Proċedura : 2017/2259(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0162/2018

Testi mressqa :

A8-0162/2018

Dibattiti :

PV 30/05/2018 - 28
CRE 30/05/2018 - 28

Votazzjonijiet :

PV 31/05/2018 - 7.10

Testi adottati :

P8_TA(2018)0240

RAPPORT     
PDF 983kWORD 86k
3.5.2018
PE 615.434v02-00 A8-0162/2018

dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ

(2017/2259(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Rapporteur: Eider Gardiazabal Rubial

EMENDI
NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Il-qafas futur għal azzjoni tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ se jiġi deċiż f'mument kruċjali għall-Ewropa, bin-negozjati ta' Brexit li għadhom għaddejjin, diskussjonijiet dwar il-QFP li jmiss u l-ġenerazzjoni futura ta' programmi ewlenin jiġifieri Erasmus+, Ewropa Kreattiva, il-Programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ kif ukoll dak ġdid, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

Sadanittant, il-miżuri ta' awsterità li ttieħdu fil-kuntest tal-kriżi ekonomika kellhom impatt negattiv fuq iċ-ċittadini Ewropej. Iż-żgħażagħ Ewropej huma l-ewwel vittmi tan-nuqqas ta' investiment fl-edukazzjoni u l-kultura, il-qgħad, it-tnaqqis fis-servizzi soċjali. Bħala konsegwenza ta' dan, ħafna minnhom jibżgħu mill-futur u jħossuhom sagrifikati għall-interessi ekonomiċi. In-numri jitkellmu waħedhom. Illum, kważi wieħed minn kull tliet żgħażagħ ta' bejn it-18 u l-24 sena jinsab f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea(1). Fl-2016, ir-rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ (grupp ta' età ta' bejn il-15 u l-24 sena) tal-UE kienu 18.7 % meta mqabbla ma' 15.6 % fl-2008. Fiż-żona tal-euro, ir-rata' ta' qgħad fost iż-żgħażagħ għadha aktar minn 20 %. Barra minn hekk, ir-rata ta' NEET(2) fl-UE hija ta' 15.6 % meta mqabbla ma' 14.2 % fl-2008.(3) Minbarra dawn, ħafna żgħażagħ impjegati qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' sfidi kbar bħal kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji f'termini ta' salarji, stress u tul tal-kuntratt. Għaż-żgħażagħ Ewropej, xi drabi jkun verament diffiċli biex iħossuhom parti mis-soċjetà. Tabilħaqq, sew jekk ikunu impjegati kif ukoll jekk ma jkunux, in-nuqqas ta' fiduċja fiż-żgħażagħ iwassal pereżempju għar-rifjut ta' approvazzjonijiet ta' self. Bħala konsegwenza, il-frustrazzjoni qiegħda tiżdied u ż-żgħażagħ qegħdin iħossuhom esklużi. L-esklużjoni soċjali għandha impatti negattivi serji fuq il-kondizzjonijiet tal-ħajja, il-parteċipazzjoni ċivika, il-ħajja emottiva u s-saħħa taż-żgħażagħ.

B'mod parallel, l-irkupru għadu għaddej u l-ekonomija Ewropea issa qabdet triq ta' tkabbir pjuttost tajba bi tnaqqis fil-qgħad. Madankollu, l-inugwaljanza xorta għadha għolja fl-Unjoni Ewropea u r-riskju ta' faqar jaffettwa b'mod partikolari liż-żgħażagħ Ewropej.

F'dan il-kuntest, iż-żgħażagħ saru prijorità għall-Unjoni Ewropea u għalhekk ġew imnedija inizjattivi sabiex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ, tiżdied il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, titrawwem l-inklużjoni u jiġi promoss il-volontarjat. Ir-riżultati huma pożittivi iżda għad fadal ħafna biex jinkisbu l-objettivi u għalhekk l-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ għandha tittejjeb u tissaħħaħ.

Riżultati ta' evalwazzjoni tal-Azzjoni tal-UE attwali fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)

L-azzjoni tal-UE attwali fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018), l-hekk imsejħa Strateġija tal-UE għaż-żgħażagħ, hija l-kontinwazzjoni ta' dik preċedenti(4), bl-għan li toħloq aktar opportunitajiet u li jkunu ugwali għaż-żgħażagħ kollha, speċjalment fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol, sabiex jiġu ssodisfati xi wħud mill-isfidi elenkati hawn fuq. L-Istrateġija għandha wkoll objettiv li tippromwovi ċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà taż-żgħażagħ kollha u għalhekk tiffoka fuq mekkaniżmi għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fit-tfassil ta' politika.

Madankollu, dawn l-objettivi għadhom wiesgħa u ambizzjużi ħafna. Għalhekk, huwa diffiċli li ssir valutazzjoni ta' jekk dawn ġewx issodisfati, peress li l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-Ewropa jiddependu fuq bosta fatturi relatati mas-sitwazzjoni soċjoekonomika fil-pajjiżi rispettivi, u hija wkoll idea li tinbidel kontinwament fid-dawl taċ-ċirkostanzi dejjem jinbidlu.

L-Istrateġija tal-UE attwali għaż-żgħażagħ għandha numru kbir ħafna ta' inizjattivi ssuġġeriti għad-diversi oqsma ta' azzjoni (mhux kollha huma oqsma ta' politika speċifiċi), li flimkien ma' mekkaniżmu pjuttost ikkumplikat ta' stabbiliment ta' prijoritajiet politiċi skont il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (MMK), ma tiżgurax identifikazzjoni ċara tal-objettivi filwaqt li dawk globali jibqgħu pjuttost bħala mottos ġenerali.

Ta' min jinnota n-nuqqas ta' analiżi komparattiva stabbilita b'mod ċar taħt il-politika dwar iż-żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-iskambju tal-aħjar prattiki għadu limitat għall-għoti ta' eżempji ta' azzjonijiet meħuda lill-pari, fil-limitazzjonijiet taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-pajjiżi individwali.

Għalhekk, l-approċċ li jistabbilixxi oqsma distintivi ta' azzjoni għandu jiġi ssupplimentat ħafna minn approċċ trasversali u olistiku, peress li l-kwistjonijiet relatati mal-politika dwar iż-żgħażagħ huma marbuta ħafna (l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-innovazzjoni, il-volontarjat), kif kontinwament juru prova ta' dan id-dokumenti ta' politika speċifiċi u l-attività ta' gruppi ta' esperti li jaħdmu fuq kwistjonijiet tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ. Dan kien ukoll eżitu tal-Konferenza Ewropea dwar il-futur tal-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ f'Mejju 2017, li jissuġġerixxi li l-istrateġija futura "għandha għanijiet ambizzjużi f'numru mnaqqas ta' oqsma...".(5)

Jista' jiġi konkluż ukoll li ġeneralment hemm nuqqas ta' għodod li jippermettu li jitkejlu l-impatti tal-politika, peress li l-istrumenti li ntużaw s'issa jipprovdu ġabra ta' data li mhuwiex faċli li titqabbel u fil-każ ta' kull wieħed mill-Istati Membri mhijiex relatata biex turi l-impatt reali tal-politiki magħżula. Tabilħaqq, l-istudju ta' evalwazzjoni li sar mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-EYS attwali kien maħsub li jkejjel l-impatt tal-EYS fuq il-politiki dwar iż-żgħażagħ.(6) Madankollu, in-nuqqas ta' indikaturi kwantitattivi għall-kejl tal-effett dirett tal-Istrateġija fuq is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ u n-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-MMK kien mistenni li jwassal għal "firxa wiesgħa ta' effetti".(7)

Fil-prattika, il-mekkaniżmu ta' rappurtar fil-forma ta' Rapporti dwar iż-Żgħażagħ kull tliet snin, iġib miegħu ġabra ta' eżempji pprovduti mill-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' suġġerimenti speċifiċi elenkati fl-Istrateġija għaż-Żgħażagħ, li abbażi tagħha jistgħu jsiru biss konklużjonijiet ġenerali ħafna. Għalhekk, jista' jiġi konkluż li tkun meħtieġa sistema aktar elaborata ta' reġistrazzjoni tal-evoluzzjoni fl-approċċi nazzjonali għall-aspetti taż-żgħażagħ.

Wieħed isibha diffiċli biex jimmaġina l-istabbiliment ta' miri konkreti fil-livell Ewropew u nazzjonali f'qasam fejn l-Istati Membri jżommu kompetenza, u l-azzjoni tal-UE hija limitata għal koordinazzjoni u appoġġ. "Il-valur miżjud ewlieni tal-UE tal-[Istrateġija] għall-Istati Membri kien li din ipprovditilhom ispirazzjoni politika, għarfien u għarfien espert, ingranaġġ u leġittimità, opportunitajiet u riżorsi."(8)

Finalment, skont il-Kummissjoni Ewropea, l-evalwazzjoni esterna "turi li l-Istati Membri huma interessati li jsegwu kooperazzjoni dwar kwistjonijiet dwar iż-żgħażagħ fil-livell tal-UE". Sfortunatament, l-ostakli ewlenin huma marbuta mar-riżorsi limitati disponibbli fil-livell nazzjonali.

Ħtieġa għal Strateġija tal-UE għaż-żgħażagħ ikkoordinata aħjar u aktar iffukata

B'dan ir-rapport ta' implimentazzjoni, aħna qegħdin infittxu li nipprovdu elementi għal strateġija b'saħħitha, fit-tul u kkoordinata tajjeb fl-interess taż-żgħażagħ Ewropej.

L-ewwel nett, l-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ hija mfassla għaż-żgħażagħ li għandhom ikunu l-ewwel interlokuturi. Hemm ħtieġa urġenti li dawn jingħataw leħen jew permezz tad-djalogu strutturat b'suċċess jew permezz tal-formati l-oħra kollha li jiżguraw tfassil ta' politika parteċipatorju b'saħħtu, bħall-ħolqien ta' forum għal diskussjoni bejn iż-żgħażagħ u dawk li jiddeċiedu. Iż-żgħażagħ għandu jkollhom l-opportunità li jaċċessaw b'mod faċli t-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livell tal-UE sabiex jikkondividu l-fehmiet tagħhom u jagħmlu input rilevanti fit-teħid ta' deċiżjonijiet. B'mod parallel, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-settur edukattiv għandhom jiġu kkonsultati b'mod wiesa'. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea għandha taħdem f'kooperazzjoni qawwija mal-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex b'mod xieraq tfassal miżuri li għandhom jiġu implimentati u promossi fost iċ-ċittadini Ewropej.

It-tieni nett, iż-żgħażagħ kollha għandhom jiddaħħlu fis-suq tax-xogħol u li jkollhom impjiegi ta' kwalità, aħna jenħtieġ li nsaħħu l-isforzi tagħna sabiex nagħtu liż-żgħażagħ opportunitajiet indaqs għall-iżgurar ta' inklużjoni sostenibbli fis-suq tax-xogħol u impjiegi fit-tul. Dawn għandu jkollhom l-opportunità li jimmaniġġjaw l-iżviluppi tal-karriera tagħhom skont il-kwalifiki u l-interessi professjonali tagħhom. Iż-żgħażagħ Ewropej jeħtieġ li jkollhom prospettiva aktar pożittiva dwar il-karrieri professjonali u l-prospetti ta' rtirar futuri tagħhom. Ħafna minnhom iqisu li mhumiex se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn irtirar ta' kwalità fil-futur minħabba d-degradazzjoni progressiva tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali. Bħala konsegwenza, għandu jiġi promoss patt soċjali ġdid bejn il-ġenerazzjonijiet sabiex jiġi żgurat il-futur tagħhom.

It-tielet nett, iż-żgħażagħ għandhom id-dritt li jgħixu f'ambjent b'saħħtu u li jkollhom aċċess għall-edukazzjoni u l-kultura, li huwa dritt fundamentali. Mis-sekondarja sal-università, iż-żgħażagħ kollha għandu jkollhom il-possibilità li jistudjaw u jgawdu esperjenzi mobbli minkejja d-diffikultajiet soċjoekonomiċi. Għandha tingħata attenzjoni kbira għall-gruppi emarġinati bħal nies bi bżonnijiet speċjali, minoranzi etniċi, migranti u rifuġjati. Barra minn hekk, iż-żgħażagħ kollha għandu jkollhom aċċess b'mod faċli għall-kultura li hija kruċjali waqt żminijiet meta l-intolleranza, ir-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu qegħdin jiżdiedu madwar l-Ewropa. Id-djalogu interkulturali għandu jiġi promoss sabiex jonora l-idea "Ewropew magħquda fid-diversità". B'mod parallel, iż-żgħażagħ ma jistgħux igawdu ħajjithom jekk l-ambjent tagħhom ma jkunx tajjeb għas-saħħa. Skont in-Nazzjonijiet Uniti, it-tniġġis tal-arja jaffettwa l-iżvilupp tal-imħuħ li jkunu qegħdin jikbru tat-tfal. Barra minn hekk, madwar 66 % tal-popolazzjoni tad-dinja se tgħix f'żoni urbani. Għalhekk huwa essenzjali li naħdmu u nipproponu alternattiva għaż-żgħażagħ. L-attivitajiet tal-isport għandhom jiġu promossi sabiex jiġi żgurat il-benesseri fiżiku taż-żgħażagħ. Il-benesseri mentali jiġi affettwat ukoll minn stress ikkawżat mix-xogħol u mill-ħajja ta' kuljum li jpoġġu dejjem aktar pressjoni fuq iż-żgħażagħ li mistennija jkunu produttivi, ikollhom ħafna kwalifiki u flessibbli. Tabilħaqq, is-suq tax-xogħol huwa kompetittiv immens u qiegħda titpoġġa pressjoni fuq iż-żgħażagħ biex jagħmlu apprendistati fit-tul qabel isibu l-ewwel xogħol tagħhom. Minbarra l-istress, il-bullying fuq l-internet jaffettwa liż-żgħażagħ minn età bikrija. Bħala konsegwenza, l-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ għandha titfassal fuq approġġ transsettorjali u li tkun parti mill-iżvilupp ta' strateġija għal żvilupp sostenibbli.

Finalment, il-programmi Ewropej għandhom jissaħħu, jitjiebu, jiġu promossi u jiġu ffinanzjati tajjeb b'viżjoni fit-tul u kkoordinata sabiex iwasslu riżultati b'saħħithom. L-inizjattivi kollha li r-riżultati tagħhom jidhru fit-tul għandhom ikunu akkumpanjati minn baġit ambizzjuż.

Huwa importanti li wieħed ifakkar u jenfasizza li naturalment, il-kompetenzi ewlenin dwar il-politiki dwar iż-żgħażagħ jinsabu fi ħdan l-Istati Membri, huwa ta' importanza kbira li l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jħaffu l-pass ta' kooperazzjoni taħt l-Istrateġija peress li waħda mill-aktar kritiki b'saħħithom għall-kooperazzjoni attwali hija l-inkosistenza qawwija fir-riżultati miksuba u n-nuqqas ta' rappurtar sistematiku u d-disponibilità ta' data affidabbli dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija.

(1)

Skont l-aħħar data ppubblikata mill-Eurostat, stima ta' 29.8 % taż-żgħażagħ fil-grupp ta' età ta' bejn it-18 u l-24 sena kienu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-UE fl-2011. Id-data tista' tiġi aċċessata fuq http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/employment_social_policy_equality/youth/indicators

(2)

Ir-rata ta' NEET hija s-sehem ta' persuni li għandhom bejn 15 u 24 sena li la huma impjegati u lanqas qegħdin jirċievu tagħlim jew taħriġ.

(3)

AKW, ECLM, IMK, OFCE, "independent Annual Growth Survey 2018 - Repair the roof when the sun is shining", ("Stħarriġ Annwali indipendenti dwar it-Tkabbir 2018 - Ħu azzjoni meta tiġi x-xoqqa f'moxtha"), Novembru 2017

(4)

COM(2009) 0200, p. 3.

(5)

Rapport tal-Konferenza, p. 7.

(6)

SWD(2017)0281, p. 10.

(7)

Idem.

(8)

SWD(2017)0280, p. 2.


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ

(2017/2259(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 14, 15, 21, 24 u 32 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, irratifikata mill-UE fl-2010,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi 'Erasmus+': il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar Pjan ta' Ħidma għall-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-2016-2018(2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7-8 ta' Frar 2013 biex tinħoloq Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)(5),

–  wara li kkunsidra l-Evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("ET 2020")(7),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 dwar il-futur tal-programm Erasmus+(8),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi 'Erasmus+': il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE(9),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni, adottata fil-laqgħa informali tal-ministri għall-edukazzjoni tal-UE fis-17 ta' Marzu 2015 f'Pariġi,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (mill-2010 sal-2018), adottat mill-Kunsill fit-23 ta' Novembru 2015(10),

  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali(11),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Awwissu 2015 bit-titolu "Abbozz tar-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ (ET2020) - Prijoritajiet Ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ" (COM(2015)0408),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "EWROPA 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Jannar 2018, bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali" (COM(2018) 0022),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar l-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ 2013-2015(12),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2014 dwar Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships;

  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-25 ta' Novembru 2008 dwar il-politika taż-żgħażagħ tal-Kunsill tal-Ewropa (CM/Res(2008)23);

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-31 ta' Mejju 2017 dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ (CM/Rec(2017)4);

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar it-tagħlim tal-UE fl-iskejjel(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ(14),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)(15),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE(16),

  wara li kkunsidra r-Rapport Parallel dwar il-Politika dwar iż-Żgħażagħ ippubblikat mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ dwar l-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ(17),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' pożizzjoni bit-titolu "Engage. Inform. Empower" (Involvi. Informa. Agħti s-setgħa) tal-Aġenzija Ewropea għall-Informazzjoni u l-Konsulenza taż-Żgħażagħ (ERYICA),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) ta', u l-Anness 3 għad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0162/2018),

A.  billi l-impatt negattiv tar-reċessjoni fuq il-prospetti taż-żgħażagħ biex jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom għadu jinħass madwar l-Unjoni Ewropea;

B.  billi bosta Stati Membri, b'mod partikolari dawk fin-Nofsinhar tal-Ewropa, għad fadlilhom ftit biex jilħqu l-livelli tagħhom ta' qabel il-kriżi f'numru ta' indikaturi taż-żgħażagħ, bħall-impjiegi, il-benesseri u l-protezzjoni soċjali;

C.  billi t-tnaqqis tad-disparitajiet huwa evidenti fil-livell reġjonali madwar l-UE; billi bosta reġjuni għad għandhom rati ta' impjieg aktar baxxi mil-livelli tagħhom ta' qabel il-kriżi;

D.  billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ kien qiegħed jonqos gradwalment f'dawn l-aħħar snin, għalkemm, skont il-Eurostat, ir-rata kienet ta' 16,1 % f'Jannar 2018, u saħansitra aktar minn 34 % f'xi Stati Membri; billi, jekk inqabblu ċ-ċifri mill-2008 (15,6 %), nistgħu nikkonstataw li r-rata żdiedet; billi dawn iċ-ċifri jipprevjenu li jkun hemm soluzzjoni waħda li tgħodd għal kulħadd jekk irridu nilħqu l-potenzjal sħiħ taż-żgħażagħ; billi hemm rati għolja b'mod preokkupanti ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fir-reġjuni ultraperiferiċi, b'uħud minn dawk ir-reġjuni jirreġistraw rati ta' aktar minn 50 %, bħalma huwa l-każ ta' Mayotte;

E.  billi l-gruppi żvantaġġati, bħal minoranzi etniċi, persuni bi bżonnijiet speċjali, nisa, LGBTIQ, migranti u rifuġjati – li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' ostakli biex jidħlu fis-suq tax-xogħol, u jaċċessaw il-kultura, is-servizzi soċjali u l-edukazzjoni – huma dawk li jiġu affettwati l-aktar mill-kriżi soċjoekonomika;

F.  billi l-edukazzjoni tgħin fit-tnaqqis tal-effett ta' inugwaljanzi soċjoekonomiċi, filwaqt li tipprovdi l-ħiliet u l-kompetenzi li huma meħtieġa sabiex titnaqqas it-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-iżvantaġġi;

G.  billi n-nuqqas ġenerali ta' investiment fiż-żgħażagħ u d-drittijiet taż-żgħażagħ se jipprevjeni liż-żgħażagħ milli jitolbu, jeżerċitaw u jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u se jikkontribwixxi biex jiggravaw fenomeni bħal popolazzjonijiet li qegħdin jonqsu, it-tluq bikri mill-iskola, in-nuqqas ta' kwalifiki professjonali u vokazzjonali, id-dħul tardiv fis-suq tax-xogħol, in-nuqqas ta' indipendenza finanzjarja, il-funzjonament potenzjalment ħażin tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, il-prekarjetà u l-esklużjoni soċjali;

H.  billi l-problemi li jaffaċċjaw iż-żgħażagħ fl-impjieg, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, kif ukoll fl-involviment soċjali u politiku mhumiex uniformi, filwaqt li xi gruppi huma affettwati b'mod aktar sproporzjonat minn oħrajn; billi huwa meħtieġ aktar sforz biex jiġu appoġġati dawk li huma l-aktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol jew kompletament separati minnu;

I.  billi l-konservazzjoni tal-iskejjel lokali u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni fir-reġjuni kollha Ewropej hija essenzjali għat-titjib tal-edukazzjoni taż-żgħażagħ u jekk l-UE trid toffri lir-reġjuni l-appoġġ sħiħ tagħha f'din l-isfida;

J.  billi l-edukazzjoni, id-djalogu interkulturali, il-komunikazzjoni strateġika u kooperazzjoni eqreb bejn l-Istati Membri b'mod partikolari, għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fil-prevenzjoni tal-emarġinazzjoni u tar-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ u fit-tiżjid tar-reżiljenza tagħhom;

K.  billi ż-żgħażagħ għandhom jiġu involuti b'mod attiv fl-ippjanar, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-politiki kollha li għandhom impatt fuq iż-żgħażagħ; billi 57 % tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-UE jqisu li l-kompetenzi tagħhom ma jitqisux fil-proċess tat-tfassil tal-politiki dwar iż-żgħażagħ(18);

L.  billi huwa importanti li l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jiggarantixxu livell adegwat ta' rappreżentanza u inklużività taż-żgħażagħ sabiex ikunu kompletament leġittimi;

M.  billi l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ hija strateġija ta' kontinwità, fi stat kontinwu ta' perfezzjonament, bl-objettivi tagħha għadhom vasti u ambizzjużi ħafna; billi jirriżulta li hemm nuqqas ta' parametri ta' referenza debitament stabbiliti;

N.  billi l-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ (EYS) 2010-2018 tenfasizza l-ħtieġa għal djalogu strutturat bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet;

O.  billi l-EYS għandha bħala objettiv massimu li żżid in-numru ta' opportunitajiet u tiżgura l-ugwaljanza tal-opportunitajiet għaż-żgħażagħ Ewropej kollha;

P.  billi ż-żgħażagħ għandhom jiġu megħjuna u mogħtija s-setgħa sabiex jindirizzaw il-problemi tassew serji li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom bħalissa u biex jindirizzaw l-isfidi li se jħabbtu wiċċhom magħhom fil-futur permezz ta' politiki dwar iż-żgħażagħ iktar rilevanti, effettivi u kkoordinati aħjar, edukazzjoni mtejba u aċċessibbli u l-użu mmirat tal-politiki ekonomiċi, tal-impjieg u soċjali fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE;

Q.  billi fis-snin reċenti l-UE nediet għadd ta' inizjattivi bħall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-qafas tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ bil-għan li jinħolqu aktar opportunitajiet u opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ kollha fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol u jiġu promossi l-inklużjoni, l-emanċipazzjoni u l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fis-soċjetà;

R.  billi hemm ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-azzjoni tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ permezz tal-inklużjoni ta' dimensjoni taż-żgħażagħ fil-politiki u programmi ta' finanzjament attwali u futuri u li din tiġi stabbilita fl-oqsma ta' politika kollha essenzjali, bħall-ekonomija, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, il-koeżjoni, is-saħħa, in-nisa, il-parteċipazzjoni, il-migrazzjoni, il-kultura, il-midja u l-edukazzjoni;

S.  billi hemm ħtieġa għal koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-EYS futura fis-setturi ta' politiki u l-istituzzjonijiet differenti;

T.  billi perspettiva tas-sessi trid tiġi inkluża fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar politiki dwar iż-żgħażagħ li tqis l-isfidi u ċ-ċirkostanzi speċifiċi li b'mod partikolari jħabbtu wiċċhom magħhom it-tfajliet u l-bniet li ġejjin minn sfondi kulturali u reliġjużi differenti; billi l-miżuri speċifiċi marbuta mal-ugwaljanza bejn is-sessi għandhom jiġu inklużi fil-politika dwar iż-żgħażagħ bħall-prevenzjoni ta' vjolenza kontra n-nisa u t-tfajliet, l-edukazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-edukazzjoni sesswali; billi l-probabilità li n-nisa jkunu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) hija 1.4 darbiet ogħla meta mqabbla ma' dik tal-irġiel(19), u huma meħtieġa sforzi kontinwi sabiex jiżdiedu l-livelli ta' parteċipazzjoni fis-swieq tax-xogħol fost iż-żgħażagħ nisa – b'mod partikolari wara l-liv tal-maternità u fil-każ ta' ommijiet waħedhom – u żgħażagħ li jitilqu mill-iskola kmieni, żgħażagħ b'livell baxx ta' kwalifiki, żgħażagħ b'diżabilità u dawk iż-żgħażagħ kollha f'riskju ta' diskriminazzjoni;

U.  billi huma meħtieġa sforzi sostenibbli li jżidu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà, b'mod partikolari għall-persuni b'diżabilità, il-migranti, ir-rifuġjati, NEET u dawk f'riskju ta' esklużjoni soċjali;

V.  billi l-edukazzjoni hija fattur ewlieni fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u l-investiment fil-ħiliet u l-kompetenzi huwa kruċjali biex tiġi indirizzata r-rata għolja ta' qgħad, speċjalment fost l-NEET;

W.  billi l-Artikolu 9 tat-TFUE jistabbilixxi li meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tqis ir-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli tal-impjiegi, protezzjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;

X.  billi l-EYS stabbiliet bażi tajba għal kooperazzjoni utli u sinifikanti fil-qasam taż-żgħażagħ;

Y.  billi l-ilħuq tal-objettivi tal-aħħar ċiklu ta' tliet snin tal-EYS (2010-2018) ma jistax jiġi vvalutat b'mod xieraq u preċiż u huwa diffiċli ħafna li jiġi evalwat it-tqabbil tas-sitwazzjonijiet rispettivi tal-Istati Membri differenti minħabba nuqqas ta' valuri komparattivi u indikaturi, u minħabba strumenti ta' implimentazzjoni mrikkba;

Z.  billi l-orjentazzjoni tal-karriera u l-aċċess kemm għall-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' impjiegi kif ukoll dwar il-perkorsi edukattivi huma essenzjali għall-iżvilupp edukattiv futur u t-tranżizzjoni għas-suq tax-xogħol;

AA.  billi l-Unjoni Ewropea, fid-definizzjoni tal-għanijiet ta' din l-istrateġija u fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tagħha, trid taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

Sfidi u tagħlimiet għaż-żgħażagħ mill-proċess attwali ta' tfassil ta' politika tal-UE relatata maż-żgħażagħ

1.  Jinnota b'dispjaċir li miżuri ta' awsterità fit-tul, b'mod partikolari tnaqqis fil-finanzjament għal politiki dwar l-edukazzjoni, il-kultura, u ż-żgħażagħ, kellhom impatt negattiv fuq iż-żgħażagħ u l-kondizzjonijiet ta' ħajja tagħhom; iwissi li ż-żgħażagħ, speċjalment l-aktar żvantaġġati, bħal żgħażagħ b'diżabilità, żgħażagħ nisa, minoranzi, dawk bi bżonnijiet speċjali, jiġu affettwati ħafna minn inugwaljanza li dejjem tiżdied, ir-riskju ta' esklużjoni, insigurtà u diskriminazzjoni;

2.  Jilqa' l-kisbiet tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, li wriet il-ħila tagħha li tindirizza l-problemi li jaffaċċjaw ħafna mill-Ewropej u li tappoġġa dawk li jfasslu l-politika fil-livell nazzjonali, li tipprovdilhom għarfien espert, rakkomandazzjonijiet u leġittimità, u li timmobilizza b'suċċess aktar finanzjament mill-UE;

3.  Iqis il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni bħala mezz xieraq iżda insuffiċjenti bħala mezz ta' qafas għall-politiki dwar iż-żgħażagħ li jeħtieġ li jiġi kkomplementat b'miżuri oħra; itenni s-sejħa tiegħu għal kooperazzjoni eqreb u skambju tal-aħjar prattiki dwar il-kwistjonijiet taż-żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaqblu dwar indikaturi u parametri referenzjarji ċari sabiex ikun jista' jiġi mmonitorjat il-progress miksub;

4.  Jirrikonoxxi l-kisbiet pożittivi tal-EYS permezz tal-iżvilupp ta' xogħol transsettorjali u l-implimentazzjoni ta' djalogu strutturat sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, jemmen li l-livell ġenerali ta' sensibilizzazzjoni dwar l-objettivi u l-istrumenti tal-EYS min-naħa tal-atturi u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti jeħtieġ li jittejjeb; jinnota, b'mod partikolari, li l-approċċ minn isfel għal fuq li ntuża għad-djalogu strutturat huwa valur miżjud u għandu jiġi ppreservat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, iqisu r-riżultati taċ-Ċiklu VI tad-djalogu strutturat li jiffoka fuq il-futur tal-EYS meta jiżviluppaw l-istrateġija l-ġdida;

5.  Jissuġġerixxi l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam tal-politika dwar iż-żgħażagħ, speċjalment f'dawk l-Istati Membri fejn għandhom kompetenza f'dan il-qasam;

6.  Jilqa' l-inizjattivi tal-politika mmirati lejn l-appoġġ għaż-żgħażagħ tal-UE, b'mod partikolari Ninvestu fiż-żgħażagħ tal-Ewropa, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI); jemmen, madankollu, li dawn l-istrumenti għandhom jiġu marbuta aħjar mal-EYS u li jsegwu approċċ minn isfel għal fuq; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex torbot b'mod sistematiku l-proposti ta' politika kollha rilevanti għaż-żgħażagħ mal-istrateġija globali u li tinvolvi l-partijiet ikkonċernati kollha, bħas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, billi ssegwi approċċ olistiku fit-tul b'objettivi speċifikati sew fil-pjan orizzontali;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta' ħidma transsettorjali għal koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-EYS futura bil-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż il-Parlament, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili, b'mod partikolari t-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi għodod ta' koordinazzjoni bejn is-servizzi effettivi u tassenja r-responsabilità għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ bħala grupp lil viċi president tal-Kummissjoni;

9.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jużaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala bażi għall-abbozzar tal-leġiżlazzjoni għaż-żgħażagħ;

10.  Jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni ta' stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa għall-prevenzjoni tal-mard, u jqis li jeħtieġ li ż-żgħażagħ jingħataw informazzjoni korretta u assistenza fir-rigward ta' problemi serji fil-qasam tas-saħħa mentali, bħall-użu u d-dipendenza fuq it-tabakk, l-alkoħol u d-droga;

11.  Jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni tal-EYS fl-Istati Membri bil-ħsieb li tippermetti aktar kontrolli u monitoraġġ fuq il-post; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi objettivi tal-EYS li jistgħu jiġu vvalutati b'mod kwalitattiv u kwantitattiv, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' kull Stat Membru jew reġjun; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament għal programmi u azzjonijiet li jħejju liż-żgħażagħ għad-dinja tax-xogħol;

Nagħtu leħen liż-żgħażagħ fl-EYS

12.  Jirrakkomanda li l-EYS futura għandha tkun parteċipattiva u ċċentrata madwar iż-żgħażagħ, ittejjeb il-benesseri, tirrifletti l-ħtiġijiet, l-ambizzjonijiet u d-diversità taż-żgħażagħ kollha fl-Ewropa, filwaqt li twessa' l-aċċess tagħhom għal għodod kreattivi li jinvolvu teknoloġiji ġodda;

13.  Jemmen li l-UE għandha tesprimi solidarjetà maż-żgħażagħ u tkompli tagħtihom is-setgħa biex jipparteċipaw fis-soċjetà billi tiżviluppa miżuri speċifiċi, bħas-simplifikazzjoni tal-volontarjat, l-għoti ta' sostenn lill-ħidma fost iż-żgħażagħ, l-iżvilupp ta' għodod ġodda – speċjalment dawk li jinvolvu teknoloġiji ġodda – u l-promozzjoni ta' skambji bbażata fuq is-solidarjetà, l-involviment tal-komunità, l-ispazju ħieles u d-djalogu demokratiku; jirrikonoxxi, għalhekk, l-importanza tal-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ bħala spazju ta' trawwim tal-karattru u ta' żvilupp tas-sens ta' ċittadinanza attiva; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-involviment attiv taż-żgħażagħ fl-organizzazzjonijiet volontarji; jisħaq fuq il-punt li ż-żieda fil-parteċipazzjoni soċjali taż-żgħażagħ, minbarra li hija kisba importanti fiha nnifisha, taġixxi bħala pass 'il quddiem lejn żieda fil-parteċipazzjoni politika;

14.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti tat-tagħlim mhux formali u informali, kif ukoll tal-parteċipazzjoni f'attivitajiet sportivi u ta' volontarjat, fl-istimulazzjoni tal-iżvilupp tal-kompetenzi u l-ħiliet ċiviċi, soċjali u interkulturali fost iż-żgħażagħ Ewropej;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jipprevedu oqfsa legali nazzjonali u riżorsi finanzjarji adegwati għall-volontarjat;

16.  Iħeġġeġ ħafna lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ, partikolarment dawk li għandhom inqas opportunitajiet u dawk li jinsabu barra mill-istrutturi organizzazzjonali formali, ikollhom rwol attiv u kritiku fil-ħajja pubblika, u jadottaw approċċ parteċipatorju fit-tfassil tal-politika bil-għan li jippermettu liż-żgħażagħ jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet li jkollhom impatt fuq ħajjithom billi joffrulhom għodod ta' demokrazija online u offline filwaqt li jqisu l-limiti u r-riskji relatati mal-midja soċjali sabiex jinvolvu ruħhom maż-żgħażagħ, u billi jinvolvu l-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħas-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-politiki dwar iż-żgħażagħ;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu liż-żgħażagħ sabiex jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess elettorali;

18.  Jesprimi l-ħtieġa li jitkompla d-djalogu strutturat bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet skont il-qafas Ewropew ta' kooperazzjoni li jmiss fil-qasam taż-żgħażagħ; jemmen li l-proċess ta' djalogu strutturat għandu jżid b'mod sistematiku n-numru u d-diversità ta' gruppi ta' żgħażagħ li jindirizza, u jenħtieġ li jingħata appoġġ finanzjarju suffiċjenti lil gruppi ta' ħidma nazzjonali u Ewropej sabiex dan jiġi żgurat; jistieden lill-Istati Membri jħeġġu l-parteċipazzjoni ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali fid-djalogu strutturat maż-żgħażagħ;

19.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu b'mod trasparenti meta jagħtu rendikont u japplikaw il-fondi maħsuba għall-promozzjoni ta' opportunitajiet sostenibbli ta' impjieg għaż-żgħażagħ; jisħaq fuq l-importanza, konsegwentement, li l-Istati Membri jippreżentaw data ddettaljata dwar is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ tagħhom, meta din tkun mitluba;

20.  Jenfasizza li hemm nuqqas ta' komunikazzjoni ta' informazzjoni sistematika u ta' data affidabbli dwar l-eżekuzzjoni tal-EYS; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu kooperazzjoni akbar tas-servizzi nazzjonali u reġjonali tal-istatistika, bil-preżentazzjoni ta' data statistika rilevanti u aġġornata dwar iż-żgħażagħ, li hija importanti sabiex jiġi vvalutat il-livell ta' suċċess tal-istrateġija implimentata; iqis li r-rapporti ta' kull tliet snin ippreżentati għandhom ikunu akkumpanjati minn dik id-data statistika;

21.  Ifakkar li hemm tendenza ta' tnaqqis fil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-elezzjonijiet nazzjonali u lokali u li ż-żgħażagħ jeħtieġu impenn politiku u jeħtieġ li jkunu kapaċi jaraw ir-riżultat tal-kontribut tagħhom; ifakkar li l-opportunitajiet sabiex jesperjenzaw parteċipazzjoni politika fl-ambjent u fil-komunitajiet lokali tagħhom stess minn età bikrija huma pass kruċjali lejn it-tisħiħ ta' sentiment ta' ċittadinanza Ewropea u biex iż-żgħażagħ isiru ċittadini attivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, iħeġġu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jiżguraw li ż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ u b'mod effikaċi u jiġu involuti fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fil-proċess ta' segwitu;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jinkorporaw lill-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ fil-kumitati ta' monitoraġġ u ta' implimentazzjoni tal-EYS;

23.  Jenfasizza l-potenzjal tat-teknoloġija għall-konnessjoni maż-żgħażagħ u jistieden lill-UE ssaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fis-soċjetà permezz ta' pjattaformi elettroniċi;

24.  Jinnota b'dispjaċir li minkejja l-isforzi kontinwi tal-Kummissjoni biex tikkomunika l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ appoġġati mid-diversi programmi tal-Unjoni, bosta żgħażagħ jemmnu li għandhom aċċess limitat għal dawn l-opportunitajiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb l-għodod ta' komunikazzjoni tagħha;

Opportunitajiet indaqs għall-iżgurar ta' inklużjoni sostenibbli fis-suq tax-xogħol

25.  Hu mħasseb ħafna bir-rati għoljin persistenti ta' qgħad fost iż-żgħażagħ madwar l-UE, speċjalment fin-Nofsinhar tal-Ewropa; jiftakar li l-ħolqien ta' xogħlijiet ta' kwalità u l-impjieg għandhom jiġu ggarantiti u jibqgħu impenji ewlenin lejn iż-żgħażagħ u jitlob li, f'dan ir-rigward, il-miżuri jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għax-xogħol billi jiżguraw internships u apprendistati ta' kwalità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu r-riformi strutturali tas-suq tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol u remunerazzjoni ġusti bil-għan li jiżguraw li ż-żgħażagħ ma jiġux diskriminati fir-rigward tal-aċċess tagħhom għad-dinja tax-xogħol; jenfasizza l-importanza li jiġu definiti d-drittijiet soċjali għal forom ġodda ta' impjiegi u traineeships professjonali ġusti u li jiġi żgurat id-djalogu soċjali;

26.  Jissottolinja l-importanza tal-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jadottaw miżuri mfassla apposta u jipprovdu appoġġ personalizzat sabiex jilħqu lill-NEET kollha; ifakkar il-ħtieġa li jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati lokali bħalma huma s-sħab soċjali, it-trejdjunjins, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

27.  Jargumenta li għandhom jittieħdu miżuri speċjali biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni prekarja taż-żgħażagħ nisa fis-suq tax-xogħol, b'attenzjoni speċjali għad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u r-rappreżentazzjoni żejda tagħhom f'forom atipiċi ta' impjieg li huma nieqsa mill-protezzjoni soċjali;

28.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu promossi kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni soċjali adegwata għall-ħaddiema fl-hekk imsejħa forom ġodda ta' impjieg fejn iż-żgħażagħ huma rrappreżentanti żżejjed;

29.  Jemmen li għandhom jittieħdu miżuri sabiex il-migranti żgħażagħ jiġu integrati fis-suq tax-xogħol b'rispett sħiħ tal-prinċipju ta' trattament indaqs;

30.  Jisħaq fuq il-punt li politika inklużiva favur iż-żgħażagħ għandha tiddefendi u tippromwovi programmi soċjali li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni politika u kulturali; jemmen, barra minn hekk, li x-xogħol diċenti u regolat, ibbażat fuq ftehimiet kollettivi tax-xogħol, relazzjonijiet tax-xogħol mhux prekarji, pagi u salarji adegwati, u servizzi pubbliċi universali u ta' kwalità għolja huwa importanti għall-benessri soċjetali taż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni soċjali adegwata, inkluż fir-rigward ta' forom ġodda ta' impjiegi;

31.  Ifakkar li l-impjiegi u l-intraprenditorija jikkostitwixxu waħda mit-tmien prijoritajiet identifikati fl-EYS (2010-2018); jisħaq fuq il-punt li l-ħidma fost iż-żgħażagħ u t-tagħlim mhux formali, b'mod partikolari kif żviluppati fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-potenzjal taż-żgħażagħ, inklużi ħiliet intraprenditorjali, u jippermettulhom jiżviluppaw sett wiesa' ta' kompetenzi li jistgħu jkabbru l-opportunitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu l-opportunitajiet professjonali u vokazzjonali transfruntiera, jespandu u jżidu l-investiment fis-settur tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV) u jippreżentawh bħala għażla edukattiva attraenti;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-awtoritajiet reġjonali u lokali u biex jinvestu f'opportunitajiet tal-ħajja ġodda għaż-żgħażagħ, sabiex jiżviluppaw il-kreattività u l-potenzjal sħiħ tagħhom, jappoġġaw l-intraprenditorija taż-żgħażagħ u jrawmu l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ għall-benefiċċju tal-komunitajiet tagħhom;

34.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għaż-żgħażagħ u għall-impjiegi; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess għal impjiegi u internships ta' kwalità li jsostnu d-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt għal impjieg stabbli li joffri paga li tiggarantixxi l-għajxien, il-protezzjoni soċjali u tiżgura ħajja ta' dinjità u awtonomija;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissorveljaw lill-entitajiet li jippromwovu ripetutament apprendistati suċċessivi, mhux akkumpanjati minn integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, bil-ħsieb li tiġi evitata s-sostituzzjoni ta' kuntratti ta' impjiegi mill-hekk imsejħa internships;

36.  Jilqa' l-fatt li l-miżuri tal-YEI pprovdew appoġġ għal aktar minn 1.6 miljun żagħżugħ(20); jisħaq fuq il-punt li huma meħtieġa aktar sforzi u impenji finanzjarji; jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu kemm l-attivitajiet ta' komunikazzjoni maż-żgħażagħ fis-sitwazzjonijiet NEET li jħabbtu wiċċhom ma' diversi ostakli kif ukoll il-kwalità tal-offerti fl-ambitu tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, billi jiġu ddefiniti kriterji u standards ta' kwalità ċari li jinkludu l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, id-dħul minimu u d-drittijiet tal-impjieg; jistieden lill-Istati Membri biex b'mod effikaċi jtejbu s-sistemi ta' monitoraġġ, rappurtar u prestazzjoni u jiġi żgurat li l-fondi YEI jintużaw bħala suppliment għall-fond nazzjonali u mhux bħala sostituzzjoni;

37.  Jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kwalità f'termini ta' mentoraġġ u ta' kkowċjar, il-kwalità u l-adegwatezza tat-taħriġ, it-traineeships jew l-impjiegi individwali attwali, kif ukoll il-kwalità tal-eżitu skont l-objettivi stabbiliti; jissottolinja f'dan ir-rigward il-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-oqfsa ta' kwalità eżistenti, bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalità, skont il-YEI; huwa tal-fehma li ż-żgħażagħ għandhom ikunu involuti wkoll fil-monitoraġġ tal-kwalità tal-offerti;

38.   Jiftakar li miżuri li jrawmu l-integrazzjoni ta' żgħażagħ barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ fis-suq tax-xogħol, inklużi internships, traineeships jew apprendistati mħallsa ta' kwalità, iridu jkunu appoġġati finanzjarjament mill-YEI jew minn għodod Ewropej futuri, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe forma ta' sostituzzjoni tal-imġjieg jew abbuż ta' ħaddiema żgħażagħ;

39.  Jinnota li t-trawwim ta' mentalità intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ huwa prijorità u li s-sistemi ta' edukazzjoni formali u mhux formali huma l-aktar interventi effettivi li jippromwovu l-intraprenditorija taż-żgħażagħ; jissottolinja li l-intraprenditorija hija għodda li tiġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-esklużjoni soċjali u tistimola l-innovazzjoni; jemmen, għaldaqstant, li l-EYS għandha tappoġġa l-ħolqien ta' ambjent sostenibbli għall-intraprenditorija taż-żgħażagħ;

40.  Ifakkar li l-objettiv ewlieni tal-YEI huwa li tilħaq lill-NEET, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jinvestu sforz akbar fl-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-popolazzjoni kollha ta' NEET, speċjalment l-aktar żgħażagħ vulnerabbli, bħal dawk b'diżabilità filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom;

41.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu għotjiet innovattivi u flessibbli għat-trawwim tal-ħiliet artistiċi u sportivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ; jappoġġa lill-Istati Membri li qed jistinkaw biex jintroduċu skemi ta' boroż ta' studju għall-istudenti b'ħiliet edukattivi, sportivi u artistiċi ppruvati;

42.  Jissottolinja li 38 % taż-żgħażagħ isibu diffikultà biex jaċċessaw l-informazzjoni; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat approċċ kollettiv li jiggwida, jappoġġa u jinforma liż-żgħażagħ dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom;

43.  Ikompli jisħaq fuq il-ħtieġa li l-YEI mhux biss tiffoka fuq NEET żgħażagħ b'livell ta' edukazzjoni għoli ħafna, iżda wkoll fuq dawk b'livell baxx ta' kwalifiki, inattivi u mhux irreġistrati mas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi;

44.  Jisħaq fuq il-punt li l-mobilità tax-xogħol fi ħdan l-UE għadha limitata minkejja r-rati għoljin ta' qgħad; jiġbed l-attenzjoni, għalhekk, għall-importanza tal-mobilità tal-ħaddiema għal suq tax-xogħol kompetittiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu opportunitajiet professjonali u vokazzjonali transfruntiera għal dan il-għan;

45.  Itenni l-importanza li għandhom l-adulti ta' 'l fuq minn 55 sena fit-taħriġ taż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol; jargumenta, flimkien mal-Kummissjoni, favur il-ħolqien ta' programmi li jippermettu ħruġ gradwali mis-suq tax-xogħol sal-età tal-irtirar, b'mod partikolari billi jgħaddu għal xogħol part-time, fejn jagħtu taħriġ u jakkumpanjaw ukoll id-dħul gradwali taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

46.  Jindika r-rwol importanti tal-intrapriżi fi kwistjonijiet relatati mal-akkwist tal-ħiliet u l-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ; jinnota li l-edukazzjoni u t-taħriġ f'oqsma relatati mal-promozzjoni tal-intraprenditorija jistgħu jikkontribwixxu biex jinkiseb żvilupp fit-tul, tiġi promossa l-kompetittività Ewropea u jiġi miġġieled il-qgħad;

47.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippreżentaw, fil-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom, l-impatti mistennija tal-miżuri li għandhom jiġu adottati; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza li l-Istati Membri jagħtu garanziji li l-miżuri tagħhom effettivament jippromwovu l-impjieg sostnut; jisħaq dwar il-ħtieġa li titkejjel is-sostenibilità tal-politiki li għandhom jiġu implimentati;

Żvilupp sostenibbli: il-futur għaż-żgħażagħ

48.  Jemmen ħafna li edukazzjoni formali, mhux formali u informali ta' kwalità u taħriġ ta' kwalità huma dritt fundamentali; jikkunsidra, għaldaqstant, li l-aċċess għal-livelli kollha ta' edukazzjoni ta' kwalità għandu jiġi ggarantit għall-Ewropej kollha, irrispettivament mill-istatus soċjoekonomiku, l-etniċità, il-ġeneru u d-diżabilità fiżika jew konjittiva tagħhom; jenfasizza r-rwol importanti li għandha l-edukazzjoni formali, mhux formali u informali biex tipprovdi liż-żgħażagħ l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi biex isiru ċittadini impenjati u jieħdu sehem fil-proġett Ewropew; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki speċifiċi u f'dan ir-rigward iħeġġeġ li l-edukazzjoni artistika u kreattiva titqies bl-istess mod li jitqiesu s-suġġetti xjentifiċi u teknoloġiċi (STEM) fil-kurrikula tal-iskejjel;

49.  Jenfasizza l-importanza tal-immodernizzar tal-edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistimulaw l-inklużjoni ta' ħiliet u kompetenzi ġodda fl-edukazzjoni, bħaċ-ċittadinanza, il ħsieb kritiku u l-ispirtu intraprenditorjali, u jippromwovu l-iżvilupp ta' għodod edukattivi ġodda li jżidu l-parteċipazzjoni u l-aċċessibilità tal-edukazzjoni;

50.  Hu mħasseb ħafna dwar il-problema partikolarment akuta ta' faqar fost it-tfal, li jolqot sa 25 miljun tifel u tifla fl-UE (aktar minn 26.4 % tal-Ewropej kollha taħt it-tmintax-il sena) minn familji li qegħdin ibatu kuljum minn nuqqas ta' introjtu u servizzi bażiċi suffiċjenti; jemmen li l-politiki dwar iż-żgħażagħ jistgħu jikkontribwixxu f'oqsma bħall-politika dwar it-tfal u l-familja; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa Garanzija għat-Tfal bħala għodda fit-tul biex toffri opportunitajiet indaqs għat-tfal kollha fl-UE taħt l-iskema ta' fond speċifiku tagħha sabiex jiġi żgurat li kull wild fil-faqar ikollu aċċess għal kura tas-saħħa b'xejn, edukazzjoni b'xejn, kura tat-tfal b'xejn, akkomodazzjoni deċenti u nutrizzjoni adegwata;

51.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fenomenu ta' tluq bikri mill-iskola u jitlob għalhekk li jinstabu soluzzjonijet xierqa sabiex jindirizzawh fid-dawl tal-ilħuq tal-miri tal-Ewropa 2020;

52.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġa inizjattivi bil-għan li jrawmu ċittadinanza attiva u kritika, ir-rispett, it-tolleranza, il-valuri u t-tagħlim interkulturali u jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol kruċjali tal-programmi tal-UE bħal Erasmus+, Ewropa Kreattiva u Ewropa għaċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu spazji għal djalogu maż-żgħażagħ dwar firxa ta' temi, bħal sess, ġeneru, politika, solidarjetà u l-ambjent kif ukoll il-liġi, l-istorja u l-kultura;

53.  Jemmen ħafna li l-litteriżmu, inkluż il-litteriżmu diġitali u tal-midja, in-numeriżmu, kif ukoll il-ħiliet bażiċi li jaġixxu bħala strumenti ewlenin biex jiżguraw l-awtonomija u futur promettenti għaż-żgħażagħ, irid ikun prijorità fil-livelli Ewropew, nazzjonali u lokali; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-isforzi tagħhom fl-għoti ta' ħiliet ta' tagħlim u kompetenzi bażiċi għal kulħadd;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ inizjattivi b'edukazzjoni formali u tagħlim informali sabiex jiġu appoġġati l-innovazzjoni, il-kreattività u l-intraprenditorija taż-żgħażagħ u jiġu promossi l-koeżjoni u l-fehim bejn iż-żgħażagħ ta' gruppi differenti;

55.  Jinnota bi tħassib kbir, f'dan ir-rigward, in-numru persistentement għoli ta' ċittadini Ewropej li għandhom ħiliet baxxi fil-litteriżmu jew diffikultajiet ta' litteriżmu, inkluż illitteriżmu funzjonali, diġitali u tal-midja, li joħolqu tħassib serju f'dak li jikkonċerna parteċipazzjoni adegwata fil-ħajja pubblika u fis-suq tax-xogħol;

56.  Ifakkar li l-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni ta' kwalità u inklużiva, għal taħriġ u għal tagħlim tul il-ħajja sabiex wieħed iżomm u jakkwista ħiliet li jippermettulu jipparteċipa bis-sħiħ fis-soċjetà u jiġġestixxi b'suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza li fil-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid tal-QFP għall-2021-2027, jingħata prijorità u jiġi żgurat l-investiment soċjali fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

57.  Jemmen ħafna li t-tabella ta' valutazzjoni soċjali, li ġiet introdotta fi ħdan il-qafas tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għandha tintuża biex tissorvelja l-EYS; jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta sett speċifiku ta' indikaturi biex tissorvelja l-EYS, bħall-edukazzjoni, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja, l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, l-aċċess diġitali, il-kondizzjonijiet tal-ħajja u l-faqar;

58.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-familja u l-għalliema fl-appoġġ għaż-żgħażagħ li jesperjenzaw bullying fl-iskola u bullying fuq l-internet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħu azzjoni biex jindirizzaw dawn it-tipi ta' mġiba, li jaffettwaw il-benesseri mentali taż-żgħażagħ, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali adegwati mill-edukazzjoni primarja, kif previst fil-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali;

59.  Jargumenta li sabiex tiżdied l-effettività tal-azzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport, iridu jiġu żviluppati għanijiet u strumenti konġunti sabiex jitkejjel l-impatt tal-politika, abbażi ta' studji internazzjonali;

60.  Jissottolinja l-impatt ta' ħsara li għandu l-istress fuq il-benesseri taż-żgħażagħ, kemm fis-suq tax-xogħol u fil-ħajjiet personali kif ukoll fl-iskejjel u fit-tagħlim tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestu fi programmi tas-saħħa mentali u biex iħeġġu lill-atturi rilevanti biex jgħinu liż-żgħażagħ f'dan ir-rigward;

61.  Jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat il-benesseri mentali u fiżiku taż-żgħażagħ Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu attivitajiet sportivi extrakurrikulari u jipprovdu tagħrif permezz ta' kampanji dwar in-nutrizzjoni;

62.  Jissottolinja l-importanza li jiġi promoss djalogu interkulturali fl-isport, fosthom billi jinħolqu pjattaformi li jinvolvu liż-żgħażagħ, lir-rifuġjati u lill-migranti;

63.  Jemmen li fid-dawl tal-kumplessità tal-politiki taż-żgħażagħ u l-impatt tagħhom, trid tiġi stimulata l-kollaborazzjoni tar-riċerka bil-ħsieb li jiġu żviluppati reazzjonijiet ġustifikati b'mod empiriku u soluzzjonijiet ta' intervent u preventivi li se jżidu l-benessri u r-reżiljenza taż-żgħażagħ;

64.  Jenfasizza l-importanza tal-kultura mhux biss fil-ġlieda kontra l-vjolenza, ir-razziżmu, ir-radikalizzazzjoni u l-intolleranza, iżda wkoll fl-iżvilupp ta' identità Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu u jinvestu fil-kultura u biex jiżguraw aċċess ugwali;

65.  Jenfasizza li l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għandhom rwol kruċjali għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri biex jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u jirrikonoxxu r-rwol tagħhom fl-iżvilupp ta' kompetenzi u fl-inklużjoni soċjali, u jappoġġaw it-twaqqif ta' kunsilli taż-żgħażagħ fil-livelli kollha, li jaħdmu flimkien maż-żgħażagħ;

66.  Jinsisti fuq l-importanza li jiġi vvalidat it-tagħlim mhux formali u informali biex min ikun qed jitgħallem jiġi awtonomizzat, peress li dan huwa essenzjali għall-iżvilupp ta' soċjetà bbażata fuq il-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs, u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' ħiliet taċ-ċittadinanza u r-realizzazzjoni personali; jiddispjaċih li l-impjegaturi u l-fornituri tal-edukazzjoni formali ma jirrikonoxxux biżżejjed il-valur u r-rilevanza tal-ħiliet, il-kompetenzi u l-għarfien miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali; jinnota li n-nuqqas ta' komparabilità u koerenza bejn l-approċċi ta' validazzjoni tal-pajjiżi tal-UE jirrappreżenta ostaklu addizzjonali; jistieden lill-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom sabiex jimplimentaw sistema nazzjonali ta' rikonoxximent u ta' validazzjoni, u jiżguraw finanzjament adegwat għal kompetenzi akkwistati permezz tal-edukazzjoni mhux formali, filwaqt li jfakkar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali(21);

Allinjament u approċċ aktar b'saħħtu minn strumenti ta' finanzjament għall-EYS

67.  Jemmen li l-EYS għandha ssegwi l-QFP u tikkonforma mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-inizjattivi, il-programmi u l-istrateġiji ta' politika ewlenin rilevanti kollha, billi jiġi stabbilit djalogu sistematiku bejn il-korpi rispettivi, jiġu ddefiniti għanijiet u miri ċari u jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' koordinazzjoni rilevanti;

68.  Ifakkar li fil-qasam taż-żgħażagħ, l-UE tista' twettaq biss azzjonijiet ta' appoġġ, tikkoordina u tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jinnota l-importanza tal-koerenza tal-finanzjament tal-UE u nazzjonali u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilità sinerġiji mal-inizjattivi nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jiġu evitati d-duplikazzjoni, s-sovrappożizzjoni u r-ripetizzjoni tal-attivitajiet;

69.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżidu l-investiment pubbliku fl-edukazzjoni u fi kwistjonijiet relatati maż-żgħażagħ;

70.  Jemmen ħafna li l-fondi disponibbli għall-appoġġ ta' diversi inizjattivi u politiki relatati maż-żgħażagħ bħall-programm Erasmus+, il-YEI u l-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" għandhom jiżdiedu konsiderevolment fil-QFP li jmiss sabiex iż-żgħażagħ jingħataw aktar opportunitajiet u sabiex tiġi evitata l-esklużjoni;

71.  Jilqa' l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà – programm biex irawwem is-solidarjetà fost żgħażagħ Ewropej, il-volontarjat u l-iżvilupp ta' ċittadinanza solidali; ifakkar il-pożizzjoni tal-Parlament favur il-finanzjament xieraq tal-inizjattiva l-ġdida permezz ta' riżorsi ġodda u kontra l-użu tal-programm bħala opzjoni għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

72.  Jemmen ħafna li l-programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini" għandu jkompli jistimula ċittadinanza attiva, edukazzjoni u djalogu ċiviku u joħloq sens ta' identità Ewropea; jinnota r-rata baxxa ta' suċċess tal-programm minħabba nuqqas ta' finanzjament; jitlob li jkun hemm żieda sostanzjali fl-allokazzjoni ta' finanzjament tiegħu;

73.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm il-Programm Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffokaw fuq il-promozzjoni ta' dan il-programm b'mod konġunt mal-kmamar tal-kummerċ, l-impriżi u ż-żgħażagħ, filwaqt li ma jittraskurawx l-oqsma ewlenin tal-attività tagħhom;

74.  Itenni l-appoġġ tiegħu għat-tisħiħ tal-programm Ewropa Kreattiva, li jipprovdi skemi ta' mobilità speċifiċi għal artisti żgħażagħ u professjonisti li jaħdmu fis-setturi tal-kultura u dawk kreattivi;

75.  Jenfasizza l-importanza ta' Erasmus+: għodda essenzjali għall-ħolqien ta' ċittadini żgħażagħ attivi u impenjati; jemmen ħafna li l-Erasmus+ għandu jkollu fil-mira tiegħu ż-żgħażagħ kollha, inklużi dawk b'inqas opportunitajiet, u li aspirazzjonijiet ikbar għall-perjodu ta' programmazzjoni ta' Erasmus+ li jmiss iridu jitqabblu ma' finanzjament addizzjonali konsiderevoli sabiex jinfetaħ il-potenzjal sħiħ tal-programm, li tiġi prevista simplifikazzjoni tal-proċeduri permezz tal-ħolqien ta' sistemi elettroniċi għall-aċċess għal servizzi transfruntiera u għad-data dwar l-istudenti, bħall-proġett "e-card";

76.  Jitlob li jkun hemm allinjament aħjar bejn l-EYS u l-Erasmus+, li jallinja l-iskedi ta' żmien mal-implimentazzjoni, jemenda r-Regolament tal-Erasmus+ sabiex jappoġġa b'mod ċar l-objettivi tal-Istrateġija permezz ta' "għanijiet taż-żgħażagħ" komuni u jiddefinixxi l-Azzjoni Ewlenija 3 bħala l-għodod ewlenin ta' implimentazzjoni tal-Istrateġija;

77.  Jenfasizza li l-baġit tal-YEI mhuwiex biżżejjed biex jiżgura li l-programm jilħaq il-miri tiegħu; jitlob, għalhekk, li, ikun hemm żieda konsiderevoli fl-allokazzjoni tal-YEI taħt il-QFP li jmiss u li l-Istati Membri jagħmlu provvedimenti għal skemi favur l-impjieg taż-żgħażagħ fil-baġits nazzjonali tagħhom; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-limitu tal-età eleġibbli jiġi estiż minn 25 sena għal 29 sena sabiex jirrifletti aħjar ir-realtà li bosta persuni li ggradwaw reċentement u persuni deħlin għall-ewwel darba fis-suq tax-xogħol għandhom ftit inqas minn tletin sena;

78.  Jargumenta favur l-uniformità, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, tal-kunċett ta' żgħażagħ f'termini tal-limiti tal-età fl-UE kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jikkontribwixxu għal din l-uniformità, billi jeliminaw l-ostakli għall-kejl tar-riżultati u għad-definizzjoni tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu;

79.  Iħeġġeġ il-promozzjoni tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE futur għall-iżvilupp ta' tweġibiet integrati u bbażati fuq l-evidenza, u soluzzjonijiet ta' intervent u ta' prevenzjoni li jippromwovu l-benesseri u r-reżiljenza taż-żgħażagħ;

80.  Jieħu nota tas-sejbiet u r-riskji li jissuġġerixxu li l-azzjonijiet ġestiti mill-Kummissjoni (inklużi l-programmi ta' skambju ta' studenti) jitqiesu mill-awtoritajiet nazzjonali bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ, u jinnota l-fatt li xi Stati Membri qed jirtiraw ir-riżorsi tagħhom minn oqsma ta' politika li huma sostnuti mill-baġit tal-UE;(22)

o

o  o

81.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.

(2)

ĠU C417, 15.12.2015, p. 1.

(3)

ĠU C 120, 26.4.2013, p 1.

(4)

EUCO 37/13

(5)

ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.

(6)

http://ec.europa.eu/assets/eac/dgs/education_culture/more_info/evaluations/docs/youth/youth-strategy-2016_en.pdf

(7)

ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2017)0359.

(9)

Testi adottati P8_TA(2017)0018.

(10)

ĠU C 417, 15.12.2015, p.17.

(11)

ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(12)

Testi adottati, P8_TA(2016)0426.

(13)

Testi adottati, P8_TA(2016)0106.

(14)

ĠU C 316, 22.9.2017, p. 76.

(15)

ĠU C 120, 5.4.2016, p. 22.

(16)

ĠU C 11, 12.1.2018, p. 16.

(17)

http://www.youthforum.org/policypaper/resolution-eu-youth-strategy/

(18)

Rapport Parallel dwar il-Politika dwar iż-Żgħażagħ ippubblikat mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ.

(19)

Society at a Glance 2016 – OECD Social Indicators (Daqqa t'Għajn lejn is-Soċjetà 2016 – Indikaturi Soċjali tal-OECD).

(20)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-Istati Membri P8_(TA(2018)0018).

(21)

ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(22)

http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2018/615645/EPRS_STU(2018)615645_EN.pdf


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (28.3.2018)

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ

(2017/2259(INI))

Rapporteur għal opinjoni: João Pimenta Lopes

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ kien qiegħed jonqos gradwalment f'dawn l-aħħar snin, għalkemm, skont il-Eurostat, ir-rata kienet ta' 16,1 % f'Jannar 2018, u saħansitra aktar minn 34 % f'xi Stati Membri; billi, jekk inqabblu ċ-ċifri mill-2008 (15,6 %), nistgħu nikkonstataw li r-rata żdiedet; billi dawn iċ-ċifri jipprevjenu li jkun hemm soluzzjoni waħda li tgħodd għal kulħadd jekk irridu nilħqu l-potenzjal sħiħ taż-żgħażagħ; billi hemm rati għolja b'mod preokkupanti ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fir-reġjuni ultraperiferiċi, b'uħud minn dawk ir-reġjuni jirreġistraw rati ta' aktar minn 50 %, bħalma huwa l-każ ta' Mayotte;

B.  billi l-perċentwal ta' żgħażagħ li jgħixu f'sitwazzjonijiet ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali żdied; billi fl-2016, fl-UE kien hemm aktar minn 6 miljun żgħażugħ u żgħażugħa bejn il-15 u l-24 sena li kienu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs);

C.  billi l-istituzzjonijiet Ewropej ma joħolqu l-ebda impjieg fir-reġjun huma stess u għalhekk l-għan dikjarat tal-Inizjattiva taż-Żgħażagħ irid ikun li jippromwovi r-reġjuni kif ukoll l-SMEs b'mod estensiv bil-ħsieb li jiggarantixxi xogħol permanenti għaż-żgħażagħ;

D.  billi l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għandha bħala objettiv massimu li żżid in-numru ta' opportunitajiet u tiżgura l-ugwaljanza tal-opportunitajiet għaż-żgħażagħ Ewropej kollha;

E.  billi l-ekonomija tal-UE qed terġa' tikber u d-disparitajiet bdew jonqsu;

F.  billi t-tnaqqis tad-disparitajiet huwa evidenti fil-livell reġjonali madwar l-UE; billi r-rati ta' impjieg ta' bosta reġjuni għadha aktar baxxa mil-livelli tagħhom ta' qabel il-kriżi;

G.  billi fl-2016 il-perċentwal ta' NEETs kien ta' 15,6 %;

H.  billi l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali għadha primarjament kompetenza tal-Istati Membri, bl-UE tiżvolġi rwol importanti ta' appoġġ u koordinazzjoni;

I.  billi l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ hija strateġija ta' kontinwità, fi stat kontinwu ta' perfezzjonament, bl-objettivi tagħha għadhom vasti u ambizzjużi ħafna; billi jirriżulta li hemm nuqqas ta' parametri ta' referenza debitament stabbiliti;

J.  billi l-edukazzjoni tgħin fit-tnaqqis tal-effett ta' inugwaljanzi soċjoekonomiċi, filwaqt li tipprovdi l-ħiliet u l-kompetenzi li huma meħtieġa sabiex titnaqqas it-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-iżvantaġġi;

K.  billi n-nuqqas ġenerali ta' investiment fiż-żgħażagħ u d-drittijiet taż-żgħażagħ se jipprevjeni liż-żgħażagħ milli jitolbu, jeżerċitaw u jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u se jikkontribwixxi biex jiggravaw fenomeni bħal popolazzjonijiet li qegħdin jonqsu, it-tluq bikri mill-iskola, in-nuqqas ta' kwalifiki professjonali u vokazzjonali, id-dħul tardiv fis-suq tax-xogħol, in-nuqqas ta' indipendenza finanzjarja, il-funzjonament potenzjalment ħażin tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, il-prekarjetà u l-esklużjoni soċjali;

L.  billi fis-snin reċenti l-UE nediet għadd ta' inizjattivi bħall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-qafas tal-Israteġija għaż-Żgħażagħ bil-għan li jinħolqu aktar opportunitajiet u opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ kollha fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol u jiġu promossi l-inklużjoni, l-emanċipazzjoni u l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fis-soċjetà;

M.  billi l-problemi li jaffaċċjaw iż-żgħażagħ fl-impjieg, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, kif ukoll fl-involviment soċjali u politiku mhumiex uniformi, filwaqt li xi gruppi huma affettwati b'mod aktar sproporzjonat minn oħrajn; billi huwa meħtieġ aktar sforz biex jiġu appoġġati dawk li huma l-aktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol jew kompletament separati minnu;

N.  billi l-konservazzjoni tal-iskejjel lokali u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni fir-reġjuni kollha Ewropej hija essenzjali għat-titjib tal-edukazzjoni taż-żgħażagħ u jekk l-UE trid toffri lir-reġjuni l-appoġġ sħiħ tagħha f'din l-isfida;

O.  billi forza ta' xogħol b'ħiliet speċjalizzati u ambjent tan-negozju attraenti jippermettu li wieħed jibbenefika minn tkabbir akbar;

P.  billi l-orjentazzjoni tal-karriera u l-aċċess kemm għall-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' impjiegi kif ukoll dwar il-perkorsi edukattivi huma essenzjali għall-iżvilupp edukattiv futur u t-tranżizzjoni għas-suq tax-xogħol;

Q.  billi teżisti ħtieġa urġenti li jingħata leħen liż-żgħażagħ Ewropej, kemm permezz ta' djalogu strutturat sew kif ukoll permezz ta' forom oħrajn;

R.  billi l-Unjoni Ewropea, fid-definizzjoni tal-għanijiet ta' din l-istrateġija u fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tagħha, trid taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

1.  Jenfasizza li politika inklużiva favur iż-żgħażagħ għandha tiddefendi u tippromwovi programmi soċjali li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni politika u kulturali; barra minn hekk jemmen li x-xogħol diċenti u regolat, ibbażat fuq ftehimiet kollettivi tax-xogħol, relazzjonijiet tax-xogħol mhux prekarji, pagi u salarji adegwati, u servizzi pubbliċi universali u ta' kwalità għolja huwa importanti għall-benessri soċjetali taż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni soċjali adegwata, inkluż fir-rigward ta' forom ġodda ta' impjiegi;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu b'mod attiv il-prinċipji ta' inklużività fil-ħidma fost iż-żgħażagħ, b'enfasi partikolari fuq l-integrazzjoni taż-żgħażagħ b'diżabilità fix-xogħol, bil-parteċipazzjoni tagħhom titqies bħala għan għas-suċċess tal-programmi għaż-żgħażagħ; jirrikonoxxi l-fatt li l-iżviluppi teknoloġiċi attwali joffru lill-istudenti b'diżabilità possibbiltajiet ġodda biex jiksbu għarfien u ħiliet b'mod formali u mhux formali;

3.  Iħeġġeġ il-kontinwità ta' programmi ewlenin bħal Erasmus +, Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg għaż-Żgħażagħ; jargumenta li dawn il-programmi għandhom jiġu adattati għar-realtajiet differenti taż-żgħażagħ fl-UE sabiex ilkoll ikollhom opportunitajiet indaqs; jiġbed l-attenzjoni għar-realtà taż-żgħażagħ fir-Reġjuni ultraperiferiċi, li jkollhom karatteristiċi speċifiċi li ħafna drabi jżommuhom lura milli japprofittaw minn dawn il-programmi; jirrikonoxxi l-importanza ta' Erasmus + biex jittejbu l-edukazzjoni u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, billi jipprovdi liż-żgħażagħ b'ħiliet u kompetenzi għall-ħajja u jesplora aktar opportunitajiet transfruntiera għall-karriera; jitlob żieda fil-finanzjament għal dan il-programm fil-qafas tal-QFP li jmiss;

4.  Jirrikonoxxi li f'dawn l-aħħar snin kien hemm tnaqqis fin-numru ta' żgħażagħ li telqu mill-iskola qabel il-waqt, biex b'hekk din iċ-ċifra qed toqrob lejn l-objettiv imniżżel fl-Istrateġija Ewropa 2020; jitlob lill-Istati Membri biex minkejja dan jimplimentaw politiki mmirati lejn iż-żgħażagħ minn familji aktar żvantaġġati, bħal dawk minn minoranzi etniċi, b'mod partikolari l-komunità Rom, li għandhom livelli ta' edukazzjoni aktar baxxi jew li jinsabu f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali, peress li edukazzjoni aħjar tikkontribwixxi biex jitkisser iċ-ċirku vizzjuż tal-faqar;

5.  Jenfasizza li jistgħu jsiru aktar investimenti fil-mobilità kemm domestika kif ukoll transfruntiera sabiex titnaqqas ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ; jitlob li l-provvista tax-xogħol u tal-ħiliet tkun allinjata aħjar mad-domanda billi tiġi ffaċilitata l-mobilità bejn ir-reġjuni (inklużi r-reġjuni transfruntiera);

6.  Jieħu nota tas-sejbiet tal-evalwazzjoni interim tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, li enfasizzaw li din kienet ta' suċċess biex twassal għal bidliet konkreti fil-livell nazzjonali u organizzattiv, inkoraġġiet kooperazzjoni transsettorjali, tagħlim reċiproku u djalogu strutturat maż-żgħażagħ, u tat spinta l-aġendi nazzjonali tal-politika taż-żgħażagħ, filwaqt li saħħet u orjentat mill-ġdid il-prijoritajiet tal-politika għaż-żgħażagħ f'għadd ta' Stati Membri;

7.  Jiddeplora l-għadd kbir ta' NEETs u jenfasizza li l-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ għaż-żgħażagħ għandhom ikunu waħda mill-ogħla prijoritajiet politiċi tal-UE;

8.  Jinsisti fuq ir-rwol importanti tal-attivitajiet ta' volontarjat fl-iżvilupp tal-ħiliet; jenfasizza l-ħtieġa għal validazzjoni aħjar tal-ħiliet li jinkisbu permezz tal-volontarjat;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm il-Programm Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffokaw fuq il-promozzjoni ta' dan il-programm b'mod konġunt mal-kmamar tal-kummerċ, l-impriżi u ż-żgħażagħ, filwaqt li ma jittraskurawx l-oqsma ewlenin tal-attività tagħhom;

10.  Jitlob promozzjoni u sensibilizzazzjoni imtejba tal-opportunitajiet eżistenti ta' volontarjat;

11.  Jemmen li l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni jista' jitkompla lil hinn mill-perjodu attwali għall-kooperazzjoni fil-politika dwar iż-żgħażagħ sabiex tiġi stabbilita aġenda konġunta, jiġu skambjati l-aħjar prattiki u jittejjeb l-għarfien ibbażat fuq it-tfassil tal-politika; jemmen, madankollu, li l-oqsma ta' azzjoni u l-inizjattivi tal-istrateġija attwali għandhom jiġu ssemplifikati u armonizzati u li għandhom jittejbu l-mekkaniżmi tagħha għall-monitoraġġ u r-rapportar tar-riżultati sabiex tkun tista' ssir aktar immirata u ambizzjuża;

12.  Jilqa' r-riżultati tajbin tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, iżda jenfasizza l-għadd inkwetanti li għad fadal ta' NEETs fl-UE; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tkompli timplimentaha, kif ukoll biex tirreplika r-riżultati tagħha f'dawk l-Istati Membri fejn għadha ma ġietx implimentata;

13.  Huwa tal-fehma li l-politiki dwar iż-żgħażagħ ma jistgħux jirnexxu f'ekonomiji staġnati u huma korrelatati ma' ekonomiji b'saħħithom b'kundizzjonijiet li jwasslu għax-xogħol;(1)

14.  Ifakkar fl-importanza tal-approċċ transsettorjali tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ bħala mezz biex tiġi inkluża d-dimensjoni taż-żgħażagħ u jinħolqu sinerġiji f'oqsma ta' politika oħra rilevanti bħall-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ; jemmen li l-integrazzjoni tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ ma' inizjattivi relatati oħra fil-livell tal-UE tista' tittejjeb;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq Pjattaforma Online mmirata lejn iż-żgħażagħ, fejn huma jistgħu jirraportaw, fuq bażi anonima, ksur min-naħa tal-persuni li jippromwovu l-programmi, kif ukoll biex jagħmlu suġġerimenti għal bidliet u jqajmu dubji; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat l-istess involviment tal-awtoritajiet promoturi u l-impjegaturi, billi jingħata wkoll spazju biex jiġu ċċarati d-dubji u jiġu kkondiviżi l-aħjar prattiki fuq din il-pjattaforma;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-kwalità tat-taħriġ vokazzjonali u żżid is-sensibilizzazzjoni dwaru fost l-Istati Membri bħala alternattiva essenzjali għall-edukazzjoni għolja;

17.  Jenfasizza l-valur ta' djalogu strutturat maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ (inklużi kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ) bħala mezz li jistabbilixxi l-istrutturi u l-proċessi għall-parteċipazzjoni attiva tagħhom fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ta' linji ta' politika u programmi taż-żgħażagħ, il-ħolqien ta' aġenda konġunta, l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-titjib ta' tfassil ta' politika bbażata fuq l-għarfien; jinkoraġġixxi l-inklużjoni ta' gruppi vulnerabbli (ez. NEETs, persuni minn komunitajiet marġinalizzati, migranti u rifuġjati, żgħażagħ b'diżabilità u studenti li jitilqu kmieni mill-iskola); jenfasizza li għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-ħolqien ta' hotline tal-EU kontra l-ksur tad-drittijiet taż-żgħażagħ, sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jirrapportaw kwalunkwe esperjenza negattiva ta' parteċipazzjoni f'Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u ta' miżuri tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ lill-Kummissjoni direttament; jissottolinja l-importanza tal-konferenza dwar il-futur tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ li saret fl-2017; jistieden lill-Kummissjoni tirrepplika dan l-avveniment b'mod frekwenti biex tikkondividi l-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni tal-programmi għaż-żgħażagħ u biex tippromwovi l-komunikazzjoni bejn assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-impjegaturi u l-gvernijiet nazzjonali u lokali;

18.  Jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni tevalwa l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ fl-Istati Membri bil-ħsieb li tippermetti aktar kontrolli u monitoraġġ fuq il-post; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi objettivi tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ li jistgħu jiġu vvalutati b'mod kwalitattiv u kwantitattiv, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' kull Stat Membru jew reġjun; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament għal programmi u azzjonijiet li jħejju liż-żgħażagħ għad-dinja tax-xogħol;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-mezzi ta' superviżjoni u monitoraġġ, sabiex tiżgura li l-programmi Ewropej immirati lejn iż-żgħażagħ ma jkollhomx effett kuntrarju u ma joħolqux impjiegi prekarji; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Kummissjoni ssegwi politiki ekonomiċi u tal-impjieg, bil-għan li toħloq aktar impjiegi u impjiegi aħjar għaż-żgħażagħ; jargumenta, għaldaqstant, li Strateġija xierqa tal-UE għaż-Żgħażagħ għandha tkun ibbażata mhux biss fuq is-sejbien ta' impjiegi għaż-żgħażagħ, iżda wkoll għandha tappoġġa l-ħolqien ta' impjiegi diċenti u ta' kwalità;

20.  Jenfasizza li l-YEI hija l-aktar programm viżibbli tal-UE li jappoġġa l-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol fl-Ewropa u jinsisti fuq it-tkomplija ta' din l-inizjattiva u t-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, anke billi jiġu ċċarati l-objettivi u t-trasparenza tar-riżultati; jilqa' ż-żieda tal-finanzjament għall-YEI, imma jirrikonoxxi li r-riżorsi tagħha għadhom insuffiċjenti biex jiggarantixxu li n-NEETs jingħataw apprendistat, traineeship jew post fuq skema ta' edukazzjoni ulterjuri; jistieden lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jiżguraw li l-fondi tal-FSE disponibbli ma jissostitwixxux in-nefqa nazzjonali pubblika; jappella, għalhekk, biex il-pakkett tal-YEI għall-QFP li jmiss jiżdied filwaqt li jiġu żgurati wkoll l-għoti rapidu u simplifikat ta' fondi u ta' finanzjament stabbli;

21.  Jenfasizza li s-suq tax-xogħol jinsab fi stat ta' bidla kostanti; jargumenta li t-tranżizzjoni fis-suq tax-xogħol hija faċilitata minn sistema tal-edukazzjoni u taħriġ li teduka lill-individwi b'mod komprensiv, tappoġġa studenti biex isibu l-metodi tagħhom ta' tagħlim, filwaqt li tiżgura li jiksbu ħiliet u kompetenzi trasversali inklużi ħiliet bażiċi u mhux konjittivi, kif ukoll kompentenzi ewlenin li jkunu orjentati lejn il-futur, bil-ħsieb li jrawmu l-integrazzjoni fid-dinja tax-xogħol u l-versatilità fil-ħajja professjonali, mhux permezz tal-ispeċjalizzazzjoni bikrija, iżda wkoll billi jkunu jistgħu jiksbu varjetà wiesgħa ta' ħiliet; jappella għal enfasi speċifika fuq il-promozzjoni ta' ħiliet fil-lingwi u ta' opportunitajiet professjonali u vokazzjonali transfruntiera u l-mobilità fost iż-żgħażagħ; jitlob li jkun hemm aktar koordinazzjoni bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjieg, is-sħab soċjali u min iforni l-edukazzjoni, u għal iktar għarfien u validazzjoni tal-gradi u l-ħiliet, inkluż it-tagħlim informali; jirreferi, b'mod partikolari, għall-mudell ikkombinat ta' edukazzjoni u taħriġ, li mhuwiex magħruf biżżejjed iżda jista' jagħti kontribut sinifikanti biex iħarreġ professjonisti f'impjiegi li għandhom nuqqas ta' ħaddiema billi jiżgura tranżizzjoni bla xkiel mill-iskola u t-taħriġ għall-ħajja professjonali;

22.  Ifakkar li l-impjiegi u l-intraprenditorija jikkostitwixxu waħda mit-tmien prijoritajiet identifikati fl-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2010-2018); jenfasizza li l-ħidma fost iż-żgħażagħ u t-tagħlim mhux formali, b'mod partikolari kif żviluppati fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-potenzjal taż-żgħażagħ, inklużi ħiliet intraprenditorjali, u jippermettulhom jiżviluppaw sett wiesa' ta' kompetenzi li jistgħu jkabbru l-opportunitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol;

23.  Jenfasizza li l-mobilità tax-xogħol fi ħdan l-UE għadha limitata minkejja r-rati għoljin ta' qgħad; jiġbed l-attenzjoni, għalhekk, għall-importanza tal-mobilità tal-ħaddiema għal suq tax-xogħol kompetittiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu opportunitajiet professjonali u vokazzjonali transfruntiera għal dan il-għan;

24.  Itenni l-importanza li għandhom l-adulti ta' 'l fuq minn 55 sena fit-taħriġ taż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol; jargumenta, flimkien mal-Kummissjoni, favur il-ħolqien ta' programmi li jippermettu ħruġ gradwali mis-suq tax-xogħol sal-età tal-irtirar, b'mod partikolari billi jgħaddu għal xogħol part-time, fejn jagħtu taħriġ u jakkumpanjaw ukoll id-dħul gradwali taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

25.  Jindika r-rwol importanti tal-intrapriżi fi kwistjonijiet relatati mal-akkwist tal-ħiliet u l-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ; jinnota li l-edukazzjoni u t-taħriġ f'oqsma relatati mal-promozzjoni tal-intraprenditorija jistgħu jikkontribwixxu biex jinkiseb żvilupp fit-tul, tiġi promossa l-kompetittività Ewropea u jiġi miġġieled il-qgħad;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi miġġieled it-tluq bikri mill-iskola billi jiġu identifikati n-nuqqasijiet tas-sistema skolastika u tas-soċjetà, billi l-istudenti jingħataw appoġġ biex isibu l-metodi tagħhom stess tat-tagħlim, jiġu implimentati kurrikuli rilevanti u attraenti u billi titwettaq sistema b'saħħitha u żviluppata sew ta' gwida u konsulenza u servizzi ta' orjentazzjoni u ta' gwida għall-karriera ta' kwalità għolja għall-istudenti kollha; jissottolinja li approċċ edukattiv olistiku u inklużiv huwa essenzjali sabiex l-istudenti kollha jħossuhom milqugħa u inklużi, u jħossuhom fil-kontroll tal-edukazzjoni tagħhom;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, bħala parti mill-Istateġija għaż-Żgħażagħ futura u għal wara l-QFP 2020, żieda fil-finanzjament, fis-setgħat u fil-kamp ta' applikazzjoni tal-programmi li jippromwovu l-edukazzjoni, it-taħriġ, il-ħolqien tal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ, inkluż taż-żgħażagħ b'diżabilità, filwaqt li jiġi żgurat li dawn il-fondi ma jintużawx biex jgħinu ħalli joħolqu internships mhux imħallsa jew xogħol prekarju jew jissostitwixxu xogħlijiet permanenti b'xogħlijiet temporanji jew internships; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu offruti kontenut xieraq ta' tagħlim u ta' taħriġ u kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti għat-traineeships u l-apprendistati bil-ħsieb li jiġi żgurat ir-rwol kruċjali tagħhom fit-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għall-ħajja professjonali; iqis li sabiex jiġi żgurat it-twassil ta' kollokazzjonijiet ta' kwalità, minbarra gwida u superviżjoni speċifika, l-eżistenza ta' kuntratt ta' apprendistat jew traineeship se tiddelinja r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet kollha fejn jiġi speċifikat it-tul, l-objettivi tat-tagħlim u l-kompiti li jikkorrispondu għal ħiliet identifikati b'mod ċar li għandhom jiġu żviluppati, l-istatus tal-impjieg, il-kumpens/ir-rimunerazzjoni adegwati inkluż għas-sahra, il-protezzjoni soċjali u l-iskemi ta' sigurtà skont il-liġi nazzjonali applikabbli, il-ftehimiet kollettivi applikabbli, jew it-tnejn li huma;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jissorveljaw l-implimentazzjoni effettiva tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, pereżempju billi jimplimentaw sistemi ta' gwida tul il-ħajja mfassla apposta biex jistgħu jgħinu lill-persuni fi kwalunkwe stadju tal-ħajja tagħhom jieħdu deċiżjonijiet marbuta mal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg u jiġġestixxu l-perkorsi tal-ħajja individwali tagħhom fit-tagħlim, ix-xogħol u ambjenti oħra; ifakkar li l-involviment tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-evalwazzjoni, l-implimentazzjoni u l-komunikazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ huwa kruċjali għas-suċċess tagħha u jħeġġeġ ir-reġistrazzjoni tal-persuni qiegħda;

29.  Iħeġġeġ l-involviment qawwi tal-NGOs, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-għajnuna liż-żgħażagħ u speċjalment lill-gruppi vulnerabbli (pereżempju n-NEETs, il-migranti u r-rifuġjati, iż-żgħażagħ b'diżabilità, l-istudenti li jitilqu kmieni mill-iskola) isibu impjieg bi ħlas, edukazzjoni jew taħriġ, u jgħinuhom jinvolvu ruħhom fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u fis-soċjetà ċivika;

30.  Jemmen li fid-dawl tal-kumplessità tal-politiki taż-żgħażagħ u l-impatt tagħhom, trid tiġi stimulata l-kollaborazzjoni tar-riċerka bil-ħsieb li jiġu żviluppati reazzjonijiet ġustifikati b'mod empiriku u soluzzjonijiet ta' intervent u preventivi li se jżidu l-benessri u r-reżiljenza taż-żgħażagħ;

31.  Jieħu nota tas-sejbiet u r-riskji li jissuġġerixxu li l-azzjonijiet ġestiti mill-Kummissjoni (inklużi l-programmi ta' skambju ta' studenti) jitqiesu mill-awtoritajiet nazzjonali bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ, u jinnota l-fatt li xi Stati Membri qed jirtiraw ir-riżorsi tagħhom minn oqsma ta' politika li huma sostnuti mill-baġit tal-UE(2);

32.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissorveljaw lill-entitajiet li jippromwovu ripetutament apprendistati suċċessivi, mhux akkumpanjati minn integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, bil-ħsieb li tiġi evitata s-sostituzzjoni ta' kuntratti ta' impjiegi mill-hekk imsejħa internships;

33.  Jargumenta li sabiex tiżdied l-effettività tal-azzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport, iridu jiġu żviluppati għanijiet u strumenti konġunti sabiex jitkejjel l-impatt tal-politika, abbażi ta' studji internazzjonali;

34.  Jitlob il-promozzjoni u l-iffaċilitar aħjar tal-opportunitajiet u l-mobilità professjonali u vokazzjonali transfruntiera fost iż-żgħażagħ, u li dawn jingħataw il-ħiliet u l-kompetenzi għall-ħajja, inklużi l-ħiliet lingwistiċi, filwaqt li jitwessgħu wkoll l-opportunitajiet u l-possibbiltajiet tagħhom biex jipparteċipaw kemm fis-suq tax-xogħol kif ukoll fis-soċjetà;

35.  Jargumenta favur l-uniformità, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, tal-kunċett ta' żgħażagħ f'termini tal-limiti tal-età fl-UE kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jikkontribwixxu għal din l-uniformità, billi jeliminaw l-ostakli għall-kejl tar-riżultati u għad-definizzjoni tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu;

36.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu b'mod trasparenti meta jagħtu rendikont u japplikaw il-fondi maħsuba għall-promozzjoni ta' opportunitajiet sostenibbli ta' impjieg għaż-żgħażagħ; jisħaq fuq l-importanza, konsegwentement, li l-Istati Membri jippreżentaw data ddettaljata dwar is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ tagħhom, meta din tkun mitluba;

37.  Ifakkar li l-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni ta' kwalità u inklużiva, għal taħriġ u għal tagħlim tul il-ħajja sabiex wieħed iżomm u jakkwista ħiliet li jippermettulu jipparteċipa bis-sħiħ fis-soċjetà u jiġġestixxi b'suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol; jenfasizza, b'konsegwenza ta' dan, l-importanza li fil-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid tal-QFP għall-2020-2026, l-investiment soċjali fl-edukazzjoni u t-taħriġ jingħata prijorità u jiġi żgurat;

38.  Jenfasizza li hemm nuqqas ta' aġġornament sistematiku u affidabbli tad-data dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu kooperazzjoni akbar tas-servizzi nazzjonali u reġjonali tal-istatistika, bil-preżentazzjoni ta' data statistika rilevanti u aġġornata dwar iż-żgħażagħ, li hija importanti sabiex jiġi vvalutat il-livell ta' suċċess tal-istrateġija implimentata; iqis li r-rapporti ta' kull tliet snin ippreżentati għandhom ikunu akkumpanjati minn dik id-data statistika;

39.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippreżentaw, fil-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom, l-impatti mistennija tal-miżuri li għandhom jiġu adottati; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza li l-Istati Membri jagħtu garanziji li l-miżuri tagħhom effettivament jippromwovu l-impjieg sostnut; itenni l-ħtieġa li titkejjel is-sostenibbiltà tal-politiki li għandhom jiġu implimentati.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGHTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

27.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

5

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, Mara Bizzotto, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Michael Detjen, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Arne Gericke, Marian Harkin, Czesław Hoc, Agnes Jongerius, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Patrick Le Hyaric, Jeroen Lenaers, Thomas Mann, Dominique Martin, Miroslavs Mitrofanovs, Emilian Pavel, João Pimenta Lopes, Georgi Pirinski, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Robert Rochefort, Claude Rolin, Siôn Simon, Romana Tomc, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Amjad Bashir, Heinz K. Becker, Karima Delli, Tania González Peñas, Krzysztof Hetman, Ivari Padar, Anne Sander, Sven Schulze, Jasenko Selimovic, Csaba Sógor, Neoklis Sylikiotis

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jude Kirton-Darling, Ana Miranda, James Nicholson, Massimo Paolucci

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

40

+

ALDE

Enrique Calvet Chambon, Marian Harkin, Robert Rochefort, Jasenko Selimovic

EFDD

Tiziana Beghin

GUE/NGL

Tania González Peñas, Patrick Le Hyaric, João Pimenta Lopes, Neoklis Sylikiotis

NI

Lampros Fountoulis

PPE

Georges Bach, Heinz K. Becker, David Casa, Krzysztof Hetman, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jeroen Lenaers, Thomas Mann, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Csaba Sógor, Romana Tomc

S&D

Guillaume Balas, Brando Benifei, Michael Detjen, Elena Gentile, Agnes Jongerius, Jude Kirton-Darling, Ivari Padar, Massimo Paolucci, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Siôn Simon, Marita Ulvskog

VERTS/ALE

Karima Delli, Ana Miranda, Miroslavs Mitrofanovs

5

-

ECR

Amjad Bashir, Arne Gericke, Czesław Hoc, James Nicholson, Ulrike Trebesius

2

0

ENF

Mara Bizzotto, Dominique Martin

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

https://www.ceps.eu/system/files/RR2018_01_BlameItOnMyYouth.pdf

(2)

http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2018/615645/EPRS_STU(2018)615645_EN.pdf


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

25.4.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Angel Dzhambazki, Jill Evans, María Teresa Giménez Barbat, Petra Kammerevert, Svetoslav Hristov Malinov, Stefano Maullu, Momchil Nekov, Yana Toom, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Eider Gardiazabal Rubial, Elena Gentile, Sylvie Guillaume, Emma McClarkin, Martina Michels, Michel Reimon, Liliana Rodrigues, Remo Sernagiotto, Francis Zammit Dimech


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

26

+

ALDE

María Teresa Giménez Barbat, Yana Toom

ECR

Angel Dzhambazki, Emma McClarkin, Remo Sernagiotto

EFDD

Isabella Adinolfi

GUE/NGL

Martina Michels

PPE

Andrea Bocskor, Svetoslav Hristov Malinov, Stefano Maullu, Sabine Verheyen, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Francis Zammit Dimech, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver

S&D

Eider Gardiazabal Rubial, Elena Gentile, Sylvie Guillaume, Petra Kammerevert, Krystyna Łybacka, Momchil Nekov, Liliana Rodrigues, Julie Ward

VERTS/ALE

Jill Evans, Michel Reimon

0

-

 

 

1

0

ENF

Dominique Bilde

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Mejju 2018Avviż legali