Proċedura : 2017/2037(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0203/2018

Testi mressqa :

A8-0203/2018

Dibattiti :

PV 02/07/2018 - 21
CRE 02/07/2018 - 21

Votazzjonijiet :

PV 03/07/2018 - 11.5

Testi adottati :

P8_TA(2018)0273

RAPPORT     
PDF 594kWORD 66k
7.6.2018
PE 618.070v02-00 A8-0203/2018

dwar ir-rwol tal-bliet fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni

(2017/2037(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

Rapporteur: Kazimierz Michał Ujazdowski

Rapporteur for the opinion (*):

Jan Olbrycht, Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rwol tal-bliet fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni

(2017/2037(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u b'mod partikolari l-Artikoli 5(3) tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-impatt tat-Trattat ta' Lisbona fuq l-iżvilupp tal-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea(1),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 bit-titlu "Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE" (COM(2015)0215),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tagħha,

–  wara li kkunsidra tal-Patt ta' Amsterdam li jistabbilixxi l-Aġenda Urbana tal-UE, miftiehma bejn il-Ministri tal-UE responsabbli għal Kwistjonijiet Urbani fit-30 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 240/2014 tas-7 ta' Jannar 2014 dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE – aspetti prinċipali tal-aġenda urbana tal-UE" (COM(2014)0490),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-Aġenda Urbana tal-UE, miftiehma bejn il-Ministri responsabbli għall-Koeżjoni Territorjali u Kwistjonijiet Urbani fl-10 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2016 dwar Aġenda Urbana tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Karta ta' Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli, approvata fil-Laqgħa Ministerjali Informali dwar l-Iżvilupp Urban u l-Koeżjoni Territorjali li seħħet fl-24 u l-25 ta' Mejju 2007 f'Leipzig,

  wara li kkunsidra l-Aġenda Urbana Ġdida adottata fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Housing u l-Iżvilupp Urban Sostenibbli (Habitat III) fl-20 ta' Ottubru 2016 fi Quito, l-Ekwador,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar l-Istat tal-Bliet Ewropej,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE 2017: Insaħħu d-Drittijiet taċ-Ċittadini f'Unjoni ta' Tibdil Demokratiku(7);

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0203/2018),

A.  billi t-Trattat ta' Maastricht stabbilixxa l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, u b'hekk il-bliet ġew involuti – permezz tar-rappreżentanza tagħhom fil-kumitat – fir-rwol konsultattiv tiegħu fil-proċess deċiżjonali tal-UE;

B.  billi l-Kumitat tar-Reġjuni jaqdi dan ir-rwol billi jwettaq sensiela ta' attivitajiet bil-għan li jippromwovi d-djalogu u l-parteċipazzjoni attiva fil-proċess deċiżjonali tal-UE;

C.  billi l-Protokoll Nru 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità jagħti lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni s-setgħa li jressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kontra l-atti leġiżlattivi jekk il-prinċipju ta' sussidjarjetà jew ta' proporzjonalità ma jiġix rispettat fil-każ ta' atti li għall-adozzjoni tagħhom it-Trattat jipprevedi li l-Kumitat jiġi kkonsultat; billi l-bliet għalhekk għandhom għodda li jistgħu jużaw biex jiddefendu l-interessi tagħhom fl-Unjoni Ewropea;

D.  billi għandha ssir distinzjoni ċara bejn ir-rappreżentanti tal-bliet minquxa fit-trattati, bħal, pereżempju, il-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni, u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-bliet;

E.  billi l-maġġoranza tal-popolazzjoni tal-UE (aktar minn 70 %) tgħix f'żoni urbani;

F.  billi l-proċess tas-separazzjoni tal-poter minn territorju, li huwa inerenti fil-globalizzazzjoni, ma jneħħix il-ħtieġa għal netwerks ta' bliet Ewropej, fejn jiġu stabbiliti u segwiti l-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni;

G.  billi l-biċċa l-kbira tal-politiki u tat-testi leġiżlattivi tal-UE huma implimentati fil-livell lokali u reġjonali, inkluż fil-livell tal-bliet, u llum jestendu għal kważi d-dominji politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha;

H.  billi l-arkitettura istituzzjonali tal-UE hija bbażata fuq il-prinċipji ta' governanza f'diversi livelli u ta' sussidjarjetà;

I.  billi l-Karta għall-Governanza f'diversi livelli fl-Ewropa, adottata mill-Kumitat tar-Reġjuni, tissottolinja r-rabta mill-qrib bejn il-kooperazzjoni leali fi sħubija bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-leġittimità u r-responsabbiltà ugwali ta' kull livell fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom;

J.  billi l-Kumitat tar-Reġjuni ħoloq in-Netwerk għall-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà biex jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni, bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tal-UE, dwar id-dokumenti u l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni li għandhom impatt dirett fuq l-awtoritajiet reġjonali u lokali;

K.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tat-12 ta' Diċembru 2017, talab lill-Kummissjoni, bil-għan li tissaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-eżerċizzju ta' din iċ-ċittadinanza, biex tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali jagħżlu kunsillier responsabbli għall-affarijiet Ewropej, peress li dan huwa l-livell li huwa l-aktar qrib iċ-ċittadini;

L.  billi l-Karta ta' Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli tuża t-terminu "bliet Ewropej";

M.  billi l-Patt tas-Sindki għen biex jiġu żviluppati strateġiji integrati ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u adattament għalihom, biex itejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u biex tintuża aktar l-enerġija rinnovabbli; billi dawn l-inizjattivi juru kif il-kooperazzjoni fost il-bliet u l-iskambju tal-aħjar prattiki jistgħu jgħinu fil-ksib tal-għanijiet tal-politika tal-UE;

N.  billi skont il-Karta ta' Leipzig, il-bliet huma meqjusa "assi ekonomiċi, soċjali u kulturali prezzjużi u insostitwibbli" u għandhom jassumu r-responsabbiltà għall-koeżjoni territorjali, filwaqt li waħda mill-konklużjonijiet ewlenin tar-Rapport tal-Bliet tal-Kummissjoni tal-2016 hija li l-bliet huma ċentrali biex jintlaħqu l-objettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali ewlenin tal-UE; billi l-bliet għandhom, għaldaqstant, jingħataw rwol ewlieni fil-politika ta' koeżjoni;

O.  billi l-Karta ta' Leipzig tirrikonoxxi l-obbligu fuq il-ministri responsabbli tal-Istati Membri li jippromwovu l-organizzazzjoni territorjali bbilanċjata bbażata fuq struttura urbana poliċentrika Ewropea u tiddikjara li l-bliet għandhom ikunu ċ-ċentri ewlenin għall-iżvilupp ta' reġjuni urbani u jassumu r-responsabbiltà għal koeżjoni territorjali;

P.  billi l-Aġenda Urbana tal-UE ("Patt ta' Amsterdam"), filwaqt li tafferma l-osservanza sħiħa tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u l-kompetenzi skont it-Trattati tal-UE, toħloq pjattaforma ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni, il-bliet, il-Kummissjoni, il-Parlament, il-korpi konsultattivi tal-Unjoni, u partijiet interessati oħra fil-kuntest ta' sħubijiet, bil-ħsieb li jsir kontribut informali fit-tfassil u r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE kemm eżistenti kif ukoll futuri;

Q.  billi l-ambitu tal-Aġenda Urbana jinkludi b'mod partikolari pilastru dwar Regolamentazzjoni Aħjar, li għandu l-għan li jiffoka fuq implimentazzjoni effettiva u koerenti tal-politiki, il-leġiżlazzjoni u l-istrumenti legali tal-UE, mingħajr ma jkollu l-għan li jfassal leġiżlazzjoni ġdida;

R.  billi l-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet lokali, fl-ambitu tal-Pakkett ta' Regolamentazzjoni Aħjar, fuq bażi ad hoc, biex jipparteċipaw f'valutazzjonijiet tal-impatt territorjali ta' proposti leġiżlattivi futuri;

S.  billi fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2016, il-Kunsill laqa' l-Patt ta' Amsterdam u stieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-Parlament Ewropew, fost l-oħrajn, biex jieħdu azzjoni ulterjuri f'dan il-kuntest, u stieden lill-Parlament jikkunsidra r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tas-sħubijiet wara li jikkonsulta d-direzzjoni tad-Diretturi Ġenerali responsabbli għal Kwistjonijiet Urbani, fil-kuntest tal-aġendi tal-Kumitati rilevanti meta tiġi diskussa leġiżlazzjoni rilevanti, ġdida u eżistenti tal-UE;

T.  billi l-istess Aġenda Urbana tinkariga lill-Kummissjoni, fost l-oħrajn, tikkunsidra r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tas-sħubijiet meta tkun qed tabbozza jew teżamina mill-ġdid il-leġiżlazzjoni, l-istrumenti u l-inizjattivi rilevanti tal-UE, u tinkarigaha taħdem mal-awtoritajiet urbani u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom permezz tad-diversi opportunitajiet eżistenti għal konsultazzjoni u reazzjoni offruti fl-iżvilupp ta' politika ġdida u ta' inizjattivi leġiżlattivi tal-UE u fl-evalwazzjoni tal-istrateġiji, il-politiki u l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE;

U.  billi l-isfidi globali l-ġodda relatati mas-sigurtà u l-immigrazzjoni, it-tibdil demografiku, il-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-isfidi relatati mal-kwalità tas-servizzi pubbliċi, l-aċċess għal enerġija nadifa u għal but ta' kulħadd, id-diżastri naturali u l-protezzjoni ambjentali jeħtieġu risposti lokali u, għalhekk, impenn iktar b'saħħtu min-naħa tal-bliet meta jkunu qed ifasslu u jimplimentaw politiki tal-UE;

V.  billi l-valur tal-bliet Ewropej jirriżulta wkoll mill-fatt li dawn jospitaw parti sostanzjali mill-wirt kulturali komuni Ewropew;

W.  billi l-bliet jirrappreżentaw il-livell ta' politika l-aktar mifhuma mill-pubbliku u għalhekk għandhom potenzjal kbir bħala postijiet għaċ-ċittadini biex jinvolvu ruħhom f'diskussjonijiet kostruttivi, u, f'dan ir-rigward, l-esperjenzi tal-Kumitat tar-Reġjuni, li jorganizza d-Djalogi taċ-Ċittadini, flimkien mas-sħab lokali u reġjonali, jipprovdu prospetti ottimisti;

X.  billi, fid-dawl tar-rekwiżiti politiċi li joħorġu mill-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u mill-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, il-bliet żiedu l-kapaċità tagħhom li jiżviluppaw soluzzjonijiet u strumenti politiċi innovattivi fl-interess tas-sostenibbiltà soċjali, ekoloġika u ekonomika u ta' sistemi ta' kummerċ ġust, kif ukoll il-kapaċità li jikkollegaw ruħhom, fuq livell internazzjonali u tal-UE, lil hinn mill-formati eżistenti, sabiex dawn jitpoġġew fil-prattika;

Y  billi d-dikjarazzjoni "Lejn Aġenda Urbana tal-UE", miftiehma bejn il-Ministri tal-UE responsabbli għall-Koeżjoni Territorjali u l-Kwistjonijiet Urbani f'Ġunju 2015, tirrikonoxxi r-rwol importanti tal-Kumitat tar-Reġjuni, l-EUROCITIES u l-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR) li jagħtu vuċi liż-żoni urbani;

Z.  billi l-bliet jistgħu joffru opportunità biex jintlaħaq il-potenzjal taċ-ċittadinanza Ewropea u li tissaħħaħ permezz tal-promozzjoni ta' ċittadinanza attiva, jekk jiġi rikonoxxut li l-bliet jistgħu jimplimentaw strutturi ta' intermedjazzjoni bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha b'aktar effiċjenza;

AA.  billi l-parteċipazzjoni fil-politiki tal-UE min-naħa tal-bliet tikkontribwixxi għal żieda fl-appartenenza lokali tal-UE, governanza aħjar permezz demokrazija Ewropea iktar parteċipattiva, kapaċità amministrattiva aqwa u kwalità aħjar tas-servizzi pubbliċi fl-UE kollha, u b'hekk tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-dritt għal amministrazzjoni tajba kif minqux fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

BB.  billi huwa importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fl-iktar stadji bikrija taċ-ċiklu tat-tfassil tal-politika u li dawn jissaħħu bħala parti integrali fil-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali;

CC.  billi l-forom attwali ta' parteċipazzjoni tal-bliet jibqgħu ftit sodisfaċenti mill-perspettiva tal-impatt mixtieq fuq it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE; billi, barra minn hekk, dan l-impatt ikun akbar jekk il-bliet jingħaqdu flimkien f'netwerks ibbażati fuq il-kondiviżjoni ta' affinitajiet storiċi, ġeografiċi, demografiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali;

1.  Jinnota li l-involviment tal-bliet, mifhum bħala bliet u ż-żoni urbani u metropolitani, kif ukoll bliet żgħar u ta' daqs medju, fil-proċess deċiżjonali tal-UE huwa ffaċilitat permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-Kumitat tar-Reġjuni, bħala korp konsultattiv u ta' konsultazzjoni; jemmen li l-istruttura istituzzjonali attwali tippermetti l-inkoraġġiment ta' pjattaformi ta' kooperazzjoni bejn il-bliet, u bejn il-bliet u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-korpi deċiżjonali kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, b'mod konformi mal-prinċipji ta' kooperazzjoni sinċiera, ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità;

2.  Jinnota li ma hemm l-ebda definizzjoni ta' x'jikkostitwixxi belt f'termini ta' popolazzjoni, superfiċji, funzjoni jew livell ta' awtonomija, ħlief għall-grad ta' urbanizzazzjoni u densità ta' residenti, u li kull Stat Membru, għalhekk, jista' u se jkollu interpretazzjoni differenti għat-terminu;

3.  Josserva li l-UE qegħda ssaħħaħ b'mod gradwali d-dimensjoni urbana ta' għadd ta' politiki tagħha, kif jidher, pereżempju, mill-kunċett tal-bliet u l-komunitajiet intelliġenti (Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni) u inizjattivi bħalma huma l-Inizjattiva Komunitarja Urbana I (URBAN I), URBAN II, l-iżvilupp urban sostenibbli (Artikolu 7 tal-FEŻR(8)), in-Netwerk għall-Iżvilupp Urban, l-Azzjonijiet Innovattivi Urbani, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, il-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa u l-Belt Kapitali Ewropea tal-Innovazzjoni, il-Patt tas-Sindki, u l-Aġenda Urbana għall-UE;

4.  Ifakkar li l-bliet għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni ta' ċerti politiki u strumenti tal-UE, bħal fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej; jistieden, għalhekk, lill-bliet biex jaħdmu b'mod integrat billi jikkooperaw, mal-livelli kollha tal-amministrazzjoni, is-settur privat u s-soċjetà ċivili, b'konformità mal-prinċipju ta' sħubija;

5.  Jenfasizza r-rwol prinċipali tal-bliet kif ukoll tal-awtoritajiet lokali kollha fit-tħejjija, it-tfassil, il-finanzjament u l-implimentazzjoni ta' politiki ewlenin tal-Unjoni, eż. l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, permezz ta' proċess ta' żvilupp urban, ekonomiku, soċjali u territorjali li jippermetti lill-bliet jindirizzaw sfidi ġodda u jieħdu l-opportunitajiet fl-ambitu tal-perjodu ta' finanzjament li jmiss tal-UE, bil-għan li jiġu mobilizzati r-riżorsi disponibbli lejn mhux biss tkabbir intelliġenti u sostenibbli, iżda wkoll bliet kreattivi tal-futur; jenfasizza wkoll, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' strateġiji u inizjattivi globali, bħal pereżempju l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-Patt Globali tas-Sindki;

6.  Jissottolinja li peress li l-bliet urew il-kapaċità tagħhom li jimmaniġġjaw b'mod effiċjenti l-azzjonijiet integrati għall-iżvilupp urban sostenibbli, huma għandhom jingħataw rwol akbar fl-implimentazzjoni tal-politiki rilevanti kollha;

7.  Jenfasizza l-potenzjal li jingħata rwol importanti lill-bliet fil-politiki esterni tal-Unjoni, bħala strument ta' diplomazija pubblika, li jlaqqa' nies minn pajjiżi differenti flimkien u jindirizza kwistjonijiet li minħabba diversi raġunijiet ma jinstabux fl-aġendi ta' politika ta' livell għoli, u jitlob, għalhekk, li jkun hemm finanzjament aħjar tal-mekkaniżmi ta' appoġġ rispettivi tal-Unjoni;

8.  Jirrimarka, madankollu, li xi drabi l-bliet ma jkollhomx l-għodod u l-kapaċità amministrattiva xierqa biex jipparteċipaw fi proċeduri ta' sejħiet għal offerti bl-għan li jiksbu fondi tal-UE; jilqa', għaldaqstant, l-istabbiliment ta' "punt uniku ta' kuntatt" għall-bliet, b'sit elettroniku u dokumenti disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni; jappella għal titjib fil-koordinazzjoni u l-integrazzjoni tal-istrumenti u l-programmi intiżi għall-bliet f'diversi politiki tal-UE, li għandu jinkiseb permezz tal-ħatra ta' Kummissarju li jassumi inizjattiva politika fil-qasam sabiex tingħata direzzjoni strateġika lil dawk il-politiki, b'mod konformi mal-attenzjoni dejjem akbar li l-politiki tal-UE qed jagħtu liż-żoni urbani, f'dan ir-rigward, filwaqt li jieħu inkonsiderazzjoni n-natura varjata tad-differenzi fost l-awtoritajiet lokali Ewropej u l-potenzjal rispettivi tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' approċċ aktar bilanċjat lejn il-bliet, irrispettivament mid-daqs tagħhom, fir-rigward tal-aċċess għall-istrumenti u l-programmi kkonċernati, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' konsulenza;

9.  Jilqa' l-Aġenda Urbana għall-UE bħala mudell ġdid ta' governanza f'diversi livelli bbażata fuq is-sħubija billi tinvolvi lill-bliet fir-rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti u fir-riflessjoni dwar is-sura futura tal-politiki; jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ integrat u globali fl-implimentazzjoni prattika ta' governanza f'diversi livelli stabbilita mill-atti tal-UE, b'konformità mal-għanijiet fundamentali tal-politika tal-UE; jinnota r-rwol komplementari importanti tal-approċċi minn isfel għal fuq u bbażati fuq it-territorju bħalma hu l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD);

10.  Jitlob li l-Aġenda Urbana tiġi kkoordinata, imsaħħa u formalizzata; jemmen li ma għandhiex tibqa' proċess volontarju u li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jakkwistaw aktar mis-sjieda tagħha u għandhom jimpenjaw ruħhom biex b'attenzjoni jeżaminaw ir-rakkomandazzjonijiet li jirċievu, u fejn possibbli, jimplimetawhom;

11.  Jistieden lis-sħubijiet li qed jaħdmu fil-qafas tal-Aġenda Urbana biex b'mod rapidu jadottaw ir-rakkomandazzjonijiet u l-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, turi kif tali proposti konkreti huma kkunsidrati, b'mod partikolari għal dak li jirrigwarda t-titjib fir-regolamentazzjoni, il-finanzjament u l-għarfien, u tinkludihom, fejn xieraq, fil-proposti leġiżlattivi futuri; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod kostanti lill-Parlament dwar dawn ir-riżultati;

12.  Jilqa' l-pjattaformi ta' kooperazzjoni bejn il-bliet li jippermettu l-ħolqien ta' sinerġiji, għal kooperazzjoni transfruntiera u implimentazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE fuq il-post; jemmen li l-Patt tas-Sindki tal-UE għall-Klima u l-Enerġija huwa eżempju tajjeb li għandu jiġi segwit;

13.  Jilqa' l-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-pjattaforma tad-data urbana; jistieden, madankollu, l-Eurostat u l-Kummissjoni jiġbru u jikkumpilaw data aktar dettaljata, b'mod partikolari fluss ta' data, bil-ħsieb li b'mod effiċjenti taġġusta l-politiki eżistenti u tfassal dawk futuri;

14.  Iqis li huwa meħtieġ li jissaħħaħ l-involviment bikri u koordinat tal-bliet fil-proċess deċiżjonali tal-UE fi ħdan l-istruttura istituzzjonali attwali tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward ta' leġiżlazzjoni li tolqothom direttament, b'mod li t-trasparenza u l-effikaċja fil-politika u l-proċess deċiżjonali jiġu salvagwardati filwaqt li jiġu rispettati r-realtajiet kostituzzjonali differenti tal-Istati Membri; jappella għal aktar trasparenza u għall-involviment taċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali tal-UE; jilqa', f'dan ir-rigward, l-Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini u jappella għal promozzjoni aħjar ta' din l-għodda fi ħdan l-Istati Membri;

15.  Jinsab konvint li hemm il-bżonn li r-rwol tal-bliet fit-tiswir tal-politiki futuri tal-UE jiġi msaħħaħ b'mod konsiderevoli; jistieden, għalhekk, lill-UE tevalwa mill-ġdid l-istabbiliment ta' Politika Urbana Ewropea, speċjalment fid-dawl ta' kunsiderazzjonijiet fit-tul;

16.  Ifakkar li l-Kumitat tar-Reġjuni jikkoordina l-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Ewropa 2020 (EUROPE 2020MP), li l-kompitu ewlieni tagħha hu li tiżgura li l-fehmiet ta' bliet, reġjuni u awtoritajiet lokali oħrajn jiġu kkunsidrati fid-definizzjoni tal-istrateġija tal-Kummissjoni għat-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni;

17.  Jirrakkomanda li tissaħħaħ ir-rappreżentanza politika tal-bliet u l-muniċipalitajiet fil-qafas istituzzjonali attwali tal-UE, anke billi jitqies it-tisħiħ tar-rappreżentanza tal-bliet mill-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni, mingħajr ma jitnaqqas ir-rwol tar-reġjuni u taż-żoni rurali;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu li d-diversità tal-istrutturi territorjali tagħhom tkun riflessa bis-sħiħ fil-proposti tagħhom għall-ħatra ta' membri fil-Kumitat tar-Reġjuni, u jipproponu, fejn xieraq, il-ħatra ta' aktar rappreżentanti fil-livell lokali għall-Kumitat tar-Reġjuni;

19.  Jenfasizza l-importanza tal-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw il-bliet, bħalma huma l-EUROCITIES u l-CEMR; jirrakkomanda l-konsolidazzjoni tal-involviment ta' assoċjazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw l-awtoritajiet lokali u l-interessi urbani fit-tfassil tal-politika, bħal pereżempju n-netwerk EUROCITIES u l-CEMR u oħrajn, u jqis li dawn l-assoċjazzjonijiet għandhom isiru sħab ewlenin tal-istituzzjonijiet tal-UE permezz tat-twaqqif ta' mekkaniżmu permanenti ta' djalogu strutturat, anki permezz tal-Kumitat tar-Reġjuni, b'mod partikolari fil-fażi preleġiżlattiva;

20.  Jirrakkomanda li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt territorjali għal kull miżura ta' politika u leġiżlazzjoni li għandha impatt fil-livell lokali; iqis li d-djalogu mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-awtoritajiet lokali u urbani għandu jippermettilhom jikkontribwixxu għall-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali, jagħtu pariri dwar studji ta' tħejjija għat-tfassil tal-politika u jipprovdu b'mod regolari għarfien espert tekniku u immirat dwar l-implimentazzjoni, fil-livell sottonazzjonali, tal-leġiżlazzjoni tal-UE; ifakkar li l-Kumitat tar-Reġjuni jwettaq il-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali;

21.  Iħeġġeġ aktar kooperazzjoni bejn il-Kunsill u l-awtoritajiet lokali; jitlob li r-rwol tal-bliet u r-reġjuni, u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, fi ħdan il-Kunsill jiġi msaħħaħ meta dan tal-aħħar ikun qed jittratta kwistjonijiet li jaffettwaw il-livell lokali;

22.  Huwa tal-fehma li l-bliet, iċ-ċentri urbani u l-muniċipalitajiet għandhom jitqiesu b'mod aktar wiesa', pjuttost milli bħala sempliċi strutturi ta' ġestjoni pubblika taħt kontroll demokratiku, u għandhom jitqiesu bħala fora potenzjali għal dibattitu pubbliku, it-trasferiment ta' għarfien u għat-tiswir ta' spazju politiku fl-UE, mingħajr ma jiġi mminat r-rwol taż-żoni rurali; jinnota li huwa meħtieġ li jiġu definiti l-elementi fundamentali ta' din spazju pubbliku Ewropew kkaratterizzati mit-tgawdija tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u minn valuri bħalma huma l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u l-ġustizzja;

23.  Jenfasizza l-importanza tar-rwol tas-soċjetà ċivili fil-ħajja politika tal-UE; iqis li l-bliet, peress li għandhom aċċess privileġġat għal settur kbir tal-popolazzjoni tal-UE, jirrappreżentaw il-livell li fih in-nies ikunu jistgħu faċilment jiġu involuti, ; jinnota li l-bliet jistgħu għalhekk ikollhom rwol ta' leġittimazzjoni, u jistgħu jikkontribwixxu għall-kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE;

24.  Ifakkar li l-bliet għandhom jiġu rikonoxxuti bħala ċentri li għandhom rwol pożittiv fl-iżvilupp tal-istrateġiji tal-UE, fejn kwistjonijiet globali joriġinaw lokalment u huma solvuti lokalment, u huma jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-sistema ta' governanza f'diversi livelli tal-Unjoni, u li din il-perspettiva għandha konsegwenza prattika fuq il-qafas istituzzjonali tal-proċess deċiżjonali minn isfel għal fuq jew minn fuq għal isfel tal-UE;

25.  Jemmen li r-rappreżentazzjoni tal-bliet m'għandhiex tkun limitata għar-rappreżentanti uffiċjali li jipparteċipaw fl-istrutturi ta' ġestjoni u ta' konsulenza, u li l-bliet u l-irħula – u mhux biss il-bliet kapitali tal-pajjiżi u r-reġjuni – jistgħu jsiru ċentri ta' dibattitu dwar il-futur tal-Unjoni u l-politiki tagħha;

26.  Iqis li sabiex isiru ċentri ta' dibattitu dwar il-futur tal-Unjoni u l-politiki tagħha, il-muniċipalitajiet iridu jaħtru kunsillier responsabbli għall-affarijiet Ewropej, u li għandu jiġi stabbilit netwerk għall-kunsilliera lokali b'tali mandat;

27.  Jappella biex jingħata appoġġ suffiċjenti ħalli l-bliet u l-awtoritajiet lokali jkunu jistgħu jtejbu d-dimensjoni urbana tat-tfassil tal-politika tal-UE;

28.  Jirrakkomanda li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-bliet tal-UE għall-finijiet tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE permezz ta' dibattiti u konsultazzjonijiet fuq kwistjonijiet rilevanti għalihom li jestendu lil hinn mill-politika urbana fis-sens strett;

29.  Jinsisti li għan bħal dan se jkun fattibbli biss jekk jitwettqu dibattiti u konsultazzjonijiet f'żoni urbani li mhumiex bliet kapitali nazzjonali jew reġjonali, li jistgħu jikkostitwixxu forum aċċessibbli faċilment għaċ-ċittadini li jgħixu fil-qrib, inklużi fil-bliet u fl-irħula, fejn l-għan ewlieni jkun li l-Unjoni Ewropea toqrob lejn iċ-ċittadini tagħha;

30.  Jirrikonoxxi l-importanza li jiġu pprovduti mudelli ta' involviment adattati għal kuntesti differenti u għal żoni urbani ta' daqs u importanza differenti, minn bliet kapitali Ewropej għal bliet żgħar u ta' daqs medju;

31.  Iqis li l-Parlament, flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni, huma l-promoturi naturali ta' tali proċess, bħala korpi bil-kapaċità li jinkwadraw il-kwistjonijiet li jikkostitwixxu punt ta' tluq għal diskussjonijiet u konsultazzjonijiet u biex jaslu għal konklużjonijiet abbażi tal-vuċijiet, l-opinjonijiet u l-proġetti miġbura;

32.  Jipproponi li l-proċess tal-konsultazzjoni taċ-ċittadini għandu jkun organizzat mill-Parlament u mill-Kumitat tar-Reġjuni, f'kooperazzjoni ma' dawk il-Kunsilli tal-Bliet Ewropej rikonoxxuti bħala fora għal dibattitu Ewropew, u li tali fora għandhom, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, jiġu stabbiliti primarjament fil-bliet li l-firxa tagħhom għandha sinifikat għall-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tar-reġjun ikkonċernat u taffettwahom, sabiex tiġi żgurata l-usa' parteċipazzjoni possibbli;

33.  Jissuġġerixxi, barra minn hekk, li l-kunsilli tal-bliet rikonoxxuti bħala fora għal dibattitu Ewropew għandhom ikunu responsabbli biex jipprovdu l-universitajiet, l-iskejjel lokali, u istituzzjonijiet edukattivi oħra, kif ukoll il-midja, l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet soċjali u l-pubbliku ġenerali, b'esperjenza professjonali u pubblika estensiva u aċċess liberu u miftuħ kif ukoll bil-possibbiltà li jipparteċipaw f'dibattiti u konsultazzjonijiet; jemmen li l-kunsilli għandhom ikunu responsabbli wkoll biex jistiednu lir-rappreżentanti tal-livelli kollha tal-governanza urbana inklużi l-unitajiet iżgħar jew il-kunsilli sħab miż-żona urbana usa', u li jkun ukoll raġonevoli li jiġi speċifikat l-ambitu territorjali ta' tali obbligu fil-ftehim milħuq bejn il-korpi rilevanti fil-livell tal-UE u tal-kunsill tal-belt tal-forum Ewropew;

34.  Jissuġġerixxi t-twaqqif ta' programm pilota ta' 54 fora għal dibattitu Ewropew – l-iżgurar ta' rappreżentanza territorjali bbilanċjata u r-rappreżentanza ta' bliet ta' daqs differenti – li ser isiru fil-bliet mhux kapitali tal-Istati Membri, bil-ħsieb li tinkiseb sistema ta' dibattitu u konsultazzjoni fil-livell muniċipali dwar l-affarijiet tal-UE;

35.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm skambju ta' prattiki tajbin bejn il-bliet Ewropej, peress li xi wħud minnhom diġà implimentaw b'suċċess programmi fil-qasam tal-migrazzjoni jew it-tibdil fil-klima, jew pjanijiet ta' ġestjoni urbana innovattivi.

36.  Jenfasizza li l-konsolidazzjoni tal-pożizzjoni tal-bliet fit-tfassil tal-politiki tal-UE, fost oħrajn, fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni, ma timminax il-fiduċja fil-livelli l-oħra ta' governanza, iżda pjuttost issaħħaħha, peress li hija tappoġġa l-governanza f'diversi livelli u s-sussidjarjetà fuq il-bażi tal-fiduċja bilaterali bejn l-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali;

37.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 82.

(2)

ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391

(3)

ĠU C 316, 22.9.2017, p. 124.

(4)

ĠU L 74, 14.3.2014, p. 1

(5)

Testi adottati, P8_TA(2017)0049.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2017)0048.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2017)0487.

(8)

Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289).


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (15.5.2018)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar ir-rwol tal-bliet fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni

(2017/2037(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Jan Olbrycht

(*)  Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi li l-bliet, jiġifieri bliet u żoni urbani u metropolitani, kif ukoll bliet żgħar u ta' daqs medju li jikkostitwixxu s-sinsla tat-territorji tal-UE, ma għandhomx rwol formali fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni, minbarra dak tar-rappreżentanti tagħhom fil-Kumitat tar-Reġjuni (KtR), li huwa rwol konsultattiv biss; jenfasizza, madankollu, li kważi l-politiki kollha tal-UE għandhom impatt dirett jew indirett sinifikanti fuq il-bliet u li r-rappreżentanti eletti fil-livell lokali jistgħu jkunu (fl-ambitu tal-prinċipji ta' sħubija u ta' governanza f'diversi livelli) intermedjarju essenzjali bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha, li għandhom ikunu involuti b'mod konkret fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea, permezz ta', fost oħrajn, komunikazzjoni reċiproka aqwa, kif ukoll informazzjoni ta' kwalità dwar il-politiki;

2.  Jirrimarka li l-Karta ta' Leipzig tidentifika l-bliet bħala assi ekonomiċi, soċjali u kulturali insostitwibbli u tiddikjara li l-bliet għandhom jassumu r-responsabilità għall-koeżjoni territorjali; jenfasizza, għalhekk, ir-rwol ewlieni li għandu jingħata lill-bliet fil-politika ta' koeżjoni;

3.  Jinnota li ma hemm l-ebda definizzjoni ta' x'jikkostitwixxi belt f'termini ta' popolazzjoni, superfiċji, funzjonijiet u livell ta' awtonomija, bl-eċċezzjoni tal-grad ta' urbanizzazzjoni u tad-densità ta' residenti, u li għalhekk kull Stat Membru jista' u se jkollu interpretazzjoni differenti għat-terminu;

4.  Josserva li l-UE qegħda ssaħħaħ b'mod gradwali d-dimensjoni urbana ta' għadd ta' politiki tagħha, kif jidher, pereżempju, mill-kunċett sħiħ tal-bliet u l-komunitajiet intelliġenti (Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni) u inizjattivi bħalma huma l-Inizjattiva Komunitarja Urbana I (URBAN I), URBAN II, l-iżvilupp urban sostenibbli (Artikolu 7 tal-FEŻR), in-Netwerk għall-Iżvilupp Urban, l-Azzjonijiet Innovattivi Urbani, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, il-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa u l-Belt Kapitali Ewropea tal-Innovazzjoni, il-Patt tas-Sindki, u l-Aġenda Urbana għall-UE;

5.  Jenfasizza ir-rwol prinċipali tal-bliet kif ukoll tal-awtoritajiet lokali kollha fit-tħejjija, it-tfassil, il-finanzjament u l-implimentazzjoni ta' politiki ewlenin tal-Unjoni, eż. l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, permezz ta' proċess ta' żvilupp urban, ekonomiku, soċjali u territorjali li jippermetti lill-bliet jindirizzaw sfidi ġodda u jieħdu l-opportunitajiet fl-ambitu tal-perjodu ta' finanzjament li jmiss tal-UE, bil-għan li jiġu mobilizzati r-riżorsi disponibbli lejn mhux biss tkabbir intelliġenti u sostenibbli, iżda wkoll bliet kreattivi tal-futur; jenfasizza wkoll, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' strateġiji u inizjattivi globali, bħal pereżempju l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU jew il-Patt Globali tas-Sindki;

6.  Jenfasizza l-potenzjal għal rwol importanti tal-bliet fil-politiki esterni tal-Unjoni, bħala strument ta' diplomazija pubblika, li jlaqqa' nies minn pajjiżi differenti flimkien u jindirizza kwistjonijiet li minħabba diversi raġunijiet ma jinstabux fl-aġendi ta' politika ta' livell għoli, u għalhekk jitlob li jkun hemm finanzjament aħjar tal-mekkaniżmi ta' appoġġ rispettivi tal-Unjoni;

7.  Jirrimarka, madankollu, li xi drabi l-bliet ma jkollhomx l-għodod u l-kapaċità amministrattiva xierqa biex jipparteċipaw fi proċeduri ta' sejħiet għal offerti bl-għan li jiksbu fondi tal-UE; jilqa', għaldaqstant, l-istabbiliment ta' "punt uniku ta' kuntatt" għall-bliet, li s-sit web u d-dokumenti tiegħu għandhom jkunu disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, u jappella għal titjib fil-koordinazzjoni u l-integrazzjoni tal-istrumenti u l-programmi intiżi għall-bliet f'diversi politiki tal-UE, li għandu jinkiseb permezz tal-ħatra ta' Kummissarju li jassumi inizjattiva politika fil-qasam sabiex tingħata direzzjoni strateġika lil dawk il-politiki, b'mod konformi mal-attenzjoni dejjem akbar li l-politiki tal-UE qed jagħtu liż-żoni urbani, f'dan ir-rigward, anki fid-dawl tan-natura varjata tad-differenzi fost l-awtoritajiet lokali Ewropej u l-potenzjal rispettivi tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' approċċ aktar bilanċjat lejn il-bliet, irrispettivament mid-daqs tagħhom, fir-rigward tal-aċċess għall-istrumenti u l-programmi kkonċernati, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' konsulenza;

8.  Jilqa' l-Aġenda Urbana għall-UE bħala mudell ġdid ta' governanza f'diversi livelli bbażata fuq is-sħubija, li tinvolvi lill-bliet fost ħwejjeġ oħra fir-rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti u fir-riflessjoni dwar is-sura futura tal-politiki; jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ integrat u globali fl-implimentazzjoni prattika ta' governanza f'diversi livelli stabbilita minn atti tal-UE, f'konformità mal-għanijiet fundamentali tal-politiki tal-UE u r-rwol komplementari importanti żvolt minn approċċi minn isfel għal fuq u bbażat fuq it-territorju, kif juri, pereżempju, l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD);

9.  Jitlob li l-Aġenda Urbana tiġi kkoordinata, imsaħħa u formalizzata; jemmen li ma għandhiex tibqa' proċess volontarju u li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jakkwistaw aktar mis-sjieda tagħha u jimpenjaw ruħhom biex b'attenzjoni jeżaminaw ir-rakkomandazzjonijiet li jirċievu, u fejn possibbli, jimplimetawhom;

10.  Jistieden lis-sħubijiet li qed jaħdmu fil-qafas tal-Aġenda Urbana biex b'mod rapidu jadottaw ir-rakkomandazzjonijiet u l-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, turi kif tali proposti konkreti huma kkunsidrati, b'mod partikolari għal dak li jirrigwarda t-titjib fir-regolamentazzjoni, il-finanzjament u l-għarfien, u tinkludihom, fejn xieraq, fil-proposti leġiżlattivi futuri; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod kostanti lill-Parlament dwar dawn ir-riżultati;

11.  Jissottolinja li peress li l-bliet urew il-kapaċità tagħhom li jimmaniġġjaw b'mod effiċjenti l-azzjonijiet integrati għall-iżvilupp urban sostenibbli, huma għandhom jingħataw rwol akbar fl-implimentazzjoni tal-politiki rilevanti kollha;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ddaħħal valutazzjoni b'bażi wiesgħa tal-impatt territorjali tad-dimensjoni urbana tal-politiki rilevanti kollha tal-UE, sabiex tiżgura li l-leġiżlazzjoni futura kollha tkun ibbażata fuq analiżi tal-konsegwenzi tal-implimentazzjoni fil-livell lokali u reġjonali; jinkoraġġixxi l-involviment aktar b'saħħtu u aktar attiv tal-bliet, l-assoċjazzjonijiet tal-bliet, l-aworitajiet lokali u reġjonali, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-KtR, permezz ta' kooperazzjoni effikaċi f'dan il-proċess;

13.  Jilqa' l-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-pjattaforma tad-data urbana; jistieden, madankollu, l-Eurostat u l-Kummissjoni jiġbru u jikkumpilaw data aktar dettaljata, u, b'mod partikolari, fluss tad-data, bil-ħsieb li b'mod effiċjenti taġġusta l-politiki eżistenti u tfassal dawk futuri;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu li d-diversità tal-istrutturi territorjali tagħhom tkun riflessa bis-sħiħ fil-proposti tagħhom għall-ħatra ta' membri fil-KtR, u jipproponu, fejn xieraq, il-ħatra ta' aktar rappreżentanti tal-livell lokali għall-KtR;

15.  Jenfasizza l-importanza tal-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw il-bliet, bħalma huma l-EUROCITIES u l-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR); jitlob li jiġu involuti b'mod attiv u aktar mill-qrib fil-gruppi esperti tal-Kummissjoni u fil-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill rilevanti ; jenfasizza wkoll l-importanza tar-rwol tas-soċjetà ċivili fil-ħajja politika tal-UE u fid-definizzjoni tal-politika urbana Ewropea;

16.  Jinsab konvint li hemm il-bżonn li r-rwol tal-bliet fit-tiswir tal-politiki futuri tal-UE jiġi msaħħaħ b'mod konsiderevoli; jistieden, għalhekk, lill-UE, speċjalment bil-ħsieb ta' kunsiderazzjonijiet fit-tul, tivvaluta mill-ġdid l-istabbiliment ta' Politika Urbana Ewropea.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

15.5.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Mercedes Bresso, Steeve Briois, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, Aleksander Gabelic, Ivan Jakovčić, Constanze Krehl, Sławomir Kłosowski, Louis-Joseph Manscour, Iskra Mihaylova, Andrey Novakov, Paul Nuttall, Younous Omarjee, Konstantinos Papadakis, Stanislav Polčák, Liliana Rodrigues, Fernando Ruas, Maria Spyraki, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Matthijs van Miltenburg, Kerstin Westphal, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, John Howarth, Ivana Maletić, Miroslav Mikolášik, Bronis Ropė, Davor Škrlec, Damiano Zoffoli

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Dariusz Rosati, Boris Zala

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

31

+

ALDE

Ivan Jakovčić, Iskra Mihaylova, Matthijs van Miltenburg

ECR

Sławomir Kłosowski, Ruža Tomašić

EFDD

Isabella Adinolfi, Rosa D’Amato

GUE/NGL

Younous Omarjee

PPE

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Ivana Maletić, Miroslav Mikolášik, Andrey Novakov, Stanislav Polčák, Dariusz Rosati, Fernando Ruas, Maria Spyraki, Ramón Luis Valcárcel Siso, Joachim Zeller

S&D

Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Aleksander Gabelic, John Howarth, Constanze Krehl, Louis-Joseph Manscour, Liliana Rodrigues, Kerstin Westphal, Boris Zala, Damiano Zoffoli

VERTS/ALE

Bronis Ropė, Davor Škrlec

3

-

EFDD

Paul Nuttall

ENF

Steeve Briois

NI

Konstantinos Papadakis

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.5.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mercedes Bresso, Richard Corbett, Pascal Durand, Danuta Maria Hübner, Diane James, Ramón Jáuregui Atondo, Jo Leinen, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Markus Pieper, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Barbara Spinelli, Claudia Țapardel, Kazimierz Michał Ujazdowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Martina Anderson, Jérôme Lavrilleux, Jiří Pospíšil, Rainer Wieland

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Eduard Kukan, Fernando Ruas


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

18

+

GUE/NGL

Martina Anderson, Barbara Spinelli

NI

Kazimierz Michał Ujazdowski

PPE

Danuta Maria Hübner, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Eduard Kukan, Markus Pieper, Jiří Pospíšil, Fernando Ruas, György Schöpflin, Rainer Wieland

S&D

Mercedes Bresso, Richard Corbett, Ramón Jáuregui Atondo, Jo Leinen, Pedro Silva Pereira, Claudia Țapardel

VERTS/ALE

Pascal Durand

1

-

NI

Diane James

1

0

ALDE

Maite Pagazaurtundúa Ruiz

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ġunju 2018Avviż legali