Proċedura : 2018/2017(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0159/2018

Testi mressqa :

A8-0159/2018

Dibattiti :

PV 29/05/2018 - 17
CRE 29/05/2018 - 17

Votazzjonijiet :

PV 30/05/2018 - 13.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0227

RAPPORT     
PDF 577kWORD 61k
2.5.2018
PE 616.758v02-00 A8-0159/2018

fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Libja

(2018/2017(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Pier Antonio Panzeri

ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Libja

(2018/2017(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2259 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Politiku Libjan,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali dwar il-Missjoni ta' Appoġġ tan-NU fil-Libja, tat-22 ta' Awwissu 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1973 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Libja, fosthom ir-riżoluzzjoni 2380 (2017),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU skont ir-riżoluzzjoni 2312 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta' Settembru 2014(1), tal-15 ta' Jannar 2015(2) u tal-4 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Libja(3),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunt AKP-UE dwar is-sitwazzjoni tal-migranti fil-Libja, tal-20 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar,

–  wara li kkunsidra l-Approċċ Globali tal-UE għall-Migrazzjoni u l-Mobilità,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tal-25 ta' Jannar 2017, bit-titolu "Il-migrazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali – Niġġestixxu l-flussi, insalvaw il-ħajjiet",

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Malta tat-3 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika u l-pjan ta' azzjoni tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar is-Sitwazzjoni tal-Migranti fil-Libja, miftiehma waqt is-Summit Unjoni Afrikana - Unjoni Ewropea 2017 u l-ħolqien tat-Task Force trilaterali ta' livell għoli UA-UE-NU,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Libja tas-17 ta' Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0159/2018),

A.  billi s-sitwazzjoni fil-Libja hija fraġli ħafna u l-pajjiż qiegħed iħabbat wiċċu ma' għadd ta' sfidi kumplessi u li għandhom rabta bejniethom fir-rigward tal-istabbiltà politika, tal-iżvilupp ekonomiku u tas-sigurtà;

B.  billi l-kriżi fil-Libja għandha impatt enormi fuq il-poplu tal-Libja kif ukoll tolqot ir-reġjun kollu tal-madwar u l-UE, u għalhekk huwa kruċjali, għall-ġid tal-popolazzjoni Libjana kif ukoll tal-pajjiżi ġirien u tar-reġjun sub-Saħarjan u dak tal-Mediterran, li l-istabbiltà politika fil-Libja tiġi żgurata, bħala rekwiżit preliminari fundamentali għat-titjib tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tal-pajjiż;

C.  billi l-istabbiltà fin-Nofsinhar tal-Libja qiegħda tqajjem tħassib partikolari fid-dawl tal-qagħda fraġli tal-pajjiżi ġirien, fejn għall-gvernijiet imdgħajfa tar-reġjun Saħelo-Saħarjan hemm ir-riskju ta' rvell ġiħadista potenzjali;

D.  billi l-UE għandha tikkomunika b'mod aktar proattiv l-isforzi diplomatiċi tagħha u l-kontribut finanzjarju kbir tagħha għall-konsolidament tas-sigurtà u tas-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-Libja;

E.  billi l-kunflitt fil-Libja jista' jissolva biss permezz ta' approċċ koerenti, komprensiv u inklużiv, li jinvolvi l-atturi internazzjonali kollha u l-partijiet interessati kollha, inklużi r-rappreżentanti tad-diversi komunitajiet lokali, il-kapijiet tribali u l-attivisti tas-soċjetà ċivili, kif ukoll li jiżgura li l-Libja jkollha s-sjieda tal-proċess ta' paċi u li tieħu sehem fih;

F.  billi l-Ftehim Politiku Libjan u l-Pjan ta' Azzjoni tan-NU għal-Libja jikkostitwixxu attwalment l-uniku qafas fattibbli għal soluzzjoni tal-kriżi;

G.  billi, permezz tal-azzjoni diplomatika u l-appoġġ konkret, l-UE qiegħda tassisti fit-tranżizzjoni politika tal-Libja lejn pajjiż stabbli u funzjonanti u qiegħda tagħti l-kontribut tagħha għall-isforzi ta' medjazzjoni mmexxija min-NU f'dan ir-rigward;

H.  billi l-azzjoni tal-UE qiegħda turi riżultati fil-front tal-migrazzjoni, peress li fi tmiem l-2017 iċ-ċifri naqsu b'terz meta mqabbla ma' dawk tal-2016 u li fl-ewwel xhur tal-2018 niżlu b'50 % meta mqabbla ma' dawk tal-istess żmien tas-sena preċedenti;

I.  billi l-Libja tirrappreżenta punt ta' tranżitu u ta' tluq importanti għall-migranti li jippruvaw jaslu l-Ewropa, partikolarment għal dawk li ġejjin mill-Afrika sub-Saħarjana, billi eluf ta' migranti u rifuġjati li qegħdin jaħarbu mill-vjolenzi fil-Libja tilfu ħajjithom huma u jippruvaw jaqsmu l-Mediterran biex jaslu l-Ewropa;

J.  billi l-migranti huma fost dawk li l-aktar isofru minħabba l-problemi ta' sigurtà fil-Libja, peress li spiss jisfaw vittmi ta' vjolenza, arrest u detenzjoni arbitrarji minn atturi mhux statali, estorsjoni, ħtif ta' persuni bil-ħsieb li jintalab rikatt, u sfruttament;

K.  billi ħafna migranti, partikolarment dawk mill-Afrika sub-Saħarjana, ġew suġġetti għal detenzjoni arbitrarja minn diversi gruppi armati fil-pajjiż;

L.  billi għadha attwali l-problema tal-persuni spostati internament, billi tali persuni jsibu ruħhom quddiem theddid kritiku bħall-qsim ta' żoni ta' kunflitt, il-preżenza ta' mini tal-art u ta' mezzi mhux sploduti, kif ukoll il-vjolenza tad-diversi milizji;

M.  billi l-Libja saret pajjiż ta' tranżitu għat-traffikar tal-bnedmin; billi l-Libja għadha tospita mijiet ta' eluf ta' rifuġjati u persuni li jfittxu l-asil ta' nazzjonalitajiet differenti, li ħafna minnhom qed jgħixu f'kundizzjonijiet traġiċi u għaldaqstant jikkostitwixxu bersall għall-faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' bnedmin; billi kien hemm allegazzjonijiet ta' skjavitù fil-Libja;

N.  billi l-ħajja ta' kuljum tal-Libjani ordinarji hija kkaratterizzata minn ċirkostanzi ta' ħajja saħansitra aktar ibsin, ikkumplikati ulterjorment minn kriżi tal-flus, qtugħ tal-ilma u tal-provvista tal-enerġija frekwenti, u l-qagħda ġeneralment katastrofika tas-sistema tal-assistenza fil-qasam tas-saħħa fil-pajjiż;

O.  billi l-klima politika fil-Libja hija kkaratterizzata minn sfiduċja profonda bejn l-atturi politiċi u militari ewlenin tar-reġjuni differenti;

P.  billi l-pajjiżi bħat-Turkija, il-Qatar, l-Eġittu u l-Emirati Għarab Magħquda għandhom influwenza notevoli fuq id-diversi gruppi tal-fazzjonijiet involuti fil-kunflitt;

Q.  billi l-identitajiet subnazzjonali tad-diversi komunitajiet, tribujiet u gruppi etniċi Libjani dejjem ikkostitwew in-nisġa soċjokulturali sottostanti tal-Libja u jiżvolġu rwol fundamentali fid-dinamika soċjali u politika u fil-kwistjonijiet ta' sigurtà tal-pajjiż; billi s-soċjetà Libjana għandha tradizzjonijiet qawwijin ta' proċessi informali ta' riżoluzzjoni tat-tilwim bejn il-bliet, it-tribujiet u l-komunitajiet etniċi;

R.  billi bħalissa fil-pajjiż jonqos qafas leġiżlattiv ċar u kondiviż fuq bażi wiesgħa għal dak li għandu x'jaqsam mas-sistema elettorali; billi l-prevalenza tal-klima attwali ta' impunità, tal-illegalità mifruxa, tal-korruzzjoni kif ukoll ir-rwol tal-gruppi armati u tat-tensjonijiet tribali u reġjonali Libjani, jikkontribwixxu biex tkompli tonqos il-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi u governattiv li diġà huma dgħajfa;

S.  billi fil-Libja qegħdin jiżdiedu kontinwament l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, it-torturi, id-detenzjonijiet arbitrarji u l-attakki indiskriminati fuq żoni residenzjali u infrastrutturi, kif ukoll qegħdin jiżdiedu d-diskors ta' mibegħda u l-inċitament għall-vjolenza;

T.  billi l-kollass tas-sistema tal-ġustizzja kriminali jsaħħaħ l-impunità fil-pajjiż, inaqqas il-possibbiltajiet għall-vittmi li jiksbu protezzjoni u mezzi ta' rimedju; billi f'bosta reġjuni, anki fil-każijiet li fihom sar rapport lill-pulizija wara reat, ftit li xejn sar biex jinbdew investigazzjonijiet fil-pront, bir-reqqa, effikaċi, imparzjali u indipendenti u biex min hu responsabbli jittella' quddiem il-ġustizzja; billi l-ebda awtur ta' reati li jagħmel parti minn grupp armat ma ġie kkundannat fil-Libja mill-2011;

U.  billi ċ-ċirku ta' vjolenza fil-Libja huwa kontinwament alimentat mill-impunità ġenerali għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem; billi, sakemm ma jkunx hemm soluzzjoni adegwata, l-assenza kostanti tal-istat tad-dritt se jneħħi s-sinifikat għall-popolazzjoni tal-idea ta' koeżistenza paċifika u tal-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti;

V.  billi għexieren ta' attivisti politiċi u tad-drittijiet tal-bniedem, professjonisti tal-mezzi tal-komunikazzjoni u personalitajiet pubbliċi oħra nħatfu jew ġew mhedda; billi n-NU rċevew rapporti ta' detenzjoni arbitrarja u tortura u maltrattament kommessi miż-żewġ naħat;

W.  billi l-attakki dejjem aktar numerużi kontra esponenti tal-ġudikatura, l-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-professjonisti tal-midja, kif ukoll ir-rifuġjati u l-migranti, aċċeleraw id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċivili kollha preżenti fit-territorju Libjan; billi l-assenza tal-istat tad-dritt u l-impunità għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi t-tortura, id-detenzjonijiet arbitrarji, l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji u l-attakki indiskriminati kontra ċ-ċivili u l-infrastrutturi, għadhom jalimentaw ċ-ċirku ta' vjolenza fil-pajjiż;

X.  billi l-porożità tal-konfini Libjani jħeġġeġ it-traffikar illeċitu transfruntier; billi l-proliferazzjoni tal-gruppi armati fiż-żoni tal-konfini kompliet ħarrxet il-kunflitt bejn it-traffikanti rivali għall-kontroll tar-riżorsi transfruntieri u għall-aċċess għalihom; billi l-hekk imsejħa "foreign fighters" (ġellieda barranin) li jaslu fil-pajjiż u d-diversi xbieki kriminali għadhom jibbenefikaw mill-proliferazzjoni inkontrollata tal-armi;

Y.  billi l-insigurtà u l-instabbiltà politika għamlu lil-Libja territorju fertili għall-attivitajiet tal-gruppi estremisti; billi r-reġjun tal-Fezzan huwa strutturalment instabbli u post storiku ta' tranżitu lejn l-Ewropa għal rifuġjati u migranti u għall-kuntrabandu ta' żejt, deheb, armi, drogi u t-traffikar tal-bnedmin; billi l-istess reġjun huwa kkaratterizzat minn tensjonijiet etniċi u tribali li żdiedu minn mindu waqa' l-Kurunell Gaddafi u mill-ġlieda għall-kontroll tar-riżorsi tal-pajjiż; billi l-istabbilizzazzjoni tal-Fezzan hija fundamentali għall-istabbilizzazzjoni tal-pajjiż kollu kemm hu;

Z.  billi l-awtoritajiet lokali Libjani jiżvolġu rwol importanti fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fil-provvista ta' servizzi pubbliċi essenzjali għall-popolazzjoni;

1.  Jirrakkomanda lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

(a)  li jiżguraw l-appoġġ l-aktar qawwi għall-Pjan ta' Azzjoni tan-NU għal-Libja, ippreżentat f'Settembru 2017 mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU, Ghassan Salamé, għall-istabbilizzazzjoni tal-Libja u għal proċess politiku inklużiv ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali li se jippermetti lill-atturi Libjani kollha, inklużi l-entitajiet tribali, jilħqu ftehim politiku stabbili u dejjiemi u fl-istess ħin jagħti attenzjoni xierqa lill-involviment tan-nisa u tal-minoranzi; li jikkundannaw bis-saħħa kwalunkwe tentattiv li jikkomprometti l-proċess ta' paċi mmexxi min-NU; li jkomplu jikkooperaw mill-qrib mal-Missjoni ta' Appoġġ tan-NU fil-Libja (UNSMIL);

(b)  li jintensifikaw l-isforzi diplomatiċi tagħhom biex jappoġġjaw l-Pjan tan-NU u jgħinu l-konsolidament ta' Gvern Libjan fl-isforzi tiegħu biex joħloq kunsens politiku, jiggarantixxi s-sigurtà u jestendi l-awtorità tiegħu fit-territorju kollu tal-Libja, lil hinn mill-kontroll territorjali limitat tal-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali (GNA) rikonoxxut fuq livell internazzjonali, bħala l-prekundizzjoni neċessarja għal soluzzjoni politika li tippromwovi l-istabbilizzazzjoni, ir-rikostruzzjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-pajjiż, għall-bini tal-Istat u għal kwalunkwe operazzjoni għaż-żamma tal-paċi bbażata fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; li jiżguraw is-sjieda Libjana tal-proċess ta' stabbilizzazzjoni u d-deċiżjoni dwar il-forma futura tal-Istat; li jsostnu t-tisħiħ tal-mekkaniżmi lokali u tal-kapaċitajiet fil-pajjiż fir-rigward tal-medjazzjoni, tar-riżoluzzjoni tat-tilwim u tal-waqfien mill-ġlied u li jiġu kollegati mal-Pjan ta' Azzjoni tan-NU bħala parti minn approċċ koerenti u integrat li se jwassal għal riżultati konkreti u dejjiema;

(c)  li jħabirku biex isibu l-mezzi biex jitrawmu t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, il-ħolqien ta' soċjetà ċivili vera u proprja u l-istimolu tal-ekonomija, kif ukoll li jitbiegħdu minn servizz pubbliku li jippreżenta diffikultajiet enormi u jrawmu l-iżvilupp ta' settur privat sostenibbli, li huma neċessarji biex ikunu garantiti l-istabbiltà u l-prosperità fit-tul fil-pajjiż;

(d)  li jsostnu l-isforzi Libjani maħsuba biex joħolqu ordni kostituzzjonali ġdid li għandu jinkludi formula għat-tqassim ġust tal-ġid li jiġi miż-żejt kif ukoll diviżjoni ċara tal-kompiti u tal-obbligi bejn ir-reġjuni storiċi, minn naħa, u kwalunkwe gvern nazzjonali, min-naħa l-oħra; li jfakkru li din il-kostituzzjoni l-ġdida, li tista' tkun ispirata minn elementi tal-kostituzzjoni emendata tal-1963, tista' tikkontribwixxi għall-isforzi biex ikunu organizzati elezzjonijiet nazzjonali li jsiru biss wara li jkunu ġew soddisfatti b'mod adegwat il-kundizzjonijiet neċessarji biex ikunu żgurati perċentwal għoli ta' eletturi li joħorġu jivvutaw u l-aċċettazzjoni mill-pubbliku;

(e)  li jkomplu jagħtu prijorità lix-xogħol, fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE, dwar il-mod kif jiġu indirizzati aħjar l-aspetti kollha tal-kunflitt Libjan, u liema strumenti u setturi jiġu involuti, anki billi tingħata aktar attenzjoni lid-dinamiki lokali, bil-għan li jinħoloq approċċ komprensiv u effikaċi fil-konfront tal-pajjiż u ħalli l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri juru unità fl-intenzjonijiet u fl-inizjattivi, bil-għan li tkun żgurata l-koerenza tal-miżuri min-naħa tal-atturi kollha involuti, bħala parti minn strateġija reġjonali usa';

(f)  li jsaħħu l-preżenza u l-viżibbiltà tagħha kif ukoll il-fehim tagħha tal-kumplessità tas-sitwazzjoni fil-pajjiż billi tkun stabbilita mill-ġdid id-delegazzjoni tal-UE fi Tripli u jerġa' jintbagħat il-persunal permanenti tal-UE fid-delegazzjoni;

(g)  li jkomplu jenfasizzaw il-fatt li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kriżi Libjana u li jtennu l-ħtieġa li l-partijiet u l-gruppi armati kollha fil-Libja jimpenjaw ruħhom favur l-Artikolu 42 tal-Ftehim Politiku Libjan, jirrispettaw il-prinċipji tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u joqogħdu lura milli jużaw retorika vjolenti u jirrikorru għall-vjolenza, u li jiddemobilizzaw u jimpenjaw ruħhom għal soluzzjoni paċifika tal-kunflitt, u b'hekk jiġi evitat li ssir iktar ħsara u li jintilfu aktar ħajjiet; iqis li n-negozjati għandhom iservu biex jgħaqqdu l-forzi tas-sigurtà Libjani tar-reġjuni kollha tal-pajjiż, bil-għan li tinbena arkitettura ta' sigurtà nazzjonali taħt il-kontroll ċivili, taħt il-kappa tal-gvern inklużiv Libjan rikonoxxut fuq livell internazzjonali, b'garanziji ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont fir-rispett tal-obbligi internazzjonali tal-Libja fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u għandhom iwasslu għall-iffirmar ta' protokoll li bis-saħħa tiegħu l-gruppi armati kollha jintrabtu li jirrinunzjaw għall-użu tal-forza u tal-vjolenza, fi ħdan il-qafas ta' proċess koerenti u komprensiv ta' diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni (DDR) immirat li jintegra mill-ġdid fis-soċjetà lill-membri tal-gruppi armati kif ukoll proċess ta' riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR), fuq il-bażi tal-prinċipji ta' Skhirat ta' nondiskriminazzjoni u trasparenza; jemmen li l-iffirmar ta' protokoll bħal dan għandu jippermetti l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' paċi li jwitti t-triq għal elezzjonijiet liberi u ġusti u għandu jġib miegħu inċentivi ekonomiċi u finanzjarji u jġiegħel lill-firmatarji jaħdmu favur il-ħolqien ta' istituzzjonijiet tal-Istat ġodda;

(h)  li jsostnu l-isforzi tan-NU mmirati lejn l-organizzazzoni ta' elezzjonijiet fil-Libja sa tmiem l-2018, b'mod partikolari l-isforzi biex ikunu rreġistrati l-votanti, billi sal-lum madwar 50 % biss tal-votanti eleġibbli ġie rreġistrat; li jiżguraw li jkun adottat ftehim dwar qbil tranżitorju qabel l-elezzjonijiet, bil-għan li terġa' tinbena l-fiduċja u b'hekk tissaħħaħ il-leġittimità internazzjonali u nazzjonal tal-gvern il-ġdid; li jsostnu, anki b'mezzi tekniċi, il-proċess għall-istabbiliment ta' qafas kostituzzjonali validu u l-proċess elettorali kollu kemm hu, billi l-kontributi finanzjarji Ewropej jintrabtu mal-adozzjoni ta' liġi elettorali li tirrispetta, kemm jista' jkun, il-prinċipji internazzjonali stabbiliti mill-Kummissjoni ta' Venezja;

(i)  li jeżerċitaw pressjoni fuq dawk li qegħdin jostakolaw it-taħditiet politiċi ta' paċi u li japplikaw b'mod effikaċi l-embargo tan-NU fuq l-armi fil-konfront tal-Libja; li jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet ġodda kontra min isostni akkordji illegali fiż-żejt;

(j)  li jintensifikaw il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha u ma' atturi oħra fuq il-post sabiex isaħħu l-koerenza u l-konverġenza tal-azzjoni internazzjonali; li jżidu l-isforzi diplomatiċi mal-atturi reġjonali kollha u mal-pajjiżi ġirien, biex jiżguraw li jikkontribwixxu għal soluzzjoni pożittiva tal-kriżi fil-Libja f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tan-NU – l-uniku qafas possibbli għal soluzzjoni tal-kriżi; li jappoġġjaw l-organizzazzjoni ta' Konferenza Nazzjonali fil-Libja bl-objettiv li tilħaq qbil bejn il-partijiet differenti tal-pajjiż rigward il-passi li jmiss li għandhom isiru biex titlesta t-tranżizzjoni; li jiskoraġġixxi lill-atturi reġjonali milli jikkunsidraw kwalunkwe intervent militari unilaterali jew multilaterali nieqes minn kwalunkwe bażi ġuridika jew kunsens politiku tal-gvern Libjan;

(k)  li jsostnu r-rikors għal leġiżlaturi, imħallfin u prosekuturi speċjalizzati fil-Libja li jista' jagħtu assistenza fir-reviżjoni tal-liġijiet kontra t-terroriżmu tal-Libja u jiżguraw li jkunu ppreparati adegwatament biex jippresjedu u jmexxu 'l quddiem kawżi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fir-rispett tal-istat tad-dritt;

(l)  li jirriflettu dwar il-kriżi fil-Libja f'kuntest usa', reġjonali u pan-Afrikan, filwaqt li jżommu quddiem għajnejhom li l-Libja hija fundamentali għall-istabbiltà tal-Afrika ta' Fuq, tas-Saħel u tal-Mediterran; li jippromwovu u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tal-Libja mal-ġirien tagħha fis-Saħel; li jikkunsidraw, bħala parti minn din ir-riflessjoni, l-impatt tas-sitwazzjoni fil-Libja fuq id-dinamika u l-isfidi li magħhom tħabbat wiċċha l-UE; li jiżviluppaw, fil-konfront tal-Libja, politika komprensiva li tqis il-perspettiva reġjonali u pan-Afrikana u li tkopri politiki tal-iżvilupp, tas-sigurtà u tal-migrazzjoni usa' kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u dik kontra l-iskjavitù u l-isfruttament; li jiżguraw li din il-politika tkun appoġġjata minn finanzjament adegwat u suffiċjenti għall-implimentazzjoni tagħha fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, sabiex tagħti riżultati konkreti; li jkomplu u jintensifikaw, meta possibbli, il-kooperazzjoni bejn l-Operation Sea Guardian tan-NATO u EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA;

(m)  li jiżguraw involviment permanenti u attiv fl-isforzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra t-traffikar tal-bnedmin, mhux biss permezz tal-integrazzjoni tas-servizzi tal-intelligence, tal-kooperazzjoni finanzjarja u tas-sostenn tattiku, iżda wkoll bi programmi soċjali u edukattivi għall-assistenza fil-qasam tas-saħħa u l-edukazzjoni li jappoġġjaw it-taħriġ u l-użu ta' atturi soċjali u opinjonisti influwenti biex jingħeleb l-estremiżmu vjolenti u jinfirex messaġġ ta' koeżistenza u kooperazzjoni paċifika;

(n)  li jżommu quddiem għajnejhom li, filwaqt li d-Daesh/IS x'aktax iddgħajjef b'mod sinifikanti fil-Libja, ir-risposta l-aktar effikaċi għall-preżenza radikali militanti fil-pajjiż tinsab, fl-aħħar mill-aħħar, fil-ħolqien ta' istituzzjonijiet nazzjonali inklużivi li jistgħu japplikaw l-istat tad-dritt, jagħtu servizzi pubbliċi, jiżguraw is-sigurtà lokali u jiġġieldu b'mod effikaċi kontra l-gruppi li qegħdin jheddu l-istabbiltà tal-pajjiż u tar-reġjun tal-madwar;

(o)  li jiżguraw li, konformement mad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-25 ta' Lulju 2017, il-finanzjamenti tal-UE jintużaw b'mod effikaċi biex jiggarantixxu l-koordinament intergovernattiv fl-istabbiliment mill-ġdid tal-infrastrutturi pubbliċi permezz ta' faċilitajiet ta' stabbilizzazzjoni tal-UE; li jagħtu prijorità, b'mod partikolari, lill-finanzjamenti għal proġetti u inizjattivi li jsostnu l-atturi li jippromwovu l-obbligu ta' rendikont u l-bidla demokratika u li jrawmu mekkaniżmi ta' djalogu, rikonċiljazzjoni u riżoluzzjoni tat-tilwim integrati f'livell lokali, bl-involviment tan-nisa u b'ħidma maż-żgħażagħ biex ikun evitat li jipparteċipaw f'attivitajiet kriminali bħad-dħul f'milizji involuti fil-kuntrabandu u fit-traffikar; li jkomplu jsaħħu s-soċjetà ċivili, speċjalment id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jsostnu l-proċess politiku, is-sigurtà u l-attivitajiet ta' medjazzjoni speċjalment permezz tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (IcSP); li jippromwovu l-implimentazzjoni ta' governanza rappreżentattiva f'livell lokali u nazzjonali biex tingħata tweġiba aħjar lill-isfidi marbuta mar-rikonċiljazzjoni, mal-istabbilizzazzjoni u mal-istabbiliment mill-ġdid tas-sigurtà; li jiżguraw li l-flus fl-ambitu tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE jingħataw biss meta jirrispettaw l-objettivi oriġinali tiegħu u jkunu akkumpanjati minn analiżi soda tal-awtoritajiet lokali u tal-benefiċjarji u minn evalwazzjoni sussegwenti;

(p)  li jsostnu l-muniċipalitajiet huma u jagħtu servizzi essenzjali u jibnu l-governanza lokali; li jiżguraw lill-popolazzjoni livelli ta' għajxien bażiċi, billi jżommu quddiem għajnejhom il-fatt li għarfien aktar fil-fond tas-sistema politika u ekonomika lokali huwa fundamentali biex iqarreb lill-persuni lejn il-proċess ta' rikonċiljazzjoni u biex ikun miġġieled it-traffikar illegali; li jiżguraw li l-finanzjamenti tal-UE jintużaw b'mod effikaċi għal proġetti li jgħinu lill-popolazzjoni u lis-soċjetà ċivili Libjani; li jippromwovu l-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet governattivi lokali;

(q)  li jkomplu jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet Libjani jaħdmu b'mod aktar effikaċi u trasparenti għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta' ħajja tal-Libjani kollha billi, fost oħrajn, jiġu stabbiliti mill-ġdid is-servizzi pubbliċi prijoritarji u jinbnew mill-ġdid l-infrastrutturi pubbliċi, biex iqawwu l-governanza ekonomika tal-pajjiż, tissolva l-problema tal-kriżi tal-likwidità u jkunu implimentati r-riformi finanzjarji u ekonomiċi neċessarji, rikjesti mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali biex ikunu sostnuti l-irkupru ekonomiku u l-istabbilizzazzjoni; li jassistu lill-pajjiż fl-istabbiliment ta' ekonomija bbażata fuq is-suq kapaċi tagħti vantaġġi lil-Libjani kollha; li jħeġġu lill-awtoritajiet Libjani jiżguraw li d-dħul mir-riżorsi naturali u li ġej mill-benefiċċji jintuża għall-ġid tal-popolazzjoni kollha, inkluż fil-livell lokali; li jistiednu lill-awtoritajiet Libjani jimpenjaw ruħhom favur standards għoljin ta' trasparenza fis-settur estrattiv nazzjonali, u, b'mod partikolari, jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi (EITI) kemm jista' jkun malajr; li jgħinu lill-awtoritajiet Libjani jiġġieldu kontra kwalunkwe attività illegali li xxekkel l-ekonomija nazzjonali, kif irrapportat dan l-aħħar fir-rapport interim tal-Grupp ta' Esperti stabbilit skont ir-riżoluzzjoni 1973(2011) dwar il-Libja;

(r)  li jkomplu jikkundannaw b'mod riżolut l-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u li jintensifikaw l-isforzi biex tingħata assistenza umanitarja lill-popolazzjoni li tinsab fil-bżonn kif ukoll lill-partijiet kollha tal-pajjiż, partikolarment fl-assistenza fil-qasam tas-saħħa u fil-faċilitajiet tal-enerġija; li jżidu l-effikaċja tal-assistenza finanzjarja umanitarja u li jsaħħu l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet umanitarji li jinsabu fil-post u jikkooperaw magħhom; li jikkundannaw il-bosta tentattivi, li maż-żmien qegħdin jiżdiedu, biex jiċċekken l-ispazju għad-dispożizzjoni tas-soċjetà ċivili, speċjalment permezz ta' qafas ġuridiku repressiv u attakki kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġudikatura; li jappellaw lill-UA, lin-NU u lill-UE jkomplu jaħdmu flimkien u jieħdu miżuri b'saħħithom biex immedjatament jintemm dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; li jsaħħu s-soċjetà ċivili u jsostnu l-iżvilupp u l-indipendenza tal-midja lokali;

(s)  li jħaffu l-isforzi rigward il-mekkaniżmu ta' evakwazzjoni ta' emerġenza tal-UNHCR iffinanzjat mill-UE, li ppermetta li jkunu evakwati mil-Libja madwar 1 000 minn fost l-aktar rifuġjati vulnerabbli u fil-bżonn ta' protezzjoni; li jinkoraġġixxu lill-kontropartijiet Libjani jżidu n-numru ta' nazzjonalitajiet li l-Libja attwalment tippermetti lill-UNHCR taħdem magħhom;

(t)  li jindirizzaw il-kwistjoni tal-migrazzjoni irregolari fi tranżitu mil-Libja u li ġejja minn tali pajjiż, billi jżommu quddiem għajnejhom il-bżonn li jinstabu soluzzjonijiet effikaċi u sostenibbli fit-tul li għandhom jindirizzaw il-kawżi profondi tal-migrazzjoni fl-Afrika, fil-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu u jiddefinixxu l-bażi ġuridika għall-proċessi tal-migrazzjoni internazzjonali, attwalment ibbażati fuq ir-risistemazzjonijiet permezz tal-Mekkaniżu tat-Tranżitu ta' Emerġenza jew ir-risistemazzjonijiet diretti; li jikkonċentraw l-isforsi tal-UE fuq il-protezzjoni tal-migranti fil-Libja; li jassistu lill-awtoritajiet Libjani jiżguraw ir-ritorn tal-persuni spostati internament (IDPs) fi djarhom u li jsostnu lill-komunitajiet lokali jilqgħu l-isfidi, filwaqt li jiżguraw li r-ritorn tal-IDPs ma jikkostitwix sempliċement skambju bejn kumpens monetarju li jiffavorixxi d-diversi milizji u d-dritt għar-ritorn; li jwissu lill-komunità internazzjonali bil-ħtieġa ta' miżuri biex ikunu indirizzati l-isfidi fil-qasam tal-iżvilupp, tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà fil-Libja u fir-reġjun Saħelo-Saħarjan, inklużi mezzi biex jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali; li jiżguraw li l-miżuri maħsuba għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin mhumiex qegħdin jostakolaw il-libertà ta' moviment fid-dawl tal-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun;

(u)  li jintensifikaw l-isforzi konġunti li jsiru mill-UE, mill-Unjoni Afrikana u min-NU biex titjieb il-protezzjoni tal-migranti u tar-rifuġjati fil-Libja, u tingħata attenzjoni partikolari lill-individwi vulnerabbli; li jinvestigaw bir-reqqa u minnufih l-allegazzjonijiet dwar l-abbużi u t-trattament diżuman tal-migranti u tar-rifuġjati fil-Libja min-naħa ta' gruppi kriminali, kif ukoll l-allegazzjonijiet ta' skjavitù; li jelaboraw inizjattivi li jimpedixxu li jerġgħu jseħħu episodji simili fil-ġejjieni; li jtejbu l-kundizzjonijiet tar-rifuġjati u tal-migranti fiċ-ċentri ta' detenzjoni u li jħeġġu lill-awtoritajiet Libjani jagħlqu mill-aktar fis dawk il-faċilitajiet li jirriżultaw mhux konformi mal-istandards internazzjonali; li jkompu u jintensifikaw ir-ritorni volontarji assistiti u l-isforzi ta' risistemazzjoni li saru f'kooperazzjoni man-NU u mal-Unjoni Afrikana, b'hekk f'dan il-kuntest tkun sottolinjata l-importanza tal-abolizzjoni tar-rekwiżit Libjan tal-"viżi tal-ħruġ"; li jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Libjani jwaqqfu d-detenzjonijiet arbitrarji u jevitaw id-detenzjoni ta' persuni vulnerabbli, partikolarment it-tfal; li jiżguraw li l-migranti jkunu ttrattati fir-rispett sħiħ tal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u li jallokaw il-finanzjamenti neċessarji mill-baġit tal-UE għal dan l-għan; li jistiednu lil-Libja tiffirma u tirratifika l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha; li jiżguraw li l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM) fil-Libja, EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA u l-Operazzjoni Themis ta' Frontex ikunu ċċentrati konġuntament fuq il-ġlieda kontra l-attivitajiet illeċiti, fosthom il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, it-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu fil-Mediterran ċentrali; li jiżguraw li l-EUBAM, konformement mal-mandat tagħha, tibqa' tassisti u tikkollabora attivament mal-awtoritajiet Libjani f'oqsma prijoritarji relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri, mal-eżekuzzjoni tal-liġi u mas-sistema tal-ġustizzja kriminali f'sens usa';

(v)  li jkomplu jiżviluppaw l-isforzi tagħha kontra l-forom kollha ta' faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u ta' traffikar tal-bnedmin fit-territorju Libjan, fi tranżitu mil-Libja u minn tali pajjiż kif ukoll barra mix-xtut tal-Libja, fatt li jikkomprometti l-proċess ta' stabbilizzazzjoni tal-Libja u jipperikola l-ħajja ta' eluf ta' nies; li jiżguraw, f'dan is-sens, il-kontinwità tal-kontribut tal-UE fil-ġlieda kontra tali problemi, billi tagħti assistenza lill-kontropartijiet Libjani fit-tisħiħ tal-kapaċità indispensabbli li tkun garantita s-sigurtà tal-konfini tal-art u tal-baħar tal-pajjiż, u tikkollabora mal-awtoritajiet Libjani fl-attwazzjoni ta' strateġija komprensiva ta' ġestjoni tal-fruntieri;

(w)  li jappoġġjaw soluzzjoni sostenibbli għall-aktar minn 180 000 persuna spostata internament fil-Libja, inklużi, skont stimi, l-40 000 ex abitant ta' Tawargha, permezz tal-possibbiltà ta' risistemazzjoni jew l-aġevolazzjoni ta' ritorni sikuri fi djarhom u b'aktar sostenn lill-UNHCR u lill-IOM għal dan l-għan;

(x)  li jindirizzaw il-fenomenu tal-ibridazzjoni bejn l-attivitajiet tal-gruppi kriminali internazzjonali u dawk tal-gruppi terroristiċi, billi jsiru investigazzjonijiet bir-reqqa rigward, b'mod partikolari, it-traffikar tal-bnedmin u l-vjolenzi sesswali li saru matul il-kunflitt;

(y)  li jtejbu s-sostenn operattiv lill-awtoritajiet tal-fruntiera u lill-gwardja tal-kosta Libjani bis-saħħa tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni u tal-koordinament f'oqsma speċjalizzati tas-sigurtà marittima, fosthom l-għarfien tas-sitwazzjoni, il-libertà ta' navigazzjoni, l-interdizzjoni marittima, il-protezzjoni tal-infrastrutturi kritiċi, it-tħarbit tal-migrazzjoni illegali u s-sostenn għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' sigurtà marittima tal-Libja bis-saħħa tat-taħriġ, tal-konsulenza u tal-assistenza lill-forzi navali, biex b'hekk ikunu mgħammra bit-tagħmir adegwat biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-konfini nawtiċi;

(z)  li jsostnu l-kollaborazzjoni mal-gwardja tal-kosta Libjana li ppermettiet li ssalvaw kważi 19 000 migrant fl-ilmijiet territorjali Libjani bejn Jannar u l-aħħar ta' Ottubru 2017; li jassistu lill-awtoritajiet Libjani fil-komunikazzjoni formali taż-żona ta' Tiftix u Salvataġġ (SAR) tagħhom, li jinħolqu sensiela ta' proċeduri operattivi standard ċari għall-iżbark u li tiġi garantita sistema ta' monitoraġġ funzjonanti tal-gwardja tal-kosta Libjana; li jikkollaboraw aktar mal-awtoritajiet Libjani biex tkun intensifikata l-ħidma preparatorja għal ċentru ta' koordinament tas-salvataġġ marittimu fil-Libja bl-iskop li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom ta' tiftix u salvataġġ; li jiżguraw it-tkomplija tat-taħriġ speċjalizzat mogħti mill-IOM u mill-UNHCR lill-gwardja tal-kosta Libjana fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, id-dritt fil-qasam tar-rifuġjati u tad-drittijiet tal-bniedem;

(aa)  li jintensifikaw l-għajnuna umanitarja u ċivili tagħhom bil-għan li jtaffu s-sitwazzjoni kritika tal-popolazzjoni Libjana u jwieġbu għall-bżonnijiet l-aktar urġenti tal-persuni li ntlaqtu b'mod gravi mill-kunflitt fil-Libja, b'mod partikolari fl-inħawi l-aktar milquta, u jlestu ruħhom ħalli jwieġbu għal kwalunkwe deterjorament tas-sitwazzjoni; li jħeġġu lill-UE tappoġġja r-responsabbilizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari lill-gruppi tan-nisa, li jippruvaw isibu soluzzjonijiet mhux vjolenti għad-diversi kriżijiet tal-pajjiż;

(ab)  li jagħmlu disponibbli r-riżorsi finanzjarji u umani kollha neċessarji biex ikunu megħjuna r-rifuġjati u li jagħtu għajnuna umanitarja adegwata lill-persuni li ġew spostati biex tkun indirizzata l-kriżi umanitarja fil-Libja, li ġiegħlet lil eluf ta' persuni jaħarbu mill-pajjiż;

(ac)  li jiżdiedu l-isforzi internazzjonali biex jiżżarmaw ix-xbieki tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u tat-traffikar tal-bnedmin u jintensifikaw l-isforzi biex tali reat jiġi miġġieled u dawk responsabbli jittellgħu quddiem il-ġustizzja; li jkomplu u jintensifikaw il-ħidma tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA biex ifixklu l-mudell ta' negozju tat-traffikanti u tal-faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' bnedmin, jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-gwardja tal-kosta Libjana u tkun sostnuta l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-embargo fuq l-armi u t-traffikar illegali taż-żejt; li jkomplu jagħtu sostenn lil-Libja permezz tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK; li jżidu l-kapaċitajiet relatati mat-tiftix u salvataġġ ta' persuni f'diffikultà u l-kapaċitajiet li għandhom jintużaw mill-Istati kollha, u li jirrikonoxxu s-sostenn mogħti mill-atturi privati u mill-NGOs fit-twettiq tal-operazzjonijiet ta' salvataġġ fil-baħar u fuq l-art, billi jżommu quddiem għajnejhom il-qafas ġuridiku internazzjonali eżistenti u t-tħassib marbuta mas-sigurtà;

(ad)  li jtennu s-sostenn sħiħ tagħhom lill-mandat tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) rigward il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li qiegħed isir fil-Libja, filwaqt li jitfakkar li l-mekkaniżmi internazzjonali ta' obbligu ta' rendikont bħall-QKI u l-ġurisdizzjoni universali jiżvolġu rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' paċi, fl-ambitu ta' qafas li jipprevedi dispożizzjonijiet fil-qasam tal-obbligu ta' rendikont u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja; li jappoġġjaw lill-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-isforzi tagħha biex l-awturi tal-atroċitajiet jittellgħu quddiem il-ġustizzja; li jsostnu lir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għal-Libja fl-appell tiegħu lill-komunità internazzjonali, ta' Novembru 2017, biex il-Libja tkun megħjuna fil-ġlieda kontra l-impunità tad-delitti tal-gwerra u tkun ikkunsidrata l-possibbiltà li jinħolqu tribunali konġunti; li jistiednu lill-UE u lill-Istati Membri jsostnu l-mekkaniżmi internazzjonali li lis-sistema tal-ġustizzja nazzjonali jagħtuha l-mezzi kollha neċessarji biex jinfetħu investigazzjonijiet dwar ksur gravi tal-imgħoddi u preżenti u biex ikunu appoġġjati l-awtoritajiet futuri leġittimi tal-Libja fil-qadi awtonomu ta' din il-missjoni; li jqisu li proċessi ġusti jkunu jiggarantixxu l-ġustizzja lill-vittmi kollha tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorju Libjan u dan se jwitti t-triq għal rikonċiljazzjoni u paċi sostenibbli;

(ae)  li jesprimu tħassib bil-preżenza dejjem akbar tad-Daesh fil-Libja, li qiegħda tiddestabbilizza l-pajjiż u thedded il-pajjiżi ġirien u l-UE;

(af)  li jistiednu, b'mod partikolari, lill-awtoritajiet u lill-milizji Libjani jiżguraw aċċess estern għall-faċilitajiet ta' detenzjoni, b'mod partikolari dawk għall-migranti;

(ag)  li jiċċaraw is-sitwazzjoni rigward il-ħlas ta' dividendi fi stokks, l-introjtu mill-bonds u l-pagament tal-imgħax tal-Libyan Investment Authority iffriżati fl-UE; li jfornu rapport dettaljat dwar l-ammont totali tal-imgħax prodott mill-assi ta' Gaddafi minn mindu ġew iffriżati fl-2011 u lista tal-individwi u tal-entitajiet li bbenefikaw li dawn il-pagamenti tal-imgħax; li jindirzzaw bi prijorità l-problema ta' lakuna possibbli rigward dan l-aspett fir-reġim ta' sanzjonijiet tal-UE;

(ah)  li jippromwovu proġetti maħsuba għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun tal-Fezzan u tal-ekonomija legali bis-saħħa tal-kooperazzjoni mill-qrib mad-diversi muniċipalitajiet, partikolarment dawk li jinsabu tul ir-rotot migratorji, biex jiġu miġġielda l-attivitajiet illegali tax-xbieki kriminali u l-estremiżmu vjolenti tal-gruppi terroristiċi permezz tal-ħolqien ta' għejun alternattivi ta' introjtu, partikolarment għaż-żgħażagħ;

(ai)  li jkomplu l-embargo fuq l-esportazzjoni tal-armi fil-Libja, b'hekk ikun evitat li dawn jaslu f'idejn l-estremisti u l-gruppi armati, fattur li jalimenta ulterjorment l-insigurtà u l-instabbiltà fil-Libja kollha hemm hi;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Gvern Libjan ta' Kunsens Nazzjonali.

(1)

ĠU C 234, 28.6.2016, p. 30.

(2)

ĠU C 300, 18.8.2016, p. 21.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0048.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.4.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Elmar Brok, Klaus Buchner, Fabio Massimo Castaldo, Javier Couso Permuy, Eugen Freund, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Alojz Peterle, Kati Piri, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Michel Reimon, Sofia Sakorafa, Alyn Smith, Dobromir Sośnierz, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Andrzej Grzyb, Juan Fernando López Aguilar, Antonio López-Istúriz White, Urmas Paet, Miroslav Poche, Bodil Valero, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Arndt Kohn


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

45

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Urmas Paet, Jozo Radoš, Ivo Vajgl

ECR

Charles Tannock, Geoffrey Van Orden

EFDD

Fabio Massimo Castaldo

PPE

Asim Ademov, Michèle Alliot-Marie, Elmar Brok, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Ramona Nicole Mănescu, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, László Tőkés, Željana Zovko

S&D

Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Eugen Freund, Arndt Kohn, Arne Lietz, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Kati Piri, Miroslav Poche, Boris Zala

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Michel Reimon, Alyn Smith, Bodil Valero

0

-

 

 

4

0

ENF

Mario Borghezio

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Sofia Sakorafa

NI

Dobromir Sośnierz

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Mejju 2018Avviż legali