Proċedura : 2017/2209(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0144/2018

Testi mressqa :

A8-0144/2018

Dibattiti :

PV 02/05/2018 - 33
CRE 02/05/2018 - 33

Votazzjonijiet :

PV 03/05/2018 - 7.15
CRE 03/05/2018 - 7.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0204

RAPPORT     
PDF 948kWORD 93k
12.4.2018
PE 613.557v02-00 A8-0144/2018

dwar il-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja fl-Unjoni Ewropea

(2017/2209(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Barbara Spinelli

Rapporteur għal opinjoni (*):

Curzio Maltese, għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

(*) Kumitati assoċjati – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja fl-Unjoni Ewropea

(2017/2209(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6, 7, 9, 10, 11 u 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 9, 10 u 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) kif ukoll il-Karta Soċjali Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (ICERD), adottata u miftuħa għall-iffirmar u r-ratifika bir-riżoluzzjoni 2106 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-21 ta' Diċembru 1965,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 29 tat-TUE dwar is-Sistema tax-Xandir Pubbliku fl-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar il-Libertà tal-Istampa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri u tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll l-opinjonijiet u l-Lista ta' Kriterji ta' Valutazzjoni tal-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni ta' Venezja,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kunsill tal-Ewropa bit-titolu "Journalists under pressure – Unwarranted interference, fear and self-censorship in Europe" (Ġurnalisti taħt pressjoni – Indħil, biża' u awtoċensura inġustifikati fl-Ewropa),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 34 tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU kif ukoll r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tan-NU dwar is-Sikurezza tal-Ġurnalisti u l-Kwistjoni tal-Impunità,

–  wara li kkunsidra l-ħidma mwettqa mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) dwar il-libertà tal-midja, b'mod partikolari tar-Rappreżentant tagħha għal-Libertà tal-Midja,

–  wara li kkunsidra l-ħidma li għamlet il-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u għas-sikurezza tal-ġurnalisti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-libertà ta' espressjoni u dwar il-"fake news", id-diżinformazzjoni u l-propaganda maħruġa fit-3 ta' Marzu 2017 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni, mir-Rappreżentant tal-OSKE għal-libertà tal-midja, mir-Rapporeur Speċjali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) għal-libertà ta' espressjoni u mir-Rapporteur Speċjali tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR) għal-libertà ta' espressjoni u l-aċċess għall-informazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa ppubblikati minn Reporters mingħajr fruntieri u dawk tal-Osservatorju tal-Pluraliżmu tal-Midja taċ-Ċentru għall-Pluraliżmu u l-Libertà tal-Midja tal-Istitut Universitarju Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dokument strateġiku bit-titolu "Defining Defamation: Principles on Freedom of Expression and Protection of Reputation" (Definizzjoni tal-malafama: prinċipji dwar il-libertà ta' espressjoni u l-ħarsien tar-reputazzjoni), ippubblikat minn ARTICLE 19,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2013 dwar il-Karta tal-UE: regoli komuni għal-libertà tal-media fl-UE kollha(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern(3) u tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar is-Segwitu għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar is-sorveljanza elettronika tal-massa taċ-ċittadini tal-UE(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar id-demokrazija elettronika fl-Unjoni Ewropea: potenzjal u sfidi(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE(7) u tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar miżuri leġittimi għall-ħarsien ta' informaturi li jkunu qed jaġixxu fl-interess pubbliku meta jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali dwar kumpaniji u korpi pubbliċi(8),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-libertà u l-pluraliżmu tal-media fl-ambjent diġitali(9),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline u l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar is-sostenn tal-UE għal-libertà tal-midja u għall-integrità tal-midja fil-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni għall-perjodu 2014-2020,

–  wara li kkunsidra l-Kollokwiju Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-2016 organizzat mill-Kummissjoni, bit-titolu "Pluraliżmu tal-midja u demokrazija", u l-kontributi rilevanti ppubblikati mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Grupp ta' Livell Għoli ta' Esperti dwar l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni online maħtur mill-Kummissjoni Ewropea biex jagħti pariri dwar il-firxa tal-fenomenu tal-aħbarijiet foloz kif ukoll dwar id-definizzjoni tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni nru 5/2016 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) dwar ir-rieżami tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika (2002/58/KE),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI(10),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-sigurtà u d-difiża tat-22 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0144/2018),

A.  billi d-dritt għal-libertà ta' espressjoni u d-dritt għal-libertà ta' opinjoni huma drittijiet tal-bniedem fundamentali u jirrappreżentaw kundizzjoni indispensabbli għall-iżvilupp sħiħ tal-individwi u għall-parteċipazzjoni attiva tagħhom f'soċjetà demokratika, għar-realizzazzjoni tal-prinċipji ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont u għar-rispett ta' drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali oħra;

B.  billi l-pluraliżmu ma jistax jinfired mil-libertà, mid-demokrazija u mill-istat tad-dritt;

C.  billi d-dritt li wieħed jinforma kif ukoll id-dritt li wieħed jiġi infurmat huma parti mill-valuri demokratiċi bażiċi ewlenin li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea;

D.  billi l-importanza ta' midja pluralistika, indipendenti u affidabbli bħala gwardjana u sorveljatriċi tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt ma tistax tiġi sottovalutata;

E.  billi l-libertà, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-midja huma elementi essenzjali tad-dritt għal-libertà ta' espressjoni; billi l-midja taqdi rwol essenzjali fis-soċjetà demokratika, peress li jaġixxu ta' għassiesa pubbliċi, filwaqt li fl-istess ħin jgħinu biex jinfurmaw u jirresponsabilizzaw liċ-ċittadini, permezz tat-twessigħ tal-fehim tagħhom tax-xenarju politiku u soċjali kurrenti, u billi jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni konxja tagħhom fil-ħajja demokratika; billi l-kamp ta' applikazzjoni ta' rwol bħal dan jenħtieġ li jiġi estiż sabiex jinkludi wkoll il-ġurnaliżmu online u parteċipattiv, kif ukoll ix-xogħol tal-bloggers, tal-utenti tal-internet, tal-attivisti tal-midja soċjali u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'tali mod li jirrifletti r-realtà tal-midja li llum inbidlet radikalment filwaqt li tiġi rispettata l-privatezza; billi n-newtralità tal-internet hija prinċipju essenzjali għal internet miftuħ;

F.  billi l-aħbarijiet foloz, il-bullying fuq l-internet u l-vendetta pornografika jirrappreżentaw tħassib dejjem akbar għas-soċjetajiet tagħna, b'mod speċjali fost iż-żgħażagħ;

G.  billi t-tixrid tal-aħbarijiet foloz u tad-diżinformazzjoni fuq il-midja soċjali jew fuq is-siti web tat-tiftix xekkel b'mod qawwi l-kredibbiltà tal-midja tradizzjonali li konsegwentement ixekkel il-kapaċità tagħhom li jaġixxu ta' għassiesa;

H.  billi l-awtoritajiet pubbliċi mhux biss għandhom id-dmir li jastjenu milli jimponu restrizzjonijiet għal-libertà ta' espressjoni, iżda għandhom ukoll l-obbligu pożittiv li jadottaw qafas ġuridiku u regolatorju li jrawwem il-libertà, l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja;

I.  billi, skont l-Artikoli 2 u 4 tal-ICERD u l-Artikolu 30 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-libertà ta' espressjoni ma għandha qatt tintuża biex tiddefendi espressjonijiet li jiksru l-Konvenzjoni u d-Dikjarazzjoni, bħalma hu d-diskors ta' mibegħda jew il-propaganda bbażati fuq ideat jew teoriji tas-superjorità ta' razza partikolari jew ta' grupp ta' persuni ta' kulur partikolari, jew ta' grupp etniku, jew li jippruvaw jiġġustifikaw jew jippromwovu l-mibgħeda razzjali u d-diskriminazzjoni ta' kwalunkwe forma;

J.  billi l-awtoritajiet pubbliċi għandhom id-dmir li jipproteġu l-indipendenza u l-imparzjalità tal-midja pubblika b'mod partikolari bħala atturi li jaqdu lis-soċjetajiet demokratiċi minflok li jissodisfaw l-interess tal-gvernijiet li jkunu jinsabu fil-poter;

K.  billi jenħtieġ ukoll li l-awtoritajiet pubbliċi jiżguraw li l-midja tirrispetta l-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ;

L.  billi l-iżviluppi politiċi reċenti f'diversi Stati Membri, fejn in-nazzjonaliżmu u l-populiżmu qed jikbru, wasslu għal żieda fil-pressjonijiet u fit-theddid kontra l-ġurnalisti, sitwazzjoni li turi li l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha tiżgura, tippromwovi u tiddefendi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja;

M.  billi, skont il-Kunsill tal-Ewropa, l-abbużi u r-reati kommessi mill-atturi statali u mhux statali fil-konfront tal-ġurnalisti għandhom effett gravi u dissważiv fuq il-libertà ta' espressjoni; billi r-riskju u l-frekwenza tal-indħil inġustifikat iżidu s-sens ta' biża' fost il-ġurnalisti, il-ġurnalisti parteċipattivi, il-bloggers u l-atturi l-oħra fl-informazzjoni, u dan iwassal għal grad potenzjalment għoli ta' awtoċensura filwaqt li jimmina d-drittijiet taċ-ċittadini għall-informazzjoni u għall-parteċipazzjoni;

N.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni fakkar f'Settembru 2016 li l-gvernijiet għandhom ir-responsabbiltà mhux biss li jirrispettaw il-ġurnaliżmu iżda wkoll li jiżguraw li l-ġurnalisti u s-sorsi tagħhom ikunu protetti b'liġijiet b'saħħithom, bil-prosekuzzjonijiet tal-awturi ta' reati u ħafna sigurtà fejn meħtieġ;

O.  billi l-ġurnalisti u atturi oħra tal-midja għadhom qed jiffaċċjaw vjolenza, theddid, fastidju jew diżunur pubbliku fl-Unjoni Ewropea prinċipalment minħabba l-attivitajiet investigattivi tagħhom biex jipproteġu l-interess pubbliku mill-użu ħażin tal-poter, il-korruzzjoni, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew l-attivitajiet kriminali;

P.  billi l-garanzija tas-sikurezza u tas-sigurtà tal-ġurnalisti u ta' atturi oħra tal-midja hija prekundizzjoni biex huma jkunu jistgħu jaqdu bis-sħiħ ir-rwol tagħhom u jeżerċitaw għalkollox il-kapaċità tagħhom li jinfurmaw kif xieraq liċ-ċittadini u jieħdu sehem b'mod effettiv fid-dibattitu pubbliku;

Q.  billi, skont il-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti, aktar minn nofs il-każijiet ta' abbuż kontra l-professjonisti tal-midja jitwettqu minn atturi statali;

R.  billi l-ġurnaliżmu investigattiv jenħtieġ li jiġi promoss bħala sura ta' impenn ċiviku u bħala att ta' virtù ċivika appoġġjat mill-komunikazzjoni, it-tagħlim, l-edukazzjoni u t-taħriġ;

S.  billi l-evoluzzjoni radikali tas-sistema tal-midja, it-tkabbir rapidu tad-dimensjoni online tal-pluraliżmu tal-midja u ż-żieda tal-magni tat-tiftix u l-pjattaformi tal-midja soċjali bħala għejun tal-aħbarijiet jirrappreżenta kemm sfida kif ukoll opportunità għall-promozzjoni tal-libertà tal-espressjoni, għad-demokratizzazzjoni tal-produzzjoni tal-aħbarijiet billi jinvolvu liċ-ċittadini fid-dibattitu pubbliku, u għall-konverżjoni ta' għadd dejjem akbar ta' utenti tal-informazzjoni fi produtturi tal-informazzjoni; billi, madankollu, il-konċentrazzjoni tal-poter tal-konglomerati tal-midja, l-operaturi tal-pjattaformi u l-intermedjarji tal-internet, u l-kontroll tal-midja minn korporazzjonijiet ekonomiċi u atturi politiċi jirriskjaw li jikkawżaw konsegwenzi negattivi għall-pluraliżmu tad-dibattitu pubbliku u l-aċċess għall-informazzjoni u jirriskjaq ukoll li jkollhom impatt fuq il-libertà, l-integrità, il-kwalità u l-indipendenza editorjali tal-ġurnaliżmu u tal-midja tax-xandir; billi huma meħtieġa kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fil-livell Ewropew biex jiġi żgurat li l-magni tat-tiftix, il-pjattaformi tal-midja soċjali u ġganti oħra tat-teknoloġija avvanzata jirrispettaw ir-regoli tas-suq uniku diġitali tal-UE, f'oqsma bħalma huma l-privatezza elettronika u l-kompetizzjoni;

T.  billi l-ġurnalisti jirrikjedu aċċess dirett, immedjat u mingħajr xkiel għall-informazzjoni mill-amministrazzjonijiet pubbliċi biex ikunu jistgħu jżommu lill-awtoritajiet responsabbli kif xieraq;

U.  billi kemm l-informazzjoni miksuba abbażi tad-dritt ta' inkjesta kif ukoll l-informazzjoni miksuba permezz ta' informaturi jikkomplementaw lil xulxin u billi t-tnejn huma essenzjali biex ul-ġurnalisti jkunu kapaċi jaqdu l-missjoni tagħhom li jaġixxu fl-interess pubbliku;

V.  billi l-ġurnalisti jirrikjedu l-aktar protezzjoni legali sħiħa biex jużaw u jxerrdu din l-informazzjoni ta' interess pubbliku fil-linja tax-xogħol tagħhom;

W.  billi d-dritt li tintalab u li tasal l-informazzjoni mingħand l-amministrazzjonijiet pubbliċi għadu mhux uniformi u mhux komplet fl-Unjoni Ewropea;

X.  billi s-settur tal-midja jaqdi rwol ewlieni fi kwalunkwe soċjetà demokratika; billi l-effett tal-kriżi ekonomika, flimkien mat-tkabbir simultanju tal-pjattaformi tal-midja soċjali u ta' ġganti oħra tat-teknoloġija avvanzata u l-introjti mir-reklamar ferm selettiv, żiedu b'mod drammatiku l-prekarjetà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-insigurtà soċjali tal-atturi fis-settur tal-midja, inklużi l-ġurnalisti indipendenti, u dan iwassal biex jaqgħu b'mod drammatiku l-istandards professjonali, soċjali u tal-kwalità fil-ġurnaliżmu li jista' jaffettwa b'mod negattiv l-indipendenza editorjali tagħhom;

Y.  billi l-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew tal-Kunsill tal-Ewropa ddenunzja l-ħolqien ta' duwopolju diġitali, fejn Google u Facebook jirrappreżentaw sa 85 % tat-tkabbir kollu tas-suq tar-reklamar diġitali fl-2016, fatt li qed jipperikola l-futur tal-kumpaniji tal-midja tradizzjonali ffinanzjati mir-reklamar, bħalma huma l-istazzjonijiet tat-TV kummerċjali, il-gazzetti u r-rivisti li jilħqu udjenza ferm aktar limitata;

Z.  billi, fil-kuntest tal-politika tat-tkabbir, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tesiġi r-rispett totali tal-kriterji ta' Copenhagen, fosthom il-libertà ta' espressjoni u tal-midja, u għalhekk jenħtieġ li l-UE tistabbilixxi l-eżempju tal-ogħla standards f'dan il-qasam; billi l-istati, ladarba jsiru membri tal-UE, huma kontinwament u mingħajr l-ebda dubju marbuta mill-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem bis-saħħa tat-Trattati tal-UE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u r-rispett għal-libertà ta' espressjoni u għall-midja fl-Istati Membri tal-UE jenħtieġ li jkun soġġett għal skrutinju regolari; billi l-UE tista' tkun kredibbli biss fix-xena dinjija jekk il-libertà tal-istampa u tal-midja huma salvagwardati u rrispettati fl-Unjoni nnifisha;

AA.  billi r-riċerka b'mod konsistenti ssib evidenza li n-nisa jinsabu fil-minoranza fis-setturi kollha tal-midja, b'mod partikolari fi rwoli kreattivi, u għandhom nuqqas sever ta' rappreżentanza f'livelli għoljin ta' teħid tad-deċiżjonijiet; billi l-istudji dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ġurnaliżmu jissuġġerixxu li, filwaqt li hemm bilanċ bejn is-sessi relattivament tajjeb fost dawk li jidħlu ġodda fil-professjoni tal-ġurnaliżmu, id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet għat-teħid tad-deċiżjonijiet hija kkaratterizzata minn disparità sinifikanti bejn is-sessi;

AB.  billi d-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tat-TUE, li jiżguraw ir-rispett għal dawn il-prinċipji huma segwiti permezz ta' azzjonijiet pożittivi li jippromwovu l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, jippromwovu l-kwalità tal-informazzjoni, l-aċċess għaliha u d-disponibbiltà tagħha (libertà pożittiva), iżda jirrikjedu wkoll l-ommissjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiġu evitati aggressjonijiet ta' ħsara (libertà negattiva);

AC.  billi s-sorveljanza illeġittima u arbitrarja, partikolarment meta ssir fuq skala kbira, hija inkompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u mal-libertajiet fundamentali, fost oħrajn il-libertà ta' espressjoni, inkluża l-libertà tal-istampa u l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ġurnalistiċi, id-dritt għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data; billi l-internet u l-midja soċjali jaqdu rwol fit-tixrid tad-diskors ta' mibegħda u fit-trawwim tar-radikalizzazzjoni li jwasslu għal estremiżmu vjolenti billi jiċċirkolaw kontenut illegali, speċjalment għad-detriment taż-żgħażagħ; billi l-indirizzar determinat ta' dawn il-fenomeni jirrikjedi kollaborazzjoni mill-qrib u koordinata bejn l-atturi relevanti kollha, fil-livelli kollha ta' governanza (lokali, reġjonali u nazzjonali) kif ukoll mas-soċjetà ċivili u mas-settur privat; billi l-liġijiet u l-attivitajiet effettivi fil-qasam tas-sigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif ukoll il-miżuri mmirati biex jiġġieldu lid-diskors ta' mibegħda u lill-estremiżmu vjolenti u t-tixrid tal-mibegħda u jipprevenuhom jenħtieġ li dejjem ikunu s-suġġett tal-obbligi tad-drittijiet fundamentali, sabiex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt mal-protezzjoni tal-libertà ta' espressjoni;

AD.  billi, kif jiddikjara l-Kunsill tal-Ewropa, l-iżvelar ta' informazzjoni protetta huwa aspett fundamentali tal-libertà ta' espressjoni u jaqdi rwol essenzjali fl-identifikar u fir-rappurtar ta' irregolaritajiet u ta' għemil ħażin, u fit-tisħiħ tar-responsabbiltà demokratika u tat-trasparenza; billi l-iżvelar ta' informazzjoni protetta jirrappreżenta għajn ewlieni ta' informazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, fl-investigar, fl-identifikar u fl-ippubblikar ta' każijiet ta' korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat kif ukoll fid-detezzjoni ta' skemi ta' evitar tat-taxxa stabbiliti minn kumpaniji privati; billi l-protezzjoni adegwata tal-informaturi fil-livell tal-UE, f'dak nazzjonali u f'dak internazzjonali, kif ukoll il-promozzjoni ta' kultura ta' rikonoxximent tar-rwol importanti moqdi mill-informaturi fis-soċjetà, huma prerekwiżiti sabiex tiġi żgurata l-effettività ta' dan ir-rwol;

AE.  billi, fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-amministrazzjoni ħażina fl-UE, il-ġurnaliżmu investigattiv jenħtieġ li jingħata kunsiderazzjoni partikolari u appoġġ finanzjarju bħala għodda li taqdi l-ġid pubbliku;

AF.  billi, skont is-sejbiet tal-Osservatorju tal-Pluraliżmu tal-Midja, is-sjieda tal-midja għadha kkonċentrata ħafna u dan jikkostitwixxi riskju sinifikanti għad-diversità tal-informazzjoni u għall-fehmiet rappreżentati fil-kontenut tal-midja;

AG.  billi l-kopertura tal-affarijiet tal-UE u tax-xogħol tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji tal-UE jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-kriterji tal-pluraliżmu tal-midja u tal-libertà tal-midja, taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-kopertura tal-aħbarijiet nazzjonali, u jenħtieġ li jkollha appoġġ multilingwi biex tilħaq in-numru massimu ta' ċittadini tal-UE;

1.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa, inkluż l-iżgurar ta' finanzjament pubbliku adegwat, għas-salvagwardja u għall-promozzjoni tal-pluraliżmu, tal-indipendenza u tal-libertà tal-panorama medjatiku għas-servizz tas-soċjetà demokratika, inklużi l-indipendenza u s-sostenibbiltà tal-midja tas-servizz pubbliku u tal-midja tal-komunitajiet u l-midja parteċipattiva, li huma elementi kruċjali ta' ambjent favorevoli biex jiġi ggarantit id-dritt fundamentali għal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni;

2.  Jenfasizza r-responsabbiltà kondiviża ta' dawk li jfasslu l-liġijiet, il-ġurnalisti, il-pubblikaturi u l-intermedjarji tal-internet, iżda wkoll taċ-ċittadini bħala konsumaturi tal-informazzjoni;

3.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jiggarantixxu l-implimentazzjoni sħiħa tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fid-deċiżjonijiet, fl-azzjonijiet u fil-politiki kollha tagħhom, bil-għan li jiġi żgurat ir-rispett totali tal-pluraliżmu u tal-libertà tal-midja minn influwenza indebita mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tintroduċi valutazzjonijiet tar-riskju fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għall-evalwazzjoni tal-proposti leġiżlattivi tagħha u tippreżenta proposta għall-ħolqien ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali konformi mar-riżoluzzjoni rilevanti tal-Parlament;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi ta' monitoraġġ indipendenti biex jivvalutaw is-sitwazzjoni tal-libertà tal-midja u tal-pluraliżmu tal-midja fl-UE, bħala mezz ta' promozzjoni u protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 10 tal-KEDB, u li ssir reazzjoni fil-pront għat-theddid li jista' jkun hemm kontrihom u għall-ksur possibbli tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw bis-sħiħ u jsaħħu l-għodod li diġà huma żviluppati f'dan ir-rigward, bħalma huma l-Osservatorju tal-Pluraliżmu tal-Midja u l-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-trattati, tittratta l-attentati min-naħa tal-gvernijiet tal-Istati Membri biex jagħmlu ħsara lil-libertà u lill-pluraliżmu tal-midja bħala abbuż ta' poter serju u sistematiku u bħala pass kontra l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, kif tassew huma, minħabba l-fatt li d-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni u għal-libertà ta' opinjoni huma drittijiet fundamentali tal-bniedem, u li l-libertà, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-midja jaqdu rwol essenzjali fis-soċjetà demokratika, inkluż billi jaġixxu bħala kontroll fuq il-poter tal-gvern u tal-istat;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jwettqu reviżjoni indipendenti tal-liġijiet u l-prattiki rilevanti tagħhom sabiex jipproteġu l-libertà ta' espressjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja;

7.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-abbużi, ir-reati u l-attakki fatali li għadhom isiru fil-konfront tal-ġurnalisti u ta' dawk li jaħdmu fis-settur tal-midja fl-Istati Membri minħabba l-attivitajiet tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom biex jipprevjenu tali vjolenza, jiżguraw l-obbligu ta' rendikont u jevitaw l-impunità kif ukoll jiggarantixxu li l-vittmi u l-familji tagħhom ikollhom aċċess għar-rimedji legali xierqa; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu korp regolatorju indipendenti u imparzjali, b'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet tal-ġurnalisti, għall-monitoraġġ, id-dokumentazzjoni u r-rappurtar dwar il-vjolenza u t-theddid kontra l-ġurnalisti u jittrattaw il-protezzjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti fil-livell nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, jimplimentaw b'mod sħiħ ir-rakkomandazzjoni CM/Rec(2016)4 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u tal-atturi tas-settur tal-midja l-oħrajn;

8.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol li qed jiddeterjoraw għall-ġurnalisti u l-ammont ta' vjolenza psikoloġika li l-ġurnalisti huma xhud tagħha; Jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jistabbilixxu pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-ġurnalisti, biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ġurnalisti u biex jiżguraw li l-ġurnalisti ma jkunux vittmi ta' vjolenza psikoloġika;

9.  Jinsab imħasseb dwar l-istat tal-libertà tal-midja f'Malta wara l-qtil tal-ġurnalista kontra l-korruzzjoni Daphne Caruana Galizia f'Ottubru 2017, li kienet ġiet ukoll soġġetta għal fastidju, inklużi mandati ta' sekwestru kawtelatorji li ffriżaw il-kontijiet tal-bank tagħha, u theddid li sar minn kumpaniji multinazzjonali;

10.  Jilqa' d-deċiżjoni li s-sala stampa tal-Parlament Ewropew tissemma' għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia; Itenni, f'dan il-kuntest, it-talba tiegħu li jkun hemm premju annwali tal-Parlament Ewropew għall-ġurnaliżmu investigattiv li għandu jissemma' għaliha;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw bis-sħiħ l-inizjattiva varata mir-Reporters Mingħajr Fruntieri għall-ħolqien ta' Rappreżentant Speċjali għas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għas-sikurezza tal-ġurnalisti;

12.  Jistieden lill-Istati Membri joħolqu u jżommu, kemm f'livell leġiżlattiv kif ukoll fil-prattika, ambjent sikur għall-ġurnalisti u atturi oħra fis-settur tal-midja, inkluż għall-ġurnalisti barranin li jkunu qed iwettqu l-attivitajiet ġurnalistiċi tagħhom fl-Istati Membri tal-UE, li jħallihom jagħmlu xogħolhom f'indipendenza sħiħa u mingħajr indħil indebitu – bħalma huma t-theddida ta' vjolenza, il-fastidju, il-pressjoni finanzjarja, ekonomika u politika, il-pressjoni biex jiżvelaw għejun u materjali kunfidenzjali, u sorveljanza mmirata; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jiggarantixxu proċeduri ta' rikors legali effiċjenti, fir-rigward tal-atti msemmija hawn fuq, għall-ġurnalisti li l-libertà tagħhom li jaħdmu tkun ġiet mhedda, ħalli tiġi evitata l-awtoċensura; jenfasizza l-importanza li jittieħed approċċ sensittiv għall-ispeċifiċitajiet tal-ġeneru meta jitqiesu miżuri biex tkun indirizzata s-sikurezza tal-ġurnalisti;

13.  Jissottolinja l-importanza li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati għall-ġurnalisti u għal dawk li jaħdmu fis-settur tal-midja, b'konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Karta Soċjali Ewropea, bħala mezz kif jiġu evitati l-pressjoni interna u esterna indebiti, id-dipendenza, il-vulnerabbiltà u l-instabbiltà, u b'hekk ir-riskju tal-awtoċensura; jenfasizza l-ġurnaliżmu indipendenti ma jistax ikun garantit u mrawwem mis-suq waħdu; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, jippromwovu u jelaboraw mudelli ekonomiċi ġodda soċjalment sostenibbli mmirati biex jiffinanzjaw u jsostnu l-ġurnaliżmu ta' kwalità u indipendenti, jiżguraw li l-pubbliku jiġi infurmat b'mod preċiż; jitlob lill-Istati Membri biex isaħħu l-appoġġ finanzjarju lill-fornituri tas-servizzi pubbliċi u lill-ġurnaliżmu investigattiv filwaqt li joqogħdu lura mill-involviment f'deċiżjonijiet editorjali;

14.  Jikkundanna t-tentattivi min-naħa tal-gvernijiet biex isikktu l-midja kritika u jeqirdu l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, inkluż b'mezzi aktar sofistikati li tipikament ma joħolqux twissija fil-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti, bħal pereżempju minn membri tal-gvern u ħbiebhom ta' ġewwa li jixtru l- ħwienet kummerċjali tal-midja u jaħtfu f'idejhom il-kontroll tal-midja tas-servizz pubbliku biex jaqdu l-interessi partiġġjani;

15.  Jenfasizza n-neċessità li jiġi appoġġjat u mwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet taċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Istampa u tal-Midja, b'mod partikolari tal-appoġġ legali tiegħu għall-ġurnalisti li jinsabu mhedda;

16.  Jenfasizza li professjonisti tal-midja ta' sikwit jaħdmu f'kundizzjonijiet prekarji fir-rigward tal-kuntratti, is-salarji u l-garanziji soċjali tagħhom, li jikkompromettu l-kapaċità tagħhom li jaħdmu kif xieraq u għalhekk ifixklu l-libertà tal-midja;

17.  Jirrikonoxxi li l-libertà ta' espressjoni tista' tkun suġġetta għal restrizzjonijiet – sakemm dawn ikunu preskritti mil-liġi, ikollhom għan leġittimu u jkunu meħtieġa f'soċjetà demokratika – fl-interess, fost aspetti oħra, tal-protezzjoni tar-reputazzjoni u d-drittijiet tal-oħrajn; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, dwar l-effetti negattivi u dissważivi li l-liġijiet dwarid-diffamazzjoni kriminali jista' jkollhom fuq id-dritt għal-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-istampa u d-dibattitu pubbliku; jistieden lill-Istati Membri jżommu lura minn kwalunkwe użu ħażin tal-iġijiet dwar id-

diffamazzjoni kriminali billi jsibu bilanċ ġust bejn id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u d-dritt ta' rispett għall-ħajja privata u tal-familja, inkluża l-fama, filwaqt li jiġi żgurat id-dritt għal rimedju effettiv u jiġu evitati l-pieni u sanzjonijiet eċċessivament severi u sproporzjonati, f'konformità mal-kriterji stabbiliti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Direttiva Anti-SLAPP ("strategic lawsuit against public participation" - "kawża strateġika kontra l-parteċipazzjoni pubblika") li tkun tipproteġi lill-midja indipendenti minn kawżi vessatorji maħsuba biex isikktuhom jew jintimidawhom fl-UE;

19.  Iqis li l-parteċipazzjoni fil-proċessi demokratiċi hija bbażata, l-ewwel u qabel kollox, fuq aċċess effikaċi u nondiskriminatorju għall-informazzjoni u għall-għarfien; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw politiki adegwati biex jintlaħaq aċċess universali u biex ikun rikonoxxut bħala dritt fundamentali l-aċċess għall-internet, inkluża n-newtralità tan-netwerk;

20.  Jiddeplora d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni Federali tal-Istati Uniti li tħassar ir-regoli tal-2015 dwar in-newtralità tal-internet u jenfasizza l-konsegwenzi negattivi li dik id-deċiżjoni jista' jkollha, f'dinja diġitali interkonnessa globalment, fuq id-dritt ta' aċċess għall-informazzjoni mingħajr diskriminazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jsegwu t-triq tat-tisħiħ tal-prinċipju tan-newtralità tal-internet billi jibnu fuq il-Linji Gwida tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) dwar l-Implimentazzjoni mir-Regolaturi Nazzjonali tar-Regoli Ewropej dwar in-Newtralità tal-Internet, u jżidu magħhom;

21.  Jenfasizza r-rwol importanti li l-midja indipendenti u pluralistika taqdi fid-dibattitu politiku u d-dritt għall-informazzjoni pluralistika kemm matul il-mandati elettorali kif ukoll fil-perjodi intermedji; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi garantita l-espressjoni sħiħa tal-atturi politiċi kollha, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ICERD, u li l-ammont ta' ħin mogħti lilhom biex ixandru fuq stazzjonijiet tax-xandir tas-servizz pubbliku jkun ibbażat fuq kriterji ġurnalistiċi u professjonali u mhux fuq kemm għandhom rappreżentanza istituzzjonali jew fuq il-fehmiet politiċi tagħhom;

22.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jastjenu milli jadottaw miżuri bla bżonn li jimmiraw lejn ir-restrizzjoni arbitrarja tal-aċċess għall-internet u tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-bniedem bażiċi jew lejn il-kontroll tal-komunikazzjonijiet pubbliċi, bħall-adozzjoni ta' regoli repressivi dwar il-ħolqien u l-operat tal-organi ta' informazzjoni u/jew tas-siti web, l-impożizzjoni arbitrarja tal-istati ta' emerġenza, il-kontroll tekniku tat-teknoloġiji diġitali (jiġiferi l-imblukkar, il-filtraġġ, id-disturb intenzjonali u l-għeluq tal-ispazji diġitali) jew il-privatizzazzjoni de facto tal-miżuri ta' kontroll permezz ta' pressjonijiet eżerċitati fuq intermedjarji ħalli jieħdu azzjoni intiża li tillimita jew tħassar il-kontenut fl-internet; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, barra minn hekk, jipprevjenu lill-operaturi privati milli jadottaw tali miżuri;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżguraw trasparenza sħiħa min-naħa tal-kumpaniji privati u l-gvernijiet fl-użu tal-algoritmi, l-intelliġenza artifiċjali u t-teħid awtomatizzat tad-deċiżjonijiet, li ma għandhomx jiġu implimentati u żviluppati b'tali mod li jwassal, jew bil-ħsieb li jwassal, għall-imblukkar arbitrarju, il-filtrazzjoni u t-tneħħija tal-kontenut tal-internet, u jiggarantixxu li kwalunkwe politika u strateġija diġitali tal-UE trid tiġi abbozzata b'approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, li jagħmel dispożizzjoni għal rimedji u salvagwardji xierqa u b'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-KEDB;

24.  Itenni li l-bullying fuq l-internet, il-pornografija ta' vendetta u materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal huma ta' tħassib li kulma jmur qed jikber fis-soċjetajiet tagħna u jista' jkollhom impatti estremament serji, speċjalment fuq iż-żgħażagħ u t-tfal, u jenfasizza li l-interessi u d-drittijiet tal-minuri għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ fil-kuntest tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha jfasslu leġiżlazzjoni li tħares 'il quddiem biex tindirizza dawn il-fenomeni inklużi dispożizzjonijiet għall-identifikazzjoni, is-sinjalar u t-tneħħija mill-midja soċjali ta' kontenut li bid-dieher ikun ta' ħsara għad-dinjità tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jibnu kontronarrattivi effettivi u biex tipprovdi linji gwida ċari li jiżguraw iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà għall-utenti, għall-fornituri tas-servizz u għas-settur tal-internet kollu kemm hu, filwaqt li tiġi żgurata l-possibbiltà ta' rimedju ġudizzjarju f'konformità mad-dritt nazzjonali, sabiex issir reazzjoni kontra l-użu ħażin tal-midja soċjali għal finijiet terroristiċi; jisħaq, madankollu, li kwalunkwe miżura li tillimita jew tneħħi l-kontenut tal-internet għandha tkun adottata biss f'ċirkostanzi speċifikati, espliċiti u leġittimi u taħt viġilanza ġudizzjarja rigoruża, konformement mal-istandards internazzjonali, mal-ġurisprudenza tal-QEDB, u mal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

25.  Jieħu nota tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda illegali online, promossa mill-Kummissjoni; jiġbed l-attenzjoni lejn il-marġni wiesgħa ta' diskrezzjoni li tħalliet lill-kumpaniji privati biex jiddeterminaw x'jikkostitwixxi "illegalità" u jitlob li tali marġnijiet jiġu ristretti, ħalli jiġi evitat kwalunkwe riskju ta' ċensura u ta' restrizzjonijiet arbitrarji fuq il-libertà ta' l-espressjoni;

26.  Jerġa' jafferma li l-anonimat u l-kriptaġġ huma strumenti essenzjali għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet demokratiċi, għall-promozzjoni tal-fiduċja fl-infrastrutturi u fil-komunikazzjonijiet diġitali, u għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi fil-ġurnaliżmu; jirrikonoxxi li l-kriptaġġ u l-anonimità jipprovdu l-privatezza u s-sigurtà meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni fl-era diġitali, u jfakkar li l-aċċess ħieles għall-informazzjoni neċessarjament jimplika li l-informazzjoni personali li ċ-ċittadini jħallu warajhom meta joperaw online tiġi salvagwardjata; jieħu nota tal-fatt li l-kriptaġġ u l-anonimità jistgħu wkoll jagħtu lok għal abbużi u għemil ħażin u jagħmluha diffiċli biex jiġu prevenuti attivitajiet kriminali u biex jitwettqu investigazzjonijiet, kif indikat minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u ta' kontra t-terroriżmu; ifakkar li r-restrizzjonijiet fuq il-kriptaġġ u l-anonimità jridu jkunu limitati skont il-prinċipji tal-legalità, in-neċessità u l-proporzjonalità; f'dan ir-rigward, jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri japprovaw u jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet mogħtija fir-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-22 ta' Mejju 2015 dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni, li jindirizza l-użu tal-kriptaġġ u tal-anonimità fil-komunikazzjonijiet diġitali;

27.  Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' kodiċi tal-etika għall-ġurnalisti kif ukoll għal dawk involuti fil-ġestjoni tal-organi ta' informazzjoni, sabiex tkun żgurata l-indipendenza sħiħa tal-ġurnalisti u l-korpi tal-midja;

28.  Jissottolinja li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji jiffaċċjaw bosta ostakoli fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati online, anke minħabba d-diskrepanzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri;

29.  Jinnota li fl-ekosistema tal-midja diġitali, li qiegħda tevolvi, nibtu intermedjarji ġodda bil-kapaċità li jinfluwenzaw u jikkontrollaw l-informazzjoni u l-ideat online billi jiksbu l-funzjonijiet u s-setgħat ta' kontroll tal-aċċess; jissottolinja l-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed mezzi, servizzi u sorsi indipendenti u awtonomi online bil-kapaċità li jiżguraw pluralità ta' opinjonijiet u ideat demokratiċi lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta' interess ġenerali; jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw politiki nazzjonali u miżuri ġodda jew eżistenti f'dan ir-rigward;

30.  Jirrikonoxxi li l-ambjent diġitali l-ġdid aggrava l-problema tat-tixrid tad-diżinformazzjoni, jew tal-hekk imsejħa "fake news" jew "false news" (aħbarijiet foloz); ifakkar, iżda, li dan la hu fenomenu ġdid u lanqas mhuwa limitat għall-isfera online; jenfasizza l-importanza li jiġi ggarantit id-dritt għal informazzjoni ta' kwalità billi jissaħħaħ l-aċċess taċ-ċittadini għal informazzjoni affidabbli u tiġi prevenuta l-propagazzjoni tal-informazzjoni ħażina online u offline; ifakkar li l-użu tat-terminu "aħbarijiet foloz" ("fake news") m'għandu qatt ikun immirati biex jimmina l-fiduċja pubblika fil-midja jew biex jiskredita u jikkriminalizza l-vuċijiet kritiċi; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-theddida potenzjali li l-kunċett ta' aħbarijiet foloz jista' joħloq għal-libertà tal-kelma u tal-espressjoni u għall-indipendenza tal-midja, filwaqt li jenfasizza l-effetti negattivi li t-tixrid ta' aħbarijiet foloz jista' jkollu fuq il-kwalità tad-dibattitu politiku u fuq il-parteċipazzjoni infurmata tajjeb taċ-ċittadini fis-soċjetà demokratika; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati mekkaniżmi awtoregolatorji effettivi bbażati fuq il-prinċipji tal-preċiżjoni u t-trasparenza, u li jsiru dispożizzjonijiet għall-obbligi u l-istrumenti xierqa f'dak li għandu x'jaqsam mal-verifika tal-għejun, u tal-verifika tal-fatti minn organizzazzjonijiet iċċertifikati terzi tal-verifika tal-fatti li jkunu indipendenti u imparzjali biex tiġi żgurata l-oġġettività tal-informazzjoni u l-protezzjoni tagħha;

31.  Iħeġġeġ lill-kumpaniji tal-midja soċjali u lill-pjattaformi online jiżviluppaw għodda li jippermettu lill-utenti jirrappurtaw u jissinjalaw il-potenzjalità ta' aħbarijiet foloz sabiex tiġi ffaċilitata r-rettifika fil-pront u biex ikun jista' jsir rieżami minn organizzazzjonijiet iċċertifikati terzi tal-verifika tal-fatti li jkunu indipendenti u imparzjali, li jkunu fdati bil-kompitu li jipprovdu definizzjonijiet preċiżi ta' aħbarijiet foloz u diżinformazzjoni sabiex jitnaqqas il-marġni ta' diskrezzjoni li jitħalla lill-atturi tas-settur privat, u jkompli juru u jittimbraw bħala "aħbarijiet foloz" l-informazzjoni li tkun ġiet żvelata bħala tali, bil-ħsieb li jiġi stimulat dibattitu pubbliku u jiġi prevenut li l-istess diżinformazzjoni terġa' titfaċċa f'sura differenti;

32.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni online li jkun magħmul minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, pjattaformi tal-midja soċjali, organizzazzjonijiet tal-midja tal-aħbarijiet, ġurnalisti u membri tal-akkademja sabiex janalizzaw dawn it-theddidiet li qed jitfaċċaw u jipproponu miżuri operattivi li għandhom jittieħdu fil-livell kemm Ewropew kif ukoll nazzjonali;

33.  Jissottolinja r-responsabbiltà tal-atturi online fl-evitar tat-tifrix ta' informazzjoni li mhix ivverifikata jew li mhix vera bil-għan waħdieni li jiżdied it-traffiku online permezz tal-użu pereżempju tal-hekk imsejjaħ "clickbait";

34.  Jagħraf li r-rwol u l-investiment tal-pubblikaturi tal-istampa fil-ġurnaliżmu investigattiv, professjonali u indipendenti huma essenzjali għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-"aħbarijiet foloz" u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-kontenut pluralistiku tal-istampa editorjali; iħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri jinvestu riżorsi finanzjarji adegwati fil-litteriżmu tal-midja u dak diġitali u fl-iżvilupp ta' strateġiji tal-komunikazzjoni, flimkien mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-soċjetà ċivili, sabiex jissensibilizaw liċ-ċittadini u lill-utenti tal-internet biex jirrikonoxxu u jkunu konxji ta' għejun dubjużi ta' informazzjoni u biex jidentifikaw u jesponu kontenut u propaganda li jkunu deliberatament faloz; għal dan il-għan, jinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri jintegraw il-litteriżmu tal-midja u tal- l-informatika fis-sistemi edukattivi nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-aħjar prattiki mil-livell nazzjonali biex tiżgura l-kwalità tal-ġurnaliżmu u l-affidabbiltà tal-informazzjoni ppubblikata;

35.  Itenni d-dritt ta' kull individwu li jiddeċiedi dwar id-destin tad-data personali tiegħu jew tagħha, b'mod partikolari d-dritt esklussiv li jikkontrolla l-użu, id-divulgazzjoni ta' informazzjoni personali u d-dritt li jintesa, definit bħala l-possibbiltà li l-individwu jikseb it-tneħħija immedjata tal-kontenut li jista' jkun ta' preġudizzju għad-dinjità proprja tiegħu jew tagħha, mill-midja soċjali u mis-siti web tat-tiftix;

36.  Jirrikonoxxi li l-Internet u, b'mod aktar ġenerali, l-iżvilupp tal-ambjent diġitali espanda l-kamp ta' applikazzjoni ta' għadd ta' drittijiet tal-bniedem, kif muri, pereżempju, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-13 ta' Mejju 2014 fil-kawża C-131/12 Google Spain SL u Google Inc vs Agencia Española de Protección de Datos (AEPD) u Mario Costeja González(11); jistieden, f'dan ir-rigward, lill-istituzzjonijiet tal-UE biex ivaraw proċess parteċipattiv sabiex ifasslu Karta Ewropea tad-Drittjiet tal-Internet, billi jqisu l-aħjar prattiki żviluppati fl-Istati Membri – b'mod partikolari d-Dikjarazzjoni Taljana tad-Drittijiet tal-Internet – biex tintuża bħala punt ta' referenza, flimkien mal-istrumenti Ewropej u internazzjonali rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem, għar-regolamentazzjoni tal-isfera diġitali;

37.  Jissottolinja r-rwol ewlieni tal-informaturi fis-salvagwardjar tal-interess pubbliku u fil-promozzjoni ta' kultura ta' obbligu ta' rendikont pubbliku u integrità pubblika fl-istituzzjonijiet kemm pubbliċi kif ukoll privati; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu u jimplimentaw qafas adegwat, avvanzat u komprensiv għal leġiżlazzjoni Ewropea komuni għall-protezzjoni tal-informaturi billi japprovaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa u ir-riżoluzzjonijiet reċenti tal-Parlament tal-14 ta' Frar u tal-24 ta' Ottubru 2017; iqis li huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-mekkaniżmi tar-rapportar ikunu aċċessibbli, sikuri u siguri, u li l-allegazzjonijiet tal-informaturi u tal-ġurnalisti investigattivi jiġu investigati b'mod professjonali;

38.  Jenfasizza li l-protezzjoni legali tal-informaturi meta jkunu qed jiżvelaw informazzjoni pubblikament tistrieħ b'mod partikolari fuq id-dritt li għandu l-pubbliku li jirċievi dik l-informazzjoni; jissottolinja li l-ebda persuna ma għandha titlef il-benefiċċju tal-protezzjoni għal-unika raġuni li setgħet wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti jew li t-theddida perċepita għall-interess pubbliku ma seħħitx, kemm-il darba li, fil-mument tar-rappurtar, din il-persuna kellha raġunijiet raġonevoli biex temmen l-awtentiċità tal-fatti; ifakkar li persuni li konxjament jirrappurtaw informazzjoni ħażina jew qarrieqa lill-awtoritajiet kompetenti m'għandhomx jitqiesu bħala informaturi, u għalhekk ma għandhomx igawdu mill-mekkaniżmi ta' protezzjoni; Jenfasizza, barra minn hekk, li kwalunkwe persuna li tiġi preġudikata, kemm direttament kif ukoll indirettament, minħabba r-rappurtar jew l-iżvelar ta' informazzjoni ineżatta jew qarrieqa għandha tingħata d-dritt li tfittex rimedji effettivi;

39.  Iħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-għejun tal-informazzjoni sabiex tiġi prevenuta kwalunkwe azzjoni diskriminatorji jew theddida;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ġurnalisti jingħataw l-għodod xierqa biex jinvestigaw u jirċievu informazzjoni mingħand l-UE u l-awtoritajiet tal-amministrazzjoni pubblika tal-Istati Membri, skont ir-Regolament 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti mingħajr ma jħabbtu wiċċhom ma' deċiżjonijiet arbitrarji li jċaħħduhom minn tali dritt ta' aċċess; jinnota li l-informazzjoni miksuba permezz tad-dritt ta' inkjesta minn ġurnalisti jew minn ċittadini, inkluża l-informazzjoni miksuba permezz ta' informaturi, hija kemm komplementari kif ukoll essenzjali biex il-ġurnalisti jkunu kapaċi jwettqu l-missjoni tagħhom ta' interess pubbliku; itenni li l-aċċess għas-sorsi u l-avvenimenti pubbliċi għandu jiddependi minn kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u trasparenti;

41.  Jenfasizza li l-liberta tal-istampa tirrikjedi l-indipendenza mill-poter politiku u ekonomiku, fatt li jimplika trattament indaqs irrispettivament mill-orjentazzjoni editorjali; itenni l-importanza li jiġi priservat il-ġurnaliżmu li jibbenefika minn mekkaniżmi li jipprevjenu l-konċentrazzjoni ta' gruppi singoli, monopolistiċi jew kważi-monopolistiċi, biex b'hekk tiġi żgurata l-kompetizzjoni ħielsa u d-diversità editorjali; jistieden lill-Istati Membri jadottaw u jimplimentaw regolament dwar is-sjieda tal-midja sabiex jiġu evitati l-konċentrazzjoni orizzontali tas-sjieda fis-settur tal-midja u s-sjieda indiretta u trasversali, u jiggarantixxu t-trasparenza, l-iżvelar, u l-aċċessibbiltà faċli għaċ-ċittadini għall-informazzjoni dwar is-sjieda, is-sorsi ta' finanzjament u l-ġestjoni tal-midja; jenfasizza l-importanza li jiġu applikati restrizzjonijiet xierqa fuq is-sjieda tal-midja minn persuni li jokkupaw karigi pubbliċi u li tiġi żgurata s-sorveljanza indipendenti u mekkaniżmi effikaċi ta' konformità sabiex jiġu pprevenuti l-kunflitti ta' interess u l-bibien iduru; iqis li huwa essenzjali li jkun hemm awtoritajiet nazzjonali indipendenti u imparzjali biex tiġi żgurata s-superviżjoni effettiva tas-settur tal-midja awdjoviżiva;

42.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw il-kapaċitajiet strateġiċi tagħhom stess u jimpenjaw ruħhom mal-komunitajiet lokali fl-UE u fil-viċinat tal-UE biex irawmu ambjent tal-midja pluralistiku u biex jikkomunikaw il-politiki tal-UE b'mod koerenti u effettiv;

43.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw bis-sħiħ u japprovaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-pluraliżmu tal-midja u t-trasparenza tas-sjieda tal-midja adottata fis-7 ta' Marzu 2018;

44.  Ifakkar fir-rwol importanti moqdi mix-xandara pubbliċi fl-ippriservar tal-pluraliżmu tal-midja, kif hemm enfasizzat fil-Protokoll Nru 29 tat-Trattati; jistieden lill-Istati Membri jipprovdulhom il-mezzi finanzjarji u tekniċi adegwati meħtieġa biex iwettqu l-funzjoni soċjali tagħhom u jaqdu l-interess pubbliku; jistieden lill-Istati Membri, għal dan il-għan, jiggarantixxu l-indipendenza editorjali tagħhom billi jipproteġuhom, permezz ta' oqfsa regolatorji definiti b'mod ċar, minn kwalunkwe sura ta' interferenza jew influwenza governattiva, politika jew kummerċjali, filwaqt li fl-istess ħin, jiżguraw lill-korpi pubbliċi u lill-entitajiet kollha li jeżerċitaw setgħat fl-oqsma tax-xandir u tat-telekomunikazzjonijiet l-awtonomija u l-indipendenza sħiħa ta' ġestjoni;

45.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jallinjaw il-politika tagħhom tal-ħruġ ta' liċenzji lil kumpaniji tax-xandir nazzjonali mal-prinċipju tar-rispett għall-pluraliżmu tal-midja; jenfasizza li t-tariffi mitluba u s-strettezza tal-obbligi relatati mal-ħruġ tal-liċenzji maħruġa għandhom ikunu soġġetti għall-iskrutinju u ma għandhomx jipperikolaw il-liberta tal-midja;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk l-Istati Membri humiex qed jallokaw il-liċenzji tax-xandir abbażi ta' kriterji oġġettivi, trasparenti, imparzjali u proporzjonati;

47.  Jissuġġerixxi li sabiex il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja jiġu salvagwardjati b'mod effiċjenti l-kumpaniji li s-sid prinċipali tagħhom huwa wkoll proprjetarju ta' kumpanija tal-midja ma għandhomx jitħallewx jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku jew tal-inqas dan għandu jsir b'mod kompletament trasparenti; jipproponi li l-Istati Membri għandhom jintalbu jirrapportaw b'mod regolari dwar kull finanzjament pubbliku pprovdut lil intrapriża tal-midja u li l-finanzjament pubbliku kollu pprovdut lis-sidien tal-midja għandu jiġi mmonitorjat b'mod regolari; jenfasizza li s-sidien tal-midja m'għandhomx ikunu ġew akkużati jew misjuba ħatja ta' reat kriminali;

48.  Jenfasizza li kwalunkwe finanzjament pubbliku lil organizzazzjonijiet tal-midja għandu jingħata abbażi ta' kriterji nondiskriminatorji, oġġettivi u trasparenti li għandhom jiġu mgħarrfa minn qabel lill-midja kollha;

49.  Ifakkar li l-Istati Membri għandhom isibu modi kif jappoġġjaw il-midja, billi jiżguraw, pereżempju, in-newtralità tal-VAT, kif irrakkomandat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-futur tal-VAT(12), u billi jappoġġjaw inizjattivi relatati mal-midja;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni talloka finanzjament permanenti u adegwat fil-baġit tal-UE biex tappoġġja lill-Osservatorju tal-Pluraliżmu tal-Midja fiċ-Ċentru għall-Pluraliżmu u l-Libertà tal-Midja, u toħloq mekkaniżmu annwali għall-valutazzjoni tar-riskji għall-pluraliżmu tal-midja fl-Istati Membri; jenfasizza li l-istess mekkaniżmu għandu jiġi applikat biex ikejjel il-pluraliżmu tal-midja fil-pajjiżi kandidati, u li r-riżultati tal-Osservatorju tal-Pluraliżmu tal-Midja għandu jkollhom rilevanza reali fuq il-progress tal-proċess tan-negozjati;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tiġbor informazzjoni u statistika dwar il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja fl-Istati Membri kollha, u tanalizza mill-qrib il-każijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali tal-ġurnalisti, filwaqt li tirrispetta l-principju tas-sussidjarjetà;

52.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-awtoritajiet regolatorji tal-awdjoviżiv tal-Istati Membri;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(13); jistieden, f'dan is-sens, lill-Kummissjoni tinkludi r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tal-Osservatorju tal-Pluraliżmu tal-Midja dwar ir-riskji għall-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja fl-UE meta tkun qed tfassal ir-Rapport annwali tagħha dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (ir-Rapport DRF Ewropew);

54.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom ħalli jsaħħu l-litteriżmu medjatiku u jippromwovu inizjattivi edukattivi u ta' taħriġ fost iċ-ċittadini kollha permezz ta' edukazzjoni formali, mhux formali u informali minn perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja, ukoll billi jagħtu attenzjoni speċjali lit-taħriġ u l-appoġġ inizjali u attwali ta' għalliema u billi jħeġġu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn is-settur tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u l-partijiet ikkonċernati relevanti kollha, inkluż il-professjonisti tal-midja, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ; jerġa' jafferma l-bżonn li jiġu appoġġjati l-għodod innovattivi li jkunu xierqa għall-etajiet biex jippromwovu l-għoti ta' setgħa u s-sikurezza online bħala elementi obbligatorji tal-kurrikulu fl-iskejjel biex inaqqsu d-differenza diġitali kemm permezz ta' proġetti speċifiċi ta' litteriżmu teknoloġiku kif ukoll b'investimenti adegwati fl-infrastrutturi sabiex jiżguraw aċċess universali għall-informazzjoni;

55.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' sens ta' evalwazzjoni u analiżi kritiċi fir-rigward tal-użu u l-ħolqien tal-kontenut tal-midja huwa essenzjali għall-fehim ta' kwistjonijiet attwali min-naħa tal-poplu u għall-kontribut għall-ħajja pubblika, kif ukoll għall-għarfien tagħhom dwar il-potenzjal transformattiv u t-theddid inerenti għal ambjent medjatiku dejjem aktar kumpless u interkonness; jisħaq li l-litteriżmu medjatiku huwa ħila demokratika kruċjali li tagħti s-setgħa liċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw miżuri speċifiċi sabiex jippromwovu u jappoġġjaw proġetti tal-litteriżmu medjatiku, bħall-proġett pilota dwar il-Litteriżmu Medjatiku għal Kulħadd u biex jiżviluppaw politika komprensiva tal-litteriżmu medjatiku mmirata lejn iċ-ċittadini ta' kull età u għat-tipi kollha tal-midja bħala parti integrali mill-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-edukazzjoni, appoġġjata kif xieraq minn opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE, bħalma huma l-Fondi SIE u Orizzont 2020;

56.  Jinnota bi tħassib li, kif ġie enfasizzat mill-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja 2016, l-aċċess għall-midja minn minoranzi, komunitajiet lokali u reġjonali, nisa u persuni b'diżabbiltajiet jinsab f'riskju; jenfasizza li l-midja inklużiva hija essenzjali f'ambjent medjatiku miftuħ, liberu u pluralistiku, u li ċ-ċittadini kollha għandhom id-dritt ta' aċċess għal informazzjoni indipendenti bil-lingwa materna tagħhom, kemm jekk tkun lingwa ta' stat kif ukoll ta' minoranza; jenfasizza l-importanza li l-ġurnalisti Ewropej, speċjalment dawk li jaħdmu b'lingwi inqas użati u ta' minoranzi, jingħataw taħriġ adegwat u opportunitajiet ta' taħriġ mill-ġdid; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iħeġġu u jappoġġjaw riċerka, proġetti u politiki li jtejbu l-aċċess għall-midja kif ukoll inizjattivi relevanti mmirati lejn gruppi ta' minoranza vulnerabbli (bħall-proġett pilota dwar l-opportunitajiet ta' Apprendistat għall-midja b'lingwa ta' minoranza), u biex jiggarantixxu opportunitajiet għall-parteċipazzjoni u l-espressjoni għaċ-ċittadini kollha;

57.  Iħeġġeġ lis-settur tal-midja biex jipproteġi l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki u l-prattiki tal-midja, permezz ta' mekkaniżmi koregolatorji, kodiċi ta' kondotta interni u azzjonijiet volontarji oħrajn;

58.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom f'kampanji soċjali, programmi edukattivi, u f'attivitajiet ta' taħriġ u ta' sensibilizzazzjoni aktar immirati (inkluż għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-industrija) biex jippromwovu l-valuri u l-prattiki egalitarji permezz tal-finanzjament u l-promozzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew sabiex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-inugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur tal-midja;

59.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tiżviluppa strateġija settorjali għas-settur tal-midja Ewropew ibbażata fuq l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà; iqis li strateġija bħal din għandha ssaħħaħ il-kollaborazzjoni transfruntiera u l-koproduzzjonijiet bejn l-atturi tal-midja fl-UE sabiex tenfasizza d-diversità tagħhom u tippromwovi d-djalogu interkulturali, sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni mal-kmamar tal-aħbarijiet individwali u s-servizzi awdjoviżivi tal-istituzzjonijiet Ewropej kollha, b'mod partikolari ma' tal-Parlament, u sabiex trawwem kopertura tal-midja u viżibbiltà tal-affarijiet tal-UE;

60.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati aktar mudelli għat-twaqqif ta' pjattaforma Ewropea tas-servizz tax-xandir pubbliku li trawwem dibattiti politiċi mal-UE kollha bbażati fuq fatti, diverġenzi ta' opinjonijiet u rispett, tikkontribwixxi għal pluralità ta' opinjonijiet fl-ambjent il-ġdid tal-midja konverġuta u trawwem il-viżibbiltà tal-UE fir-relazzjonijiet esterni tagħha;

61.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jipproteġu l-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni fl-arti kontemporanja billi jippromwovu l-ħolqien ta' xogħlijiet tal-arti li jagħtu vuċi lit-tħassib soċjali, jinkoraġġixxu d-dibattitu kritiku u jispiraw kontrodiskors;

62.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi abolit l-imblukkar ġeografiku tal-kontenut tal-informazzjoni tal-midja, biex b'hekk iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jaċċessaw l-istreaming online, fuq talba u b'replay tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni tal-Istati Membri l-oħra;

63.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1)

ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(2)

ĠU C 55, 12.2.2016, p. 33.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2014)0230.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2015)0388.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2017)0095.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2016)0409.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2017)0022.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2017)0402.

(9)

ĠU C 32, 4.2.2014, p. 6.

(10)

ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6.

(11)

ECLI:EU:C:2014:317.

(12)

ĠU C 94 E, 3.4.2013, p. 5.

(13)

Testi adottati, P8_TA(2016)0409.


NOTA SPJEGATTIVA

Bis-saħħa tal-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, l-Unjoni Ewropea identifikat lilha nnifisha bħala komunità ta' valuri li fiha d-drittijiet tal-bniedem jirrappreżentaw il-pedament tagħha. Il-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni hija rikonoxxuta fuq livell internazzjonali bħala wieħed mill-elementi fundamentali tal-arkitettura tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali. Tnaqqxet, fost l-oħrajn, fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll ix-xogħol li jagħmlu bosta organizzazzjonijiet internazzjonali (in-NU, l-OSKE, il-Kunsill tal-Ewropa), żviluppaw u ċċaraw il-kamp ta' applikazzjoni tagħha. L-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea wessa' formalment il-kamp ta' applikazzjoni billi inkluda l-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni. Meqjusin ilkoll f'daqqa, dawn l-istrumenti kollha jikkonsolidaw responsabbiltà preċiża tal-Istati Membri u tal-UE stess biex jipproteġu totalment dan id-dritt fundamentali tal-bniedem u, fl-istess ħin, jiġu stabbiliti miżuri pożittivi għall-promozzjoni proattiva tal-progress tiegħu.

Barra mill-istatus intrinsiku tiegħu bħala dritt tal-bniedem, il-libertà ta' espressjoni u l-midja pluralistika u indipendenti jiżvolġu wkoll rwol soċjali fundamentali billi jagħmluha ta' entitajiet ta' kontroll pubbliku, iħarsu liċ-ċittadini mill-abbużi tal-Istati u tal-interessi privati u jirresponsabilizzahom biex jipparteċipaw attivament fil-ħajja demokratika.

Il-kundizzjonijiet tal-libertà, tal-pluraliżmu u tal-indipendenza effettivi tal-midja mill-interessi politiċi u ekonomiċi aggravaw ruħhom mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Mejju 2013 "dwar il-Karta tal-UE: regoli komuni għal-libertà tal-media fl-UE kollha", kif enfasizzaw ir-riżultati tal-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2017 ippubblikati minn Reporters Mingħajr Fruntieri (RSF)(1) u l-konklużjonijiet tar-Rapport Strateġiku tal-Istitut Universitarju Ewropew(2).

It-theddid għal-libertà ta' espressjoni u għall-pluraliżmu tal-midja huma bosta u jħaddnu firxa wiesgħa ta' miżuri attwati kemm mill-atturi statali kif ukoll mill-partijiet privati.

Vjolenza, theddid u pressjonijiet fil-konfront tal-ġurnalisti

Anki fl-Istati Membri tal-UE stess, il-ġurnalisti għad huma l-bersall ta' attakki fatali. L-assassinju tal-ġurnalista Maltija, Daphne Caruana Galizia, jirrappreżenta xejn ħlief l-aħħar każ f'dan is-sens. Madankollu, il-pressjonijiet fil-konfront tal-ġurnalisti jassumu forom differenti u multidimensjonali. Kif enfasizzat l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, dawn jinkludu t-theddid ta' vjolenza; inċidenti fil-kuntest ta' ġemgħat pubbliċi ta' nies; allegat indħil minn atturi politiċi; pressjonijiet biex jiġu żvelati sorsi u materjali kunfidenzjali; indħil permezz tas-servizzi tas-sigurtà u tal-intelligence; kif ukoll pressjonijiet finanzjarji u ekonomiċi(3). Dawn il-fatturi, flimkien mal-indħil politiku kif ukoll ma' grad għoli ta' konċentrazzjoni fis-settur tal-midja, qegħdin ukoll jespandu l-fenomenu tal-awtoċensura, kif spjega l-istudju tal-Kunsill tal-Ewropa bit-titolu "Journalists under pressure: Unwarranted interference, fear and self-censorship in Europe" (Ġurnalisti taħt pressjoni – Indħil, biża' u awtoċensura inġustifikati fl-Ewropa)(4). L-aggravar tal-kundizzjonijiet ta' xogħol u ekonomiċi fis-settur tal-midja minħabba l-kriżi ekonomiċi, flimkien mal-fatt li qegħdin jinbtu atturi internazzjonali ġodda bħal ġganti tat-teknoloġija avvanzata jew pjattaformi tal-midja soċjali kapaċi jiddominaw is-suq tar-reklami online u mat-tnaqqis fil-baġit f'ċerti Stati Membri fir-rigward tas-servizz tax-xandir pubbliku, qegħdin iżidu l-prekarjetà filwaqt li jkattru l-awtoċensura.

L-isfera diġitali

Bla ebda dubju, it-teknoloġiji diġitali offrew lid-demokrazija parteċipattiva strumenti li ġabu kemm innovazzjoni kif ukoll trasformazzjoni profonda, u kabbruha b'mod rivoluzzjonarju, b'hekk iċ-ċittadini nbidlu minn utenti tal-informazzjoni fi produtturi tal-informazzjoni. Ir-riskju ta' diżinformazzjoni impliċitu fil-propagazzjoni virali tal-kontenut fl-internet, fid-diffikultajiet biex din tiġi kkuntestata u korretta fil-ħin, kif ukoll fil-poter ta' ċensura li jistgħu jeżerċitaw il-pjattaformi tal-midja soċjali u l-ġganti tat-teknoloġija avvanzata, jirrappreżenta n-naħa l-oħra tal-midalja ta' dan kollu. Madankollu, mil-lat tad-dritt internazzjonali, il-kwistjoni tal-"fake news" (aħbarjiet foloz) għandha tkun indirizzata b'kawtela estrema, u dak li jkun għandu jżomm quddiem għajnejh li l-midja tradizzjonali u konvenzjonali wkoll kellha, u għandha, tendenza li xxerred aħbarijiet foloz, u din il-projbizzjoni tal-aħbarijiet "foloz" spiss serviet ta' strument ta' kontroll tal-midja u ta' limitazzjoni tal-libertà editorjali. Nirrikonoxxu li l-informazzjoni qarrieqa tista' tikkawża ħsara serja (b'danni għar-reputazzjoni tal-individwi u bi ksur tal-ħajja privata tagħhom), iżda ir-restrizzjonijiet biex ikunu limitati l-aħbarijiet foloz mhumiex is-soluzzjoni. Il-"verità" u l-"oġġettività" definittivi huma kunċetti ambigwi u perikolużi. L-appell għall-pubblikazzjoni ta' rapporti assolutament veri biss mhux biss huwa irrealistiku iżda wkoll illiberali. Barra minn hekk, għandna nżommu f'moħħna li l-era diġitali għamlet il-verifika tal-fatti aktar faċli milli qatt kienet fil-midja tradizzjonali: it-tbagħbis tal-materjal diġitali jista' jiġi investigat, jekk hemm ir-rieda, u l-internet għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-istrumenti u joffri l-infrastruttura għall-kontroll tas-sorsi u tal-fatti. Jekk l-uffiċjali pubbliċi jitħallew jiddeċiedu x'jgħodd bħala verità, dan ikun ekwivalenti għall-aċċettazzjoni li l-forzi fil-poter għandhom id-dritt li jsarrmu l-vuċijiet ta' kritika. Għal dak li għandu x'jaqsam ma' "diskors ta' mibegħda" jew "terroriżmu", il-kunċett ta' "aħbarijiet foloz" huwa vag wisq biex ikunu evitati interpretazzjonijiet suġġettivi u arbitrarji. Lanqas ma jserrħilna rasna l-fatt li jkunu l-entitajiet privati, bħal Facebook, li jagħmlu dawn il-valutazzjonijiet minflok l-awtoritajiet pubbliċi.

Miżuri nazzjonali u d-dilemma ta' Copenhagen

Is-sigurtà nazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu qegħdin isiru theddida komuni għall-Istati Membri li twassal għall-adozzjoni ta' atti leġiżlattivi u miżuri oħrajn iddestinati li jħallu impatt profond fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif juru l-każ Snowden u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-liġijiet nazzjonali li dan l-aħħar adottaw diversi Stati Membri dwar iż-żieda tal-poteri ta' sorveljanza konferiti lill-forzi tas-sigurtà u tal-pulizija u lis-servizzi sigrieti, il-monitoraġġ tal-komunikazzjonijiet u ż-żamma tad-data personali, jirriskjaw, mingħajr il-garanziji ġuridiċi u r-rimedji legali dovuti u xierqa, li jimminaw il-vera essenza tad-dritt għal-libertà ta' espressjoni kif ukoll ta' drittijiet fundamentali oħrajn bħal, ngħidu aħna, id-dritt għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data.

Miżuri simili li jillimitaw it-tgawdija tal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni jew il-funzjonijiet bażiċi ta' midja libera u indipendenti, bħal pereżempju l-eżistenza stess tal-liġijiet dwar id-diffamazzjoni kriminali, għandhom l-istess potenzjal li jikkorrompu d-dibattitu demokratiku.

Il-pajjiżi kandidati għandhom juru bil-provi li jirrispettaw, skont l-Artikolu 49 tat-TUE, il-valuri tal-UE elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE: obbligu stabbilit fil-kriterji ta' Copenhagen. Madankollu, ma hemm stabbilit l-ebda strument reali tal-UE biex jiggarantixxi r-rispett effettiv tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt min-naħa tal-Istati Membri, għajr għall-hekk imsejħa "għażla nukleari" prevista fl-Artikolu 7 tat-TUE. F'dawn l-aħħar għexieren ta' snin kien hemm indħil politiku f'għadd ta' pajjiżi, fosthom l-Italja, il-Polonja, Spanja u l-Ungerija, u dan l-indħil wera l-bżonn ta' mekkaniżmu istituzzjonali xieraq tal-UE ta' monitoraġġ u rimedju.

L-informaturi

L-iżvelar ta' informazzjoni protetta ġie rikonoxxut, b'mod estiż, bħala aspett fundamentali tal-libertà ta' espressjoni u bħala strument essenzjali għall-garanzija tat-trasparenza u tar-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet demokratiċi. Il-bżonn ta' protezzjoni effikaċi tal-informaturi ġie invokat diversi drabi minn bosta organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa jew ir-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni kif ukoll il-Parlament Ewropew stess. Madankollu, għad irid jiġi adottat qafas komuni tal-UE, u diversi Stati Membri għad ma għandhomx sistema adegwata f'dan ir-rigward.

(1)

Reporters Mingħajr Fruntieri (RSF), Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2017, Journalism weakened by democracy's erosion, https://rsf.org/en/journalism-weakened-democracys-erosion

(2)

Ċentru għall-Pluraliżmu u l-Libertà tal-Midja (CMPF), Istitut Universitarju Ewropew, "Monitoring Media

Pluralism in Europe: Application of the Media Pluralism Monitor 2016 in the European Union, Montenegro and Turkey" ("Il-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja fl-Ewropa: L-applikazzjoni tal-Monitur tal-Pluraliżmu tal-Midja 2016 fl-Unjoni Ewropea, il-Montenegro u t-Turkija"), http://cmpf.eui.eu/media-pluralism-monitor/mpm-2016-results/

(3)

Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), Violence, threats and pressures against journalists and other media actors in the EU (Vjolenza, theddid u pressjonijiet fil-konfront tal-ġurnalisti u ta' atturi oħrajn fis-settur tal-midja fl-UE), kontribut għat-tieni Kollokwiju Annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali - Novembru 2016, http://fra.europa.eu/en/publication/2016/violence-threats-and-pressures-against-journalists-and-other-media-actors-european

(4)

Marilyn Clark u Anna Grech, Journalists under pressure - Unwarranted interference, fear and self-censorship in Europe, pubblikazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, 2017


OPINJONI TAL-MINORANZA

skont l-Artikolu 52a(4) tar-Regoli ta' Proċedura,

Marek Jurek

Ir-rapport adottat jindirizza l-kwistjoni tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, li hija ta' importanza fundamentali għad-demokrazija, iżda b'mod deliberat iħalli barra aspetti li huma essenzjali għal din il-kwistjoni u li ġew identifikati fil-kumitati u fin-negozjati. Dawn jirrigwardaw, b'mod partikolari, forom ġodda ta' restrizzjoni fuq il-libertà ta' espressjoni, li eżempju tiegħu huwa l-introduzzjoni ta' sentenzi ta' ħabs fi Franza għall-"eżerċitar ta' pressjoni morali".

Ir-rapport jiġbed l-attenzjoni lejn ir-responsabilità li għandu l-istat li jiggarantixxu l-kundizzjonijiet tal-pluraliżmu – ma jindirizzax il-ħtieġa li jerġa' jkun hemm kundizzjonijiet reali għall-pluraliżmu f'soċjetajiet li esperjenzaw tirannija totalitarja. F'pajjiżi li kienu mmexxija minn reġimi komunisti kollaborazzjonisti, il-gruppi soċjali meqjusa mill-awtoritajiet bħala ostili ġew soġġetti għal prattiki partikolarment diskriminatorji tul diversi ġenerazzjonijiet, u l-opinjonijiet u l-valuri tagħhom kienu b'mod metodiku mmaqqdra mill-propaganda uffiċjali. L-iżgurar li jkunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja pubblika hija r-responsabbiltà ċara ta' kwalunkwe gvern demokratiku u għandu jiġi appoġġjat mill-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, ir-rapport fih referenza mhux awtorizzat għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, li terz tal-Istati Membri ma rratifikawx, u jitlob li jiġi stabbilit "mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali", idea li wkoll hija miċħuda minn bosta pajjiżi. Rapport li jindirizza l-kwistjoni tal-pluraliżmu żgur li m'għandux jintuża biex jippromwovi ideat unilaterali bħal dawn li għalihom jopponu għadd kbir ħafna ta' ċittadini tal-pajjiżi tagħna.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (5.3.2018)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar il-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja fl-Unjoni Ewropea

(2017/2209(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Curzio Maltese

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li, kif inhu stipulat fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-libertà ta' espressjoni u dik tal-informazzjoni, kif previsti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 11), fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (Artikolu 19) u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, huma essenzjali biex tinkiseb soċjetà pluralistika; jenfasizza li l-aċċess għal informazzjoni indipendenti, ħielsa u ta' kwalità hu dritt fundamentali tal-bniedem, li l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja huma pilastri essenzjali tad-demokrazija, u li l-indipendenza tal-midja trid tkun iggarantita kif xieraq mill-pressjoni politika u ekonomika u mill-influwenzi żejda ta' kull tip sabiex jiġi evitat kull fastidju jew intimidazzjoni li jistgħu jinfluwenzaw il-kontenut editorjali;

2.  Jenfasizza li ċ-ċittadini, sabiex jipparteċipaw b'mod attiv u effettiv fil-ħajja pubblika u jieħdu sehem f'dibattiti politiċi, għandhom ikunu informati fuq kollox u b'mod xieraq;

3.  Jinsisti li r-raġunijiet għaliex il-poplu qed juri nuqqas dejjem akbar ta' fiduċja fil-midja għandhom jiġu analizzati b'mod trasparenti u serju; ifakkar li l-formazzjoni tal-opinjoni pubblika hija bbażata fuq relazzjoni ta' fiduċja bejn iċ-ċittadini u l-professjonisti tal-midja li tfittex li tinforma l-pubbliku u trawwem kultura ta' responsabbiltà pubblika u ta' trasparenza għall-iskopijiet ta' interess ġenerali; jinnota bi tħassib serju ħafna li s-sistema ta' finanzjament għall-istampa qed taffaċċja ħafna sfidi, inkluża l-konċentrazzjoni għolja ta' sjieda tal-midja li tirriżulta f'ċerti atturi dominanti li jużaw l-informazzjoni għal objettivi ta' propaganda politika u kummerċjali, u b'hekk jipperikolaw il-pluraliżmu tal-midja u naqqsu b'mod drammatiku l-kwalità, id-diversità u l-affidabbiltà tal-informazzjoni kif ukoll kemm wieħed jista' joqgħod fuq din l-informazzjoni , u jagħtu lok għal fenomeni bħall-"aħbarijiet foloz"; jilqa' għalhekk il-proposta tal-Kummissjoni li toffri lill-pubblikaturi tal-aħbarijiet id-dritt li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni u l-aċċessibbiltà online tal-pubblikazzjonijiet stampati tagħhom, sabiex tiffavorixxi relazzjoni bilanċjata mal-atturi kummerċjali online u sehem ġust tad-dħul iġġenerat minn pubblikazzjonijiet tal-istampa online;

4.  Jinnota l-isfidi ġodda li qed jaffaċċjaw kemm il-midja tradizzjonali kif ukoll dik ġdida, fil-kuntest tal-ambjent medjatiku li qed jevolvi b'mod rapidu, minħabba ż-żieda fit-teknoloġiji u d-diġitalizzazzjoni, pereżempju l-fenomenu tal-"filter bubble" marbuta mal-użu estensiv ta' algoritmi u tal-bżonn li jiġi rrispettat id-dritt fundamentali għall-privatezza; jenfasizza, b'mod partikolari, li l-fenomenu tal-hekk imsejħa "aħbarijiet foloz" huwa tendenza inkwetanti u li qed tikber, fejn l-istejjer foloz u l-informazzjoni qarrieqa deliberata qed jinxterdu, u li jista' jnissel tensjonijiet soċjali u joħloq theddida fundamentali għad-demokraziji; jinnota li l-ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet tal-midja għandhom responsabbiltà unika biex isawru l-opinjonijiet u d-diskors pubbliku, u li għandhom jimpenjaw ruħhom biex ifittxu li jagħtu informazzjoni bbażata fuq l-evidenza; jappella, għalhekk, għall-indipendenza tal-midja u t-trasparenza u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex isaħħu strateġija koerenti u komprensiva li, minn naħa, tfittex li trawwem ġurnaliżmu ta' kwalita għolja billi ssaħħaħ l-appoġġ finanzjarju u legali għall-midja operata b'mod indipendenti u għall-ġurnaliżmu investigattiv, filwaqt li tibqa' lura milli tkun involuta f'deċiżjonijiet editorjali, u min-naħa l-oħra, tfittex li tappoġġja l-litteriżmu medjatiku fost iċ-ċittadini kollha tal-UE;

5.  Jenfasizza li l-midja tas-servizz pubbliku għandha rwol insostitwibbli f'termini ta' pluraliżmu tal-midja u li għandha responsabbiltà importanti li tirrifletti b'mod adegwat id-diversità kulturali, lingwistika, soċjali u dik politika u li tiżgura li l-pubbliku jkun infurmat kif xieraq; jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu finanzjament xieraq, proporzjonat u stabbli għall-midja tas-servizz pubbliku, biex b'hekk jiżguraw li tkun tista' twettaq ir-rwol kulturali, soċjali u edukattiv tagħha, u tikkontribwixxi għal soċjetà inklussiva, filwaqt li jiggarantixxu l-indipendenza tagħha minn influwenzi u ċensuri politiċi u jevitaw milli tintuża bħala vettura għall-propaganda u l-indottrinazzjoni;

6.  Ifakkar li l-Istati Membri għandhom isibu modi kif jappoġġjaw il-midja, billi jiżguraw, pereżempju, in-newtralità tal-VAT, kif irrakkomandat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-futur tal-VAT(1), u billi jappoġġjaw inizjattivi relatati mal-midja;

7.  Jenfasizza li l-użu tal-midja diġitali wassal għal sfidi u opportunitajiet ġodda għal-libertà tal-midja, u li l-pluraliżmu tal-midja, inkluż fl-isfera online, huwa mhedded serjament mill-konċentrazzjoni eċċessiva ta' sjieda tal-midja, mill-kompliċità inkwetanti kull meta din tinqala' bejn l-interessi tal-industrija tal-midja u l-politika u min-nuqqas ta' konformità min-naħa tas-setgħat korporattivi mar-regoli tal-kompetizzjoni u tat-taxxa; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jegħlbu n-nuqqasijiet regolatorji sabiex joħolqu ċarezza u konsistenza legali biex jiżguraw id-diversità ġenwina, l-aċċessibbiltà tal-kontenut tal-midja u l-libertà tal-midja, u jipprevjenu l-formazzjoni ta' pożizzjonijiet dominanti mill-iġganti tal-internet, permezz ta' politika tal-kompetizzjoni tal-UE modernizzata li tiżgura kompetizzjoni ġusta fis-settur tal-midja Ewropea fil-kuntest ta' konverġenza online u r-rwol dejjem akbar ta' pjattaformi online bħala intermedjarji, u permezz ta' qafas regolatorju li jagħmel obbligatorju l-liċenzji tal-użu kummerċjali ta' artikli tal-istampa protetti mid-dritt tal-awtur, u b'hekk jiżguraw remunerazzjoni ġusta tal-pubblikaturi tal-istampa u finalment tal-ġurnalisti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-istrutturi tas-sjieda tal-midja jridu jkunu trasparenti u li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jimmonitorjaw dan l-aspett b'mod partikolari;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jistabbilixxu sistema mal-UE kollha ta' awtoregolazzjoni statutorja li tiżgura li l-atturi tal-midja jinvolvu, jinnegozjaw u jistitwixxu l-istandards etiċi tagħhom stess għal informazzjoni online mingħajr involviment politiku dirett;

9.  Jinnota li ħafna mill-informazzjoni li jipproduċu l-mezzi tal-midja tradizzjonali hija issa disponibbli kemm fuq pjattaformi online kif ukoll fuq dawk tradizzjonali, u li dawn għalhekk jibqgħu soġġetti għal regolamenti tal-midja nazzjonali; ifakkar li dan mhuwiex il-każ għal pjattaformi tal-midja li jeżistu online biss, li jwassal għal kompetizzjoni inġusta bejn tali pjattaformi u dawk tal-midja tradizzjonali; jinnota li servizzi simili b'fatturi simili għandu jkollhom regolamenti simili; jappella għall-armonizzazzjoni tar-regoli u r-regolamenti tal-midja biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi;

10.  Jenfasizza l-fatt li l-libertà ta' espressjoni u dik tal-informazzjoni fl-Ewropa qed jiġu pperikolati minħabba intimidazzjoni dejjem akbar ta' ġurnalisti u atti ta' aggressjoni kontrihom, kif jixhed l-omiċidju reċenti ta' Daphne Caruana Galizia; itenni li l-Istati Membri jridu jissalvagwardjaw id-dritt fundamentali tal-libertà ta' espressjoni tal-ġurnalisti li jagħtu l-informazzjoni, billi jiżguraw il-protezzjoni u l-faċilitazzjoni tal-ħidma tagħhom, kif ukoll id-dritt fundamentali tal-pubbliku inġenerali li jirċievi dik l-istess informazzjoni; jenfasizza s-sitwazzjoni partikolari tal-ġurnalisti investigattivi, kif ukoll l-importanza tal-protezzjoni tas-sorsi; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-oqfsa legali tagħhom u l-prattiki ta' infurzar tal-liġi tagħhom jiggarantixxu protezzjoni, assistenza u appoġġ xierqa għall-ġurnalisti u l-atturi tal-midja, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lill-perikli speċifiċi relatati mal-identità sesswali, etnika u dik tal-ġeneru;

11.  Jenfasizza li l-iżvelar ta' informazzjoni protetta huwa element essenzjali għall-ġurnaliżmu investigattiv u l-libertà tal-istampa; jinnota li meta, b'azzjoni meħuda fl-interess pubbliku, il-ġurnalisti jiddivulgaw informazzjoni jew jirrapportaw imġiba ħażina, azzjonijiet ħżiena, frodi jew attivitajiet illegali, huma jistgħu jkunu soġġetti għal prosekuzzjoni legali aktar milli għal protezzjoni legali; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar miżuri leġittimi għall-ħarsien ta' informaturi li jkunu qed jaġixxu fl-interess pubbliku meta jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali dwar kumpaniji u korpi pubbliċi(2); iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta, kemm jista' jkun malajr, proposta leġiżlattiva li tiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni għall-informaturi fl-UE;

12.  Jirrikonoxxi l-istabbiliment b'suċċess taċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Istampa u tal-Midja (ECPMF) fil-kuntest ta' proġett pilota tal-Unjoni Ewropea u jenfasizza l-ħidma magħrufa sew tal-ECPMF fil-ġlieda tiegħu kontra l-attakki fuq il-libertà tal-istampa u tal-midja permezz ta' rrekordjar sistematiku ta' ksur tal-libertà tal-midja fl-Ewropa u fl-għoti ta' appoġġ dirett lill-ġurnalisti u l-attivisti tal-libertà tal-midja mhedda u f'riskju li jsiru vittmi ta' vjolenza; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa l-għodod neċessarji u tipprovdi l-iffinanzjar neċessarju biex l-ECPMF isir struttura permanenti tal-UE;

13.  Jenfasizza li ż-żieda fid-diskors ta' mibegħda, l-abbuż u t-theddid fi spazji online, enfasizzata fl-istħarriġ tal-2016 tal-Ewrobarometru dwar il-pluraliżmu tal-midja u d-demokrazija, għandha bżonn tiġi indirizzata sabiex jiġu protetti l-libertà ta' espressjoni u d-diversità tal-opinjonijiet fil-midja online; jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta b'mod ulterjuri l-abbuż online u l-effetti tiegħu u tieħu miżuri xierqa biex timpedih u tegħlbu b'mod effettiv;

14.  Jenfasizza li l-professjonisti tal-midja, speċjalment l-iżgħar fosthom, jaħdmu wisq ta' sikwit f'kundizzjonijiet prekarji fir-rigward tal-kuntratti tal-impjieg, is-salarji u l-garanziji soċjali u legali tagħhom, li jikkompromettu l-kapaċità tagħhom li jaħdmu kif xieraq u għalhekk jaffettwaw id-disponibbiltà ta' aħbarijiet u informazzjoni imparzjali u indipendenti, li fl-aħħar mill-aħħar ifixklu l-libertà tal-midja; jistieden lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet tal-midja biex jiggarantixxu li l-ġurnalisti jkunu jistgħu jagħmlu xogħolhom filwaqt li jirrrispettaw l-ogħla standards billi jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għal kulħadd u biex irawmu l-kwalità u t-taħriġ kontinwu, kemm għal dawk li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali kif ukoll għal dawk freelance; iħeġġeġ lis-settur tal-midja biex jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki u l-prattiki tal-midja, pereżempju permezz ta' mekkaniżmi koregolatorji u kodiċi ta' kondotta interni;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom ħalli jsaħħu l-litteriżmu medjatiku u jippromwovu inizjattivi edukattivi u ta' taħriġ fost iċ-ċittadini kollha permezz ta' edukazzjoni formali, mhux formali u informali minn perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja, ukoll billi jagħtu attenzjoni speċjali lit-taħriġ u l-appoġġ inizjali u attwali ta' għalliema u billi jħeġġu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn is-settur tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u l-partijiet ikkonċernati relevanti kollha, inkluż il-professjonisti tal-midja, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ; jerġa' jafferma l-bżonn li jiġu appoġġjati l-għodod innovattivi li jkunu xierqa għall-etajiet biex jippromwovu l-għoti ta' setgħa u s-sikurezza online bħala elementi obbligatorji tal-kurrikulu fl-iskejjel biex inaqqsu d-differenza diġitali kemm permezz ta' proġetti speċifiċi ta' litteriżmu teknoloġiku kif ukoll b'investimenti adegwati fl-infrastrutturi sabiex jiżguraw aċċess universali għall-informazzjoni;

16.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' sens ta' evalwazzjoni u analiżi kritiċi fir-rigward tal-użu u l-ħolqien tal-kontenut tal-midja huwa essenzjali għall-fehim ta' kwistjonijiet attwali min-naħa tal-poplu u għall-kontribut għall-ħajja pubblika, kif ukoll għall-għarfien tagħhom dwar il-potenzjal transformattiv u t-theddid inerenti għal ambjent medjatiku dejjem aktar kumpless u interkonness; jisħaq li l-litteriżmu medjatiku huwa ħila demokratika kruċjali li tagħti s-setgħa liċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw miżuri speċifiċi sabiex jippromwovu u jappoġġjaw proġetti tal-litteriżmu medjatiku, bħall-proġett pilota dwar il-Litteriżmu Medjatiku għal Kulħadd u biex jiżviluppaw politika komprensiva tal-litteriżmu medjatiku mmirata lejn iċ-ċittadini ta' kull età u għat-tipi kollha tal-midja bħala parti integrali mill-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-edukazzjoni, appoġġjata kif xieraq minn opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE, bħalma huma l-Fondi SIE u Orizzont 2020;

17.  Jinnota bi tħassib li, kif ġie enfasizzat mill-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja 2016, l-aċċess għall-midja minn minoranzi, komunitajiet lokali u reġjonali, nisa u persuni b'diżabbiltajiet jinsab f'riskju; jenfasizza li l-midja inklużiva hija essenzjali f'ambjent medjatiku miftuħ, liberu u pluralistiku, u li ċ-ċittadini kollha għandhom id-dritt ta' aċċess għal informazzjoni indipendenti bil-lingwa materna tagħhom, kemm jekk tkun lingwa ta' stat kif ukoll ta' minoranza; jenfasizza l-importanza li l-ġurnalisti Ewropej, speċjalment dawk li jaħdmu b'lingwi inqas użati u ta' minoranzi, jingħataw taħriġ adegwat u opportunitajiet ta' taħriġ mill-ġdid; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iħeġġu u jappoġġjaw riċerka, proġetti u politiki li jtejbu l-aċċess għall-midja kif ukoll inizjattivi relevanti mmirati lejn gruppi ta' minoranza vulnerabbli (bħall-proġett pilota dwar l-opportunitajiet ta' Apprendistat għall-midja b'lingwa ta' minoranza), u biex jiggarantixxu opportunitajiet għall-parteċipazzjoni u l-espressjoni għaċ-ċittadini kollha;

18.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tiżviluppa strateġija settorjali għas-settur tal-midja Ewropew ibbażata fuq l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà; iqis li strateġija bħal din għandha ssaħħaħ il-kollaborazzjoni transfruntiera u l-koproduzzjonijiet bejn l-atturi tal-midja fl-UE sabiex tenfasizza d-diversità tagħhom u tippromwovi d-djalogu interkulturali, sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni mal-kmamar tal-aħbarijiet individwali u s-servizzi awdjoviżivi tal-istituzzjonijiet Ewropej kollha, b'mod partikolari ma' tal-Parlament, u sabiex trawwem kopertura tal-midja u viżibbiltà tal-affarijiet tal-UE;

19.  Ifakkar fl-impenn tal-UE biex tipproteġi u tippromwovi l-libertà tal-espressjoni u dik tal-informazzjoni fl-UE u barra minnha; jenfasizza li l-prinċipji tal-libertà tal-midja, il-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja huma relevanti għall-pajjiżi ta' qabel l-adeżjoni u għaż-żona tal-Viċinat Ewropew daqskemm huma għall-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dawn il-prinċipji jkunu adegwatament immonitorjati u li l-programmi ta' għajnuna jkunu implimentati f'pajjiżi kandidati, f'dawk tal-viċinat u f'pajjiżi terzi;

20.  Jenfasizza li b'rappurtar pluralistiku miżjud tal-aħbarijiet tal-UE, li jirrispetta d-diversità kulturali ta' Stati Membri individwali u li jisfrutta l-potenzjal sħiħ ta' għodod bħall-komunikazzjoni, il-midja, il-midja soċjali u l-pjattaformi interattivi, iċ-ċittadini tal-UE jersqu aktar viċin u jiġu konnessi aħjar mal-affarijiet tal-UE billi jgħin lill-individwi jiffurmaw opinjonijiet u jaqsmuhom, jagħmlu deċiżjonijiet infurmati u jikkontribwixxu permezz ta' involviment kritiku fir-riforma u l-iżvilupp pożittiv tal-UE;

21.  Jerġa' jafferma l-bżonn li s-sitwazzjoni fir-rigward tal-libertà tal-midja u l-pluraliżmu fl-UE tkun immonitorjata b'mod indipendenti u jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tkompli tappoġġja l-għodda tal-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja u biex tħeġġeġ l-iżvilupp ulterjuri tagħha ħalli tippermetti valutazzjoni komprensiva u preċiża tar-riskji għall-pluraliżmu tal-midja fl-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati relevanti kollha biex jindirizzaw immedjatament ir-riskji enfasizzati billi jieħdu miżuri xierqa;

22.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati aktar mudelli għat-twaqqif ta' pjattaforma Ewropea tas-servizz tax-xandir pubbliku li trawwem dibattiti politiċi mal-UE kollha bbażati fuq fatti, diverġenzi ta' opinjonijiet u rispett, tikkontribwixxi għal pluralità ta' opinjonijiet fl-ambjent il-ġdid tal-midja konverġuta u trawwem il-viżibbiltà tal-UE fir-relazzjonijiet esterni tagħha;

23.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jipproteġu l-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni fl-arti kontemporanja billi jħeġġu l-ħolqien ta' xogħlijiet tal-arti li jagħtu vuċi lit-tħassib soċjali, iħeġġu d-dibattitu kritiku u jispiraw kontrodiskors.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

21.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Damian Drăghici, María Teresa Giménez Barbat, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Stefano Maullu, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Yana Toom, Helga Trüpel, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Francis Zammit Dimech

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

22

+

ALDE

Mircea Diaconu, María Teresa Giménez Barbat, Yana Toom

GUE/NGL

Nikolaos Chountis, Curzio Maltese

PPE

Andrea Bocskor, Svetoslav Hristov Malinov, Stefano Maullu, Bogdan Brunon Wenta, Francis Zammit Dimech, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Michaela Šojdrová

S&D

Silvia Costa, Damian Drăghici, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Julie Ward, Krystyna Łybacka

Verts/ALE

Helga Trüpel

0

-

2

0

EFDD

Isabella Adinolfi

ENF

Dominique Bilde

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 94 E, 3.4.2013, p. 5.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0402.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (1.3.2018)

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar il-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja fl-Unjoni Ewropea

(2017/2209(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Heidi Hautala

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jisħaq fuq il-punt li l-pluraliżmu tal-midja jinvolvi bosta aspetti, fosthom, ir-regoli dwar il-kontroll tal-amalgamazzjonijiet, ir-rekwiżiti tal-kontenut fis-sistemi ta' liċenzjar tax-xandir, it-trasparenza u l-konċentrazzjoni limitata tas-sjieda tal-midja, l-istabbiliment ta' libertajiet editorjali, l-indipendenza u l-istatus tax-xandara tas-servizz pubbliku, is-sitwazzjoni professjonali tal-ġurnalisti, ir-relazzjoni bejn il-midja u l-atturi politiċi, kif ukoll l-operaturi ekonomiċi, l-aċċess tan-nisa u l-minoranzi għal kontenut medjatiku, id-diversità tal-opinjonijiet, eċċ.;

2.  Ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni hija dritt fundamentali kif previst mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u hija waħda mill-aktar valuri fundamentali għas-salvagwardja tad-demokrazija u għat-tisħiħ tal-identità Ewropea tagħna; jisħaq fuq il-punt li l-libertà tal-midja u l-pluraliżmu huma msejsa fuq id-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni, li hija pedament tad-demokrazija, u jeħtieġu l-appoġġ attiv tas-settur politiku; josserva li l-libertà tal-espressjoni tista' wkoll tipproteġi d-dritt tas-soċjetà kollha kemm hi li tirċievi informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha li huma ta' interess għaliha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu miżuri adegwati biex jissalvagwardjaw u jippromwovu midja pluralistika, indipendenti u ħielsa biex b'hekk jiżguraw il-libertà tal-espressjoni u d-demokrazija;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tiġbor informazzjoni u statistika dwar il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja fl-Istati Membri kollha u tanalizza l-każijiet ta' ksur tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet fundamentali tal-ġurnalisti u professjonisti oħra fil-qasam tal-midja, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex jiġu indirizzati s-sejbiet ta' dawn l-evalwazzjonijiet.

4.  Jenfasizza li, f'soċjetà pluralistika u demokratika, iċ-ċittadini jeħtieġ li jkun informati kif xieraq u bis-sħiħ sabiex jipparteċipaw b'mod attiv u effettiv fil-ħajja pubblika u jieħdu sehem f'dibattiti politiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu dibattitu politiku b'saħħtu u impenn politiku dejjiemi għar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem permezz tal-litteriżmu medjatiku, tal-pluraliżmu tal-midja u tal-etika; jinnota bi tħassib li l-limitazzjonijiet fuq il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu jwasslu għal defiċit demokratiku u li d-defiċit demokratiku fi Stat Membru wieħed jista' jaffettwa lill-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, speċjalment meta l-indipendenza tal-midja pubblika taf tkun kompromessa minħabba l-influwenza ta' maġġoranza governattiva; josserva li tali influwenza tista' tiġi kkontrobilanċjata b'midja tas-servizz pubbliku indipendenti u mgħammra u ffinanzjata b'mod adegwat li tkun kapaċi tirreżisti l-interferenza min-naħa tal-gvern u tippreżenta varjetà ta' pożizzjonijiet politiċi; iħeġġeġ l-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet legali sodi u prattika amministrattiva tajba fil-qasam tal-midja tas-servizz pubbliku, fosthom fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat u ta' kwalunkwe finanzjament pubbliku, bil-għan li jissaħħu l-indipendenza tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jwettqu għalkollox il-missjoni tagħhom fl-interess pubbliku ġenerali;

5.  Jinnota b'dispjaċir li ma ngħatatx biżżejjed attenzjoni lill-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-midja fil-livell tal-Istati Membri u fil-livell tal-UE; jenfasizza li r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni għandhom rwol importanti fil-prevenzjoni tal-ħolqien jew l-abbuż ta' pożizzjonijiet dominanti u, f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li dawn ir-regoli jiġu implimentati b'mod xieraq u effikaċi; jistieden lill-Istati Membri, permezz tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom, jimmonitorjaw il-konċentrazzjoni tal-midja u jipprovdu informazzjoni li tkun faċilment aċċessibbli u trasparenti għalkollox dwar is-sjieda tal-midja, inklużi s-sidien benefiċjarji, u l-influwenza ekonomika fuq il-midja u s-sostenn finanzjarju għall-panorama medjatika, inkluża l-midja online; jirrakkomanda li din l-informazzjoni ssir aċċessibbli għall-pubbliku fl-Istati Membri kollha, sabiex jiġu identifikati s-sorsi possibbli ta' kontroll u influwenza fuq il-midja, jissaħħaħ l-obbligu ta' rendikont tal-midja, tiġi żgurata l-indipendenza editorjali u ġurnalistika u jiġi salvagwardjat ir-rwol tal-midja bħala għassies pubbliku;

6.  Jinsab imħasseb serjament dwar il-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi meħuda f'ċerti Stati Membri biex irażżnu u jikkontrollaw il-midja tagħhom, direttament jew indirettament, speċjalment fis-settur tal-midja pubblika, jew biex ma jappoġġawx il-pluraliżmu tal-midja; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom l-obbligu pożittiv li jiżguraw il-pluraliżmu tal-midja u ambjent li fih iċ-ċittadini jistgħu jipparteċipaw fid-dibattitu pubbliku u jesprimu ideat u opinjonijiet mingħajr biża'; jisħaq fuq il-punt li l-prinċipju fundamentali tal-indipendenza editorjali mill-gvernijiet u/jew mill-interessi politiċi jew kummerċjali għandu jiġi protett u ggarantit, iżda wkoll tal-indipendenza minn kwalunkwe interess privat li x'aktarx jhedded il-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja; jissottolinja li kwalunkwe kopertura tal-kampanji elettorali u ta' avvenimenti oħra relatati, speċjalment meta jinfluwenzaw b'mod sostanzjali l-ħajja u l-opinjoni pubblika, għandha tkun ġusta, ibbilanċjata u imparzjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaderixxu mar-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tal-indipendenza tal-midja pubblika u jfakkar fl-istandards Ewropej stabbiliti fit-Trattati f'dan ir-rigward; jisħaq li s-superviżjoni tal-midja tas-servizz pubbliku trid tiġi eżerċitata minn korpi indipendenti u mhux direttament minn istituzzjonijiet politiċi, bħal ngħidu aħna l-gvernijiet; jenfasizza, barra minn hekk, li f'każijiet tal-midja tas-servizz pubbliku li tkun iffinanzjata pubblikament, irid ikun hemm garanzija tal-indipendenza editorjali;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jiżviluppaw mudelli ekonomiċi ġodda li huma soċjalment sostenibbli li jkollhom l-għan li jiffinanzjaw u jappoġġaw il-ġurnaliżmu ta' kwalità u indipendenti kif ukoll li jsaħħu s-sostenibilità tal-midja tas-servizz pubbliku, li huma prerekwiżiti ta' sistema ta' midja pluralistika;

8.  Jissuġġerixxi li sabiex il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja jiġu salvagwardjati b'mod effiċjenti l-kumpaniji li s-sid prinċipali tagħhom huwa wkoll proprjetarju ta' kumpanija tal-midja ma għandhomx jitħallewx jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku jew tal-inqas dan għandu jsir b'mod kompletament trasparenti; jipproponi li l-Istati Membri għandhom jintalbu jirrapportaw b'mod regolari dwar kull finanzjament pubbliku pprovdut lil intrapriża tal-midja u li l-finanzjament pubbliku kollu pprovdut lis-sidien tal-midja għandu jiġi mmonitorjat b'mod regolari; jenfasizza li s-sidien tal-midja m'għandhomx ikunu ġew akkużati jew misjuba ħatja ta' reat kriminali;

9.  Jenfasizza li kwalunkwe finanzjament pubbliku lil organizzazzjonijiet tal-midja għandu jingħata abbażi ta' kriterji nondiskriminatorji, oġġettivi u trasparenti li għandhom jiġu mgħarrfa minn qabel lill-midja kollha;

10.  Jipproponi li kwalunkwe finanzjament pubbliku għall-midja għandu jkun disponibbli biss għal organizzazzjonijiet tal-midja li jippubblikaw kodiċi ta' kondotta li jkun faċilment aċċessibbli għall-pubbliku;

11.  Jinsab imħasseb minħabba r-rikors min-naħa ta' entitajiet kummerċjali b'saħħithom għall-prattiki ta' azzjonijiet legali strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (Strategic Lawsuit Against Public Participation, SLAPP) bit-tentattiv li jsikktu lill-ġurnalisti, ma jħalluhomx jagħmlu xogħolhom jew jinterferixxu b'xi mod ieħor fil-kontenut tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tieħu nota ta' din it-tendenza u tipproponi leġiżlazzjoni li tnaqqas dawn il-prattiki abużivi;

12.  Jinsab imħasseb dwar l-għadd kbir ta' ġurnalisti u professjonisti oħrajn fil-qasam tal-midja fl-Ewropa li qegħdin jiġu dejjem aktar mhedda, intimidati, soġġetti għal sorveljanza, attakkati fiżikament u saħansitra maqtula minħabba x-xogħol investigattiv tagħhom u talli jirrappurtaw dwar l-użu ħażin tal-poter, il-korruzzjoni, il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivitajiet kriminali; jiddispjaċih li perċentwal żgħir biss tat-theddid jew inċidenti ta' intimidazzjoni mmirati lejn il-ġurnalisti jiġi rrapportat lill-pulizija; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u professjonisti oħra fil-qasam tal-midja billi jiżguraw l-infurzar xieraq tal-liġijiet applikabbli u permezz tal-monitoraġġ u r-rappurtar dwar theddid u intimidazzjoni;

13.  Itenni li kundizzjonijiet tax-xogħol tajba u s-sikurezza u s-sigurtà tal-ġurnalisti u professjonisti oħra fil-qasam tal-midja huma prerekwiżiti biex iwettqu għalkollox ir-rwol tagħhom, jiġifieri li jinfurmaw liċ-ċittadini dwar kwistjonijiet ta' interess pubbliku; għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet tal-midja jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-ġurnalisti u għall-professjonisti l-oħra fil-qasam tal-midja;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jwettqu segwitu għad-Dikjarazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u tal-operaturi l-oħra fis-settur tal-midja;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ġurnalisti jingħataw l-għodod xierqa biex jinvestigaw u jirċievu informazzjoni mingħand l-UE u l-awtoritajiet tal-amministrazzjoni pubblika tal-Istati Membri, skont ir-Regolament 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti mingħajr ma jħabbtu wiċċhom ma' deċiżjonijiet arbitrarji li jċaħħduhom minn tali dritt ta' aċċess; jinnota li l-informazzjoni miksuba permezz tad-dritt ta' inkjesta minn ġurnalisti jew minn ċittadini, inkluża l-informazzjoni miksuba permezz tal-informaturi, hija kemm komplementari kif ukoll essenzjali biex il-ġurnalisti jkunu kapaċi jwettqu l-missjoni tagħhom ta' interess pubbliku; itenni li l-aċċess għas-sorsi u l-avvenimenti pubbliċi għandu jiddependi minn kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u trasparenti;

16.  Jinnota li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ strumenti adegwati sabiex jiġu identifikati dawk responsabbli ta' ħsara lil ħaddieħor permezz tal-midja, anke fl-ispazju online, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali;

17.  Jirrikonixxi li l-ġurnalisti jirrikjedu l-aktar protezzjoni ġuridika sħiħa possibbli biex jużaw u jxerrdu din l-informazzjoni ta' interess pubbliku fil-linja tax-xogħol tagħhom;

18.  Jirrikonoxxi "d-dritt tal-iżvelar" fil-każijiet kollha fejn tiġi żvelata informazzjoni in bona fide u jkun ċar li dan ikun sar fl-interess pubbliku, pereżempju fejn ikun hemm ksur tad-drittijiet fundamentali jew tad-dritt kriminali, inkluża l-korruzzjoni attiva jew passiva, jew f'dak li jikkonċerna fatti li jiżvelaw theddida għas-sikurezza, is-saħħa jew l-ambjent;

19.  Jinnota li l-informaturi li jaġixxu fuq sorsi raġonevoli jistgħu jkunu sors kruċjali għall-ġurnalisti investigattivi u b'hekk jikkontribwixxu għall-indipendenza tal-istampa; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tipprovdi protezzjoni fl-UE kollha skont it-Trattati u l-objettivi tal-Unjoni f'dak li jikkonċerna d-demokrazija, il-pluraliżmu tal-opinjoni u l-libertà tal-espressjoni; jisħaq fuq il-punt li l-protezzjoni tal-informaturi tmur id f'id mal-kunfidenzjalità tas-sorsi tal-ġurnalisti, ibbilanċjata bid-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi akkużati;

20.  Jissottolinja li akkużi foloz jew informazzjoni qarrieqa jistgħu jkollhom effetti estensivi għaċ-ċittadini u n-negozji; ifakkar li, fil-każ ta' akkużi foloz, jenħtieġ li dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom u ma jibbenefikawx mill-protezzjoni tal-informaturi; jisħaq li kwalunkwe persuna li tiġi malafamata minn informazzjoni żbaljata jew qarrieqa għandu jingħatalha mekkaniżmi ta' rimedju effettivi;

21.  Jenfasizza li l-ħolqien u t-tixrid deliberat ta' informazzjoni ħażina bħala pedina finanzjarja jew politika, l-hekk imsejħa "aħbarijiet foloz", jiksru r-relazzjoni ta' fiduċja bejn il-midja u ċ-ċittadini u għandhom il-potenzjal li jipperikolaw id-demokraziji liberali kif ukoll li jdgħajfu l-valuri demokratiċi tagħna, bħal-libertà tal-espressjoni u l-istat tad-dritt; jenfasizza li peress li l-midja soċjali għamlet iċ-ċirkolazzjoni ta' tali informazzjoni falza ħafna aktar faċli mill-mezzi tax-xandir tradizzjonali, iridu jinstabu soluzzjonijiet sabiex l-awturi ta' aħbarijiet foloz jinżammu responsabbli għal għemilhom fil-midja diġitali bħalma huwa l-każ fid-dinja offline; jisħaq li r-risposta ma tistax tkun ir-regolamentazzjoni stretta jew iċ-ċensura tal-ħsibijiet u l-fehmiet, iżda li parti mis-soluzzjoni għall-ġlieda kontra l-informazzjoni ħażina u l-propaganda tinsab fl-ivverifikar tal-affidabilità tal-informazzjoni u l-edukazzjoni taċ-ċittadini li jaħsbu b'mod kritiku u li huma litterati fil-midja; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jiddedikaw biżżejjed riżorsi għall-ġlieda kontra l-informazzjoni ħażina u biex jieħdu miżuri kkoordinati kontra dawk li jippubblikaw u jiddistribwixxu aħbarijiet li huma deliberatament foloz; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li l-konsumaturi tal-midja jkunu kapaċi jiddistingwu bejn dawk li huma fatti u dawk li huma sempliċment opinjonijiet; jisħaq fuq il-punt li l-isforzi tat-Taqsima għall-Komunikazzjoni Strateġika tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), u b'mod partikolari t-Task Force East StratCom, biex tikkontribwixxi b'mod attiv għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġija kontra t-tixrid tal-aħbarijiet foloz, għandhom jiżdiedu b'mod ġenerali u jenħtieġu aktar riżorsi biex din tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha b'mod effikaċi; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jikkomplementaw l-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz u biex jinvolvu ruħhom fil-livelli kollha, inkluża kooperazzjoni fil-viċinat tal-UE, sabiex jitrawwem ambjent ta' midja pluralistiku għall-komunikazzjoni tal-politiki tal-UE b'mod onest, koerenti u komprensiv; jilqa' b'sodisfazzjon it-tħabbira tal-Kummissjoni li qed tħejji strateġija għall-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz;

22.  Jinnota li t-teknoloġiji l-ġodda bidlu b'mod drammatiku l-mudell kummerċjali tal-istampa tradizzjonali; jemmen, madankollu, li, b'qafas legali konsistenti, it-tranżizzjoni diġitali għandha l-potenzjal li trawwem il-kompetizzjoni bejn l-atturi fil-qasam tal-midja u tiddemokratizza l-aċċess u l-ħolqien tal-informazzjoni u l-kontenut;

23.  Jinnota li fl-ekosistema tal-midja diġitali, li qiegħda tevolvi, nibtu intermedjarji ġodda bil-kapaċità li jinfluwenzaw u jikkontrollaw l-informazzjoni u l-ideat online billi jiksbu l-funzjonijiet u s-setgħat ta' kontroll tal-aċċess; jissottolinja l-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed mezzi, servizzi u sorsi indipendenti u awtonomi online bil-kapaċità li jiżguraw pluralità ta' opinjonijiet u ideat demokratiċi lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta' interess ġenerali; jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw politiki nazzjonali u miżuri ġodda jew eżistenti f'dan ir-rigward;

24.  Jisħaq fuq il-punt li l-indipendenza tal-istampa tkopri kemm il-midja pubblika kif ukoll dik privata; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' kodiċi tal-etika għall-ġurnalisti u l-edituri; jissottolinja li tali kodiċi tal-etika għandhom jinkludu l-obbligu li jivverifikaw l-informazzjoni u s-sorsi; jisħaq fuq il-punt li t-tixrid tal-kontenut online għandu japplika l-istess dmir ta' diliġenza bħat-tixrid offline; jinsab imħasseb, f'dan ir-rigward, minħabba li jidher li tbaxxew l-istandards f'ambjent online li qiegħed jinbidel b'mod rapidu u fejn il-kwantità, il-ħeffa u l-clickbait saru aktar importanti mill-eżattezza;

25.  Jilqa' "l-Kollokju Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-2016 dwar il-pluraliżmu tal-midja u demokrazija" u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Libertà u l-Pluraliżmu tal-Midja; itenni l-appell tiegħu għal miżuri leġiżlattivi li jiżguraw standards tal-pluralismu tal-midja fil-livell Ewropew għall-midja stampata, il-libell, il-konċentrazzjoni u t-trasparenza tas-sjieda tal-midja, eċċ.; jiddikjara li l-ispazju soċjali u politiku komuni Ewropew jirrikjedi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja biex jiggarantixxi demokrazija li tiffunzjona tajjeb;

26.  Jenfasizza li l-prinċipji tal-libertà tal-midja, il-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja huma relevanti għall-pajjiżi li jinsabu fil-fażi ta' qabel l-adeżjoni u għaż-żona tal-Viċinat Ewropew daqskemm huma għall-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dawn il-prinċipji jissaħħu u jiġu adegwatament immonitorjati f'dawn il-pajjiżi u li l-programmi ta' għajnuna jkunu kkundizzjonati għar-rispett ta' dawn il-prinċipji;

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

22.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Emil Radev, Evelyn Regner, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Angel Dzhambazki, Evelyne Gebhardt, Jytte Guteland, Heidi Hautala, Kosma Złotowski

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Norbert Erdős, Michaela Šojdrová

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

21

+

ALDE

EFDD

ENF

GUE/NGL

PPE

S&D

VERTS/ALE

Jean-Marie Cavada, António Marinho e Pinto

Joëlle Bergeron

Marie-Christine Boutonnet, Gilles Lebreton

Kostas Chrysogonos

Daniel Buda, Norbert Erdős, Rosa Estaràs Ferragut, Emil Radev, Michaela Šojdrová, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

Mady Delvaux, Evelyne Gebhardt, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Jytte Guteland, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Evelyn Regner

Max Andersson, Heidi Hautala

0

-

 

 

2

0

ECR

Angel Dzhambazki, Kosma Złotowski

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

27.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

3

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Jan Philipp Albrecht, Heinz K. Becker, Monika Beňová, Caterina Chinnici, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Tanja Fajon, Laura Ferrara, Ana Gomes, Sylvie Guillaume, Jussi Halla-aho, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Monica Macovei, Roberta Metsola, Claude Moraes, Ivari Padar, Judith Sargentini, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Sergei Stanishev, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Harald Vilimsky, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Ignazio Corrao, Gérard Deprez, Maria Grapini, Marek Jurek, Miltiadis Kyrkos, Nuno Melo, Angelika Mlinar, Nadine Morano, Emilian Pavel, Morten Helveg Petersen, Petri Sarvamaa, Elly Schlein, Barbara Spinelli

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

André Elissen, Marc Joulaud, Christelle Lechevalier, Martina Michels, Liadh Ní Riada, Anna Záborská


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

44

+

ALDE

Gérard Deprez, Angelika Mlinar, Morten Helveg Petersen, Cecilia Wikström

ECR

Monica Macovei, Helga Stevens

EFDD

Ignazio Corrao, Laura Ferrara

GUE/NGL

Martina Michels, Liadh Ní Riada, Barbara Spinelli, Marie-Christine Vergiat

PPE

Asim Ademov, Heinz K. Becker, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Marc Joulaud, Nuno Melo, Roberta Metsola, Nadine Morano, Petri Sarvamaa, Csaba Sógor, Traian Ungureanu, Anna Záborská

S&D

Monika Beňová, Caterina Chinnici, Tanja Fajon, Ana Gomes, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Cécile Kashetu Kyenge, Miltiadis Kyrkos, Juan Fernando López Aguilar, Claude Moraes, Ivari Padar, Emilian Pavel, Elly Schlein, Sergei Stanishev, Josef Weidenholzer

VERTS/ALE

Jan Philipp Albrecht, Judith Sargentini, Bodil Valero

3

-

ENF

André Elissen, Christelle Lechevalier

NI

Udo Voigt

4

0

ECR

Jussi Halla-aho, Marek Jurek, Branislav Škripek

ENF

Harald Vilimsky

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' April 2018Avviż legali