Proċedura : 2017/2056(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0185/2018

Testi mressqa :

A8-0185/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2018 - 6.15

Testi adottati :

P8_TA(2018)0294

RAPPORT     
PDF 781kWORD 66k
23.5.2018
PE 613.424v01-00 A8-0185/2018

fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Ftehim Komprensiv UE-Ażerbajġan

(2017/2056(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Norica Nicolai

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Ftehim Komprensiv UE-Ażerbajġan

(2017/2056(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 8 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22 u 36, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Ħames Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-varar ta' negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ażerbajġan fis-7 ta' Frar 2017 dwar ftehim komprensiv ġdid li ser jieħu post il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni tal-1999 bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Ażerbajġan, min-naħa l-oħra(1),

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill, fis-7 ta' Novembru 2016, tad-direttivi ta' negozjati għal dan il-ftehim,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil dwar Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Ażerbajġan fil-qasam tal-enerġija tas-7 ta' Novembru 2006,

–  wara li kkunsidra r-riżultati ewlenin tal-15-il laqgħa tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ażerbajġan tad-9 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet UE-Ażerbajġan fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) riveduta tad-19 ta' Diċembru 2017 (SWD(2017)0485),

–  wara li kkunsidra l-messaġġ tal-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Euronest lill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tat-30 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-politika estera u ta' sigurtà komuni(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tas-summits tas-Sħubija tal-Lvant, inkluża dik tal-24 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni u tas-SEAE ta' Ġunju 2016 dwar "Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea", u b'mod partikolari l-prinċipji ewlenin tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-każ tal-ġurnalist Ażerbajġan Afgan Mukhtarli(4), u riżoluzzjonijiet oħra dwar l-Ażerbajġan, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,

–  Wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-14 ta' Jannar 2018 tal-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati ta' Tkabbir dwar il-kundanna tal-ġurnalist Afgan Mukhtarli fl-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-11 ta' Ottubru 2017 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra l-varar ta' proċeduri ta' ksur fil-5 ta' Diċembru 2017 mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa minħabba r-rifjut kontinwu tal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan li jimplimentaw is-sentenza Ilgar Mammadov vs Ażerbajġan tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE/ODIHR) dwar il-Missjoni ta' Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet tat-2 ta' Marzu 2018 dwar l-elezzjoni presidenzjali bikrija fl-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 108(4) u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0185/2018),

A.  billi s-Sħubija tal-Lvant (SL) hija bbażata fuq impenn kondiviż bejn l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, il-Moldova, l-Ukrajna u l-Unjoni Ewropea għall-approfondiment tar-relazzjonijiet tagħhom u r-rispett tad-dritt internazzjonali u l-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi l-ftehim ġdid bejn l-UE u l-Ażerbajġan ser javvanza l-interessi tal-Unjoni fir-reġjun kif ukoll ser jippromwovi l-valuri tagħha;

B.  billi l-Parlament Ewropew huwa favur approfondiment tar-relazzjonijiet mal-membri kollha tas-Sħubija tal-Lvant dment li jirrispettaw dawn il-valuri fundamentali; billi, fi ħdan il-politika tas-SL, il-mudell "SL+" attraenti u fuq perjodu twil propost mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar is-Sħubija tal-Lvant, li eventwalment jista' jwassal biex dawn jingħaqdu mal-unjonijiet doganali, tal-enerġija u dik diġitali u maż-żona Schengen, fost oħrajn, għandu wkoll ikun miftuħ għal pajjiżi li m'għandhomx ftehim ta' assoċjazzjoni mal-UE – bħall-Ażerbajġan – ladarba jkunu lesti għal tali impenji msaħħa u jkunu għamlu progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tar-riformi li ntlaħaq ftehim reċiproku dwarhom;

C.  billi r-relazzjonijiet UE-Ażerbajġan bħalissa huma rregolati mill-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni tal-1999; billi l-UE hija bil-wisq l-akbar sieħba kummerċjali tal-Ażerbajġan, kemm f'termini ta' importazzjonijiet kif ukoll ta' esportazzjonijiet, hekk li tirrappreżenta 48,6 % tal-kummerċ totali tal-Ażerbajġan u hija wkoll l-akbar sors ta' investiment dirett; billi l-Ażerbajġan huwa sieħeb strateġiku tal-enerġija għall-UE, li jippermetti li l-UE tiddiversifika s-sorsi ta' enerġija; billi, madankollu, l-ekonomija tal-Ażerbajġan tiddependi miż-żejt u l-gass għal madwar 90 % tal-esportazzjonijiet tagħha, u b'hekk hija vulnerabbli għax-xokkijiet u l-varjazzjonijiet esterni fil-prezzijiet globali taż-żejt; billi l-Ażerbajġan għadu mhuwiex membru tad-WTO, u billi dan iwassal għal ostakli tariffarji u mhux tariffarji kbar li jxekklu r-relazzjonijiet kummerċjali u professjonali mal-UE;

D.  billi l-UE u l-Ażerbajġan fid-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tal-24 ta' Novembru 2017 issottolinjaw li "b'mod differenzjat, l-UE ser tkompli tiddiskuti b'mod konġunt ma' kull wieħed mill-pajjiżi sħab, fosthom l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Belarussja, għażliet attraenti u realistiċi biex jissaħħaħ il-kummerċ reċiproku u jiġi mħeġġeġ l-investiment biex jiġu riflessi l-interessi komuni, il-politika riformata dwar l-investiment fir-rigward tal-protezzjoni tal-investiment, kif ukoll ir-regoli kummerċjali internazzjonali u l-istandards internazzjonali marbutin mal-kummerċ, inkluż fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, u biex jingħata kontribut għall-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji";

E.  billi l-ftehim ġdid huwa mistenni li jkollu impatt pożittiv fuq l-Ażerbajġan f'termini ta' promozzjoni ta' standards demokratiċi, tkabbir u żvilupp ekonomiku; billi dawn il-prospetti huma partikolarment importanti għaż-żgħażagħ tal-Ażerbajġan f'termini ta' trawwim ta' ġenerazzjoni ġdida ta' ċittadini tal-Ażerbajġan edukati, bil-ħsieb tar-rispett tal-valuri fundamentali tagħna u l-modernizzazzjoni tal-pajjiż; billi soċjetà ċivili li tiffunzjona b'mod tajjeb hija prekundizzjoni essenzjali għall-iżgurar tad-diversifikazzjoni ekonomika;

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

Prinċipji ġenerali, valuri fundamentali u impenn għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti

(a)  jiġi żgurat li l-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ażerbajġan isir bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar iżomm u jirrispetta l-valuri u tal-prinċipji fundamentali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà ta' espressjoni u assoċjazzjoni, id-drittijiet tal-minoritajiet u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-interess taż-żewġ partijiet u b'mod partikolari taċ-ċittadini tagħhom;

(b)  l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jitfakkru dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew kif espressa fir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar is-Sħubija tal-Lvant, li tappella lill-Ażerbajġan biex ikun konformi mal-impenji internazzjonali tiegħu u li mingħajr ambigwità tiddikjara li l-ebda ftehim komprensiv mhu ser jiġi ratifikat ma' pajjiż li ma jirrispettax il-valuri fundamentali u d-drittijiet tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tan-nuqqas ta' implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-QEDB u fir-rigward tal-fastidju, l-intimidazzjoni u l-persekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-NGOs, il-membri tal-oppożizzjoni, l-avukati, il-ġurnalisti u l-attivisti ambjentali; jiġi żgurat li l-priġunieri politiċi u l-priġunieri minħabba twemmin kollha fl-Ażerbajġan jiġu rilaxxati – kif imħabbar mill-awtoritajiet tal-pajjiż – qabel kwalunkwe ftehim ġdid UE-Ażerbajġan; jiġi żgurat li fil-ftehim il-ġdid jiġi inkluż mekkaniżmu ta' sospensjoni speċifiku b'dispożizzjonijiet ċari dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

(c)  l-awtoritajiet tal-Ażerbajġan jitfakkru dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, espressa fl-istess rakkomandazzjoni, skont liema r-ratifika ta' ftehimiet ġodda bejn l-UE u kull waħda mill-partijiet fil-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh għandha tkun kundizzjonali għal impenji sinifikanti u għal progress sostanzjali għal soluzzjoni paċifika tal-kunflitt, bħaż-żamma tal-waqfien mill-ġlied u l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Prinċipji Bażiċi 2009 tal-OSKE u għall-isforzi tal-Kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE; tittenna l-ħtieġa li kemm is-soċjetà ċivili tal-Armenja kif ukoll dik tal-Ażerbajġan jiġu involuti fi kwalunkwe proċess ta' negozjar;

(d)  jiġi żgurat li l-ftehim futur mal-Ażerbajġan ikun ambizzjuż, komprensiv u jħares 'il quddiem, kompatibbli mal-aspirazzjonijiet kemm tal-UE kif ukoll tal-Ażerbajġan abbażi tal-valuri u l-interessi kondiviżi u allinjati mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, u li joffri benefiċċji tanġibbli u konkreti għaż-żewġ naħat, mhux biss għall-kumpaniji l-kbar iżda wkoll b'kunsiderazzjoni meħuda tal-karatteristiċi speċifiċi tal-SMEs u għaċ-ċittadini tal-UE u tal-Ażerbajġan;

(e)  jiġi żgurat progress rapidu u kostanti fin-negozjati, bl-objettiv li dan il-ftehim ġdid jiġi ffirmat qabel is-Summit li jmiss tas-Sħubija tal-Lvant fl-2019, dejjem jekk il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq jiġu ssodisfati;

(f)  jiġu kkomunikati b'mod attiv u ċar l-għanijiet u l-kundizzjonalità tal-ftehim il-ġdid u tal-proċess ta' negozjar li għaddej sabiex tittejjeb it-trasparenza u s-sensibilizzazzjoni pubblika, kemm fl-Ażerbajġan kif ukoll fl-UE, u dwar l-opportunitajiet u l-benefiċċji li huma mistennija jirriżultaw mill-konklużjoni tiegħu, ukoll bħala oppożizzjoni għall-kampanji kollha ta' diżinformazzjoni;

Djalogu politiku u kooperazzjoni reġjonali

(g)  isir provvediment għal djalogu politiku regolari u profond sabiex jiġu inkoraġġuti riformi b'saħħithom maħsuba għat-tqawwija tal-istituzzjonijiet u t-tisħiħ tal-kondiviżjoni tal-poteri bejniethom, sabiex dawn isiru aktar demokratiċi u indipendenti, jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-midja u biex jiżviluppaw ambjent regolatorju li fih is-soċjetà ċivili tista' topera mingħajr interferenza barra minn lokha, inkluż fil-proċess ta' riforma;

(h)  jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi maħsuba għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODHIR u tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa bil-ħsieb li jiġi żgurat li jsir progress għal elezzjonijiet u referenda inklużivi, kompetittivi u trasparenti li jiggarantixxu espressjoni libera u ġusta tal-fehmiet u tal-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini tal-Ażerbajġan;

(i)  jiġu appoġġjati bis-sħiħ il-konklużjonijiet preliminari tal-OSKE u tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tal-elezzjonijiet presidenzjali bikrija fil-11 ta' April 2018 li skonthom "l-elezzjoni kienet nieqsa minn kompetizzjoni ġenwina" minħabba "l-ambjent politiku restrittiv", "qafas legali li jillimita d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali", "nuqqas ta' pluraliżmu, inkluż fil-midja", "in-nuqqas ta' rispett mifrux għall-proċeduri obbligatorji, in-nuqqas ta' trasparenza u l-għadd kbir ta' irregolaritajiet serji bħat-tfigħ ta' voti żejda";

(j)  jinkisbu dispożizzjonijiet li jsaħħu l-kooperazzjoni fil-promozzjoni tal-paċi u l-ġustizzja internazzjonali, u b'mod partikolari biex jiġi insistit li l-Ażerbajġan jaderixxi mal-obbligi internazzjonali tiegħu, inkluż li bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa jsegwi d-deċiżjonijiet tal-QEDB; l-Ażerbajġan jitħeġġeġ jirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC); jitfittex li jinkisbu wkoll miżuri b'saħħithom ta' kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva, kif ukoll fl-indirizzar tal-kummerċ illeċitu ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir;

(k)  tiġi prevista kooperazzjoni aktar mill-qrib fi kwistjonijiet ta' politika barranija, difiża u sigurtà sabiex tiġi żgurata, kemm jista' jkun possibbli, konverġenza, b'mod partikolari fir-rigward tar-rispons għal theddid globali u sfidi, inkluż it-terroriżmu, il-prevenzjoni ta' kunflitti, il-ġestjoni ta' kriżijiet u l-kooperazzjoni reġjonali, filwaqt li titqies ukoll il-politika barranija diversifikata tal-Ażerbajġan; jiġi appoġġjat l-iffirmar ta' Ftehim Qafas ta' Parteċipazzjoni (FPA) bejn l-UE u l-Ażerbajġan bħala bażi legali u politika għal kooperazzjoni fil-missjonijiet u operazzjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK);

(l)  jiġi żgurat li tingħata prijorità għolja lid-djalogu bejn l-Ażerbajġan u l-Armenja u lil parteċipazzjoni msaħħa tal-UE fis-soluzzjoni paċifika tal-kunflitt tan-Nagorno-Karabakh skont il-Prinċipji Bażiċi 2009 tal-OSKE u b'mod partikolari bl-appoġġ tal-Kopresidenti tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE, li jippromwovu l-inizjattivi kollha li jwasslu għall-konsolidament tal-paċi bħal osservazzjoni tal-waqfien mill-ġlied min-naħat kollha, djalogu fil-livelli kollha, inklużi taħditiet ta' livell għoli, limitazzjoni tad-diskors ta' mibegħda, miżuri ġenwini għat-tisħiħ tal-fiduċja, żieda sostanzjali f'osservaturi internazzjonali tal-OSKE u skambji approfonditi bejn is-soċjetà ċivili tal-Armenja u dik tal-Ażerbajġan, inkluż bejn il-figuri reliġjużi u kulturali, sabiex is-soċjetajiet tal-Armenja u tal-Ażerbajġan jitħejjew għal koeżistenza paċifika; jiġi espress tħassib profond għaż-żieda fil-preżenza militari u l-infiq sproporzjonat għad-difiża fir-reġjun;

(m)  jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi li jappoġġjaw l-isforzi importanti tal-awtoritajiet biex jgħinu għadd kbir ta' rifuġjati u persuni spostati f'pajjiżhom, u biex jiġu appoġġjati l-persuni ċivili li jgħixu f'żoni ta' kunflitt fi ħdan il-fruntieri tal-Ażerbajġan li huma rikonoxxuti f'livell internazzjonali; jiġi insistit li d-drittijiet tal-persuni kollha li jgħixu fil-fruntieri tal-Ażerbajġan, b'mod temporanju jew permanenti, jiġu rrispettati; isir kontribut partikolari għar-rispett tad-dritt tagħhom li jerġgħu lura fid-djar u tintroddilhom lura l-proprjetà tagħhom u li jingħataw kumpens mill-partijiet kollha għall-kunflitt f'konformità mad-deċiżjonijiet tal-QEDB;

L-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali

(n)  jingħata appoġġ għal riforma tal-ġudikatura maħsuba biex tiżgura l-imparzjalità u l-indipendenza tagħha mill-eżekuttiv u ssaħħaħ l-istat tad-dritt; b'mod partikolari, l-avukati prattikanti indipendenti jitħallew jirrappreżentaw klijenti bis-saħħa ta' prokura notarili u jintemmu s-setgħat arbitrarji tal-Avokatura tal-Ażerbajġan li tħassar lil avukati mir-reġistru u tiċħad l-ammissjoni ta' membri ġodda;

(o)  jingħata wkoll appoġġ għall-iżvilupp ta' qafas b'saħħtu għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; tiġi ssottolinjata l-importanza tar-rappreżentanza tan-nisa fil-livelli kollha tal-gvern, inkluża l-parteċipazzjoni ugwali, sħiħa u attiva tagħhom fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti u biex l-Ażerbajġan jitħeġġeġ jiffirma l-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u tal-vjolenza domestika u l-ġlieda kontra dawn it-tipi ta' vjolenza;

(p)  jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi bħala appoġġ lill-Ażerbajġan fil-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika, inklużi l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa; tiġi promossa aktar trasparenza fir-rigward tas-sidien benefiċjarji ta' kumpaniji u trusts, kif ukoll dwar l-attivitajiet finanzjarji tal-kumpaniji kbar f'termini ta' profitti ġġenerati u taxxa mħallsa; jiġu appoġġjati l-investigazzjonijiet dwar l-iskemi ta' ħasil tal-flus, b'mod partikolari "l-każ Laundromat", u jiġu stabbiliti mekkaniżmi speċifiċi ta' superviżjoni u kontroll, bħal aċċess ristrett għas-sistema bankarja Ewropea għal dawk involuti fil-ħasil tal-flus u fi skemi ta' frodi;

(q)  jsir provvediment għal aktar kooperazzjoni u li l-Ażerbajġan jingħata appoġġ fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità, u fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tal-kriminalità transkonfinali; issir ħidma konġunta, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra l-iskemi ta' reklutaġġ minn organizzazzjonijiet terroristiċi;

(r)  jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tad-dritt penali fl-Ażerbajġan relatati mal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jkunu maħsuba għat-tmiem tal-prosekuzzjonijiet u s-sekwestri politiċi, il-projbizzjonijiet arbitrarji fuq vjaġġar, azzjonijiet kontra dissidenti politiċi, inkluż permezz ta' malafama, u kontra l-ġurnalisti indipendenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rappreżentanti ta' NGOs u l-membri l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà, bħall-membri ta' ċerti gruppi ta' minoranza inkluża l-komunità LGBTQI; jiġi żgurat li referenzi speċifiċi għal dawn il-gruppi jiġu inklużi fil-ftehim; jiġi mtenni li dawn il-prattiki mhumiex aċċettabbli għal kwalunkwe pajjiż sieħeb potenzjali tal-UE; jiġi stabbilit forum imsaħħaħ għal djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, li jkun effettiv u jagħti riżultati, bejn l-UE u l-Ażerbajġan b'konsultazzjoni mal-NGOs internazzjonali prinċipali u l-NGOs tal-Ażerbajġan li huma tassew indipendenti u kull sena ssir valutazzjoni dwar il-progress li jsir waqt id-djalogu meta mqabbel ma' parametri referenzjarji konkreti;

(s)  issir insistenza dwar l-adozzjoni tal-emendi rilevanti fil-liġi sabiex ikunu possibbli l-attivitajiet leġittimi tas-soċjetà ċivili, it-tneħħija ta' restrizzjonijiet żejda fuq ir-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni l-operazzjonijiet u l-aċċess tagħhom għal reġistrazzjoni għal finanzjament u għotjiet barranin, u li jintemmu l-investigazzjonijiet kriminali żejda, ir-rapportar mhux meħtieġ lil diversi aġenziji tal-gvern, it-tiftix tal-uffiċċji, l-iffriżar tal-kontijiet, il-projbizzjonijiet fuq vjaġġar u l-persekuzzjoni ta' min imexxihom;

(t)  jiġi żgurat li, qabel il-konklużjoni tan-negozjati, l-Ażerbajġan jirrilaxxa l-priġunieri politiċi tiegħu u l-priġunieri tiegħu minħabba twemmin, inklużi, fost l-aktar każijiet emblematiċi, Ilgar Mammadov, Afgan Mukhtarli, Mehman Huseynov, Ilkin Rustamzada, Seymur Hazi, Rashad Ramazanov, Elchin Ismayilli, Giyas Ibrahimov, Beyram Mammadov, Asif Yusifli u Fuad Gahramanli, ineħħi l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ladarba rrilaxxati, inklużi dawk tal-ġurnalista Khadija Ismayilova u l-avukat Intigam Aliyev u li jimplimenta bis-sħiħ id-deċiżjonijiet tal-QEDB, b'mod partikolari fir-rigward ta' Ilgar Mammadov; jiġu żgurati l-ħelsien u t-titjib tas-sitwazzjoni ta' dawn l-individwi, inkluż ir-rinsedjament tagħhom u tal-familji tagħhom permezz tal-ġustizzja u tal-applikazzjoni tal-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-dissidenti Ażerbajġani fl-UE;

(u)  jiġi żgurat li l-Ażerbajġan jirrispetta d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika, ma jkomplix jirrestrinġi dan id-dritt b'modi li mhumiex kompatibbli mal-obbligi tiegħu fl-ambitu tad-dritt internazzjonali, inklużi l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u li minnufih u b'mod effettiv jinvestiga l-każijiet kollha ta' użu eċċessiv tal-forza, arresti arbitrarji u detenzjoni inġusta ta' dimostranti paċifiċi, inkluż b'rabta mad-dimostrazzjonijiet tal-oppożizzjoni f'Settembru 2017 u Marzu 2018 li ġew sanzjonati, u li jressaq lil dawk ħatja quddiem il-ġustizzja;

(v)  jittieħed impenn, qabel il-konklużjoni tan-negozjati, minn naħa tal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan sabiex japplikaw il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, u li dawn jinvestigaw b'mod ġenwin kull każ ta' maltrattament tal-priġunieri politiċi u l-priġunieri minħabba twemmin, b'mod partikolari l-każ tad-deċedut Mehman Galandarov, li miet waqt li kien detenut fl-Ażerbajġan, u l-membri tal-komunità LGBTQI li ġew iffastidjati u arrestati fi gruppi f'Settembru 2017;

(w)  issir enfasi rigward it-tħassib tal-UE dwar l-istat kurrenti tal-libertà tal-istampa fl-Ażerbajġan, ikklassifikata fil-163 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa tal-2018 imfassal minn Reporters Mingħajr Fruntieri; tiġi ssottolinjata l-importanza ta' midja ħielsa u indipendenti, kemm offline kif ukoll online, u jiġi żgurat appoġġ imsaħħaħ għall-UE, kemm politiku kif ukoll finanzjarju, għal midja libera u pluralistika fl-Ażerbajġan, b'indipendenza editorjali minn gruppi politiċi u oligarkiċi gruppi dominanti u f'konformità mal-istandards tal-UE; l-awtoritajiet jintalbu jiżblokkaw l-aċċess għas-siti web ta' Azadliq, u ta' aġenziji tal-aħbarijiet li spiċċaw joperaw minn barra l-pajjiż: Radio Free Europe/Radio Liberty (RFE/RL) Azerbaijan Service, Meydan TV u Azerbaycan Saati;

Kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika

(x)  jiġu inklużi dispożizzjonijiet kummerċjali u ta' investiment ġusti u ambizzjużi, kemm jista' jkun kompatibbli mal-istatus tal-Ażerbajġan bħala stat mhux membru tad-WTO, li jkunu kompletament konformi u ma jdgħajfux l-istandards tal-UE, b'mod partikolari dawk dwar is-sanità, il-fitosanità, l-ambjent, ix-xogħol, is-soċjetà, il-bilanċ bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni, u jiġu żgurati r-rikonoxximent u l-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi, b'mod partikolari l-inbejjed u l-ispirti; l-Ażerbajġan jiġi appoġġjat fil-proċess tiegħu ta' adeżjoni mad-WTO;

(y)  jiġu implimentati miżuri sodi li jiżguraw progress rapidu għat-titjib tal-klima kummerċjali u tal-investiment fl-Ażerbajġan, b'mod partikolari rigward it-tassazzjoni u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-akkwist pubbliku – b'referenza għar-regoli stabbiliti fil-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi tad-WTO – sabiex jippermettu aktar trasparenza, governanza aħjar u obbligu ta' rendikont, aċċess ugwali u kompetizzjoni ġusta;

Enerġija u oqsma oħra ta' kooperazzjoni

(z)  isir provvediment għal aktar kooperazzjoni fis-settur tal-enerġija skont is-sħubija strateġika fl-enerġija tal-UE u tal-Ażerbajġan u l-prestazzjoni passata tal-Ażerbajġan bħala fornitur affidabbli tal-enerġija, filwaqt li madankollu jitqiesu s-sospensjoni u l-irtirar sussegwenti tal-Ażerbajġan mill-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) f'Marzu 2017 minħabba "l-bidliet fil-leġiżlatura tal-Ażerbajġan dwar l-NGOs" li ma kinux konformi mar-rekwiżiti tas-soċjetà ċivili tal-grupp; l-Ażerbajġan jitħeġġeġ jallinja ruħu mill-ġdid ma' dawn ir-rekwiżiti sabiex jissokta l-attivitajiet tiegħu fl-EITI;

(aa)  jiġu appoġġjati wkoll id-diversifikazzjoni tat-taħlita tal-enerġija tal-Ażerbajġan, il-promozzjoni tas-sorsi ta' enerġija bla karbonju u t-tħejjija għall-era ta' wara l-karbonju billi titnaqqas id-dipendenza fuq il-karburanti fossili u jiġi promoss l-użu tar-rinnovabbli, anke fl-interess tas-sigurtà tal-enerġija; tiġi appoġġjata t-tlestija tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar wara li jiġi indirizzat it-tħassib importanti relatat mat-tibdil fil-klima u l-impatt fuq il-komunitajiet lokali fid-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment dwar il-finanzjament tal-Pipeline tal-Gass Trans-Anatoljan (TANAP);

(ab)  jiġu implimentati dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar il-ħarsien tal-ambjent u t-tibdil fil-klima bħala parti mill-ftehim il-ġdid, skont l-Aġenda tal-Unjoni dwar it-tibdil fil-klima u l-impenji taż-żewġ partijiet għall-ftehim ta' Pariġi, inkluż permezz tal-integrazzjoni ta' dawn il-politiki bħala parti minn politiki settorjali oħra;

(ac)  jiġu pprovduti prospetti ġodda għal kooperazzjoni msaħħa f'oqsma li mhumiex relatati mal-enerġija, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-saħħa, it-trasport, il-konnettività u t-turiżmu, sabiex jiddiversifikaw l-ekonomija tal-Ażerbajġan, jagħtu spinta lill-ħolqien tal-impjiegi, jimmodernizzaw setturi industrijali u tas-servizzi, u jistimulaw l-iżvilupp sostenibbli fi ħdan in-negozji u r-riċerka; jiġu organizzati aktar skambji bejn in-nies, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fl-iskambji reġjonali mal-NGOs tal-Armenja;

(ad)  tissaħħaħ il-kooperazzjoni rigward l-iskambji taż-żgħażagħ u tal-istudenti billi jissaħħu l-programmi eżistenti u ta' suċċess bħan-netwerk "Żgħażagħ tan-netwerk tal-Ġirien Ewropej" u billi jiġu żviluppati programmi ta' boroż ta' studju u korsijiet ta' taħriġ ġodda, kif ukoll billi tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni fi programmi fil-qasam ta' edukazzjoni ogħla, b'mod partikolari l-programm Erasmus+, li jippromwovu l-iżvilupp tal-ħiliet, inklużi l-ħiliet lingwistiċi, u jippermettu liċ-ċittadini tal-Ażerbajġan jiffamiljarizzaw ruħhom mal-UE u l-valuri tagħha;

(ae)  jiġi promoss ukoll it-tkabbir ekonomiku permezz tat-trasport u l-konnettività; jiġi estiż in-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) lill-Ażerbajġan;

(af)  skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tal-2017, jitqies "fi żmien xieraq, jekk il-kundizzjonijiet jippermettu, il-ftuħ ta' Djalogu dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża mal-Armenja u l-Ażerbajġan rispettivament, dment li l-kundizzjonijiet għal mobbiltà ġestita tajjeb u sigura jkunu twettqu, inkluża l-implimentazzjoni effettiva ta' Ftehimiet ta' Faċilitazzjoni tal-Visa u ta' Riammissjoni bejn il-Partijiet";

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

(ag)  jiġi żgurat li l-ftehim ikollu dimensjoni parlamentari b'saħħitha li ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet attwali u l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni sabiex ikunu possibbli li jiżdied il-kontribut u l-iskrutinju tal-implimentazzjoni tiegħu, b'mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta' struttura interparlamentari aġġornata li tipprevedi djalogu regolari u kostruttiv bejn il-Parlament Ewropew u l-parlament tal-Ażerbajġan dwar l-aspetti kollha tar-relazzjonijiet tagħna, inkluża l-implimentazzjoni tal-ftehimiet;

(ah)  in-negozjati jitmexxew bl-akbar trasparenza possibbli; il-Parlament jiġi informat fl-istadji kollha tan-negozjati skont l-Artikolu 218(10) tat-TFUE, skont liema "Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura"; jiġu pprovduti wkoll lill-Parlament it-testi ta' negozjati u l-minuti ta' kull ċiklu ta' negozjati; il-Kunsill jitfakkar li, minħabba l-ksur fil-passat tal-Artikolu 218(10) tat-TFUE, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja diġà annullat id-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta' diversi ftehimiet; jitqies li fil-futur l-approvazzjoni tal-Parlament dwar ftehimiet ġodda tista' ma tingħatax sakemm il-Kunsill ma jkunx issodisfa l-obbligi ġuridiċi tiegħu;

(ai)  jiġi żgurat li l-ftehim ġdid ma jkunx soġġett għal applikazzjoni proviżorja sakemm il-Parlament Ewropew ma jkunx ta l-kunsens tiegħu; jiġi enfasizzat li l-kunsens tal-Parlament Ewropew dwar ftehimiet ġodda u ftehimiet futuri oħra jista' ma jingħatax jekk din il-kundizzjoni tiġi injorata;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Ażerbajġan.

(1)

ĠU L 246, 17.9.1999, p. 3.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0440.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0493.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2017)0267.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (24.1.2018)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar in-negozjati dwar il-Ftehim Komprensiv UE-Ażerbajġan

(2017/2056(INI))

f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali Hannu Takkula (rapporteur)

Position

EMENDI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jippreżenta l-emendi li ġejjin lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli:

Emenda    1

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa A (ġdida)

Proposta għal rakkomandazzjoni

Emenda

 

A.  billi l-Ażerbajġan huwa kemm parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) kif ukoll mill-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, li huma t-tnejn ibbażati fuq impenn komuni mal-UE li japprofondixxu r-relazzjonijiet bilaterali u jirrispettaw id-dritt internazzjonali u l-valuri fundamentali, li jinkludu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

Emenda    2

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa B (ġdida)

Proposta għal rakkomandazzjoni

Emenda

 

B.  billi soċjetà ċivili li tiffunzjona tajjeb bis-sħiħ hija prekundizzjoni vitali għat-twettiq ta' diversifikazzjoni ekonomika permezz ta' kummerċ imsaħħaħ u integrazzjoni ekonomika, għall-benefiċċju tas-soċjetà tal-Ażerbajġan kollha kemm hija;

Emenda    3

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa C (ġdida)

Proposta għal rakkomandazzjoni

Emenda

 

C.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ażerbajġan ilhom irregolati mill-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni sa mill-1999; billi n-negozjati dwar il-Ftehim Komprensiv UE-Ażerbajġan ġdid ġew imnedija fi Frar 2017 u ser jinkludu titolu dwar il-kummerċ u kwistjonijiet relatati miegħu, inklużi kapitoli dwar il-kummerċ tal-merkanzija, id-dwana, miżuri sanitarji u fitosanitarji, it-trasparenza, is-soluzzjoni tat-tilwim, il-kompetizzjoni, l-akkwist pubbliku, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, l-intrapriżi statali, l-enerġija u l-kummerċ, kif ukoll kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli;

Emenda    4

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa D (ġdida)

Proposta għal rakkomandazzjoni

Emenda

 

D.  billi l-UE hija bil-wisq l-akbar sieħba kummerċjali tal-Ażerbajġan, kemm f'termini ta' importazzjonijiet kif ukoll ta' esportazzjonijiet, hekk li tirrappreżenta 48,6 % tal-kummerċ totali tal-Ażerbajġan u hija wkoll l-akbar sors ta' investiment dirett;

Emenda    5

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa E (ġdida)

Proposta għal rakkomandazzjoni

Emenda

 

E.  billi l-ekonomija tal-Ażerbajġan isserraħ ħafna fuq is-settur taż-żejt u tal-gass, li jirrappreżenta madwar 30 % tal-PDG u madwar 90 % tal-esportazzjonijiet, fatt li jirrendi l-pajjiż vulnerabbli għax-xokkijiet esterni u għall-varjazzjonijiet fil-prezzijiet dinjija taż-żejt; billi d-diversifikazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-ekonomija tal-Ażerbajġan jibqgħu importanti biex jiżguraw tkabbir sostenibbli fit-tul; billi l-Ażerbajġan inizjalment tniżżel mill-istatus ta' pajjiż konformi mal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) għal dak ta' kandidat tal-EITI f'April 2015, sa ma s-sħubija tiegħu ġiet sospiża f'Marzu 2017;

Emenda    6

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa F (ġdida)

Proposta għal rakkomandazzjoni

Emenda

 

F.  billi, minkejja li uffiċjalment applika fl-1997, l-Ażerbajġan għad mhuwiex Stat Membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), u r-relazzjonijiet kummerċjali tiegħu mal-UE bħalissa jaqgħu taħt it-Trattament ta’ Nazzjon l-Aktar Iffavorit, wara li ggradwa mill-GSP+ fl-2014 abażi tal-livell ta' dħul tiegħu; billi, sakemm l-Ażerbajġan jissieħeb fid-WTO, ostakli tariffarji u nontariffarji serji ser ikomplu jxekklu r-relazzjonijiet ta' kummerċ u negozju tal-Ażerbajġan mas-sħab ekonomiċi tiegħu;

Emenda    7

Proposta għal rakkomandazzjoni

Premessa G (ġdida)

Proposta għal rakkomandazzjoni

Emenda

 

G.   billi l-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Istati Membri għandhom jieħdu rwol ta' tmexxija fil-livell internazzjonali biex jippromwovu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fost il-pajjiżi sħab tal-UE, inkluż taħt l-Istrument ta' Programmazzjoni tal-Viċinat, bil-għan li jistabbilixxu u jikkonsolidaw istituzzjonijiet indipendenti u effikaċi kontra l-korruzzjoni;

Emenda    8

Proposta għal rakkomandazzjoni

Paragrafu 1 (ġdid)

Proposta għal rakkomandazzjoni

Emenda

 

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna:

Emenda    9

Proposta għal rakkomandazzjoni

Paragrafu 1 – punt a (ġdid)

Proposta għal rakkomandazzjoni

Emenda

 

a)  li jimxu fuq il-prinċipji tal-PEV riveduta u jaħdmu biex jintlaħaq ftehim ambizzjuż kompatibbli mal-aspirazzjonijiet taż-żewġ naħat; li jieħdu l-impenn li jsir progress rapidu fin-negozjati li jgħinu lill-Ażerbajġan iħaffef ir-riformi strutturali li jeħtieġ sabiex jiddiversifika l-ekonomija tiegħu; li jżommu quddiem għajnejhom li l-ftehim għandu jnaqqas l-ostakli għall-aċċess għas-suq, jiffaċilita l-kummerċ u jinkoraġġixxi l-iżvilupp sostenibbli għall-benefiċċju taċ-ċittadini; li jqisu l-impatt tal-ġeneru u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem filwaqt li jagħtu spinta lill-opportunitajiet ta' esportazzjoni għaż-żewġ naħat tal-ftehim;

Emenda    10

Proposta għal rakkomandazzjoni

Paragrafu 1 – punt b (ġdid)

Proposta għal rakkomandazzjoni

Emenda

 

b)  biex jappoġġjaw lill-Ażerbajġan, billi jipprovdu appoġġ tekniku, fil-proċess ta' adeżjoni tiegħu mad-WTO, b'tali mod li l-pajjiż ikun jista' jarmonizza mal-istandards internazzjonali u jibbenefika mis-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli u mill-faċilitazzjoni tal-kummerċ;

Emenda    11

Proposta għal rakkomandazzjoni

Paragrafu 1 – punt c (ġdid)

Proposta għal rakkomandazzjoni

Emenda

 

c)  li jqisu l-ispeċifiċitajiet tal-SMEs, bil-għan li jtejbu l-klima tan-negozju tagħhom, irawmu l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom u jilliberaw il-potenzjal tal-esportazzjoni tagħhom;

Emenda    12

Proposta għal rakkomandazzjoni

Paragrafu 1 – punt d (ġdid)

Proposta għal rakkomandazzjoni

Emenda

 

d)  li jinkludu kapitolu ambizzjuż dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli li jkopri l-implimentazzjoni ta' standards internazzjonali tax-xogħol u ftehimiet ambjentali multilaterali, li jipprovdu għodod effikaċi għad-djalogu, il-monitoraġġ u l-kooperazzjoni u jinkludu dispożizzjonijiet vinkolanti u infurzabbli li jkunu soġġetti għas-soluzzjoni tat-tilwim;

Emenda    13

Proposta għal rakkomandazzjoni

Paragrafu 1 – punt e (ġdid)

Proposta għal rakkomandazzjoni

Emenda

 

e)  li jinkludu miżuri b'saħħithom u infurzabbli li jkopru r-rikonoxximent u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbejjed, ix-xorb spirituż u prodotti agrikoli u tal-ikel oħrajn;

Emenda    14

Proposta għal rakkomandazzjoni

Paragrafu 1 – punt f (ġdid)

Proposta għal rakkomandazzjoni

Emenda

 

f)  li jħeġġu lill-Ażerbajġan jerġa' jissokta l-attivitajiet tiegħu fl-EITI;

Emenda    15

Proposta għal rakkomandazzjoni

Paragrafu 1 – punt g (ġdid)

Proposta għal rakkomandazzjoni

Emenda

 

g)  li fil-kapitolu dwar l-akkwist pubbliku jinkludu referenza għar-regoli stabbiliti fil-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi tad-WTO;

Emenda    16

Proposta għal rakkomandazzjoni

Paragrafu 1 – punt h (ġdid)

Proposta għal rakkomandazzjoni

Emenda

 

h)  li jappoġġjaw lill-Ażerbajġan fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u joffru l-kooperazzjoni tagħhom fil-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa;

Emenda    17

Proposta għal rakkomandazzjoni

Paragrafu 1 – punt i (ġdid)

Proposta għal rakkomandazzjoni

Emenda

 

i)  li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni billi jistabbilixxu qafas għall-kooperazzjoni dwar it-traspożizzjoni tal-istandards internazzjonali rilevanti;

Emenda    18

Proposta għal rakkomandazzjoni

Paragrafu 1 – punt j (ġdid)

Proposta għal rakkomandazzjoni

Emenda

 

j)  li jmexxu n-negozjati bl-akbar trasparenza possibbli; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu tagħha li tinforma lill-Parlament minnufih u b'mod sħiħ fil-fażijiet kollha tan-negozjati u jħeġġeġ lill-Kunsill jippubblika d-direttivi ta' negozjati;

Emenda    19

Proposta għal rakkomandazzjoni

Paragrafu 1 – punt k (ġdid)

Proposta għal rakkomandazzjoni

Emenda

 

k)  li jinkludu dimensjoni parlamentari qawwija fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehim.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITATLI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

23.1.2018

 

 

 


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

16.5.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

56

2

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Mario Borghezio, Elmar Brok, Klaus Buchner, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Eugen Freund, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Wajid Khan, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Michel Reimon, Sofia Sakorafa, Jean-Luc Schaffhauser, Alyn Smith, Dobromir Sośnierz, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

David Coburn, Doru-Claudian Frunzulică, Marek Jurek, Norica Nicolai, Urmas Paet, Miroslav Poche, Soraya Post, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Helmut Scholz, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Janusz Zemke, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Renate Weber, Francis Zammit Dimech, Joachim Zeller


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

56

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Norica Nicolai, Urmas Paet, Jozo Radoš, Ivo Vajgl, Renate Weber

ECR

Marek Jurek, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden

EFDD

Fabio Massimo Castaldo, Aymeric Chauprade

PPE

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Arnaud Danjean, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, László Tőkés, Francis Zammit Dimech, Joachim Zeller, Željana Zovko

S&D

Nikos Androulakis, Francisco Assis, Andi Cristea, Eugen Freund, Doru-Claudian Frunzulică, Wajid Khan, Arne Lietz, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche, Soraya Post, Boris Zala, Janusz Zemke

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Michel Reimon, Alyn Smith, Bodil Valero

2

-

EFDD

David Coburn

ENF

Jean-Luc Schaffhauser

7

0

ENF

Mario Borghezio

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Helmut Scholz, Marie-Christine Vergiat

NI

Dobromir Sośnierz

It-tifsira tas-simboli:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ġunju 2018Avviż legali