Proċedura : 2017/2070(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0166/2018

Testi mressqa :

A8-0166/2018

Dibattiti :

PV 29/05/2018 - 22
CRE 29/05/2018 - 22

Votazzjonijiet :

PV 30/05/2018 - 13.14
CRE 30/05/2018 - 13.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0230

RAPPORT     
PDF 737kWORD 76k
7.5.2018
PE 615.486v02-00 A8-0166/2018

dwar ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni

(2017/2070(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Rapporteur: Tokia Saïfi

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni

(2017/2070(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-politika kummerċjali "Kummerċ għal Kulħadd" (COM(2017)0491),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2017 dwar l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2016 (COM(2017)0654),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" ("Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli"),

–  wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President tal-Kummissjoni, Jean‑Claude Juncker, tat-13 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar in-negozjati multilaterali fid-dawl tal-11-il Konferenza Ministerjali tad-WTO fi Buenos Aires, fl-10-13 ta' Diċembru 2017(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni dwar in-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA)(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar l-impatt tal-kummerċ internazzjonali u l-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-katini ta' valur mondjali(5),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tal-15 ta' Novembru 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2017 bit-titolu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali"(7),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tas-16 ta' Marzu 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi tal-Unjoni tal-landa, it-tantalju u t-tungstenu, il-minerali tagħhom, u d-deheb li joriġina f'żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli(8),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tal-4 ta' Ottubru 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-politika tal-kummerċ internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima(11),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Mejju 2006 bit-titolu "Promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd: Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-aġenda tax-xogħol deċenti għal kulħadd" (COM(2006)0249, SEC(2006)0643)),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea(12),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) tas-16 ta' Mejju 2017 dwar il-kompetenza tal-Unjoni biex tiffirma u tikkonkludi l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ma' Singapore,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2016 dwar l-effetti kumulattivi ta' ftehimiet kummerċjali futuri dwar l-agrikoltura tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2015 bit-titolu "L-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem – Is-Sitwazzjoni Attwali" (SWD(2015)0144),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (ECHR) u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha li jipprojbixxi l-iskjavitù u s-servitù,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 207, 208 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0166/2018),

A.  billi l-Politika Kummerċjali Komuni hija magħmula minn ftehimiet kummerċjali u miżuri leġiżlattivi biex jissalvagwardjaw l-interessi kummerċjali offensivi u difensivi tal-Unjoni, jikkontribwixxu għat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi deċenti, jiżguraw ir-rispett tar-regoli u l-istandards Ewropej, jissalvagwardjaw id-dritt tal-istati biex jirregolaw u taċ-ċittadini għall-benessri, u jippromwovu l-valuri tal-Unjoni; u billi l-konformità ma' dawn l-għanijiet teħtieġ orjentazzjoni tajba tal-politika kummerċjali tal-Unjoni u implimentazzjoni u monitoraġġ effiċjenti u sħaħ tagħha b'mod aktar ġust u trasparenti;

B.  billi l-Unjoni impenjat ruħha li tiggarantixxi koerenza tal-politika għall-iżvilupp skont il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp tal-2017 tagħha, li jfittex li jiżgura żvilupp sostenibbli u jaċċellera t-trasformazzjoni billi jagħmel enfasi fuq l-elementi trażversali tal-politika tal-iżvilupp bħall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iż-żgħażagħ, l-investiment u l-kummerċ, l-enerġija sostenibbli u l-azzjoni klimatika, il-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, il-migrazzjoni u l-mobilità, sabiex tikkontribwixxi mat-totalità tal-politiki esterni tagħha, inkluż il-Politika Kummerċjali Komuni, għall-għanijiet definiti fl-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli;

C.  billi l-Unjoni hija impenjata li tippromwovi xogħol deċenti għal kulħadd, kif stabbilit fl-Eżitu tas-Summit Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2005 u fid-Dikjarazzjoni Ministerjali tat-Taqsima ta' Livell Għoli tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2006, inkluż permezz tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha; billi l-Kunsill Ewropew issottolinja b'mod ripetut l-importanza li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni u li titqies f'diversi linji politiċi interni u esterni u fil-kooperazzjoni internazzjonali;

D.  billi l-Unjoni hija l-akbar forza kummerċjali fid-dinja u l-akbar suq uniku fid-dinja, u billi hija l-akbar esportatur fid-dinja ta' oġġetti u servizzi, b'tali mod li ssostni 31 miljun impjieg fl-Ewropa, 67 % aktar mill-ammont ta' nofs id-disgħinijiet;

E.  billi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) hija l-unika organizzazzjoni internazzjonali fid-dinja kollha li tittratta r-regoli globali tal-kummerċ bejn pajjiżi jew żoni ekonomiċi differenti;

F.  billi l-fażi ta' implimentazzjoni u ta' infurzar hija kruċjali u fundamentali sabiex tiggarantixxi l-effikaċja tal-politika kummerċjali tal-Unjoni;

G.  billi ċ-ċittadini tal-Unjoni qegħdin dejjem jeżiġu li l-politika kummerċjali tal-Unjoni tiżgura li l-oġġetti li jidħlu fis-suq tal-UE jkunu ġew prodotti skont kundizzjonijiet deċenti u sostenibbli;

H.   billi l-kumpaniji Ewropej jużaw it-tnaqqis fid-dazji doganali disponibbli fil-kuntest tal-ftehimiet kummerċjali għal madwar 70 % tal-esportazzjonijiet tagħhom li jistgħu jibbenefikaw minnhom, filwaqt li s-sħab tagħna jużawhom f'madwar 90 % tal-każijiet u billi huwa fundamentali li l-kumpaniji Ewropej jużaw bis-sħiħ dawn il-benefiċċji biex l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment jingħataw spinta;

I.  billi l-SMEs huma l-mutur tal-ekonomija Ewropea fejn jirrappreżentaw 30 % tal-esportazzjonijiet tal-Unjoni u 90 % tal-impjiegi fl-UE, u billi huwa fundamentali li dawn ikunu parti integrali mill-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali tal-Unjoni, b'tali mod li jsaħħu r-rwol tagħha fl-esportazzjoni, l-innovazzjoni u l-internalizzazzjoni;

J.   billi l-Unjoni hija l-akbar esportatur dinji ta' servizzi u li s-surplus kummerċjali tal-Unjoni f'dan is-settur żdied b'għaxar darbiet mill-2000 u laħaq aktar minn EUR 120 biljun fl-2016;

K.   billi għandhom jingħataw tweġibiet ċari u preċiżi għall-kwistjonijiet li qamu fil-kuntest tad-dibattitu pubbliku dwar il-Politika Kummerċjali Komuni u l-implimentazzjoni tagħha;

L.  billi l-Politika Kummerċjali Komuni, kif issuġġerita mill-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd, hija politika bbażata fuq il-valur maħsuba biex tippromwovi, fost affarijiet oħra, it-trasparenza, il-governanza tajba, l-iżvilupp sostenibbli u prattiki ta' kummerċ ġust;

M.  billi l-politika kummerċjali tal-Unjoni trid tkun konsistenti mal-politiki oħra tagħha esterni u interni u f'konformità mal-prinċipju ta' koerenza politika għall-iżvilupp biex tiżgura trasparenza, stabbiltà u kundizzjonijiet aktar ġusti għall-kompetizzjoni, bil-kunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

Il-kuntest attwali tal-politika kummerċjali

1.  Ifakkar li l-kuntest internazzjonali għadda minn tibdil profond wara l-pubblikazzjoni tal-istrateġija "Kummerċ għal Kulħadd", u li issa jridu jiġu indirizzati sfidi ġodda u kompiti konkreti dwar il-kummerċ; huwa mħasseb dwar il-fatt li qed jara lok ta' xi prattiki protezzjonisti li huma inkompatibbli mar-regoli tad-WTO madwar id-dinja u jtenni l-appoġġ tiegħu għal sistema kummerċjali bbażata fuq ir-regoli li hija miftuħa, ġusta, ibbilanċjata, sostenibbli u bbażata fuq ir-regoli;

2.  Jieħu nota tal-importanza ekonomika dejjem tikber tal-Asja kif ukoll tal-fatt li b'mod gradwali, l-Istati Uniti tal-Amerka qed jitbiegħdu mir-relazzjonijiet kummerċjali u l-inċertezza li tirriżulta għall-kummerċ internazzjonali, kif ukoll kritiki domestiċi tal-politika kummerċjali internazzjonali u d-domanda għal kummerċ ġust; jistieden lill-Kummissjoni tadatta l-politika kummerċjali tagħha biex tindirizza dawn l-iżviluppi u tkun aktar responsiva u responsabbli, filwaqt li fl-istess ħin tistabbilixxi strateġija fuq terminu twil, b'kunsiderazzjoni ta' dawn il-bidliet fil-kuntest internazzjonali; jissottolinja li, f'dan il-kuntest globali li qed jinbidel, ir-rwol tal-UE fil-promozzjoni ta' aġenda kummerċjali bbażata fuq il-valur huwa dejjem aktar importanti għaċ-ċittadini Ewropej;

3.  Jenfasizza l-importanza dejjem akbar tas-servizzi, speċjalment is-servizzi diġitali, inkluż is-servitizzazzjoni tal-kummerċ fl-oġġetti (Modalità 5), tal-fluss tad-data u tal-kummerċ elettroniku fil-kummerċ internazzjonali; jenfasizza l-bżonn li jissaħħu r-regoli internazzjonali rilevanti sabiex jiġu żgurati benefiċċji konkreti għall-konsumaturi, aċċess aħjar għas-swieq barranin għall-kumpaniji Ewropej u r-rispett tad-drittijiet fundamentali madwar id-dinja kollha, inkluża l-protezzjoni tad-data u l-privatezza; jirrimarka li l-protezzjoni tad-data personali mhijiex negozjabbli fi ftehimiet kummerċjali, jemmen li d-drittijiet diġitali taċ-ċittadini għandhom jiġu avvanzati permezz ta' ftehimiet kummerċjali u jfakkar il-pożizzjoni tiegħu dwar il-protezzjoni tad-data u l-kummerċ diġitali kif espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu "Lejn strateġija għall-kummerċ diġitali"; jissottolinja li l-politika kummerċjali tal-UE jista' jkollha rwol sinifikanti sabiex jitnaqqas id-distakk diġitali; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tavvanza l-aġenda kummerċjali diġitali fin-negozjati attwali u futuri tal-FTA u fid-WTO; jitlob li l-kapitoli dwar il-kummerċ diġitali jiġu inklużi fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha, inklużi dawk li bħalissa qed jiġu nnegozjati u jfakkar l-importanza li jiġu evitati rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni tad-data mhux ġustifikati; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi strateġija għall-kummerċ diġitali li tqis l-opportunitajiet li toffri lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju billi tiffaċilita l-aċċess għas-swieq globali;

4.  Jenfasizza li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni se jkollu konsegwenzi fuq il-kummerċ intern u estern; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi immedjati biex tantiċipa l-impatt tal-Brexit fuq il-politika kummerċjali tal-Unjoni u biex tippreżenta fi żmien xieraq valutazzjoni tal-impatt li tinkludi għażliet differenti għar-relazzjonijiet futuri tal-kummerċ sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali tal-UE u r-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u wkoll modi kif issib soluzzjoni rigward l-impenji komuni fid-WTO;

5.  Jieħu nota tal-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-FTA UE-Singapore li jistipula li minbarra l-kwistjoni tal-investimenti ta' portafoll u r-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn investituri u Stati, il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ma' Singapore jaqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiċċaraw malajr kemm jista' jkun id-deċiżjoni tagħhom dwar l-istruttura tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles fil-futur u biex jirrispettaw bis-sħiħ din id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha għall-adozzjoni ta' direttivi ta' negozjati, il-bażi legali tal-proposti li għandhom jiġu ffirmati u konklużi, u b'mod partikolari l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Kunsill ta' ftehimiet kummerċjali internazzjonali, sabiex ma jkunx hemm aktar dewmien ta' kwalunkwe negozjati kummerċjali mas-sħab kummerċjali maqbula iżda mhux ratifikati; ifakkar li l-Parlament irid ikun involut u infurmat bis-sħiħ mill-bidu tal-negozjati kummerċjali kollha, qabel l-adozzjoni ta' linji gwida tan-negozjati, fil-ħin, fl-istadji kollha tal-għoti tal-mandat, u tan-negozjati u fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali; jitlob li l-arranġamenti meħtieġa jsiru permezz ta' ftehim interistituzzjonali, fil-kuntest ta' ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet;

6.  Jinnota li, minkejja l-irtirar tal-Istati Uniti min-negozjati, il-11-il pajjiż li jifdal irnexxielhom jilħqu qbil dwar Ftehim ta' Sħubija Trans-Paċifika fit-23 ta' Jannar 2018 f'Tokyo;

L-istat attwali tal-programm ta' negozjati kummerċjali tal-Unjoni

7.  Jiddeplora l-fatt li l-ebda ftehim ma ntlaħaq matul il-laqgħa Ministerjali tad-WTO fi Buenos Aires; jenfasizza l-importanza politika u ekonomika ewlenija tas-sistema multilaterali u jtenni l-appoġġ tiegħu għas-sistema; jistieden lill-Unjoni biex tmexxi 'l quddiem b'mod attiv il-proposti għal regoli aġġornati u multilaterali, filwaqt li tqis l-isfidi ġodda li ħerġin minn katini tal-valur mondjali, u biex tippromwovi r-rwol ċentrali tad-WTO fis-sistema globali tal-kummerċ; jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ; jilqa' pożittivament l-estensjoni sal-2033 tad-deroga tad-WTO għall-prodotti farmaċewtiċi għall-pajjiżi l-anqas żviluppati; jiddispjaċih li ċerti ftehimiet multilaterali mhumiex rispettati u jappella lill-Kummissjoni biex taħdem aktar fi ħdan id-WTO dwar l-implimentazzjoni effikaċi tar-regoli u l-ftehimiet multilaterali; ifakkar fit-talba preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni biex timpenja ruħha fit-tfassil tal-aġenda tad-WTO, b'mod partikolari fir-rigward tar-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpaniji u l-Kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-ostakli tal-Istati Uniti ta' ħatriet ġodda fil-korp tal-appell tad-WTO u jenfasizza l-importanza ta' sistema li tiffunzjona tajjeb għas-soluzzjoni ta' tilwim fid-WTO; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-kooperazzjoni mas-sħab ewlenin tagħna f'li tindirizza kompetizzjoni mhux ġusta u prattiki protezzjonisti minn pajjiżi terzi;

8.  Jinnota l-fatt li n-negozjati plurilaterali tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA) u tal-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali ġew imblukkati; jappella lill-Unjoni tieħu l-inizjattiva biex terġa' tmexxi ż-żewġ proċessi tan-negozjati mill-ġdid, u fil-każ tan-negozjati TiSA, f'konformità mal-pożizzjoni tal-Parlament dwar it-TiSA;

9.  Jenfasizza li diversi ftehimiet ta' kummerċ ħieles, eż. il-ftehimiet ta' kummerċ mal-Kanada u l-Ekwador, id-dispożizzjonijiet tad-DCFTA fil-ftehim ta' assoċjazzjoni UE-Ukrajna u d-diversi FSE mal-pajjiżi Afrikani, daħlu fis-seħħ bis-sħiħ jew proviżorjament u li l-ftehimiet kummerċjali ma' Singapore, il-Vjetnam u l-Ġappun ġew konklużi minn mindu ġiet ippubblikata l-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd; jenfasizza l-bżonn li jingħata biżżejjed appoġġ politiku u amministrattiv biex jiġi żgurat li n-negozjati kummerċjali jkunu jistgħu jiġu maqbula u ratifikati fi ħdan skedi ta' żmien xierqa; jappoġġja l-proċess attwali ta' modernizzazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali maċ-Ċilì u l-Messiku; ifakkar fit-talba tiegħu biex jinbdew negozjati mal-Awstralja u New Zealand, b'kunsiderazzjoni tal-pożizzjonijiet tiegħu;

10.  Jenfasizza li relazzjonijiet kummerċjali u ta' investimenti ta' benefiċċju reċiproku mas-sħab strateġiċi tal-UE għandhom jiġu promossi u msaħħa aktar; jappella għal sforzi mġedda biex jitmexxew 'il quddiem in-negozjati dwar il-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment maċ-Ċina, b'mod partikolari rigward ir-reċiproċità fit-trattament tal-aċċess għas-suq u l-progress dwar l-iżvilupp sostenibbli;

11.  Jenfasizza l-fatt li l-ftehimiet konklużi u n-negozjati bilaterali kurrenti u futuri tal-Unjoni jirrappreżentaw opportunitajiet għal tkabbir permezz ta' aċċess għas-swieq u ta' tneħħija tal-ostakli kummerċjali; jitlob lill-Kummissjoni biex kontinwament timpenja ruħha mal-partijiet ikkonċernati biex tivvaluta l-prijoritajiet fin-negozjati li għaddejjin; ifakkar li trid tingħata prijorità lis-sustanza tan-negozjati minflok lill-pass tagħhom, li n-negozjati jridu jsiru fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku, li r-regoli tal-UE u l-istandards iridu jiġu assigurati, bi prevenzjoni ta' theddid tal-mudell soċjali tal-UE u l-ambjent, u li s-servizzi pubbliċi, inklużi s-servizzi ta' interess ġenerali u s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, f'konformità mal-Artikoli 14 u 106 tat-TFUE u l-Protokoll 26, kif ukoll is-servizzi awdjoviżivi, iridu jiġu esklużi; jenfasizza li l-Kummissjoni trid tiżgura fin-negozjati kummerċjali kollha li l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jżommu d-dritt sħiħ li jintroduċu, jadottaw, iżommu jew jirrevokaw kwalunkwe miżura fir-rigward tal-ikkummissjonar, l-organizzazzjoni, il-finanzjament u l-provvista ta' servizzi pubbliċi kif kien il-każ bi ftehimiet kummerċjali preċedenti;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrieżaminaw u, jekk meħtieġ, jaġġornaw il-mandati ta' negozjar għan-negozjati kummerċjali għaddejja kull ħames snin sabiex jirriflettu l-isfidi u l-kuntesti li potenzjalment jinbidlu, u li jinkludu klawżoli ta' rieżami fi ftehimiet kummerċjali biex jiżguraw li huma implimentati kemm jista' jkun b'mod effikaċi u li huma adattabbli sabiex jirriflettu u jadattaw għall-kuntesti attwali, dment li l-iskrutinju u t-trasparenza parlamentari huma ggarantiti;

13.  Ifakkar li l-Kummissjoni ħabbret diversi drabi t-tnedija ta' negozjati dwar l-investiment ma' Hong Kong u t-Tajwan u jistieden lill-Kummissjoni tispiċċa l-ħidma preparatorja sabiex tibda uffiċjalment in-negozjati dwar il-ftehimiet ta' investiment kemm jista' jkun malajr;

14.  Jenfasizza l-importanza ta' investiment intern u barrani għall-ekonomija Ewropea, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata protezzjoni għall-investituri Ewropej barra minn pajjiżhom; jistieden lill-Kummissjoni tkompli x-xogħol tagħha dwar is-sistema multilaterali l-ġdida ta' Qorti tal-Investiment li, fost affarijiet oħra, trid tiffoka fuq it-trasparenza u fuq il-garanzija tad-dritt għal regolamentazzjoni tal-Istati, u tipprovdi mekkaniżmu ta' appell, regoli stretti dwar il-kunflitt ta' interess u kodiċi ta' kondotta; iqis li din is-sistema ġdida għandha tindirizza l-obbligi tal-investituri, tevita l-litigazzjoni frivola, iżżomm d-dritt li tirregola fl-interess pubbliku u tevita l-iffriżar regolatorju, tiggarantixxi ugwaljanza ġuridika fost l-investituri (b'attenzjoni partikolari għall-mikrointrapriżi u l-SMEs), l-indipendenza, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont; jesplora l-possibbiltà ta' inklużjoni ta' dispożizzjonijiet proċedurali dwar, inter alia, kontrotalbiet fejn l-investimenti soġġetti għal talba saru bi ksur tal-liġijiet applikabbli, u jiġu evitati talbiet paralleli f'toroq differenti għall-ġustizzja, b'hekk tiġi ċċarata r-relazzjoni tagħha mal-qrati domestiċi;

15.  Jistieden lill-Istati Membri biex fl-aħħar jiżblukkaw il-proċedura rigward il-Konvenzjoni ta' Mauritius dwar it-Trasparenza f'Arbitraġġ ibbażat fuq Trattat bejn l-Investituri u l-Istat issa li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ċċarat kwistjonijiet dwar kompetenza, u lill-Kummissjoni biex tirdoppja l-isforzi tagħha f'dan ir-rigward; jitlob ukoll li r-rieżami tar-regolament tal-anterjorità għal trattati bilaterali internazzjonali miżmuma mill-Istati Membri jitressqu 'l quddiem mill-2020;

16.  Jistenna impenn imsaħħaħ tal-UE u l-Istati Membri tagħha f'deliberazzjonijiet fi ħdan in-NU rigward Trattat Vinkolanti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

17.  Jinnota bi tħassib li r-riforma tar-regoli ta' oriġini mħabbra fl-istrateġija ta' Kummerċ għal Kulħadd għadha mhix implimentata; jenfasizza l-kumplessità tar-regoli ta' oriġini u jtenni t-talba tiegħu għal regoli ta' oriġini aġġornati, applikabbli faċilment u aktar ċari; jenfasizza l-impenn li sar waqt l-10 Konferenza Ministerjali tal-Euromed biex tiġi ffinalizzata r-reviżjoni tal-Konvenzjoni Pan-Euromed sal-aħħar tal-2018; itenni mill-ġdid it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tipprepara rapport li jagħti ħarsa lejn is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tar-regoli ta' oriġini, b'kunsiderazzjoni tal-effetti kumulattivi tar-regoli ta' oriġini permezz tal-FTAs bilaterali;

18.  Ifakkar li trid tingħata attenzjoni speċjali lill-prodotti agrikoli kif ukoll lill-interessi tal-produtturi u l-konsumaturi Ewropej fl-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali tal-Unjoni, b'mod partikolari fid-dawl tal-impatt kumulattiv tal-FTAs fis-settur; jissottolinja l-fatt li l-ftehimiet kummerċjali jistgħu joffru opportunitajiet ekonomiċi għas-settur agroalimentari, b'mod partikolari fil-kuntest tal-ftehim konkluż mal-Ġappun; jinnota li l-Unjoni hija l-akbar esportatur tal-prodotti agroalimentari fid-dinja; jisħaq fuq l-importanza li jintlaħaq bilanċ ġust bejn il-ħarsien tal-prodotti agrikoli sensittivi u l-promozzjoni tal-interessi offensivi tal-Unjoni f'termini ta' esportazzjonijiet agroalimentari, billi jitqiesu, inter alia, il-perjodi ta' tranżizzjoni u l-kwoti xierqa, kif ukoll f'ċerti każijiet, l-esklużjoni possibbli tal-prodotti l-aktar sensittivi; jenfasizza li huwa fundamentali li jiġi żgurat livell għoli ta' standards sanitarji u fitosanitarji f'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni tal-UE filwaqt li tkompli l-ġlieda kontra kwalunkwe trattament diskriminatorju f'dan il-qasam;

Il-prinċipju ta' reċiproċità bħala pilastru tal-politika kummerċjali tal-Unjoni u l-iżgurar tal-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusti u xierqa

19.  Jemmen ħafna li waħda mill-miri ewlenin tal-politika kummerċjali tal-Unjoni għandha tkun li tiġi promossa kompetizzjoni ġusta u tiżgura kundizzjonijiet ekwi; jilqa' r-referenzi għall-prinċipju ta' reċiproċità fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija kummerċjali tal-Unjoni; itenni li r-reċiproċità trid tkun pilastru tal-politika kummerċjali tal-Unjoni filwaqt li titqies il-ħtieġa għal asimetriji ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw meta jkunu rilevanti u dispożizzjonijiet għal trattament preferenzjali lill-pajjiżi l-inqas żviluppati; jinnota l-proposta emendata tal-Kummissjoni għal regolament dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq intern tal-Unjoni tal-akkwist pubbliku, li tista' tkun għodda importanti biex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs fl-aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi; huwa tal-fehma li l-inizjattiva dwar l-iskrinjar ta' investiment barrani dirett lejn l-Unjoni Ewropea għandu l-għan li jipproteġi s-sigurtà u l-ordni pubblika tal-Unjoni u tal-Istati Membri u tista' twassal għal aktar reċiproċità fil-qasam tal-aċċess għas-swieq filwaqt li jiġi żgurat ftuħ kontinwu għall-investiment dirett barrani;

20.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali trid tikkontribwixxi biex tiżgura kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusti u ekwi għall-kumpaniji; jilqa' l-adozzjoni tal-metodoloġija l-ġdida dwar l-antidumping f'każ ta' distorsjoni fi Stat terz; jieħu nota tal-ftehim interistituzzjonali li ntlaħaq dwar il-modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża kummerċjali; jenfasizza l-possibbiltà l-ġdida li huma joffru, b'mod partikolari fir-rigward tal-impożizzjoni ta' dazji 'l fuq mill-marġni tal-ħsara; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-implimentazzjoni t-tajba ta' dawn l-istrumenti l-ġodda billi jintervjenu u jikkoreġu immedjatament kwalunkwe funzjonament ħażin jew abbuż, proporzjonali u f'konformità sħiħa mal-liġi tad-WTO u l-obbligi legali oħra tal-Unjoni; jilqa' l-pożizzjoni proattiva tal-Kummissjoni fl-iskjerament tal-istrumenti tad-difiża kummerċjali fl-2016, u riżoluzzjoni u reattività simili meta dawn l-istrumenti jintużaw b'mod mhux dovut kontra l-esportazzjonijiet tal-UE minn xi wħud mis-sħab kummerċjali tagħna;

21.  Jiddispjaċih li fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Politika Kummerċjali ma tissemma kważi xejn il-ħidma ta' koordinazzjoni li trid issir mad-dwana; jiġbed l-attenzjoni li l-politika kummerċjali trid taħdem biex tiġġieled il-kummerċ illegali sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tan-negozji tagħna u sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' sikurezza tal-konsumaturi; jiġbed l-attenzjoni wkoll għar-rwol importanti tal-politika tal-kompetizzjoni f'dan ir-rigward u l-ħtieġa għal negozjati bilaterali u multilaterali għal dan il-għan;

L-użu ta' strumenti effikaċi trażversali għall-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali għall-benefiċċju ta' kulħadd

22.   Jitlob li l-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali ssir parti integrali tal-istrateġija kummerċjali tal-Unjoni;

23.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża immedjatament l-istrumenti għad-dispożizzjoni tagħha fil-każ ta' funzjonament ħażin, ostaklu jew nuqqas ta' konformità ta' impenn minn sieħeb, b'mod partikolari bl-użu tal-proċedura ta' riżoluzzjoni tat-tilwim kif ukoll il-proċessi eżistenti u ad hoc maħsuba għal dispożizzjonijiet kummerċjali u tal-iżvilupp sostenibbli fl-FTAs tal-Unjoni;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli bħalissa, bil-għan li ttejjeb il-preparazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali għall-adozzjoni mill-koleġiżlaturi tagħna u l-mod kif il-politika ta' kummerċ hi implimentata, u jitlob li servizz speċjali ta' monitoraġġ u evalwazzjoni kontinwi tal-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali jiġu stabbiliti fi ħdan il-Kummissjoni, b'rapportar ukoll lill-Parlament;

25.  Iħeġġeġ minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu aktar, b'mod partikolari permezz ta' strumenti diġitali, biex ineħħu kull ostaklu u piżijiet bla bżonn, biex jissimplifikaw il-proċeduri tekniċi kif ukoll biex jgħinu lill-kumpaniji fl-azzjonijiet tagħhom biex jibbenefikaw minn ftehimiet u strumenti kummerċjali;

26.  Jenfasizza l-ħidma kruċjali tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, flimkien mal-ambaxxati tal-Istati Membri u s-sħab soċjali, li tippermetti azzjoni rapida u diretta biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet kummerċjali jiġu implimentati kif xieraq u jkunu identifikati malajr u indirizzati b'mod effikaċi l-problemi u l-ostakli li jinqalgħu; jemmen li d-delegazzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jibbenefikaw minn sistema integrata bbażata fuq sett uniku ta' regoli u gwida sabiex tiġi żgurata aktar koerenza; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinvolvi delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi b'mod aktar mill-qrib fit-traspożizzjoni tal-ftehimiet eżistenti u ġodda ta' kummerċ ħieles, b'attenzjoni partikolari għax-xena lokali tan-negozji ġodda; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lis-SEAE ikomplu l-ħidma tagħhom fuq id-diplomazija ekonomika, bl-involviment ta', fost l-oħrajn, il-kmamar tal-kummerċ Ewropej;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-effetti kumulattivi tal-ftehimiet kummerċjali, settur b'settur u pajjiż b'pajjiż, sabiex tikkontribwixxi fil-valutazzjoni tal-politika kummerċjali tagħna u tantiċipa u tadatta l-effetti tagħhom;

28.  Jisħaq li ċerti setturi jistgħu jiltaqgħu ma' diffikultajiet ekonomiċi relatati man-negozju kummerċjali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki ta' appoġġ b'kunsiderazzjoni ta' perspettiva soċjali, sabiex jimmassimizzaw il-benefiċċji u jnaqqsu l-effetti negattivi li jistgħu jirriżultaw mil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex iżżid l-effikaċja tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u tagħmlu aktar proattiv;

29.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli u ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha ma' organizzazzjonijiet u fora internazzjonali bħall-G20, in-Nazzjonijiet Uniti, l-OECD, l-ILO, il-Bank Dinji, l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni, dwar l-iżvilupp ta' standards internazzjonali, l-implimentazzjoni tagħhom u l-monitoraġġ tal-kummerċ inkluż dwar aspetti soċjali u ambjentali;

Analiżi tal-ewwel Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (FTAs)

30.  Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni tal-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tal-FTAs; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tippubblika rapport kull sena; jinsisti, madankollu, li l-Kummissjoni għandha tagħmel studji komprensivi aktar fil-fond dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-Unjoni, tkopri s-suġġett aktar fil-fond u tiżgura li l-istudji jinkludu analiżi ekonometrika u kwalitattiva rilevanti u xierqa u interpretazzjonijiet tad-data, rakkomandazzjonijiet konkreti, tqiegħed fil-kuntest iċ-ċifri ppubblikati u tipprovdi informazzjoni addizzjonali kwalitattiva, inklużi – għall-implimentazzjoni tar-regoli – partijiet mill-FTAs bħat-TSD u l-akkwisti pubbliċi; jissottolinja li dan se jagħmilha possibbli li jkun hemm valutazzjoni aħjar u komprensiva tal-impatt reali tal-ftehimiet fuq il-post bil-għan li r-rapport isir effikaċi f'li jiggwida l-istituzzjonijiet tal-UE dwar id-definizzjoni u l-kondotta tal-istrateġija kummerċjali tal-Unjoni; jemmen, f'dan ir-rigward, li għandha tiġi identifikata u użata metodoloġija komuni għal dawn l-istudji;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar id-dispożizzjonijiet tat-trattament MFN f'FTAs bilaterali tal-UE eżistenti u dwar l-effett prattiku tagħhom f'li jiggarantixxu aċċess addizzjonali għas-suq tal-UE f'pajjiżi terzi permezz tal-FTAs innegozjati mis-sħab tal-FTA tal-UE;

32.  Jenfasizza l-fatt li fir-rapport hemm xi informazzjoni u ċifri neqsin; jistieden lill-Kummissjoni taħdem aktar mal-Istati Membri u mal-pajjiżi sħab biex jiksbu aktar data u informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar, fost affarijiet oħra, l-impatt fuq it-tkabbir u l-impjiegi tal-FTAs kollha, il-kontribut tal-FTAs fl-evoluzzjoni tal-flussi tal-kummerċ u l-impatt tal-ftehimiet kummerċjali u tal-investiment dwar il-flussi tal-investiment u l-kummerċ fis-servizzi;

33.  Jinsab imħasseb dwar l-użu ħażin tal-preferenza kummerċjali fl-FTAs tal-Unjoni, b'mod partikolari għall-fatt li l-esportaturi Ewropej jużawhom inqas mill-esportaturi tal-pajjiżi sħab; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika malajr kemm jista' jkun il-kawżi ta' dan l-iżbilanċ u tindirizzahom; jitlob lill-Kummissjoni tanalizza r-relazzjoni bejn regoli ta' oriġini kumplessi u l-adozzjoni tal-ftehimiet kummerċjali preferenzjali minn operaturi ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw minnufih azzjonijiet sabiex jinfurmaw aħjar lill-partijiet ikkonċernati ekonomiċi rigward il-preferenzi kummerċjali previsti mill-ftehimiet; jemmen li informazzjoni dettaljata, inkluż fil-livell mikro, hija meħtieġa sabiex tiġi vvalutata kif xieraq l-implimentazzjoni tal-FTAs tal-UE;

34.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tagħti l-attenzjoni lejn l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-FTAs bħal kif tagħti lill-fażi tan-negozjati; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-problemi ta' implimentazzjoni mas-sħab kummerċjali tal-UE rilevanti sabiex issib soluzzjonijiet u skambji sistematiċi mal-operaturi Ewropej;

35.   Jistieden lill-Kummissjoni tiddiversifika l-approċċ tagħha fis-setturi li tanalizza u tippreżenta l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali għas-setturi li huma meqjusa bħala sensittivi;

36.  Jilqa' l-aħbar ta' introduzzjoni ta' pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni ta' kull ftehim kummerċjali u jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi l-partijiet ikkonċernati kollha fit-tfassil tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika objettivi li għandhom jintlaħqu kif ukoll kriterji konkreti li jippermettu valutazzjoni ċara, bħal pereżempju s-sitwazzjoni attwali tat-tneħħija tal-ostakli nontariffarji, ir-rata ta' użu tal-preferenzi u tal-kwoti, jew is-sitwazzjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni regolatorja u l-progress f'termini ta' kummerċ u żvilupp sostenibbli; jistenna l-implimentazzjoni ta' pjanijiet direzzjonali li għandhom jiġu trażmessi lill-Parlament b'mod parallel mal-konsultazzjoni uffiċjali u jitlob li l-istat ta' progress tal-pjanijiet direzzjonali jiġi inkorporat fir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-FTAs;

37.  Ifakkar li l-ftehimiet kummerċjali ma jistgħux jidħlu fis-seħħ qabel ir-ratifika tagħhom mill-Parlament Ewropew, inklużi l-kapitoli kummerċjali tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni; jemmen li l-prattika ta' stennija tal-kunsens tal-Parlament qabel ma jiġu applikati b'mod proviżorju ftehimiet ta' importanza politika trid tiġi rispettati b'mod orizzontali, kif impenjat mill-Kummissarju Malmström fis-seduta tagħha tad-29 ta' Settembru 2014;

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Politika Kummerċjali Komuni għall-SMEs

38.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta s-sett kollu tal-għodda għall-SMEs sabiex tiżviluppa approċċ globali aktar integrat kif ukoll strateġija proprja ta' internazzjonalizzazzjoni u ta' assistenza għall-SMEs fil-qasam tal-esportazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi dan l-approċċ f'fora internazzjonali; jappoġġja l-involviment f'kampanji ta' informazzjoni effiċjenti għall-SMEs fi sforz biex jiġu mtejba r-rati ta' użu ta' preferenza fl-FTAs tal-UE; jenfasizza l-importanza tal-multilingwiżmu f'li jiġu indirizzati l-SMEs mill-Istati Membri kollha; jitlob għal aktar appoġġ legali u amministrattiv li għandu jkun disponibbli għall-SMEs li għandhom l-intenzjoni li jesportaw lejn swieq barranin, mhux biss billi jaġġornaw is-siti web tagħhom iżda wkoll billi jikkunsidraw jużaw għodda ġodda bħaċ-chats tekniċi online li jistgħu jipprovdu appoġġ bażiku u aktar faċilment aċċessibbli; jitlob lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni jikkontribwixxu fl-informazzjoni dwar l-esportazzjoni lejn is-swieq barranin rispettivi, bil-għan li jiġu mgħejjuna l-SMEs;

39.   Jiddispjaċih li hemm ftit informazzjoni rigward l-SMEs fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-FTAs; jitlob lill-Kummissjoni tiddedika parti speċifika mir-rapport tagħha għall-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali għall-SMEs u għall-użu ta' dispożizzjonijiet speċifiċi għall-SMEs;

40.  Jilqa' l-introduzzjoni ta' kapitoli speċifiċi ddedikati lill-SMEs fl-FTAs li qed jiġu nnegozjati bħalissa u jitlob lill-Kummissjoni tkompli l-isforzi tagħha fin-negozjati u tinkludi kapitoli u dispożizzjonijiet speċifiċi għall-SMEs fil-ftehimiet kummerċjali li hi tinnegozja u fil-proposti leġiżlattivi tagħha sabiex ittejjeb il-kapaċità ta' intrapriżi żgħar u medji biex jinvolvu ruħhom fil-kummerċ u l-investiment; jenfasizza li l-fehim tal-komplessità tar-regoli ta' oriġini, li jiġu aġġornati u li jsiru faċilment applikabbli u aktar ċari hija kwistjoni ta' importanza kbira għall-SMEs u li dispożizzjonijiet speċifiċi għall-SMEs għandhom jiġu nnegozjati fir-rigward tal-aċċess tagħhom għas-swieq barranin tal-akkwist pubbliku; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tipprovdi kalkolatur tar-regoli ta' oriġini magħmula apposta għall-SMEs li għandu speċifikament jippermettilhom jużaw il-preferenzi disponibbli taħt ftehimiet eżistenti bl-għan li tiżdied ir-rata ta' użu ta' preferenzi;

L-importanza tal-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi

41.   Jenfasizza li l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi hija punt offensiv tal-Unjoni fin-negozjati ta' ftehimiet; jissottolinja s-sejba tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-FTAs li ċerti sħab mhumiex qed jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, u jistieden lill-Kummissjoni taġixxi malajr biex dawn is-sħab ikunu konformi ma' dawn id-dispożizzjonijiet;

42.  Ifakkar li s-swieq tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni huma l-aktar miftuħa fid-dinja; jinsab imħasseb dwar in-nonkonformità ta' ċerti sħab mad-dispożizzjonijiet tal-FTAs tal-UE dwar id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tal-akkwist pubbliku, għad-detriment tal-kumpaniji tal-UE, u għall-aċċess limitat ħafna għas-swieq tal-akkwist pubbliku f'ċerti pajjiżi terzi; jitlob lill-Kummissjoni taħdem biex tikseb aktar aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi u tikkunsidra miżuri, f'konformità mar-regoli tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA), li għandhom jintużaw ma' pajjiżi terzi li jagħtu lill-kumpaniji domestiċi tagħhom aċċess prijoritarju lis-swieq tagħhom tal-akkwist pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tiġbor u tippubblika data fuq livell ta' kumpanija dwar l-użu tad-dispożizzjonijiet tal-akkwist pubbliku fl-FTAs sabiex jinftiehmu aħjar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom in-negozji tal-UE;

43.   Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi aktar informazzjoni u statistika dwar kif l-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku żviluppa fuq bosta snin, kif ukoll tagħti informazzjoni konkreta dwar il-benefiċċji li rriżultaw mill-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi;

L-implimentazzjoni effikaċi tal-politika kummerċjali tikkontribwixxi għall-promozzjoni u l-ħarsien tal-valuri tal-Unjoni

44.  Ifakkar li l-Politika Kummerċjali Komuni trid tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-valuri difiżi mill-UE, kif definiti fl-Artikolu 2 tat-TUE, kif ukoll għall-ksib tal-objettivi elenkati fl-Artikolu 21 bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza, ir-rispett tad-dinjità umana kif ukoll il-ħarsien tal-ambjent u d-drittijiet soċjali; jemmen li l-kisba ta' dawn l-objettivi teħtieġ azzjonijiet riżoluti u sostnuti mill-Kummissjoni; jissottolinja li l-Aġenda 2030 tan-NU u l-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima jipprovdu valuri referenzjarji primarji li magħhom jitkejjel il-kontribut tal-politika kummerċjali tal-UE għall-miri globali maqbula tal-iżvilupp sostenibbli;

45.  Jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja b'mod sistematiku s-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ), b'mod partikolari l-SPĠ+, u tkompli l-pubblikazzjoni tar-rapporti biennali; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-ħidma tagħha mal-pajjiżi benefiċjarji, mas-SEAE, mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, mal-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, mal-kumpaniji, mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili sabiex tiżgura ġbir aħjar tal-informazzjoni u tapprofondixxi l-analiżi ta' monitoraġġ biex tasal għal valutazzjoni ċara tal-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tas-sistema; jenfasizza li l-effikaċja tal-SPĠ tiddependi fuq il-kapaċità tal-Kummissjoni li timmonitorja u timplimenta d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni f'każijiet ta' nuqqas ta' implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol u ambjentali;

46.  Ifakkar li l-ftehimiet ta' ġenerazzjoni ġdida jinkludu klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli, li l-implementazzjoni sħiħa tagħhom għandha l-għan li tiżgura u tippromwovi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-valuri tal-Unjoni u tal-istandards soċjali u ambjentali ta' livell għoli; jinnota l-evalwazzjoni tal-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli inklużi fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-FTAs u jitlob li jkun hemm implementazzjoni fil-ħin tad-dispożizzjonijiet eżistenti tat-TSD; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġija preċiża u speċifika fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta' dawn il-kapitoli, minħabba l-fatt li tali evalwazzjoni ma tistax issir abbażi ta' data kwantitattiva biss; ifakkar li hemm diffikultajiet fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TSD f'ċerti każijiet, pereżempju fil-każ tal-FTA UE-Korea, u għalhekk itenni l-appell tiegħu biex jissaħħu l-infurzar u l-monitoraġġ tal-kapitoli tat-TSD, permezz ta' involviment akbar tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż is-sħab soċjali, fil-ftehimiet kummerċjali kollha; jiddispjaċih li l-Kummissjoni kkonkludiet b'mod prematur id-dibattitu dwar kif se ssaħħaħ l-infurzar tal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali, inkluż il-kunsiderazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq is-sanzjonijiet fost għażliet oħra;

47.  Ifakkar, f'dan il-kuntest, ir-rwol importanti ta' Gruppi Konsultattivi Domestiċi; jenfasizza l-valur miżjud potenzjali ta' relazzjoni aktar strutturata u trasparenti mal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi fis-sħab kummerċjali, filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol fundamentali tagħhom f'fehim aħjar tal-imperattivi lokali u l-ambizzjonijiet lokali; iqis li d-DAGs huma essenzjali fil-kontribut lill-proċessi meħtieġa għal monitoraġġ u implimentazzjoni aħjar tal-kapitoli tat-TSD;

48.  Jilqa' r-rieżami tal-Istrateġija tal-Għajnuna għall-Kummerċ u jappoġġja l-objettiv li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw aktar mill-opportunitajiet offruti mill-ftehimiet kummerċjali tal-Unjoni; jenfasizza wkoll li l-istrateġija trid tikkontribwixxi biex tippromwovi kummerċ ġust u etiku u għandha ssir għodda ewlenija fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza globali u tappoġġja l-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiżi sħab tal-UE; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex, fost l-oħrajn, iżżomm aċċess għas-suq Ewropew għall-esportazzjonijiet tagħhom u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

49.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni; jilqa' l-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet kontra l-korruzzjoni fin-negozjati li għaddejin bħalissa dwar l-aġġornar tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni UE‑Messiku u UE-Ċilì; ifakkar li l-FTAs joffru opportunità tajba biex tiżdied il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa;

50.  Jilqa' l-fatt li fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija kummerċjali ġiet ikkunsidrata l-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jenfasizza l-għan li jiġi żgurat li n-nisa jibbenefikaw mill-kummerċ bl-istess mod bħall-irġiel, inkluż permezz tal-Għajnuna mill-istrateġija kummerċjali; jenfasizza li dan jirrikjedi approċċ proattiv mill-Kummissjoni, promozzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġenerifil-politika kummerċjali tal-UE, u jitlob lill-Kummissjoni tinkludi dan l-aspett fir-rapporti annwali ta' implimentazzjoni tagħha futuri;

51.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tiżgura li n-negozjati kummerċjali għall-immodernizzar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni attwali UE-Ċilì jkun jinkludi, għall-ewwel darba fl-UE, kapitolu speċifiku dwar il-ġeneru u l-kummerċ; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jippromwovu u jappoġġjaw l-inklużjoni ta' kapitolu speċifiku dwar il-ġeneru fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment tal-UE;

52.   Jilqa' l-adozzjoni tar-Regolament kontra t-Tortura u jisħaq fuq l-importanza li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba tiegħu u li s-sħab kummerċjali tagħna jikkonformaw miegħu; jappoġġja t-tnedija tal-alleanza kontra t-tortura fuq livell internazzjonali;

53.  Jilqa' l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt li għandu l-għan li jikkontribwixxi għal ġestjoni aktar responsabbli tal-katina tal-valur mondjali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati biex ikomplu x-xogħol preparatorju fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-miżuri ta' akkumpanjament huma mfassla b'mod effiċjenti u li l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati nazzjonali involuti jingħataw l-għarfien u l-assistenza meħtieġa, b'enfasi speċjali fuq l-akkumpanjament tal-SMEs biex isaħħu l-kapaċità tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta tagħhom, kif stipulat mir-regolament;

54.  Jirrikonoxxi l-proliferazzjoni tal-ktajjen tal-provvista globali integrati fix-xejriet kummerċjali internazzjonali; itenni l-appell tiegħu biex jinstabu modi kif jiġu żviluppati l-istrateġiji u r-regoli dwar l-obbligu ta' rendikont u t-trasparenza tal-katina tal-valur mondjali, u jenfasizza li l-Politika Kummerċjali Komuni trid tkun implimentata b'tali mod li tiżgura li l-katina tal-valur mondjali hija ġestita b'mod responsabbli; jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi u ssaħħaħ ir-responsabbiltà soċjali korporattiva bħala parti mill-politika kummerċjali tagħha, inklużi azzjonijiet ulterjuri lejn l-iżvilupp ta' regoli u prattiki speċifiċi, b'kunsiderazzjoni tal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tas-CSR; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tinkludi s-CSR fil-ftehimiet kummerċjali kollha u biex timmonitorja b'mod effikaċi dawn id-dispożizzjonijiet, fi ħdan il-monitoraġġ indipendenti mtejjeb tal-kapitolu TSD mitlub mill-Parlament, li jinvolvi s-soċjetà ċivili; itenni l-appoġġ tiegħu għal inizjattivi internazzjonali bħal pereżempju l-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladesh, u jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq l-implimentazzjoni tiegħu;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-atturi internazzjonali kollha jaderixxu mal-linji gwida l-ġodda tal-OECD dwar id-diliġenza dovuta għal ktajjen tal-provvista responsabbli fis-settur tal-ħwejjeġ u tax-xedd tas-saqajn;

56.  Ifakkar li l-politika kummerċjali u ta' żvilupp tal-UE trid tikkontribwixxi globalment għall-iżvilupp sostenibbli, għall-integrazzjoni reġjonali u għall-inkorporazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ktajjen tal-valur reġjonali u, fl-aħħar mill-aħħar, globali permezz tad-diversifikazzjoni ekonomika, fatt li jeħtieġ regoli kummerċjali globali ġusti u favorevoli għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssostni l-iżvilupp ta' żona kontinentali ta' kummerċ ħieles fl-Afrika, bis-saħħa ta' assistenza politika u teknika;

57.  Ifakkar li l-UE hija impenjata biex teqred l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal fil-livell globali, peress li dan joħroġ mill-valuri tagħna, kif minquxa fl-Artikolu 21 tat-TUE; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tipprojbixxi l-importazzjoni ta' merkanzija prodotta bl-użu tat-tħaddim tat-tfal jew għal kwalunkwe forma ta' xogħol furzat jew skjavitù moderna; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li l-pajjiżi li għadhom ma għamlux dan li jirratifikaw il-Konvenzjonijiet tal-ILO Nru 182 dwar l-agħar forom tat-tħaddim tat-tfal u Nru 138 dwar l-età minima għall-ammissjoni għall-impjieg u x-xogħol;

58.  Josserva l-progress li sar fil-konklużjoni u fl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE); iqis li hemm bżonn analiżi fil-fond tal-impatt tagħhom fuq l-ekonomiji Afrikani u s-sottosetturi tagħhom, is-swieq tax-xogħol rispettivi u l-promozzjoni tal-kummerċ interreġjonali fl-Afrika; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika d-djalogu fi spirtu ta' sħubija ġenwina bil-għan li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet pendenti; ifakkar li l-FSE huma ftehimiet asimetriċi li għandhom jagħtu importanza ndaqs lill-aspetti marbuta mal-iżvilupp u mal-kummerċ; jitlob f'dan ir-rigward l-implimentazzjoni fil-pront tal-miżuri ta' akkumpanjament, inkluż l-iżborż tar-riżorsi tal-FEŻ;

59.  Jilqa' pożittivament, barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-FSE Cariforum; josserva li hemm bżonn sensibilizzazzjoni akbar biex ikun żgurat li l-pajjiżi CARICOM ikunu jistgħu jisfruttaw l-opportunitajiet offruti mill-Ftehim; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-istituzzjonijiet futuri tas-soċjetà ċivili jkunu kkonvokati fil-ħin;

60.  Itenni l-appell tiegħu lill-UE biex taħdem favur soluzzjonijiet adegwati u effiċjenti għall-introduzzjoni ta' sistema ta' tikkettar soċjalment u ambjentalment traċċabbli tul il-katina ta' produzzjoni kollha, f'konformità mal-Ftehim TBT tad-WTO, filwaqt li tiġi promossa azzjoni simili fuq livell internazzjonali;

It-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni għandhom jimxu id f'id mal-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali tal-Unjoni

61.  Jieħu nota tal-ħidma tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza u jistieden lill-Kummissjoni biex tmexxi negozjati bl-iktar mod trasparenti possibbli, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ l-aħjar prattiki kif stabbilit f'negozjati oħra; jemmen li l-kisba tat-trasparenza trid tkun parti mill-objettivi ewlenin tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippubblikaw id-dokumenti dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet filwaqt li ma jdgħajfux il-pożizzjoni ta' negozjati tal-Unjoni;

62.   Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija proprja ta' komunikazzjoni għall-politika kummerċjali kif ukoll għal kull ftehim kummerċjali sabiex tiġi massimizzata t-trażmissjoni tal-informazzjoni u biex tiġi adattata għall-partijiet ikkonċernati kollha biex b'hekk ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-ftehimiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati ekonomiċi dwar il-ftehimiet konklużi billi jinżamm djalogu regolari mal-federazzjonijiet professjonali, mal-kumpaniji u mas-soċjetà ċivili;

63.  Jilqa' l-pubblikazzjoni mill-Kunsill tal-mandati ta' negozjar għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP), is-CETA, it-TiSA, il-ftehimiet mal-Ġappun, it-Tuneżija u ċ-Ċilì, u l-Konvenzjoni MIC, kif ukoll il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni tal-proposti tagħha tal-mandati ta' negozjar għall-ftehimiet mal-Awstralja u man-New Zealand kif ukoll għall-ħolqien ta' MIC f'konformità mad-domanda li l-Parlament ilu jagħmel dwar it-trasparenza; jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri jippubblikaw il-mandati kollha ta' negozjati u jistieden lill-Kummissjoni tippubblika l-proposti kollha ta' mandat għall-ftuħ ta' negozjati futuri; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinkludu r-rakkomandazzjonijiet mill-Parlament waqt l-abbozzar u l-adozzjoni tal-mandati ta' negozjar;

64.  Itenni t-talba tiegħu li l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali, l-operaturi ekonomiċi u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali għandhom ikunu involuti aktar mill-qrib fil-monitoraġġ tal-politika kummerċjali, inklużi, iżda mhux limitati għalihom, id-dispożizzjonijiet tat-TSD; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ pjan ta' azzjoni u deskrizzjoni ta' "Sħubija Msaħħa" għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali;

65.  Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt li saru għal kull ftehim kummerċjali u tinkludi fihom analiżi settorjali u ġeografika; jenfasizza li komunikazzjoni aħjar u aktar fil-ħin dwar l-informazzjoni li tinsab fl-istudji tal-impatt ex ante u ex post tal-ftehimiet kummerċjali hija essenzjali;

66.  Jilqa' l-aħbar tat-twaqqif tal-grupp konsultattiv għall-monitoraġġ tal-politika kummerċjali; jenfasizza l-importanza li dan il-korp il-ġdid jidħol fis-seħħ malajr, b'mod miftuħ u inklużiv; jitlob li b'mod regolari, il-Kummissjoni tippubblika d-dokumenti tal-laqgħat u l-ħidma ta' dan il-grupp konsultattiv; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiddefinixxi l-proċessi biex tiżgura li tingħata tweġiba xierqa dwar kwistjonijiet mqajma mill-grupp konsultattiv;

67.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali, kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(1)

Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2016)0299.

(2)

Testi Adottati, P8_TA(2017)0439.

(3)

ĠU C 101, 16.3.2018, p. 19.

(4)

ĠU C 35, 31.1.2018, p. 21.

(5)

Testi Adottati, P8_TA(2017)0330.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2017_0437.

(7)

Testi Adottati, P8_TA(2017)0488.

(8)

Testi Adottati, P8_TA(2017)0090.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2016)0369.

(10)

ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.

(11)

ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 94.

(12)

Testi Adottati, P8_TA(2017)0225.


NOTA SPJEGATTIVA

Wara l-pubblikazzjoni fl-2015 tal-istrateġija "Kummerċ għal Kulħadd", il-kuntest tal-politika kummerċjali tal-Unjoni nbidel u l-isfidi ġodda jridu jiġu indirizzati.

Fost l-aħbarijiet ewlenin ta' dawn l-aħħar sentejn, l-Istati Uniti qed jitbiegħdu b'mod gradwali mill-kummerċ internazzjonali u mis-sistema multilaterali filwaqt li l-forza kummerċjali tal-kontinent Asjatiku dejjem qiegħda tikber. Fl-Ewropa, fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika d-deċiżjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea wara r-riżultat tar-referendum. B'mod parallel, il-kuntest ekonomiku huwa kkaratterizzat mill-iżvilupp mgħaġġel tas-servizzi u tas-settur diġitali. Fl-aħħar nett, id-dibattitu pubbliku ġie intensifikat rigward il-kwistjoni tal-kummerċ internazzjonali u tqajmu diversi mistoqsijiet miċ-ċittadini; irridu nagħtu tweġibiet ċari u preċiżi, sabiex nuru u nfakkru li l-politika kummerċjali hija utli għall-kumpaniji u għaċ-ċittadini.

Analiżi ta' nofs it-terminu tal-Politika Kummerċjali Komuni hija għaldaqstant milqugħa tajjeb u hija l-ewwel abbozz ta' rapport dwar din il-kwistjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016.

L-għan ta' dan l-abbozz ta' rapport huwa li jispjega s-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali u li jagħti rendikont tal-azzjonijiet imwettqa. L-għan huwa wkoll li jiġi vverifikat jekk l-impenji mwettqa mill-UE ġewx rispettati wara l-pubblikazzjoni tal-istrateġija kummerċjali tal-UE "Kummerċ għal Kulħadd", filwaqt li jiġi analizzat kif dawn l-azzjonijiet ġew implimentati. L-abbozz ta' rapport ikopri l-perjodu minn Ottubru 2015 sa Diċembru 2017.

Il-ħidma ta' analiżi tar-rapporteur iffukat fuq erba' dokumenti ta' referenza:

-  l-istrateġija l-ġdida dwar il-kummerċ u l-investiment "Kummerċ għal kulħadd" ippubblikata mill-Kummissjoni f'Ottubru 2015

-  ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment

-  ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat attwali tal-istrateġija kummerċjali tal-Unjoni sentejn wara l-implimentazzjoni tagħha, ippubblikat mill-Kummissjoni fl-14 ta' Settembru 2017 - COM(2017) 491 finali

-  ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni ta' Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2016, ippubblikat fid-9 ta' Novembru 2017 COM(2017) 654

Ir-rapporteur tagħti ħarsa lejn il-punti ewlenin definiti fl-istrateġija kummerċjali komuni u li jridu jiġu segwiti mill-politika tal-kummerċ tal-UE.

L-Unjoni Ewropea, l-akbar forza kummerċjali fid-dinja, trid tippromwovi l-interessi tal-kumpaniji u taċ-ċittadini permezz tal-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha filwaqt li ssegwi l-għan ta' kummerċ ġust u ekwu għal kulħadd, ibbażat fuq ir-regoli li jridu jiġu rispettati u fuq prinċipji ewlenin bħar-reċiproċità. L-abbozz ta' rapport jagħti ħarsa ġenerali tal-istat attwali tal-programm tan-negozjati multilaterali, plurilaterali u bilaterali tal-Kummissjoni kif ukoll tal-istrumenti adottati fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kompetizzjoni inġusta.

Tingħata enfasi wkoll fuq il-fatt li l-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali u l-monitoraġġ tagħha jridu jsiru parti integrali tal-istrateġija kummerċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-kumpaniji Ewropej ma jużawx biżżejjed il-benefiċċji offruti minn ftehim ta' kummerċ ħieles filwaqt li r-rata ta' użu ta' dawn il-preferenzi mill-kumpaniji ta' pajjiżi sħab hija ħafna ogħla. Madankollu, huwa essenzjali li l-kontenut tal-ftehimiet jiġi applikat u li l-istrumenti Ewropej ikunu kompletament użati mill-operaturi ekonomiċi u mill-konsumaturi. L-abbozz ta' rapport janalizza u jikkummenta l-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles.

Ir-rapporteur iffukat ukoll fuq l-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet speċifiċi tal-istrateġija kummerċjali li jirrappreżentaw punti offensivi għall-UE u jridu jiġu rispettati. Dawn jinkludu b'mod partikolari, ir-rikonoxximent u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, l-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku minħabba l-livell ta' ftuħ tal-UE, u l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet speċifiċi għall-SMEs.

Il-politika kummerċjali, permezz tal-implimentazzjoni ta' ftehimiet u strumenti kummerċjali, tikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni Ewropea, kif definit fl-Artikolu 2 tat-TUE u trid tiżviluppa ġestjoni responsabbli tal-katina tal-valur. Ir-rapporteur għalhekk tikkunsidra wkoll l-istrumenti implimentati mill-Kummissjoni mill-2015 u l-azzjonijiet li jiġu wara dawn l-objettivi.

Fl-aħħar nett, ir-rapporteur tfakkar li huwa fundamentali li jkun hemm aktar trasparenza fl-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni, b'mod partikolari matul in-negozjati ta' ftehimiet kummerċjali. Komunikazzjoni aħjar dwar il-politika kummerċjali fil-livell Ewropew u nazzjonali tippermetti wkoll skambju aħjar ta' informazzjoni lill-partijiet ikkonċernati.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (26.2.2018)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni

(2017/2070(INI))

Rapporteur: Doru-Claudian Frunzulică

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-kummerċ mhuwiex għan fih innifsu, iżda li politika kummerċjali inklużiva u ġusta, allinjata mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tikkostitwixxi element importanti li jista' jikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar; ifakkar il-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, li jirrikjedi li l-għanijiet tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jitqiesu fil-politiki li x'aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob li jsiru sforzi biex ikunu żgurati mudelli ta' konsum u ta' produzzjoni sostenibbli, u jenfasizza l-bżonn ta' politika kummerċjali inklużiva u ġusta li tirrispetta rigorożament u żżomm l-impenji tal-Ftehim ta' Pariġi tal-UNFCCC, bil-għan li tikkontribwixxi b'mod ġust u koerenti għall-qerda tal-faqar kif ukoll għall-ġustizzja soċjali u klimatika;

2.  Itenni l-importanza tas-sistema multilaterali bħala l-aktar mod effikaċi biex tinkiseb sistema kummerċjali globali inklużiva; jilqa' pożittivament l-estensjoni sal-2033 tad-deroga tad-WTO għall-prodotti farmaċewtiċi għall-pajjiżi l-anqas żviluppati; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiżgura li d-dispożizzjonijiet kummerċjali ma jxekklux l-aċċess għall-mediċini u li d-dispożizzjonijiet TRIPS+, bħall-esklużività tad-data, ma jiġux inklużi fi ftehimiet kummerċjali mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta aktar fil-fond l-impatt tal-ftehimiet kummerċjali preferenzjali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi l-effetti ta' erożjoni tal-preferenzi u tad-devjazzjoni tal-kummerċ u tal-investiment mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw lejn il-pajjiżi żviluppati bil-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (FTAs) tal-UE;

4.  Jenfasizza li hu importanti li jiddaħħlu dispożizzjonijiet komprensivi fil-qasam tal-istandards soċjali, tax-xogħol u ambjentali fil-ftehimiet kummerċjali; josserva d-dibattitu li għaddej bħalissa dwar l-inklużjoni possibbli fil-ftehimiet kummerċjali kollha ta' kapitolu vinkolanti u eżekutorju dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli; jinsisti fuq l-inklużjoni fl-FTAs tal-UE u fir-reġimi kummerċjali preferenzjali ta' dispożizzjonijiet rigorużi biex ikunu miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

5.  Jilqa' favorevolment il-konklużjoni tar-Regolament dwar il-Minerali(1) ta' Kunflitt u jitlob l-implimentazzjoni malajr tiegħu kif ukoll tal-miżuri ta' akkumpanjament; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tintroduċi trasparenza u responsabbiltà akbar fil-ktajjen tal-provvista globali, partikolarment fis-settur tal-ħwejjeġ;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-atturi internazzjonali kollha jaderixxu mal-linji gwida l-ġodda tal-OECD dwar id-diliġenza dovuta għal ktajjen tal-provvista responsabbli fis-settur tal-ħwejjeġ u tax-xedd tas-saqajn;

7.  Ifakkar li aċċess akbar għad-data doganali dwar l-importazzjonijiet li jidħlu fl-UE jkun iżid it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-katina tal-valur mondjali; jistieden lill-Kummissjoni testendi l-obbligi fil-qasam tad-data doganali u tinkludi lill-esportatur u lill-manifattur bħala elementi obbligatorji tad-data doganali, b'hekk jissaħħu t-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-ktajjen tal-valur mondjali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tfittex modi biex tippermetti lill-partijiet b'interess pubbliku jaċċedu għad-data doganali miġbura mill-partijiet li jikkummerċjalizzaw prodotti jew beni importati fl-UE;

8.  Jiddispjaċih li l-mekkaniżmi ta' rapportar mhux finanzjarju għall-kumpaniji Ewropej li joperaw fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jibqgħu jkunu fuq bażi volontarja; josserva li, biex jintlaħaq l-għan tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u jintwera impenn f'atteġġjament soċjalment responsabbli, l-investiment irid jirrispetta rekwiżiti rigorużi ta' responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji (CSR) bi trasparenza totali fil-qasam tat-taxxa, fuq il-bażi ta' qafas ġuridiku internazzjonali ċar; jenfasizza li l-investimenti jridu jintużaw sabiex jappoġġaw l-ekonomiji lokali u l-ħolqien ta' xogħol deċenti f'konformità mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u mal-istandards fundamentali tax-xogħol tal-ILO; itenni l-appell tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipparteċipaw b'mod kostruttiv fil-grupp ta' ħidma intergovernattiv dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem, bl-iskop li jkun stabbilit trattat internazzjonali obbligatorju u eżekutorju;

9.  Jenfasizza l-bżonn ta' riforma tar-reġim tal-investimenti internazzjonali biex ikunu bbilanċjati d-drittijiet u l-obbligi tal-investituri, pereżempju billi l-individwi milquta jitħallew jippreżentaw pretensjonijiet u billi jingħataw rimedji kontra l-investituri barranin li jiksru l-obbligi vinkolanti;

10.  Ifakkar li l-politika kummerċjali u ta' żvilupp tal-UE trid tikkontribwixxi globalment għall-iżvilupp sostenibbli, għall-integrazzjoni reġjonali u għall-inkorporazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ktajjen tal-valur reġjonali u, fl-aħħar mill-aħħar, globali permezz tad-diversifikazzjoni ekonomika, fatt li jeħtieġ regoli kummerċjali globali ġusti u favorevoli għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssostni l-iżvilupp ta' żona kontinentali ta' kummerċ ħieles fl-Afrika, bis-saħħa ta' assistenza politika u teknika;

11.  Josserva l-progress li sar fil-konklużjoni u fl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE); iqis li hemm bżonn analiżi fil-fond tal-impatt tagħhom fuq l-ekonomiji Afrikani u s-sottosetturi tagħhom, is-swieq tax-xogħol rispettivi u l-promozzjoni tal-kummerċ interreġjonali fl-Afrika; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika d-djalogu fi spirtu ta' sħubija ġenwina bil-għan li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet pendenti; ifakkar li l-FSE huma ftehimiet asimetriċi li għandhom jagħtu importanza ndaqs lill-aspetti marbuta mal-iżvilupp u mal-kummerċ; jitlob f'dan ir-rigward l-implimentazzjoni fil-pront tal-miżuri ta' akkumpanjament, inkluż l-iżborż tar-riżorsi tal-FEŻ;

12.  Jilqa' pożittivament, barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-FSE Cariforum; josserva li hemm bżonn sensibilizzazzjoni akbar biex ikun żgurat li l-pajjiżi CARICOM ikunu jistgħu jisfruttaw l-opportunitajiet offruti mill-Ftehim; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-istituzzjonijiet futuri tas-soċjetà ċivili jkunu kkonvokati fil-ħin;

13.  Jieħu nota tad-Deċiżjoni Nru 12/CVI/17 tal-Kunsill tal-Ministri AKP tal-5 u s-6 ta' Diċembru 2017(2) u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tanalizza l-possibbiltà li jinħoloq programm biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jadattaw għat-tibdil tal-leġiżlazzjoni Ewropea u għall-konsegwenzi relatati għall-ekonomiji tagħhom, bil-għan li jitħallew jadottaw il-miżuri neċessarji biex iżommu l-aċċess għas-suq Ewropew għall-esportazzjonijiet tagħhom;

14.  Jisħaq fuq l-importanza ta' mekkaniżmi sodi ta' monitoraġġ fil-ftehimiet kummerċjali mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar li l-monitoraġġ u l-eżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-iżvilupp sostenibbli jirrikjedu impenn fit-tul u globali mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi s-sħab lokali; jappella lill-UE tiżgura li l-kundizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem marbuta ma' preferenzi kummerċjali unilaterali bħalma huma l-SPĠ jew l-SPĠ+ huma implimentati u monitorjati b'mod effikaċi; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, il-fatt li fil-pajjiżi SPĠ+ kollha ntbagħtu missjonijiet ta' monitoraġġ tal-UE u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni kritika tar-rapporti ta' progress biex tevalwa l-kapaċità tal-preferenzi kummerċjali li jagħtu riżultati ta' żvilupp;

15.  Jilqa' favorevolment l-iżvilupp tad-dispożizzjonijiet fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fin-negozjati li għaddejjin mal-pajjiżi tal-Amerka Latina; jenfasizza l-bżonn ta' integrazzjoni ulterjuri tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politika kummerċjali tal-UE;

16.  Jisħaq fuq l-importanza li l-politiki kummerċjali jkunu adattati biex isostnu l-isforzi nazzjonali intiżi li jiġġieldu t-tibdil fil-klima biex ikun rispettat il-Ftehim ta' Pariġi, li għandu jitqies bħala "klawżola essenzjali" fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha tal-UE.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGHTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.2.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Ignazio Corrao, Mireille D'Ornano, Nirj Deva, Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Maria Heubuch, György Hölvényi, Arne Lietz, Norbert Neuser, Vincent Peillon, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Eleftherios Synadinos, Eleni Theocharous, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Thierry Cornillet, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Paul Rübig, Rainer Wieland

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

16

+

ALDE

Thierry Cornillet, Paavo Väyrynen

ECR

Eleni Theocharous

EFDD

Ignazio Corrao

PPE

Agustín Díaz de Mera García Consuegra, György Hölvényi, Cristian Dan Preda, Paul Rübig, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland, Željana Zovko

S&D

Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Arne Lietz, Norbert Neuser, Vincent Peillon

4

-

ECR

Nirj Deva

EFDD

Mireille D’Ornano

GUE/NGL

Lola Sánchez Caldentey

NI

Eleftherios Synadinos

1

0

VERTS/ALE

Maria Heubuch

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli, ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1.

(2)

Deċiżjoni Nru 12/CVI/17 tal-106 Sessjoni tal-Kunsill tal-Ministri AKP, li sar Brussell fil-5 u s-6 ta' Diċembru 2017.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.4.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Tiziana Beghin, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Karoline Graswander-Hainz, Nadja Hirsch, Yannick Jadot, France Jamet, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Artis Pabriks, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Viviane Reding, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Eric Andrieu, Goffredo Maria Bettini, Reimer Böge, Klaus Buchner, Dita Charanzová, Agnes Jongerius, Frédérique Ries


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

33

+

ALDE

Dita Charanzová, Nadja Hirsch, Frédérique Ries

ECR

David Campbell Bannerman, Emma McClarkin, Joachim Starbatty, Jan Zahradil

EFDD

Tiziana Beghin

GUE/NGL

Helmut Scholz

PPE

Laima Liucija Andrikienė, Reimer Böge, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Sorin Moisă, Artis Pabriks, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Viviane Reding, Tokia Saïfi, Adam Szejnfeld, Iuliu Winkler

S&D

Eric Andrieu, Goffredo Maria Bettini, Karoline Graswander-Hainz, Agnes Jongerius, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Joachim Schuster

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Yannick Jadot

2

-

EFDD

William (The Earl of) Dartmouth

ENF

France Jamet

1

0

GUE/NGL

Anne-Marie Mineur

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Mejju 2018Avviż legali