Proċedura : 2017/2256(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0160/2018

Testi mressqa :

A8-0160/2018

Dibattiti :

PV 29/05/2018 - 18
CRE 29/05/2018 - 18

Votazzjonijiet :

PV 30/05/2018 - 13.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0228

RAPPORT     
PDF 676kWORD 66k
3.5.2018
PE 613.539v01-00 A8-0160/2018

dwar ir-rapport annwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen

(2017/2256(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Carlos Coelho

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rapport annwali dwar il-funzjonament taż-żona Schengen

(2017/2256(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Settembru 2017 dwar l-ippreservar u t-tisħiħ ta' Schengen (COM(2017)0570),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2016 bit-titolu "Lura lejn Schengen – Pjan ta' direzzjoni" (COM(2016)0120),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta(1),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, u b'mod partikolari l-Artikoli 14 u 17 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol)(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur)(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0160/2018),

A.  billi ż-żona Schengen hija arranġament uniku u waħda mill-akbar kisbiet tal-Unjoni Ewropea li tippermetti l-moviment ħieles tal-persuni fiż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni; billi dan sar possibbli permezz ta' diversi miżuri ta' kumpens bħat-tisħiħ tal-iskambju ta' informazzjoni permezz tal-istabbiliment tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) u permezz tal-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' evalwazzjoni biex tiġi verifikata l-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen mill-Istati Membri u titrawwem fiduċja reċiproka fil-funzjonament taż-żona Schengen; billi l-fiduċja reċiproka titlob ukoll is-solidarjetà, is-sigurtà, il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali, il-protezzjoni konġunta tal-fruntieri esterni tal-UE, fehim komuni u politiki komuni dwar il-migrazzjoni, il-viżi u l-asil, u r-rispett tad-dritt internazzjonali u tad-dritt Ewropew f'dan il-qasam;

B.  billi f'dawn l-aħħar snin bosta fatturi kellhom impatt fuq il-funzjonament taż-żona Schengen; billi dawn il-fatturi jinkludu l-impatt tal-movimenti internazzjonali u tal-flussi turistiċi li inizjalment kienu dawk li mmotivaw il-leġiżlazzjoni hekk imsejħa tal-"fruntieri intelliġenti" kif ukoll l-għadd sinifikanti ta' persuni li jfittxu asil u migranti irregolari b'movimenti sekondarji relatati u l-introduzzjoni mill-ġdid u t-titwil sussegwenti tal-kontrolli tal-fruntieri interni minn xi Stati Membri mill-2014; billi l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni jidher li hija relatata ma' perċezzjoni ta' theddid għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna b'rabta mal-moviment tal-persuni u t-terroriżmu, l-għadd ta' persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali u migranti irregolari li jaslu aktar milli evidenza soda tal-eżistenza reali ta' theddid serju jew l-għadd reali ta' dawk li qed jaslu; billi dawn il-fatturi jinkludu wkoll it-terroriżmu u theddida ogħla għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà interna tal-Istati Membri;

C.  billi t-tisħiħ tal-fruntieri esterni tal-UE u l-introduzzjoni ta' verifiki sistematiċi ma' bażijiet ta' data rilevanti, inkluż għaċ-ċittadini Ewropej, kienu parti mill-miżuri implimentati biex jipproteġu ż-żona Schengen;

D.  billi xi Stati Membri rreaġixxew għall-wasliet ta' persuni li jfittxu asil u tar-rifuġjati billi introduċew mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom, sabiex "jirregolaw" il-moviment ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jfittxu protezzjoni internazzjonali, minkejja li l-Artikolu 14(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jistipula li l-"proċedura tal-fruntieri normali" ma tapplikax għall-persuni li jfittxu asil; billi għandha tiġi implimentata sistema ġusta ta' responsabilità kondiviża għall-valutazzjoni tat-talbiet għall-asil;

E.  billi, minn Marzu 2016, il-Kummissjoni pproponiet sensiela ta' miżuri bl-għan li tirkupra l-funzjonament normali taż-żona Schengen; billi l-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen għadu ma ġiex lura għan-normal u jiddependi primarjament fuq l-Istati Membri, il-fiduċja li għandhom f'xulxin, is-solidarjetà li juru b'appoġġ tal-pajjiżi tal-ewwel wasla, l-adozzjoni ta' miżuri adegwati u l-implimentazzjoni ta' tali miżuri, b'mod partikolari mill-Istati Membri;

F.  billi l-inċentivi biex l-Istati Membri jadottaw miżuri biex iż-żona Schengen terġa' tibda tiffunzjona tajjeb jiddependu l-aktar fuq in-nonrinnovabilità tat-talbiet ta' kontrolli fil-fruntieri;

G.  billi ż-żamma tal-kontrolli fil-fruntieri interni fl-Unjoni jew l-introduzzjoni mill-ġdid ta' tali kontrolli fiż-żona Schengen għandha impatt serju fuq il-ħajjiet taċ-ċittadini Ewropej u ta' dawk kollha li jgawdu mill-prinċipju tal-moviment liberu ġewwa l-UE u timmina serjament il-fiduċja fl-istituzzjonijiet Ewropej u l-integrazzjoni; billi ż-żamma jew l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni tinvolvi spejjeż operattivi u ta' investiment diretti għall-ħaddiema, it-turisti, it-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq u l-amministrazzjonijiet pubbliċi transfruntieri, b'effetti debilitanti fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri; billi l-istimi tal-ispejjeż marbuta mal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri jistgħu jvarjaw bejn EUR 0,05 biljun u EUR 20 biljun fi spejjeż ta' darba u EUR 2 biljun fi spejjeż operattivi annwali(4); billi r-reġjuni transfruntieri huma partikolarment affettwati;

H.  billi l-bini ta' ħitan u ċnut fil-fruntieri esterni u interni tal-UE minn diversi Stati Membri qed jiżdied u billi dan qed jintuża bħala deterrent għad-dħul u t-tranżitu ta' persuni li jfittxu asil, inter alia, fit-territorju tal-UE; ifakkar li, skont it-Transnational Institute (TNI), huwa stmat li l-pajjiżi Ewropej bnew aktar minn 1 200 kilometru ta' ħitan u fruntieri bi spiża ta' mill-anqas EUR 500 miljun u li mill-2007 sal-2010, il-fondi tal-UE kkontribwew għall-iskjerament ta' 545 sistema ta' sorveljanza fuq il-fruntieri li jkopru 8 279 kilometru ta' fruntieri esterni tal-UE u 22 347 apparat ta' sorveljanza;

I.  billi ż-żona Schengen tinsab f'salib it-toroq u teħtieġ azzjonijiet deċiżivi u konġunti biex iġġib lura l-benefiċċji kollha li tipprovdi liċ-ċittadini; billi teħtieġ ukoll fiduċja reċiproka, kooperazzjoni u solidarjetà fost l-Istati Membri; billi ma għandux ikun hemm diskors politiku li jkollu l-għan li jitfa' l-ħtija fuq Schengen;

J.  billi t-tkabbir taż-żona Schengen għadu strument ewlieni biex jiġu estiżi l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali li jirriżultaw mid-dritt għall-moviment liberu ta' persuni, servizzi, oġġetti u kapital, għall-Istati Membri l-ġodda, filwaqt li titrawwem il-koeżjoni u jitnaqqsu d-diskrepanzi bejn il-pajjiżi u r-reġjuni; billi l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen fl-Istati Membri kollha li ssodisfaw il-kriterji għall-konklużjoni b'suċċess tal-proċess ta' evalwazzjoni ta' Schengen, hija essenzjali għall-ħolqien ta' qafas ta' sigurtà legali kkoordinat u robust; billi r-rieda tar-Rumanija u l-Bulgarija biex jissieħbu fiż-Żona Schengen ġiet imħabbra f'diversi okkażjonijiet mill-President tal-Kummissjoni u ġiet enfasizzata wkoll mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija(5) u mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu;

K.  billi l-Grupp ta' Ħidma dwar l-Iskrutinju ta' Schengen segwa mill-qrib l-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen permezz tas-sejbiet tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni, tal-metodoloġija ta' valutazzjoni tal-vulnerabilità, tas-seduti tas-smigħ tal-kumitati u tal-missjonijiet lejn Stati Membri u pajjiżi terzi; billi huwa identifika l-miżuri li ġew implimentati jew li waslu biex jiġu implimentati, in-nuqqasijiet ewlenin fil-funzjonament taż-żona Schengen u l-azzjonijiet meħtieġa li se jittieħdu fil-futur;

KWISTJONIJIET EWLENIN

Il-progress li sar fl-indirizzar tan-nuqqasijiet identifikati

1.  Jirrimarka li l-leġiżlatur tal-UE adotta għadd ta' miżuri f'dawn l-aħħar tliet snin li ġew imfassla biex isaħħu l-integrità taż-Żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni; jilqa' l-effikaċja tal-miżuri li ttieħdu fil-fruntieri esterni u l-ħolqien tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCGA); jinnota l-isforzi tal-Aġenzija fl-implimentazzjoni tar-regolament il-ġdid, speċjalment permezz ta' operazzjonijiet konġunti fil-qasam tas-sorveljanza tal-fruntieri u r-ritorn, u billi tappoġġa lill-Istati Membri soġġetti għal livelli ogħla ta' migrazzjoni filwaqt li fl-istess ħin jinżamm rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali kif stipulat fir-Regolament EBCG; jagħraf l-importanza tal-mekkaniżmu ta' valutazzjoni tal-vulnerabilità li għadu kif ġie introdott li kixef dgħufijiet fil-fruntieri esterni komuni u pprevjena kriżijiet; jenfasizza l-isforzi konġunti u l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u partijiet interessati oħra fl-organizzazzjoni tal-approċċ 'hotspot' fil-qasam tat-taħriġ;

2.  Jinnota l-passi meħuda permezz tal-emenda tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u l-introduzzjoni ta' kontrolli obbligatorji sistematiċi mal-bażijiet ta' data rilevanti fil-fruntieri esterni mad-dħul u l-ħruġ għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u għaċ-ċittadini tal-UE filwaqt li tinżamm il-viġilanza dwar l-effetti, in-neċessità u l-proporzjonalità ta' dawn il-miżuri fuq il-qsim tal-fruntieri miċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li f'xi każijiet verifiki sistematiċi mandatorji fil-fruntieri esterni ta' Schengen ġew sostitwiti minn kontrolli mmirati minħabba l-impatt sproporzjonat tagħhom fuq il-fluss tat-traffiku; ifakkar li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra dawn il-konsegwenzi meta twettaq l-evalwazzjoni prevista fir-Regolament (UE) 2017/458;

3.  Jilqa' r-riforma li għaddejja tas-SIS u t-tnedija fil-5 ta' Marzu, mill-eu-LISA, tal-pjattaforma tas-Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba' tas-SIS II (AFIS), li tintroduċi kapaċità ta' tiftix bijometriku fis-sistema, li se tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir użu aħjar mill-għodod eżistenti, jiġifieri biex jiġu mmassimizzati l-benefiċċji tas-sistemi eżistenti u biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi strutturali fl-informazzjoni f'konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data u r-rispett tal-prinċipji tad-dritt għall-privatezza, tan-nondiskriminazzjoni, tan-neċessità u tal-proporzjonalità;

5.  Jilqa' l-ħidma li saret fil-qasam tal-kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija u dik ġudizzjarja u l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-ħidma tal-Eurojust u tal-Europol, biex tiġġieled il-kriminalità transfruntiera u l-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu permezz tal-intelligence, l-iskambju tal-informazzjoni u l-investigazzjonijiet konġunti;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżviluppa l-kunċett u l-istrateġija tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea (IBM) fuq il-bażi ta' dak li ġie ppubblikat fl-14 ta' Marzu 2018 sabiex tikkonforma mad-dispożizzjonijiet fir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta; jesprimi dubji rigward l-effikaċja tagħha fl-iffissar tal-objettivi u l-għanijiet mixtieqa fil-qasam tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea, u b'mod partikolari fir-rigward tat-tisħiħ u l-implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali u komponenti oħra tal-istrateġija;

7.  Jara valur kbir fil-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen imġedded peress li jippromwovi t-trasparenza, il-fiduċja reċiproka u r-responsabilità bejn l-Istati Membri billi jiskrutinizza l-mod kif jimplimentaw l-oqsma differenti tal-acquis ta' Schengen;

Nuqqasijiet kritiċi li ġew identifikati

8.  Jesprimi tħassib rigward in-nuqqasijiet kritiċi u d-defiċjenzi skoperti permezz tal-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni ta' Schengen u l-valutazzjoni tal-vulnerabilità;

9.  Jikkundanna t-tkomplija tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-verifiki fil-fruntieri interni peress li din timmina l-prinċipji bażiċi taż-żona Schengen; huwa tal-fehma li ħafna mill-prorogi mhumiex konformi mar-regoli attwali dwar l-estensjonijiet, in-neċessità jew il-proporzjonalità tagħhom u għalhekk huma illegali; jiddispjaċih li l-Istati Membri ma ħadux il-miżuri xierqa biex jiżguraw il-kooperazzjoni ma' Stati Membri affettwati oħra biex jimminimizzaw l-effetti ta' dawn il-miżuri, u li lanqas ma ġġustifikaw biżżejjed ir-raġunijiet ta' dawn il-kontrolli u lanqas ma pprovdew biżżejjed informazzjoni dwar ir-riżultati tagħhom, u għalhekk xekklu l-analiżi mill-Kummissjoni u l-iskrutinju mill-Parlament; jiddispjaċih ukoll li teżisti l-prattika mill-Istati Membri li jibdlu b'mod artifiċjali l-bażi legali għall-introduzzjoni mill-ġdid biex jestenduha lil hinn mill-perjodu massimu possibbli fl-istess ċirkostanzi fattwali; iqis li l-impatti ekonomiċi, politiċi u soċjali ta' din il-prattika huma ta' detriment għall-unità taż-żona Schengen u ta' ħsara għall-prosperità taċ-ċittadini Ewropej u għall-prinċipju tal-libertà ta' moviment; itenni li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta ħafna miżuri f'dawn l-aħħar tliet snin biex isaħħaħ il-fruntieri esterni u l-kontroll fil-fruntieri esterni; jissottolinja li ma kien hemm l-ebda reazzjoni korrispondenti f'termini tat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni;

10.  Jenfasizza li rriżulta li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni hija ħafna aktar faċli mit-tneħħija ta' dawk il-kontrolli fil-fruntieri interni ladarba jkunu ġew introdotti mill-ġdid;

11.  Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni f'għadd ta' oqsma tar-regolamentazzjoni li jirregolaw ċerti oqsma tal-kontroll tal-fruntieri esterni bħall-konsultazzjoni sistematika tal-bażijiet tad-data waqt il-verifiki fil-fruntieri u l-verifika bir-reqqa tal-kundizzjonijiet tad-dħul rikjesti; huwa mħasseb ukoll dwar in-nuqqas ta' disponibilità okkażjonali ta' ċerti bażijiet tad-data bħas-SIS u l-VIS f'ċerti punti ta' qsim tal-fruntieri; jinnota li hija prevalenti f'ħafna Stati Membri nonkonformità ċara fl-istabbiliment taċ-Ċentri Nazzjonali ta' Koordinazzjoni f'konformità mar-Regolament li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR); jenfasizza għal darb'oħra li, sabiex il-leġiżlazzjoni dwar il-fruntieri interni u esterni tkun effettiva, huwa essenzjali li l-miżuri miftiehma fil-livell tal-Unjoni jiġu implimentati kif xieraq mill-Istati Membri;

12.  Ifakkar li l-Istati Membri għandhom għodod oħra għad-dispożizzjoni tagħhom għajr il-kontroll fil-fruntieri interni, inkluż – kif rakkomandat mill-Kummissjoni – kontrolli tal-pulizija mmirati dment li dawn il-kontrolli ma jkollhomx il-kontroll fil-fruntieri bħala objettiv, ikunu bbażati fuq informazzjoni ġenerali tal-pulizija jew esperjenza rigward theddid possibbli għas-sigurtà pubblika, u jkollhom l-għan, b'mod partikolari, li jiġġieldu l-kriminalità transfruntiera, u jkunu mfassla u eżegwiti b'mod li jkun distint b'mod ċar minn kontrolli sistematiċi fuq persuni fil-fruntieri esterni; ifakkar li tali kontrolli jistgħu jkunu aktar effettivi mill-kontrolli tal-fruntieri interni, speċjalment peress li huma aktar flessibbli u jistgħu jkunu adattati aktar faċilment għall-iżvilupp tar-riskji;

13.  Ifakkar li żjarat Schengen fuq il-post għal għarrieda jistgħu isiru fil-fruntieri interni mingħajr notifika minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat;

14.  Jikkundanna l-kostruzzjonijiet ta' ostakoli fiżiċi, inklużi reċinti, bejn l-Istati Membri u jfakkar id-dubji tiegħu dwar il-kompatibilità ta' dawn l-azzjonijiet mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-kostruzzjonijiet eżistenti u futuri u tirrapporta lill-Parlament;

15.  Jirrikonoxxi, bħala parti mill-isforzi biex il-funzjonament ta' Schengen jitreġġa' għan-normal, il-proposta għall-emenda tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli ċari u li dawn il-bidliet għandhom sempliċement jirriflettu sfidi ġodda u jxejnu theddidiet għas-sigurtà interna mingħajr ma titħeġġeġ l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni; ifakkar li kwalunkwe bidla ma għandhiex tkun mezz ulterjuri biex jiġu estiżi l-kontrolli fil-fruntieri interni; huwa mħasseb li l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni hija bbażata fuq valutazzjoni tar-"riskju perċepit" minflok fuq evidenza rigoruża u soda u l-eżistenza ta' theddida serja u li l-hekk imsejħa "valutazzjoni tar-riskji" proposta għandha tiġi fdata kompletament lill-Istat li jerġa' jintroduċi l-kontrolli fil-fruntieri; iqis li dawn il-passi għandhom isiru b'attenzjoni sabiex ma jikkawżawx ħsara irriversibbli lill-idea bażika tal-moviment liberu, speċjalment billi jiġu stabbiliti garanziji proċedurali sostanzjali, b'mod partikolari sabiex jinżamm limitu strett ta' żmien għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli tal-fruntieri interni;

16.  Jissottolinja li estensjoni ulterjuri tal-kontrolli fil-fruntieri interni eżistenti – jew l-introduzzjoni mill-ġdid ta' oħrajn ġodda – timponi spejjeż ekonomiċi kbar fuq l-UE kollha kemm hi billi tagħmel ħsara kbira lis-Suq Uniku;

Azzjonijiet li għandhom jittieħdu

17.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati mingħajr dewmien in-nuqqasijiet kritiċi identifikati sabiex ikun hemm ritorn lejn il-funzjonament normali taż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni;

18.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jimplimentaw b'mod sħiħ ir-regolamenti eżistenti u jistieden lill-Kummissjoni taġixxi b'mod deċiżiv fi kwistjonijiet relatati mal-ksur ta' regoli maqbula b'mod komuni billi timponi miżuri proporzjonati u meħtieġa fuq l-Istati Membri inkwistjoni sabiex tissalvagwardja l-interessi tal-Istati Membri l-oħrajn u tal-Unjoni kollha kemm hi, inklużi l-proċeduri ta' ksur;

19.  Jenfasizza l-importanza tar-riforma u tal-adattament tas-SIS biex tiffaċċja sfidi ġodda rapidament, jiġifieri fir-rigward tal-protezzjoni tat-tfal f'riskju jew tfal nieqsa, l-iskambju immedjat u obbligatorju ta' informazzjoni dwar it-terroriżmu f'konformità mad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u ċittadini ta' pajjiżi terzi u l-ħarsien tas-salvagwardji fuq il-protezzjoni tad-data u l-privatezza u l-iskambju ta' informazzjoni obbligatorju dwar id-deċiżjonijiet ta' ritorn; jenfasizza li tali riforma ma tridx timmina l-prinċipji tan-neċessità u l-proporzjonalità; jissottolinja li jekk is-sistema trid tiffunzjona kif xieraq, it-twissijiet iridu jirrikjedu azzjoni u għandhom jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħhom fis-sistema; jirrileva ż-żieda sostanzjali mistennija fl-attività tal-Bureau tat-Talba għal Informazzjoni Supplimentari fil-Punti ta' Dħul Nazzjonali (SIRENE) u jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-mezzi għad-dispożizzjoni tiegħu billi jiżguraw li jkollu riżorsi finanzjarji u umani adegwati sabiex iwettaq il-funzjonijiet il-ġodda tiegħu;

20.  Jenfasizza n-natura kritika tas-sejbiet tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom; jenfasizza wkoll il-valutazzjoni tal-vulnerabilità u jistieden lill-Istati Membri jaġixxu b'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport komprensiv annwali lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjonijiet imwettqa skont ir-Regolament 1053/2013;

22.  Jinsisti b'determinazzjoni biex il-Kummissjoni ma ġġeddidx aktar it-talbiet ta' deroga minn Schengen jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx implimenta r-rakkomandazzjonijiet magħmula lilu bħala parti mill-mekkaniżmu ta' valutazzjoni ta' Schengen;

23.  Jenfasizza li l-Istati Membri kollha, inklużi dawk mingħajr fruntiera tal-art esterna, għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw livell għoli ta' kontroll fil-fruntieri esterni tagħhom billi jallokaw riżorsi suffiċjenti permezz tal-persunal, l-apparat u l-għarfien espert filwaqt li jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali – inkluż fil-kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni internazzjonali u man-non-refoulement – jistabbilixxu l-istrutturi ta' kmand u kontroll meħtieġa u jifformulaw analiżi tar-riskju aġġornata f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/1624 għal-livelli kollha ta' kmand biex jiffaċilitaw operazzjonijiet effettivi u jipprovdu infrastrutturi adegwati għall-qsim tal-fruntieri sikur, ordnat u mexxej;

24.  Huwa tal-fehma li kieku jiġi rivedut il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen, kwalunkwe proposta għandha tindirizza d-dewmien kbir bejn iż-żjara fuq il-post u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u tal-pjanijiet ta' azzjoni u għandha tiffaċilita azzjoni ta' rimedju rapida min-naħa tal-Istati Membri; huwa tal-fehma li l-valur taż-żjarat fuq il-post għal għarrieda fil-kuntest tal-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni ta' Schengen jista' jissaħħaħ kieku dawn iż-żjarat isiru verament għal għarrieda (mingħajr avviż minn 24 siegħa qabel);

25.  Ifakkar li l-Parlament għandu jiġi infurmat minnufih u bis-sħiħ dwar kwalunkwe proposta biex jiġi emendat jew sostitwit il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen; jinnota li l-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-operat tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni tar-rapporti kollha ta' evalwazzjoni li jirrigwardaw l-evalwazzjonijiet koperti mill-ewwel programm ta' evalwazzjoni pluriennali u tgħaddi dan kollu lill-Parlament;

26.  Jinsisti fuq l-iżvilupp tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen flimkien mal-għodda tal-valutazzjoni tal-vulnerabilità b'mod li jipprevjeni rikaduti imprevisti fil-ġestjoni ġenerali tal-fruntieri esterni u jtejjibha, isaħħaħ ir-rispett tal-acquis ta' Schengen u d-drittijiet fundamentali, inkluża l-konformità mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra li ġiet iffirmata mill-Istati Membri kollha u jiffaċilita skrutinju bir-reqqa u trasparenza bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej, b'mod partikolari l-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw biżżejjed riżorsi għall-implimentazzjoni u s-segwitu tal-evalwazzjonijiet ta' Schengen u l-valutazzjonijiet ta' vulnerabilità; jistieden lill-Kummissjoni torganizza żjarat fuq il-post fil-fruntieri interni li jkunu ġenwinament għal għarrieda u biex tivvaluta n-natura u l-impatt tal-miżuri fis-seħħ;

27.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jtejbu l-ġbir tal-informazzjoni u d-data statistika dwar il-ġestjoni nazzjonali tar-riżorsi u l-kapaċitajiet relatati mal-kontroll tal-fruntieri; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli fi żmien xieraq l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-mekkaniżmu tal-valutazzjoni tal-vulnerabilità;

28.  Jistieden lill-Istati Membri, b'mod partikolari dawk affettwati direttament, jippreparaw u jittestjaw biżżejjed il-pjanijiet ta' kontinġenza meħtieġa biex jimmitigaw sitwazzjonijiet ta' żieda fil-livell tal-migrazzjoni, kif ukoll biex isaħħu l-kapaċità ta' reġistrazzjoni u akkomodazzjoni tagħhom fl-eventwalità li jiġru tali sitwazzjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kapaċitajiet tagħhom biex jindividwaw il-frodi tad-dokumenti u d-dħul irregolari filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tan-non-refoulement u d-drittijiet fundamentali b'mod sħiħ; jitlob biex isiru sforzi miftiehma fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu b'mod partikolari sabiex jiġu identifikati l-organizzazzjonijiet kriminali u l-finanzjament tagħhom b'aktar preċiżjoni;

29.  Jenfasizza li aċċess sikur u legali għall-UE, inkluż fil-fruntieri esterni taż-żona Schengen, se jikkontribwixxi għall-istabilità ġenerali taż-żona Schengen;

30.  Iqis l-istat attwali ta' implimentazzjoni tal-istrateġija tal-IBM bħala inadegwata; jirrikjedi li l-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta jappoġġaw lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti kif stipulati fir-Regolament (UE) 2016/1624 u jibdew l-evalwazzjonijiet tematiċi tal-IBM fl-Istati Membri fi żmien debitu; jistieden lill-Istati Membri jġibu l-ġestjoni tal-fruntieri tagħhom f'konformità mal-kunċett tal-IBM billi japplikaw approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-fruntieri fuq il-bażi tal-prinċipji fundamentali sottostanti tiegħu u b'mod partikolari billi jiggarantixxu r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, b'attenzjoni speċifika fuq gruppi vulnerabbli u l-minorenni fl-attivitajiet kollha tal-ġestjoni tal-fruntieri u ta' ritorn, inkluż ir-rispett għall-prinċipju ta' non-refoulement; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija IBM fil-livell Ewropew u fil-livell nazzjonali u l-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali, u għaldaqstant tissaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri esterni filwaqt li jitħarsu d-drittijiet fundamentali;

31.  Jinsisti fuq il-ħtieġa tal-introduzzjoni fil-pront tal-istrateġija IBM implimentata b'mod sħiħ, kif maqbul bejn l-istituzzjonijiet, l-istrateġija teknika u operazzjonali mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-istrateġiji nazzjonali sussegwenti tal-Istati Membri; huwa konxju bis-sħiħ tal-inkonsistenzi fl-implimentazzjoni tal-istrateġija IBM fl-Istati Membri u jenfasizza li l-eżekuzzjoni sħiħa tal-istrateġija IBM fl-Istati Membri kollha hija essenzjali għall-funzjonament adegwat taż-żona Schengen;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta proposta leġiżlattiva biex temenda r-Regolament EUROSUR fid-dawl tal-akbar nuqqasijiet li tfaċċaw fl-implimentazzjoni tar-regolament attwali, u jikkunsidra li tali proposta għandha tinkoraġġixxi użu akbar tal-EUROSUR biex tinvolvi ruħha u tgħin fl-iskambju tal-informazzjoni, l-analiżi tar-riskju u f'operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ;

33.  Itenni l-appoġġ tal-Parlament għall-adeżjoni immedjata tal-Bulgarija u r-Rumanija maż-żona ta' Schengen, u l-adeżjoni tal-Kroazja malli tissodisfa l-kriterji għas-sħubija; jistieden lill-Kunsill japprova l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija bħala membri sħaħ taż-żona Schengen;

KWISTJONIJIET OĦRA B'IMPATT FUQ SCHENGEN

34.  Jenfasizza li l-istat attwali ta' Schengen u l-persistenza ta' kontrolli fil-fruntieri interni mhumiex ikkawżati, primarjament, minn problemi fl-istruttura u fir-regoli taż-żona Schengen innifisha imma pjuttost mill-oqsma relatati tal-acquis, bħan-nuqqasijiet fil-qasam tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, inkluż nuqqas ta' rieda politika, il-kondiviżjoni tas-solidarjetà u r-responsabilità, ir-Regolament ta' Dublin u l-ġestjoni tal-fruntieri esterni;

Il-progress li sar fl-indirizzar tan-nuqqasijiet identifikati

35.  Jenfasizza l-miżuri ta' appoġġ u ta' bini tal-kapaċità meħudin sabiex jiġu indirizzati l-kawżi ta' oriġini tal-migrazzjoni irregolari u sabiex jiġu mtejba l-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-pajjiżi ta' oriġini;

36.  Iqis li l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi hija element wieħed biex jittaffew iċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-migrazzjoni furzata u irregolari; jenfasizza n-natura komprensiva tal-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa;

Nuqqasijiet kritiċi li ġew identifikati

37.  Jiddispjaċih li ħafna persuni ġew irrapportati mejta jew nieqsa fil-Baħar Mediterran f'dawn l-aħħar snin; jenfasizza wkoll li t-tfittix u s-salvataġġ huwa komponent individwali tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri Ewropea kif stabbilit fir-Regolament EBCGA; huwa tal-fehma li rispons tal-Unjoni permanenti, robust u effikaċi fl-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ fuq il-baħar huwa kruċjali għall-prevenzjoni tat-telf ta' ħajjiet fuq il-baħar; iqis li huwa essenzjali li l-aspetti u l-kapaċitajiet adegwati ta' tiftix u salvataġġ marittimi jiġu inkorporati fl-ippjanar operazzjonali kollu tas-sorveljanza tal-fruntieri fuq il-baħar u fl-implimentazzjoni ta' tali operazzjonijiet mill-EBCGA, kif previst mir-Regolament (UE) Nru 656/2014;

38.  Jesprimi tħassib kbir rigward l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ((UE) 2016/1624) u jissottolinja l-ħtieġa li l-Istati Membri jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fir-regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-impenji għall-kontribut ta' riżorsi umani u tagħmir tekniku suffiċjenti kemm għal operazzjonijiet konġunti kif ukoll għar-riżerva ta' tagħmir tar-reazzjoni rapida u li jallokaw riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni tal-valutazzjoni ta' vulnerabilità; huwa mħasseb dwar ir-riżorsi u l-ippjanar finanzjarju tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-istimi li fuqhom huma bbażati l-finanzjament tal-operazzjonijiet u l-kontribuzzjonijiet rikjesti mill-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu taħriġ xieraq dwar id-drittijiet fundamentali għall-gwardji tal-fruntieri nazzjonali;

39.  Iqis li l-kooperazzjoni fil-livell nazzjonali bejn servizzi tal-infurzar tal-liġi differenti, il-militar, il-gwardji tal-fruntieri, id-dwana u l-awtoritajiet ta' tiftix u salvataġġ marittimi hija ta' spiss inadegwata u twassal għal għarfien tas-sitwazzjoni frammentat u effikaċja baxxa; jinnota li n-nuqqas ta' strutturi ta' kooperazzjoni jista' jwassal għal miżuri mhux effettivi u/jew sproporzjonati; ifakkar li l-ebda ammont ta' miżuri b'intenzjoni tajba fil-livell tal-Unjoni ma jistgħu jpattu għal nuqqas ta' kooperazzjoni interna bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri;

40.  Jinnota l-istabbiliment ta' sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira oħrajn kif ukoll l-objettiv tat-titjib tal-interoperabilità tagħhom filwaqt li jinżammu s-salvagwardji neċessarji, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni u l-privatezza tad-data;

41.  Iqis li l-ħidma fuq il-proposti ta' interoperabilità tas-sistemi ta' informazzjoni għandha tkun opportunità biex jittejbu u jiġu armonizzati parzjalment is-sistemi tal-IT nazzjonali u l-infrastrutturi nazzjonali fil-punti ta' qsim tal-fruntieri;

Azzjonijiet li għandhom jittieħdu

42.  Jinkoraġġixxi lill-Aġenziji u lill-Istati Membri jkomplu jimplimentaw l-operazzjonijiet b'diversi għanijiet u jiżguraw li jittieħdu l-passi xierqa sabiex jinkludu t-tiftix u s-salvataġġ marittimu fl-operazzjonijiet permezz ta' assi u riżorsi umani xierqa; iħeġġeġ lill-Aġenzija tiżgura l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-ilmenti u r-riżorsi relatati għall-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u l-persunal b'appoġġ tiegħu;

43.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw proċeduri ta' ritorn rapidi u effikaċi, b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u f'kundizzjonijiet umani u dinjitużi, ladarba tinħareġ deċiżjoni ta' ritorn;

44.  Jinnota li l-Istati Membri għandhom l-opportunità offruta mid-Direttiva 2001/40/KE li jirrikonoxxu u jimplimentaw deċiżjoni ta' ritorn meħuda minn Stat Membru ieħor minflok ma joqogħdu jieħdu deċiżjoni ta' ritorn ġdida jew jibgħatu lill-migrant irregolari lura lejn l-ewwel Stat Membru emittenti;

45.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu passi speċifiċi biex jiżguraw infrastruttura, akkomodazzjoni u kundizzjonijiet tal-għajxien adegwati għall-persuni kollha li qed ifittxu asil, speċjalment billi jqisu l-ħtiġijiet tal-minuri mhux akkumpanjati u l-familji b'minuri kif ukoll tan-nisa f'sitwazzjonijiet vulnerabbli; jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw il-faċilitajiet ta' detenzjoni tagħhom mar-rekwiżiti tal-aħjar prattiki internazzjonali u man-normi u l-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, biex jilħqu l-kapaċità li jissodisfaw id-domanda, filwaqt li jżommu f'moħħhom li d-detenzjoni tikkostitwixxi miżura ta' meta ma jkun hemm l-ebda għażla oħra, u ma hijiex fl-aħjar interess tat-tfal, u biex iżidu l-użu ta' miżuri alternattivi għad-detenzjoni; jistieden lill-Istati Membri jonoraw l-impenji ta' rilokazzjoni tagħhom, kif miftiehma mill-Kunsill tal-Ewropa f'Settembru 2015 u kkonfermati mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja f'Settembru 2017, sabiex tiġi rkuprata l-ordni fil-ġestjoni tal-migrazzjoni u jitrawmu s-solidarjetà u l-kooperazzjoni fi ħdan l-UE;

46.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw in-natura indipendenti tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari billi jipprovdu riżorsi finanzjarji u persunal suffiċjenti biex jissodisfaw il-kompiti tagħhom li dejjem jiżdiedu; jistieden lill-awtoritajiet ta' kontroll indipendenti tal-Istati Membri jiżguraw l-awditi meħtieġa u l-użu tas-sistemi ta' informazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw strumenti biex jabilitaw id-drittijiet tas-suġġetti tad-data li jagħmlu lmenti u jirrikjedu l-informazzjoni personali tagħhom u jqajmu l-kuxjenza pubblika dwar is-sistemi ta' informazzjoni;

47.  Jinsisti li l-operazzjonijiet bi skopijiet multipli għandhom jitmexxew mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta bl-għan li jwieġbu għall-ħtieġa li jkunu preżenti l-assi marittimi ta' tiftix u salvataġġ (kif previst mir-Regolament (UE) Nru 656/2014) fiż-żoni rilevanti; ifakkar li l-awtoritajiet nazzjonali tal-gwardja tal-fruntiera għandhom ukoll jipprovdu riżorsi adegwati għall-operazzjonijiet tagħha, b'mod partikolari għat-tiftix u s-salvataġġ; jissottolinja li l-kontroll tal-fruntiera għandu jsir minn uffiċjal gwardjan tal-fruntiera mħarreġ jew taħt superviżjoni stretta tal-awtorità kompetenti;

48.  Jinnota li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ngħatat mandat akbar li tista' tuża biex ikollha rwol fl-appoġġ tal-Istati Membri fl-operazzjonijiet ta' ritorn koordinati;

49.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw aktar il-kooperazzjoni reċiproka tranfruntiera tal-pulizija permezz tal-valutazzjoni tat-theddid, l-analiżi tar-riskji u l-pattulji konġunti; jitlob li ssir l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Prüm u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE 2008/615/ĠAI, u l-adeżjoni mal-Mudell Ewropew għall-Iskambju ta' Informazzjoni u l-Inizjattiva Żvediża; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-istrutturi tal-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi nazzjonali tagħhom u tal-istrutturi ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni u jtejbu l-kooperazzjoni prattika, b'mod partikolari mal-Istati Membri ġirien;

50.  Ifakkar fil-prijorità għolja mogħtija lir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) bħala parti minn approċċ olistiku li jindirizza l-isfidi li jaffettwaw il-politiki dwar ir-rifuġjati, persuni li jkunu qed ifittxu asil u l-migranti u l-Aġenda tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni; jinnota li l-Parlament Ewropew ripetutament enfasizza li l-ftuħ ta' kanali legali għall-migranti u r-rifuġjati huwa l-aħjar mod biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin u b'hekk anki l-migrazzjoni irregolari; jistieden lill-Kunsill isegwi lill-Parlament rapidament fl-adozzjoni ta' mandat għan-negozjati dwar kull proposta f'dan ir-rigward, b'mod partikolari fir-rigward tar-Regolament ta' Dublin; jirrileva li l-Aġenzija l-ġdida tal-Unjoni Ewropea għall-Asil għad trid tiġi approvata u jħeġġeġ lill-Kunsill jiżblokka dan il-fajl bħala kwistjoni ta' urġenza;

51.  Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb is-sigurtà tal-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tal-UE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tipproponi standards għall-elementi ta' sigurtà u l-elementi bijometriċi integrati fil-karta tal-identità bħal fil-każ tal-passaporti;

°

°  °

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali u lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

(1)

ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1.

(2)

ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.

(3)

ĠU L 295, 6.11.2013, p. 11.

(4)

Wouter van Ballegooij, The Cost of Non-Schengen: Civil Liberties, Justice and Home Affairs aspects’ (Il-prezz tan-Non-Schengen), Cost of Non-Europe Report (Ir-rapport dwar il-Prezz tan-Non-Ewropa), Unità tal-Valur Miżjud Ewropew, 2016, paġna 32.

(5)

ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 160.


NOTA SPJEGATTIVA

Iż-żona Schengen hija waħda mill-akbar kisbiet tal-Unjoni Ewropea.

Hija parti essenzjali mill-proġett Ewropew u l-aktar parti apprezzata u rikonoxxuta miċ-ċittadini Ewropej.

Fl-aħħar riforma tal-Governanza ta' Schengen u wara negozjati severi, il-poteri ta' skrutinju tal-Parlament Ewropew issaħħu u ġew allinjati aktar mal-qafas Ewropew. Għalkemm għadha bbażata fuq il-kompetenza sovrana tal-Istati Membri li jikkontrollaw il-fruntieri tagħhom, fl-2013 Schengen saret aktar Ewropea.

Fil-5 ta' Settembru 2016 il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) iddeċieda li jistabbilixxi Grupp ta' Ħidma dwar l-Iskrutinju ta' Schengen iddedikat għar-rieżami u l-iskrutinju tar-riżultati speċifiċi tal-evalwazzjonijiet ta' Schengen f'oqsma differenti. Il-Grupp ta' Ħidma wera li huwa imprezzabbli sabiex jittejjeb il-livell ta' kooperazzjoni u djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Parlament, iżda fuq kollox, tejjeb b'mod ċar il-fehim ġenerali tal-Membri fir-rigward tal-istat attwali ta' Schengen.

Fit-13 ta' Marzu 2017 il-Koordinaturi tal-Kumitat LIBE qablu li jniedu dan ir-Rapport annwali dwar il-Funzjonament taż-żona Schengen. Dan ir-rapport huwa r-riżultat tal-ħidma bir-reqqa tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Iskrutinju ta' Schengen u l-kontribut essenzjali tax-Shadow Rapporteurs. Matul is-sena li għaddiet il-Grupp ta' Ħidma analizza fil-fond id-dettalji tal-oqsma rispettivi tal-evalwazzjoni ta' Schengen billi eżamina r-rapporti ta' evalwazzjoni differenti u l-konklużjonijiet tal-Kunsill u billi skambja l-fehmiet tiegħu dwar kwistjonijiet speċifiċi mal-Kummissjoni.

Wara l-istabbiliment tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kumitat LIBE dwar l-Iskrutinju ta' Schengen, wieħed jittama li dan ir-rapport ikun pass importanti ieħor fil-konsolidazzjoni tar-rwol attiv tal-Parlament fir-rappreżentazzjoni taċ-ċittadini. M'ilux wisq li l-Istati Membri ttrattaw dan il-qasam bħala sigriet, esklużiv u mingħajr obbligu ta' rendikont minkejja l-impatt kbir ta' Schengen fuq ħajjet in-nies.

It-tliet snin li għaddew kienu pjuttost skoraġġanti peress li Schengen kienet taħt pressjoni kbira ħafna. Dan ma ġarax minħabba l-istruttura u l-governanza tagħha iżda minħabba fallimenti f'partijiet tal-acquis, bħall-fruntieri esterni u f'oqsma marbutin b'mod qawwi bħas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil.

Żminijiet ta' inċertezza u ta' perikli jirrikjedu mill-Parlament Ewropew rwol terġ'aktar attiv fil-protezzjoni ta' Schengen u fil-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini.

F'żona ta' moviment liberu, il-fruntieri esterni jsiru fruntieri komuni u llum nikkondividu 'l fuq minn 50 000 kilometru ta' fruntieri. Dan ifisser li problema ta' sigurtà fi Stat Membru wieħed jew problema fil-fruntiera esterna tiegħu potenzjalment taffettwahom kollha. Din hija r-raġuni għaliex Schengen għandha toħroġ b'ġabra ta' miżuri ta' kumpens, acquis, li fuqu hija bbażata l-fiduċja reċiproka, u spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

Madankollu l-mekkaniżmi stabbiliti biex jissalavagwardaw iż-żona ta' moviment liberu kienu taħt pressjoni qawwija matul iż-żminijiet riċenti. Ġie attivat l-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen għall-ewwel darba, abbażi ta' nuqqasijiet serji ta' Stat Membru. Għadd ta' Stati Membri ħabbru bidliet fil-liġijiet tagħhom biex jippermettu l-kontrolli tal-fruntieri interni abbażi tal-influss tal-migranti illegali. Stati Membri oħra ċedew għal retorika faċli tat-tfigħ tal-ħtija fuq il-moviment liberu, filwaqt li fl-istess ħin taparsi kellhom kontrolli fil-fruntieri interni. Id-diskors politiku qed juża lil Schengen bħala ġustifikazzjoni faċli għall-problemi ta' sigurtà. L-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni ma tistax issir status quo normalizzat.

Barra minn hekk, l-Istati Membri ma kinux qed jimplimentaw l-acquis kif suppost u dan ħoloq problemi fil-biċċa l-kbira tal-oqsma tal-evalwazzjonijiet u tal-Istati Membri. L-iskop ta' dan ir-rapport huwa preċiżament li jirrileva n-nuqqasijiet ewlenin li tfaċċaw matul l-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen. Ir-rapport iressaq ukoll il-progress li sar u jindika l-azzjonijiet li l-Istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri għandhom jieħdu fil-ġejjieni. Ir-rapport jelenka s-sejbiet ewlenin mill-oqsma differenti tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni ta' Schengen u l-metodoloġija tal-Valutazzjoni tal-Vulnerabilità li l-Parlament Ewropew qies inaċċettabbli u li jeħtieġu azzjonijiet ulterjuri.

Fis-snin riċenti l-Parlament irrikonoxxa li r-realtà nbidlet ukoll. Li hemm sfidi ġodda, theddid mifrux u fenomeni imprevedibbli, li kollha jirrikjedu aktar kooperazzjoni, informazzjoni aħjar u solidarjetà Ewropea. Ir-rapporteur jemmen li l-miżuri l-ġodda approvati mill-Parlament fil-qasam tas-sigurtà, inklużi fost l-oħrajn is-sistemi ta' informazzjoni u l-emendar tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, huma espressjoni ta' dan l-approċċ. Dan minkejja li implimentazzjoni debboli mill-Istati Membri kienet aktar frekwenti milli kien mixtieq. Fir-rigward tal-Asil, il-Parlament qed jaġixxi wkoll bl-urġenza rikjesta mis-sitwazzjoni u l-Istati Membri lanqas f'dan ma qed jirnexxu.

Kważi sentejn ilu, il-Kummissjoni ppreżentat pjan direzzjonali biex Schengen tinġieb lura. Il-Parlament u l-Kunsill approvaw din il-Komunikazzjoni. Sentejn wara, il-funzjonament normali ta' Schengen għadu 'l bogħod.

Il-Parlament għadu impenjat bil-qawwa biex ifittex is-soluzzjonijiet possibbli kollha li se jipprovdu eżitu rapidu u raġonevoli għas-sitwazzjoni u għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Huwa kruċjali li l-Unjoni Ewropea tinforza dawn ir-regoli b'mod li jiggarantixxi l-funzjonament ta' Schengen.

Ir-rapporteur jemmen li l-Parlament għandu jibqa' sod flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u jfakkar lill-Istati Membri bil-qawwa li huwa fil-kontroll tagħhom li jġibu lil Schengen lura.

Ir-rapporteur jemmen bis-sħiħ li Schengen hija parti mis-soluzzjoni u mhux parti mill-problema. Jekk Schengen tinqered, l-Ewropa taċ-ċittadini li għandna llum tisparixxi wkoll.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

25.4.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

8

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Jan Philipp Albrecht, Heinz K. Becker, Malin Björk, Michał Boni, Caterina Chinnici, Daniel Dalton, Rachida Dati, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Laura Ferrara, Kinga Gál, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Monika Hohlmeier, Sophia in ‘t Veld, Eva Joly, Barbara Kudrycka, Juan Fernando López Aguilar, Monica Macovei, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Judith Sargentini, Giancarlo Scotta’, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Traian Ungureanu, Marie-Christine Vergiat, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Ignazio Corrao, Gérard Deprez, Maria Grapini, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Jean Lambert, Jeroen Lenaers, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Siôn Simon, Barbara Spinelli, Elissavet Vozemberg-Vrionidi

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Michael Detjen, André Elissen, Francesc Gambús, Arndt Kohn, Annie Schreijer-Pierik, Marco Valli, Francis Zammit Dimech, Marco Zullo


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

45

+

ALDE

Gérard Deprez, Nathalie Griesbeck, Sophia in 't Veld, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Cecilia Wikström

ECR

Monica Macovei

EFDD

Ignazio Corrao, Laura Ferrara, Marco Valli, Marco Zullo

PPE

Asim Ademov, Heinz K. Becker, Michał Boni, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Kinga Gál, Francesc Gambús, Monika Hohlmeier, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Barbara Kudrycka, Jeroen Lenaers, Annie Schreijer-Pierik, Traian Ungureanu, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Francis Zammit Dimech, Tomáš Zdechovský

S&D

Caterina Chinnici, Michael Detjen, Tanja Fajon, Ana Gomes, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Arndt Kohn, Juan Fernando López Aguilar, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Soraya Post, Siôn Simon, Birgit Sippel, Josef Weidenholzer

VERTS/ALE

Jan Philipp Albrecht, Eva Joly, Jean Lambert, Judith Sargentini

8

-

ECR

Daniel Dalton, Branislav Škripek

EFDD

Kristina Winberg

ENF

André Elissen, Giancarlo Scotta', Auke Zijlstra

GUE/NGL

Malin Björk

PPE

Rachida Dati

3

0

GUE/NGL

Cornelia Ernst, Barbara Spinelli, Marie-Christine Vergiat

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Mejju 2018Avviż legali