Proċedura : 2017/2190(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0139/2018

Testi mressqa :

A8-0139/2018

Dibattiti :

PV 02/05/2018 - 21
CRE 02/05/2018 - 21

Votazzjonijiet :

PV 03/05/2018 - 7.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0198

RAPPORT     
PDF 821kWORD 78k
6.4.2018
PE 612.207v02-00 A8-0139/2018

dwar ir-rapport annwali dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI għall-2016

(2017/2190(INI))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Marco Valli

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rapport annwali dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI għall-2016

(2017/2190(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività 2016 tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finanzjarju 2016 u r-Rapport Statistiku 2016 tal-BEI,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar is-Sostenibbiltà 2016, ir-Rapport dwar il-Valutazzjoni fuq 3 Pilastri għall-Operazzjonijiet tal-BEI fi ħdan l-UE 2016 u r-Rapport dwar ir-Riżultati barra l-UE tal-Bank Ewropew tal-Investiment 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Kumitat tal-Verifika għas-sena 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività 2016 tal-Grupp tal-BEI ta' Kontra l-Frodi,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Trasparenza tal-BEI fl-2016 u r-Rapport dwar il-Governanza Korporattiva 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività 2016 tal-Uffiċċju tal-Uffiċjal Ewlieni għall-Konformità tal-BEI,

–  wara li kkunsidra l-Pjanijiet Operazzjonali tal-Grupp tal-BEI għall-2015-2017 u għall-2016-2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 174, 175, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Protokoll Nru 5 tiegħu dwar l-Istatut tal-BEI u l-Protokoll Nru 28 tiegħu dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 tat-TFUE dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2012(1), tat-30 ta' April 2015 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2013(2), tat-28 ta' April 2016 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2014(3), u tas-27 ta' April 2017 dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għall-2015 – Rapport Annwali 2015(4),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mandat estern tal-BEI 2007-2013(5) u d-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 dwar ''Pjan ta' Investiment għall-Ewropa'' (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Lulju 2015 bit-titolu "Naħdmu flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi: Ir-rwol tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali (NPBs) fl-appoġġ tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2015)0361),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "L-Ewropa tinvesti mill-ġdid, Rendikont tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u l-passi li jmiss" (COM(2016)0359),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 dwar l-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) kif ukoll l-introduzzjoni ta' titjib tekniku għal dan il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (COM(2016)0597, SWD(2016)0297 u SWD(2016)0298),

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-operazzjonijiet tal-BEI tal-funzjonament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-proposta għal regolament biex jiżdied u jiġi estiż il-FEIS,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 19/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta' strumenti finanzjarji – tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-perjodu tal-programm 2007-2013",

–  wara li kkunsidra l-awditjar ad hoc ta' Ernst & Young tat-8 ta' Novembru 2016 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/1017 ("ir-Regolament dwar il-FEIS"),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-fond ta' garanzija tal-Fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi fl-2016, tas-16 ta' Ġunju 2017 (COM(2017)0326 u SWD(2017)0235),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku ta' Settembru 2016, bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Ombudsman Ewropew lill-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment tat-22 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0139/2018),

A.  billi l-BEI huwa l-bank tal-UE kif definit fl-Artikoli 308 u 309 tat-TFUE u huwa l-akbar bank multilaterali u l-akbar mutwanti pubbliku fid-dinja li jopera fi swieq kapitali internazzjonali;

B.  billi l-BEI huwa marbut bit-trattati li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni, il-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-iżvilupp reġjonali tal-UE permezz ta' strumenti ta' investiment iddedikati, bħal self, ekwitajiet, garanziji, faċilitajiet tal-kondiviżjoni tar-riskju u servizzi ta' konsulenza;

C.  billi l-isfidi ta' sostenibbiltà qegħdin jiżdiedu, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li għandha tiġi applikata f'għadd ta' riżultati tanġibbli tal-BEI;

D.  billi l-BEI jiżvolġi rwol kruċjali fl-implimentazzjoni ta' għadd dejjem ikbar ta' strumenti finanzjarji li jiddependu fuq il-fondi baġitarji tal-UE;

E.  billi l-investiment fl-innovazzjoni u l-ħiliet huwa kruċjali għall-iżvilupp tal-ekonomija tal-għarfien tal-Ewropa u għall-kisba tal-miri tal-Ewropa 2020;

F.  billi l-kompitu ewlieni tal-BEI huwa li jikkontribwixxu għal żvilupp bilanċjat u kontinwu tas-suq intern permezz tal-finanzjament ta' proġetti għal reġjuni anqas żviluppati u ta' proġetti li ma jistgħux jiġu ffinanzjati kompletament mill-Istati Membri individwali, skont l-Artikolu 309 tat-TFUE;

G.  billi l-infrastruttura moderna u sostenibbli għandha rwol kruċjali biex tiġġieled t-tibdil fil-klima u biex tgħaqqad is-swieq interni u l-ekonomiji Ewropej; billi kull investiment relatat li jingħata mill-BEI għandu jiżgura li l-UE jkollha l-infrastruttura sostenibbli, effiċjenti, ekoloġika u integrata sew, li hija teħtieġ biex toħloq "Ewropa SMART", u jappoġġa tkabbir verament sostenibbli u inklużiv fuq terminu twil;

H.  billi l-BEI huwa l-bank ta' referenza li għandu l-għan li jrawwem it-tkabbir ta' start-ups u ta' intrapriżi innovattivi;

I.  billi s-self tal-BEI għall-azzjoni klimatika għandu jappoġġa t-tranżizzjoni lejn ekonomija mingħajr karbonju, ekoloġika u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, jiġifieri permezz ta' proġetti li jippromwovu l-użu effiċjenti tar-riżorsi naturali, tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

J.   billi l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa għandu tliet pilastri: il-mobilizzazzjoni tal-finanzjament għall-investiment; l-iżgurar li l-investiment jilħaq l-ekonomija reali; u t-titjib tal-ambjent tal-investiment fl-Unjoni;

K.  billi l-investimenti tal-BEI għandhom mhux biss ikunu operazzjonijiet bankabbli, iżda wkoll li jirrispondu għall-kriterji ta' sostenibbiltà u standards ta' governanza, skont ir-rekwiżit tat-Trattat ta' operazzjoni fuq bażi mingħajr skop ta' qligħ fl-interess tal-Unjoni;

L.  billi l-politika ta' trasparenza żviluppata fi ħdan il-BEI hija kkontestata min-natura doppja tiegħu bħala korp pubbliku – il-bank tal-UE – u bħala bank kummerċjali li jamministra u jżomm informazzjoni dwar il-klijenti tal-BEI;

M.  billi l-BEI għandu jżomm il-klassifikazzjoni tal-kreditu triple-A, li hija assi fundamentali tal-mudell ta' negozju tiegħu li jiġbor fondi u jislef b'rati attraenti kif ukoll portafolli tal-assi b'saħħithom;

N.  billi filwaqt li l-BEI - min-natura tiegħu stess - jeħtieġ xi kultant jinvolvi lilu nnifsu ma' intrapriżi privati mmexxija mill-profitt, ir-rwol primarju tiegħu huwa li jservi l-interessi taċ-ċittadini tal-UE qabel l-interessi ta' kwalunkwe intrapriża privata, kumpanija jew korporazzjoni;

Promozzjoni ta' attivitajiet finanzjarjament sostenibbli għal impatt sod fit-tul mill-investimenti tal-BEI

1.  Jinnota li l-finanzjament totali tal-Grupp tal-BEI jammonta għal EUR 83,8 biljun għall-2016, li mmobilizza EUR 280 biljun ta' investiment totali f'dik is-sena;

2.  Jieħu nota tal-ġabra ta' rapporti annwali tal-BEI għall-2016 li jippreżentaw id-diversi attivitajiet ta' investiment u l-impatti mistennija tagħhom; Itenni t-talba tiegħu li l-BEI jippreżenta rapport ta' attività annwali aktar komprensiv, dettaljat u armonizzat u jtejjeb b'mod sinifikanti l-preżentazzjoni tal-informazzjoni billi jinkludi tqassim dettaljat u affidabbli tal-investimenti approvati, iffirmati u mħallsa għal sena partikolari u s-sorsi ta' finanzjarji involuti (riżorsi proprji, FEIS, programmi tal-UE ġestiti b’mod ċentrali, eċċ), kif ukoll informazzjoni dwar il-benefiċjarji (l-Istati Membri, is-settur pubbliku jew privat, intermedjarji jew riċevituri diretti), is-setturi appoġġati, u r-riżultati ta' evalwazzjonijiet ex post;

3.  Jistieden lill-BEI biex ikompli bl-isforzi tiegħu f'din id-direzzjoni, billi jipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika b'informazzjoni kompluta u eżawrjenti dwar l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali konkreti u li nkisbu, u dwar il-valur miżjud u r-riżultati miksuba tal-operazzjonijiet tiegħu fl-Istati Membri u barra mill-UE, fil-forma ta' rapporti 3PA u ReM rispettivament; jenfasizza l-importanza li għal kull proġett titwettaq evalwazzjoni indipendenti ex-ante u ex-post; jistieden lill-BEI biex jipprovdi eżempji dettaljati ta' valur miżjud transnazzjonali fir-rappurtar tiegħu dwar l-impatt tal-investiment, kif ukoll indikaturi ewlenin ta' suċċessi settorjali u intersettorjali; jistieden lill-BEI biex jibgħat ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet ex post lill-Parlament;

4.  Ifakkar li l-attivitajiet li jibbenefikaw mill-appoġġ tal-BEI jridu jkunu konformi mal-kompitu ewlieni tal-Bank skont it-TFUE, mal-prinċipji tal-għanijiet tal-politika tal-UE, kif deskritti fl-istrateġija Ewropa 2020 u fil-ftehim tal-COP 21; jissottolinja, għalhekk, li l-missjoni tal-BEI hija li jagħti l-ħajja mill-ġdid lill-ekonomija Ewropea sabiex tistimola impjiegi ta' kwalità u tappoġġa tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli fl-Unjoni, kif ukoll koeżjoni akbar li hija neċessarja għat-treġġigħ lura ta' ċerti inugwaljanzi li qed jiżdiedu kemm ġewwa l-Istati Membri kif ukoll bejniethom; jittama, għal dan il-għan, li kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn il-BEI, il-Kummissjoni u l-Istati Membri tista' tinkiseb sabiex jittejbu l-ippjanar u d-definizzjoni ta' objettivi li jwasslu għal prijoritizzazzjoni mill-ġdid tal-finanzjament;

5.  Jissottolinja l-fatt li minħabba l-impatt u l-importanza tagħhom għall-ekonomiji kemm lokali kif ukoll nazzjonali, l-investiment fl-SMEs, fi start-ups, fir-riċerka, fl-innovazzjoni, fl-ekonomija diġitali u fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija huwa essenzjali għall-irkupru ekonomiku fl-UE u għall-promozzjoni tal-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;

6.  Jirrimarka l-ħtieġa rikorrenti li l-BEI jikkontribwixxi biex jitnaqqas id-distakk persistenti ta' investiment abbażi ta' kriterji ekonomiċi sodi; jenfasizza li l-valutazzjoni ta' proġetti ffinanzjati għandha tikkunsidra wkoll l-esternalitajiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali (kemm pożittivi kif ukoll negattivi), b'mod speċjali fir-rigward tal-effetti li huma għandhom fuq il-komunitajiet lokali, sabiex jiġi aċċertat jekk il-valur miżjud reali huwiex qiegħed jasal għand iċ-ċittadini tal-UE;

7.  Iqis li l-approvazzjoni ta' proġetti ta' investiment għandhom ikunu bbażati fuq analiżi soda u indipendenti li tivvaluta s-sostenibbiltà finanzjarja u r-riskji assoċjati tal-proġett, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' soċjalizzazzjoni tat-telf u l-privatizzazzjoni tar-redditi meta jkunu involuti r-riżorsi pubbliċi; jenfasizza li l-għoti ta' sussidji pubbliċi għandu jiġi previst biss għat-twettiq ta' missjonijiet ta' interess ġenerali, u fejn is-suq ma jkunx jista' jwassal ir-riżultati neċessarji tal-politika pubblika;

8.  Itenni t-tħassib tal-Parlament rigward id-definizzjoni ta' strateġija bilanċjata b'distribuzzjoni ġeografika dinamika, ġusta u trasparenti tal-proġetti u l-investimenti fost l-Istati Membri, filwaqt li titqies l-enfasi speċjali fuq il-pajjiżi u r-reġjuni inqas żviluppati; josserva li 70 % tas-self totali tal-BEI għall-2015 (EUR 46.8 biljun) huwa kkonċentrat f'sitt Stati Membri, li juri li mhux l-Istati Membri jew ir-reġjuni kollha huma kapaċi jibbenefikaw bl-istess mod minn opportunitajiet ta' investiment;

9.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-erba' miri ta' politika pubblika tal-BEI u għaż-żewġ objettivi orizzontali li huma trasversali għal dawn il-miri, jiġifieri l-koeżjoni ekonomika u soċjali, u l-azzjoni klimatika, li jkopru diversi kwistjonijiet, mill-indirizzar tal-iżbilanċi reġjonali għall-għajnuna lil reġjuni dgħajfa biex isiru aktar attraenti kif ukoll għall-iżvilupp ta' ambjent favorevoli li jippromwovi t-tkabbir sostenibbli u inklużiv; itenni, madankollu, it-talba tiegħu lill-BEI biex jistabbilixxi mill-ġdid il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bħala mira primarja tal-politika pubblika.

10.  Jistieden lill-BEI jikkunsidra, fil-każ ta' proġetti infrastrutturali fuq skala kbira, ir-riskji kollha li x'aktarx ikollhom impatt fuq l-ambjent, u jiffinanzja bħala prijorità lil dawk li jkunu wrew valur miżjud reali għall-ambjent, l-ekonomija jew il-popolazzjoni lokali; jenfasizza l-importanza ta' monitoraġġ strett tar-riskji possibbli ta' korruzzjoni u frodi, u jitlob lill-BEI biex jiffriża kwalunkwe self lil proġetti meta tkun għaddejja investigazzjoni uffiċjali;

11.  Jiddispjaċih li ħafna Stati Membri m'għandhomx il-kapaċità li jimplimentaw strumenti finanzjarji, jużaw is-sħubiji pubbliċi-privati (PPPs) u jiksbu sinerġiji bejn it-tipi differenti ta' finanzjament, fatt li jaffettwa b'mod negattiv il-progress kumplessiv tal-investiment;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ottimizzat l-użu tal-fondi u l-għotjiet tal-UE, minbarra l-approċċ tal-BEI li jagħti assistenza teknika u konsulenza finanzjarja lill-Istati Membri, b'mod li huwa faċilment aċċessibbli, abbażi ta' taħlita ta' self (proġetti ta' self, self intermedjat, mikrofinanzjament, kapital ta' riskju, ekwità u fondi ta' investiment), finanzjament imħallat (finanzjament dirett appoġġat minn sorsi addizzjonali ta' investiment, pereżempju garanziji, bonds tal-proġetti) u pariri (għarfien esperrt finanzjarju u tekniku); jistieden lill-BEI, għalhekk, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, biex jipprovdi aktar assistenza teknika fl-oqsma tas-servizzi ta' konsulenza u servizzi analitiċi, il-ġestjoni tal-proġetti u attivitajiet ta' bini tal-kapaċità lil dawk l-Istati Membri li jirċievu perċentwal baxx ta' finanzjament tal-BEI; ifakkar li strumenti finanzjarji, bħal bonds tal-proġetti, għandhom jiġu vvalutati serjament fir-rigward tal-impatt finanzjarju, soċjali u ambjentali tagħhom, sabiex jiġi evitat li l-piż kollu tar-riskju jinġarr mill-pubbliku;

13.  Jirrikonoxxi li jista' jkun hemm differenzi bejn il-valutazzjoni tal-bank dwar il-fattibilità tal-proġetti u l-valutazzjoni settorjali tradizzjonali li tintuża għall-fondi strutturali; iqis, barra minn hekk, li l-effikaċja ta' interventi għandha tiġi vvalutata abbażi tal-potenzjal u s-sostenibbiltà tal-istrumenti finanzjarji, filwaqt li jitqiesu wkoll ir-riżultati kwantifikabbli li jistgħu jinkisbu;

14.  Jistieden lill-BEI jagħti attenzjoni għall-kosteffikaċja fit-tmexxija tal-attivitajiet operatorji billi jimmonitorja bir-reqqa u jirrapporta l-ispejjeż u t-tariffi amministrattivi, minħabba l-għadd kbir ta' mandati ġestiti mill-BEI; iqis li huwa essenzjali li l-attivitajiet jiġu żviluppati bi spejjeż proporzjonali; jitlob lill-BEI biex jinkludi fir-rappurtar tiegħu informazzjoni eżawrjenti dwar l-istruttura tal-immaniġġjar tal-ispejjeż u t-tariffi (diretti, indiretti u kumulattivi) skont in-natura tal-mandati li qed jiġu mmaniġġjati, id-daqs tal-proġetti u l-istrumenti finanzjarji użati, pereżempju self, garanzija jew ekwità;

15.  Iqis li l-klassifikazzjoni tal-kreditu triple-A bħala assi rilevanti għall-iżvilupp tal-istrateġija ta' investiment u l-prijoritajiet ta' self fuq terminu twil tal-BEI; ifakkar, madankollu, li sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku tal-UE, l-istrumenti u l-interventi tal-BEI – partikolarment dawk ibbażati fuq it-trasferimenti tar-riskju – ma jistgħux ikunu ħielsa mir-riskji;

16.  jinnota li r-Renju Unit issottoskriva 16,1 % tal-kapital tal-BEI, li jammonta għal EUR 3,5 biljun tal-kapital imħallas u EUR 35,7 biljun tal-kapital eżerċitabbli tal-Bank; jitlob lit-tmexxija tal-BEI biex tidentifika u tinforma minnufih lill-Parlament dwar l-impatti tal-Brexit fuq il-BEI, bl-għan li tiġi ppreservata l-kapaċità tal-BEI li jilħaq l-objettivi ta' politika tiegħu;

17.  Jistieden lill-BEI biex, fid-dawl tal-isfida urġenti kkawżata mid-deċiżjoni tar-Renju Unit li jattiva l-Artikolu 50 u filwaqt li jirrikonoxxi li t-termini dettaljati ta' rtirar ma jistgħux jiġu antiċipati, jipprovdi lill-Parlament bi tqassim dettaljat tal-proġetti u l-istadju tal-implimentazzjoni sat-tmiem l-2017, flimkien ma' valutazzjoni preliminari tar-riskji possibbli involuti;

Irfinar tal-monitoraġġ tal-valur miżjud u l-addizzjonalità fi ħdan il-ġestjoni finanzjarja tal-BEI

18.  Jinnota li fl-2016, il-portafoll ta' self, garanziji u investimenti tal-BEI mmobilizza EUR 280 biljun ta' investiment totali; josserva li EUR 67,7 biljun ta' investiment kien relatat mal-approvazzjonijiet tal-FEIS fl-2016, li primarjament kienu ddedikati għal kumpaniji iżgħar (31 %), għas-settur tal-enerġija (22 %), u għar-riċeka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (22 %); jiddispjaċih, madankollu, li parti kbira tal-investimenti tal-portafoll FEIS kienet allokata għal proġetti relatati mal-karburanti fossili; itenni l-ħtieġa għal analiżi u evalwazzjoni profonda dwar l-impatt ambjentali ta' kull proġett;

19.  Iqis li huwa ta' importanza kbira li jissaħħaħ l-impatt u tiġi żgurata l-addizzjonalità; jieħu nota tal-immudellar u tal-impatt stmat tal-attivitajiet tal-BEI, li għandhom jikkontribwixxu għal żieda ta' 1,1 % fit-tkabbir tal-PDG u għall-ħolqien ta' 1,4 miljun impjieg addizzjonali sal-2030; jilqa' l-fatt li 385 000 SME se jibbenefikaw mill-finanzjament tal-FEI u jfakkar li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tal-UE u l-mexxejja tal-impjieg u t-tkabbir sostenibbli; jitlob lill-BEI biex jirrapporta b'mod regolari dwar l-effetti ta' ingranaġġ aġġornati; jifhem, madankollu, li l-ingranaġġ ivarja bejn is-setturi u li proġett b'inqas ingranaġġ mhux neċessarjament jimplika valur miżjud baxx;

20.  Jenfasizza li l-attività tal-BEI, fil-perjodu attwali ta' rkupru kajman, trid tkun diretta bir-reqqa lejn proġetti ta' kwalità għolja li jiżguraw addizzjonalità msaħħa fil-konfront ta' strumenti oħra eżistenti tal-Unjoni u tal-operazzjonijiet ewlenin tal-BEI; jittama, għal dan il-għan, li tista' tinkiseb kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn il-BEI, il-Kummissjoni u l-Istati Membri bil-ħsieb li jkun hemm aktar flessibbiltà fis-suq u titjib tal-infrastrutturi diġitali u tat-trasport, li n-nuqqas tagħhom huwa ta' spiss meqjus bħala ostaklu għall-investiment;

21.  Huwa tal-fehma li għandha tingħata informazzjoni ta' ġestjoni kwalitattiva rilevanti għal kull proġett kopert, abbażi ta' indikaturi ta' monitoraġġ jew ta' addizzjonalità, flimkien mal-esponiment għar-riskju, sabiex tkun tista' ssir valutazzjoni xierqa tal-valur miżjud tagħha, tar-rwol potenzjali tagħha bħala mutur ta' effikaċja, jew il-kontribut tagħha għall-ekonomija tal-UE;

22.  Jistieden lill-BEI biex jippreżenta informazzjoni preċiża f'każ li l-ingranaġġ tal-UE fuq ir-riżorsi pubbliċi jkun f'riskju, dwar l-ingranaġġ minimu u medju li nkiseb u li twassal lill-benefiċjarji jew proġetti, u li turi l-iskala tal-finanzjament privat li jkun ġie attirat; jitlob li jiġi identifikat b'mod ċar is-sehem korrispondenti tal-ingranġġ tal-finanzjament pubbliku u tal-kaptial privat; iqis li hemm riskju li l-effett multiplikatur jiġi ssopravalutat, u li l-objettivi u r-riżultati definiti jkunu sempliċiment projezzjonijiet, li mhumiex ikkonfermati minn statistiċi tanġibbli, preċiżi, ċari u aġġornati;

Il-kisbiet tal-FEIS sa issa

23.  Jinnota li sa tmiem is-sena 2016, il-FEIS kien mistenni li jimmobilizza investimenti totali eliġibbli li jammontaw għal EUR 163,9 biljun; jinnota wkoll, madankollu, li skont il-Pjan Operattiv tal-Grupp tal-BEI għall-2018, il-volum attwali ta' investimenti mobilizzati taħt it-Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni (IIW) u t-Tieqa għall-SMEs (SMEW) fl-2016 kienu jammontaw għal mhux aktar minn EUR 85,5 biljun, li, flimkien ma' EUR 37 biljun għall-2015, jirriżultaw f'total ta' EUR 122,5 biljun f'investimenti mobilizzati mill-FEIS;

24.  Jiddubita jekk il-mira miżjuda ta' EUR 500 biljun tistax tinkiseb fl-implimentazzjoni tal-FEIS 2.0, u jitlob lill-BEI jagħti prova tal-valur miżjud tal-FEIS bħala strument finanzjarju biex jiġi stimulat l-investiment privat;

25.  Ifakkar li l-ħsieb sottostanti tal-FEIS, li huwa appoġġat mill-baġit tal-UE, b'differenza għal strumenti ta' finanzjament attwali oħra tal-BEI, huwa li jipprovdi addizzjonalità billi jidentifika setturi verament addizzjonali u innovattivi li huma orjentati lejn il-futur u proġetti b'riskju ogħla flimkien ma' kontropartijiet ġodda mis-settur privat;

26.  Josserva li l-komplementarjetà bejn id-diversi pilastri tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa għadha fil-bidu; jirrikonoxxi li filwaqt li l-Grupp tal-BEI għandu grad għoli ta' influwenza fuq iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (EIAH) taħt il-Pilastru 2, il-Grupp għandu influwenza limitata ħafna fuq il-bqija tal-Pilastru 2 (jiġi żgurat li l-investiment finanzjarju jasal fl-ekonomija reali) jew fuq il-Pilastru 3 (jitjieb l-ambjent tal-investiment - riforma regolatorja);

27.  Jenfasizza l-importanza tal-kriterji tal-addizzjonalità, li jfissru l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-operazzjonijiet li huma eliġibbli biss għall-appoġġ mill-FEIS meta jiġu indirizzati fallimenti tas-suq identifikati b'mod ċar jew sitwazzjonijiet subottimali ta' investiment, u li ma setgħux jitwettqu sal-istess punt jew fl-istess qafas ta' żmien mingħajr il-FEIS; jitlob li l-Grupp tal-BEI għandu jieħu vantaġġ sħiħ mill-kapaċità tiegħu ta' rfigħ tar-riskji sabiex jintgħażlu intrapriżi innovattivi, iżda fl-istess ħin juri l-potenzjal li joħloq valur miżjud ġenwin, pereżempju fil-forma ta' impjiegi stabbli u ta' kwalità;

28.   Ifakkar li l-valutazzjoni tal-addizzjonalità tal-proġetti kollha appoġġati mill-FEIS għandha tkun iddokumentata kif xieraq; jiddispjaċih li t-tabelli ta' valutazzjoni għall-operazzjonijiet approvati mhumiex ippubblikati taħt il-FEIS 1.0; ifakkar li dan in-nuqqas ta' pubblikazzjoni joħloq kemm kwistjonijiet ta' responsabbiltà kif ukoll ta' trasparenza; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza fir-rigward tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Indikaturi tal-FEIS, li hija meħtieġa wkoll minħabba l-ħtieġa li l-Kumitat ta' Investiment tal-FEIS għandu jinżamm responsabbli, u għalhekk jinnota b'mod pożittiv li t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Indikaturi ser issir pubblika taħt il-FEIS 2.0; jenfasizza wkoll il-bżonn li tingħata definizzjoni aktar ċara tal-prinċipju ta' addizzjonalità fir-rigward tal-attivitajiet b'riskju ogħla minn dak tal-operazzjonijiet standard tal-BEI, sabiex ikunu żgurati aktar koerenza u trasparenza fl-għażla tal-proġetti;

29.  Jistieden lill-BEI biex jipprovdi informazzjoni ta' ġestjoni kwalitattiva kompluta u rilevanti dwar l-implimentazzjoni tal-objettivi ddikjarati tal-FEIS, li turi l-addizzjonalità u l-impatt effikaċi meta mqabbla mal-valuri referenzjarji;

30.   Jistieden lill-Bank biex jixħet dawl fuq il-proġetti tal-FEIS li potenzjalment jinkludu installazzjonijiet infrastrutturali b'impatt ambjentali serju u addizzjonalità dubjuża, bħall-bijoraffineriji, l-impjanti għall-produzzjoni tal-azzar, il-faċilitajiet ta' rigassifikazzjoni u ta' ħżin tal-gass u l-awtostradi; jistieden lill-Bank biex jikkunsidra bis-serjetà d-dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet lokali, il-komunitajiet tal-partijiet ikkonċernati u l-gruppi tas-soċjetà ċivili skont il-proċeduri ta' diliġenza dovuta tiegħu; jistieden lill-BEI biex, b'referenza għall-prinċipju ta' prekawzjoni, jiffriża, u jekk ikun meħtieġ, jirtira l-finanzjament kull fejn ikun hemm kwalunkwe prova xjentifika jew riskju serju ta' ksur fil-qasam ambjentali u danni għas-soċjetà jew għall-komunitajiet lokali;

31.  Jinsisti, għal finijiet ta' responsabbiltà, fuq l-iżvilupp ta' investimenti mmexxija mir-riżultati, li jridu jiġu vvalutati regolarment mill-Kumitat tal-Investiment permezz tat-tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi, bl-għan li jiġu identifikati proġetti mmirati sew f'termini tal-effikaċja tal-impatt makroekonimku tagħhom jew tal-effett ta' stimolu tagħhom fuq it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi; jappella sabiex ikun hemm stampa oġġettiva tal-addizzjonalità u tal-valur miżjud ta' dawn il-proġetti, kif ukoll tal-koerenza tagħhom mal-politiki tal-Unjoni jew ma' operazzjonijiet klassiċi oħrajn tal-BEI;

32.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li 20 % biss tal-finanzjament tal-FEIS appoġġaw proġetti li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, filwaqt li l-portafoll standard tal-BEI laħaq il-limitu ta' 25 %; jistieden lill-BEI biex jiżgura li l-ogħla standards tiegħu jiġu rrispettati fiċ-ċirkostanzi kollha, bl-għan li jipproteġi l-ambjent u jilħaq il-kriterji tal-COP 21;

33.  Huwa mħasseb li, fi tmiem l-2016, l-investimenti tal-FEIS fl-infrastruttura soċjali (kapital uman, il-kultura u s-saħħa) ammontaw għal 4 % biss (inqas minn EUR 900 miljun), li huwa l-inqas settur appoġġjat mill-FEIS inġenerali u fi ħdan iż-żewġ twieqi individwali (IIW u l-SMEs); jenfasizza li hemm ħtieġa ċara u urġenti biex jiżdiedu b'mod sinifikanti s-sehem u l-volum ta' dawn l-investimenti;

34.   Jiddispjaċih li s-servizzi ta' appoġġ eżistenti mhumiex preżenti lokalment f'kull Stat Membru biex jindirizzaw id-dgħufijiet tal-kapaċità; Jemmen li għandha tingħata kjarifika adegwata jew gwida strateġika għall-atturi lokali u reġjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-pożizzjonament tal-FEIS u l-possibbiltà li jiġi kkombinat ma' fondi oħra tal-Unjoni jew tal-BEI; jinnota li l-kooperazzjoni bejn il-FEIS u sorsi oħra ta' finanzjament tal-UE (COSME, Orizzont 2020) għandha tittejjeb sabiex jiġu offruti sinerġiji aħjar; jirrimarka li l-FEIS ma għandux jitqies sempliċiment bħala sors finanzjarju addizzjonali, u li għandha tingħata attenzjoni dovuta sabiex jiġu evitati l-immirar doppju jew il-finanzjament doppju;

35.  Jieħu nota taż-żieda fil-volum tal-attivitajiet speċjali tal-BEI li jirriżultaw wara l-ewwel sena u nofs tal-FEIS; jemmen li l-attivitajiet speċjali tal-BEI appoġġati mill-FEIS iridu jipprovdu addizzjonalità meta mqabbla ma' strumenti finanzjarji oħra tal-BEI, FEI jew tal-Unjoni;

36.  Iħeġġeġ titjib fit-trasparenza tal-proċess tal-għażla tal-operazzjonijiet u l-iżvelar tal-informazzjoni operattiva kollha dwar l-operazzjonijiet iffirmati permezz tat-tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi, kif ukoll ir-responsabbiltà tal-operazzjonijiet;

37.  Jitlob li l-arranġamenti ta' governanza jiġu allinjati sabiex jiġu definiti aħjar ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-BEI, tkun żgurata l-indipendenza, u jiġu evitati l-kunflitti ta' interess tal-atturi diversi li jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, speċjalment il-membri tal-Kumitat tal-Investiment tal-FEIS;

38.  Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda tal-kontabbiltà tal-FEIS 2.0 lill-Parlament Ewropew (inkluż permezz ta' rapporti regolari u ta' rappreżentant tal-PE fuq il-Bord ta' Tmexxija tal-FEIS), kif ukoll it-trasparenza akbar tat-Tabella ta' Valutazzjoni ta' Indikaturi tal-FEIS; jistenna, għaldaqstant, l-implimentazzjoni tal-pubblikazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-proġetti taħt it-Tabella ta' Valutazzjoni ta' Indikaturi tal-FEIS, skont ir-regolament FEIS 2.0, sabiex jiġi żgurat li fondi baġitarji tal-UE jintużaw biss bħala garanzija għal proġetti li n-natura tagħhom tiġġustifika appoġġ pubbliku addizzjonali simili; jiddispjaċih, madankollu, dwar il-fatt li l-proposta għall-estensjoni tal-FEIS ma kinitx akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt kif previst mil-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar u minn evalwazzjoni ex ante kif meħtieġ skont l-Artikoli 30 u 140 tar-Regolament Finanzjarju għall-programmi ta' nfiq u l-istrumenti finanzjarji;

39.  Jirrakkomanda li r-rapporti annwali jindikaw kif il-BEI ikun integra r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, peress li din hija prattika tal-kontabbiltà li għandha tiġi formalizzata;

Immappjar tal-effetti ta' lieva għat-tibdil u l-ħolqien tal-valur fl-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-politika pubblika tal-UE

40.  Jieħu nota tar-rapport dwar l-operazzjonijiet tal-BEI fl-UE fl-2016, fejn hemm deskritt il-finanzjament li pprovda f'erba' oqsma fundamentali ta' politika pubblika, jiġifieri l-Innovazzjoni u l-Ħiliet (19.6 % tal-firem tal-BEI fl-2016 - EUR 13,1 biljun), il-finanzjament għall-SMEs u l-finanzjament b'kapitalizzazzjoni medja (31,7 % - EUR 21,3 biljun), l-Infrastruttura (27,1 % - EUR 18,1 biljun) u l-Ambjent (21,6 % - EUR 14,5 biljun);

41.  Jiddispjaċih li fir-rapport dwar l-operazzjonijiet tal-BEI ma hemm l-ebda informazzjoni strutturata fl-UE fl-2016, dwar waħda mill-politiki trasversali tal-Bank, jiġifieri l-koeżjoni ekonomika u soċjali; jesprimi t-tħassib tiegħu li għat-tieni sena fl-2016 l-BEI ma laħaqx il-livell previst ta' 30 % f'investimenti għall-koeżjoni (26,8 % fl-2016 u 25.2 % fl-2015 milħuqa ġewwa l-UE);

42.  Jenfasizza l-ħtieġa li fir-rapporti annwali tal-BEI tiġi inkluża analiżi iktar dettaljata tal-ħtiġijiet ta' investiment skont kull settur fl-UE, u dan sabiex ikun jista' jiġi identifikat kwalunkwe qasam li fih l-investiment huwa anqas minn dak li huwa meħtieġ biex jitwettqu l-prijoritajiet tal-UE; jemmen li l-BEI għandu jevalwa l-kapaċità tal-istrumenti ta' investiment tiegħu sabiex jingħelbu dawn l-iżbilanċi;

43.  Huwa tal-fehma li tista' tinkiseb żieda fl-attività ta' self tal-BEI permezz ta' allokazzjoni aktar effiċjenti u strateġiku tar-riżorsi, li tiffoka fuq proġetti ta' investiment produttiv u sostenibbli li jkollhom valur miżjud ippruvat kif ukoll sinerġiji aħjar ma' fondi pubbliċi, bil-għan li tingħata spinta lill-investiment pubbliku u tiġi stimulata d-domanda interna; jenfasizza li din iż-żieda għandha tkun akkumpanjata minn diversifikazzjoni korrispondenti tal-firxa tal-prodott tal-BEI, inkluż b'użu aktar effiċjenti u trasparenti, ta' sħubijiet pubbliċi-privati - filwaqt li l-benefiċċji pubbliċi u privati jinżammu f'bilanċ - u permezz ta' soluzzjonijiet innovattivi oħra, sabiex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tal-ekonomija reali;

44.  Jiġbed l-attenzjoni għall-għadd kbir ta' sejħiet lill-BEI biex jikkatalizza u jiffaċilita t-tixrid tal-aħjar prattika fl-Istati Membri kollha, b'mod partikolari permezz tal-banek, il-pjattaformi ta' investiment u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali rilevanti li jikkostitwixxu għodda maġġuri għal rispons ikkoordinat mill-UE għal-livell baxx ta' investiment;

45.  Jiddispaċih li l-investimenti soċali ammontaw għal inqas minn 6 % tal-portafoll annwali tal-BEI; jissottolinja li l-koeżjoni soċjali hija objettiv ta' prijorità orizzontali ewlenija tal-BEI, u jinsisti li l-Bank għandu jqis l-ħtieġa li jnaqqas l-inugwaljanzi u d-differenzi fi ħdan l-UE u jinvesti fis-settur soċjali u fuq skala ġeografika usa';

L-appoġġ għall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja

46.  Jirrikonoxxi li l-andament ta' żvilupp ta' aktar strumenti finanzjarji għas-sostenn tal-SMEs, meta mqabbel ma' għotjiet klassiċi, jirrappreżenta sfida politika kif ukoll bidla f'termini ta' monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet, ta' ġestjoni tal-fondi u l-livell jew il-veloċità ta' żborżamenti lill-SMEs; jirrimarka li l-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja jaqdu rwol kruċjali fl-ekonomija Ewropea billi jiġġeneraw impjiegi u ġid kif ukoll fil-promozzjoni tal-innovazzjoni; jissottolinja li l-SMEs jirrappreżentaw 'il fuq minn 90 % tan-negozji fl-UE u jimpjegaw żewġ terzi tal-popolazzjoni attiva li taħdem, u li, għalhekk, l-appoġġ għall-aċċess għall-finanzjamentgħall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja għandhom jibqgħu prijorità importanti tal-BEI; ifakkar li l-BEI għandu jkun waħda mill-istituzzjonijiet li tgħin fit-tnaqqis tad-diskrepanza fil-finanzjament iffaċċjata mill-SMEs;

47.  Josserva li l-appoġġ tal-BEI għall-SMEs ammonta għal madwar 33,6 % tal-finanzjament tiegħu fl-2016 permezz tal-Fond Ewropew għall-Investiment, li mmobilizza EUR 36,2 biljun ta' investiment permezz ta' intermedjarji finanzjarji, bil-għan li jinżammu 3,8 miljun impjieg;

48.  Jinnota t-twessigħ tal-firxa tal-prodotti ta' InnovFin hekk kif ġew stabbiliti żewġ faċilitajiet ta' finanzjament ġodda, immirati lejn proġetti ta' dimostrazzjoni fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli u l-mard li jittieħed; jilqa' l-operazzjoni ġdida ta' EUR 140 miljun li tinvolvi pjattaforma ta' self bejn il-pari li se tqarreb l-investituri lejn SMEs li qegħdin ifittxu finanzjament;

49.  Jistieden lill-BEI jaħdem aktar mill-qrib mal-intermedjarji finanzjarji tiegħu fl-Istati Membri sabiex ixerrdu informazzjoni rilevanti lill-benefiċjarji potenzjali bil-għan li jiġi stabbilit ambjent favorevoli għall-imprendituri li jippermetti aċċess aktar faċli tal-SMEs għall-finanzjament; jenfasizza l-importanza tal-BEI biex jiġu ffaċilitati s-sħubijiet u biex jisaħħu l-istrumenti ta' appoġġ għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju u għal negozji innovattivi ġodda; jistieden ukoll lill-BEI jikkoopera aktar mill-qrib mal-istituzzjonijiet pubbliċi reġjonali bil-għan li jottimizza l-possibbiltajiet ta' finanzjament għall-SMEs;

50.  Jenfasizza li l-BEI jeħtieġ ikompli jiżviluppa l-kultura tar-riskju tiegħu sabiex itejjeb l-effikaċja tiegħu u l-komplementarjetà bejn l-interventi tiegħu u d-diversi politiki tal-UE, speċjalment f'reġjuni ekonomikament żvantaġġati jew reġjuni li m'għandhomx stabbiltà, f'konformità mal-objettiv rikorrenti u fit-tul ta' aċċess aktar faċli għall-finanzjament għall-SMEs, iżda mingħajr ma jiġu kompromessi l-prinċipji ta' ġestjoni tajba;

51.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitfasslu programmi ta' investiment apposta għal proġetti fuq skala żgħira sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-SMEs; jemmen li l-BEI għandu jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-diskrepanzi possibbli fil-finanzjament għal mikrointrapriżi, permezz ta' użu akbar ta' strumenti u prodotti finanzjarji bħal faċilitajiet u garanziji ta' mikrofinanzjament;

52.  Jenfasizza li l-aċċess għall-finanzjament u l-internalizzazzjoni huma ostakli importanti li jaffaċċjaw l-SMEs; jissottolinja li l-SMEs jirrappreżentaw il-pedament tal-ekonomija Ewropea; jemmen li minkejja l-fatt li l-BEI ħa t-triq it-tajba, irid jagħmel sforz akbar biex jiżgura li l-SMEs ikollhom aċċess aktar faċli u aktar effettiv għall-finanzjament sabiex ikunu jistgħu jiġu integrati fil-katini ta' valur mondjali; iqis li l-BEI jrid jkollu l-appoġġ tal-intrapriżi tal-UE li jridu joperaw lil hinn minn pajjiżhom, inkluż permezz tal-Faċilità ta' Finanzjament tal-Kummerċ;

Innovazzjoni u ħiliet

53.  Jissottolinja li l-investiment fl-innovazzjoni u l-ħiliet huwa kruċjali għall-iżvilupp tal-ekonomija tal-għarfien tal-Ewropa, kif ukoll għall-kisba tal-miri ta' Ewropa 2020, inkluż 3 % tal-Prodott Gross Domestiku minfuq fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp; jittama b'mod partikolari li l-BEI, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Istati Membri, ser jiffinanzja proġetti li jistgħu jiggarantixxu li kopru, f'terminu qasir sa dak medju, in-nuqqas ta' ħaddiema kwalifikati, li jirrappreżentaw ostakolu b'saħħtu għall-investiment;

54.  Jinnota li s-self totali għal proġetti innovattivi fl-2016 tela' għal EUR 13,5 biljun, li minnhom EUR 12,2 biljun kienu jikkonċernaw l-ewwel firem, filwaqt li l-ispejjeż totali tal-proġett korrispondenti għal operazzjonijiet ġodda kienu ta' EUR 50,2 biljun;

55.  Iħeġġeġ lill-BEI jiżgura l-appoġġ tiegħu għal kumpaniji innovattivi fl-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, proċessi u servizzi ġodda tagħhom, peress li dawn jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu għajnuna finanzjarja minn banek kummerċjali; jisħaq fuq ir-rwol tal-BEI biex jgħin fit-tlestija tan-netwerk diġitali tal-Ewropa (eż. broadband veloċi) u l-ħolqien ta' suq uniku diġitali, inklużi servizzi diġitali; iħeġġeġ lill-BEI jiżviluppa inċentivi mmirati lejn il-promozzjoni tal-investiment tas-settur pubbliku u privat fir-Riċerka u l-Iżvilupp fl-oqsma tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, ix-xjenzi tal-ħajja, l-ikel, l-agrikoltura sostenibbli, il-foresterija u teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju;

56.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni ta' programm ta' self għall-ekonomija tal-għarfien fil-qasam edukattiv, li wassal għall-estensjoni ta' finanzjament lil hinn minn inizjattivi maħsuba għaż-żgħażagħ sabiex jiġi nkluż it-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja għall-gruppi tal-etajiet kollha;

Investimenti fl-infrastruttura

57.  Iqis li din għandha tkun kwistjoni ta' prijorità għall-Unjoni biex jiġu implimentati proġetti b'valur miżjud Ewropew ġenwin; jinsab konvint li ekonomija innovattiva u effettiva teħtieġ sistema tat-trasport u infrastruttura avvanzata, qrib l-ambjent u ta' kwalità għolja, u li dawn għandhom ikunu fost il-prijoritajiet tal-Unjoni, b'enfasi speċjali fuq soluzzjonijiet innovattivi tal-infrastruttura multimodali tat-trasport f'żoni skarsament popolati;

58.  Jistieden lill-BEI jagħti attenzjoni akbar lill-implimentazzjoni ta' proġetti ta' infrastruttura, speċjalment fir-reġjuni l-aktar dgħajfa, sabiex jiġi evitat tnaqqis fir-ritmu tal-konverġenza ekonomika; jitlob, għalhekk, għal riflessjoni fil-livell tal-UE dwar il-finanzjament pubbliku għal miżuri, anki ta' natura proviżorja, li tista' twassal għal irkupru reali tal-investiment pubbliku fl-infrastrutturi;

59.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' politika ta' investiment Ewropea biex tingħata attenzjoni akbar lill-kwistjonijiet orizzontali, b'mod partikolari fir-rigward ta' mezzi u servizzi futuri ta' trasport sostenibbli, li se jirrikjedu l-iżvilupp koerenti u simultanju ta' enerġija alternattiva u ta' networks tat-telekomunikazzjonijiet; jisħaq, għalhekk, fuq ir-rwol kruċjali tal-BEI fl-għoti ta' finanzjament fit-tul li huwa meħtieġ għal dawn it-tipi ta' proġetti fuq termini kompetittivi;

60.  Jinnota l-attività ta' finanzjament tal-BEI fil-qasam tal-infrastruttura u t-trasport, li tammonta għal total ta' EUR 18,1 biljun fl-2016, u jfakkar fl-importanza tal-valur ekonomiku, ambjentali u soċjali ġenwin għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll ta' evalwazzjoni ex ante dettaljata tal-proġetti magħżula u l-valutazzjoni ex post tar-riżultati miksuba;

61.  Jistieden lill-BEI, fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' infrastruttura fi ħdan l-UE, biex jinvesti b'mod sinifikanti aktar riżorsi għal assistenza konsultattiva komprensiva fil-livell lokali u għal muniċipalitaiet iżgħar fi stadju iktar bikri fl-identifikazzjoni u l-valutazzjoni minn qabel tal-proġetti;

62.  Jesprimi tħassib dwar il-finanzjament possibbli mill-BEI għall-proġett "Trans-Adriatic Pipeline" (Pajplajn Trans-Adrijatiku), li ma jirrispettax, fi gradi differenti fil-pajjiżi ta' tranżitu l-Albanija, il-Greċja u l-Italja, r-regoli ambjentali u soċjali minimi meħtieġa skont il-Prinċipji tal-Ekwatur; jiddispjaċih li l-BERŻ diġà alloka finanzjament ta' EUR 500 miljun, u jqis li dan il-proġett mhuwiex xieraq għall-investiment mill-BEI, u ma għandux jiġi kkunsidrat għall-finanzjament minn kwalunkwe bank li jaspira għal investimenti responsabbli f'termini soċjali u ambjentali;

Ambjent u azzjoni dwar il-klima

63.  Jinnota l-impenn tal-BEI ta' mill-inqas 25 % tal-portafoll tas-self tal-UE għal tkabbir b'livell baxx ta' karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima; josserva li fl-2016, il-valur totali ta' operazzjonijiet relatati mal-ambjent ammontaw għal EUR 14,4 biljun, li minnhom l-operazzjonijiet tat-trasport sostenibbli kienu jikkostitwixxu EUR 4,9 biljun, il-protezzjoni ambjentali u l-operazzjonijiet ta' effiċjenza tar-riżorsi naturali operazzjoni kienu jammontaw EUR 5,0 biljun, u l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ammontaw għal EUR 4,6 biljun; jinnota barra minn hekk li l-firem għal objettiv trasversali tal-azzjoni klimatika ammontaw għal EUR 17,5 biljun;

64.  Jisħaq fuq l-importanza tal-miri stabbiliti mis-COP 21 fir-rigward tat-trasport sabiex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima; jesprimi t-tħassib tiegħu li t-trasport jirrappreżenta kważi kwart tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Ewropa (GHG) u huwa l-kawża ewlenija tat-tniġġis tal-arja fl-ibliet, filwaqt li l-emissjonijiet f'dan is-settur jibqgħu ogħla milli kienu fl-1990; jinnota bi tħassib li matul il-perjodu 2014-2016, il-BEI ffinanzja proġetti relatati mal-enerġija fossili għal total ta' EUR 5,3 biljun fl-Istati Membri, partikolarment żewġ proġetti taż-żejt, proġett tal-karbonju u 27 proġett relatati mal-gass, minbarra EUR 976 miljun permezz ta' garanzija esterna għal sitt proġetti barra mill-UE, li wieħed minnhom kien jirrigwarda l-karbonju u ħamsa minnhom il-gass fossili; jissottolinja li l-finanzjament għandu jiffavorixxi bidla mit-trasport bit-triq għal forom aktar sostenibbli ta' trasport;

65.  Jenfasizza l-importanza li l-proġetti ppjanati li jiġu ffinanzjati jew kofinanzjati mill-BEI jkunu kompatibbli mal-miri tal-klima nazzjonali marbuta mal-implimentazzjoni tal-COP21;

66.  Jistieden lill-BEI jħeġġeġ il-finanzjament ta' proġetti skont l-istrateġija tal-klima tiegħu u skont il-Ftehim ta' Pariġi, billi jnaqqas gradwalment l-appoġġ tiegħu għall-karburanti fossili, sabiex isir strument ewlieni tal-UE fl-isforz konġunt globali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u jiġi appoġġat l-iżvilupp sostenibbli kif ukoll il-kisba ta' sistema tal-enerġija aktar kompetittiva, sigura u sostenibbli skont l-Istrateġija tal-Enerġija 2030; għal dan il-għan, jistieden lill-BEI jevita milli jiffinanzja proġetti li jinvolvu teknoloġiji qodma u li jniġġsu ħafna, b'mod partikolari meta jiġi ffaċilitat l-investiment fis-settur tal-enerġija; jistieden lill-BEI jżid is-self tiegħu għall-proġetti ta' infrastruttura pubblika li għandhom l-għan li jtaffu l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima (pereżempju, l-għargħar) u għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira.

67.  Jistieden lill-BEI jkompli jsaħħaħ l-appoġġ tiegħu fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, partikolarment għal proġetti deċentralizzati u fuq skala żgħira;

Nagħtu risposta għall-isfidi globali

68.  Ifakkar li 10 % tal-attività ġenerali ta' self tal-BEI huwa ddedikat għal operazzjonijiet barra mill-Unjoni, u jilqa' l-fatt li, mill-2015 'l hawn, żdied l-ammont ġenerali offrut mill-BEI lill-promoturi ta' proġetti barra mill-UE; jisħaq, għal dan il-għan, fuq l-importanza li l-BEI jirrapporta annwalment dwar l-operazzjonijiet tiegħu barra mill-Unjoni fir-rigward tal-konformità mal-prinċipji ġenerali li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni, u dwar ir-rwol xieraq tiegħu fil-qafas tal-impenn imġedded tal-UE għall-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp u fuq bażi ta' konsistenza mal-politiki l-oħra tal-UE, l-Aġenda 2030 tan-NU u l-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, l-appoġġ tiegħu għall-edukazzjoni u l-ħolqien ta' impjiegi deċenti, filwaqt li jiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol u dawk ambjentali, kif ukoll il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jissottolinja li l-BEI għandu jikkunsidra b'mod xieraq l-istrateġija kummerċjali tal-UE, inklużi l-ftehimiet kummerċjali eżistenti u futuri, sabiex jappoġġa l-impriżi tal-UE li joperaw barra minnha;

69.  Jistieden lill-BEI jiżviluppa metodoloġija, f'kooperazzjoni mas-SEAE u mad-DĠ DEVCO fi ħdan il-Kummissjoni, biex jitkejjel l-impatt tal-operazzjonijiet ta' self tiegħu barra mill-UE fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE b'mod ġenerali, u speċifikament fir-rigward tal-Aġenda 2030 u l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem;

70.  Jieħu nota tal-inizjattivi tal-BEI li għandhom l-għan li jsaħħu r-reżiljenza ekonomika fil-pajjiżi ta' oriġini tal-migrazzjoni, u b'mod partikolari l-isforzi tiegħu biex jiġi żviluppat multiplikatur qawwi tal-politika esterna tal-UE fl-Afrika;

71.  Huwa tal-fehma li l-BEI jrid isaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jieħu u jiggarantixxi r-riskji, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-proġetti għall-iżvilupp u t-tisħiħ tas-settur privat, u dawk li huma parti mill-Inizjattiva ta' Reżiljenza Ekonomika;

72.   Itenni l-bżonn li l-Qorti tal-Awdituri żżid l-evalwazzjonijiet tal-operazzjonijiet tal-BEI tagħha, li jibbenefikaw mill-baġit tal-UE u biex timplimenta skrutinju akbar tal-operazzjonijiet skont il-Mandat ta' Self Estern tal-BEI (ELM);

73.  Jisħaq fuq il-fatt li operazzjonijiet esterni tal-BEI għandhom jaġixxu bħala appoġġ għal oqsma ta' politika ta' importanza kbira għall-UE;

74.  Jinnota li l-BEI qed iżid il-kapaċità tal-Pakkett ta' Finanzjament ta' Impatt tal-AKP u qed jittrasformah f'fond rotanti, b'EUR 300 miljun dedikati għat-trattament dirett tal-migrazzjoni bl-appoġġ tal-inizjattivi tas-settur privat; jinnota li l-BEI għandu wkoll jagħmel EUR 500 miljun disponibbli skont il-Faċilità ta' Investiment tal-AKP biex jiffoka fuq proġetti tas-settur pubbliku b'fokus fuq il-migrazzjoni; jisħaq fuq l-importanza li l-fondi tal-BEI ma jintużawx għal skopijiet ta' sigurtà jew ta' kontroll tal-fruntieri; jemmen, għall-kuntrarju, li l-fokus għandu jkun fuq l-iżvilupp sostenibbli ta' pajjiżi terzi; itenni l-importanza li jitwettqu kontrolli dettaljati ta' diliġenza dovuta relatati mad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-proġetti implimentati; jistieden lill-BEI, meta jimplimenta l-proġetti tiegħu, biex jikkunsidra kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem biex iwaqqaf kwalunkwe self skont il-każ;

75.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-effettività tal-Faċilità ta' Investiment imnedija fl-2003 taħt il-Ftehim ta' Cotonou, u jappella biex strument ta' dan it-tip jinżamm wara n-negozjar mill-ġdid fl-2020 tal-ftehimiet li jorbtu lill-UE mas-sħab tagħha tal-AKP;

76.  Jistieden lill-BEI, fir-rigward tal-ELM ġdid tiegħu, biex jiżgura li l-prijorità l-ġdida dwar il-migrazzjoni li ġiet miżjuda mal-prijoritajiet preċedenti, jiġifieri l-klima, l-SMEs u l-infrastruttura soċjoekonomika tiggarantixxi valur miżjud u addizzjonalità; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li tiġi implimentata b'mod xieraq l-Inizjattiva ta' Reżiljenza Ekonomika l-ġdida, b'appoġġ għal proġetti li huma differenti minn dawk li kienu jiġu ffinanzjati qabel;

77.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol tal-BEI fl-iżvilupp tas-settur privat lokali u l-appoġġ tiegħu għall-mikrofinanzjament, u jirrikonoxxi li l-attivitajiet tiegħu joffru opportunitajiet ekonomiċi u kummerċjali ġodda; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu adattati b'mod xieraq u effiċjenti l-attivitajiet tal-BEI għall-isfidi internazzjonali attwali; jappella għal espansjoni tal-mandat ta' self estern tal-BEI, bil-għan li jiżdied ir-rwol tiegħu fil-kisba ta' żvilupp sostenibbli u li jipprovdi rispons strateġiku sabiex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, kif ukoll biex il-BEI jassumi parti aktar attiva fl-istrateġija l-ġdida tas-settur privat; jistieden lill-BEI, f'dan ir-rigward, biex iżid l-involviment tiegħu fi proġetti ta' infrastruttura, trasport u diġitalizzazzjoni li huma meħtieġa biex jippromwovu rotot kummerċjali lokali u reġjonali, u biex irawmu l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, u b'hekk jikkontribwixxu b'mod attiv għall-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO; itenni li l-BEI jrid jallinja l-attivitajiet tiegħu mal-SDGs tan-NU;

78.  Jinnota li, fl-2016, il-BEI approva faċilitajiet ġodda għal mikrofinanzjament: faċilità waħda għall-Karibew, oħra għall-Paċifiku u tnejn għall-Afrika, għal ammont totali ta' EUR 110 miljun, u faċilità għall-Viċinat tan-Nofsinhar li tammonta għal EUR 75 miljun; ifakkar fil-fatt li l-faċilitajiet mikrofinanzjarji u l-assistenza teknika tal-BEI pprovdew EUR 300 miljun lil aktar minn 1,5 miljun benefiċjarju; jistieden lill-BEI biex fir-rapport li jmiss tiegħu jinkludi l-effetti ta' ingranaġġ ta' dawn il-faċilitajiet flimkien mal-fondi allokati permezz tal-istrumenti finanzjarji tal-azzjoni esterna;

79.  Jinnota li, fl-2016, nofs l-operazzjonijiet ta' self tal-BEI li jaqgħtu taħt il-mandat estern tal-BEI marru għal intermedjarji finanzjarji lokali, bil-għan li tingħata spinta lill-mikrokrediti; jistieden lill-BEI jagħmel evalwazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi dwar is-self mill-intermedjarji finanzjarji, minħabba li l-mikrokrediti huma prinċipalment diretti lejn intraprendituri nisa;

80.  Jinnota li l-BEI qed jippjana li jistabbilixxi sussidjarja għall-iżvilupp fi ħdan il-grupp tal-BEI bil-għan li jsir bank ta' żvilupp tal-UE; jistieden lill-BEI u lill-Kummissjoni biex ikomplu b'dawn it-tħejjijiet bl-aktar mod trasparenti u inklużiv, inkluż proċess ta' konsultazzjoni pubblika;

81.  Jinnota li l-BEI, permezz tal-istrumenti ta' self tiegħu, jista' jkun lieva importanti għad-diplomazija ekonomika ġdida tal-UE; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-fatt li l-BEI jrid jieħu nota tal-kunsiderazzjonijiet tad-diplomazija ekonomika fl-operazzjonijiet tiegħu;

82.  Jappoġġa l-intensifikazzjoni ta' sħubiji bejn il-BEI u l-aġenziji tal-iżvilupp tal-Istati Membri, u proġetti mwettqa b'mod konġunt mill-BEI u minn Banek Multilaterali tal-Iżvilupp (MDB) oħra, b'mod partikolari meta l-għan ta' dawn il-proġetti huwa li jgħin biex jintlaħqu l-SDGs tan-NU għall-2030;

83.  Jinnota li f'dawn l-aħħar snin kien hemm nuqqas ta' operazzjonijiet ta' appoġġ għall-investiment dirett barrani (IDB) immirat lejn l-Asja; jisħaq li l-investituri tal-UE, u b'mod parikolari l-SMEs, għandu jkollhom preżenza akbar fis-swieq Ċiniżi, Indjani u tal-ASEAN u għandhom jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ekwi; jistieden lill-BEI jipprovdi finanzjament dirett lill-kumpaniji tal-UE b'appoġġ għal investiment barrani, inkluż permezz tal-ELM;

Insaħħu l-governanza korporattiva, il-prattiki kummerċjali, it-trasparenza u l-istandards ta' responsabbiltà tal-BEI

84.  Jemmen li għandha tissaħħaħ ir-rabta bejn l-impatt u l-prestazzjoni ta' skrutinju fuq naħa, u responsabbiltà akbar u viżibbiltà min-naħa l-oħra, skont il-bażi ta' proċess ta' assigurazzjoni li jkun vinkolanti għall-partijiet interessati kollha (intermedjarji finanzjarji, il-promoturi u l-benefiċjarji aħħarija, b'integrità bir-reqqa u b'kontrolli bħal "kun af il-klijent tiegħek"); jistieden lill-BEI jippubblika informazzjoni dwar proġetti sekondarji b'riskju għoli u biex jikkondividi t-tagħlimiet miksuba ma' banek ta' żvilupp multilaterali internazzjonali oħra, b'mod partikolari mill-iskambju ta' informazzjoni dwar ir-riżultati tal-kontrolli tad-diliġenza dovuta korporattiva jew fuq kwistjonijiet fiskali jew fuq reviżjonijiet ta' "kun af il-klijent tiegħek";

85.  Jirrikonoxxi l-importanza li titqajjem kuxjenza fil-livell lokali u reġjonali dwar id-disponibbiltà tal-finanzjament u l-assistenza teknika madwar l-UE; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li sensibilizzazzjoni xierqa dwar l-involviment tal-BEI fil-finanzjament ta' proġetti għal diversi partijiet ikkonċernati hija kruċjali jekk iċ-ċittadini fil-livell lokali għandhom isiru konxji tad-dritt tagħhom li jappellaw u jressqu lmenti quddiem l-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti u tal-Ombudsman Ewropew; jinnota li fl-2016 ġew irreġistrati 89 ilment, li minnhom 84 kienu ammissibbli, meta mqabbla mas-56 ilment irċevuti fl-2015;

86.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-reviżjoni proposta tal-politika dwar il-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tal-BEI (BEI, CM), u jistieden lill-BEI biex jiżgura, b'mod partikolari, li l-Kap tal-EIB CM jirreġistra l-ilmenti kollha debitament u jinforma lil min jagħmel l-ilment bil-wasla tal-ilment tiegħu qabel ma tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà; biex jiżgura li l-Kap tal-BEI CM ikun indipendenti minn partijiet oħrajn tal-istruttura ta' governanza tal-Bank u jkun jista' jieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar l-ammissibbiltà ta' lment mingħajr ma jkollu għalfejn jikkonsulta lis-servizzi tal-Grupp tal-BEI, jieħu wkoll deċiżjonijiet rigward l-eliġibbiltà tal-ilment għal investigazzjoni/rieżami ta' konformità jew medjazzjoni, anki jekk ma jkunx hemm ftehim mas-servizzi tal-BEI, l-Ispettur Ġenerali jew il-Kumitat ta’ Tmexxija; biex isegwi l-eżempji mogħtija mill-Ombudsman Ewropew għad-definizzjoni ta' amministrazzjoni ħażina, sabiex jinkludi forom ta' amministrazzjoni ħażina jew falluta bħal irregolaritajiet amministrattivi, inġustizzja, diskriminazzjoni, abbuż ta' poter, nuqqas ta' tweġiba, rifjut ta' informazzjoni u dewmien bla bżonn; u li jiżgura li l-proċedura tkun trasparenti kemm jista' jkun, u li s-CM jiżvela informazzjoni dwar il-proċeduri tiegħu, l-operazzjonijiet u l-każijiet b'mod proattiv u li l-proċeduri ta' reklutaġġ għall-Kap u l-persunal tas-CM isiru aktar trasparenti;

87.  Jiġbed l-attenzjoni għat-tħassib li tqajjem waqt il-konsultazzjonijiet pubbliċi fir-rigward ta' ċerti proposti għar-reviżjoni tal-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tal-BEI, jiġifieri, l-esklużjoni mis-CM ta' każijiet marbuta mal-akkwist pubbliku kif ukoll ta' kwistjonijiet relatati mal-legalità tal-politika tal-BEI, u l-limitazzjoni għall-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti billi jiġi previst rekwiżit li jiġu kkonsultati servizzi oħra qabel ma jiġi evalwat jekk ilment ikunx ammissibbli u billi titnaqqas il-kapaċità tal-Uffiċċju li jagħmel rakkomandazzjonijiet; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kumitat ta' Tmexxija biex jikkunsidra dan it-tħassib;

88.  Jenfasizza l-importanza tal-Ombudsman Ewropew fl-eżerċizzju ta' skrutinju pubbliku fuq il-BEI;

89.  Jilqa' l-iżvelar tal-minuti tal-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI, u jirrakkomanda li l-BEI jikkunsidra wkoll li jiżvela l-informazzjoni mhux kunfidenzjali tal-laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija; fil-livell tal-proġetti, itenni t-talba tiegħu rigward l-iżvelar sistematiku tar-Rapporti ta' Tlestija għall-attivitajiet tal-BEI barra mill-Ewropa, kif ukoll it-3PA u l-iskedi REM għal proġetti tal-BEI; jemmen li l-prattika ta' żvelar tat-Tabella ta' Valutazzjoni ta' Indikaturi, kif previst fil-FEIS 2.0, għandha tapplika għall-proġetti kollha implimentati mill-BEI;

90.   Jinsab imħasseb sew li l-maniġment tal-Bank s'issa ma ta l-ebda reazzjoni għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-paragrafi 75 u 76 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI għall-2015 u jfakkar fil-ħtieġa li jiġu previsti regoli aktar stretti fuq il-kunflitti ta' interess u kriterji ċari, stretti u trasparenti biex jipprevjenu kull forma ta' korruzzjoni; itenni l-fatt li l-BEI jrid jirrevedi l-Kodiċi ta' Kondotta sabiex jiżgura li l-Viċi Presidenti ma jkunux inkarigati mill-operazzjonijiet fl-Istati Membri tad-domiċilju tagħhom, peress li dan jipperikola l-indipendenza tal-istituzzjoni; jinsab profondament imħasseb dwar in-nuqqasijiet identifikati fil-mekkaniżmi eżistenti tal-BEI għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess li jista' jkun hemm fil-korpi ta' tmexxija tiegħu; jistieden lill-BEI, f'dan ir-rigward, biex jipprevjeni b'mod aħjar il-kunflitti ta' interess fil-korpi governattivi tiegħu u kwistjonijiet potenzjali ta' "revolving door", biex jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman u jirrevedi l-Kodiċi ta' Kondotta tiegħu malajr kemm jista' jkun; jistieden lill-BEI biex jingħaqad mal-ftehim interistituzzjonali dwar ir-Reġistru ta' Trasparenza tal-UE, hekk kif in-negozjati bejn il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jiġu konklużi;

91.  Jissottolinja li l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' prattiki tat-taxxa ta' ħsara għandha tibqa' prijorità importanti tal-BEI; jistieden lill-BEI biex japplika malajr il-leġiżlazzjoni u l-istandards rilevanti tal-UE dwar l-evitar tat-taxxa, ir-rifuġji fiskali u kwistjonijiet relatati oħra, u biex jitlob lill-klijenti tiegħu jikkonformaw ma' dawn ir-regoli b'mod xieraq; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' informazzjoni żvelata mill-BEI dwar is-sjieda benefiċjarja aħħarija, speċjalment meta l-finanzjament jiddependi fuq fondi ta' ekwità privata; iħeġġeġ lill-BEI jieħu miżuri proattivi u jwettaq aktar miżuri ta' diliġenza dovuta fejn jinstab li proġetti tal-BEI għandhom rabtiet ma' ġurisdizzjonijiet li jqajmu kwistjonijiet fiskali;

92.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-BEI jistabbilixxi lista pubblika rigoruża dwar il-kriterji għall-għażla ta' intermedjarji finanzjarji, sabiex isaħħaħ l-impenn tal-UE li tiġġieled kontra abbużi fiskali u li tipprevjeni b'mod aktar effikaċi r-riskji ta' korruzzjoni u ta' infiltrazzjoni mill-kriminalità organizzata u t-terroriżmu; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mtejba l-kriterji ta' evalwazzjoni ta' proġett sabiex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE ma jiġux investiti minn entitajiet f'pajjiżi terzi li ma jikkonformawx mal-istandards internazzjonali fil-qasam tat-taxxa;

93.  Jisħaq li l-istandards fil-qasam tat-trasparenza fiskali u l-governanza fiskali tajba għandhom jissaħħu, b'mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-evitar tat-taxxa; jinnota l-adozzjoni fi tmiem l-2017 tal-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx; jistieden lill-BEI, f'dan ir-rigward, biex isaħħaħ il-politika tiegħu dwar ġurisdizzjonijiet mhux trasparenti u mhux kooperattivi (Politika NCJ) fir-rieżami attwali tiegħu, u biex jiżviluppa politika usa' dwar tassazzjoni responsabbli; jistieden lill-BEI biex jagħti prova tal-fattibbiltà ta' standards ogħla ta' trasparenza fiskali billi jadotta politika li tmur lil hinn mir-rekwiżiti legali minimi, bil-BEI jiġi maħtur bħala gwida fil-qasam ta' tassazzjoni ġusta; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li l-għoti ta' self dirett u indirett ikun soġġett għall-pubblikazzjoni tad-data fiskali u finanzjarja pajjiż b'pajjiż, u għad-divulgazzjoni tad-data dwar it-titolu effettiv tas-suġġetti benefiċjarji u tal-intermedjarji finanzjarji involuti fl-operazzjonijiet finanzjarji, mingħajr derogi;

94.  Jirrimarka b'mod pożittiv l-importanza mogħtija mill-BEI lill-politika tiegħu ta' tolleranza żero għal frodi, korruzzjoni u kollużjoni; jistieden lill-BEI biex jieħu l-miżuri kollha xierqa, inkluża s-sospensjoni tal-ħlasijiet u żborżi ta' self, bil-ħsieb li jipproteġu lill-BEI u l-interessi finanzjarji tal-UE kull meta l-OLAF jew investigazzjonijiet kriminali jeħtieġu hekk, u barra minn hekk jistieden lill-BEI biex jadatta r-regoli interni tiegħu kif xieraq; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żvelata l-informazzjoni dwar is-sistema ta' kuntrattar u subkuntrattar sabiex jiġi evitat kull riskju ta' frodi u korruzzjoni; jisħaq fuq il-fatt li s-sit web tal-BEI għandu jkun fih spazju ddedikat u viżibbli fejn jiġu elenkati b'mod pubbliku l-entitajiet skwalifikati, bil-għan li jiġi żgurat effett deterrenti; jissottolinja l-importanza tad-dħul tal-BEI f'netwerks ta' skwalifika trasversali flimkien mal-mutwanti multilaterali l-oħra; jistieden lill-BEI biex jarmonizza l-politika ta' skwalifika tiegħu flimkien mal-mutwanti multilaterali l-oħra, bħall-Bank Dinji, li jelenka aktar minn 800 individwu u impriża bħala "skwalifikati', minkejja li l-volum ta' finanzjament tiegħu hu bejn wieħed u ieħor nofs dik tal-BEI;

95.  Jittama li l-BEI, f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2016, ser ikompli jimplimenta u jtejjeb strateġija esterna għal tassazzjoni effettiva, u jiżgura l-konformità mal-istandards internazzjonali fil-qasam tat-trasparenza fiskali u jinkoraġġixxi rapportar internazzjonali pajjiż b'pajjiż; jistieden lill-BEI biex jiżgura kwalità għolja tal-informazzjoni dwar il-benefiċjarji aħħarija u biex jipprevjeni b'mod effikaċi t-tranżazzjonijiet mal-intermedjarji finanzjarji li għandhom konsegwenzi negattivi fir-rigward ta' trasparenza, frodi, korruzzjoni, kriminalità organizzata u ħasil tal-flus jew riperkussjonijiet soċjali u ambjentali dannużi;

96.  Jiddispjaċih li l-każijiet tad-"Dieselgate" qajmu numru ta' mistoqsijiet dwar il-fatt li l-Volkswagen irċeviet self mill-BEI permezz ta' frodi u qerq; jitlob lill-BEI jsegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF dwar it-teħid ta' passi attivi fl-implimentazzjoni tal-politika kontra l-frodi tiegħu;

97.  Jirrimarka li l-investigazzjonijiet twal dwar l-iskandlu tas-sistema MOSE ġew konklużi fl-14 ta' Settembru 2017 b'sentenza tal-Qorti ta' Venenzja, li kkundannat żewġ persuni ewlenin li kienu involuti direttament f'dan l-iskandlu għal 4 snin priġunerija u l-konfiska ta' EUR 9 575 000; jiddispjaċih li bejn l-2011 u l-2013, il-BEI ta tliet selfiet b'valur ta' EUR 1,2 biljun għall-implimentazzjoni tal-proġett MOSE, fejn l-aħħar self ingħata wara li l-awtoritajiet nazzjonali fetħu investigazzjonijiet dwar korruzzjoni; jistieden lill-BEI biex jiżgura l-applikazzjoni l-aktar rigoruża tal-politika tiegħu ta' tolleranza żero għall-frodi, u biex jirtira l-finanzjament kollu tiegħu għall-proġett MOSE u għall-proġetti marbuta miegħu permezz ta' sistema' ta' kumpaniji u benefiċjarji involuti fl-implimentazzjoni tal-proġetti fir-reġjun tal-Veneto, u b'referenza partikolari għall-parti tal-awtostrada magħrufa bħala Passante di Mestre li fuqha hemm investigazzjonijiet għaddejjin fuq frodi tat-taxxa, korruzzjoni u infiltrazzjoni mill-kriminalità organizzata, u t-tielet korsija tal-awtostrada A4 fil-parti bejn Venezja u Trieste; iħeġġeġ lill BEI jwettaq investigazzjonijiet interni xierqa dwar l-għażla tal-benefiċjarji, l-għoti u l-ġestjoni tal-fondi tiegħu, u biex jippubblika r-riżultati;

98.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rieżami regolari tal-aħjar qafas bankarju u tal-aħjar prattiki fi ħdan il-grupp tal-BEI, li twettaq biex jiġu identifikati d-diskrepanzi ta' konformità; iqis li l-mandati tal-BEI u l-FEI, jitolbu għal sistema ta' valutazzjoni tar-riskju u sorveljanza komprensiva u regolari fil-livell tal-grupp tal-BEI, li tagħmel l-irfinar tal-proċessi tan-negozju ewlenin u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni relatata mal-ġestjoni ta' mandati kruċjali għar-responsabbiltà ġenerali tal-BEI;

99.  Jilqa' l-proposti tal-Kumitat tal-Etika u l-Konformità tal-BEI fil-qasam tal-governanza korporattiva u trasparenza, bħall-introduzzjoni ta' kwistjonijiet etiċi fil-mandat tiegħu, flimkien mal-mekkaniżmi biex jipprevjeni b'mod aħjar il-kunflitti ta' interess fil-korpi governattivi u "revolving doors" potenzjali, l-introduzzjoni ta' proċedura ta' sospensjoni għall-membri tal-kumitat ta' tmexxija, u l-kumitat konsultattiv ġdid li se jkun jista' jagħti opinjonijiet qabel il-ħatra formali tal-membri tal-Kumitat ta' Ġestjoni;

100.  Jisħaq fuq l-importanza li jissaħħu l-obbligi ta' integrità ta' wara l-impjieg u li jiddaħħlu fis-seħħ sanzjonijiet konkreti għal każijiet ta' "revolving door" potenzjali bejn l-ogħla amministrazzjoni tal-BEI u s-settur privat; jemmen, għalhekk, li "perjodu ta' rtirar" li matulu ex membri tal-Bord tad-Diretturi ma jkunux jistgħu jillobbjaw lill-korpi ta' tmexxija jew il-persunal tal-BEI għandu jkun ta' mill-anqas 12-il xahar;

101.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-bidu tar-rieżami tal-politika dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta tal-BEI, kif ukoll l-aġġornamenti relatati mal-implimentazzjoni tal-qafas tal-AML-CFT (ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu) sa minn mindu ġie adottat fl-2014 mill-BEI, b'rabta mill-qrib mar-rekwiżiti ta' "kun af il-klijent tiegħek" għal portafolli kontinwi u għal attivitajiet ta' negozju ġodda;

Segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament

102.  Itenni t-talba tiegħu lill-BEI biex jirrapporta dwar is-sitwazzjoni attwali u l-istatus tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti maħruġa mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet annwali tiegħu, b'mod speċjali fir-rigward tal-impatt tal-attivitajiet tiegħu b'rabta mas-self;

o

o o

103.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

  Testi adottati, P7_TA (2014)0201

(2)

  Testi adottati, P8_TA(2015)0183.

(3)

  Testi adottati, P8_TA(2016)0200.

(4)

  Testi adottati, P8_TA (2017)0138.

(5)

  ĠU L 280, 27.10.2011, p. 1.

(6)

  ĠU L 135, 8.5.2014, p. 1.

(7)

  ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (20.2.2018)

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar ir-rapport annwali dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI għall-2016

(2017/2190(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Sander Loones

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li 10 % tal-attività ġenerali ta' self tal-BEI huwa ddedikat għal operazzjonijiet barra mill-Unjoni, u jilqa' l-fatt li, mill-2015 'l hawn, żdied l-ammont ġenerali offrut mill-BEI lill-promoturi ta' proġetti barra mill-UE; jisħaq, għal dan il-għan, fuq l-importanza li l-BEI jirrapporta annwalment dwar l-operazzjonijiet tiegħu barra mill-Unjoni fir-rigward tal-konformità mal-prinċipji ġenerali li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni, u dwar ir-rwol xieraq tiegħu fil-qafas tal-impenn imġedded tal-UE għall-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp u fuq bażi ta' konsistenza mal-politiki l-oħra tal-UE, l-Aġenda 2030 tan-NU u l-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, l-appoġġ tiegħu għall-edukazzjoni u l-ħolqien ta' impjiegi deċenti, filwaqt li jiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol u dawk ambjentali, kif ukoll il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jissottolinja li l-BEI għandu jikkunsidra b'mod xieraq l-istrateġija kummerċjali tal-UE, inklużi l-ftehimiet kummerċjali eżistenti u futuri, sabiex jappoġġa l-impriżi tal-UE li joperaw barra minnha;

2.  Jistieden lill-BEI jiżviluppa metodoloġija, f'kooperazzjoni mas-SEAE u mad-DĠ DEVCO fi ħdan il-Kummissjoni, biex jitkejjel l-impatt tal-operazzjonijiet ta' self tiegħu barra mill-UE fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE b'mod ġenerali, u speċifikament fir-rigward tal-Aġenda 2030 u l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem;

3.  Jinnota li l-BEI, permezz tal-istrumenti ta' self tiegħu, jista' jkun lieva importanti għad-diplomazija ekonomika ġdida tal-UE; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-fatt li l-BEI jrid jieħu nota tal-kunsiderazzjonijiet tad-diplomazija ekonomika fl-operazzjonijiet tiegħu;

4.  Jappoġġa l-intensifikazzjoni ta' sħubiji bejn il-BEI u l-aġenziji tal-iżvilupp tal-Istati Membri, u proġetti mwettqa b'mod konġunt mill-BEI u minn Banek Multilaterali tal-Iżvilupp (MDB) oħra, b'mod partikolari meta l-għan ta' dawn il-proġetti huwa li jgħin biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU għall-2030;

5.  Jenfasizza li l-aċċess għall-finanzjament u l-internalizzazzjoni huma ostakli importanti li jaffaċċjaw l-SMEs; jissottolinja li l-SMEs jirrappreżentaw il-pedament tal-ekonomija Ewropea; jemmen li minkejja l-fatt li l-BEI ħa t-triq it-tajba, irid jagħmel sforz akbar biex jiżgura li l-SMEs ikollhom aċċess aktar faċli u aktar effettiv għall-finanzjament sabiex ikunu jistgħu jiġu integrati fil-katini ta' valur mondjali; iqis li l-BEI jrid jkollu l-appoġġ tal-intrapriżi tal-UE li jridu joperaw lil hinn minn pajjiżhom, inkluż permezz tal-Faċilità ta' Finanzjament tal-Kummerċ;

6.  Jinnota li f'dawn l-aħħar snin kien hemm nuqqas ta' operazzjonijiet ta' appoġġ għall-investiment dirett barrani (IDB) immirat lejn l-Asja; jisħaq li l-investituri tal-UE, u b'mod parikolari l-SMEs, għandu jkollhom preżenza akbar fis-swieq Ċiniżi, Indjani u tal-ASEAN u għandhom jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ekwi; jistieden lill-BEI jipprovdi finanzjament dirett lill-kumpaniji tal-UE b'appoġġ għall-investiment barrani, inkluż permezz tal-mandat ta' self estern (ELM);

7.  Jirrimarka li pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-pajjiżi tal-AKP għandu jkollhom aċċess prijoritarju għall-proġetti ta' investiment tal-BEI; f'dan ir-rigward jiddeplora l-fatt li, fl-2016, l-Afrika kienet dik iż-żona fid-dinja li rċeviet l-iżgħar pakkett finanzjarju; jitlob li din it-tendenza tinqaleb fis-snin li ġejjin;

8.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-effettività tal-Faċilità ta' Investiment imnedija fl-2003 taħt il-Ftehim ta' Cotonou, u jappella biex strument ta' dan it-tip jinżamm wara n-negozjar mill-ġdid fl-2020 tal-ftehimiet li jorbtu lill-UE mas-sħab tagħha tal-AKP;

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol tal-BEI fl-iżvilupp tas-settur privat lokali u l-appoġġ tiegħu għall-mikrofinanzjament, u jirrikonoxxi li l-attivitajiet tiegħu joffru opportunitajiet ekonomiċi u kummerċjali ġodda; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu adattati b'mod xieraq u effiċjenti l-attivitajiet tal-BEI għall-isfidi internazzjonali attwali; jappella għal espansjoni tal-mandat ta' self estern tal-BEI, bil-għan li jiżdied ir-rwol tiegħu fil-kisba ta' żvilupp sostenibbli u li jipprovdi rispons strateġiku sabiex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, kif ukoll biex il-BEI jassumi parti aktar attiva fl-istrateġija l-ġdida tas-settur privat; jistieden lill-BEI, f'dan ir-rigward, biex iżid l-involviment tiegħu fi proġetti ta' infrastruttura, trasport u diġitalizzazzjoni li huma meħtieġa biex jippromwovu rotot kummerċjali lokali u reġjonali, u biex irawmu l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, u b'hekk jikkontribwixxu b'mod attiv għall-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO; itenni li l-BEI jrid jallinja l-attivitajiet tiegħu mal-SDGs tan-NU;

10.  Jinnota li, fl-2016, il-BEI approva faċilitajiet ġodda għal mikrofinanzjament: faċilità waħda għall-Karibew, oħra għall-Paċifiku u tnejn għall-Afrika, għal ammont totali ta' EUR 110 miljun, u faċilità għall-Viċinat tan-Nofsinhar li tammonta għal EUR 75 miljun; ifakkar fil-fatt li l-faċilitajiet mikrofinanzjarji u l-assistenza teknika tal-BEI pprovdew EUR 300 miljun lil aktar minn 1,5 miljun benefiċjarju; jistieden lill-BEI biex fir-rapport li jmiss tiegħu jinkludi l-effetti ta' lieva ta' dawn il-faċilitajiet flimkien mal-fondi allokati permezz tal-istrumenti finanzjarji tal-azzjoni esterna;

11.  Jinnota li, fl-2016, nofs l-operazzjonijiet ta' self tal-BEI li jaqgħtu taħt il-mandat estern tal-BEI marru għal intermedjarji finanzjarji lokali, bil-għan li tingħata spinta lill-mikrokrediti; jistieden lill-BEI jagħmel evalwazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi dwar is-self mill-intermedjarji finanzjarji, minħabba li l-mikrokrediti huma prinċipalment diretti lejn intraprendituri nisa;

12.  Huwa tal-fehma li l-BEI jrid isaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jieħu u jiggarantixxi r-riskji, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-proġetti għall-iżvilupp u t-tisħiħ tas-settur privat, u dawk li huma parti mill-Inizjattiva ta' Reżiljenza Ekonomika;

13.  Jistieden lill-BEI jtejjeb l-aċċess għall-informazzjoni fir-rigward tas-sistema ta' kuntratti u sottokuntratti u d-data finanzjarja dwar il-proġetti ffinanzjati mill-BEI, kif ukoll il-konformità tagħhom mal-SDGs; jitlob speċifikament lill-BEI biex jipprovdi informazzjoni aħjar u aktar sistematika, partikolarment lill-Parlament Ewropew, fir-rigward tas-self- mill-intermedjarji finanzjarji tiegħu, bil-għan li jissaħħu kemm l-effettività tal-iskrutinju parlamentari kif ukoll it-trasparenza; jisħaq fuq l-importanza ta' proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet inklużiv bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti;

14.  Jistieden lill-BEI jħeġġeġ il-finanzjament ta' proġetti skont l-istrateġija tal-klima tiegħu u skont il-Ftehim ta' Pariġi, billi jnaqqas gradwalment l-appoġġ tiegħu għall-karburanti fossili, sabiex isir strument ewlieni tal-UE fl-isforz konġunt globali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u jiġi appoġġat l-iżvilupp sostenibbli kif ukoll il-kisba ta' sistema tal-enerġija aktar kompetittiva, sigura u sostenibbli skont l-Istrateġija tal-Enerġija 2030; għal dan il-għan, jistieden lill-BEI jevita milli jiffinanzja proġetti li jinvolvu teknoloġiji qodma u li jniġġsu ħafna, b'mod partikolari meta jiġi ffaċilitat l-investiment fis-settur tal-enerġija; jistieden lill-BEI jżid is-self tiegħu għall-proġetti ta' infrastruttura pubblika li għandhom l-għan li jtaffu l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima (pereżempju, l-għargħar) u għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGHTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Karoline Graswander-Hainz, Heidi Hautala, Nadja Hirsch, Patricia Lalonde, Bernd Lange, David Martin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Viviane Reding, Tokia Saïfi, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bendt Bendtsen, Klaus Buchner, Nicola Danti, Agnes Jongerius, Sajjad Karim, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Mario Borghezio, Jacques Colombier

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

31

+

ALDE

Nadja Hirsch, Patricia Lalonde, Marietje Schaake, Hannu Takkula

ECR

David Campbell Bannerman, Sajjad Karim, Joachim Starbatty, Jan Zahradil

GUE/NGL

Helmut Scholz

PPE

Laima Liucija Andrikienė, Bendt Bendtsen, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Sorin Moisă, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Viviane Reding, Tokia Saïfi, Adam Szejnfeld, Jarosław Wałęsa, Iuliu Winkler

S&D

Nicola Danti, Karoline Graswander-Hainz, Agnes Jongerius, Bernd Lange, David Martin, Alessia Maria Mosca, Joachim Schuster

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Heidi Hautala

2

-

ENF

Mario Borghezio, Jacques Colombier

1

0

GUE/NGL

Anne-Marie Mineur

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

26.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Ryszard Czarnecki, Martina Dlabajová, Raffaele Fitto, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Wolf Klinz, Arndt Kohn, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Claudia Schmidt, Bart Staes, Indrek Tarand, Marco Valli, Derek Vaughan, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrey Novakov, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Ferrara, Norbert Lins, Lieve Wierinck


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

20

+

ALDE

Martina Dlabajová, Wolf Klinz, Lieve Wierinck

ECR

Ryszard Czarnecki

EFDD

Laura Ferrara, Marco Valli

PPE

Ingeborg Gräßle, Norbert Lins, Andrey Novakov, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Claudia Schmidt, Patricija Šulin, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Arndt Kohn, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes, Indrek Tarand

0

-

 

 

3

0

ECR

Raffaele Fitto

ENF

Jean-François Jalkh

GUE/NGL

Luke Ming Flanagan

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' April 2018Avviż legali