Proċedura : 2017/2010(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0141/2018

Testi mressqa :

A8-0141/2018

Dibattiti :

PV 17/04/2018 - 23

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0120

RAPPORT     
PDF 650kWORD 68k
09.4.2018
PE 612.381v02-00 A8-0141/2018

dwar ir-rapporti annwali 2015-2016 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

(2017/2010(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Mady Delvaux

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rapporti annwali 2015-2016 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

(2017/2010(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2003 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, u l-verżjoni l-aktar reċenti, il-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet,

–  wara li kkunsidra l-arranġamenti prattiċi li ġew miftiehma fit-22 ta' Lulju 2011 bejn is-servizzi kompetenti tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) f'każ ta' qbil fl-ewwel qari,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Mejju 2017 dwar ir-Rapport Annwali 2014 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità(1) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar ir-Rapporti Annwali 2012-2013 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali 2015 tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (COM(2016)0469) u r-rapport annwali tal-2016 tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (COM(2017)0600),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali 2015 tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-parlamenti nazzjonali (COM(2016)0471) u r-rapport annwali tal-2016 tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-parlamenti nazzjonali (COM(2017)0601),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet preċedenti kollha tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa ta' regolamentazzjoni aħjar sabiex jinkisbu riżultati aħjar għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tal-14 ta' Novembru 2017 dwar l-istabbiliment ta' Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u "Anqas Attività b'Aktar Effiċjenza" (C(2017)7810),

–  wara li kkunsidra r-rapporti biannwali tal-COSAC dwar l-Iżviluppi fil-Proċeduri u l-Prattiki tal-Unjoni Ewropea Rilevanti għall-Iskrutinju Parlamentari tad-19 ta' Ġunju 2014, tal-14 ta' Novembru 2014, tas-6 ta' Mejju 2015 u tal-4 ta' Novembru 2015, tat-18 ta' Mejju 2016, tat-18 ta' Ottubru 2016 u tat-3 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni ffirmat fil-5 ta' Frar 2014 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2015 tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-Sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0141/2018),

A.  billi l-2015 u l-2016 kienu l-ewwel sentejn sħaħ tal-Kummissjoni Juncker, li assumiet il-kariga tagħha f'Novembru 2014; billi l-President Juncker impenja ruħu li jpoġġi s-sussidjarjetà fil-qalba tal-proċess demokratiku Ewropew u li jiżgura konformità sħiħa mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità mal-proċess leġiżlattiv kollu;

B.  billi l-Ftehim Interistituzzjonali ġdid dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016(3) jinkludi impenn mit-tliet istituzzjonijiet li jirrispettaw u jimplimentaw il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

C.  billi fl-2015 il-Kummissjoni rċeviet tmien opinjonijiet motivati li jindirizzaw tliet proposti tal-Kummissjoni; billi l-għadd totali ta' sottomissjonijiet milqugħa mill-Kummissjoni dik is-sena kien ta' 350;

D.  billi fl-2016 il-Kummissjoni rċeviet 65 opinjoni motivata li indirizzaw 26 proposta tal-Kummissjoni; billi dan jikkostitwixxi 713 % aktar mit-tmien opinjonijiet motivati li waslu fl-2015, u t-tielet l-ogħla f'sena kalendarja minn mindu l-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà ġie introdott bit-Trattat ta' Lisbona fl-2009 (wara 84 fl-2012 u 70 fl-2013); billi l-għadd totali ta' sottomissjonijiet milqugħa mill-Kummissjoni dik is-sena kiber b'mod sinifikanti għal total ta' 620;

E.  billi, fid-19 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni adottat pakkett ta' miżuri ta' regolamentazzjoni aħjar b'Linji Gwida ġodda integrati ta' Regolamentazzjoni Aħjar, inkluża gwida aġġornata għall-valutazzjoni tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-impatt ta' inizjattivi ġodda;

F.  billi l-Kummissjoni fl-2015 varat is-sit web "Lighten the load - Have your say"(4), kif ukoll il-Pjattaforma REFIT (għal regolamentazzjoni effikaċi u effiċjenti), li jagħtu lill-partijiet interessati opportunitajiet addizzjonali biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe nuqqas fir-rigward tal-miżuri regolatorji eżistenti, inklużi kwistjonijiet dwar is-sussidjarjetà u/jew il-proporzjonalità;

G.  billi fl-2015 is-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ħejja 13-il stima inizjali, valutazzjoni tal-impatt waħda ta' emendi parlamentari sostantivi u sitt valutazzjonijiet tal-impatt ex post; billi ħejja wkoll erba' rapporti dwar il-kost tan-non-Ewropa u żewġ valutazzjonijiet tal-valur miżjud Ewropew; billi fl-2016 is-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ħejja 36 stima inizjali, valutazzjoni tal-impatt waħda ta' emendi parlamentari sostantivi u erbatax-il valutazzjoni tal-impatt ex post; billi ħejja wkoll seba' rapporti dwar il-kost tan-non-Ewropa u ħames valutazzjonijiet tal-valur miżjud Ewropew;

H.  billi s-setgħat delegati fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni jingħataw fejn ikun hemm ħtieġa ta' flessibilità u effiċjenza li ma jkunux jistgħu jitwettqu permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja; billi l-adozzjoni ta' regoli essenzjali għas-suġġett ikkonċernat hija riżervata għal-leġiżlaturi;

I.  billi s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma kunsiderazzjonijiet ewlenin fil-kuntest tal-valutazzjonijiet tal-impatt u tal-evalwazzjonijiet retrospettivi, li jivvalutaw jekk l-azzjonijiet fil-livell tal-UE għadhomx neċessarji, jekk l-objettiv tagħhom jistax jinkiseb b'mod aktar effikaċi permezz ta' mezzi oħra u jekk humiex fil-verità qed jagħtu r-riżultati mistennija f'termini ta' effiċjenza, effikaċja, koerenza, rilevanza u valur miżjud tal-UE;

J.  billi fl-2014 tliet kmamar nazzjonali (il-Folketing Daniż, it-Tweede Kamer Netherlandiża u l-House of Lords tar-Renju Unit) ħarġu rapporti bi proposti dettaljati dwar kif ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali jista' jissaħħaħ fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

1.  Ifakkar fl-importanza tar-rapporti annwali dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità mħejjija mill-Kummissjoni; josserva li r-rapporti annwali tal-Kummissjoni 2015 u 2016 huma aktar dettaljati u eżawrjenti minn dawk li jikkonċernaw is-snin preċedenti;

2.  Jenfasizza li huwa importanti li l-Unjoni Ewropea taġixxi biss fejn tista' żżid il-valur biex tnaqqas id-"defiċit demokratiku";

3.  Jissottolinja li s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma prinċipji fundamentali li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom iqisu meta jeżerċitaw il-kompetenzi tal-UE, biex jiżguraw li l-azzjonijiet tal-Unjoni jżidu l-valur; ifakkar li dawn il-prinċipji għandhom l-għan li jsaħħu l-funzjonament tal-Unjoni billi jiżguraw li l-azzjonijiet fil-livell tal-Unjoni jkunu neċessarji, li l-objettivi tagħhom ma jistgħux jintlaħqu b'mod adegwat mill-Istati Membri li jaġixxu individwalment, li n-natura u s-sustanza tagħhom ma jaqbżux dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati, u li dejjem jittieħdu fl-aktar livell xieraq ta' gvern; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jista' jsir abbuż minn dawn il-prinċipji biex iservu skopijiet kontra l-UE u jenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom joqogħdu għassa sabiex jipprevjenu u jikkontrobattu dan ir-riskju;

4.  Ifakkar li s-sussidjarjetà hija prinċipju fundamentali tal-federazzjonijiet kif ukoll kunċett ġuridiku indeterminat, li konsegwentement għandu jkun soġġett għal interpretazzjoni politika;

5.  Jifhem li l-prinċipju tas-sussidjarjetà ma jistax jintuża biex jinterpreta b'mod restrittiv is-setgħat assenjati lill-Unjoni bis-saħħa tat-Trattati;

6.  Iqis li kwalunkwe riflessjoni fuq is-sussidjarjetà u l-kontroll tagħha għandha ssir fil-kuntest tas-sejħiet li dejjem qed jiżdiedu miċ-ċittadini biex l-Unjoni tindirizza sfidi globali ewlenin bħal, inter alia, il-flussi finanzjarji interkontinentali, is-sigurtà, il-migrazzjoni u t-tibdil fil-klima;

7.  Jilqa' r-referenza għas-sussidjarjetà fid-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 2017; hu tal-fehma li s-sussidjarjetà għandu jkollha post prominenti fir-riflessjoni dwar il-ġejjieni tal-UE;

8.  Jinnota l-inizjattiva mħabbra mill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker fid-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni 2017, sabiex tinħoloq Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u "Anqas Attività b'Aktar Effiċjenza" li jkun immexxi mill-Viċi President tal-Kummissjoni Frans Timmermans; ifakkar li l-Parlament ikkunsidra li l-parteċipazzjoni fit-task force mwaqqfa mill-Kummissjoni ma tkunx tqis ir-rwol u l-istatus istituzzjonali tal-Parlament bħala l-unika Istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea eletta direttament li tirrappreżenta liċ-ċittadini fil-livell tal-Unjoni u teżerċita funzjonijiet ta' skrutinju politiku fuq il-Kummissjoni, u li, konsegwentement, iddeċieda li ma jaċċettax l-istedina biex jipparteċipa fit-task force;

9.  Jinnota l-metodoloġija tal-Kummissjoni fir-Rapporti Annwali 2015 u 2016, li fihom tintuża statistika biex opinjonijiet motivati mressqa mill-parlamenti nazzjonali dwar pakkett ta' proposti jiġu kklassifikati bħala opinjoni motivata waħda, aktar milli opinjoni motivata dwar kull waħda mill-proposti individwali;

10.  Japprezza li l-għadd ta' opinjonijiet motivati (65) imressqa mill-parlamenti nazzjonali fl-2016 hu t-tielet l-ogħla f'sena kalendarja sa mill-introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà fit-Trattat ta' Lisbona; jinnota l-qabża qawwija (+713 %), fil-konfront tat-tmien opinjonijiet motivati li ntlaqgħu fl-2015; jirrikonoxxi barra minn hekk, iż-żieda sinifikanti minn 350 għal 620 fl-għadd ta' opinjonijiet li ntlaqgħu mill-Kummissjoni fi ħdan il-qafas tad-djalogu politiku; jissottolinja li dawn ix-xejriet ħarġu fuq l-isfond ta' tnaqqis fl-attività leġiżlattiva, li juri wkoll li l-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali evolviet meta mqabbla mas-snin preċedenti; jilqa' l-interess partikolari fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-UE muri mill-parlamenti nazzjonali;

11.  Jilqa' l-fatt li aktar parlamenti nazzjonali ressqu opinjonijiet motivati (26 minn 41 fl-2016, meta mqabbla ma' tmienja fl-2015); jinnota d-differenza netta bejn il-kmamar attivi fi ħdan il-qafas tad-djalogu politiku u l-opinjonijiet motivati tagħhom; jissottolinja li l-interess tal-parlamenti nazzjonali f'li jinfluwenzaw il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE jmur lil hinn milli jidentifikaw dawk il-każijiet fejn is-sussidjarjetà tista' tkun problema; jinnota li s-setgħa tal-parlamenti nazzjonali li jimmonitorjaw ir-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità tinkludi wkoll id-dritt li jitolbu lil-leġiżlatur Ewropew biex jaġixxi f'livell Ewropew, jekk ikun meħtieġ;

12.  Jirrikonoxxi l-ħidma li saret mill-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt (IAB) u s-suċċessur tiegħu f'Lulju 2015, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB); jinnota li l-IAB u l-RSB qiesu li 23 % tal-valutazzjonijiet tal-impatt rieżaminati minnhom fl-2015 kienu jeħtieġu titjib rigward jewis-sussidjarjetà jew il-proporzjonalità jew inkella t-tnejn li huma; josserva li fl-2016 il-perċentwal tal-valutazzjonijiet tal-impatt li tqiesu mhux sodisfaċenti mill-RSB kien ta' 15 %; jilqa' l-fatt li dawn il-perċentwali naqsu meta mqabbla mas-snin preċedenti; jissottolinja li l-Kummissjoni rrieżaminat il-valutazzjonijiet tal-impatt kollha kkonċernati filwaqt li kkunsidrat l-analiżijiet mill-RSB;

13.  Jinnota li l-implimentazzjoni tal-aġenda ta' tfassil aħjar tal-liġijiet wasslet lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strumenti u proċeduri interni aktar b'saħħithom li għandhom l-għan li jevitaw il-ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jissottolinja li l-valutazzjonijiet tal-impatt huma strument ewlieni biex jiġi żgurat ir-rispett għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u biex jiġi promoss l-obbligu ta' rendikont; jenfasizza, b'mod partikolari, ir-rwol tal-RSB u jilqa' l-fatt li s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma parti mill-kontroll tal-kwalità li l-Bord iwettaq; jenfasizza, madankollu, li l-indipendenza tal-RSB tista' tissaħħaħ aktar;

14.  Jilqa' l-fatt li, f'Mejju 2015, il-Kummissjoni adottat pakkett ta' Regolamentazzjoni Aħjar ġdid sabiex tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE taqdi l-interess pubbliku b'mod aktar effikaċi u tiggarantixxi r-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità b'mod aktar komprensiv, li mbagħad se jikkontribwixxi għal livell ogħla ta' trasparenza fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE; iqis li dan il-qafas il-ġdid ta' Regolamentazzjoni Aħjar għandu jkun għodda biex l-Unjoni Ewropea taġixxi f'konformità sħiħa mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jenfasizza li, minkejja dan t'hawn fuq, filwaqt li l-qafas għandu jipprevedi testijiet li jivvalutaw il-konformità ma' dawn il-prinċipji sabiex jiżguraw li l-Unjoni taġixxi biss fejn iżżid il-valur, m'għandux jagħti lok għal dewmien bla bżonn fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti;

15.  Jilqa' l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni, fl-24 ta' Ottubru 2017, tal-komunikazzjoni tagħha intitolata "L-Ikkompletar tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar: Soluzzjonijiet aħjar għal riżultati aħjar", li fiha tistabbilixxi l-isforzi tagħha biex iżżid it-trasparenza, il-leġittimità u l-obbligu ta' rendikont tal-ħidma tagħha dwar tfassil aħjar tal-liġijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-proċess ta' konsultazzjoni u l-possibilitajiet għall-partijiet interessati li jipprovdu feedback dwar il-proposti tagħha;

16.  Jilqa' l-introduzzjoni mill-Kummissjoni, fl-2015, ta' mekkaniżmi ġodda ta' konsultazzjoni u feedback għal inizjattivi ġodda ta' politika;

17.  Jissottolinja l-importanza li l-ħtieġa għal inizjattivi leġiżlattivi u l-impatt tagħhom fuq is-setturi importanti kollha (ekonomiċi, ambjentali u soċjali) jiġu spjegati b'mod adegwat, bil-għan li jiġu rrispettati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

18.  Jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni biex "l-ewwel tevalwa" qabel ma tikkunsidra bidliet leġiżlattivi potenzjali; iqis, f'dan ir-rigward, li l-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien mill-qrib biex jiżguraw monitoraġġ, kejl u evalwazzjoni aħjar tal-impatt reali tar-regolamentazzjoni tal-UE fuq iċ-ċittadini, l-ekonomija, l-istruttura soċjali u l-ambjent;

19.  Jilqa' l-iffirmar mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fl-2016 ta' Ftehim Interistituzzjonali ġdid dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet; ifakkar li l-Kummissjoni hija impenjata li tispjega fil-memoranda ta' spjegazzjoni tagħha kif il-proposti tagħha huma ġġustifikati fid-dawl tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jilqa' l-fatt li, permezz tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tagħmel il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi tagħha disponibbli għall-parlamenti nazzjonali; ifakkar li dan il-ftehim enfasizza wkoll il-ħtieġa għal aktar trasparenza fil-proċedura leġiżlattiva u li l-informazzjoni mogħtija lill-parlamenti nazzjonali trid tippermettilhom jeżerċitaw b'mod sħiħ il-prerogattivi tagħhom skont it-Trattati;

20.  Jistieden lill-parlamenti nazzjonali jindikaw b'mod ċar mill-bidu li l-preżentazzjoni tagħhom hija opinjoni motivata taħt il-Protokoll (Nru 2) għat-Trattati u l-proposta leġiżlattiva jew il-proposti leġiżlattivi li tirreferi għaliha/għalihom, jiddikjaraw b'mod ċar ir-raġunijiet għala jikkunsidraw li l-proposta tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà, jinkludu sinteżi fil-qosor tar-raġunament, u jirrispettaw il-limitu taż-żmien ta' tmien ġimgħat mid-data tat-trażmissjoni tal-abbozz ta' att leġiżlattiv rilevanti; jinnota li dan se jiffaċilita trattament xieraq u f'waqtu ta' opinjonijiet motivati mill-istituzzjonijiet kollha involuti;

21.  Huwa tal-fehma li, wara l-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, l-involviment tal-parlamenti nazzjonali fil-proċeduri leġiżlattivi tal-UE żviluppa b'mod sinifikanti, permezz ta' kuntatti ma' parlamenti nazzjonali oħra; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jkomplu bil-kuntatti interparlamentari u jsaħħuhom aktar, anki fuq bażi bilaterali, bħala mezz biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u li dan isir b'viżjoni demokratika Ewropea, fejn l-Unjoni tista' żżid il-valur, u fi spirtu ta' solidarjetà, ibbażat fuq l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jissottolinja li dawn il-kuntatti jistgħu jiffaċilitaw skambju tal-aħjar prattiki rigward l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

22.  Jilqa' l-fatt li l-Parlament qed jiżvolġi rwol dejjem akbar u aktar regolari ta' interlokutur mal-parlamenti nazzjonali u ta' intermedjarju bejniethom fir-rigward tal-mekkaniżmi tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; iqis li t-tisħiħ tad-djalogu fil-livell politiku mal-parlamenti nazzjonali jista' jkun mezz biex jiġu razzjonalizzati l-verifiki tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità billi tiġi indirizzata aħjar is-sustanza tal-proposti leġiżlattivi;

23.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fl-2016 14-il kamra ta' 11-il parlament nazzjonali ppreżentaw opinjonijiet motivati dwar il-proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 96/71/KE tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi(5), u b'hekk intlaħaq il-livell limitu ta' terz tal-voti meħtieġa skont l-Artikolu 7(2) tal-Protokoll (Nru 2) għat-Trattati biex tiskatta l-hekk imsejħa proċedura tal-"karta safra"; ifakkar li l-argumenti mressqa mill-parlamenti nazzjonali kienu ġew diskussi fuq skala wiesgħa fil-Parlament Ewropew mal-Kummissjoni; jinnota li l-Kummissjoni impenjat ruħha mal-parlamenti nazzjonali fi ħdan il-qafas tal-COSAC; jinnota li l-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni li fiha tat raġunijiet estensivi għaż-żamma tal-proposta(6); iqis li, minkejja t-tħassib li tqajjem minn ċerti parlamenti nazzjonali, il-Kummissjoni, bl-argumenti li spjegat fil-komunikazzjoni, ikkonformat mal-obbligu tagħha li tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha;

24.  Jinnota li, fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq, seba' kmamar nazzjonali bagħtu opinjonijet fil-qafas tad-djalogu politiku, li prinċipalment ikkunsidraw il-proposta bħala kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; josserva li l-Kumitat tal-Grupp ta' Esperti tas-Sussidjarjetà tal-Kumitat tar-Reġjuni qies li l-objettiv tal-proposta jista' jintlaħaq aħjar fil-livell tal-UE;

25.  Ifakkar li l-proċedura tal-"karta safra" ntuża darbtejn fil-passat (darba fl-2012 u darba fl-2013), li, flimkien ma' din il-proċedura tal-"karta safra", juri li s-sistema taħdem u li l-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu faċilment u fi żmien xieraq jipparteċipaw fid-dibattitu dwar is-sussidjarjetà meta jkunu jixtiequ jagħmlu dan; iqis li, fi kwalunkwe każ, iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni tar-rwoli tal-parlamenti nazzjonali u l-kooperazzjoni aħjar bejniethom jistgħu jsaħħu l-monitoraġġ tas-sussidjarjetà ex ante;

26.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 7 tal-Protokoll (Nru 2) għat-Trattati, l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom iqisu l-opinjonijiet motivati maħruġa mill-parlamenti nazzjonali jew mill-kamra ta' parlament nazzjonali; jinnota li fil-passat ċerti parlamenti nazzjonali esprimew id-diżappunt tagħhom dwar it-tweġibiet mogħtija mill-Kummissjoni f'każijiet fejn skattat il-proċedura tal-"karti sofor"; josserva, madankollu, li l-Kummissjoni stabbiliet proċeduri biex tiżgura li tipprovdi lill-parlamenti nazzjonali b'reazzjonijiet sostantivi u politiċi għat-tħassib tagħhom f'waqthom; jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod sistematiku tgħaddi t-tweġibiet tagħha għall-opinjonijiet motivati lill-Parlament Ewropew;

27.  Jieħu nota tal-bidliet proposti minn xi parlamenti nazzjonali rigward il-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà; jilqa' l-konklużjoni milħuqa mill-COSAC li kwalunkwe titjib għall-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà ma għandux iwassal għal bidla fit-Trattat; jinnota li estensjoni tal-limitu ta' żmien ta' tmien ġimgħat li fih il-parlamenti nazzjonali jistgħu joħorġu opinjoni motivata teħtieġ emenda tat-Trattati jew tal-Protokolli tagħhom; ifakkar fil-kuntest tal-ittra tal-1 ta' Diċembru 2009 dwar l-arranġamenti prattiċi għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà mibgħuta mill-President u l-Viċi President tal-Kummissjoni lill-Presidenti tal-parlamenti nazzjonali, fejn il-Kummissjoni ddikjarat li, sabiex jitqiesu l-waqfiet tas-sajf tal-parlamenti nazzjonali, ix-xahar ta' Awwissu mhux se jiġi kkunsidrat meta tiġi stabbilita l-iskadenza msemmija fil-Protokoll Nru 2; ifakkar fis-suġġeriment li għamlu ċerti parlamenti nazzjonali dwar il-fatt li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll il-possibilità li teskludi l-waqfa ta' Diċembru tal-parlamenti nazzjonali mill-kalkolu ta' tmien ġimgħat;

28.  Jenfasizza li l-adozzjoni ta' atti legali tirrikjedi l-qbil ta' maġġoranza kbira fi ħdan il-Kunsill, li tinkludi l-ministri nazzjonali tal-Istati Membri kollha, li għandhom ikunu reponsabbli għall-parlamenti nazzjonali tagħhom;

29.  Jinnota li għadd ta' għodod li jippermettu lill-parlamenti nazzjonali u liċ-ċittadini jipparteċipaw f'kull stadju tal-proċess leġiżlattiv, li jiżguraw monitoraġġ tar-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, diġà jeżistu; iħeġġeġ, għalhekk, li jsir użu sħiħ minn dawn l-għodod eżistenti u jiġi evitat, fejn possibbli, il-ħolqien ta' strutturi amministrattivi saħansitra aktar kumplessi u proċeduri twal fi żminijiet meta l-UE qed titħabat biex tinftiehem miċ-ċittadini tagħha, dejjem bil-għan li jiġu rispettati u protetti d-drittijiet u l-interessi tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jorganizzaw kampanji ta' informazzjoni u seminars rilevanti, biex iċ-ċittadini jiġu infurmati b'mod preċiż dwar il-possibilitajiet tagħhom li jipparteċipaw f'kull stadju tal-proċess leġiżlattiv;

30.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni għandha tkun komprensiva u ċara biex tippermetti lill-partijiet affettwati jifhmu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom, inkluż ir-rappurtar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni xierqa, billi jiġu evitati spejjeż sproporzjonati, filwaqt li tkun prattika biex tiġi implimentata;

31.  Jenfasizza l-importanza li jiġi mħeġġeġ l-aċċess għall-valutazzjonijiet tal-impatt u l-pjanijiet direzzjonali mħejjija mill-Kummissjoni, li jkun hemm parteċipazzjoni f'konsultazzjonijiet pubbliċi u/jew konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati organizzati mill-Kummissjoni u/jew mill-Parlament Ewropew, u li jsiru suġġerimenti permezz tal-pjattaforma REFIT: "Lighten the load: Suggestions" ("Innaqqsu l-Piż: Suġġerimenti"); jinnota, f'dan ir-rigward, il-funzjonament bla xkiel tas-sit web u tal-programm tar-regolamentazzjoni (REFIT) effikaċi u effiċjenti, li daħal fis-seħħ fl-2016;

32.  Ifakkar fil-ħtieġa li jissaħħu l-formati eżistenti għall-kooperazzjoni u li jiġu stabbiliti għażliet biex tittejjeb il-pjattaforma IPEX sabiex titrawwem is-sensibilizzazzjoni tal-parlamenti nazzjonali dwar ir-rwol tagħhom fil-verifiki tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, biex tgħinhom jittrattaw b'mod aktar effiċjenti l-informazzjoni li jirċievu fl-ambitu tas-sistema ta' twissija bikrija u jtejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jagħtu opinjonijiet dwar proposti tal-Kummissjoni, li huma kollha disponibbli għal konsultazzjoni fi kwalunkwe ħin fuq id-database interna CONNECT; ifakkar li l-informazzjoni kollha hija disponibbli fuq il-pjattaforma REGPEX;

33.  Iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali jiżviluppaw aktar ir-relazzjonijiet tagħhom mal-Kumitat tar-Reġjuni, li għandu grupp ta' 12-il espert li jeżaminaw il-proposti leġiżlattivi fid-dawl tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

34.  Jilqa' l-interess muri minn uħud mill-parlamenti nazzjonali fl-eżerċitar ta' rwol aktar pożittiv u proattiv fl-affarijiet Ewropej permezz tal-użu ta' proċedura ta' "karta ħadra"; josserva li l-parlamenti nazzjonali għandhom fehmiet differenti dwar il-modalitajiet ta' din il-proċedura; iqis li mekkaniżmu informali bbażat fuq il-kooperazzjoni interparlamentari jista' jikkontribwixxi biex isaħħaħ id-djalogu politiku mal-parlamenti nazzjonali;

35.  Jinnota, fir-rigward ta' dan t'hawn fuq, li fl-2015 għoxrin kamra parlamentari ffirmaw b'mod konġunt jew appoġġjaw l-ewwel inizjattiva tal-"karta ħadra" dwar il-ħela tal-ikel, u li f'Lulju 2016 disat ikmamar parlamentari ffirmaw b'mod konġunt it-tieni "karta ħadra" u stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva li timplimenta l-prinċipji tar-responsabilità soċjali korporattiva fil-livell Ewropew; josserva li wħud mis-suġġerimenti fl-ewwel inizjattiva tal-"karta ħadra" ġew sussegwentement riflessi fil-pakkett rivedut ta' Ekonomija Ċirkolari adottat mill-Kummissjoni f'Diċembru 2015; josserva, għalhekk, li l-parlamenti nazzjonali diġà jaqdu rwol kostruttiv fil-qafas istituzzjonali u li ma hemmx bżonn, f'dan l-istadju, li joħolqu strutturi istituzzjonali u amministrattivi ġodda, ħaġa li tagħmel il-proċess kollu kkomplikat mingħajr bżonn;

36.  Josserva li fl-2016 uħud mill-parlamenti reġjonali infurmaw lill-Kummissjoni direttament dwar l-opinjonijiet tagħhom dwar ċerti proposti tal-Kummissjoni; jinnota li l-Kummissjoni qieset dawn il-fehmiet fejn xieraq; ifakkar li, skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll (Nru 2), huwa f'idejn kull parlament nazzjonali jew kull kamra ta' parlament nazzjonali li jikkonsultaw, fejn ikun xieraq, mal-parlamenti reġjonali li jkollhom setgħat leġiżlattivi;

37.  Jieħu nota tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fl-2015 u l-2016; jenfasizza li l-Qorti ddikjarat li l-osservanza mil-leġiżlatur tal-UE tal-obbligu li jiddikjara raġunijiet fir-rigward tas-sussidjarjetà għandha tiġi vvalutata mhux biss b'referenza għad-diċitura tal-att ikkontestat, iżda wkoll b'referenza għall-kuntest u ċ-ċirkostanzi tal-każ individwali, u li l-informazzjoni pprovduta għandha tkun suffiċjenti u komprensibbli mill-parlamenti nazzjonali, iċ-ċittadini u l-qrati; jenfasizza, barra minn hekk, li fir-rigward tal-proporzjonalità, il-Qorti kkonfermat li l-leġiżlatura tal-UE jeħtiġilha tingħata diskrezzjoni wiesgħa fl-oqsma li jinvolvu għażliet ta' natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom hija tintalab twettaq evalwazzjonijiet kumplessi;

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0210.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0103.

(3)

ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(4)

http://ec.europa.eu/smart-regulation/refit/simplification/consultation/contributions_mt.htm

(5)

COM(2016)0128.

(6)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2016 dwar il-proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, fir-rigward tal-priniċipju tas-sussidjarjetà, f'konformità mal-Protokoll Nru 2 (COM(2016)0505).


NOTA SPJEGATTIVA

Dan ir-rapport dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità għandu l-għan li janalizza l-applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji mill-istituzzjonijiet Ewropej u s-sħab tagħhom bil-ħsieb li jiġu ssodisfati l-aspettattivi taċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet nazzjonali tagħhom. Huwa wieħed mir-rapporti mfassla kull sena mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali. Minħabba l-akkumulazzjoni pendenti fl-adozzjoni ta' dawn ir-rapporti sa mill-bidu tal-leġiżlatura, ġie deċiż li l-analiżi għall-2015 tiġi amalgamata ma' dik għall-2016.

Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma prinċipji fundamentali inerenti għall-ġestjoni effiċjenti tal-Unjoni. It-Trattat ta' Lisbona ta prominenza lil dawn il-prinċipji, billi inkorporahom fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa regola dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Barra l-oqsma ta' kompetenza esklussiva, l-UE tista' tieħu azzjoni biss jekk tkun kapaċi taġixxi b'mod aktar effikaċi mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali jew lokali rispettiv tagħhom. Il-prinċipju tal-proporzjonalità jirrikjedi li l-mezzi użati mill-UE biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fit-Trattati ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ.

Dawn il-prinċipji jiżguraw proċess leġiżlattiv Ewropew effiċjenti filwaqt li jirrispettaw is-sovranità nazzjonali. Huwa dmirna li niżguraw li l-applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji żżomm dan il-bilanċ. Madankollu, politiċi Ewroxettiċi ilhom għadd ta' snin ifixklu dawn il-prinċipji biex jużawhom bħala arma kontra l-integrazzjoni Ewropea. Dan ir-rapport jenfasizza li dawn il-prinċipji jintużaw biex jappoġġjaw il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mhumiex ostaklu għall-effikaċja tagħha.

Fid-dawl tar-rapporti tal-Kummissjoni għall-2015 u l-2016, il-konklużjonijiet tal-COSAC, il-ħidma tal-Kumitat tar-Reġjuni u l-opinjonijiet u l-proposti tal-parlamenti nazzjonali, jidher li l-partijiet kollha qed jagħmlu sforz biex jaħdmu f'sinerġija. Dan ir-rapport jilqa' dan l-interess dejjem jikber fil-politika tal-UE minn diversi partijiet interessati.

B'mod partikolari, jidher li, sa mill-2014, l-għodod ġodda introdotti inter alia fil-qafas tal-programm REFIT għamluha possibbli li l-parlamenti nazzjonali jkunu involuti iktar fil-proċess leġiżlattiv. Huwa jenfasizza li l-Kummissjoni qed tkompli timplimenta l-programm imtejjeb tagħha ta' regolamentazzjoni aħjar u, b'differenza mir-rapport annwali preċedenti għall-2014, l-effetti issa qed jiġu kkunsidrati.

Minħabba li l-mekkaniżmi eżistenti kollha jippermettu liċ-ċittadini, lill-partijiet interessati u lill-parlamenti nazzjonali jinteraġixxu fl-istadji varji tal-proċess leġiżlattiv Ewropew, ir-rapport ma jirrakkomandax li jinħolqu mekkaniżmi ġodda. Ma niħdux wisq jekk nikkumplikaw is-sistema eżistenti; tabilħaqq, il-leġiżlatura attwali hija intiża biex tissemplifikaha. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità tkun moqdija sew bl-għoti ta' informazzjoni kompluta dwar l-użu ta' mekkaniżmi diġà disponibbli.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (28.2.2018)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar ir-Rapporti Annwali 2015-2016 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

(2017/2010(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Cristian Dan Preda

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Japprezza li l-għadd ta' opinjonijiet motivati (65) imressqa mill-parlamenti nazzjonali fl-2016 hu t-tielet l-ikbar wieħed f'sena kalendarja sa mill-introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà fit-Trattat ta' Lisbona; jinnota ż-żieda qawwija (+713 %), fir-rigward tat-tmien opinjonijiet motivati li ntlaqgħu fl-2015; jirrikonoxxi barra minn hekk, iż-żieda sinifikanti - minn 350 għal 620 - fl-għadd ta' opinjonijiet li ntlaqgħu mill-Kummissjoni fi ħdan il-qafas tad-djalogu politiku; jissottolinja li dawn ix-xejriet ħarġu fl-isfond ta' tnaqqis fl-attività leġiżlattiva, li juri wkoll li l-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali evolviet meta mqabbla mas-snin preċedenti; jilqa' l-interess partikolari fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-UE muri mill-parlamenti nazzjonali;

2.  Ifakkar fil-fatt li s-sussidjarjetà hija prinċipju fundamentali tal-federazzjonijiet kif ukoll kunċett ġuridiku indeterminat, li konsegwentement, għandu jkun soġġett għal interpretazzjoni politika;

3.  Jifhem li l-prinċipju tas-sussidjarjetà ma jistax jintuża biex jinterpreta s-setgħat assenjati lill-Unjoni bis-saħħa tat-Trattati b'mod restrittiv;

4.  Iqis li kwalunkwe riflessjoni fuq is-sussidjarjetà u l-kontroll tagħha għandha ssir fil-kuntest tas-sejħiet li dejjem qed jiżdiedu miċ-ċittadini biex l-Unjoni tindirizza sfidi globali ewlenin bħal, inter alia, il-flussi finanzjarji interkontinentali, is-sigurtà, il-migrazzjoni u t-tibdil fil-klima;

5.  Jinnota li fl-2016, it-tielet (u l-ewwel taħt il-mandat tal-Kummissjoni attwali) proċedura ta' "karta safra" skattat fir-rigward tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema (Direttiva 96/71/KE); jisħaq fuq il-fatt li ż-żieda fis-sensibilizzazzjoni tar-rwoli tal-parlamenti nazzjonali u l-kooperazzjoni aħjar bejniethom jistgħu jsaħħu l-monitoraġġ tas-sussidjarjetà ex ante;

6.  Jilqa' l-fatt li aktar parlamenti nazzjonali ressqu opinjonijiet motivati (26 minn 41 fl-2016, meta mqabbel ma' tmienja fl-2015); jinnota d-differenza netta bejn il-parlamenti attivi fi ħdan il-qafas tad-djalogu politiku u l-opinjonijiet motivati; jissottolinja li l-parlamenti nazzjonali għad għandhom interess akbar fl-influwenzar tal-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE milli fl-identifikar ta' dawk il-każijiet fejn is-sussidjarjetà tista' tkun problema; jinnota li s-setgħa tal-parlamenti nazzjonali li jimmonitorjaw ir-rispett għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità tinkludi wkoll id-dritt li jitolbu lil-leġislatur Ewropew biex jaġixxi f'livell Ewropew jekk ikun meħtieġ;

7.  Jilqa' l-fatt li l-Parlament qed iwettaq rwol dejjem akbar u aktar regolari ta' interlokutur mal-parlamenti nazzjonali u ta' intermedjarju bejniethom fir-rigward tal-mekkaniżmi tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; iqis li t-tisħiħ tad-djalogu fil-livell politiku mal-parlamenti nazzjonali jista' jkun mezz biex jiġu razzjonalizzati l-kontrolli tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità billi tiġi indirizzata aħjar is-sustanza tal-proposti leġiżlattivi;

8.  Ifakkar fil-ħtieġa li jissaħħu l-formati eżistenti għall-kooperazzjoni u li jiġu stabbiliti għażliet biex tittejjeb il-pjattaforma IPEX sabiex titrawwem is-sensibilizzazzjoni tal-parlamenti nazzjonali dwar ir-rwol tagħhom fil-kontrolli tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, biex tgħinhom jittrattaw b'mod aktar effiċjenti l-informazzjoni li jirċievu fl-ambitu tas-sistema ta' twissija bikrija u jtejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tagħhom;

9.  Ifaħħar it-tqegħid tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fil-qalba tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-UE, kif jidher mill-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni u mill-adozzjoni tal-Pakkett ta' Regolamentazzjoni Aħjar; jilqa' l-adozzjoni ta' dan il-pakkett, li se jiżgura li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jiġu applikati b'mod aktar integrat u komprensiv, li mbagħad jikkontribwixxi għal livell ogħla ta' trasparenza fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE; jilqa' l-fatt li, permezz tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-Kummissjoni impenjat ruħha biex tagħmel il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi tagħha disponibbli għall-parlamenti nazzjonali; ifakkar fil-fatt li dan il-ftehim enfasizza wkoll il-ħtieġa għal aktar trasparenza fil-proċedura leġiżlattiva u li l-informazzjoni mogħtija lill-parlamenti nazzjonali trid tippermettilhom jeżerċitaw b'mod sħiħ il-prerogattivi tagħhom skont it-trattati; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-kwalità tal-memoranda tan-noti spjegattivi tagħha dwar is-sussidjarjetà u l-livell tal-involviment tagħha ma' opinjonijiet motivati;

10.  Jinnota li l-implimentazzjoni tal-aġenda ta' tfassil aħjar tal-liġijiet wasslet lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strumenti u proċeduri interni aktar b'saħħithom li għandhom l-għan li jevitaw il-ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jissottolinja li l-valutazzjonijiet tal-impatt huma strument ewlieni biex jiġi żgurat ir-rispett għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u biex jiġi promoss l-obbligu ta' rendikont; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tpoġġi aktar enfasi fuq is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità meta twettaq il-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha fil-qafas tal-linji gwida dwar regolamentazzjoni aħjar; jenfasizza, b'mod partikolari, ir-rwol tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju u jilqa' l-fatt li s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità issa huma parti mill-kontroll tal-kwalità li jwettaq il-Bord; jenfasizza, madankollu, li l-indipendenza tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tista' tissaħħaħ aktar;

11.  Itenni l-bżonn, sabiex il-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jipparteċipaw b'aktar reqqa fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE, li tissaħħaħ il-flessibbiltà tas-sistema ta' twissija bikrija, b'mod partikolari l-perjodu ta' tmien ġimgħat biex jitressqu l-opinjonijiet motivati, fi ħdan il-limiti tat-Trattati tal-UE, u li tiġi kkunsidrata l-estensjoni formali tiegħu, jekk it-Trattati jiġu emendati; jisħaq fuq il-ħtieġa li tkompli ssir riflessjoni dwar l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu, f'konformità mal-proposti li jinsabu fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-parlamenti nazzjonali, li abbażi tiegħu jistgħu jitressqu opinjonijiet motivati lill-Kummissjoni bil-għan li jinfluwenzaw b'mod pożittiv lill-politiki tal-UE; jemmen li dan jista' jirrappreżenta strument pożittiv u kostruttiv biex il-parlamenti nazzjonali jiġu involuti aktar fil-proċess leġiżlattiv tal-UE;

12.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu għal uħud mit-tweġibiet tal-Kummissjoni lill-parlamenti nazzjonali f'każijiet fejn inħarġu karti sofor; jemmen li huwa neċessarju li l-Kummissjoni tirrispondi b'mod komprensiv għal kwalunkwe tħassib li jqajmu l-parlamenti nazzjonali; jissottolinja l-importanza li jingħataw spjegazzjonijiet adegwati dwar il-ħtieġa għal inizjattivi leġiżlattivi u l-impatt tagħhom, b'mod partikolari fuq l-ekonomija, l-ambjent u s-soċjetà, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

13.  Jinnota l-ħolqien tat-Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u l-inizjattiva "Isir Inqas b'Mod Iktar Effiċjenti"; iqis li t-Task Force se tagħti ħarsa kritika lejn l-oqsma kollha ta' politika biex tiżgura li l-UE taġixxi biss f'każijiet fejn l-azzjoni tagħha toffri valur miżjud; jistieden lill-Kummissjoni tiddeskrivi f'aktar dettall is-setgħat u l-modus operandi maħsub; jistenna bil-ħerqa r-rapport tat-Task Force, previst għall-15 ta' Lulju 2018, li għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif l-Unjoni Ewropea tista' tqis aħjar il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, kemm fir-rigward tal-attribuzzjoni u l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha, kif ukoll fl-identifikazzjoni ta' modi biex tinvolvi aktar lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-tfassil tal-politiki tal-UE; iqis li din l-inizjattiva tista' tikkontribwixxi biex jiġu identifikati s-sitwazzjonijiet li fihom l-Unjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali jistgħu jwettqu azzjoni partikolari b'mod xieraq u aktar effikaċi; jesprimi t-tama tiegħu li l-Kummissjoni timplimenta b'mod rapidu l-proposti mressqa f'dan il-qafas;

14.  Iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jagħtu opinjonijiet dwar proposti tal-Kummissjoni, li huma kollha disponibbli għal konsultazzjoni fi kwalunkwe ħin fuq id-database interna CONNECT; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali jiżviluppaw aktar ir-relazzjonijiet tagħhom mal-Kumitat tar-Reġjuni, li għandu grupp ta' esperti li jeżaminaw il-proposti leġiżlattivi fid-dawl tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; iqis li mekkaniżmu informali bbażat fuq il-kooperazzjoni interparlamentari jista' jikkontribwixxi biex isaħħaħ id-djalogu politiku mal-parlamenti nazzjonali;

15.  Jisħaq fuq il-fatt li l-adozzjoni ta' atti legali tirrikjedi l-qbil ta' maġġoranza kbira fi ħdan il-Kunsill, li tinkludi lill-ministri nazzjonali tal-Istati Membri kollha, li għandhom obbligu ta' rendikont lejn il-parlamenti nazzjonali tagħhom;

16.  Jilqa' r-referenza għas-sussidjarjetà fid-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 2017; hu tal-fehma li s-sussidjarjetà għandu jkollha post prominenti fir-riflessjoni dwar il-ġejjieni tal-UE.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGHTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mercedes Bresso, Richard Corbett, Pascal Durand, Danuta Maria Hübner, Diane James, Ramón Jáuregui Atondo, Morten Messerschmidt, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Pedro Silva Pereira, Barbara Spinelli, Kazimierz Michał Ujazdowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Enrique Guerrero Salom, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Jérôme Lavrilleux, Mairead McGuinness, Cristian Dan Preda, Jasenko Selimovic

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Eleonora Evi, Seán Kelly, Jeroen Lenaers, Ramón Luis Valcárcel Siso

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

21

+

ALDE

Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jasenko Selimovic

ECR

Morten Messerschmidt, Kazimierz Michał Ujazdowski

EFDD

Eleonora Evi

GUE/NGL

Barbara Spinelli

PPE

Danuta Maria Hübner, Seán Kelly, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Mairead McGuinness, Cristian Dan Preda, Ramón Luis Valcárcel Siso

S&D

Mercedes Bresso, Richard Corbett, Enrique Guerrero Salom, Ramón Jáuregui Atondo, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Pedro Silva Pereira

VERTS/ALE

Max Andersson, Pascal Durand

1

-

NI

Diane James

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

27.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Kostas Chrysogonos, Rosa Estaràs Ferragut, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvia-Yvonne Kaufmann, António Marinho e Pinto, Emil Radev, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, József Szájer, Axel Voss, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Luis de Grandes Pascual, Pascal Durand, Angel Dzhambazki, Evelyne Gebhardt, Angelika Niebler, Virginie Rozière, Rainer Wieland

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Mylène Troszczynski


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

19

+

ALDE

António Marinho e Pinto

EFDD

Joëlle Bergeron

GUE/NGL

Kostas Chrysogonos

PPE

Rosa Estaràs Ferragut, Luis de Grandes Pascual, Emil Radev, Pavel Svoboda, József Szájer, Rainer Wieland, Francis Zammit Dimech

S&D

Enrico Gasbarra, Evelyne Gebhardt, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Evelyn Regner, Virginie Rozière

VERTS/ALE

Max Andersson, Pascal Durand, Julia Reda

0

-

 

 

3

0

ECR

Angel Dzhambazki

ENF

Marie-Christine Boutonnet, Mylène Troszczynski

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' April 2018Avviż legali