Proċedura : 2017/2216(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0135/2018

Testi mressqa :

A8-0135/2018

Dibattiti :

PV 02/05/2018 - 23
CRE 02/05/2018 - 23

Votazzjonijiet :

PV 03/05/2018 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0196

RAPPORT     
PDF 772kWORD 68k
9.4.2018
PE 612.146v03-00 A8-0135/2018

dwar ir-Rapport Annwali 2016 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi

(2017/2216(INI))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Gilles Pargneaux

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport Annwali 2016 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi

(2017/2216(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll (Nru 1) tat-TFUE dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll (Nru 2) tat-TFUE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-rapporti annwali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2017 bit-titolu "Il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Il-ġlieda kontra l-frodi: Rapport Annwali 2016" (COM(2017)0383) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawh (SWD(2017)0266, SWD(2017)0267, SWD(2017)0268, SWD(2017)0269 u SWD(2017)0270),

–  wara li kkunsidra r-rapport 2016 tal-OLAF u r-Rapport tal-Attività 2016 tal-Kumitat Superviżorju tal-OLAF,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999(2) u l-analiżi tagħha ta' nofs it-terminu tat-2 ta' Ottubru 2017 (COM(2017)0589 u SWD(2017)0332),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra r-Rapport 2015 dwar id-Diskrepanza tal-VAT ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea u dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' April 2016 dwar pjan ta' azzjoni dwar il-VAT (COM(2016)0148),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawża C-105/14, Taricco et al(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0135/2018),

A.  billi l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom responsabbiltà kondiviża għall-implimentazzjoni ta' 74 % tal-baġit tal-Unjoni għall-2016; billi l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja għall-ġbir tar-riżorsi proprji, partikolarment fil-forma tal-VAT u d-dazji doganali;

B.  billi n-nefqa pubblika bil-għaqal u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE għandhom ikunu elementi ewlenin tal-politika tal-UE intiżi biex isaħħu l-fiduċja taċ-ċittadini billi jiżguraw li flushom jintużaw b'mod korrett u effikaċi;

C.   billi l-kisba ta' prestazzjoni tajba permezz ta' proċessi ta' semplifikazzjoni tinvolvi l-valutazzjoni regolari tal-inputs, l-outputs, l-eżiti/ir-riżultati u l-impatti permezz ta' awditi tal-prestazzjoni;

D.  billi d-diversità li teżisti fis-sistemi ġuridiċi u amministrattivi fl-Istati Membri jeħtieġ li tiġi indirizzata b'mod adegwat sabiex jingħelbu l-irregolaritajiet u jiġu miġġielda l-frodi; billi l-Kummissjoni, għaldaqstant, għandha żżid l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-ġlieda kontra l-frodi tiġi implimentata b'mod effikaċi u tipproduċi riżultati aktar tanġibbli u aktar sodisfaċenti;

E.  billi l-Artikolu 325(2) tat-TFUE jgħid li l-Istati Membri "għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħalma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess";

F.  billi l-fluttwazzjoni fl-għadd ta' irregolaritajiet tista' tkun marbuta mal-progressjoni taċ-ċikli ta' programmazzjoni pluriennali (b'livelli ogħla ta' individwazzjoni fi tmiem iċ-ċikli minħabba l-għeluq tal-programmi) kif ukoll ma' rapportar tard minn ċerti Stati Membri li għandhom it-tendenza jirrapportaw il-biċċa l-kbira tal-irregolaritajiet tal-programmi pluriennali preċedenti f'daqqa;

G.  billi l-VAT hija sors ta' dħul importanti u dejjem akbar għall-Istati Membri, u rendiet madwar EUR 1 035,3 biljun fl-2015, filwaqt li kkontribwiet EUR 18,3 biljun għar-riżorsi proprji tal-UE, li jiġu 13,9 % tad-dħul totali tal-UE, fl-istess sena;

H.  billi s-sistemi tal-VAT, b'mod partikolari kif applikati għat-tranżazzjonijiet transfruntiera, huma vulnerabbli għal strateġiji ta' frodi u ta' evażjoni tat-taxxa, fejn il-frodi MTIC (Frodi Intra-Komunitarja b'Negozjant Nieqes, magħrufa bħala frodi karusell) waħedha kienet responsabbli għal telf ta' madwar EUR 50 biljun mid-dħul tal-VAT fl-2015;

I.  billi l-korruzzjoni taffettwa lill-Istati Membri kollha, partikolarment fl-għamla ta' kriminalità organizzata u mhux biss tqiegħed piż fuq l-ekonomija tal-UE, iżda ddgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Ewropa kollha; billi ċ-ċifri eżatti, madankollu, mhumiex magħrufa, peress li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tippubblikax id-data fir-rapport dwar il-politika tal-UE kontra l-korruzzjoni;

J.  billi l-frodi hija eżempju ta' għemil ħażin intenzjonat u tikkostitwixxi reat, filwat li "irregolarità" tfisser nuqqas ta' konformità mar-regoli;

K.  billi d-diskrepanza tal-VAT ammontat għal madwar EUR 151,5 biljun fl-2015 u tvarja minn inqas minn 3,5 % għal aktar minn 37,2 % skont il-pajjiż ikkonċernat;

L.  billi sakemm jinħoloq l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u sakemm issir ir-riforma tal-Eurojust, l-OLAF huwa l-uniku korp Ewropew speċjalizzat fil-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-Unjoni; billi f'diversi Stati Membri, anki wara l-istabbiliment tal-UPPE, l-OLAF se jibqa' l-uniku korp li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

Individwazzjoni u rapportar ta' irregolaritajiet

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-għadd totali ta' irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti rrapportati fl-2016 (19 080 każ) naqas bi 15 % meta mqabbel mal-2015 (22 349 każ) u li l-valur tagħhom naqas bi 8 % (minn EUR 3,21 biljun fl-2015 għal EUR 2,97 biljun fl-2016);

2.  Jinnota t-tnaqqis ċkejken ta' 3,5 % fl-għadd ta' irregolaritajiet irrappurtati bħala frawdolenti, li jikkonferma t-tendenza ta' tnaqqis li bdiet fl-2014; jittama li t-tnaqqis tal-ammonti inkwistjoni, li naqsu minn EUR 637,6 miljun fl-2015 għal EUR 391 miljun fl-2016, jirrifletti tnaqqis reali tal-frodi u mhux nuqqasijiet fl-individwazzjoni tagħhom;

3.  Jirrimarka li mhux l-irregolaritajiet kollha huma frawdolenti u li għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-iżbalji li saru;

4.  Huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-qasam tal-individwazzjoni tal-frodi mhijiex effikaċi biżżejjed; iħeġġeġ, għaldaqstant, li jittieħdu sett ta' miżuri biex jiżguraw aktar kooperazzjoni aktar mill-qrib, aktar effikaċi u aktar effiċjenti;

5.  Jiddeplora l-fatt li mhux l-Istati Membri kollha adottaw strateġiji nazzjonali kontra l-frodi; jistieden lill-Kummissjoni taħdem b'mod attiv biex tgħin lill-Istati Membri joħolqu l-istrateġiji nazzjonali tagħhom kontra l-frodi, partikolarment minħabba li jamministraw madwar 74 % tal-baġit tal-UE;

6.  Jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema uniformi għall-ġbir ta' data komparabbli dwar irregolaritajiet u każijiet ta' frodi mill-Istati Membri sabiex tistandardizza l-proċess ta' rapportar u tiżgura l-kwalità u l-komparabbiltà tad-data pprovduta;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-differenzi persistenti bejn l-Istati Membri rigward il-proċess ta' rapportar, li jistgħu jagħtu lok għal perċezzjoni żbaljata tal-effikaċja tal-kontrolli; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-isforzi tagħha biex tgħin lill-Istati Membri jżidu l-livell u l-kwalità tal-ispezzjonijiet u jikkondividu bejniethom l-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra l-frodi;

Id-Direttiva PIF u r-Regolament UPPE

8.  Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva PIF), li tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni tar-reati u s-sanzjonijiet fil-qasam ta' frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li tinkludi frodi tal-VAT transfruntieri li jinvolvu danni totali ta' mill-inqas EUR 10 miljun; ifakkar, madankollu, li dan il-livell minimu se jkun soġġett għal valutazzjoni tal-Kummissjoni sas-6 ta' Lulju 2022; jilqa' l-fatt li l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva PIF jinkludi l-frodi tal-VAT, li hija partikolarment importanti biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi transfruntiera tal-VAT; iqis id-Direttiva bħala l-ewwel pass lejn l-armonizzazzjoni tal-liġi kriminali Ewropea; jinnota li d-Direttiva tipprevedi definizzjoni ta' korruzzjoni u tiddefinixxi t-tipi ta' mġiba frawdolenti li għandha titqies bħala reat;

9.  Jilqa' d-deċiżjoni ta' 20 Stat Membru li jissoktaw bit-twaqqif tal-UPPE permezz ta' kooperazzjoni msaħħa; jappella għal kooperazzjoni effikaċi bejn l-OLAF u l-UPPE, ibbażata fuq il-komplementarjetà, l-iskambju effiċjenti tal-informazzjoni u l-appoġġ tal-OLAF għall-attivitajiet tal-UPPE, u li jiġi evitat li jkun hemm strutturi doppji, kunflitti ta' kompetenzi u lakuni legali li jinqalgħu minħabba nuqqas ta' kompetenzi; jiddispjaċih, madankollu, li mhux l-Istati Membri kollha tal-Unjoni xtaqu jipparteċipaw f'din l-inizjattiva u jenfasizza l-importanza li jinżammu rati ta' effiċjenza ekwivalenti fl-Istati Membri kollha fejn tidħol l-individwazzjoni tal-frodi; jistieden lill-Kummissjoni tinċentiva lill-Istati Membri li s'issa sabuha bi tqila li jkunu parti mill-UPPE;

10.  Jistieden lill-Istati Membri parteċipanti u lill-Kummissjoni jibdew il-ħidma preparatorja biex l-UPPE jibda jaħdem mill-aktar fis possibbli u biex iżommu lill-Parlament assoċjat mill-qrib mal-proċeduri, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-ħatra tal-Kap Prosekutur; jistieden lill-Kummissjoni taħtar id-Direttur Amministrattiv ad interim tal-UPPE mill-aktar fis possibbli f'konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament dwar l-UPPE; jinsisti li għandhom jiġu allokati persunal u riżorsi suffiċjenti lill-UPPE anki qabel it-tnedija uffiċjali tiegħu; itenni li l-UPPE jeħtieġlu jkun indipendenti;

11.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni effettiva fost l-Istati Membri, l-UPPE, l-OLAF u l-Eurojust; ifakkar fin-negozjati pendenti dwar ir-Regolament dwar il-Eurojust; jissottolinja li jeħtieġ li l-kompetenzi rispettivi tal-Eurojust, tal-OLAF u tal-UPPE jiġu definiti b'mod ċar; jissottolinja li sabiex il-ġlieda kontra l-frodi tkun tassew effikaċi fil-livell tal-UE, jeħtieġ li l-UPPE, il-Eurojust u l-OLAF jaħdmu flimkien mingħajr xkiel kemm f'termini ta' politika kif ukoll f'termini operattivi sabiex jevitaw kwalunkwe duplikazzjoni possibbli fil-kompiti; itenni, f'dan ir-rigward, li l-arranġamenti ta' ħidma bejn dawn it-tliet korpi għandhom jitfasslu u jiġu adottati mill-aktar fis possibbli f'konformità mal-Artikoli 99 sa 101 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939(8); jinsisti li l-UPPE għandu jkollu s-setgħa li jsolvi l-kunflitti ta' kompetenza f'każijiet rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tiegħu;

Dħul ‒ riżorsi proprji

12.  Jinsab imħasseb dwar it-telf dovut għad-diskrepanza tal-VAT u l-frodi tal-VAT tal-UE, li fl-2015 ammonta għal EUR 159,5 biljun;

13.  Jilqa' l-adozzjoni tal-miżuri fuq terminu qasir għall-ġlieda kontra t-telf mill-VAT imsemmi fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni intitolat "Lejn żona unika tal-VAT fl-UE", ippubblikat fis-7 ta' April 2016; jenfasizza li l-problemi relatati mal-frodi transfruntiera tal-VAT jesiġu miżuri b'saħħithom, koordinati u rapidi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-proċeduri tagħha sabiex tippreżenta l-proposti tagħha għal sistema definittiva tal-VAT kif previst fil-pjan ta' azzjoni, sabiex jiġi evitat it-telf tad-dħul mit-taxxa fl-UE u fl-Istati Membri;

14.  Jiddispjaċih li, għalkemm l-għadd totali ta' każijiet frawdolenti u mhux frawdolenti relatati mar-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT) naqas minn 5 514 fl-2015 għal 4 647 fl-2016, l-ammont totali kkonċernat żdied minn EUR 445 miljun għal EUR 537 miljun u huwa 13 % ogħla mill-medja għas-snin 2012-2016;

15.  Jinnota bi tħassib kbir li l-kuntrabandu tat-tabakk lejn l-UE sar aktar intensiv f'dawn l-aħħar snin u, skont l-istimi, jirrappreżenta telf annwali ta' EUR 10 biljun fi dħul pubbliku għall-baġits tal-UE u tal-Istati Membri u fl-istess ħin huwa sors ewlieni tal-kriminalità organizzata, inkluż it-terroriżmu; iqis li huwa meħtieġ li l-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra dawn l-attivitajiet illegali, pereżempju billi jtejbu l-proċeduri għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri;

16.  Jinnota r-riżultati tat-12-il operazzjoni konġunta tad-dwana mwettqa mill-OLAF u l-Istati Membri f'kooperazzjoni ma' diversi servizzi ta' pajjiżi terzi u d-WCO, li partikolarment wasslu għall-qbid ta' 11-il miljun sigarett, 287 000 sigarru, 250 tunnellata prodotti oħrajn tat-tabakk, 8 tunnellati kannabis u 400 kg kokaina;

17.  Jinnota li l-kontrolli doganali mwettqa fil-ħin tal-iżdoganar tal-merkanzija u l-ispezzjonijiet mis-servizzi ta' kontra l-frodi kienu l-aktar metodi li kellhom suċċess fl-individwazzjoni ta' każijiet frawdolenti fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE;

18.  Jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-kontrolli doganali u l-ġbir relatat tad-dazji doganali, li jikkostitwixxu riżorsa proprja għall-baġit tal-UE; ifakkar li huwa l-kompitu tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li jwettqu ispezzjonijiet biex jivverifikaw jekk l-importaturi humiex konformi mar-regoli dwar it-tariffi u l-importazzjonijiet;

19.  Jiddeplora d-differenzi fil-kontrolli tad-dwana mwettqa fi ħdan l-UE, u l-ammonti kbar involuti fi frodi li jaffettwaw is-sistema ta' ġbir tar-riżorsi proprji; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-politika komuni dwar il-kontrolli doganali billi tipprevedi armonizzazzjoni ġenwina bil-għan li jitjieb il-ġbir tar-riżorsi proprji tradizzjonali u tiżgura s-sigurtà u l-interessi ekonomiċi tal-UE, filwaqt li tiffoka b'mod partikolari fuq l-isforzi fil-ġlieda kontra l-kummerċ fi prodotti illeċiti u kontrafatti;

20.  Jiddeplora l-fatt li bejn l-2013 u l-2016 l-importazzjonijiet ta' ħwejjeġ u żraben miċ-Ċina kienu sottovalutati meta ddaħħlu f'diversi pajjiżi fl-Ewropa, u b'mod partikolari fir-Renju Unit;

21.  Jenfasizza li l-OLAF irrakkomanda li l-Kummissjoni tirkupra mill-Gvern tar-Renju Unit nuqqas ta' qligħ ta' EUR 1,987 biljun, ammont li normalment kellu jmur għall-baġit tal-Unjoni;

22.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni mhijiex kapaċi tikkalkula l-ammont totali ta' rkupri li rriżultaw mir-rakkomandazzjonijiet għall-irkupru tal-OLAF; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrapporta ta' kull sena l-ammont ta' riżorsi proprji tal-UE rkuprati wara rakkomandazzjonijiet magħmula mill-OLAF, tintroduċi sistema li tippermetti l-kalkolu tas-somom globali, tikkomunika l-ammonti li għad iridu jiġu rkuprati u li tippubblika dettalji tal-kooperazzjoni mar-rakkomandazzjoni u l-ammonti effettivament irkuprati fir-rapporti annwali tal-OLAF;

23.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tipprovdi data annwali dwar id-differenza bejn id-dħul mistenni mill-VAT u mid-dwana u d-dħul li fil-fatt jinġabar;

Nefqa

24.  Jiddeplora l-fatt li l-irregolaritajiet mhux frawdolenti li jidħlu fin-nefqa diretta żdiedu b'16 % meta mqabbla mas-sena preċedenti, għall-kuntrarju ta' setturi oħra tal-baġit, li rreġistraw tnaqqis f'dan ir-rigward;

25.  Jiddispjaċih li din hija r-raba' sena li fiha l-irregolaritajiet irrappurtati bħala frawdolenti fl-ambitu tal-ġestjoni diretta żdiedu kemm fl-għadd (16-il każ fl-2015 u 49 każ fl-2016) kif ukoll fil-valur (EUR 0,78 miljun fl-2015 u EUR 6,25 miljun fl-2016); jistieden lill-Kummissjoni biex sal-aħħar tal-2018 tippreżenta pjan speċifiku biex jitnaqqsu l-frodi f'dan il-qasam;

26.  Jinnota li l-għadd ta' irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti rrapportati li jikkonċernaw il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), għalkemm naqsu minn 3 250 każ fl-2015 għal 2 676 każ fl-2016, għadu d-doppju ta' li kien fl-2012, iżda jixtieq jenfasizza li l-ammonti kkonċernati fl-2016 huma biss 8 % ogħla mill-2012; jinnota wkoll li, minkejja li bejn l-2015 u l-2016 l-għadd totali ta' irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti fl-ambitu ta' dan il-fond naqas b'16 %, l-għadd ta' irregolaritajiet frawdolenti żdied bi 17 %, iżda madankollu, jinnota b'sodisfazzjon li l-ammonti finanzjarji involuti f'irregolaritajiet frawdolenti naqas b'aktar minn 50 %; jinnota wkoll li l-irregolaritajiet frawdolenti fil-FAEŻR matul dawn l-aħħar ħames snin jirrappreżentaw madwar 0,5 % tal-pagamenti;

27.  Jinnota li t-8 497 irregolarità frawdolenti u mhux frawdolenti marbuta mal-politika ta' koeżjoni u mas-sajd fl-2016 jirrappreżentaw tnaqqis ta' 22 % meta mqabbla mal-2015, iżda xorta waħda kienu 25 % aktar mill-medja tal-aħħar ħames snin; jinnota wkoll li l-ammonti finanzjarji milquta minn irregolaritajiet kienu 5 % inqas minn dawk fl-2015; jieħu nota tal-fatt li għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, 0,42 % tal-approprjazzjonijiet ta' impenn ġew affettwati minn frodi u 2,08 % minn irregolaritajiet mhux frawdolenti;

28.  Jilqa' l-fatt li l-ammonti finanzjarji marbuta mal-irregolaritajiet irrappurtati bħala frawdolenti fil-politiki tal-koeżjoni u tas-sajd naqsu bi kważi 50 %, minn EUR 469 miljun fl-2015 għal EUR 235 miljun fl-2016;

29.  Jinnota b'diżappunt li l-ammonti finanzjarji relatati ma' irregolaritajiet tal-fond ta' koeżjoni matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 baqgħu jikbru (minn EUR 277 miljun fl-2015 għal EUR 480 miljun fl-2016), meta mqabbel ma' fondi oħra (FEŻR, FSE u FES), li fihom it-tendenza hija waħda ta' stabbilizzazzjoni jew saħansitra tnaqqis;

30.  Jinsab sorpriż li għal kważi terz tal-irregolaritajiet irrappurtati bħala frawdolenti fil-politika ta' koeżjoni fl-2016, ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar il-qasam ta' prijorità kkonċernat, peress li dan in-nuqqas ta' informazzjoni jgħawweġ it-tqabbil mas-snin preċedenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrimedjaw din is-sitwazzjoni;

31.  Jesprimi tħassib fir-rigward tal-kontrolli relatati mal-istrumenti finanzjarji ġestiti minn intermedjarji u d-dgħufijiet li nkixfu fil-verifika tal-uffiċċji reġistrati tal-benefiċjarji; jenfasizza l-ħtieġa li l-iżborż ta' self dirett u indirett ikun soġġett għall-pubblikazzjoni tad-data fiskali u tal-kontabilità pajjiż b'pajjiż, u għad-divulgazzjoni ta' informazzjoni dwar is-sjieda effettiva tas-suġġetti benefiċjarji u l-intermedjarji finanzjarji involuti fl-operazzjonijiet finanzjarji;

32.  Jistenna li s-semplifikazzjoni tar-regoli amministrattivi mixtieqa fid-dispożizzjonijiet komuni li jkopru l-perjodu 2014-2020 tippermetti li jitnaqqas l-għadd ta' irregolaritajiet mhux frawdolenti, li jiġu individwati każijiet frawdolenti u li jittejjeb l-aċċess għall-fondi tal-Unjoni għall-benefiċjarji;

33.  Jinnota t-tkomplija tax-xejra ta' tnaqqis fl-għadd ta' irregolaritajiet irrappurtati li jikkonċernaw l-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), li huwa dovut għat-tneħħija gradwali tal-programmi ta' qabel l-adeżjoni; jinnota, madankollu, li t-Turkija għadha l-pajjiż bl-ogħla għadd ta' irregolaritajiet (kemm frawdolenti kif ukoll mhux frawdolenti), li jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-każijiet irrappurtati;

34.  Jistenna b'interess ir-riżultati miksuba mis-Sistema ta' Identifikazzjoni Bikrija u ta' Esklużjoni (EDES) applikata mill-Kummissjoni mill-1 ta' Jannar 2016;

35.  Jappella għal kooperazzjoni aktar stretta bejn l-Istati Membri fl-iskambju tal-informazzjoni; jirrimarka li ħafna Stati Membri m'għandhomx liġijiet speċifiċi kontra l-kriminalità organizzata, filwaqt li l-involviment tagħha f'attivitajiet transfruntiera u f'setturi li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-UE, bħalma huma l-kuntrabandu u l-falsifikazzjoni tal-flus, qed jikber b'mod kostanti; iqis li huwa essenzjali li l-Istati Membri jużaw mezzi effikaċi biex jiġġieldu l-internazzjonalizzazzjoni dejjem tikber tal-frodi u jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi standards komuni għal miżuri biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-frodi;

Akkwist pubbliku

36.  Ifakkar li l-akkwist pubbliku kien wieħed mis-sorsi prinċipali ta' żbalji fl-aħħar perjodu ta' programmazzjoni u jinnota li l-livell ta' irregolaritajiet minħabba nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku għadu għoli; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex telabora bażi ta' data tal-irregolaritajiet li tkun tista' tkun ta' sies għal analiżi siewja b'mod komprensiv tal-frekwenza, tal-gravità u tal-kawżi ta' żbalji fl-akkwist pubbliku; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membru jiżviluppaw u janalizzaw il-bażi ta' data għall-irregolaritajiet tagħhom stess, fosthom dawk li jsiru fl-akkwist pubbliku u biex jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jipprovdu tali data f'mod u fi żmien li jiffaċilitaw ix-xogħol tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tevalwa t-traspożizzjoni tad-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE dwar l-akkwist pubbliku fil-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-aktar fis possibbli;

37.  Jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri josservaw id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kundizzjonalitajiet ex ante fil-politika ta' koeżjoni, partikolarment fil-qasam tal-akkwist pubbliku; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom fl-oqsma enfasizzati fir-rapport annwali tal-Kummissjoni, b'mod partikolari rigward l-akkwist pubbliku, il-kriminalità finanzjarja, il-kunflitti ta' interess, il-korruzzjoni, l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u d-definizzjoni ta' frodi;

Problemi identifikati u miżuri meħtieġa

Kontrolli aħjar

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri aktar stretti kontra l-irregolaritajiet frawdolenti; jemmen li l-irregolaritajiet li mhumiex frawdolenti jridu jiġu eliminati permezz ta' miżuri amministrattivi u partikolarment billi jiġu introdotti ħtiġijiet aktar trasparenti u aktar sempliċi;

39.  Jenfasizza li sistema li tippermetti li l-awtoritajiet jiskambjaw l-informazzjoni tiffaċilita l-kontroverifika tar-rekords kontabilistiċi għal tranżazzjonijiet bejn żewġ Stati Membri jew aktar sabiex tiġi evitata l-frodi transfruntiera fir-rigward tal-fondi strutturali u ta' investiment, biex b'hekk jiġi żgurat approċċ trasversali u komprensiv għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Istati Membri; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva dwar assistenza amministrattiva reċiproka f'dawk l-oqsma ta' finanzjament Ewropew fejn m'hemmx dispożizzjoni għal tali prattika;

40.  Jappoġġa l-programm Hercule III, li huwa eżempju tajjeb tal-approċċ "l-aħjar użu minn kull euro"; jenfasizza l-importanza ta' dan il-programm u l-kontribut tiegħu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet doganali biex jissorveljaw il-kriminalità transfruntiera u jevitaw li merkanzija ffalsifikata u b'kuntrabandu tasal fl-Istati Membri;

41.  Jilqa' l-evalwazzjoni indipendenti ta' nofs it-terminu tal-programm Hercule III, li ġiet ippreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fil-11 ta' Jannar 2018;

42.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-frodi relatata mal-VAT, b'mod partikolari l-hekk imsejħa frodi karusell; jirrikonoxxi l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill li tippermetti l-applikazzjoni ta' mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat (GRCM) mill-Istati Membri f'ċerti kundizzjonijiet stretti; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal pakkett ta' semplifikazzjoni tal-VAT u għat-tnaqqis tal-ispejjeż ta' konformità għall-SMEs sabiex toħloq ambjent li jwassal għat-tkabbir tal-SMEs u li jkun favorevoli għall-kummerċ transfruntier; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi soluzzjoni komprensiva, fit-tul u għall-UE kollha għall-problema tal-frodi tal-VAT; jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw fl-oqsma kollha ta' attività tal-EUROFISC sabiex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni u jikkoordinaw il-politiki u jgħinu fil-ġlieda kontra dan it-tip ta' frodi li hu ta' ħsara għall-baġits tal-UE u dawk nazzjonali;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport pubbliku annwali dwar l-użu tal-fondi tal-UE u dwar it-trasferimenti monetarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) lejn strutturi offshore, inkluż l-għadd u n-natura tal-proġetti mblukkati, kummenti ta' spjegazzjoni dwar ir-raġunament wara l-imblukkar tal-proġetti u l-azzjonijiet ta' segwitu meħuda biex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE ma jkunux qed jgħinu direttament jew indirettament biex issir ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE;

44.  Jinnota li trasparenza sħiħa fil-kontabilità għall-infiq hija essenzjali, speċjalment fir-rigward ta' xogħlijiet ta' infrastruttura ffinanzjati direttament permezz tal-fondi jew l-istrumenti finanzjarji tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE jkollhom aċċess sħiħ għal informazzjoni dwar proġetti ta' kofinanzjament;

Prevenzjoni

45.  Iqis li l-attivitajiet ta' prevenzjoni huma importanti ħafna sabiex jitnaqqas il-livell ta' frodi fl-infiq tal-fondi tal-UE;

46.  Jilqa' l-attivitajiet ta' prevenzjoni tal-Kummissjoni u tal-OLAF u jappella għat-tisħiħ tal-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Identifikazzjoni Bikrija u ta' Esklużjoni (EDES) u tas-Sistema ta' Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS) u għat-tlestija tal-istrateġiji nazzjonali kontra l-frodi; 

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli s-semplifikazzjoni tar-regolament finanzjarju u tar-regoli amministrattivi l-oħrajn kollha; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa bir-reqqa iċ-ċarezza u l-valur miżjud tad-direzzjonijiet ta' finanzjament tal-programmi operazzjonali tal-Istati Membri;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal qafas għad-diġitalizzazzjoni tal-proċessi kollha fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE (is-sejħiet għal proposti, l-applikazzjoni, l-evalwazzjoni, l-implimentazzjoni, il-pagamenti) li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri kollha;

49.  Iqis li t-trasparenza hija għodda importanti fil-ġlieda kontra l-frodi; jistieden lill-Kummissjoni telabora qafas biex jintuża mill-Istati Membri biex jagħmlu pubbliċi l-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-fondi Ewropej, inklużi l-pagamenti;

Informaturi ta' irregolaritajiet

50.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-informaturi ta' irregolaritajiet fil-prevenzjoni, l-individwazzjoni u r-rappurtar tal-frodi u jinsisti dwar il-ħtieġa li jkunu protetti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw livell minimu ta' protezzjoni għall-informaturi ta' irregolaritajiet fl-UE;

51.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 u r-rapport tiegħu fuq inizjattiva proprja tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar il-protezzjoni tal-informaturi, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimplimentaw b'ħeffa r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fihom;

52.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq b'urġenza proposta leġiżlattiva dwar il-protezzjoni tal-informaturi ta' irregolaritajiet sabiex partikolarment tiġi evitata u miġġielda b'mod effikaċi l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

53.  Jieħu nota tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa li saret mill-Kummissjoni bejn Marzu u Mejju 2017 biex tiġbor il-fehmiet dwar il-kwistjoni tal-protezzjoni tal-informaturi fil-livelli nazzjonali u tal-UE; jistenna l-inizjattiva ppjanata mill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-informaturi fl-UE fix-xhur li ġejjin; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE;

54.  Iħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tas-sorsi ta' informazzjoni sabiex tiġi evitata kwalunkwe azzjoni diskriminatorji jew theddida;

Ġlieda kontra l-korruzzjoni

55.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma għadhiex tħoss il-ħtieġa li tippubblika r-rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni, ħaġa li xekklet il-valutazzjoni tal-kobor tal-korruzzjoni; ifakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, li fiha nnota li l-Kummissjoni se tkompli bil-monitoraġġ kontra l-korruzzjoni permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew; huwa tal-fehma li f'dan il-proċess il-miżuri kontra l-korruzzjoni jistgħu jkunu ddominati minn kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji oħra; u stieden lil-Kummissjoni tmexxi bl-eżempju, billi tkompli bil-pubblikazzjoni tar-rapport u timpenja lilha nnifisha favur strateġija aktar kredibbli u aktar komprensiva kontra l-korruzzjoni; jirrimarka li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija kwistjoni ta' kooperazzjoni tal-pulizija u tal-ġustizzja, li hija qasam tal-politika fejn il-Parlament huwa koleġiżlatur u għandu setgħat ta' skrutinju sħaħ;

56.  Jenfasizza li l-korruzzjoni hija sfida enormi għall-UE u l-Istati Membri, u li, mingħajr miżuri effikaċi kontriha, il-korruzzjoni tfixkel il-prestazzjoni ekonomika tal-UE, l-istat tad-dritt u l-kredibilità tal-istituzzjonijiet demokratiċi, kif ukoll il-fiduċja f'dawk l-istituzzjonijiet fi ħdan l-Unjoni; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, li speċifikament talbet it-twaqqif ta' rapport annwali dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (Rapport Ewropew dwar id-DRF) b'rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, inkluż attenzjoni speċifika fuq il-korruzzjoni;

57. Jiddispjaċih li d-direttiva l-ġdida dwar l-akkwist pubbliku s'issa ma wasslet għall-ebda titjib notevoli fl-individwazzjoni tal-livell tal-korruzzjoni fl-UE u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi strumenti effikaċi biex tittejjeb it-trasparenza tal-proċeduri ta' kuntrattar u ta' sottokuntrattar;

58.  Jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw bis-sħiħ id-Direttiva tal-UE Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus , bl-introduzzjoni ta' reġistru pubbliku tas-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji u anke tat-trusts;

59.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa sistema ta' indikaturi stretti u kriterji uniformi u faċilment applikabbli, abbażi tar-rekwiżiti stabbiliti fil-Programm ta' Stokkolma, biex tkejjel il-livell tal-korruzzjoni fl-Istati Membri u tevalwa l-politiki tagħhom kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa indiċi ta' korruzzjoni b'mod li tikklassifika lill-Istati Membri; huwa tal-fehma li indiċi ta' korruzzjoni jista' jipprovdi bażi tajba li fuqha l-Kummissjoni tkun tista' tistabbilixxi l-mekkaniżmu ta' kontroll speċifiku għall-pajjiżi individwali meta tkun qed tikkontrolla l-infiq tar-riżorsi tal-UE;

60.  Itenni li l-prevenzjoni għandha tinvolvi taħriġ u appoġġ kostanti għall-persunal responsabbli mill-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi fl-awtoritajiet kompetenti kif ukoll skambji ta' informazzjoni u prattiki tajba fost l-Istati Membri; jiġbed l-attenzjoni għar-rwol deċiżiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet ikkonċernati fil-ġlieda kontra l-frodi;

61.  Ifakkar li l-Kummissjoni m'għandhiex aċċess għall-informazzjoni skambjata bejn l-Istati Membri bil-għan li tipprevjeni u tiġġieled kontra l-Frodi Intra-Komunitarja b'Negozjant Nieqes (MTIC), magħrufa bħala frodi karusell; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-Eurofisc, sabiex tkun tista' twettaq kontroll u valutazzjoni aħjar u ttejjeb l-iskambju ta' data fost l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw fl-oqsma kollha tal-attività tal-Eurofisc sabiex jiġi ffaċilitat u jitħaffef l-iskambju ta' informazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi bħalma huma l-Europol u l-OLAF, kif rakkomandat mill-Qorti tal-Awdituri; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill jagħtu aċċess lill-Kummissjoni għal din id-data sabiex titrawwem il-kooperazzjoni, tissaħħaħ l-affidabilità tad-data u tiġi miġġielda l-kriminalità transfruntiera;

Ġurnaliżmu investigattiv

62.  Huwa tal-fehma li l-ġurnaliżmu investigattiv jiżvolġi rwol fundamentali fil-promozzjoni tal-livell meħtieġ ta' trasparenza fl-UE u fl-Istati Membri u li għandu jitħeġġeġ u jiġi appoġġat b'mezzi ġuridiċi kemm fl-Istati Membri kif ukoll fl-Unjoni;

Tabakk

63.  Ifakkar fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma ġġeddidx il-Ftehim PMI, li skada fid-9 ta' Lulju 2016; ifakkar li fid-9 ta' Marzu 2016 huwa kien talab lill-Kummissjoni ma ġġeddidx, ma testendix jew ma tinnegozjax mill-ġdid il-Ftehim PMI lil hinn mid-data tal-iskadenza tiegħu; iqis li t-tliet ftehimiet l-oħra (BAT, JTI u ITL) għandhom jintemmu b'effett mill-20 ta' Mejju 2019; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport sa tmiem l-2018 li fih tippreżenta l-fattibilità li dawn it-tliet ftehimiet jintemmu;

64.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-livell tal-UE, timplimenta l-miżuri kollha meħtieġa biex tittraċċa u tirrintraċċċa l-prodotti tat-tabakk PMI, u tistitwixxi proċedimenti ġuridiċi kontra kwalunkwe qbid illegali ta' prodotti tat-tali manifattur sakemm id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk isiru infurzabbli bis-sħiħ, b'tali mod li ma jkun hemm l-ebda lakuna regolatorja bejn l-iskadenza tal-Ftehim PMI u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk (TPD) u l-protokoll tal-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC);

65.  Japprezza s-sostenn tal-Kummissjoni għal ratifika rapida tal-Protokoll tad-WTO biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk, li jirrappreżenta l-ewwel strument ġuridiku multilaterali li jindirizza b'mod kumplessiv u f'livell dinji l-problema tal-kuntrabandu tat-tabakk;

66.  Ifakkar li sal-lum 32 parti kontraenti, fosthom tmien Stati Membri tal-UE biss u l-Unjoni fl-intier tagħha, irratifikaw il-Protokoll tad-WHO biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk; iħeġġeġ lin-Norveġja u lill-għaxar Stati Membri (il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, in-Netherlands, ir-Renju Unit, is-Slovenja u l-Iżvezja) li ffirmaw iżda li għadhom ma rratifikawx il-Protokoll biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk biex jagħmlu dan;

67.  Jittama li jirċievi mill-aktar fis ir-rapport finali tal-Kummissjoni dwar il-qagħda wara l-komunikazzjoni tagħha tal-2013 bit-titolu "L-intensifikar tal-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigarretti u forom oħra ta' kummerċ illegali fil-prodotti tat-tabakk - Strateġija komprensiva tal-UE", imħabbar għall-2018;

68.  Jilqa' pożittivament il-fatt li mindu l-laboratorju tal-Unjoni inkarigat mill-kontroll tat-tabakk fiċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka ta' Geel (fil-Belġju) sar operattiv f'April 2016, huwa jista' jiddetermina l-profil kimiku u l-karatteristiċi distintivi tat-tabakk ikkonfiskat u b'hekk jippermetti li ssir verifika tal-awtentiċità tiegħu;

Investigazzjonijiet u rwol tal-OLAF

69.  Jinnota li, s'issa, ir-rakkomandazzjonijiet ġudizzjarji tal-OLAF kellhom implimentazzjoni limitata fl-Istati Membri; huwa tal-fehma li tali sitwazzjoni hija intollerabbli u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF fl-Istati Membri;

70.  Jiddeplora l-fatt li minkejja għadd numeruż ta' rakkomandazzjonijiet u investigazzjonijiet tal-OLAF, ir-rata tal-prosekuzzjoni hija biss 30 % fl-Istati Membri u l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' xi Stati Membri ma jqisux ir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF dwar l-infiq ħażin tal-flus tal-UE bħala prijorità, u lanqas l-OLAF ma jsegwi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu b'mod xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi regoli dwar is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF;

71.  Jiddeplora l-fatt li madwar 50 % tal-każijiet tal-OLAF jiġu rrifjutati mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-OLAF jistabbilixxu kundizzjonijiet għall-ammissibilità tal-provi mressqa mill-OLAF; jistieden lill-OLAF itejjeb il-kwalità tar-rapporti finali tiegħu sabiex tiżdied l-utilità tagħhom lill-awtoritajiet nazzjonali;

72.  Jistieden lill-OLAF japplika approċċ aktar realistiku għar-rakkomandazzjonijiet ta' rkupru tiegħu u wkoll biex jirrapporta dwar l-ammonti effettivament irkuprati;

73.  Ifakkar li r-regolament dwar l-OLAF jagħti rwol importanti lid-Direttur Ġenerali fi proċeduri ta' lmenti rigward l-investigazzjonijiet; ifakkar li l-parteċipazzjoni diretta tad-Direttur Ġenerali fl-investigazzjonijiet tal-OLAF idgħajjef ir-rwol tiegħu u b'hekk lir-regolament;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-reviżjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 toħloq bilanċ xieraq tal-kompetenzi bejn l-UPPE u l-OLAF, issaħħaħ il-garanziji proċedurali, tikkjarifika u ssaħħaħ il-poteri investigattivi tal-OLAF u tistabbilixxi ċertu livell ta' trasparenza tar-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti tal-OLAF, u li tiċċara r-regoli dwar il-kooperazzjoni u l-aċċess għal data bejn l-OLAF u l-Kumitat ta' Sorveljanza tiegħu;

o

o  o

75.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u lill-Kumitat Superviżorju tal-OLAF.

(1)

ĠU C 322, 28.9.2017, p. 1.

(2)

ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1

(3)

ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29.

(4)

ĠU L 298, 26.10.2002, p. 1.

(5)

ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1

(6)

Sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tat-8 ta' Settembru 2015, Taricco et al, C-105/14, ECLI:EU:C:2015:555.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2017)0022.

(8)

ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.


OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (20.2.2018)

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar ir-Rapport Annwali 2016 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE - Il-ġlieda kontra l-frodi

(2017/2216(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Barbara Kudrycka

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-ftehim milħuq f'Novembru 2016 bejn il-Parlament u l-Kunsill, wara erba' snin ta' negozjati, dwar il-proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva (UE) 2017/1371), li tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni tar-reati kriminali u s-sanzjonijiet fil-qasam ta' frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li tinkludi frodi tal-VAT transfruntieri li jinvolvu danni totali ta' mill-inqas EUR 10 miljun; ifakkar, madankollu, li dan il-livell limitu se jkun soġġett għal valutazzjoni tal-Kummissjoni sas-6 ta' Lulju 2022; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw din id-direttiva mill-aktar fis possibbli;

2.  Jilqa' l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 li jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u l-progress li sar fil-Kunsill li wassal għall-ftehim bejn 20 Stat Membru fuq il-bażi tal-proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 86 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri li fadal jipparteċipaw fil-proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa tal-UPPE malajr kemm jista' jkun; ifakkar li r-rwol tal-UPPE se jkun li jinvestiga, jipprosegwixxi u jressaq il-qorti lill-awturi tar-reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, kif iddefinit fid-Direttiva (UE) 2017/1371;

3.  Jistieden lill-Istati Membri parteċipanti u lill-Kummissjoni jibdew il-ħidma preparatorja biex l-UPPE jibda' jaħdem mill-aktar fis possibbli u biex iżommu lill-Parlament assoċjat mill-qrib mal-proċeduri, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-ħatra tal-Kap Prosekutur; jistieden lill-Kummissjoni taħtar id-Direttur Amministrattiv interim tal-UPPE mill-aktar fis possibbli f'konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament dwar l-UPPE; jinsisti li persunal u riżorsi suffiċjenti għandhom jiġu allokati lill-UPPE anki qabel it-tnedija uffiċjali tiegħu; itenni li l-UPPE jeħtieġlu jkun indipendenti;

4.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni effettiva fost l-Istati Membri, l-UPPE, l-OLAF u l-Eurojust; ifakkar fin-negozjati pendenti dwar ir-Regolament dwar il-Eurojust; jissottolinja li jeħtieġ li l-kompetenzi rispettivi tal-Eurojust, tal-OLAF u tal-UPPE jiġu definiti b'mod ċar; jissottolinja li sabiex il-ġlieda kontra l-frodi tkun tassew effettiva fil-livell tal-UE, jeħtieġ li l-UPPE l-ġdid, il-Eurojust u l-OLAF jaħdmu flimkien mingħajr xkiel kemm f'termini ta' politika kif ukoll f'termini operattivi sabiex jevitaw kwalunkwe duplikazzjoni possibbli fil-kompiti; itenni, f'dan ir-rigward, li l-arranġamenti ta' ħidma bejn dawn it-tliet korpi għandhom jitfasslu u jiġu adottati mill-aktar fis possibbli f'konformità mal-Artikoli 99 sa' 101 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939; jinsisti li l-UPPE għandu jkollu s-setgħa li jsolvi l-kunflitti ta' kompetenza f'każijiet rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tiegħu;

5.  Iħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tas-sorsi ta' informazzjoni sabiex tiġi evitata kwalunkwe azzjoni jew theddid diskriminatorji;

6.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma komplitx bil-pubblikazzjoni tar-Rapporti tal-UE Kontra l-Korruzzjoni u minflok inkludiet il-monitoraġġ kontra l-korruzzjoni fil-proċess ta' governanza ekonomika tas-Semestru Ewropew; itenni l-appelli tiegħu lill-Kummissjoni biex tikkunsidra terġa' tibda tippubblika rapporti bħal dawn;

7.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-frodi relatat mal-VAT, b'mod partikolari l-hekk imsejħa frodi karusell; jirrikonoxxi l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill li tippermetti l-applikazzjoni ta' mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat (GRCM) mill-Istati Membri taħt ċerti kundizzjonijiet stretti; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal pakkett ta' simplifikazzjoni tal-VAT u għat-tnaqqis tal-ispejjeż ta' konformità għall-SMEs sabiex toħloq ambjent li jwassal għat-tkabbir tal-SMEs u jkun favorevoli għall-kummerċ transfruntier; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi soluzzjoni komprensiva, fit-tul u għall-UE kollha għall-problema tal-frodi tal-VAT; jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw fl-oqsma kollha ta' attività tal-EUROFISC sabiex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni u jikkoordinaw il-politiki u jgħinu fil-ġlieda kontra dan it-tip ta' frodi li hu ta' ħsara għall-baġits tal-UE u dawk nazzjonali;

8.  Jirrileva r-rwol tal-informaturi u tal-ġurnalisti investigattivi fil-prevenzjoni, fid-detezzjoni u fir-rapportar tal-frodi, tal-evażjoni tat-taxxa, tal-evitar tat-taxxa u tal-irregolaritajiet fir-rigward tan-nefqa relatata mal-baġit tal-UE u tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jenfasizza li l-protezzjoni tal-informaturi hija essenzjali għas-salvagwardja tal-ġid pubbliku u tal-interessi finanzjarji tal-UE u biex tiġi promossa kultura ta' responsabilità pubblika u ta' integrità kemm fl-istituzzjonijiet pubbliċi kif ukoll dwak privati; jieħu nota tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa li saret mill-Kummissjoni bejn Marzu u Mejju 2017 biex tiġbor il-fehmiet dwar il-kwistjoni tal-protezzjoni tal-informaturi fil-livelli nazzjonali u tal-UE; jistenna l-inizjattiva ppjanata mill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-informaturi fl-UE fix-xhur li ġejjin; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport pubbliku annwali dwar l-użu tal-fondi tal-UE u dwar it-trasferimenti monetarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) lejn strutturi offshore, inkluż l-għadd u n-natura tal-proġetti mblukkati, kummenti ta' spjegazzjoni dwar ir-raġunament wara l-imblukkar tal-proġetti u l-azzjonijiet ta' segwitu meħuda biex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE ma jkunux qed jgħinu direttament jew indirettament biex issir ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGHTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

8

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Jan Philipp Albrecht, Monika Beňová, Malin Björk, Caterina Chinnici, Daniel Dalton, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Tanja Fajon, Raymond Finch, Kinga Gál, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Eva Joly, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Claude Moraes, Ivari Padar, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Sergei Stanishev, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Marie-Christine Vergiat, Harald Vilimsky, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Carlos Coelho, Pál Csáky, Dennis de Jong, Maria Grapini, Anna Hedh, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Marek Jurek, Emil Radev, Barbara Spinelli, Jaromír Štětina, Josep-Maria Terricabras

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, André Elissen

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET

FIL-KUMITAT MITLUB JAGĦTI OPINJONI

39

+

ALDE

Nathalie Griesbeck, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Cecilia Wikström

ENF

Harald Vilimsky

GUE/NGL

Barbara Spinelli

PPE

Asim Ademov, Carlos Coelho, Pál Csáky, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Kinga Gál, Monika Hohlmeier, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Lívia Járóka, Barbara Kudrycka, Emil Radev, Jaromír Štětina, Traian Ungureanu, Tomáš Zdechovský

S&D

Clara Eugenia Aguilera García, Monika Beňová, Caterina Chinnici, Tanja Fajon, Ana Gomes, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Anna Hedh, Cécile Kashetu Kyenge, Claude Moraes, Ivari Padar, Birgit Sippel, Sergei Stanishev, Josef Weidenholzer

Verts/ALE

Jan Philipp Albrecht, Eva Joly, Judith Sargentini, Josep-Maria Terricabras

8

-

ECR

Daniel Dalton, Jussi Halla-aho, Marek Jurek, Helga Stevens

EFDD

Raymond Finch, Kristina Winberg

ENF

André Elissen, Auke Zijlstra

3

0

GUE/NGL

Malin Björk, Marie-Christine Vergiat, Dennis de Jong

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

26.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Ryszard Czarnecki, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Wolf Klinz, Arndt Kohn, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrey Novakov, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Ferrara, Norbert Lins, Lieve Wierinck


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

21

+

ALDE

Martina Dlabajová, Wolf Klinz, Lieve Wierinck

EFDD

Laura Ferrara, Marco Valli

ENF

Jean-François Jalkh

GUE/NGL

Luke Ming Flanagan

PPE

Ingeborg Gräßle, Norbert Lins, Andrey Novakov, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Claudia Schmidt, Patricija Šulin, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Arndt Kohn, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

1

-

ECR

Ryszard Czarnecki

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' April 2018Avviż legali