Proċedura : 2017/2012(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0167/2018

Testi mressqa :

A8-0167/2018

Dibattiti :

PV 30/05/2018 - 27
CRE 30/05/2018 - 27

Votazzjonijiet :

PV 31/05/2018 - 7.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0239

RAPPORT     
PDF 767kWORD 82k
7.5.2018
PE 610.927v02-00 A8-0167/2018

dwar l-implimentazzjoni tad-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal - L-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw il-Ħajjiet tal-Bniet u tan-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020

(2017/2012(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Rapporteur: Linda McAvan, Dubravka Šuica

EMENDI
NOTA SPJEGATTIVA
 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TA' MINORANZA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA

Sorsi u laqgħat konġunti ta' kumitati qabel l-eżami tal-abbozz ta' rapport

Mindu nħatru, il-korapporteurs ġabru l-informazzjoni u bbażaw ruħhom, fost l-oħrajn, fuq is-sorsi li ġejjin:

-  sessjoni ta' ħidma organizzata b'mod konġunt mid-Dipartimenti Tematiċi tal-Parlament (PolDep C ta' DĠ IPOL u PolDep ta' DĠ EXPO) u li saret fil-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-25 ta' Settembru 2017;

-  skambju konġunt ta' fehmiet dwar l-abbozz ta' rapport futur, bil-preżenza tal-organizzazzjoni Plan International (u żewġ tfajliet appoġġati minnha) u ta' UN WOMEN, li sar fil-Kumitat għall-Iżvilupp fl-10 ta' Ottubru 2017.


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal (SWD(2015)0182) - L-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw il-Ħajjiet tal-Bniet u tan-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020 Kumitat għall-Iżvilupp

(2017/2012(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (CETS Nru 197) u l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali (CETS Nru. 201),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-11 ta' Mejju 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar il-Fond tal-Popolazzjoni tan-NU (UNFPA) tal-2012 intitolat ''Marrying Too Young - End Child Marriage'' (Żwieġ Kmieni Wisq - Inwaqqfu ż-Żwieġ tat-Tfal),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tal-1995 mir-Raba' Konferenza Dinjija, u l-eżiti tal-konferenzi ta' reviżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u l-eżiti tal-konferenzi ta' reviżjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà Nri 1325 (2000), 1820 (2009), 1888 (2009), 1889 (2010), 1960 (2011), 2106 (2013), 2122 (2013) u 2242 (2015),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa tat-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata f'Settembru 2015 u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016, u b'mod partikolari, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 1, 5, 8 u 10 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva Spotlight UE-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2010-2015 (GAP I),

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill fis-7 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 intitolata "Evalwazzjoni tal-punti b'saħħithom u tan-nuqqasijiet tal-istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015" (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tat-28 ta' April 2015 tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019), Inżommu d-Drittijiet tal-Bniedem fiċ-Ċentru tal-Aġenda tal-UE tat-28 ta' April 2015" (JOIN(2015)(0016)),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sessi fl-Iżvilupp tas-26 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020 (GAP II), adottat mill-Kunsill tal-UE fis-26 ta' Ottubru 2015, u r-rapport Annwali ta' Implimentazzjoni tal-2016 tiegħu, ippubblikat fid-29 ta' Awwissu 2017 mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli,

–  wara li kkunsidra l-Impenn Strateġiku tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-2016-2019 tat-3 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona li jistabbilixxi l-Prinċipju ta' Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, li jirrikjedi li l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jitqiesu fil-politiki li x'aktarx jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

–  wara li kkunsidra l-Konsensus Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar it-tiġdid tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-Reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp(2),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020, ippubblikata f'Ottubru 2017 mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-COC Nederland dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar l-LGBTI(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijet konġunti tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżivlupp u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0167/2018),

A.  billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huwa valur bażiku tal-UE u huwa minqux fit-Trattati tal-UE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi trid għalhekk tiġi implimentata u integrata fl-attivitajiet u l-politiki kollha tal-UE bil-għan li tintlaħaq fil-prattika l-ugwaljanza u jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli; billi l-ugwaljanza u l-emanċipazzjoni tan-nisa jiffurmaw prekundizzjoni għall-ilħiq tal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli wara l-2015, kif ukoll huma kwistjoni awtonoma tad-drittijiet tal-bniedem li għandha tkun segwita b'mod indipendenti mill-benefiċċji tagħha għall-iżvilupp u t-tkabbir;

B.  billi l-ħames Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG5) huwa li tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi u sabiex in-nisa u l-bniet kollha madwar id-dinja jiġu emanċipati, u billi l-SDG5 jrid ikun integrat fl-aġenda sħiħa tal-2030 sabiex jikseb il-progress fl-għanijiet u l-miri kollha tal-Iżvilupp Sostenibbli;

C.  billi l-ebda strateġija ta' żvilupp ma tista' tkun effettiva sakemm in-nisa u l-bniet ma jkollhomx rwol ċentrali;

D.  billi minkejja li l-Pjan ta' Azzjoni oriġinali dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi I (2010-2015) (GAP I) ġab miegħu xi progress, imma kien fih ukoll għadd ta' nuqqasijiet: kamp ta' applikazzjoni limitat, nuqqas ta' bbaġittjar li jkun sensittiv fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi, fehim batut tal-qafas ta' ugwaljanza bejn is-sessi min-naħa tad-delegazzjonijiet tal-UE, nuqqas ta' impenn min-naħa tal-mexxejja tal-UE, u nuqqas ta' arkitettura istituzzjonali u inċentivi biex jiġi mmotivat u appoġġat il-persunal b'mod adegwat;

E.   billi l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015, talab biex dawn in-nuqqasijiet jiġu kkoreġuti u biex għadd ta' bidliet oħra jiġu adottati, inkluż it-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tal-GAP u ż-żieda fir-responsabilità fil-livell ta' ġestjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi;

F.  billi fl-2018 jiġi ċċelebrat is-70 anniversarju mill-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u billi l-prinċipju tal-ugwaljanza jifforma l-qalba tal-viżjoni tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1945 dwar id-drittijiet tal-bniedem, li tgħid li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għandhom ikunu disponibbli għall-bnedmin kollha "mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta' razza, sess, ilsien jew reliġjon";

G.  billi l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi II il-ġdid 2016-2020 (GAP II) beda mir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament b'enfasi fuq il-bdil tal-kultura istituzzjonali tal-UE fil-livell tal-kwartieri ġenerali kif ukoll fil-livell tad-delegazzjoni biex tinħoloq bidla sistematika fil-mod ta' kif l-UE tindirizza l-kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza bejn is-sessi u fuq it-trasformazzjoni tal-ħajjiet tan-nisa u tal-bniet permezz ta' erba' oqsma kruċjali;

H.  billi l-erba' oqsma kruċjali maħluqa fi ħdan il-GAP II huma: l-iżgurar tal-integrità fiżika u psikoloġika tal-bniet u n-nisa; il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali u l-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa; it-tisħiħ tal-vuċi u l-parteċipazzjoni tal-bniet u n-nisa; u pilastru orizzontali li jikkonsisti mill-bidla tal-kultura istituzzjonali tas-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE sabiex jitwettqu b'mod aktar effettiv l-impenji tal-UE;

I.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar l-indirizzar tat-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(4), il-Parlament jenfasizza l-importanza kbira tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa permezz tar-relazzjonijiet esterni tal-UE;

J.  billi huwa diffiċli li jiġi ddeterminat il-baġit allokat għall-azzjonijiet li jħaddnu l-ugwaljanza bejn is-sessi, peress li l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għadha mhix internalizzata fl-allokazzjonijiet kollha tal-baġit u d-deċiżjonijiet dwar l-infiq bħala parti minn metodoloġija ta' bbaġitjar li tqis l-ugwaljanza bejn is-sessi; billi skont il-Kummissjoni l-impenji finanzjarji tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi żdiedu iżda l-kapaċità ta' riżorsi tal-Kummissjoni u tas-SEAE għall-ġestjoni ta' dan il-volum ta' xogħol li qed jiżdied, ma żdiditx;

K.  Jenfasizza li l-parteċipazzjoni tan-nisa f'attivitajiet ekonomiċi hija kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir ekonomiku;

L.  billi hemm it-tendenza li l-ugwaljanza bejn is-sessi tkun assenti fil-programmi u fis-sistemi ta' monitoraġġ tal-proġetti u fil-proċessi ta' evalwazzjoni u billi l-analiżi tal-ugwaljanza bejn is-sessi ftit li xejn hija użata sabiex tinforma dwar objettivi, programmi, proġetti u djalogu tal-istrateġija tal-pajjiżi;

M.  billi sena wara l-adozzjoni tal-GAP II għadu kmieni wisq biex issir valutazzjoni sħiħa tal-impatt tiegħu; billi huwa rakkomandat intervall ta' mill-inqas tliet snin ta' intervent ta' politika jew ta' implimentazzjoni qabel ma ssir evalwazzjoni ta' azzjoni tal-UE; billi l-objettiv ta' dan ir-rapport, għaldaqstant, mhuwiex li jiġu diskussi l-objettivi tal-GAP II iżda li jitqies kif ġew implimentati l-objettivi msemmija fl-ewwel sena tiegħu u li jiġu rrakomandati azzjonijiet biex tittejjeb l-implimentazzjoni fis-snin li ġejjin;

N.  billi l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC) ġiet iffirmata minn 195 pajjiż, hi legalment vinkolanti u tirrappreżenta strument essenzjali biex tiġi indirizzata l-vulnerabbiltà tal-bniet u l-ħtieġa tagħhom għal protezzjoni u kura speċjali;

O.  billi l-istabbiliment mill-ġdid u l-estensjoni tal-Politika tal-Belt tal-Messiku jew l-hekk imsejħa regola "Global Gag", it-tneħħija tal-assistenza globali tas-saħħa tal-Istati Uniti mill-organizzazzjonijiet li jipprovdu lill-bniet u lin-nisa b'servizzi ta' ppjanar tal-familja u ta' saħħa sesswali u riproduttiva, huma ta' tħassib serju; billi programmi li jindirizzaw l-HIV/AIDS, is-saħħa materna u tat-tfal, l-isforzi għar-rispons taz-Zika u oqsma oħra ta' saħħa u mard ser ikunu affettwati, inklużi organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi ta' abort, jagħtu pariri dwarhom, jirreferu għalihom jew jimmilitaw favurihom - anki jekk qed jagħmlu dan bil-fondi tagħhom stess, mhux provenjenti mill-Istati Uniti u anki jekk l-abort huwa legali f'pajjiżhom;

P.  billi d-delegazzjonijiet u l-missjonijiet tal-UE huma f'kuntatt dirett fl-implimentazzjoni tal-GAP II f'pajjiżi sħab, u t-tmexxija u l-għarfien tal-kapijiet u tal-istaff tad-delegazzjonijiet u tal-missjonijiet għandhom rwol sinifikanti li jiżgura l-implimentazzjoni b'suċċess tal-GAP II; billi għad hemm ostaklu bbażat fuq is-sessi li jfixkel lin-nisa milli jkollhom aċċess għal kariġi ta' tmexxija u ta' ġestjoni fid-delegazzjonijiet tal-UE;

Q.  billi terz biss mid-delegazzjonijiet kollha tal-UE jaħdmu fuq id-drittijiet tal-bniedem LGBTI; billi l-Linji Gwida tal-UE dwar l-LGBTI mhux qed jiġu applikati b'mod regolari; billi l-implimentazzjoni tagħhom tiddependi b'mod qawwi fuq l-għarfien u l-interess ta' ambaxxaturi individwali, minflok approċċ strutturat;

R.  billi l-irġiel u n-nisa huma affettwati b'mod differenti f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, wara l-kunflitt u f'sitwazzjonijiet fraġli; billi n-nisa mhumiex biss vittmi iżda wkoll mezzi ta' bidla pożittiva, li jistgħu jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt, tal-bini tal-paċi, tan-negozjati tal-paċi u ta' rikostruzzjoni wara l-kunflitt; billi n-nisa u l-bniet jistgħu jesperjenzaw forom differenti ta' diskriminazzjoni u jkunu iktar esposti għall-faqar; billi fid-dinja, mara minn kull tlieta, x'aktarx tesperjenza vjolenza fiżika u sesswali f'xi mument matul ħajjitha; billi kull sena, 14-il miljun tifla jiġu mġiegħla jiżżewġu;

1.  Jinnota l-pubblikazzjoni, f'Awwisu 2017, tal-ewwel rapport ta' implimentazzjoni annwali għas-sena 2016, li juri momentum ċar lejn l-implimentazzjoni tal-GAP II;

2.  Jisħaq fuq il-punt li, sena wara l-adozzjoni tal-GAP II, għadu kmieni wisq, iżda d-direzzjoni ġenerali li ttieħdet qed tintlaqa' tajjeb u ġie nnotat numru ta' tendenzi pożittivi; jinnota wkoll, madankollu, numru ta' sfidi fir-rigward tar-rapportar u l-implimentazzjoni ta' prijoritajiet ewlenin u SDGs relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-monitoraġġ tal-progress għall-objettivi kollha, kif ukoll f'dak li jirrigwarda l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fi djalogu tal-politika tas-settur;

3.   Jinnota li l-GAP II ġie prodott fil-forma ta' Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal; jistieden lill-Kummissjoni turi l-impenn kbir tagħha billi taġġornah f'komunikazzjoni futura dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;

4.  Jinnota li l-użu ta' riċerka politika avvanzata u l-użu ta' evidenza b'saħħitha huma mezzi kritiċi ta' bini ta' għarfien dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa sabiex jiġu żviluppati politiki u strateġiji li jsaħħu l-kapaċità tal-Unjoni biex l-ugwaljanza bejn is-sessi ssir realtà ta' kuljum; jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni, għalhekk biex jagħtu attenzjoni speċjali lill-għan tagħhom li jiżguraw li titwettaq evalwazzjoni indipendenti tal-implimentazzjoni tal-miżuri stipulati fl-Anness 1 tal-GAP II;

5.   Jinnota li l-GAP II jipprovdi aġenda komprensiva li tkopri l-aġenda tal-UE kollha dwar il-politika estera, u jilqa', f'dan ir-rigward, l-għażla ta' erba' pilastri tematiċi, prinċipalment l-iżgurar tal-integrità fiżika u psikoloġika tal-bniet u tan-nisa, il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali kif ukoll l-emanċipazzjoni tal-bniet u tan-nisa, u t-tisħiħ tal-vuċijiet tal-bniet u tan-nisa u tal-parteċipazzjoni tagħhom; jenfasizza li dawn il-pilastri huma maħsuba biex jindirizzaw il-fatturi u l-kawżi prinċipali involuti fid-diskriminazzjoni u l-marġinalizzazzjoni; jinnota wkoll il-pilastru orizzontali li jikkonsisti mill-bidla tal-kultura istituzzjonali tas-servizzi tal-Kummissjoni u tas-SEAE sabiex iwettaq b'mod aktar effettiv l-impenji tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa permezz tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni;

6.  Jinnota li l-fatturi u l-kawżi kontributorji ewlenin li jwasslu għad-diskriminazzjoni u l-marġinalizzazzjoni jinkludu: il-vjolenza sesswali u dik ibbażata fuq is-sessi kontra n-nisa u l-bniet, inklużi t-tradizzjonijiet dannużi bħaż-żwieġ tat-tfal u l-mutilazzjoni ġenitali femminili; l-aċċess inadegwat għal setturi u servizzi soċjali bażiċi, pereżempju s-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma, is-sanità u n-nutrizzjoni; id-diffikultajiet fil-ksib ta' aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva; u l-parteċipazzjoni mhux ugwali f'istituzzjonijiet pubbliċi u privati, kif ukoll fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u fil-proċessi ta' paċi;

7.  Jinnota li l-inugwaljanza bejn is-sessi tinkroċja ma' forom oħra ta' inugwaljanza, u tiggravahom, u li fehim ta' dak il-punt għandu jiggwida l-għażla tal-prijoritajiet u l-impenji għal azzjoni;

8.  Jitlob għal attenzjoni akbar fl-implimentazzjoni tal-GAP II, fuq il-bniet u n-nisa li jsofru diskriminazzjoni addizzjonali minħabba etniċità, sesswalità, diżabilità, kasta, jew età, u sabiex id-data tinqasam skont il-każ;

9.  Isostni li inklużjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol, appoġġ aħjar għal intraprenditorija tan-nisa, ħarsien tal-opportunitajiet indaqs u paga ugwali għal irġiel u nisa, u promozzjoni tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huma fatturi ewlenin fil-kisba tat-tkabbir ekonomiku inklussiv fit-tul, fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, u fil-promozzjoni tal-indipendenza finanzjarja tan-nisa;

10.   Jilqa' l-qafas b'saħħtu ta' monitoraġġ u responsabilità stabbilit biex jitkejjel u jiġi intraċċat il-progress tal-GAP II u jirrikonoxxi li ż-żieda fl-ambizzjoni tiegħu tipprovdi opportunità reali għall-UE biex tagħmel progress f'dak li jikkonċerna l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll l-emanċipazzjoni tal-bniet u tan-nisa fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni; jirrikonoxxi madankollu l-bżonn għal fehim aktar profond u armonizzazzjoni ta' dan il-qafas sabiex jiġu evalwati b'mod xieraq l-impatti tal-azzjonijiet tal-UE;

11.  Jirrikonoxxi l-importanza tat-tisħiħ tal-politiki u tal-miżuri li jippromwovu l-edukazzjoni għall-bniet, u l-implikazzjonijiet tiegħu f'dak li jikkonċerna s-saħħa tagħhom u l-għoti ta' setgħa ekonomika; jirrimarka li l-bniet u t-tfajliet huma partikolarment vulnerabbli u li huwa meħtieġ iffukar speċifiku sabiex jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għal-livelli kollha ta' edukazzjoni; jitlob, f'dan ir-rigward li tiġi kkunsidrata firxa ta' opportunitajiet fil-qasam tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika (suġġetti STEM);     

12.  Jirrimarka li involviment akbar mis-settur kemm pubbliku kif ukoll privat huwa kruċjali għall-avvanz tad-drittijiet tan-nisa u l-għoti tas-setgħa ekonomika tagħhom f'setturi ekonomiċi differenti; jenfasizza l-ħtieġa għall-inklużjoni u r-rappreżentanza tan-nisa f'oqsma ekonomiċi emerġenti li huma importanti għall-iżvilupp sostenibbli, inkluż l-ICT; jenfasizza li n-negozju għandu rwol importanti fit-tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa; jistieden, f'dan il-kuntest li jingħata appoġġ akbar lill-SMEs lokali, b'mod partikolari lil imprendituri nisa, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tkabbir immexxi mis-settur privat;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li n-nisa li jgħixu fiż-żoni rurali jiġu emanċipati billi jittejjeb l-aċċess tagħhom għall-art, l-ilma, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-swieq u s-servizzi finanzjarji;

14.  Jistieden lill-UE biex tippromwovi l-parteċipazzjoni miżjuda tan-nisa fiż-żamma tal-paċi u fil-proċessi tal-bini tal-paċi u fil-missjonijiet militari u tal-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili tal-UE;

Il-kisbiet tal-GAP II

15.   Jilqa' l-espansjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi għas-servizzi esterni kollha tal-UE u għall-Istati Membri, u jinnota l-progress fil-bidla tal-kultura istituzzjonali tal-UE fil-livell tal-kwartieri ġenerali u tad-delegazzjonijiet, li huwa fundamentali għat-tisħiħ tal-effettività tal-inizjattivi tal-UE u l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi; jilqa' wkoll ir-rekwiżit obbligatorju introdott mill-GAP II biex l-atturi kollha tal-UE jirrappurtaw kull sena dwar il-progress li jkun sar f'tal-inqas qasam tematiku wieħed; itenni madankollu l-ħtieġa għal tmexxija msaħħa u għal titjib kontinwu fil-koerenza u l-koordinazzjoni fost l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, filwaqt li jintużaw l-istrutturi u l-baġit eżistenti;

16.   Jilqa' l-fatt li s-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE kif ukoll 81 % tad-delegazzjonijiet tal-UE u 22 Stat Membru ppreżentaw rapporti dwar is-sessi għall-2016; filwaqt li jagħraf li jista' jkun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jirriżultaw f'delegazzjonijiet li ma jirrapportawx, jistenna li d-delegazzjonijiet u l-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom, u jixtieq jara progress kontinwu, sena wara l-oħra, dwar ir-rapporti kollha li qed jiġu sottomessi; josserva li għad hemm disparitajiet sinifikanti bejn l-Istati Membri; ifakkar li konformità sħiħa fir-rappurtar u l-implimentazzjoni tal-GAP se tkun fundamentali għall-kisba tal-mira tal-GAP II li hija l-integrazzjoni ta' azzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-85 % tal-inizjattivi kollha ġodda sal-2020;

17.   Jilqa' l-passi prattiċi lejn bidla kulturali u l-introduzzjoni ta' analiżi tas-sessi obbligatorja għall-azzjonijiet esterni ġodda kollha li jkunu saru, u b'hekk it-tqegħid tar-responsabbiltà ġenerali għar-rappurtar dwar il-GAP fuq il-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-UE (EUDs), kif ukoll iż-żieda fl-għadd ta' persunal ta' livell għoli involut fl-implimentazzjoni tal-GAP II u l-ħatra ta' numru dejjem akbar ta' promoturi ta' livell għoli tal-kwistjonijiet dwar is-sessi u punti fokali fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi fid-delegazzjonijiet tal-UE, għalkemm kif jinsabu bħalissa l-affarijiet, il-punt fokali fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi jinsab biss f'nofs id-delegazzjonijiet tal-UE; jitlob li jiġi ddedikat aktar ħin fil-livell ġestjonali għall-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u biex dawk id-delegazzjonijiet li għadhom m'għamlux dan, jaħtru l-punti fokali tagħhom fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jisħaq li l-punti fokali kollha fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandhom jingħataw biżżejjed żmien u kapaċità biex iwettqu l-kompiti tagħhom;

18.  Jiddispjaċih li skont ir-rapport tas-SEAE ta' Novembru 2016, huma biss ftit il-missjonijiet tal-PSDK tal-UE li jipprovdu taħriġ dwar il-fastidju sesswali jew dak ibbażat fuq is-sessi, u jinnota li fl-2015, waqt il-missjonijiet tal-PSDK, ma kien irrapportat l-ebda każ ta' fastidju sesswali jew ta' dak ibbażat fuq is-sessi, ta' abbuż jew ta' vjolenza; jisħaq fuq l-importanza li tiġi applikata politika ta' tolleranza żero fir-rigward ta' każijiet ta' fastidju sesswali jew dak ibbażat fuq is-sessi, kif ukoll li jiġu appoġġati l-istrutturi istituzzjonali ffukati fuq il-prevenzjoni tal-vjolenza sesswali jew abbażi tas-sessi; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jappoġġaw l-isforzi kollha biex jiġġieldu l-vjolenza sesswali u dik abbażi tas-sessi f'operazzjonijiet internazzjonali għaż-żamma tal-paċi u jiżguraw li l-informaturi u l-vittmi jiġu protetti b'mod effikaċi;

19.   Jilqa' n-numru akbar ta' azzjonijiet b'enfasi fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi (indikaturi G1 & G2), u r-rekwiżit għad-delegazzjonijiet biex jiġġustifikaw proġetti li m'għandhomx tali enfasi; jissottolinja li ż-żidiet ġenerali fi proġetti bħal dawn m'għandhomx isiru għad-detriment ta' proġetti speċifiċi mmirati lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi (indikatur G2), jirrakkomanda, għalhekk, mira speċifika għal proġetti tal-G2; jinnota li mhux ċar kif azzjonijiet immirati (G2) u integrati (G1) għandhom jikkumplimentaw lil xulxin; jitlob għal aktar sforzi li jiċċaraw l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u jżidu azzjonijiet immirati;

20.  Jinnota li huma biss ftit komponenti rikorrenti ta' ugwaljanza bejn is-sessi li huma applikati fl-għażla tal-programmi u tal-proġetti; jistieden lill-atturi tal-implimentazzjoni jużaw il-firxa sħiħa tal-oqsma tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

21.  Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, u kull forma ta' vjolenza bbażata fuq is-sessi inkluż it-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali, iż-żwieġ furzat, id-delitti għall-unur, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u l-użu ta' vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri kollha biex jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, bħala l-ewwel strument legalment vinkolanti li għandu fil-mira tiegħu l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;

22.  Jiddispjaċih li n-nisa li jkunu esperjenzaw vjolenza jew li jkunu qed jesperjenzaw vjolenza mhumiex appoġġati b'mod ugwali kontra l-vjolenza mill-irġiel, f'termini ta' informazzjoni dwar, l-aċċess għal u l-għoti ta' kenn, servizzi ta' appoġġ u drittijiet, linji telefoniċi għall-għajnuna, ċentri ta' kriżi f'każ ta' stupru, eċċ; jenfasizza li l-Konvenzjoni ta' Istanbul għandha titfa' l-attenzjoni ewlenija tagħha fuq il-vjolenza tal-irġiel fuq in-nisa, filwaqt li tindirizza wkoll il-vjolenza kollha bbażata fuq is-sessi billi tindirizza il-vjolenza mmotivata mill-intersezzjoni ta' diversi raġunijiet, inklużi l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru; jenfasizza l-importanza ta' miżuri strateġiċi biex jiġu miġġielda b'mod proattiv l-isterjotipi tas-sessi u jiġu miġġielda tendenzi ta' patrijarkiżmu, razziżmu, sessiżmu, omofobija u transfobija, kif ukoll normattività bejn is-sessi u l-eteronormattività;

23.  Jiddispjaċih ħafna li l-ipprogrammar kurrenti, jidher li jwarrab id-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'sitwazzjonijiet ta' kriżi jew ta' kunflitti diffiċli, li fost riżultati oħra, fisser li l-bniet u n-nisa li huma vittmi ta' stupru fil-gwerra m'għandhomx aċċess għall-kura mhux diskriminatorja, u speċifikament għal kura medika komprensiva; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta b'mod sistematiku l-GAP II f'kuntesti umanitarji fejn irid jipprovdi aċċess mhux diskriminatorju għal servizzi mediċi, u tinforma b'mod attiv lis-sħab umanitarji tagħha li l-politika tal-Kummissjoni tipprevedi li, f'każijiet fejn it-tqala thedded il-ħajja tal-mara jew ta' tifla jew tikkawża sofferenza, id-dritt umanitarju internazzjonali jista' jiġġustifika l-offerta ta' abort sikur; jisħaq fuq il-fatt li l-provvista tal-għajnuna umanitarja min-naħa tal-UE u l-Istati Membri m'għandhiex tkun soġġetta għal restrizzjonijiet imposti minn donaturi sħab oħra fir-rigward ta' trattament mediku neċessarju, inkluż l-aċċess għal abort sikur għal nisa u bniet li huma vittmi ta' stupru f'kunflitti armati. jilqa' l-fatt li ħafna delegazzjonijiet tal-UE ffokaw fuq il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa; jinsisti f'dan il-kuntest fuq il-bżonn li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja u d-dinjità tan-nisa u l-bniet kollha billi jiġu miġġielda b'mod attiv il-prattiki dannużi bħall-ġeneruċidju; jenfasizza l-fatt li l-użu tal-istupru bħala arma tal-gwerra u oppressjoni jrid jiġi eliminat, u li l-UE trid tpoġġi pressjoni fuq il-gvernijiet ta' pajjiżi terzi u fuq il-partijiet interessati kollha implikati fir-reġjuni fejn tkun qed issir tali vjolenza bbażata fuq is-sessi, sabiex tintemm il-prattika, jitressqu l-awturi quddiem il-ġustizzja u ssir ħidma mas-sopravissuti, in-nisa affettwati u l-komunitajiet biex jgħinuhom ifiequ u jirkupraw;

24.   Jenfasizza li r-rispett universali u l-aċċess għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi jikkontribwixxu għall-ksib tal-għanijiet kollha tal-iżvilupp sostennibbli relatati mas-saħħa, bħall-kura prenatali u l-miżuri biex jiġi evitat ħlas b'riskju għoli u titnaqqas il-mortalità tat-trabi u tat-tfal; josserva li l-aċċess għall-ippjanar tal-familja, is-servizzi tas-saħħa materna u s-servizzi ta' abort sikuri u legali huma elementi importanti li jsalvaw il-ħajjiet tan-nisa; jiddispjaċih, madankollu, li l-prijoritajiet relatati mal-ippjanar tal-familja jew mas-saħħa riproduttiva huma injorati f'termini kemm ta' finanzjament kif ukoll ta' programmi; jinsab imħasseb li l-ebda delegazzjoni tal-UE fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq u fir-reġjuni tal-Ewropa u tal-Asja Ċentrali ma għażlet xi indikatur relatat mas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi minkejja l-bżonnijiet importanti fir-rigward tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi f'dawk ir-reġjuni; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE f'dawk ir-reġjuni jevalwaw mill-ġdid dawn iċ-ċifri inkwetanti sabiex jiddeterminaw jekk jistgħux jintrabtu ma' kwistjonijiet ta' rappurtar ħażin jew jekk hemmx bżonn li l-programmi kurrenti jiġu kkomplementati b'azzjonijiet immirati dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, u b'hekk jieħdu vantaġġ mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-ipprogrammar; jissottolinja l-fatt li l-kapitlu ddedikat dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi jrid jinżamm fir-rapport annwali sabiex jiżgura li l-impatt transformattiv tal-GAP II jiġi vvalutat kif suppost u li l-progress fil-qasam tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi jiġi identifikat b'mod xieraq mill-approċċ metodoloġiku tar-rapport;

25.  Jinnota li r-rapport juri l-ħtieġa għal azzjoni aktar b'saħħitha rigward l-SRHR bħala prekundizzjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa kif ukoll in-neċessità għal għodda xierqa biex jitkejjel il-progress rigward l-iżgurar tal-aċċess universali għall-SRHR, kif miftiehem skont l-impenn tal-UE għall-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u d-dokument riżultanti tal-konferenzi ta' reviżjoni tagħhom skont l-SDG 5.6; ifakkar ukoll, f'dan ir-rigward, l-SDGs 3.7 u 5.3;

26.  Jiddispjaċih li f'kuntest ta' spazju tas-soċjetà ċivili li qed jonqos, l-Objettiv 18 li jiffoka fuq l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa qed jirċievi ftit attenzjoni; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-prijorità tematika dwar id-drittijiet politiċi u ċivili, u speċifikament il-parteċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fid-drittijiet politiċi u ċivili, ma ġietx enfasizzata fl-implimentazzjoni tal-GAP II;

Rakkomandazzjonijiet ewlenin għall-Kummissjoni/SEAE

27.   Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jieħdu passi ulterjuri biex jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn id-delegazzjonijiet u l-unitajiet fit-titjib fl-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, bħall-istabbiliment u l-promozzjoni ta' netwerk ta' punti fokali tas-sessi u l-kondiviżjoni ta' eżempji aktar pożittivi ta' prattika ta' suċċess, li jinkludu iżda li mhumiex limitati għal formulazzjoni ta' programm, implimentazzjoni u analiżi sistemika tas-sessi, u sabiex jiġi żgurat li l-analiżi tas-sessi jkollha impatt effettiv fuq il-programmi implimentati mid-delegazzjonijiet tal-UE;

28.  Jirrimarka li sar progress sinifikanti f'oqsma differenti ta' prijorità, madankollu ġie nnutat li xi wħud għamlu avvanz aktar kajman minn kif seta' kien mistenni; jistieden lill-Kummissjoni teżamina permezz ta' studju r-raġunijiet għaliex ċerti objettivi tematiċi u oqsma ta' prijorità jiġu ta' spiss ikkunsidrati mid-delegazzjonijiet tal-UE u b'kisba ta' progress akbar;

29.   Jappella għat-tisħiħ tal-kapaċità tar-riżorsi umani ddedikati għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni, permezz ta' taħriġ imfassal apposta u riorganizzazzjoni tal-istrutturi eżistenti u persunal addizzjonali; jissuġġerixxi li taħriġ tal-persunal imtejjeb, immirat speċjalment lejn uffiċjali għolja fir-rwoli maniġerjali u li jinkludi taħriġ speċifiku dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza bejn is-sessi fi gruppi aktar vulnerabbli, kif ukoll l-eżistenza ta' punt fokali fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi għal kull unità u grupp ta' koordinazzjoni għal kwistjonijiet b'rabta mas-sessi fost l-unitajiet f'DĠ DEVCO, DĠ NEAR u s-SEAE, jgħinu aktar biex tiġi integrata l-perspettiva tas-sessi fost l-unitajiet tal-politika esterna; iqis li t-titjib u l-ispeċjalizzazzjoni ulterjuri fit-taħriġ dwar kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandhom isiru disponibbli wkoll għas-sħab lokali fil-livell tal-gvern u fost l-atturi mhux statali, inklużi l-NGOs;

30.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati l-koerenza u l-komplementarjetà fost l-istrumenti u l-politiki esterni kollha eżistenti tal-UE fir-rigward tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż il-Kunsens il-ġdid dwar l-Iżvilupp, il-pakkett tar-riżorsi tal-UE dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-kooperezzjoni għall-iżvilupp u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija; 

31.  Jilqa' n-nota ta' gwida tat-8 ta' Marzu 2016 li tiddeskrivi r-riżorsi u l-għodod għall-implimentazzjoni tal-GAP II li tapplika għal DĠ DEVCO u s-SEAE u jappella għall-għoti ta' nota ta' gwida lis-servizzi Ewropej kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-GAP II;

32.  Jilqa' t-tnedija tal-inizjattiva globali konġunta bejn l-UE u n-NU dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi ("l-Inizjattiva Spotlight"), f'konformità mal-objettiv tal-GAP II li jindirizza l-vjolenza sesswali u sessista u prattiki dannużi bħall-MĠF, żwieġ prekoċi u furzat, jew traffikar tal-bnedmin; jinnota, madankollu, li l-Inizjattiva Spotlight tindirizza prinċipalment l-elementi tal-aġenda li diġà jirrappreżentaw tħassib kondiviż madwar id-dinja, kif jidher fir-rapport ta' implimentazzjoni u għalhekk jissottolinja l-ħtieġa li l-ugwaljanza bejn is-sessi titjieb b'mod aktar komprensiv, permezz ta' taħlita adegwata ta' programmi u modalitajiet; jitlob biex l-Inizjattiva Spotlight tingħata fondi addizzjonali li mhumiex diġà allokati għall-ugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-Kummissjoni tuża r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi ta' kooperazzjoni internazzjonali tagħha biex iżżid il-finanzjament għall-Pakkett ta' Riżorsi għal kwistjonijiet dwar is-Sessi sabiex twettaq l-għanijiet ambizzjużi tal-GAP II, inkluża l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-kooperazzjoni bilaterali u permezz ta' programmi tematiċi;

33.   Jenfasizza li l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel irid jiġi promoss u integrat mill-UE fir-relazzjonijiet esterni tagħha; jinnota, madankollu, li r-rabta bejn il-kummerċ u s-sessi mhijiex indirizzata biżżejjed fil-GAP II u b'mod aktar ġenerali l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi tibqa' sfida multidimensjonali; ifakkar, f'dan ir-rigward, li n-negozjati ta' ftehimiet kummerċjali, u speċjalment tal-kapitoli tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp Sostenibbli li jkopru d-drittijiet tal-ħaddiema, jirrappreżentaw għodda importanti għall-avvanz tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u għall-emanċipazzjoni f'pajjiżi terzi; jistieden, għaldaqstant, lil DĠ Kummerċ jieħu passi biex jimplimenta l-GAP II f'ħidmietu u biex il-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE jinkludu d-drittijiet tal-bniet u n-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, bħala muturi tat-tkabbir ekonomiku, u jirrispetta l-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO dwar id-drittijet tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tal-ħaddiema, anke dwar ix-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal; ifakkar fil-ħtieġa li jiġi mmonitorjat l-impatt tal-politiki kummerċjali tal-UE dwar l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi matul l-implimentazzjoni tagħhom;

34.  Jinnota li l-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa hi waħda mill-għanijiet iddikjarati tal-azzjoni esterna tal-UE permezz tal-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà; jinnota li r-rwol tan-nisa fin-negozjati għall-paċi u fil-medjazzjoni kif intiż fil-GAP II mhuwiex biżżejjed; jenfasizza r-rwol importanti tan-nisa fil-promozzjoni tad-djalogu u l-bini tal-fiduċja, fil-bini ta' koalizzjonijiet favur il-paċi u biex jiġu introdotti perspettivi differenti dwar it-tifsira tal-paċi u s-sigurtà, partikolarment fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt u r-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti; jinnota li l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa f'pajjiżi fi kriżi jew mifnija minn kunflitti tippromwovi komunitajiet aktar b'saħħithom u aktar reżiljenti; jilqa' l-ħatra fi ħdan is-SEAE ta' Konsulent Prinċipali dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, kif ukoll l-Implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 1325 dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà; iħeġġeġ it-tisħiħ tal-azzjoni mill-Istati Membri tal-UE u dik internazzjonali permezz tan-NU, sabiex jiġi indirizzat b'aktar effikaċja l-impatt ta' sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitt fuq in-nisa u l-bniet; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa n-Netwerk il-ġdid ta' Punti Fokali globali dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà; jinnota l-importanza tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2250 dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà kif ukoll l-importanza li jinstabu l-aħjar modi possibbli biex l-UE timplimenta din ir-riżoluzzjoni;

35.  Ifakkar fit-talba tiegħu, fir-rigward tan-negozjati kummerċjali maċ-Ċilì, biex jiġi inkluż kapitolu speċifiku dwar il-kummerċ, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa; jenfasizza li l-proposta biex jiġi inkluż tali kapitolu ddedikat fi ftehim kummerċjali issa qed issir realtà għall-ewwel darba; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun magħruf il-kontenut ta' dan il-kapitolu u ssir evalwazzjoni tiegħu bil-għan li sussegwentement jittieħdu deċiżjonijiet f'livell aktar ġenerali; iħeġġeġ lill-UE tintroduċi miżuri trasversali fi ftehimiet kummerċjali sabiex tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-iskambju tal-aħjar prattiki u biex in-nisa jkollhom benefiċċji akbar mill-ftehimiet kummerċjali;

36.  Jappella sabiex id-data diżaggregata skont is-sess tinġabar fis-setturi ewlenin l-aktar milquta minn ftehimiet kummerċjali sabiex tipprovdi għodda utli biex tipprevedi kemm jista' jkun b'mod preċiż kif il-ħajjiet tan-nisa jistgħu jkunu affettwati u tiġġieled kull impatt negattiv; jappella wkoll biex jitwaqqaf mekkaniżmu apposta għall-iskop ta' monitoraġġ u tisħiħ tal-politika dwar is-sessi skont il-ftehimiet kummerċjali;

37.  Jilqa' l-prijorità tematika dwar l-għoti tas-setgħa ekonomika u soċjali u l-analiżi tal-ostakli fl-aċċess tar-riżorsi produttivi inklużi l-attivitajiet tal-art u l-attivitajiet korrispondenti; itenni li filwaqt li l-UE impenjat ruħha biex tinvesti fl-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tal-agrikoltura, il-bdiewa nisa mhumiex il-mira primarja tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tal-agrikoltura (ODA) u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jallokaw aktar riżorsi lill-bdiewa nisa, skont l-Objettiv 5 tal-GAP II;

38.   Jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-istituzzjonijiet biex itejbu b'mod sostanzjali l-proporzjon tan-nisa fi ħdan delegazzjonijiet tal-UE, b'mod partikolari f'pożizzjonijiet ta' tmexxija ta' delegazzjoni, peress li bħalissa hemm 28 kap mara ta' delegazzjoni minn 138, kif ukoll nisa li huma kapijiet ta' missjoni (bħalissa hemm 5 minn 17); Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jimplimentaw b'mod effiċjenti l-politiki mmirati biex jiffaċilitaw l-aċċess tan-nisa għall-karigi ta' tmexxija u karigi maniġerjali; jirrimarka l-preżenza baxxa tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet, fatt li jindika l-eżistenza ta' ostakoli inviżibbli li jipprevenuhom milli jokkupaw pożizzjonijiet ta' responsabbiltà akbar;

39.  Jenfasizza li s-suċċess tal-GAP II fl-aħħar mill-aħħar se jiddependi fuq impenn fit-tul u konsistenti ta' atturi tal-UE anzjani u politiċi ta' livell għoli kif ukoll fuq id-disponibbiltà ta' biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji għall-implimentazzjoni tiegħu u fuq l-adattament tal-isforzi tal-UE għar-realtajiet lokali fil-pajjiżi reċipjenti; jilqa', f'dan ir-rigward, l-impenn pożittiv mill-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp u jħeġġeġ aktar impenn minn Kummissarji oħra; jinnota li hija meħtieġa aktar tmexxija politika mir-Rappreżentant Għoli u mill-maniġers sabiex jiżdiedu r-riżorsi u l-obbligu ta' rendikont u biex jikkoordinaw u jsaħħu dan l-involviment fis-snin li ġejjin; jappella lill-atturi kollha tal-UE jużaw il-Pakkett ta' Riżorsi għal kwistjonijiet dwar is-sessi sabiex jiżguraw li l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi tkun applikata b'mod konsistenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi tal-GAP II;

40.  Jikkundanna bil-qawwa l-integrazzjoni mill-ġdid u l-espansjoni tal-politika tal-Belt tal-Messiku (l-hekk imsejħa "Global Gag Rule") mill-Istati Uniti f'Jannar tal-2017 u l-impatt tagħha fuq d-drittijiet tal-kura tas-saħħa globali tan-nisa u l-bniet u tad-drittijiet tagħhom; itenni l-appell tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw b'mod proattiv id-drittijiet tan-nisa u l-bniet fid-dinja kollha u biex iżidu b'mod sinifikanti l-finanzjament għall-iżvilupp, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, b'mod partikolari għall-aċċess għall-kontraċezzjoni u għall-abort sigur u legali, bil-għan li jimtela l-vojt li ħallew l-Istati Uniti f'dan il-qasam fejn jidħol il-finanzjament;

41.  Jistieden lis-SEAE jtejjeb l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar l-LGBTI u jiżgura li d-delegazzjonijiet tal-UE jikkonsultaw regolarment mal-organizzazzjonijiet tal-LGBTI u jinfurmawhom dwar x'inhu jsir fir-rigward tad-drittijiet tal-LGBTI, jiżgura li l-livell ta' impenn u l-azzjonijiet meħuda jiddependu mill-ħtiġijiet tal-komunità tal-LGBTI f'pajjiż u mhux mill-impenn personali tal-persunal tad-Delegazzjoni u jikkoordina strateġiji u azzjonijiet mhux biss mal-Ambaxxati Nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE, iżda saħansitra mal-Ambaxxati ta' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU;

42.  Jinnota li se jkun meħtieġ finanzjament adegwat għall-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet esterni sabiex isostni l-impenn politiku għal dan il-għan; jenfasizza li l-finanzjament kurrenti għall-ugwaljanza bejn is-sessi u għall-azzjonijiet tal-emanċipazzjoni tan-nisa għadu inadegwat u jħeġġeġ biex din is-sitwazzjoni titranġa fil-QFP li jmiss;

Rakkomandazzjonijiet ewlenin għad-delegazzjonijiet tal-UE

43.   Jilqa' l-flessibbiltà li l-GAP II jagħti lid-delegazzjonijiet biex jagħżlu l-prijoritajiet skont il-kuntest ta' pajjiżhom, peress li dan jippermetti analiżi ta' każ b'każ u valutazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull pajjiż jew reġjun, u b'hekk tiġi indirizzata l-isfida partikolari tat-tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa u l-emanċipazzjoni ekonomika tagħhom; jirrakkomanda, madankollu, li d-delegazzjonijiet għandhom jitħeġġew juru progress mill-inqas fi prijorità waħda għal kull pilastru tematiku sal-aħħar tal-GAP II, biex tiġi żgurata kopertura aktar uniformi tal-oqsma tematiċi differenti bħat-tisħiħ tal-politiki u miżuri li jippromwovu l-edukazzjoni għall-bniet u l-implikazzjonijiet tagħhom f'termini ta' għoti tas-setgħa ekonomika u tas-saħħa; iħeġġeġ li jkun hemm enfasi fuq is-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet f'żoni milquta mill-kunflitti, kif ukoll fuq il-vjolenza sessista, u bl-aktar mod partikolari l-użu tal-istupru bħala arma tal-gwerra; ikompli jfakkar li l-azzjonijiet u l-proġetti ffinanzjati mill-UE għandu sistematikament ikollhom l-għan li jindirizzaw l-inugwaljanzi bejn is-sessi u d-diskriminazzjoni;

44.   Ifakkar fl-obbligu skont it-Trattati li tiġi applikata l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet kollha tal-UE, fosthom id-djalogi politiċi u d-djalogi ta' politika settorjali kollha, u f'oqsma bħall-enerġija, l-agrikoltura, it-trasport, l-edukazzjoni u l-amministrazzjoni pubblika li s'issa rċevew inqas attenzjoni; jinsisti li l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi għandha tiġi integrata fil-pjanijiet nazzjonali u fl-oqfsa tal-politika sabiex tiżgura s-sjieda u r-responsabbiltà tal-pajjiżi sħab, għalhekk ifakkar fl-importanza tal-appoġġ tal-proġetti ta' żvilupp promossi min-nisa mill-pajjiżi kkonċernati; jirrimarka l-importanza li ssir ħidma ma' pajjiżi sħab dwar l-ibbaġittjar nazzjonali sensittiv għall-kwistjonijiet bejn is-sessi;

45.  Jappella li tiġi stabbilita linja baġitarja ddedikata dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi sabiex jiġi indirizzat b'mod aktar prominenti l-livell ta' parteċipazzjoni politika u ta' rappreżentanza tan-nisa fil-pajjiżi ġirien tal-UE u fi ħdan l-UE nnifisha; jenfasizza li dawn il-programmi għandhom jiġu integrati bis-sħiħ fil-miri u l-programmi ta' UN Women u għandhom jistipulaw miri li jistgħu jitkejlu sabiex ikun jista' jiġi segwit b'mod regolari l-progress dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, biex tissaħħaħ il-koperazzjoni u biex ikun hemm parteċipazzjoni akbar mal-gvernijiet tal-pajjiżi sħab, bl-għan li jinkisbu riżultati aħjar aktar malajr, fil-kuntest ta' ftehimiet bilaterali ta' sħubija u ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni;

46.  Jinnota li t-taħriġ tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi qed isir biss f'xi delegazzjonijiet u li proporzjon kbir mill-persunal imħarreġ kellu status kuntrattwali b'postijiet temporanji; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jirranġaw din is-sitwazzjoni;

47.  Jenfasizza l-importanza, matul id-djalogu politiku, li titjieb il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-edukazzjoni, fl-attivitajiet ekonomiċi, fl-impjieg u fin-negozju bħala mezz prijoritarju biex titjieb il-pożizzjoni tal-mara fis-soċjetà;

48.   Jissottolinja l-importanza li titwettaq analiżi sistematika b'rabta mas-sessi, billi tintuża, meta jkun possibbli, data diżaggregata skont is-sess u l-età, bil-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u gruppi tan-nisa, organizzazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u awtoritajiet lokali u reġjonali għall-għażla u l-valutazzjoni tal-għażla tal-objettivi, il-mezzi ta' implimentazzjoni u s-sorsi ta' disponibbiltà, u l-effikaċja u s-sostenibbiltà tal-eżiti; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li tlestew 42 analiżi tal-pajjiżi b'rabta mas-sessi, u jħeġġeġ finalizzazzjoni rapida għall-pajjiżi l-oħrajn kollha u użu ferm akbar ta' kriterji għall-ugwaljanza bejn is-sessi fis-sistemi ta' monitoraġġ u l-proċessi ta' evalwazzjoni tal-programmi u l-proġetti, u jappella biex l-analiżi b'rabta mas-sessi tiżvolġi rwol fid-definizzjoni ta' objettivi, programmi, proġetti u djalogu għall-istrateġija tal-pajjiż; iħeġġeġ lill-UE tesplora l-possibbiltajiet għal kondiviżjoni, ġestjoni u aġġornament tal-analiżi tas-sessi b'mod aktar sistematiku, biex b'hekk titjieb il-koordinazzjoni u biex ma tillimitax l-analiżi b'rabta mas-sessi għal oqsma tal-politika bħall-edukazzjoni u s-saħħa materna, iżda biex tqis ukoll oqsma tal-politika, li attwalment huma meqjusa b'mod żbaljat bħala newtrali fir-rigward tas-sessi, partikolarment l-agrikoltura, il-klima jew l-enerġija;

49.  Jinnota li l-Kummissjoni, fid-Dokument Konġunt ta' Ħidma tal-Persunal dwar il-qafas 2016-2020, irrikonoxxiet li l-investiment finanzjarju tal-UE fl-ugwaljanza bejn is-sessi ma kienx imkejjel b'mod sistematiku; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ ċar, immexxi mir-riżultati, li jistabbilixxi standards għoljin għall-mekkaniżmi ta' rappurtar, ta' evalwazzjoni u ta' responsabbiltà, kif ukoll tippromwovi t-teħid tad-deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza sabiex ir-riżorsi finanzjarji jintużaw b'mod aktar effiċjenti u effikaċi; jitlob rapport li jistabblixxi b'mod eżatt kemm finanzjament kien impenjat b'mod speċifiku għall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll biex jiġu identifikati l-aktar għanijiet notevoli li nkisbu;

50.  Jenfasizza l-bżonn li jkompli jitjieb il-ġbir tad-data fil-livell nazzjonali u jiġu żviluppati indikaturi speċifiċi b'miri bbażati fuq dawk l-indikaturi kif ukoll l-importanza tal-monitoraġġ tagħhom allinjat mal-qafas tal-SDGs;

51.   Ifakkar li d-drittijiet tan-nisa huma drittijiet tal-bniedem u jinkoraġġixxi biex issir ħidma ulterjuri fir-rigward tal-indirizzar ta' normi soċjali u kulturali u sterjotipi marbutin mas-sessi fis-soċjetajiet, permezz ta' aktar kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet ta' bażi favur id-drittijiet tan-nisa u l-għoti tas-setgħat, partikolarment fil-kuntest ta' stat fraġli u f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' emerġenza; Jemmen li l-ħolqien ta' netwerks ġodda jew l-iżvilupp ta' dawk eżistenti u l-involviment tal-atturi kollha, inkluż is-settur privat, huma essenzjali, hekk kif inhu l-iżvilupp ta' sħubiji pubbliċi-privati, jekk ikun possibbli; jenfasizza l-bżonn li jkun hemm rwol dejjem akbar ta' nisa fil-komunitajiet lokali u fl-NGOs biex jimmonitorjaw lill-awtoritajiet u jżommuhom responsabbli; jistqarr li aktar milli nirrappreżentaw lin-nisa u lill-bniet bħala "vulnerabbli", għandu jsir enfasi fuq ir-rwol tagħhom bħala aġenti tal-bidla u l-iżvilupp u bħala aġenti għall-paċi fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti; jenfasizza li l-inklużjoni u l-involviment attiv tas-subien u l-irġiel huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata ugwaljanza reali bejn in-nisa u l-irġiel; iħeġġeġ, għaldaqstant, edukazzjoni mifruxa għal bidla fl-imġiba fir-rigward ta' vjolenza sessista, bl-involviment tal-irġiel u s-subien u l-komunitajiet kollha; jenfasizza li n-normi soċjali fir-rigward tar-rwoli tan-nisa u tal-irġiel ipoġġu lin-nisa f'sitwazzjoni ta' vulnerabbiltà akbar, partikolarment rigward is-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom, li tikkonċerna prattiki dannużi bħall-MĠF, jew żwieġ fit-tfulija, żwieġ prekoċi u furzat;

52.  Jistieden lill-UE tippromwovi oqfsa u strateġiji ġuridiċi li jħeġġu parteċipazzjoni akbar u aktar effikaċi tan-nisa fiż-żamma tal-paċi, fil-bini tal-paċi u fil-proċessi ta' medjazzjoni, fil-militar tal-UE u fil-missjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet ċivili, skont il-UNSCR 1325 dwar in-Nisa u l-Paċi u s-Sigurtà, b'enfasi partikolari fuq il-vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti; għal dan il-għan, iqis li l-analiżi tal-kunflitt sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi, f'konsultazzjoni ma' atturi mill-komunità u organizzazzjonijiet tan-nisa, tista' tippermetti fehim aħjar tar-rwol tan-nisa fil-kunflitt;

53.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' allokazzjonijiet baġitarji għal programmi ta' prevenzjoni taż-żwieġ tat-tfal, li jimmiraw li joħolqu ambjent fejn il-bniet jistgħu jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom, inkluż permezz ta' programmi edukattivi, soċjali u ekonomiċi għall-bniet li ma jmorrux skola, skemi ta' protezzjoni tat-tfal, tan-nisa u tal-bniet u postijiet ta' kenn, konsulenza legali u appoġġ psikoloġiku;

54.  Jisħaq fuq l-importanza li jiżdied l-involviment, permezz ta' djalogu regolari u koordinazzjoni, tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u partijiet interessati oħrajn bħall-atturi tad-drittijiet tal-bniedem, tas-saħħa jew ambjentali mad-Delegazzjonijiet tal-UE, peress li din il-kooperazzjoni se tikkontribwixxi biex ittejjeb il-viżibbiltà u l-implimentazzjoni tal-GAP II, u b'hekk jiżdied l-obbligu ta' rendikont pubbliku sabiex titjieb l-ugwaljanza bejn is-sessi;

55.  Jinsab imħasseb li mhix tingħata biżżejjed attenzjoni lill-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa, meta wieħed iqis li bħalissa jinsabu taħt pressjoni enormi minħabba l-ispazju ċiviku li qed jiċkien f'bosta reġjuni; jinsab ugwalment imħasseb li l-prijorità tematika dwar drittijiet politiċi u ċivili, u speċifikament il-parteċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fid-drittijiet politiċi u ċivili, ma ġietx enfasizzata fl-implimentazzjoni tal-GAP II;

56.  Jistieden lid-Delegazzjonijiet tal-UE jiżguraw ġbir tad-data effettiv u regolari dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, jelaboraw rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u jippromwovu t-twaqqif ta' mekkaniżmi protettivi u strutturi ta' appoġġ adegwati għall-vittmi;

Rakkomandazzjonijiet ewlenin għall-Parlament Ewropew

57.   Iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-Parlament, biex fil-ħidma tagħhom mal-pajjiżi sħab tagħhom, jistaqsu b'mod sistematiku dwar l-ipprogrammar fir-rigward tas-sessi, ir-riżultati tal-analiżi dwar l-ugwaljanza b'rabta mas-sessi, u l-ħidma dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll dwar l-emanċipazzjoni tan-nisa fil-programmi tagħhom tal-missjonijiet; jistieden lill-Parlament jiżgura bilanċ aħjar bejn is-sessi fis-sħubija tad-delegazzjonijiet tiegħu;

58.  Jappella biex il-Kummissjoni tagħmel disponibbli r-rapporti ta' analiżi tal-pajjiżi b'rabta mas-sessi u biex dawn ir-rapporti jiġu inklużi fil-laqgħat ta' informazzjoni għad-delegazzjonijiet kollha tal-Parlament għall-pajjiżi terzi;

59.   Jirrakkomanda li l-Parlament għandu jeżamina r-rapporti ta' implimentazzjoni futuri tal-GAP II perjodikament u possibbilment kull sentejn;

Rakkomandazzjonijiet ewlenin għal rappurtar futur

60.  Jissottolinja l-ħtieġa għal metodu ssimplifikat ta' rappurtar li jnaqqas kemm jista' jkun il-burokrazija; jappella biex rapporti futuri dwar l-implimentazzjoni jiġu finalizzati u rilaxxati fi żmien iqsar; jitlob li jiġu żviluppati rappurtar online u mudelli ċari kif ukoll li jinħareġ ktieb ta' gwida li jiffaċilita x-xogħol tad-delegazzjonijiet;

61.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-inklużjoni u r-rappreżentanza tan-nisa f'oqsma ekonomiċi li huma importanti għall-iżvilupp sostenibbli; jisħaq li n-negozju għandu rwol importanti x'jaqdi fit-tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa; jappella, f'dan il-kuntest, li jingħata appoġġ akbar lill-SMEs lokali, b'mod partikolari lil imprendituri nisa, permezz ta' mikrokreditu, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tkabbir immexxi mis-settur privat;

62.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi appoġġat it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-mekkaniżmi nazzjonali statistiċi f'pajjiżi sħab, billi tiġi kkoordinata b'mod effikaċi l-assistenza finanzjarja u teknika sabiex tippermetti l-kejl, il-monitoraġġ u l-ġestjoni aħjar tar-riżultati miksuba fil-qasam tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor data diżaggregata skont is-sess fl-implimentazzjoni ta' programmi ffinanzjati mill-UE dwar l-emanċipazzjoni tan-nisa;

64.  Jirrimarka l-bżonn mhux biss għal politiki sodi ta' integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda anke għal rapporti dwar azzjonijiet prattiċi speċifiċi - partikolarment f'oqsma sensittivi bħas-saħħa sesswali u riproduttiva - li bihom jista' jitkejjel l-impatt veru fuq il-ħajjiet tan-nisa u l-bniet, u tal-irġiel u tas-subien ukoll;

65.  Ifakkar madankollu li l-inklużjoni tas-sess fid-data tmur lil hinn mill-ġbir tad-data diżaggregata skont is-sess u jappella biex jitjieb il-ġbir tad-data sabiex tkun tista' ssir analiżi kwalitattiva tas-sitwazzjoni tan-nisa, pereżempju, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

66.  Jenfasizza l-bżonn li titjieb l-affidabbiltà tal-analiżi b'rabta mas-sessi billi d-data miġbura mid-delegazzjonijiet tal-UE tiġi armonizzata b'mod li tkun komparabbli;

67.  Jirrimarka li huwa meħtieġ mhux biss li jiġu kkonsultati s-sħab internazzjonali u nazzjonali, l-akkademja, it-think tanks, u l-organizzazzjonijiet tan-nisa, iżda wkoll li jiġi żgurat li l-input u l-għarfien tagħhom jintużaw fil-monitoraġġ tal-attivitajiet u l-programmi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi ffinanzjati mill-UE;

68.  Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniet u n-nisa bħala migranti, rifuġjati u bħala dawk li jfittxu asil, meta jimplimentaw u jiżviluppaw il-politika tal-migrazzjoni tal-UE; jappella, f'dan il-kuntest, għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-parteċipazzjoni fl-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA flimkien mal-gwardji tal-kosta Libjani, fid-dawl ta' rapporti ta' vjolenza sesswali sistematika kontra n-nisa fiċ-ċentri ta' detenzjoni fuq it-territorju Libjan.

69.   Jinnota li l-kunċett tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi għadu mhuwiex mifhum sew, u li hemm bżonn ta' rappurtar kwalitattiv aħjar li jkun jippermetti evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-GAP fi ħdan politiki u proġetti eżistenti; Jirrimarka l-bżonn ta' għanijiet tanġibbli u attivitajiet marbuta ma' punti ta' referenza ċari u speċifiċi u skeda stretta, u l-bżonn ta' valutazzjoni kwalitattiva ta' data li turi l-impatt veru li kellhom miżuri implimentati fuq pajjiżi benefiċjarji, b'tali mod li jiġi żgurat li l-GAP II iservi ta' mekkaniżmu ġenwin ta' prijoritizzazzjoni u ta' implimentazzjoni tal-politika u mhux biss bħala għodda interna ta' rappurtar;

°°°

°

70.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 349, 17.10.2017, p. 50.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0026.

(3)

https://www.ilga-europe.org/sites/default/files/Attachments/report_on_the_implementation_of_the_eu_lgbti_guidelines_2016.pdf

(4)

Testi adottati, P8_TA(2017)0365.


OPINJONI TA' MINORANZA

skont l-Artikolu 52a(4) tar-Regoli ta' Proċedura,

Dubravka Šuica

Ġie nnotat numru ta' tendenzi pożittivi wara l-ewwel sena ta' funzjonament tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi II u nilqa' l-għażla ta' erba' pilastri tematiċi, prinċipalment l-iżgurar tal-integrità fiżika u psikoloġika tal-bniet u n-nisa, il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali kif ukoll l-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa, it-tisħiħ tal-vuċijiet tal-bniet u n-nisa u tal-parteċipazzjoni tagħhom, kif ukoll il-bdil tal-kultura istituzzjonali tas-servizzi tal-Kummissjoni u tas-SEAE; Peress li ninsabu fi stadju bikri tal-implimentazzjoni tiegħu, nappoġġa rakkomandazzjonijiet li għandhom l-għan li jkomplu jtejbu l-istrument, filwaqt li ninnota wkoll li għadu kmieni wisq biex issir valutazzjoni sħiħa tal-impatt tiegħu jew li ssir kritika tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, ninsab konvinta li r-rapport tal-PE għandu jkun strettament iffukat fuq l-aspetti prattiċi tal-implimentazzjoni tiegħu. Konsegwentement ma nistax nappoġġa emendi ta' natura ideoloġika li jeċċedu bil-kbir l-ambitu u l-iskop ta' dan ir-rapport, talbiet mhux realistiċi rigward il-kooperazzjoni tal-iżvilupp tal-UE ma' pajjiżi terzi jew talbiet baġitarji eċċessivi. Jiddispjaċini li m'hemmx kooperazzjoni kostruttiva bejn il-gruppi politiċi u m'hemmx ħeġġa biex isir kompromess dwar il-formulazzjoni tar-rapport. Għalhekk, id-deċiżjoni tiegħi kienet li nastjeni fil-votazzjoni finali.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (23.1.2018)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp u għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

dwar l-implimentazzjoni tad-Dokument ta' Ħidma Konġunt tal-Persunal (SWD(2015)0182) - L-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: nittrasformaw il-Ħajjiet tal-Bniet u tan-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020,

(2017/2012(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Beatriz Becerra Basterrechea

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp u lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitati responsabbli, biex jinkorporaw is-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tagħhom:

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2011 dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika,

A.  billi l-azzjoni esterna kollha mill-Unjoni Ewropea għandha tkattar it-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem kif stipulati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fi strumenti internazzjonali oħrajn favur id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tiggwida kull tip ta' koperazzjoni u programmazzjoni għall-iżvilupp fis-setturi kollha u fil-fażijiet kollha tal-proċess ta' pprogrammar;

B.  billi l-Għan 5 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli jiddikjara li l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet kollha mhijiex biss dritt fundamentali tal-bniedem, iżda hija pedament bżonnjuż għal dinja paċifika, għanja u sostenibbli; billi l-provviżjoni ta' aċċess ugwali għan-nisa u l-bniet għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u x-xogħol deċenti, kif ukoll ir-rappreżentanza fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi ser iħeġġu l-iżvilupp ta' ekonomiji sostenibbli u jibbenefikaw lis-soċjetajiet u l-umanità kollha kemm hi; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jipprijoritizzaw il-garanzija tad-dritt ta' aċċess tan-nisa għal dħul diċenti, għall-art, għall-patrimonju u għar-riżorsi naturali, li huma essenzjali għall-indipendenza tagħhom; billi l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa trid taqdi rwol kruċjali fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (GAP);

C.  billi l-2018 timmarka s-70 anniversarju mill-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u billi l-prinċipju tal-ugwaljanza jifforma l-qalba tal-viżjoni tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1945 dwar id-drittijiet tal-bniedem, billi tgħid li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għandhom ikunu disponibbli għall-bnedmin kollha "mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta' razza, sess, ilsien jew reliġjon";

D.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar l-indirizzar tat-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(1), il-Parlament jenfasizza l-importanza ewlenija tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa permezz tar-relazzjonijiet esterni tal-UE;

E.  billi l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC) ġiet iffirmata minn 195 pajjiż, hi legalment vinkolanti u tirrappreżenta strument essenzjali biex tiġi indirizzata l-vulnerabbiltà tal-bniet u l-ħtieġa tagħhom għal protezzjoni u kura speċjali;

F.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hi meqjusa fost il-valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Politika Ewropea tal-Viċinat, għalkemm huma nieqsa objettivi ċari u punti speċifiċi ta' azzjoni dwar din il-kwistjoni; billi l-livelli tal-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza politika tan-nisa fil-pajjiżi ġirien tal-UE huma baxxi;

G.  billi l-involviment tal-irġiel u s-subien fit-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn is-sessi huwa importanti biex jitjiebu d-drittijiet tan-nisa u l-bniet;

H.  billi r-ratifika u l-implimentazzjoni effikaċi mill-pajjiżi kollha tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, inkluż mill-Istati Membri tal-UE, trid titqies bħala prijorità għas-snin li ġejjin minħabba l-importanza tagħha biex tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar tal-politiki dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;

1.  Huwa tal-fehma li, mill-perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem, il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (GAP II) fl-ewwel sena tiegħu kien effikaċi fit-tisħiħ tal-kordinament u l-koerenza tal-UE, bl-objettiv ġenerali tiegħu jkun dak li joffri appoġġ għall-progress imwettaq mill-UE u mit-28 Stat Membru tagħha lejn il-kisba tal-għanijiet tal-Aġenda 2030 kif ukoll dawk stipulati mill-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' kull forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW), il-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u l-Programm ta' Azzjoni tal-Kajr;

2.  Jinnota li l-użu ta' riċerka politika avvanzata u l-użu ta' evidenza b'saħħitha huma mezzi kritiċi ta' bini ta' għarfien dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa sabiex jiġu żviluppati politiki u strateġiji li jsaħħu l-kapaċità tal-Unjoni biex l-ugwaljanza bejn is-sessi ssir realtà ta' kuljum; jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni, għalhekk biex jagħtu attenzjoni speċjali għall-għan tagħhom li jiżguraw li titwettaq evalwazzjoni indipendenti tal-implimentazzjoni tal-miżuri stipulati fl-Anness 1 tal-GAP II;

3.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu sfruttati l-possibbiltajiet ppreżentati mill-era diġitali sabiex l-ugwaljanza bejn is-sessi tinkiseb b'mod sħiħ; jinnota li sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa f'termini politiċi u ekonomiċi u biex jingħalaq id-distakk diġitali abbażi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, irid jiġi pprovdut aċċess għal edukazzjoni diġitali fil-livell lokali; jinnota li l-aċċess għall-internet u l-ħiliet tal-ICT jippermettu lin-nisa u l-bniet jitgħallmu dwar id-drittijiet tagħhom u jipparteċipaw fis-soċjetà moderna fuq bażi ugwali mal-irġiel, li min-naħa tagħha tistimola l-ekonomija u żżid il-benesseri ġenerali;

4.  Jinnota li n-nisa u l-irġiel huma affettwati b'mod differenti minn sitwazzjonijiet fraġli f'termini ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-aċċess għall-ġustizzja, il-faqar estrem u l-politiki/reġimi diskriminatorji u li r-rwoli u r-relazzjonijiet bejn is-sessi huma importanti għall-fehim ta' opportunitajiet għall-bini tal-istat u l-ostakli biex dan jinkiseb; jisħaq li l-GAP II għandu jinkorpora l-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod aktar wiesa' fost l-ispettru tad-drittijiet tal-bniedem u fil-kuntest ta' governanza u prattika tajba;

5.  Ifakkar li r-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE żdied bl-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona u li dawn issa għandhom rwol ċentrali x'jaqdu fl-implimentazzjoni tal-GAP II; jinnota li dawn huma l-ewwel punt ta' kuntatt għall-kordinament tal-isforzi tal-UE mas-sħab internazzjonali fil-pajjiż inkwistjoni, u jenfasizza r-rekwiżit li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-politiki, inkluż l-allinjament, il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jilqa' l-ħatra ta' punti fokali tas-sessi (GFP) fid-delegazzjonijiet, u jappella għal allokazzjoni ġusta ta' ħin ta' ħidma, peress li l-kompiti marbuta mal-GFPs huma addizzjonali għall-ħidma ewlenija tagħhom jew għar-responsabilitajiet l-oħrajn tagħhom; jinnota li huwa indispensabbli li d-delegazzjonijiet u l-GFPs jiżviluppaw fehim sod dwar il-kuntest tas-sessi sabiex ikunu jistgħu jinformaw l-objettivi, il-programmi, il-proġetti u d-djalogu ta' strateġija għall-pajjiż kif ukoll biex jaraw l-implimentazzjoni tagħhom; jappella lill-VP/RGħ u lis-SEAE jiżviluppaw linji gwida operattivi ċari dwar ir-rwol tal-GFPs fid-delegazzjonijiet sabiex dawn jaġixxu bħala konsulenti reali għad-drittijiet tal-bniedem u biex ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom b'mod effikaċi;

6.  Jiddispjaċih li skont l-aħħar statistiċi disponibbli tas-SEAE, għoxrin fil-mija biss tad-delegazzjonijiet tal-UE huma mmexxija minn nisa, u li attwalment il-proporzjon huwa taħt il-linja bażi ta' nisa bħala Kapijiet ta' Missjonijiet tal-UE għall-2014; jiddispjaċih, barra minn hekk, li waħda biss mis-seba' Rappreżentanti Speċjali tal-UE huma nisa; jisħaq ukoll fuq il-fatt li n-nisa jikkostitwixxu biss madwar 25 % tal-persunal tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) għall-missjonijiet ċivili u li ma hemm l-ebda statistika komprensiva disponibbli rigward il-parteċipazzjoni tan-nisa f'missjonijiet u f'operazzjonijiet militari tal-PSDK; jistieden lill-UE tippromwovi parteċipazzjoni ikbar tan-nisa fi proċessi ta' żamma ta' paċi u fil-proċessi tal-bini tal-paċi u fil-missjonijiet militari u tal-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili tal-UE; jappella lis-SEAE u lill-Kunsill imexxu bl-eżempju u jieħdu miżuri korrettivi immedjati biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa f'missjonijiet esterni u biex tissaħħaħ il-ħatra tagħhom għal karigi bi profil għoli fi ħdan l-UE u partikolarment fid-delegazzjonijiet tal-UE;

7.  Jiddispjaċih li skont ir-rapport tas-SEAE ta' Novembru 2016, huma biss ftit il-missjonijiet tal-PSDK tal-UE biex jipprovdu taħriġ dwar il-fastidju sesswali jew ibbażat fuq is-sessi, u jinnota li fl-2015 ma kien rapportat l-ebda każ ta' fastidju sesswali jew ibbażat fuq is-sessi, abbuż jew vjolenza waqt il-missjonijiet tal-PSDK; jisħaq fuq l-importanza li tiġi applikata politika ta' tolleranza żero fir-rigward ta' każijiet ta' fastidju sesswali jew ibbażat fuq is-sessi, kif ukoll li jiġu appoġġati l-istrutturi istituzzjonali ffukati fuq il-prevenzjoni tal-vjolenza sesswali jew abbażi tas-sessi; jappella lis-SEAE u lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-isforzi kollha biex tiġi miġġielda vjolenza sesswali u abbażi tas-sessi f'operazzjonijiet internazzjonali għaż-żamma tal-paċi u biex jiġi żgurat li l-informaturi u l-vittmi jiġu protetti b'mod effikaċi;

8.  Jitlob lill-istituzzjonijiet u lill-atturi politiċi kollha involuti fl-iżvilupp tal-azzjoni esterna tal-UE biex jipprijoritizzaw il-konformità mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Protokolli tagħha u t-trattati internazzjonali rilevanti sabiex jiġu ggarantiti l-protezzjoni speċjali u l-indukrar tat-tfal; jisħaq fuq l-importanza ta' ratifika sħiħa tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, sabiex issir l-ewwel konvenzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU ratifikata universalment; jitlob li jiġu promossi l-emanċipazzjoni tan-nisa u d-drittijiet tal-bniedem tal-bniet, abbażi tal-fehim li l-emanċipazzjoni tirrikjedi l-parteċipazzjoni attiva u ugwali tal-bniet fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jissottolinja li dawn il-punti għandhom jitqiesu bħala elementi essenzjali fl-implimentazzjoni tal-GAP II; jitlob ukoll għal konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CPRD) u mal-protokolli tagħha sabiex jitħarsu d-drittijiet tan-nisa u l-bniet b'diżabilità; jirrimarka li bniet migranti, speċjalment jekk mhux akkumpanjati, huma vulnerabbli u jeħtieġu protezzjoni skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali; jesprimi tħassib dwar iż-żieda allarmanti – li taffettwa għadd sinifikanti ta' bniet – fl-għadd ta' tfal mhux irreġistrati li jitwieldu 'l bogħod mill-pajjiż ta' oriġini tal-ġenituri tagħhom;

9.  Jisħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni dwar is-saħħa riproduttiva fost in-nisa u l-bniet u jfakkar li din l-edukazzjoni tippromwovi l-emanċipazzjoni tan-nisa, kif ukoll il-prevenzjoni ta' mard trażmess sesswalment; jisħaq dwar l-importanza ta' implimentazzjoni kontinwa tal-impenn tal-UE biex issaħħaħ l-integrità fiżika u u psikoloġika tal-bniet u n-nisa; jisħaq li l-politiki tal-UE dwar id-drittijet tal-bniedem u dwar is-sessi jistgħu jkunu kredibbli biss jekk ikun hemm koerenza bejn il-politiki interni u esterni; jikkundanna bil-qawwa r-riintroduzzjoni u l-espansjoni tar-Regola "Global Gag" u l-impatt tagħha fuq il-kura tas-saħħa globali u d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet; itenni l-istedina tiegħu lill-UE, sabiex flimkien mal-Istati Membri tagħha, jimlew il-lakuna ta' finanzjament fil-qasam tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u ta' riproduzzjoni, bl-użu tal-finanzjament għall-iżvilupp tal-UE; jinnota li l-GAP II għandu l-għan li jsaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa sabiex ikollhom kontroll fuq il-ħajja sesswali u riproduttiva tagħhom; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex jindirizzaw l-isforzi tagħhom fuq kollox lejn pajjiżi terzi li għadhom jipprojbixxu l-abort f'kull ċirkostanza; jistieden lill-Kummissjoni biex għal darb'oħra tinforma b'mod attiv lis-sħab umanitarji tagħha li l-politika tal-Kummissjoni tipprevedi li, f'każijiet fejn it-tqala thedded il-ħajja tal-mara jew ta' tifla jew tikkawża tbatija kbira, id-dritt umanitarju internazzjonali u/jew id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jistgħu jiġġustifikaw l-offerta ta' abort sikur;

10.  Jisħaq li l-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jiġġieldu kontra l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa – sew jekk din tkun fiżika, psikoloġika, soċjali jew finanzjarja – u għandhom jadottaw, bħala prijorità, l-aċċess għall-edukazzjoni u l-ġlieda kontra l-isterjotipi tas-sessi kollha fir-rigward ta' subien u bniet sa mill-aktar età bikrija possibbli; jilqa' l-inizjattiva Spotlight pluriennali, imnedija mill-UE u n-Nazzjonijiet Uniti, li għandha l-għan li ttemm il-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, billi tagħti attenzjoni partikolari lil din il-kwistjoni, sabiex din titqiegħed fiċ-ċentru tal-isforzi biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll l-emanċipazzjoni tan-nisa, f'konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, u jappella għall-implimentazzjoni effikaċi tagħha;

11.  Jinnota li l-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa hi waħda mill-għanijiet iddikjarati tal-azzjoni esterna tal-UE permezz tal-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà; jinnota r-rwol tan-nisa fin-negozjati għall-paċi u fil-medjazzjoni kif intiż fil-GAP II mhuwiex biżżejjed; jenfasizza r-rwol importanti tan-nisa fil-promozzjoni tad-djalogu u l-bini tal-fiduċja, fil-bini ta' koalizzjonijiet favur il-paċi u biex jiġu introdotti perspettivi differenti dwar it-tifsira tal-paċi u s-sigurtà, partikolarment fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt u r-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti; jinnota li l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa f'pajjiżi fi kriżi jew mifnija minn kunflitti tippromwovi komunitajiet aktar b'saħħithom u aktar reżiljenti; jilqa' l-ħatra fi ħdan is-SEAE ta' Konsulent Prinċipali dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, kif ukoll l-Implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 1325 dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà; iħeġġeġ it-tisħiħ tal-azzjoni mill-Istati Membri tal-UE u dik internazzjonali permezz tan-Nazzjonijiet Uniti, sabiex jiġi indirizzat b'aktar effikaċja l-impatt ta' sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitt fuq in-nisa u l-bniet; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa n-Netwerk ta' Punti Fokali globali l-ġdid dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà; jinnota l-importanza tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU nru 2250 dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà kif ukoll l-importanza li jinstabu l-aħjar modi possibbli biex l-UE timplimenta din ir-riżoluzzjoni;

12.  Jiddispjaċih u jikkundanna l-vjolenza sesswali użata kontra n-nisa u l-bniet bħala arma tal-gwerra; jappella sabiex jittieħdu l-miżuri kollha biex tkun żgurata l-protezzjoni tagħhom, inkluż permezz tal-provviżjoni ta' kenn sikur għalihom u għal uliedhom; jistieden lill-UE tiżgura l-protezzjoni tal-bniet u n-nisa fil-kunflitti, b'mod partikolari meta dawn ikunu vittmi ta' vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti, ta' mutilazzjoni ġenitali femminili u ta' żwieġ furzat; jisħaq li l-istupru qed jintuża bħala arma tal-gwerra, u għalhekk għandu jiġi kkundannat fi kwalunkwe każ u eradikat; iqis li huwa essenzjali li jiġi żgurat li tingħata l-assistenza medika meħtieġa kollha b'mod sikur għan-nisa li jkunu vittmi ta' stupru waqt gwerra, inklużi billi jiġu pprovduti b'aċċess għal aborti sikuri, kif previst skont id-dritt umanitarju internazzjonali; jiddispjaċih bil-qawwa li, skont l-istudju tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-GAP II, jidher li l-programmazzjoni attwali mhijiex qed tagħti importanza lid-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'sitwazzjonijiet ta' kriżi jew ta' kunflitti diffiċli;

13.  Jistieden lill-UE tagħti attenzjoni akbar għall-aspetti kwalitattivi fl-evalwazzjonijiet tagħha, inkluż dwar it-titjib fl-awtostima u l-fiduċja tan-nisa u l-bniet, it-tibdiliet fir-relazzjonijiet tal-poter bejn is-sessi fis-soċjetà b'mod ġenerali u tal-indikaturi li jirriflettu l-aspetti soċjali, ekonomiċi u t-tibdiliet politiċi li ma jistgħux jingħaddu kif ukoll l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet; jisħaq dwar l-importanza ta' sensibilizzazzjoni fis-soċjetà inġenerali kif ukoll billi jiġu indirizzati gruppi u persuni speċifiċi biex jinħoloq fehim komuni dwar il-kawżi u l-konsegwenzi ta' inugwaljanza bejn is-sessi;

14.  Jinsab imħasseb li l-prijorità tematika fir-rigward tad-drittijiet politiċi u ċivili, b'mod partikolari t-tgawdija tan-nisa u l-bniet tad-drittijiet politiċi u ċivili tagħhom, ingħatat prijorità limitata fl-implimentazzjoni tal-GAP II, u jappella li tingħata iktar attenzjoni lil organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa; jisħaq fuq l-importanza li n-nisa jitħallew jipparteċipaw fil-livelli kollha tal-proċessi politiċi u tal-ħajja pubblika, u għalhekk jissottolinja l-bżonn li għandu jkun żgurat l-aċċess ġust tan-nisa għall-isferi politiċi, bħala votanti, kandidati, uffiċjali eletti u bħala membri tas-servizz ċivili; jappella li l-kandidati politiċi nisa jingħataw taħriġ biex jingħataw għajnuna fil-bini tal-kapaċitajiet tagħhom; ifakkar li l-emanċipazzjoni tan-nisa ma tistax tintrabat biss mal-aċċess għas-suq tax-xogħol, peress li hemm bżonn li jsir progress f'ħafna oqsma oħra bħalma huma rappreżentazzjoni politika, il-protezzjoni legali u s-saħħa, u b'mod partikolari permezz tal-edukazzjoni;

15.  Jappella li tiġi stabbilita linja baġitarja ddedikata dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi sabiex jiġi indirizzat b'mod aktar prominenti l-livell ta' parteċipazzjoni politika u ta' rappreżentanza tan-nisa fil-pajjiżi ġirien tal-UE u fi ħdan l-UE nnifisha; jenfasizza li dawn il-programmi għandhom jiġu integrati bis-sħiħ fil-miri u l-programmi ta' UN Women u għandhom jistipulaw miri li jistgħu jitkejlu sabiex ikun jista' jiġi segwit b'mod regolari l-progress dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, biex tissaħħaħ il-koperazzjoni u biex ikun hemm parteċipazzjoni akbar mal-gvernijiet tal-pajjiżi sħab, bl-għan li jinkisbu riżultati aħjar aktar malajr, fil-kuntest ta' ftehimiet bilaterali ta' sħubija u ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni;

16.  Jinnota li l-Kummissjoni, fid-Dokument Konġunt ta' Ħidma tal-Persunal dwar il-qafas 2016-2020, irrikonoxxiet li l-investiment finanzjarju tal-UE fl-ugwaljanza bejn is-sessi ma kienx imkejjel b'mod sistematiku; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ ċar, immexxi mir-riżultati, li jistabbilixxi standards għoljin għall-mekkaniżmi ta' rappurtar, evalwazzjoni u ta' responsabbiltà, kif ukoll tippromwovi t-teħid tad-deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza sabiex ir-riżorsi finanzjarji jintużaw b'mod aktar effiċjenti u effikaċi; jirrikjedi rapport li jistabblixxi b'mod eżatt kemm finanzjament kien impenjat b'mod speċifiku għall-allinjament bejn is-sessi, kif ukoll biex jiġu identifikati l-aktar għanijiet notevoli li nkisbu;

17.  Jisħaq fuq il-fatt li, għal sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitt, il-GAP II għandu jiffoka aktar fuq l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kuntest u l-prattika ta' drittijiet tal-bniedem u wkoll ta' governanza tajba usa' u aktar komprensivi;

18.  Jiġbed l-attenzjoni dwar l-impenn tal-Kummissjoni favur l-allinjament tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tal-analiżi u l-perspettivi tas-sessi fost l-istrumenti kollha tagħha; jappella sabiex dan l-approċċ ikompli jkun rifless fl-għodod kollha tal-UE, b'mod partikolari fl-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;

19.  Jappella li jiġu promossi politiki u miżuri mmirati fuq l-edukazzjoni tal-bniet u fuq l-emanċipazzjoni tagħhom; jinsisti dwar it-tisħiħ ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li jiddefendu l-ħajja tal-bniet u tan-nisa u li jiddefendu d-drittijiet tagħhom u l-emanċipazzjoni tagħhom;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-inklużjoni u r-rappreżentanza tan-nisa f'oqsma ekonomiċi li huma importanti għall-iżvilupp sostenibbli; jisħaq li n-negozju għandu rwol importanti x'jaqdi fit-tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa; jappella, f'dan il-kuntest li jingħata appoġġ akbar lill-SMEs lokali, b'mod partikolari lil imprendituri nisa, permezz ta' mikrokreditu, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tkabbir immexxi mis-settur privat;

21.  Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniet u n-nisa bħala migranti, rifuġjati u bħala dawk li jfittxu asil, meta jimplimentaw u jiżviluppaw il-politika tal-migrazzjoni tal-UE; jappella, f'dan il-kuntest, għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-parteċipazzjoni fl-Operazzjoni Sophia tal-EUNAVFOR MED flimkien mal-gwardji tal-kosta Libjani, fid-dawl ta' rapporti ta' vjolenza sesswali sistematika kontra n-nisa fiċ-ċentri ta' detenzjoni fuq it-territorju Libjan.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGHTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

23.1.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule-Pēterse, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Alex Mayer, David McAllister, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Alyn Smith, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, László Tőkés, Miguel Urbán Crespo, Ivo Vajgl

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Brando Benifei, Marek Jurek, Jo Leinen, Miroslav Poche, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Barbara Kudrycka, Tiemo Wölken

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

53

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Iveta Grigule-Pēterse, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Jozo Radoš, Ivo Vajgl

ECR

Amjad Bashir

EFDD

Fabio Massimo Castaldo

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Miguel Urbán Crespo, Marie-Christine Vergiat

PPE

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Barbara Kudrycka, Eduard Kukan, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, László Tőkés, Traian Ungureanu

S&D

Nikos Androulakis, Francisco Assis, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Eugen Freund, Jo Leinen, Andrejs Mamikins, Alex Mayer, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Miroslav Poche, Tiemo Wölken

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Tamás Meszerics, Alyn Smith, Bodil Valero

5

ECR

Bas Belder, Marek Jurek

EFDD

James Carver

NI

Georgios Epitideios, Janusz Korwin-Mikke

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0365.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.4.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

5

13

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Malin Björk, Ignazio Corrao, Mireille D’Ornano, Nirj Deva, Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Vincent Peillon, Cristian Dan Preda, Liliana Rodrigues, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Eleni Theocharous, Ángela Vallina, Paavo Väyrynen, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Bogdan Brunon Wenta, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská, Joachim Zeller, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Brian Hayes, Lívia Járóka, Urszula Krupa, Florent Marcellesi, Maria Noichl, Jordi Solé, Dubravka Šuica, Monika Vana

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Nessa Childers, Pál Csáky, Stefan Eck, Arndt Kohn, Gabriele Preuß, Daciana Octavia Sârbu, Jaromír Štětina


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

24

+

ECR

Eleni Theocharous

EFDD

Ignazio Corrao

GUE/NGL

Malin Björk, Stefan Eck, Stelios Kouloglou, Lola Sánchez Caldentey, Ángela Vallina

S&D

Nessa Childers, Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Arndt Kohn, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maria Noichl, Vincent Peillon, Gabriele Preuß, Liliana Rodrigues, Daciana Octavia Sârbu, Elly Schlein

VERTS/ALE

Maria Heubuch, Florent Marcellesi, Jordi Solé, Monika Vana

5

-

ECR

Urszula Krupa, Jadwiga Wiśniewska

EFDD

Mireille D'Ornano

PPE

Anna Záborská, Joachim Zeller

13

0

ALDE

Paavo Väyrynen

ECR

Nirj Deva

PPE

Pál Csáky, Brian Hayes, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Cristian Dan Preda, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Bogdan Brunon Wenta, Željana Zovko

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Mejju 2018Avviż legali