Proċedura : 2017/2007(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0223/2018

Testi mressqa :

A8-0223/2018

Dibattiti :

PV 02/07/2018 - 22
CRE 02/07/2018 - 22

Votazzjonijiet :

PV 03/07/2018 - 11.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0274

RAPPORT     
PDF 551kWORD 61k
26.6.2018
PE 618.019v03-00 A8-0223/2018

dwar l-istampar tridimensjonali, sfida fl-oqsma tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u tar-responsabbiltà ċivili

(2017/2007(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Joëlle Bergeron

ERRATA/ADDENDA
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-istampar tridimensjonali, sfida fl-oqsma tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u tar-responsabbiltà ċivili

(2017/2007(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 rigward l-infurzar tad-drittijiet taser proprjetà intellettwali,(1)

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titlu "Ngħixu l-ġejjieni. L-istampar 3D – għodda għall-għoti tas-setgħa lill-ekonomija Ewropea"(3)

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummisssjoni tad-29 ta' Novembru 2017 bit-titlu "Sistema bbilanċjata ta' infurzar tal-Proprjetà Intellettwali li twieġeb għall-isfidi tas-soċjetà tal-lum" (COM(2017)0707),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Novembru 2017 bit-titlu "Gwida dwar ċerti aspetti tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (COM(2017/0708),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2017 dwar il-Ġestjoni tal-Globalizzazzjoni (COM(2017)0240),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0223/2018),

A.  billi l-istampar tridimensjonali (3D) sar aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali bit-tqegħid fis-suq ta' stampaturi 3D maħsuba għall-individwi u mal-miġja ta' kumpaniji li qed jipproponu kemm mudelli diġitali kif ukoll servizzi ta' stampar 3D;

B.  billi l-istampar 3D huwa meqjus bħala waħda mit-teknoloġiji l-aktar prominenti fejn l-Ewropa tista' tiżvolġi rwol ta' gwida; billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet il-benefiċċji tal-istampar 3D meta sponsporjat 21 proġett ibbażati fuq it-teknoloġija minn Orizzont 2020 bejn l-2014 u l-2016;

C.  billi, fuq livell esperimentali, l-istampar 3D ilu jeżisti mis-sittinijiet, billi inizjalment it-teknoloġija tal-istampar 3D ġiet żviluppata fl-Istati Uniti u bdiet tidħol fil-qasam industrijali mill-bidu tat-tmeninijiet;

D.  billi s-suq għall-istampaturi 3D jikkostitwixxi settur li qed jgħaddi minn tkabbir rapidu u billi huwa mistenni li jkompli jikber fis-snin li ġejjin;

E.  billi, madankollu, bl-iżvilupp tal-ispazji komunitarji għall-istampar 3D (aktar magħrufin bħala "fablabs") kif ukoll tas-servizzi għall-istampar mill-bogħod, xi drabi marbuta ma' pjattaforma ta' skambju ta' fajl 3D onlajn, kulħadd jista' jistampa oġġett 3D u dan jikkostitwixxi vantaġġ kbir għall-inventuri u l-organizzaturi ta' proġetti;

F.  billi l-istampar 3D għandu l-potenzjal enormi li jittrasforma l-katini ta' provvista f'manifattura u dan jista' jgħin lill-Ewropa żżid il-livelli ta' produzzjoni; billi l-applikazzjoni ta' din it-teknoloġija toffri opportunitajiet oħra għall-innovazzjoni u l-iżvilupp kummerċjali;

G.  billi l-UE poġġiet din it-teknoloġija fost l-oqsma teknoloġiċi prijoritarji; billi l-Kummissjoni rreferiet għaliha, barra minn hekk, fid-dokument ta' riflessjoni riċenti tagħha dwar il-ġestjoni tal-globalizzazzjoni bħala wieħed mill-fatturi ewlenin li ser iwasslu għal trasformazzjoni industrijali;

H.  billi l-Kummissjoni identifikat l-istampar 3D bħala qasam ta' prijorità għal azzjoni u b'hekk dan jikkostitwixxi potenzjal ekonomiku rilevanti, b'mod partikolari għall-impriżi innovattivi żgħar; billi ħafna pajjiżi diġà rrikonoxxew il-potenzjal trasformattiv tal-istampar 3D u bdew jadottaw, għalkemm b'mod mhux ugwali, strateġiji varji għall-ħolqien ta' ekosistema ekonomika u teknoloġika biex jippromwovu l-iżvilupp tiegħu;

I.  billi għalissa, il-parti l-kbira tal-prodotti stampati 3D huma prototipi; billi ċerti industriji ilhom numru ta' snin jużaw partijiet finali u billi s-suq tal-partijiet finali qed ikompli jikber b'rata relattivament mgħaġġla; billi parti dejjem akbar tikkonsisti pjuttost f'oġġetti lesti għall-użu jew għat-tqiegħed fis-suq milli sempliċi prototipi;

J.  billi l-vantaġġi potenzjali tal-istampar 3D għall-impriżi innovattivi huma bosta; billi, b'mod partikolari, l-istampar 3D jippermetti li jitnaqqsu l-ispejjeż kumplessivi fl-iżvilupp, id-diżinn u l-ittestjar ta' prodotti ġodda jew fit-titjib ta' prodotti diġà eżistenti;

K.  billi l-użu tal-istampar 3D qed ikun dejjem aktar mifrux fis-soċjetà, b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni, fil-fora taċ-ċittadini jew tal-istart-ups, bħal "marker spaces", kif ukoll fil-qasam privat;

L.  billi l-istampar 3D qed isir aktar sempliċi u aċċessibbli għal kulħadd; billi huwa mistenni li l-limiti relatati mal-materjal li jista' jintuża, il-veloċità u l-konsum ta' materja prima u enerġija ser jitnaqqsu b'mod sinifikanti f'perjodu ta' żmien qasir;

M.  billi l-biċċa l-kbira tal-industriji avvanzati issa qed tuża din it-teknoloġija, billi l-opportunitajiet ta' użu tal-istampar 3D żdiedu b'mod enormi, u l-aspettattivi huma kbar f'diversi oqsma, bħalma huma fost l-oħrajn is-setturi tal-mediċina (mis-settur tal-mediċina riġenerattiva sal-manifatturi ta' proteżi), tal-ajrunawtika, is-settur ajruspazjali, tal-karozzi, tal-apparat elettrodomestiku, tal-bini, tar-riċerka arkeoloġika, tal-arkitettura, tal-inġinerija mekkanika, tal-industrija rikreattiva u anke tad-disinn;

N.  billi n-nuqqas ta' regolamentazzjoni llimita l-użu tal-istampar 3D f'setturi industrijali ewlenin bħal, pereżempju, is-settur ajruspazjali u dak mediku/dentali, u billi r-regolarizzazzjoni tal-użu tal-istampaturi 3D ser tgħin fl-użu ta' teknoloġiji u toffri opportunitajiet għar-riċerka u żvilupp.

O.  billi l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew imsemmija hawn fuq tgħid li, permezz tar-rivoluzzjoni teknoloġika u "bl-użu tat-teknoloġija avvanzata tal-manifattura t-tajba, l-Ewropa tkun tista' terġa' ġġib lura lejn xtutha l-produzzjoni minn reġjuni b'pagi iżjed baxxi sabiex tingħata spinta lill-innovazzjoni u toħloq tkabbir sostenibbli fuq artna".

P.  billi l-istampar 3D ser inaqqas kemm l-ispejjeż tat-trasport kif ukoll l-emissjonijiet tas-CO2;

Q.  billi t-teknoloġija tal-istampar 3D għandu jkollha effett pożittiv fuq il-ħolqien ta' iktar impjiegi ġodda kwalifikati, ta' inqas tbatija u ta' inqas periklu f'ċerti każijiet (tekniċi ta' manutenzjoni, inġiniera, disinjaturi, eċċ) u billi, mal-ħolqien ta' impjiegi ġodda ta' tekniċi (pereżempju operaturi tal-istampaturi 3D) ser jinħolqu responsabbiltajiet ġodda u jkun jeħtieġ li l-industrija tal-istampar 3D tipprovdi t-taħriġ adegwat sabiex it-tekniċi jkollhom l-istess livell tal-kontropartijiet tagħhom fil-manifattura tradizzjonali; billi t-teknoloġija tal-istampar 3D ser tnaqqas ukoll l-ispejjeż ta' produzzjoni u ta' ħażna (manifattura ta' kwantitajiet żgħar u personalizzati, eċċ.); billi madankollu t-tnaqqis fl-għadd ta' impjiegi fis-settur tal-industrija tal-manifattura ser jaffettwa bil-kbir lill-pajjiżi li l-ekonomija tagħhom tiddependi minn għadd kbir ta' impjiegi bi kwalifiki baxxi;

R.  billi l-impatt ekonomiku tal-iżvilupp tal-industrija tal-istampar 3D fid-diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea għad ma jistax jitkejjel b'mod preċiż;

S.  billi l-istampar 3D jista' joffri lill-konsumaturi l-possibbiltà li jirreaġixxu għall-obsoloxxenza pprogrammata, peress li jkunu jistgħu jipproduċu l-parts tal-bdil għall-apparati domestiċi, li t-tul tal-ħajja tagħhom qed isir dejjem aktar qasir;

T.  billi t-teknoloġija tal-istampar 3D tista' tqajjem xi tħassib speċifiku legali u etiku, kemm fil-qasam tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali, bħad-drittijiet tal-awtur, il-privattivi, id-disinn, it-trade marks tridimensjonali u anke l-indikazzjonijiet ġeografiċi, kif ukoll fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili, u billi barra minn hekk dan it-tħassib jaqa' taħt il-kompetenza tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament;

U.  billi t-teknoloġiji l-ġodda huma kapaċi jiskenjaw oġġetti jew nies u jiġġeneraw fajls diġitali li mbagħad jistgħu jiġu stampati b'mod 3D u billi dan jista' jaffettwa d-drittijiet tal-immaġni u d-dritt għall-privatezza;

V.  billi t-teknoloġija tal-istampar 3D tista' tqajjem ukoll tħassib b'rabta mas-sigurtà, u b'mod speċjali ċ-ċibersigurtà, l-aktar f'dak li jirrigwarda l-manifattura ta' armi, splussivi jew droga, jew kwalunkwe oġġett perikoluż ieħor, u billi tenħtieġ attenzjoni partikolari fir-rigward ta' dan it-tip ta' produzzjonijiet;

W.  billi, mill-perspettiva tad-drittijiet tal-awtur, jeħtieġ li jsiru distinzjonijiet siewja: pereżempju bejn l-istampar fid-dar għall-użu privat u l-istampar għall-użu kummerċjali, u bejn is-servizzi B2B u dawk B2C.

X.  billi l-Kunsill Superjuri tal-proprjetà letterjarja u artistika Franċiż qies f'rapport dwar l-istampar 3D u d-drittijiet tal-awtur li "id-demokratizzazzjoni tal-istampar 3D ma tidhirx, sal-lum, li qed toħloq xi problemi kbar ta' ksur tad-drittjiet tal-awtur"; madankollu jammetti li "ir-riskju ta' falsifikazzjoni jaffettwa l-aktar lill-opri tal-arti";

Y.  billi dawn il-ftit eżempji li jistgħu jiġu previsti issa probabbilment ser isiru aktar kumplessi hekk kif it-teknoloġija tevolvi; billi titqajjem il-kwistjoni dwar xi jrid isir sabiex jiġi indirizzat il-potenzjal għall-kontraffazzjoni li ssir permezz tat-teknoloġiji tal-istampar 3D;

Z.  billi, minħabba l-proċessi li juża, l-istampar 3D jinvolvi dak li l-industrija ssejjaħ bħala "żmembrament tal-att ta' ħolqien", peress li x-xogħol jista' jiċċirkola fi stat diġitali qabel ma jieħu forma fiżika, li jista' jiffaċilita l-ikkuppjar tax-xogħol u jikkomplika l-ġlieda kontra l-kontraffazzjoni;

AA.  billi, bħala konklużjoni, l-esperti legali huma tal-fehma li l-istampar 3D ma ħarbatx b'mod fundamentali d-dritt tal-proprjetà intellettwali, iżda fajls maħluqa jistgħu jitqiesu bħala opra u billi, jekk dan huwa l-każ, jenħtieġ li l-opra tkun protetta bħala tali; billi, fuq medda qasira u medja ta' żmien, u biex jingħeleb il-kontraffazzjoni, l-isfida ewlenija ser tkun l-involviment aktar mill-qrib tal-intermedjarji professjonisti fil-protezzjoni tad-dritt tal-awtur;

AB.  billi għalkemm l-iżvilupp tal-istampar 3D jagħmel possibbli l-produzzjoni industrijali, għandha titqies il-ħtieġa li jiġu stabbiliti mezzi ta' rimedju kollettiv biex jingħata kumpens lill-konsumaturi għad-danni;

AC.  billi l-impatt tal-istampar 3D fuq id-drittijiet tal-konsumaturi u fuq il-liġi dwar il-konsumatur b'mod ġenerali għandu jiġi eżaminat bir-reqqa fid-dawl tad-direttiva li qed tiġi negozjata bħalissa dwar ċerti aspetti ta' kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali;

AD.  billi jenħtieġ li jiġi mfakkar li, għall-kuntrarju tat-tħassib ta' ċerti atturi, mhux kull prodott stampat 3D huwa sistematikament meqjus bħala illegali u li jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet ta' persuni terzi, u l-atturi kollha tas-settur ifittxu li jiksbu qligħ mill-bejgħ ta' oġġetti kontraffatti; billi madankollu l-oġġetti kontrafatti jistgħu jiġu prodotti faċilment;

AE.  billi d-Direttiva 85/374/KEE dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi tkopri l-kuntratti kollha; billi ta' min wieħed jinnota li huwa fost l-oħrajn minħabba l-progress fil-qasam tal-istampar 3D li l-Kummissjoni Ewropea bdiet konsultazzjoni pubblika bl-għan li tevalwa jekk dik id-direttiva hijiex adattata għal użu b'rabta mal-iżviluppi teknoloġiċi ġodda;

AF.  billi regoli tar-responsabbiltà ġenerali jkopru wkoll ir-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji kif definit fl-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku; madankollu, għandu jiġi kkunsidrat reġim speċifiku ta' responsabbiltà għall-ħsara kkawżata minn oġġett maħluq bit-teknoloġija tal-istampar 3D, peress li l-għadd kbir ta' partijiet interessati involuti u l-proċess ikkumplikat użat biex jinħoloq il-prodott komplut spiss jagħmluha diffiċli għall-vittma li tidentifika l-persuna responsabbli; billi r-responsabbiltà tista' wkoll tkun tal-kreatur jew tal-bejjiegħ tal-fajl 3D, jew tal-produttur tal-istampatur 3D, tal-produttur tas-softwer użat għall-istampatur 3D, tal-fornitur tal-materjal użat jew inkella tal-persuna li ħolqot l-oġġett, skont il-kawża tad-difett li ġie skopert;

AG.  billi f'dak li jirrigwarda l-użu speċifiku tal-istampar 3D fil-kuntest kummerċjali, ir-regoli tar-responsabbiltà huma ġeneralment stabbiliti mir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-partijiet involuti;

AH.  billi l-elementi kollha tat-teknoloġija tal-manifattura addittiva għandhom jissodisfaw ċerti kriterji u jkunu ċċertifikati biex jiġi ggarantit li jkun possibbli li jiġu manifatturati parts riproduċibbli u ta' kwalità; billi ċ-ċertifikazzjoni ssir kumplessa minħabba l-għadd kbir tat-trasformazzjoni ta' magni, materjal u proċessi u minħabba n-nuqqas ta' database; billi għalhekk ser ikun meħtieġ li jiġu żviluppati regoli li jippermettu ċertifikazzjoni aktar rapida u aktar kosteffettiva tal-materjal, il-proċessi u l-prodotti kollha;

AI.  billi l-istampar 3D jaqdi rwol fit-tnaqqis tal-konsum ta' enerġija u riżorsi naturali bl-għan li jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima; billi l-użu ta' stampar 3D jimminimizza l-iskart fil-proċess tal-produzzjoni u jtawwal iċ-ċiklu ta' ħajja tal-prodotti għall-konsumaturi billi jippermetti l-produzzjoni ta' parts ta' sostituzzjoni fil-livell tal-konsumaturi;

1.  Jenfasizza li sabiex jiġu antiċipati l-problemi marbuta mar-responsabbiltajiet ċivili f'każ ta' inċident jew ta' ksur tal-proprjetà intellettwali li jista' joħloq l-istampar 3D fil-futur, jista' jagħti l-każ li l-Unjoni Ewropea jkollha tadotta leġiżlazzjoni ġdida u tadatta l-liġijiet eżistenti għall-każ speċifiku tat-teknoloġija 3D, b'mod partikolari billi tqis id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u l-ġurisprudenza rilevanti tal-qrati tal-UE u tal-Istati Membri u wara li tkun wettqet valutazzjoni tal-impatt approfondita sabiex tevalwa l-għażliet ta' politika; jenfasizza li, fi kwalunkwe każ, it-tweġiba leġiżlattiva għandha tevita d-duplikazzjoni tar-regoli eżistenti u għandha tikkunsidra proġetti li diġà qegħdin jitwettqu, b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur li bħalissa hija applikabbli għall-istampar 2D; iżid li jenħtieġ li l-liġi tippromwovi u takkumpanja lill-innovazzjoni, iżda l-liġi ma għandhiex tostakola jew tirrestrinġi tali innovazzjoni;

2.  Jinnota li tenħtieġ attenzjoni fir-rigward ta' ċerti kwistjonijiet, bħalma huma l-kriptaġġ u l-protezzjoni tal-fajls, sabiex jiġu evitati t-tlugħ u r-riproduzzjoni illegali ta' dawn il-fajls jew oġġetti protetti kif ukoll ir-riproduzzjoni ta' oġġetti illegali;

3.  Iqis li ovvjament għandu jkun hemm prudenza fis-settur tal-istampar 3D, l-aktar f'dak li jirrigwarda l-kwalità tal-prodott stampat u kull periklu li jista' jinħoloq għall-utenti jew għall-konsumaturi, u li għandha tiġi kkunsidrata l-inklużjoni ta' mezzi ta' identifikazzjoni u ta' traċċar sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà ta' prodotti, kif ukoll sabiex tiġi faċilitata l-osservazzjoni tal-użu futur tagħhom għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. iqis li l-kooperazzjoni mill-qrib bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-manifatturi 3D tkun ta' benefiċċju fl-iżvilupp ta' mezzi bħal dawn; iqis ukoll li dan ikun ta' għajnuna biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-oġġetti u titnaqqas il-kontraffazzjoni;

4.  Jinnota li l-kontroll tar-riproduzzjoni legali ta' oġġetti 3D protetti mid-drittijiet tal-awtur jista' jkun iffaċilitat, jekk meħtieġ, permezz ta' soluzzjonijiet legali, bħal pereżempju l-wiri sistematiku ta' avviż dwar il-ħtieġa tar-rispett tal-proprjetà intellettwali min-naħa tal-fornituri tad-diġitalizzazzjoni u tal-istampar 3D, jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza ta' elementi li jagħmluha possibbli li jiġu ttraċċati oġġetti 3D; jenfasizza li jekk kopja 3D tikkostitwixxi kopja privata, ser japplikaw il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżenzjonijiet għal kopji privati, inkluż l-iskemi ta' kumpens jew ta' dħul;

5.  Jirrimarka li jeħtieġ li jkun hemm sensibilizzazzjoni pubblika sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-qasam tal-istampar 3D, kif ukoll b'rabta mal-ksur tad-drittijiet tad-disinn, tat-trademarks u tal-privattivi.

6.  Jenfasizza madankollu li s-soluzzjonijiet tekniċi li sal-lum għadhom mhumiex żviluppati biżżejjed jistgħu jiġu investigati aktar, pereżempju bħall-ħolqien ta' bażijiet tad-data ta' fajls kriptati u protetti, id-disinn ta' stampaturi konnessi u mgħammra b'sistema li tista' timmaniġġja d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew il-promozzjoni ta' kooperazzjoni bejn il-manifatturi u l-pjattaformi biex fajls affidabbli jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-professjonisti u l-konsumaturi; jenfasizza wkoll li, ikunu liema jkunu l-miżuri adottati fost dawn, l-implimentazzjoni tagħhom m'għandu jkollha ebda impatt relatat mal-kost fuq l-attività li diġà tkun qed titwettaq mill-atturi fis-swieq;

7.  Jinnota li, f'dan l-istadju, ebda waħda minn dawn is-soluzzjonijiet ma hija verament sodisfaċenti fiha nfisha;

8.  Jikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ma rrevedietx id-Direttiva 2004/48/KE, iżda minflok sempliċiment ippreżentat linji gwida mhux vinkolanti, mingħajr ma ċċarat kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-istampar 3D; jilqa' madankollu l-miżuri li ħabbret il-Kummissjoni fid-29 ta' Novembru 2017 sabiex issaħħaħ il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali;

9.  Jinnota li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali dwar il-bosta elementi tat-teknoloġija tal-istampar 3D ġew iddeterminati u li, b'konsegwenza ta' dan, il-mistoqsija li jmiss ser tkun dwar kif dawn ser jiġu rispettati;

10.  Jappella lill-Kummissjoni sabiex, b'mod ġenerali, tikkunsidra l-aspetti kollha tat-teknoloġija tal-istampar 3D fl-implimentazzjoni tal-miżuri elenkati fil-Komunikazzjoni (COM(2017)0707) tagħha, mingħajr ma tirdoppja l-miżuri applikabbli eżistenti; jenfasizza l-importanza tal-involviment tal-professjonisti kollha f'din il-ħidma, inklużi l-SMEs u l-konsumatur;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa l-kwistjonijiet tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tat-teknoloġija tal-istampar 3D, b'mod partikolari fl-evalwazzjoni tal-funzjonament tad-Direttiva 85/374/KEE tal-Kunsill tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li tfassal skema ta' regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili għad-danni mhux koperti mid-Direttiva 85/374/KEE;

13.  Jirrimarka li t-teknoloġija tal-istampar 3D iġġib magħha bosta vantaġġi ekonomiċi għall-UE peress li toffri opportunitajiet għall-personalizzazzjoni li jissodisfaw b'mod speċifiku r-rekwiżiti tal-konsumaturi Ewropej, u li tista' tagħmilha possibbli li jiġu ripatrijati l-attivitajiet ta' produzzjoni u b'hekk tgħin biex jinħolqu impjiegi ġodda li jkunu inqas impenjattivi fiżikament u inqas perikolużi.

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi b'mod ċar ir-responsabbiltajiet varji billi tidentifika l-partijiet involuti biex isir prodott 3D: disinjatur u fornitur tas-softwer, manifattur tal-istampatur 3D, fornitur tal-materja prima, stampatur tal-oġġetti u l-persuni l-oħra kollha involuti biex isir l-oġġett;

15.  Jiġbed l-attenzjoni għall-implikazzjonijiet possibbli ta' forom ġodda ta' kummerċjalizzazzjoni fis-sens ġenerali ta' "għamilha inti stess", billi jiġi pprovdut mhux il-prodott aħħari iżda unikament is-softwer għat-tniżżil u l-ispeċifikazzjonijiet għall-istampar tal-prodott;

16.  Jenfasizza l-importanza ta' ħolqien ta' qafas legali koerenti biex jipprovdi tranżizzjoni mingħajr intoppi u ċertezza legali għall-konsumaturi u n-negozji, sabiex tiġi promossa l-innovazzjoni fl-UE;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1)

ĠU L 195, 2.6.2004, p. 16.

(2)

ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29.

(3)

ĠU C 332, 8.10.2015, p. 36.


NOTA SPJEGATTIVA

L-istampar tridimensjonali (jew 'l-istampar 3D') inħoloq waqt pjan sperimentali fis-sittinijiet. Bl-oriġini tagħha fl-Istati Uniti, din it-teknoloġija bdiet tidħol fil-qasam industrijali mill-bidu tat-tmeninijiet.

L-iżvilupp tat-teknoloġija tal-istampar 3D ġie segwit kważi immedjatament bid-dħul fis-suq tal-istampaturi 3D, u l-kumpaniji bdew joffru kemm għal mudelli diġitali kif ukoll servizzi ta' stampar 3D.

Fir-realtà, l-istampar 3D huwa frażi ġenerika li tiġbor fiha diversi tipi ta' teknoloġiji, li permezz ta' fajl diġitali u stampatur 3D, joħolqu oġġetti fiżiċi ta' materjali differenti. Oriġinarjament din it-teknoloġija kienet maħsuba għall-ħolqien ta' prototipi u fil-fatt dan l-għan għad għandu l-akbar sehem mis-suq tat-teknoloġija 3D.

Għalkemm dan is-suq sar aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali bl-introduzzjoni fis-suq tal-istampaturi 3D maħsuba għall-individwi, dan is-suq għadu marġinali u, minħabba l-limitazzjonijiet tal-materjal aċċessibbli għall-konsumaturi, għandu jibqa' hekk fuq terminu medju. Fil-fatt, illum 99 % tal-oġġetti stampati għadhom isiru bl-istess materjali, jiġifieri l-plastik, ir-reżina u l-metall. Waħda mill-akbar sfidi tas-settur tridimensjonali ser tkun li jiżdiedu aktar materjali.

Madankollu, l-iżvilupp tas-servizzi tal-istampar mill-bogħod, xi drabi akkumpanjati minn xi pjattaforma ta' kummerċ ta' fajls 3D online, jippermetti lil dak li jkun jistampa oġġett 3D bi kwalità ferm ogħla minn dik li wieħed jista' jistenna minn magna inferjuri. It-tixrid tal-istampaturi 3D fl-istituzzjonijiet edukattivi u fil-postijiet tax-xogħol kollaborattivi ("fablabs") ukoll jgħin biex kulħadd ikollu aċċess għal din it-teknoloġija. Bħalissa l-maġġoranza tal-industriji avvanzati jużaw din it-teknoloġija minħabba li l-użu tagħha għandu impatt pożittiv fuq l-innovazzjoni u fuq l-ambjent.

L-aspettattivi huma diġà għoljin fis-settur mediku, fejn din it-teknoloġija tista' tiġi applikata fil-manifattura ta' proteżi, impjanti dentali, ġilda umana, u anki organi ("bioprinting"): il-kliewi, pereżempju. Iżda anki fis-settur ajruspazjali fejn il-ħolqien ta' komponenti aktar ħfief ikun ifisser inqas ħela ta' fjuwil, iffrankar ta' flus u rispett tal-ambjent: L-Airbus bħalissa qiegħda tesperimenta b'ajruplan b'mhux inqas minn 1000 komponent stampat 3D. L-industrija tal-parts ta' rikambju tal-karozzi u l-industrija tal-ġugarelli u tal-apparat elettrodomestiku huma wkoll affettwati ħafna mill-iżvilupp ta' din it-teknika. Fl-aħħar nett, l-istampar 3D u l-iskaners 3D qegħdin dejjem aktar jintużaw fil-mużewijiet, għar-restawr ta' oġġetti storiċi u għar-riċerka, speċjalment fl-arkeoloġija.

L-UE identifikat din it-teknoloġija bħala qasam teknoloġiku ta' prijorità. Il-Kummissjoni semmietu fid-dokument ta' riflessjoni riċenti tagħha dwar il-ġestjoni tal-globalizzazzjoni (COM(2017)240) fost il-fatturi ewlenin li ser iwasslu għal trasformazzjoni industrijali.

Minħabba li jippermetti l-produzzjoni skont id-domanda, l-istampar 3D jista' joffri ħafna vantaġġi lill-impriżi: tnaqqis fil-katina loġistika tagħhom, tnaqqis fl-operazzjonijiet ta' ħażna u ta' trasport, u wkoll tnaqqis fl-impatt ambjentali u tnaqqis fin-nefqa fl-assigurazzjoni tal-merkanzija, kif ukoll l-interess li dan jista' jkollu fir-rilokazzjoni tal-impjiegi.

Il-proprjetà intellettwali

L-esperti legali jqisu li l-istampar 3D ma fixkilx daqstant id-drittijiet tal-awtur. Fajl 3D jista' jitqies bħala xogħol u jiġi protett bħala tali. Madankollu, huwa ġust li wieħed jistenna problemi fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur meta l-użu tal-istampar 3D isir mifrux fl-industrija. Ir-reviżjoni futura tad-Direttiva 2004/48/KE fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, imħabbra mill-Kummissjoni għal dan il-mandat, ser tkun partikolarment importanti għal dan il-għan, aktar u aktar jekk tkun akkumpanjata minn azzjonijiet ta' liġi mhux vinkolanti għall-ħruġ ta' informazzjoni dwar is-suġġett.

Imma jidher għaqli, madankollu, li ssir distinzjoni bejn l-istampar fid-dar għall-użu privat u l-istampar għall-użu kummerċjali, u wkoll bejn dak bejn il-professjonisti u dak bejn il-professjonisti u l-konsumaturi.

Ir-responsabbiltà ċivili

Hemm differenzi rilevanti wkoll meta wieħed jaħseb dwar l-aspetti tar-responsabbiltà ċivili. Għalhekk, pereżempju, il-kwistjoni tar-responsabbiltà għall-oġġetti prodotti u għad-danni kkawżati minn fajl difettuż tista' tiġi indirizzata, f'dak li jirrigwarda lill-konsumaturi, mill-Artikoli 10 u 14 tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea "dwar ċerti aspetti ta' kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali". Iżda d-Direttiva 85/374/KEE dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi tista' tkopri l-kuntratti kollha.

Ir-responsabbiltà ċivili ġeneralment mhijiex kwistjoni armonizzata u soġġetta għal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija limitata għar-regoli aktar speċifiċi bħar-responsabbiltà ċivili għal prodotti difettużi. Jista' jkun diffiċli għall-vittma ta' oġġett prodott bit-3D li tidentifika lill-persuna responsabbli. Ir-regoli dwar ir-responsabbiltà ġenerali jistgħu fil-fatt jippermettu l-identifikazzjoni tal-produttur tal-istampatur 3D, tal-produttur tas-softwer li jħaddem l-istampatur 3D jew lill-persuna li tipproduċi l-oġġett. Ir-rapporteur titlob li l-Kummissjoni tkun partikolarment attenta rigward il-katina ta' responsabbiltajiet u l-identifikazzjoni tal-awturi tagħhom sabiex tiddetermina jekk ir-regoli dwar ir-responsabbiltà ġenerali jistgħux jibqgħu japplikaw jew le.

Huwa ovvju li l-prudenza hija essenzjali fil-qasam tal-istampar 3D. Fil-fatt għad fadal ħafna snin u ħafna esperjenza qabel ma jiġi mmanifatturat prodott ta' kwalità li ma jkunx ta' periklu għall-utent tiegħu jew għall-konsumatur. Biex jiġu antiċipati l-problemi marbuta mar-responsabbiltajiet f'każ ta' inċident jew ta' ksur tal-proprjetà intellettwali żgur ser ikun hemm bżonn ta' standards legali ġodda fil-livell tal-UE jew li dawk eżistenti jiġu adattati għall-każ speċifiku tat-3D.

Illum hemm ħafna soluzzjonijiet quddiemna biex nindirizzaw il-kwistjonijiet tal-proprjetà intellettwali u tar-responsabbiltà ċivili: il-ħolqien ta' bażi ta' data globali għall-oġġetti li jistgħu jiġu stampati sabiex jiġu kkontrollati r-riproduzzjonijiet ta' oġġetti tridimensjonali protetti mid-dritt tal-awtur, gwida għal-limitazzjoni legali tal-għadd ta' kopji privati ta' oġġetti 3D sabiex jiġu evitati r-riproduzzjonijiet illegali, jew il-ħolqien ta' taxxa fuq l-istampar 3D li tikkumpensa d-dannu mġarrab mis-sidien tad-dritt tal-proprjetà intellettwali minħabba l-kopji privati ta' oġġetti 3D. L-ebda waħda ma hija verament sodisfaċenti fiha nfisha.

Hu x'inhu l-każ, it-tweġiba leġiżlattiva għandha tevita duplikazzjoni tar-regoli u tikkunsidra l-proġetti li diġà qegħdin iseħħu. Jenħtieġ li l-liġi takkumpanja lill-innovazzjoni, iżda l-liġi ma għandhiex tkun ostaklu jew restrizzjoni għaliha.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.6.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Heidi Hautala, Mary Honeyball, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, József Szájer, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Sergio Gaetano Cofferati, Luis de Grandes Pascual, Geoffroy Didier, Angel Dzhambazki, Angelika Niebler


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

22

+

ALDE

Jean-Marie Cavada, António Marinho e Pinto

ECR

Angel Dzhambazki

EFDD

Joëlle Bergeron

ENF

Marie-Christine Boutonnet, Gilles Lebreton

PPE

Geoffroy Didier, Rosa Estaràs Ferragut, Luis de Grandes Pascual, Pavel Svoboda, József Szájer, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

S&D

Sergio Gaetano Cofferati, Mady Delvaux, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Mary Honeyball, Evelyn Regner

VERTS/ALE

Max Andersson, Heidi Hautala, Julia Reda

0

-

 

 

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Lulju 2018Avviż legali