollu, li huma jirrappreżentaw biss 13,28 % ta' pożizzjonijiet maniġerjali u jenfasizza li, filwaqt li jirrispettaw politika ta' reklutaġġ ibbażata fuq il-mertu, dan għandu jkompli jissaħħaħ sabiex jirrifletti sehemhom mill-popolazzjoni tal-Unjoni fi ħdan is-SEAE;

4.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-iżbilanċi bejn is-sessi fil-persunal tas-SEAE fil-livell maniġerjali; jieħu nota taż-żieda żgħira ta' nisa fil-pożizzjonijiet maniġerjali u jenfasizza li għandhom isiru aktar sforzi sabiex tiżdied ir-rata attwali (23,99 %); jilqa' f'dan il-kuntest, l-istabbiliment ta' task force dwar is-sessi mis-Segretarju Ġenerali tas-SEAE;

5.  Jinnota li l-implimentazzjoni mis-SEAE tat-tnaqqis obbligatorju ta' 1 % tal-persunal statutorju tkompliet fl-2016; madankollu, jissottolinja l-importanza li l-għanijiet ambizzjużi tal-politiki esterni tal-Unjoni definiti fl-Istrateġija Globali jitqabblu ma' riżorsi xierqa, kemm fil-Kwartieri Ġenerali kif ukoll fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni; jiġbed l-attenzjoni li l-effettività tal-azzjoni tal-Unjoni fuq il-post m'għandhiex tiġi mfixkla minn ammont enormi ta' xogħol tal-persunal, speċjalment f'delegazzjonijiet żgħar jew meta delegazzjoni hija responsabbli għal aktar minn pajjiż wieħed;

6.  Jilqa' l-istabbiliment tal-Pjattaforma ta' Sostenn għall-Missjonijiet biex tipprovdi appoġġ amministrattiv ċentralizzat għall-missjonijiet tal-PSDK; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġi indirizzat il-finanzjament tal-Pjattaforma, b'qafas ċar u trasparenti għall-allokazzjoni u l-użu tal-finanzjament tagħha, u jiġi mmassimizzat l-effett ta' livelli preeżistenti ta' nfiq, sabiex jiġi żgurat effett b'saħħtu u osservabbli fejn hu skjerat;

7.  Jilqa' l-faċilità ta' self ta' EUR 200 miljun biex titjieb il-ġestjoni tal-politika tal-bini, u jitlob li din il-faċilità ta' self tiżdied;

8.  Jinnota li, kemm fl-2015 kif ukoll fl-2016, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri sabet dgħufijiet fil-proċeduri ta' akkwist organizzati mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għal kuntratti b'valur ta' inqas minn EUR 60 000; jilqa' t-tibdiliet proposti, li għandhom jinbdew fl-2018 dwar it-taħriġ u l-mudelli kuntrattwali u jistenna bil-ħerqa li titjieb l-effiċjenza f'dan ir-rigward;

9.  Jitlob lill-Kunsill u lis-SEAE jissodisfaw l-obbligu legali tagħhom li jibagħtu lill-Parlament Ewropew, mingħajr dewmien u mingħajr ma tkun meħtieġa talba, id-dokumenti kollha rilevanti relatati ma' negozjati dwar ftehimiet internazzjonali, inklużi d-direttivi ta' negozjar, it-testi miftiehma u l-minuti ta' kull sessjoni ta' negozjati, skont l-Artikolu 218(10) TFUE, li jgħid li, "Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura"; ifakkar lill-Kunsill u lis-SEAE li, minħabba l-ksur tal-Artikolu 218(10) fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diġà annullat id-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta' diversi ftehimiet, u jenfasizza li fil-futur l-approvazzjoni tal-Parlament dwar ftehimiet ġodda, bħall-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ mal-Armenja, tista' ma tingħatax, sakemm il-Kunsill u s-SEAE jissodisfaw l-obbligu legali tagħhom;

10.  Bi pjaċir jinnota li wara l-konklużjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fl-2015-16 li fihom instabu ċerti dgħufijiet fil-proċeduri ta' reklutaġġ ta' aġenti lokali fid-delegazzjonijiet u fil-proċeduri ta' akkwist organizzati mid-delegazzjonijiet, ittieħdu xi passi biex tittejjeb il-kwalità tal-proċeduri mwettqa mis-SEAE mill-2018; madankollu, jinnota li dan it-titjib irid ikun sostantiv u jindika progess ċar u li jista' jitkejjel f'termini ta' responsabbiltà u trasparenza min-naħa tas-SEAE;

11.  Jinnota li s-SEAE għadu ma indirizzax ir-rakkomandazzjoni li saret fir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri 14/2013 li jitlob it-tħejjija ta' pjan ta' azzjoni dettaljat sabiex titjieb l-effettività tal-appoġġ tal-Unjoni lill-Palestina; jinkoraġġixxi lis-SEAE jimplimenta bis-sħiħ din ir-rakkomandazzjoni f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Unjoni, f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew, li jiġu offruti traineeships bi ħlas fid-delegazzjonijiet barranin tagħha, u b'hekk isiru aċċessibbli wkoll għal żgħażagħ li għandhom riżorsi finanzjarji limitati skont il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

23.1.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

6

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule-Pēterse, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Alex Mayer, David McAllister, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Alyn Smith, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, László Tőkés, Miguel Urbán Crespo, Ivo Vajgl

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Brando Benifei, Rebecca Harms, Marek Jurek, Jo Leinen, Miroslav Poche, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Barbara Kudrycka, Tiemo Wölken

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

49

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Iveta Grigule-Pēterse, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Jozo Radoš, Ivo Vajgl

ECR

Amjad Bashir, Bas Belder, Marek Jurek, Ryszard Antoni Legutko

EFDD

Fabio Massimo Castaldo

PPE

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Barbara Kudrycka, Eduard Kukan, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, László Tőkés, Traian Ungureanu

S&D

Francisco Assis, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Eugen Freund, Jo Leinen, Andrejs Mamikins, Alex Mayer, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Miroslav Poche, Tiemo Wölken

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Rebecca Harms, Tamás Meszerics, Alyn Smith, Bodil Valero

6

-

EFDD

James Carver

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Miguel Urbán Crespo, Marie-Christine Vergiat

NI

Georgios Epitideios

2

0

GUE/NGL

Sofia Sakorafa

NI

Janusz Korwin-Mikke

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Raffaele Fitto, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Jean-François Jalkh, Arndt Kohn, Notis Marias, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Julia Pitera

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

19

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová

EFDD

Marco Valli

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Cătălin Sorin Ivan, Arndt Kohn, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

3

-

ECR

Raffaele Fitto, Notis Marias

ENF

Jean-François Jalkh

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

  ĠU L 48, 24.2.2016.

(2)

  ĠU C 323, 28.9.2017, p. 1.

(3)

  ĠU C 322, 28.9.2017, p. 1.

(4)

  ĠU C 322, 28.9.2017, p. 10.

(5)

  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(6)

  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(7)

  Il-Qorti tal-Awdituri: Rapport speċjali Nru 07/2016: Kif is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jimmaniġġja l-binjiet tiegħu madwar id-dinja.

(8)

  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' April 2018Avviż legali