Proċedura : 2017/2255(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0169/2018

Testi mressqa :

A8-0169/2018

Dibattiti :

PV 13/06/2018 - 22
CRE 13/06/2018 - 22

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2018 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0262

RAPPORT     
PDF 692kWORD 73k
14.5.2018
PE 615.438v02-00 A8-0169/2018

dwar l-ostakli strutturali u finanzjarji fl-aċċess għall-kultura

(2017/2255(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Rapporteur: Bogdan Andrzej Zdrojewski

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

on structural and financial barriers in the access to culture

(2017/2255(INI))

Il-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra l-Artikolu 27 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

  wara li kkunsidra l-Artikolu 15 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 22 u 25 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej bħala sorsi ta' tkabbir ekonomiku u impjiegi(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-azzjonijiet esterni tal-UE(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2004 dwar ir-rwol tal-iskejjel u tal-edukazzjoni skolastika sabiex ikun massimizzat l-aċċess għall-kultura(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titlu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali"(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 bit-titlu "Lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa"(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar aġenda Ewropea għall-kultura fl-era tal-globalizzazzjoni(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej bħala sorsi ta' tkabbir ekonomiku u impjiegi(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud li japplikaw għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar il-komunikazzjoni "Europeana - il-passi li jmiss"(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Marzu 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE(19),

  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (UNCRPD), u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tagħha dwar il-parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali, ir-rikreazzjoni, id-divertiment u l-isport,

  wara li kkunsidra l-għan 11 tal-Aġenda tan-NU 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli ffirmata f'Settembru 2015 li tipproponi li l-bliet u l-insedjamenti umani jsiru inklużivi, siguri, dejjiema u sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, adottata mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) fl-20 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà (il-Konvenzjoni ta' Faro) tas-27 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2014 dwar Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015–2018)(21),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura tal-UE għall-perjodu 2015-2018,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Mejju 2015 dwar kollegamenti kulturali u kreattivi sabiex jiġu stimulati l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà ekonomika u l-inklużjoni soċjali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2016 dwar ir-rwol tal-Europeana għall-aċċess diġitali, il-viżibbiltà u l-użu tal-wirt kulturali Ewropew.

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2003 dwar l-aċċessibilità tal-infrastruttura kulturali u tal-attivitajiet kulturali għall-persuni b'diżabilità,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tat-8 ta' Ġunju 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titlu "Lejn strateġija tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali" (JOIN(2016)0029),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura (COM(2010)0390),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2010 bl-isem "L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi" (COM(2010)0183),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (2018) (COM(2016)0543),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2012 bit-titlu "Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE" (COM(2012)0537),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2012 dwar il-kontenut fis-Suq Uniku Diġitali (COM(2012)0789),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2012 bit-titlu "Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali" (COM(2014)0477),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2012 mill-grupp ta' ħidma tal-esperti tal-Istati Membri tal-UE dwar l-aċċess għall-kultura,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru Nru 399 "L-aċċess u l-parteċipazzjoni fil-kultura" u Nru 466 "Il-wirt kulturali",

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ statistiku tal-Eurostat ("Statistika kulturali") għall-2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0169/2018),

A.  billi l-Artikolu 27 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jiddikjara li "kulħadd għandu d-dritt li jipparteċipa liberament fil-ħajja kulturali tal-komunità, li jgawdi l-arti u li jkollu sehem mill-avvanz xjentifiku u l-benefiċċji tiegħu"; billi l-aċċess għall-kultura u għall-opportunitajiet ta' espressjoni kreattiva huwa importanti għall-eżistenza ta' soċjetà demokratika msejsa fuq il-libertà ta' espressjoni u l-ugwaljanza;

B.  billi l-Konvenzjoni ta' Faro tas-27 ta' Ottubru 2005 tirrikonoxxi d-dritt għall-wirt kulturali u tħeġġeġ il-promozzjoni tal-iżvilupp ta' metodi innovattivi ta' ġestjoni tal-wirt, sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jikkooperaw ma' atturi oħra, inklużi assoċjazzjonijiet u individwi privati;

C.  billi l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jitlob ir-rispett għad-diversità kulturali u l-Artikolu 25 jirrikonoxxi d-dritt tal-anzjani li jipparteċipaw fil-ħajja kulturali;

D.  billi l-kultura għandha impatt qawwi fuq il-promozzjoni, il-fehim u l-iżvilupp tas-solidarjetà bejn il-komunitajiet Ewropej u trans-Ewropej;

E.  billi l-kostituzzjonijiet tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE jirreferu direttament jew indirettament għall-kultura u l-aċċess għaliha;

F.  billi, filwaqt li l-UE tista' tikkomplementa u tħeġġeġ politiki kulturali skont l-Artikolu 167 tat-TFUE, l-awtoritajiet fil-livell reġjonali jew nazzjonali għadhom il-korpi ewlenin inkarigati mill-politiki kulturali fl-UE, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

G.  billi kwalunkwe ostakolu li jipprevjeni l-aċċess u l-parteċipazzjoni sħiħa għal persuni jew komunitajiet fil-proċessi kulturali u fl-ekosistemi kulturali jnaqqas l-iżvilupp ta' soċjetà tassew demokratika u inklużiva;

H.  billi l-kultura tagħti liċ-ċittadini Ewropej possibilitajiet akbar fl-iżvilupp tal-ħiliet personali, soċjali, kreattivi u interkulturali;

I.  billi, skont l-istimi tan-NU, nofs il-popolazzjoni dinjija, jiġifieri 3,5 biljun ruħ, illum il-ġurnata jgħixu fil-bliet; billi, sal-2030, kważi 60 % tal-popolazzjoni dinjija se tkun qed tgħix f'żoni urbani; billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stabbiliti strateġiji b'politiki effettivi għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet li għadhom preżenti u li jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed żmien biex isiru bidliet sabiex jinħolqu spazji urbani tassew inklużivi;

J.  billi r-rakkomandazzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja tinkludi l-għarfien u l-espressjoni kulturali fost il-kompetenzi bażiċi li huma meħtieġa għas-sodisfazzjon u l-iżvilupp personali, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u l-impjiegi(22);

K.  billi l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha tal-10 ta' Mejju 2017 bit-titlu "Aġenda Ewropea għal Kultura f'Dinja li qed tiġi Gglobalizzata" (COM(2007)0042), enfasizzat il-ħtieġa li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kultura u x-xogħlijiet kulturali, kif ukoll li tiġi promossa d-diversità kulturali;

L.  billi l-futur tal-innovazzjoni kulturali tal-UE jiddependi fuq l-investiment fir-riżorsi, l-għarfien u t-talenti kreattivi;

M.  billi l-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015-2018) adottat mill-Kunsill f'Diċembru 2014, jidentifika l-kultura aċċessibbli u inklużiva u l-promozzjoni tad-diversità kulturali bħala prijoritajiet;

N.  billi wieħed mill-objettivi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha għandu jkun it-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi sabiex tiġi promossa soċjetà inklużiva fejn kulħadd ikun jista' jipparteċipa; billi settur kulturali, dinamiku u ddiversifikat huwa fundamentali f'soċjetà inklużiva;

O.  billi l-parteċipazzjoni f'attivitajiet kulturali hija mezz biex jinħoloq sens ta' appartenenza f'soċjetà; billi l-bini ta' identità soċjali huwa marbut mill-qrib mal-parteċipazzjoni kulturali; billi l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet kulturali tista' tikkontribwixxi għaż-żieda fl-awtostima u tal-kwalità tal-ħajja, prinċipalment tal-persuni li jkunu qed iġarrbu xi forma ta' emarġinazzjoni minħabba qgħad, mard jew għal xi raġuni oħra;

P.  billi settur kulturali inklużiv huwa wieħed li jippermetti li kulħadd igawdi mill-istess opportunitajiet ta' parteċipazzjoni u ta' żvilupp tal-ħiliet kreattivi tiegħu, indipendentement mill-isfond soċjoekonomiku, kulturali jew reliġjuż, kif ukoll minn kwalunkwe diżabilità;

Q.  billi, f'ħafna reġjuni, il-libreriji pubbliċi u l-istituzzjonijiet kulturali huma miżjura ta' spiss miċ-ċittadini u, ħafna drabi, huma l-uniċi punti ta' aċċess għall-informazzjoni u għall-kultura, prinċipalment fir-reġjuni rurali jew remoti;

R.  billi t-teknoloġiji diġitali ġodda jista' jkollhom inflwuenza fil-ġestjoni tas-settur kulturali, fid-djalogu u fil-ħolqien ta' pubbliku ġdid u fid-disseminazzjoni tal-attivitajiet kulturali;

S.  billi t-teknoloġiji diġitali ġodda u l-pjattaformi online joffru opportunitajiet kruċjali biex jiżdiedu l-livelli ta' parteċipazzjoni u ta' ħolqien kulturali;

T.  billi persuni minn pajjiżi terzi mhumiex rappreżentati biżżejjed f'diversi oqsma kulturali fl-UE; billi dan jaffettwa wkoll lil persuni li jbatu minn xi forma ta' diżabilità;

U.  billi r-rapport tal-grupp ta' ħidma tal-esperti tal-Istati Membri tal-UE dwar l-aċċess għall-kultura(23) jiddefinixxi l-aċċess f'termini li jippermetti lil udjenzi ġodda jibbenefikaw mill-offerta kulturali disponibbli; billi dan jimplika l-ilħiq ta' udjenzi jew ċittadini ġodda u t-tqarrib tagħhom lejn il-patrimonju kulturali u r-riżorsi kulturali oħra;

V.  billi t-teknoloġiji diġitali biddlu l-mod kif il-persuni jkollhom aċċess għall-kontenut kulturali, u kif jipproduċuh, ixerrduh u jużawh;

W.  billi l-pjattaforma Europeana, li ġiet imnedija fl-2008, saret proġett kulturali Ewropew komuni li jiffaċilita l-aċċess diġitali għall-wirt kulturali tal-Ewropa;

X.  billi wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-programm Ewropa Kreattiva huwa li jilħaq udjenzi ġodda u li jtejjeb l-aċċess għax-xogħlijiet kreattivi u kulturali fl-Unjoni u lil hinn minnha, b'enfasi partikolari fuq it-tfal, iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità u l-gruppi sottorappreżentati;

Y.   billi jeżistu inizjattivi fil-livell tal-Komunità u fl-Istati Membri li għandhom l-għan li jipprovdu aċċess aħjar lill-persuni b'diżabilità għall-infrastruttura kulturali u l-attivitajiet kulturali;

Z.  billi d-diversità tal-proċeduri u tas-sistemi tat-tassazzjoni fi ħdan l-UE tagħmel diffiċli l-mobilità tal-artisti u tal-ħaddiema kulturali b'mod ġenerali, billi toħloq burokrazija żejda, li ta' spiss ma tkunx proporzjonata għad-dħul reali u modest li jirriżulta mill-attivitajiet tagħhom;

AA.  billi l-iżvilupp ta' statistika kulturali affidabbli, komparabbli u aġġornata, li hija l-bażi tat-tfassil ta' politika kulturali tajba, huwa waħda mill-prijoritajiet trażversali tal-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2015-2018 li jgħin sabiex iservi ta' bażi għall-potenzjal ekonomiku tal-industriji kulturali u kreattivi u għall-impatt tagħhom fuq il-benessri soċjali;

AB.  billi l-aċċess għal riċerka kwalitattiva u r-riżorsi tad-data komparattiva jippermettu monitoraġġ u analiżi effettivi tal-impatt kulturali, ekonomiku u soċjali tal-politiki kulturali;

AC.  billi l-kultura tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' soċjetà bbażata fuq l-għarfien u l-qsim tal-esperjenzi u tal-istorja universali;

AD.  billi kważi 8,4 miljun persuna huma impjegati fis-settur kulturali tal-UE (u b'hekk jirrappreżentaw 3,7 % tal-impjiegi totali)(24), u billi l-potenzjal tagħhom f'termini ta' tkabbir ekonomiku għadu ma twettaqx għalkollox;

AE.  billi dawk li jaħdmu permezz ta' produzzjoni kulturali biex jikkontribwixxu għall-espressjoni tal-identità tagħhom u jwessgħu u jiżviluppaw b'mod sostenibbli l-aċċess għall-kultura jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet u sfidi;

L-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha

1.  Jenfasizza li huwa jirrikonoxxi l-aċċess għall-kultura bħala dritt fundamentali taċ-ċittadini kollha, f'konformità mal-Artikolu 27 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jirrikonoxxi l-parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali bħala wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem; ifakkar, barra minn hekk, li dan id-dritt huwa stabbilit mill-Konvenzjoni ta' Faro, li tirrikonoxxi d-dritt għall-parteċipazzjoni għall-ħajja kulturali u tenfasizza r-rwol tal-wirt kulturali fil-bini ta' soċjetà paċifika u demokratika; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri firmatarji sabiex iħaffu l-proċess ta' ratifika u lill-Istati Membri l-oħra li ma jagħmlux parti sabiex jiffirmaw il-Konvenzjoni, filwaqt li japprofittaw mill-opportunità unika tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali; 

2.  Ifakkar l-importanza ta' applikazzjoni olistika tal-kunċett ta' aċċessibbiltà u l-valur tagħha bħala l-mezz biex jiġi ggarantit li kull persuna li tibbenefika minn kultura, postijiet u inizjattivi kulturali titqies fis-sens aktar wiesa' u sħiħ tagħha u li, bħala konsegwenza, jitqiesu, b'mod partikolari, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni b'diżabilità, bil-għan li jiġu ggarantiti opportunitajiet indaqs, inklużjoni soċjali reali u parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà;

3.  Jenfasizza l-importanza inkontestabbli ta' settur kulturali attiv u aċċessibbli għall-iżvilupp ta' soċjetà inklużiva u t-tisħiħ ta' bażi komuni ta' valuri universali u ċittadinanza Ewropea attiva, li huma fundamentali biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw b'suċċess u b'mod sinifikanti fil-ħajja pubblika, filwaqt li, fl-istess ħin, jiġi promoss il-wirt kulturali tal-Ewropa u tiġi żviluppata d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Unjoni, fl-isfera ta' kompetenza tagħha, jiżviluppaw u jimplimentaw il-miżuri speċifiċi meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-aċċess għall-ħajja kulturali kif ukoll il-parteċipazzjoni fiha;

4.  Iħeġġeġ li l-inklużjoni u d-diversità bħala parti integrali mill-ippjanar, l-iżvilupp organizzattiv u r-reklutaġġ fis-settur kulturali fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jissorveljaw sistematikament il-miżuri mmirati lejn dan l-objettiv;

5.  Ifakkar fl-importanza tar-rwol tal-UE fil-promozzjoni u l-iffaċilitar ta' koordinazzjoni aħjar tal-politiki kulturali fil-livelli kollha; jinnota li huwa biss fuq din il-bażi li jkun possibbli għall-operaturi minn madwar l-UE kollha li jiżviluppaw politika effettiva u komprensiva li tippromwovi l-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha u li tiżviluppa l-kultura bħala element essenzjali tal-proġett tal-integrazzjoni Ewropea;

6.  Iqis l-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni kulturali bħala kwistjoni trażversali u, għalhekk, jenfasizza l-importanza li l-politika kulturali tiġi kkoordinata ma' oqsma ta' politika oħrajn, bħall-politiki edukattivi, soċjali, ekonomiċi, reġjonali, barranin, diġitali u tal-midja;

7.  Jirrakkomanda lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija ta' aċċess kulturali mmirata lejn it-tfal jew iż-żgħażagħ;

8.  Jirrikonoxxi l-promozzjoni u l-kisba ta' aċċess inklużiv u siewi għall-kultura bħala waħda mill-prijoritajiet fuq l-aġenda politika u jitlob li l-aspetti tal-aċċessibbiltà u tal-parteċipazzjoni kulturali jiġu integrati f'oqsma ta' politika oħrajn, billi dawn mhux biss jagħmlu kontribut pożittiv għal dawn l-oqsma, iżda se jkollhom ukoll impatt fuq il-kooperazzjoni sinerġistika u transettorjali, skont l-ispirtu tal-Artikolu 167 TFUE;

9.  Jiddikjara li l-kompendju ta' politiki kulturali nazzjonali kif imfassal u ġestit mill-Kunsill tal-Ewropa u pjattaforma ta' esperti kien għodda utli ħafna għal politiki kulturali fl-Ewropa u lil hinn minnha; jiddispjaċih, madankollu, li mill-2011 sar ftit progress b'rabta mal-ġbir tad-data u speċjalment fir-rigward tal-analiżi tad-data, u jirrakkomanda, għalhekk, li l-Kunsill jagħmel reviżjoni tal-kontenut attwali, inklużi wkoll il-livelli lokali u reġjonali tal-politiki kulturali;

10.  Jenfasizza li l-kunċetti tal-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha huma marbuta mill-qrib; jinnota li jeħtieġ li jiġu implimentati strateġiji għat-tisħiħ tal-aċċess kulturali u l-parteċipazzjoni permezz tal-identifikazzjoni tal-gruppi sottorappreżentati u t-tfassil u l-implimentazzjoni ta' inizjattivi jew programmi li għandhom l-għan li jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom u jneħħu l-ostakoli eżistenti;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' ġbir ta' data dwar il-parteċipazzjoni tal-persuni b'diżabilità fl-attivitajiet kulturali;

12.  Jiddispjaċih li l-ostakoli finanzjarji għadhom jimpedixxu liċ-ċittadini, speċjalment lil dawk li jagħmlu parti mill-aktar gruppi żvantaġġati, milli jgawdu bis-sħiħ mid-dritt fundamentali tagħhom li jipparteċipaw fil-ħajja kulturali u minn aċċess għall-kultura, u b'hekk dan ixekkel it-twettiq effettiv ta' tali dritt fundamentali;

13.  Ifakkar li huwa importanti li jiġu żviluppati pjattaformi għall-qsim u l-iskambju ta' esperjenzi f'livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew;

14.  Jenfasizza l-importanza li tiġi ggarantita offerta kulturali ta' kwalità għaċ-ċittadini kollha bħala bażi għall-promozzjoni ta' ċittadinanza attiva, demokratika u inklużiva;

Ostakoli finanzjarji

15.  Jenfasizza li finanzjament pubbliku sod u kontinwu jaqdi rwol fundamentali biex tiġi żgurata xena kulturali vibranti u jibqa' strument indispensabbli għall-appoġġ ta' attivitajiet kulturali fl-UE sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal ekonomiku tagħhom, biex jingħata kontribut lit-tkabbir sostenibbli u l-koeżjoni soċjali u biex jiġu ffinanzjati infrastrutturi kulturali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jiddedikaw parti xierqa mill-baġits tagħhom għall-appoġġ pubbliku għall-kultura u biex isaħħu s-sinerġiji mal-FEŻR u fondi ta' appoġġ kulturali oħra, inklużi programmi li jiffaċilitaw ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-għodod tal-politika ta' koeżjoni disponibbli;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-finanzjament pubbliku tal-kultura ma jonqosx, irrispettivament mid-diffikultajiet ekonomiċi futuri possibbli li Stat Membru jista' jkun qed iħabbat wiċċu magħhom;

17.   Jiddispjaċih li r-rallentamenti ekonomiċi normalment irriżultaw, u għadhom spiss wisq jirriżultaw, l-ewwel u qabel kollox fi tnaqqis tan-nefqa pubblika fuq il-kultura u għandhom impatt negattiv fuq il-baġits għal attivitajiet kulturali;

18.  Ifakkar li l-investiment fis-setturi kulturali u kreattivi huwa mezz ta' kif jiġi sfruttat il-potenzjal sinifikanti u li għadu sottovalutat ta' dawk is-setturi bil-għan li jitrawmu d-diversità kulturali u l-innovazzjoni soċjali, filwaqt li jiġu ġġenerati l-prosperità ekonomika sostenibbli u impjiegi ta' kwalità, u li dan l-investiment għandu wkoll impatt dirett fuq l-iżvilupp ta' ħiliet ġodda, id-diġitizzazzjoni, l-intraprenditorija, l-innovazzjoni u l-formulazzjoni ta' mudelli kummerċjali ġodda, kif ukoll it-tisħiħ tal-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej, filwaqt li jinħatfu opportunitajiet u jinkiseb aċċess għal opportunitajiet, swieq u udjenzi internazzjonali ġodda; iqis, għalhekk, li s-settur privat għandu rwol deċiżiv u komplementari għall-investiment pubbliku u jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta' miżuri leġiżlattivi li jipprevedu kreditu ta' taxxa għall-ħruġ ta' flus lil partijiet privati li jappoġġja l-kultura;

19.  Jirrimarka li l-frammentazzjoni, il-valur miżjud baxx u l-attivitajiet ta' bosta irġiel u nisa li jaħdmu għal rashom u ta' nisa fis-settur kreattiv, filwaqt li jfakkar li dawn l-attivitajiet b'mod ġenerali jitqiesu bħala interessanti, m'għandhomx iwasslu biex l-industrija kulturali u kreattiva ssir mudell ta' impjiegi mħallsa b'pagi baxxi u b'sigurtà soċjali dgħajfa; jipproponi, għalhekk, l-iżvilupp ta' proċessi ta' reviżjoni b'saħħitha għal xogħol ta' kwalità fis-settur kreattiv;

20.  Jenfasizza li l-aċċess tal-popolazzjoni għall-beni u s-servizzi kulturali, kif ukoll l-appoġġ għall-produzzjoni u l-espressjoni kulturali, isaħħu l-ekonomija kreattiva, filwaqt li jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp ta' pajjiż;

21.  Jirrimarka li n-nuqqas ta' finanzjament tal-industriji kulturali għandu jitnaqqas permezz ta' inċentivi fiskali għall-patronċinju privat;

22.  Jiġbed l-attenzjoni għall-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-artisti ġejjin mill-Ewropa kollha fir-rigward tal-ġbir tat-taxxi fuq l-introjtu transkonfinali, u għalhekk jirrakkomanda mudelli armonizzati li jistgħu jintużaw faċilment mill-impjegati u minn dawk li jaħdmu għal rashom u li permezz tagħhom tkun tista' tiġi evitata t-tassazzjoni doppja;

23.  Jitlob li jsir investiment fil-mikrointrapriżi, sabiex tingħata spinta lill-kreattività u l-innovazzjoni, filwaqt li jiġi promoss ukoll l-iżvilupp reġjonali u lokali;

24.  Jenfasizza li l-prezz għoli tal-prodotti u s-servizzi kulturali huwa wieħed mill-ostakoli għall-parteċipazzjoni fil-kultura, kif enfasizzat mir-rispondenti fl-istħarriġ tal-Ewrobarometru u f'dak tal-Eurostat(25); jirrakkomanda bil-qawwa, f'dan il-kuntest, li l-Istati Membri u r-reġjuni jieħdu azzjonijiet immirati għal udjenzi speċifiċi, b'mod speċjali għall-istudenti, familji kbar u anzjani, bil-għan li jitneħħew l-ostakoli finanzjarji għall-aċċess;

25.  Jenfasizza li l-ispejjeż għolja ta' assigurazzjoni għall-oġġetti tal-wirjiet u l-prestazzjonijiet huma responsabbli wkoll għall-biljetti ta' dħul jew biljetti bi prezzijiet għoljin għal mużewijiet, teatri u wirjiet u ta' spiss jagħmluha diffiċli għal strutturi iżgħar biex jiżviluppaw il-programmi tagħhom skont l-udjenzi u l-ambizzjonijiet tagħhom, sitwazzjoni li tirriżulta f'diskrepanza dejjem akbar bejn strutturi iżgħar, li huma qrib l-udjenza tagħhom, u istituzzjonijiet akbar, li huma rikonoxxuti internazzjonalment;

26.  Jenfasizza r-rwol li jista' jkollhom il-politiki fiskali xierqa għas-setturi kreattivi u kulturali fit-titjib tal-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fil-kultura; jinnota, madankollu, li l-appoġġ indirett għall-wirt kulturali permezz tal-introduzzjoni ta' rati mnaqqsa tal-VAT ma jistax jieħu post is-sussidji diretti; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aħjar tal-politiki kulturali nazzjonali u tar-rati tal-VAT bħala għodda li tistimula l-parteċipazzjoni kulturali;

27.  Ifakkar fl-importanza li l-Istati Membri jikkunsidraw politika tat-tassazzjoni aktar koerenti rigward id-dħul, għall-ħaddiema fis-settur kulturali u l-artisti li jivvjaġġaw f'pajjiżi differenti għal perjodi qosra ta' żmien u għalhekk jistgħu jkunu soġġetti għal regoli u proċeduri amministrattivi ġodda għal kull prestazzjoni individwali, sessjonijiet ta' ħidma jew residenza; jissuġġerixxi li armonizzazzjoni minima b'appoġġ għall-mobilità tal-artisti u tal-ħaddiema fis-settur kulturali għandha titqies bħala prijorità biex tħeġġeġ id-diversità tal-ħolqien u tal-kultura madwar l-UE u lil hinn minnha, minflok ma jinħolqu ostakoli fil-forma ta' burokrazija mhux proporzjonali għad-dħul reali mix-xogħol kulturali;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet pubbliċi biex jinvestu fid-deċentralizzazzjoni ta' wirjiet ta' attivitajiet kulturali, kemm permezz tal-ħolqien ta' infrastrutturi f'reġjuni remoti, kif ukoll permezz ta' wirjiet kulturali temporanji differenti; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kulturali privati jinvestu wkoll fid-deċentralizzazzjoni ġeografika;

29.  Jilqa' l-proposta li tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT, li tippermetti lill-Istati Membri japplikaw l-istess rata tal-VAT għall-pubblikazzjonijiet elettroniċi u għall-pubblikazzjonijiet stampati; huwa tal-fehma li d-distinzjoni bejn ir-rati tal-VAT applikati għall-pubblikazzjonijiet fiżiċi u għal dawk elettroniċi hija anakronistika u mhux sostenibbli fl-era diġitali; jistieden lill-Kunsill jadotta l-proposta tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni mingħajr dewmien żejjed;

30.  Jenfasizza l-importanza li jinsab bilanċ bejn il-ħajja privata u dik tax-xogħol permezz tal-aċċess, it-tgawdija u l-parteċipazzjoni f'diversi attivitajiet kulturali;

Ostakoli u sfidi edukattivi

31.  Jenfasizza li l-livell ta' edukazzjoni huwa wieħed mill-aktar fatturi importanti li għandhom impatt sinifikanti fuq il-livell tal-parteċipazzjoni fil-kultura; jenfasizza li livell ogħla ta' edukazzjoni jissarraf f'livell ogħla ta' parteċipazzjoni f'avvenimenti kulturali(26); jenfasizza li s-suġġetti mużikali, it-taħriġ fil-lingwi fl-iskejjel u l-edukazzjoni kulturali informali jiffurmaw parti integrali mill-edukazzjoni ġenerali, li huma adatti biex inaqqsu d-differenzi soċjali u b'hekk jeħtieġu l-istess appoġġ bħas-suġġetti STEM;

32.  Jenfasizza li l-għarfien huwa kkonċepit bħala prodott tal-interazzjonijiet kulturali li jaġixxu u jirreaġixxu fuq l-individwu li jifforma impronta kulturali;

33.  Iħeġġeġ approċċ interattiv u inklużiv ibbażat fuq il-komunità fl-iżvilupp ta' politiki kulturali u edukattivi sabiex jiżdiedu l-interess u l-parteċipazzjoni kulturali, jiġi promoss il-wirt kulturali tal-Ewropa u tiġi żviluppata d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea;

34.  Jinnota li n-nuqqas ta' interess huwa wieħed mill-ostakoli għall-parteċipazzjoni kulturali msemmija l-aktar ta' spiss minn fost ir-rispondenti fl-istħarriġ tal-Eurostat u f'dak tal-Ewrobarometru(27); jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-appoġġ għad-domanda, li jinftiehem bħala t-tiswir ta' interess u għarfien tal-kultura permezz tal-edukazzjoni formali, mhux formali u informali, għandu jkun kompitu ta' prijorità f'termini taż-żieda tal-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha;

35.  Jirrakkomanda li tinħareġ "Kard Ewropea tal-Istudenti" fuq bażi ġenerali u li l-aċċess b'xejn għall-istituzzjonijiet kulturali tal-UE għandu jiżdied mal-benefiċċji li tagħti;

36.  Ifakkar fir-rwol fundamentali tal-iskejjel u tal-familji bħala pjattaformi ewlenin sabiex iż-żgħażagħ jinġiebu f'kuntatt mal-kultura u sabiex isawru l-ħtiġijiet u l-kompetenzi kulturali; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu passi 'l quddiem lejn l-integrazzjoni akbar tal-edukazzjoni kulturali u artistika fil-programmi u l-kurrikuli tal-iskejjel, kemm fl-edukazzjoni formali kif ukoll dik informali;

37.  Jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, u permezz ta' finanzjament u/jew sussidji, jiżguraw li jingħata tagħlim mużikali fl-istituzzjonijiet tat-tagħlim pubbliku;

38.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jqisu l-edukazzjoni bħala waħda mill-iktar attivitajiet kulturali importanti, peress li l-promozzjoni tad-domanda tfisser, qabel kollox, li n-nies jingħataw il-ħiliet u l-għarfien biex ikunu jistgħu japprezzaw l-arti; ifakkar li l-kultivazzjoni tal-interess fil-kultura hija aktar effettiva jekk issir f'età bikrija, u jqis għalhekk li l-kultura għandha tingħata iktar spazju fil-kurrikuli tal-iskejjel u li għandhom ikunu disponibbli iktar riżorsi umani u materjali biex jintlaħaq dan l-objettiv; jitlob li jingħata finanzjament lill-iskejjel għal żjarat f'mużewijiet u istituzzjonijiet kulturali oħrajn, peress li dan jippromwovi fl-istess ħin l-interess fil-kultura u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, u jipprovdi riżorsi addizzjonali għall-istituzzjonijiet kulturali;

39.  Jenfasizza l-importanza tas-sistemi ta' tagħlim pubbliku fl-introduzzjoni tat-tfal għad-diversità tax-xena kulturali, biex b'hekk jingħata wkoll kontribut għall-ħolqien ta' udjenzi ġodda u għad-disseminazzjoni kulturali; jenfasizza wkoll l-importanza tad-diversi istituzzjonijiet kulturali li jiżviluppaw sħubijiet mal-iskejjel fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali;

40.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jappoġġjaw programmi ta' edukazzjoni kulturali "barra mill-iskola" għal kulħadd, u b'mod partikolari għat-tfal u ż-żgħażagħ żvantaġġati, permezz ta' programmi li għandhom l-objettiv li jintroduċuhom għal diversi forom ta' espressjoni artistika jew li jiffaċilitawlhom il-familjarizzazzjoni mal-wirt kulturali eżistenti;

41.  Jenfasizza r-rwol tal-istituzzjonijiet kulturali, inkluż taċ-ċentri kulturali lokali u tal-libreriji bħala atturi ewlenin sabiex jingħelbu l-ostakoli għall-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fil-kultura; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jappoġġjaw attivament lil dawn l-istituzzjonijiet kulturali;

42.  Isejjaħ għal apprezzament u fehim akbar tar-rwol soċjali li jaqdu l-libreriji pubbliċi u l-istituzzjonijiet kulturali tal-komunità, prinċipalment fir-reġjuni rurali jew imbiegħda, mhux biss bit-tisħiħ tal-finanzjament pubbliku, iżda wkoll bil-ħolqien ta' sħubijiet, billi jingħataw mezzi adegwati fil-livell tal-ICT u r-riżorsi umani b'aċċess għal taħriġ, u b'hekk jiġu ttrasformati f'istituzzjonijiet li kapaċi jtejbu l-ħajjiet tal-persuni u jikkontribwixxu għall-iżvilupp lokali;

43.  Jinnota li l-istabbiliment ta' sħubijiet huwa fundamentali biex jiġu attirati udjenzi potenzjali għall-attivitajiet artistiċi u li dan jista' jsir, pereżempju, permezz ta' kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-istudenti, il-migranti jew il-persuni b'diżabilità, sabiex jiġu indirizzati b'mod adegwat l-interessi u l-ħtiġijiet tagħhom;

44.  Jenfasizza l-importanza li jiġu promossi inizjattivi fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali li jippromwovu l-kuntatt, il-kollaborazzjoni u l-iskambju ta' esperjenzi bejn l-arti tradizzjonali, l-istituzzjonijiet kulturali u diversi organizzazzjonijiet multikulturali jew ta' minoranzi, kif ukoll bejn is-setturi kulturali professjonali u tad-dilettanti;

45.  Jirrakkomanda l-iżvilupp ta' strateġija koerenti li tappoġġja l-proġetti edukattivi proposti mill-istituzzjonijiet kulturali; jenfasizza li dawn il-proġetti huma għodod li jappoġġjaw u jibnu s-sensibilizzazzjoni u l-kompetenzi kulturali kif ukoll l-għarfien interkulturali, biex b'hekk iservu bħala punt tat-tluq għall-involviment fit-tul tal-pubbliku f'attivitajiet kulturali;

46.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri joħolqu programmi għall-ħin liberu taż-żgħażagħ fl-istituzzjonijiet kulturali;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jiżguraw aċċess aktar mifrux għal istituzzjonijiet kulturali u jiżviluppaw strateġija Ewropea komprensiva dwar l-aċċess għal spazji pubbliċi, partikolarment relatati mal-kultura fl-ambjent urban mibni, bħal fil-każijiet ta' mużewijiet, teatri, swali taċ-ċinema, libreriji, swali tal-kunċerti, eċċ;

48.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinċentivaw il-ħolqien ta' boroż ta' studju jew ta' apprendistat għall-istudenti b'rabta man-netwerks edukattivi pubbliċi jew privati fl-istituzzjonijiet kulturali jew ta' ġestjoni kulturali;

Ostakoli strutturali

49.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rati ta' parteċipazzjoni kulturali spiss aktar baxxi fost il-popolazzjoni rurali, li huma kkundizzjonati strutturalment(28), u f'dan il-kuntest, għar-rwol ta' ċentri kulturali lokali żgħar, l-infrastruttura tat-trasport u l-appoġġ għat-turiżmu kulturali sostenibbli fl-iffaċilitar tal-aċċess għal istituzzjonijiet kulturali;

50.  Jenfasizza li l-wirt kulturali Ewropew huwa uniku fid-dinja għad-diversità u r-rikkezza tiegħu u jissottolinja li t-turiżmu kulturali għandu potenzjal kbir biex jikkontribwixxi għal ekonomija sostenibbli kif ukoll biex irawwem il-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jqawwu l-isforzi u l-investimenti tagħhom sabiex jiżviluppaw politika tat-turiżmu kulturali sostenibbli u fit-tul;

51.  Iħeġġeġ investiment akbar fis-settur kulturali sabiex tingħata spinta lill-ekonomiji lokali u biex jinġieb 'il quddiem it-turiżmu kulturali; jinnota li t-turiżmu kulturali, f'sinerġija max-xjenza, is-settur primarju, u ċ-ċentri artiġjanali u industrijali, kif ukoll il-mobilità, huma fatturi deċiżivi għal Ewropa aktar qrib taċ-ċittadini u aktar umanistika;

52.  Jissuġġerixxi investiment akbar fl-aċċess għall-kultura għar-reġjuni ultraperiferiċi, ir-reġjuni muntanjużi u mbiegħda, b'mod li jinħolqu opportunitajiet kulturali deċentralizzati;

53.  Jinnota l-ħtieġa ta' azzjoni ulterjuri sabiex jittejjeb l-aċċess tal-persuni b'diżabilità għal infrastruttura kulturali mingħajr ostakoli teknoloġiċi jew fiżiċi kif ukoll għal attivitajiet kulturali u għall-midja; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom, sabiex ikomplu jaħdmu lejn l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità permezz tal-kultura u jagħmlu sforzi sabiex jitneħħew l-ostakoli eżistenti;

54.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' regoli ta' parteċipazzjoni fil-ġestjoni tal-wirt kulturali bbażati fuq approċċ li jiffoka fuq il-komunitajiet lokali b'tali mod li jinterċettaw id-domanda u jinvolvu aktar partijiet tal-pubbliku, filwaqt li jikkunsidraw b'mod partikolari ż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità u l-gruppi sottorappreżentati u marġinalizzati;

55.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet kulturali li jiddependu minnhom biex jiżguraw prodott kulturali li jkun aċċessibbli għal kulħadd, flimkien ma' miżuri speċifiċi għal ċerti gruppi tal-popolazzjoni, bħat-tfal u ż-żgħażagħ, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità jew il-migranti, fost oħrajn;

56.  Jissottolinja l-ħtieġa għal investiment akbar, min-naħa tal-Istati Membri, fl-implimentazzjoni tal-kodiċi universali tal-qari bis-sens tal-mess u ta' kitba (is-sistema Braille) f'varjetà wiesgħa ta' infrastrutturi u teknoloġiji kulturali; isejjaħ għal investiment akbar fil-produzzjoni ta' kotba, rivisti u ġurnali f'format awdjo, kif ukoll l-użu tal-lingwa tas-sinjali fil-produzzjonijiet teatrali;

57.  Jirrimarka dwar l-ħtieġa li jitneħħew l-ostakoli għall-mobilità tal-artisti u tal-professjonisti kulturali, prinċipalment dawk fiskali; jenfasizza l-impatt ta' dawn l-attivitajiet fuq l-espansjoni tal-offerta kulturali tal-Ewropa; jilqa' l-programm Ewropa Kreattiva biex jikkontribwixxi għas-suċċess tal-mobilità kulturali u tal-professjonisti tas-settur kif ukoll biex jingħata inċentiv għad-disseminazzjoni ta' avvenimenti u proġetti kulturali ta' kwalità;

58.  Ifakkar li l-ostakoli fl-aċċess għall-kultura jimmanifestaw ruħhom b'mod aktar ċar fuq livell lokali, u għalhekk l-investiment fi proġetti ta' mobilità kulturali ddifferenzjati għandu jissaħħaħ sabiex jippermetti l-iżvilupp u l-koeżjoni tal-lokalitajiet lokali;

59.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-mobilità tal-artisti Ewropej u minn pajjiżi terzi bħala assi fil-promozzjoni tal-paċi, l-iskambju ta' opinjonijiet u d-dikostruzzjoni ta' sterjotipi soċjali u kulturali;

60.  Ifakkar li l-ostakoli tal-lingwa jista' jkollhom effett negattiv fuq id-domanda kulturali, u jitlob għalhekk it-tisħiħ tal-multilingwiżmu fil-produzzjonijiet kulturali;

61.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiffaċilitaw it-trasport u l-aċċess għall-istituzzjonijiet kulturali għal persuni b'diżabilità u persuni b'mobilità mnaqqsa;

Ostakoli u sfidi diġitali

62.   Huwa konvint li l-għodod diġitali, meta jintużaw u jiġu implimentati kif xieraq u meta jkunu akkumpanjati minn livell konsistenti ta' litteriżmu diġitali, jistgħu jgħinu biex jingħelbu ostakoli għall-aċċess għall-kultura kkawżati minn fatturi li jinkludu pożizzjoni ġeografika żvantaġġata, diżabilità, sfond soċjali, lingwa u nuqqas ta' ħin jew ta' riżorsi finanzjarji; jirrimarka li, mingħajr ma dan ikun ifisser diżinvestiment fid-deċentralizzazzjoni ġeografika tal-attivitajiet kulturali, l-għodod diġitali jistgħu jkunu wkoll għodda sabiex jingħelbu l-ostakoli soċjali jew mentali;; iqis, għalhekk, li f'dan il-kuntest, l-edukazzjoni diġitali għandha tidħol fil-proċess tat-tagħlim minn età żgħira sabiex jiġu żviluppati l-għarfien u l-ħiliet ix-xierqa;

63.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni tfassal strateġija diġitali konsistenti, immirata lejn l-infrastrutturi u l-attivitajiet kulturali, sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom;

64.  Jinnota l-problema tal-esklużjoni diġitali u jenfasizza l-ħtieġa li din tiġi miġġielda; ifakkar, f'dan il-kuntest, li d-diġitalizzazzjoni tirrikjedi li l-istituzzjonijiet edukattivi u kulturali, kif ukoll il-benefiċjarji nfushom, jiksbu kompetenzi, ħiliet u għarfien ġodda; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li tinbena kapaċità għall-użu ta' teknoloġiji diġitali ġodda fl-istituzzjonijiet kulturali u biex jadattawhom għall-isfidi tal-bidla teknoloġika;

65.  Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà online tal-wirt kulturali fl-Ewropa għandhom jiġi implimentati abbażi ta' rispett sħiħ għad-drittijiet tal-ħallieqa u tal-proprjetà intellettwali; iqis f'dan ir-rigward li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma għandhomx ixekklu l-għan pubbliku ġenerali li jiżdied l-aċċess għal kontenut kreattiv, informazzjoni u għarfien u jiġi appoġġjat it-tixrid tagħhom; jinsisti wkoll fuq il-ħtieġa urġenti li jinħoloq ambjent diġitali sigur biex l-artisti u l-ħallieqa jkunu jistgħu jiġu rimunerati kif xieraq għax-xogħol tagħhom u tiġi żgurata rimunerazzjoni ġusta għal aċċess transkonfinali;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tkompli tagħti prijorità lill-approċċi innovattivi għall-iżvilupp u l-involviment tal-udjenza, inkluż permezz ta' teknoloġiji ġodda, fil-qafas tal-programmi tal-UE, b'mod partikolari l-programm Ewropa Kreattiva u l-iterazzjonijiet sussegwenti tiegħu;

67.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-iżvilupp tal-udjenza fl-istrateġiji kulturali u diġitali tagħhom u jappoġġjaw l-użu ta' teknoloġiji diġitali sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-kontenut kulturali;

68.  Jirrikonoxxi l-kontribut li sar mill-pjattaforma Europeana u mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri għad-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà tal-kontenut kulturali; jitlob, fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, li jingħata appoġġ sostenibbli għall-proġett u li dan jitfassal aħjar u li ssir promozzjoni tal-aċċess pubbliku għas-servizzi u r-riżorsi tal-wirt kulturali diġitali; jitlob ristrutturar reali tas-sit sabiex jikkonforma aħjar ma' teknoloġiji avvanzati kif ukoll politika ta' komunikazzjoni ġenwina li tkun konformi mar-rikkezza tal-kontenut miġbur fuq is-sit;

69.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar u tiġi ġestita data kulturali fil-kuntest ta' riċevituri tad-data sabiex l-organizzazzjonijiet kulturali jkunu jistgħu jifhmu aħjar il-ħtiġijiet tar-riċevituri u jiżviluppaw approċċ koerenti għall-udjenza diġitali;

70.  Jinnota li l-kontenut kulturali jaqdi rwol essenzjali fir-rigward tal-aċċettazzjoni tat-teknoloġiji ġodda kkonċernati mill-pubbliku inġenerali, kif ukoll fl-iżvilupp ta' ħiliet diġitali u ta' livelli ta' litteriżmu medjatiku taċ-ċittadini Ewropej;

o

o  o

71.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 142.

(2)

ĠU C 93, 9.3.2016, p. 95.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0486.

(4)

ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 25.

(5)

ĠU C 125 E, 22.5.2008, p. 223.

(6)

ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 135.

(7)

ĠU C 98 E, 23.4.2004, p. 179.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2016)0009.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2015)0293.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2016)0005.

(11)

ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 32.

(12)

ĠU C 93, 9.3.2016, p. 95.

(13)

Testi adottati, P8_TA(2016)0486.

(14)

Testi adottati, P8_TA(2017)0233.

(15)

ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 25.

(16)

ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 16.

(17)

Testi adottati, P7_TA(2011)0453.

(18)

Testi adottati, P8_TA(2017)0474.

(19)

Testi adottati, P8_TA(2017)0062.

(20)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.

(21)

ĠU C 463, 23.12.2014, p. 4.

(22)

ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(23)

Rapport bit-titlu 'Policies and good practices in the public arts and cultural institutions to promote better access to and wider participation in culture' (Politiki u prassi tajba fl-istituzzjonijiet artistiċi u kulturali pubbliċi sabiex jippromwovu aċċess aħjar għall-kultura u parteċipazzjoni usa' fiha), Ottubru 2012.

(24)

Eurostat - Culture statistics - cultural employment (Statistika kulturali - Impjiegi kulturali - 2017), http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Culture_statistics_-_cultural_employment

(25)

Ewrobarometru 399.

(26)

Statistika Kulturali tal-Eurostat, edizzjoni tal-2016, paġni 116-136; Eurostat (data mill-Istħarriġ tal-UE dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) tal-2015).

(27)

Ewrobarometru 399, Eurostat (data mill-Istħarriġ tal-UE dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) tal-2015).

(28)

Eurostat (data mill-Istħarriġ tal-UE dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) tal-2015).


NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Dan ir-rapport huwa l-ewwel rapport komprensiv mill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni li jittratta direttament il-kwistjonijiet li jaffettwaw l-aċċess għall-kultura. Ir-rapporteur jara l-problema tal-aċċess għall-kultura bħala l-kwistjoni sottostanti għall-politika kulturali kemm minn perspettiva nazzjonali, kif ukoll minn dik tal-UE u, l-aktar importanti, bħala l-kwistjoni ewlenija mill-perspettiva taċ-ċittadini. Filwaqt li jiċċita l-importanza fundamentali ta' settur kulturali attiv u aċċessibbli għall-iżvilupp ta' soċjetà demokratika inklużiva, ir-rapporteur jenfasizza l-ħtieġa li jitrawwem u jittejjeb l-aċċess għall-kultura bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin fl-aġenda politika u jitlob li l-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha jiġu integrati f'oqsma ta' politika oħrajn.

L-għan tar-rapport huwa li titwettaq analiżi transettorjali tal-ostakoli eżistenti għall-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha. L-ambitu tematiku tar-rapport huwa ferm usa' minn dak li jimplika t-titolu tiegħu, peress li jikkonċerna mhux biss ostakoli strutturali u finanzjarji għall-aċċess, iżda wkoll ostakoli soċjali u diġitali, u bil-kbir l-aktar problema importanti fost l-ostakoli fl-edukazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-ostakoli eżaminati jeżistu flimkien ma' xulxin, jew inkella huma marbutin mill-qrib, li turi l-kumplessità tal-problema tal-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha u tissottolinja l-argument tar-rapporteur li din hija kwistjoni trażversali u li l-koordinazzjoni bejn il-politika kulturali u oqsma ta' politika oħrajn hija vitali.

L-aċċess għall-kultura bħala dritt u valur

L-aċċess għall-kultura huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali garantiti f'bosta dokumenti ġuridiċi: mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, li l-Artikolu 27 tagħha jgħid li "Kulħadd għandu d-dritt li jipparteċipa liberament fil-ħajja kulturali tal-komunità, li jgawdi l-arti u li jkollu sehem mill-avvanz xjentifiku u l-benefiċċji tiegħu", sal-kostituzzjonijiet tal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, li jirreferu direttament jew indirettament għall-kultura u l-aċċess għaliha. L-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha huma meqjusa wkoll bħala kwistjoni ta' prijorità fil-livell tal-UE. Il-pjan ta' ħidma attwali għall-kultura għall-perjodu 2015-2018, li ġie adottat mill-Kunsill fl-2014, isemmi l-kultura aċċessibbli u inklużiva bħala l-prijorità ewlenija tiegħu.

Ostakoli għall-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha

Ir-rapporteur jenfasizza li l-kunċetti tal-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha huma konnessi mill-qrib. Huwa jemmen ukoll li strateġiji għat-tisħiħ tal-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha għandhom jiġu implimentati permezz tal-identifikazzjoni tal-gruppi sottorappreżentati u t-tfassil u l-implimentazzjoni ta' inizjattivi jew programmi li għandhom l-għan li jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom u jneħħu l-ostakoli eżistenti. F'dan il-kuntest, ir-rapporteur iqis li huwa kruċjali li t-tfassil tal-politika jkun ibbażat fuq l-evidenza miksuba permezz ta' riċerka u ġbir ta' data mifruxin dwar l-ostakoli fl-aċċess għall-kultura, il-parteċipazzjoni fil-kultura u l-iżvilupp tal-udjenza, u l-impatt tagħhom fil-livell individwali u soċjali. Filwaqt li japprezza l-isforzi fost l-oħrajn tal-Eurostat u l-ESSnet Culture fil-qasam tal-istatistika kulturali, ir-rapporteur itenni r-rwol vitali kontinwu ta' statistika aġġornata u ta' riċerka kwalitattiva u aċċess għal riżorsi ta' data komparattiva, li jippermettu monitoraġġ effettiv u analiżi tal-impatt kulturali, ekonomiku u soċjali tal-politiki kulturali.

Ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-ostakoli eżistenti għall-aċċess huma punt tat-tluq għall-iżvilupp ta' strateġiji li jirrispondu għall-isfidi li qegħdin jiffaċċjaw bħalissa l-istituzzjonijiet kulturali, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma responsabbli l-aktar sabiex ifasslu l-politika kulturali f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Madankollu, ir-rapporteur jenfasizza r-rwol kruċjali tal-UE fil-promozzjoni u l-iffaċilitar ta' koordinazzjoni aħjar tal-politiki kulturali fil-livelli kollha. F'dan il-kuntest, ir-rapporteur jilqa' l-azzjonijiet meħuda skont il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (MMK), li huwa l-metodu ta' ħidma primarju għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fuq il-politika kulturali. Fil-kuntest ta' dan ir-rapport, ir-rapporteur jenfasizza l-valur tar-rapport imħejji permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni mill-grupp ta' ħidma tal-esperti tal-Istati Membri tal-UE dwar l-aċċess għall-kultura(1).

Ostakoli finanzjarji

Ir-rapporteur jirrimarka li l-kunsiderazzjonijiet finanzjarji huma konsistentement wieħed mill-ostakoli ewlenin għall-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha. Huwa jinnota li l-prezz għoli tal-prodotti u s-servizzi kulturali huwa t-tieni ostakolu għall-parteċipazzjoni fil-kultura, kif espress mir-rispondenti fl-istħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru 399 dwar l-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha. Il-kunsiderazzjonijiet finanzjarji ngħataw bħala r-raġunijiet għaliex dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ ma jmorrux kunċerti (25 %), iċ-ċinema (22 %), it-teatru (20 %) u spettakli tal-opra, tal-ballet u taż-żfin (14 %)(2). F'dan il-kuntest, ir-rapporteur jenfasizza li l-istrument bażiku li jiffinanzja l-attivitajiet kulturali xorta jibqa' appoġġ pubbliku u, għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom, sabiex jallokaw sehem suffiċjenti mill-baġits tagħhom għall-finanzjament pubbliku għall-kultura. Ir-rapporteur jitlob li l-aċċess ikun appoġġjat permezz ta' prezzijiet imraħħsin tal-biljetti għal gruppi speċifiċi, iżda jaqbel mal-fehma li,sabiex dawn il-miżuri jkunu kompletament effettivi f'termini taż-żieda fil-parteċipazzjoni, għandhom ikunu inklużi fi strateġija usa' u jiġu kkoordinati mill-qrib mal-politiki kulturali nazzjonali. Bl-istess mod, fil-każ tal-politika tat-tassazzjoni, filwaqt li jirrikonoxxi l-potenzjal inkontestabbli tagħha li tistimula indirettament iż-żieda fl-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha, ir-rapporteur jirrimarka li l-introduzzjoni ta' rati mnaqqsa tal-VAT ma tistax tieħu post is-sussidji diretti u jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aħjar tal-politiki kulturali nazzjonali u tar-rati tal-VAT applikati bħala għodda sabiex tiġi stimulata l-parteċipazzjoni fil-kultura.

Ostakoli u sfidi edukattivi

Fl-aħħar mill-aħħar, ir-rapporteur huwa tal-fehma li llum il-ġurnata mhijiex il-provvista iżda d-domanda li hija l-aktar importanti għall-parteċipazzjoni fil-kultura. F'dan il-kuntest, id-data riċenti tal-Eurostat dwar il-parteċipazzjoni fil-kultura, li turi li kważi 40 % tan-non-parteċipazzjoni f'attivitajiet kulturali fl-UE kienet immotivata minn nuqqas ta' interess, hija partikolarment inkwetanti.(3) Ir-rapporteur iqis dawn il-figuri bħala sintomatiċi tal-ostakoli u l-isfidi edukattivi li qegħdin niffaċċjaw f'termini tal-parteċipazzjoni kulturali. Ir-rapporteur iqis il-livell tal-edukazzjoni bħala wieħed mill-aktar fatturi importanti li jaffettwaw mhux biss il-livell, iżda wkoll, u primarjament, il-kwalità tal-parteċipazzjoni kulturali. Huwa jemmen bis-sħiħ ukoll li l-appoġġ għad-domanda, jiġifieri t-tiswir ta' interess u għarfien tal-kultura permezz tal-edukazzjoni, huwa kompitu ta' prijorità f'termini taż-żieda tal-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha. Huwa jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rwol fundamentali tal-iskejjel fit-tiswir tal-ħtiġijiet u l-kompetenzi kulturali, kif ukoll ir-rwol essenzjali taċ-ċentri kulturali lokali u tal-libreriji sabiex jingħelbu l-ostakoli għall-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fil-kultura.

Ostakoli strutturali

Fir-rigward tal-ostakoli strutturali, ir-rapporteur jiġbed l-attenzjoni, l-ewwel nett, għal ostakolu li jista' jiġi definit bħala ġeografiku, jiġifieri d-distanza miċ-ċentri tal-ħajja kulturali, bħal teatri, mużewijiet, libreriji, ċentri kulturali u ċinemas. L-Ewrobarometru 399 jiżvela li n-nies li jgħixu f'żoni rurali jew 'il bogħod minn ċentri urbani kbar huma ferm inqas probabbli li jipparteċipaw fil-ħajja kulturali, l-ewwel nett minħabba nuqqas ta' attivitajiet kulturali offruti u, sussegwentement, minħabba l-ispiża. Huwa interessanti li jiġi osservat li n-nuqqas ta' interess fil-kultura fost in-nies li jgħixu f'żoni rurali u fi rħula żgħar huwa komparabbli (38 % u 37 %, rispettivament) u mhuwiex daqstant differenti miċ-ċifra għan-nies li jgħixu fi bliet kbar (32 %).(4) F'dan il-kuntest, ir-rapporteur jenfasizza l-importanza li tittejjeb l-infrastruttura tat-trasport u li jingħata appoġġ għat-turiżmu kulturali sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-istituzzjonijiet kulturali. Ir-rapporteur huwa konxju wkoll tal-isfidi li qegħdin niffaċċjaw f'termini tat-titjib tal-aċċess tal-persuni b'diżabilità għall-infrastruttura kulturali, l-attivitajiet kulturali u l-midja. Huwa jirrimarka wkoll li ma għandhiex biżżejjed data dwar l-aċċess tal-persuni b'diżabilità għall-istituzzjonijiet kulturali. La l-Ewrobarometru 345 dwar l-aċċessibbiltà fis-sens wiesa' u lanqas l-Ewrobarometru  399 ma pprovaw jagħtu kunsiderazzjoni dettaljata lil dawn l-aspetti. Mill-perspettiva tat-twessigħ tal-offerta kulturali, huwa importanti li jiġu enfasizzati l-ostakoli eżistenti għall-mobilità għall-artisti kulturali u l-professjonisti nfushom fl-Ewropa.

Ostakoli u sfidi diġitali

Filwaqt li jenfasizza l-importanza tal-kuntratt dirett mal-kultura, ir-rapporteur huwa tal-fehma li d-diġitalizzazzjoni u l-aċċess online għall-kontenut kulturali huma essenzjali sabiex ikun hemm aċċess usa' għall-kultura u l-għarfien. Huwa jirrimarka wkoll li l-użu ta' teknoloġiji ġodda għal finijiet kulturali jagħmilha possibbli li jintlaħqu udjenzi ġodda, li diffiċli jintlaħqu jew li mhumiex tradizzjonali. F'dan il-kuntest, ta' min ifakkar li ġew żviluppati forom ġodda ta' aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni online, parzjalment bħala riżultat taż-żieda fin-numru ta' unitajiet domestiċi b'aċċess għall-internet, filwaqt li jiġi nnotat li, bejn l-2010 u l-2015, il-proporzjon ta' unitajiet domestiċi tal-UE b'aċċess għall-internet żdied minn 70 % għal 83 %.(5) Madankollu, ir-rapporteur jirrimarka li din iż-żieda sinifikanti tenfasizza wkoll indirettament il-problema tal-esklużjoni diġitali, li hija wkoll ostakolu għall-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha. F'dan il-kuntest, ir-rapporteur jirrimarka li d-diġitalizzazzjoni tirrikjedi li l-istituzzjonijiet edukattivi u kulturali, kif ukoll il-benefiċjarji nfushom, jiksbu ħiliet u għarfien ġodda. B'mod partikolari, ir-rapporteur jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi żviluppat il-potenzjal ta' teknoloġiji u opportunitajiet diġitali ġodda fl-istituzzjonijiet kulturali u li dawn jiġu adatti għall-isfidi li ġġib magħha l-bidla teknoloġika. Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-attivitajiet kollha marbuta mad-diġitalizzazzjoni u d-disponibilità ta' materjal kulturali online, ir-rapporteur jenfasizza l-ħtieġa ta' rispett sħiħ għad-drittijiet tal-ħallieqa, filwaqt li jsir kull sforz sabiex jinkiseb l-aktar aċċess wiesa' possibbli għall-kontenut kulturali.

Konklużjonijiet

Ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-identifikazzjoni u d-dijanjosi tal-ostakoli deskritti hawn fuq huma kruċjali għall-proċess taż-żieda tal-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha. Filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza tal-kreattività u l-innovazzjoni bħala aspetti inerenti tal-kultura, ir-rapporteur jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ffaċilitati l-attivitajiet artistiċi tal-artisti nfushom, kif ukoll li ċ-ċittadini jingħataw aċċess għall-produzzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi. Ir-rapporteur jenfasizza bis-sħiħ in-natura trażversali tal-kwistjonijiet kulturali u l-impatt tagħhom fuq oqsma oħrajn tal-ħajja soċjali, inkluża l-importanza tal-kultura għat-tkabbir ekonomiku. F'dan il-kuntest, ir-rapporteur jirrikonoxxi speċifikament il-ħtieġa li l-gvernijiet tal-Istati Membri jiżguraw l-edukazzjoni adegwata tal-artisti u tal-pubbliku u li jħarsu l-infrastruttura artistika u l-wirt kulturali tanġibbli. L-ilħiq tal-objettivi deskritti se jippermetti, fit-tul, l-iżvilupp xieraq ta' soċjetà inklużiva u t-tisħiħ taċ-ċittadinanza Ewropea attiva.

(1)

Rapport bit-titlu 'Policies and good practices in the public arts and cultural institutions to promote better access to and wider participation in culture' (Politiki u prassi tajba fl-istituzzjonijiet artistiċi u kulturali pubbliċi sabiex jippromwovu aċċess aħjar għall-kultura u parteċipazzjoni usa' fiha), Ottubru 2012.

(2)

Ewrobarometru 399.

(3)

Eurostat (data mill-Istħarriġ tal-UE dwar l-Introjtu u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) tal-2015).

(4)

Ewrobarometru 399.

(5)

Statistika Kulturali tal-Eurostat, edizzjoni tal-2016.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

25.4.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Angel Dzhambazki, Jill Evans, María Teresa Giménez Barbat, Petra Kammerevert, Curzio Maltese, Stefano Maullu, Momchil Nekov, Yana Toom, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Francis Zammit Dimech, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Eider Gardiazabal Rubial, Elena Gentile, Sylvie Guillaume, Emma McClarkin, Martina Michels, Michel Reimon, Liliana Rodrigues, Remo Sernagiotto


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

27

+

ALDE

María Teresa Giménez Barbat, Yana Toom

ECR

Angel Dzhambazki, Emma McClarkin, Remo Sernagiotto

EFDD

Isabella Adinolfi

ENF

Dominique Bilde

GUE/NGL

Curzio Maltese, Martina Michels

PPE

Andrea Bocskor, Stefano Maullu, Sabine Verheyen, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Francis Zammit Dimech, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver

S&D

Eider Gardiazabal Rubial, Elena Gentile, Sylvie Guillaume, Petra Kammerevert, Krystyna Łybacka, Momchil Nekov, Liliana Rodrigues, Julie Ward

VERTS/ALE

Jill Evans, Michel Reimon

0

-

 

 

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Mejju 2018Avviż legali