Proċedura : 2017/2118(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0186/2018

Testi mressqa :

A8-0186/2018

Dibattiti :

PV 11/06/2018 - 19
CRE 11/06/2018 - 19

Votazzjonijiet :

PV 12/06/2018 - 5.6
CRE 12/06/2018 - 5.6

Testi adottati :

P8_TA(2018)0248

RAPPORT     
PDF 719kWORD 87k
24.5.2018
PE 612.127v01-00 A8-0186/2018

Lejn settur Ewropew tal-akkwakultura sostenibbli u kompetittiv: is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri

(2017/2118(INI))

Kumitat għas-Sajd

Rapporteur: Carlos Iturgaiz

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Lejn settur Ewropew tal-akkwakultura sostenibbli u kompetittiv: is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri

(2017/2118(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE" (COM(2013)0229),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 304/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 98/58/KE dwar il-ħarsien ta' annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 710/2009 tal-5 ta' Awwissu 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, f'dak li għandu x'jaqsam mal-iffissar ta' regoli ddettaljati dwar il-produzzjoni organika tal-annimali tal-akkwakultura u tal-alka tal-baħar(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta' Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta' qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2008 dwar l-adozzjoni ta' Pjan Ewropew ta' Kontroll tal-Istokkijiet tal-Marguni sabiex jitnaqqas l-effett dejjem jiżdied tal-marguni fuq l-istokkijiet tal-ħut, is-sajd u l-akkwakultura(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar is-sistema ta' importazzjoni fl-UE ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fid-dawl tar-riforma futura tal-PKS(12),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-23 ta' Novembru 2010 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 bit-titolu: Nisfruttaw il-potenzjal ta' riċerka u innovazzjoni fl-ekonomija blu biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar it-traċċabilità ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fir-restorazzjoni u l-bejgħ bl-imnut(15),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD) u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MFSD) fir-rigward tal-akkwakultura (SWD(2016)0178),

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni tal-2015 bit-titolu "Rapport ta' ħarsa ġenerali: L-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-akkwakultura tal-ħut bil-pinen" (DG(SANTE) 2015-7406 - MR),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2017 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (RAM)" (COM(2017)0339),

–  wara li kkunsidra r-rapport ekonomiku tas-settur tal-akkwakultura tal-UE tal-2016 mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Ewrobarometru dwar "EU consumer habits regarding fishery and aquaculture products" (Id-drawwiet tal-konsumaturi rigward il-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura) (2017) u l-analiżi komplementari mill-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u l-Akkwakultura (EUMOFA),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni xjentifika bit-titolu "Food from the Oceans" (Ikel mill-Oċeani) maħruġa mill-Grupp ta' Livell Għoli ta' Konsulenti Xjentifiċi f'Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-FAO għal Sajd Responsabbli,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Akkwatiċi tal-OIE,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar il-promozzjoni tal-koeżjoni u l-iżvilupp fir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE: l-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 tat-TFUE(16),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0186/2018),

A.  billi s-settur tal-akkwakultura, inkluża t-trobbija ta' ħut tal-baħar u ħut tal-ilma ħelu, kif ukoll it-trobbija tal-molluski, il-krustaċji, l-algi u l-ekinodermi, huwa settur ekonomiku innovattiv, li hija l-attività ta' produzzjoni tal-ikel li qiegħda tikber l-aktar malajr, u, potenzjalment, settur tat-teknoloġija avvanzata li jirrikjedi investiment strutturali u riċerka u ppjanar operattiv u finanzjarju fit-tul;

B.  billi l-industriji tat-trobbija tal-ħut u l-industriji tal-frott tal-baħar bil-qoxra għandhom rwol importanti u prezzjuż f'dak li għandu x'jaqsam mal-ekonomija, l-impjiegi u kwistjonijiet soċjali u ambjentali bl-għan li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja fiż-żoni kostali u interni tal-Unjoni u tar-reġjuni ultraperiferiċi u jikkontribwixxu għas-sigurtà nutrizzjonali u alimentari tal-Ewropej; billi hemm ċerti fatturi li jaffettwaw b'mod ħażin il-produzzjoni tal-akkwakultura, inklużi l-fatturi ambjentali u dawk relatati mal-klima, iżda, fuq kollox, l-annimali predaturi; billi, kif intwera minn għadd ta' studji, dawn il-problemi ta' predazzjoni qed ikollhom impatt sinifikanti fuq il-produzzjoni;

C.  billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE" tenfasizza erba' oqsma ta' prijorità li jridu jiġu indirizzati sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-akkwakultura tal-UE: il-proċeduri amministrattivi, l-ippjanar spazjali koordinat, il-kompetittività, b'mod partikolari billi dan is-settur jintrabat max-xjenza, u kundizzjonijiet ekwi;

D.  billi l-istess Komunikazzjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jħejju pjanijiet strateġiċi nazzjonali pluriennali għall-akkwakultura li janalizzaw in-nuqqasijiet ewlenin u l-problemi li jeħtieġu soluzzjoni, l-għanijiet komuni u, meta jkun possibbli, jistabbilixxu indikaturi biex jivvalutaw il-progress li jkun sar lejn l-ilħuq ta' dawn l-għanijiet;

E.  billi ż-żamma tal-ekosistemi u tal-istokkijiet lokali għandhom ikunu għan ta' prijorità ewlenija, peress li jipprevjenu l-ispostament u l-qerda tas-sajd u l-biedja lokali;

F.  billi minkejja l-intenzjonijiet tajba u l-isforzi, l-akkwakultura tal-UE qed tistaġna, b'kuntrast maż-żieda fit-tkabbir f'reġjuni oħra tad-dinja;

G.  billi huwa stmat li l-produzzjoni tal-akkwakultura fl-UE tkopri biss 10 % tad-domanda domestika għall-ħut u billi aktar minn nofs id-domanda għall-prodotti tas-sajd ġejja minn importazzjonijiet minn pajjiżi terzi;

H.  billi l-akkwakultura għandha tiġi meqjusa u trattata bħala forma ta' agrikoltura, speċjalment fil-każ ta' dik tat-trobbija fl-għadajjar;

I.  billi huwa sinifikanti kemm għadhom lura r-reġjuni ultraperiferiċi fl-iżvilupp tal-akkwakultura;

J.  billi l-opinjoni riċenti tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Konsulenti Xjentifiċi dwar il-mistoqsija magħmula lil dan il-grupp mill-Kummissarju Vella, jiġifieri "Kif jistgħu jinkisbu aktar ikel u bijomassa mill-oċeani b'mod li ma jċaħħadx lill-ġenerazzjonijiet futuri mill-benefiċċji tagħhom?" tinkludi r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin: "Għandha tiġi integrata paradigma ta' "ikel mill-oċeani" ta' kultura responsabbli ... fl-aġendi tal-politika wiesgħa fil-livell tas-sistemi tal-UE u globali"; kif ukoll: "L-iżvilupp tal-marikultura fl-Ewropa għandu jitpoġġa f'livell ogħla u aktar strateġiku permezz ta' qafas tal-politika komprensiv u miftiehem – dan jinkludi l-ħruġ ta' gwida dwar l-inklużjoni tar-rekwiżiti tal-marikultura fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE tal-2014 dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu u l-estensjoni tal-kooperazzjoni teknoloġika għall-marikultura taħt il-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPAs) bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tan-Nofsinhar";

K.  billi l-istabbiliment jew l-espansjoni ta' farm tal-akkwakultura fl-UE jirrikjedu l-ksib ta' diversi permessi u awtorizzazzjonijiet, u billi l-proċedura biex jinkisbu dawn id-dokumenti uffiċjali mhijiex armonizzata fil-livell tal-UE u, b'mod ġenerali, timxi bil-mod, hija kumplessa u nieqsa miċ-ċertezza legali u mill-prevedibilità ekonomika; billi din is-sitwazzjoni qed tissogra li tfixkel l-iżvilupp tas-settur u tista' tiskoraġġixxi l-investiment tan-negozji u tirriżulta fi spejjeż eċċessivi għas-settur, minbarra li indirettament tinkoraġġixxi l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi;

L.  billi l-aktar proċeduri kumplessi għall-operazzjoni ta' akkwakultura huma dawk relatati mar-rekwiżiti ambjentali (valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u proċeduri ta' sorveljanza), iżda, paradossalment, il-fatt li dawn il-proċeduri amministrattivi jimxu bil-mod u huma kumplessi mhux dejjem jiżgura l-protezzjoni ambjentali, anzi, kuntrarjament, xi drabi jagħmluha diffiċli li jiġu stabbiliti farms tal-akkwakultura soċjoekonomiċi, ambjentalment sostenibbli u ta' kwalità; billi hemm differenzi bejn l-akkwakultura tal-ilma ħelu u tal-baħar; billi d-differenzi fis-sottosetturi tal-akkwakultura jesiġu prattiki differenti f'termini tal-ġestjoni tal-istokkijiet, tal-għalf u tar-riproduzzjoni; billi trid tingħata l-kunsiderazzjoni meħtieġa lill-dawn id-differenzi meta jitfasslu r-regolamenti għall-akkwakultura tal-UE u, b'mod partikolari, standards ambjentali sostenibbli;

M.  billi l-kumplessità u d-dewmien burokratiċi, speċifikament dawk relatati mal-liċenzjar u l-ippjanar, jirrappreżentaw nuqqas ta' azzjoni li inevitabbilment tirriżulta fi spejjeż ekonomiċi u soċjali tax-xogħol għall-investituri potenzjali fl-oqsma li fihom il-farms tal-akkwakultura jkunu stabbiliti, b'impatt partikolari fuq l-impjieg taż-żgħażagħ u tan-nisa;

N.  billi jrid jiġi kkunsidrat l-ippjanar spazjali adegwat għall-ħtiġijiet differenti tal-utenti varji, flimkien mal-bżonn li tiġi protetta n-natura, u jridu jsiru sforzi biex dawn jiġu rikonċiljati; billi n-nuqqas ta' disponibilità ta' postijiet, in-nuqqas ta' ppjanar spazjali adegwat u l-kunflitt ma' attivitajiet ekonomiċi oħra għandhom effett konsiderevoli fuq l-iżvilupp tal-akkwakultura tal-UE f'xi reġjuni, peress li s-settur tal-akkwakultura jista' inqas importanza minn setturi oħrajn "b'saħħithom";

O.  billi l-ippjanar spazjali huwa wieħed mill-prerekwiżiti għall-iżvilupp fit-tul tal-akkwakultura u l-mezzi neċessarji sabiex jiġi żgurat ippjanar adatt għas-siti tal-akkwakultura, b'kont meħud ta' attivitajiet oħra fiż-żoni kkonċernati;

P.  billi l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE hija bbażata fuq direttivi (id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, id-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats), u billi huwa f'idejn l-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali li jittrasponuhom u japplikawhom b'ċertu livell ta' diskrezzjoni; billi, għaldaqstant, m'hemmx implimentazzjoni uniformi fl-UE kollha, u dan iwassal għal inċertezza legali għall-impriżi u l-farms u nuqqas ta' prevedibilità għall-investituri, u joħloq kundizzjonijiet mhux ekwi;

Q.  billi skont l-opinjoni xjentifika "Ikel mill-Oċeani", l-uniku mod kif jinkisbu ħafna aktar ikel u bijomassa mill-oċean f'perjodu qasir huwa li jinħasdu l-organiżmi tal-qiegħ tal-katina tal-ikel, bħall-makroalgi u l-molluski bivalvi;

R.  billi oqfsa legali nazzjonali jew reġjonali differenti għall-akkwakultura jistgħu jwasslu biex in-negozji jkollhom rekwiżiti legali differenti, anki jekk huma jkunu attivi fl-istess baċir tal-baħar, li konsegwentement iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni;

S.  billi l-eżempji ta' kooperazzjoni tajba abbażi ta' ftehimiet volontarji u ftehimiet oħra bejn il-konservazzjonisti u s-settur huma ħaġa pożittiva ferm; billi, filwaqt li l-eżempji pożittivi tal-kontributi mill-akkwakultura għaż-żamma tal-kwalità tajba tal-ilma u tas-servizzi tal-ekosistemi akkwatiċi huma ħaġa pożittiva ferm, huwa importanti wkoll li jiġu rikonoxxuti u mnaqqsa kemm jista' jkun l-impatti negattivi li jista' jkollha l-akkwakultura fuq l-ambjent lokali u l-kwalità tal-ilma; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, aktar innovazzjoni u inizjattivi biex jiġi żgurat settur sostenibbli u vijabbli fit-tul;

T.  billi t-trobbija tal-molluski bivalvi u l-kultivazzjoni tal-makroalgi jeħtieġu provvista ekwilibrata ta' mluħat nutrittivi fl-ambjent;

U.  billi, fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, dan it-tip ta' trobbija ta' ħut tal-ilma ħelu jikkwalifika wkoll bħala servizz ta' protezzjoni ambjentali li jħares il-kwalità u l-kwantità tal-ilma u jistħoqqlu ferm aktar rikonoxximent u appoġġ mingħand dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE milli huwa l-każ bħalissa;

V.  billi l-prodotti tal-UE jridu jikkonformaw ma' sensiela ta' regoli u standards stretti tal-ambjent, tas-saħħa tal-annimali, tal-benesseri tal-annimali u tal-protezzjoni tal-konsumatur li jkopru l-operazzjonijiet tal-produzzjoni, l-għalf, il-benesseri, it-trasport, l-ipproċessar u l-kundizzjonijiet soċjali tal-impjieg li direttament jaffettwaw il-kostijiet tal-produzzjoni; billi r-riżultat huwa kwalità eċċellenti u prodotti sostenibbli li possibilment jiswew aktar u għaldaqstant ikunu anqas kompetittivi minn dawk importati, li sikwit jaslu fis-suq tal-UE bi prezzijiet baxxi minħabba prattiki li mhumiex sostenibbli mil-lat ambjentali, soċjali u tax-xogħol u li l-produzzjoni tagħhom tinvolvi standards baxxi ta' benesseri u saħħa tal-annimali;

W.  billi xi kumpaniji tal-akkwakultura jiddependu ħafna fuq ir-riżorsi tal-enerġija, u dan iżid l-ispejjeż ta' produzzjoni tal-akkwakultura;

X.  billi l-konsum tal-ħut – prodott tal-ikel li fih proteini, aċidi grassi, vitamini, minerali u mikronutrijenti essenzjali li jibbenefikaw is-saħħa tal-bniedem – għandu jiżdied, u billi l-kwalità eċċellenti tal-prodotti tal-baħar tal-UE għandha tikkostitwixxi vantaġġ kompetittiv kbir tal-akkwakultura tal-UE;

Y.  billi l-konsum globali tal-ħut qed jiżdied b'mod kostanti, b'mod parallel mat-tkabbir globali tal-popolazzjoni;

Z.  billi barra minn hekk, mhux dejjem ikun hemm koerenza fost il-politiki tal-UE dwar il-kummerċ, il-politiki soċjali u dawk dwar l-ambjent: pereżempju, l-UE tagħti status ta' Skema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP u SĠP+) lil pajjiżi vulnerabbli li qed jiżviluppaw, bl-għan li tippermettilhom iħallsu inqas dazji, jew saħansitra l-ebda dazju, fuq l-esportazzjonijiet lejn l-UE, b'mod li jagħtihom aċċess vitali għas-suq tal-UE u jikkontribwixxi għat-tkabbir tagħhom; billi, fl-istess ħin, uħud minn dawn il-pajjiżi, pereżempju għadd żgħir ta' pajjiżi Asjatiċi, jipproduċu prodotti tal-akwakultura li ma jħarsux l-istandards ambjentali, tal-benesseri tal-annimali, tas-saħħa, soċjali u tax-xogħol li l-operaturi tal-UE jkollhom jissodisfaw u li, f'ċerti każijiet, huma bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

AA.  billi l-UE hija wkoll dipendenti ħafna fuq l-importazzjoni ta' prodotti tas-sajd minn pajjiżi terzi għall-għalf għall-akkwakultura, u billi l-għalf alternattiv aktar sostenibbli sa issa ma saritx riċerka suffiċjenti dwaru u ma ġiex promoss biżżejjed;

AB.  billi l-kummerċ estern tal-UE fl-akkwakultura hu f'defiċit u qed isseħħ kompetizzjoni inġusta bejn prodotti tal-akkwakultura importati minn pajjiżi terzi u minn pajjiżi tal-UE u prodotti tal-UE għad-detriment tal-kwalità tal-ikel u tas-saħħa tal-konsumatur;

AC.  billi l-akkwakultura f'pajjiżi terzi toffri opportunitajiet lill-investiment tal-UE;

AD.  billi d-differenzi bejn il-prodotti tal-akkwakultura Ewropea meta mqabbla ma' dawk ta' pajjiżi terzi f'termini ta' kwalità, impronta ambjentali, imġiba soċjali u rispett għall-benesseri tal-annimali ma jistgħux jiġu pperċepiti mill-konsumaturi Ewropej meta l-informazzjoni li jirċievu dwarhom tkun insuffiċjenti jew ineżatta (speċjalment fir-rigward tal-pajjiż ta' oriġini, l-iskonġelar jew l-identifikazzjoni tal-ispeċi);

AE.  billi l-leġiżlazzjoni tal-UE rigward informazzjoni dwar prodotti akkwatiċi għall-konsumatur hija ċara u billi l-kontroll tagħha hija r-responsabilità tal-awtoritajiet tal-Istati Membri; billi, madankollu, huwa fatt magħruf b'mod ġenerali li kemm il-bejjiegħa tal-ħut kif ukoll ir-ristoranti mhux dejjem jipprovdu din l-informazzjoni essenzjali lill-konsumatur; billi din is-sitwazzjoni ta' implimentazzjoni insuffiċjenti timmina l-kompetittività tal-akkwakultura tal-UE;

AF.  billi t-trobbija tal-ħut sostenibbli hija bbażata fuq it-trobbija ta' annimali b'saħħithom, u għal dan l-għan huwa essenzjali li jiġu żviluppati għodod veterinarji speċifiċi u innovattivi, speċjalment vaċċini u antibijotiċi, li għandhom jintużaw b'mod responsabbli u restrittiv li jiżgura s-saħħa u l-benesseri tal-annimali u tal-konsumatur, u prodotti tal-akkwakultura sikuri u nutrittivi, mingħajr ħsara għall-ambjent u l-ispeċijiet selvaġġi; billi r-regolamenti tal-UE dwar is-saħħa tal-annimali jridu jqisu wkoll il-partikolaritajiet tal-akkwakultura u l-ispeċifiċitajiet tal-ispeċijiet tal-ħut meta jkollhom x'jaqsmu mat-trattament tal-infezzjonijiet u l-mard u l-impatt fuq il-kwalità tal-prodott;

AG.  billi l-pjan ta' azzjoni "Saħħa Waħda" Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (AMR) josserva li l-immunizzazzjoni permezz tat-tilqim tikkostitwixxi intervent ta' saħħa pubblika kosteffikaċi fi sforzi biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi(17), u dan japplika għall-akkwakultura wkoll;

AH.  billi l-immaġini tal-akkwakultura li għandhom is-soċjetà u l-konsumaturi Ewropej tvarja minn Stat Membru għal ieħor, iżda b'mod ġenerali jidher ċar li hemm lok għal titjib;

AI.  billi, minkejja li dejjem hemm lok għal titjib permezz ta' prattiki aħjar, l-immaġni ħażina ta' din l-attività mhix dejjem dovuta għal problemi reali (aspetti ambjentali, tal-kwalità jew tas-sikurezza), iżda għall-idea prestabbilita li għandhom il-konsumaturi tal-akkwakultura; billi parti sinifikanti minn din is-sitwazzjoni hija dovuta għat-twemmin li l-impatti reali tal-akkwakultura f'ċerti pajjiżi terzi (pajjiżi li qed jiżviluppaw) jeżistu anke fl-UE, li mhuwiex il-każ;

AJ.  billi l-prattiki li jvarjaw ħafna fir-rigward tal-akkwakultura jwasslu għal differenzi sinifikanti fil-kwalità tal-prodotti, fl-impatt ambjentali u fil-kundizzjonijiet sanitarji, fost oħrajn, li ta' spiss iħallu lill-konsumatur inċert dwar il-prodott li jirriżulta; 

AK.  billi r-reputazzjoni ħażina tal-akkwakultura tolqot il-governanza tagħha mill-amministrazzjonijiet pubbliċi (il-ħruġ ta' liċenzji, l-ippjanar, eċċ.), iżda wkoll il-kundizzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tagħha;

AL.  billi huwa importanti li wieħed jinnota l-potenzjal tal-akkwakultura tal-ilma ħelu, l-akkwakultura kontinentali bl-ilmijiet magħluqa, l-akkwakultura integrata multitrofika u s-sistemi ta' riċirkolazzjoni jew l-akkwaponika f'żoni urbani għat-titjib tas-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp taż-żoni rurali;

AM.  billi l-krustaċji, il-molluski u l-pjanti akkwatiċi, bħall-algi, huma wkoll riżorsa importanti għall-akkwakultura;

AN.  billi r-riċerka u l-innovazzjoni għandhom rwol fundamentali x'jaqdu fit-twettiq tal-potenzjal tal-akkwakultura sostenibbli; billi l-produzzjoni tista' tiżdied b'mod sostenibbli permezz tal-espansjoni mmexxija mill-innovazzjoni, ir-riġenerazzjoni u t-tindif tal-ilmijiet, l-użu tal-enerġiji rinnovabbli, u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi, filwaqt li jitnaqqsu l-impatti ambjentali u jiġu pprovduti servizzi ambjentali;

AO.  billi l-protokolli standard fil-livell tal-UE ta' data xjentifika li tippermetti s-superviżjoni u t-titjib tal-prattiki ta' ġestjoni u ta' produzzjoni, kif ukoll l-impatt ambjentali u tas-saħħa tagħhom, huma ta' importanza konsiderevoli;

AP.  billi t-trobbija ta' speċijiet nattivi jew endemiċi għandhom jingħataw preferenza sabiex jitnaqqas l-impatt ambjentali u l-akkwakultura ssir aktar sostenibbli;

AQ.  billi d-diffikultajiet fl-aċċess għall-kreditu u d-dewmien konsiderevoli bejn l-investiment u l-ewwel bejgħ (b'mod ġenerali tliet snin jew aktar) huma fir-riskju li jiskoraġġixxu lill-investituri;

AR.  billi l-kundizzjonijiet tal-prefinanzjament li joffru l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji kulma jmur huma aktar stretti;

AS.  billi l-proċeduri, li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet mhumiex ċari biżżejjed għall-utenti, u l-għadd kbir ta' dokumenti li jridu jiġu ppreżentati sabiex jinkiseb finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) iservu biex jiskoraġġixxu lill-applikant; billi l-madwar EUR 1 280 miljun disponibbli għall-perjodu ta' programmazzjoni attwali (2014-2020) mhuwiex biżżejjed biex jiġi żviluppat settur tal-akkwakultura Ewropew; billi, barra minn hekk, hemm rata baxxa ħafna ta' assorbiment mill-Istati Membri;

AT.  billi l-akkwakultura sostenibbli trid tqis l-impatti potenzjali fuq l-istokkijiet ta' ħut selvaġġ u l-kwalità tal-ilma, iżda, għall-kuntrarju, teħtieġ ukoll stokkijiet ta' ħut b'saħħithom u ilma ta' kwalità eċċellenti;

AU.  billi d-data disponibbli turi distakk dejjem jikber – li hu stmat li hu ta' 8 miljun tunnellata – bejn il-livell ta' konsum ta' frott tal-baħar fl-UE u l-volum ta' qabdiet mis-sajd; billi l-akkwakultura sostenibbli, flimkien mas-sajd sostenibbli, tista' tiggarantixxi s-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni fit-tul, inklużi l-provvisti tal-ikel, kif ukoll it-tkabbir u l-impjiegi għaċ-ċittadini tal-Unjoni, u tissodisfa d-domanda dinjija dejjem tikber għall-ikel akkwatiku dment li sorsi sostenibbli tal-għalf jintużaw għall-attivitajiet tal-akkwakultura u tiġi evitata d-degradazzjoni ambjentali; billi għaldaqstant tista' tikkontribwixxi għall-għan ġenerali li timla l-lakuna bejn il-konsum u l-produzzjoni tal-frott tal-baħar fl-UE;

AV.  billi fl-akkwakultura, kilo ħut b'valur baxx jista' jiġi ttrasformat f'kilo ħut b'valur għoli (bħal fil-każ tal-kapelin għall-barbun imperjali, fejn il-valur jiżdied minn EUR 0.10 għal EUR 7 għal kull kilo);

AW.  billi ż-żgħażagħ huma anqas interessati li jaħdmu fis-settur tal-akkwakultura jew li jinvestu fih u jiżviluppawah minħabba komunikazzjoni ħażina u nuqqas ta' prospetti finanzjarji u ta' stabilità, li jagħmel dan ix-xogħol inqas attraenti għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ;

AX.  billi l-akkwakultura sostenibbli proprjetà tal-komunità u ġestita mill-komunità tista' tkun ta' benefiċċju soċjoekonomiku għar-reġjuni periferiċi kostali u tiżvolġi rwol pożittiv fl-ekonomija blu.

AY.  billi l-akkwakultura tal-ilma ħelu tammonta għal 20 % tar-rendiment tas-settur fl-Ewropa kollha, u billi l-appoġġ tal-UE għandu jirrifletti dan il-proporzjon; billi n-natura diverġenti tal-akkwakultura tal-ilma ħelu tfisser li teħtieġ regoli speċjali u kapitolu separat fil-leġiżlazzjoni dwar il-politika komuni tas-sajd tal-UE;

AZ.  billi r-riċerka u l-innovazzjoni huma kruċjali biex jinkisbu aktar sostenibilità u kompetittività għas-settur tal-akkwakultura fis-suq tal-UE;

AAB.  billi proġetti tal-akkwakultura tal-ilma ħelu jistgħu jitwettqu wkoll b'finanzjament ex post, u billi dan ta' spiss jeħtieġ sforzi sproporzjonati mingħand l-investituri, bir-riżultat li f'ħafna każijiet dawk li jrabbu l-ħut ma jkollhomx il-kuraġġ li jimbarkaw fuq proġetti; billi l-intensità tal-appoġġ f'ħafna każijiet hija inadegwata;

Nisfruttaw il-potenzjal tal-akkwakultura tal-UE

1.  Jirrikonoxxi l-effetti pożittivi li l-akkwakultura sostenibbli, inklużi kemm is-setturi marittimi kif ukoll tal-ilma ħelu, jista' jkollha fuq l-impjiegi u l-ekonomija tal-Unjoni, b'mod ġenerali, billi ttejjeb il-produttività u l-kwalità tal-għajxien fiż-żoni kostali u interni; jenfasizza l-bżonn li tingħata spinta 'l quddiem lill-iżvilupp, id-diversifikazzjoni u l-innovazzjoni tagħha, billi tippromwovi livelli ogħla ta' produzzjoni ta' ħut, krustaċji, molluski, algi u ekinodermi, mill-akkwakultura, u ttejjeb il-kompetittività ta' tali prodotti (biex ittejjeb il-produzzjoni tal-akkwakultura tal-UE b'tali mod li tilħaq mill-inqas rata ta' tkabbir tal-akkwakultura globali attwali fi żmien ħames snin u biex tinkoraġġixxi l-investiment f'tagħmir aktar effiċjenti fl-enerġija u ekonomiku), u żżid il-konsum u l-kontribut tagħhom għas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali għaċ-ċittadini tal-UE; jinsisti li dan għandu jsir filwaqt li jitħares il-funzjonament tajjeb tal-ekosistemi tal-baħar sabiex jippermetti l-prattika kontinwa ta' akkwakultura vijabbli, sajd kummerċjali, u użi sostenibbli oħra tal-ambjent tal-baħar;

2.  Jemmen li l-UE jeħtieġ li żżid il-produzzjoni fis-settur tal-akkwakultura, b'mod partikolari bl-għan li titnaqqas il-pressjoni fuq żoni tas-sajd naturali; huwa tal-fehma li l-għalf ibbażat fuq il-ħut għandu jkollu sors sostenibbli u ma għandux jipperikola l-objettivi tar-rendiment massimu sostenibbli tal-politika komuni tas-sajd u li t-tagħbijiet ta' nutrijenti għandhom jiġu kkontrollati; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn ir-riċerkaturi, l-industrija tal-akkwakultura, il-produtturi tal-għalf, u l-organizzazzjonijiet u l-amministrazzjonijiet ambjentali; jenfasizza li l-akkwakultura tal-UE għandha tqis il-kwalità, is-sostenibilità, is-sikurezza tal-ikel, l-aspetti ambjentali, u s-saħħa tal-annimali u tal-bniedem, u għandha tkun mudell f'dan ir-rigward; jinnota b'mod pożittiv l-inizjattivi ġodda fl-akkwakultura bbażata fuq l-art, speċjalment f'ibħra sensittivi u f'żoni tal-UE b'ibħra magħluqa u jemmen li huma meħtieġa miżuri aktar b'saħħithom biex l-akkwakultura tkun settur aktar effiċjenti, ekonomikament vijabbli, soċjalment responsabbli u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, filwaqt li jissodisfa sehem akbar tad-domanda Ewropea għall-ħut u jnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet;

3.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE" u l-identifikazzjoni tagħha ta' oqsma li fihom l-isforzi jeħtieġ li jkunu ffokati sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-akkwakultura tal-UE sabiex din, flimkien mas-sajd sostenibbli, tkun tista' tikkontribwixxi lejn l-għan li timla l-lakuna bejn il-konsum u l-produzzjoni tal-frott tal-baħar fl-UE b'mod li jkun ambjentalment, soċjalment u ekonomikament sostenibbli;

4.  Jenfasizza li l-akkwakultura tal-ilma ħelu għadha opportunità mhux esplorata biżżejjed għat-titjib fis-sikurezza tal-ikel u l-iżvilupp ta' żoni rurali.

5.  Jenfasizza li t-tkabbir sostenibbli jeħtieġ li jkun imsejjes fuq: il-prevedibilità tal-investiment kummerċjali u ċ-ċertezza legali, li jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta' oqfsa amministrattivi aktar effiċjenti, titjib fit-trasparenza tal-governanza, kriterji ċari u omoġeni u simplifikati għall-għoti tal-liċenzji madwar l-UE, proċeduri komuni tal-ġestjoni tal-mard u aċċess għat-trattamenti veterinarji xierqa li ma jkunux dannużi għas-saħħa tal-annimali u tal-bnedmin, ippjanar spazjali effikaċi, id-disponibilità ta' dokumenti ta' gwida, l-iskambju tal-aħjar prattiki, l-appoġġ tal-Kunsill Konsultattiv għall-Akkwakultura, u appoġġ finanzjarju adegwat; jirrimarka li dawn il-fatturi kollha jistgħu jikkontribwixxu għal tkabbir sostenibbli;

6.  Japprezza l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-opinjoni xjentifika dwar "Ikel mill-Oċeani" ta' Novembru 2017 rigward l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika marittima, tas-sajd u tal-akkwakultura fis-snin li ġejjin biex tiżdied il-kwantità ta' ikel sostenibbli mill-oċeani;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-industrija fl-isforzi tagħha biex tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-istokkijiet ta' ħut selvaġġ għall-produzzjoni tal-għalf tal-ħut, inkluż permezz ta' użu akbar tal-algi tal-baħar u algi oħrajn;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iżvilupp ulterjuri tas-settur emerġenti tal-akkwakultura tal-algi;

9.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-akkwakultura biex tikkontribwixxi għas-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni għaċ-ċittadini tal-UE, u l-ħtieġa ta' dieti sostenibbli u tajbin għas-saħħa, sistemi alimentari intelliġenti mil-lat klimatiku, li ma jagħmlux ħsara lill-benesseri tal-annimali u sostenibbli mil-lat ambjentali, u ċ-ċirkolarità u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi tas-sistemi alimentari, li jħeġġu l-innovazzjoni u jsaħħu l-pożizzjoni tal-komunitajiet;

10.  Itenni li l-iżvilupp tal-akkwakultura Ewropea irid ikun marbut mal-ħtieġa bażika u vitali tal-produzzjoni awtosuffiċjenti, sikura, nutrizzjonali u sostenibbli tal-ikel, u jrid jingħata pożizzjoni aktar prijoritarja fuq l-aġenda globali tal-UE;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu fir-riċerka, fi studji u fi proġetti pilota għal prattiki tal-akkwakultura innovattivi, orjentati lejn il-futur u ambjentalment responsabbli, fosthom Sistemi ta' Akkwakultura Multitrofika Integrata (IMTA), l-Akkwaponika, u Sistemi ta' Riċirkolazzjoni fl-Akkwakultura (RAS), li jnaqqsu l-impatt tal-farms tal-akkwakultura fuq il-ħabitats, il-popolazzjonijiet tal-annimali selvaġġi u l-kwalità tal-ilma, u għaldaqstant jikkontribwixxu għal approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel analiżi bir-reqqa u tiżgura segwitu xieraq ta' kull waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Konsulenti Xjentifiċi;

13.  Jenfasizza li kwalunkwe politika tal-akkwakultura Ewropea sostenibbli trid tqis il-karatteristiċi u l-bżonnijiet u l-isfidi differenti tad-diversi tipi ta' produzzjoni tal-akkwakultura u tiżviluppa miżuri mfassla apposta li jqisu wkoll id-differenzi ġeografiċi u l-effetti potenzjali tat-tibdil fil-klima; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni, biex fil-politika komuni tas-sajd wara l-2020, tistabbilixxi regoli individwali mfassla skont il-karatteristiċi ta' kull subsettur;

14.  Jirrileva l-potenzjal tal-akkwakultura tal-ilma ħelu kif ukoll tal-akkwakultura kontinentali b'ilmijiet magħluqa, l-akkwakultura multitrofika integrata u s-sistemi ta' riċirkolazzjoni u l-akkwaponika f'żoni urbani; jenfasizza li l-akkwakultura tal-ilma ħelu hija opportunità li għadha ma ġietx esplorata biżżejjed għat-titjib tas-sigurtà alimentari u taż-żoni rurali li qed jiżviluppaw iżda li taqdi rwol soċjali importanti billi tipprovdi impjieg rurali fl-ifqar żoni, kif ukoll taqdi rwol ambjentali fiż-żamma ta' artijiet mistagħdra ta' valur u fil-provvista ta' firxa wiesgħa ta' servizzi tal-ekosistema, li jmorru ferm lil hinn mill-valur ekonomiku tagħha.

15.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu mnedija strumenti ta' koordinazzjoni, gruppi ta' studju u attivitajiet tal-UE, bil-ħsieb li jiġu ddeterminati l-każijiet meta l-produzzjoni tal-molluski tkun ippreġudikata b'mod sinifikanti mill-azzjoni predatorja tal-awrata (Sparus aurata), u biex jitfittxew soluzzjonijiet sostenibbli u favur l-ambjent;

16.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-akkwakultura u tal-ipproċessar komplementari u l-esportazzjoni ta' prodotti tal-ħut bħala industrija indiġena għall-benefiċċji ekonomiċi u tal-impjieg, speċjalment għaż-żoni rurali kostali u l-komunitajiet tal-gżejjer;

17.  Jissottolinja kemm huwa importanti li d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD) u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD) għandhom jipprovdu protezzjoni għall-produzzjoni tal-molluski, kif stabbilit fid-"Direttiva dwar il-Molluski" li ġiet imħassra;

18.  Jirrimarka li, f'ambjent li fih għandhom jiġu prodotti makroalgi jew molluski bivalvi, it-tnaqqis tal-kontributi ta' nutrijenti sabiex jinkiseb status ambjentali tajjeb għandu jqis il-kapaċità tat-tnaqqis naturali tal-organiżmi li jkunu qed jiġu mrobbija jew ikkultivati;

Simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi

19.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp tal-akkwakultura Ewropea, inkluż fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi pluriennali żviluppati mill-Istati Membri;

20.  Jenfasizza li t-tkabbir sostenibbli tal-akkwakultura jeħtieġ li jkun ibbażat fuq il-prevedibilità tal-investiment kummerċjali u ċ-ċertezza legali, li b'mod partikolari jirrikjedu:

  a)  is-simplifikazzjoni u l-aċċelerazzjoni tal-proċeduri amministrattivi – inqas burokrazija – fil-livell tal-UE, dak nazzjonali u dak reġjonali, waqt li jsir l-akbar użu possibbli tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-ambjent marittimu ma jiġix degradat aktar.

  b)  trasparenza mtejba u ppjanar xieraq;

c)  koordinazzjoni aħjar rigward kompetenzi kondiviżi tal-UE, l-Istati Membri u, fejn xieraq, l-awtoritajiet reġjonali u lokali;

d)  proċeduri ta' liċenzjar rapidi, ċari u trasparenti, flimkien ma' skedi ta' żmien limitati għall-ftehim, biex l-investituri ma jiġux skoraġġiti;

  e)  monitoraġġ mill-qrib mill-Kummissjoni tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali pluriennali tal-Istati Membri;

f)  il-linji gwida tal-Kummissjoni għall-pjanijiet strateġiċi nazzjonali għal applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-UE (speċjalment ambjentali u għall-protezzjoni tas-saħħa u jiġi żgurat li la l-ekosistemi u lanqas l-attivitajiet tas-sajd ma ssirilhom ħsara);

g)  qafas legali koordinat bejn ir-reġjuni differenti u l-Istati Membri li jikkondividu l-istess ilmijiet sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u politiki ambjentali effiċjenti;

h)  kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti (nazzjonali, iżda wkoll lokali u reġjonali) fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE (prinċipalment dik sanitarja u ambjentali) kif ukoll l-appoġġ tal-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew reġjonali meta jkun meħtieġ;

  i)  mekkaniżmi għall-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, permezz ta' metodu miftuħ ta' koordinazzjoni tal-miżuri nazzjonali dwar is-sigurtà tan-negozju, l-aċċess għall-ilmijiet u l-ispazju tal-Unjoni, u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' liċenzjar;

  j)  appoġġ finanzjarju pubbliku adegwat fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali għall-produzzjoni tal-akkwakultura sostenibbli u responsabbli, l-innovazzjoni u l-iżvilupp;

  k)  inkorporazzjoni aħjar tal-perspettiva tas-sajd u tal-akkwakultura fil-ftehimiet kummerċjali tal-Unjoni;

21.  Jissuġġerixxi, fir-rigward tas-sistema amministrattiva, il-ħolqien, mill-aktar fis possibbli, ta' "punt uniku ta' servizz" li jassumi u jeżerċita r-responsabilitajiet kollha, li jagħmilha possibbli li d-dokumenti rilevanti jitressqu quddiem korp amministrattiv wieħed; jemmen li dan għadu jtejjeb ir-relazzjoni bejn l-utent finali u l-livelli differenti tal-amministrazzjoni pubblika;

22.  Jissuġġerixxi l-istabbiliment ta' sistema ta' liċenzjar simplifikata jew "rapida", li permezz tagħha l-amministrazzjoni kompetenti toħroġ ċertifikat proviżorju li jippermetti lil dawk l-operaturi li jissodisfaw ċerti kriterji predefiniti li jibdew l-attivitajiet tagħhom; jirrimarka li dawn il-kriterji jistgħu jiġu bbażati fuq il-passat tal-applikanti jew fuq il-fatt li dawn ikunu ppreżentaw proġett tal-akkwakultura li jkun pijunier mil-lat tal-innovazzjoni u/jew is-sostenibilità, jew fuq l-istabbiliment ta' żoni ta' servitù riżervati għall-akkwakultura fejn użi inkompatibbli mal-akkwakultura jiġu definiti bil-quddiem;

L-ekwità f'interazzjoni ma' setturi oħra

23.  Jissottolinja li l-ippjanar spazjali xieraq għandu jqis is-setturi kollha (approċċ olistiku), il-kwistjonijiet ta' sostenibilità u ta' sigurtà tal-ikel, mingħajr ma jiffavorixxi setturi ekonomiċi b'saħħithom għad-detriment tal-akkwakultura; jenfasizza li l-ippjanar spazjali ma għandux neċessarjament jinvolvi s-segregazzjoni tal-attivitajiet f'ċerti żoni, iżda pjuttost il-kompatibilità ekwilibrata bejniethom, u li dan jista' potenzjalment iġib benefiċċji għal kulħadd;

24.  Jissuġġerixxi l-appoġġ ta' rwol aktar attiv u importanti u l-implikazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-akkwakultura u l-gruppi ta' azzjoni lokali tas-sajd (FLAGs) fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, permezz tar-reġjonalizzazzjoni, sabiex jiġi żgurat l-aħjar approċċ għal kull reġjun speċifiku;

25.  Jirrimarka li jridu jitqiesu sewwa l-interessi tas-settur tal-akkwakultura u li dan is-settur irid jiġi ttrattat b'mod ġust meta jinteraġixxi ma' setturi oħra, pereżempju fl-ippjanar spazjali;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu mapep ta' ppjanar spazjali sabiex jiġu identifikati żoni possibbli fejn l-akkwakultura u attivitajiet oħra jistgħu jikkoeżistu;

27.  Jirrimarka li l-ippjanar spazjali u l-kundizzjonijiet tal-liċenzjar huma l-aktar raġuni probabbli għalfejn setturi oħra importanti jew b'saħħithom ma jridux jikkondividu l-ispazju;

28.  Jirrimarka li, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fl-aċċess għar-riżorsi tal-baħar, studji dwar l-impatt soċjoekonomiku u ambjentali rikjesti għall-akkwakultura għandhom ukoll jaffettwaw lis-setturi kollha li jikkompetu magħha, bħalma huma, it-turiżmu jew l-estrazzjoni ta' materja prima;

29.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet nazzjonali jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilmijiet u r-riġenerazzjoni u t-tindif taż-żoni kkontaminati;

30.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni, fuq bażi ugwali, mal-partijiet ikkonċernati kollha;

Nadattaw il-leġiżlazzjoni għall-ħtiġijiet tal-akkwakultura

31.  Jenfasizza li s-sostenibilità ambjentali trid timxi id f'id mas-sostenibilità soċjali u ekonomika (is-sostenibilità għandha tliet pilastri), u li għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-kontribut attwali u potenzjali tal-akkwakultura għas-sigurtà tal-ikel fl-Unjoni;

32.  Jilqa' l-aħjar prattiki tal-industrija u l-eżempji ta' kooperazzjoni tajba abbażi ta' ftehimiet volontarji u ftehimiet oħra bejn il-konservazzjonisti u l-industrija, inkluż fiż-żoni Natura 2000; jilqa' l-ħafna eżempji ta' kontributi mill-akkwakultura għaż-żamma tal-kwalità tajba tal-ilma; jirrikonoxxi s-servizzi tal-ekosistemi akkwatiċi mwassla mill-industrija u jitlob inċentivi biex jissaħħu; jenfasizza li l-introduzzjoni ta' kumplikazzjonijiet legali ulterjuri li jaffetwaw lill-akkwakultura mhijiex mixtieqa mill-perspettiva tas-sostenibilità u tal-iżvilupp soċjoekonomiku;

33.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tkun adattata aħjar għar-realtajiet tal-akkwakultura, l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd u b'mod koerenti, inter alia, mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, f'konformità mal-għan li jinkiseb status ambjentali tajjeb għall-ibħra kollha sal-2020 u b'kont meħud tal-importanza tal-impjieg taż-żgħażagħ u tan-nisa fis-settur;

34.  Jenfasizza li, meta l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE tkun problematika jew inkonsistenti, għandhom jinħarġu linji gwida dwar l-interpretazzjoni u l-aħjar prattiki tagħha;

35.  Itenni li s-settur għandu jkun involut aktar mill-qrib fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-kontribut limitat tal-produzzjoni tal-akkwakultura lejn id-domanda domestika għall-ħut, stmata li hi ta' 10 %, u treġġa' lura l-fatt li aktar minn nofs id-domanda tal-Unjoni għall-ħut ġejja minn prodotti importati;

Insaħħu l-kompetittività tal-akkwakultura fl-UE fi ħdan u lil hinn mill-fruntieri tagħna

37.  Jitlob li jkun hemm rekwiżit li l-prodotti importati tal-akkwakultura jissodisfaw l-istess standards ambjentali, tas-sikurezza tal-ikel u soċjali tax-xogħol u li l-operaturi tal-UE jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jiddeplora l-fatt li għad ma hemmx kundizzjonijiet ekwi f'dan il-qasam, u li d-distorsjonijiet perikolużi tal-kompetizzjoni huma problema serja għall-operaturi tal-UE;

38.  Jirrileva s-sitwazzjoni attwali tal-pixxikulturi tal-għadajjar Ewropej, billi dawn qed jitħabtu ma' telf sostanzjali li jaffettwa l-istokk kollu tagħhom minħabba predaturi bħal-lontri, l-agretti u l-marguni; jenfasizza li dawn il-predaturi joqtlu wkoll iż-żgħar tal-pike-perch u tal-karpjun, u b'riżultat jillimitaw b'mod sinifikanti t-trobbija u r-riproduzzjoni tal-ħut tal-ilma ħelu; jistieden għalhekk lill-Istati Membri japplikaw id-derogi eżistenti fil-każ tal-agretti u l-marguni u jitlob lill-Kummissjoni tagħmel rieżami dwar l-istatus ta' konservazzjoni tal-lontra u fejn ikun hemm bżonn tippermetti li dawk il-predaturi jitneħħew u jiġu kkontrollati;

39.  Jitlob aktar kontrolli tal-oriġini fil-fruntiera li jkunu aħjar għall-prodotti importati u, fil-livell intern, miżuri biex jiġu miġġielda l-prattiki illegali jew "moħbijin" tal-akkwakultura li jaffettwaw l-iżvilupp intern tas-settur;

40.  Jindika li l-UE għandha tesporta l-istandards u l-għarfien espert tagħha fir-rigward tas-sostenibilità; jemmen li dan huwa partikolarment rilevanti fil-każ ta' reġjuni ġirien li jipproduċu speċijiet simili għal dawk prodotti fl-UE u speċjalment għal pajjiżi terzi li jikkondividu l-istess ilmijiet bħall-UE;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li, taħt il-ftehimiet kummerċjali ma' sħab terzi, l-aċċess preferenzjali għas-suq ikun kundizzjonali għar-rispett tal-istandards ta' sostenibilità u tal-benesseri tal-annimali li jkunu ekwivalenti għal dawk applikabbli fl-UE;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tisponsorja, bħala parti mill-politika tal-UE ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, miżuri ta' appoġġ u ta' taħriġ maħsuba biex jgħinu l-promozzjoni tal-akkwakultura sostenibbli u biex jorjentaw il-kuxjenza tal-produtturi tal-akkwakultura f'dawk il-pajjiżi lejn politika dwar il-kwalità u standards ogħla ta' produzzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-istandards ambjentali, soċjali u tal-iġjene;

43.  Iħeġġeġ li jittieħdu passi biex l-investiment tal-UE fi proġetti tal-akkwakultura f'pajjiżi terzi jiġi inkoraġġit;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżgura li r-regoli tal-importazzjoni tal-UE jiġu rispettati, inkluż fir-rigward tal-proċeduri tat-trobbija li jikkonformaw mal-istandards ambjentali, soċjali u tal-iġjene, fil-pajjiżi terzi li jesportaw, biex ikunu jistgħu jiġu implimentati kundizzjonijiet ekwi fil-livell internazzjonali; iqis, fl-istess ħin, li r-riżultati tal-monitoraġġ ta' proċessi tal-akkwakultura f'pajjiżi terzi għandu jkollhom influwenza deċiżiva fuq it-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet ta' esportazzjoni tal-prodotti lejn l-UE;

45.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-effetti tal-Brexit fuq il-qasam tal-akkwakultura;

Intejbu l-informazzjoni għall-konsumatur

46.  Jinsisti fuq implimentazzjoni sħiħa u kompluta tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tikkettar u l-informazzjoni għall-konsumaturi, kemm fis-swieq tal-ħut kif ukoll fis-settur tal-lukandi, ristoranti u catering (HORECA); jemmen li dan huwa importanti għall-prodotti kollha tas-sajd (u mhux biss il-prodotti tal-akkwakultura), kemm dawk importati kif ukoll prodotti fl-UE; iqis li r-Regolament ta' Kontroll għandu jiġu adattat u rinforzat għal dan il-għan;

Niżguraw il-Benesseri tal-Annimali

47.  Jitlob li jkun hemm l-istabbiliment ta' tikketta speċifika għar-rikonoxximent ta' prodotti minn akkwakultura sostenibbli tal-UE u jenfasizza l-ħtieġa għal trasparenza għall-konsumaturi anki b'rabta mal-prodotti tal-akkwakultura importati minn pajjiżi terzi, billi tissaħħaħ it-traċċabilità;

48.  Huwa tal-fehma li l-istrateġija dwar il-qtil għandha tinkludi proposti li jiżguraw il-proċessi għall-iżvilupp ta' parametri effikaċi għal metodi ta' qtil aktar umani tal-ħut, f'konformità mal-Linji Gwida tal-OIE u tal-EFSA, u li jiġi żgurat li t-tagħmir użat għall-qtil tal-ħut jaħdem f'konformità ma' dawk il-parametri, u li qtil uman effikaċi tal-ħut imrobbi jiġi implimentat, ivvalutat, evalwat u ċċertifikat fl-UE kollha.

Id-disponibilità ta' prodotti veterinarji

49.  Jirrimarka li l-leġiżlazzjoni veterinarja tal-UE trid tkun adattata aħjar għar-realtajiet u l-ħtiġijiet tal-akkwakultura, filwaqt li tqis l-ispeċijiet differenti u d-differenzi operattivi;

50.  Jenfasizza li huwa meħtieġ suq komuni ġenwin tal-UE għat-tilqim u għal prodotti veterinarji oħra li jipproteġi s-saħħa tal-annimali u tal-bnedmin, speċjalment għal speċijiet "minuri";

51.  Josserva li, sfortunatament, l-ispejjeż relattivament ogħla tad-dijanjożi, tal-alternattivi għall-antimikrobiċi u tat-tilqim, meta mqabbla mal-antibijotiċi użati komunement, huma ostakolu għal użu akbar u rata ogħla ta' tilqim, kif mixtieq mill-pjan ta' azzjoni(18); jilqa' l-fatt li, fil-pjan ta' azzjoni, il-Kummissjoni tħabbar inċentivi biex jiżdied l-użu tad-dijanjostika, l-alternattivi għall-antimikrobiċi u t-tilqim(19);

52.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-obbligu li tingħata informazzjoni dwar l-użu ta' tilqim u antibijotiċi fl-akkwakultura fid-dawl ta' riskji possibbli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ekosistema;

53.  Jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ifasslu inċentivi u miżuri prattiċi, inkluż implimentazzjoni mtejba tad-Direttiva 2006/88/KE jew, jekk meħtieġ, emendi għaliha, biex jiġi promoss approċċ ta' katina integrata għar-RAM u jiżdied l-użu ta' alternattivi għall-antimikrobiċi, dijanjostiċi u tilqim fl-akkwakultura u b'hekk jiġu promossi il-prevenzjoni, il-kontroll u l-qirda tal-mard u tar-reżistenza għall-antibijotiċi fl-annimali akkwatiċi b'mod kosteffikaċi u jiġu massimizzati s-sopravvivenza, it-tkabbir u l-effiċjenza tal-produzzjoni tal-annimali akkwatiċi;

54.  Jissottolinja l-ħtieġa li niffavorixxu r-riċerka xjentifika, fi programmi Ewropej u nazzjonali, dwar is-saħħa tal-ħut u tal-frott tal-baħar bil-qoxra u l-iżvilupp ta' prodotti veterinarji ġodda għall-ispeċijiet akkwatiċi;

55.  Jinnota, f'dan ir-rigward, li r-reżistenza għall-antibijotiċi hija problema serja fil-mediċina tal-bnedmin u tal-annimali, u jistieden lill-Kummissjoni tillimita l-użu tal-antibijotiċi għal sitwazzjonijiet fejn ikun hemm riskju ta' epiżootija fl-istabbiliment tal-akkwakultura u mhux sempliċiment bħala miżura preventiva u li jiġi vvalutat l-impatt tagħhom fuq ir-riskju tat-trasferiment tar-reżistenza lill-konsumaturi;

Kampanji ta' promozzjoni u komunikazzjoni aħjar

56.  Jirrimarka li kampanji promozzjonali u ta' komunikazzjoni aħjar fil-livell tal-UE dwar il-benefiċċji tal-akkwakultura u tal-konsum tal-ħut huma meħtieġa;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ kampanji ġeneriċi tal-UE li jkunu sodi u dejjiema u li jispjegaw il-merti tas-sostenibilità tal-prodotti tal-akkwakultura tal-UE, li jiffokaw fuq il-livell għoli tal-kwalità tagħhom u fuq l-istandards tal-benesseri tal-annimali u ambjentali tagħhom meta jitqabblu ma' dawk importati minn pajjiżi terzi, bħal fil-każ tat-tikketta "Farmed in the EU";

58.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mħeġġa u ffinanzjati kampanji promozzjonali għal skemi ta' kwalità reġjonali, koperti mir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, bħalma huma d-denominazzjonijiet ta' oriġini protetta; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tibda kampanja informattiva għall-konsumaturi u n-negozji fl-UE kollha dwar l-akkwakultura b'mod ġenerali, u b'mod partikolari dwar id-differenzi bejn l-istandards stretti u komprensivi fis-suq Ewropew u l-istandards ta' livell aktar baxx applikabbli għal prodotti importati minn pajjiżi terzi, b'enfasi partikolari fuq il-problemi kkawżati għas-sikurezza tal-ikel u s-saħħa pubblika bl-introduzzjoni ta' mikroorganiżmi partikolarment reżistenti u r-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) fl-Unjoni; jenfasizza l-valur tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benesseri tal-ħut waqt it-trobbija, it-trasport u l-qtil biex jintlaħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi u r-reklamar ta' prodotti ta' kwalità garantita mill-istandards tal-UE meta mqabbla mal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni twarrab ammont xieraq tal-baġit promozzjonali tal-UE għall-promozzjoni tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura; jemmen li kampanja ta' kummerċjalizzazzjoni fuq firxa wiesgħa bbażata fuq prinċipji komuni u li tkopri lill-Istati Membri kollha, stabbilita bħala miżura ta' appoġġ kollettiv b'intensità tal-appoġġ ta' 80-100 %, għandha tinbeda sabiex jiżdiedu l-għarfien u l-aċċettazzjoni tal-prodotti tal-akkwakultura tal-UE;.

60.  Jappoġġja l-FLAGs tal-akkwakultura tan-netwerk FARNET fil-promozzjoni tal-attivitajiet tagħhom fil-livelli lokali, nazzjonali u Ewropej;

Nappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni

61.  Jirrimarka li l-FEMS, li jalloka EUR 1.2 biljun għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE, u sorsi oħra ta' finanzjament, bħal Orizzont 2020, jipprovdu opportunità għall-innovazzjoni;

62.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza tal-FLAGs, li qed jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-sajd u tal-akkwakultura f'żoni partikolari permezz tat-tisħiħ tar-riżorsi tas-sajd lokali u l-inkoraġġiment tal-innovazzjoni u d-diversifikazzjoni fis-sajd u l-akkwakultura;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa r-riċerka dwar l-Ostreid herpesvirus u l-ġlieda kontrih;

64.  Huwa mħasseb dwar l-impatt ta' ċerti speċijiet aljeni invażivi fuq l-akkwakultura Ewropea; jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni bbażata fuq ix-xjenza, effettiva u proporzjonata tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi sabiex jiġu protetti kemm is-settur tal-akkwakultura Ewropea kif ukoll l-ispeċijiet indiġeni u l-ekosistemi Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni bil-ħsieb li jiġu miġġielda l-aktar speċijiet aljeni invażivi problematiċi;

65.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-ġlieda kontra t-taqqab tal-gajdra Ġappuniż;

66.  Jenfasizza li l-Orizzont 2020 u l-Programm Qafas 9 (FP9) għandhom ikomplu jappoġġaw l-attivitajiet tar-riċerka fl-akkwakultura li jtejbu l-kompetittività tas-settur u jindirizzaw il-kwistjonijiet enfasizzati fil-konferenza tal-Kummissjoni tal-2016, "FOOD 2030", u fl-opinjoni tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Konsulenti Xjentifiċi, "Ikel mill-Oċeani";

67.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni (EATiP) u mal-Kunsill Konsultattiv tal-Akkwakultura dwar suġġetti ta' prijorità għall-inklużjoni fil-pjanijiet strateġiċi nazzjonali;

68.  Iħeġġeġ li jsiru investimenti fir-riċerka, l-istudji u l-proġetti pilota dwar prattiki tal-akkwakultura bbażati fuq l-ekosistema, b'mod partikolari għar-reġjuni ultraperiferiċi u dawk bi żvantaġġi demografiċi;

69.  Jirrimarka li għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-komunità xjentifika, minn naħa waħda, u l-produtturi tal-akkwakultura u partijiet ikkonċernati oħra upstream u downstream mill-produtturi min-naħa l-oħra;

70.  Jitlob li, fuq il-bażi tal-aħjar rakkomandazzjonijiet xjentifiċi, jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE protokolli standard għall-ġbir ta' data bil-għan li jimmonitorjaw u jtejbu l-ġestjoni tal-akkwakultura u l-prattiki ta' produzzjoni u l-impatt soċjali, ekonomiku, ambjentali, u fuq is-saħħa ta' tali prattiki, kemm għall-farms tal-ħut tal-baħar kif ukoll tal-ilma ħelu;

71.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu teknoloġiji innovattivi u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent fl-akkwakultura, bħall-akkwaponika, sabiex jipproduċu l-ikel b'mod sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u biex jiġu evitati impatti negattivi fuq l-ambjent;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-esplorazzjoni ta' opportunitajiet biex tkompli tiġi żviluppata l-akkwakultura tal-algi, settur b'valur ekoloġiku u ekonomiku, b'kunsiderazzjoni xierqa għas-sostenibilità soċjali u ambjentali;

Inħeġġu t-taħriġ u l-impjiegi

73.  Jistieden lill-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni meta dan ikun benefiku, jiggarantixxu taħriġ vokazzjonali xieraq fil-qasam tal-akkwakultura u jieħu nota tal-possibilità ta' taħriġ mill-ġdid tas-sajjieda professjonali f'metodi alternattivi ta' ġestjoni tal-ambjenti akkwatiċi, biex b'hekk jgħinu wkoll fil-ħolqien tal-impjiegi għan-nisa u ż-żgħażagħ fiż-żoni rurali u kostali u fir-reġjuni ultraperiferiċi, fil-gżejjer, u, b'mod ġenerali, f'reġjuni li jiddependu ħafna fuq is-sajd u l-attivitajiet tal-akkwakultura;

Inżidu s-sostenibilità tas-settur tal-akkwakultura tal-UE

74.  Jenfasizza r-rwol importanti tan-nisa fis-settur tal-akkwakultura u l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni tiġi adattata għal din ir-realtà, u l-ħtieġa li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-attivitajiet l-oħra marbuta mal-akkwakultura stess, bħal dawk żviluppati, fost affarijiet oħra, min-nissieġa tax-xbieki tas-sajd jew minn min jippakkja;

75.  Jinnota li sistemi innovattivi mmirati lejn it-trobbija tal-ħut kemm jista' jkun mill-qrib tal-ekosistema u bl-użu tal-għalf naturali s'issa għad ma kellhomx preżenza suffiċjenti fis-suq Ewropew; jitlob li jittejbu l-kundizzjonijiet ta' qafas għal dawn is-sistemi;

76.  Jemmen li hemm bżonn isiru investimenti sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal u tiġi żgurata s-sostenibilità tas-settur tal-akkwakultura, kif ukoll għall-ħarsien tal-ambjent u l-provvista ta' beni pubbliċi, u jitlob, għaldaqstant, żieda fil-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni u għal proġetti ta' produzzjoni sostenibbli u orjentati lejn il-kwalità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jissimplifikaw u jnaqqsu l-piż burokratiku fuq is-settur tal-akkwakultura, inklużi l-pixxikulturi tal-għadajjar;

77.  Jenfasizza li t-tħeġġiġ tal-kooperazzjoni bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-akkwakultura u programmi universitarji speċifiċi se jġibu ideat ġodda u jistimolaw l-interess f'dan is-settur ekonomiku;

Niżguraw finanzjament adegwat permezz tal-FEMS u fondi strutturali oħra

78.  Jilqa' l-promozzjoni ta' akkwakultura sostenibbli u kompetittiva bħala waħda mill-prijoritajiet tal-FEMS; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, li, skont il-konklużjonijiet tal-istudju li ġie ppubblikat fl-2014 mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-predeċessur tiegħu, il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES), ma appoġġax l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura b'mod effettiv; jinnota li fil-livell Ewropew, il-miżuri ta' appoġġ kienu meqjusa li ma tfasslux tajjeb u lanqas ma ġew sorveljati kif jixraq, u li ma pprovdewx qafas ċar biżżejjed għall-iżvilupp tal-akkwakultura; jinnota wkoll li, fil-livell nazzjonali, il-miżuri ta' appoġġ la tfasslu b'mod korrett u lanqas ma ġew applikati kif suppost, u li l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali u l-programmi operattivi tagħhom ma pprovdewx bażi ċara biżżejjed għall-promozzjoni tal-akkwakultura, u li s-sitwazzjoni ma kinitx tjiebet bl-appoġġ tal-FEMS;

79.  Jirrimarka li l-edukazzjoni u l-komunikazzjoni tajba se jattiraw liż-żgħażagħ lejn dan is-settur, jiżguraw il-futur u l-kompetittività tiegħu, u jwasslu għal teknoloġija ġdida u innovazzjoni fl-iżvilupp tiegħu;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill iżidu l-intensità tal-appoġġ għall-appoġġ għal investiment fl-akkwakultura tal-ilma ħelu għal 75 % fil-politika tas-sajd ta' wara l-2020 sabiex tingħata spinta lir-rieda għall-investiment u biex tiġi pprovduta l-għajnuna tant meħtieġa lil dawk li jrabbu l-ħut; jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tħejji, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, skema ta' appoġġ tar-rata ta' finanzjament għall-investimenti fl-akkwakultura u l-assi likwidi fuq livell tal-UE;

81.  Jipproponi wkoll iż-żieda tal-appoġġ tal-UE fil-futur għal-Innovazzjoni tar-Riċerka u l-Iżvilupp marbuta mal-akkwakultura, b'mod partikolari fir-rigward ta' oqsma li jaffettwaw is-sostenibilità ekonomika u l-kompetittività internazzjonali bħalma huma l-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi, l-iżvilupp ta' materjali bijoloġiċi għall-finanzjament, it-tnaqqis tal-piż fuq l-ambjent, il-provvediment ta' servizzi ambjentali ta' livell ogħla, eċċ.

82.  Jinnota li, minħabba d-dewmien fl-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEMS u l-approvazzjoni tal-programmi operattivi tal-Istati Membri, l-operaturi fil-fatt ma setgħux jibdew jibbenefikaw mill-fondi tal-FEMS qabel tmiem l-2016, u dan ifisser dewmien ta' kważi tliet snin;

83.  Jitlob simplifikazzjoni tal-proċedura u tad-dokumenti li jridu jiġu ppreżentati sabiex jinkiseb finanzjament mill-FEMS;

84.  Jitlob li l-iskemi kollha li jipprevjenu l-promozzjoni tal-akkwakultura, inkluż permezz ta' strumenti finanzjarji oħra tal-UE (bħal pereżempju l-FEŻR), jiġu rieżaminati b'mod orjentat lejn is-sussidju;

85.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforzi ulterjuri u tipprovdi għajnuna addizzjonali meħtieġa biex tippermetti lill-utenti tal-FEMS jiksbu aċċess għall-finanzjament;

86.  Jenfasizza li huwa meħtieġ appoġġ aktar qawwi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u dawk interprofessjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru pilastri tal-OKS;

Simbjożi armonjuża mas-sajd

87.  Jirrimarka li m'għandux ikun hemm antagoniżmu bejn is-sajd u l-akkwakultura u li ż-żewġ setturi jistgħu jkunu perfettament kompatibbli u komplementari, b'mod speċjali fir-reġjuni kostali jew il-gżejjer li huma dipendenti ħafna fuq dawk l-attivitajiet u li fihom jiġi pprattikat is-sajd artiġjanali; jappella, għalhekk, għal installazzjonijiet offshore tal-akkwakultura li għandhom jiġu żviluppati aktar;

88.  Jenfasizza li l-akkwakultura tal-baħar hija kompatibbli u komplementari mas-sajd kostali fir-reġjuni ultraperiferiċi, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp ta' tekniki tat-trobbija u tal-għażla tal-varjetajiet fl-ilmijiet sħan taż-żoni tropikali jew subtropikali; jistieden lill-Kummissjoni tirrileva r-rwol moqdi min-nisa fis-sajd kostali mhux industrijali u fl-attivitajiet assoċjati kollha;

89.  Jistieden lill-Kummissjoni talloka aktar finanzjament għal metodi ta' produzzjoni tal-akkwakultura ambjentalment responsabbli bħal sistemi tal-akkwakultura tal-baħar ta' konteniment magħluq (CCS) u sistemi ta' ċirkolazzjoni mill-ġdid ibbażati fuq l-art (RASs) sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv tal-akkwakultura fuq il-ħabitats, il-popolazzjonijiet tal-ħut selvaġġ u tal-kwalità tal-ilma;

90.  Itenni l-fehmiet li diġà esprima fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-adozzjoni ta' Pjan Ewropew ta' Kontroll tal-Istokkijiet tal-Marguni, u jindika li t-tnaqqis fil-ħsarat ikkawżati mill-marguni u minn tajr ieħor tal-priża lill-azjendi tal-akkwakultura huwa fattur importanti għall-ispejjeż tal-produzzjoni u għaldaqstant għas-sopravvivenza u l-kompetittività tagħhom; jistieden lill-Istati Membri japplikaw l-eċċezzjonijiet attwali fil-każ tar-russetti u l-marguni u lill-Kummissjoni biex jirrieżaminaw l-istat ta' konservazzjoni tal-lontra;

91.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, tieħu azzjoni biex jitnaqqsu b'mod drastiku l-istokkijiet tal-marguni bl-użu tal-metodi kollha sabiex, minn naħa, l-eżistenza tal-istokkijiet tal-marguni tiġi assigurata u, min-naħa l-oħra, ma tinħoloq l-ebda theddida għal speċijiet oħra u tiġi evitata kwalunkwe ħsara lill-akkwakulturi kkonċernati;

92.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 88, 4.4.2011, p. 1.

(2)

ĠU L 221, 8.8.1998, p. 23.

(3)

ĠU L 204, 6.8.2009, p. 15.

(4)

ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1.

(5)

ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(6)

ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(7)

ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1.

(8)

ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.

(9)

ĠU L  157, 20.6.2017, p. 1.

(10)

ĠU C 21 E, 28.1.2010, p. 11.

(11)

ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 132.

(12)

ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 119.

(13)

ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 177.

(14)

ĠU C 316, 22.9.2017, p. 64.

(15)

ĠU C 76, 28.2.2018, p. 40.

(16)

Testi adottati, P8_TA(2017)0316.

(17)

Il-Kummissjoni Ewropea (29 ta' Ġunju 2017), Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (RAM), p. 10.

(18)

Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (RAM), p. 15.

(19)

Ibid, p. 12.


NOTA SPJEGATTIVA

SFOND ĠENERALI

Fl-Ewropa, l-akkwakultura tipprovdi kważi 20 % tal-produzzjoni tal-ħut u timpjega direttament madwar 85 000 persuna. Is-settur hu prinċipalment magħmul minn SMEs jew mikrointrapriżi fiż-żoni kostali u rurali. L-akkwakultura Ewropea tipprovdi prodotti ta' kwalità għolja, bi standards għoljin ta' sostenibilità u tal-protezzjoni tal-konsumatur. Il-produzzjoni totali tal-UE baqgħet bejn wieħed u ieħor b'volum kostanti mis-sena 2000 filwaqt li, fl-istess ħin, il-produzzjoni globali kienet qed tikber bi kważi 7 % kull sena. Mill-2009 sal-2013 il-produzzjoni naqset b'madwar 100 000 tunnellata. Fi sfond ta' kriżi ekonomika u kompetizzjoni minn pajjiżi terzi li qed tikber, matul l-aħħar 10 snin il-volum tal-produzzjoni tal-akkwakultura fl-Unjoni Ewropea ġarrab riċessjoni. Dan wassal ukoll għal tibdil strutturali fi ħdan is-settur, prinċipalment il-konsolidazzjoni u l-mergers ta' kumpaniji żgħar, li wassal għall-prevalenza ta' kumpaniji kbar fis-settur tal-marikultura tal-ħut u għal ftit investituri ġodda. Madankollu, fl-għadd, l-akkwakultura tal-UE hija fil-biċċa l-kbira magħmula minn mikrointrapriżi.

Madankollu, "Blue Growth", strateġija fit-tul li tappoġġa t-tkabbir sostenibbli fis-setturi marini u marittimi, tqiegħed lill-akkwakultura fost is-setturi li għandhom potenzjal kbir għal impjiegi u tkabbir sostenibbli, flimkien mat-turiżmu kostali, il-bijoteknoloġija marina, l-enerġija mill-oċeani u l-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar. U – l-aktar aspett importanti – l-akkwakultura għandha rwol fundamentali fis-soċjetà tagħna: hija "għandha tikkontribwixxi għall-preservazzjoni tal-potenzjal tal-produzzjoni tal-ikel fuq bażi sostenibbli mal-Unjoni kollha biex tiggarantixxi s-sigurtà tal-ikel, inklużi l-provvisti tal-ikel, kif ukoll it-tkabbir u l-impjiegi fit-tul għaċ-ċittadini tal-Unjoni, u għandha tikkontribwixxi biex tkun sodisfatta d-domanda dinjija dejjem tikber għal ikel akkwatiku" (Premessa 53 tar-Regolament bażiku dwar il-Politika Komuni tas-Sajd).

Madankollu, minkejja l-intenzjonijiet tajba fil-livell tal-UE riflessi fir-regolament Bażiku tal-PKS, kif ukoll fil-Komunikazzjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea li fl-2009 kellhom l-għan li jagħtu "spinta ġdida" u "il-bini ta' futur sostenibbli għall-akkwakultura" u li fl-2013 ipproponew "Linji gwida Strateġiċi", azzjonijiet fil-livell nazzjonali/reġjonali/lokali, dawn ma ssodisfawx l-aspettattivi tas-settur u l-entużjażmu inizjali malajr ittrasforma ruħu f'diżappunt u disfattiżmu.

Il-kumplessità amministrattiva u n-nuqqas ta' trasparenza fil-liċenzjar, ir-rifjut li jingħataw liċenzji mill-awtoritajiet lokali, ta' spiss bil-pretest ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti ambjentali, id-diffikultà tal-aċċess għall-ispazju u l-ilma, probabbilment ikkumplikati mill-eżiġenzi tas-soċjetà (in-nuqqas ta' informazzjoni adegwata għall-konsumatur dwar il-prodotti u l-attivitajiet tal-akkwakultura, l-immaġni ħażina tal-akkwakultura, id-domanda sproporzjonata għal aktar titjib f'termini tal-impronta ambjentali jew il-benesseri tal-annimali), aggravati minn pressjonijiet esterni (it-tibdil fil-klima, il-mard), qerdu l-isforzi pożittivi tal-istituzzjonijiet tal-UE.

Konsegwentement l-akkwakultura tal-UE ma kinitx kapaċi tisfrutta l-opportunitajiet numerużi, riflessi fl-iżvilupp globali tas-settur, id-domanda dejjem tiżdied għall-prodotti tal-ħut, il-livell għoli tas-sostenibilità ambjentali u tal-kwalità tal-prodotti tal-UE u l-għarfien u t-tfittxija kontinwa għall-innovazzjoni tal-intrapriżi tal-akkwakultura tal-UE.

Il-kooperazzjoni internazzjonali u l-azzjonijiet ta' żvilupp, li għandhom l-għan li jiżviluppaw l-akkwakultura barra mill-UE, għandhom prijorità fl-aġenda ta' bosta pajjiżi terzi li jfittxu l-għarfien espert Ewropew, b'mod partikolari fl-universitajiet u l-istituzzjonijiet ta' riċerka tal-UE, il-manifatturi tal-għalf u tat-tagħmir u l-kumpaniji ta' konsulenza. Il-maġġoranza tal-produtturi tal-akkwakultura tal-UE kienu qed jippruvaw jissopravvivu pjuttost milli jinvestu band'oħra biex iżidu l-produzzjoni u ta' spiss ma jkollhomx fiduċja f'tali politiki.

Barra minn hekk, l-appoġġ finanzjarju tal-UE allokat għall-akkwakultura għall-perjodu 2007-2013 ġie kkritikat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri: "il-miżuri għall-appoġġ tal-akkwakultura fil-perjodu sal-2013 ma kinux imfassla u implimentati tajjeb fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, u (...) il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES), bħala l-istrument ta' finanzjament tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), naqas milli jwassal il-valur għall-flus u l-appoġġ effettiv għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura."

Il-PKS il-ġdida għandha l-għan, fost l-oħrajn, li tagħti spinta ġdida lill-akkwakultura fl-UE. Huwa mistenni li l-projezzjoni tal-Kummissjoni għall-produzzjoni tal-ħut u tal-frott tal-baħar bil-qoxra mrobbijin fl-UE fl-2020, fuq il-bażi tas-sommarju tagħha tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali għall-akkwakultura, tfisser żieda fil-volum ta' madwar 25 % sa dak iż-żmien – sa 1,5 miljun tunnellata fis-sena. Il-promozzjoni ta' attivitajiet ta' akkwakultura sostenibbli għandha tibbenefika wkoll minn madwar €1,2 biljun ta' appoġġ taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) sal-aħħar tal-perjodu ta' finanzjament. Madankollu, il-proċess ta' programmazzjoni u l-bidu tal-użu effettiv tal-appoġġ tal-FEMS disponibbli ġarrbu dewmien. Barra minn hekk, l-istabbiliment tal-Kunsill Konsultattiv għall-Akkwakultura dam aktar minn sentejn qabel ma sar operattiv u huwa biss riċentement li beda jfassal ir-rakkomandazzjonijiet. Il-ħruġ tad-dokumenti ta' gwida ġodda tal-Kummissjoni dwar direttivi ambjentali fir-rigward tal-akkwakultura ġie wkoll finalizzat sentejn aktar tard milli tħabbar fil-Komunikazzjoni tal-2013.

L-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu għall-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni għall-akkwakultura tal-UE, b'mod partikolari għat-titjib tal-proċeduri tal-liċenzjar u għall-allokazzjoni tal-ispazju għall-akkwakultura nbdiet fil-bidu tal-2018. L-Istati Membri ġew mistiedna jirrapportaw (fuq bażi volontarja) il-progress li sar fir-rigward tal-pjanijiet nazzjonali strateġiċi tagħhom għall-akkwakultura. Dawn ir-rapporti se jiġu kkunsidrati flimkien mal-analiżi u l-istudji ta' każijiet biex tiġi vvalutata l-effikaċja tal-approċċ attwali biex jitnaqqsu l-ostakoli u jitħeġġeġ it-tkabbir f'dan is-settur. L-evalwazzjoni se titlesta sa nofs l-2019.

IL-POŻIZZJONI TAR-RAPPORTEUR

Ir-rapporteur jemmen li biex jinkiseb settur tal-akkwakultura tal-UE li jkun jista' jikber, li jkun vibranti, sostenibbli u innovattiv, huwa importanti ħafna li jingħelbu l-ostakoli deskritti hawn fuq, waqt li l-isfida prinċipali tibqa' l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ekwi fi ħdan l-UE u mal-kompetituri barra mill-UE.

L-UE għandha tisfrutta l-għarfien espert, l-għarfien u l-valuri tagħha u żżommhom waqt li tesportahom lejn il-pajjiżi terzi li jixtiequ jaċċedu għas-suq tal-frott tal-baħar tal-UE.

L-Istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea adottata fl-2009, kif ukoll il-Linji Gwida Strateġiċi proposti fl-2013, għadhom rilevanti u għadhom sfida sal-lum: is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi; l-iżgurar tal-iżvilupp u t-tkabbir sostenibbli tal-akkwakultura permezz ta' ppjanar spazjali koordinat; it-titjib tal-kompetittività tal-akkwakultura tal-UE; il-promozzjoni ta' kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-UE permezz tal-isfruttament tal-vantaġġi kompetittivi tagħhom.

F'dan il-kuntest ir-rapporteur huwa tal-fehma li biex ikun hemm iċ-ċertezza kummerċjali u l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tal-akkwakultura tal-UE trid titnaqqas il-burokrazija, tittejjeb it-trasparenza u jsir ippjanar effettiv, issir koordinazzjoni aħjar fil-livelli tal-UE u nazzjonali, ikun hemm pjanijiet strateġiċi nazzjonali li jikkondividu l-objettivi stabbiliti fil-livell tal-UE u li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-regolament bażiku tal-PKS, ikun hemm approċċ olistiku għall-ippjanar spazjali u tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-akkwakultura flimkien mas-setturi stabbiliti sew u "setgħana", ikun hemm involviment xieraq tal-partijiet interessati permezz tat-tisħiħ tal-Kunsill Konsultattiv għall-Akkwakultura, ikun hemm leġiżlazzjoni tal-UE aktar stretta fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti tal-akkwakultura u kontrolli aħjar fil-fruntieri, ikun hemm komunikazzjoni aħjar lill-konsumatur u tikkettar xieraq matul il-katina kollha mill-produzzjoni sal-platt u jkun hemm "suq komuni" għall-vaċċini.

Ir-rapport riċenti tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Konsulenti Xjentifiċi tal-Mekkaniżmu ta' Pariri Xjentifiċi (SAM), "Ikel mill-Oċeani - Kif jistgħu jinkisbu aktar ikel u bijomassa mill-oċeani b'mod li ma jċaħħadx lill-ġenerazzjonijiet futuri mill-benefiċċji tagħhom?" jafferma li "l-akbar potenzjal u l-aktar potenzjal fattibbli identifikat għall-espansjoni globali jinsab fil-marikultura".

Fost ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu nsibu dawn li ġejjin: l-integrazzjoni ta' mudell ta' kultura responsabbli tal-"ikel mill-oċean" fl-aġendi wisgħin tal-politika fil-livell tal-UE u tas-sistemi globali; "L-iżvilupp tal-marikultura fl-Ewropa għandu jitpoġġa f'livell ogħla u aktar strateġiku permezz ta' qafas tal-politika komprensiv u miftiehem – dan jinkludi l-ħruġ ta' gwida dwar l-inklużjoni tar-rekwiżiti tal-marikultura fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE tal-2014 dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu u l-estensjoni tal-kooperazzjoni teknoloġika għall-marikultura taħt ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPAs) bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tan-Nofsinhar."

Ir-rapporteur jaqbel kompletament ma' dan kollu riportat hawn fuq. Il-problemi ġew identifikati, l-analiżi hija tajba u s-soluzzjonijiet proposti sa issa huma rilevanti ħafna. Hemm bżonn ta' spinta politika. U, fil-kuntest ta' rispett reċiproku tar-rwoli rispettivi ta' xulxin – l-Istituzzjonijiet tal-UE u l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri – id-doża meħtieġa ta' sussidjarjetà għall-ġestjoni tal-akkwakultura tal-UE għandha titlaqqa' ma' azzjoni msaħħa fil-livell tal-UE billi jiġu stabbiliti objettivi fl-UE kollha, filwaqt li jintgħażlu miri reġjonalizzati adattati għall-ispeċifiċitajiet ta' kull fergħa tal-akkwakultura fil-livell lokali / reġjonali. Minħabba li l-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu l-għan li jiżgura li d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista' jkun qrib iċ-ċittadin, iżda mingħajr ma jeskludi l-azzjoni fil-livell tal-UE, meta din tkun ġustifikata fid-dawl tal-possibilitajiet disponibbli fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali.

Ir-rapport SAM ikompli fuq l-istess linja: "Minn perspettiva ta' politika, is-sussidjarjetà għandha tiġi rispettata (...). Minkejja dan, hemm skop u valur fl-użu aktar b'saħħtu u proporzjonat fil-livell tal-UE biex tappoġġa kundizzjonijiet ekwi u aktar attenzjoni fil-marikultura flimkien ma' aspetti oħra tal-Ikel mill-Ocean – ekwivalenti għall-politika agrikola jew il-politika alimentari aktar wiegħsa." "Il-qafas ta' politika (...) għandu jikkapitalizza fuq l-isforzi sostanzjali li diġà ġew implimentati (bħalma huma l-implimentazzjoni li għaddejja bħalissa tal-linji gwida strateġiċi għall-akkwakultura tal-UE tal-2013), u b'hekk jitteħdu fuq livell ogħla ta' prijorità strateġika."

Ġejjin opportunitajiet u ħatriet li ma għandniex nitilfu sabiex lill-akkwakultura tal-UE nagħtuha l-post li jixirqilha: sal-aħħar tal-2018 il-Kummissjoni Ewropea se twettaq valutazzjoni tas-sitwazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti tal-liċenzjar u l-allokazzjoni tal-ispazju lill-akkwakultura fuq il-bażi tar-rapporti tal-Istati Membri dwar il-progress li sar fir-rigward tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tagħhom għall-akkwakultura. Sal-2021 l-Istati Membri se jkollhom jadottaw pjanijiet spazjali marittimi nazzjonali kif previst fid-Direttiva tal-UE li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar spazjali marittimu. Il-PKS futura għandha wkoll tinkludi l-miżuri u l-mezzi finanzjarji meħtieġa biex takkumpanja l-iżvilupp sostenibbli ta' settur tal-akkwakultura tal-UE prosperu.


OPINJONI TAL-MINORANZA

Lejn settur Ewropew tal-akkwakultura sostenibbli u kompetittiv: is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri (2017/2118(INI))

Kumitat għas-Sajd, Rapporteur: Carlos Iturgaiz

Opinjoni tal-Minoranza mressqa minn Gabriel Mato

Il-konsum tal-ħut fid-dinja għadu kif qabeż il-limitu medju ta' 20 kg fis-sena per capita, li huwa darbtejn il-medja tal-livell tal-konsum fl-1960. L-akkwakultura fuq skala globali għandu jkollha rwol dejjem akbar fil-futur jekk irridu niżguraw li nitimgħu 2,5 biljun ruħ aktar sa tmiem dan is-seklu, speċjalment, jekk in-nies jieklu ħut darbtejn aktar issa milli kienu fil-passat. Dan għaliex il-produttività naturali tal-oċeani u tal-ilma ħelu hija limitata. U hija għandha l-potenzjal kollu li tagħmel dan. Għaldaqstant, l-akkwakultura għandha rwol fundamentali fis-soċjetà tagħna: hija titma' ikel nutrizzjonalment għani lill-popolazzjoni u hija element komplementari meħtieġ għall-ħut li jipprovdi s-settur tas-sajd estrattiv.

L-akkwakultura hija għall-ilma huwa dak li l-agrikoltura hija għall-art: dan kollu għandu x'jaqsam mal-biedja. Madankollu, hemm tendenza li minħabba kwistjonijiet tas-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni prinċipalment mil-lenti tal-agrikoltura, l-akkwakultura sikwit tiġi ttrattata b'mod marġinali.

Is-settur tal-UE jipprovdi lill-konsumatur bi prodotti ta' kwalità għolja, sostenibbli u nistgħu biss inkunu kburin bil-produtturi Ewropej tagħna. L-istandards soċjali, ambjentali u ta' benesseri tal-annimali huma fost l-ogħla fid-dinja. Iżda prodotti mhux sostenibbli bi prezz baxx minn pajjiżi terzi jinondaw is-suq tal-UE tagħna u joħolqu kompetizzjoni inġusta għall-produtturi tal-UE tagħna li jbigħu fl-istess suq.

Barra minn hekk, it-trobbija tal-molluski bivalvi u b'mod ġenerali tal-frott tal-baħar bil-qoxra toffri servizzi ta' valur ambjentali, peress li huma jiffiltrjaw u jnaddfu l-baħar.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha hawn fuq esposti, jeħtieġ li nagħtu spinta lill-iżvilupp sostenibbli ta' din l-attività.


OPINJONI TAL-MINORANZA

Lejn settur Ewropew tal-akkwakultura sostenibbli u kompetittiv: status attwali u sfidi futuri (2017/2118(INI))

Kumitat għas-Sajd, Rapporteur: Carlos Iturgaiz

Opinjoni tal-Minoranza mressqa minn Lidia Senra Rodríguez

L-akkwakultura mhijiex soluzzjoni għal sajd żejjed u lanqas ma huwa meħtieġ li tiġi introdotta l-ħuta tal-liska industrijali fil-baħar għall-provvista tal-proteini meħtieġa għal dieta tajba.

L-għan fundamentali tal-azzjonijiet tagħna fis-sajd għandu jkun li jinżammu l-ekosistemi tal-baħar u l-popolazzjonijiet lokali, filwaqt li jiġu evitati l-ispostament u l-qerda tas-sajd artiġjanali u fuq skala żgħira, kif ukoll artijiet agrikoli affettwati f'ambjenti tal-baħar fejn tinsab din l-industrija.

It-tnissil intensiv tal-ħut f'farms jiġġenera ammonti kbar ta' materjal fekali, residwi tal-għalf u mediċini (fost l-oħrajn l-antibijotiċi) li jniġġsu l-ilmijiet b'impatt negattiv qawwi fuq l-ekosistemi tax-xmajjar, tal-baħar u tas-saħħa. Barra minn hekk, l-ispeċijiet lokali fl-ambjenti ta' dawn il-farms huma affettwati mill-mard li joriġina minnhom.

Abbażi tal-prinċipju ta' prekawzjoni u l-impatti negattivi li l-ħut tal-lixka industrijali se jikkawżaw (il-qerda ta' impjiegi fiż-żoni kostali u l-inkompatibilità ma' ikel tajjeb għas-saħħa, sikur u sostenibbli), aħna nenfasizzaw li l-installazzjoni tal-farms tal-ħut ma għandhiex tiġi promossa jew permessa fl-Unjoni, peress li l-konsegwenzi tagħhom u l-effetti fuq l-ekosistemi se jkunu totalment inkontrollabbli.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (21.3.2018)

għall-Kumitat għas-Sajd

Lejn settur Ewropew tal-akkwakultura sostenibbli u kompetittiv: is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi futuri

(2017/2118(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Francesc Gambús

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

F'April 2013, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-Linji Gwida Strateġiċi għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura fl-UE(1), li jinkludu abbozz għall-pjanijiet nazzjonali pluriennali. F'Mejju 2016, il-Kummissjoni ppubblikat sommarju tas-27 Pjan Nazzjonali Pluriennali għall-Akkwakultura, li janalizza l-objettivi u l-isfidi ewlenin tas-settur tal-akkwakultura identifikati minn 27 Stat Membru fil-pjanijiet tagħhom fil-kuntest ġenerali tar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS).

L-UE tipproduċi inqas minn 2 % tal-volum ta' ħut imrobbi fid-dinja kollha, iżda hija minn ta' quddiem nett fid-dinja f'termini ta' kwalità u sostenibbiltà. Ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-UE tista' u għandha tibqa' fuq quddiem nett fid-dinja f'dan ir-rigward, iżda l-produzzjoni jeħtieġ tiżdied sabiex tkopri d-domanda tal-UE għall-ħut fuq livell ogħla. Fil-preżent, l-akkwakultura tkopri biss 10 % tad-domanda għall-ħut fl-UE. Il-bqija tal-ħut jiġi mis-sajd fl-Unjoni (30 %) jew huwa impurtat minn pajjiżi terzi (60 %). Ir-rapporteur jemmen li l-akkwakultura fl-UE tista' tiżdied mingħajr ma jitbaxxew l-istandards u billi jinżammu l-kwalità u s-sostenibbiltà. Sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal enormi tas-settur tal-akkwakultura, għandha titnaqqas il-kumplessità tal-amministrazzjoni, pereżempju għal-liċenzji, għall-awtorizzazzjonijiet u għall-analiżi ambjentali (bħall-istudji tal-impatt jew tal-monitoraġġ) u din għandha titqabbel mat-talba li tiżdied iċ-ċertezza għall-investimenti f'dan is-settur u li s-suq tal-UE jingħata ċans ikun aktar kompetittiv. Bl-investimenti fir-riċerka, fir-riżorsi umani, f'farms ġodda jew f'oqsma oħra fis-settur tal-akkwakultura, l-UE tkun tista' żżomm l-influwenza fuq l-istandards tal-produzzjoni minflok ma titlef is-suq quddiem pajjiżi terzi bi standards aktar baxxi. Barra minn hekk, peress li s-settur huwa magħmul kważi għalkollox minn intrapriżi mikro, dan iħares, jiggarantixxi u jżid l-impjiegi.

Ir-rapporteur hu tal-fehma, għaldaqstant, li l-UE jeħtieġ tieħu l-opportunità issa biex tiżviluppa l-potenzjal tagħha f'dan il-qasam bħala mudell mhux biss f'termini ta' kwalità u sostenibbiltà, iżda anke fir-rigward tal-ambjent u s-sikurezza tal-ikel.

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza l-impenji ġuridiċi li ħadet l-UE biex tiżgura l-ħarsien ambjentali, anke permezz tad-Direttiva dwar l-Għasafar, id-Direttiva dwar il-Ħabitats u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina;

2.  Jemmen li l-UE jeħtieġ iżżid il-produzzjoni tagħha fis-settur tal-akkwakultura, kif ukoll iżżomm u ssaħħaħ l-impjiegi u l-istrutturi eżistenti, filwaqt li tqis l-aspetti relatati mal-kwalità, is-sostenibbiltà, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent u l-pressjoni fuq iż-żoni naturali tas-sajd; jemmen ukoll li l-UE għandha sservi ta' mudell għad-dinja kollha f'dan ir-rigward; jirrimarka li, fl-Ewropa, l-akkwakultura (it-trobbija tal-ħut, tal-frott tal-baħar u tal-pjanti akkwatiċi) tipproduċi kważi 20 % tal-prodotti tal-ħut u bħalissa timpjega direttament madwar 85 000 persuna;

3.  Jemmen li hemm bżonn miżuri aktar b'saħħithom biex l-akkwakultura ssir settur aktar effiċjenti, ekonomikament vijabbli, soċjalment responsabbli u ambjentalment favorevoli li jissodisfa sehem akbar mid-domanda Ewropea għall-ħut u jnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq il-prodotti impurtati;

4.  Jenfasizza li l-akkwakultura Ewropea m'għandhiex twassal għal aktar sajd eċċessiv u li jeħtieġ jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa biex jiġi żgurat li t-tkabbir fl-akkwakultura ma jipperikolax l-objettivi tar-rendiment massimu sostenibbli tal-politika komuni tas-sajd;

5.  Jirrikonoxxi l-importanza soċjoekonomika tal-akkwakultura għall-komunitajiet kostali u l-gżejjer;

6.  Jinnota li l-konsum dinji tal-ħut kiber b'terz tul dawn l-aħħar 20 sena, u li t-tkabbir tal-popolazzjoni se jżid il-pressjoni biex ikun hemm dejjem aktar sajd;

7.  Jinnota li biex tissodisfa ż-żieda fid-domanda għall-ħut, l-akkwakultura ma tistax telimina aktar ħut mill-oċeani milli tipproduċi;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi salvagwardji biex tiżgura li l-għalf – kemm dak ibbażat fuq il-ħut u kemm dak li mhuwiex – ikun ta' oriġini sostenibbli;

9.  Jenfasizza l-importanza ta' gwida fir-rigward tal-lokalizzazzjoni ta' siti ġodda għall-akkwakultura; jinnota l-importanza tal-ippjanar tal-ispazju marittimu, li fih iridu jitqiesu – u jsiru sforzi biex jiġu rikonċiljati – il-bżonnijiet applikabbli għal użi differenti, bħall-enerġija, it-trasport marittimu, is-sajd u l-akkwakultura, it-turiżmu, ir-rikreazzjoni, kif ukoll il-konservazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tan-natura u tal-ambjent;

10.  Itenni li tnaqqis fil-konċentrazzjoni ta' nutrijenti huwa prerekwiżit għall-akkwakultura; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn ir-riċerkaturi, l-industrija tal-akkwakultura, il-produtturi tal-għalf, l-amministraturi u l-organizzazzjonijiet ambjentali;

11.  Huwa persważ li l-użu tal-esperjenzi internazzjonali differenti ta' farms tal-akkwakultura ppjanati sew u integrati fl-ekonomiji lokali u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki ambjentali Ewropej, b'mod partikolari fir-rigward tal-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart, is-salvagwardja u l-aħjar użu tal-bijodiversità lokali, kif ukoll l-għażla ta' drawwiet alimentari sostenibbli, isaħħu l-akkwakultura u jgħinu lill-Istati Membri kollha jżidu l-produzzjoni sostenibbli tal-akkwakultura; jirrimarka li eżempji tal-aħjar prattika f'reġjuni oħra ġew żviluppati f'kundizzjonijiet politiċi u ġeografiċi differenti li mhumiex bilfors paragunabbli mad-diversi kundizzjonijiet eżistenti fl-Istati Membri;

12.  Jenfasizza li l-akkwakultura tal-ilma ħelu hija opportunità li għadha ma ġietx esplorata biżżejjed f'dak li għandu x'jaqsam mat-titjib fis-sigurtà alimentari u l-iżvilupp taż-żoni rurali;

13.  Jenfasizza li l-akkwakultura tal-ilma ħelu mhux biss għandha rwol soċjali importanti, billi tipprovdi impjiegi rurali fl-ifqar żoni, iżda għandha wkoll rwol ambjentali fiż-żamma ta' artijiet mistagħdra prezzjużi u fil-provvista ta' firxa wiesgħa ta' servizzi ekosistemiċi li jmorru ferm lil hinn mill-valur ekonomiku tagħha;

14.  Jemmen li t-triq għal settur Ewropew tal-akkwakultura sostenibbli u kompetittiv tgħaddi mill-valutazzjoni xjentifika indipendenti għad-determinazzjoni tal-kapaċità ta' sostenn tal-ambjent, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-akkwakultura fl-ibħra miftuħa, li hija l-prekundizzjoni ewlenija għall-allokazzjoni tal-ispazju u l-għoti ta' liċenzji jew permessi u biex tiġi żgurata l-koerenza mal-leġiżlazzjoni ambjentali;

15.  Jilqa' l-eżempji ta' kooperazzjoni tajba abbażi ta' ftehimiet volontarji u ftehimiet oħra bejn il-konservazzjonisti u s-settur; jilqa' l-eżempji pożittivi tal-kontribut tal-akkwakultura għaż-żamma tal-kwalità tajba tal-ilma u tas-servizzi ekosistemiċi akkwatiċi, filwaqt li jiġu rikonoxxuti u mnaqqsa kemm jista' jkun l-impatti negattivi li jista' jkollha l-akkwakultura fuq l-ambjent lokali u l-kwalità tal-ilma; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, aktar innovazzjoni u inizjattivi biex jiġi żgurat settur sostenibbli u vijabbli fit-tul;

16.  Iqis li l-fenomenu tal-kontaminazzjoni bejn il-ħut selvaġġ u dak imrobbi jrid jiġi miġġieled, peress li jfaqqar b'mod perikoluż il-patrimonju ġenetiku tal-baħar u jista' jkun ta' theddida għall-ekosistema;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw u japplikaw mapep ta' speċijiet u ħabitats protetti għall-akkwakultura qabel ma jistabbilixxu ż-żoni tal-akkwakultura sabiex jiġi implimentat approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi għall-ippjanar tal-ispazju;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu protokolli standardizzati għall-ġbir tad-data dwar l-impatti ambjentali kwantifikabbli, il-kundizzjonijiet sanitarji u veterinarji u s-sikurezza alimentari tal-akkwakultura sabiex jiġi żgurat li tintuża evidenza xjentifika soda u indipendenti għall-monitoraġġ u l-immaniġġjar tal-prattiki ta' produzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi monitoraġġ xjentifiku fuq żmien twil li jmur anke lil hinn mill-perjodu ta' proġett speċifiku; jenfasizza l-importanza ta' segwiti fuq proġetti u studji u kooperazzjoni mill-qrib bejn ix-xjenzjati u s-settur tal-akkwakultura, inklużi l-pixxikulturi tal-għadajjar;

19.  Iqis li l-użu mhux xieraq ta' sustanzi kimiċi u antibijotiċi fl-akkwakultura jippreżenta riskji għall-ekosistemi fl-inħawi tal-istabbilimenti tal-akkwakultura u għas-saħħa tal-bniedem; jiġbed l-attenzjoni għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2017 lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar Pjan ta' Azzjoni "Saħħa Waħda" Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika(2);

20.  Jenfasizza li l-Pjan ta' Azzjoni "Saħħa Waħda" Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika josserva li l-immunizzazzjoni permezz tat-tilqim tikkostitwixxi intervent ta' saħħa pubblika kosteffikaċi fi sforzi biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antimikrobiċi(3), u dan japplika għall-akkwakultura wkoll;

21.  Josserva li, sfortunatament, l-ispejjeż relattivament ogħla tad-dijanjożi, tal-alternattivi għall-antimikrobiċi u tat-tilqim – meta mqabbla mal-antibijotiċi użati komunement – huma ta' ostaklu għal użu akbar u rata ogħla ta' tilqim, kif mixtieq mill-Pjan ta' Azzjoni(4); jilqa' l-fatt li, fil-Pjan ta' Azzjoni, il-Kummissjoni tħabbar inċentivi biex jiżdied l-użu tad-dijanjostika, l-alternattivi għall-antimikrobiċi u t-tilqim(5);

22.  Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi sabiex jiġu protetti kemm is-settur tal-akkwakultura kif ukoll l-ispeċijiet u l-ekosistemi indiġeni;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tvara kampanja informattiva għall-konsumaturi u n-negozji fl-UE kollha dwar l-akkwakultura b'mod ġenerali, u b'mod partikolari dwar id-differenzi bejn l-istandards stretti u komprensivi fis-suq Ewropew u l-istandards applikabbli għal prodotti impurtati f'pajjiżi terzi, b'enfasi partikolari fuq il-problemi kkawżati għas-sikurezza tal-ikel u s-saħħa pubblika mill-introduzzjoni ta' mikroorganiżmi partikolarment reżistenti fl-Unjoni u mir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR);

24.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-valutazzjonijiet tal-pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar il-ġodda jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi fir-rigward tal-flussi u n-nutrijenti tal-faċilitajiet tal-akkwakultura li jinsabu tul ix-xmajjar u, partikolarment, minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom, tal-faċilitajiet li jinsabu f'ilmijiet ta' tranżizzjoni;

25.  Jenfasizza l-importanza tal-appoġġ disponibbli mill-Fond Ewropew għas-Sajd biex jiġi żgurat l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u jiġu promossi l-ħarsien tal-ambjent u l-konservazzjoni tar-riżorsi akkwatiċi;

26.  Jemmen li hemm bżonn isiru investimenti sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-settur tal-akkwakultura – kif ukoll għall-ħarsien tal-ambjent u l-provvista ta' beni pubbliċi – u jitlob, għaldaqstant, żieda fil-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni u għal proġetti ta' produzzjoni sostenibbli u orjentati lejn il-kwalità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jissimplifikaw u jnaqqsu l-piż burokratiku fuq is-settur tal-akkwakultura, inklużi l-pixxikulturi tal-għadajjar;

27.  Jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ifasslu inċentivi u miżuri prattiċi, inkluż billi jtejbu l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/88/KE jew, jekk hemm bżonn, jemendawha, biex jiżdied l-użu tat-tilqim fl-akkwakultura u b'hekk il-mard u r-reżistenza għall-antibijotiċi fl-annimali akkwatiċi jiġu evitati, ikkontrollati u meqruda darba għal dejjem b'mod kosteffikaċi, filwaqt li jiġu massimizzati s-sopravivenza, it-tkabbir u l-effiċjenza produttiva tal-annimali akkwatiċi;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu fir-riċerka, fi studji u fi proġetti pilota għal prattiki ta' akkwakultura innovattivi, orjentati lejn il-futur u ambjentalment responsabbli, fosthom sistemi ta' akkwakultura multitrofika integrata (IMTA), akkwaponika, u sistemi ta' riċirkolazzjoni fl-akkwakultura (RAS), li jnaqqsu l-impatt tal-farms tal-akkwakultura fuq il-ħabitats, il-popolazzjoni tal-annimali selvaġġi u l-kwalità tal-ilma, u b'hekk jikkontribwixxu għal approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fis-sejħiet għal għotjiet u proġetti, tagħmel distinzjoni bejn kumpaniji tal-akkwakultura industrijali u kumpaniji tal-familja żgħar, minħabba d-differenzi fil-punt tat-tluq, fl-opportunitajiet ta' żvilupp u fl-għanijiet;

30.  Jiddispjaċih li aktar minn nofs il-prodotti kollha tal-akkwakultura kkunsmati fl-UE huma impurtati; jirrikonoxxi l-impatt pożittiv li jista' jkollha l-akkwakultura fuq l-ekonomiji lokali fl-UE billi tappoġġja aktar produzzjoni u konsum ta' ikel lokali;

31.  Jieħu nota pożittiva ta' inizjattivi ġodda b'rabta mal-akkwakultura bbażata fuq l-art, speċjalment fiż-żoni tal-UE b'ilmijiet magħluqa;

32.  Jirrikonoxxi li l-istabbilimenti tal-akkwakultura jistgħu jikkawżaw tfixkil sinifikanti fil-ħabitats, inkluż fost l-għasafar tal-baħar; jitlob immappjar obbligatorju taż-żoni sensittivi u valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi għall-pjanijiet nazzjonali u reġjonali kollha tal-akkwakultura sabiex jiġu identifikati żoni potenzjali għall-akkwakultura li ma jmorrux kontra l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE;

33.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-akkwakultura fiż-żoni urbani, speċjalment b'rabta mal-akkwaponika;

34.  Jinnota li, wara r-riformulazzjoni tar-Regolament dwar il-Ġbir tad-Data, il-farms tal-ħut marittimi kollha huma obbligati jiġbru data, filwaqt li l-farms tal-ħut tal-ilma ħelu jistgħu jagħmlu dan fuq bażi volontarja; jitlob l-istandardizzazzjoni tal-protokolli f'dan ir-rigward.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.3.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

61

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Ivo Belet, Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Mark Demesmaeker, Stefan Eck, Bas Eickhout, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Arne Gericke, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, Anneli Jäätteenmäki, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Urszula Krupa, Giovanni La Via, Jo Leinen, Peter Liese, Lukas Mandl, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Rory Palmer, Massimo Paolucci, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Julia Reid, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Renate Sommer, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Ivica Tolić, Adina-Ioana Vălean, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Christofer Fjellner, Elena Gentile, Merja Kyllönen, Norbert Lins, Gesine Meissner, Ulrike Müller, Mihai Ţurcanu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Fernando Ruas, Ruža Tomašić

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

61

+

ALDE

Gerben-Jan Gerbrandy, Anneli Jäätteenmäki, Valentinas Mazuronis, Gesine Meissner, Ulrike Müller, Frédérique Ries

ECR

Mark Demesmaeker, Arne Gericke, Urszula Krupa, Bolesław G. Piecha, Ruža Tomašić, Jadwiga Wiśniewska

EFDD

Piernicola Pedicini

ENF

Sylvie Goddyn

GUE/NGL

Stefan Eck, Kateřina Konečná, Merja Kyllönen

PPE

Pilar Ayuso, Ivo Belet, Birgit Collin-Langen, Angélique Delahaye, Christofer Fjellner, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Jens Gieseke, Julie Girling, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Lukas Mandl, Fernando Ruas, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Ivica Tolić, Mihai Ţurcanu, Adina-Ioana Vălean

S&D

Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Miriam Dalli, Seb Dance, Elena Gentile, Jytte Guteland, Karin Kadenbach, Jo Leinen, Susanne Melior, Rory Palmer, Massimo Paolucci, Pavel Poc, Daciana Octavia Sârbu, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Damiano Zoffoli

VERTS/ALE

Marco Affronte, Margrete Auken, Bas Eickhout, Michèle Rivasi, Davor Škrlec

1

-

EFDD

Julia Reid

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

COM(2013)0229.

(2)

Kummissjoni Ewropea, Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (RAM), 29 ta' Ġunju 2017, COM(2017)0339.

(3)

Ibid., p. 10.

(4)

Ibid., p. 15.

(5)

Ibid., p. 12.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

15.5.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Alain Cadec, David Coburn, Linnéa Engström, João Ferreira, Sylvie Goddyn, Carlos Iturgaiz, António Marinho e Pinto, Gabriel Mato, Norica Nicolai, Liadh Ní Riada, Annie Schreijer-Pierik, Ricardo Serrão Santos, Ruža Tomašić, Peter van Dalen, Jarosław Wałęsa

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Norbert Erdős, Yannick Jadot, Verónica Lope Fontagné, Maria Lidia Senra Rodríguez

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Tim Aker, Nessa Childers


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

21

+

ALDE

António Marinho e Pinto, Norica Nicolai

ECR

Peter van Dalen, Ruža Tomašić

ENF

Sylvie Goddyn

GUE/NGL

João Ferreira, Liadh Ní Riada

PPE

Alain Cadec, Norbert Erdős, Carlos Iturgaiz, Verónica Lope Fontagné, Gabriel Mato, Annie Schreijer-Pierik, Jarosław Wałęsa

S&D

Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Nessa Childers, Ulrike Rodust, Ricardo Serrão Santos

VERTS/ALE

Marco Affronte, Linnéa Engström

2

-

EFDD

Tim Aker, David Coburn

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Mejju 2018Avviż legali