Proċedura : 2018/2048(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0172/2018

Testi mressqa :

A8-0172/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 30/05/2018 - 13.4

Testi adottati :

P8_TA(2018)0220

RAPPORT     
PDF 722kWORD 63k
17.5.2018
PE 620.826v02-00 A8-0172/2018

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2018/000 TA 2018 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

(COM(2018)0165 – C8-0131/2018 – 2018/2048(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Eider Gardiazabal Rubial

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2018/000 TA 2018 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

(COM(2018)0165 – C8-0131/2018 – 2018/2048(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0165 – C8-0131/2018),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2017/000 TA 2017 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)(4),

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0172/2018),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ internazzjonali jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin ir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill li jerġa' jiġi introdott il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispiża totali stmata tal-miżuri proposti, li tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet tal-FEG mill-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, li l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estiżi għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u li jiġu ffinanzjati inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi l-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG huwa ta' EUR 150 miljun (fi prezzijiet tal-2011) u billi l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG jiddikjara li 0,5 % ta' dan l-ammont (jiġifieri EUR 861 515 fl-2018) jista' jsir disponibbli għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, sabiex jiffinanzja l-preparazzjoni, il-monitoraġġ, il-ġbir ta' data u l-ħolqien ta' bażi ta' għarfien, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, attivitajiet ta' tagħrif u komunikazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet ta' awditjar, kontroll u evalwazzjoni meħtieġa biex jiġi implimentat ir-Regolament dwar il-FEG;

E.  billi l-Parlament Ewropew issottolinja b'mod ripetut il-ħtieġa li jittejbu l-valur miżjud, l-effiċjenza u l-impjegabbiltà tal-benefiċjarji tal-FEG bħala strument ta' appoġġ min-naħa tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;

F.  billi l-ammont propost ta' EUR 345 000 jikkorrispondi għal madwar 0,2 % tal-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2018;

1.  Jaqbel mal-miżuri proposti mill-Kummissjoni li għandhom jiġu ffinanzjati bħala għajnuna teknika skont l-Artikolu 11(1) u (4) kif ukoll skont l-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG;

2.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-monitoraġġ u l-ġbir ta' data; ifakkar fl-importanza ta' sensiela ta' statistika robusta miġbura fil-forma xierqa li tkun faċilment aċċessibbli u komprensibbli; jilqa' l-ħruġ futur tar-Rapporti Biennali tal-2019 u jitlob li dawn jiġu distribwiti pubblikament u b'mod wiesa' madwar l-Unjoni kollha;

3.  Ifakkar fl-importanza ta' sit web speċifiku għall-FEG li jkun aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni u jappella għal viżibbiltà akbar; jenfasizza l-importanza tal-multilingwiżmu fil-komunikazzjoni wiesgħa mal-pubbliku; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tittraduċi l-elementi l-ġodda fuq is-sit web tal-FEG fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni; jitlob li l-ambjent tal-internet ikun aktar faċli għall-utent, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-valur tal-kontenut tal-pubblikazzjonijiet u tal-attivitajiet awdjoviżivi tagħha kif previst fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament dwar il-FEG; jissuġġerixxi lil-Kummissjoni ttejjeb il-komunikazzjoni tagħha permezz tal-pjattaformi tal-midja soċjali u dawk alternattivi;

4.  Jilqa' l-ħidma kontinwa fuq il-proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet u l-ġestjoni tal-FEG li jużaw il-funzjonalitajiet tas-sistema ta' skambju elettroniku tad-data (SFC 2014), li tippermetti s-simplifikazzjoni u l-ipproċessar aktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet, kif ukoll rappurtar aħjar; jappella għal skambju aħjar ta' informazzjoni dwar il-proċessi fost il-Kummissjoni u l-Istati Membri u l-Istati Membri nfushom; jinnota li l-Kummissjoni ffaċilitat l-operazzjonijiet finanzjarji tal-FEG permezz tal-ħolqien ta' interfaċċja bejn is-sistema ta' skambju elettroniku tad-data u s-sistema tal-kontabilità u tal-informazzjoni finanzjarja ABAC; jinnota li huma meħtieġa biss titjib minuri ulterjuri u aġġustamenti għall-bidliet potenzjali, li jillimitaw il-kontribuzzjoni de facto tal-FEG għal dan it-tip ta' nfiq;

5.  Jieħu nota li l-Kummissjoni biħsiebha tinvesti EUR 105 000 mill-baġit disponibbli fl-ambitu tal-għajnuna teknika billi torganizza żewġ laqgħat tal-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG; jirrikonoxxi l-valur li ssir laqgħa addizzjonali tal-Grupp ta' Esperti ta' Persuni ta' Kuntatt bħala parti mit-tħejjija għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss; jieħu nota wkoll tal-intenzjoni min-naħa tal-Kummissjoni li tinvesti EUR 120 000 sabiex tippromwovi n-netwerking permezz ta' seminars bejn l-Istati Membri, il-korpi ta' implimentazzjoni tal-FEG u s-sħab soċjali; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tistieden lill-Parlament, skont skadenzi raġonevoli, għal kwalunkwe laqgħa u seminar tal-Grupp ta' Esperti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea1;

6.  Jilqa' id-disponibbiltà tal-Kummisjoni li tistieden il-membri tal-Grupp ta' Ħidma tal-FEG biex jipparteċipaw fis-Seminar ta' Netwerking rigward il-FEG meta jkun possibbli; jappella lill-Kummissjoni biex tkompli tistieden lill-Parlament għal dawn il-laqgħat u s-seminars skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea; jilqa' l-fatt li s-sħab soċjali huma wkoll mistiedna jipparteċipaw;

7.  Ifakkar fl-importanza tan-netwerking u tal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-FEG, b'mod li jinfirxu l-aħjar prattiki; jappoġġa, għalhekk, iż-żewġ seminars ta' netwerking dwar l-implimentazzjoni tal-FEG apparti l-laqgħat tal-Grupp ta' Esperti; jistenna li dan l-iskambju ta' informazzjoni se jikkontribwixxi wkoll għal rappurtar aħjar u aktar dettaljat rigward ir-rata ta' suċċess tal-applikazzjonijiet fl-Istati Membri, b'mod partikolari rigward b'liema rata l-benefiċjarji jsibu impjieg ġdid;

8.  Jissottolinja l-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-kuntatti bejn dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi, b'mod partikolari, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell reġjonali u lokali, sabiex jinħoloq l-akbar għadd ta' sinerġiji possibbli; jisħaq fuq il-fatt li l-interazzjoni bejn il-Persuna ta' Kuntatt Nazzjonali u s-sħab responsabbli mill-ġestjoni tal-każijiet fil-livell reġjonali jew lokali għandha tissaħħaħ u li l-arranġamenti ta' komunikazzjoni u ta' appoġġ kif ukoll il-flussi ta' informazzjoni (id-diviżjonijiet, il-kompiti u r-responsabbiltajiet interni) għandhom ikunu espliċiti u maqbula bejn is-sħab kollha kkonċernati;

9.  Jissottolinja l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-FEG kif ukoll il-viżibbiltà tiegħu; ifakkar lill-Istati Membri applikanti dwar ir-rwol tagħhom li jippubbliċizzaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG lill-benefiċjarji interessati, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, il-midja u l-pubbliku ġenerali, kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament dwar il-FEG.

10.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

   ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

  Testi adottati, P8_TA(2017)0116.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2018/000 TA 2018 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (minn hawn 'il quddiem "FEG") għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2) Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(3).

(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 jipprevedi li fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni kull sena jista' jintuża 0,5 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG għall-għajnuna teknika.

(4) Għaldaqstant, jenħtieġ li l-FEG jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 345 000 għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2018, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 345 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew             Għall-Kunsill

Il-President                 Il-President

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).


NOTA SPJEGATTIVA

I.  Kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), sabiex jiġi attivat il-Fond, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva tal-applikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta, lill-awtorità baġitarja, proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil għandu jitnieda trilogu.

II.  Il-proposta tal-Kummissjoni

Fid-9 ta' April 2018 il-Kummissjoni adottat proposta ġdida għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG.

Din tikkonċerna l-mobilizzazzjoni ta'  EUR 345 000 mill-Fond, li tkopri l-għajnuna teknika għall-Kummissjoni. L-objettiv tal-għajnuna teknika huwa dak li jiffinanzja l-monitoraġġ u l-ġbir ta' data kif ukoll l-informazzjoni, li tinħoloq interfaċċa abbażi tal-għarfien u li jingħataw pariri lill-Istati Membri dwar l-użu, is-segwitu u l-evalwazzjoni tal-FEG. Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG, 0,5 % tal-ammont annwali massimu tal-FEG (jiġifieri EUR 861 515 fi prezzijiet tal-2018) jista' jsir disponibbli kull sena għall-għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

Skont il-proposta tal-Kummissjoni, fl-2018 l-ammont mitlub hu maħsub biex ikopri l-attivitajiet li ġejjin:

1.  Monitoraġġ u ġbir ta' data: Il-Kummissjoni se tiġbor id-data dwar l-applikazzjonijiet li jkunu waslulha, dawk imħallsa u dawk stralċjati, u dwar il-miżuri proposti u implimentati. Din id-data se tkun disponibbli fuq is-sit web u se tkun kompilata f'format xieraq għar-Rapporti Biennali tal-2019 u tal-2021. Abbażi tal-ħidma tal-aħħar snin, l-ispejjeż għal din l-attività se jkunu ta' EUR 20 000.

2.  Informazzjoni: Is-sit web dwar il-FEG(4), li ħolqot il-Kummissjoni fil-qasam tagħha tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, u li qed tieħu ħsiebu skont kif mitlub mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament dwar il-FEG, se jiġi aġġornat u mkabbar b'mod regolari, u kull element ġdid se jiġi tradott ukoll fil-lingwi kollha tal-UE. Se tiżdied is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-FEG filwaqt li l-viżibbiltà tiegħu se tiġi promossa. Se jkun disponibbli għadd żgħir stampat ta' kopji tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-FEG flimkien ma' pubblikazzjoni online. Il-FEG se jiġi kopert f'diversi pubblikazzjonijiet u attivitajiet awdjoviżivi tal-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament dwar il-FEG. Huwa stmat li fl-2018 dawn il-partiti kollha se jiswew EUR 20 000.

3.  Il-ħolqien ta' bażi tal-għarfien / interfaċċa tal-applikazzjoni: Il-Kummissjoni qiegħda tkompli bil-ħidma tagħha dwar il-proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet u l-ġestjoni tal-FEG, bl-użu tal-funzjonalitajiet tal-SFC 2014 li fiha qed jiġi integrat il-FEG. Dan jippermetti li l-applikazzjonijiet skont ir-Regolament dwar il-FEG ikunu ssimplifikati, li l-ipproċessar tagħhom isir b'mod aktar rapidu u li r-rapporti jkunu jistgħu jiġu estratti aktar faċilment għal diversi ħtiġijiet. Il-proċeduri tar-rapportar huma integrati wkoll. Modulu ta' back-office li jagħmilha ta' medjatur bejn l-SFC u l-ABAC - is-sistema ta' informazzjoni kontabilistika u finanzjarja tal-Kummissjoni - jiffaċilita l-operazzjonijiet finanzjarji tal-FEG. Peress li ħafna mill-programmazzjoni saret fis-snin li għaddew, il-bidliet possibbli jeħtieġu biss titjib u aġġustamenti ulterjuri. Minħabba l-ispejjeż aktar baxxi għall-programmazzjoni u l-istess spejjeż għall-manutenzjoni, il-fondi meħtieġa huma inqas minn dawk tas-snin li għaddew. L-ispiża ta' dawn il-partiti hija stmata li se tiswa EUR 80 000, bħall-kontribuzzjoni tal-FEG għall-iżvilupp ulterjuri u l-aġġornament tal-SFC u l-manutenzjoni regolari tagħha.

4.  Appoġġ amministrattiv u tekniku: Il-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG, b'membru wieħed minn kull Stat Membru, se jorganizza tliet laqgħat (fit-tieni nofs tal-2018 / fl-ewwel nofs tal-2019). L-ispiża totali għal dawn it-tliet laqgħat hija stmata li se tkun ta' EUR 105 000.

5.  Barra minn hekk, sabiex jiġi promoss in-netwerking fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni se torganizza żewġ seminars bil-parteċipazzjoni ta' korpi ta' implimentazzjoni u sħab soċjali tal-FEG. Sa fejn ikun possibbli, dawn se jkunu skedati li jsiru bejn wieħed u ieħor fl-istess dati ta' żewġ laqgħat minn tlieta tal-Grupp ta' Esperti u se jiffukaw fuq kwistjonijiet li jinbtu mill-implimentazzjoni prattika tar-Regolament tal-FEG fil-livell bażi. Huwa stmat li l-ispiża għal dawn il-partiti se tkun ta' EUR 120 000.

III.  Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni għamlet talba lill-Awtorità Baġitarja għal trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 345 000 mir-riżerva tal-FEG (04 04 01 (CP) u 40 02 43 (CE) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 01 04 04 (CND)).

Sal-lum, din hija l-ħames proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2018.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

(1)

   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)

  ĠU L 347, 30.12.2013, p. 855.

(3)

   ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

http://ec.europa.eu/egf


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

D(2018)17342

L-Onor. Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għall-każ EGF/2018/000 TA 2018 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni (COM(2018) 165 final)

Onor. President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-EGF fi ħdan l-istess Kumitat studja l-mobilizzazzjoni tal-EGF għall-każ EGF/2018/000 TA 2018 u adotta l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubji dwar it-trasferiment tal-ħlasijiet.

A)Billi l-ammont ta' EUR 345 000 propost mill-Kummissjoni għall-mobilizzazzjoni tal-għajnuna teknika fl-2017 huwa anqas mill-massimu ta' 0,5 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG (EUR 150 miljun fi prezzijiet tal-2011) kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014–2020;

B)Billi l-ammont propost jirrappreżenta perċentwal kunsiderevolment ogħla tal-ammont annwali minfuq fuq il-FEG fis-snin preċedenti;

C)Billi l-għajnuna teknika provduta mill-Kummissjoni lill-Istati Membri ssostni u ssaħħaħ l-użu tal-FEG billi tipprovdi informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet u billi tifrex l-aħjar prattiki fost l-Istati Membri;

Għalhekk, il-Kumitat EMPL jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-fond għal għajnuna teknika tal-Kummissjoni:

1.Jirrikonoxxi li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni bħala għajnuna teknika jikkorrispondu għal dawk imsemmija fl-Artikolu 11(1) u (4), u fl-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG;

2.Jinnota li t-talba ta' finanzjament għall-għajnuna teknika tal-FEG fl-2018 żdiedet b'EUR 35 000 meta mqabbla mal-2017; jirrikonoxxi l-valur li ssir laqgħa addizzjonali tal-Grupp ta' Esperti ta' Persuni ta' Kuntatt bħala parti mit-tħejjija għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss;

3.Ifakkar fl-importanza tan-netwerking u tal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-FEG, sabiex jinfirxu l-aħjar prattiki; għalhekk jappoġġa ż-żewġ seminars ta' netwerking dwar l-implimentazzjoni tal-FEG apparti l-laqgħat tal-Grupp ta' Esperti; jistenna li dan l-iskambju ta' informazzjoni se jikkontribwixxi wkoll għal rappurtar aħjar u aktar dettaljat rigward ir-rata ta' suċċess tal-applikazzjonijiet fl-Istati Membri, b'mod partikolari dwar b'liema rata l-benefiċjarji jsibu impjieg ġdid;

4.Jilqa' id-disponibbiltà tal-Kummisjoni li tistieden il-membri tal-Grupp ta' Ħidma tal-FEG biex jipparteċipaw fis-Seminar ta' Netwerking rigward il-FEG meta jkun possibbli; jappella lill-Kummissjoni tkompli tistieden lill-Parlament għal dawn il-laqgħat u s-seminars skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(1); jilqa' l-fatt li s-sħab soċjali mistiedna jipparteċipaw ukoll;

5.Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tittraduċi elementi ġodda fuq is-sit web tal-FEG fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni;

6.Jirrikonoxxi l-importanza tas-sistema ta' skambju elettroniku ta' data (SFC2014) li tippermetti li l-applikazzjonijiet tal-FEG ikunu ssimplifikati, li l-ipproċessar tagħhom isir b'mod aktar rapidu u li r-rapporti jkunu jistgħu jiġu estratti aktar faċilment għal diversi ħtiġijiet.

7.Jinnota li l-proċedura għall-integrazzjoni tal-FEG fl-SFC2014 ilha għaddejja għal diversi snin u li l-kostijiet rilevanti għall-baġit tal-FEG kienu relattivament għoljin; jirrikonoxxi li l-proġett issa laħaq l-istadju fejn jeħtieġ biss irfinar u aġġustamenti addizzjonali għal bidliet possibbli għalkemm il-kostijiet stmati huma l-istess bħal tal-2017;

8.Jenfasizza l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-FEG kif ukoll il-viżibbiltà tiegħu; ifakkar lill-Istati Membri applikanti dwar ir-rwol tagħhom li jippubbliċizzaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG lill-benefiċjarji interessati, lill-awtoritajiet lokali u lil dawk reġjonali, lis-sħab soċjali, lill-midja u lill-pubbliku ġenerali, kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament.

Dejjem tiegħek,

Marita Ulvskog

L-ewwel Viċi President u Aġent President tal-Kumitat EMPL

(1)

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 304/47 20.11.2010


ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

Suġġett:  Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Sur Athuis,

Il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferuta lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hemm il-ħsieb li jiġi adottat rapport dwar din il-proposta mill-Kumitat għall-Baġits fis-16-17 ta' Mejju 2018:

-  COM(2018)0165 tipproponi li tagħmel l-ammont ta' EUR 345 000 disponibbli għall-assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG. Dan l-ammont se jintuża għall-monitoraġġ u l-ġbir ta' data. għall-attivitajiet ta' informazzjoni, għall-ħolqien ta' bażi ta' għarfien u għall-appoġġ amministrattiv u tekniku.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza tal-Membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

16.5.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, Manuel dos Santos, André Elissen, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Esteban González Pons, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, John Howarth, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Urmas Paet, Răzvan Popa, Jordi Solé, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Daniele Viotti, Marco Zanni, Stanisław Żółtek

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ivana Maletić, Andrey Novakov


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

25

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Gérard Deprez, Urmas Paet

GUE/NGL

Liadh Ní Riada

PPE

Reimer Böge, Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Esteban González Pons, Ingeborg Gräßle, Ivana Maletić, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Inese Vaidere

S&D

Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Iris Hoffmann, John Howarth, Vladimír Maňka, Răzvan Popa, Isabelle Thomas, Daniele Viotti, Manuel dos Santos

Verts/ALE

Jordi Solé, Indrek Tarand

4

-

ECR

Bernd Kölmel

ENF

André Elissen, Marco Zanni, Stanisław Żółtek

0

0

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Mejju 2018Avviż legali