Proċedura : 2017/2088(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0157/2018

Testi mressqa :

A8-0157/2018

Dibattiti :

PV 28/05/2018 - 26
CRE 28/05/2018 - 26

Votazzjonijiet :

PV 29/05/2018 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0211

RAPPORT     
PDF 847kWORD 81k
2.5.2018
PE 613.625v02-00 A8-0157/2018

dwar l-implimentazzjoni tal-għodod għall-bdiewa żgħażagħ tal-PAK fl-UE wara r-riforma tal-2013

(2017/2088(INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Rapporteur: Nicola Caputo

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AMBJENT, IS-SAĦĦA PUBBLIKA U S-SIKUREZZA TAL-IKEL
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Introduzzjoni

Dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-istat ta' implimentazzjoni tal-mekkaniżmu attwali tal-bdiewa żgħażagħ tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Bil-għan li tittejjeb l-iskema ta' appoġġ eżistenti u li tingħata għajnuna lill-bdiewa żgħażagħ biex jindirizzaw l-ostakli kbar biex jidħlu fl-agrikoltura, ġew ifformulati diversi rakkomandazzjonijiet ta' politika.

Sejbiet ewlenin(1)

1. Il-ħolqien ta' opportunitajiet għal bdiewa żgħażagħ u min jidħol ġdid

1.1 It-tkomplija tal-appoġġ għal bdiewa żgħażagħ

B'mod globali, l-appoġġ attwali huwa kkunsidrat b'mod wiesa' bħala li jippermetti ġenerazzjoni ġdida ta' bdiewa tidħol fis-settur. Fil-kuntest tal-PAK il-ġdida wara l-2020, ir-rapporteur jirrakkomanda li l-appoġġ għall-għodod tal-bdiewa żgħażagħ tal-PAK għandu jkompli, u li l-livell massimu ta' finanzjament għandu jiżdied b'aktar minn 2 %. Diversi pajjiżi li ħadu sehem fl-istudju tal-każ irrappurtaw li l-għadd ta' applikanti kien ogħla mit-total tal-iskemi ta' għotjiet, jiġifieri, ma kienx hemm biżżejjed fondi disponibbli biex jingħataw għotjiet lill-applikazzjonijiet kollha li ġew evalwati b'mod pożittiv.

2. L-inkoraġġiment tal-mobilità tal-art

L-aċċess għall-art huwa l-akbar ostaklu għal bdiewa ġodda fil-Ewropa. Dan ġie identifikat f'diversi studji(2). L-aċċess għall-art huwa limitat mill-provvista baxxa ta' art għall-bejgħ jew għall-kiri f'bosta reġjuni, kif ukoll minn kompetizzjoni minn bdiewa, investituri u utenti residenzjali oħra. Il-problema tal-aċċess għall-art hija aggravata mill-istruttura attwali ta' Pagamenti Diretti, li tiddiżinċentiva l-bejgħ u l-kiri tal-art, u tappoġġja l-ispekulazzjoni tal-art.

2.1. Evalwazzjoni mill-ġdid tal-istruttura tal-Pagamenti Diretti

L-istruttura attwali tal-Pagamenti Diretti tirrikjedi użu attiv minimu tal-art, u talloka sussidji l-aktar abbażi tas-sjieda tal-art. Il-bdiewa eżistenti huma inċentivati biex iżommu l-aċċess għall-art sabiex iżommu aċċess għas-sussidji, iżda mhux biex jiġi żgurat l-aħjar użu tal-art. Il-Pagamenti Diretti jintużaw ukoll minn bdiewa akbar fl-età bħala forma ta' pensjoni. Ir-rapporteur jirrakkomanda li jiżdiedu l-livelli ta' attività meħtieġa biex wieħed jirċievi l-pagamenti, u li l-pagamenti ta' sussidji jiġu mmirati lejn il-ksib ta' eżiti partikolari (eż. il-produzzjoni ta' oġġetti ambjentali jew soċjali speċifiċi). Ir-rapporteur iqajjem dubji dwar l-utilità li l-intitolamenti ta' sussidju jitħallew jinxtraw u jinbiegħu separatament mill-art li fuqha ġew oriġinarjament stabbiliti. Din il-prattika tinkoraġġixxi l-akkumulazzjoni ta' intitolamenti ta' sussidju mill-investituri, aktar milli mill-bdiewa, u żżid b'mod artifiċjali l-valuri tal-art. L-UE għandha tagħti lill-Istati Membri aktar libertà biex jirregolaw is-swieq tal-art tagħhom, sabiex jitnaqqas ix-xiri tal-art għal skopijiet ta' investiment (aktar milli produttivi). Huwa importanti li jiġi nnutat li l-Kummissjoni Ewropea bħalissa qiegħda tevalwa l-aħjar prattika għall-aċċess barrani għall-art agrikola.

2.2. Kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-"iskema ta' ħruġ mill-biedja" u inċentivi oħra għall-irtirar

Ir-riżultati tal-istudju(3) jissuġġerixxu li f'bosta Stati Membri t-tiġdid ġenerazzjonali u anke l-aċċess taż-żgħażagħ għall-art agrikola huma mfixkla minn dewmien fil-proċeduri ta' suċċesssjoni. Il-PAK attwali m'għandha l-ebda inċentiv għal bdiewa akbar fl-età biex jgħaddu n-negozji tagħhom lil ġenerazzjonijiet iżgħar. Minkejja l-esperjenza mħallta bl-"iskema tal-irtirar kmieni" huwa rakkomandat li tiġi kkunsidrata mill-ġdid l-implimentazzjoni ta' miżuri li jimmotivaw id-detenturi akbar fl-età biex jgħaddu l-azjendi agrikoli tagħhom lil bdiewa żgħażagħ. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu regolamenti relatati mal-pensjoni (pereżempju li l-individwi jiġu ristretti milli jaċċessaw kemm pensjonijiet tal-istat kif ukoll sussidji agrikoli), u offerti ta' opportunitajiet ta' pensjoni lil bdiewa li jirtiraw.

2.3. Ir-rekwiżit għal aċċess sigur u fit-tul għall-art għandu jiġi rivedut

Ir-riċeviment b'suċċess ta' għotja tal-għajnuna finanzjarja jista' jiffaċilita l-aċċess għall-art u riżorsi kapitali oħra. Ir-riluttanza tas-sidien tal-art biex jikru l-art fuq bażi fit-tul hija ostaklu importanti f'xi reġjuni. Hija meħtieġa flessibbiltà akbar f'termini ta' għotjiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-art sabiex tippermetti n-numru massimu ta' bdiewa ġodda biex jistabbilixxu negozji.

3. L-indirizzar ta' ostakli ulterjuri għal bdiewa ġodda

L-istudju(4) identifika wkoll l-ostakli ewlenin li ġejjin għall-bdiewa ġodda: l-aċċess għall-kapital, il-profittabbiltà baxxa u it-taħriġ/l-iżvilupp tal-ħiliet. Dawn is-sejbiet huma konsistenti ma' dawk tal-EIP Agri Focus Group on New Entrants to Farming(5).

3.1. Iż-żieda tal-aċċess għall-kapital privat

Bdiewa żgħażagħ, li jieħdu f'idejhom l-azjendi agrikoli eżistenti, jew il-bdiewa ġodda li jiftħu n-negozji tagħhom stess jistgħu jibbenefikaw mill-għotja finanzjarja pprovduta taħt il-Pilastru II. Riżorsi finanzjarji addizzjonali jeħtieġ li jinkisbu minn mutwanti privati. L-aċċess għal dawn ir-riżorsi finanzjarji addizzjonali mhuwiex biżżejjed u joħloq wieħed mill-aktar ostakli ewlenin għall-ftuħ ta' negozji agrikoli. Għalhekk huwa rakkomandat li jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament. Dan jista' jinkiseb permezz ta' rati tal-imgħax issussidjati fuq self għal bdiewa ġodda. Huma disponibbli opportunitajiet biex jiġu żviluppati strumenti finanzjarji mmirati fil-livell nazzjonali permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Pereżempju, riċentement l-Italja stabbiliet strument finanzjarju li jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament u l-investiment f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni ta' prodotti agrikoli (fi tmien reġjuni). Appoġġ simili jista' jiġi mmirat lejn bdiewa żgħażagħ u bdiewa ġodda. L-offerta ta' appoġġi tal-istabbilizzazzjoni tal-introjtu jew l-assigurazzjoni fuq self għal bdiewa ġodda (eż. biex tiġi indirizzata l-varjabbiltà tal-profitt) tnaqqas ukoll ir-riskji assoċjati ma' fluttwazzjonijiet tal-prodott bażiku, u l-akkumulazzjoni ta' dejn sostanzjali. Ir-regolament Omnibus, li għandu jiġi implimentat f'Jannar 2018, se joffri opportunitajiet biex tiġi skattata assigurazzjoni f'każ ta' ġlata, nixfa u għargħar, kif ukoll għodod ta' stabbiltà tal-introjtu biex jiġu indirizzati r-riskji tas-suq.

3.2. Iż-żieda tal-ħiliet tan-negozju ta' bdiewa ġodda u bdiewa żgħażagħ

Fi ħdan il-miżuri attwali hemm konċessjoni li jiġu ffinanzjati servizzi konsultattivi għal bdiewa żgħażagħ. Fejn dan ġie implimentat, dawn is-servizzi jintlaqgħu tajjeb, u jwasslu għal żvilupp ta' ħiliet ġodda u l-istabbiliment ta' pjanijiet tan-negozju vijabbli. Madankollu, fil-preżent, ħafna mill-appoġġ dirett għall-bdiewa ġodda qed jiġi pprovdut permezz tal-iskema ta' għotja ta' kapital, li hija ddifferenzjata mill-post tal-azjenda agrikola, mid-daqs tan-negozju ppjanat, mill-ħolqien ta' impjiegi addizzjonali, eċċ. Hemm ħtieġa li jsir disponibbli aktar taħriġ għall-bdiewa ġodda u għall-bdiewa żgħażagħ, b'mod partikolari fl-oqsma tal-ġestjoni tan-negozju u tal-ħiliet finanzjarji. Ir-rapporteur jirrakkomanda bbilanċjar mill-ġdid tal-appoġġ biex jiżdied is-servizz konsultattiv u jiżdiedu l-opportunitajiet ta' taħriġ. Ir-rapporteur jirrakkomanda wkoll li dawn l-opportunitajiet ta' taħriġ isiru disponibbli qabel jingħata l-aċċess għal appoġġ formali tal-bdiewa l-ġodda (jiġifieri għal parteċipanti potenzjali kif ukoll għal bdiewa ġodda li jinsabu fil-proċess li jiżviluppaw il-pjanijiet tan-negozju). Dan se jippermetti lill-bdiewa ġodda biex jippreparaw b'mod adegwat għar-responsabbiltajiet assoċjati mal-ftuħ ta' azjenda agrikola ġdida u jifhmuhom. It-taħriġ fl-iżvilupp tan-negozju għandu jindirizza wkoll kwistjonijiet ta' profittabbiltà, li jippermettu lill-bdiewa ġodda fi stadju attwali u potenzjali biex jidentifikaw opportunitajiet tas-suq xierqa. L-aċċess għat-taħriġ fin-negozju għaż-żgħażagħ huwa mistenni li jiffaċilita l-iżvilupp ekonomiku rurali inġenerali. Il-bdiewa żgħażagħ u dawk ġodda jeħtieġu aktar informazzjoni dwar l-amministrazzjoni u l-aspetti tekniċi tal-biedja, kif ukoll l-aċċess għal eżempji kondiviżi ta' prattika tajba. L-istudju(6) indika li l-bdiewa japprezzaw ħafna s-servizzi konsultattivi mfassla għas-sitwazzjoni tal-azjenda agrikola. Servizzi konsultattivi bħal dawn għandhom jikkombinaw l-aspetti tekniċi tal-biedja kif ukoll l-aspetti amministrativi u finanzjarji relatati mal-politiki eżistenti.

3.3. Appoġġ għall-ippjanar ta' suċċessjoni

Fl-istudji tal-każ ġie identifikat nuqqas ta' ppjanar għal suċċessjoni. Fil-preżent, l-appoġġ għat-taħriġ huwa orjentat lejn bdiewa ġodda, aktar milli lejn in-negozji tal-familja sħiħa. Minħabba l-età medjana tal-bdiewa, l-ippjanar ta' suċċessjoni huwa rilevanti għall-maġġoranza tan-negozji tal-biedja. Meta wieħed, b'mod partikolari jagħmel disponibbli konsulenza dwar l-ippjanar tan-negozju u l-ippjanar ta' suċċessjoni, dan jista' jkun mistenni li jżid il-ħeffa tal-proċessi ta' suċċessjoni u l-vijabbiltà ekonomika globali tal-azjendi agrikoli tal-familja tal-Ewropa.

4. L-amministrazzjoni tal-miżuri implimentati

Huwa meħtieġ li jitnaqqsu l-ostakoli amministrattivi għall-bdiewa żgħażagħ u dawk ġodda. Minkejja l-evalwazzjoni pożittiva tal-partijiet ikkonċernati tal-miżuri implimentati, huwa meħtieġ li jitnaqqsu l-proċeduri amministrattivi relatati mal-miżura eżistenti għall-bdiewa żgħażagħ. L-amministrazzjoni globali tal-pagamenti diretti u tal-miżuri tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali (RPD) hija kkunsidrata bħala diffiċli, speċjalment għall-bdiewa ġodda li mhumiex familjari mas-sistema ta' pagamenti. Huwa rakkomandat li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-bdiewa ġodda b'amministrazzjoni simplifikata (simili għall-Iskema għall-Bdiewa Żgħar, li tissimplifika l-iskema ta' pagamenti u ttejjeb l-aċċess tal-azjendi agrikoli għall-PAK).

Huwa wkoll rakkomandat li l-bdiewa jingħataw aktar flessibbiltà biex jirrispondu għal kundizzjonijiet li jinbidlu fis-swieq bil-pjanijiet tan-negozju tagħhom. Għandu jiġi kkunsidrat tibdil fil-ħlas parzjali (jista' jintuża kalendarju tal-pagamenti li jipprovdi lill-bdiewa l-għotja skont pjan finanzjarju, minflok pagamenti ex post).

5. Forom ġodda ta' appoġġ

5.1. Il-kondiviżjoni tal-għarfien prattiku

Għandha tiġi kkunsidrata miżura ta' appoġġ speċjali għal approċċi innovattivi f'termini ta' eżempji ta' kif għandhom jiġu involuti bdiewa ġodda u kif il-bdiewa żgħażagħ jiġu appoġġjati waqt is-suċċessjoni tal-azjenda agrikola. Huwa importanti li jiġi nnutat li hemm proġett ġdid tal-Orizzont 2020 NEWBIE - New Entrant netWork: Business models for Innovation, entrepreneurship and resilience in European agriculture (netWerk għal Bdiew Ġodda: Mudelli tan-negozju għall-Innovazzjoni, l-intraprenditorija u r-reżiljenza fl-agrikoltura Ewropea) (2018-2021) - li se jistabbilixxi netwerk ta' bdiewa ġodda madwar l-Ewropa, li jinkoraġġixxi l-kondiviżjoni tal-esperjenzi prattiċi u l-għażliet ta' żvilupp tan-negozju.

5.2 Konċentrazzjoni fuq dimensjonijiet partikolari u forom partikolari ta' agrikoltura

Il-bdiewa ġodda għandhom aktar probabbiltà li jkunu involuti f'operazzjonijiet ta' biedja fuq skala żgħira u ta' suq niċċa. Dan jirrifletti l-isfidi tal-aċċess għall-art u d-diffikultà biex jiġi akkumulat biżżejjed kapital għall-kompetizzjoni fi swieq xprunati mid-dimensjonijiet.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Ir-rapporteur huwa tal-fehma li jenħtieġ li jiddaħħlu fis-seħħ ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-politika li ġejjin:

- Huwa rakkomandat li l-appoġġ għall-għodod tal-bdiewa żgħażagħ tal-PAK ikompli, u li l-livell massimu ta' finanzjament jiżdied b'aktar minn 2 %;

- L-aċċess għall-art huwa l-ostaklu ewlieni għall-bdiewa żgħażagħ u dawk ġodda. L-indirizzar ta' din il-problema jirrikjedi evalwazzjoni mill-ġdid tal-iskema ta' pagamenti diretti u l-ħolqien ta' inċentivi għal bdiewa akbar fl-età biex jgħaddu l-azjendi agrikoli tagħhom lil ġenerazzjonijiet iżgħar;

- Huwa rakkomandat li jkun hemm konċentrazzjoni fuq it-tnaqqis tal-ostakli addizzjonali għall-bdiewa żgħażagħ, bħall-aċċess għall-kapital, in-nuqqas ta' ħiliet tan-negozju u l-pjanijiet ta' suċċessjoni insuffiċjenti;

- Huwa wkoll rakkomandat li jitnaqqsu l-ostakli amministrattivi u li l-bdiewa tal-UE jingħataw aktar flessibbiltà biex jirrispondu għal kundizzjonijiet dejjem jinbidlu fis-swieq bil-pjanijiet tan-negozju tagħhom;

- Għandhom jiġu kkunsidrati forom ġodda ta' appoġġ, li jenfasizzaw modi innovattivi ta' kondiviżjoni tal-għarfien.

(1)

Is-sejbiet huma bbażati fuq ir-riċerka mitluba mill-COMAGRI bit-titolu "Young farmers - Policy implementation after the 2013 CAP reform" (Bdiewa żgħażagħ - Implimentazzjoni tal-politika wara r-riforma tal-PAK tal-2013): http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/602006/IPOL_STU(2017)6020

06_EN.pdf

(2)

- EIP Agri Focus Group on New Entrants to Farming: https://ec.europa.eu/eip/agriculture/sites/agri-eip/files/eip-agri_fg_new_entrants_final_report_2016_en.pdf

- Young farmers - Policy implementation after the 2013 CAP reform: http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/602006/IPOL_STU(2017)6020

06_EN.pdf

(3)

Young farmers - Policy implementation after the 2013 CAP reform: http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/602006/IPOL_STU(2017)6020

06_EN.pdf

(4)

Young farmers - Policy implementation after the 2013 CAP reform: http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/602006/IPOL_STU(2017)6020

06_EN.pdf

(5)

EIP Agri Focus Group on New Entrants to Farming: https://ec.europa.eu/eip/agriculture/sites/agri-eip/files/eip-agri_fg_new_entrants_final_report_2016_en.pdf

(6)

Young farmers - Policy implementation after the 2013 CAP reform: http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/602006/IPOL_STU(2017)6020

06_EN.pdf


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-għodod għall-bdiewa żgħażagħ tal-PAK fl-UE wara r-riforma tal-2013

(2017/2088(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u (UE) Nru 652/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti(3),

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar "Young farmers: Policy implementation after the 2013 CAP reform" (Il-bdiewa żgħażagħ: Implimentazzjoni tal-politika wara r-riforma tal-PAK tal-2013) ikkummissjonat mid-Dipartiment Tematiku B – Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni – u li ġie ppreżentat fil-laqgħa tal-ComAGRI tat-23 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ tiegħu dwar l-"Implimentazzjoni ta' politiki dwar il-bdiewa żgħażagħ wara r-riforma tal-PAK tal-2013", li saret fit-23 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 10/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri – "Jenħtieġ li l-appoġġ li jingħata mill-UE lil bdiewa żgħażagħ ikun immirat aħjar biex jitrawwem tiġdid ġenerazzjonali effettiv",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-konċentrazzjoni tal-art agrikola fl-UE: kif niffaċilitaw l-aċċess tal-bdiewa għall-art(4),

–  wara li kkunsidra l-istudju mill-Kunsill Ewropew għall-Bdiewa Żgħażagħ (CEJA) bit-titolu "Young farmers are key in the future CAP" (Il-bdiewa żgħażagħ huma l-qofol tal-PAK futura) li ġie ppubblikat fis-17 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar "L-appoġġ għal bdiewa żgħażagħ Ewropej" (NAT-VI/012, 2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) ta'd-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja, kif ukoll l-Anness 3 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0157/2018)

A.  billi fl-UE madwar 6 % biss ta' dawk li jmexxu l-azjendi agrikoli għandhom inqas minn 35 sena u iżjed minn nofshom għandhom aktar minn 55 sena, u billi d-disparitajiet bejn l-Istati Membri huma sostanzjali;

B.  billi dawn iċ-ċifri ma nbidlux b'mod sinifikanti matul dawn l-aħħar għaxar snin, bil-perċentwal ta' bdiewa żgħażagħ jiċkien, filwaqt li t-tixjiħ tal-popolazzjoni tal-bdiewa hija problema ewlenija; billi s-sitwazzjonijiet ta' tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor u għalhekk jeħtieġu approċċ flessibbli u diversifikat;

C.  billi kullimkien, għal aktar minn 50 sena, l-iżvilupp agrikolu appoġġjat mill-PAK wassal għal tkabbir, konċentrazzjoni ta' azjendi u kapitalizzazzjoni qawwija tal-assi tal-produzzjoni, u dan jagħmilha diffiċli għal ċerti stabbilimenti li għandhom jiġu trasferiti u/jew magħmula aċċessibbli għaż-żgħażagħ, minħabba l-ammonti ta' kapital meħtieġa sabiex jeħduhom f'idejhom;

D.  billi t-tixjiħ tal-forza tax-xogħol agrikola hija partikolarment akuta fis-setturi tat-trobbija tal-bhejjem, b'mod partikolari fit-trobbija tan-ngħaġ u l-mogħoż, sforz il-limiti eżistenti fil-profitabbiltà tagħha;

E.  billi fil-perjodu 2007-2013, l-għadd ta' bdiewa żgħażagħ fl-UE inġenerali naqas minn 3,3 għal 2,3 miljuni, u l-erja tal-azjendi agrikoli kkultivati minn bdiewa żgħażagħ naqset matul dak il-perjodu minn 57 għal 53 ettaru;

F.  billi, fid-dawl ta' bidliet demografiċi bħalma huma d-depopolazzjoni u t-tixjiħ tal-popolazzjoni fiż-żoni rurali, huwa essenzjali li jinħolqu opportunitajiet għall-agrikoltura bħala industrija moderna u attraenti biex iż-żgħażagħ jitħeġġu jibdew karriera fil-biedja;

G.  billi hemm kompetizzjoni qawwija għall-aċċess għall-art bejn iż-żgħażagħ li jixtiequ jidħlu fis-settur tal-biedja u l-bdiewa li diġà huma stabbiliti sew, u f'xi każijiet, anke bejn iż-żgħażagħ u d-ditti tal-investiment li bdew jieħdu interess fl-agrikoltura;

H.  billi fil-futur, mudell sħiħ ta' żvilupp agrikolu bbażat fuq l-azjendi agrikoli tal-familja qiegħed f'riskju;

I.  billi l-politika agrikola komuni għandha rwol kruċjali f'dan ir-rigward;

J.  billi t-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura huwa problema li tgħaqqad żewġ aspetti, jiġifieri d-diffikultajiet esperjenzati mill-ġenerazzjoni żagħżugħa biex tidħol fis-settur tal-biedja u d-diffikultajiet biex titħalla f'idejn il-ġenerazzjoni attwali tal-bdiewa, u billi n-nuqqas ta' żgħażagħ li jfittxu karriera fil-biedja qiegħed jipperikola s-sostenibbiltà ekonomika u soċjali u t-tkabbir taż-żoni rurali, kif ukoll l-awtosuffiċjenza u s-sigurtà tal-ikel tal-UE; billi sitwazzjoni ekonomika sodisfaċenti hija l-ewwel kundizzjoni biex il-biedja ssir attraenti;

K.  billi l-aktar riforma reċenti tal-PAK ġiet ikkonfermata u introduċiet sensiela ta' għodod li jistgħu jiġu kkombinati u adattati għaċ-ċirkostanzi nazzjonali fl-Istati Membri, b'mod partikolari l-pagament obbligatorju għall-bdiewa żgħażagħ skont l-ewwel pilastru (EUR 6,9 biljun pagabbli lil 180 000 bidwi żagħżugħ) u, taħt it-tieni pilastru, miżuri bħall-għajnuna tal-bidu, l-aċċess għall-finanzjament u l-kreditu, jew il-possibbiltà li jiġi stabbilit sottoprogramm tematiku għall-bdiewa żgħażagħ (EUR 2,6 biljun);

L.  billi fl-UE mhux l-Istati Membri kollha għandhom politika ġenwina dwar l-istabbiliment fl-agrikoltura u mhux kollha jużaw l-istrumenti kollha li l-PAK toffri biex tappoġġja bdiewa żgħażagħ, speċjalment il-miżura tat-tieni pilastru dwar "għajnuna tal-bidu għal bdiewa żgħażagħ";

M.  billi n-nisa żgħażagħ li jieħdu f'idejhom ir-responsabbiltà tal-ġestjoni ta' negozju tal-biedja jirrappreżentaw biss proporzjon żgħir ta' bdiewa żgħażagħ, iżda mhumiex grupp omoġenju u għalhekk għandhom bżonnijiet differenti meta jibdew din il-karriera;

N.  billi t-tiġdid ġenerazzjonali għandu jkun wieħed mill-prijoritajiet ewlenin għall-ġejjieni tal-politika agrikola komuni, li tipprovdi qafas ta' politika komuni għal strateġiji nazzjonali mfassla apposta, u billi l-inkoraġġiment tat-tiġdid ġenerazzjonali huwa prerekwiżit indispensabbli għall-preservazzjoni tal-agrikoltura madwar l-UE kollha u biex iż-żoni rurali jibqgħu ħajjin u attraenti, b'mod partikolari billi titrawwem id-diversità tal-azjendi agrikoli u l-promozzjoni ta' biedja sostenibbli mill-familji;

O.  billi l-aċċess għall-art ġie identifikat bħala wieħed mill-ostakli ewlenin għal bdiewa żgħażagħ u għal bdiewa ġodda, li ilu jippersisti għal snin twal u jeħtieġ soluzzjonijiet ġenwini; billi l-aċċess għall-art għandu t-tendenza li jkun ostakolat, b'mod partikolari, minn naħa, mit-telf ta' art agrikola permezz tal-issiġillar tal-ħamrija, mill-iżvilupp urban, mit-turiżmu, mill-proġetti tal-infrastruttura, mit-tibdil fl-użu u mit-tifrix tad-deżertifikazzjoni kkawżat mit-tibdil fil-klima, u, min-naħa l-oħra, mill-konċentrazzjoni tal-art; billi ż-żidiet fil-prezzijiet spekulattivi jirrappreżentaw problemi serji u li qed ikunu dejjem aktar allarmanti għall-bdiewa ġodda u l-bdiewa żgħażagħ f'ħafna Stati Membri; billi l-appoġġ attwali, filwaqt li jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament u l-kapital, ma jindirizzax il-kwistjoni sostanzjali tal-ksib tal-aċċess għall-art sabiex tiġi stabbilita azjenda agrikola ġdida;

P.  billi l-bdiewa ġodda, bħalma huma l-bdiewa żgħażagħ, huma partikolarment vulnerabbli għall-volatilità tal-prezzijiet, u billi dawn jiffaċċjaw diffikultajiet addizzjonali biex jiksbu aċċess għal finanzjament minn banek jew programmi oħra ta' kreditu, minħabba nuqqas ta' assi finanzjarji biex jintużaw bħala garanzija;

Q.  billi l-appoġġ tal-UE għal bdiewa żgħażagħ għandu jkun immirat aħjar sabiex jiġi żgurat it-tiġdid ġenerazzjonali u jiġu miġġielda t-tnaqqis u l-konċentrazzjoni ta' azjendi agrikoli;

R.  billi, minkejja l-miżuri ta' appoġġ tal-UE, għad hemm sfidi li jridu jkunu ffaċċjati fil-kuntest tal-installazzjoni ta' bdiewa żgħażagħ u t-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur agrikolu tal-UE;

S.  billi fost il-bdiewa ġodda, in-nisa huma identifikati bħala l-bidwi primarju b'rati ogħla minn dawk tas-settur agrikolu b'mod ġenerali;

T.  billi l-qagħda demografika f'xi reġjuni tal-UE hija żbilanċjata ħafna, bi ftit żgħażagħ jew ebda żagħżugħ ma jgħix hemmhekk;

U.  billi l-bdiewa żgħażagħ u l-bdiewa ġodda fis-suq jirrappreżentaw sorsi importanti ta' innovazzjoni u ta' intraprenditorija fl-agrikoltura, u joffru benefiċċji bħalma huma l-introduzzjoni ta' għarfien ġdid jew tekniki, l-iżvilupp ta' mudelli ġodda tan-negozju msejsa fuq l-utenti aħħarija, l-iżvilupp ta' sistemi agrikoli iktar sostenibbli, l-iżvilupp ta' mudelli organizzattivi ġodda (pereżempju l-biedja kondiviża, il-prefinanzjament u l-finanzjament kollettiv), iż-żieda fil-konnessjonijiet bejn il-biedja u l-komunità lokali, u l-adattament tal-għarfien tradizzjonali għall-iżvilupp ta' innovazzjoniiet ta' negozju (pereżempju l-produzzjoni ta' ikel artiġjanali);

V.  billi partijiet ewlenin tar-reġjuni muntanjużi jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet partikolari minħabba rati aktar baxxi ta' investiment, kundizzjonijiet speċifiċi u riżalt ostili, li jiskoraġġixxu liż-żgħażagħ milli jibqgħu jew jibdew negozji f'dawn ir-reġjuni;

W.  billi dan jistabbillixxi prerekwiżit li jikkunsidra approċċ aktar flessibbli għall-awtoritajiet nazzjonali u/jew reġjonali meta japplikaw il-mekkaniżmu ta' "bidwi żagħżugħ" fil-pajjiżi b'reġjuni bħal dawn;

X.  billi l-bdiewa ġodda għandhom it-tendenza li joperaw azjendi agrikoli iżgħar u għalhekk isibuha diffiċli biex jaċċessaw l-inputs bi prezzijiet kompetittivi u biex jipproduċu l-kwantitajiet meħtieġa biex jiksbu ekonomiji ta' skala;

Y.  billi 80 % tas-sussidji tal-PAK huma distribwiti għal 20 % biss tal-azjendi agrikoli tal-UE, u d-distribuzzjoni reali tas-sussidji tista' tkun saħansitra aktar inugwali, billi l-istatistika disponibbli ma tagħmilhiex possibbli li dak li jkun jistabbilixxi xi ħaġa dwar is-sjieda u l-kontroll tal-azjendi agrikoli;

Z.  billi l-"Manifest tal-Bdiewa Żgħażagħ", li tnieda fl-2015 mill-Kunsill Ewropew tal-Bdiewa Żgħażagħ, jitlob li jkun hemm: aċċess għall-art u l-kreditu permezz ta' miżuri ta' appoġġ pubbliku; regolament biex jitrażżnu l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel; miżuri biex titnaqqas il-volatilità tal-introjtu għall-bdiewa żgħażagħ; u appoġġ għall-investimenti u għall-aċċess għall-art sabiex tiġi ssalvagwardjata u protetta l-ħamrija u sabiex l-art tintuża bl-aħjar mod mill-bdiewa żgħażagħ għall-produzzjoni tal-ikel;

AA.  billi l-bdiewa żgħażagħ huma fundamentali għal settur agrikolu sostenibbli, diversifikat u inklużiv u l-promozzjoni tal-aċċess tagħhom għall-biedja se tgħin biex tissalvagwardja l-produzzjoni tal-ikel futura u tipproteġi l-ambjent u l-pajsaġġi rurali;

AB.  billi l-volatilità estrema tal-prezzijiet tal-prodotti agrikoli hija diżinċentiv kbir għal dawk li jixtiequ jibdew negozju tal-biedja, li ħafna drabi twassalhom biex jiffokaw fuq prodotti niche b'marġni ta' profitt aktar sikur;

AC.  billi d-dritt tal-UE jirrikonoxxi l-kunċetti ta' "bdiewa żgħażagħ" u "żgħażagħ li għadhom jibdew l-attività agrikola tagħhom";

AD.  billi l-konċentrazzjoni tal-art hija proċess li qed tintensifika ruħha konsiderevolment; billi bejn l-2005 u l-2015, l-għadd ta' azjendi agrikoli naqas b'madwar 3,8 miljuni filwaqt li d-daqs medju kiber b'36 %;

AE.  billi d-Dikjarazzjoni 2.0 ta' Cork tas-6 ta' Settembru 2016 tesprimi tħassib dwar l-eżodu rurali u taż-żgħażagħ, u l-ħtieġa li jiġi żgurat li ż-żoni u l-komunitajiet rurali (kampanja, irziezet, irħula u bliet żgħar) jibqgħu postijiet attraenti biex tgħix u taħdem billi jitjieb l-aċċess għas-servizzi bħall-iskejjel, l-isptarijiet, inklużi s-servizzi tal-maternità, il-faċilitajiet rikreattivi u l-broadband, flimkien mal-opportunitajiet għaċ-ċittadini rurali għat-trawwim tal-intraprenditorija f'oqsma tradizzjonalment rurali kif ukoll f'setturi ġodda tal-ekonomija;

AF.  billi, fuq kollox, it-tiġdid ġenerazzjonali jiddependi fuq rieda ġenwina min-naħa tal-politiċi eletti (tal-UE u nazzjonali) u l-professjonisti rilevanti, u b'mod partikolari fuq l-anzjani; billi din ir-rieda timplika politika ġenerali koerenti u ambizzjuża – li llum mhuwiex ġenwinament il-każ – li tinvolvi kemm l-għodod tal-PAK u diversi strumenti tal-politika nazzjonali f'oqsma differenti bħalma huma l-art, il-finanzjament, il-modi tad-dritt għaż-żamma ta' art u l-politiki dwar l-istrutturi tal-ażjendi agrikoli, it-tassazzjoni, il-liġi tas-suċċessjoni, l-iskemi tal-pensjoni, it-taħriġ, eċċ.;

AG.  billi llum il-ġurnata, il-bdiewa żgħażagħ fl-UE qed jikkompetu f'settur agrikolu li qed jevolvi b'mod rapidu; billi l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-agrikoltura ta' preċiżjoni għandhom il-potenzjal li jtejbu l-produzzjoni agrikola, filwaqt li fl-istess ħin jippermettu li jkun hemm ġestjoni aħjar tar-riżorsi;

AH.  billi l-għadd ta' applikazzjonijiet imressqa għall-miżura rigward l-introduzzjoni ta' bdiewa żgħażagħ fil-biedja taħt it-tieni pilastru tal-PAK, f'xi Stati Membri, qabeż il-valur tan-negozji ġodda fil-biedja kollha li saru provvedimenti għalihom fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020;

AI.  billi l-bdiewa żgħażagħ, li, bħall-bdiewa l-oħra kollha fl-EU, jipproduċu u jqiegħdu l-prodotti tagħhom fis-suq uniku Ewropew, ma jgawdux l-istess kundizzjonijiet kummerċjali u tas-self fl-Istati Membri kollha;

AJ.  billi ġew stabbiliti inizjattivi bħal "Azzjoni tal-UE għal Irħula Intelliġenti";

AK.  billi ż-żoni rurali jeħtieġ jinżammu popolati, kemm b'żgħażagħ ta' età tax-xogħol kif ukoll b'nies kbar fl-età;

Rakkomandazzjonijiet

Baġit u aċċess għall-finanzi

1.  Isostni li tinżamm politika agrikola komuni b'saħħitha bil-għan tar-riforma li jmiss, peress li din tikkostitwixxi l-aktar inċentiv attraenti għaż-żgħażagħ li jixtiequ jinvolvu ruħhom f'attività agrikola;

2.  Jitlob l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet reċenti meħuda fir-Regolament Omnibus u li l-appoġġ għall-"Iskema għall-Bdiewa Żgħażagħ" għandu jkompli billi jiżdied il-livell massimu ta' aktar minn 2 % għall-pagamenti obbligatorji (taħt l-ewwel pilastru) u billi tiżdied ir-rata ta' appoġġ taħt it-tieni pilastru sabiex jiġi inkoraġġut it-tiġdid ġenerazzjonali; jenfasizza li t-tisħiħ mill-ġdid ta' miżura ta' għajnuna tal-bidu għall-bdiewa żgħażagħ (għotjiet għall-bdiewa żgħażagħ) għandu jiġi kkunsidrat fi kwalunkwe PAK fil-futur;

3.  Jilqa' l-fatt li, taħt ir-Regolament Omnibus, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li tiżdied l-allokazzjoni għall-bdiewa żgħażagħ taħt l-ewwel pilastru sa 50 % tal-limiti eżistenti (qabel 25 %); jirrakkomanda li l-perjodu li fih azjenda agrikola tista' tibbenefika minn dan l-apoġġ ikun estiż sabiex jiġi mħeġġeġ it-tiġdid ġenerazzjonali; jilqa' wkoll id-deċiżjoni li jiġi rivedut, permezz tar-Regolament Omnibus, il-limitu fuq l-aċċess għall-appoġġ previst taħt l-ewwel pilastru, u ġie miżjud minn ħames sa għaxar snin mit-twaqqif tan-negozju;

4.  Jilqa' l-possibbiltà għall-bdiewa żgħażagħ, hekk kif prevista fir-Regolament Omnibus, li jirċievu l-għajnuna għall-iżvilupp rurali għall-ewwel attività agrikola tagħhom, anki meta dawn jistabbilixxu n-negozju tagħhom b'mod konġunt ma' bdiewa oħra, kemm jekk dawn ikollhom aktar minn 40 sena, bil-għan li jkun hemm tiġdid ġenerazzjonali akbar, kif ukoll bdiewa żgħażagħ, billi jimmultiplikaw l-appoġġ;

5.  Jinnota li l-istrumenti tal-PAK għall-bdiewa żgħażagħ għandu jkun immirat lejn il-bżonnijiet speċifiċi tal-bdiewa żgħażagħ, inklużi l-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom;

6.  Jirrakkomanda li l-appoġġ ikun varjat anke skont l-età tal-bdiewa żgħażagħ u l-livelli ta' taħriġ tagħhom;

7.  Jilqa' l-ħolqien ta' strument ta' garanzija agrikola, propost mill-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) f'Marzu 2015, li għandu jiffaċilita l-aċċess għall-kreditu għall-bdiewa żgħażagħ; jirrakkomanda li l-aċċess għall-finanzjament għandu jittejjeb permezz ta' rati tal-interess sussidjati fuq self għall-bdiewa ġodda, anki minn operaturi finanzjarji privati, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni ta' strumenti finanzjarji li jiżborsaw self mingħajr interessi għall-investimenti għall-bdiewa żgħażagħ; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni mtejba mal-BEI u mal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) sabiex jitrawwem il-ħolqien ta' strumenti finanzjarji ddedikati għall-bdiewa żgħażagħ fl-Istati Membri kollha;

8.  Iqis bħala meħtieġ li jiġu promossi forom ġodda ta' finanzjament parteċipattiv fl-agrikoltura u dawk diġà osservati fi ħdan l-UE dwar trasferiment tal-art li jistgħu jiġu kkombinati ma' dawn l-istrumenti finanjarji ġodda;

9.  Jirrakkomanda li l-valutazzjonijiet tal-affidabbiltà kreditizja tal-azjendi agrikoli mill-banek u l-istituzzjonijiet ta' kreditu jitjiebu, anke billi jiġu żviluppati l-istrumenti finanzjarji tal-PAK;

10.  Jirrakkomanda li jkunu magħmula aktar aċċessibbli l-opportunitajiet offruti fil-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE), flimkien mal-appoġġ tal-PAK, biex jitfasslu u jiġu implimentati strumenti finanzjarji b'mod sinerġistiku fil-forma ta' self, garanzjia jew fondi ta' ekwità, sabiex jingħata aċċess għall-finanzjament għall-bdiewa żgħażagħ; jinnota li pjan ta' negozju agrikolu b'saħħtu ħafna drabi huwa komponent essenzjali għall-kisba ta' finanzjament u jemmen li r-regoli tas-self prudenti għandhom japplikaw; jenfasizza l-ħtieġa għal medjazzjoni għall-bdiewa u għalhekk jirrakkomanda li l-appoġġ ikun akkompanjat minn servizzi ta' konsulenza finanzjarja kwalifikati u indipendenti;

11.  Jissottolinja l-ħtieġa għal promozzjoni aħjar tal-Iskema għall-Bdiewa Żgħażagħ mill-Istati Membri u jitlob li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, sabiex tixtered l-informazzjoni dwar l-għodod ta' appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ta' appoġġ għall-investimenti f'biedja intelliġenti, biex jiżdied l-aċċess għall-bdiewa żgħażagħ għal avvanzi teknoloġiċi;

L-amministrazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-miżuri implimentati

13.  Jilqa' l-fatt li r-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) 2014-2020 introduċiet miżuri ġodda biex jappoġġjaw lill-bdiewa żgħażagħ fl-istabbiliment tal-azjendi agrikoli; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-livell tal-piżijiet amministrattivi ħafna drabi jxekklu l-adozzjoni ta' dawn il-miżuri; jinnota li l-amministrazzjoni globali tal-pagamenti diretti u tal-miżuri tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali hija kkunsidrata bħala kumplessa u diffiċli ħafna, speċjalment għall-bdiewa ġodda li mhuwiex familjari mas-sistema ta' pagamenti; jirrakkomanda li jsir sforz akbar biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri u jitnaqqas il-ħin meħtieġ għall-approvazzjoni tal-pagamenti;

14.  Jilqa' l-emendi li jappoġġjaw liż-żgħażagħ introdotti mir-Regolament Omnibus, billi jittejjeb l-aċċess tagħhom għall-istrumenti finanzjarji u tiġi pprovduta żieda fil-pagament uniku taħt l-ewwel pilastru;

15.  Jitlob li l-appoġġ għall-konsulenza jsir sistematikament disponibbli, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ li mhumiex minn żoni rurali;

16.  Jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-intenzjoni tagħha li ssaħħaħ il-miżuri li jippromwovu t-tiġdid ġenerazzjonali fir-riforma li jmiss tal-PAK, iżda jqis li dawn l-inizjattivi l-ġodda għandhom ikunu koperti b'baġit tal-UE suffiċjenti, għax inkella jonqsu milli jipprovdu l-effett ta' inċentiva mixtieq;

17.  Jinsab diżappuntat dwar in-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn pagamenti għall-bdiewa żgħażagħ u l-miżura ta' appoġġ stabbilita, li huma ġestiti minn awtoritajiet differenti;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ aktar olistiku li jippermetti sinerġiji akbar bejn l-appoġġi tal-Pilastru I u l-Pilastru II, u jenfasizza li dawn tal-aħħar għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri kollha;

19.  Jinnota li ħafna mill-azjendi agrikoli li jkunu għadhom kif ġew stabbiliti jitpoġġew f'ambjent kompetittiv b'kundizzjonijiet li jinbidlu malajr; jirrakkomanda li l-bdiewa tal-UE jingħataw aktar flessibbiltà biex jirrispondu għall-kundizzjonijiet dejjem jinbidlu fis-swieq bil-pjanijiet tan-negozju tagħhom; jemmen li għandu jiġi kkunsidrat tibdil fil-ħlasijiet parzjali;

20.  Jinnota li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li japplikaw aktar strumenti permezz taż-żewġ pilastri tal-PAK u jinkoraġġixxi dawk l-Istati Membri bi sfidi ġeografiċi speċifiċi, bħal reġjuni muntanjużi jew, f'xi każijiet, reġjuni inqas vantaġġjati, jikkunsidraw jintroduċu fattur multiplikatur (eż. 2), li jqis l-għadd ta' ħsad kull sena jew il-firxa ta' kultivazzjonijiet li jistgħu jikbru hemmhekk, meta jagħtu appoġġ lill-bdiewa żgħażagħ li jixtiequ joperaw f'dawn ir-reġjuni, sabiex jinċentivizzaw attivitajiet f'dawn ir-reġjuni f'tentattiv li jiġġieldu l-isfidi demografiċi t'hemmhekk;

21.  Jindika li l-prattiki kummerċjali żleali fil-katina alimentari, li l-impożizzjoni tagħhom tippermetti lill-bejjiegħ u/jew proċessur jew negozjant jisfruttaw is-setgħa ta' negozjar sinifikanti tagħhom fil-konfront tal-fornituri tagħhom, joħolqu theddida serja għall-istabbiltà tan-negozji tal-bdiewa; jistieden lill-Kummissjoni tadotta regolamentazzjoni xierqa fil-livell tal-UE;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu t-tibdil regolatorju meħtieġ biex jiżguraw li l-għajnuna biex jgħinu liż-żgħażagħ jingħaqdu mas-settur tal-biedja u jtejbu l-azjendi agrikoli għaż-żgħażagħ tiġi kklasifikata bħala għotja ta' kapital u mhux sussidju attwali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali kollha;

23.  Jirrikonoxxi li l-bdiewa jridu jkunu kapaċi jibqgħu jieħdu ħsieb l-art tagħhom u li jekk azjenda agrikola għandha taħdem sew, hi trid tkun ħielsa u flessibbli bl-istess mod bħal kwalunkwe tip ieħor ta' negozju;

24.  Jenfasizza li l-pagamenti lill-bdiewa żgħażagħ m'għandhomx jiddewmu, iżda jsiru perjodikament u fiż-żmien previst biex il-bdiewa ma jitħallewx jispiċċaw midjuna sabiex b'hekk ma jitfixklux il-proġetti tagħhom;

25.  Iħeġġeġ li jittieħed approċċ ibbażat fuq ir-riżultati, li jistimula l-iżvilupp ta' innovazzjonijiet ġodda u ġestjoni aħjar tar-riżorsi, b'tali mod li tingħata s-setgħa lill-bdiewa żgħażagħ motivati;

26.  Jenfasizza li biex tkun ekonomikament vijabbli, azjenda agrikola trid tkun kapaċi tespandi biex tilħaq daqs kritiku li jirrifletti r-realtà ekonomika tas-suq;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li titqies id-diversità tat-territorji, b'mod partikolari f'żoni diffiċli, li jirrikjedu appoġġ imfassal apposta;

L-aċċess għall-art u l-ġlieda kontra l-"ħtif tal-art"

28.  Jinnota li l-aċċess għall-art huwa wieħed mill-akbar ostakli għall-bdiewa żgħażagħ u għall-bdiewa ġodda fl-UE u li huwa limitat mill-provvista baxxa ta' art għall-bejgħ jew għall-kiri f'bosta reġjuni, kif ukoll minn kompetizzjoni minn bdiewa, investituri u utenti residenzjali oħra, u problemi fl-akkwist tal-finanzjament; jemmen li ċ-ċirkustanzi li jillimitaw l-aċċess għall-art f'kull Stat Membru għandhom jiġu studjati aktar; jikkunsidra li l-problema tal-aċċess għall-art hija aggravata mill-istruttura attwali ta' pagamenti diretti, li tista' twassal għal żieda kemm fl-ispejjeż tal-kiri tal-art kif ukoll fil-prezzijiet tax-xiri tal-art, u talloka sussidji l-aktar abbażi ta' sjieda tal-art; jemmen li xi bdiewa, kemm jekk proprjetarji kif ukoll jekk kerrejja, huma inċentivati biex jibqgħu attivi sabiex ikomplu jibbenefikaw minn sussidji billi jużaw fornituri tas-servizzi biex itejbu arthom jew billi jagħmlu l-minimu tax-xogħol fuq l-art tagħhom; jirrakkomanda li jiżdiedu l-livelli ta' attività meħtieġa, billi jitqiesu l-mudelli tal-biedja, meta jiġu allokati l-pagamenti li jimmiraw għall-appoġġ lejn il-kisba ta' riżultati partikolari (eż. ħin tax-xogħol reali mqatta' fil-biedja, b'kunsiderazzjoni tal-innovazzjonijiet ġodda, il-produzzjoni ta' beni ambjentali jew soċjali speċifiċi), u l-projbizzjoni li jiġu kkombinati sussidji mal-pagament ta' pensjoni tal-irtirar, li għalihom ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni.

29.  Ifakkar li, biex tinkiseb agrikoltura sostenibbli, il-bdiewa żgħażagħ iridu jkunu jistgħu jinvestu u jakkwistaw kemm art agrikola kif ukoll makkinarju ġdid jew użat u jtejbu t-tekniki agrikoli tagħhom;

30.  Jenfasizza li s-sidien għandhom jkunu liberi li jbigħu lil min iridu u jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita t-trasferiment tal-art, u b'mod partikolari s-suċċessjoni, sabiex tagħmilha aktar faċli biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jistabbilixxu ruħhom;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiġġieldu l-ispekulazzjoni tal-art agrikola, peress li l-aċċess għall-art huwa l-akbar problema li jħabbtu wiċċhom magħha l-bdiewa żgħażagħ u ġodda;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet fil-livell tal-Unjoni Ewropea biex tinkoraġġixxi politiki nazzjonali aktar attivi dwar l-aċċess għall-art ibbażati fuq l-aħjar prattiki;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lil min jidħol ġdid u lill-bdiewa żgħażagħ fl-aċċess għall-art, billi jsir użu sħiħ tal-istrumenti regolatorji li diġà ġew implimentati b'suċċess f'uħud mill-Istati Membri, skont il-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni dwar Akkwist ta' Farmland u tal-Liġi tal-Unjoni Ewropea(5); iqis, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw strumenti bħal banek tal-art li jiġi ffaċilitat aktar l-aċċess għall-art u tiġi mmappjata l-art mhux użata disponibbli għall-bdiewa żgħażagħ;

34.  Jemmen li huwa importanti li jkun hemm deroga għall-bdiewa żgħażagħ stabbilita fil-limitu attwali ta' 10 % għax-xiri tal-art kif stipulat fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014 tat-3 ta' Marzu 2014 dwar il-fondi strutturali u fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat;

35.  Jitlob biex aktar għajnuna tiġi mgħoddija lejn żoni iżolati jew inqas popolati, jew żoni affettwati minn nuqqas ta' tiġdid ġenerazzjonali;

36.  Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-aċċess għall-art fl-Istati Membri;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta evalwazzjoni tal-impatt dirett u indirett tax-xiri mill-ġdid tal-art u tal-art agrikola minn residenti mhux tal-UE dwar id-disponibbiltà u l-prezz tal-art agrikola;

38.  Jipproponi li, bħala parti mill-politiki nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu s-servizzi konsultattivi dwar l-azjendi agrikoli u l-ġestjoni tagħhom biex jappoġġjaw u jiffaċilitaw is-servizzi tal-mobilità tal-art u tal-ippjanar tas-suċċessjoni;

39.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jintroduċu għajnuna għat-trasferiment ta' azjendi agrikoli fi sforz biex jingħata appoġġ lill-maniġers tal-azjendi agrikoli li għandhom aktar minn 55 sena u mingħajr suċċessuri, li jistgħu jsibu ruħhom f'sitwazzjoni prekarja meta jasal iż-żmien biex jirtiraw, bil-kundizzjoni li jgħaddu l-azjendi agrikoli kollha tagħhom jew parti minnhom lil persuna żagħżugħa jew aktar;

40.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi biex jiggarantixxu sjieda konġunta tal-azjendi agrikoli, b'enfasi speċjali fuq in-nisa żgħażagħ sabiex jiżguraw li d-drittijiet tagħhom ikunu rispettati;

41.  Huwa tal-fehma li d-definizzjoni ta' bidwi attiv ma tridx tirriżulta f'xi piż amministrattiv fuq dawk li jirriżultaw mill-aħħar riforma, jew jillimitaw l-aċċess għall-biedja għaż-żgħażagħ billi jimponu kundizzjonijiet eċċessivi;

42.  Jinnota li f'bosta Stati Membri, it-tiġdid ġenerazzjonali u l-aċċess taż-żgħażagħ għal art agrikola huma mfixkla minn dewmien fil-proċess ta' suċċessjoni; jikkunsidra li l-PAK attwali m'għadx għandha nuqqas ta' inċentivi għal bdiewa akbar fl-età biex jgħaddu n-negozji tagħhom lil ġenerazzjonijiet iżgħar; jirrakkomanda li tiġi kkunsidrata mill-ġdid l-implimentazzjoni ta' miżuri li jimmotivaw lid-detenturi akbar fl-età biex jgħaddu l-azjendi agrikoli tagħhom lil bdiewa żgħażagħ, bħall-"iskema ta' ħruġ mill-biedja" u inċentivi oħra għall-irtirar, sabiex l-art ma tispiċċax f'idejn l-azjendi agrikoli ġirien; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' strutturi legali bħal "Groupements Agricoles d'Exploitation en Commun" (GAEC), li jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ jistabbilixxu negozju flimkien u jiffaċilitaw it-trasferiment bejn il-ġenerazzjonijiet;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistimulaw l-użu tal-possibbiltajiet taħt l-iżvilupp rurali biex jappoġġjaw l-azzjonijiet il-ġodda biex titrawwem il-mobilità tal-art, bħal banek tal-artijiet, inizjattivi li jqabblu l-art tal-irziezet u inizjattivi oħra promossi fil-livell lokali biex jinkoraġġixxu l-aċċess għall-art għall-bdiewa ġodda;

44.  Iqis li l-bdiewa żgħażagħ fl-Unjoni kollha għandu jkollhom aċċess għal self bl-istess kundizzjonijiet u rati tal-imgħax, u li dawn m'għandhomx ivarjaw; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni, flimkien mal-Bank tal-Investiment Ewropew, tistabbilixxi miżuri ta' appoġġ xierqa u faċilitajiet ta' self għall-bdiewa żgħażagħ;

45.  Jitlob il-promozzjoni ta' mudelli ġodda ta' kollaborazzjoni bejn ġenerazzjonijiet ta' bdiewa permezz ta' sħubija, kooperattivi tal-makkinarju agrikolu, kiri fit-tul u arranġamenti fit-tul oħra, arranġamenti bejn l-irziezet u fondi għal organizzazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali involuti fil-promozzjoni u fl-iffaċilitar ta' servizzi ta' qbil bejn bdiewa żgħażagħ u dawk akbar fl-età (bħal servizzi tal-mobilità tal-art);

46.  Jindika li organizzazzjoni ikbar u iktar b'saħħitha tal-bdiewa, permezz tal-istabbiliment ta' kooperattivi u l-ħolqien ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi (OP) f'setturi regolati fil-livell tal-UE permezz tar-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq (OKS) tista' tgħin biex il-biedja tkun tista' trendi profitt ikbar u tista' tgħin biex tipproteġi l-introjtu tal-bdiewa, b'mod partikolari dak tal-bdiewa żgħażagħ, billi takkumpanja l-għażliet tal-produzzjoni u tisfrutta bl-aħjar mod il-karatteristiċi taż-żoni rurali; jinnota wkoll li jekk issir riforma strutturali tal-OP, biex isiru iktar b'saħħithom, iktar responsabbli u iktar effiċjenti, u jekk ikun hemm aggregazzjoni ikbar, ikun jista' jingħata kontribut effikaċi, l-ewwel u qabel kollox, favur il-protezzjoni u ż-żieda tal-profittabilità tas-settur matul iż-żmien;

47.  Jinnota d-differenzi li jeżistu bejn is-sitwazzjoni ta' tiġdid ġenerazzjonali fi ħdan il-familja u l-bdiewa ġodda; jemmen li t-taħriġ vokazzjonali u l-korsijiet iridu jkunu adattati għal dawk li jippjanaw li jieħdu f'idejhom negozju tal-familja jew għal dawk li qed jippjanaw li jibdew negozju ġdid, skont il-ħtiġijiet tagħhom;

48.  Jenfasizza li n-nisa żgħażagħ għandhom jiġu mħeġġa biex jieħdu r-responsabbiltà marbuta mal-ġestjoni tal-agrikoltura u għandhom jingħataw appoġġ adegwat f'termini ta' aċċess għall-art, għall-kreditu u tagħrif ulterjuri dwar ir-regoli u r-regolamenti;

49.  Jemmen li l-għażla li jirregolaw l-aċċess għal art agrikola u jistabbilixxu inċentivi jew restrizzjonijiet għal dak il-għan tappartjeni għall-Istati Membri, b'mod partikolari f'dak li jirrigwardja l-mod kif l-UE tindirizza l-fenomenu tal-ħtif tal-art u l-inkoraġġiment tal-bdiewa żgħażagħ biex jistabbilixxu negozju;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, biex ikomplu jiżviluppaw il-komunikazzjoni li ġiet adottata dan l-aħħar dwar is-sistema tal-kriterju tas-suq tal-art biex tiżgura li l-liġi tal-UE ġenwinament żżomm livell ugwali għax-xerrejja potenzjali kollha tal-art – inkluża d-diskriminazzjoni pożittiva favur il-bdiewa tal-UE – u li jsir assolutament ċar għall-Istati Membri tal-UE, fil-kuntest tal-erba' libertajiet fundamentali, liema miżuri tar-regolamentazzjoni tas-suq tal-art huma permessi sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu jiksbu l-art b'mod aktar faċli biex tintuża għal skopijiet agrikoli u ta' forestrija; jistieden lill-Kummissjoni tissospendi l-proċedimenti ta' ksur attwali bil-għan li jivvalutaw il-kompatibbiltà tal-liġijiet tal-Istati Membri mal-liġi tal-UE dwar il-bejgħ tal-art agrikola sakemm l-aħħar komunikazzjoni li fiha l-kriterji msemmija hawn fuq tkun ippubblikata;

51.  Hu tal-fehma li l-politiki nazzjonali dwar l-ippjanar tal-art, urban u tal-użu tal-art (eż. l-infrastruttura tat-trasport) għandhom iqisu l-prattiki tal-iskart tal-art u l-abbandun, u jġibu din l-art lura fis-settur agrikolu sabiex jagħmlu disponibbli aktar art agrikola lill-bdiewa żgħażagħ li jkunu għadhom jibdew;

52.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni Interpretattiva tal-Kummissjoni dwar Akkwist ta' Farmland u tal-Liġi tal-Unjoni Ewropea, iżda jinnota li l-komunikazzjoni ma tirriflettix biżżejjed dwar kif għandhom jiġi rregolat ix-xiri minn gruppi korporattivi, li spiss huwa attiv fuq livell transnazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-komunikazzjoni f'dan ir-rigward;

53.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm koerenza bejn il-miżuri lokali, nazzjonali u dawk tal-UE li jikkonċernaw lill-bdiewa żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw it-tiġdid ġenerazzjonali, pereżempju, permezz tal-liġijiet tas-suċċessjoni u tat-tassazzjoni, ir-regoli dwar l-aċċess għall-art, l-ippjanar territorjali u l-istrateġiji ta' suċċessjoni tal-azjendi agrikoli;

54.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lin-nisa b'aċċess ġust għal art sabiex jinkoraġġuhom jistabbilixxu ruħhom f'żoni rurali u jaqdu rwol sħiħ u attiv fis-settur agrikolu;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffinanzja studju dwar is-sitwazzjoni attwali tal-konċentrazzjoni tal-art fl-UE li jqis il-fenomenu tal-gruppi korporattivi b'sussidjarji li jakkwistaw u jikkontrollaw l-art permezz ta' ftehimiet ta' negozju, u li tanalizza r-riskji li l-konċentrazzjoni tal-art toħloq, mhux biss f'dak li jirrigwarda l-aċċess għall-art għall-bdiewa żgħażagħ u dawk ġodda, iżda wkoll fir-rigward tal-provvista tal-ikel, l-impjiegi, l-ambjent, il-kwalità tal-ħamrija u l-iżvilupp rurali b'mod ġenerali;

56.  Huwa tal-fehma li l-UE għandu jkollha liġijiet dwar il-kwalità tal-art, peress li l-kwalità tal-art qiegħda tiddeterjora bħala riżultat ta' żvilupp agrikolu mhux adatt; jindika li dan id-deterjorament tal-art jaffettwa s-suq tal-art u l-prezzijiet tal-art, iżda jnaqqas ukoll il-kapaċità tal-produzzjoni tal-artijiet mgħoddija lill-ġenerazzjonijiet futuri tal-bdiewa;

57.  Jinnota li s-sistema attwali ta' pagamenti tal-PAK, u b'mod partikolari l-pagamenti diżakkoppjati, ma tippromwovix it-trasferiment ta' art agrikola u ma tipproteġix b'mod adegwat lill-bdiewa żgħażagħ mill-volatilità tal-prezzijiet agrikoli, li huma esposti iktar għaliha għal raġunijiet ċari dovuti għall-fatt li jkunu għadhom jibdew u ma jkollhomx l-esperjenza prattika jew għall-fatt li ma jkollhomx strumenti finanzjarji suffiċjenti disponibbli għalihom;

Taħriġ, innovazzjoni u komunikazzjoni

58.  Jinnota li hemm ħtieġa li jiġi mmodernizzat u jingħata aktar valur lit-taħriġ vokazzjonali pprovdut fir-reġjuni rurali, bl-involviment attiv tas-servizzi konsultattivi nazzjonali; jemmen li l-aċċess għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għandu jiġi ffaċilitat u li għandu jingħata baġit ikbar għat-taħriġ vokazzjonali fiż-żoni rurali;

59.  Jenfasizza l-aktar inizjattiva reċenti tal-UE, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li toħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jagħmlu volontarjat jew jaħdmu fuq proġetti fil-qasam tar-riżorsi naturali, u matul oqsma differenti bħall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd;

60.  Jirrakkomanda li dawn iż-żgħażagħ jissieħbu f'kooperattivi, li għandhom jipprovduhom b'konsulenza importanti dwar il-kummerċjalizzazzjoni, il-produzzjoni u aspetti oħra relatati mal-azjenda agrikola tagħhom;

61.  Jenfasizza l-ħtieġa għal reviżjoni tal-kriterji bil-għan li titrawwem l-inkorporazzjoni taż-żgħażagħ f'soċjetà li fuqha m'għandhom ebda kontroll, bl-għajnuna li ż-żgħażagħ jirċievu tkun proporzjonata mal-importanza tagħhom fis-soċjetà;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joffru aktar opportunitajiet ta' taħriġ u konsulenza lill-bdiewa żgħażagħ potenzjali u kkonfermati, inklużi l-ħiliet għall-bidu ta' negozji agrikoli u l-ħiliet agrikoli, teknoloġiċi, ħiliet ġodda teknoloġiċi u intraprenditorjali bħall-kummerċjalizzazzjoni, in-netwerking, il-komunikazzjoni, l-innovazzjoni, il-multifunzjonalità u d-diversifikazzjoni u l-għarfien espert finanzjarju;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joffru aktar opportunitajiet ta' taħriġ u aktar opportunitajiet u inċentivi għall-mobilità internazzjonali; jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' skema tat-tip Erasmus assoċjata ma' taħriġ vokazzjonali biex jittejbu l-ħiliet u l-esperjenza tal-bdiewa, anke fir-rigward ta' teknoloġiji ġodda u mudelli ta' negozju ġodda, u biex jiġi permess lilhom trasferiment effiċjenti u effikaċi tat-tagħrif;

64.  Iqis li huwa importanti titrawwem l-estensjoni tan-netwerks tar-riċerkaturi, l-akkademiċi, il-maniġers u l-bdiewa żgħażagħ Ewropej li huma interessati fl-identifikazzjoni ta' mudelli ġodda ta' żvilupp ekonomiku biex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi għall-ħtiġijiet soċjali u tas-suq li qed jitfaċċaw mid-dinja l-ġdida ta' negozju rurali;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-informazzjoni disponibbli għall-bdiewa żgħażagħ u l-bdiewa ġodda dwar approċċi innovattivi u mhux konvenzjonali li huma l-aktar adatti biex tinbeda azjenda agrikola ġdida, l-iżvilupp ta' mudelli ġodda tan-negozju msejsa fuq l-utenti aħħarija, l-iżvilupp ta' sistemi agrikoli iktar sostenibbli, l-iżvilupp ta' mudelli organizzattivi ġodda (pereżempju l-biedja kondiviża, il-prefinanzjament u l-finanzjament kollettiv), iż-żieda fil-konnessjonijiet bejn il-biedja u l-komunità lokali, u l-adattament tal-għarfien tradizzjonali għall-iżvilupp ta' innovazzjoniiet ta' negozju (pereżempju l-produzzjoni ta' ikel artiġjanali);

66.  Jitlob, bil-għan li jitnaqqas l-għadd ta' kumpaniji li jfallu, li jiġi introdott mekkaniżmu li jissorvelja jew jagħti parir lin-negozji bil-ħsieb li jingħata appoġġ kontinwu liż-żgħażagħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet, tal-anqas għall-ewwel tliet snin ta' attività tal-kumpanija tagħhom;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu inizjattivi bħal "Demain je Serai paysan" Franċiża, li għandha l-għan li tippromwovi l-biedja bħala karriera fost iż-żgħażagħ u tagħtihom l-informazzjoni kollha li jeħtieġu biex jiksbu taħriġ rilevanti u jistabbilixxu l-azjendi agrikoli tagħhom;

68.  Huwa tal-fehma li għandu jinħoloq ambjent akkoljenti għaż-żgħażagħ fl-industrija tal-biedja, permezz ta' strutturi kollettivi u bbażati fuq is-solidarjetà bħall-gruppi tal-biedja konġunti ta' intrapriża agrikola (soċjetajiet tal-bdiewa), il-kooperattivi għall-użu tat-tagħmir agrikolu komunali, il-kooperattivi għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli, il-gruppi tal-kondiviżjoni tax-xogħol, is-servizzi ta' sostituzzjoni, il-grupp tal-assistenza reċiproka, il-gruppi tal-estensjoni agrikola u l-innovazzjoni, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa u tal-konsumaturi, in-netwerks bejn l-atturi agrikoli u mhux agrikoli (LEADER), eċċ.; jenfasizza li dawn it-tipi ta' organizzazzjoni jgħinu lill-professjonisti biex jaqsmu l-esperjenza, il-pariri u ċerti spejjeż, li huwa importanti għall-baġit u d-dħul taż-żgħażagħ, li ta' spiss ikollhom iħallsu spejjeż sinifikanti biex jibdew negozju;

69.  Jindika kemm hu importanti li ż-żgħażagħ fiż-żoni rurali jkollhom aċċess għall-istess servizzi u infrastruttura (pereżempju bandwidth b'veloċità għolja, skejjel u kindergartens, toroq, eċċ.) bħaż-żgħażagħ li jgħixu fil-bliet; iqis, għaldaqstant, li huwa essenzjali li jkun żgurat li l-bdiewa żgħażagħ fiż-żoni rurali jkunu f'pożizzjoni li jiżviluppaw l-azjendi agrikoli tagħhom u jappoġġjaw il-familji tagħhom;

70.  Jistieden biex l-ispirtu intraprenditorjali tan-nisa u l-inizjattivi jiġu inkoraġġuti, b'mod partikolari permezz tal-promozzjoni tas-sjieda tan-nisa, tan-netwerks tal-bdiewa żgħażagħ nisa, l-imprendituri u l-bdiewa ġodda, u l-provvista fis-settur finanzjarju biex tiffaċilita l-aċċess għall-investimenti u l-kreditu għan-negozjanti nisa rurali, b'tali mod li jippermettilhom jiżviluppaw negozji li minnhom jaqilgħu għajxien stabbli;

71.  Huwa tal-fehma li t-tiġdid ġenerazzjonali jiddependi fuq l-attraenza tal-professjoni tal-biedja, iżda b'mod partikolari fuq il-kapaċità tagħha li tiġġenera dħul għal dawk li jixtiequ jaqilgħu l-għajxien tagħhom minnha; jenfasizza li, biex l-agrikoltura tkun vijabbli, il-PAK trid tippermetti ċertu livell ta' regolamentazzjoni tas-suq, b'mod partikolari meta s-swieq ma jkunux qed jaħdmu sew u qed jikkawżaw kriżijiet; jirrimarka li d-deregolamentazzjoni tas-swieq attwali qed ikollha impatt negattiv fuq l-iżvilupp tal-agrikoltura, qed tbiegħed liż-żgħażagħ mill-agrikoltura, u qed ikollha impatt serju fuq iż-żgħażagħ li diġà stabbilixxew azjendi agrikoli u għandhom djun kbar bħala riżultat tal-ispejjeż tal-bidu tagħhom;

Servizzi pubbliċi

72.  Jikkunsidra li l-iżvilupp ta' prattiki agrikoli agroekoloġiċi moderni u ta' mudelli ġodda ta' negozju se jagħmel l-agrikoltura aktar attraenti għall-bdiewa żgħażagħ; jenfasizza li l-bdiewa żgħażagħ iridu jkunu mħarrġa u kkwalifikati fl-aħħar teknoloġiji biex jindirizzaw, b'mod partikolari, l-isfidi ambjentali kurrenti u futuri; jenfasizza l-ħtieġa li jingħata appoġġ għall-approċċi innovattivi u mhux konvenzjonali bħall-agroekoloġija, il-mudelli ta' negozju ġodda bbażati fuq l-utenti finali, it-teknoloġija tal-biedja diġitali u s-soluzzjoni intelliġenti, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe PAK futura tirrifletti dan;

73.  Jinnota li l-bdiewa żgħażagħ jirrappreżentaw potenzjal qawwi għall-innovazzjoni u d-diversifikazzjoni peress li għandhom it-tendenza li jkollhom iktar ħiliet u abbiltà maniġerjali u jkunu aktar inklinati li jidħlu fi swieq ġodda, jiżviluppaw metodi ġodda ta' produzzjoni u jagħmlu l-aħjar użu ta' avvanzi teknoloġiċi u innovattivi fis-settur agrikolu, li jistgħu, b'mod partikolari, jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali li qed tiffaċċja l-agrikoltura; iqis meħtieġ, għalhekk, li dawn iż-żgħażagħ li jixtiequ jintroduċu tekniki u proċessi ta' produzzjoni innovattivi, bħal agrikoltura ta' preċiżjoni u sistemi ta' konservazzjoni, li għandhom l-għan li jtejbu l-kosteffikaċja u s-sostenibbiltà ambjentali tas-settur agrikolu, jiġu pprovduti b'appoġġ kritiku; jistieden lill-Kummissjoni żżid ir-riċerka dwar l-użu ta' teknoloġiji u prattiki agrikoli li jippermettu agrikoltura sostenibbli b'impatt ambjentali żgħir; jenfasizza li l-ħolqien ta' impjiegi ġodda u l-ħarsien tagħhom, u l-promozzjoni tal-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fil-qasam tat-taħriġ agrikolu huma essenzjali għall-kompetittività tal-agrikoltura fl-UE;

74.  Jenfasizza li l-bdiewa jeħtieġu aċċess għal infrastruttura, faċilitajiet pubbliċi affordabbli u ta' kwalità għolja, u s-servizzi, inklużi kura tas-saħħa, edukazzjoni, broadband b'veloċità għolja, assistenza, taħriġ, servizzi kulturali, uffiċċji postali, trasport pubbliku u toroq aħjar; jinnota li l-istess kundizzjonijiet u l-istandard tal-għajxien għandhom jiġu żgurati għaż-żgħażagħ li jgħixu f'żoni rurali għal dawk li jgħixu f'żoni urbani, sabiex ma jiżdiedx aktar l-eżodu rurali u l-qasma territorjali;

75.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu impenn sod favur l-istabbiliment ta' kanali ta' kummerċjalizzazzjoni diretti li ser jippermettu lill-bdiewa żgħażagħ ibigħu l-prodotti tagħhom fis-swieq lokali b'mod iktar sostenibbli u bi profitt ikbar;

76.  Jirrimarka li, għal azjendi agrikoli żgħar u ż-żoni rurali biex ikomplu jiżviluppaw b'mod sostenibbli, hija meħtieġa bidla ġenerazzjonali;

77.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa Aġenda Rurali, li trid tinkludi miżuri kkoordinati taħt diversi politiki ta' żvilupp rurali tal-UE, reġjonali u lokali;

78.  Jenfasizza li l-PAK teħtieġ approċċi intelliġenti, peress li dawn is-soluzzjonijiet ġodda jagħmlu l-ħajja rurali u ta' rħula attraenti għaż-żgħażagħ;

Miżuri biex jitwaqqaf l-eżodu rurali

79.  Iqis li huwa meħtieġ li l-bdiewa żgħażagħ jiġu offruti prospetti fit-tul sabiex jitwaqqaf l-eżodu rurali, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu inizjattivi ġodda biex jistabbilixxu l-infrastruttura meħtieġa biex jappoġġjaw lill-intraprendituri ġodda u lill-familji tagħhom fiż-żoni rurali;

80.  Jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li tingħata kunsiderazzjoni lill-armonizzazzjoni ta' miżuri taħt il-programmi tal-iżvilupp rurali u l-ewwel pilastru tal-PAK, il-politika ta' koeżjoni tal-UE u miżuri f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali, sabiex itejbu l-effikaċja tagħhom;

81.  Jirrimarka li l-innovazzjoni mhijiex biss kwistjoni ta' tekniki tal-biedja u makkinarju ġdid iżda tinkludi wkoll l-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju ġodda, inkluż għodod ta' bejgħ u kummerċjalizzazzjoni, taħriġ u ġbir ta' data u informazzjoni;

82.  Jistieden lill-Kummissjoni torjenta l-pagamenti diretti lejn azjendi agrikoli żgħar u lejn il-biedja agroekoloġika fir-riforma li ġejja tal-PAK, għax dan se jgħin ħafna lill-bdiewa iktar żgħażagħ u lill-bdiewa ġodda;

83.  Jirrimarka li ż-żoni rurali għandu ikollhom ukoll servizzi li jnaqqsu l-pressjonijiet tal-biedja, bħal konsulenza professjonali, pariri finanzjarji u pariri dwar il-ġestjoni ta' azjenda agrikola;

84.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu pprovduti konnessjonijiet broadband f'żoni rurali u remoti; jilqa' d-diversi inizjattivi fil-qasam ta' "irħula intelliġenti", li l-għan finali tagħhom irid ikun li joħolqu opportunitajiet ġodda ta' impjieg u jipprovdu impjieg għaż-żgħażagħ fiż-żoni rurali, kemm jekk f'forma ta' attivitajiet supplimentari fl-azjendi agrikoli kif ukoll f'attivitajiet mhux relatati mal-biedja (kura soċjali, mobbiltà, kura tas-saħħa, turiżmu, enerġija); iqis li l-produttività dejjem ikbar fl-agrikoltura u l-waqgħa kontinwa fil-prezzijiet tal-prodott agrikolu ser jagħmluha dejjem aktar diffiċli li jiġi ġġenerat biżżejjed dħul mill-attività agrikola bażika, speċjalment fl-azjendi agrikola żgħar;

85.  Jemmen li kwalunkwe strateġija ta' suċċess favur it-tiġdid ġenerazzjonali u l-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ għandha tieħu approċċ olistiku, u tiffaċilita l-aċċess tal-bdiewa għall-art, il-finanzi, is-servizzi ta' konsulenza u t-taħriġ, u tqis it-tiġdid ġenerazzjonali għall-benefiċċju tal-bdiewa żgħażagħ u mhux; jenfasizza li dan għandu jagħmel il-biedja, li hija ta' importanza vitali għall-umanità, okkupazzjoni attraenti kemm għall-bdiewa żgħażagħ kif ukoll għas-soċjetà inġenerali;

86.  Jinnota li appoġġ qawwi għall-bdiewa żgħażagħ u l-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi ġodda fis-settur agrikolu tal-UE huma essenzjali għall-futur taż-żoni rurali u jridu jiġu mħeġġa bħala parti mill-PAK l-ġdida ta' wara l-2020;

L-ambjent u s-sostenibbiltà

87.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura iktar konsistenza bejn il-miżuri ambjentali u tiżgura li dawn il-miżuri jiġu armonizzati; itenni li l-bdiewa żgħażagħ jeħtieġu miżuri li jkunu ċari u faċli biex jitpoġġew fil-prattika;

88.  Jemmen li, sabiex jiġu ppreżervati l-insedjamenti fiż-żoni rurali u żgurat standard simili ta' għajxien għall-persuni li jgħixu hemm meta mqabbla ma' żoni urbani, jeħtieġ li b'mod urġenti jitneħħew ostakli regolatorji u amministrattivi ħalli jiġi permess lill-operaturi tal-azjendi agrikoli jwettqu attivitajiet supplimentari agrikoli u mhux agrikoli, primarjament fil-kura soċjali, il-kura tas-saħħa, it-turiżmu, il-mobbiltà tal-anzjani u s-setturi tal-enerġija, b'tali mod li jiġi pprovdut dħul adegwat għall-operaturi tal-azjendi agrikoli u l-familji tagħhom u jitnaqqas ir-riskju ta' depopolazzjoni rurali;

89.  Jappella għal djalogu ġdid mas-soċjetà dwar il-futur tal-industrija agroalimentari b'tali mod li jkun hemm stampa realistika ta' x'tinvolvi l-biedja u jittejjeb l-għarfien ta' xi jfisser li tkun bidwi u kif jiġi prodott l-ikel;

Kwistjonijiet oħra

90.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw l-introjtu tal-bdiewa fil-konfront tar-riskji klimatiċi, ekonomiċi u tas-saħħa, u b'hekk jagħmlu l-azjendi agrikoli aktar reżiljenti, b'mod partikolari billi jintroduċu għodod ġodda għall-ġestjoni tar-riskji u jsaħħu l-għodod eżistenti;

91.  Jiġbed l-attenzjoni għall-karatteristiċi speċifiċi tar-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE, li s-sitwazzjonijiet ambjentali, klimatiċi u tas-saħħa uniċi tagħhom huma differenti ħafna minn dawk tal-kontinent Ewropew, u għaldaqstant jitlob, kif previst fl-Artikolu 349 tat-TFUE, konsiderazzjoni ikbar ta' dawn ir-reġjuni u tal-assi u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-istrumenti tal-PAK għall-bdiewa żgħażagħ, inkluż f'termini ta' aċċess għall-finanzjament;

92.  Jenfasizza li impriżi żgħar u tal-familja li joperaw f'kundizzjonijiet diffiċli u li jkunu qed ifittxu sorsi addizzjonali ta' introjtu għandhom jiġu megħjuna saħansitra iktar, pereżempju permezz tal-finanzjament ta' servizzi ta' konsulenza jew mudelli innovattivi ta' negozju;

93.  Jirrakkomanda li t-tiġdid ġenerazzjonali jrid iqis ukoll it-tiġdid interġenerazzjonali għall-benefiċċju tal-bdiewa żgħażagħ u dawk ikbar fl-età; jinnota kemm hu importanti li l-bdiewa jfasslu pjan għas-suċċessjoni tal-azjenda agrikola, u jinnota l-ħtieġa ta' pagament tranżitorju biex tiġi ffaċilitata din is-suċċessjoni;

               º

º  º

94.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.

(3)

ĠU L 350, 29.12.2017, p. 15.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2017)0197.

(5)

ĠU C 350, 18.10.2017, p. 5.


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AMBJENT, IS-SAĦĦA PUBBLIKA U S-SIKUREZZA TAL-IKEL (22.3.2018)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar l-implimentazzjoni tal-għodod għall-bdiewa żgħażagħ tal-PAK fl-UE wara r-riforma tal-2013

(2017/2088(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Mairead McGuinness

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar "Is-sitwazzjoni attwali tal-konċentrazzjoni tal-art agrikola fl-UE: kif niffaċilitaw l-aċċess tal-bdiewa għall-art",

A.  billi, fost dwak li daħlu ġodda fis-suq, hemm rati ogħla ta' nisa identifikati bħala bdiewa primarji milli fis-settur agrikolu b'mod ġenerali;

1.  Jemmen li huwa kruċjali għas-settur tal-biedja tal-UE, partikolarment fid-dawl tat-tixjiħ tal-popolazzjoni tal-biedja Ewropea, li titħeġġeġ ġenerazzjoni ġdida ta' bdiewa żgħażagħ biex jadottaw prattiki sostenibbli, li jkun hemm viżjoni globali u li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tagħhom dwar kwistjonijiet ambjentali, sabiex isir progress lejn soċjetà b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, u biex jiġu indirizzati l-bosta sfidi, bħat-tibdil fil-klima, il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali (l-ilma u l-arja), it-titjib tal-kwalità tal-ħamrija, iż-żieda fil-bijodiversità u l-promozzjoni ta' produzzjoni agrikola sostenibbli tul il-katina ta' produzzjoni kollha, permezz tal-iżvilupp ta' tekniki ta' produzzjoni li jżidu s-sikurezza u l-kwalità tal-prodotti, b'enfasi fuq ikel tajjeb għas-saħħa u nutrittiv;

2.  Huwa tal-fehma li l-iżvilupp ta' prattiki agrikoli moderni u li jirrispettaw l-ambjent, kif ukoll it-tisħiħ ta' ċirkwiti ta' kummerċjalizzazzjoni qosra li jsaħħu l-pożizzjoni tal-produtturi fil-katina tal-valur u jrawmu l-kwalità tal-ikel, se jagħmlu l-biedja iktar attraenti għall-bdiewa żgħażagħ;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura iktar koerenza bejn il-miżuri ambjentali u l-armonizzazzjoni tagħhom; itenni li l-bdiewa żgħażagħ jeħtieġu miżuri li jkunu ċari u faċli biex jitpoġġew fil-prattika;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li titqies id-diversità tat-territorji, b'mod partikolari f'żoni diffiċli, li jirrikjedu appoġġ imfassal apposta;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid ir-riċerka dwar l-użu ta' teknoloġiji u prattiki agrikoli li jippermettu agrikoltura sostenibbli b'impatt ambjentali żgħir;

6.  Ifakkar li, biex tinkiseb agrikoltura sostenibbli, il-bdiewa żgħażagħ iridu jkunu jistgħu jinvestu u jakkwistaw kemm art agrikola kif ukoll makkinarju ġdid jew użat u jtejbu t-tekniki agrikoli tagħhom;

7.  Jenfasizza li l-istrumenti attwali tal-politika agrikola komuni (PAK) għall-bdiewa żgħażagħ u l-bdiewa li daħlu ġodda fis-suq għandhom jissaħħu u jiġu ssimplifikati biex jaqdu l-ħtiġijiet reali tal-bdiewa żgħażagħ, billi jiġu introdotti strumenti ġodda, bħalma huma l-fondi mutwi jew l-effett ta' ingranaġġ tal-profitti tal-assigurazzjoni, li kapaċi jipproteġu l-introjtu tal-bdiewa mill-volatilità tal-prezz tas-suq; jinnota li dawn l-għodod iridu jkunu mmirati lejn il-ħġtiġijiet speċifiċi tal-bdiewa żgħażagħ u l-bdiewa li daħlu ġodda fis-suq, b'attenzjoni partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-art, lejn il-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom, u lejn il-promozzjoni ta' proġetti bl-ogħla valur miżjud għall-bdiewa, li jħarsu l-ambjent u li jrawmu distinzjoni ċara bejn il-bdiewa li daħlu ġodda fis-suq u l-bdiewa żgħażagħ; u jiddikkjara wkoll li l-bdiewa żgħażagħ għandhom ikunu kapaċi jiddiversifikaw in-negozji agrikoli tagħhom; jenfasizza li l-proċeduri amministrattivi għall-bdiewa żgħażagħ għandhom ikunu effiċjenti u sempliċi sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun il-piż amministrattiv fuq l-applikanti u l-awtoritajiet pubbliċi; jemmen li l-użu ta' soluzzjonijiet u teknoloġiji innovattivi li jiffavorixxu l-ambjenti u li jkunu intelliġenti fil-livell klimatiku għat-tisħiħ tal-kompetittività agrikola u s-sigurtà alimentari fit-tul huwa kwistjoni ewlenija;

8.  Hu tal-fehma li l-għadd ta' snin li fihom azjenda agrikola tista' tibbenefika minn appoġġ għandu jiġi rieżaminat u għandu jiżdied għal mill-inqas seba' snin, minflok ħamsa, sabiex jiġi mħeġġeġ dawran ġenerazzjonali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw u jiffinanzjaw ir-riċerka fi prattiki ambjentali innovattivi u l-użu ta' tali prattiki, kif ukoll l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli fl-azjendi agrikoli, u jippromwovu l-iskambju tal-aqwa prattiki fost il-bdiewa;

10.  Jenfasizza li t-tiġdid ġenerazzjonali huwa kruċjali għaż-żamma ta' żoni rurali vibranti u azjendi mmexxija mill-familja madwar l-Ewropa li jrawmu l-impjiegi, l-attività kummerċjali sostenibbli u l-innovazzjoni, filwaqt li tiġi żgurata l-kontinwità tal-produzzjoni agrikola u l-preservazzjoni tal-pajsaġġ naturali u kulturali lokali u l-konsolidazzjoni tal-komunitajiet lokali;

11.  Huwa tal-fehma li l-età tal-bdiewa żgħażagħ għandha titqies fir-rigward tat-tiġdid ġenerazzjonali u li għandu jkun imħeġġeġ it-trasferiment tas-sjieda tal-azjendi agrikoli fi stadju iktar bikri;

12.  Jinnota li dan jirrikjedi l-adozzjoni ta' perspettiva fit-tul, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal infrastruttura u servizzi - bħalma huma l-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni, it-trasport, il-broadband b'veloċità għolja, l-aċċess għall-kreditu b'kundizzjonijiet sostenibbli, skemi xierqa ta' ħelsien mit-taxxi mmirati lejn ix-xiri jew il-kiri tal-art, inqas burokrazija, l-istabbiliment ta' aġenziji – jew it-tisħiħ tagħhom fejn dawn jeżistu diġà – biex jipprovdu servizzi mmirati lill-bdiewa żgħażagħ skont il-ħtiġijiet tagħhom, u teknoloġiji diġitali ġodda; iqis, għaldaqstant, li huwa essenzjali li jkun żgurat li l-bdiewa żgħażagħ fiż-żoni rurali jkunu f'pożizzjoni li jiżviluppaw l-azjendi agrikoli tagħhom u jappoġġaw il-familji tagħhom;

13.  Jindika li l-organizzazzjoni ikbar u iktar b'saħħitha tal-bdiewa, permezz tal-istabbiliment ta' kooperattivi u l-ħolqien ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi (OP) f'setturi regolati fil-livell tal-UE permezz tar-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq (OKS) tista' tgħin biex il-biedja tkun tista' trendi profitt ikbar u tista' tgħin biex tipproteġi l-introjtu tal-bdiewa, b'mod partikolari dak tal-bdiewa żgħażagħ, billi takkumpanja l-għażliet tal-produzzjoni u tisfrutta bl-aħjar mod il-karatteristiċi taż-żoni rurali; jinnota wkoll li jekk issir riforma strutturali tal-OP, biex isiru iktar b'saħħithom, iktar responsabbli u iktar effiċjenti, u jekk ikun hemm aggregazzjoni ikbar, ikun jista' jingħata kontribut effettiv, l-ewwel u qabel kollox, favur il-protezzjoni u ż-żieda tal-profittabilità tas-settur matul iż-żmien;

14.  Jenfasizza li l-bdiewa żgħażagħ u l-bdiewa li daħlu ġodda fis-suq jirrappreżentaw sorsi importanti ta' innovazzjoni u ta' intraprenditorija fl-agrikoltura, u joffru benefiċċji bħalma huma l-introduzzjoni ta' għarfien ġdid, l-iżvilupp ta' mudelli ġodda tan-negozju msejsa fuq l-utenti aħħarija, l-iżvilupp ta' sistemi agrikoli iktar sostenibbli, l-iżvilupp ta' mudelli organizzattivi ġodda (pereżempju l-biedja kondiviża, il-prefinanzjament u l-finanzjament kollettiv), iż-żieda fil-konnessjonijiet bejn il-biedja u l-komunità lokali, u l-adattament tal-għarfien tradizzjonali għall-iżvilupp ta' innovazzjoniiet ta' negozju (pereżempju l-produzzjoni ta' ikel artiġjanali);

15.  Jindika li l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel, li l-impożizzjoni tagħhom tippermetti li x-xerrej u/jew il-proċessur jew in-negozjant jisfruttaw il-vantaġġ sinifikanti tagħhom ta' setgħa ta' negozjar fil-konfront tal-fornituri tagħhom, joħolqu theddida serja għall-istabilità tan-negozji tal-bdiewa, jiskoraġġixxu lil dawk li jappartjenu għal ġenerazzjoni iktar żagħżugħa milli jieħdu f'idejhom l-azjendi agrikoli tal-ġenituri tagħhom, u jipprevjenu l-inklużjoni ikbar tal-bdiewa żgħażagħ fit-tiġdid ġenerazzjonali taż-żoni rurali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta regoli xierqa fil-livell Ewropew;

16.  Jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-aċċess għall-art ġie identifikat bħala l-iktar barriera importanti għall-bdiewa żgħażagħ u l-bdiewa li daħlu ġodda fis-suq;

17.  Ifakkar li t-trasferiment tal-għarfien lill-awturi responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki ambjentali għadu sfida ewlenija li jeħtieġ tiġi indirizzata b'urġenza bl-appoġġ tekniku u finanzjarju meħtieġ; jenfasizza li l-bdiewa żgħażagħ iridu jkunu mħarrġa u mogħtija l-ħiliet, permezz ta' korsijiet ta' taħriġ ta' kwalità, b'enfasi speċjali fuq dawk il-ħiliet li huma nieqsa l-iktar, sabiex ikunu jistgħu jikbru professjonalment u jsibu u jimplementaw is-soluzzjonijiet dejjem iktar kumplessi meħtieġa biex jaffaċċaw l-isfidi ambjentali, ta' kwalità u ekonomiċi attwali u futuri, inklużi l-aċċess għall-aħħar żviluppi teknoloġiċi u l-użu tagħhom fil-qasam tal-biedja, jew il-biedja sostenibbli; iqis li l-livell ta' edukazzjoni tal-bdiewa żgħażagħ se jiżvolġi rwol ewlieni fl-indirizzar tal-isfidi ġejjiena u li l-livelli ogħla ta' edukazzjoni għaldaqstant għandhom jiġu ppremjati b'kontribuzzjonijiet finanzjarji ogħla; jenfasizza li dan it-taħriġ irid jiġi promoss u appoġġat mill-istituzzjonijiet bil-għan li jitnaqqas id-distakk teknoloġiku; jitlob, f'dan il-kuntest, l-iżvilupp u l-komunikazzjoni tal-għarfien u l-innovazzjoni; jenfasizza li sabiex ikun hemm innovazzjoni u soluzzjonijiet ta' suċċess, ma jridx ikun hemm żieda fil-piżijiet amministrattivi;

18.  Iħeġġeġ it-twaqqif ta' skema simili għall-Erasmus biex ittejjeb il-ħiliet u l-esperjenza tal-bdiewa żgħażagħ; jemmen li tali programm għandu jkun iffokat fuq it-taħriġ vokazzjonali u jkun ta' benefiċċju għall-bdiewa żgħażagħ filwaqt li jippromwovi wkoll l-iskema bdiewa żgħażagħ;

19.  Iqis li jeħtieġ li t-taħriġ professjonali pprovdut fir-reġjuni rurali jiġi mmodernizzat; jemmen li l-aċċess għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għandu jiġi ffaċilitat u li għandu jingħata baġit ikbar għat-taħriġ vokazzjonali fiż-żoni rurali;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joffru iktar opportunitajiet ta' taħriġ lill-bdiewa żgħażagħ potenzjali u kkonfermati, inklużi fir-rigward ta' ħiliet meħtieġa għall-bidu ta' negozju fis-settur tal-agrikoltura u ħiliet agrikoli, teknoloġiċi u intraprenditorjali bħalma huma l-kummerċjalizzazzjoni, in-netwerking, il-komunikazzjoni u l-għarfien espert finanzjarju;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw l-introjtu tal-bdiewa fil-konfront tar-riskji klimatiċi, ekonomiċi u tas-saħħa, u b'hekk jagħmlu l-azjendi agrikoli aktar reżiljenti, b'mod partikolari billi jintroduċu għodod ġodda għall-ġestjoni tar-riskji u jsaħħu l-għodod eżistenti;

22.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm koerenza bejn il-miżuri lokali, nazzjonali u dawk tal-UE li jikkonċernaw lill-bdiewa żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw it-tiġdid ġenerazzjonali, inkluż permezz ta' liġijiet tas-suċċessjoni u tat-tassazzjoni, regoli dwar l-aċċess għall-art, proċeduri trasparenti, ippjanar territorjali u strateġiji ta' suċċessjoni tal-azjendi agrikoli; jinnota li s-sistema attwali ta' pagamenti tal-PAK, u b'mod partikolari l-pagamenti diżakkoppjati, tista' twassal għal prezzijiet ogħla ta' kiri u ta' xiri, ma tippromwovix it-trasferiment ta' art agrikola u ma tipproteġix b'mod adegwat lill-bdiewa żgħażagħ mill-volatilità tal-prezzijiet agrikoli, li huma esposti iktar għaliha għal raġunijiet ċari dovuti għall-fatt li jkunu għadhom jibdew u ma jkollhomx l-esperjenza prattika jew għall-fatt li ma jkollhomx strumenti finanzjarji suffiċjenti disponibbli għalihom;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu impenn sod favur kanali ta' kummerċjalizzazzjoni diretti li jippermettu lill-bdiewa żgħażagħ ibiegħu l-prodotti tagħhom fis-swieq lokali b'mod iktar sostenibbli u bi profitt ikbar;

24.  Jirrakkomanda li tiġi kkunsidrata mill-ġdid l-implimentazzjoni ta' miżuri li jimmotivaw lid-detenturi ikbar fl-età biex jgħaddu l-azjendi agrikoli tagħhom lil bdiewa żgħażagħ, bħalma hi "l-iskema ta' ħruġ mill-biedja" u inċentivi oħra għall-irtirar;

25.  Jemmen li kwalunkwe strateġija ta' suċċess favur it-tiġdid ġenerazzjonali għandha tkun imsejsa fuq approċċ olistiku, filwaqt li tippromwovi prattiki ambjentali tajbin, u tkun imfassla biex toħloq opportunitajiet ta' impjiegi ġodda għaż-żgħażagħ, tiżgura l-kontinwità tal-produzzjoni agrikola, il-prestazzjoni tat-territorju u l-konsolidazzjoni tal-komunitajiet, filwaqt li fl-istess ħin tiffaċilita l-aċċess tal-bdiewa għall-art, permezz ta' proċeduri trasparenti u kuntratti ġusti, finanzjament bankarju u skemi ta' kreditu oħrajn, finanzjament konċessjonarju – għal dwak iż-żgħażagħ ġodda fis-suq, b'mod partikolari fir-rigward tal-azjendi agrikoli ż-żgħar – u filwaqt li tippromwovi l-iskambji bejn bdiewa żgħażagħ minn pajjiżi differenti, bl-istess mod bħall-programm Erasmus, servizzi ta' konsulenza, taħriġ agrikolu u prattiki agrikoli sostenibbli; jenfasizza li dan għandu jagħmel il-biedja sostenibbli, li hija ta' importanza vitali għall-umanità, okkupazzjoni attraenti u sostenibbli kemm għall-bdiewa żgħażagħ kif ukoll għas-soċjetà inġenerali; jenfasizza li x-xogħol tal-bdiewa żgħażagħ għandu jkun rikonoxxut mis-soċjetà ċivili bħala xogħol ta' benefiċċju pubbliku, u li l-bdiewa żgħażagħ għandhom jirċievu wkoll rikonoxximent għax-xogħol li jwettqu;

26.  Jiġbed l-attenzjoni għall-karatteristiċi speċifiċi tar-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE, li s-sitwazzjonijiet ambjentali, klimatiċi u tas-saħħa uniċi tagħhom huma differenti ħafna minn dawk tal-kontinent Ewropew, u għaldaqstant jitlob, kif previst fl-Artikolu 349 tat-TFUE, konsiderazzjoni ikbar ta' dawn ir-reġjuni u tal-assi u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-istrumenti tal-PAK għall-bdiewa żgħażagħ, inkluż f'termini ta' aċċess għall-finanzjament;

27.  Jenfasizza li impriżi żgħar u tal-familja li joperaw f'kundizzjonijiet diffiċli u li jkunu qed ifittxu sorsi addizzjonali ta' introjtu għandhom jiġu megħjuna saħansitra iktar, pereżempju permezz tal-finanzjament ta' servizzi ta' konsulenza jew mudelli innovattivi ta' negozju;

28.  Iqis li huwa importanti titrawwem l-estensjoni tan-netwerks tar-riċerkaturi, l-akkademiċi, il-maniġers u l-bdiewa żgħażagħ Ewropej li huma interessati fl-identifikazzjoni ta' mudelli ġodda ta' żvilupp ekonomiku biex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi għall-ħtiġijiet soċjali u tas-suq li qed jitfaċċaw mid-dinja l-ġdida ta' negozju rurali;

29.  Jirrakkomanda li t-tiġdid ġenerazzjonali jrid iqis ukoll it-tiġdid interġenerazzjonali għall-benefiċċju tal-bdiewa żgħażagħ u dawk ikbar fl-età; jinnota kemm hu importanti li l-bdiewa jfasslu pjan għas-suċċessjoni tal-azjenda agrikola, u jinnota l-ħtieġa ta' pagament tranżitorju biex tiġi ffaċilitata din is-suċċessjoni;

30.  Jenfasizza li l-introduzzjoni ta' miżura ta' għajnuna tal-bidu obbligatorju għall-bdiewa żgħażagħ għandha tiġi kkunsidrata fi kwlaunkwe PAK ġejjiena.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

61

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Ivo Belet, Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Mark Demesmaeker, Stefan Eck, Bas Eickhout, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Arne Gericke, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, Anneli Jäätteenmäki, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Urszula Krupa, Giovanni La Via, Jo Leinen, Peter Liese, Lukas Mandl, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Rory Palmer, Massimo Paolucci, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Julia Reid, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Renate Sommer, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Ivica Tolić, Adina-Ioana Vălean, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Christofer Fjellner, Elena Gentile, Merja Kyllönen, Norbert Lins, Gesine Meissner, Ulrike Müller, Mihai Ţurcanu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Fernando Ruas, Ruža Tomašić

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT MITLUB JAGĦTI OPINJONI

61

+

ALDE:

Gerben-Jan Gerbrandy, Anneli Jäätteenmäki, Valentinas Mazuronis, Gesine Meissner, Ulrike Müller, Frédérique Ries

ECR:

Mark Demesmaeker, Arne Gericke, Urszula Krupa, Bolesław G. Piecha, Ruža Tomašić, Jadwiga Wiśniewska

EFDD:

Piernicola Pedicini

ENF:

Sylvie Goddyn

GUE/NGL:

Stefan Eck, Kateřina Konečná, Merja Kyllönen

PPE:

Pilar Ayuso, Ivo Belet, Birgit Collin-Langen, Angélique Delahaye, Christofer Fjellner, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Jens Gieseke, Julie Girling, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Lukas Mandl, Fernando Ruas, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Ivica Tolić, Mihai Ţurcanu, Adina-Ioana Vălean

S&D:

Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Miriam Dalli, Seb Dance, Elena Gentile, Jytte Guteland, Karin Kadenbach, Jo Leinen, Susanne Melior, Rory Palmer, Massimo Paolucci, Pavel Poc, Daciana Octavia Sârbu, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Damiano Zoffoli

VERTS/ALE:

Marco Affronte, Margrete Auken, Bas Eickhout, Michèle Rivasi, Davor Škrlec

1

-

EFDD

Julia Reid

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.4.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

2

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Jacques Colombier, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Jørn Dohrmann, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Luke Ming Flanagan, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Ivan Jakovčić, Jarosław Kalinowski, Zbigniew Kuźmiuk, Norbert Lins, Philippe Loiseau, Mairead McGuinness, Giulia Moi, Ulrike Müller, Maria Noichl, Laurenţiu Rebega, Bronis Ropė, Maria Lidia Senra Rodríguez, Czesław Adam Siekierski, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Maria Gabriela Zoană, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bas Belder, Franc Bogovič, Jens Gieseke, Karin Kadenbach, Elsi Katainen, Momchil Nekov, Ivari Padar, Tom Vandenkendelaere, Thomas Waitz

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Stanisław Ożóg


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

33

+

ALDE

Ivan Jakovčić, Elsi Katainen, Ulrike Müller

ECR

Jørn Dohrmann, Zbigniew Kuźmiuk, Stanisław Ożóg, Laurenţiu Rebega

EFDD

Giulia Moi, Marco Zullo

ENF

Jacques Colombier, Philippe Loiseau

GUE/NGL

Matt Carthy

PPE

Franc Bogovič, Daniel Buda, Michel Dantin, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Jens Gieseke, Esther Herranz García, Jarosław Kalinowski, Norbert Lins, Mairead McGuinness, Tom Vandenkendelaere

S & D

Eric Andrieu, Nicola Caputo, Paolo De Castro, Karin Kadenbach, Momchil Nekov, Maria Noichl, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Maria Gabriela Zoană

2

-

GUE/NGL

Luke Ming Flanagan, Maria Lidia Senra Rodríguez

3

0

VERTS/ALE

Martin Häusling, Bronis Ropė, Thomas Waitz

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Mejju 2018Avviż legali