Proċedura : 2018/2043(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0148/2018

Testi mressqa :

A8-0148/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 03/05/2018 - 7.5

Testi adottati :

P8_TA(2018)0195

RAPPORT     
PDF 666kWORD 66k
26.4.2018
PE 620.786v02-00 A8-0148/2018

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2017/010 BE/Caterpillar)

(COM(2018)0156 – C8-0125/2018 – 2018/2043(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Eider Gardiazabal Rubial

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
  NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2017/010 BE/Caterpillar)

(COM(2018)0156 – C8-0125/2018 – 2018/2043(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0156 – C8-0125/2018),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0148/2018), ),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li jingħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u rapidu kemm jista' jkun;

C.  billi l-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2017/010 BE/Caterpillar għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 2 287 sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 28 tan-NACE Rev 2 (Manifattura ta' makkinarju u tagħmir) fir-reġjun ta' Hainaut (BE32) fil-Belġju li jikkorrispondi għal-livell NUTS 2;

D.  billi l-applikazzjoni hi msejsa fuq il-kriterji ta' intervent tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jingħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom u li l-attività tagħhom tkun waqfet;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG ġew issodisfati, u li l-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 4 621 616 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 7 702 694;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ppreżentaw l-applikazzjoni fit-18 ta' Diċembru 2017 u li, wara l-għoti ta' informazzjoni addizzjonali mill-Belġju, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fit-23 ta' Marzu 2018 u nnotifikat lill-Parlament fl-istess ġurnata;

3.  Ifakkar li din hi t-tieni applikazzjoni mill-Belġju għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fir-rigward tas-sensji f'Caterpillar, wara l-applikazzjoni EGF/2014/011 BE/Caterpillar f'Lulju 2014 u d-deċiżjoni pożittiva dwarha(4); jinnota li ma hemm l-ebda sovrappożizzjoni bejn il-ħaddiema appoġġjati permezz ta' dak il-każ u l-applikazzjoni kurrenti;

4.  Jinnota li l-Belġju qed jargumenta li s-sensji huma marbutin ma' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, mal-kompetizzjoni dinjija fis-setturi tal-makkinarju tal-kostruzzjoni u tal-minjieri, u mat-tnaqqis konsegwenti fis-sehem tal-Grupp Caterpillar fis-suq tal-makkinarju; jinnota li s-sensji huma relatati mal-pjan globali ta' ristrutturar u tnaqqis tal-ispejjeż imħabbar minn Caterpillar f'Settembru 2015;

5.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li, bħala riżultat ta' regolamentazzjoni ambjentali inqas restrittiva u b'kostijiet lavorattivi aktar baxxi, id-ditti li joperaw f'pajjiżi terzi jistgħu jkunu aktar kompetittivi minn dawk li joperaw fl-Unjoni;

6.  Huwa konxju mit-tnaqqis fil-produzzjoni fis-settur tal-minjieri fl-Ewropa u mit-tnaqqis drastiku fl-esportazzjonijiet tal-UE-28 f'dak is-settur mill-2014 'l hawn, iż-żieda fil-prezzijiet tal-azzar Ewropew u l-ispejjeż għoljin tal-produzzjoni għall-magni li jirriżultaw minnha, b'mod partikolari meta mqabbla maċ-Ċina; jiddispjaċih, madankollu, li l-Grupp Caterpillar iddeċieda li jalloka l-volumi prodotti fl-impjant ta' Gosselies lil unitajiet oħra ta' produzzjoni fi Franza (Grenoble) u impjanti oħra barra l-Ewropa, inkluż fiċ-Ċina u fil-Korea t'Isfel, li wassal għall-għeluq f'daqqa tas-sit ta' Gosselies u l-għoti tas-sensja lil 2 300 ħaddiem, li tefa' lil eluf ta' familji fi traġedja umana u soċjali, anki jekk is-sit ta' Gosselies kien qed iħalli qliegħ, b'mod partikolari wara l-investimenti li saru fis-snin preċedenti;

7.  Jiddeplora l-fatt li l-ħaddiema tas-sit ta' Gosselies kienu infurmati dwar l-għeluq tas-sit b'sempliċi stqarrija; jiddeplora l-fatt li din id-deċiżjoni brutali ma ttiħditx f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali; Jiddeplora n-nuqqas totali ta' informazzjoni u ta' rispett għall-ħaddiema u r-rappreżentanti tat-trejdjunjins, li ma rċevew l-ebda informazzjoni qabel l-għeluq tal-kumpanija; jinsisti, għalhekk, fuq l-importanza li jissaħħu l-għoti ta' informazzjoni lill-ħaddiema fl-Unjoni u l-konsultazzjoni magħhom;

8.  Jinsisti li jittaffu l-konsegwenzi soċjoekonomiċi għar-reġjun ta' Charleroi u li jsiru sforzi sostnuti għall-irkupru ekonomiku tiegħu, b'mod partikolari bl-għajnuna tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

9.  Ifakkar li s-sensji f'Caterpillar mistennija jkollhom effett negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija lokali; jenfasizza l-impatt ta' din id-deċiżjoni fuq ħafna ħaddiema li kienu jaħdmu mal-fornituri u l-produtturi downstream;

10.  Jinnota li l-applikazzjoni tikkonċerna 287 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn Caterpillar u minn ħames fornituri, li fil-parti l-kbira tagħhom għandhom bejn it-30 u l-54 sena; jindika wkoll il-fatt li aktar minn 11 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma fl-età ta' bejn il-55 u l-64 sena u għandhom ħiliet speċifiċi għas-settur tal-manifattura; jissottolinja li dawk li qed ifittxu impjieg f'Charleroi huma fil-parti l-kbira ħaddiema b'ħiliet baxxi (50,6 % ma għandhomx edukazzjoni sekondarja għolja) u 40 % ilhom qiegħda fit-tul (aktar minn 24 xahar); Jiddeplora l-fatt li, skont is-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi ta' Walloon (FOREM), wara dawk is-sensji, ir-rata tal-qgħad fir-reġjun ta' Hainaut hija mistennija tikber b'6,1 %; fid-dawl ta' dan il-fatt, jirrikonoxxi l-importanza tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG biex itejbu l-possibilitajiet ta' riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawn il-gruppi;

11.  Jilqa' l-fatt li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG se jiġu wkoll ipprovduti għal massimu ta' 300 żagħżugħ taħt l-età ta' 30 sena barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs);

12.  Jinnota li l-Belġju qiegħed jippjana ħames tipi ta' azzjonijiet għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u għan-NEETs koperti minn din l-applikazzjoni: (i) assistenza individwali għat-tfittix ta' impjieg, servizzi ta' ġestjoni tal-każijiet u informazzjoni ġenerali, (ii) taħriġ u taħriġ mill-ġdid, (iii) promozzjoni tal-intraprenditorija, (iv) kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju, (v) indennizzi; jenfasizza li jeħtieġ li jiġi żgurat li l-għajnuna finanzjarja tkun effettiva u ffukata;

13.  Jilqa' d-deċiżjoni li jingħataw korsijiet ta' taħriġ imfassla biex jaqblu mal-prijoritajiet ta' żvilupp ta' Charleroi kif stipulat fil-pjan CATCH(5);

14.  Jinsab sodisfatt li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jikkostitwixxu 13,68 % tal-pakkett kumplessiv tal-miżuri personalizzati, perċentwal li huwa sew taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li dawk il-miżuri jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira f'attivitajiet ta' tfittix ta' impjieg jew ta' taħriġ;

15.  Jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal f'konsultazzjoni ma' grupp ta' ħidma, li kien jinkludi s-Servizz Pubbliku tal-Impjieg ta' Walloon, il-fond ta' investiment SOGEPA, ir-rappreżentanti tat-trejdjunjins u sħab soċjali oħra; jistieden lill-awtoritajiet Belġjani u ta' Walloon jieħdu sehem attiv fil-proċess;

16.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-bżonn ta' politika ta' reindustrijalizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-każijiet reċenti ta' Caterpillar u Alstom, approvata b'maġġoranza kbira, li titlob lill-Ewropa tuża politika industrijali ġenwina bbażata, b'mod partikolari, fuq ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, imma jenfasizza wkoll fuq l-importanza li tiġi protetta l-industrija tal-Unjoni minn prattiċi kummerċjali inġusti minn pajjiżi terzi;

17.  Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani assiguraw li l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ minn fondi oħra tal-Unjoni jew minn strumenti finanzjarji oħrajn, li kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat u li dawn se jkunu komplementari għal azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

18.  Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li jkunu taħt ir-responsabilità tal-kumpaniji, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, jew miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

19.  Jenfasizza li, fil-15 ta' Marzu 2018, kienu biss 591 il-ħaddiema mkeċċija li sabu impjieg; jinsisti, għalhekk, li ssir analiżi fit-tmiem tal-perjodu ta' intervent tal-FEG sabiex jiġi vvalutat jekk għandhiex tingħata għajnuna ta' riintegrazzjoni ulterjuri; jiddispjaċih li d-deċiżjoni preċedenti dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG rigward din il-kumpanija (EGF/2014/011) wasslet għal perċentwal relattivament baxx ta' benefiċjarji li reġgħu ġew impjegati; jittama li l-proposta attwali tqis din l-esperjenza;

20.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet rikjesti, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex jipprovdu aktar dettalji, fi proposti futuri, dwar is-setturi li jkollhom prospettivi ta' tkabbir, u li għalhekk aktarx jirreklutaw in-nies, kif ukoll biex jiġbru data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' riintegrazzjoni miksuba permezz tal-FEG;

22.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

23.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

Deċiżjoni (UE) 2015/471 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2014/011 BE/Caterpillar, ippreżentata mill-Belġju) (ĠU L 76, 20.3.2015, p. 58).

(5)

Il-Pjan "Catalysts for Charleroi" (CATCH), Accélérer la Croissance de l'Emploi dans la Région de Charleroi, Settembru 2017, http://www.catch-charleroi.be/.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2017/010 BE/Caterpillar

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2) Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(3).

(3) Fit-18 ta' Diċembru 2017, il-Belġju ppreżenta applikazzjoni biex jimmobilizza l-FEG, fir-rigward tas-sensji f'Caterpillar Solar Gosselines u fil-ħames fornituri tagħha. Din ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali mogħtija skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4) Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, il-Belġju ddeċieda li jipprovdi servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG anke lil 300 żagħżugħ u żagħżugħa barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs).

(5) Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 4 621 616 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata mill-Belġju.

(6) Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2018, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 4 621 616 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni għandha tapplika mill-[data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni](4)*.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew           Għall-Kunsill

Il-President               Il-President

(1)

  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)

  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(4)

*    Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.


NOTA SPJEGATTIVA

I.  Kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba(3), sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva tal-applikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, hija għandha tippreżenta proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment lill-awtorità baġitarja. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil għandu jinbeda trilogu.

II.  L-applikazzjoni tal-Belġju u l-proposta tal-Kummissjoni

Fit-18 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Belġju bħala appoġġ għar-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Caterpillar Solar Gosselies (Caterpillar) u ħames fornituri li joperaw fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 28 ta' NACE Rev. 2 (Manifattura ta' makkinarju u tagħmir). Is-sensji li ngħataw mill-intrapriżi jinsabu fir-reġjun ta' Hainaut (BE32) li jikkorrispondi għal-livell NUTS 2. Il-proposta ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fit-23 ta' Marzu 2018.

Din hija r-raba' applikazzjoni li se tkun eżaminata fil-qafas tal-baġit tal-2018, u l-ħmistax-il waħda fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 28 ta' NACE Rev. 2 (Manifattura ta' makkinarju u tagħmir) sa mill-istabbiliment tal-FEG. Hija tirrigwarda 2 287 ħaddiem li ngħataw is-sensja u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 4 621 616 mill-FEG għall-Belġju.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fit-18 ta' Diċembru 2017 u ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali sal-4 ta' Frar 2018. Il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fit-23 ta' Marzu 2018 u kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG.

Il-Belġju jargumenta li s-sensji huma marbutin ma' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, il-kompetizzjoni dinjija fis-setturi tal-makkinarju tal-kostruzzjoni u tal-minjieri, u t-tnaqqis konsegwenti fis-sehem ta' Caterpillar fis-suq tal-makkinarju; It-tnaqqis fil-produzzjoni tas-settur tal-minjieri fl-Ewropa (tnaqqis minn EUR 234 miljun fl-2012 għal EUR 180 miljun fl-2015), it-tnaqqis drammatiku fl-esportazzjonijiet tal-UE 28 sa mill-2014, iż-żieda fil-prezz tal-azzar Ewropew u l-ispejjeż għoljin tal-produzzjoni għall-magni li jirriżultaw minnha, wasslu għal tnaqqis fil-forza tax-xogħol fis-sit ta' Caterpillar f'Gosselies.

Is-sensji seħħew fir-reġjun ta' Hainaut, li qed jiffaċċja rata ta' qgħad għolja. Dawk li qed ifittxu impjieg f'Charleroi huma fil-parti l-kbira ħaddiema b'ħiliet baxxi (50,6 % ma għandhomx edukazzjoni sekondarja għolja) u 40 % ilhom qiegħda fit-tul.

Numru kbir ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja huma rġiel. Fil-parti l-kbira tagħhom għandhom bejn it-30 u l-54 sena filwaqt li 11,51 % minnhom għandhom bejn il-55 u l-64 sena. Sa 300 minnhom huma żgħażagħ barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta' 30 sena. Il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG huma aktar u aktar importanti għat-titjib tal-possibilitajiet ta' riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol għal dawn il-gruppi.

Il-ħames tipi ta' azzjonijiet li għandhom jiġu offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li għalihom qed jintalab il-kofinanzjament mill-FEG jikkonsistu f'dan li ġej:

Assistenza għat-tfittix ta' impjieg individwali, servizzi ta' ġestjoni tal-każijiet u informazzjoni ġenerali. Dawn il-miżuri jinkludu assistenza personalizzata għat-tfittix ta' impjieg, bħall-għoti ta' pariri u gwida għall-karriera, kif ukoll servizzi ta' informazzjoni miftuħa għall-ħaddiema u n-NEETs.

Taħriġ u taħriġ mill-ġdid. Dan jinkludi taħriġ vokazzjonali u kontinwazzjoni tat-taħriġ indirizzat lill-ħaddiema u n-NEETs.

Promozzjoni tal-intraprenditorija. Din il-miżura se tagħti lill-parteċipanti sistema ta' appoġġ għall-imprendituri li tipprevedi kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali ddedikati biex jappoġġjaw l-impjiegi indipendenti.

Kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju. Din il-miżura se tipprovdi għotjiet lil negozji ġodda biex jitħeġġeġ l-impjieg indipendenti, jinħolqu attivitajiet imprenditorjali, jinbeda u jiġi stabbilit negozju full-time jew part-time.

Indennizzi. Dawn jinkludu indennizzi għat-taħriġ; indennizzi ta' mobilità għal distanzi ta' vjaġġar itwal; indennizzi biex jerġgħu jibdew jistudjaw; indennizzi għat-tfittix ta' impjieg; u indennizzi tal-intraprenditorija.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol skont l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u ma jissostitwixxux miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet Belġjani pprovdew il-garanziji neċessarji kollha rigward dan li ġej:

– il-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom,

– hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE rigward is-sensji kollettivi,

– l-intrapriżi li taw is-sensji, u li komplew bl-attivitajiet tagħhom wara s-sensji, ikkonformaw mal-obbligi ġuridiċi tagħhom li jirregolaw is-sensji u pprovdew għall-ħaddiema tagħhom kif xieraq,

– l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,

– l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

– il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuniet mill-Istat.

Il-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni li s-sorsi ta' prefinanzjament jew ta' kofinanzjament nazzjonali huma s-Servizz tal-Impjieg Pubbliku ta' Walloon (FOREM) u r-Reġjun ta' Walloon. Il-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess korpi li huma responsabbli għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE).

III.  Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet talba quddiem l-Awtorità Baġitarja għat-trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 4 621 616 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Sal-lum, din hija r-raba' proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond imressqa quddiem l-Awtorità Baġitarja matul l-2018.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARJIET SOĊJALI

D(2018)16023

Is-Sur Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2017/010 BE/Caterpillar

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2017/010 BE/Caterpillar u adottaw l-opinjoni li tidher hawn taħt.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u tirrigwarda l-2 287 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn Caterpillar – Solar Gosselies u ħames fornituri li joperaw fis-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt id-Diviżjoni 28 ta' NACE Rev. 2 (Manifattura ta' makkinarju u tagħmir n.e.c.);

B)  Billi sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet ta' kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, il-Belġju ġabet l-argument li r-raġuni prinċipali wara t-tnaqqis fil-forza tax-xogħol hija l-kompetizzjoni dinjija fis-setturi tal-makkinarju tal-kostruzzjoni u tal-minjieri u t-telf konsegwenti fis-sehem ta' Caterpillar fis-suq tal-makkinarju;

C)  Billi 92,47 % tal-ħaddiema kkonċernati mill-miżura huma rġiel u 7,53 % huma nisa; billi 85,34 % tal-benefiċjarji fil-mira għandhom bejn it-30 u l-54 sena filwaqt li 11,51 % għandhom bejn il-55 u l-64 sena;

D)  Billi, fl-2014, il-Belġju għamel applikazzjoni tal-FEG li tkopri 1 399 ħaddiem f'din l-intrapriża u l-proposta kurrenti tinkludi l-1 997 ħaddiem li fadal fuq is-sit.

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Belġjana:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma ssodisfati u li, għaldaqstant, skont dan ir-Regolament, il-Belġju huwa intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 4 621 616, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 7 702 694;

2.  Jenfasizza li r-rata tal-qgħad fir-reġjun ta' Hainaut hija mistennija tikber b'6,1 % u li dawk li qed ifittxu impjieg f'Charleroi huma fil-biċċa l-kbira ħaddiema b'ħiliet baxxi u li hemm proporzjon għoli ta' qgħad fit-tul;

3.  Jilqa' d-deċiżjoni li jingħataw korsijiet ta' taħriġ imfassla biex jaqblu mal-prijoritajiet ta' żvilupp ta' Charleroi kif stipulat fil-pjan CATCH(1);

4.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Belġju li jfassal il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati f'konsultazzjoni ma' grupp ta' ħidma, li kien jinkludi s-Servizz Pubbliku tal-Impjieg ta' Walloon, SOGEPA(2), ir-rappreżentanti tat-trejdjunjins u sħab soċjali oħra;

5.  Jinsab sodisfatt li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jkunu 13,68 % tal-pakkett globali tal-miżuri personalizzati, ferm taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament, u li dawn l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tfittix ta' impjieg jew ta' taħriġ;

6.  Jinnota li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja jinkludu assistenza individwali għat-tfittix ta' impjieg, servizzi ta' ġestjoni tal-każijiet u informazzjoni ġenerali, taħriġ u taħriġ mill-ġdid, promozzjoni tal-intraprenditorija, kontribuzzjonijiet għall-bidu ta' negozju, u indennizzi;

7.  Jiddispjaċih li l-mobilizzazzjoni tal-FEG preċedenti rigward din il-kumpanija (EGF/2014/011) wasslet għal perċentwal relattivament baxx ta' benefiċjarji li reġgħu ġew impjegati; jittama li l-proposta attwali tqis din l-esperjenza;

8.  Jinnota d-deċiżjoni li jiġu offruti servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lil massimu ta' 300 żagħżugħ u żagħżugħa barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta' 30 sena minħabba l-livell għoli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ f'dan ir-reġjun;

9.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li d-ditti ta' pajjiżi terzi jistgħu jkunu aktar kompetittivi minn dawk li joperaw fl-UE minħabba regolamentazzjoni ambjentali inqas restrittiva u inqas spejjeż tax-xogħol fis-siegħa;

10.  Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani pprovdew garanziji li l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi oħra tal-Unjoni jew minn strumenti finanzjarji oħrajn, li kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat u li dawn se jkunu komplementari għal azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

11.  Jilqa' l-konferma tal-Belġju li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se tieħu post l-azzjonijiet li l-intrapriża kkonċernata hija meħtieġa tieħu bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew bi qbil ma' ftehimiet kollettivi;

12.  Ifakkar li, b'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament, it-tfassil tal-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa u għandu jkun kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG

Aġent President tal-Kumitat EMPL

(1)

  Il-Pjan CATCH, Accélérer la Croissance de l'Emploi dans la Région de Charleroi, Settembru 2017

  http://www.catch-charleroi.be/

(2)

  Sogepa hu fond ta' investiment li jipprovdi servizzi ta' investiment u jakkumpanja inizjattivi ta' riorganizzazzjoni ta' negozju xprunati minn proġetti ekonomiċi u industrijali kredibbli u sostenibbli;


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

Suġġett:  Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Sur Athuis,

Il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferuta lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hemm il-ħsieb li jiġi adottat rapport dwar din il-proposta mill-Kumitat għall-Baġits fit-23-24 ta' April 2018:

-  COM(2018)0156 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 4 621 616 għal 2 287 ħaddiem li ngħataw is-sensja f'Caterpillar Solar Gosselies (Caterpillar) u f'ħames fornituri. Caterpillar topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 28 tan-NACE Rev. 2 (Manifattura ta' makkinarju u tagħmir). Is-sensji li saru mill-intrapriżi kkonċernati jinsabu fir-reġjun ta' Hainaut fil-Belġju (BE32) li jikkorrispondi għal-livell NUTS 2.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza tal-Membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.4.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Gérard Deprez, Manuel dos Santos, André Elissen, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, John Howarth, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Siegfried Mureşan, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Răzvan Popa, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Indrek Tarand, Inese Vaidere, Monika Vana, Tiemo Wölken, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Denanot, Anneli Jäätteenmäki, Ivana Maletić, Andrey Novakov, Tomáš Zdechovský


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

27

+

ALDE

Jean Arthuis, Gérard Deprez, Anneli Jäätteenmäki

ENF

Marco Zanni

GUE/NGL

Liadh Ní Riada

PPE

Richard Ashworth, Reimer Böge, José Manuel Fernandes, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Ivana Maletić, Siegfried Mureşan, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Inese Vaidere, Tomáš Zdechovský

S&D

Jean-Paul Denanot, Eider Gardiazabal Rubial, John Howarth, Vladimír Maňka, Răzvan Popa, Tiemo Wölken, Manuel dos Santos

Verts/ALE

Indrek Tarand, Monika Vana

2

-

ECR

Bernd Kölmel

ENF

André Elissen

0

0

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' April 2018Avviż legali