Proċedura : 2017/2272(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0221/2018

Testi mressqa :

A8-0221/2018

Dibattiti :

PV 02/07/2018 - 19
CRE 02/07/2018 - 19

Votazzjonijiet :

PV 03/07/2018 - 11.12
CRE 03/07/2018 - 11.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0280

RAPPORT     
PDF 723kWORD 74k
26.6.2018
PE 616.683v01-00 A8-0221/2018

dwar id-diplomazija dwar il-klima

(2017/2272(INI))

Kumitat għall-Affarijiet BarraninKumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Rapporteurs: Arne Lietz, Jo Leinen

(Proċedura ta' kumitat konġunt – L-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura)

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar id-diplomazija dwar il-klima

(2017/2272(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 21, 191,192, 220 u 221 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

‒  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21, il-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) tal-UNFCCC, kif ukoll il-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 11) li saru f'Pariġi mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra t-22 Konferenza tal-Partijiet (COP 22) tal-UNFCCC u l-Ewwel Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMA 1) li saru f'Marrakech, il-Marokk, mill-15 ta' Novembru sat-18 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Konferenza 2016 tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima f'Marrakech, il-Marokk (COP 22)(1),

–  wara li kkunsidra l-ħames Rapport ta' Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) u r-Rapport ta' Sinteżi tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2017 f'Bonn, il-Ġermanja (COP 23)(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2016 bit-titlu "L-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju" (COM(2016)0500),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2013 bit-titlu "Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima" (COM(2013)0216),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għad-Diplomazija dwar il-Klima 2015 tal-UE adottat mill-Kunsill Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-6 ta' Marzu 2017 u tad-19 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2018 dwar id-Diplomazija dwar il-Klima,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ta' Ġunju 2016 dwar Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea u l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u s-SEAE tas-7 ta' Ġunju 2017 dwar Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-Azzjoni Esterna tal-UE (JOIN(2017)0021),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tad-9 ta' Frar 2017 bit-titlu "Lejn strateġija ġdida tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima – approċċ integrat",

‒  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-26 ta' April 2016 bit-titlu "It-Triq minn Pariġi"(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2018 dwar in-nisa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġustizzja klimatika(5),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 36/CP.7 tal-UNFCCC tad-9 ta' Novembru 2001 dwar it-titjib fil-parteċipazzjoni tan-nisa fir-rappreżentazzjoni ta' partijiet f'korpi stabbiliti skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Protokoll ta' Kjoto,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2009 imniedi mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) dwar il-"Migrazzjoni, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima: Valutazzjoni tal-evidenza",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE(6),

–  wara li kkunsidra l-ittra enċiklika "Laudato Si" tal-Papa Franġisku dwar "il-kura għad-dar komuni tagħna",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0221/2018),

A.  billi l-effetti tat-tibdil fil-klima qed ikollhom impatti dejjem aktar serji fuq aspetti differenti tal-ħajja tal-bniedem kif ukoll fuq l-opportunitajiet ta' żvilupp, l-ordni ġeopolitika u l-istabbilità fid-dinja kollha; billi dawk b'inqas riżorsi biex jadattaw għat-tibdil fil-klima se jintlaqtu l-aktar mill-impatt tat-tibdil fil-klima; billi d-diplomazija dwar il-klima tista' tinftiehem bħala forma ta' politika estera mmirata sabiex tippromwovi l-azzjoni dwar il-klima billi tilħaq atturi oħra, filwaqt li tikkoopera fuq kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-klima, l-iżvilupp ta' sħubiji strateġiċi u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn atturi statali u mhux statali inklużi kontributuri ewlenin għat-tniġġis globali, b'hekk tikkontribwixxi biex timmitiga t-tibdil fil-klima, kif ukoll biex ittejjeb l-azzjoni dwar il-klima u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet diplomatiċi tal-Unjoni;

B.  billi l-effetti tat-tibdil fil-klima jinkludu livell ogħla tal-oċeani, it-tisħin u l-aċidifikazzjoni tal-oċeani, it-telf tal-bijodiversità u żieda ta' avvenimenti klimatiċi estremi; billi l-ewwel vittimi ta' dawn id-disturbi huma l-pajjiżi u l-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli, partikolarment popolazzjonijiet li jgħixu fil-gzejjer; billi t-tibdil fil-klima għandu impatt soċjali u kulturali gravi partikolarment fuq komunitajiet indiġeni, li mhux biss jikkontribwixxu b'mod marġinali għall-emissjonijiet tas-CO2, iżda fil-fatt għandhom rwol attiv u deċiżiv fil-protezzjoni tal-ekosistemi li jgħixu fihom, u b'hekk itaffu l-effetti tat-tibdil fil-klima;

C.  billi l-UE kienet waħda mill-forzi ewlenin għall-azzjoni dwar il-klima u wriet it-tmexxija tagħha f'negozjati internazzjonali dwar il-klima; billi l-UE użat id-diplomazija dwar il-klima sabiex toħloq alleanzi strateġiċi ma' partijiet ikkonċernati rilevanti bil-ħsieb li tiġġieled b'mod konġunt it-tibdil fil-klima bħala komponent ewlieni tal-iżvilupp sostenibbli u azzjoni preventiva fid-dawl tat-theddid relatat mal-klima;

D.  billi d-diplomazija dwar il-klima tal-UE kkontribwiet għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u, minn dak iż-żmien 'l hawn, l-approċċ tal-UE għad-diplomazija dwar il-klima twessa'; billi, bħala parti mill-Istrateġija Globali tal-UE, il-politika dwar it-tibdil fil-klima ġiet integrata fil-politika estera u ta' sigurtà, u ssaħħet ir-rabta bejn l-enerġija u l-klima, is-sigurtà u l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni;

E.  billi r-responsabilità għal azzjonijiet sostenibbli dwar il-klima fuq terminu twil ma tistax titqiegħed fuq individwi u l-għażliet individwali tagħhom bħala konsumaturi; billi politika dwar il-klima bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem għandha tiċċara li r-responsabilità biex jinħolqu soċjetajiet sostenibbli tinsab primarjament f'idejn il-politiċi li għandhom il-mezzi biex joħolqu politiki sostenibbli dwar il-klima;

F.  billi t-tibdil fil-klima u t-tħassib dwar is-sigurtà huma interkonnessi u transnazzjonali, u jirrikjedu diplomazija dwar il-klima mmirata, inter alia, lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-impenji tal-Ftehim ta' Pariġi; billi bosta studji sabu konnessjonijiet indiretti bejn it-tibdil fil-klima, id-diżastri naturali u l-bidu ta' kunflitti armati, u billi t-tibdil fil-klima jista' jiġi kkunsidrat bħala "multiplikatur tat-theddid" li għandu l-kapaċità li iżid it-tensjonijiet soċjali eżistenti; billi l-implikazzjonijiet negattivi fit-tul tat-tibdil fil-klima jistgħu jwasslu għal żieda f'tensjonijiet politiċi, kemm ġewwa kif ukoll barra l-fruntieri nazzjonali, u għalhekk hemm ir-riskju li jkunu element ta' kriżi u jpoġġu pressjoni fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali bħala tali;

G.  billi t-tibdil fil-klima għandu impatt dirett u indirett fuq il-migrazzjoni, billi jħeġġeġ għadd dejjem jikber ta' persuni jitilqu minn żoni vulnerabbli lejn żoni aktar vijabbli tal-pajjiż tagħhom jew barra minn pajjiżhom biex jibnu ħajja ġdida;

H.  billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2017 f'Bonn, fil-Ġermanja (COP 23), irrikonoxxiet in-natura u l-firxa tal-ispostament minħabba l-klima u l-migrazzjoni li tirriżulta minn diżastri kkawżati mit-tisħin globali; billi skont diversi studji u rapporti importanti u b'bażi soda, bħal dawk mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u l-Bank Dinji, jekk ma jsirux sforzi serji, in-numru ta' migranti, kif ukoll ta' persuni spostati internament minħabba l-bidliet ambjentali, fl-agħar xenarju, jista' jilħaq sa 200 miljun persuna sal-2050, li ħafna minnhom bħalissa qed jgħixu f'żoni kostali jew li jistgħu jkunu migranti interni fl-Afrika Subsaħarjana, in-Nofsinhar tal-Asja u l-Amerika Latina;

I.  billi persuni li jemigraw għal raġunijiet ambjentali ma jibbenefikawx minn status ta' rifuġjat jew mill-protezzjoni internazzjonali mogħtija lir-rifuġjati, billi dawn mhumiex rikonoxxuti mill-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951;

J.  billi bħala kontribut lejn il-kisba ta' ekonomija b'żero emissjonijiet tal-karbonju, il-Kummissjoni stabbiliet bħala l-għan tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni il-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u b'hekk l-UE saret mexxej dinji fl-enerġija rinnovabbli;

K.  billi d-diplomazija dwar il-klima tal-UE trid tinkoraġġixxi proġetti tal-ġestjoni tar-riskju u tifforma l-opinjoni pubblika u tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni politika u ekonomika biex tiġġieled it-tibdil fil-klima u biex tippromwovi ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju ;

L.  billi d-diplomazija dwar il-klima tal-UE għandha tipproduċi mudell ta' aġġustament proattiv li jinkoraġġixxi l-interazzjoni fost il-politiki fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; billi l-istituzzjonalizzazzjoni ta' politiki dwar it-tibdil fil-klima tfisser sensibilizzazzjoni pubblika akbar u din għandha tinbidel f'rieda politika aktar ċara;

M.  billi l-problema tal-iskarsezza tar-riżorsi tal-ilma hija l-għerq ta' għadd dejjem akbar ta' kunflitti bejn il-komunitajiet; billi dawk ir-riżorsi huma ta' spiss sfruttati b'mod insostenibbli għal biedja intensiva u industrijali f'sitwazzjonijiet li huma diġà instabbli;

N.  billi, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għandha ssir prijorità strateġika fid-djalogi u l-inizjattivi diplomatiċi kollha b'approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem; billi l-Parlament kien qed jikkontribwixxi b'mod attiv fil-proċess u kien qed juża kemm is-setgħa leġiżlattiva tiegħu kif ukoll l-influwenza politika tiegħu sabiex jintegra b'mod ulterjuri t-tibdil fil-klima fl-azzjoni ta' żvilupp u fil-portafoll ta' assistenza, kif ukoll f'bosta politiki oħra tal-UE, bħall-investimenti fl-agrikoltura, fis-sajd, fl-enerġija, fit-trasport, fir-riċerka u fil-kummerċ;

O.  billi s-sorsi ta' diskriminazzjoni u vulnerabilità abbażi tal-ġeneru, ir-razza, l-etniċità, il-klassi, il-faqar, il-kapaċità, l-indiġenità, l-età, il-ġeografija, id-diskriminazzjoni tradizzjonali u istituzzjonali kollha jikkombinaw b'mod intersezzjonali biex ixekklu l-aċċess għar-riżorsi u l-mezzi meħtieġa sabiex wieħed ilaħħaq ma' tibdil drammatiku bħat-tibdil fil-klima;

P.  billi teżisti rabta intrinsika bejn it-tibdil fil-klima u d-deforestazzjoni kkawżata mill-ħtif tal-art, l-estrazzjoni tal-fjuwils fossili u l-agrikoltura intensiva;

Q.  billi l-proporzjon ta' nisa involuti fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u d-diplomazija u b'mod speċjali fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima għadu mhux sodisfaċenti u billi ftit li xejn sar progress f'dan ir-rigward; billi n-nisa jammontaw biss għal bejn 12 % u 15 % tal-kapijiet tad-delegazzjonijiet u għal madwar 30 % tad-delegati;

1.  Ifakkar li l-effetti tat-tibdil fil-klima għandhom impatt fuq l-aspetti kollha tal-ħajja tal-bniedem, speċjalment fuq ir-riżorsi globali u l-opportunitajiet ta' żvilupp, kif ukoll fuq il-mudelli kummerċjali, ir-relazzjonijiet tal-kummerċ u r-relazzjonijiet reġjonali; ifakkar li l-impatti klimatiċi jaggravaw l-insigurtà tal-ikel, huma theddida għas-saħħa, itellfu l-għajxien, joħolqu l-ispostamenti, il-migrazzjoni, il-faqar, l-inugwaljanza bejn is-sessi, it-traffikar tal-bnedmin, il-vjolenza, in-nuqqas ta' aċċess għall-infrastruttura u s-servizzi essenzjali, għandhom impatt fuq il-paċi u s-sigurtà u qed jaffettwaw dejjem iżjed liċ-ċittadini tal-UE, kif ukoll huma sfida għall-komunità internazzjonali; jissottolinja l-urġenza dejjem akbar tal-azzjoni dwar il-klima u jirrimarka li l-indirizzar tat-tibdil fil-klima jirrikjedi sforz konġunt fil-livell internazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw b'mod kontinwu d-diskors multilaterali għaliex dan jikkostitwixxi responsabilità kollettiva lejn il-pjanetà kollha, għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta' għada; jinnota li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija meħtieġa għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jinnota bi tħassib id-deterjorament tar-riżorsi tal-ilma u tal-ekosistemi tad-dinja, kif ukoll it-theddida dejjem tikber tal-iskarsezza tal-ilma, tar-riskji relatati mal-ilma u ta' avvenimenti estremi;

L-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Aġenda 2030

3.  Jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE lejn il-Ftehim ta' Pariġi u l-Aġenda 2030 tan-NU, inklużi l-SDGs; jenfasizza l-bżonn li jiġi implimentat b'mod sħiħ u rapidu l-Ftehim ta' Pariġi, u li jintlaħqu l-objettivi tiegħu ta' mitigazzjoni, adattament u direzzjoni ġdida tal-flussi finanzjarji, kif ukoll li l-SDGs jiġu implimentati kemm fl-UE kif ukoll globalment sabiex jiġu żviluppati ekonomija u soċjetà aktar sostenibbli; jafferma mill-ġdid il-bżonn ta' politika ambizzjuża tal-UE dwar il-klima u r-rieda tagħha sabiex jiżdied il-Kontribut eżistenti Determinat fil-Livell Nazzjonali tal-UE (NDC) għall-2030 kif ukoll il-bżonn li tiġi żviluppata, sa tmiem l-2018, strateġija ambizzjuża u kkoordinata fit-tul li tikseb ekonomija b'żero emissjonijiet tal-karbonju sal-2050, bi qbil mal-impenn fil-Ftehim ta' Pariġi biex iżżomm iż-żieda fit-temperatura medja globali ferm inqas minn 2 OC u li tkompli bl-isforzi biex tillimita ż-żieda għal 1,5 OC 'il fuq mil-livelli preindustrijali; jistieden lill-Kummissjoni biex f'din l-istrateġija fit-tul tqis il-fehmiet tal-atturi kollha li jistgħu jikkontribwixxu jew jistgħu jkunu affettwati minnha;

4.  Jenfasizza l-importanza ta' politika ambizzjuża tal-UE dwar il-klima bil-ħsieb li tiġi evitata żieda fit-temperatura u biex l-UE taġixxi bħala sieħba affidabbli u kredibbli vis-à-vis stati terzi; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jieħdu rwol attiv u kostruttiv matul id-Djalogu Talanoa tal-2018 u l-COP 24 minħabba li l-2018 ser tkun sena kruċjali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; jitlob li l-UE turi l-impenn tagħha għal politika ambizzjuża dwar il-klima minħabba li dan jista' jgħin lill-UE tippromwovi impenji qawwija ta' mitigazzjoni minn pajjiżi oħra

5.  Jiddispjaċih dwar it-tħabbira tad-deċiżjoni tal-President tal-Istati Uniti li jirtira mill-Ftehim ta' Pariġi; jinnota li l-UE għandha responsabilità – u opportunità – li tassumi rwol ta' tmexxija fl-azzjoni dwar il-klima, li ssaħħaħ l-isforzi tagħha ta' diplomazija dwar il-klima u li tifforma alleanza b'saħħitha ta' pajjiżi u atturi li jkomplu jappoġġjaw u jikkontribwixxu għall-objettivi li jillimitaw it-tisħin globali għal sew taħt iż-2 C filwaqt li jtwettqu l-isforzi sabiex tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura għal 1.5 C kif rakkomandat mill-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPPC); jenfasizza madankollu l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-Gvern tal-Istati Uniti, u b'mod partikolari mal-istati u l-bliet tal-Istati Uniti tal-Amerika;

6.  Jenfasizza li l-kredibilità tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tiddependi minn implimentazzjoni stretta u komprensiva tal-politika tagħha dwar il-klima;

7.  Jenfasizza li l-politika barranija tal-UE għandha tiżviluppa kapaċitajiet biex tissorvelja riskji relatati mat-tibdil fil-klima, inklużi prevenzjoni tal-kriżijiet u sensittività għall-kunflitti; jemmen li azzjoni konsegwenzjali u rapida dwar il-klima essenzjalment tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tar-riskji soċjali, ekonomiċi, iżda wkoll tas-sigurtà, għall-prevenzjoni ta' kunflitti u instabbilitajiet u finalment sabiex ma jitħallas prezz politiku, soċjali u ekonomiku kbir; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-integrazzjoni tad-diplomazija dwar il-klima fil-politiki tal-UE għall-prevenzjoni tal-kunflitti u t-twessigħ u l-adattament tal-ambitu tal-missjonijiet u l-programmi tal-UE f'pajjiżi terzi u fiż-żoni ta' kunflitt; itenni li l-avviċinament lejn ekonomija ċirkulari b'żero emissjonijiet tal-karbonju jikkontribwixxi għall-prosperità u jsaħħaħ l-ugwaljanza, il-paċi u s-sigurtà tal-bniedem kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha peress li t-tibdil fil-klima ta' spiss joħloq instabbilitajiet u kunflitti ġodda jew jaggrava dawk eżistenti filqwaqt li jżid inugwaljanzi eżistenti u joħloq oħrajn ġodda, minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi u n-nuqqas ta' opportunitajiet ekonomiċi, it-telf tal-art bħala riżultat ta' livelli tal-baħar li qed jogħlew jew ta' nixfiet fit-tul, ta' struttura ta' governanza fraġli, ta' forniment tal-ilma u tal-ikel insuffiċjenti kif ukoll ta' deterjorament fil-kundizzjonijiet tal-għajxien;

8.  Jiġbed l-attenzjoni bi tħassib, b'mod partikolari, għad-deterjorament tal-ekosistemi u r-riżorsi tal-ilma tal-pjaneta u għat-theddida li qed tikber minħabba l-iskarsezza tal-ilma u mir-riskji relatati mal-ilma, flimkien ma' avvenimenti estremi tal-klima u tat-temp li qed jiżdiedu fil-frekwenza u fl-impatt devastanti tagħhom, bir-riżultat li jeħtieġ li jissaħħu r-rabtiet bejn l-adattament għat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri;

9.  Jinnota wkoll bi tħassib li mhux qed tingħata biżżejjed attenzjoni lir-rwol tal-ħamrija bħala komponent tas-sistema dwar il-klima, u għall-importanza tagħha li tnaqqas il-gassijiet b'effett ta' serra u li tadatta għall-effetti tat-tibdil fil-klima; jappella lill-UE biex tiżviluppa strateġija ambizzjuża li għandha tiġi inkluża fid-diplomazija tagħha dwar il-klima;

10.  Jenfasizza li, minħabba t-tidwib tal-għata polari tas-silġ u l-livelli li qed jogħlew tal-ibħra, in-nies li jgħixu max-xtut jew fuq stati gżejjer żgħar jinsabu f'periklu partikolari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproteġu u jippreservaw dawn l-ispazji abitabbli billi jiffaċilitaw l-ilħuq ta' għanijiet ambizzjużi ta' mitagazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll permezz ta' miżuri multilaterali għall-ħarsien tal-kosta;

11.  Ifakkar li t-tibdil fil-klima jaggrava l-kundizzjonijiet li jwasslu għall-migrazzjoni f'żoni vulnerabbli u jfakkar li l-migrazzjoni se tiżdied fil-futur jekk il-konsegwenzi negattivi tat-tibdil fil-klima ma jiġux ġestiti b'mod adegwat; iqis għalhekk li hu importanti li ssir ħidma biex tiġi stabbilita definizzjoni aċċettata b'mod universali ta' "rifuġjat minħabba l-klima", fi ħdan in-NU bil-ħsieb li jiġi stabbilit qafas ġuridiku internazzjonali għal persuni spostati minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima u l-adozzjoni ta' approċċ komuni għall-protezzjoni tar-rifuġjati minħabba l-klima; jitlob lill-UE tipparteċipa b'mod attiv fid-dibattitu dwar it-terminu "rifuġjat minħabba l-klima", inkluż dwar id-definizzjoni ġuridika possibbli tiegħu fid-dritt internazzjonali;

12.  Jistieden lill-Istati Membri juru tmexxija progressiva fin-negozjati li għaddejjin dwar patt globali għal migrazzjoni sikura, ordnata u regolari, imħejji taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti u li jibnu fuq id-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti tal-2016 li għarfet li għadd kbir ta' persuni qed jiċċaqalqu "b'rispons għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima";

13.  Jilqa' l-inklużività tal-proċess tal-UNFCCC; iqis li sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni effikaċi jeħtieġ li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kunflitti ta' interessi jew tal-interessi moħbija; jappoġġja l-inizjattiva tal-gvernijiet li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-popolazzjoni tad-dinja biex jintroduċu politika speċifika tal-kunflitt ta' interess u jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha b'mod kostruttiv f'dan il-proċess;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal programmi biex tissensibilizza liċ-ċittadini tal-UE dwar ir-rabta bejn it-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni, il-faqar u l-kunflitti dwar l-aċċess għar-riżorsi;

15.  Jirrimarka li kull inizjattiva marbuta mal-ambjent meħuda mill-UE trid tkun ibbażata fuq is-setgħat leġiżlattivi previsti fit-Trattati u li d-demokrazija parlamentari tal-UE trid tibqa' jkollha rwol ewlieni f'kull proposta bil-ħsieb li tippromwovi miżuri internazzjonali sabiex jitħares l-ambjent;

It-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE għad-diplomazija dwar il-klima

16.  Jinnota li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar fornituri ta' finanzjament pubbliku għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u li dan huwa strument importanti u li jibni l-fiduċja fl-appoġġ għall-adattament u l-mitigazzjoni f'pajjiżi oħra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jagħtu kontribuzzjonijiet finanzjarji sinifikanti u jappoġġjaw b'mod attiv il-mobilizzazzjoni ta' finanzjament internazzjonali għall-klima permezz ta' sorsi pubbliċi minn pajjiżi oħra kif ukoll minn sorsi privati; jilqa' t-tħabbiriet li saru fis-Summit ONE Planet fit-12 ta' Diċembru 2017;

17.  Jenfasizza li t-transizzjoni globali lejn ekonomiji u soċjetajiet b'żero emissjonijiet tal-karbonju u reżiljenti għall-klima teħtieġ investiment sinifikanti ta' trasformazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li l-gvernijiet joħolqu l-ambjenti favorevoli biex jorjentaw mill-ġdid il-flussi tal-kapital lejn l-investiment sostenibbli u biex jiġu evitati assi mhux irkuprabbli, u jibnu fuq il-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Finanzjament Sostenibbli u f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament Sostenibbli (COM(2018)0097); jemmen li s-sistema finanzjarja jeħtieġ li tikkontribwixxi għall-miri tal-Ftehim ta' Pariġi u l-SDGs; huwa konvint li s-sistema finanzjarja tal-UE li tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u li tinċentiva l-investimenti f'teknoloġiji nodfa u soluzzjonijiet sostenibbli ser isservi ta' mudell għal pajjiżi oħra u tgħinhom jimplimentaw sistemi simili;

18.  Jissottolinja l-importanza li l-UE titkellem b'vuċi waħda u magħquda fil-fora internazzjonali kollha u jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kummissjoni jikkoordinaw sforz konġunt tal-UE sabiex jiġi żgurat l-impenn tagħha fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; iħeġġeġ lill-UE tikkunsidra modi biex tgħolli aktar il-livell ta' ambizzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; jinsisti fuq il-bżonn li tiġi żviluppata strateġija komprensiva għad-diplomazija dwar il-klima tal-UE u li l-klima tiġi integrata fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tal-UE, inkluż il-kummerċ, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja; jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali, tiġi integrata l-perspettiva tal-ġeneru u l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fin-negozjati multilaterali futuri kollha;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza internazzjonali għat-tibdil fil-klima permezz ta' strateġiji u attivitajiet ta' komunikazzjoni kkoordinati biex jiżdied l-appoġġ pubbliku u politiku; jitlob, b'mod partikolari, li jinħoloq fehim internazzjonali tal-interkonnessjonijiet bejn it-tibdil fil-klima u l-inġustizzja soċjali, il-migrazzjoni, il-ġuħ u l-faqar u l-fatt li l-azzjoni globali dwar il-klima tista' tikkontribwixxi bil-kbir għas-soluzzjoni ta' dawn il-kwistjonijiet;

20.  Jirrimarka li l-progress teknoloġiku, debitament immexxi 'l quddiem minn sforz politiku magħqud, se jkun kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u għalhekk trid titqies ukoll id-diplomazija tax-xjenza tal-UE bħala parti mill-istrateġija globali għad-diplomazija dwar il-klima, li ssaħħaħ u tiffinanzja r-riċerka dwar it-tibdil fil-klima;

21.  Ifakkar li, kif indikat fil-Green Paper tal-Kummissjoni "Nadattaw għall-bidla dwar il-klima fl-Ewropa – alternattivi għall-azzjoni tal-UE"(7), iż-żoni fl-Ewropa li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima huma n-Nofsinhar tal-Ewropa u l-baċir tal-Mediterran, l-inħawi muntanjużi u kostali, il-pjanuri mfawra b'densità għolja tal-popolazzjoni, l-Iskandinavja u r-reġjun tal-Artiku; iħeġġeġ għalhekk lill-UE tippromwovi programmi ta' riċerka u żvilupp li jinvolvu lill-Istati Membri rilevanti f'kull każ, skont l-Artikolu 185 tat-TFUE;

22.  Jenfasizza, bħala eżempju tajjeb tad-diplomazija tax-xjenza, kif imsemmi fil-paragrafu preċedenti, l-inizjattiva "PRIMA" (sħubija fir-riċerka u l-innovazzjoni fiż-żona tal-Mediterran), li tiffoka fuq l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi għall-produzzjoni tal-ikel u l-provvista tal-ilma fil-baċir tal-Mediterran; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-kooperazzjoni, tipprovdi l-appoġġ meħtieġ u tiżgura l-kontinwità ta' din l-inizjattiva, kif ukoll inizjattivi simili oħra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintroduċi inizjattiva ġdida fl-ambitu tal-Artikolu 185 tat-TFUE speċifikament immirata għall-ilħiq tal-objettivi tad-diplomazija dwar il-klima tal-UE;

23.  Jappella biex tittieħed azzjoni li tikkoordina l-pjanijiet ta' azzjoni tal-UE dwar id-diplomazija tal-enerġija u tal-ilma mad-diplomazija dwar il-klima, billi, fejn ikun xieraq, tagħti spinta lis-sinerġiji u l-azzjonijiet konġunti bejn l-elementi korrispondenti fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri;

24.  Jitlob li jkun hemm aktar involviment mill-Parlament u li jkun hemm proċess annwali, li jinbeda mill-Kummissjoni u s-SEAE u jsir f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, sabiex jiġu identifikati l-prijoritajiet ewlenin għad-diplomazija dwar il-klima tal-UE fis-sena inkwistjoni u sabiex jitressqu rakkomandazzjonijiet konkreti biex jiġu indirizzati l-lakuni fil-kapaċità;

25.  Jimpenja ruħu li jifformula pożizzjoni proprja u rakkomandazzjonijiet għal strateġija ġdida tal-UE fuq terminu twil għal nofs is-seklu li għandhom jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni u mill-Kunsill qabel ma jiġu ppreżentati lill-UNFCCC;

26.  Jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jibda proċess li se jikkontribwixxi għal dan l-isforz permezz ta' rapporti regolari dwar l-attivitajiet tad-diplomazija dwar il-klima tal-UE u l-kisbiet tagħha, kif ukoll in-nuqqasijiet tagħha; iżid jgħid li r-rapporti regolari għandu jkun fihom punti ta' riferiment ċari f'dan ir-rigward;

27.  Jenfasizza r-rwol vitali tad-diplomazija parlamentari fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jimpenja ruħu li jagħmel użu aħjar mir-rwol internazzjonali tiegħu u s-sħubija tiegħu f'netwerks parlamentari internazzjonali,biex isaħħaħ l-attivitajiet klimatiċi kemm fil-ħidma tad-delegazzjonijiet tiegħu kif ukoll permezz taż-żjarat ta' delegazzjoni, u speċjalment dawk tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tiegħu u l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu u matul il-laqgħat interparlamentari Ewropej u internazzjonali kif ukoll fil-pjattaformi ta' djalogu mal-parlamenti nazzjonali u atturi sottonazzjonali/atturi mhux statali u s-soċjetà ċivili, filwaqt li jfittex li f'kull mument jinkludi l-integrazzjoni meħtieġa tal-perspettiva tal-ġeneru;

28.  Jitlob li jkun hemm allokazzjoni miżjuda tar-riżorsi umani u finanzjarji fis-SEAE u l-Kummissjoni, sabiex dan jirrifletti aħjar l-impenn b'saħħtu fid-diplomazija dwar il-klima u l-involviment akbar fiha; iħeġġeġ lis-SEAE jinkludi d-diplomazija dwar il-klima fl-aġendi tad-delegazzjonijiet tal-UE meta jiltaqgħu mal-kontropartijiet tagħhom minn pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali u biex jippjana u jassenja importanza strateġika lill-isforzi tad-diplomazija dwar il-klima f'kull delegazzjoni tal-UE flimkien mar-rappreżentanzi tal-Istati Membri f'pajjiżi terzi; jitlob, għalhekk, l-inklużjoni ta' punt fokali fuq it-tibdil fil-klima fid-delegazzjonijiet ewlenin tal-UE fil-pajjiżi terzi u ta' perċentwal ogħla ta' esperti tal-klima meta jinħolqu karigi mħallta fid-delegazzjonijiet tal-UE;

29.  Jenfasizza li n-nefqa relatata mal-klima fil-baġit tal-UE tista' toħloq valur miżjud għoli u għandha tiżdied b'mod sinifikanti sabiex tirrifletti ż-żieda fl-importanza u l-urġenza ta' azzjoni klimatika u l-ħtieġa għal aktar azzjonijiet tad-diplomazija dwar il-klima; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex iżidu n-nefqa b'rabta mad-diplomazija dwar il-klima fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss, japprovaw l-allokazzjoni ta' mill-inqas 30 % tan-nefqa relatata mal-klima, kif rakkomandat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-QFP li jmiss: Tħejjija tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-QFP wara l-2020(8) u jallinjaw il-baġit tal-UE b'mod ġenerali mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u l-SDGs sabiex jiżguraw li n-nefqa tal-baġit ma tmurx kontra l-isforzi tal-klima; jinnota f'dan il-kuntest li setturi sensittivi (bħall-agrikoltura, l-industrija, l-enerġija u t-trasport) b'mod partikolari se jeħtieġu li jsir sforz akbar fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'żero emissjonijiet tal-karbonju; jappella għal użu aħjar ta' fondi oħrajn tal-UE biex tiġi żgurata l-effiċjenza tar-riżorsi, jinkisbu l-aħjar riżultati u impatt imtejjeb għall-azzjonijiet u l-inizjattivi tal-UE;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fil-qafas tal-ftehimiet bilaterali mal-pajjiżi sħab, jiżviluppaw kooperazzjoni ambjentali bil-ħsieb li jitrawmu politiki ta' żvilupp sostenibbli bbażati fuq l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti bis-sħiħ id-dimensjoni globali, inklużi l-għanijiet tad-diplomazija dwar il-klima tal-UE, fil-komunikazzjoni li jmiss tagħha dwar "Il-futur tal-politika tal-klima u l-enerġija tal-UE" u dwar l-istrateġija fit-tul tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; jistieden ukoll lis-SEAE u l-Kummissjoni jkomplu jiżviluppaw viżjoni fit-tul sabiex iressqu komunikazzjoni konġunta li tistabbilixxi l-fehim tagħhom tad-diplomazija dwar il-klima tal-UE kif ukoll approċċ strateġiku għall-attivitajiet tad-diplomazija dwar il-klima tal-UE fi żmien 12-il xahar wara l-adozzjoni ta' dan ir-rapport, filwaqt li jitqies l-approċċ tal-Parlament kif stabbilit f'dan it-test;

32.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jżidu l-koordinazzjoni interna tagħhom rigward l-ispostament minħabba l-klima billi jistabbilixxu panil ta' esperti biex jesploraw it-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni, permezz ta' task force bejn l-aġenziji;

33.  Jenfasizza li l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-parteċipazzjoni u t-tmexxija sħaħ u ugwali tagħhom huma vitali għall-azzjoni klimatika; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jintegraw perspettivi dwar il-ġeneru f'politiki dwar il-klima u jieħdu approċċ sensittiv għall-kwistjoni tal-ġeneru billi t-tibdil fil-klima spiss jiggrava l-inugwaljanzi tal-ġeneru u s-sitwazzjoni tan-nisa, jippromwovu l-parteċipazzjoni ta' nisa indiġeni u difensuri tad-drittijiet tan-nisa fi ħdan il-qafas tal-UNFCCC billi l-għarfien tagħhom dwar il-ġestjoni tar-riżorsi naturali huwa essenzjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

Il-Ġlieda kontra t-Tibdil fil-Klima bħala Xprun ta' Kooperazzjoni Internazzjonali

34.  Jisħaq li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom ikunu atturi attivi fl-organizzazzjonijiet u l-fora internazzjonali (bħan-NU, l-UNFCCC, il-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (HPFL), l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tan-NU, l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO), l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), in-NATO, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), il-Kunsill tal-Artiku u l-G7 u l-G20) u jeħtiġilhom jikkooperaw mill-qrib mal-organizzazzjonijiet reġjonali (bħall-Unjoni Afrikana (UA), il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS), l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), il-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), il-MERCOSUR u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC)) sabiex irawmu s-sħubiji globali u jiżguraw l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-SDGs, filwaqt li jiddefendu, isaħħu u jiżviluppaw aktar ir-reġimi ta' kooperazzjoni multilaterali;

35.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu post aktar b'saħħtu lill-azzjoni klimatika fl-aġendi ta' summits u laqgħat tal-G20 u ta' laqgħat bilaterali ta' membri tal-G20, u jinvolvu ruħhom ma' pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, bħal pereżempju l-Grupp tas-77 fin-Nazzjonijiet Uniti (G77) u netwerks oħra bħalma huma l-Alleanza ta' Stati Gżejjer Żgħar (AOSIS);

36.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-impenn tagħhom fil-qafas tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), f'konformità mal-miri tal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) tieħu azzjoni addizzjonali rapida u xierqa bil-għan li t-tbaħħir internazzjonali jikkontribwixxi s-sehem ġust tiegħu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra d-dimensjoni tat-tibdil fil-klima fil-ftehimiet internazzjonali dwar il-kummerċ u l-investiment u tagħmel ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi kundizzjoni għal ftehimiet kummerċjali futuri; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'dan ir-rigward, twettaq valutazzjoni komprensiva tal-konsistenza tal-ftehimiet eżistenti mal-ftehim ta' Pariġi fejn xieraq; jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika l-istrumenti u l-programmi finanzjarji bil-għan li tiżgura l-koerenza, tappoġġa lil pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u żżid l-effettività tal-azzjoni klimatika tal-UE; jirrakkomanda l-iżvilupp u l-inklużjoni sistematika ta' klawżola fundamentali obbligatorja tat-tibdil fil-klima fi ftehimiet internazzjonali, inklużi ftehimiet kummerċjali u ta' investiment, rigward l-impenn reċiproku għar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, biex b'hekk jiġi appoġġat il-proċess Ewropew u internazzjonali ta' dekarbonizzazzjoni;

38.  Jappoġġa l-impenn qawwi u attiv tal-UE fi ħdan il-Koalizzjoni ta' Ambizzjoni Kbira (HAC) u mal-pajjiżi membri tagħha sabiex tagħti viżibbiltà għad-determinazzjoni tagħhom sabiex tinkiseb implimentazzjoni sinifikanti tal-Ftehim ta' Pariġi, permezz tal-konklużjoni ta' ġabra ta' regoli tagħha fl-2018 u Djalogu ta' Talanoa ta' suċċess fil-COP24 li huwa mmirat biex fil-ftit snin li ġejjin jimmotiva lil aktar stati jingħaqdu ma' dawn l-isforzi u jistabbilixxu grupp ta' mexxejja klimatiċi li jkunu lesti jintensifikaw il-miri tagħhom fir-rigward tat-tibdil fil-klima f'konformità mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi, bil-ħsieb li jistabbilixxu tmexxija kondiviża biex b'mod konġunt imexxu l-integrazzjoni tal-kwistjoni tat-tibdil fil-klima b'mod trażversali fi kwistjonijiet ta' politika barranija inklużi l-kummerċ, ir-riforma tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u s-sigurtà;

39.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' azzjoni ta' adattament, strateġiji u pjanijiet effettivi u effiċjenti, inkluż l-użu ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ekosistemi biex tittejjeb il-kapaċità ta' adattament, tissaħħaħ ir-reżiljenza u titnaqqas il-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima fil-kuntest tal-Ftehim ta' Pariġi;

40.  Jenfasizza l-vulnerabilità partikolari li l-ekosistemi li jinsabu fl-Artiku għandhom għat-tibdil fil-klima meta nqisu il-fatt li, f'dawn l-aħħar ftit deċennji, it-temperatura fl-Artiku kienet qed togħla b'rata kważi doppja ta' dik tal-medja globali; jirrikonoxxi li t-tniġġis li qiegħed jitfaċċa fil-klima tal-Artiku fil-biċċa l-kbira tiegħu ġej mill-għejun ta' emissjonijiet fl-Asja, fl-Amerika ta' Fuq u fl-Ewropa, u li l-miżuri maħsuba biex inaqqsu l-emissjonijiet fl-UE għalhekk jaqdu rwol importanti fl-indirizzar determinat tat-tibdil fil-klima fl-Artiku; iqis ukoll l-interess muri fl-Artiku u r-riżorsi tiegħu minħabba l-ambjent taż-żona li qed jinbidel u minħabba l-importanza ġeopolitika tal-Artiku li kulma jmur qegħda tikber; iqis li ekosistemi tal-Artiku b'saħħithom u sostenibbli, abitati minn komunitajiet vijabbli, huma importanti mil-lat strateġiku għall-istabilità politika u ekonomika tal-Ewropa u tad-dinja; iqis li jeħtieġ li fl-aħħar jiġi implimentat l-istatus formali tal-UE bħala osservatriċi fil-Kunsill tal-Artiku;

41.  Jenfasizza r-responsabilità tal-UE u ta' pajjiżi sinjuri oħrajn, peress li storikament huma l-kontributuri ewlenin għat-tisħin globali, li juru aktar solidarjetà lejn l-istati vulnerabbli, prinċipalment fin-Nofsinhar Globali u l-gżejjer, li huma l-aktar milquta mill-impatt tat-tibdil fil-klima u li jiżguraw appoġġ kontinwu sabiex tiżdied ir-reżiljenza tagħhom, jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, inkluż permezz tal-konservazzjoni tan-natura u r-restawr tal-ekosistemi li jaqdu rwol importanti fir-regolazzjoni tal-klima, jgħinuhom jirkupraw mill-ħsara marbuta mat-tibdil fil-klima u jtejbu l-miżuri ta' adattament u reżiljenza permezz ta' appoġġ finanzjarju adegwat u permezz ta' bini ta' kapaċità, partikolarment permezz ta' sħubijiet tal-NDC; jinnota li l-istati vulnerabbli huma sħab kruċjali biex issir il-promozzjoni internazzjonali ta' azzjoni ambizzjuża fir-rigward tal-klima, meta titqies it-theddida eżistenzjali li qed isibu ma' wiċċhom bit-tibdil fil-klima;

42.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu appoġġ lill-pajjiżi anqas sinjuri fl-isforzi biex inaqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u jiżdied l-aċċess affordabbli għall-enerġija rinnovabbli, kif ukoll permezz ta' programmi li jappoġġaw l-aċċess għax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni skont l-SDG 17, u billi dawn isiru konxji mit-teknoloġiji disponibbli biex jissorveljaw u jħarsu l-ambjent u ċ-ċittadini, bħall-programm spazjali emblematiku Copernicus u s-servizz tiegħu dwar it-tibdil fil-klima; jenfasizza l-opportunitajiet offruti mill-Pjan ta' Investiment Estern tal-UE fl-istimular ta' investimenti li huma intelliġenti mil-lat tal-klima u fl-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza kemm hu importanti li jiġi żgurat li l-aġenziji umanitarji jfasslu perspettiva fit-tul għall-azzjoni tagħhom ibbażata fuq l-għarfien approfondit tal-impatti tal-klima fiż-żoni vulnerabbli; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva li tippromwovi l-eċċellenza tal-UE f'teknoloġiji ekoloġiċi fuq livell globali;

43.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-politiki tal-UE jiġu simplifikati sabiex jirrispondu b'mod adegwat għal sitwazzjonijiet bħalma hi l-iskarsezza tal-ilma u tal-ikel, li x'aktarx li se jokkorru aktar spiss fil-ġejjieni; ifakkar li skarsezzi bħal dawn tan-nutrizzjoni fundamentali jġibu sfidi tas-sigurtà severi u fit-tul, li jkollhom ir-riskju li potenzjalment jikkontrobilanċjaw kisbiet oħra tal-politika ta' żvilupp tal-UE;

44.  Jistieden lill-UE tagħti prijorità lill-għajnuna fis-sura ta' għotjiet u trasferimenti tat-teknoloġija lill-aktar pajjiżi fqar sabiex iwettqu t-tranżizzjoni tal-enerġija;

45.  Jirrakkomanda li l-UE tapprofondixxi l-kooperazzjoni strateġika tagħha kemm fuq il-livell statali kif ukoll fuq il-livell mhux statali permezz ta' djalogi u sħubijiet dwar l-iżvilupp b'livell żero ta' karbonju ma' ekonomiji emerġenti u pajjiżi oħra li għandhom impatt kbir fuq it-tisħin globali, iżda li huma wkoll deċiżivi f'termini ta' azzjoni klimatika globali; jinnota fuq dan l-isfond li l-klima tista' tkun punt ta' dħul għal impenn diplomatiku ma' sħab li magħhom punti oħra tal-aġenda huma kkontestati ħafna, u b'hekk toffri opportunità sabiex jissaħħu l-istabilità u l-paċi; jistieden lill-UE tikkondividi l-esperjenzi fil-qasam tal-politika u l-lezzjonijiet meħuda mas-sħab tagħha sabiex taċċellera l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; jistieden lill-UE toħloq panils sabiex tiddiskuti politiki dwar il-klima u s-sostenibilità, djalogi ekonomiċi u teknoloġiċi dwar soluzzjonijiet ta' tranżizzjoni u ta' reżiljenza, inkluż matul laqgħat ministerjali ta' livell għoli; jappella lill-UE biex tibni u tappoġġa sħubijiet f'oqsma ta' interess komuni, inkluż il-perkorsi tal-2050, riforma sostenibbli tal-finanzi, trasport nadif, swieq tal-karbonju u strumenti oħra ta' pprezzar tal-karbonju lil hinn mill-Ewropa bil-għan li jiġu limitati l-emissjonijiet globali filwaqt li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi għas-setturi ekonomiċi kollha;

46.  Jistieden lill-UE tkun minn ta' quddiem nett fl-iżvilupp ta' sħubijiet internazzjonali u reġjonali fis-swieq tal-karbonju kif hemm spjegat fl-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' Pariġi u tagħmel użu mill-għarfien espert tagħha fl-istabbiliment, l-aġġustament u l-operazzjoni tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) u l-esperjenza li għandha fl-irbit tal-ETS mas-suq tal-karbonju Svizzeru; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-iżvilupp ta' mekkaniżmi għall-ipprezzar tal-karbonju fi stati u reġjuni terzi u jrawmu l-kooperazzjoni internazzjonali bl-għan li jagħmluhom fil-biċċa l-kbira kompatibbli fuq perjodu ta' żmien medju u jinħoloq suq tal-karbonju internazzjonali fuq perjodu ta' żmien twil; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-kooperazzjoni b'suċċess f'dawn l-aħħar snin bejn l-UE u ċ-Ċina, li ppermettiet il-varar ta' sistema ta' skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet nazzjonali fiċ-Ċina f'Diċembru 2017; jistenna b'interess ir-riżultati tal-ħidma li għaddejja li se tkun kruċjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema; iħeġġeġ lill-UE tappoġġa kontinwament l-ambizzjoni taċ-Ċina ta' skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tal-karbonju u ssaħħaħ il-kooperazzjoni futura sabiex taħdem lejn kundizzjonijiet ekwi globali ;

47.  Jistieden lill-UE tippromwovi b'mod attiv fil-livell internazzjonali politika proattiva biex tindirizza b'mod determinat l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, inkluż billi tistabbilixxi limiti fuq l-emissjonijiet u miżuri immedjati biex tnaqqas l-emissjonijiet fis-settur marittimu u f'dak tal-avjazzjoni fil-livell internazzjonali;

48.  Jemmen li hemm bżonn li jsir aktar xogħol fuq l-iżvilupp ta' aġġustamenti tal-karbonju fil-fruntieri biex tingħata spinta lill-isforzi ulterjuri mill-pajjiżi kollha biex jintlaħqu l-objettivi minquxa fil-Ftehim ta' Pariġi;

49.  Jirrakkomanda li l-UE, flimkien man-NU, tappoġġa kooperazzjoni globali ikbar biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-tempesti tar-ramel li, b'mod speċjali fil-Lvant Nofsani, qed tintensifika t-tensjonijiet eżistenti u toħloq oħrajn ġodda; jirrimarka li dawn it-tempesti, minbarra li qed jikkawżaw problemi tas-saħħa serji, qed inixxfu r-riżorsi tal-ilma li diġà huma limitati fil-Lvant Nofsani; iħeġġeġ lill-UE, f'dan ir-rigward, tikkoopera man-Nazzjonijiet Uniti fit-titjib tas-sistemi ta' monitoraġġ u ta' twissija;

50.  Iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex id-djalogi strateġiċi tagħhom dwar l-enerġija mal-pajjiżi li jesportaw il-karburant fossili fil-viċinat usa' tal-UE jiffukawhom fuq il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija dekarbonizzata u fuq mudelli ta' żvilupp ekonomiku b'livell żero ta' karbonju sabiex jissaħħu l-paċi kif ukoll is-sigurtà u l-benesseri tal-bniedem fl-Ewropa u kullimkien;

51.  Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu d-djalogi ta' politika internazzjonali tagħhom u l-kooperazzjoni tagħhom mal-pajjiżi sħab konsistenti bis-sħiħ mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u mal-ambizzjoni tal-UE li tkun ta' quddiem nett fid-dinja fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli;

Is-sħab Strateġiċi tal-UE

52.  Iqis importanti li l-UE tibqa' għaddejja bl-isforzi tagħha biex tinvolvi mill-ġdid lill-Istati Uniti f'kooperazzjoni multilaterali dwar it-tibdil tal-klima, filwaqt li tħeġġeġ lill-Istati Uniti jirrispettaw il-Ftehim ta' Pariġi mingħajr ma jiġi pperikolat il-livell ta' ambizzjoni tiegħu; iqis li djalogu parlamentari u kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali huma strumenti ewlenin biex jintlaħaq dan il-għan;

53.  Jirrimarka l-fatt li n-negozjati ta' Brexit u r-relazzjonijiet futuri mar-Renju Unit iridu jirriflettu l-bżonn ta' kooperazzjoni kontinwa fir-rigward tad-diplomazija dwar il-klima;

54.  Jinnota li r-reġjuni u l-bliet jaqdu rwol li kulma jmur qed isir aktar importanti fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli, peress li huma milquta direttament mit-tibdil fil-klima, li t-tkabbir tagħhom għandu impatt dirett fuq il-klima u li qed isiru aktar attivi fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u fl-adattament għalih, xi drabi fid-dawl ta' politiki kontradittorji tal-gvernijiet nazzjonali tagħhom; itenni l-importanza ewlenija tal-bliet u r-reġjuni fl-introduzzjoni ta' innovazzjonijiet u miżuri ta' ħarsien ambjentali, bl-użu ta' teknoloġiji ekoloġiċi, investiment f'ħiliet, taħriġ u żieda tal-kompetittività permezz tal-iżvilupp ta' teknoloġiji puri fil-livell lokali; jistieden għalhekk lill-UE ssaħħaħ aktar ir-relazzjonijiet tagħha ma' awtoritajiet lokali u reġjonali u popli indiġeni f'pajjiżi terzi u f'pajjiżi u territorji extra-Ewropej (OCTs), sabiex titjieb il-kooperazzjoni tematika u settorjali bejn il-bliet u r-reġjuni kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha sabiex jiġu żviluppati inizjattivi ta' adattament u reżiljenza, u biex jissaħħu l-mudelli ta' żvilupp sostenibbli u pjanijiet ta' tnaqqis ta' emissjonijiet f'setturi ewelenin bħalma huma l-enerġija, l-industrija, it-teknoloġija, l-agrikoltura u t-trasport kemm fiż-żoni urbani u kemm f'dawk rurali, eż. permezz ta' programmi ta' ġemellaġġ, permezz tal-Programm dwar il-Kooperazzjoni Urbana Internazzjonali, permezz tal-appoġġ għal pjattaformi bħalma huma l-Patt tas-Sindki u billi jinbnew fora ġodda għall-iskambju tal-aħjar prattiki; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-isforzi li jsiru mill-atturi reġjonali u lokali biex jintroduċu kontributi stabbiliti fil-livell reġjonali u lokali (simili għall-NDCs) fejn l-ambizzjoni fil-qasam tal-klima tista' tiżdied permezz ta' dan il-proċess; jinnota r-rwol li jista' jkollhom f'dan ir-rigward id-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi;

55.  Jinnota wkoll li ż-żieda fl-urbanizzazzjoni li tidher f'ħafna partijiet tad-dinja qed taggrava l-isfidi li diġà jeżistu kkawżati mit-tibdil fil-klima minħabba domanda akbar għar-riżorsi bħalma huma l-enerġija, l-art u l-ilma u tikkontribwixxi biex ikomplu jmorru għall-agħar il-problemi ambjentali li hemm f'ħafna konurbazzjonijiet kemm ġewwa l-UE u kemm barra minnha, bħalma huma t-tniġġis tal-arja u volumi akbar ta' skart; jinnota li konsegwenzi ulterjuri tat-tibdil fil-klima, bħalma huma ġrajjiet tat-temp estremi, nixfiet u degradazzjoni tal-art, spiss jinħassu fiż-żoni rurali b'mod partikolari; jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom bżonn jirċievu attenzjoni u appoġġ speċjali biex jindirizzaw dawn l-isfidi, biex jistabbilixxu reżiljenza aħjar u jikkontribwixxu għall-isforzi ta' mitigazzjoni billi jiżviluppaw forom ġodda ta' kunċetti ta' provvista tal-enerġija kif ukoll ta' trasport;

56.  Jenfasizza kemm hi importanti l-kooperazzjoni tranfruntiera bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi sħab, b'mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali transfruntiera, b'konformità mar-regoli u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tal-UNECE dwar l-Ilma, il-Konvenzjoni ta' Aarhus u l-Konvenzjoni ta' Espoo;

57.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu r-rabtiet tagħhom mas-soċjetà ċivili u jappoġġawha madwar id-dinja, bħala aġenti favur l-azzjoni klimatika, u jiffurmaw alleanzi u jibnu sinerġiji mal-komunità xjentifika, organizzazzjonijiet mhux governattivi, komunitajiet lokali, komunitajiet indiġeni u atturi mhux tradizzjonali sabiex jiġu allinjati aħjar l-għanijiet, l-ideat u l-metodi tad-diversi atturi, biex b'hekk jinbena approċċ ikkoordinat għall-azzjoni klimatika; jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinvolvu ruħhom mas-settur privat, biex isaħħu l-kooperazzjoni rigward kif jistgħu jiksbu l-opportunitajiet mit-tranżizzjoni lejn ekonomija mingħajr emissjonijiet ta' karbonju, biex jiżviluppaw strateġiji ta' esportazzjonijiet għat-teknoloġiji dwar il-klima għall-pajjiżi globalment u sabiex iħeġġu t-trasferiment tat-teknoloġija lejn pajjiżi terzi u l-bini tal-kapaċità fihom li jħeġġu l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

58.  Jissottolinja l-importanza tar-riċerka xjentifika għat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi fil-qasam tal-klima; jinnota li l-iskambju xjentifiku transfruntier huwa komponent fundamentali tal-kooperazzjoni internazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu kontinwament l-appoġġ tagħhom lill-organizzazzjonijiet xjentifiċi li jaħdmu fuq il-valutazzjoni tar-riskji klimatiċi u li għandhom l-għan li jagħmlu stima tal-implikazzjonijiet tat-tibdil fil-klima u joffru miżuri possibbli ta' adattament għall-awtoritajiet politiċi; iħeġġeġ lill-UE tuża l-kapaċitajiet ta' riċerka tagħha proprji sabiex tikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika globali;

°

°  °

59.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u, għal informazzjoni, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0383.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0380.

(3)

ĠU C 487, 28.12.2016, p. 24.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2017)0493.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2018)0005.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2018)0066.

(7)

COM(2007)0354.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2018)0075.


NOTA SPJEGATTIVA

Id-Diplomazija dwar il-Klima bħala Prijorità Strateġika fl-Affarijiet Barranin tal-UE

Fl-2015, il-fatt li ntlaħaq ftehim universali dwar il-klima f'Pariġi u l-fatt li ġiet adottata l-Aġenda 2030 - bl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) fil-qalba tagħha - kien ta' suċċess kbir għat-trasformazzjoni globali lejn soċjetà aktar sostenibbli u b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju. Iż-żewġ kisbiet jistgħu jidhru bħala eżempji ta' suċċess ta' multilateraliżmu. Il-Ftehim ta' Pariġi b'mod partikolari sar possibbli permezz ta' sforz diplomatiku miftiehem mill-UE u l-Presidenza Franċiża. Issa, l-isfida quddiemna tinsab fit-tisrif tiegħu f'azzjoni, fil-ħolqien tar-regoli u l-proċeduri għal dan il-proċess matul il-konferenzi klimatiċi tan-NU li ġejjin u billi nżommu l-impenn internazzjonali għall-azzjoni klimatika.

Dan juri l-importanza li l-klima titqiegħed fuq l-aġenda tal-korpi u l-atturi tal-affarijiet barranin. Bosta effetti tat-tibdil fil-klima huma globalment tanġibbli u għalhekk għandhom ikunu ta' prijorità strateġika fir-relazzjonijiet diplomatiċi internazzjonali. Bl-iżviluppi relatati mal-klima li jħallu impatt fuq l-istabbilità ġeopolitika, il-provvista tal-ikel u l-ilma - u b'hekk is-sigurtà reġjonali tal-popolazzjonijiet affettwati - kif ukoll il-flussi migratorji, il-kwistjoni jeħtieġ li tiġi indirizzata fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha tad-diplomazija dwar l-affarijiet barranin.

Għal din ir-raġuni, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel iddedikaw rapport konġunt fuq dan is-suġġett u ressqu rakkomandazzjonijiet għall-attivitajiet futuri relatati mad-diplomazija dwar il-klima tal-UE. Dan ir-rapport jistabbilixxi l-pedament għal impenn futur tal-Kumitati tal-Parlament, speċjalment il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitati għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel fid-diplomazija dwar il-klima, u jistabbilixxi lill-Parlament Ewropew bħala wieħed mill-atturi tal-affarijiet barranin fil-qasam.

Sabiex jikkontribwixxi għall-proċess ta' tfassil ta' rwol internazzjonali fid-diplomazija dwar il-klima għall-UE, dan ir-rapport, f'konformità mal-approċċ tal-affarijiet barranin kif stabbilit fl-Istrateġija Globali tal-UE, jidentifika sistematikament l-istrutturi neċessarji kif ukoll is-sħab strateġiċi u s-suġġetti għad-diplomazija dwar il-klima tal-UE, u b'hekk jappoġġ a l-iżvilupp ta' strateġija futura komprensiva għall-UE.

Il-Bżonn għal Tmexxija tal-UE: L-Iżvilupp ta' Aġenda li tirrigwarda d-Diplomazija dwar il-Klima tal-UE

Billi l-UE qed taffaċċja urġenza akbar għall-azzjoni klimatika u l-bżonn għal implimentazzjoni globali robusta tal-Ftehim ta' Pariġi, hija għandha ssaħħaħ l-isforzi tagħha tad-diplomazija dwar il-klima. Kompitu kostanti jibqa' d-difiża tal-azzjoni klimatika u l-enfasi fuq l-impenn politiku. F'dan il-kuntest, rwol b'saħħtu ta' tmexxija tal-UE fl-azzjoni klimatika huwa iktar importanti minn qatt qabel. Aġenda ċara għandha tiddeskrivi kif issaħħaħ il-kooperazzjoni ma' sħab antiki u ġodda - kemm fi ħdan fora internazzjonali, ma' gvernijiet nazzjonali kif ukoll atturi mhux statali.

Ir-rwol estern ta' tmexxija jeħtieġ li jiġi kkomplementat b'politika interna b'saħħitha dwar il-klima. Biex tevolvi bħala attur kredibbli, l-UE għandha timplimenta l-Ftehim ta' Pariġi b'mod konsistenti u b'mekkaniżmu ta' rieżami ċar. Filwaqt li ġew adottati liġijiet tal-UE ċentrali dwar il-klima għad-deċennju li jmiss, xorta għad hemm bżonn aktar azzjoni. L-UE jenħtieġ li tkun ippreparata tajjeb għad-Djalogu ta' Talanoa 2018 u l-konferenza dwar il-klima f'Katowice, il-Polonja (COP24), inklużi offerti konkreti ta' kif għandha ssaħħaħ l-isforzi klimatiċi tagħha. L-UE u speċjalment l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jkunu lesti biex itejbu l-Kontribut eżistenti Determinat fil-Livell Nazzjonali tal-UE (NDC) għall-2030 u jużaw l-eżerċizzju tar-rendikont globali kull 5 snin sabiex jirrevedu l-leġiżlazzjoni u l-azzjonijiet proprji tagħhom relatati mal-klima. Il-proposta attwali għall-finanzi sostenibbli, id-dibattitu dwar l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji fossili ta' ħsara u t-twaqqif tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE li ġej, għandhom ikunu okkażjonijiet addizzjonali għall-integrazzjoni tal-impenn klimaiku fil-livell tal-UE.

L-UE għandha turi li l-obbligi li joriġinaw mill-Ftehim ta' Pariġi huma ssodisfati mingħajr dewmien. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Parlament Ewropew u l-Istati Membri sabiex jabbozzaw strateġija riveduta tal-UE li tirrigwarda l-livell baxx ta' emissjonijiet fit-tul għan-nofs is-seklu filwaqt li jitqiesu r-riżultati tar-Rapport Speċjali IPCC li ġej.

Sforz Konġunt: It-Titjib fl-Istrutturi għad-Diplomazija dwar il-Klima tal-UE

Il-fatt li d-diplomazija dwar il-klima tal-UE qed taffaċċja kumplessità dejjem akbar u sfida tal-azzjoni klimatika globali, din jeħtieġ li tkun professjonali, imsaħħa, issir aktar koerenti u kkoordinata. Ir-rikonoxximent tas-sistema governattiva kumplessa b'ħafna saffi tal-UE, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE mal-Istati Membri għandhom ikunu involuti fil-proċess ta' żvilupp u avvanz tad-diplomazija dwar il-klima tal-UE u l-azzjoni klimatika tal-UE.

Filwaqt li fis-snin li għaddew il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) kienu atturi ewlenin fid-diplomazija dwar il-klima tal-UE, ir-rwol ta' koordinazzjoni tagħhom għandu jkun aktar b'saħħtu fil-futur. Id-diplomazija dwar il-klima tal-UE tista' tibni fuq l-esperjenza tal-aċċellerazzjoni u l-koordinazzjoni tal-kapaċitajiet diplomatiċi qabel is-summit ta' Pariġi dwar il-klima u tiżviluppah b'mod ulterjuri lejn approċċ aktar strateġiku.

Dan ifisser li l-klima ssir mhux biss parti aktar importanti mill-affarijiet barranin iżda wkoll li politiki oħra tal-UE b'dimensjonijiet esterni, bħall-kummerċ u l-politiki ta' investiment kif ukoll l-għajnuna għall-iżvilupp ikunu koerenti mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u l-SDGs. Minbarra l-koerenza politika, approċċ aktar strateġiku lejn id-diplomazija dwar il-klima għandu jkun relatat ukoll mal-koerenza tal-azzjonijiet. Ir-Rappreżentant Għoli għandha, flimkien mal-Kummissjoni, tikkoordina sforz konġunt tal-UE sabiex tiġi stabbilita diplomazija dwar il-klima tal-UE billi jiġu identifikati prijoritajiet, atturi ewlenin li għandhom jiġu indirizzati u avvenimenti ewlenin biex jintużaw għall-azzjonijiet, kemm għall-konferenzi, għal-laqgħat ministerjali ta' livell għoli jew f'ambjenti informali.

Sabiex tiġi implimentata diplomazija dwar il-klima mmirata, il-Kummissjoni u s-SEAE għandhom ikunu mgħammra bir-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa. Il-lakuni tal-kapaċità fid-Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika tal-Kummissjoni (DĠ CLIMA) u s-SEAE għandhom jiġu vvalutati u jintemmu kif xieraq. Iż-żewġ timijiet għandhom ikomplu l-kooperazzjoni mill-qrib tagħhom sabiex jiżguraw li l-UE tista' titkellem b'vuċi waħda f'fora internazzjonali.

Fl-istess waqt, sabiex jiġi żgurat li s-SEAE jista' jieħu rwol aktar ikkoordinat vis à vis ir-rappreżentazzjonijiet tal-Istati Membri permezz tad-delegazzjonijiet tiegħu f'pajjiżi terzi, għandu jkun hemm rispettivament aktar persunal speċifiku għall-klima u aktar karigi mħallta li jikkaratterizzaw il-klima fil-portafoll tagħhom iddedikat għad-delegazzjonijiet tas-SEAE. Dawn id-delegazzjonijiet għandhom jiddedikaw ukoll parti xierqa mill-baġit tagħhom għall-attivitajiet klimatiċi bħall-konferenzi, studji u kampanji ta' sensibilizzazzjoni. Koordinazzjoni regolari u ta' fiduċja bejn l-impjegati taċ-ċivil responsabbli fil-ministeri tal-Istati Membri għandha tappoġġa l-isforzi fil-livell tal-UE.

Il-Parlament Ewropew bħala Avukat tal-Klima Diplomatika

Il-Parlament Ewropew għandu jkollu rwol aktar attiv fid-diplomazija dwar il-klima tal-UE u għandu jikkontribwixxi bl-ideat politiċi tiegħu kif ukoll bil-kapaċitajiet tiegħu. Il-Parlament għandu, b'mod regolari, jifformola rakkomandazzjonijiet dwar prijoritajiet strateġiċi għad-diplomazija dwar il-klima tal-UE, li għandhom jitqiesu mill-Kunsill, mis-SEAE u mill-Kummissjoni meta jiżviluppaw l-istrateġija tal-UE.

Barra minn hekk, il-Parlament innifsu huwa attur tal-affarijiet barranin bid-delegazzjonijiet uffiċjali tiegħu għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u assemblej parlamentari. Missjonijiet imwettqa mill-kumitati u formati bħal laqgħat interparlamentari joffru wkoll pjattaforma promettenti għall-iskambji.

Dawn il-kapaċitajiet għandhom jiġu użati b'mod aktar effettiv u b'mod strutturat. Matul il-missjonijiet ta' kumitati rilevanti, il-kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-SDGs jistgħu jiġu inklużi bħala parti integrali mill-iskambji tagħhom. Pereżempju, l-approċċ attwali tal-UE li jissodisfa l-NDC tiegħu jista' jiġi deskritt bħala li jikkontrobilanċja skambju dwar l-implimentazzjoni NDC ta' pajjiż terz. Barra minn hekk, l-impenn finanzjarju jew l-isforzi tal-UE f'proġetti fil-pajjiżi rispettivi jistgħu jiġu indirizzati. B'dan il-mod, is-sensibilizzazzjoni tal-UE tista' titwessa' filwaqt li tiġi segwita l-istrateġija tal-UE għad-diplomazija dwar il-klima u b'hekk jiġu evitati inkonsistenzi fil-messaġġi. Permezz ta' sistema ta' rappurtar, l-għarfien li nġabar matul il-missjonijiet parlamentari għandu jiġi strutturat u integrat fi djalogu kontinwu ma' pajjiżi sħab.

Sħab Strateġiċi tad-Diplomazija dwar il-Klima tal-UE

L-UE hija attur uniku tal-politika estera minħabba l-istruttura u l-istituzzjonijiet tagħha f'ħafna livelli u hija predestinata sabiex tindirizza atturi differenti f'livelli differenti. Minn naħa huma evidenti t-tkomplija u t-tisħiħ ta' sħubiji eżistenti, u min-naħa l-oħra l-UE għandha timmira għal sħubiji u alleanzi ġodda madwar id-dinja. Filwaqt li fejn possibbli għandhom jiżdiedu l-ambizzjonijiet, l-approċċ għandu jkun imfassal skont il-kapaċitajiet tal-isħab.

Peress li l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u tal-SDGs mhijiex biss sforz politiku iżda tikkonċerna b'mod estensiv partijiet ikkonċernati oħra, is-sħab strateġiċi tal-UE għandhom jinkludu organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-komunità xjentifika u s-settur privat ukoll. Dan huwa partikolarment evidenti fil-livell lokali u reġjonali fejn isseħħ l-implimentazzjoni prattika tal-azzjoni klimatika.

L-involviment f'relazzjonijiet diplomatiċi dwar il-klima jista' jservi bħala punt ta' dħul għal konverżazzjonijiet ma' sħab li magħhom punti oħra tal-aġendi huma kkontestati ħafna. Għaldaqstant, is-sħab strateġiċi tal-UE għandhom jinkludu wkoll pajjiżi li magħhom id-diplomazija dwar il-klima tista' twitti t-triq għal kooperazzjoni u bini ta' fiduċja aktar profondi, biex b'hekk jissaħħaħ jew saħansitra jiġi introdott il-multilateraliżmu bħala l-qafas ta' kooperazzjoni internazzjonali.

L-UE għandha tibqa' attur attiv u dik li tistabbilixxi l-aġenda f'organizzazzjonijiet internazzjonali. Oqfsa bħall-G7 u l-G20 għandhom jintużaw aktar sabiex jifformulaw impenji klimatiċi komuni u jiżviluppaw prinċipji internazzjonali ta' gwida. L-UE għandha tqajjem mill-ġdid u tniedi alleanzi klimatiċi bħall-Koalizzjoni ta' Ambizzjoni Kbira u tibda tħabbir konġunt għal wegħdiet u azzjonijiet klimatiċi konkreti. F'dan ir-rigward, l-isħubiji tal-UE mal-AKP, AU, ECOWAS, ASEAN u MERCOSUR għandhom jissaħħu. Relazzjonijiet bilaterali ma' ekonomiji emerġenti, pajjiżi li qed jiżviluppaw u stati vulnerabbli għandhom ikunu prijorità oħra ta' diplomazija dwar il-klima tal-UE mmirata.

Prijoritajiet Strateġiċi tal-Aġenda tad-Diplomazija dwar il-Klima tal-UE

Id-diplomazija dwar il-klima tal-UE għandha tidentifika prijoritajiet tematiċi li fihom il-kooperazzjoni u l-isforzi diplomatiċi huma speċjalment sinifikanti jew promettenti u fejn l-UE kisbet għarfien espert.

It-tibdil fil-klima għandu impatti serji fuq l-ambjent ħaj tan-natura u l-persuni, iżda dan qed jhedded dejjem aktar il-paċi u l-istabbilità għaliex ta' spiss dan iservi bħala multiplikatur tat-theddid u jaggrava l-kunflitti eżistenti. Id-diplomazija dwar il-klima tal-UE għandha tiffoka l-isforzi tagħha fuq ir-rabta bejn il-migrazzjoni u t-tibdil fil-klima li qed tkun aktar ta' theddida għas-sigurtà u l-istabilità ġewwa u barra l-UE. Għall-futur tal-aġenda tad-diplomazija dwar il-klima tal-UE, il-miżuri preventivi kif ukoll il-valutazzjoni tar-riskju mtejba għandhom ikunu parti integrali mill-isforz konġunt li sar bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri. Dan se jikkontribwixxi favur l-oqfsa preventivi ta' kunflitt tal-Politika Estera tal-UE u tal-Istati Membri.

Minbarra d-dimensjoni ta' sigurtà, is-sħubiji fuq it-temi relatati mal-klima bħall-ipprezzar tal-karbonju, il-finanzi klimatiċi, l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidju tal-karburant fossili u t-teknoloġiji nodfa jistgħu jkunu prijoritajiet possibbli. Il-fehim tal-UE fit-twaqqif, l-aġġustament u t-tħaddim tas-suq tal-karbonju tagħha huwa kkomplementat mill-esperjenza tagħha permezz tal-Ftehim ta' Rabta mal-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet Żvizzera u proġetti oħra ta' kooperazzjoni internazzjonali. Dawn huma kundizzjonijiet tajbin ħafna għall-UE sabiex tkun fuq quddiem nett biex tippromwovi sforzi ta' pajjiżi terzi fil-mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju kif ukoll tkun involuta aktar f'koordinazzjoni internazzjonali tas-swieq tal-karbonju bl-għan li tallinjahom aħjar f'nofs it-terminu u toħloq suq tal-karbonju internazzjonali fit-tul.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.6.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

90

19

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Margrete Auken, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Ivo Belet, Goffredo Maria Bettini, Simona Bonafè, Mario Borghezio, Biljana Borzan, Victor Boştinaru, Paul Brannen, Elmar Brok, Klaus Buchner, Soledad Cabezón Ruiz, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Aymeric Chauprade, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Javier Couso Permuy, Miriam Dalli, Arnaud Danjean, Stefan Eck, Bas Eickhout, Georgios Epitideios, José Inácio Faria, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Wajid Khan, Urszula Krupa, Eduard Kukan, Giovanni La Via, Jo Leinen, Peter Liese, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Lukas Mandl, Ramona Nicole Mănescu, Valentinas Mazuronis, David McAllister, Joëlle Mélin, Susanne Melior, Tamás Meszerics, Miroslav Mikolášik, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Massimo Paolucci, Ioan Mircea Paşcu, Piernicola Pedicini, Alojz Peterle, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Cristian Dan Preda, John Procter, Michel Reimon, Frédérique Ries, Sofia Sakorafa, Annie Schreijer-Pierik, Alyn Smith, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, Ivica Tolić, Estefanía Torres Martínez, Nils Torvalds, Miguel Urbán Crespo, Ivo Vajgl, Elena Valenciano, Hilde Vautmans, Anders Primdahl Vistisen, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Andrea Bocskor, Reinhard Bütikofer, Jakop Dalunde, Eleonora Forenza, Ana Gomes, Rupert Matthews, Urmas Paet, Tokia Saïfi, Christel Schaldemose, Igor Šoltes, Bart Staes, Mirja Vehkaperä, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella De Monte, Emilian Pavel, Monika Smolková, Josef Weidenholzer


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

90

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Gerben-Jan Gerbrandy, Anneli Jäätteenmäki, Valentinas Mazuronis, Urmas Paet, Frédérique Ries, Nils Torvalds, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Mirja Vehkaperä

EFDD

Fabio Massimo Castaldo, Aymeric Chauprade, Piernicola Pedicini

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Stefan Eck, Eleonora Forenza, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Estefanía Torres Martínez, Miguel Urbán Crespo

PPE

Asim Ademov, Michèle Alliot-Marie, Ivo Belet, Elmar Brok, Birgit Collin-Langen, Arnaud Danjean, José Inácio Faria, Michael Gahler, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Jens Gieseke Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Giovanni La Via, Peter Liese, Lukas Mandl, David McAllister, Miroslav Mikolášik, Francisco José Millán Mon, Ramona Nicole Mănescu, Alojz Peterle, Tokia Saïfi, Annie Schreijer-Pierik, Ivica Tolić, Željana Zovko, Dubravka Šuica

S&D

Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Victor Boştinaru, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Miriam Dalli, Isabella De Monte, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Ana Gomes, Jytte Guteland, Wajid Khan, Jo Leinen, Arne Lietz, Susanne Melior, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Massimo Paolucci, Emilian Pavel, Ioan Mircea Paşcu, Pavel Poc, Christel Schaldemose, Monika Smolková, Elena Valenciano, Josef Weidenholzer, Damiano Zoffoli

VERTS/ALE

Margrete Auken, Klaus Buchner, Reinhard Bütikofer, Jakop Dalunde, Bas Eickhout, Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Michel Reimon, Alyn Smith, Jordi Solé, Bart Staes, Igor Šoltes

19

-

ECR

Amjad Bashir, Bas Belder, Anna Elżbieta Fotyga, Urszula Krupa, Rupert Matthews, Bolesław G. Piecha, John Procter, Charles Tannock, Anders Primdahl Vistisen, Jadwiga Wiśniewska

ENF

Mario Borghezio, Sylvie Goddyn, Jean-François Jalkh, Joëlle Mélin

NI

James Carver, Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz

PPE

Cristian Dan Preda, Jaromír Štětina

2

0

PPE

Andrea Bocskor, György Hölvényi

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Ġunju 2018Avviż legali