Proċedura : 2017/2279(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0138/2018

Testi mressqa :

A8-0138/2018

Dibattiti :

PV 16/04/2018 - 27
CRE 16/04/2018 - 27

Votazzjonijiet :

PV 17/04/2018 - 6.14
CRE 17/04/2018 - 6.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0105

RAPPORT     
PDF 836kWORD 89k
5.4.2018
PE 616.856v02-00 A8-0138/2018

dwar it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea: is-seba' rapport tal-Kummissjoni Ewropea

(2017/2279(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Marc Joulaud

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea: is-seba' rapport tal-Kummissjoni Ewropea

(2018/2279(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) kif ukoll l-Artikoli 4, 162, 174 sa 178 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra s-seba' rapport tal-Kummissjoni dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali bit-titolu "Ir-Reġjun tiegħi, L-Ewropa tiegħi, Il-Futur tagħna: Is-Seba' Rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali" (COM(2017)0583, id-9 ta' Ottubru 2017),

–  wara li kkunsidra l-Patt ta' Amsterdam li jistabbilixxi l-Aġenda Urbana tal-UE, miftiehem waqt laqgħa informali bejn il-Ministri tal-UE responsabbli għall-kwistjonijiet urbani li saret fit-30 ta' Mejju 2016 f'Amsterdam,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta' Diċembru 2015(6),

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat fis-17 ta' Novembru 2017 f'Göteborg mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' April 2017 bit-titolu "Lejn Politika ta' Koeżjoni aktar effettiva, rilevanti u viżibbli għaċ-ċittadini tagħna"(7),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Sinerġiji u simplifikazzjoni għall-Politika ta' Koeżjoni wara l-2020"(8),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2017 dwar "Il-ġejjieni tal-Ewropa - Riflessjonijiet u xenarji għall-UE-27 sal-2025" (COM(2017)2025),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni dwar "Id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa" (COM(2017)0206) tas-26 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2017 dwar "Il-ġestjoni tal-globalizzazzjoni" (COM(2017)0240),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Mejju 2017 dwar "L-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja" (COM(2017)0291),

  wara li kkunsidra d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2017 dwar "Il-futur tal-finanzi tal-UE",

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni tal-10 ta' April 2017 bit-titolu "Il-kompetittività fir-reġjuni bi dħul baxx u bi tkabbir baxx: rapport dwar ir-reġjuni li baqgħu lura fl-iżvilupp" (SWD (2017)0132),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni "Why regional development matters for Europe's economic future" (Għaliex l-iżvilupp reġjonali huwa sinifikanti għall-futur ekonomiku tal-Ewropa) (WP 07/2017)(9),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Frar 2018 dwar "Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b'mod effiċjenti wara l-2020" (COM(2018)0098),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "Sħubija strateġika aktar b'saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE" (COM(2017)0623),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-11 ta' Mejju 2017 bit-titolu "Il-futur tal-politika ta' koeżjoni wara l-2020: Għal politika ta' koeżjoni Ewropea b'saħħitha u effettiva wara l-2020"(10),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-25 ta' Mejju 2016 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej"(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni"(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2016 bit-titolu "Għodod ġodda għall-iżvilupp territorjali fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020: Investiment Territorjali Integrat (ITI) u Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD)"(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2017 bit-titolu "It-taħlita ta' finanzjament it-tajba għar-reġjuni tal-Ewropa: ibbilanċjar tal-istrumenti u l-għotjiet finanzjarji fil-politika ta' koeżjoni tal-UE"(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Politika ta' Koeżjoni u l-Istrateġiji ta' Riċerka u Innovazzjoni għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3)(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 bit-titolu "Il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea – l-aħjar prattiki u miżuri innovattivi"(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 bit-titolu "L-investiment f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: evalwazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 16(3) tas-CPR"(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-elementi fundamentali għal politika ta' koeżjoni tal-UE wara l-2020(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar iż-żieda fl-involviment tas-sħab u l-viżibilità fil-prestazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 bit-titolu "Il-promozzjoni tal-koeżjoni u l-iżvilupp fir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE: l-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE"(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar id-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE(22),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar ir-reġjuni li għadhom lura fl-UE(23),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 bit-titolu "Il-QFP li jmiss: Tħejjija tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-QFP wara l-2020"(24),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-simplifikazzjoni għall-benefiċjarji tal-Fondi SIE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0138/2018),

A.  billi l-politika ta' koeżjoni għandha l-għan li tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tal-Unjoni kollha u r-reġjuni tagħha u dan iwassal għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha, fl-ispirtu tas-solidarjetà u bl-għan tal-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli, l-impjieg, l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tad-disparitajiet bejn u fir-reġjuni, kif ukoll tar-ritard ta' dawk ir-reġjuni li huma inqas favoriti, f'konformità mat-Trattati;

B.  billi s-seba' rapport dwar il-koeżjoni juri li d-disparitajiet reġjonali qegħdin jonqsu mill-ġdid, iżda juri wkoll li s-sitwazzjoni tvarja ħafna, kemm jekk il-PDG jitkejjel per capita, skont l-impjieg jew permezz ta' indikaturi oħra, u li ċerti disparitajiet jippersistu, jew qed jiċċaqalqu jew jikbru, bejn u ġewwa r-reġjuni u l-Istati Membri;

C.  billi s-seba' rapport dwar il-koeżjoni jiżvela sejbiet inkwetanti rigward ir-rati tal-qgħad, inklużi r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, li f'ħafna reġjuni ma reġgħux lura għal-livelli ta' qabel il-kriżi, u dwar il-kompetittività, il-faqar u l-inklużjoni soċjali;

D.  billi 24 % tal-Ewropej, jew madwar 120 miljun ruħ, huma foqra, jgħixu fir-riskju ta' faqar jew li jisfaw f'deprivazzjoni materjali estrema u/jew li jgħixu fi djar b'intensità baxxa ta' xogħol; billi l-għadd ta' foqra li jaħdmu qed jiżdied u l-għadd ta' żgħażagħ qiegħda għadu għoli;

E.  billi l-qgħad u l-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni ilhom jonqsu gradwalment mill-2013 iżda, b'rata ta' 7,3 % u ta' 16,1 %, rispettivament (Diċembru 2017)(25), għadhom ogħla mil-livelli tal-2008, filwaqt li hemm differenzi konsiderevoli fl-Istati Membri u bejniethom, b'mod speċjali fl-Stati Membri l-aktar milquta mill-kriżi finanzjarja; billi d-disparitajiet reġjonali bdew jiċkienu; billi d-differenzi fir-rati tal-qgħad bejn l-Istati Membri għadha sinifikanti, u tvarja minn 2,4 % fir-Repubblika Ċeka u 3,6 % fil-Ġermanja għal 16,3 % fi Spanja u 20,9 % fil-Greċja skont l-aħħar ċifri(26); billi l-qgħad moħbi – il-fenomenu ta' persuni qiegħda li lesti li jaħdmu iżda li mhux qed ifittxu impjieg b'mod attiv – kien ta' 18 % fl-2016;

F.  billi s-seba' rapport dwar il-koeżjoni jiġbed l-attenzjoni lejn id-diversità kbira tar-reġjuni u tat-territorji, inkluż fil-kategoriji attwali ta' reġjuni, minħabba l-kundizzjonijiet speċifiċi tagħhom (ultraperiferiċi, b'densità tal-popolazzjoni baxxa, bi dħul baxx, bi tkabbir baxx, eċċ.), u b'hekk jindika l-ħtieġa ta' approċċ territorjali mfassal apposta;

G.  billi wieħed mill-kontributi ewlenin tas-seba' rapport dwar il-koeżjoni jirrigwarda l-identifikazzjoni ta' ċerti reġjuni meqjusa li jinsabu "maqbuda f'nassa ta' dħul medju" u li jaffaċċjaw ir-riskju li jitħallew lura, jistaġnaw jew jaqgħu lura;

H.  billi s-seba' rapport dwar il-koeżjoni jenfasizza l-eżistenza ta' żoni ta' faqar, ir-riskju ta' frammentazzjoni territorjali u t-twessigħ tad-disparitajiet infrareġjonali, anke f'reġjuni relattivament għonja;

I.  billi s-seba' rapport dwar il-koeżjoni jgħid li "l-impatt tal-globalizzazzjoni, il-migrazzjoni, il-faqar u n-nuqqas ta' innovazzjoni, it-tibdil fil-klima, it-tranżizzjoni tal-enerġija u t-tniġġis mhuwiex limitat għal reġjuni inqas żviluppati";

J.  billi, filwaqt li l-politika ta' koeżjoni kellha rwol sostanzjali fl-irkupru tal-ekonomija tal-UE permezz tal-promozzjoni ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, l-investiment pubbliku fl-UE għadu taħt il-livell li kellu qabel il-kriżi, b'lakuni kbar f'uħud mill-Istati Membri l-aktar affettwati mill-kriżi, hekk kif niżel minn 3,4 % tal-PDG fl-2008 għal 2,7 % fl-2016;

K.  billi s-seba' rapport ta' koeżjoni jippreżenta b'mod ċar l-eżitu tal-politika ta' koeżjoni f'termini tat-tkabbir, l-impjiegi, it-trasport, l-enerġija, l-ambjent u l-edukazzjoni u t-taħriġ, kif muri fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 permezz tal-appoġġ mogħti lil 1,1 miljun SMEs ġodda li wassal direttament għall-ħolqien ta' 420 000 impjieg ġdid, u b'hekk għen lil aktar minn 7,4 miljun persuna qiegħda ssib xogħol u barra minn hekk biex għen 8,9 miljun persuna jiksbu kwalifiki ġodda, għaldaqstant din il-politika saret il-fattur li żammet lill-Ewropa sħiħa;

Il-valur miżjud tal-politika ta' koeżjoni

1.  Iqis li hu kruċjali li l-politika ta' koeżjoni fil-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid għandha tkompli tkopri lir-reġjuni Ewropej kollha b'mod adegwat u tibqa' l-istrument ta' investiment pubbliku prinċipali tal-Unjoni Ewropea abbażi ta' strateġija u perspettivi fit-tul, b'baġit proporzjonat mal-isfidi eżistenti u dawk ġodda u li jiżguraw li l-għanijiet bażiċi ta' din il-politika jintlaħqu; jenfasizza li konċentrazzjoni tal-politika ta' koeżjoni esklużivament fuq l-inqas reġjuni żviluppati tfixkel il-progress tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni kollha kemm hi;

2.  Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni tipprovdi valur miżjud Ewropew billi tikkontribwixxi għall-beni pubbliċi u l-prijoritajiet Ewropej (bħat-tkabbir, l-inklużjoni soċjali, l-innovazzjoni u l-protezzjoni ambjentali), kif ukoll l-investiment pubbliku u privat, kif ukoll tikkontribwixxi għall-investiment pubbliku u privat u li hija għodda fundamentali għall-ksib tal-objettiv tat-Trattat tal-ġlieda kontra d-disparitajiet bl-għan tal-adattament 'il fuq tal-istandards tal-għajxien u t-tnaqqis tas-sottożvilupp ta' dawk ir-reġjuni li huma inqas favoriti;

3.  Itenni l-impenn qawwi tiegħu għal ġestjoni kondiviża u l-prinċipju tas-sħubija li għandu jinżamm u jissaħħaħ għal wara l-2020, kif ukoll fir-rigward tal-governanza f'diversi livelli (MLG) u s-sussidjarjetà, li jikkontribwixxu għall-valur miżjud iġġenerat mill-politika ta' koeżjoni; jenfasizza li l-valur miżjud ta' din il-politika l-ewwel u qabel kollox ġej mill-kapaċità tagħha li tqis il-ħtiġijiet tal-iżvilupp nazzjonali flimkien mal-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet ta' reġjuni u territorji differenti u li jqarreb lill-Unjoni lejn iċ-ċittadini tagħha;

4.  Jenfasizza li l-valur miżjud Ewropew huwa rifless bil-qawwi fil-kooperazzjoni territorjali Ewropea fid-dimensjonijiet kollha tagħha (kooperazzjoni transfruntiera, transnazzjonali u interreġjonali, kemm interna kif ukoll esterna), billi tikkontribwixxi għall-objettivi ġenerali ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll għas-solidarjetà; itenni t-talba li jiżdied is-sehem tiegħu fil-baġit allokat għall-politika ta' koeżjoni, filwaqt li tittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-programmi differenti biex tiġi evitata d-duplikazzjoni; ifakkar l-importanza tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali għall-ksib tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni;

5.  Jinnota li l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni f'reġjun tista' tiġġenera esternalitajiet u benefiċċji konsegwenzjali diretti u indiretti fl-UE kollha, inter alia grazzi għan-negozju miżjud iġġenerat, li jsaħħaħ is-suq uniku; jirrimarka, madankollu, li dawn il-benefiċċji jvarjaw konsiderevolment minn Stat Membru għal ieħor, b'mod partikolari skont il-qrubija ġeografika u l-istruttura tal-ekonomiji tal-Istati Membri;

6.  Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żviluppata metodoloġija tal-"politika tal-prezz tan-nonkoeżjoni" sabiex tiġi pprovduta evidenza kwantifikabbli addizzjonali dwar il-valur miżjud Ewropew tal-politika ta' koeżjoni, skont l-eżempju tal-ħidma mwettqa mill-Parlament Ewropew dwar "il-prezz tan-non-Ewropa";

Id-dimensjoni territorjali

7.  Jinnota li ż-żoni urbani jikkombinaw, minn naħa opportunitajiet kbar ta' tkabbir, investiment u innovazzjoni u, min-naħa l-oħra, sfidi ambjentali, ekonomiċi u soċjali varji, inter alia minħabba l-konċentrazzjoni tal-persuni u l-eżistenza ta' żoni ta' faqar, inkluż fi bliet relattivament għonja; jenfasizza, għalhekk, li r-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali għadu sfida ewlenija;

8.  Jenfasizza li l-isforzi biex tiġi kkonsolidata d-dimensjoni territorjali tal-politika ta' koeżjoni jirrikjedu li tingħata attenzjoni akbar lill-kwistjonijiet periurbani u rurali, b'referenza għall-għarfien espert tal-awtoritaiet lokali u b'attenzjoni speċjali għall-bliet ta' daqs medju f'kull Stat Membru;

9.  Jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġati ż-żoni rurali fid-diversità tagħhom kollha billi jiġi valutat il-potenzjal tagħhom u jiġi inkoraġġit l-investiment fi proġetti li jappoġġaw l-ekonomiji lokali kif ukoll konnettività tat-trasport aħjar, aċċessibilità u broadband b'veloċità għolja u billi jiġu assistiti dawk iż-żoni biex jilqgħu l-isfidi li jiffaċċaw, jiġifieri d-deżertifikazzjoni rurali, l-inklużjoni soċjali, in-nuqqas ta' opportunitajiet ta' impjieg, inċentivi ta' intraprenditorija u abitazzjoni bi prezz raġonevoli, it-telf tal-popolazzjoni, il-qerda tal-komunitajiet tal-qalba tal-belt, żoni mingħajr kura tas-saħħa, eċċ; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tat-tieni pilastru tal-PAK fil-promozzjoni tal-iżvilupp rurali sostenibbli;

10.  Jitlob li jiġu kkunsidrati aħjar ċerti karatteristiċi territorjali speċifiċi bħal dawk tar-reġjuni msemmija fl-Artikolu 174(3) tat-TFUE, bħar-reġjuni insulari, muntanjużi, rurali, tal-fruntiera, l-aktar fit-tramuntana, kostali jew periferali, meta jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tal-investiment; jissottolinja l-importanza tal-ħolqien ta' strateġiji, programmi u azzjonijiet imfasslin apposta għal dawn ir-reġjuni differenti jew anki l-esplorazzjoni tat-tnedija possibbli ta' aġendi speċifiċi ġodda li jsegwu l-eżempju stabbilit mill-Aġenda Urbana tal-UE u l-Patt ta' Amsterdam;

11.  Ifakkar li s-sitwazzjoni strutturali, soċjali u ekonomika partikolari tar-reġjuni ultraperiferiċi tiġġustifika miżuri speċifiċi, inkluż fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-aċċess tagħhom għall-Fondi SIE, f'konformità mal-Artikolu 349 tat-TFUE; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu pperpetwati d-derogi kollha maħsuba biex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi strutturali tagħhom, kif ukoll għat-titjib ta' miżuri speċifiċi għal dawn ir-reġjuni billi jiġu aġġustati kull meta jkun meħtieġ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tal-15 ta' Diċembru 2015 bħala l-bażi biex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-Artikolu 349 tat-TFUE fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-Fondi Strutturali; jissuġġerixxi b'mod partikolari li tiġi estiża l-allokazzjoni speċifika għar-reġjuni ultraperiferiċi għall-komponent soċjali, li jinżamm il-livell attwali ta' kofinanzjament tal-Unjoni f'dawn ir-reġjuni u li tiġi mfassla aħjar il-konċentrazzjoni tematika; jissottolinja l-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi, pereżempju, bħala żoni privileġġati għall-implimentazzjoni ta' proġetti sperimentali;

12.  Iqis li l-introduzzjoni ta' strateġiji integrati għal żvilupp urban sostenibbli rnexxiet u għandha għalhekk tissaħħaħ kif ukoll tiġi replikata f'territorji sottoreġjonali oħra, pereżempju billi jiġi stabbilit approċċ territorjali integrat flimkien mal-objettivi tematiċi, iżda mingħajr preġudizzju għall-konċentrazzjoni tematika; jissottolinja l-importanza tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità, li ssaħħaħ l-abilità tal-politika ta' koeżjoni biex tinvolvi lill-atturi lokali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi esplorata l-possibilità li tiġi introdotta t-tħejjija ta' programmi operattivi reġjonali abbażi ta' strateġiji territorjali integrati u strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti;

Ir-"reġjuni ta' dħul medju": ninkoraġġixxu r-reżiljenza u nipprevjenu li t-territorji vulnerabbli jaqgħu lura

13.  Jissottolinja li "r-reġjuni bi dħul medju" ma kellhomx l-istess tkabbir bħar-reġjuni bi dħul baxx (li għad iridu jlaħħqu mal-bqija tal-UE) u r-reġjuni bi dħul għoli ħafna, peress li qed jiffaċċaw l-hekk imsejħa "nassa ta' dħul medju" minħabba l-ispejjeż għoljin wisq tagħhom meta mqabbla ma' dawk tal-ewwel u minħabba sistemi ta' innovazzjoni fraġli wisq meta mqabbla ma' dawk tat-tieni; jinnota madankollu li dawn it-territorji huma kkaratterizzati minn industriji tal-manifattura dgħajfa u mill-vulnerabilità tagħhom għax-xokkijiet ikkawżati mill-globalizzazzjoni u l-bidliet soċjoekonomiċi li jirriżultaw;

14.  Huwa konvint li sfida ewlenija għall-politika futura ta' koeżjoni se tkun li jingħata appoġġ xieraq lil dawn ir-reġjuni ta' dħul medju sabiex inter alia tinħoloq klima favorevoli għall-investiment u li l-politika ta' koeżjoni għandha tnaqqas kemm id-disparitajiet u l-inugwaljanzi kif ukoll tevita li t-territorji vulnerabbli jaqgħu lura, filwaqt li tqis it-tendenzi, id-dinamiċi u ċ-ċirkostanzi differenti;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-isfidi ffaċċjati mir-reġjuni ta' dħul medju li huma kkaratterizzati minn rata baxxa tat-tkabbir meta mqabbla mal-medja tal-UE b'tali mod li tippromwovi l-iżvilupp ġeneralment armonjuż tal-Unjoni; ifakkar li sabiex jiġu appoġġati dawn ir-reġjuni u jingħataw soluzzjonijiet għall-problemi tagħhom, il-politika futura ta' koeżjoni għandha tkopri, tappoġġa u tinkludihom kif jixraq fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, inkluż permezz tal-ħolqien u l-implimentazzjoni ta' strateġiji, programmi u azzjonijiet imfassla apposta; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-importanza tal-indikaturi komplementari flimkien mal-PDG sabiex joffru stampa aktar preċiża tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi ta' dawn ir-reġjuni speċifiċi; iqis li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-identifikazzjoni bikrija tal-vulnerabilitajiet sabiex il-politika ta' koeżjoni tkun tista' tappoġġa r-reżiljenza tar-reġjuni u tipprevjeni l-iżvilupp ta' disparitajiet ġodda fit-tipi ta' reġjuni kollha;

16.  Jilqa' t-tnedija mill-Kummissjoni ta' proġett pilota biex jipprovdi appoġġ imfassal apposta, adattat għall-isfidi partikolari li qed jiffaċċaw ir-reġjuni fi tranżizzjoni industrijali; jistieden lill-Kummissjoni tislet lezzjonijiet mill-proġett pilota u jistenna li jara r-riżultati previsti mill-aktar fis possibbli; huwa tal-fehma li l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għandhom il-potenzjal li, permezz ta' approċċ olistiku, joffru appoġġ aħjar lil dawn ir-reġjuni fl-istrateġiji ta' żvilupp tagħhom u, b'mod aktar ġenerali, jippromwovu implimentazzjoni divrenzjata fil-livell reġjonali, iżda jistgħu ukoll jiġu appoġġati permezz ta' kooperazzjoni addizzjonali u skambju ta' għarfien u esperjenza fost ir-reġjuni; jilqa' azzjonijiet bħall-inizjattiva Vanguard għall-użu ta' strateġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti biex tagħti spinta lit-tkabbir u lit-tiġdid industrijali fiż-żoni ta' prijorità fl-UE;

17.  Jenfasizza li l-konverġenza soċjali u fiskali tikkontribwixxi għat-trawwim tal-koeżjoni filwaqt li ttejjeb il-funzjonament tas-suq uniku; iqis li prattiki diverġenti f'dan il-qasam jistgħu jmorru kontra l-objettiv tal-koeżjoni u aktarx jikkawżaw aktar problemi lit-territorji batuti jew lil dawk l-aktar vulnerabbli għall-globalizzazzjoni u jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa kontinwa li r-reġjuni inqas żviluppati jlaħħqu mal-bqija tal-Unjoni; iqis li l-politika ta' koeżjoni tista' tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-konverġenza soċjali u fiskali (flimkien mal-konverġenza ekonomika u territorjali) b'mod li toffri inċentivi pożittivi; jissottolinja f'dan ir-rigward il-possibilità li jiġi użat, pereżempju, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra aktar dan l-aspett fis-Semestru Ewropew sabiex id-dimensjoni soċjali tal-politika ta' koeżjoni tiġi integrata aħjar mal-politika ekonomika, filwaqt li tinvolvi kif jixraq ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex iżżid l-effiċjenza tal-proċess u s-saħħaħ is-sjieda tiegħu;

Oqsma ta' azzjoni

18.  Jappoġġja konċentrazzjoni tematika qawwija fuq għadd limitat ta' prijoritajiet marbuta mal-objettivi politiċi Ewropej ewlenin, filwaqt li tingħata aktar flessibilità lill-awtoritajiet maniġerjali fit-tfassil tal-istrateġiji territorjali tagħhom abbażi tal-ħtiġijiet u l-potenzjal wara konsultazzjoni lokali u reġjonali fit-tħejjija tal-ftehimiet ta' sħubija; jenfasizza li l-impjiegi (inkluż il-qgħad fost iż-żgħażagħ), l-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar, l-appoġġ għall-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-appoġġ għall-SMEs u l-istart-ups, it-tibdil fil-klima, l-ekonomija ċirkolari u l-infrastruttura għandhom jikkostitwixxu oqsma ta' prijorità għall-politika tl-koeżjoni fil-futur;

19.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jirrappreżenta pass 'il quddiem fil-bini ta' Ewropa soċjali; itenni l-impenn tiegħu favur l-FSE bħala parti integrata b'saħħitha tal-Fondi SIE, kif ukoll favur il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, l-Inizjattiva favur l-Imġjieg taż-Żgħażagħ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, fid-dawl tar-rwol tagħhom biex jingħelbu l-isfidi tal-impjiegi, tat-tkabbir ekonomiku, tal-inklużjoni soċjali, tat-tagħlim u tat-taħriġ vokazzjonali;

20.  Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni tal-futur għandha tiffoka aktar fuq il-protezzjoni u l-appoġġ tal-komunitajiet u tat-territorji milquta ħażin mill-globalizzazzjoni (rilokazzjonijiet ta' impjanti, telf ta' impjiegi) kif ukoll minn xejriet simili fi ħdan l-UE; jappella biex, f'każijiet rilevanti, tiġi eżaminata l-koordinazzjoni bejn il-Fondi Strutturali u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, sabiex, fost affarijiet oħra, jiġu koperti r-rilokazzjonijiet fi ħdan l-UE;

21.  Jinnota li l-vulnerabilità għat-tibdil fil-klima tvarja b'mod konsiderevoli minn reġjun għal ieħor; iqis li l-Fondi SIE għandhom jintużaw b'mod kemm jista' jkun effikaċi biex jgħinu lill-UE tissodisfa l-impenji tagħha skont il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima (COP21), pereżempju b'referenza għall-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jew l-iskambju tal-aħjar prattiki, b'mod partikolari fis-settur tal-abitazzjoni, u biex jitqiesu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU; jinsisti li l-fondi mill-istrumenti ta' solidarjetà għall-użu fil-każ ta' diżastri naturali għandhom ikunu disponibbli malajr kemm jista' jkun fiċ-ċirkustanzi, u dejjem b'mod koordinat;

22.  Jitlob li l-Fondi SIE jintużaw biex jiġu indirizzati, b'mod sostenibbli, l-isfidi demografiċi (it-tixjiħ, it-tnaqqis fil-popolazzjoni, il-pressjoni demografika, l-inabilità li jiġu attratti jew miżmuma riżorsi umani adegwati) li qed jaffettwaw ir-reġjuni Ewropej b'diversi modi speċifiċi; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li jingħata appoġġ adegwat lit-territorji, bħal ċerti reġjuni ultraperiferiċi;

23.  Jenfasizza li għandu jinħoloq mekkaniżmu ta' finanzjament speċifiku għal wara l-2020 skont l-Artikolu 349 tat-TFUE biex il-migranti jiġu integrati fir-reġjuni ultraperiferiċi, li jridu jlaħħqu ma' pressjoni migratorja akbar minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, u b'hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tagħhom;

24.  Huwa tal-fehma li l-fondi tal-UE għandhom jirrispettaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD) u għandhom ikomplu jħeġġu d-deistituzzjonalizzazzjoni;

25.  Jenfasizza l-potenzjal ta' aktar investimenti fil-kultura, fl-edukazzjoni, fil-wirt, fiż-żgħażagħ, fl-isport u fit-turiżmu sostenibbli biex jinħolqu l-impjiegi, fosthom, b'mod partikolari, impjiegi ta' kwalità għaż-żgħażagħ, kif ukoll it-tkabbir, u biex tittejjeb il-koeżjoni soċjali filwaqt li jiġu miġġielda wkoll il-faqar u d-diskriminazzjoni, li huwa ta' importanza partikolari fir-rigward, pereżempju, tar-reġjuni ultraperiferiċi, rurali u remoti; jappoġġja l-iżvilupp tal-industriji kulturali u kreattivi li huma marbuta mill-qrib mal-innovazzjoni u l-kreattività;

Il-qafas ta' programmazzjoni ta' wara l-2020

26.  Jenfasizza li s-seba' Rapport dwar il-Koeżjoni jisħaq fuq il-ħtieġa li jitqiesu l-indikaturi komplementari għall-PDG per capita, li għandu jibqa' l-indikatur ewlieni, għall-fini tal-allokazzjoni tal-fondi u biex tingħata stampa aktar eżatta tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi, f'konformità mal-isfidi u l-ħtiġijiet identifikati, anke fil-livell subreġjonali; jinnota l-importanza li nibbażaw ruħna fuq data ta' kwalità għolja, affidabbli, aġġornata, strutturata u disponibbli; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Eurostat jipprovdu l-akbar dettall u diżaggregazzjoni ġeografika possibbli fl-istatistika ta' rilevanza għall-politika ta' koeżjoni sabiex jirriflettu adegwatament il-ħtiġijiet tar-reġjuni fil-proċess ta' programmazzjoni; jappoġġja l-użu ta' kriterji soċjali, ambjentali u demografiċi, b'mod partikolari r-rata tal-qgħad u r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

27.  Jirrakkomanda t-tisħiħ ta' approċċi integrati, u jenfasizza bil-qawwa li l-FSE għandu jkompli jkun parti integrali mill-politika reġjonali Ewropea, minħabba d-dimensjoni ta' koeżjoni essenzjali tiegħu;

28.  Jissottolinja li l-għotjiet għandhom jibqgħu l-istrument ta' finanzjament ewlieni tal-politika ta' koeżjoni, iżda jirrikonoxxi li l-istrumenti finanzjarji jistgħu jkunu lieva effikaċi u li għandhom jiġu promossi jekk jiġġeneraw valur miżjud u abbażi ta' valutazzjoni xierqa ex ante; madankollu, jenfasizza li l-użu tagħhom m'għandux isir fini fih innifsu, li l-effikaċja tagħhom tiddependi minn bosta fatturi (in-natura tal-proġett, tat-territorju jew tar-riskji) u li r-reġjuni kollha, irrispettivament mil-livell ta' żvilupp tagħhom, għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw b'mod liberu l-aktar metodu xieraq ta' finanzjament; jopponi kwalunkwe għan vinkolanti għall-użu tal-istrumenti finanzjarji;

29.  Jitlob li l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu tal-istrumenti finanzjarji jiġu ssimplifikati u li l-koordinazzjoni ta' dawn l-istrumenti mal-għotjiet tiġi ffaċilitata għall-fini tal-komplementarjetà u tal-effiċjenza u fid-dawl tar-realtajiet territorjali; jenfasizza l-importanza tal-kapaċità amministrattiva u tal-kwalità tal-governanza, kif ukoll tar-rwol komplementari tal-banek u tal-istituzzjonijiet tal-iżvilupp nazzjonali fl-implimentazzjoni ta' strumenti finanzjarji mfassla apposta għall-ħtiġijiet lokali; iqis li huwa essenzjali li r-regoli dwar l-istrumenti finanzjarji jiġu armonizzati kemm jista' jkun, irrispettivament mill-mod kif jiġu ġestiti; jipproponi, minbarra l-istrumenti finanzjarji li diġà jeżistu għall-politika ta' koeżjoni, il-promozzjoni tal-istrumenti finanzjarji parteċipatorji wkoll;

30.  Jemmen li rabta bejn il-politika ta' koeżjoni u l-garanzija ta' ambjent li jwassal għall-investiment, l-effikaċja u l-użu xieraq tal-fondi tgħin ukoll biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika soċjali, filwaqt li jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni mhijiex intiża biex tkun sepliċement strument li jaqdi l-prijoritajiet mingħajr referenza għall-objettivi tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi applikata l-pożizzjoni maqbula dwar il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir rigward il-flessibilità għall-kundizzjonijiet ċikliċi, għar-riformi strutturali u għall-investimenti tal-gvern; jemmen li l-miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika soda, kif spjegat fir-Regolament 1303/2013, għandhom jiġu analizzati bir-reqqa, anke bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra aġġustamenti dwar kif inhuma marbuta il-politika ta' koeżjoni u s-Semestru Ewropew sabiex issaħħaħ id-dimensjoni territorjali u soċjali u dan tal-aħħar, u għandha tqis fatturi oħrajn li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-koeżjoni, bħall-konverġenza reali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest u fil-qafas tas-Semestru Ewropew, tagħti ħarsa lejn il-kofinanzjament reġjonali u nazzjonali taħt il-Fondi SIE u l-impatt tiegħu fuq id-defiċits nazzjonali;

31.  Jitlob li l-istrateġiji dwar l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti jiġu intensifikati bħala mezz ġdid ta' investiment fil-potenzjal ta' tkabbir fit-tul f'kuntest ta' tibdil teknoloġiku u globalizzazzjoni mgħaġġla; jirrikonoxxi l-utilità ta' kundizzjonalitajiet ex ante, iżda jenfasizza li f'xi każijiet kienu sors ta' kumplessità u dewmien fl-iżvilupp u l-varar tal-programmazzjoni; jieħu nota tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonalitajiet ex ante fir-Rapport Speċjali 15/2017 tagħha; jistieden lill-Kummissjoni biex, meta jkun xieraq, tikkunsidra t-tnaqqis tal-għadd ta' kundizzjonalitajiet ex ante u, f'dan ir-rigward, ittejjeb il-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà, filwaqt li tagħmel l-aħjar użu mid-dokumenti strateġiċi eżistenti li jistgħu jissodisfaw kundizzjonalitajiet ex ante futuri; jissottolinja li l-kundizzjonalitajiet ex ante għandhom ikunu relatati mill-qrib mal-effikaċja tal-investimenti, filwaqt li jkun żgurat trattament indaqs għall-Istati Membri kollha;

32.  Jinnota li l-kwalità u l-istabilità tal-amministrazzjoni pubblika, li għaliha l-edukazzjoni tajba, it-taħriġ u l-assistenza konsultattiva disponibbli lokalment huma prekundizzjonijiet, għadhom fattur deċiżiv għat-tkabbir reġjonali u għall-effikaċja tal-Fondi SIE; jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-kwalità tal-governanza, u li jkun żgurat li tkun disponibbli assistenza teknika suffiċjenti, peress li dawn għandhom impatt serju fuq l-implimentazzjoni soda tal-politika ta' koeżjoni, u jistgħu jvarjaw sostanzjalment fl-Istati Membri, kif jidher speċjalment, pereżempju, fir-reġjuni inqas żviluppati; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, tevalwa l-programm JASPERS futur fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

33.  Huwa favur li l-iżvilupp tal-politika ta' koeżjoni jsir aktar orjentat lejn ir-riżultati u l-kontenut, billi mil-loġika tal-kontabilità nimxu lejn il-loġika tal-prestazzjoni u billi nagħtu lill-awtoritajiet maniġerjali aktar flessibilità fil-mod kif jilħqu l-objettivi, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji, inter alia, tas-sħubija, it-trasparenza u r-responsabilità;

34.  Iqis li huwa essenzjali li titkompla l-ġlieda kontra l-frodi, u jħeġġeġ tolleranza żero tal-korruzzjoni;

Politika ta' koeżjoni simplifikata

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Simplifikazzjoni fil-proposti leġiżlattivi futuri tagħha;

36.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi pprovdut qafas li jiggarantixxi l-istabilità legali permezz ta' regoli sempliċi, ċari u prevedibbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni u tal-awditjar, sabiex jiġi żgurat bilanċ xieraq bejn l-objettivi ta' prestazzjoni u ta' simplifikazzjoni; jappella, fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, għal tnaqqis fil-volum ta' leġiżlazzjoni u linji gwida (b'kawtela, sabiex jiġu pprovduti, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati, il-kontinwità neċessarja tar-regoli u l-proċeduri, li l-partijiet interessati u l-awtoritajiet maniġerjali huma familjari magħhom); jitlob li d-dokumenti rilevanti jiġu tradotti fil-lingwi kollha tal-UE u li kwalunkwe applikazzjoni u interpretazzjoni retrospettiva tar-regoli tiġi evitata kem jista' jkun; jappella għal qafas legali uniformi u għal linji gwida dwar il-proġetti transfruntieri;

37.  Jenfasizza, fl-istess ħin, il-ħtieġa li tiġi evitata regolamentazzjoni eċċessiva u li l-programmi operattivi jsiru dokumenti strateġiċi ġenwini li jkunu aktar konċiżi u aktar flessibbli, filwaqt li tiġi stabbilita proċedura simplifikata għall-modifika mmirata tagħhom matul il-programmazzjoni (eż. fil-każ ta' diżastri naturali), sabiex ikun hemm reazzjoni adegwata għall-evoluzzjoni tar-realtajiet globali u tad-domanda reġjonali;

38.  Jappella li jiddaħħal sett uniku ta' regoli ġenwini għall-Fondi SIE, inkluża l-armonizzazzjoni ulterjuri ta' regoli komuni għal strumenti li jikkontribwixxu għall-istess objettiv tematiku; iqis li huwa meħtieġ li jiġu ssimplifikati l-proċeduri tal-akkwist taħt il-Fondi u li jiġu aċċellerati l-proċeduri ta' għajnuna mill-Istat meta tkun meħtieġa l-komformità; huwa favur trattament uniformi tal-fondi Ewropej taħt ġestjoni diretta u tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni f'termini ta' għajnuna mill-Istat b'mod aktar koerenti u, b'mod aktar ġenerali, huwa favur regoli armonizzati għal skemi Ewropej maħsuba għall-istess benefiċjarji; jenfasizza l-importanza ta' aktar komplementarjetà bejn il-politika ta' koeżjoni u l-programm ta' riċerka futur tal-Unjoni biex jiġi kopert iċ-ċiklu kollu, mir-riċerka bażika għall-applikazzjonijiet kummerċjali; iqis li l-konċentrazzjoni tematika għandha tinżamm sabiex jiġu permessi sinerġiji bejn sorsi ta' finanzjament differenti fil-livell tal-proġetti;

39.  Jieħu nota tat-twaqqif ta' grupp ta' ħidma dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u minn dan il-grupp ta' ħidma jistenna proposti konkreti biex tittejjeb il-konformità maż-żewġ prinċipji fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni; jappoġġja l-iżgurar tal-applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji bil-għan ta' governanza f'diversi livelli reali li tirrikjedi awtonomija adegwata għall-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll għal partijiet ikkonċernati oħra;

40.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma pproponietx evalwazzjoni aktar integrata tal-politiki trasversali, filwaqt li s-sinerġiji bejn id-diversi politiki Ewropej ma ġewx irrappurtati; jappella għal strateġiji, finanzjament u azzjonijiet ambizzjużi li jżidu s-sinerġiji ma' fondi oħra tal-UE u jattiraw appoġġ finanzjarju komplementari; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ottimizzati aktar is-sinerġiji bejn il-Fondi SIE u strumenti oħra, inkluż il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), kif ukoll mal-programmi l-oħra ġestiti ċentralment bħal Orizzont 2020, li huwa komplementari għall-politika ta' koeżjoni fl-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni;

41.  Jitlob li l-rekwiżiti fir-rigward tal-programmazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Fondi SIE fil-futur ikunu bbażati fuq il-prinċipji tad-differenzjazzjoni u l-proporzjonalità, fuq kriterji trasparenti u ġusti u skont l-ammonti allokati għall-programmi, il-profil tar-riskji, il-kwalità tal-amministrazzjoni u l-livell ta' finanzjament mill-benefiċjarji;

42.  Iqis li huwa essenzjali li r-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet maniġerjali tevolvi lejn "kuntratt ta' fiduċja"; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-importanza ta' qafas ta' governazna f'diversi livelli reali li jkun adegwat u jiffunzjona; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-valur tal-ħidma li diġà saret fuq il-ġestjoni xierqa tal-fondi pubbliċi, billi tintroduċi l-prinċipju ta' ċertifikazzjoni tal-awtoritajiet maniġerjali li jkunu wrew il-kapaċità tagħhom li jikkonformaw mar-regoli; jitlob, fir-rigward tal-monitoraġġ, li nistrieħu aktar fuq ir-regoli nazzjonali u reġjonali, ladarba l-effikaċja tagħhom tkun ġiet ivverifikata u vvalidata;

43.  Jitlob li l-prinċipju ta' awditjar uniku jissaħħaħ, li l-implimentazzjoni tal-koeżjoni elettronika titħaffef u li l-użu ta' spejjeż simplifikati u standardizzati jiġu adottati b'mod globali, peress li, fost affarijiet oħra, dan wera li huwa aktar faċli biex jiġi implimentat u ma wassalx għal żbalji; jenfasizza l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta' monitoraġġ u rappurtar; huwa tal-fehma li l-iskambju tal-għarfien espert għandu jiġi ffaċilitat bl-istabbiliment ta' portal ta' kondiviżjoni tal-għarfien għall-iskambju tal-aħjar prattiki;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq ideat għat-titjib tar-reazzjoni tal-politika ta' koeżjoni għal avvenimenti mhux previsti, u jtenni, f'dan il-kuntest, l-appell tiegħu għall-ħolqien ta' riżerva ta' natura tali li tagħti flessibilità addizzjonali lir-reġjuni mingħajr ma tipperikola l-għanijiet fit-tul tal-programmi operattivi;

Sfidi u opportunitajiet

45.  Huwa mħasseb ferm dwar ix-xenarji ppreżentati reċentement mill-Kummissjoni, rigward it-tnaqqis fil-baġit tal-politika ta' koeżjoni li jista' jsir taħt il-QFP li jmiss u li jwassal biex ħafna reġjuni jiġu esklużi mill-ambitu tal-politika ta' koeżjoni; jixtieq jara baġit ambizzjuż li jkun proporzjonat għall-isfidi li qqed jiffaċċjaw ir-reġjuni, u jitlob li l-politika ta' koeżjoni ma ssirx strument varjabbli ta' aġġustament; jirrimarka li l-kopertura tar-reġjuni kollha tal-UE hija element mhux negozjabbli għall-Parlament Ewropew; jenfasizza li t-teorija ta' "gruppi ta' żvilupp ekonomiku" tikkonferma l-importanza li jingħata appoġġ differenzjat lir-reġjuni Ewropej kollha, inklużi lir-reġjuni bi dħul għoli ħafna, li jridu jibqgħu kompetittivi mal-kompetituri globali tagħhom;

46.  Iqis li l-politika ta' koeżjoni tista' tgħin biex jingħelbu sfidi ġodda, bħas-sigurtà jew l-integrazzjoni tar-rifuġjati taħt protezzjoni internazzjonali; madankollu, jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni ma tistax tkun is-soluzzjoni għall-kriżijiet kollha, u jopponi l-użu tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni biex ikopru l-ħtiġijiet finanzjarji għal żmien qasir li ma jaqgħux fl-ambitu tal-politika, filwaqt li jfakkar li l-għan tagħha huwa l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-UE fuq perjodu medju u twil ta' żmien;

47.  Jinnota r-riżultati pożittivi tal-FEIS li, madankollu, għandhom jinvestu b'mod saħansitra aktar trasparenti u sinifikanti; jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni u l-FEIS huma bbażati fuq kunċetti u objettivi differenti li f'ċerti każijiet jistgħu jkunu komplementari, iżda li ma jistgħux jieħdu post xulxin, irrispettivament mil-livell ta' żvilupp tar-reġjuni, speċjalment billi l-FEIS, għall-kuntrarju tal-Fondi Strutturali, fil-biċċa l-kbira huwa bbażat fuq self; ifakkar fl-importanza li ssir distinzjoni xierqa bejn il-FEIS u l-politika ta' koeżjoni, kif ukoll li jiġu identifikati opportunitajiet ċari biex jiġu kkombinati;

48.  Itenni l-impenn tiegħu għal perjodu ta' programmazzjoni fit-tul; iqis li l-unika alternattiva vijabbli għall-perjodu attwali ta' seba' snin huwa perjodu ta' QFP ta' 5+5 snin, b'analiżi ta' nofs it-terminu; jistieden lill-Kummissjoni tfassal proposta ċara li tiddefinixxi l-metodi għall-implimentazzjoni fil-prattika ta' qafas finanzjarju 5+5;

49.  Jitlob li jsir kull sforz biex jiġi evitat dewmien fil-programmazzjoni għall-perjodu l-ġdid, sabiex jiġu evitati pagamenti tard u diżimpenji li jxekklu l-kisba ta' riżultati pożittivi tal-politika ta' koeżjoni; jenfasizza l-importanza li jiġu ppreżentati fil-ħin id-dokumenti kollha tal-qafas legali futur fil-lingwi uffiċjali kollha, sabiex tiġi żgurata informazzjoni ġusta u f'waqtha għall-benefiċjarji kollha;

50.  Jappella għal miżuri biex tittejjeb il-komunikazzjoni liċ-ċittadini Ewropej, biex b'hekk tiżdied is-sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-kisbiet konkreti tal-politika ta' koeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet maniġerjali u tal-promoturi tal-proġett li jużaw metodi ta' komunikazzjoni lokali innovattivi biex jinfurmaw lin-nies dwar ir-riżultati tal-użu tal-fondi fit-territorji; jenfasizza l-ħtieġa ta' titjib fl-informazzjoni u fil-komunikazzjoni mhux biss downstream (il-kisbiet tal-Fondi SIE) iżda anke upstream (possibilitajiet ta' finanzjament), b'mod partikolari għall-organizzaturi ta' proġetti żgħar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi u pjattaformi ta' kooperazzjoni istituzzjonalizzata usa' sabiex jiżguraw viżibilità u sensibilizzazzjoni akbar;

51.  Jinnota li ċerti reġjuni Ewropej huma partikolarment esposti għall-konsegwenzi tal-Brexit; jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni futura għandha tillimita kemm jista' jkun l-impatti negattivi tal-Brexit fuq reġjuni Ewropej oħra, u jitlob li tiġi esplorata l-possibilità li jiġu segwiti s-sħubijijiet fil-qafas tal-kooperazzjoni territorjali;

°

°  °

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.

(3)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.

(4)

JO L 347, 20.12.2013, p. 281.

(5)

JO L 347, 20.12.2013, p. 259.

(6)

Judgment of the Court of Justice of 15 December 2015, Parliament and Commission/Council, C-132/14 to C-136/14, ECLI:EU:C:2015:813.

(7)

Doc. 8463/17

(8)

Doc. 14263/17

(9)

Iammarino, S., Rodríguez-Pose, A., Storper, M. (2017), "Why regional development matters for Europe's economic future" (Għaliex l-iżvilupp reġjonali huwa sinifikanti għall-futur ekonomiku tal-Ewropa), Dokumenti ta' Ħidma 07/2017, Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana, il-Kummissjoni Ewropea.

(10)

CDR 1814/2016.

(11)

ĠU C 303, 19.8.2016, p. 94.

(12)

Testi Adottati, P8_TA(2015)0308.

(13)

Testi Adottati, P8_TA(2015)0307.

(14)

Testi Adottati, P8_TA(2016)0211.

(15)

Testi Adottati, P8_TA(2017)0222.

(16)

Testi Adottati, P8_TA(2016)0320.

(17)

Testi Adottati, P8_TA(2016)0321.

(18)

Testi Adottati, P8_TA(2017)0053.

(19)

Testi Adottati, P8 TA(2017) 0254.

(20)

Testi Adottati, P8_TA(2017)0245.

(21)

Testi adottati, P8_TA(2017)0316.

(22)

Testi Adottati, P8_TA(2017)0401.

(23)

Testi Adottati, P8_TA(2018)0067.

(24)

Testi Adottati, P8_TA(2018)0075.

(25)

http://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/8631691/3-31012018-BP-EN.pdf/bdc1dbf2-6511-4dc5-ac90-dbadee96f5fb

(26)

http://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/8701418/3-01032018-AP-EN/37be1dc2-3905-4b39-9ef6-adcea3cc347a


NOTA SPJEGATTIVA

Skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, "il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport, kull tliet snin, dwar il-progress li jkun sar sabiex tintlaħaq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (...)".

Is-seba' rapport dwar il-koeżjoni ġie ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea fid-9 ta' Ottubru 2017, ftit xhur qabel il-proposta tiegħu dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss u l-proposti tagħha dwar il-qafas regolatorju għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej wara l-2020.

F'dan il-kuntest partikolari, ir-rapporteur xtaq jislet it-tagħlimiet mir-rapport ippubblikat mill-Kummissjoni billi jsarrafhom fi proposti konkreti għall-politika ta' koeżjoni futura.

Fi żmien meta l-enfasi hija bir-raġun imqiegħda fuq il-kunċett tal-"valur miżjud Ewropew", ir-rapporteur huwa tal-fehma li qabelxejn dan huwa rifless fil-fakultà tal-politika ta' koeżjoni li tqarreb lill-Unjoni Ewropea lejn iċ-ċittadini tagħha, bis-saħħa ta' implimentazzjoni eqreb it-territorji u tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li għandu jissaħħaħ. Il-politika ta' koeżjoni għandha għalhekk tinkorpora Ewropa li twettaq ħidma prattika utli fir-reġjuni.

Ir-rapport tal-Kummissjoni jiddikjara li "l-impatt tal-globalizzazzjoni, il-migrazzjoni, il-faqar u n-nuqqas ta' innovazzjoni, it-tibdil fil-klima, it-tranżizzjoni tal-enerġija u t-tniġġis mhuwiex limitat għal reġjuni inqas żviluppati". Ir-rapporteur iħaddan ukoll din il-fehma u huwa konvint li għalhekk huwa essenzjali li l-politika ta' koeżjoni futura tkompli tkopri lir-reġjuni Ewropej kollha permezz ta' baġit proporzjonat għall-isfidi.

Għalkemm ir-reġjuni kollha għandhom ikunu koperti, ir-rapport tal-Kummissjoni juri biċ-ċar kemm ir-reġjuni u l-ħtiġijiet ivarjaw fi ħdan fl-UE. F'dan il-kuntest, id-dimensjoni territorjali tal-politika ta' koeżjoni għandha tissaħħaħ sabiex jiġi żgurat approċċ imfassal apposta li jkun jista' jwieġeb aħjar għall-isfidi tat-territorji differenti, kemm jekk urbani, periurbani, rurali, insulari, muntanjużi jew tal-fruntiera. Il-qagħda strutturali ekonomika u soċjali partikolari tar-reġjuni ultraperifiċi għandha wkoll tagħti lok, kif previst fit-Trattati, għal miżuri speċifiċi li għandhom jiġu mtejba u adattati kull meta jkun meħtieġ.

Minkejja li s-seba' rapport dwar il-koeżjoni juri li d-disparitajiet reġjonali qegħdin jonqsu mill-ġdid, dan juri wkoll li s-sitwazzjoni tvarja bejn ir-reġjuni, u li ċerti disparitajiet għadhom jeżistu, jew qed jiċċaqilqu jew jiżdiedu bejn u fi ħdan ir-reġjuni.

F'dan is-sens, fil-fehma tar-rapporteur waħda mit-tagħlimiet ewlenin tas-seba' rapport dwar il-koeżjoni tirrigwarda l-identifikazzjoni ta' territorji meqjusa li jinsabu "maqbuda f'nassa ta' dħul medju" u li qegħdin jiffaċċjaw ir-riskju li jaqgħu lura. Dawn ir-reġjuni m'għandhomx l-istess tkabbir bħar-reġjuni bi dħul baxx u r-reġjuni bi dħul għoli ħafna, minħabba spejjeż għoljin wisq meta mqabbla ma' dawk tal-ewwel u minħabba sistemi ta' innovazzjoni fraġli wisq meta mqabbla ma' dawk tat-tieni.

Sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, il-politika ta' koeżjoni għandha mhux biss tnaqqas id-disparitajiet iżda wkoll tinkoraġġixxi r-reżiljenza u tevita li ż-żoni vulnerabbli jibqgħu lura, filwaqt li tqis iżjed it-tendenzi u d-dinamiċi.

Fl-aħħar nett, ir-rapport tal-Kummissjoni jenfasizza l-eżistenza ta' żoni ta' faqar, ir-riskju ta' frammentazzjoni territorjali u t-twessigħ tad-disparitajiet infrareġjonali, anke f'reġjuni relattivament benestanti. Din hija problema li għandha tingħata attenzjoni speċjali, pereżempju billi jiġi stabbilit objettiv territorjali integrat flimkien mal-objettivi tematiċi.

Rigward l-oqsma ta' intervent, ir-rapporteur huwa favur konċentrazzjoni tematika qawwija fuq għadd limitat ta' prijoritajiet li jikkorrispondu għall-objettivi politiċi Ewropej ewlenin, filwaqt li jħalli f'idejn l-awtoritajiet maniġerjali l-kompitu tat-tfassil tal-istrateġiji territorjali tagħhom. L-impjiegi, l-innovazzjoni, l-appoġġ għall-SMEs, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ekonomija ċirkolari għandhom ikunu wkoll oqsma prijoritarji ta' intervent tal-politika ta' koeżjoni tal-futur.

Biex dawn l-isfidi jingħelbu, jeħtieġ inqisu indikaturi komplementari għall-PDG per capita għall-allokazzjoni tal-fondi. Dawn l-indikaturi għandhom ikunu konformi mal-objettivi u mal-isfidi identifikati, primarjament fil-qasam tal-impjiegi, u għalhekk ir-rapporteur jiddefendi l-inklużjoni tal-indikaturi soċjali, b'mod partikolari r-rata tal-qgħad u r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ.

Filwaqt li r-rapporteur jikkondividi l-ambizzjoni li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea u jappoġġja koordinazzjoni aħjar tal-istrumenti li jikkontribwixxu għaliha, huwa jqis li l-Fond Soċjali Ewropew għandu jkompli jkun parti integrali mill-politika ta' koeżjoni. Il-fond għandu dimensjoni territorjali inkontestabbli. Il-prijoritizzazzjoni tal-komunikazzjoni għad-detriment tal-effikaċja, milli tinfired mill-politika ta' koeżjoni, tkun żball strateġiku.

Minħabba l-ġustifikazzjoni tagħha fit-Trattati, ir-rapporteur iqis li l-politika ta' koeżjoni mhix intiża biex tkun sempliċement għodda għall-istabbiliment tal-prijoritajiet mingħajr referenza għall-objettivi tagħha, u m'għandhiex tintuża bħala strument punittiv. Madankollu, iqis li huwa leġittimu li tiġi stabbilita rabta bejn il-politika ta' koeżjoni u l-garanzija ta' ambjent li jwassal għall-investimenti, għall-effikaċja u għall-użu tajjeb tal-fondi.

F'dan ir-rigward, iqis li jeħtieġ li tiġi indirizzata mingħajr ebda tabù l-kwistjoni tar-rabta bejn il-koeżjoni u l-konverġenza soċjali u fiskali, peress li l-konverġenza soċjali u fiskali tikkontribwixxi għall-objettiv tal-koeżjoni filwaqt li ttejjeb il-funzjonament tas-suq uniku. Għall-kuntrarju, prattiki diverġenti f'dan il-qasam jistgħu jmorru kontra l-objettiv tal-koeżjoni u aktarx jesponu aktar lit-territorji anqas żviluppati jew lil dawk l-aktar vulnerabbli għall-globalizzazzjoni, bħat-territorji maqbuda f'nassa ta' dħul medju msemmija fir-rapport tal-Kummissjoni.

Fir-rigward tal-metodi ta' finanzjament, l-istrumenti finanzjarji għandhom jiġu promossi meta jollhom valur miżjud, iżda l-użu tagħhom għandu jiġi ssimplifikat. Barra minn hekk, l-awtoritajiet maniġerjali għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw b'mod liberu l-aktar metodu xieraq ta' finanzjament, u huwa għalhekk li kwalunkwe objettiv vinkolanti rigward l-użu ta' strumenti finanzjarji għandu jiġi evitat.

Fl-aħħar nett, ir-rapporteur iqis li s-simplifikazzjoni għandha tkun wieħed mill-għanijiet ewlenin tar-riforma tal-politika ta' koeżjoni. Fi żmien meta bosta benefiċjarji potenzjali qed jitbiegħdu mill-finanzjament Ewropew, il-kredibilità tal-azzjoni Ewropea tinsab f'riskju. Dan irid isir biex titwaqqaf il-proliferazzjoni tar-regoli li saru illeġibbli. Dan ifisser ukoll li għandu jkun hemm ġabra unika ta' regoli għad-diversi fondi u li għandha tingħata garanzija ta' trattament uniformi tal-fondi taħt ġestjoni diretta u tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fl-aħħar nett, ikun pragmatiku li jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tal-programmazzjoni u tal-kontroll fil-futur ikunu bbażati fuq il-prinċipji tad-differenzjazzjoni u tal-proporzjonalità, b'mod partikolari skont il-kwalità tal-implimentazzjoni amministrattivż u d-daqs tal-baġits għall-programmi.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (21.3.2018)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea: is-seba' rapport tal-Kummissjoni Ewropea

(2017/2279(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Younous Omarjee

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jisħaq fuq ir-rwol kruċjali tal-politika ta' koeżjoni fil-kisba tal-konverġenza ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE u l-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU; jesprimi tħassib, madankollu, dwar il-persistenza tal-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni sinjuri u foqra u dwar l-approfondiment tad-disparitajiet soċjoekonomiċi, f'termini ta' dħul u aċċess għas-saħħa, bejn il-kategoriji soċjali differenti taċ-ċittadini; jesprimi tħassib dwar it-tfaqqir ġenerali ta' għadd ta' reġjuni, fosthom ir-reġjuni fi tranżizzjoni, wara l-kriżi finanzjarja tal-2008; jisħaq fuq il-potenzjal li għandha l-politika ta' koeżjoni għall-adattament tal-ekonomiji Ewropej għar-rivoluzzjoni teknoloġika, li tippermettilhom iwieġbu għall-popolazzjoni qed tixjieħ u għall-ftuħ tas-swieq Ewropej u dawk mondjali; jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni għandha tappoġġa bis-sħiħ l-investimenti fit-teknoloġiji ġodda, fil-modernizzazzjoni, fil-ħiliet ġodda u l-għarfien ġdid, fl-innovazzjoni, u fir-riċerka u l-iżvilupp, li se jgħinu lir-reġjuni inqas żviluppati javvanzaw fil-katina tal-valur; jisħaq fuq il-fatt li la l-għanijiet u lanqas il-finanzjament tal-UE għall-politika ta' koeżjoni m'għandhom jiddgħajfu; jissottolinja li l-politika ta' koeżjoni għandha tkompli tkun ta' benefiċċju għar-reġjuni kollha;

2.  Jinnota n-nuqqasijiet tas-sistema tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni finanzjarja, li wasslu għal dewmien fit-talbiet għall-pagamenti u l-pagamenti nfushom u għall-akkumulazzjoni ta' kontijiet mhux imħallsa, li jmorru kontra l-ispirtu tat-Trattati; jinsab imħasseb dwar id-dewmien sinifikanti fl-adozzjoni tal-programmi operattivi u fil-ħatra tal-awtoritajiet ta' ġestjoni, ta' pagament u ta' ċertifikazzjoni fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni, li ġie aggravat mill-konklużjoni tardiva tan-negozjati tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020 u mill-adozzjoni tardiva tar-regolamenti tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE), dewmien li wassal għal rata baxxa għall-aħħar ta' assorbiment tal-politika ta' koeżjoni matul il-perjodu ta' programmazzjoni attwali, li tippenalizza l-ewwel nett lill-promoturi tal-proġetti nfushom; jitlob f'dan ir-rigward li jkun hemm aktar simplifikazzjoni fil-kuntest tar-rieżami tar-Regolament Finanzjarju(1) fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2016, b'mod partikolari li jkun hemm enfasi akbar fuq il-kontrolli ex post, l-armonizzazzjoni tal-proċeduri u l-introduzzjoni ta' aktar flessibbiltà fil-QFP li jmiss; jisħaq fuq il-fatt li l-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament għandu tal-inqas jikkorrispondi mal-impenji preċedenti; jinnota, barra minn hekk, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Esperti Indipendenti dwar is-Simplifikazzjoni tal-Monitoraġġ għall-Benefiċjarji tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

3.  Jinnota d-differenza kbira kull sena bejn il-pagamenti stmati u l-pagamenti attwali mill-baġit tal-UE għall-politika ta' koeżjoni, u jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi metodoloġija għal ippjanar aħjar tal-eżekuzzjoni tal-baġit tal-UE f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri; jisħaq fuq il-fatt li l-istabbiliment tas-sistema tal-koeżjoni elettronika, li fiha l-Istati Membri jdaħħlu data dwar il-proċessi tal-proġetti, il-pjanijiet ta' akkwist b'dati ppjanati u attwali għas-sejħiet għall-offerti, l-għoti ta' kuntratti u l-implimentazzjoni, u d-data finanzjarja u tal-kontabilità kollha relatata mal-fatturi, il-kofinanzjament, l-eliġibbiltà tal-infiq u oħrajn, tkun ta' kontribut importanti għal ġestjoni u monitoraġġ aħjar tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni fl-Istati Membri, u tippermetti stimi aktar preċiżi ta' pagamenti mill-baġit tal-UE;

4.  Jisħaq fuq il-fatt li l-istrumenti finanzjarji fil-politika ta' koeżjoni tal-UE m'għandhomx jieħdu post is-sussidji u l-għajnuniet diretti, iżda għandhom jitqiesu bħala għodod komplementari li jestendu lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-proġetti jew mill-qasam li fih il-proġetti jiġġeneraw introjtu; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-Fondi SIE u l-FEIS huma ġestiti permezz ta' approċċi differenti u li l-kooperazzjoni bejn dawn iż-żewġ fondi tista' tkun ta' benefiċċju fi proġetti fuq skala kbira, iżda li dan bl-ebda mod ma għandu jimmina l-koerenza strateġika, il-konċentrazzjoni territorjali u l-prospetti fit-tul tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni;

5.  Jinsisti li l-proposti leġiżlattivi dwar il-QFP li jmiss għandhom jitressqu malajr kemm jista' jkun sabiex jiġi evitat dewmien fil-programmazzjoni tal-perjodu li jmiss; huwa tal-fehma li l-limiti massimi tal-politika ta' koeżjoni għandhom jinżammu fl-istess livell għall-UE-27 fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, filwaqt li tiżdied l-effettività tagħhom u jiġu ssimplifikati l-proċeduri assoċjati, sabiex finalment l-Unjoni jkollha l-fondi kollha meħtieġa li jikkorrispondu mal-għanijiet u l-prijoritajiet tagħha stabbiliti mit-Trattati; jirrimarka li l-politika ta' koeżjoni tħares liċ-ċittadini tal-UE minn ċerti effetti tal-globalizzazzjoni, tipprovdi għajnuna finanzjarja lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), tappoġġa l-proġetti ta' riċerka u ta' kooperazzjoni, u tħeġġeġ il-parteċipazzjoni f'inizjattivi li jiżviluppaw il-kapital uman, u għalhekk trid tibqa' b'saħħitha, effettiva u viżibbli għaċ-ċittadini;

6.  Jenfasizza r-rabta bejn il-kwalità tal-governanza u l-eżitu pożittiv tal-investiment pubbliku u privat, l-innovazzjoni u t-tkabbir; jilqa' l-approċċ olistiku adottat fis-seba' rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u jitlob li dawn il-punti jitqiesu bis-sħiħ fil-finanzjament ta' koeżjoni futur;

7.  Iqis li r-reġjuni kollha tal-UE għandhom jibqgħu jibbenefikaw mill-politika ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali , b'mod partikolari dawk l-inqas żviluppati kif ukoll ir-reġjuni ultraperiferiċi, u li fir-reġjuni l-aktar żviluppati, għandhom jibbenefikaw minnha ż-żoni periferiċi, li huma l-aktar milquta mill-faqar u huma l-inqas attraenti f'termini ta' opportunitajiet ta' żvilupp u ta' impjieg, u b'mod partikolari biex tingħata l-għajnuna għall-infrastruttura bil-għan li jispiċċa darba għal dejjem l-iżolament tagħhom;

8.  Jappella għal aktar koerenza bejn il-politika ta' koeżjoni u l-politiki l-oħrajn tal-Unjoni, li, bħal fil-każijiet tal-ftehimiet kummerċjali, jimminaw l-isforzi tal-politika reġjonali biex jintlaħaq l-għan ta' konverġenza fi ħdan l-Unjoni;

9.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tissokta u tissaħħaħ il-politika ta' koeżjoni fil-perjodu ta' programmazzjoni tal-QFP li jmiss; jopponi t-tentattivi ta' tnaqqis sostanzjali tal-baġit jew it-tentattivi ta' tibdil tal-politika reġjonali, li tibqa' l-unika politika ewlenija ta' solidarjetà tal-UE.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGHTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

21.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Gérard Deprez, Manuel dos Santos, André Elissen, Eider Gardiazabal Rubial, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, John Howarth, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Urmas Paet, Pina Picierno, Răzvan Popa, Paul Rübig, Jordi Solé, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Inese Vaidere, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Denanot, Georgios Kyrtsos, Ivana Maletić, Tomáš Zdechovský

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

29

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Gérard Deprez, Urmas Paet

ECR

Zbigniew Kuźmiuk

GUE/NGL

Liadh Ní Riada, Younous Omarjee

PPE

Richard Ashworth, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Georgios Kyrtsos, Ivana Maletić, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Patricija Šulin, Inese Vaidere, Tomáš Zdechovský

S&D

Jean-Paul Denanot, Eider Gardiazabal Rubial, Iris Hoffmann, John Howarth, Vladimír Maňka, Pina Picierno, Răzvan Popa, Manuel dos Santos, Daniele Viotti, Tiemo Wölken

VERTS/ALE

Jordi Solé, Indrek Tarand

4

-

ECR

Bernd Kölmel

ENF

André Elissen, Marco Zanni

NI

Eleftherios Synadinos

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU L 286, 30.10.2015, p. 1.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (22.3.2018)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea: is-seba' rapport tal-Kummissjoni Ewropea

(2017/2279(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Marita Ulvskog

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-qgħad u l-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni ilhom jonqsu gradwalment mill-2013 iżda, b'rata ta' 7,3 % u ta' 16,1 %, rispettivament (Diċembru 2017)(1), għadhom ogħla mil-livelli tal-2008, filwaqt li hemm differenzi konsiderevoli fl-Istati Membri u bejniethom, b'mod speċjali f'xi Stati Membri tal-UE l-aktar milquta mill-kriżi finanzjarja; billi d-differenzi reġjonali bdew jiċkienu; billi d-differenza fir-rati tal-qgħad bejn l-Istati Membri għadha sinifikanti, u tvarja minn 2,4 % fir-Repubblika Ċeka u 3,6 % fil-Ġermanja għal 16,3 % fi Spanja u 20,9 % fil-Greċja skont l-aħħar ċifri(2); billi l-qgħad moħbi – il-persuni bla xogħol li lesti li jaħdmu iżda mhux li qed ifittxu impjieg b'mod attiv – kien ta' 18 % fl-2016;

B.  billi l-qgħad fit-tul għadu jippersisti, u huwa 'l fuq minn 50 % tal-qgħad totali f'ċerti Stati Membri, 45,6 % fl-UE kollha u 49,7 % fiż-żona tal-euro; billi r-rata tal-qgħad tqis biss il-persuni li m'għandhomx xogħol u li jkunu fittxew ix-xogħol b'mod attiv fl-erba' ġimgħat preċedenti, filwaqt li r-rata tal-qgħad fit-tul tkejjel biss is-sehem tal-persuni fil-popolazzjoni ekonomikament attiva li għandhom bejn 15 u 74 sena li jkunu ilhom bla xogħol għal 12-il xahar jew aktar;

C.  billi r-rata tal-impjieg fl-UE ilha tikber għal erba' snin konsekuttivi u issa laħqet it-72,3 %, u dan ifisser li qabżet iċ-ċifra tal-2008, iżda xorta waħda għadha taħt il-livelli ta' qabel il-kriżi f'xi Stati Membri(3); billi, filwaqt li għad hemm differenzi kbar fir-rata medja ta' impjieg fir-reġjuni aktar żviluppati u dawk anqas żviluppati, kif ukoll bejniethom, id-differenzi reġjonali bdew jiċkienu; billi r-rati tal-impjieg ivarjaw minn ħafna taħt il-medja tal-UE f'ċerti Stati Membri - bi 58 % fil-Greċja, 64 % fil-Kroazja, 63 % fl-Italja u 66 % fi Spanja - għal aktar minn 75 % fin-Netherlands, id-Danimarka, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Litwanja, il-Latvja, l-Awstrija u l-Isvezja(4); billi l-impjieg imkejjel f'termini ta' sigħat maħduma minn kull impjegat għadu 3 % taħt il-livell ta' qabel il-kriżi fl-UE u 4 % fiż-żona tal-euro(5); billi ż-żgħażagħ qegħdin kull ma jmur jiġu impjegati taħt forom mhux standard u atipiċi ta' impjieg(6); billi l-abbuż tal-kuntratti part-time għandu jiġi kkundannat;

D.  billi f'ħafna reġjuni anqas żviluppati, il-PDG per capita qorob lejn il-medja tal-UE bis-saħħa ta' tkabbir aktar mgħaġġel fil-produttività, iżda kien hemm telf ta' impjiegi; billi f''diversi Stati Membri, l-introjtu disponibbli gross tal-unitajiet domestiċi (GDHI) per capita għadu ma rkuprax mil-livelli ta' qabel il-kriżi; billi, f'diversi Stati Membri, iż-żidiet fl-inugwaljanzi fl-introjtu ma treġġgħux lura mill-bidu tal-kriżi, u f'ċerti każijiet saħansitra marru għall-agħar(7); billi d-differenzi fil-qgħad u fl-introjtu madwar l-UE qed jinkoraġġixxu lin-nies jiċċaqilqu ħalli jsibu opportunitajiet aħjar; billi t-tibdil żbilanċjat u rapidu fil-popolazzjoni, assoċjat mal-kwistjoni tal-eżodu ta' mħuħ joħloq kumplikazzjonijiet, speċjalment għar-reġjuni rurali fl-UE13;

E.  billi huwa evidenti li, fil-livell reġjonali madwar l-UE, qed jonqsu kemm id-disparitajiet tal-impjiegi, kif ukoll id-disparitajiet fil-PDG per capita;

F.  billi d-diskrepanza bejn il-ġeneri fl-impjieg fl-UE għadha aktar minn 10 punti perċentwali (11,6 %) fl-UE, fejn insibu rati tal-impjieg ta' 76,9 % għall-irġiel u 65,3 % għan-nisa, u hemm diskrepanzi saħansitra akbar fost nisa li ma twieldux fl-UE u n-nisa Rom;

G.  billi, filwaqt li r-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali fl-UE naqas għal-livell ta' qabel il-kriżi, dan għadu għoli wisq, inkluż fir-reġjuni aktar żviluppati u għad fadal ħafna biex jintlaħaq l-objettiv tal-Istrateġija Ewropa 2020 dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali; billi l-inugwaljanzi qed ikomplu jikbru; billi fl-2015 kien hemm 118,8 miljun persuna fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali (AROPE), 1,7 miljun aktar miċ-ċifra tal-2008 u 'l bogħod mill-mira tal-Istrateġija Ewropa 2020 li l-AROPE jitnaqqsu b'20 miljun; billi r-rata tal-AROPE għat-tfal (0-17) kienet ta' 26,4 % fl-2016, jiġifieri kienet ogħla mir-rati ekwivalenti għall-adulti (16-64, 24,2 %) u, bi kważi 10 punti perċentwali, mir-rata tal-anzjani (65+, 18,3 %)(8); billi l-għadd ta' tfal fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa għadu għoli b'mod allarmanti, u kien jammonta għal 24,8 miljun fl-2016(9); billi l-Istati Membri kollha tal-UE huma firmatarji tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, li jinkludu l-għan li "jinqered il-faqar ta' kull tip kullimkien";

H.  billi l-objettiv ewlieni tal-politika ta' koeżjoni huwa li ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali billi tnaqqas id-differenzi reġjonali kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom, ittejjeb il-benesseri taċ-ċittadini tal-UE u tagħtihom opportunitajiet indaqs irrispettivament mill-post tar-residenza tagħhom; billi l-politika ta' koeżjoni kellha rwol importanti fl-indirizzar tal-impatt tal-kriżi ekonomika u soċjali f'dawn l-aħħar snin, billi pprovdiet opportunitajiet tassew meħtieġa għall-investiment pubbliku; billi waqt il-perjodu finanzjarju attwali, il-politika ta' koeżjoni mistennija li tgħin biex tappoġġa 1,1 miljun SME, tgħin lil 7,4 miljun persuna qiegħda jsibu xogħol u 8,9 miljun ruħ jiksbu kwalifiki ġodda, li tinvesti investiment ta' EUR 16-il biljun fl-ekonomija diġitali u li tagħmel investimenti sostanzjali fl-infrastruttura soċjali;

I.  billi d-disparitajiet infrareġjonali qegħdin jikbru, inkluż fir-reġjuni aktar sinjuri li għandhom żoni foqra; billi r-reġjuni l-aktar sinjuri jagħtu spinta sinifikanti favur it-tkabbir;

J.  billi jeħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri juru impenn aktar b'saħħtu biex japplikaw l-Artikoli 174 u 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

1.  Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni hija l-bażi biex tittejjeb il-konverġenza soċjali 'l fuq u l-prosperità kondiviża fl-UE u għandha tikkonċentra fuq l-isfidi l-kbar tas-soċjetà bħalma huma l-kundizzjonijiet tal-għajxien, il-qgħad, il-prekarjetà, il-faqar, l-esklużjoni, id-diskriminazzjoni, il-migrazzjoni u t-tibdil fil-klima; huwa tal-fehma li l-politika ta' koeżjoni, bħala l-politika ewlenija tal-investiment pubbliku tal-Unjoni għal dawn l-objettivi, għandha tal-anqas tinżamm f'livell baġitarju simili fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' żieda sostanzjali fil-Fond Soċjali Ewropew (FSE), bħala l-istrument ewlieni tal-UE għall-koeżjoni soċjali u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inklużi l-integrazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol, kif ukoll għal miżuri ta' appoġġ għall-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi, u l-ħolqien ta' opportunitajiet indaqs, filwaqt li l-fondi għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali għandhom jinżammu fil-livell ta' 20 %; jemmen li xenarju ta' fużjoni tal-FSE f'fond ta' investiment soċjali uniku jkun ta' theddida għall-integrità tal-politika ta' koeżjoni, li l-għan tagħha tal-koeżjoni soċjali, stabbilit fit-Trattati, huwa miksub prinċipalment permezz tal-finanzjament mill-FSE; jenfasizza li l-FSE jrid għalhekk jibqa' parti integrali tal-politika ta' koeżjoni biex jiġi żgurat li l-enfasi mġedded tal-UE ta' Ewropa Soċjali jista' jitwettaq fil-prattika;

3.  Huwa tal-fehma li l-Indiċi tal-Progress Soċjali Reġjonali tal-UE għandu jiġi evalwat bħala element li jikkomplementa l-indikatur tal-PDG, ġaladarba ż-żieda fil-PDG per capita ma tikkorrispondix għal żieda simili fl-impjieg għar-reġjuni kollha, u mhijiex biżżejjed fiha nnifisha biex tkejjel tipi ġodda ta' inugwaljanzi bejn ir-reġjuni tal-UE, u li t-tkabbir ekonomiku ma jħallix impatt fuq ċerti fatturi determinanti tal-progress soċjali u tal-inklużjoni; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra wkoll l-użu ta' kriterji soċjali ġodda meta tiddetermina l-allokazzjoni tal-fondi tal-UE għal objettivi tematiċi b'dimensjoni soċjali u biex tintegra aħjar il-politika ta' koeżjoni ma' oqsma li bħalissa huma identifikati għal azzjoni tal-UE; iqis li l-indikaturi soċjali jistgħu jintużaw bħala għodda ta' valutazzjoni ex post biex jivvalutaw is-suċċess tal-finanzjament tal-UE fil-kisba ta' riżultati soċjali aħjar;

4.  Ifakkar li l-investiment pubbliku fl-UE għadu taħt il-livelli ta' qabel il-kriżi, bil-konsegwenza li r-reġjuni u l-Istati Membri jeħtieġu aktar appoġġ sabiex jilqgħu l-isfidi attwali u futuri; jemmen li, fid-dawl tad-diverġenzi soċjali li qed jikbru madwar l-UE, l-approċċ ibbażat fuq l-investiment soċjali jrid jitpoġġa fiċ-ċentru ta' qafas ta' politika koerenti li jallinja l-qafas ta' governanza tal-UE u l-baġit tagħha mal-ħtieġa essenzjali ta' investiment soċjali; jenfasizza li dawn it-tipi ta' investimenti b'redditi fit-tul huma ferm importanti għall-kompetittività futura tar-reġjuni tal-UE;

5.  Jieħu nota tad-data pprovduta fis-7 rapport ta' koeżjoni, li turi sinjali ta' titjib ġenerali fis-sitwazzjoni soċjali, iżda turi wkoll diverġenzi soċjali persistenti fost l-Istati Membri, li ġew aggravati minħabba l-impatt negattiv tal-kriżi ekonomika u s-snin ta' miżuri ta' awsterità; josserva bi tħassib li minkejja s-sinjali pożittivi, ir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali għadu sfida ewlenija, u, flimkien ma' żieda fl-inugwaljanzi f'ħafna Stati Membri, huwa waħda mill-isfidi ewlenin għal koeżjoni soċjali;

6.  Iqis li r-rabta tal-programmazzjoni tal-politika ta' koeżjoni ma' miri kwantifikabbli tal-Ewropa 2020, bħat-tnaqqis tal-faqar, kienet waħda mill-kisbiet ewlenin tal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020; jemmen li l-kontribuzzjoni għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE għandha tkun l-għan prinċipali ta' strateġija Ewropea għal wara l-2020, ibbażata fuq l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli adottati fuq livell internazzjonali;

7.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jissaħħaħ il-baġit tal-UE, fuq il-bażi ta' kontribuzzjonijiet nazzjonali li jqisu d-dħul nazzjonali gross, sabiex jitħeġġeġ l-investiment pubbliku biex jappoġġa s-setturi produttivi nazzjonali, u biex jgħin ħalli jitnaqqsu d-dipendenzi strutturali multipli, jiġu promossi l-impjiegi bi drittijiet u servizzi pubbliċi ta' kwalità, u biex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal globali tal-Istati Membri;

8.  Jiddikjara li wħud mill-iżbilanċi tal-impjieg u dawk soċjali l-aktar sinifikanti u d-diverġenzi soċjali fl-Ewropa, bħas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, id-dispersjoni tal-pagi u l-faqar fost it-tfal, mhux talli ma ġewx solvuti iżda marru għall-agħar, fatt li juri li l-politiki pubbliċi fil-livell nazzjonali u l-mekkaniżmi Ewropej mhumiex biżżejjed għall-bini ta' koeżjoni soċjali aktar b'saħħitha u suq tax-xogħol Ewropew aktar ġust; jenfasizza li politiki tal-UE aktar b'saħħithom u aktar komprensivi huma meħtieġa sabiex jikkomplementaw l-isforzi li bħalissa qed jitwettqu mill-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa kritika ta' flessibbiltà fiskali, sabiex tappoġġa l-investiment soċjali fid-drittijiet soċjali kif ukoll l-integrazzjoni b'mod effettiv u fl-istadji kollha tal-prinċipji kollha stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

9.  Jisħaq fuq l-importanza tal-kompatibilità bejn il-familja u l-karriera fl-avvanz ekonomiku u l-koeżjoni ekonomika tar-reġjuni kollha;

10.  Jiddispjaċih għall-implimentazzjoni kajmana tal-programmi għall-perjodu 2014-2020, fejn 39 % biss tal-finanzjament totali kien ġie allokat f'Lulju 2017(10); iqis li jeħtieġ li jkun hemm implimentazzjoni aktar mgħaġġla, tranżizzjoni aktar faċli bejn il-perjodi ta' programmazzjoni, miri, punti ta' riferiment u indikaturi tar-riżultati ċari, simplifikazzjoni ġenwina u l-iżvilupp tal-kapaċità;

11.  Jinnota, f'dan ir-rigward, is-suġġeriment imressaq mill-Kummissjoni fil-karta ta' riflessjoni tagħha dwar il-ġejjieni tal-finanzi tal-UE(11) li l-koerenza tista' tittejjeb permezz ta' ġabra unika tar-regoli għall-politika ta' koeżjoni u strumenti oħra ta' finanzjament ma' programmi jew proġetti tal-istess tip li jiżguraw aktar komplementarjetà bejn il-politika ta' koeżjoni u l-innovazzjoni u l-infiq infrastrutturali u s-simplifikazzjoni għall-benefiċjarji; jemmen li l-implimentazzjoni aktar effiċjenti u aktar flessibbli tal-fondi se tkun kruċjali fil-perjodu tal-QFP il-ġdid;

12.  Jemmen li l-awtoritajiet reġjonali jeħtiġilhom ikunu involuti filwaqt li jrid isir tibdil fl-indikaturi għall-progress soċjali fil-politika ta' koeżjoni qabel ma l-finanzjament soċjali jkun jista' jintrabat mal-prijoritajiet politiċi miftiehma mal-Istati Membri fis-Semestru Ewropew; jisħaq li r-rapporti tal-pajjiżi u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ma jistgħux isiru l-uniċi dokumenti ta' referenza għall-programmazzjoni tal-investimenti tal-UE fuq il-post, speċjalment l-investiment soċjali;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi politiki mfassla biex jiġġieldu t-tnaqqis demografiku u d-dispersjoni tal-popolazzjoni; jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni għandha tipprijoritizza l-attenzjoni lejn ir-reġjuni li jbatu minn tnaqqis demografiku; jitlob, għalhekk, li jkun hemm investiment strateġiku f'dawk ir-reġjuni, b'mod partikolari fl-aċċess għall-broadband, bil-ħsieb li jagħmilhom aktar kompetittivi, u jtejjeb l-industrija u l-istruttura territorjali;

14.  Ifakkar li l-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jipprevali fil-ġestjoni u fil-kontroll tal-programmi ta' koeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw il-possibilità ta' sistema ta' applikazzjoni online li tippermetti aktar lill-maniġers tal-proġetti jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi;

15.  Jenfasizza li mill-bosta sfidi li r-reġjuni Ewropej se jiffaċċjaw fis-snin li ġejjin, l-inklużjoni soċjali, il-faqar, il-qgħad u l-inugwaljanzi, kemm fi ħdan ir-reġjuni u bejniethom, huma ta' rilevanza partikolari għall-politika ta' koeżjoni; ifakkar li l-inugwaljanzi jipperikolaw il-ġejjieni tal-proġett Ewropew, inawru l-leġittimità tiegħu u jistgħu jagħmlu ħsara lill-fiduċja fl-UE bħala mutur tal-progress soċjali, u li t-tnaqqis tal-inugwaljanzi jrid ikun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-UE, kif iddikjarat riċentement mill-Parlament; iqis essenzjali li jissaħħaħ il-proċess tal-koordinazzjoni tal-politika fil-livell nazzjonali biex ikun hemm monitoraġġ aħjar, jiġu evitati u kkoreġuti t-tendenzi negattivi li jistgħu jżidu l-inugwaljanzi u jdgħajfu l-koeżjoni soċjali jew jaffettwaw b'mod negattiv il-ġustizzja soċjali, billi jiddaħħlu fis-seħħ miżuri preventivi u korrettivi meta dan ikun neċessarju; jisħaq li jinħtieġ approċċ minn isfel għal fuq biex jindirizza b'mod effettiv il-faqar u l-esklużjoni soċjali fil-komunitajiet, peress li dawn il-kwistjonijiet jeħtieġu risposta mfassla apposta u l-involviment attiv fil-livell tal-gvern ikkonċernat direttament;

16.  Huwa tal-fehma li l-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi tal-fondi tal-Unjoni għad m'għandux il-lieva suffiċjenti u għalhekk għandu jissaħħaħ aktar permezz ta' tfassil ta' politika u implimentazzjoni li jkunu aktar effiċjenti u bbażati fuq ir-riżultati, u li jiffukaw b'mod partikolari fuq setturi orjentati lejn il-futur b'potenzjal tal-ħolqien nett ta' impjiegi ta' kwalità, b'mod partikolari l-ekonomija ħadra u ċirkolari, is-settur tal-kura u dak diġitali; iqis, barra minn hekk, li l-aċċess għall-finanzjament għandu jsir aktar faċli għall-benefiċjarji kollha, inklużi l-atturi tal-ekonomija soċjali, l-SMEs, l-NGOs, il-muniċipalitajiet aktar żgħar u dawk li jaħdmu għal rashom;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestu aktar fil-ħiliet li jtejbu t-tkabbir ekonomiku billi jnaqqsu d-distakk fil-ħiliet u jnaqqsu l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali; jistieden lill-Istati Membri jiddedikaw attenzjoni akbar lir-reġjuni rurali li ma bbenefikawx biżżejjed mit-tkabbir ekonomiku;

18.  Jistieden lill-Istati Membri, b'mod partikolari dawk b'livelli ta' produttività baxxi, biex iniedu jew ikomplu bir-riformi strutturali sabiex itejbu l-kompetizzjoni, l-ambjent tan-negozju u l-potenzjal tal-ħiliet;

19.  Jinsisti li l-akkwist pubbliku trasparenti huwa essenzjali sabiex jippromwovi l-iżvilupp u l-kompetizzjoni ġusta; huwa tal-fehma li l-akkwist pubbliku huwa l-aħjar mod biex jiġi pprovdut investiment ta' benefiċċju mil-lat soċjali u ambjentali;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu l-inizjattivi maħsuba biex iżidu l-aċċess għal edukazzjoni u taħriġ pubbliċi ta' kwalità u inklużivi, inklużi l-edukazzjoni terzjarja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u l-kisba u l-aġġornar tal-ħiliet, b'mod partikolari l-ħiliet diġitali, kif ukoll l-aċċess għal impjiegi ta' kwalità, sostenibbli u inklużivi, speċjalment għaż-żgħażagħ u għall-ħaddiema bi ftit kwalifiki u l-ħaddiema akbar fl-età; jinnota l-importanza, f'dan ir-rigward, tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, u b'mod partikolari l-inizjattiva tal-Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet tagħha; jirrimarka li l-programmi ta' taħriġ iffinanzjati mill-FSE għandhom jitfasslu skont il-bżonnijiet tal-ħaddiema u tal-persuni qiegħda, filwaqt li fl-istess waqt jitqiesu l-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol;

21.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar it-tendenza li qed tikber lejn is-sottoimpjieg u l-qgħad moħbi, dwar in-natura li qed issir aktar kronika tal-qgħad fit-tul u l-livell tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul; ifakkar l-importanza li jsir investiment fi pjanijiet li jagħtu prijorità lit-tnaqqis fil-qgħad fit-tul, b'taħlita ta' taħriġ vokazzjonali u gwida personalizzata;

22.  Jitlob li jissaħħu l-linji baġitarji li jippromwovu reazzjonijiet effettivi għall-akkoljenza u l-inklużjoni soċjali tar-rifuġjati u l-migranti;

23.  Jissottolinja l-fatt li l-konverġenza soċjali u fiskali tikkontribwixxi għall-objettiv tal-koeżjoni u li prattiki diverġenti f'dan il-qasam jistgħu jikkawżaw aktar problemi għat-territorji li huma l-aktar vulnerabbli għall-globalizzazzjoni;

24.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi jinżammu qrib ir-residenzi tan-nies u għalhekk jesiġi li jkun hemm politiki nazzjonali dwar dan, li jkunu appoġġati, fejn ikun possibbli, mill-fondi strutturali Ewropej;

25.  Huwa tal-fehma li l-fondi tal-UE għandhom ikunu konformi mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD) u għandhom ikomplu jrawmu d-deistituzzjonalizzazzjoni.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

21.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

6

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Brando Benifei, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Michael Detjen, Lampros Fountoulis, Czesław Hoc, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jean Lambert, Jeroen Lenaers, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Miroslavs Mitrofanovs, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Marek Plura, Dennis Radtke, Sofia Ribeiro, Robert Rochefort, Claude Rolin, Siôn Simon, Romana Tomc, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Renate Weber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Georges Bach, Amjad Bashir, Lynn Boylan, Tania González Peñas, Sergio Gutiérrez Prieto, Paloma López Bermejo, Ivari Padar, Sven Schulze, Jasenko Selimovic, Tom Vandenkendelaere, Flavio Zanonato

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jytte Guteland

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

34

+

ALDE

Enrique Calvet Chambon, Robert Rochefort, Jasenko Selimovic, Yana Toom, Renate Weber

EFDD

Laura Agea

PPE

Georges Bach, David Casa, Danuta Jazłowiecka, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Marek Plura, Dennis Radtke, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Sven Schulze, Romana Tomc, Tom Vandenkendelaere

S&D

Maria Arena, Guillaume Balas, Brando Benifei, Michael Detjen, Jytte Guteland, Sergio Gutiérrez Prieto, Agnes Jongerius, Ivari Padar, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Siôn Simon, Flavio Zanonato

VERTS/ALE

Jean Lambert, Miroslavs Mitrofanovs

NI

Lampros Fountoulis

6

-

PPE

Jeroen Lenaers

GUE/NGL

Lynn Boylan, Tania González Peñas, Paloma López Bermejo

ENF

Dominique Martin, Joëlle Mélin

5

0

PPE

Ádám Kósa

ECR

Amjad Bashir, Czesław Hoc, Anthea McIntyre, Ulrike Trebesius

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

http://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/8631691/3-31012018-BP-EN.pdf/bdc1dbf2-6511-4dc5-ac90-dbadee96f5fb

(2)

http://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/8701418/3-01032018-AP-EN/37be1dc2-3905-4b39-9ef6-adcea3cc347a

(3)

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=89&newsId=9051&furtherNews=yes, tabella 14, p. 21.

(4)

Ċifri skont l-Employment and Social Developments in Europe Quarterly Review, Frar 2018.

(5)

Abbozz ta' Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2018, taqsima 1.1.

(6)

Abbozz ta' Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2018, taqsima 3.2.1.

(7)

Abbozz ta' Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2018, taqsima 3.4.1.

(8)

Abbozz ta' Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2018, taqsima 1.2.

(9)

http://ec.europa.eu/eurostat/en/web/products-eurostat-news/-/EDN-20171120-1

(10)

Is-7 rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, p. 175.

(11)

https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/reflection-paper-eu-finances_mt.pdf, p. 24.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (20.3.2018)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea: is-seba' rapport tal-Kummissjoni Ewropea

(2017/2279(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Mircea Diaconu

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jemmen li l-kultura, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport jiżvolġu rwol kruċjali fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u t-tiswir tal-futur tal-UE, b'mod partikolari bl-għan li jibnu komunità ta' ċittadini magħquda fid-diversità permezz tar-rabtiet ta' solidarjetà, u għandhom potenzjal kbir, fost l-oħrajn, f'termini ta' ħolqien ta' valur miżjud Ewropew u prosperità ekonomika fir-reġjuni kollha tal-UE, b'mod partikolari fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni;

2.  Ifakkar l-importanza tal-kultura u l-wirt kulturali, inkluż fir-rigward tal-prosperità ekonomika tal-bliet u r-reġjuni; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri neċessarji kollha biex jissalvagwardjaw b'mod effettiv il-wirt kulturali tanġibbli u mhux tanġibbli, u biex f'dan ir-rigward jużaw l-għodod disponibbli kollha tal-politika ta' koeżjoni; jirrakkomanda li l-wirt kulturali jitqies bħala prijorità orizzontali għall-pilastri kollha tal-politika ta' koeżjoni fil-ġenerazzjoni li jmiss ta' programmi u li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet li nħarġu matul is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali tal-2018 u r-riżultati tagħha;

3.  Jenfasizza l-importanza ta' opportunitajiet ugwali għal dawk li jkunu fiżikament jew ġeografikament żvantaġġati, biex jiżguraw li dawn ikollhom aċċess ugwali kemm għall-kultura kif ukoll għall-edukazzjoni;

4.  Jenfasizza li l-investimenti fil-kultura, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport itejbu b'mod sinifikanti l-koeżjoni soċjali fl-UE, b'mod partikolari billi jiffaċilitaw l-integrazzjoni soċjali taċ-ċittadini Ewropej;

5.  Jirrikonoxxi l-importanza li jiġu ssalvagwardjati l-wirt naturali u kulturali u li jiġi sfruttat il-potenzjal tagħhom bħala muturi ekonomiċi;

6.  Jiddispjaċih li s-Seba' rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali ma jirnexxilux jissottolinja l-investimenti magħmula fil-kultura u ma jagħmel l-ebda referenza kwantitattiva jew kwalitattiva, meqjusa skont is-setturi, għal proġetti relatati mal-kultura, li ammontaw għal tal-inqas EUR 11-il biljun tan-nefqa tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodi ta' programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020, impenjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali;

7.  Jinnota li l-politiki ta' koeżjoni u ta' żvilupp rurali tal-UE jistgħu jkunu strumentali fil-promozzjoni tar-restawr tal-wirt kulturali, fl-appoġġ tal-industriji kulturali u kreattivi (CCIs) u fil-finanzjament tal-bini ta' kapaċità għall-professjonisti tal-kultura;

8.  Jenfasizza l-importanza tal-aċċess ugwali għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-attivitajiet kulturali fit-twettiq ta' konverġenza ġenwina u fit-tnaqqis tad-disparitajiet u l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi fost ir-reġjuni Ewropej;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tinvesti fil-kultura, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport, u tibni fuq ir-riżultati pożittivi taż-żewġ ġenerazzjonijiet preċedenti tal-programmi (2007-2013; 2014-2020);

10.  Jitlob li jinħolqu, fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, possibilitajiet ta' finanzjament tal-kultura, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport permezz ta' objettivi tematiċi magħżula b'mod speċjali għall-investiment tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE);

11.  Jenfasizza l-potenzjal tas-settur kulturali u kreattiv (CCS) fir-rigward tal-impjieg taż-żgħażagħ; jisħaq fuq il-fatt li aktar promozzjoni tas-CCS u aktar investiment fih jistgħu jikkontribwixxu sostanzjalment għat-titjib tal-investiment, it-tkabbir, l-innovazzjoni u l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni tqis għalhekk l-opportunitajiet uniċi offruti mis-CCS kollu kemm hu, inklużi l-NGOs u l-assoċjazzjonijiet żgħar;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-kultura u l-edukazzjoni fl-objettivi ta' prijorità u f'dawk strateġiċi għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, kemm bħala oqsma ta' prijorità kif ukoll bħala dimensjonijiet orizzontali tal-politiki għall-iżvilupp reġjonali;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw, fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni, strateġiji sostenibbli u fuq medda twila ta' żmien fl-oqsma tal-kultura, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport, li jistgħu jservu bħala bażi għal investimenti strateġiċi matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027;

14.  Jinsisti li l-proġetti magħżula għandhom jikkomplementaw lil xulxin u jistieden lill-Kummissjoni biex tisfrutta għalkollox is-sinerġiji potenzjali bejn il-Fondi SIE, l-istrumenti finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment (il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)) u programmi Ewropej oħra deskritti għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, b'referenza speċifika għal Erasmus+ u Ewropa Kreattiva, permezz tal-għoti ta' informazzjoni aħjar mal-UE kollha u permezz ta' implimentazzjoni ferm aktar deċiża fl-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom; jenfasizza li l-għotjiet ma għandux ikollhom biss l-għan li jiżviluppaw l-infrastruttura iżda wkoll li joħolqu "ragruppamenti kulturali" li jiġbru fihom diversi oqsma relatati, bħalma huma l-wirt kulturali, l-industriji kulturali u kreattivi, il-programmi ta' taħriġ, it-turiżmu kulturali u l-arti u l-artiġjanat lokali;

15.  Jitlob li, fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, jittieħdu passi li jidentifikaw miżuri speċifiċi u jiġu allokati riżorsi maħsuba għal infrastruttura materjali, bħal inkubaturi, infrastruttura diġitali, (pereżempju l-broadband), u infrastruttura intanġibbli għall-entitajiet edukattivi, kulturali u ta' riċerka;

16.  Iqis li l-investimenti tal-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020 fil-kultura u l-edukazzjoni għandhom ikunu aktar effiċjenti u effettivi, kemm f'dak li jikkonċerna l-kwalità kif ukoll il-kwantità tal-proġetti implimentati;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw is-sħubijiet ta' għarfien bejn l-universitajiet, l-entitajiet edukattivi, professjonali u ta' riċerka u l-istituti kulturali fi sforz biex jissodisfaw il-bżonn dejjem akbar ta' kompetenzi ġodda u ta' taħriġ mill-ġdid fis-settur kulturali u kreattiv;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi indikaturi tal-kwalità għal investimenti marbuta mal-wirt kulturali fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, kif mitlub ukoll mir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-8 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa";

19.  Ifakkar ir-rwol tas-CCIs u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi s-CCIs bħala prijorità orizzontali; jissottolinja li r-reġjuni wrew il-kapaċità li jiżviluppaw ragruppamenti u kooperazzjoni transfruntiera f'dan il-qasam, u jinnota l-effetti pożittivi tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti fis-CCIs, li għalihom huma prova r-riżultati sinifikanti rreġistrati s'issa; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżommu u jsaħħu l-politiki f'dan il-qasam u biex jużaw il-finanzjament disponibbli taħt il-programmi tal-UE u l-Fondi SIE b'mod effettiv;

20.  Jappella għal ambitu teoretiku u prattiku akbar għal proġetti fuq tul ta' żmien medju u twil fl-isfera kulturali, awdjoviżiva u kreattiva, billi tingħata l-possibilità li jsir użu kkombinat tal-Fondi ESI u l-EFSI;

21.  Jitlob li l-miżuri tal-politika ta' koeżjoni jpoġġu enfasi akbar fuq l-investiment fis-setturi kulturali u edukattivi, b'mod partikolari fiż-żoni urbani u periferiċi, permezz tal-użu ta' għodod ta' taħriġ mill-ġdid u ta' inklużjoni;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta l-kapaċità tal-FEŻR biex tappoġġja l-iżvilupp ta' infrastruttura sportiva u tippromwovi attivitajiet sostenibbli sportivi u li jsiru barra, bħala għodda għall-iżvilupp reġjonali u rurali, u tal-Fond Soċjali Ewropew biex issaħħaħ il-ħiliet u l-impjegabilità tal-ħaddiema fis-settur sportiv;

23.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jallokaw sehem mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni għal proġetti kulturali u edukattivi ta' kwalità għolja li, anki jekk ħaqqhom il-finanzjament, ma jirċevux appoġġ tal-UE minħabba nuqqas ta' riżorsi finanzjarji;

24.  Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw proġetti territorjali integrati b'fokus kulturali, bħall-itinerarji kulturali, li jrawmu l-iżvilupp territorjali ta' kwalità għolja u s-sħubiji pubbliċi-privati fil-qasam tat-turiżmu kulturali.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Jill Evans, María Teresa Giménez Barbat, Petra Kammerevert, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Rupert Matthews, Morten Messerschmidt, Luigi Morgano, John Procter, Yana Toom, Sabine Verheyen, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Elena Gentile, Liliana Rodrigues, Algirdas Saudargas

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

John Howarth, Luděk Niedermayer

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

23

+

ALDE

Mircea Diaconu, María Teresa Giménez Barbat, Yana Toom

EFDD

Isabella Adinolfi

ENF

Dominique Bilde

GUE/NGL

Nikolaos Chountis, Curzio Maltese

PPE

Andrea Bocskor, Svetoslav Hristov Malinov, Luděk Niedermayer, Algirdas Saudargas, Sabine Verheyen, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver

S&D

Silvia Costa, Elena Gentile, John Howarth, Petra Kammerevert, Luigi Morgano, Liliana Rodrigues, Krystyna Łybacka

0

-

4

0

ECR

Rupert Matthews, Morten Messerschmidt, John Procter

Verts/ALE

Jill Evans

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

27.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Steeve Briois, Rosa D’Amato, Raymond Finch, Michela Giuffrida, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Marc Joulaud, Constanze Krehl, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Andrey Novakov, Paul Nuttall, Younous Omarjee, Konstantinos Papadakis, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Liliana Rodrigues, Fernando Ruas, Monika Smolková, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Ángela Vallina, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Kerstin Westphal, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Elena Gentile, Elsi Katainen, Ivana Maletić, Tonino Picula, Bronis Ropė, Davor Škrlec, Damiano Zoffoli

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ricardo Serrão Santos


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

35

+

ALDE

Ivan Jakovčić, Elsi Katainen, Iskra Mihaylova, Matthijs van Miltenburg

ECR

Mirosław Piotrowski, Ruža Tomašić

GUE/NGL

Martina Michels, Younous Omarjee, Ángela Vallina

PPE

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Daniel Buda, Krzysztof Hetman, Marc Joulaud, Ivana Maletić, Lambert van Nistelrooij, Andrey Novakov, Stanislav Polčák, Fernando Ruas, Ramón Luis Valcárcel Siso, Joachim Zeller

S&D

Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Elena Gentile, Michela Giuffrida, Constanze Krehl, Tonino Picula, Liliana Rodrigues, Ricardo Serrão Santos, Monika Smolková, Derek Vaughan, Kerstin Westphal, Damiano Zoffoli

VERTS/ALE

Bronis Ropė, Davor Škrlec

4

-

EFDD

Raymond Finch, Paul Nuttall

ENF

Steeve Briois

NI

Konstantinos Papadakis

1

0

EFDD

Rosa D'Amato

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' April 2018Avviż legali