Proċedura : 2017/2119(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0163/2018

Testi mressqa :

A8-0163/2018

Dibattiti :

PV 28/05/2018 - 24
CRE 28/05/2018 - 24

Votazzjonijiet :

PV 29/05/2018 - 7.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0210

RAPPORT     
PDF 691kWORD 54k
4.5.2018
PE 616.912v03-00 A8-0163/2018

dwar l-ottimizzazzjoni tal-katina tal-valur fis-settur tas-sajd tal-UE

(2017/2119(INI))

Kumitat għas-Sajd

Rapporteur: Clara Eugenia Aguilera García

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-ottimizzazzjoni tal-katina tal-valur fis-settur tas-sajd tal-UE

2017/2119 (INI).

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistabbilixxu organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-prodotti tas-sajd,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar il-promozzjoni tal-koeżjoni u l-iżvilupp fir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE: l-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, b'mod partikolari l-Artikolu 35 tiegħu dwar l-għanijiet tal-organizzazzjoni tas-suq komuni,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, u b'mod partikolari l-Artikoli 11, 13, 41 sa 44, 48, 63, 66, 68 u 70 sa 73 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-istrateġija ta' nofs it-terminu tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) (2017-2020), li timmira għas-sostenibbiltà tas-swieq tal-ħut tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-istat tal-istokkijiet tal-ħut u s-sitwazzjoni soċjoekonomika tas-settur tas-sajd fil-Mediterran(2),

  wara li kkunsidra l-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni għal "Sħubija strateġika mġedda u msaħħa mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea” ("A renewed and reinforced strategic partnership with the outermost regions of the European Union"), ippubblikata fl-24 ta' Ottubru 2017,

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar it-traċċabbiltà ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fir-restorazzjoni u l-bejgħ bl-imnut (2016/2532(RSP))

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar il-ġestjoni tal-flotot tas-sajd fir-Reġjuni Ultraperiferiċi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0163/2018),

A.  billi s-settur tas-sajd tal-UE qed iħabbat wiċċu ma' sfidi dejjem aktar diffiċli u kumplessi; billi l-qagħda tar-riżorsi u ż-żieda fl-ispejjeż, b'mod partikolari l-varjazzjonijiet fil-prezz tal-fjuwil, jistgħu jolqtu d-dħul tas-sajjieda; billi, f'dan il-kuntest, il-varjazzjonijiet 'l isfel tal-kwoti tas-sajd ifissru li l-komunitajiet lokali jiffaċċjaw sitwazzjonijiet kumplessi minħabba t-tnaqqis fl-attivitajiet ta' estrazzjoni; billi minbarra ż-żieda fl-ispejjeż tat-trasport, li tirriżulta mill-impatt doppju taż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil, huma jħabbtu wiċċhom ma' kompetizzjoni minn importazzjonijiet ta' prodotti minn pajjiżi terzi, li, minkejja li din il-problema hi rikonoxxuta bħalma huma rikonoxxuti problemi oħrajn, jibqgħu fil-biċċa l-kbira jikkawżaw l-iggravar tas-sitwazzjoni soċjoekonomika fis-settur, fosthom il-formazzjoni inadegwata tal-prezz tal-ħut fl-ewwel bejgħ;

B.  billi s-settur tas-sajd għandu importanza strateġika billi jforni l-ħut għall-pubbliku u jżomm il-bilanċi tal-ikel tal-Istati Membri f'ekwilibriju, kif ukoll billi jagħti kontribut mill-akbar għall-benessri soċjoekonomiku tal-komunitajiet tal-kosta, għall-iżvilupp lokali, għall-impjiegi, għaż-żamma u l-ħolqien ta' attivitajiet ekonomiċi kemm 'il fuq u kemm 'l isfel fil-katina ta' attivitajiet, u għall-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali lokali;

C.  billi s-sajd fuq skala żgħira, is-sajd artiġjanali u s-sajd tal-kosta jirrappreżentaw 83 % tal-bastimenti tas-sajd attivi fl-UE u 47 % tal-impjiegi totali fis-settur tas-sajd tal-UE; billi r-Regolament 1380/2013 jistabbilixxi li "l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jagħtu aċċess preferenzjali għal sajjieda ta' skala żgħira, artiġjanali jew kostali" u billi dan il-fatt mhux qed jiġi rispettat;

D.  billi l-konformità mar-regoli tal-Unjoni hi obbligatorja għall-parti l-kbira tad-distributuri tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, bħas-supermarkets; billi madankollu, l-impatt ta' din il-konformità fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sajjieda u fuq id-dħul tagħhom ivarja, u dan huwa inġust għall-bastimenti tas-sajd iżgħar;

E.  billi jeħtieġ li jitqiesu d-differenzi evidenti bejn il-flotot, taqsimiet ta' flotot, speċijiet fil-mira, rkaptu tas-sajd, produttività, preferenzi tal-konsumaturi u l-konsum ta' ħut per capita fil-pajjiżi tal-UE, kif ukoll il-karatteristiċi speċjali tal-industrija tas-sajd li jirriżultaw mill-istruttura soċjali tagħha, il-forom ta' kummerċjalizzazzjoni, u l-inugwaljanzi strutturali u naturali bejn ir-reġjuni tas-sajd differenti;

F.  billi biex jidħlu fit-taqsimiet ġodda tas-suq, is-sajjieda artiġjanali jeħtieġu għajnuna u appoġġ finanzjarji;

G.  billi d-dħul u s-salarji tas- sajjieda professjonali mhumiex siguri, minħabba l-mod kif issir il-kummerċjalizzazzjoni tas-settur, minħabba l-mod kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-ewwel bejgħ u minħabba n-natura irregolari tal-attività minnha nfisha, u dan jimplika, fost l-oħrajn, il-ħtieġa li jinżammu l-għajnuniet pubbliċi, nazzjonali u Komunitarji għas-settur;

H.  billi l-analizzar tal-punti ewlenin tal-katina tal-valur tal-prodotti tas-sajd jista' jwassal biex is-sajjieda u l-produtturi lokali jżommu sehem akbar mill-valur iġġenerat bil-ftuħ ta' swieq lokali ġodda u l-involviment tal-partijiet interessati lokali, li jista' jħalli effetti pożittivi għall-komunitajiet lokali bis-saħħa tal-ħolqien ta' attività ekonomika dinamika, li ġġib il-qligħ u sostenibbli;

I.  billi l-Artikolu  349 tat-TFUE jirrikonoxxi s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali speċjali tar-reġjuni ultraperiferiċi, li hija aggravata minn fatturi strutturali (il-bogħod, l-insularità, iċ-ċokon, it-topografija u l-klima diffiċli, id-dipendenza minn għadd żgħir ta' prodotti, eċċ.) li n-natura permanenti tagħhom u l-fatt li jeżistu flimkien jillimitaw severament l-iżvilupp ta' tali reġjuni u l-katina tal-valur fis-settur tas-sajd;

J.  billi l-produtturi primarji, minkejja li għandhom rwol essenzjali fil-katina tal-valur, mhux dejjem jibbenefikaw mill-valur miżjud iġġenerat fi stadji sussegwenti ta' din il-katina;

K.  billi l-PKS tfasslet biex issaħħaħ is-sostenibbiltà u l-kompetittività tas-settur tas-sajd u l-akkwakultura tal-Unjoni;

L.  billi mod wieħed li bih tiġi ggarantita l-kompetittività tal-prodotti tas-sajd mir-reġjuni ultraperiferiċi huwa li jiġi żgurat li l-prezz tal-ħut minn dawk ir-reġjuni ma jogħliex b'riżultat tal-ispejjeż tat-trasport meta jilħaq is-swieq ta' destinazzjoni ewlenin;

M.  billi l-UE tinsab fuq quddiem nett fid-dinja fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

N.  billi l-kummerċ tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura huwa influwenzat minn ħafna fatturi, bħal pereżempju l-preferenzi tal-konsumaturi fiż-żoni ġeografiċi differenti;

O.  billi l-OKS fil-qasam tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura tistabbilixxi l-mira li tiżdied it-trasparenza u l-istabbiltà tas-swieq, b'mod partikolari fir-rigward tal-għarfien ekonomiku u l-komprensjoni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura tal-UE tul il-katina tal-provvista;

P.  billi r-Regolament Nru 1379/2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura jistabbilixxi fl-Artikolu 38 tiegħu l-obbligu tal-indikazzjoni taż-żona tal-qabda jew tal-produzzjoni u, fil-każ tal-prodotti tas-sajd maqbuda fil-baħar, id-denominazzjoni bil-miktub tas-subżona jew diviżjoni elenkata fiż-żoni tas-sajd tal-FAO;

Q.  billi t-trasparenza hija mezz li bih jiġi żgurat id-dritt tal-konsumaturi li jkunu jafu, bil-preċiżjoni massima, il-karatteristiċi tal-prodotti li huma jixtru; billi dan jeħtieġ titjib fit-tikkettar, bl-obbligu li tidher l-istess informazzjoni preċiża dwar l-oriġini tal-ħut kemm meta jinbiegħ frisk kif ukoll fil-prodotti pproċessati;

R.  billi d-dinamika attwali tal-bejgħ ma tippermettix li l-varjazzjonijiet fl-ispejjeż tal-fatturi tal-produzzjoni, inkluż il-fjuwil, jiġu riflessi fil-prezzijiet tal-ħut, u billi l-prezzijiet medji tal-ewwel bejgħ ma evolvewx maż-żieda fil-prezzijiet għall-konsumatur aħħari;

S.  billi l-istudju ppubblikat mid-Dipartiment Tematiku tal-Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni fl-2016 bl-isem "Is-swieq tas-sajd fuq skala żgħira: il-katina tal-valur, il-promozzjoni u t-tikkettar", jindika b'mod ċar li t-tikkettar tal-prodotti tas-sajd tal-UE jaf jikkonfondi lill-konsumaturi;

T.  billi l-organizzazzjonijiet tal-produtturi ta' prodotti tas-sajd u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-prodotti tal-akkwakultura (organizzazzjonijiet tal-produtturi (OP)) jaqdu rwol fundamentali sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-PKS u tal-OKS, u biex dawn jitħaddmu kif suppost;

U.  billi l-Unjoni hija impenjata li tissalvagwardja livelli għolja ta' kwalità fil-prodotti tas-sajd, b'mod partikolari fid-dawl tar-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi;

V.  billi s-settur tal-ipproċessar u l-ippreservar huwa importanti;

W.  billi l-gruppi ta' azzjoni lokali tas-sajd (FLAGs) huma parti essenzjali mill-qafas tal-PKS biex jitfasslu u jiġu implimentati strateġiji multisettorjali u integrati ta' żvilupp lokali parteċipattiv li jissodisfaw il-ħtiġijiet taż-żona tas-sajd lokali tagħhom; billi huma rikonoxxuti bħala strument siewi li jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni fl-attivitajiet tas-sajd;

X.  billi l-katina tal-provvista tas-sajd ma teżistix f'iżolament u billi l-ħolqien ta' rabtiet transsettorjali huwa importanti ħafna biex jiġu żviluppati prodotti innovattivi li jippermettu l-aċċess għal swieq ġodda u titjib tal-promozzjoni tagħhom;

Y.  billi jeżisti nuqqas ta' koordinazzjoni u ta' assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd f'ċerti Stati Membri tal-UE;

Z.  billi s-setturi tas-sajd tar-reġjuni ultraperiferiċi huma suġġetti għall-eżiġenzi tagħhom, rikonoxxuti fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni, u dan jinfluwenza l-istrutturazzjoni tagħhom;

AA.  billi l-organizzazzjonijiet interprofessjonali (kif issemmi diġà l-OKS) għandhom il-potenzjal li jtejbu l-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni tul il-katina tal-provvista u li jagħmlu progress b'miżuri ta' interess għas-settur kollu kemm hu;

AB.  billi, ladarba l-istokkijiet tal-ħut huma riżorsi kondiviżi, l-isfruttar sostenibbli u effiċjenti tagħhom, f'ċerti każijiet, jista' jitwettaq b'mod aktar adegwat minn organizzazzjoniiet magħmula minn membri minn Stati Membri differenti u minn reġjuni differenti tal-EU u jenħtieġ, għalhekk, li jiġu ttrattati u studjati abbażi ta' kull reġjun għalih;

AC.  billi s-settur tas-sajd huwa ċentrali għas-sitwazzjoni soċjoekonomika, għall-impjiegi, u għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali fir-reġjuni ultraperiferiċi, li l-ekonomiji tagħhom ibatu minn limitazzjonijiet strutturali permanenti u li ftit għandhom possibilitajiet ta' diversifikazzjoni ekonomika;

AD.  billi n-nuqqas ta' professjonisti żgħażagħ huwa ostaklu għall-modernizzazzjoni u t-titjib tas-settur, u huwa theddida serja għas-sopravivenza ta' ħafna komunitajiet kostali;

AE.  billi jingħata profil baxx ħafna lir-rwol tan-nisa fis-settur tas-sajd, minkejja l-fatt li dawn tipikament jagħmlu x-xogħol ta' wara l-kwinti, bħall-appoġġ loġistiku jew il-burokrazija marbuta mal-attività, filwaqt li jaħdmu wkoll bħala sajjieda u kaptani f'xi bastimenti tas-sajd;

AF.  billi l-obbligu ta' ħatt l-art jirrappreżenta eżiġenza ekonomika u soċjali reali, li tnaqqas il-profittabbiltà finanzjarja u tolqot il-katina tal-valur, u jkun tajjeb li tiġi minimizzata;

AG.  billi jeħtieġ tiġi promossa kuxjenza akbar fost il-konsumaturi dwar l-importanza ta' dieta tajba għas-saħħa u produzzjoni sostenibbli;

AH.  billi fost il-kawżi li qed jikkontribwixxu biex is-sitwazzjoni soċjoekonomika taggrava jridu jitqiesu wkoll it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-ħut fl-ewwel bejgħ u l-ispejjeż dejjem jogħlew tal-fjuwil;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, flimkien mal-awtoritajiet reġjonali, jistabbilixxu gruppi ta' esperti inkarigati li janalizzaw u jipproponu miżuri korrettivi fir-rigward tal-użu tad-diversi linji tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd sabiex jiġu identifikati r-raġunijiet għan-nuqqas ta' eżekuzzjoni u t-telf possibbli ta' fondi, kif ukoll biex jiġi żgurat livell adegwat ta' kontroll u trasparenza u biex l-amministrazzjonijiet rilevanti jintalbu jtejbu l-ġestjoni;

2.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonformaw mar-Regolament 1380/2013 u joffru aċċess preferenzjali reali għall-opportunitajiet tas-sajd lill-flotot fuq skala żgħira u artiġjanali tal-UE;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jiffaċilitaw il-ħolqien ta' OPs, filwaqt li jneħħu l-ostakli burokratiċi fil-proċedura stabbilita u jbaxxu l-limiti minimi ta' produzzjoni sabiex jinkoraġġixxu d-dħul ta' produtturi żgħar; jirrimarka li huwa meħtieġ ukoll li tingħata spinta lill-attivitajiet tal-OPs, biex b'hekk tingħatalhom aktar saħħa u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-appoġġ finanzjarju meħtieġ ħalli jkunu jistgħu jwettqu varjetà usa' ta' kompiti minbarra l-ġestjoni ta' kuljum tas-sajd, filwaqt li jirrispettaw qafas definit mill-għanijiet tal-PKS, b'mod partikolari għar-reġjuni ultraperiferiċi, li għandhom ikunu kapaċi lokalment jadattaw il-funzjonament tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali fit-territorji tagħhom, li huma karatterizzati minn insularità, iżolament, daqs żgħir, il-prevalenza tas-sajd artiġjanali u livell għoli ta' vulnerabbiltà għall-importazzjonijiet;

4.  Isostni li l-programmi operattivi jridu jinkoraġġixxu lill-OPs – billi jipprovdu l-appoġġ finanzjarju neċessarju – biex jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom direttament, billi jaħdmu fi ħdan il-katina tal-valur, peress li dan ikun jippermettilhom jisfruttaw il-produzzjoni tagħhom u jkabbru l-valur miżjud tal-prodotti tas-sajd;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-għajnuniet għas-sikurezza abbord u għall-iġjene ma jsirux parti minn proċess kompetittiv u li jiġi assenjat baġit akbar lis-settur tas-sajd artiġjanali;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jippromovu li l-OPs jinkludu l-katina tal-valur fil-pjanijiet ta' produzzjoni u ta' kummerċjalizzazzjoni, bl-għan li l-provvista tiġi adattata għad-domanda, jiġi żgurat dħul ekwu għas-sajjieda u jiġi garantit li l-konsumaturi Ewropej isibu prodotti li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom, meta jitqiesu l-għażliet differenti; josserva li, f'dan il-kuntest, l-istrateġiji ta' kummerċjalizzazzjoni adatti għall-ispeċifiċitajiet lokali huma għodda essenzjali u għandhom jinkludu l-possibbiltà tal-bejgħ dirett, fejn jinkludu kampanji settorjali u/jew abbażi ta' prodott u jgħinu biex jittejbu l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi, inklużi l-immarkar u t-tikkettar li jipprovdu tagħrif li jinftiehem;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-gvernijiet reġjonali u lokali biex isaħħu l-pożizzjoni tas-sajd fuq skala żgħira billi jinkoraġġixxu l-konsum lokali permezz ta' kummerċjalizzazzjoni diretta u aktar speċjalizzata, kanali tal-kummerċ żero kilometri, inkluża kooperazzjoni mtejba bejn is-settur pubbliku u s-settur tas-sajd permezz tal-forniment lil stabbilimenti pubbliċi bħall-iskejjel u l-isptarijiet bi prodotti tal-ħut lokali, kif ukoll kampanji ta' promozzjoni li għandhom jikkoperaw ukoll ma' inizjattivi privati biex jippromwovu prodotti tal-ikel lokali, bħall-inizjattiva Slowfish, u biex jirrispettaw l-istaġunalità ta' ċerti qabdiet. Fl-istess waqt jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn is-setturi tas-sajd u tat-turiżmu, biex ifasslu lista ta' prattiki tajba dwar l-esperjenzi li jiffaċilitaw forom ġodda ta' kollaborazzjoni;

8.  Jenfasizza li wieħed mill-pedamenti ta' dawn l-istrateġi ta' kummerċjalizzazzjoni hu l-indikazzjoni obbligatorja tat-tikketti ta' oriġini tal-prodotti tas-sajd, kemm dawk mibjugħa friski kif ukoll dawk proċessati;

9.  Jitlob li jinħolqu sistemi bil-għan li jittejbu l-prezzijiet tal-ewwel bejgħ, sabiex igawdu s-sajjieda billi jitjieb id-dħul tagħhom għax-xogħol li jagħmlu, u li jkunu promossi distribuzzjoni ġusta u xierqa tal-valur miżjud tul il-katina ta' valur tas-settur, billi jitnaqqsu l-marġnijiet operattivi, jiżdiedu l-prezzijiet li jitħallsu l-produtturi, u jiġu limitati l-prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi; itenni li fejn jeżistu żbilanċi serji fil-katina, l-Istati Membri għandu jkollhom is-setgħa jintervjenu, pereżempju billi jistabbilixxu marġnijiet massimi tal-intermedjazzjoni għal kull attur fil-katina;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħinu l-moviment ta' organizzazzjoni ta' sajjieda fuq skala żgħira tal-UE bl-iżvilupp ta' logo speċifiku li jiggarantixxi: prodott tal-ħut frisk, kwalità eċċellenti, standards tas-saħħa kkontrollati, konformità mar-rekwiżiti ta' żero kilometri (niffavorixxu prodotti lokali flok prodotti trasportati mill-bogħod), qrubija għall-konsumaturi, rispett għat-tradizzjonijiet, eċċ.;

11.  Jindika li, għall-finijiet tat-trasparenza u għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-konsumaturi se jkun meħtieġ li jiġi rivedut l-Anness tar-Regolament Nru 536/92 dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti preservati;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jimplimentaw sistema tat-tikkettar tal-ħut, kemm dak frisk kif ukoll dak ipproċessat, li tindika b'mod ċar il-pajjiż ta' oriġini;

13.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu koordinazzjoni akbar u assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd;

14.  Jitlob li l-Kummissjoni tinkludi klawżola fil-ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi bl-istandards ta' kwalità tal-UE, b'tali mod li jkun meħtieġ li l-importazzjonijiet ikunu konformi mal-istess regoli bħall-prodotti tas-sajd tal-UE;

15.  Sabiex jiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn il-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura importati u dawk tal-UE, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissorveljaw mill-qrib il-konformità tal-prodotti importati fl-UE mal-leġizlazzjoni attwali tas-sikurezza, l-iġjene u l-kwalità tal-UE, kif ukoll mar-regolament dwar sajd IUU;

16.  Jinsisti fuq implimentazzjoni aktar stretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tikkettar u l-informazzjoni għall-konsumaturi, kemm fis-swieq tal-konsumaturi kif ukoll fis-settur tal-lukandi, ristoranti u catering (HORECA); jemmen li dan huwa importanti għall-prodotti kollha tas-sajd, kemm dawk importati kif ukoll dawk prodotti fl-UE; jemmen li l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll għandha tissaħħaħ għal dan l-għan fl-Istati Membri kollha, u li r-regolamenti għandhom jiġu adottati biex ikopru l-istadji kollha tal-katina tal-provvista;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea twettaq studju dwar l-impatt tal-importazzjonijiet fuq is-sajd lokali;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tawtorizza li jsir użu konvenjenti mir-reġjonalizzazzjoni, b'attenzjoni partikolari għar-Reġjuni Ultraperiferiċi, u li ssir differenzjazzjoni fl-għodod ta' appoġġ, u li dawn ikunu jistgħu jiġu adattati għal diversi tipi ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi u għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom;

19.  Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati politiki li jippermettu lill-komunitajiet tal-kosta lokali joffru servizzi integrati, jisfruttaw is-sinerġiji li jirriżultaw mid-diversi setturi tal-produzzjoni u li għandhom il-possibbiltà li jġibu magħhom u jħeġġu l-iżvilupp fil-livell lokali; jinsisti, għaldaqstant, li l-finanzjament mill-PKS jiġi kombinat ma' programmi Eworpej oħra fil-FSE jew fl-PAK; jindika li dan il-kombinament ta' riżorsi u programmi għandu jappoġġa l-inizjattivi tal-komunitajiet u l-imprendituri lokali ffokati fuq l-iżvilupp rurali, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien, il-konċiljazzjoni u b'mod partikolari id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' dħul;

20.  Iqis li huwa kruċjali li jinżamm, u preferibbilment jiżdied, l-appoġġ mogħti lir-reġjuni ultraperiferiċi għat-trasport tal-ħut, sakemm jasal fis-suq internazzjonali, bil-għan li tiġi ggarantita kompetizzjoni ġusta ma' prodotti minn postijiet oħra;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li toħloq, mill-aktar fis, strument finanzjarju biex jipprovdi appoġġ speċifiku għas-settur tas-sajd, abbażi tal-POSEI għas-settur agrikolu fir-reġjuni ultraperiferiċi, bil-kapaċità li jtejjeb ġenwinament il-potenzjal tas-settur tas-sajd tagħhom; jemmen li għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġu inklużi f'dan l-istrument speċifiku, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 (Għajnuna mill-Istat), l-Artikolu 13(5) (Riżorsi baġitarji taħt ġestjoni kondiviża), l-Artikolu 70 (Sistema ta' kumpens), l-Artikolu 71 (Kalkolu tal-kumpens), l-Artikolu 72 (Pjan ta' kumpens) u l-Artikolu 73 (Għajnuna mill-Istat għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' kumpens) tar-Regolament tal-FEMS attwali;

22.  Jemmen li dawn il-pjanijiet lokali ta' żvilupp għall-komunitajiet tal-kosta għandhom jappoġġaw attivitajiet u negozji ġodda li jippermettu l-integrazzjoni ta' materji primi ta' kwalità, il-proċessi speċifiċi ta' trasformazzjoni u l-patrimonju kulturali u storiku ta' dawn il-komunitajiet fil-katina tal-valur. jindika, barra minn hekk, li għandhom jippromwovu mekkaniżmi ta' kummerċjalizzazzjoni, bħat-tikkettar obbligatorju tal-oriġini tal-prodotti, li jgħollu l-profil ta' dawn il-kwalitajiet fis-suq u jiżguraw li l-parti l-kbira tal-introjtu ġġenerat imur lura għand dawn il-komunitajiet.

23.  Jenfasizza wkoll l-importanza tal-baħar, tar-riżorsi marittimi u tal-prodotti tas-sajd fil-promozzjoni tal-koeżjoni u l-iżvilupp fir-reġjuni ultraperifiċi u fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 tat-TFUE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tirrispetta l-Artikolu 349 tat-TFUE, anke fir-rigward tas-sajd, billi terġa' tintroduċi b'mod sħiħ u indipendenti il-programm POSEI-Sajd, li ġie eliminat fil-qafas tar-riforma tal-FEMS attwali;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jinkoraġġixxu l-istabbiliment ta' organizzazzjonijiet interprofessjonali, kif ukoll ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi u assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi fuq livell transnazzjonali (kif previst diġà fl-OKS), ibbażati fir-reġjuni bijoġeografiċi jew fil-livell tal-UE; jindika li din hija għodda essenzjali biex tingħata aktar setgħa lill-organizzazzjonijiet ta' produtturi u biex dawn jingħataw aktar setgħa ta' negozjar;

25.  Jitlob li dan il-proċess jingħata spinta u jiġi żviluppat b'enfasi speċjali fuq il-politiki tal-ġeneru biex ikun garantit li n-nisa jkunu rappreżentati adegwatament f'dawn l-organizzazzjonijiet. jindika li b'dan il-mod jiġi rifless il-piż attwali tan-nisa fis-settur, u jgħinhom ikollhom rwol akbar fih;

26.  Jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u s-sajd biex jiġu indirizzati id-dependenzi u d-dgħufijiet kumplessi fil-proċessi tal-katina ta' valur bl-għan ta' titjib u biex ikun hemm aktar benefiċċji għall-partijiet interessati;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni żżid, tippromwovi u tiġġeneralizza l-użu tal-informazzjoni pprovduta permezz tal-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura (EUMOFA) sabiex l-operaturi kollha fil-katina jkollhom informazzjoni trasparenti, affidabbli u aġġornata għat-teħid effiċjenti ta' deċiżjonijiet ta' negozju; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tipprovdi data aġġornata dwar l-isfidi l-ġodda għan-negozjanti, bħall-bejgħ online jew it-tibdil fix-xejriet tal-konsum;

28.  Jindika l-ħtieġa ta' reviżjoni ambizzjuża tal-OKS għall-prodotti tas-sajd, bl-għan li jiżdied il-kontribut tagħha għall-introjtu tas-settur, l-istabbiltà tas-suq, u kummerċjalizzazzjoni aqwa tal-prodotti tas-sajd u żieda fil-valur miżjud tagħhom;

29.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi l-prodotti tas-sajd fil-proposta għal regolament biex jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali żleali, li hi problema ġenerali fis-settur tal-prodotti tal-ikel;

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel rieżami tas-sistema għat-tikkettar tal-prodotti tas-sajd stabbilita fir-Regolament 1379/2013 abbażi taż-żoni tas-sajd tal-FAO, li tfasslu aktar minn 70 sena ilu għar-rappurtar tal-qabdiet u ma kinux maħsuba biex jipprovdu gwida lill-konsumatur, minħabba li s-sistema toħloq il-konfużjoni u ma tgħinx biex tkun ipprovduta informazzjoni ċara, trasparenti u sempliċi;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali janalizzaw in-nuqqas ta' kwalifiki professjonali fis-settur tas-sajd, u b'mod speċjali ta' professjonisti żgħażagħ, b'tali mod li jiggarantixxu u jiffokaw il-programmi ta' taħriġ tal-professjonisti tas-settur tas-sajd fuq il-ħtiġijiet reali tas-settur u b'hekk jgħinu biex is-settur jiġi modernizzat u mtejjeb, filwaqt li jżommu lill-popolazzjoni fil-lokalitajiet tas-sajd, kif ukoll biex joħolqu opportunitajiet ta' impjieg adegwati fiż-żoni bl-akkwalkultura, u fiż-żoni rurali u tal-kosta, fiż-żoni ultraperiferiċi u f'reġjuni li jiddependu fuq l-attivitajiet tas-sajd;

32.  Jindika l-importanza li jinħolqu swieq lokali għall-prodotti tradizzjonali ta' kwalità partikolari, li jkunu appoġġati minn fieri, negozji żgħar u l-industrija tal-ikel, bħala mezz ta' kif jiżdied il-valur miżjud tal-prodotti lokali u jiġi promoss l-iżvilupp lokali;

33.  Jenfasizza l-importanza li jitfasslu strateġiji speċifiċi ta' taħriġ fil-ħiliet diġitali li jiffokaw fuq il-ġestjoni, u speċjalment fuq il-kummerċjalizzazzjoni, bħala għodda bażika biex titjieb il-pożizzjoni tal-produtturi fil-katina tal-valur;

34.  Jindika li dawn il-pjanijiet tat-taħriġ għandhom ikopru l-professjonijiet tradizzjonali, prattikati fis-settur prinċipalment min-nisa, kif ukoll pjanijiet speċifiċi ffokati biex iżidu l-impjegabbiltà u l-intraprenditorjat tan-nisa; jenfasizza li l-inklużjoni ta' dawn l-ispeċjalitajiet fit-taħriġ akkreditat għandha tħalli wkoll l-effetti legali konsegwenti u ttejjeb l-istatus ta' dawn il-professjonisti fis-suq tax-xogħol;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra modi aħjar ta' kif tippromwovi l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd ipproċessati b'valur miżjud ogħla, fosthom il-prodotti fil-bottijiet, billi jiġi segwit l-eżempju ta' ċerti prodotti agrikoli, u programmi għall-promozzjoni esterna tal-prodotti tas-sajd tal-UE, inkluża l-preżentazzjoni tagħhom f'kompetizzjonijiet u fieri internazzjonali;

36.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jgħinu lill-atturi ekonomiċi tas-settur tas-sajd biex jaċċedu għall-għarfien, in-netwerks u l-finanzjament meħtieġa ħalli jwettqu attivitajiet innovattivi u jiddisinjaw prodotti ġodda ("novel foods") b'mod partikolari fil-valutazzjoni ta' speċijiet maqbuda diġà li jkollhom valur ekonomiku baxx, u jinvolvu lill-organizzazzjonijiet u l-istituzzjoni tar-riċerka, bħall-istituti oċeanografiċi, sabiex jibbenefikaw mill-għarfien estensiv tagħhom tal-materja prima bażika u l-karatteristiċi bijoloġiċi, nutrittivi u organolettiċi tagħha; fi sforz biex tiġi evitata l-ħela, ikun massimizzat il-valur tal-prodotti friski u jiġu stimulati s-sinerġiji bejn il-partijiet differenti tal-katina tal-valur u biex is-settur isir aktar reżiljenti;

37.  Jistieden lill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw kampanji ta' informazzjoni maħsuba għall-konsumaturi li jkunu effikaċi u ffokati fuq prodotti konkreti, biex iqajmu kuxjenza dwar kwistjonijiet bħall-importanza tal-konsum ta' prodotti tas-sajd lokali, jiżguraw li l-impatt tas-settur fuq l-impjieg lokali u l-koeżjoni soċjali tal-komunitajiet tal-kosta jista' jkun viżwalizzat, jenfasizzaw il-kwalitajiet nutrittivi tal-ħut frisk u jqajmu kuxjenza dwar il-ħtieġa li ninkludu l-prodotti tas-sajd f'dieta tajba għas-saħħa, eċċ.;

38.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi definizzjoni ċara u tfassal is-sisien ta' programm futur Ewropew ta' appoġġ għas-sajd artiġjanali li jgħin biex titjieb is-sostenibbiltà ambjentali u soċjoekonomika tal-industrija tas-sajd fl-UE, li jippermetti l-identifikazzjoni, id-differenzjazzjoni u l-valorizzazzjoni tal-prodotti minn sajd artiġjanali sabiex jinkoraġġixxi l-konsum tagħhom, li jinkoraġġixxi l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jaħdmu fis-settur tas-sajd sabiex ikun hemm tiġdid ġenerazzjonali, jiżgura kwoti deċenti għas-sajjieda u għas-sajd artiġjanali u kontroll ikbar tar-riżorsi, u b'hekk tiżdied il-koeżjoni soċjali fil-komunitajiet kostali tal-UE;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tvara konsultazzjonijiet pubbliċi online speċifiċi fil-livell tal-UE biex tinġabar data dwar il-katina tal-provvista, kwistjonijiet tat-trasparenza tas-suq, kondiviżjoni tal-valur, tikkettar u ħtiġijiet tal-konsumatur mingħand firxa wiesgħa ta' partijiet interessati fis-settur tas-sajd tal-UE;

40.  Jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-benefiċċji li l-katini ta' valur globali jistgħu jġibu magħhom għas-sajd artiġjanali, biex jintegraw aktar faċilment fl-ekonomija globali, billi jżidu l-valur miżjud tal-prodotti tagħhom filwaqt li jkunu jistgħu jżommu l-attività tagħhom u tal-komunitajiet lokali; jenfasizza l-importanza tat-taħriġ fil-ħiliet diġitali għal dan l-għan;

41.  Jemmen li l-katina tal-valur tal-prodotti tas-sajd hi kumplessa, u tinvolvi l-produtturi, diversi intermedjarji u l-bejjiegħa bl-imnut jew ir-ristoranti; jenfasizza li s-sensara u dak li jipproċessaw il-ħut għandhom rwol importanti fil-katina tal-valur; jinnota li, bħala medja, il-marġini fil-katina tal-valur hu li 10 % biss imorru għand il-produtturi, filwaqt li 90 % jmorru għand l-intermedjarji; jenfasizza li t-tqassir tal-katina tal-valur, partikolarment permezz tal-ħolqien ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi li huma atturi ewlenin minħabba l-produzzjoni u l-pjanijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tagħhom, hu mezz inizjali biex jitjieb l-introjtu tas-sajjieda fuq skala żgħira, iżda wkoll ta' kif jiġi offrut prodott aqwa (probabilment bi prezz aħjar) lill-konsumatur;

42  Jenfasizza l-importanza tal-investiment fi professjonisti żgħażagħ sabiex il-ġenerezzjoni tas-sajjieda li jmiss tiġi involuta u tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħha, u jitlob li jinħolqu opportunitajiet għas-sajjieda żgħażagħ biex jiżviluppaw ħiliet ġodda, jibnu negozji reżiljenti, ikunu membri attivi fil-komunitajiet lokali tagħhom u jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-katina tal-valur fis-settur tas-sajd;

43.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jagħmlu użu mill-opportunitajiet offruti mill-appoġġ tal-Gruppi ta' Azzjoni Lokali tas-Sajd biex jaġġustaw l-operazzjonijiet għall-ħtiġijiet lokali f'ħafna oqsma, bħalma huma t-taħriġ u d-diversifikazzjoni ta' attivitajiet ibbażati fuq l-innovazzjoni, fost ħafna oħrajn, u jassistu lis-sajjieda u l-membri tal-komunitajiet lokali fl-aċċess għal fondi u programmi ta' appoġġ eżistenti tal-UE;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li tistabbilixxi proċess biex isir użu mill-qabdiet aċċessorji li jkun marbut mal-obbligu tal-ħatt l-art fl-interess ekonomiku u soċjali tal-atturi fil-katina tal-valur, speċjalment is-sajjieda, u billi jiġu appoġġati inizjattivi lokali;

45.  Jistieden lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali jagħtu spinta lit-trasferiment tal-informazzjoni dwar skemi ta' appoġġ eżistenti u jsaħħu l-appoġġ amministrattiv, pereżempju permezz ta' pjattaformi ta' informazzjoni;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tappoġġa inizjattivi li jippromwovu selettività akbar biex jitnaqqsu l-qabdiet aċċessorji u titjieb il-vijabbiltà finanzjarja tas-sajd permezz ta' mira fuq speċijiet li jilħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politika tas-sajd sabiex ikun jidher ċar ir-rwol importanti li jaqdu n-nisa fis-settur tas-sajd tal-UE u sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom;

48.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu r-rabtiet bejn id-dinja tax-xogħol u dik akkademika, pereżempju billi jaraw li l-iskejjel tekniċi nawtiċi jinkludu fil-pjanijiet tal-istudji tagħhom kwistjonijiet relatati mas-sajd u l-akkwakultura;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jgħaqqdu flimkien l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw l-attivitajiet proposti f'dan ir-rapport bl-għan li l-attivitajiet tas-sajd iħallu aktar qligħ;

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni kif ukoll lill-Gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Kunsilli Konsultattivi.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0316.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0255.


NOTA SPJEGATTIVA

Sfond u kuntest

L-UE hija l-kummerċjant ewlieni ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fid-dinja f'termini ta' valur. Fl-2015, il-konsumaturi Ewropej nefqu EUR 54 000 miljun fuq prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, biex b'hekk intlaħqet l-ogħla ċifra li qatt ġiet irreġistrata. Fl-2014, il-valur tal-prodotti li waslu fl-UE kien ta' EUR 300 miljun, jiġifieri 8 % aktar mill-medja tad-deċennju. Il-kwantitajiet żbarkati fil-Komunità rrappreżentaw volum ta' 4,5 miljun tunnellata, biex b'hekk laħqu l-ogħla livell ta' dawn l-aħħar 7 snin.

Min-naħa l-oħra, l-impjiegi fis-settur tas-sajd huma kkonċentrati f'xi ftit pajjiżi. Spanja waħedha tirrappreżenta kwart tal-postijiet tax-xogħol kollha fl-UE kollha, b'konċentrazzjoni ta' madwar 70 % fl-erba' pajjiżi bl-ogħla livelli ta' impjieg fis-settur tas-sajd (Spanja, l-Italja, il-Greċja u l-Portugall). Fl-industrija tal-ipproċessar jaħdmu madwar 500 impriża li jispeċjalizzaw fl-ipproċessar tal-ħut. Dan is-settur ħaddem lil 123 000 persuna fl-UE kollha bejn l-2008 u l-2012. Minn dawn, 55 % huma nisa u 86 % jaħdmu f'impriżi b'inqas minn 50 persuna.

Id-definizzjoni tal-katina tal-valur hija identifikata minn firxa wiesgħa ta' attivitajiet li jitwettqu sabiex prodott jew servizz jitwassal mill-oriġini tiegħu sal-użu finali mill-konsumaturi. Fil-każ ta' prodotti tas-sajd, f'dan il-proċess jidħlu l-estrazzjoni tal-ħut, it-trasport, il-wasla fil-port, l-ipproċessar (fil-każ ta' prodott iffriżat) u l-bejgħ. Il-loġistika, il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ u r-riżorsi umani huma stadji differenti tal-produzzjoni.

L-objettiv

L-objettiv prinċipali huwa li wieħed jipprova jkun jaf li l-proċessuri u s-sajjieda lokali jżommu l-biċċa l-kbira tal-valur iġġenerat. L-ottimizzazzjoni ta' dawn il-proċessi tista' tikkontribwixxi biex jinkiseb aktar benefiċċju mill-prodott u biex tingħata ħajja ġdida lill-ekonomija tal-komunitajiet tas-sajd lokali. Huwa interessanti li ssir din l-analiżi peress li l-prodott tas-sajd estrattiv qiegħed isir dejjem aktar skars minħabba t-tendenza ta' tnaqqis fl-attività tas-sajd, u għalhekk għandu jittieħed il-benefiċċju massimu.

Li s-sajjieda u l-produtturi lokali jżommu dan il-valur jista' jkollu effett pożittiv fuq il-komunitajiet lokali permezz tal-preżenza fiż-żona ta' attività ekonomika dinamika, li tħalli qligħ u sostenibbli. Ikun importanti wkoll f'termini ta' impjieg, b'mod speċjali sabiex tiġi stabbilita popolazzjoni f'dawn il-komunitajiet, li jiġu attirati persuni żgħażagħ u mħarrġa u li dan is-settur ikun attraenti għal dan is-segment tal-popolazzjoni. Fl-istess ħin, is-settur jibbenefika jekk ikollu professjonisti b'taħriġ adegwat biex tittejjeb l-innovazzjoni.

L-approċċ segwit mir-rapporteur rigward l-abbozz tar-rapport

Inizjalment ġiet riveduta l-informazzjoni attwali kollha minn sorsi sekondarji fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej. Ġew ikkonsultati bosta dokumenti, li l-aktar relevanti fosthom huma:

•  diversi pubblikazzjonijiet(1) tan-netwerk FARNET tal-Gruppi ta' Azzjoni Lokali tas-Sajd (FLAGs) u l-konklużjonijiet tas-Seminar transnazzjonali tiegħu f'Tessaloniki (il-Greċja) fit-18 u l-20 ta' Ottubru 2016 dwar "Boosting Business along the Value Chain” (Nagħtu spinta lin-negozju tul il-katina kollha tal-valur);

•  l-istudji ppubblikati mid-Dipartiment Tematiku tal-Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni fl-2016 u l-2017 bl-isem "'Small-scale fisheries markets: value chain, promotion and labelling" (Swieq tas-sajd fuq skala żgħira: il-katina tal-valur, il-promozzjoni u t-tikkettar), "Small-scale fisheries and Blue Growth in the EU" (Is-sajd fuq skala żgħira u t-tkabbir blu fl-UE) u "Feasibility of Measuring Socio-Economic and Environmental Impacts of Recreational and Semi-Subsistence Fisheries in the EU" (Il-fattibbiltà li jitkejlu l-impatti soċjoekonomiċi u ambjentali tas-sajd rikreattiv u ta' semi-sussistenza fl-UE),

•  l-istudju ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea f'Ottubru 2016 bl-isem "Study on the subsidies to the fisheries, aquaculture, and marketing and processing subsectors in major fishing nations beyond the EU" (Studju dwar is-sussidji għas-sajd, l-akkwakultura u s-sottosetturi tal-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar f'nazzjonijiet ewlenin tas-sajd lil hinn mill-UE).

Saru żewġ skambji ta' fehmiet fil-Kumitat għas-Sajd. Barra minn hekk, ir-rapporteur fasslet abbozz ta' dokument ta' ħidma li ġie ppreżentat u diskuss f'dan il-Kumitat.

Ir-rapporteur kienet f'kuntatt mill-qrib mal-partijiet interessati differenti. Hija attendiet ukoll laqgħat ma' assoċjazzjonijiet tas-sajjieda u assoċjazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti dwar il-katina tal-valur tal-prodotti tas-sajd. Jirrimarka dwar il-laqgħa tal-Kunsill Konsultattiv għas-Swieq ta' DĠ MARE fi Brussell fis-27 ta' Settembru 2017.

(1)

Fost dawk prominenti nsibu l-linja gwida nru. 3 tal-2011, "Iż-żieda tal-valur għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura lokali", il-fuljett Nru. 12 tal-2017, "Spinta lill-attività tal-intraprenditorija tul il-katina tal-valur tas-sajd" u r-Rapport tekniku tal-2017, "Il-provvista ta' informazzjoni dwar l-appoġġ fil-preżent u fil-ġejjieni tal-FEMS għas-sajd kostali fuq skala żgħira",


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.4.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Clara Eugenia Aguilera García, Alain Cadec, David Coburn, Linnéa Engström, Sylvie Goddyn, Mike Hookem, Ian Hudghton, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, Gabriel Mato, Norica Nicolai, Ulrike Rodust, Annie Schreijer-Pierik, Remo Sernagiotto, Ricardo Serrão Santos, Isabelle Thomas, Ruža Tomašić, Jarosław Wałęsa

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, John Flack, Francisco José Millán Mon, David-Maria Sassoli


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

21

+

ALDE

Izaskun Bilbao Barandica, Norica Nicolai

ECR

John Flack, Remo Sernagiotto, Ruža Tomašić

ENF

Sylvie Goddyn

PPE

Alain Cadec, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, Gabriel Mato, Francisco José Millán Mon, Annie Schreijer-Pierik, Jarosław Wałęsa

S&D

Clara Eugenia Aguilera García, Ulrike Rodust, David-Maria Sassoli, Ricardo Serrão Santos, Isabelle Thomas

Verts/ALE

Marco Affronte, Linnéa Engström, Ian Hudghton

2

-

EFDD

David Coburn, Mike Hookem

0

0

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Mejju 2018Avviż legali