Proċedura : 2016/0361(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0216/2018

Testi mressqa :

A8-0216/2018

Dibattiti :

PV 15/04/2019 - 17
CRE 15/04/2019 - 17

Votazzjonijiet :

PV 16/04/2019 - 8.13
CRE 16/04/2019 - 8.13

Testi adottati :

P8_TA(2019)0371

RAPPORT     ***I
PDF 854kWORD 94k
25.6.2018
PE 610.851v02-00 A8-0216/2018

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar il-Kapaċità ta' assorbiment tat-telf u ta' Rikapitalizzazzjoni għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u għad-ditti ta' investiment

(COM(2016)0851 – C8-0478/2016 – 2016/0361(COD))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Gunnar Hökmark

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar il-Kapaċità ta' assorbiment tat-telf u ta' Rikapitalizzazzjoni għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u għad-ditti ta' investiment

(COM(2016)0851 – C8-0478/2016 – 2016/0361(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0851),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0478/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0216/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW(1)*

għall-proposta tal-Kummissjoni

---------------------------------------------------------

2016/0361 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar il-Kapaċità ta' assorbiment tat-telf u ta' Rikapitalizzazzjoni għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u għad-ditti ta' investiment

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew(2) ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(3) ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)  Fid-9 ta' Novembru 2015, il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB) ippubblika d-Dokument dwar il-Kondizzjonijiet tal-Kapaċità Totali ta' Assorbiment tat-Telf (TLAC) ("l-istandard TLAC"), li ġie approvat mill-G-20, f'Novembru 2015. L-istandard TLAC jeħtieġ li banek globali ta' importanza sistemika ("G-SIBs"), magħrufa bħala istituzzjonijiet globali sistemiċi (G-SIIs) fil-qafas tal-Unjoni, iżommu ammont minimu suffiċjenti ta' obbligazzjonijiet b'kapaċità kbira ta' assorbiment tat-telf (kapaċità ta' rikapitalizzazzjoni interna) biex jiġi żgurat assorbiment bla xkiel u mgħaġġel tat-telf u rikapitalizzazzjoni f'riżoluzzjoni. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-24 ta' Novembru 2015(4), il-Kummissjoni impenjat ruħha li sal-aħħar tal-2016 tressaq proposta leġiżlattiva sabiex l-istandard TLAC ikun jista' jiġi implimentat sal-iskadenza miftiehma internazzjonalment tal-2019.

(2)  L-implimentazzjoni tal-istandard TLAC fl-Unjoni trid tqis ir-rekwiżit minimu eżistenti għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) speċifiku għall-istituzzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti ta' investiment kollha tal-Unjoni kif stabbilit fid-Direttiva 2014/59/UE tal-Unjoni Ewropea u tal-Kunsill(5). Peress li t-TLAC u l-MREL isegwu l-istess objettiv li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom kapaċità biżżejjed ta' assorbiment tat-telf u ta' rikapitalizzazzjoni, iż-żewġ rekwiżiti jenħtieġ li jkunu elementi kumplimentari ta' qafas komuni. Operazzjonalment, jenħtieġ li l-livell minimu armonizzat tal-istandard TLAC għall-G-SIIs ("ir-rekwiżit minimu tat-TLAC") jiġi introdott fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni permezz ta' emendi għar-Regolament (UE) Nru 575/2013(6), filwaqt li s-supplimentazzjoni speċifika għall-istituzzjonijiet għall-G-SIIs u r-rekwiżit speċifiku għall-istituzzjonijiet għal dawk li mhumiex G-SIIs, magħruf bħala r-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, għandhom jiġu indirizzati permezz ta' emendi mmirati għad-Direttiva 2014/59/UE u għar-Regolament (UE) Nru 806/2014(7). Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-kapaċità ta' assorbiment tat-telf u ta' rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet jiġu applikati flimkien ma' dawk fil-partijiet ta' leġiżlazzjoni msemmija hawn fuq u fid-Direttiva 2013/36/UE(8) b'mod konsistenti.

(3)  In-nuqqas ta' regoli armonizzati fl-Istati Membri parteċipanti fil-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRM) fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istandard TLAC joħloq spejjeż addizzjonali u inċertezza legali u jagħmel l-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna għal istituzzjonijiet transfruntiera aktar diffiċli. In-nuqqas ta' regoli armonizzati tal-Unjoni jwassal ukoll għal distorsjonijiet kompetittivi fis-suq intern peress li l-kosti għall-istituzzjonijiet biex jikkonformaw mar-rekwiżiti eżistenti u mal-istandard TLAC jistgħu jvarjaw b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri parteċipanti. Għalhekk hemm bżonn li jitneħħew dawn l-ostakli għall-funzjonament tas-suq intern u sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw min-nuqqas ta' regoli armonizzati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istandard TLAC. Konsegwentement, il-bażi ġuridika adatta għal dan ir-Regolament hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif interpretat f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(4)  F'konformità mal-istandard TLAC, ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 jenħtieġ li jkompli jirrikonoxxi l-istrateġiji ta' riżoluzzjoni tal-Punt Uniku ta' Dħul (SPE) u tad-Diversi Punti ta' Dħul (MPE). Skont l-istrateġija SPE, tiġi riżolta biss entità unika fi grupp, ġeneralment dik prinċipali, filwaqt li entitajiet oħra tal-grupp, ġeneralment sussidjarji operattivi, ma jitpoġġewx f'riżoluzzjoni, iżda jgħaddu t-telf tagħhom 'il fuq lill-entità li ser tiġi riżolta. Skont l-istrateġija MPE, tista' tiġi riżolta aktar minn entità waħda fi grupp. Huwa importanti li jkun hemm identifikazzjoni ċara tal-entitajiet li ser jiġu riżolti ("entitajiet ta' riżoluzzjoni") u tas-sussidjarji li jappartjenu għalihom ("gruppi ta' riżoluzzjoni") sabiex tiġi applikata l-istrateġija ta' riżoluzzjoni mixtieqa. Dik l-identifikazzjoni hija rilevanti wkoll għad-determinazzjoni tal-livell ta' applikazzjoni tar-regoli dwar il-kapaċità ta' assorbiment tat-telf u ta' rikapitalizzazzjoni li jenħtieġ li japplikaw id-ditti finanzjarji. Għalhekk jeħtieġ li jiġu introdotti l-kunċetti ta' "entità ta' riżoluzzjoni" u ta' "grupp ta' riżoluzzjoni" u li jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar l-ippjanar tar-riżoluzzjoni ta' grupp sabiex il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni ("il-Bord") jintalab espliċitament jidentifika l-entitajiet ta' riżoluzzjoni u l-gruppi ta' riżoluzzjoni fi ħdan grupp u jqis l-implikazzjonijiet ta' kwalunkwe azzjoni ta' riżoluzzjoni ppjanata fi ħdan il-grupp b'mod xieraq sabiex tiġi żgurata riżoluzzjoni effikaċi ta' grupp.

(5)  Il-Bord jenħtieġ li jiżgura li l-istituzzjonijiet ikollhom biżżejjed kapaċità ta' assorbiment tat-telf u ta' rikapitalizzazzjoni sabiex jiġi żgurat assorbiment mingħajr xkiel u mgħaġġel tat-telf u rikapitalizzazzjoni waqt riżoluzzjoni b'impatt minimu fuq l-istabbiltà finanzjarja u fuq il-kontribwenti. Dak jenħtieġ li jinkiseb permezz ta' konformità mill-istituzzjonijiet ma' rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli speċifiku għall-istituzzjonijiet kif previst fir-Regolament (UE) Nru 806/2014.

(6)  Sabiex id-denominaturi li jkejlu l-kapaċità ta' assorbiment tat-telf u ta' rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet jiġu allinjati ma' dawk previsti fl-istandard TLAC, jenħtieġ li l-MREL jiġi espress bħala perċentwal tal-ammont tal-iskopertura totali tar-riskju u tal-kejl tal-iskopertura tal-proporzjon ta' ingranaġġ tal-istituzzjoni relevanti.

(7)  Il-kriterji ta' eliġibbiltà għal obbligazzjonijiet għall-MREL jenħtieġ li jkunu allinjati mill-qrib ma' dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 għar-rekwiżit minimu tat-TLAC, f'konformità mal-aġġustamenti kumplimentari u r-rekwiżiti introdotti f'dan ir-Regolament. B'mod partikolari, jenħtieġ li ċerti strumenti ta' dejn b'komponent ta' derivattiv inkorporat, bħal ċerti noti strutturati, ikunu eliġibbli bħala li jissodisfaw l-MREL sakemm dawn ikollhom ammont kapitali fiss li jinfeda mal-maturità filwaqt li redditu addizzjonali biss ikun marbut ma' derivattiv u jiddependi fuq il-prestazzjoni ta' assi ta' referenza. Fid-dawl tal-ammont kapitali fiss tagħhom, huwa meħtieġ li dawk l-istrumenti jkollhom kapaċità kbira ta' assorbiment tat-telf u jkunu jistgħu jiġu faċilment soġġetti għal rikapitalizzazzjoni interna waqt riżoluzzjoni.

(8)  Il-kamp ta' applikazzjoni ta' obbligazzjonijiet biex jissodisfaw l-MREL jinkludi, fil-prinċipju, l-obbligazzjonijiet kollha minn pretensjonijiet li jirriżultaw minn kredituri ordinarji mhux preferuti (obbligazzjonijiet mhux subordinati) sakemm ma jissodisfawx kriterji speċifiċi ta' eliġibbiltà pprovduti f'dan ir-Regolament. Biex titjieb ir-riżolvibilità ta' istituzzjonijiet permezz ta' użu effettiv tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna, il-Bord jenħtieġ li jkun jista' jitlob li r-rekwiżit speċifiku għad-ditta jiġi sodisfatt permezz ta' obbligazzjonijiet subordinati, b'mod partikolari meta jkun hemm indikazzjonijiet ċari tal-probabbiltà li l-kredituri soġġetti għal rikapitalizzazzjoni interna sejrin iġarrbu telf waqt ir-riżoluzzjoni li jaqbeż it-telf potenzjali tagħhom f'insolvenza. Ir-rekwiżit sabiex l-MREL jiġi sodisfatt b'obbligazzjonijiet subordinati jenħtieġ li jintalab biss għal livell neċessarju sabiex jiġi evitat li t-telf tal-kredituri waqt riżoluzzjoni jkun ogħla minn dak li kieku kienu jġarrbu taħt insolvenza. Kwalunkwe subordinazzjoni ta' strument ta' dejn rikjesta mill-Bord għall-MREL jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li r-rekwiżit minimu tat-TLAC jiġi parzjalment sodisfatt permezz ta' strumenti ta' dejn mhux subordinat skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u kif permess mill-istandard TLAC.

(9)  L-MREL jenħtieġ li jippermetti li l-istituzzjonijiet jassorbu t-telf mistenni f'riżoluzzjoni u li jirrikapitalizzaw l-istituzzjoni wara r-riżoluzzjoni. Il-Bord jenħtieġ li, abbażi tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni magħżula minnhom, jiġġustifika kif xieraq il-livell impost tal-MREL, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa u l-livell tar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE fl-ammont ta' rikapitalizzazzjoni. Bħala tali, dak il-livell jenħtieġ li ma jaqbiżx is-somma tal-ammont tat-telf mistenni fir-riżoluzzjoni li jikkorrispondi għar-rekwiżiti ta' fondi proprji tal-istituzzjonijiet u l-ammont ta' rikapitalizzazzjoni li jippermetti li wara r-riżoluzzjoni l-entità tkun tista' tissodisfa r-rekwiżiti ta' fondi proprji tagħha meħtieġa sabiex tkun awtorizzata biex tkompli bl-attivitajiet tagħha taħt l-istrateġija ta' riżoluzzjoni magħżula. L-MREL jenħtieġ li jiġi espress bħala perċentwal tal-iskopertura totali tar-riskju u l-kejl tal-proporzjon ta' ingranaġġ, u l-istituzzjonijiet jenħtieġ li jissodisfaw il-livelli li jirriżultaw miż-żewġ kalkoli ta' kejl. Il-Bord jenħtieġ li jkun jista' jaġġusta l-ammonti ta' rikapitalizzazzjoni f'każijiet ġustifikati kif dovut sabiex dawn ikunu jirriflettu b'mod adegwat ukoll ir-riskji akbar li jaffettwaw ir-riżolvibilità li tirriżulta mill-mudell ta' negozju, il-profil ta' finanzjament u l-profil ta' riskju globali tal-grupp ta' riżoluzzjoni u għalhekk f'ċirkostanzi daqstant limitati jirrekjedi li l-ammonti ta' rikapitalizzazzjoni li ssir referenza għalihom fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12d(3) u (4) jiġu eċċeduti.

(10)  Biex titjieb ir-riżolvibilità tagħhom, minbarra r-rekwiżit minimu tat-TLAC previst fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, jenħtieġ li l-Bord ikun jista' jimponi MREL speċifiku għall-istituzzjoni fuq il-G-SIIs. Dak l-MREL speċifiku għall-istituzzjoni jista' jiġi impost biss fejn ir-rekwiżit minimu tat-TLAC ma jkunx biżżejjed biex jiġi assorbit it-telf u G-SII tiġi rikapitalizzata taħt l-istrateġija ta' riżoluzzjoni magħżula.

(11)  Meta jiġi stabbilit il-livell ta' MREL, il-Bord jenħtieġ li jikkunsidra l-grad ta' relevanza sistemika ta' istituzzjoni u l-impatt negattiv potenzjali tal-falliment tagħha fuq l-istabbiltà finanzjarja. Il-Bord jenħtieġ li jieħu f'kunsiderazzjoni l-ħtieġa ta' kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn il-G-SIIs u istituzzjonijiet oħra paragunabbli li jkollhom relevanza sistemika fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti. Għaldaqstant, l-MREL ta' istituzzjonijiet li ma jkunux identifikati bħala G-SIIs iżda li r-relevanza sistemika tagħhom fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti jenħtieġ li tkun paragunabbli mar-relevanza sistemika tal-G-SIIs ma jvarjax b'mod sproporzjonat mil-livell u l-għamla tal-MREL li ġeneralment ikun stabbilit għal G-SIIs.

(12)  Bl-istess mod bħas-setgħat konferiti lill-awtoritajiet kompetenti mid-Direttiva 2013/36/UE, il-Bord jenħtieġ li jitħalla jimponi livelli ogħla tal-MREL filwaqt li jindirizza b'mod aktar flessibbli kwalunkwe ksur ta' dawk il-livelli, b'mod partikulari billi jittaffew l-effetti awtomatiċi ta' dak il-ksur fil-forma ta' limitazzjonijiet għall-Ammonti Massimi Distribwibbli ("MDAs"). Il-Bord jenħtieġ li jkun jista' jagħti gwida lill-istituzzjonijiet biex jissodisfaw ammonti addizzjonali biex jiġi kopert telf f'riżoluzzjoni li jkun 'il fuq mil-livell tar-rekwiżiti ta' fondi proprji stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fid-Direttiva 2013/36/UE, u/jew biex tiġi żgurata biżżejjed fiduċja tas-suq fl-istituzzjoni wara r-riżoluzzjoni. Biex tiġi żgurata konsistenza mad-Direttiva 2013/36/UE, gwida biex jiġi kopert telf addizzjonali tista' tingħata biss meta l-"gwida kapitali" tkun intalbet mill-awtoritajiet kompetenti superviżorji skont id-Direttiva 2013/36/UE u jenħtieġ li ma taqbiżx il-livell mitlub f'dik il-gwida. Għall-ammont tar-rikapitalizzazzjoni, il-livell mitlub fil-gwida sabiex tiġi żgurata l-fiduċja tas-suq jenħtieġ li jippermetti lill-istituzzjoni li tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għal perjodu xieraq ta' żmien inkluż billi jippermetti lill-istituzzjoni sabiex tkopri l-ispejjeż relatati mar-ristrutturar tal-attivitajiet tagħha wara r-riżoluzzjoni. Dan il-bafer għall-fiduċja tas-suq jenħtieġ li ma jaqbiżx ir-rekwiżit ta' bafer kapitali kombinat skont id-Direttiva 2013/36/UE sakemm ma jkunx hemm bżonn ta' livell ogħla sabiex jiġi żgurat li, wara l-avveniment ta' riżoluzzjoni, l-entità tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tagħha għal perjodu xieraq. Meta entità konsistentement tonqos milli jkollha fondi proprji addizzjonali u obbligazzjonijiet eliġibbli kif mistenni skont il-gwida, il-Bord jenħtieġ li jkun jista' jitlob li jiżdied l-ammont tal-MREL sabiex jiġi kopert l-ammont tal-gwida. Għall-fini tal-kunsiderazzjoni ta' jekk ikunx hemm falliment konsistenti, il-Bord jenħtieġ li jieħu f'kunsiderazzjoni r-rappurtar tal-entità dwar l-MREL, kif stabbilit bid-Direttiva 2014/59/UE.

(13)  F'konformità mar-Regolament Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet li jikkwalifikaw bħala entitajiet ta' riżoluzzjoni jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-MREL biss fil-livell konsolidat ta' grupp ta' riżoluzzjoni. Dak ifisser li l-entitajiet ta' riżoluzzjoni jenħtieġ li jkunu obbligati joħorġu strumenti u oġġetti eliġibbli biex jissodisfaw l-MREL lil kredituri esterni terzi li jkunu soġġetti għal rikapitalizzazzjoni interna fil-każ li l-entità ta' riżoluzzjoni tidħol f'riżoluzzjoni.

(14)  Fuq livell individwali istituzzjonijiet li mhumiex entitajiet ta' riżoluzzjoni jenħtieġ li jkunu konformi mar-rekwiżit speċifiku għad-ditta. Ġeneralment il-ħtiġijiet ta' assorbiment tat-telf u ta' rikapitalizzazzjoni ta' dawk l-istituzzjonijiet jenħtieġ li jiġu pprovduti mill-entitajiet ta' riżoluzzjoni rispettivi tagħhom permezz tal-akkwiżizzjoni mill-entitajiet ta' riżoluzzjoni ta' obbligazzjonijiet eliġibbli maħruġa minn dawk l-istituzzjonijiet u t-tniżżil fil-valur jew il-konverżjoni tagħhom fi strumenti ta' sjieda meta dawk l-istituzzjonijiet ma jkunux għadhom vijabbli. Bħala tali, jenħtieġ li l-MREL applikabbli għal istituzzjonijiet li mhumiex entitajiet ta' riżoluzzjoni jiġi applikat flimkien u b'mod konsistenti mar-rekwiżiti applikabbli għal entitajiet ta' riżoluzzjoni. Dak jenħtieġ li jippermetti li l-Bord jirriżolvi grupp ta' riżoluzzjoni mingħajr ma jpoġġi ċerti entitajiet sussidjarji tiegħu f'riżoluzzjoni, biex b'hekk jiġu evitati l-effetti potenzjalment ta' tfixkil fis-suq. Soġġett għall-kunsens tal-Bord, jenħtieġ li jkun possibbli li l-ħruġ ta' obbligazzjonijiet eliġibbli lil entitajiet ta' riżoluzzjoni jiġi sostitwit b'garanziji kollateralizzati bejn l-entità ta' riżoluzzjoni u s-sussidjarji tagħha, li jistgħu jiġu skattati meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet ta' twaqqit ekwivalenti għal dawk li jippermettu t-tniżżil fil-valur jew il-konverżjoni ta' obbligazzjonijiet eliġibbli. Il-kollateral ta' appoġġ għall-garanzija jenħtieġ li jkun ferm likwidu u jkollu riskju minimu ta' kreditu jew tas-suq. Barra minn hekk jenħtieġ li l-Bord ikun kapaċi jirrinunzja għal kollox l-applikazzjoni tal-MREL applikabbli għal istituzzjonijiet li mhumiex entitajiet ta' riżoluzzjoni jekk kemm l-entità ta' riżoluzzjoni u s-sussidjarji tagħha jkunu stabbiliti fl-istess Stat Membru parteċipanti.

(15)  Jenħtieġ li l-applikazzjoni tal-MREL għal istituzzjonijiet li mhumiex entitajiet ta' riżoluzzjoni tkun konformi mal-istrateġija ta' riżoluzzjoni magħżula. B'mod partikolari, ma għandhiex tbiddel ir-relazzjoni ta' sjieda bejn l-istituzzjonijiet u l-grupp ta' riżoluzzjoni tagħhom wara li dawk l-istituzzjonijiet ikunu ġew rikapitalizzati.

(16)  Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni u l-Bord jindirizzaw u jirrimedjaw kif xieraq kwalunkwe ksur tar-rekwiżit minimu tat-TLAC u tal-MREL. Minħabba li ksur ta' dawk ir-rekwiżiti jista' jikkostitwixxi impediment għar-riżolvibilità ta' istituzzjoni jew ta' grupp, jenħtieġ li l-proċeduri eżistenti għat-tneħħija ta' impedimenti għar-riżolvibilità jitqassru sabiex kwalunkwe ksur ta' dawk ir-rekwiżiti jiġi indirizzat b'mod espedjenti. Barra minn hekk jenħtieġ li l-Bord ikun jista' jitlob lill-istituzzjonijiet sabiex jimmodifikaw il-profili ta' maturità ta' strumenti u ta' oġġetti eliġibbli u biex iħejju u jimplimentaw pjanijiet biex ireġġgħu lura l-livell ta' dawk ir-rekwiżiti.

(17)  Dan ir-Regolament huwa konformi mad-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta, b'mod partikolari d-dritt għall-propjetà u l-libertà ta' impriża, u għandu jiġi applikat skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(18)  Minħabba li l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri t-twaqqif ta' regoli komuni għall-fini tal-qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-Unjoni, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta dan ir-Regolament, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(19)  Sabiex jitħalla żmien xieraq għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi applikat [18-il xahar mid-dħul fis-seħħ tiegħu].

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.  Emendi għar-Regolament (KE) Nru 806/2014. L-Artikolu 3(1) huwa emendat kif ġej:

(a)  iddaħħlu l-punti li ġejjin:

"(24A) "entità ta' riżoluzzjoni" tfisser entità stabbilita fl-Unjoni identifikata mill-Bord skont l-Artikolu 8 bħala entità li fir-rigward tagħha l-pjan ta' riżoluzzjoni jipprovdi għal azzjoni ta' riżoluzzjoni;

(24b)  "grupp ta' riżoluzzjoni" tfisser:

(a) grupp ta' entitajiet identifikati mill-Bord skont l-Artikolu 8, li huwa magħmul minn entità ta' riżoluzzjoni u s-sussidjarji tagħha li mhumiex:

(i) entitajiet ta' riżoluzzjoni huma nfushom;

(ii) sussidjarji ta' entitajiet oħra ta' riżoluzzjoni; or

(iii) entitajiet stabbiliti f'pajjiż terz li mhumiex inklużi fil-grupp ta' riżoluzzjoni skont il-pjan ta' riżoluzzjoni u s-sussidjarji tagħhom;

(aa) istituzzjonijiet ta' kreditu affiljati ma' korp ċentrali, il-korp ċentrali u kwalunkwe istituzzjoni oħra taħt il-kontroll tal-korp ċentrali meta mill-inqas waħda minn dawk l-entitajiet tkun entità ta' riżoluzzjoni.";

(b)  fil-punt (49), "obbligazzjonijiet eliġibbli" huma sostitwiti b'"obbligazzjonijiet b'kapaċità ta' rikapitalizzazzjoni interna".

(c) jiżdied il-punt (49a) li ġej:

"(49a)  "obbligazzjonijiet eliġibbli" tfisser obbligazzjonijiet b'kapaċità ta' rikapitalizzazzjoni interna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 12c jew tal-punt (a) tal-Artikolu 12h(3).".

2.  Fl-Artikolu 7, il-punt (d) tal-paragrafu (3) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(d)  it-twaqqif tal-livell tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, skont l-Artikoli 12 sa 12k".

3.  L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)  Il-paragrafu (5) huwa sostitwit b'dan li ġej:

'5.  Il-pjan ta' riżoluzzjoni għandu jistabbilixxi alternattivi għall-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni u għall-eżerċitar tas-setgħat ta' riżoluzzjoni msemmija f'dan ir-Regolament għall-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1.".

(b)  L-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu (6) huma sostitwiti b'dan li ġej:

"Il-pjan ta' riżoluzzjoni għandu jipprevedi l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni li l-Bord jista' jieħu meta entità msemmija fil-paragrafu 1 tissodisfa l-kundizzjonijiet għal riżoluzzjoni.

L-informazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 9 għandha tiġi żvelata lill-entità kkonċernata.".

(c)  il-punt (p) tal-paragrafu (9) huwa sostitwit b'dan li ġej:

'(p)  ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u strumenti subordinati skont l-Artikolu 12c, u skadenza biex jintlaħaq dak il-livell, fejn applikabbli;";

(d)  il-paragrafu (10) huwa sostitwit b'dan li ġej:

'10  Il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp għandhom jinkludu pjan għar-riżoluzzjoni tal-grupp imsemmi fil-paragrafu 1, immexxija mill-impriża prinċipali tal-Unjoni stabbilita fi Stat Membru parteċipanti u għandhom jidentifikaw miżuri għar-riżoluzzjoni ta':

(a)  l-impriża prinċipali tal-Unjoni;

(b)  is-sussidjarji li huma parti mill-grupp u li huma stabbiliti fl-Unjoni;

(c)  l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(b); u

(d)  soġġett għall-Artikolu 33, tas-sussidjarji li huma parti mill-grupp u li huma stabbiliti barra mill-Unjoni.

Skont il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-pjan ta' riżoluzzjoni għandu jidentifika dan li ġej għal kull grupp:

(a)  l-entitajiet ta' riżoluzzjoni;

(b)  il-gruppi ta' riżoluzzjoni.";

(e)  il-punti (a) u (b) tal-paragrafu (11) huma sostitwiti b'dan li ġej:

''(a)  jistabbilixxi l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni previsti li għandhom jittieħdu b'rabta ma' entità ta' riżoluzzjoni fix-xenarji previsti fil-paragrafu 6 u l-implikazzjonijiet ta' tali azzjonijiet fir-rigward ta' entitajiet oħra tal-grupp, tal-impriża prinċipali u tal-istituzzjonijiet sussidjarji msemmija fil-paragrafu 1:

(a1)   fejn grupp imsemmi fil-paragrafu 1 jinkludi aktar minn grupp wieħed ta' riżoluzzjoni, jistabbilixxi azzjonijiet ta' riżoluzzjoni previsti fir-rigward tal-entitajiet ta' riżoluzzjoni ta' kull grupp ta' riżoluzzjoni u l-implikazzjonijiet ta' tali azzjonijiet fuq dawn it-tnejn li ġejjin:

(i) entitajiet oħra tal-grupp li jappartjenu għall-istess grupp ta' riżoluzzjoni;

(ii) gruppi oħra ta' riżoluzzjoni;

(b)  jeżamina sa liema punt l-għodod u s-setgħat ta' riżoluzzjoni jistgħu jiġu applikati għall-entitajiet ta' riżoluzzjoni stabbiliti fl-Unjoni u eżerċitati b'mod koordinat, inklużi miżuri biex jiġi ffaċilitat ix-xiri minn parti terza tal-grupp sħiħ, jew ta' linji operatorji jew attivitajiet separati fornuti minn għadd ta' entitajiet tal-grupp, jew entitajiet partikolari tal-grupp jew gruppi ta' riżoluzzjoni, u jiġi identifikat kwalunkwe impediment potenzjali għal riżoluzzjoni koordinata;".

4.  L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu (4) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"4.  Grupp għandu jitqies bħala riżolvibbli jekk ikun fattibbli u kredibbli għall-Bord li jew iwettaq stralċ tal-entitajiet tal-grupp skont proċedimenti normali ta' insolvenza jew li jirriżolvihom billi japplika għodod ta' riżoluzzjoni u jeżerċita setgħat ta' riżoluzzjoni fir-rigward ta' entitajiet ta' riżoluzzjoni filwaqt li, sa fejn ikun possibbli, tiġi evitata kwalunkwe konsegwenza negattiva sinifikanti għas-sistemi finanzjarji, inkluż f'ċirkostanzi ta' instabilità finanzjarja usa' jew avvenimenti mifruxa mas-sistema kollha, tal-Istati Membri li fihom ikunu stabbiliti l-entitajiet tal-grupp, jew ta' Stati Membri oħrajn jew tal-Unjoni u bil-għan li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi mwettqa minn dawk l-entitajiet tal-grupp, meta jistgħu jiġu faċilment separati f'ħin opportun jew b'mezzi oħra.

Il-Bord għandu jinnotifika lill-EBA f'ħin opportun fejn grupp jitqies li mhuwiex riżolvibbli.

Fejn grupp ikun magħmul minn aktar minn grupp wieħed ta' riżoluzzjoni, il-Bord għandu jivvaluta r-riżolvibilità ta' kull grupp ta' riżoluzzjoni skont dan l-Artikolu.

Il-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha ssir flimkien mal-valutazzjoni tar-riżolvibilità tal-grupp kollu".

(b)  Mal-paragrafu (7) jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"Meta l-impediment għar-riżolvibilità tal-entità jew tal-grupp huwa dovut għal sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 141a(2) tad-Direttiva 2013/36/UE, il-Bord għandu jinnotifika lill-impriża prinċipali tal-Unjoni dwar il-valutazzjoni tiegħu ta' dak l-impediment."

(c)  Mal-paragrafu (9) jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"Meta impediment għar-riżolvibilità huwa dovut għal sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 141a(2) tad-Direttiva 2013/36/UE, l-impriża prinċipali tal-Unjoni għandha tipproponi miżuri possibbli lill-Bord sabiex l-impediment identifikat skont l-ewwel subparagrafu jiġi indirizzat jew jitneħħa fi żmien ġimagħtejn mid-data tal-wasla ta' notifika li tkun saret skont il-paragrafu 7. "

(d)  Fil-punti (i) u (j) tal-paragrafu (11), l-"Artikolu 12" huwa sostitwit bl-"Artikoli 12g u bl-Artikolu 12h".

(e)  fil-paragrafu 11 żdiedu l-punti li ġejjin:

'(k)  jeżiġi li entità tippreżenta pjan biex terġa' tiġi restawrata l-konformità mal-Artikoli 12g u 12h, u r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 128(6) tad-Direttiva 2013/36/UE;

(l)  jeżiġi li entità tbiddel il-profil ta' maturità tal-oġġetti msemmija fl-Artikolu 12c u fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 12h(3) sabiex tiġi żgurata konformità kontinwa mal-Artikolu 12g u mal-Artikolu 12h."

5.  L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 huwa sostitwit bl-Artikoli li ġejjin:

"Artikolu 12

Determinazzjoni tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli

1.  Il-Bord għandu, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, inkluż mal-BĊE, jiddetermina r-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, kif imsemmi fl-Artikoli 12a sa 12i, soġġett għal setgħat ta' tniżżil fil-valur u ta' konverżjoni, li l-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(2) u, l-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5) meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' dawn il-paragrafi, huma meħtieġa li jissodisfaw f'kull ħin.

2.  Meta jabbozzaw pjanijiet ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 9, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, għandhom jiddeterminaw ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, kif imsemmi fl-Artikoli 12a sa 12i, soġġett għas-setgħat ta' tniżżil fil-valur u ta' konverżjoni, li l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 7(3) huma meħtieġa jissodisfaw f'kull ħin. F'dak ir-rigward għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 31.

3.  Il-Bord għandu jieħu kwalunkwe determinazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, b'mod parallel mal-iżvilupp u maż-żamma tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 8.

4.  Il-Bord għandu jindirizza d-determinazzjoni tiegħu lill-awtorità ta' riżoluzzjoni nazzjonali. L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali għandhom jimplimentaw l-istruzzjonijiet tal-Bord skont l-Artikolu 29. Il-Bord għandu jeżiġi li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali jivverifikaw u jiżguraw li l-istituzzjonijiet u l-impriżi prinċipali jżommu r-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

5.  Il-Bord għandu jinforma lill-BĊE u lill-EBA bir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli li jkun iddetermina għal kull istituzzjoni u impriża prinċipali skont il-paragrafu 1.

6.  Sabiex tkun żgurata applikazzjoni effettiva u konsistenti ta' dan l-Artikolu, il-Bord għandu joħroġ linji gwida u jindirizza struzzjonijiet lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali dwar entitajiet jew gruppi speċifiċi.

          Artikolu 12a

L-applikazzjoni u l-kalkolu tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli

1.  Il-Bord u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali għandhom jiżguraw li l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(1) u 12(2) jissodisfaw, f'kull ħin, rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 12a sa 12i.

2.  Dan ir-rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat skont l-Artikolu 12d(3) jew (4) kif applikabbli, bħala l-ammont ta' fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli u jiġi espress bħala perċentwal ta':

(a)  l-ammont tal-iskopertura totali tar-riskju tal-entità rilevanti msemmi fil-paragrafu 1 ikkalkulat skont l-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; u

(b)  l-ammont tal-iskopertura totali tar-riskju tal-entità rilevanti msemmi fil-paragrafu 1 ikkalkulat skont l-Artikolu 429(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

2a.  L-istituzzjonijiet u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(1) u (2) jistgħu jissodisfaw kwalunkwe parti mir-rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu permezz tal-istrumenti tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni, tal-Grad 1 Addizzjonali jew tal-Grad 2.

          Artikolu 12b

Eżenzjoni mir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli

1.  Minkejja l-Artikolu 12a, il-Bord għandu jeżenta lill-istituzzjonijiet ta' kreditu ipotekarju ffinanzjati minn bonds koperti li, skont il-liġi nazzjonali mhumiex permessi jirċievu depożiti, mir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1), meta l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu sodisfatti:

(a)  dawk l-istituzzjonijiet ser jiġu stralċjati permezz ta' proċeduri nazzjonali ta' insolvenza, jew tipi oħra ta' proċeduri implimentati skont l-Artikoli 38, 40 jew 42 tad-Direttiva 2014/59/UE stabbiliti, previsti għal dawk l-istituzzjonijiet; u

(b)  tali proċeduri nazzjonali ta' insolvenza, jew tipi oħra ta' proċeduri, ser jiżguraw li l-kredituri ta' dawk l-istituzzjonijiet, inklużi d-detenturi ta' bonds koperti fejn rilevanti, ser iġarrbu telf b'mod li jilħaq l-objettivi tar-riżoluzzjoni.

2.  L-istituzzjonijiet li huma eżentati mir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 12(1) ma għandhomx ikunu parti mill-konsolidazzjoni msemmija fl-Artikolu 12g(1).

Artikolu 12c

Obbligazzjonijiet eliġibbli għal entitajiet ta' riżoluzzjoni

1.  Obbligazzjonijiet eliġibbli għandhom jiġu inklużi fl-ammont tal-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli tal-entitajiet ta' riżoluzzjoni biss meta dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli li ġejjin tar-Regolament (UE) Nru 575/2013:

(a)  l-Artikolu 72a;

(b)  l-Artikolu 72b, bl-eċċezzjoni tal-punt (d) tal-paragrafu 2;

(c)  l-Artikolu 72c.

1a.  B'deroga mill-paragrafu 1, l-obbligazzjonijiet maħruġa qabel [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju] li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (g) sa (o) tal-Artikolu 72b(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jistgħu jiġu inklużi fl-ammont tal-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-entitajiet ta' riżoluzzjoni.

2.  B'deroga mill-punt (l) tal-Artikolu 72a(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn strumenti ta' dejn b'karatteristiċi tad-derivattivi, bħal noti strutturati, għandhom jiġu inklużi fl-ammont tal-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli biss meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)  ammont partikolari tal-obbligazzjoni li jirriżulta mill-istrument ta' dejn ikun magħruf minn qabel fiż-żmien tal-ħruġ, ikun fiss u ma jkunx affettwat minn xi karatteristika tad-derivattivi;

(b)  l-istrument ta' dejn, inkluż il-karatteristika tad-derivattivi tiegħu, ma jkunx soġġett għal xi ftehim ta' netting u l-valutazzjoni tiegħu ma tkunx soġġetta għall-Artikolu 49(3);

(ba)  l-entità tkun uriet għas-sodisfazzjon tal-Bord li l-istrument jassorbi t-telf b'mod sostanzjali u jista' jkun soġġett għal rikapitalizzazzjoni interna mingħajr kumplessità żejda, b'kont meħud tal-prinċipji tal-valutazzjoni prudenzjali stabbiliti f'din id-Direttiva u fir-Regolament (UE) Nru 575/2013.

L-obbligazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi inkluża biss fl-ammont ta' fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli għall-parti li tikkorrispondi mal-ammont imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu.

3.  Il-Bord, fuq inizjattiva proprja u wara li jkun ikkonsulta mal-awtorità ta' riżoluzzjoni nazzjonali jew fuq proposta minn awtorità ta' riżoluzzjoni nazzjonali, u wara li jikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti, għandu jivvaluta u jiddeċiedi jekk u sa liema punt l-entitajiet ta' riżoluzzjoni jkunu ssodisfaw ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12g permezz ta' strumenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 72a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 bil-għan li jiġi żgurat li l-entità ta' riżoluzzjoni tista' tiġi riżolta b'mod xieraq biex jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni.

Id-deċiżjoni tal-Bord skont dan il-paragrafu għandu jkun fiha r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni. Dawn ir-raġunijiet għandhom ikunu bbażati fuq li ġej:

(a)  il-fatt li l-obbligazzjonijiet mhux subordinati msemmija fil-paragrafu (1) u (2) ikollhom l-istess klassifikazzjoni prijoritarja fil-ġerarkija nazzjonali tal-insolvenza bħal ċerti obbligazzjonijiet esklużi mill-applikazzjoni tas-setgħat ta' tniżżil fil-valur jew ta' konverżjoni skont l-Artikolu 44(2) jew l-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(b)  ir-riskju li bħala riżultat ta' applikazzjoni ppjanata ta' setgħat ta' tniżżil fil-valur u ta' konverżjoni lil obbligazzjonijiet mhux subordinati li mhumiex esklużi mill-applikazzjoni tas-setgħat ta' tniżżil fil-valur jew ta' konverżjoni skont l-Artikolu 44(2) jew l-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE, il-kredituri ta' pretensjonijiet li jirriżultaw minn dawk l-obbligazzjonijiet iġarrbu telf ikbar milli kieku kienu jġarrbu fi stralċ taħt proċedimenti normali ta' insolvenza.

L-ammont ta' fondi proprji u ta' obbligazzjonijiet eliġibbli meħtieġa minn deċiżjoni skont dan il-paragrafu li jiġu ssodisfati bl-istrumenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 72a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 m'għandux jisboq l-ogħla wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)  proporzjon ibbażat fuq ir-riskju ta' 18 %, li jirrappreżenta l-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-istituzzjoni espress bħala perċentwal tal-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju kkalkulat skont l-Artikolu 92(3) u (4) ta' dak ir-Regolament;

(b)  proporzjon mhux ibbażat fuq ir-riskju ta' 6,75%, li jirrappreżenta l-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-istituzzjoni espress bħala perċentwal tal-kejl totali tal-iskopertura msemmi fl-Artikolu 429(4) ta' dak ir-Regolament,

soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 72b(3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u għad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali speċifikati fl-Artikolu 494 ta' dak ir-Regolament.

Soġġett għat-tielet subparagrafu, l-ammont ta' fondi proprji u ta' obbligazzjonijiet eliġibbli meħtieġ b'deċiżjoni skont dan il-paragrafu għandu jkun suffiċjenti biex ikun żgurat li l-kredituri msemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu ma jġarrbux telf 'il fuq mil-livell ta' telf li kieku kienu jġarrbu fi stralċ taħt proċedimenti ta' insolvenza normali.

Artikolu 12d

Determinazzjoni tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli

1.  Ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) ta' kull entità għandu jiġi determinat mill-Bord, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, inkluż il-BĊE, abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)  il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-entità ta' riżoluzzjoni tista' tiġi riżolta bl-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni fosthom, fejn xieraq, l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna, b'mod li jiġu sodisfatti l-objettivi tar-riżoluzzjoni;

(b)  il-ħtieġa li, f'każijiet xierqa, jiġi żgurat li l-entità ta' riżoluzzjoni u s-sussidjarji tagħha, iżda mhux l-entitajiet ta' riżoluzzjoni jkollhom biżżejjed obbligazzjonijiet eliġibbli sabiex jiġi żgurat li, jekk jiġu sottoposti għall-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna jew għas-setgħat ta' tniżżil fil-valur u ta' konverżjoni, rispettivament, it-telf ikun jista' jiġi assorbit u r-rekwiżiti ta' kapital jew, kif applikabbli, il-proporzjon ta' ingranaġġ fil-forma ta' Ekwità Komuni tal-Grad 1 tal-entitajiet rilevanti jkun jista' jinġieb lura għal livell neċessarju sabiex ikunu jistgħu jkomplu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni u jkomplu jwettqu l-attivitajiet li huma awtorizzati jwettqu skont id-Direttiva 2013/36/UE jew id-Direttiva 2014/65/UE;

(c)  il-ħtieġa li jiġi żgurat li, jekk il-pjan ta' riżoluzzjoni jantiċipa li ċerti klassijiet ta' obbligazzjonijiet eliġibbli jistgħu jiġu esklużi minn rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 27(5) jew jistgħu jiġu kompletament trasferiti lil riċevitur taħt trasferiment parzjali, l-entità ta' riżoluzzjoni jkollha biżżejjed obbligazzjonijiet eliġibbli oħra biex jiġi żgurat li t-telf ikun jista' jiġi assorbit u r-rekwiżiti ta' kapital jew, kif applikabbli, il-proporzjon ta' ingranaġġ fil-forma ta' Ekwità Komuni tal-Grad 1 tal-entità ta' riżoluzzjoni jkun jista' jinġieb lura għal livell neċessarju sabiex tkun tista' tkompli tikkonforma mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni u tkompli twettaq l-attivitajiet li hija awtorizzata twettaq skont id-Direttiva 2013/36/UE jew id-Direttiva 2014/65/UE;

(d)  id-daqs, il-mudell kummerċjali, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju tal-entità;

(f)  il-limitu sa fejn il-falliment tal-entità rilevanti ser ikollu effett negattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja, inkluż, minħabba l-interkonnessjoni tal-entità ma' istituzzjonijiet jew ma' entitajiet oħrajn jew mal-bqija tas-sistema finanzjarja permezz ta' kontaġju lejn istituzzjonijiet jew entitajiet oħra.

Il-Bord għandu jiżgura li l-livell tar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) huwa proporzjonat mal-ispeċifiċitajiet tal-mudelli ta' negozju u ta' finanzjament tal-entità ta' riżoluzzjoni, filwaqt li jitqiesu:

(i)  il-prevalenza tad-depożiti fl-istruttura ta' finanzjament;

(ii)  in-nuqqas ta' esperjenza fil-ħruġ ta' strumenti ta' dejn minħabba l-aċċess limitat għas-swieq tal-kapital transfruntiera u tal-operaturi;

(iii)  il-fatt li l-istituzzjoni se tiddependi primarjament fuq l-istrumenti CET1 u kapitali biex tissodisfa r-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1).

2.  Fejn il-pjan ta' riżoluzzjoni jipprovdi li għandha tittieħed azzjoni ta' riżoluzzjoni jew li għandhom jiġu applikati setgħat ta' tniżżil fil-valur u ta' konverżjoni, ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) għandu jkun ugwali għal ammont suffiċjenti biex jiġi żgurat li:

(a)  it-telf li jista' jiġi mistenni li l-entità ġġarrab jiġi kompletament assorbit ("assorbiment tat-telf");

(b)  l-entità jew is-sussidjarji tagħha li huma istituzzjonijiet, iżda mhux entitajiet ta' riżoluzzjoni jiġu rikapitalizzati għal livell neċessarju sabiex ikunu jistgħu jkomplu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni u jwettqu l-attivitajiet li huma awtorizzati jwettqu skont id-Direttiva 2013/36/UE, id-Direttiva 2014/65/UE jew skont leġiżlazzjoni ekwivalenti ('rikapitalizzazzjoni');

Fejn il-pjan ta' riżoluzzjoni jipprovdi li l-entità għandha tiġi stralċjata taħt proċeduri normali ta' insolvenza, ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) għal dik l-entità ma għandux jaqbeż ammont suffiċjenti sabiex jiġi assorbit it-telf skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu.

2a.   Il-Bord għandu jiżgura li l-ammont ta' assorbiment tat-telf imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 2 ma jiġix awtomatikament ikkunsidrat li huwa akbar minn jew daqs il-livell reali ta' fondi proprji tal-entità.

3.  Mingħajr preġudizzju għall-aħħar subparagrafu ta' dan il-paragrafu, fil-każ ta' entitajiet ta' riżoluzzjoni, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont imsemmi fil-paragrafu 2, il-Bord għandu jikkalkula l-akbar fost dawn li ġejjin:

(a)   is-somma ta':

(i) l-ammont ta' telf li jista' jkollu bżonn jiġi assorbit fir-riżoluzzjoni li jikkorrispondi għar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 92(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE tal-entità ta' riżoluzzjoni fil-livell konsolidat ta' grupp ta' riżoluzzjoni,

(ii) ammont ta' rikapitalizzazzjoni li jippermetti li l-grupp ta' riżoluzzjoni li jirriżulta mir-riżoluzzjoni jreġġa' lura konformità mar-rekwiżit tal-proporzjon kapitali totali msemmi fl-Artikolu 92(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-rekwiżit tiegħu msemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE fil-livell konsolidat tal-grupp ta' riżoluzzjoni wara l-implimentazzjoni tal-azzjoni ta' riżoluzzjoni ppreferuta;

(b)  is-somma ta':

(i) l-ammont ta' telf li għandu jiġi assorbit fir-riżoluzzjoni li jikkorrispondi għar-rekwiżit ta' proporzjon ta' ingranaġġ tal-entità ta' riżoluzzjoni msemmi fl-Artikolu 92(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fil-livell konsolidat tal-grupp ta' riżoluzzjoni; u

(ii) ammont ta' rikapitalizzazzjoni li jippermetti li l-grupp ta' riżoluzzjoni li jirriżulta mir-riżoluzzjoni jreġġa' lura konformità mar-rekwiżit tal-proporzjon ta' ingranaġġ imsemmi fl-Artikolu 92(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fil-livell konsolidat tal-grupp ta' riżoluzzjoni wara l-implimentazzjoni tal-azzjoni ta' riżoluzzjoni ppreferuta;

Għall-finijiet tal-punti (a)(ii) u b(ii) tal-ewwel subparagrafu, l-ammont tar-rikapitalizzazzjoni għandu jiġi ssupplimentat ukoll b'ammont addizzjonali li l-Bord iqis neċessarju biex iżomm biżżejjed fiduċja tas-suq wara r-riżoluzzjoni, filwaqt li jitqiesu l-mudell ta' negozju, il-mudell ta' finanzjament u l-profil ta' riskju tal-entità ta' riżoluzzjoni.

L-ammont ta' bafer ipprovdut fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma għandux jaqbeż l-ammont tar-rekwiżit ta' bafer kombinat imsemmi fl-Artikolu 128(6) tad-Direttiva 2013/36/UE, ħlief għar-rekwiżit imsemmi fil-punt (a) ta' dik id-dispożizzjoni, diment li livell ogħla ma jkunx neċessarju biex ikun żgurat li, wara l-każ ta' riżoluzzjoni, l-entità tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tagħha għal perjodu ta' żmien adatt li mhux itwal minn sena.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 12a(2), ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) għandu jiġi espress bħala l-ammont ikkalkulat skont il-punt (a) diviż bl-ammont tal-iskopertura totali tar-riskju ('TREA').

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 12a(2), ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) għandu jiġi espress bħala l-ammont ikkalkulat skont il-punt (b) diviż bil-kejl tal-iskopertura tal-proporzjon ta' ingranaġġ.

Il-Bord għandu jistabbilixxi l-ammonti ta' rikapitalizzazzjoni li ssir referenza għalihom fis-subparagrafi preċedenti skont l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni previsti fil-pjan ta' riżoluzzjoni u jista' jaġġusta dawk l-ammonti ta' rikapitalizzazzjoni sabiex b'mod adegwat jiġu riflessi r-riskji li jaffettwaw ir-riżolvibbiltà li tirriżulta mill-mudell ta' negozju, il-profil ta' finanzjament u l-profil ta' riskju globali tal-grupp ta' riżoluzzjoni.

3a.   Meta l-Bord jivvaluta li istituzzjoni, kieku kellha tfalli, tiġi likwidati jew inkella titqiegħed taħt proċedimenti ta' insolvenza, ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) ta' dan ir-Regolament m'għandux jaqbeż ir-rekwiżiti msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE.

4.  Mingħajr preġudizzju għall-aħħar subparagrafu ta' dan il-paragrafu, fil-każ ta' entitajiet li huma nfushom mhumiex entitajiet ta' riżoluzzjoni, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont imsemmi fil-paragrafu 2, il-Bord għandu jikkalkula l-ikbar wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)  is-somma ta':

(i) l-ammont ta' telf li għandu jiġi assorbit fir-riżoluzzjoni li jikkorrispondi għar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 92(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE tal-entità, u

(ii) ammont ta' rikapitalizzazzjoni li jippermetti li l-entità treġġa' lura konformità mar-rekwiżit tal-proporzjon kapitali totali tagħha msemmi fl-Artikolu 92(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-rekwiżit tiegħu msemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE wara l-eżerċitar tas-setgħa ta' tniżżil fil-valur jew ta' konverżjoni ta' strumenti kapitali rilevanti u obbligazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 21;

(b)  is-somma ta':

(i) l-ammont ta' telf li għandu jiġi assorbit fir-riżoluzzjoni li jikkorrispondi għar-rekwiżit ta' proporzjon ta' ingranaġġ tal-entità msemmi fl-Artikolu 92(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; u

(ii) ammont ta' rikapitalizzazzjoni li jippermetti li l-entità treġġa' lura konformità mar-rekwiżit tal-proporzjon ta' ingranaġġ tagħha msemmi fl-Artikolu 92(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 wara l-eżerċitar tas-setgħa ta' tniżżil fil-valur jew ta' konverżjoni ta' strumenti kapitali rilevanti u obbligazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 21 ta' dan ir-Regolament.

Għall-finijiet tal-punti (a)(ii) u b(ii) tal-ewwel subparagrafu, l-ammont tar-rikapitalizzazzjoni għandu jiġi ssupplimentat ukoll b'ammont addizzjonali li l-Bord iqis neċessarju biex iżomm biżżejjed fiduċja tas-suq wara r-riżoluzzjoni, filwaqt li jitqiesu l-mudell ta' negozju, il-mudell ta' finanzjament u l-profil ta' riskju tal-entità ta' riżoluzzjoni.

L-ammont ta' bafer imsemmi fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma għandux jaqbeż l-ammont tar-rekwiżit ta' bafer kombinat imsemmi fl-Artikolu 128(6) tad-Direttiva 2013/36/UE, ħlief għar-rekwiżit imsemmi fil-punt (a) ta' dik id-dispożizzjoni, diment li livell ogħla ma jkunx neċessarju biex ikun żgurat li, wara l-każ ta' riżoluzzjoni, l-entità tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tagħha għal perjodu ta' żmien adatt li mhux itwal minn sena.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 12a(2), ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) għandu jiġi espress f'termini perċentwali bħala l-ammont ikkalkulat skont il-punt (a) diviż bl-ammont tal-iskopertura totali tar-riskju ('TREA').

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 12a(2), ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) għandu jiġi espress bħala l-ammont ikkalkulat skont il-punt (b) diviż bil-kejl tal-iskopertura tal-proporzjon ta' ingranaġġ.

Il-Bord għandu jistabbilixxi l-ammonti ta' rikapitalizzazzjoni li ssir referenza għalihom f'dan il-paragrafu skont l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni previsti fil-pjan ta' riżoluzzjoni u jista' jaġġusta dawk l-ammonti ta' rikapitalizzazzjoni sabiex b'mod adegwat jiġu riflessi r-riskji li jaffettwaw ir-riżolvibbiltà li tirriżulta mill-mudell ta' negozju, il-profil ta' finanzjament u l-profil ta' riskju globali tal-grupp ta' riżoluzzjoni.

5.  Fejn il-Bord jistenna li ċerti klassijiet ta' obbligazzjonijiet eliġibbli jistgħu jiġu esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 27(5) jew jistgħu jiġu trasferiti kompletament lil riċevitur taħt trasferiment parzjali, ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) ma għandux jaqbeż ammont suffiċjenti sabiex:

(a)  jiġi kopert l-ammont tal-obbligazzjonijiet esklużi identifikati skont l-Artikolu 27(5);

(b)  jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 huma sodisfatti.

6.  Id-deċiżjoni tal-Bord li jimponi rekwiżit minimu ta' fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli skont dan l-Artikolu għandu jkun fiha r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni, inkluża valutazzjoni sħiħa tal-elementi msemmija fil-paragrafi 2 sa 5 .

7.  Għall-finijiet tal-paragrafi 3 u 4, ir-rekwiżiti kapitali għandhom jiġu interpretati f'konformità mal-applikazzjoni mill-awtorità kompetenti tad-dispożizzjonijiet tranżitorji stabbiliti fil-Kapitoli 1, 2 u 4 tat-Titolu I tal-Għaxar Parti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jeżerċitaw l-għażliet mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti b'dak ir-Regolament.

Artikolu 12e

Determinazzjoni tar-rekwiżit għal entitajiet li huma G-SIIs

1.  Ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli ta' entità ta' riżoluzzjoni li hija G-SII jew parti minn G-SII għandu jkun magħmul minn:

(a)  soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 72b(3) u (4), u d-dispożizzjonijiet tranżitorji speċifikati fl-Artikolu 494 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-ikbar wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)   proporzjon ibbażat fuq ir-riskju ta' 18 %, li jirrappreżenta l-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-istituzzjoni espress bħala perċentwal tal-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju kkalkulat skont l-Artikolu 92(3) u (4) ta' dak ir-Regolament;

(ii)  proporzjon mhux ibbażat fuq ir-riskju ta' 6,75 %, li jirrappreżenta l-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-istituzzjoni espress bħala perċentwal tal-kejl totali tal-iskopertura msemmi fl-Artikolu 429(4) ta' dak ir-Regolament; u

(b)  kwalunkwe rekwiżit addizzjonali għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli determinat mill-Bord speċifiku għall-entità skont il-paragrafu 2, li għandu jiġi sodisfatt permezz ta' obbligazzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 12c.

2.  Il-Bord jista' jimponi rekwiżit addizzjonali għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 biss:

(a)  meta r-rekwiżit imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ma jkunx biżżejjed   biex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12d; u

(b)  sa limitu li l-ammont ta' fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli meħtieġa ma jaqbiżx livell li huwa neċessarju sabiex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 12d.

3.  Id-deċiżjoni tal-Bord li jimponi rekwiżit addizzjonali ta' fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 għandu jkun fiha r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni, inkluża valutazzjoni sħiħa tal-elementi msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 12g

Applikazzjoni tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli

1.  Entitajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 12d sa 12f fuq bażi konsolidata fil-livell tal-grupp ta' riżoluzzjoni.

2.  Ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) ta' entità ta' riżoluzzjoni stabbilita fi Stat Membru parteċipanti fil-livell konsolidat ta' grupp ta' riżoluzzjoni għandu jiġi determinat mill-Bord, wara konsultazzjoni mal-awtorità tar-riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u mas-superviżur konsolidanti, abbażi tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 12d sa 12f u dwar jekk is-sussidjarji ta' pajjiżi terzi tal-grupp għandhomx jiġu riżolti separatament skont il-pjan ta' riżoluzzjoni.

Artikolu 12h

Applikazzjoni tar-rekwiżit għal entitajiet li huma nfushom ma jkunux entitajiet ta' riżoluzzjoni

1.  Istituzzjonijiet li huma sussidjarji ta' entità ta' riżoluzzjoni u li huma nfushom ma jkunux entitajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 12d sa 12f fuq bażi individwali.

Il-Bord jista', wara li jkun ikkonsulta ma' awtoritajiet kompetenti u mal-BĊE, jiddeċiedi li japplika r-rekwiżit stabbilit f'dan l-Artikolu għal entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE li hija sussidjarja ta' entità ta' riżoluzzjoni u li hija nnifisha mhijiex entità ta' riżoluzzjoni.

2.  Ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) ta' entitajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)  l-entità ta' riżoluzzjoni hija konformi mar-rekwiżit konsolidat imsemmi fl-Artikolu 12g;

(b)  is-somma tar-rekwiżiti kollha li għandhom jiġu applikati għas-sussidjarji tal-grupp ta' riżoluzzjoni għandha tkun koperta minn u ma taqbiżx ir-rekwiżit konsolidat imsemmi fl-Artikolu 12g, sakemm dan ma jkunx dovut biss għall-effetti tal-konsolidament fil-livell tal-grupp ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 12g(1);

(c)  għandu jissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà mogħtija fil-paragrafu 3;

(d)  għandu jiġi stabbilit għal bejn 75 % u 90 % tar-rekwiżiti kkalkolati f'konformità mal-Artikolu 12a(1) u ma għandux jaqbeż il-kontribuzzjoni tas-sussidjarja għar-rekwiżit konsolidat imsemmi f'12g(1).

3.  Ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12a(1) għandu jiġi sodisfatt permezz ta' wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)  obbligazzjonijiet li:

(i) jkunu nħarġu lill-entità ta' riżoluzzjoni u nxtraw minnha direttament jew indirettament permezz ta' entitajiet oħra fl-istess grupp ta' riżoluzzjoni li xtara l-obbligazzjonijiet mill-entità soġġetta għan dan l-Artikolu jew minn parti kkonċernata eżistenti li ma tagħmilx parti mill-istess grupp ta' riżoluzzjoni diment li l-eżerċitar tas-setgħa ta' tniżżil fil-valur jew ta' konverżjoni skont l-Artikolu 21 ma jaffettwax il-kontroll tas-sussidjarja mill-entità ta' riżoluzzjoni;

(ii) jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà msemmija fl-Artikolu 72a, ħlief għall-punt (b) tal-Artikolu 72b(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(iii) fi proċedimenti normali ta' insolvenza jkunu kklassifikati taħt obbligazzjonijiet minbarra dawk eliġibbli għal rekwiżiti ta' fondi proprji li jkunu maħruġa lil entitajiet oħra minbarra l-entità ta' riżoluzzjoni u mixtrija minnhom;

(iv) ikunu soġġetti għas-setgħa ta' tniżżil fil-valur jew ta' konverżjoni skont l-Artikolu 21 li hija konsistenti mal-istrateġija ta' riżoluzzjoni tal-grupp ta' riżoluzzjoni, notevolment billi ma jiġix affettwat il-kontroll tas-sussidjarja mill-entità ta' riżoluzzjoni.

(b)  strumenti ta' fondi proprji eliġibbli maħruġa lil u mixtrija minn entitajiet oħrajn minbarra l-entità ta' riżoluzzjoni meta l-eżerċizzju tas-setgħa ta' tniżżil fil-valur jew ta' konverżjoni skont l-Artikolu 21 ma jaffettwax il-kontroll tas-sussidjarja mill-entità ta' riżoluzzjoni.

3a.  B'deroga mill-punt (a)(ii) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, l-obbligazzjonijiet maħruġa qabel ... [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju] li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (g) sa (o) tal-Artikolu 72b(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jistgħu jiġu inklużi fl-ammont tal-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli.

3b .  Il-Bord, fir-rwol tiegħu ta' awtorità ta' riżoluzzjoni ta' entità tal-grupp ta' riżoluzzjoni li mhix entità ta' riżoluzzjoni għandha tikkunsidra, u wara dan tista' tirrinunzja parzjalment jew kompletament, l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 5 għal dik l-entità meta l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a) l-entità ta' riżoluzzjoni tal-grupp ta' riżoluzzjoni hija l-korp ċentrali ta' netwerk jew ta' grupp kooperattiv;

(b) l-entità tkun istituzzjoni ta' kreditu affiljata b'mod permanenti ma' dak il-korp ċentrali.

(c) il-membri tan-netwerk ikunu soġġetti għal mekkaniżmu ta' solidarjetà intern b'bażi ġuridika.

Artikolu 12i

Rinunzja tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli applikata għal entitajiet li huma nfushom ma jkunux entitajiet ta' riżoluzzjoni

Il-Bord jista' jirrinunzja għal kollox l-applikazzjoni tal-Artikolu 12h għal sussidjarja ta' entità ta' riżoluzzjoni stabbilita fi Stat Membru parteċipanti fejn:

(a)  kemm is-sussidjarja kif ukoll l-entità ta' riżoluzzjoni jkunu stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti;

(b)  l-entità ta' riżoluzzjoni tkun konformi mar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 12g;

(c)  ma jkun hemm l-ebda impediment materjali, prattiku jew legali attwali jew previst għat-trasferiment immedjat tal-fondi proprji jew għall-ħlas lura tal-obbligazzjonijiet mill-entità ta' riżoluzzjoni lis-sussidjarja li fir-rigward tagħha tkun saret determinazzjoni skont l-Artikolu 21(3), b'mod partikolari meta tkun ittieħdet azzjoni ta' riżoluzzjoni fir-rigward tal-entità ta' riżoluzzjoni.

Artikolu 12j

Ksur tar-rekwiżit

1.  Il-Bord u awtoritajiet rilevanti oħra għandhom jindirizzaw kwalunkwe ksur tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli min-naħa ta' entità permezz ta' mill-inqas wieħed mill-mezzi li ġejjin:

(a)  setgħat biex jiġu indirizzati jew jitneħħew impedimenti għar-riżolvibilità skont l-Artikolu 10;

(b)  miżuri msemmija fl-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/KE;

(c)  miżuri ta' intervent bikri skont l-Artikolu 13;

(d)  penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra skont l-Artikolu 110 u l-Artikolu 111 tad-Direttiva 2014/59/UE".

1a.  Il-Bord u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni l-oħra għandhom jimmonitorjaw kull tliet xhur l-issodisfar tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli u għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe ksur jew avvenimenti rilevanti oħra li jistgħu jaffettwaw l-issodisfar tar-rekwiżit.

2.  Il-Bord, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri parteċipanti għandhom jikkonsultaw lil xulxin meta jeżerċitaw is-setgħat rispettivi tagħhom imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 1."

2a.  B'deroga mill-Artikolu 141a(1) tad-Direttiva 2013/36/UE, istituzzjoni ma għandhiex titqies li tonqos milli tissodisfa r-rekwiżit ta' bafer kombinat għall-finijiet tal-Artikolu 141 ta' dik id-Direttiva jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 141a(2) ta' dik id-Direttiva, meta n-nuqqas li jiġi ssodisfat dan ir-rekwiżit jikkonċerna biss ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli kif speċifikat fl-Artikoli 12d u 12e ta' dan ir-Regolament, u meta n-nuqqas li jiġi ssodisfat dan ir-rekwiżit ma jdumx aktar minn 12-il xahar.

Artikolu 12ja

Arranġamenti tranżitorji u ta' wara r-riżoluzzjoni

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 12(1), il-Bord għandu jiddetermina perjodu tranżitorju xieraq għal istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 2 għall-konformità mar-rekwiżiti fl-Artikoli 12g, 12h jew 12i, jew ma' rekwiżit li jinħoloq b'riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12c(3), kif xieraq. L-iskadenza għall-konformità mar-rekwiżiti fl-Artikoli 12g jew 12h jew ma' rekwiżit li jinħoloq b'riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12c(3) għandha tkun l-1 ta' Jannar 2024.

Il-Bord għandu jiddetermina livell ta' mira intermedju għar-rekwiżiti fl-Artikoli 12g, 12h jew 12i, jew għal rekwiżit li jinħoloq b'riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12c(3), kif xieraq. Istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 2 għandha tikkonforma ma' dak il-livell ta' mira intermedju fl-1 ta' Jannar 2022. Il-livell ta' mira intermedju għandu jiżgura akkumulazzjoni lineari tal-obbligazzjonijiet eliġibbli u ta' fondi proprji lejn il-konformità ma' dak ir-rekwiżit.

6.  L-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu (2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2. Il-Bord għandu jieħu azzjoni ta' riżoluzzjoni fir-rigward ta' impriża prinċipali msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2, fejn ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1).";

(b)   Il-paragrafu (3) huwa sostitwit b'dan li ġej:

'3. Minkejja l-fatt li impriża prinċipali ma tkunx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1), il-Bord jista' jiddeċiedi dwar azzjoni ta' riżoluzzjoni fir-rigward ta' dik l-impriża prinċipali meta tkun entità ta' riżoluzzjoni u meta sussidjarja waħda tagħha jew aktar li huma istituzzjonijiet u mhux entitajiet ta' riżoluzzjoni jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) u l-assi u l-obbligazzjonijiet tagħhom ikunu tali li l-falliment tagħhom huwa ta' theddida għall-istituzzjoni jew għall-grupp kollu u azzjoni ta' riżoluzzjoni fir-rigward ta' dik l-impriża prinċipali tkun neċessarja għar-riżoluzzjoni ta' tali sussidjarji li huma istituzzjonijiet jew għar-riżoluzzjoni tal-grupp sħiħ.'.

7.  "Strument kapitali rilevanti" fil-punt (b) tal-Artikolu 18(1) huwa sostitwit bi "strumenti kapitali rilevanti u obbligazzjonijiet eliġibbli".

8.  Il-Punt (c) tal-Artikolu 20(5) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(c)  meta tiġi applikata s-setgħa ta' valwazzjoni negattiva jew ta' konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti skont l-Artikolu 21(7), li tingħata informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni dwar kemm għandhom jiġu kkanċellati jew dilwiti l-istrumenti ta' sjieda, u kemm għandhom jiġu evalwati negattivament u jiġu kkonvertiti l-istrumenti kapitali rilevanti u l-obbligazzjonijiet eliġibbli;".

9.  L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)  it-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Tniżżil fil-valur u konverżjoni ta' strumenti kapitali u obbligazzjonijiet eliġibbli"

(b)  "strumenti kapitali" fl-ewwel sentenza tal-paragrafu (1) huwa sostitwit bi "strumenti kapitali u obbligazzjonijiet eliġibbli"

(c)  "strumenti kapitali" fil-punt (b) tal-paragrafu (1) huwa sostitwit bi "strumenti kapitali u obbligazzjonijiet eliġibbli";

(d)  "strumenti kapitali" fil-punt (b) tal-paragrafu (3) huwa sostitwit bi "strumenti kapitali u obbligazzjonijiet eliġibbli";

(e)  "strumenti kapitali" fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu (8) huwa sostitwit bi "strumenti kapitali u obbligazzjonijiet eliġibbli";

(f)  il-paragrafu (7) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"7.  Jekk tiġi sodisfatta kundizzjoni waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 1, il-Bord li jaġixxi skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18, għandu jiddetermina jekk is-setgħat ta' tniżżil fil-valur jew ta' konverżjoni ta' strumenti kapitali rilevanti u ta' obbligazzjonijiet eliġibbli għandhomx jiġu eżerċitati indipendentement jew, skont il-proċedura fl-Artikolu 18, flimkien ma' azzjoni ta' riżoluzzjoni.

Is-setgħa ta' tniżżil fil-valur jew ta' konverżjoni ta' obbligazzjonijiet eliġibbli indipendentement mill-azzjoni ta' riżoluzzjoni tista' tiġi eżerċitata biss fir-rigward ta' obbligazzjonijiet eliġibbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 12(3), minbarra l-kundizzjoni relatata mal-maturità li jifdal tal-obbligazzjonijiet.".

(g)  mal-paragrafu (10) jiżdied il-punt li ġej:

"(d)  l-ammont tas-somma kapitali ewlenija ta' obbligazzjonijiet eliġibbli msemmija fil-paragrafu 7 jiġi sottopost għal tniżżil fil-valur jew jiġi konvertit fi strument tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni jew it-tnejn, sal-punt meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta' riżoluzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14 jew sal-punt tal-kapaċità tal-obbligazzjonijiet eliġibbli rilevanti, skont liema minnhom ikun l-aktar baxx.".

9a.  Fl-Artikolu 27, jiddaħħal il-paragrafu 3a:

"3a.  L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lill-istituzzjonijiet jew lill-entitajiet imsemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) milli jagħmlu xi suġġeriment, komunikazzjoni jew rappreżentazzjoni li obbligazzjoni, li ma tkunx elenkata fil-punti (a) sa (g) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ma tkunx soġġetta għal setgħat ta' tniżżil fil-valur jew ta' konverżjoni. Kwalunkwe ksur ta' tali projbizzjoni għandu jkun soġġett għal penali skont il-Kapitolu VI."

9b.   Fl-Artikolu 38(2), għandu jiddaħħal il-punt (ca) li ġej:

"(ca) fejn jagħmlu suġġeriment, komunikazzjoni jew dikjarazzjoni li obbligazzjoni għajr dawk elenkati fil-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 27(3) ma jkunux soġġetti għal setgħat ta' valwazzjoni negattiva jew ta' konverżjoni, li jiksru l-paragrafu 3a ta' dak l-Artikolu."

Artikolu 6Dħul fis-seħħ

1.  Dan ir-Regolament ta' emenda għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.  Dan ir-Regolament għandu japplika fi żmien 18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

(1)

* Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.

(2)

ĠU C […], […], p. […].

(3)

ĠU C […], […], p. […].

(4)

  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni "Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja", 24.11.2015, COM(2015) 587 final.

(5)

  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment, ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190

(6)

  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar  ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1

(7)

  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1

(8)

  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE, ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Il-Kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ Rikapitalizzazzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għad-ditti ta’ investiment

Referenzi

COM(2016)0851 – C8-0478/2016 – 2016/0361(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

23.11.2016

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

1.2.2017

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

1.2.2017

AFCO

1.2.2017

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

JURI

25.1.2017

AFCO

30.1.2017

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Gunnar Hökmark

24.11.2016

 

 

 

Eżami fil-kumitat

28.2.2017

25.4.2017

3.5.2017

11.12.2017

 

22.2.2018

 

 

 

Data tal-adozzjoni

19.6.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

8

11

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Burkhard Balz, Hugues Bayet, Pervenche Berès, David Coburn, Thierry Cornillet, Esther de Lange, Markus Ferber, Jonás Fernández, Sven Giegold, Neena Gill, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Cătălin Sorin Ivan, Barbara Kappel, Wolf Klinz, Georgios Kyrtsos, Philippe Lamberts, Werner Langen, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Fulvio Martusciello, Marisa Matias, Gabriel Mato, Alex Mayer, Bernard Monot, Caroline Nagtegaal, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Sirpa Pietikäinen, Anne Sander, Alfred Sant, Martin Schirdewan, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Paul Tang, Ramon Tremosa i Balcells, Ernest Urtasun, Marco Valli, Miguel Viegas, Jakob von Weizsäcker, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrea Cozzolino, Ashley Fox, Doru-Claudian Frunzulică, Syed Kamall, Alain Lamassoure, Thomas Mann, Luigi Morgano, Michel Reimon, Joachim Starbatty

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Christofer Fjellner, Petr Ježek, Wolf Klinz, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz

Data tat-tressiq

25.6.2018


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

38

+

ALDE

Thierry Cornillet, Petr Ježek, Wolf Klinz, Ramon Tremosa i Balcells

ENF

Barbara Kappel

PPE

Burkhard Balz, Markus Ferber, Christofer Fjellner, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Georgios Kyrtsos, Alain Lamassoure, Esther de Lange, Werner Langen, Ivana Maletić, Thomas Mann, Fulvio Martusciello, Gabriel Mato, Luděk Niedermayer, Sirpa Pietikäinen, Anne Sander, Theodor Dumitru Stolojan

S&D

Pervenche Berès, Andrea Cozzolino, Jonás Fernández, Doru-Claudian Frunzulică, Neena Gill, Roberto Gualtieri, Cătălin Sorin Ivan, Olle Ludvigsson, Alex Mayer, Luigi Morgano, Alfred Sant, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Paul Tang, Jakob von Weizsäcker

8

-

EFDD

David Coburn, Bernard Monot, Marco Valli

ENF

Gerolf Annemans, Marco Zanni

GUE/NGL

Marisa Matias, Martin Schirdewan, Miguel Viegas

11

0

ALDE

Caroline Nagtegaal

ECR

Ashley Fox, Syed Kamall, Stanisław Ożóg, Joachim Starbatty, Kay Swinburne

S&D

Hugues Bayet

VERTS/ALE

Sven Giegold, Philippe Lamberts, Michel Reimon, Ernest Urtasun

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Lulju 2018Avviż legali