Proċedura : 2017/2277(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0208/2018

Testi mressqa :

A8-0208/2018

Dibattiti :

PV 10/09/2018 - 24
CRE 10/09/2018 - 24

Votazzjonijiet :

PV 11/09/2018 - 6.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0325

RAPPORT     
PDF 672kWORD 67k
12.6.2018
PE 616.839v02-00 A8-0208/2018

dwar il-mezzi possibbli ta' reintegrazzjoni tal-ħaddiema li qed jirkupraw minn korriment u mard f'impjieg ta' kwalità

(2017/2277(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Rapporteur: Jana Žitňanská

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-mezzi possibbli ta' reintegrazzjoni tal-ħaddiema li qed jirkupraw minn korriment u mard f'impjieg ta' kwalità

(2017/2277(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea tat-3 ta' Mejju 1996,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Alleanza Ewropea għall-Mard Kroniku ta' Novembru 2017 dwar "Improving the employment of people with chronic diseases in Europe" (Intejbu l-impjieg tal-persuni b'mard kroniku fl-Ewropa),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) u d-dħul fis-seħħ tagħha fl-UE fil-21 ta' Jannar 2011 f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 2014-2020(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport konġunt tal-2014 mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) u tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) dwar "Riskji psikosoċjali fl-Ewropa – Prevalenza u strateġiji ta' prevenzjoni",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Novembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, b'riferiment partikolari għall-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar is-CRPD(4),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Philadelphia tal-10 ta' Mejju 1944 dwar l-għanijiet u l-objettivi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-promozzjoni tax-xogħol diċenti għal kulħadd(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Aġenda soċjali mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21" (COM(2008)0412),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas tas-sħab soċjali Ewropej dwar l-Istress fuq il-Post tax-Xogħol (SEC(2011)0241),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Intejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol: strateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-siġurtà fuq il-post tax-xogħol" (COM(2007)0062),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/78/KE kontra d-diskriminazzjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (QtĠ) bħall-Kawżi Magħquda C-335/11 u C-337/11 ta' April 2013 (HK Danimarka), li flimkien jistabbilixxu l-projbizzjoni għal min iħaddem li jiddiskrimina meta mard fit-tul jista' jiġi assimilat ma' diżabilità, kif ukoll l-obbligu għal min iħaddem li jagħmel adattamenti raġonevoli għall-kondizzjonijiet tax-xogħol,

–  wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta dwar is-Saħħa u l-Benessri Mentali mnedija fl-2013,

–  wara li kkunsidra l-kampanja tal-UE-OSHA bit-titolu "Inqas Stress għal iktar Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol",

–  wara li kkunsidra l-proġett pilota tiegħu, dwar is-saħħa ta' ħaddiema kbar fl-età, imwettaq mill-EU-OSHA,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-EU-OSHA tal-2016 bit-titolu "Riabilitazzjoni u ritorn għax-xogħol: Rapport ta' analiżi dwar il-politiki, l-istrateġiji u l-programmi tal-UE u l-Istati Membri",

–  wara li kkunsidra r-"Rapport dwar l-opportunitajiet ta' xogħol għal persuni b'mard kroniku" tal-2014, tal-Eurofound,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' Business Europe tal-2012 dwar "Il-prattiki ta' min iħaddem għal Tixjiħ Attiv",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0208/2018),

A.  billi l-istress relatat max-xogħol huwa problema li qed tikber kif ukoll it-tieni l-aktar problema tas-saħħa relatata max-xogħol irrapportata b'mod frekwenti fl-Ewropa; billi 25 %(6) tal-ħaddiema jirrapportaw li jesperjenzaw stress relatat max-xogħol; billi l-istress fuq il-post tax-xogħol jista' jimmina d-dritt tal-individwu għal kondizzjonijiet tax-xogħol sani; billi l-istress relatat max-xogħol ikompli jikkontribwixxi għall-assenteiżmu u għal livell baxx ta' sodisfazzjon fl-impjieg, filwaqt li jaffettwa b'mod negattiv il-produttività u jammonta għal kważi nofs l-ammont ta' jiem ta' xogħol mitlufa kull sena;

B.  billi t-tixjiħ tal-forza tax-xogħol Ewropea tippreżenta sfidi ġodda fir-rigward tal-ambjent tax-xogħol u l-evoluzzjoni tal-organizzazzjoni tax-xogħol; billi t-tixjiħ huwa akkumpanjat minn riskju ogħla ta' żvilupp ta' problemi kroniċi tas-saħħa mentali kif ukoll ts-saħħa fiżika, inklużi diżabilitajiet u mard, li jagħmlu l-prevenzjoni, ir-reintegrazzjoni u r-riabilitazzjoni linji ta' politika importanti sabiex il-postijiet tax-xogħol kif ukoll is-sistemi tal-pensjonijiet u tas-sigurtà soċjali jinżammu sostenibbli; billi l-mard kroniku ma jikkonċernax biss il-popolazzjoni kbira fl-età;

C.  billi l-assenza mix-xogħol fit-tul għandha impatt negattiv fuq is-saħħa mentali u fiżika, kif ukoll spejjeż soċjali u ekonomiċi għolja, u tista' timpedixxi r-ritorn għax-xogħol; billi s-saħħa u l-benessri jaqdu rwol ċentrali fil-bini ta' ekonomiji sostenibbli; billi huwa importanti li wieħed iqis l-impatt finanzjarju serju ta' mard jew diżabilità fuq il-familji jekk il-persuni kkonċernati ma jistgħux jirritornaw għax-xogħol;

D.  billi filwaqt li teżisti distinzjoni bejn diżabilità, korriment, mard u kundizzjonijiet assoċjati mal-età, dawn ta' spiss jikkoinċidu u jirrikjedu approċċ komprensiv iżda fuq il-bażi ta' każ b'każ b'mod individwali;

E.  billi t-tixjiħ huwa wieħed mill-isfidi soċjali ewlenin li qed tiffaċċja l-UE; billi għalhekk hemm il-bżonn ta' politiki li jippromwovu t-tixjiħ attiv biex il-persuni jkunu jistgħu jibqgħu attivi u fl-impjieg sal-età tal-irtirar, jew lil hinn jekk din tkun ix-xewqa tagħhom; billi l-ġenerazzjoni aktar anzjana u l-esperjenza tagħha huma indispensabbli għas-suq tax-xogħol; billi l-persuni kbar fl-età li jixtiequ jibqgħu jaħdmu ta' spiss ifittxu sigħat flessibbli jew arranġamenti ta' xogħol speċifiċi għalihom; billi l-mard, id-diżabilità u l-esklużjoni mix-xogħol għandhom konsegwenzi finanzjarji serji;

F.  billi t-tipjip, l-alkoħol u l-abbuż mid-drogi huma fost l-aktar fatturi sinifikanti ta' riskju għas-saħħa tal-persuni fl-età tax-xogħol fl-UE, marbuta kemm ma' korrimenti kif ukoll ma' diversi mard li ma jitteħidx(7); billi bejn l-20 % u l-25 % tal-inċidenti kollha fuq il-post tax-xogħol jinvolvu persuni taħt l-influwenza tal-alkoħol(8), u billi huwa stmat li bejn il-5 % u l-20 % tal-popolazzjoni attiva fl-Ewropa għandhom problemi serji relatati mal-użu tal-alkoħol(9); billi r-reintegrazzjoni tal-ħaddiema li sofrew minn problemi ta' abbuż tad-drogi f'impjieg ta' kwalità tippreżenta sfidi speċifiċi għal min iħaddem;

G.  billi l-persuni b'diżabilità jew mard kroniku, jew dawk li jkunu qed jirkupraw minn korriment jew mard jinsabu f'qagħda vulnerabbli u għandhom jibbenefikaw minn appoġġ individwalizzat meta jirritornaw fuq il-post tax-xogħol tagħhom jew fis-suq tax-xogħol; billi xi persuni b'kundizzjonijiet kroniċi ma jixtiqux jew ma jistgħux jirritornaw għax-xogħol;

H.  billi l-qasam ta' riabilitazzjoni tax-xogħol u r-ritorn għax-xogħol jistgħu jipprovdu opportunitajiet siewja ta' volontarjat, pereżempju billi wieħed iwettaq xogħol ta' volontarjat wara li jirtira; billi l-volontarjat għandu jiġi appoġġjat fi kwalunkwe età;

I.  billi l-ewwel u qabel kollox jeħtieġ li min iħaddem jippromwovi kultura tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; billi l-fatt li wieħed jieħu sehem minn jeddu f'attivitajiet relatati mas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, bħall-gruppi ta' ħidma, jista' jikkontribwixxi wkoll sabiex ikun hemm tibdil fil-kultura;

J.  billi x-xogħol għandu rwol importanti fl-iffaċilitar tal-proċess ta' rkupru u ta' riabilitazzjoni minħabba l-benefiċċji psikosoċjali pożittivi ewlenin li x-xogħol iġib għall-impjegati; billi l-prattiki tajba fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma kruċjali għal forza tax-xogħol produttiva u motivata, li jgħinu lill-kumpaniji jibqgħu kompetittivi u innovattivi, jiżguraw il-benessri tal-ħaddiema u jgħinu biex jippreservaw il-ħiliet u l-esperjenza professjonali prezzjuża, biex tonqos ir-rotazzjoni tal-persunal u jiġu evitati l-esklużjoni, l-inċidenti u l-korrimenti; billi, għalhekk, il-Kummissjoni hija mħeġġa tqis il-kostijiet tal-ispejjeż kollha fil-qasam tal-inklużjoni attiva u soċjali; billi l-adozzjoni ta' approċċi xierqa u mfassla b'mod individwali lejn ir-reintegrazzjoni tal-persuni li jkunu qed jirkupraw minn korriment jew mard f'impjieg ta' kwalità hija fattur importanti sabiex jiġi evitat assenteiżmu addizzjonali jew preżenteiżmu f'każ ta' mard;

K.  billi d-definizzjoni ta' persuna b'kapaċità ta' xogħol ridotta tista' tvarja minn Stat Membru għall-ieħor;

L.  billi l-SMEs u l-mikrointrapriżi għandhom ħtiġijiet partikolari f'dan ir-rigward peress li għandhom inqas riżorsi meħtieġa biex jikkonformaw mal-obbligi assoċjati mal-prevenzjoni tal-mard u tal-inċidenti u, għalhekk, spiss jeħtieġu appoġġ sabiex jilħqu l-għan tagħhom tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; billi, min-naħa l-oħra, prattiki tajba tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma kruċjali għall-SMEs u l-mikrointrapriżi, partikolarment għas-sostenibbiltà tan-negozji tagħhom; billi diversi programmi ffinanzjati mill-UE joffru possibilitajiet għal skambju siewi ta' innovazzjonijiet u l-aħjar prattiki sostenibbli fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

M.  billi fatturi psikosoċjali negattivi fuq il-post tax-xogħol mhumiex marbuta biss mal-eżiti tas-saħħa iżda anke ma' żieda fl-assenteiżmu u ma' livell baxx ta' sodisfazzjon fl-impjieg; billi miżuri tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol imfassla b'mod individwali jistgħu jippermettu li individwu b'bidla fil-kapaċitajiet tax-xogħol jibqa' jaħdem u jkun ta' benefiċċju għall-forza tax-xogħol fl-intier tagħha; billi filwaqt li assenza mix-xogħol xi drabi hija meħtieġa medikament, hemm ukoll effetti negattivi oħra psikosoċjali għal persuni li jqattgħu żmien itwal 'il bogħod mix-xogħol u li, minħabba f'hekk, hemm inqas probabilità li xi darba jirritornaw għax-xogħol; billi l-kura bikrija kkoordinata, bil-għan ewlieni jkun il-benessri tal-impjegat, hija kruċjali sabiex jittejbu l-eżiti tar-ritorn għax-xogħol u jiġu evitati konsegwenzi negattivi fit-tul għall-individwu;

N.  billi d-disponibbiltà u l-komparabbiltà tad-data dwar il-mard ikkaġunat mix-xogħol fil-livell tal-UE ta' spiss mhumiex suffiċjenti; billi skont il-Eurofound kważi 28 % tal-Ewropej jirrapportaw li għandhom problema tas-saħħa kronika fiżika jew mentali, mard jew diżabilità(10); billi huwa stmat li persuna minn kull erbgħa fl-età tax-xogħol tgħix bi problemi tas-saħħa fit-tul(11); billi d-diżabilità u l-mard jistgħu simultanjament ikunu l-kawżi u l-konsegwenza tal-faqar; billi studju tal-OECD sab li l-introjtu tal-persuni b'diżabilità huwa, bħala medja, 12 % inqas mill-bqija tal-popolazzjoni(12); billi f'xi pajjiżi din id-diskrepanza fl-introjtu tammonta għal 30 %; billi studju li twettaq fl-2013 wera li 21,8 % tal-pazjenti morda bil-kanċer ta' bejn it-18 u s-57 sena jisfaw qiegħda eżattament wara li ssirilhom id-dijanjożi, b'91,6 % ta' dan il-grupp jisfaw qiegħda 15-il xahar wara d-dijanjożi(13); billi l-istudju tal-Eurostat tal-2011(14) sab li fost il-persuni impjegati li għandhom kapaċitajiet tax-xogħol limitati minħabba problema ta' saħħa u/jew diffikultà bażika fl-attivitajiet għal tul ta' żmien, 5.2 % biss jirrapportaw li jagħmlu użu minn arranġamenti tax-xogħol speċjali; billi skont l-istess studju tal-Eurostat 24,2 % ta' dawk li huma qiegħda jippreċiżaw li se jeħtieġu arranġamenti tax-xogħol speċjali biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn għax-xogħol tagħhom;

O.  billi d-diġitalizzazzjoni x'aktarx li twassal għal trasformazzjonijiet kbar fir-rigward tal-organizzazzjoni tax-xogħol u tista' tgħin sabiex jittejbu l-opportunitajiet għall-ħaddiema li għandhom, pereżempju, kapaċitajiet fiżiċi ridotti; billi l-ġenerazzjoni kbira fl-età tista' tiffaċċja sett uniku ta' sfidi f'dan ir-rigward; billi dawn għandhom ukoll jibbenefikaw minn dawn il-bidliet;

P.  billi d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità ta' kull ħaddiem huwa minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u billi l-kundizzjonijiet tax-xogħol tajba għandhom valur pożittiv fihom infushom; billi bi qbil mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, kull persuna għandha d-dritt għal standard ta' għajxien adegwat għas-saħħa u l-benessri tagħha ,kif ukoll id-dritt għax-xogħol u għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u favorevoli; billi t-titjib tas-saħħa u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema żiedu l-benessri ġenerali tas-soċjetà u għandhom benefiċċji ekonomiċi għall-Istati Membri, l-impjegati u min iħaddem, inklużi ħaddiema kbar fl-età u individwi li għandhom kundizzjonijiet mediċi, kif ukoll għenu biex jiġu ppreservati sal-età tal-irtirar il-ħiliet li inkella kienu jintilfu; billi min iħaddem, il-ħaddiema, il-familji u l-komunitajiet jibbenefikaw meta diżabilità għax-xogħol tiġi trasformata f'kapaċità għax-xogħol;

Prevenzjoni u interventi bikrija

1.  Iqis bħala essenzjali t-titjib tal-ġestjoni tal-assenzi minħabba mard fl-Istati Membri kif ukoll li l-postijiet tax-xogħol isiru aktar adattabbli għall-kundizzjonijiet kroniċi u d-diżabilitajiet, billi tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni bl-infurzar aħjar tad-Direttiva 2000/78/KE dwar l-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol; jirrikonoxxi li, biex iseħħ it-titjib, irid ikun hemm leġiżlazzjoni li tiffunzjona b'sorveljanza effettiva fl-Istati Membri biex jiġi żgurat li min iħaddem jagħmel il-postijiet tax-xogħol aktar inklużivi għal dawk li jbatu minn kundizzjonijiet kroniċi u minn diżabilitajiet, inkluż pereżempju billi jimmodifika l-kompiti, it-tagħmir u l-iżvilupp tal-ħiliet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw adattamenti raġonevoli għall-postijiet tax-xogħol biex jiżguraw ritorn f'waqtu lejn ix-xogħol;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi miżuri ta' integrazzjoni u ta' riabilitazzjoni u tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri billi tqajjem kuxjenza u tidentifika u tikkondividi l-aħjar prattiki dwar l-akkomodazzjonijiet u l-aġġustamenti fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, li huma marbuta mar-ritorn għax-xogħol, biex jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-ostakli mhux mediċi potenzjali għar-ritorn għax-xogħol, u biex jikkoordinaw l-azzjonijiet sabiex jidentifikawhom u jindirizzawhom;

3.  Iħeġġeġ lill-Eurofound tkompli teżamina u tanalizza l-opportunitajiet ta' impjieg u l-livell ta' impjegabbiltà ta' persuni b'mard kroniku; jitlob li l-użu ta' politika bbażata fuq l-evidenza jsir prattika standard u jifforma l-bażi tal-approċċi relatati mar-ritorn għax-xogħol; jistieden lil dawk li jfasslu l-politika biex jieħdu r-riedni ħalli jiżguraw li min iħaddem u l-impjegati tagħhom ikollhom aċċess sew għall-informazzjoni u sew għall-kura medika, u li dawn l-aħjar prattiki jiġu promossi fil-livell Ewropew;

4.  Huwa tal-fehma li l-Qafas Strateġiku tal-UE li jmiss dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol wara l-2020 għandu jipprijoritizza aktar l-investimenti permezz tal-fondi tal-UE mmirati lejn il-prolungament u l-promozzjoni ta' ħajjiet tax-xogħol aktar sani, u ta' arranġamenti tax-xogħol individwalizzati, kif ukoll dwar l-appoġġ għall-faċilitazzjoni ta' reklutaġġ u r-ritorn adattat għax-xogħol, meta mixtieq jew meta l-kundizzjonijiet mediċi jippermettu; iqis li parti integrali ta' din l-istrateġija hija l-investiment f'mekkaniżmi ta' prevenzjoni primarja u sekondarja permezz ta’, pereżempju, il-provvista ta' teknoloġiji elettroniċi tas-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprijoritizzaw il-prevenzjoni tar-riskji u tal-mard fuq il-post tax-xogħol;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ fil-kampanja Ewropea 2020-2022 li ġejja dwar il-prevenzjoni ta' mard muskoloskeletali marbut max-xogħol (MSDs) biex isibu soluzzjonijiet innovattivi mhux leġiżlattivi u biex jiskambjaw informazzjoni u prattiki tajba mas-sħab soċjali; jitlob l-involviment attiv tal-Istati Membri fit-tixrid ta' informazzjoni pprovduta mill-EU-OSHA; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta, mingħajr dewmien, att legali dwar l-MSDs; jistieden lill-Istati Membri jwettqu studji – imqassma skont il-ġeneru, l-età u l-qasam ta' attività ekonomika – fl-inċidenza ta' MSDs, bil-ħsieb li jimpedixxu u jiġġieldu l-ħolqien ta' mard bħal dan u biex tiġi żviluppata strateġija komprensiva tal-UE għall-prevenzjoni u l-interventi bikrija kontra l-mard kroniku;

6.  Jistieden lill-Istati Membri u lil min iħaddem biex jaqdu rwol proattiv fl-integrazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-EU-OSHA fil-politiki u l-programmi tal-post tax-xogħol tagħhom; jilqa' t-tnedija reċenti ta' taqsima fuq is-sit web tal-EU-OSHA dedikat għal mard relatat max-xogħol, ir-riabilitazzjoni u r-ritorn lura għax-xogħol, bil-għan li tipprovdi informazzjoni dwar il-politika u l-prattiki ta' prevenzjoni;

7.  Huwa tal-fehma li prevenzjoni sistematika tar-riskji psikosoċjali hija karatteristika essenzjali tal-postijiet tax-xogħol moderni; jinnota bi tħassib iż-żieda f'każijiet rapportati ta' problemi ta' saħħa mentali u psikosoċjali tul dawn l-aħħar snin, u l-fatt li l-istress relatat max-xogħol huwa problema li qed tikber għall-impjegati u għal min iħaddem; jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali, sabiex jipprovdu appoġġ lin-negozji fl-implimentazzjoni ta' ġabra koerenti ta' politiki u programmi fuq il-post tax-xogħol biex tissaħħaħ il-prevenzjoni ta' dawn il-problemi, tiġi indirizzata l-istigma u tiġi appoġġjata s-saħħa mentali tal-individwi li qed jiffaċċjaw kundizzjonijiet eżistenti, billi jippermettu aċċess għal appoġġ psikoloġiku; jenfasizza, bil-għan li jimmotiva lill-ħaddiema jieħdu azzjoni ulterjuri, il-benefiċċji – inkluż ir-redditu fuq l-investiment ippruvat – li jinkisbu bil-prevenzjoni tar-riskji psikosoċjali u bil-promozzjoni tas-saħħa; jinnota li l-leġiżlazzjoni u r-rikonoxximent tar-riskji psikosoċjali u tal-problemi mentali u tas-saħħa, bħall-istress kroniku u l-eżawriment, ivarjaw fost l-Istati Membri;

8.  Jenfasizza l-importanza li jiġu aġġornati u pprovduti indikaturi tas-saħħa komuni u definizzjonijiet ta' mard relatat max-xogħol, inkluż l-istress fuq il-post tax-xogħol, u d-data statistika għall-UE kollha bil-ħsieb li jiġu stabbiliti miri biex titnaqqas l-inċidenza ta' mard ikkawżat mix-xogħol;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw programm għall-monitoraġġ, il-ġestjoni u l-appoġġ b'mod sistematiku għall-ħaddiema affettwati minn riskji psikosoċjali, inklużi l-istress, id-dipressjoni u l-eżawriment sabiex, fost l-oħrajn, ifasslu rakkomandazzjonijiet u linji gwida effettivi li jiġġieldu kontra dawn ir-riskji; jenfasizza li l-istress kroniku fuq il-post tax-xogħol huwa rikonoxxut bħala ostaklu ewlieni għall-produttività u għall-kwalità tal-ħajja; jinnota li r-riskji psikosoċjali u l-istress relatat max-xogħol huma problemi strutturali marbuta mal-organizzazzjoni tax-xogħol u li l-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' dawn ir-riskji huma possibbli; jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu studji, titjieb il-prevenzjoni, u jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u l-għodod għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni milquta fis-suq tax-xogħol;

10.  Jitlob it-tmiem tal-istigmatizzazzjoni ta' problemi ta' saħħa mentali u ta' persuni b'diżabilitajiet fit-tagħlim; iħeġġeġ inizjattivi li jissensibilizzaw u jappoġġjaw il-bidla f'dan ir-rigward bl-iżvilupp ta' politiki u ta' azzjonijiet ta' prevenzjoni tar-riskji psikosoċjali fil-livell tal-kumpaniji; ifaħħar, f'dan il-kuntest, l-azzjonijiet tas-sħab soċjali fl-Istati Membri li qed jikkontribwixxu għal bidla pożittiva; ifakkar l-importanza li l-fornituri tas-servizzi tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol kif ukoll l-ispetturi tax-xogħol jiġu mħarrġa kif suppost fir-rigward tal-prattiki dwar il-ġestjoni tar-riskju psikosoċjali; jitlob kooperazzjoni msaħħa u rivitalizzazzjoni ta' inizjattivi tal-UE li jindirizzaw riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol u li l-kwistjoni tiġi pprijoritizzata fil-qafas strateġiku li jmiss tal-EU OSHA;

11.  Jirrikonoxxi l-fatt li r-reintegrazzjoni tal-ħaddiema li sofrew minn problemi ta' abbuż mid-drogi tippreżenta sfidi speċifiċi għal min iħaddem; jinnota, f'dan ir-rigward, l-eżempju tal-mudell Alna mmexxi mis-sħab soċjali Żvediżi(15) li jappoġġja lill-postijiet tax-xogħol biex jieħdu miżuri proattivi u ta' intervent bikri kif ukoll biex jassisti fil-proċess ta' riabilitazzjoni tal-impjegati li kellhom problemi marbuta mal-abbuż mid-drogi;

12.  Jilqa' l-kampanja "Inqas Stress għal iktar Saħħa fuq ix-Xogħol"; jenfasizza li inizjattivi li jindirizzaw l-istress marbut max-xogħol iridu jinkludu d-dimensjoni tal-ġeneru, b'konsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet speċifiċi tax-xogħol fir-rigward tan-nisa;

13.  Jenfasizza l-importanza ta' aktar investiment fil-politiki ta' prevenzjoni tar-riskji u l-appoġġ ta' kultura ta' prevenzjoni; jirrimarka li l-kwalità tas-servizzi preventivi hija ċentrali biex jingħata appoġġ lill-kumpaniji; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki effettivi dwar id-dieti tajbin għas-saħħa, il-konsum tal-alkoħol u t-tabakk u dwar il-kwalità tal-arja u jippromwovu tali politiki fuq il-post tax-xogħol; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jiżviluppaw servizzi tas-saħħa integrati ma' servizzi soċjali, psikoloġiċi u tax-xogħol kif ukoll tal-mediċina okkupazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu lill-ħaddiema b'aċċess xieraq għall-kura tas-saħħa sabiex jiġi identifikat minn kmieni l-bidu ta' mard fiżiku u mentali u jiġi ffaċilitat il-proċess ta' reintegrazzjoni; ifakkar li investiment bikri u azzjoni preventiva jistgħu jnaqqsu l-impatt psikosoċjali fit-tul fuq l-individwu, kif ukoll l-ispejjeż ġenerali għas-soċjetà fuq medda twila ta' żmien;

14.  Jitlob li l-politiki ta' reintegrazzjoni għandhom ikunu:

–  konsistenti ma' approċċ ta' ċiklu tal-ħajja fir-rigward tal-edukazzjoni, tat-tagħlim tul il-ħajja, tal-politiki soċjali u tal-impjieg;

–  imfassla apposta, immirati u orjentati lejn il-ħtiġijiet, mingħajr ma jimponu fuq il-parteċipanti talbiet li x'aktarx ma jistgħux jissodisfaw minħabba l-kundizzjoni tagħhom;

–  ikunu parteċipattivi u bbażati fuq approċċ integrat, u

–  jirrispettaw il-prekundizzjonijiet meħtieġa biex jippermettu l-parteċipazzjoni, mingħajr ma joħolqu kundizzjonijiet li jipperikolaw l-introjtu minimum għall-għajxien;

15.  Iqis li l-Istati Membri għandhom jipprovdu benefiċċji addizzjonali mmirati għall-persuni b'diżabilità jew b'mard kroniku, li jkopru spejjeż addizzjonali b'rabta, fost affarijiet oħra, ma' appoġġ u għajnuna personali, l-użu ta' faċilitajiet speċifiċi u kura medika u soċjali, filwaqt li jistabbilixxu fost l-oħrajn livelli ta' prezzijiet affordabbli għall-mediċini għal gruppi soċjali inqas vantaġġjati; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati livelli diċenti ta' pensjonijiet tal-invalidità u ta' rtirar mix-xogħol;

Ritorn lejn ix-xogħol

16.  Jirrikonoxxi li x-xogħol hu sors importanti ta' benessri psikosoċjali pożittiv għall-individwi u li l-integrazzjoni f'impjieg, fir-rigward ta' individwi qiegħda għal żmien twil permezz ta' miżuri mfassla individwalment, hija fattur ewlieni għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u għandha wkoll benefiċċji psikosoċjali preventivi oħra; jenfasizza li l-integrazzjoni ta' persuni li jirritornaw għax-xogħol wara korriment jew mard, kemm fiżiku kif ukoll mentali, tħalli effetti pożittivi multipli: dan huwa ta' benefiċċju għall-benessri tal-individwi kkonċernati, inaqqas l-ispejjeż għas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali u għall-intrapriżi individwali, jappoġġja l-ekonomija b'mod aktar wiesa’, bħal pereżempju billi jagħmel is-sistemi tal-pensjonijiet u tas-sigurtà soċjali aktar sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri; jinnota d-diffikultajiet li jaffaċċjaw il-ħaddiema fil-ġestjoni tas-sistemi ta' kumpens li jistgħu jirriżultaw f'dewmien bla bżonn biex dawn jiksbu l-kura, u li f'xi każijiet jistgħu jwasslu biex jitilfu l-interess; jitlob b'mod urġenti approċċ iċċentrat fuq il-klijenti għall-proċeduri amministrattivi kollha assoċjati mar-reintegrazzjoni tal-ħaddiema; jistieden lill-Istati Membri jaġixxu, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-aġenziji tal-UE rilevanti, biex jingħelbu l-effetti negattivi fit-tul tal-assenza mix-xogħol, bħall-iżolament, id-diffikultajiet psikosoċjali, il-konsegwenzi soċjoekonomiċi u l-kapaċità ta' impjegabbiltà ridotta;

17.  Huwa tal-fehma li l-Istati Membri u min iħaddem għandhom jieħdu approċċ pożittiv u orjentat lejn ix-xogħol għall-ħaddiema b'diżabilità, ħaddiema kbar fl-età u ħaddiema li sofrew minn mard mentali jew fiżiku jew korriment, inklużi persuni li ġew dijanjostikati b'mard terminali, b'iffukar fuq evalwazzjoni bikrija tal-kapaċità u r-rieda għax-xogħol li jkun fadallu l-individwu, u l-organzizzazzjoni ta' counselling psikoloġiku, soċjali u tal-impjieg fi stadju bikri u l-adattament tal-post tax-xogħol, b'kont meħud tal-profil professjonali u s-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-persuna kif ukoll is-sitwazzjoni tal-intrapriża; iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu d-dispożizzjonijiet fis-sistemi ta' sigurtà soċjali tagħhom li jiffavorixxu r-ritorn għax-xogħol dment li dan ikun mixtieq mill-impjegat u jekk jippermettu l-kundizzjonijiet mediċi;

18.  Jinnota r-rwol pożittiv li qdew l-intrapriżi soċjali, speċifikament l-Intrapriżi Soċjali għall-Integrazzjoni fix-Xogħol (WISEs), fir-reintegrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul fil-forza tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu r-rikonoxximent u l-appoġġ tekniku meħtieġa għal dawn l-intrapriżi;

19.  Iħeġġeġ f'dan ir-rigward ir-referenzi għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRDP) u l-Protokoll Fakultattiv tagħha (A/RES/61/106), u l-użu tal-Klassifikazzjoni internazzjonali tal-funzjonament, tad-diżabilità u tas-saħħa (ICF) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għall-miżuri u l-politiki rilevanti kollha; jaqbel mal-fehma li d-diżabilità hija esperjenza tas-saħħa li tippreżenta ruħha f'kuntest soċjoekonomiku;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jipprovdu linji gwida dwar l-aħjar prattiki kif ukoll ikkowċjar, appoġġ u konsulenza għal min iħaddem dwar kif jiġu żviluppati u implimentati l-pjanijiet ta' reintegrazzjoni, filwaqt li jiżguraw djalogu kontinwu bejn is-sħab soċjali, bil-ħsieb li l-impjegati jkunu konxji mid-drittijiet tagħhom sa mill-bidu nett tar-ritorn għax-xogħol; jinkoraġġixxi aktar l-iskambju tal-aħjar prattiki fi ħdan u bejn l-Istati Membri, il-komunitajiet professjonali, is-sħab soċjali, l-NGOs u dawk li jfasslu l-politika dwar l-integrazzjoni mill-ġdid ta' ħaddiema li qed jirkupraw minn mard jew korriment;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mas-sħab soċjali biex jipprovdu appoġġ estern li jiżgura gwida u appoġġ tekniku għall-SMEs u l-mikrointrapriżi b'esperjenza limitata fir-riabilitazzjoni professjonali kif ukoll miżuri għar-ritorn għax-xogħol; jirrikonoxxi l-importanza li jitqiesu sew is-sitwazzjoni u l-bżonnijiet u l-isfidi speċifiċi fir-rigward tal-konformità li qed jiffaċċjaw mhux biss l-SMEs u l-mikrointrapriżi iżda wkoll ċerti setturi tas-servizz pubbliku fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-miżuri fil-livell tal-kumpaniji; jenfasizza li s-sensibilizzazzjoni, l-iskambju tal-aħjar prattiki, il-konsultazzjoni u l-pjattaformi online huma ta' importanza assoluta sabiex l-SMEs u l-mikrointrapriżi jkunu megħjuna f'dan il-proċess; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw għodod u linji gwida prattiċi, li jistgħu jappoġġjaw l-SMEs u l-mikrointrapriżi b'esperjenza limitata fir-riabilitazzjoni professjonali kif ukoll miżuri għar-ritorn għax-xogħol; jirrikonoxxi l-importanza ta' investiment f'taħriġ għall-ġestjoni;

22.  Jinnota r-riskju li approċċi aktar oriġinali għar-reintegrazzjoni ta' dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol jistgħu jkunu neqsin minn finanzjament favur approċċ aktar limitat ibbażat fuq riżultati li jistgħu jitkejlu; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex ittejjeb il-finanzjament ta' approċċi minn isfel għal fuq taħt il-Fondi Strutturali, b'mod partikolari l-FSE;

23.  Jieħu nota tas-suċċess tal-approċċ tal-ġestjoni tal-każijiet ta' programmi ta' reintegrazzjoni u jenfasizza l-ħtieġa għal appoġġ imfassal individwalment u integrat mill-ħaddiema soċjali u l-konsulenti maħtura; jemmen li huwa essenzjali għall-kumpaniji li jżommu kuntatt mill-qrib mal-ħaddiema, jew mar-rappreżentanti tagħhom, matul l-assenza tagħhom minħabba mard jew korriment;

24.  Jemmen li l-politiki ta' ritorn għax-xogħol għandhom jiġu inklużi f'approċċ olistiku usa' favur ħajja tax-xogħol sana bil-għan li jiżguraw ambjent tax-xogħol fiżikament u mentalment sigur u ħieles mill-periklu tul il-ħajja tax-xogħol tal-persuni kif ukoll favur tixjiħ attiv u b'saħħtu għall-ħaddiema kollha; jenfasizza l-importanza ewlenija tal-komunikazzjoni, l-għajnuna ta' speċjalisti fil-ġestjoni ta' riabilitazzjoni tax-xogħol (assistenti tax-xogħol) u approċċ integrat li jinvolvi l-partijiet kollha kkonċernati lejn ir-riabilitazzjoni fiżika u tax-xogħol tal-ħaddiema b'suċċess; jemmen li l-post tax-xogħol għandu jkun il-fokus ċentrali tas-sistemi ta' ritorn għax-xogħol; ifaħħar is-suċċess tal-approċċ prattiku u mhux burokratiku tal-programm Awstrijak 'fit2work'(16) bl-enfasi tiegħu fuq komunikazzjoni faċli aċċessibbli għall-ħaddiema kollha (bħal pereżempju l-użu ta' lingwaġġ simplifikat);

25.  Jenfasizza l-importanza li persuni b'kapaċità ta' xogħol ridotta jibqgħu jaħdmu, inkluż billi jiġi żgurat li l-SMEs u l-mikrointrapriżi jkollhom ir-riżorsi li jeħtieġu biex iwettqu dan b'mod effettiv; iħeġġeġ bil-qawwa r-reintegrazzjoni tal-ħaddiema li jkunu qed jirkupraw minn mard jew korriment f'impjieg ta' kwalità jekk dan ikun mixtieq mill-impjegat u jekk il-kundizzjonijiet mediċi jippermettu, permezz ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol miftuħ; jenfasizza l-importanza li d-dispożizzjonijiet ta' politika jiġu ffukati fuq il-kapaċità għax-xogħol tal-individwi u fuq il-fatt li min iħaddem jara l-benefiċċji taż-żamma tal-esperjenza u l-għarfien ta' ħaddiem li jinsab f'riskju li jitlef l-impjieg tiegħu kaġun ta' liv permanenti minħabba l-mard; jirrikonoxxi, madankollu, l-importanza li jkun hemm fis-seħħ xibka ta' sikurezza permezz ta' sistema tas-sigurtà soċjali nazzjonali għall-individwi li ma jistgħux jirritornaw għax-xogħol;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu politiki attivi tas-suq tax-xogħol u inċentivi ta' politika għal min iħaddem biex jappoġġjaw l-impjieg ta' persuni b'diżabilità u mard kroniku, inkluż billi jsiru aġġustamenti xierqa biex jingħelbu l-ostakli fuq il-post tax-xogħol ħalli jiffaċilitaw l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom; ifakkar li huwa essenzjali li l-kumpaniji u l-persuni kkonċernati jkunu infurmati dwar l-inċentivi u d-drittijiet eżistenti;

27.  Jirrikonoxxi f'dan ir-rigward li arranġamenti flessibbli, imfasslin b'mod individwali u adattabbli tax-xogħol – bħat-telexogħol, il-ħin flessibbli tax-xogħol u t-tnaqqis fis-sigħat u fl-ammont tax-xogħol – għandhom rwol importanti biex dawn il-ħaddiema jirritornaw għax-xogħol; jenfasizza l-importanza li jiġi inkoraġġit minn kmieni u/jew b'mod gradwali r-ritorn għax-xogħol (jekk il-kundizzjonijiet mediċi jippermettu), u dan jista' jiġi akkumpanjat minn benefiċċji tal-mard parzjali li jassiguraw li l-individwi kkonċernati ma jsofrux telf ta' dħul mar-ritorn għax-xogħol, filwaqt li jinżammu l-inċentivi finanzjarji għan-negozji; jenfasizza li dawn l-arranġamenti, li jinkludu flessibbiltà ġeografika, temporali u funzjonali, iridu jkunu fattibbli kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem, filwaqt li jiffaċilitaw il-ġestjoni tal-organizzazzjoni tax-xogħol u jqisu l-varjazzjonijiet fiċ-ċikli tal-produzzjoni;

28.  Ifaħħar il-programmi u l-inizjattivi nazzjonali li għenu sabiex tiġi ffaċilitata r-reintegrazzjoni f'impjieg ta' kwalità ta' persuni b'mard kroniku, bħall-programm Ġermaniż "Job4000"(17) li juża approċċ integrat biex itejjeb l-integrazzjoni professjonali stabbli ta' persuni b'diżabilità serja u li jkollhom diffikultajiet partikolari biex isibu impjieg, u l-istabbiliment ta' aġenziji ta' reintegrazzjoni li jgħinu persuni b'mard kroniku jsibu impjieg li jkun adatt għas-sitwazzjoni u l-abilitajiet tagħhom(18);

29.  Jinnota l-benefiċċji psikoloġiċi importanti u ż-żieda fil-produttività assoċjata b'livelli għolja ta' awtonomija fuq il-post tax-xogħol; iqis li livell ta' awtonomija fuq il-post tax-xogħol jista' jkun essenzjali fl-iffaċilitar tal-proċess tar-reintegrazzjoni ta' ħaddiema b'mard jew korriment b'kundizzjonijiet u ħtiġijiet differenti;

30.  Jirrikonoxxi l-valur tar-ritorn għax-xogħol fil-proċess tal-kura, peress li għal bosta individwi x-xogħol jippermetti indipendenza finanzjarja u jtejjeb il-ħajja, filwaqt li xi kultant jista' jkun fattur kruċjali fi proċess ta' rkupru;

31.  Jistieden lill-Istati Membri ma jwaqqfux immedjatament il-benefiċċji soċjali meta l-persuni b'mard kroniku jiksbu impjieg sabiex jgħinuhom jevitaw in-"nassa tal-benefiċċji";

It-tibdil fl-attitudnijiet lejn ir-reintegrazzjoni tal-ħaddiema

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali, biex fil-komunikazzjonijiet tagħhom jiżguraw linji gwida u politiki sabiex min iħaddem jara l-proċess ta' reintegrazzjoni bħala opportunità li biha jibbenefika mill-ħiliet, il-kompetenzi u l-esperjenza tal-ħaddiema; huwa tal-fehma li min iħaddem u r-rappreżentanti tal-ħaddiema huma atturi importanti mill-bidu nett fil-proċess ta' ritorn għax-xogħol u huma parti mill-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

33.  Ifakkar l-Artikoli 26 u 27 tal-UNCRDP li jorbtu lill-Istati parti biex jorganizzaw, isaħħu u jestendu s-servizzi u l-programmi ta' riabilitazzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa, l-impjieg, l-edukazzjoni u s-servizzi soċjali u biex jippromwovu opportunitajiet ta' impjiegi u avvanz fil-karriera għal persuni b'diżabilità fis-suq tax-xogħol, kif ukoll għajnuna fir-ritorn għax-xogħol;

34.  Jenfasizza li s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riabilitazzjoni professjonali u l-politiki u l-programmi ta' ritorn għax-xogħol kif ukoll it-titjib tal-kultura tal-kumpaniji huma fatturi essenzjali ta' suċċess fil-proċess għar-ritorn għax-xogħol u fil-ġlieda kontra l-attitudnijiet negattivi kif ukoll fl-indirizzar tal-preġudizzji u d-diskriminazzjoni; huwa tal-fehma li timijiet ta' esperti bħall-psikologi u l-kowċis imħarrġa fir-riabilitazzjoni professjonali jistgħu jiġu kondiviżi b'mod effettiv bejn diversi kumpaniji sabiex kumpaniji żgħar ikunu jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-għarfien espert tagħhom; huwa tal-fehma li f'dan il-proċess hemm lok ukoll għal appoġġ u impenn kumplimentari mill-NGOs u l-voluntiera;

35.  Ifaħħar dawk l-intrapriżi li ħadu inizjattivi biex jappoġġjaw persuni bi problemi tas-saħħa, diżabilitajiet jew kapaċità tax-xogħol mibdula billi pprovdew, pereżempju programmi ta' prevenzjoni, modifika tal-kompiti, taħriġ u taħriġ mill-ġdid, jew billi ħejjew impjegati oħra għall-kapaċitajiet mibdula tal-ħaddiema li jkunu rritornaw, u b'hekk għenu fir-reintegrazzjoni tagħhom; iħeġġeġ bil-qawwa aktar intrapriżi biex jinvolvu ruħhom f'dan is-sens u jressqu inizjattivi bħal dawn; iqis li huwa essenzjali li miżuri li jiffaċilitaw ir-reintegrazzjoni tal-ħaddiema fil-kumpaniji jkunu parti integrali mill-kultura tal-kumpanija;

36.  Jappella għal fehim aħjar tal-isfidi u d-diskriminazzjoni li jwasslu għal inqas opportunitajiet għal persuni bi problemi tas-saħħa jew b'diżabilitajiet, speċjalment sfidi bħan-nuqqas ta' għarfien, il-preġudizzju, il-perċezzjonijiet dwar produttività baxxa u l-istigma soċjali;

37.  Hu tal-fehma li l-edukazzjoni u l-bidliet fil-kultura tal-kumpaniji, kif ukoll kampanji madwar l-UE bħal "Vision Zero", għandhom rwol importanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-opinjoni popolari; jitlob kuxjenza akbar tal-isfidi demografiċi li qed jiffaċċjaw is-swieq tax-xogħol Ewropej; iqis bħala inaċċettabbli li persuni akbar fl-età spiss huma esposti għax-xjuħija; jenfasizza l-importanza ta' kampanji għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tal-ħaddiema, il-promozzjoni ta' miżuri ta' prevenzjoni u tas-saħħa u ta' sigurtà fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri u lill-Unjoni jikkunsidraw ir-riżultati tal-Proġett pilota tal-Parlament Ewropew dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kbar fl-età;

38.  Huwa tal-fehma li l-oqsfa nazzjonali ta' politika għandhom impatt deċiżiv fuq il-ħolqien ta' ambjent li jappoġġja l-immaniġġjar tal-età u t-tixjiħ attiv u b'saħħtu; iqis ukoll li dan jista' jiġi appoġġjat b'mod effettiv permezz ta' azzjonijiet tal-UE, bħalma huma l-linji ta' politika, il-linji ta' gwida, l-iskambju tal-għarfien u l-użu ta' diversi strumenti finanzjarji, bħall-FSE u l-FSIE; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu miżuri ta' riabilitazzjoni u reintegrazzjoni tal-ħaddiema kbar fl-età, meta possibbli u mixtieq mill-individwi kkonċernati, pereżempju billi jimplimentaw ir-riżultati tal-proġett pilota tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kbar fl-età;

39.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-persuni li jkunu ġew dijanjostikati b'marda terminali jżommu d-dritt fundamentali għax-xogħol; jirrikonoxxi wkoll li dawn l-individwi jaffaċċjaw sett uniku ta' sfidi relatat mas-sitwazzjoni tal-impjieg tagħhom li huwa differenti mill-isfidi li jaffaċċjaw gruppi oħra ta' pazjenti, peress li ħafna drabi dawn ikollhom ftit żmien biex jadattaw għat-tibdil fil-kundizzjonijiet tagħhom u biex isiru aġġustamenti fuq il-post tax-xogħol; ifaħħar l-inizjattivi bħall-kampanja "Dying to Work" biex titqajjem kuxjenza dwar din is-sensiela ta' problemi speċifiċi; iħeġġeġ lil min iħaddem biex iżomm djalogu kemm jista' jkun ma' impjegati li kellhom dijanjosi terminali, sabiex jassigura li jistgħu jittieħdu l-miżuri neċessarji u l-adattamenti possibbli kollha biex il-ħaddiem iwettaq ħidmietu jekk hu jew hi hekk jixtiequ; huwa tal-opinjoni li, għal bosta pazjenti, il-fatt li wieħed jibqa' jaħdem huwa ħtieġa personali, psikoloġika jew ekonomika imperattiva u ċentrali għad-dinjità u l-kwalità tal-ħajja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw l-adattament raġonevoli tal-postijiet tax-xogħol għas-sett uniku ta' sfidi li qed jiffaċċja dan il-grupp ta' persuni; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza n-nuqqas ta' data dwar l-istatus tal-impjieg tal-persuni b'kanċer u tappoġġja l-ġbir aħjar tad-data, li tkun paragunabbli fost l-Istati Membri, sabiex jittejbu s-servizz ta' appoġġ għalihom;

40.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-iżvilupp u l-aġġornament tal-ħiliet tal-ħaddiema, it-tqabbil tal-ħtiġijiet tal-kumpaniji mal-ħtiġijiet tas-suq, b'enfasi speċjali fuq il-ħiliet diġitali, billi l-ħaddiema jingħataw taħriġ rilevanti u aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja; jenfasizza ż-żieda tad-diġitalizzazzjoni tas-suq tax-xogħol; jirrimarka li t-titjib tal-ħiliet diġitali jista' jkun parti integrali mit-tħejjija għar-ritorn għax-xogħol, partikolarment għall-popolazzjoni kbira fl-età;

41.  Jinnota li kemm il-persuni li jipprovdu l-kura b'mod formali kif ukoll b'mod informali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fir-riabilitazzjoni professjonali; jirrikonoxxi li 80 % tal-kura li tingħata fl-Ewropa hi mogħtija bla ħlas minn persuni li jipprovdu l-kura(19) u li l-att tal-għoti tal-kura jnaqqas b'mod sinifikanti l-prospetti ta' impjieg fit-tul ta' dan il-grupp ta' persuni; jirrikonoxxi wkoll li, minħabba l-fatt li l-parti l-kbira tal-persuni li jipprovdu l-kura huma nisa, hemm dimensjoni ċara tal-ġeneru fil-kwistjoni tas-sitwazzjoni tal-impjieg ta' dawn il-persuni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri u lil min iħaddem jagħtu konsiderazzjoni speċjali lill-implikazzjonijiet tal-impjieg għal dawk li jipprovdu l-kura;

º

º  º

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi Adottati, P8_TA(2016)0360.

(2)

Testi Adottati, P8_TA(2015)0411.

(3)

Testi Adottati, P8_(2017)0474.

(4)

Testi Adottati, P8_TA(2016)0318.

(5)

ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 321

(6)

https://osha.europa.eu/en/tools-and-publications/publications/reports/psychosocial-risks-eu-prevalence-strategies-prevention/view

(7)

Istitut tal-Metrika u l-Evalwazzjoni tas-Saħħa (2016) Viżwalizzazzjoni tat-Tqabbil tad-Data GBD. http:// vizhub.healthdata.org/gbd-compare

(8)

Grupp Xjentifiku tal-Forum Ewropew dwar l-Alkoħol u s-Saħħa (2011) "Alcohol, Work and Productivity" (L-Alkoħol, ix-Xogħol u l-Produttività). https://ec.europa.eu/health//sites/health/files/alcohol/docs/science_02_en.pdf

(9)

Eurofound (2012), "Use of alcohol and drugs at the workplace" (L-użu tal-alkoħol u d-droga fuq il-post tax-xogħol). https://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_files/docs/ewco/tn1111013s/tn1111013s.pdf

(10)

Eurofound’s Third European Quality of Life Survey 2001–2012, https://www.eurofound.europa.eu/surveys/european-quality-of-life-surveys/european-quality-of-life-survey-2012

(11)

p. 7 fi https://ec.europa.eu/health//sites/health/files/social_determinants/docs/final_sum_ecorys_web.pdf

(12)

p. 7, riżultati ewlenin https://www.oecd.org/els/emp/42699911.pdf

(13)

p. 5 https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/policies/docs/2017_chronic_framingdoc_en.pdf

(14)

Eurostat, 2011 LFS ad hoc module, imsemmi fi: https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/policies/docs/2017_chronic_framingdoc_en.pdf

(15)

http://www.alna.se/in-english

(16)

"EU-OSHA Case Study on Austria — Fit2Work programme" https://osha.europa.eu/en/tools-and-publications/publications/austria-fit2work/view

(17)

Sors: Riżultat tanġibbli 5.2 tal-proġett Pathways "Scoping Paper on the Available Evidence on the Effectiveness of Existing Integration and Re-Integration into Work Strategies for Persons with Chronic Conditions" (Dokument ta' Deskrizzjoni dwar l-Evidenza Disponibbli dwar l-Effettività ta' Strateġiji Eżistenti ta' Integrazzjoni u Reintegrazzjoni għall-Persuni b'Kundizzjonijiet Kroniċi)

(18)

Sors: Servizzi ta' assistenza professjonali rigward ir-ritorn għax-xogħol għal persuni b'mard kroniku minn "esperti b'esperjenza" ċċertifikati: in-Netherlands. Studju tal-Każ. EU-OSHA

(19)

http://www.ecpc.org/WhitePaperOnCancerCarers.pdf


NOTA SPJEGATTIVA

L-istennija tal-għomor fl-UE qed tibdel il-piramida tal-etajiet. Fl-2015, l-istennija tal-għomor mat-twelid fl-UE-28 kienet ta' 83,3 sena għan-nisa u 77,9 għall-irġiel. Madankollu, is-snin ta' ħajja b'saħħitha ħielsa minn kull limitu għandhom it-tendenza li jkunu iqsar, partikolarment f'xi Stati Membri. Stennija ta' ħajja itwal flimkien maż-żieda fl-età medja tal-irtirar qed tħalli lill-Ewropa u l-Istati Membri bi sfidi sinifikanti mhux biss għas-sistemi tas-saħħa tagħna iżda wkoll għas-swieq tax-xogħol tagħna. Ir-rapporteur tfittex li ssib approċċ li jgħin biex jiġu identifikati l-għażliet ta' politika meħtieġa biex issawru s-swieq tax-xogħol tagħna sabiex isiru a) aktar inklużivi u reattivi għall-bżonnijiet ta' soċjetà li qed tixjieħ u fid-diffikultà u b) inqas suxxettibbli għat-telf tal-ħiliet, riżultat ta' inattività fis-suq tax-xogħol. Ir-rapporteur ipprovat tagħmel dan billi pproponiet miżuri li jissimplifikaw l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol wara korriment jew mard.

Ir-rapporteur hija tal-fehma li r-riabilitazzjoni tal-ħaddiema tikkonsisti fi tliet aspetti differenti: l-ewwel mediku, it-tieni vokazzjonali (jew professjonali) u t-tielet dak soċjali. Ir-rapport jiffoka prinċipalment fuq ir-riabilitazzjoni professjonali u l-kumplessitajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom kemm min iħaddem kif ukoll l-impjegati li jfittxu li jirritornaw għax-xogħol (proċeduri u inizjattivi li jiffaċilitaw ir-reintegrazzjoni fil-post tax-xogħol). Fl-istess ħin, ir-rapport ifittex li jenfasizza l-fatt li r-riabilitazzjoni b'suċċess u r-ritorn għax-xogħol jinkludu dawn it-tliet aspetti.

Ir-rapport jagħti wkoll rakkomandazzjonijiet maħsuba li jħeġġu lill-Istati Membri jitgħallmu minn eżempji ta' prattiki u approċċi tajba, u fl-istess ħin jipprova jidentifika oqsma li fihom l-UE tista' ġġib valur miżjud u għarfien biex jiġu promossi aktar il-politiki li finalment se jgħinu lill-Istati Membri jippromwovu l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

Ir-rapporteur temmen li l-UE tista' żżid il-valur billi tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw:

•  miżuri preventivi

•  risponsi politiċi komprensivi fl-Istati Membri, inklużi l-intervent bikri, il-kooperazzjoni istituzzjonali tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u l-approċċ individwalizzat

•  bidla kulturali: is-sensibilizzazzjoni dwar il-bżonn li wieħed jieħu ħsieb lil dawn il-ħaddiema, il-koltivazzjoni tal-perċezzjoni pożittiva ta' dawn il-ħaddiema fis-soċjetà kif ukoll azzjonijiet maħsuba għall-benessri psikosoċjali tul il-ħajja tal-ħaddiema.

Barra minn hekk, ir-rapport jeżamina l-każ ekonomiku qawwi favur il-bżonn ta' politiki li jgħinu lill-ħaddiema jirritornaw lejn is-suq tax-xogħol miftuħ. Pereżempju, organizzazzjonijiet li għandhom timijiet aktar ibbilanċjati fir-rigward ta' età jesperjenzaw inqas bidla fil-persunal u jistgħu jkunu aktar produttivi, peress li jistgħu jagħżlu minn ġabra akbar ta' ħiliet u esperjenzi. Skont Business Europe, stħarriġijiet tal-persunal għandhom it-tendenza li juru li ħaddiema kbar fl-età jkollhom rabta akbar mal-post tax-xogħol tagħhom u jista' jkollhom prestazzjoni aħjar minn ħaddiema iżgħar fir-rigward ta' soluzzjonijiet tal-problemi u l-kwalitajiet ta' tmexxija. L-effetti pożittivi jgħoddu mhux biss fir-rigward tal-età iżda wkoll tad-diversità. Ir-ritorn lejn ix-xogħol għalhekk huwa kemm dwar l-ilħuq tal-potenzjal kif ukoll dwar il-ħajja indipendenti tal-individwu, iżda juri wkoll impatt ekonomiku pożittiv fuq is-soċjetà u jwassal għal livell aktar baxx ta' dipendenza fuq is-sistemi soċjali tal-Istati Membri. Ir-riċerka tal-ILO(1) tikkonferma li persuni b'diżabilità huma impjegati affidabbli bi produttività kumparabbli mal-membri l-oħra tal-persunal, b'rati iktar baxxi ta' inċidenti fuq ix-xogħol kif ukoll b'żamma għal perjodu itwal tal-impjieg tagħhom meta mqabbla mal-forza tax-xogħol ġenerali tal-kumpanija. Il-persuni b'diżabilità jirrappreżentaw sors mhux sfruttat ta' ħiliet u talenti, inklużi ħiliet tekniċi jekk ikollhom aċċess għal taħriġ, kif ukoll ħiliet ta' soluzzjoni tal-problemi tal-ħajja ta' kuljum li jistgħu jużaw fl-intrapriża. Persuni li jsiru diżabbli matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom spiss ikollhom esperjenzi siewja flimkien mal-ħiliet formali tal-kwalifiki tagħhom.

Kif indikat mill-EU-OSHA, ir-ritorn lejn ix-xogħol jista' jkun proċess komplikat għan-negozji, li jinvolvi mhux biss konsiderazzjonijiet baġitarji, iżda wkoll għarfien espert. Għal kumpaniji iżgħar, il-proċess jista' jsir partikolarment diffiċli. Persunal ta' appoġġ tekniku u finanzjarju estern jista' jgħin lil min iħaddem biex jiżviluppa miżuri individwali u jistabbilixxi mogħdijiet ta' reintegrazzjoni għal persuni li jirritornaw għax-xogħol wara assenza minħabba mard. Appoġġ finanzjarju mill-fondi tal-UE li jkun użat tajjeb jista' jkollu rwol sinifikanti fl-appoġġ għall-bidla. Kull appoġġ, madankollu, jeħtieġ li jimxi id f'id ma' bidla ġenwina fil-kultura korporattiva min-naħa tan-negozji.

L-UE għandha rwol sinifikanti x'taqdi fis-sostenn u t-tħeġġiġ tar-riformi nazzjonali tas-suq tax-xogħol, fil-kondiviżjoni ta' ideat innovattivi u fl-għajnuna biex jinħolqu oqfsa ta' politika ta' suċċess. Ir-rapporteur hija wkoll tal-fehma, kif espressa fil-Qafas Strateġiku dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol tal-UE, li l-leġiżlazzjoni wriet x'issarraf billi pprovdiet lill-UE protezzjoni ta' livell għoli għall-ħaddiema, kif ukoll corpus komuni ta' definizzjonijiet, standards, metodi u strumenti preventivi fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Madankollu, minħabba d-diversità tal-mudelli, l-Istati Membri għandhom jużaw ukoll valutazzjoni komparattiva, identifikazzjoni u skambju ta' prattiki tajba, sensibilizzazzjoni, normi volontarji u strumenti faċli għall-utent tal-IT li jagħmlu differenza.

Finalment, ir-rapporteur tixtieq ukoll tiġbed l-attenzjoni għall-prevalenza ta' riskji psikosoċjali fuq il-postijiet tax-xogħol u hija tal-fehma li huma meħtieġa interventi li jindirizzaw dawn ir-riskji kif ukoll il-ħtieġa li tkun miġġielda kontinwament l-istigma negattiva assoċjata ma' dawn id-disfunzjonijiet.

(1)

http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_emp/---ifp_skills/documents/publication/wcms_167204.pdf


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

7.6.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Guillaume Balas, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Michael Detjen, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Marian Harkin, Czesław Hoc, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Miroslavs Mitrofanovs, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Terry Reintke, Claude Rolin, Siôn Simon, Marita Ulvskog, Renate Weber, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Sergio Gutiérrez Prieto, Dieter-Lebrecht Koch, Eduard Kukan, Miapetra Kumpula-Natri, Paloma López Bermejo, António Marinho e Pinto, Rory Palmer, Jasenko Selimovic, Monika Vana, Flavio Zanonato

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrea Bocskor, Dietmar Köster, Renaud Muselier


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

41

+

ALDE

Enrique Calvet Chambon, Marian Harkin, António Marinho e Pinto, Jasenko Selimovic, Renate Weber

ECR

Czesław Hoc, Anthea McIntyre, Jana Žitňanská

ENF

Dominique Martin

GUE/NGL

Patrick Le Hyaric, Paloma López Bermejo

NI

Lampros Fountoulis

PPE

Georges Bach, Andrea Bocskor, David Casa, Danuta Jazłowiecka, Dieter-Lebrecht Koch, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Eduard Kukan, Jérôme Lavrilleux, Elisabeth Morin-Chartier, Renaud Muselier, Claude Rolin

S&D

Guillaume Balas, Michael Detjen, Elena Gentile, Sergio Gutiérrez Prieto, Agnes Jongerius, Jan Keller, Dietmar Köster, Miapetra Kumpula-Natri, Rory Palmer, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Siôn Simon, Marita Ulvskog, Flavio Zanonato

VERTS/ALE

Miroslavs Mitrofanovs, Terry Reintke, Monika Vana

0

-

 

 

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' Ġunju 2018Avviż legali