Proċedura : 2018/2028(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0228/2018

Testi mressqa :

A8-0228/2018

Dibattiti :

PV 10/09/2018 - 27
CRE 10/09/2018 - 27

Votazzjonijiet :

PV 11/09/2018 - 6.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0332

RAPPORT     
PDF 704kWORD 71k
27.6.2018
PE 618.224v01-00 A8-0228/2018

dwar l-ugwaljanza tal-lingwi fl-era diġitali

(2018/2028(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Rapporteur: Jill Evans

Rapporteur għal opinjoni (*):

Marisa Matias, Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-ugwaljanza tal-lingwi fl-era diġitali

(2018/2028(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21(1) u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2003 għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta' interoperabilità u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (Programm ISA²) bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2008 dwar strateġija Ewropea għall-multilingwiżmu (2008/C 320/01)(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE(5),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UN CRPD), irratifikata mill-UE fl-2010,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2008 intitolata "Il-Multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni" (COM(2008)0566),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Awwissu 2010 intitolata "Aġenda Diġitali għall-Ewropa" (COM(2010)0245),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Jannar 2012 intitolata "Qafas koerenti għall-bini ta' fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online" (COM(2011)0942),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 intitolata "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar "Aġenda Diġitali għall-Ewropea" (COM(2010)0245)(6),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni dwar il-Promozzjoni u l-Użu tal-Multilingwiżmu u l-Aċċess Universali għaċ-Ċiberspazju adottata mill-Konferenza Ġenerali tal-UNESCO fit-32 sessjoni tagħha f'Pariġi fil-15 ta' Ottubru 2003,

–  wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Speċjali 386 "L-Ewropej u l-Lingwi tagħhom" ippubblikat f'Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002 (SN 100/1/02 REV 1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Mejju 1988 dwar il-lingwi tas-sinjali għall-persuni neqsin mis-smigħ(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2004 dwar "Il-preservazzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali: ir-rwol tar-reġjuni Ewropej u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNESCO u l-Kunsill tal-Ewropa"(8), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2003 dwar "Lingwi Ewropej reġjonali u li jintużaw anqas – l-ilsna tal-minoranzi fl-UE – fil-kuntest tat-tkabbir u tad-diversità kulturali"(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2013 dwar il-lingwi Ewropej fil-periklu ta' estinzjoni u d-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar il-protezzjoni u n-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-minoranzi fl-Istati Membri tal-UE(12),

–  wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) u tal-Unità tal-Prospettiva Xjentifika (STOA) intitolat "L-ugwaljanza tal-lingwi fl-era diġitali – Lejn Proġett tal-Lingwi Umani", ippubblikat f'Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0228/2018),

A.  billi t-teknoloġiji tal-lingwi jistgħu jagħmlu l-komunikazzjoni aktar faċli għall-persuni torox u b'diffikultajiet ta' smigħ, għall-persuni għomja u b'vista batuta u għall-persuni b'dislessija, u billi, għall-finijiet ta' dan ir-rapport, "it-teknoloġija tal-lingwa" tirreferi għal teknoloġija li tirfed mhux biss il-lingwi mitkellma, iżda wkoll il-lingwi tas-sinjali, fl-għarfien li l-lingwi tas-sinjali huma element importanti tad-diversità lingwistika tal-Ewropa;

B.  billi l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-lingwa (TL) jkopri bosta oqsma ta' riċerka u dixxiplini, fosthom il-lingwistika komputazzjonali, l-intelliġenza artifiċjali, ix-xjenza tal-informatika u l-lingwistika, b'applikazzjonijiet bħall-ipproċessar tal-lingwi naturali, l-analitika tat-testi, it-teknoloġija tat-taħdit u l-estrazzjoni tad-data, fost oħrajn;

C.  billi, skont ir-rapport tal-Ewrobarometru Speċjali 386 intitolat "L-Ewropej u l-Lingwi Tagħhom", ftit aktar minn nofs (54 %) tal-Ewropej huma kapaċi jżommu konversazzjoni għaddejja b'tal-anqas lingwa waħda addizzjonali, kwart (25 %) jafu jitkellmu b'tal-anqas żewġ lingwi addizzjonali u wieħed minn kull għaxra (10 %) jafu tal-anqas tliet lingwi;

D.  billi hemm 24 lingwa uffiċjali u aktar minn 60 lingwa nazzjonali, reġjonali u minoritarja fl-Unjoni Ewropea, minbarra l-lingwi tal-migranti u, taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD), id-diversi lingwi tas-sinjali li jgawdu rikonoxximent statali; billi l-multilingwiżmu huwa wieħed mill-akbar assi tad-diversità kulturali fl-Ewropa, u fl-istess ħin, jirrappreżenta waħda mill-aktar sfidi sinifikanti għall-ħolqien ta' suq tal-UE tassew integrat;

E.  billi l-apoġġ għall-komunitajiet lokali, bħal dawk indiġeni , rurali jew imbiegħda, biex jegħlbu l-ostakli ġeografiċi, soċjali u ekonomiċi għall-aċċess għall-broadband huwa prerekwiżit kruċjali għal politika effiċjenti tal-UE rigward il-multilingwiżmu;

F.  billi l-multilingwiżmu jaqa' fl-ambitu ta' sensiela ta' oqsma ta' politika tal-UE, fosthom il-kultura, l-ekonomija, is-suq uniku diġitali, it-tagħlim tul il-ħajja, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, il-kompetittività, iż-żgħażagħ, is-soċjetà ċivili, il-mobilità, ir-riċerka u l-midja; billi jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni għat-twarrib tal-ostakli għad-djalogu bejn il-kulturi u bejn il-lingwi, u għal stimoli għall-komprensjoni reċiproka;

G.  billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi li s-Suq Uniku Diġitali jrid ikun multilingwi; billi ma ġiet proposta l-ebda politika komuni tal-UE biex tindirizza l-problema tal-ostakli lingwistiċi;

H.  billi t-teknoloġiji tal-lingwa jintużaw f'tista' tgħid il-prodotti u s-servizzi diġitali kollha ta' kuljum, minħabba li l-parti l-kbira tagħhom jużaw il-lingwa fi gradi differenti, speċjalment il-prodotti kollha relatati mal-internet bħalma huma magni ta' tiftix, networks soċjali u servizzi tal-kummerċ elettroniku billi l-użu tat-teknoloġiji tal-lingwa għandu impatt ukoll fuq setturi ta' importanza fundamentali għall-benessri ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej, bħal dawk tal-edukazzjoni, tal-kultura u tas-saħħa;

I.  billi l-kummerċ elettroniku transfruntiera huwa baxx ħafna, hekk li fl-2015 biss 16 % taċ-ċittadini Ewropej xtraw online minn pajjiżi oħra tal-UE; billi t-teknoloġiji tal-lingwa jistgħu jikkontribwixxu għal komunikazzjoni transfruntiera u translingwistika fl-Ewropa tal-ġejjieni, jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku u lill-istabilità soċjali u jnaqqsu l-ostakli naturali, u b'hekk jirrispettaw u jippromwovu l-koeżjoni u l-konverġenza u jsaħħu l-kompetittività tal-UE madwar id-dinja;

J.  billi l-iżvilupp teknoloġiku qed jibbaża dejjem aktar fuq il-lingwi u għandu konsegwenzi għat-tkabbir u għas-soċjetà; billi hemm ħtieġa urġenti ta' politiki li jkunu aktar konxji mil-lingwa, u ta' riċerka u edukazzjoni teknoloġika, iżda anke ġenwinament multidixxiplinari, dwar il-komunikazzjoni diġitali u t-teknoloġiji tal-lingwa u dwar ir-relazzjoni tagħhom mat-tkabbir u mas-soċjetà;

K.  billi t-twettiq tal-objettiv ta' Barċellona li ċ-ċittadini jkunu kapaċi jikkomunikaw tajjeb bil-lingwa materna tagħhom u b'żewġ lingwi oħra jkun ifisser li n-nies ikollhom aktar opportunitajiet biex jaċċedu għall-kontenuti kulturali, edukattivi u xjentifiċi fil-forma diġitali u jipparteċipaw bħala ċittadini, minbarra li jaċċedu għas-suq uniku diġitali; billi mezzi u għodod addizzjonali, speċjalment dawk ipprovduti mit-teknoloġiji tal-lingwa, huma essenzjali għall-ġestjoni tajba tal-multilingwiżmu Ewropew u għall-promozzjoni tal-multilingwiżmu tal-individwi;

L.  billi saru avvanzi sostanzjali fl-intelliġenza artifiċjali, u billi t-teknoloġiji tal-lingwa żviluppaw b'pass mgħaġġel; billi l-intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-lingwa toffri opportunitajiet ġodda għall-komunikazzjoni diġitali, għall-komunikazzjoni mtejba diġitalment, għall-komunikazzjoni abilitata bit-teknoloġija, u għall-kooperazzjoni bil-lingwi Ewropej kollha (u lil hinn minnhom), hekk li kelliema ta' lingwi differenti jkollhom aċċess ugwali għall-informazzjoni u għall-għarfien, u li l-funzjonalitajiet tan-networks tal-IT jittejbu;

M.  billi l-valuri komuni Ewropej ta' kooperazzjoni, solidarjetà, ugwaljanza, rikonoxximent u rispett għandhom ifissru li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess sħiħ u ugwali għat-teknoloġiji diġitali, b'mod li mhux biss jittejbu l-koeżjoni u l-benessri fl-Ewropa, imma wkoll li jiġi abilitat Suq Uniku Diġitali u multilingwi;

N.  billi d-disponibilità ta' għodod teknoloġiċi bħal-logħob tal-kompjuter jew l-applikazzjonijiet edukattivi b'lingwi minoritarji u li jintużaw anqas hija ċentrali għall-iżvilupp tal-ħiliet lingwistiċi, speċjalment fost it-tfal;

O.  billi jeħtieġ li dawk li jitkellmu b'lingwi Ewropej li jintużaw anqas ikunu jistgħu jesprimu ruħhom b'modi li jkollhom sinifikat kulturali u li joħolqu l-kontenuti kulturali proprji tagħhom bil-lingwi lokali;

P.  billi l-feġġ ta' metodi bħat-tagħlim profond, imsejsa fuq it-tkattir tal-kapaċità komputazzjonali u fuq l-aċċess għal ammonti enormi ta' data, qed jagħmel it-teknoloġiji tal-lingwa soluzzjoni reali għall-għelib tal-ostakli lingwistiċi;

Q.  billi l-ostakli lingwistiċi għandhom effett konsiderevoli fuq il-bini tal-identità Ewropea u fuq il-ġejjieni tal-proġett tal-integrazzjoni Ewropea; billi t-teħid ta' deċiżjonijiet u l-politiki tal-UE għandhom jiġu kkomunikati liċ-ċittadini tal-UE bl-ilsien nattiv tagħhom, sew online u sew offline;

R.  billi l-lingwa tirrappreżenta parti kbira ħafna tal-ġid dejjem jikber tal-big data;

S.  billi ammont enormi ta' data huwa espress f'lingwi umani; billi l-ġestjoni tat-teknoloġiji tal-lingwa tista' tagħti lok għal firxa wiesgħa ta' prodotti u servizzi innovattivi tal-IT fl-industrija, fil-kummerċ, fil-gvern, fir-riċerka, fis-servizzi pubbliċi u fl-amministrazzjoni, filwaqt li tnaqqas l-ostakli naturali u l-ispejjeż tas-suq;

L-ostakli kurrenti għall-ilħiq tal-ugwaljanza tal-lingwi fl-era diġitali fl-Ewropa

1.  Jiddispjaċih li, minħabba n-nuqqas ta' politiki adegwati, bħalissa fl-Ewropa d-distakk teknoloġiku bejn il-lingwi mogħnija b'biżżejjed riżorsi u dawk li għandhom anqas riżorsi qiegħed jikber, sew jekk tal-aħħar humiex lingwi uffiċjali, kouffiċjali jew mhux uffiċjali fl-UE; jiddispjaċih, barra minn hekk, għall-fatt li aktar minn 20 lingwa Ewropea jinsabu fil-periklu tal-estinzjoni diġitali; jinnota li l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha għandhom id-dmir li jtejbu, jippromwovu u jħaddnu d-diversità lingwistika fl-Ewropa;

2.  Jirrimarka li, matul l-aħħar għaxar snin, it-teknoloġija diġitali kellha impatt sinifikanti fuq l-evoluzzjoni tal-lingwi, impatt li l-evalwazzjoni tiegħu għadha diffiċli; jirrakkomanda li min ifassal il-politiki jikkunsidra serjament studji li juru li l-komunikazzjoni diġitali qed tnaqqar il-ħiliet tal-qari fost l-adulti żgħażagħ, b'mod li jwassal għal barrieri ta' grammatika u ta' litteriżmu bejn il-ġenerazzjonijiet u għal ftaqir ġenerali tal-lingwi; huwa tal-fehma li l-komunikazzjoni diġitali għandha taqdi biex twessa', tarrikkixxi u tavvanza l-lingwi, u li dawn l-iżviluppi għandhom ikunu riflessi fl-edukazzjoni għal-litteriżmu u fil-politiki nazzjonali tal-litteriżmu;

3.  Jenfasizza li lingwi Ewropej li jintużaw anqas għandhom żvantaġġ sinifikanti minħabba nuqqas akut ta' għodod, riżorsi u finanzjament għar-riċerka, li qed jirrestrinġi u jċekken l-ambitu tax-xogħol tar-riċerkaturi li, anke meta jkollhom il-ħiliet teknoloġiċi meħtieġa, ma jkunux jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mit-teknoloġiji tal-lingwa;

4.  Jinnota d-distakk diġitali bejn il-lingwi li jintużaw fil-wisa' u dawk li jintużaw anqas, kif ukoll id-diġitalizzazzjoni dejjem akbar tas-soċjetà Ewropea, fatturi li qed iwasslu għal disparitajiet f'dak li jirrigwarda l-aċċess għall-informazzjoni, b'mod partikolari għall-persuni bi ftit ħiliet, għall-anzjani, għal dawk bi dħul baxx u għal dawk minn sfondi żvantaġġati; jenfasizza li l-inugwaljanza titnaqqas jekk il-kontenut isir disponibbli b'diversi lingwi tal-UE;

5.  Jinnota li, filwaqt li għandha bażi xjentifika soda fl-inġinerija u fit-teknoloġiji tal-lingwa, u fi żmien meta dawn tal-aħħar jikkostitwixxu opportunità enormi, kemm mil-lat ekonomiku u kemm minn dak kulturali, l-Ewropa għadha lura ħafna, minħabba l-frammentazzjoni tas-suq, investiment inadegwat fl-għarfien u fil-kultura, nuqqasijiet fil-koordinament tar-riċerka, finanzjament insuffiċjenti u ostakli legali; jinnota wkoll li s-suq bħalissa jiddominawh atturi mhux Ewropej, li mhumiex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta' Ewropa multilingwi; jirrileva l-ħtieġa li din il-paradigma tinbidel u li r-rwol mexxej tal-Ewropa fit-teknoloġiji tal-lingwa jissaħħaħ billi jinħoloq proġett imfassal apposta għall-ħtiġijiet u għad-domanda tal-Ewropa;

6.  Jinnota li t-teknoloġiji tal-lingwa jsiru disponibbli l-ewwel bl-Ingliż; huwa konxju li l-manifatturi u l-kumpaniji Ewropej u dinjija kbar spiss jiżviluppaw it-teknoloġiji tal-lingwa wkoll għal-lingwi Ewropej ewlenin li għandhom swieq relattivament kbar: l-Ispanjol, il-Franċiż u l-Ġermaniż (dawn il-lingwi diġà huma nieqsa minn riżorsi f'ċerti oqsma sekondarji); jenfasizza, madankollu, li għandha tittieħed azzjoni ġenerali fil-livell tal-UE (politika, finanzjament, riċerka u edukazzjoni) biex tiżgura li jiġu żviluppati teknoloġiji tal-lingwa għal-lingwi uffiċjali tal-UE li ma tantx huma mitkellma u li jinbdew azzjonijiet speċjali fil-livell tal-UE (politika, finanzjament, riċerka u edukazzjoni) biex il-lingwi reġjonali u minoritarji jiġu inklużi u inkuraġġuti f'dan l-iżvilupp;

7.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jsir użu aħjar ta' approċċi teknoloġiċi ġodda, imsejsa fuq aktar qawwa komputazzjonali u aċċess aħjar għal ammonti mdaqqsa ta' data, sabiex jitrawwem l-iżvilupp tan-networks newronali tat-tagħlim profond li qed jagħmlu t-teknoloġiji tal-lingwa umana (HLTs) soluzzjoni reali għall problema tal-ostakoli lingwistiċi; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tissalvagwardja biżżejjed finanzjament biex tappoġġja dan l-iżvilupp teknoloġiku;

8.  Jinnota li l-lingwi b'anqas kelliema jeħtieġu appoġġ adatt minn għadd ta' partijiet ikkonċernati, inklużi disinji tat-tipa għall-marki dijakritiċi, manifatturi tat-tastieri u sistemi tal-ġestjoni tal-kontenuti, biex ikunu jistgħu jaħżnu, jipproċessaw u juru l-kontenuti b'dawn il-lingwi; jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta kif dan l-appoġġ jista' jiġi instigat u kif jista' jiġi rrakkomandat fil-proċess ta' akkwist fi ħdan l-UE;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-użu ta' għadd ta' lingwi fis-servizzi diġitali, bħall-applikazzjonijiet tal-mobile;

10.  Jinnota bi tħassib li s-Suq Uniku Diġitali għadu frammentat minħabba għadd ta' ostakli, fosthom ostakli lingwistiċi, b'mod li jfixkel il-kummerċ online, il-komunikazzjoni permezz tan-networks soċjali u kanali ta' komunikazzjoni oħra, u l-iskambju transfruntier ta' kontenuti kulturali, kreattivi u awdjoviżivi, kif ukoll l-użu aktar mifrux ta' servizzi pubbliċi pan-Ewropej; jenfasizza li d-diversità kulturali u l-multilingwiżmu fl-Ewropa jistgħu jibbenefikaw mill-aċċess transfruntier għall-kontenut, b'mod partikolari għal finijiet edukattivi; jitlob li l-Kummissjoni tiżviluppa strateġija robusta u koordinata għas-Suq Uniku Diġitali multilingwi;

11.  Jinnota li t-teknoloġiji tal-lingwa bħalissa ma għandhom l-ebda rwol fl-aġenda politika Ewropea, minkejja l-fatt li r-rispett għad-diversità lingwistika huwa minqux fit-Trattati;

12.  Ifaħħar ir-rwol importanti ta' networks ta' riċerka preċedenti ffinanzjati mill-UE, bħal FLaReNet, CLARIN, HBP u META-NET (inkluż META-SHARE) talli kienu minn ta' quddiem fil-bini ta' pjattaforma Ewropea tat-teknoloġiji tal-lingwa;

It-titjib tal-qafas istituzzjonali għal politiki tat-teknoloġiji tal-lingwa fil-livell tal-UE

13.  Jitlob li l-Kunsill ifassal rakkomandazzjoni dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni, inkluż fl-isfera tat-teknoloġiji tal-lingwa;

14.  Jirrakkomanda li, sabiex tagħti aktar prominenza lit-teknoloġiji tal-lingwa fl-Ewropa, il-Kummissjoni talloka l-qasam "multilingwiżmu u teknoloġiji tal-lingwa" lill-portafoll ta' Kummissarju; iqis li l-Kummissarju responsabbli għandu jingħata l-kompitu li jippromwovi d-diversità u l-ugwaljanza tal-lingwi fil-livell tal-UE, fid-dawl tal-importanza tad-diversità lingwistika għall-futur tal-Ewropa;

15.  Jissuġġerixxi li s-60 lingwa reġjonali u minoritarja jiġu żgurati protezzjoni legali fil-livell tal-UE, flimkien ma' rikonoxximent tad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi fid-dinja diġitali, u tagħlim bil-lingwa nattiva għal dawk li jitkellmu bil-lingwi uffiċjali u mhux uffiċjali tal-UE;

16.  Lil dawk l-Istati Membri li diġà żviluppaw b'suċċess l-istrateġiji ta' politika tagħhom fil-qasam tat-teknoloġiji tal-lingwa, iħeġġiġhom jaqsmu l-esperjenzi u l-prattiki tajbin mal-oħrajn biex jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali oħra jiżviluppaw l-istrateġiji proprji tagħhom;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki komprensivi relatati mal-lingwi, jallokaw riżorsi u jużaw għodod xierqa biex jippromwovu u jiffaċilitaw id-diversità lingwistika u l-multilingwiżmu fl-isfera diġitali; jenfasizza r-responsabilità konġunta tal-UE u tal-Istati Membri, flimkien mal-universitajiet u mal-istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn, li jikkontribwixxu għall-preservazzjoni tal-lingwi tagħhom fid-dinja diġitali u fl-iżvilupp ta' bażijiet tad-data u ta' teknoloġiji tat-traduzzjoni għal-lingwi kollha tal-UE, inklużi l-lingwi li ma tantx huma mitkellma; jitlob li jkun hemm koordinament bejn ir-riċerka u l-industrija, bl-objettiv komuni li jissaħħu l-possibilitajiet diġitali għat-traduzzjoni tal-lingwi u b'aċċess miftuħ għad-data meħtieġa għal avvanzi teknoloġiċi;

18.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji u azzjonijiet ta' politika li jiffaċilitaw il-multilingwiżmu fis-suq diġitali; f'dan il-kuntest, jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiddefinixxu r-riżorsi lingwistiċi minimi li l-lingwi Ewropej kollha għandu jkollhom biex jevitaw l-estinzjoni diġitali, bħalma huma settijiet ta' data, lessiki, reġsitrazzjonijiet ta' taħdit, memorji tat-traduzzjoni, korpora annotati u kontenuti enċiklopediċi;

19.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra li toħloq ċentru għad-diversità lingwistika li jsaħħaħ il-kuxjenza dwar l-importanza tal-lingwi li jintużaw anqas u tal-lingwi reġjonali u minoritarji, inkluż fl-isfera tat-teknoloġiji tal-lingwa;

20.  Jitlob li l-Kummissjoni tirrevedi l-Istrateġija Qafas għall-Multilingwiżmu tagħha u tipproponi pjan ta' azzjoni ċar dwar il-promozzjoni tad-diversita lingwistika u l-għelib tal-ostakli lingwistiċi fil-qasam diġitali;

21.  Jitlob li l-Kummissjoni tagħti prijorità lit-teknoloġiji tal-lingwa f'dawk l-Istati Membri li huma ta' daqs żgħir u li għandhom lingwa tagħhom, biex tagħti importanza lill-isfidi lingwistiċi li jiffaċċjaw;

22.  Jitlob li l-Kummissjoni tappoġġja finanzjarjament is-sottotitolar, id-doppjaġġ, u t-traduzzjoni ta' logħob tal-kompjuter u ta' applikazzjonijiet tas-software b'lingwi minoritarji u li jintużaw anqas;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa li d-distakk teknoloġiku bejn il-lingwi jitnaqqas permezz tat-tisħiħ tal-għarfien u t-trasferiment tat-teknoloġiji;

24.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri joħorġu b'modi effikaċi biex iseddqu l-lingwi nattivi tagħhom;

Rakkomandazzjonijiet għall-politiki tal-UE dwar ir-riċerka

25.  Jitlob li l-Kummissjoni tistabbilixxi programm koordinat ta' finanzjament fuq skala kbira u fit-tul għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tal-lingwa, fil-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali, imfassla speċifikament għall-ħtiġijiet u d-domanda tal-Ewropa; jenfasizza li l-programm għandu jkollha l-għan li jittratta l-fehim profond tal-lingwa naturali u li jkabbar l-effiċjenza permezz tal-iskambju ta' għarfien, infrastrutturi u riżorsi, bil-ħsieb li jiżviluppa teknoloġiji u servizzi innovattivi ħalli jkun jista' jsir l-avvanz xjentifiku li jmiss f'dan il-qasam, u jgħin biex jitnaqqas id-distakk teknoloġiku bejn il-lingwi Ewropej; jenfasizza li dan għandu jsir bil-parteċipazzjoni ta' ċentri tar-riċerka, id-dinja akkademika, l-intrapriżi (speċjalment SMEs u start-ups) u partijiet interessati rilevanti oħra; jenfasizza wkoll li dan il-proġett għandu jkun miftuħ, ibbażat fil-cloud u interoperabbli, u għandu jipprovdi għodod bażiċi li jkunu jistgħu jitħaddmu fuq skali differenti u jkollhom prestazzjoni tajba, għal diversi applikazzjonijiet tat-teknoloġiji tal-lingwa;

26.  Jemmen li l-integraturi tal-ICT fl-UE għandhom jingħataw inċentivi ekonomiċi sabiex jaċċeleraw il-provvista ta' servizzi bbażati fil-cloud, sabiex it-teknoloġiji tal-lingwa umana ikun jistgħu jiġu integrati bla xkiel fl-applikazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku tagħhom, b'mod partikolari biex jiġi żgurat li l-SMEs igawdu mill-benefiċċji tat-traduzzjoni awtomatizzata;

27.  Jenfasizza li l-Ewropa jeħtiġilha tiżgura l-pożizzjoni ta' tmexxija tagħha fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-lingwi; ifakkar li l-kumpaniji tal-UE huma fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdu soluzzjonijiet adattati għall-ħtiġijiet kulturali, soċjetali u ekonomiċi speċifiċi tagħna;

28.  Jemmen li programmi speċifiċi fi ħdan l-iskemi ta' finanzjament tal-lum, bħal Orizzont 2020, kif ukoll il-programmi ta' finanzjament li jiġu wara, għandhom jagħtu spinta lir-riċerka bażika mifruxa fuq medda twila kif ukoll lit-trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġiji bejn il-pajjiżi u r-reġjuni;

29.  Jirrakkomanda li tinħoloq pjattaforma teknoloġika tal-lingwi Ewropej, b'rappreżentanti minn kull lingwa Ewropea, li permezz tagħha jkun jista' jsir qsim ta' riżorsi, servizzi u pakketti ta' kodiċi open source relatati mat-teknoloġiji tal-lingwa, b'mod partikolari bejn l-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka, filwaqt li tiżgura li kwalunkwe skema ta' finanzjament tkun tista' sew taħdem mal-komunità open source u tkun aċċessibbli għal dik il-komunità;

30.  Jirrakkomanda li jiġu stabbiliti jew estiżi proġetti bħal, fost oħrajn, il-Proġett tad-Diversità tal-Lingwi Diġitali, li jwettqu riċerka dwar il-ħtiġijiet diġitali tal-lingwi Ewropej kollha, minn dawk b'għadd żgħir ta' kelliema sa dawk b'numri kbar ħafna ta' kelliema, biex id-distakk diġitali jiġi indirizzat u biex dawn il-lingwi jiġu megħjuna jħejju għal futur diġitali sostenibbli;

31.  Jirrakkomanda li jsir aġġornament tas-sensiela ta' white papers ta' META-NET, stħarriġ pan-Ewropew ippubblikat fl-2012 dwar l-istatus tar-riżorsi tat-teknoloġiji tal-lingwa għall-ilsna Ewropej kollha u dwar informazzjoni rigward ostakli lingwistiċi u politiki marbuta mat-tema, biex b'hekk ikunu jistgħu jiġu vvalutati u żviluppati politiki dwar it-teknoloġiji tal-lingwa;

32.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma ta' finanzjament ta' teknoloġiji tal-lingwa umana, ibbażata fuq l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku, l-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropea (FNE); iqis, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha tagħmel enfasi fuq l-oqsma ta' riċerka meħtieġa biex jiżguraw fehim profond tal-lingwa, bħal-lingwistika komputazzjonali, il-lingwistika, l-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġiji tal-lingwa, ix-xjenza tal-informatika u x-xjenza konjittiva;

33.  Jirrimarka li l-lingwa tista' tkun ostaklu għat-trasferiment tal-għarfien xjentifiku; jinnota li l-maġġoranza tal-ġurnali xjentifiċi influwenti ħafna jippubblikaw bil-lingwa Ingliża, fatt li jwassal għal bidla maġġuri fil-ħolqien u d-distribuzzjoni tal-għarfien akkademiku; jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-kundizzjonijiet ta' produzzjoni tal-għarfien jiġu riflessi fil-politiki u l-programmi Ewropej ta' riċerka u innovazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex soluzzjonijiet biex tiżgura li l-għarfien xjentifiku jsir disponibbli b'lingwi oħra għajr il-lingwa Ingliża, u tappoġġja l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali għal-lingwi naturali;

Politiki tal-edukazzjoni biex itejbu l-ġejjieni tat-teknoloġiji tal-lingwa fl-Ewropa

34.  Jemmen li, minħabba s-sitwazzjoni tal-lum fejn is-suq tat-teknoloġiji tal-lingwa jiddominawh atturi mhux Ewropej, il-politiki Ewropej dwar l-edukazzjoni għandu jkollhom l-għan li jżommu t-talent fl-Ewropa, għandhom janalizzaw il-ħtiġijiet edukattivi tal-lum relatati mat-teknoloġiji tal-lingwa (inklużi l-oqsma u d-dixxiplini kollha involuti) u, fuq din il-bażi, jipprovdu linji gwida għall-implimentazzjoni ta' azzjoni konġunta u koeżiva fil-livell Ewropew, u għandhom iqajmu kuxjenza fost it-tfal tal-iskola u fost l-istudenti dwar l-opportunitajiet ta' karrieri fl-industrija tat-teknoloġiji tal-lingwa. inkluż fl-industrija tal-intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-lingwa;

35.  Huwa tal-fehma li materjali diġitali għat-tagħlim iridu jiġu żviluppati wkoll bil-lingwi minoritarji u reġjonali – ħaġa importanti mil-lat tan-nondiskriminazzjoni – jekk irridu nistabbilixxu l-ugwaljanza ta' opportunitajiet u ta' trattament;

36.  Jirrileva l-ħtieġa li l-parteċipazzjoni dejjem akbar tan-nisa fil-qasam tal-istudji Ewropej dwar it-teknoloġiji tal-lingwa tiġi promossa bħala fattur deċiżiv fl-iżvilupp tar-riċerka u tal-innovazzjoni;

37.  Jipproponi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu l-użu tat-teknoloġiji tal-lingwa fi ħdan l-iskambji kulturali u edukattivi bejn iċ-ċittadini Ewropej bħal Erasmus+, pereżempju l-Appoġġ Lingwistiku Online (OLS) ta' Erasmus+, bil-għan li jċekknu l-ostakli li d-diversità lingwistika tista' tirrappreżenta għad-djalogu bejn il-kulturi u għall-fehim reċiproku, b'mod partikolari fl-espressjoni bil-kitba u f'dik awdjoviżiva;

38.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżviluppaw ukoll programmi ta' litteriżmu diġitali bil-lingwi minoritarji u reġjonali tal-Ewropa u jintroduċu taħriġ u għodod tat-teknoloġija lingwistika fil-kurrikuli tal-iskejjel, tal-universitajiet u tal-kulleġġi vokazzjonali tagħhom; jisħaq fuq il-fatt, barra minn hekk, li l-litteriżmu jibqa' fattur sinifikanti u prerekwiżit assolut biex isir progress fl-inklużjoni diġitali tal-komunitajiet;

39.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ lill-istituzzjonijiet edukattivi biex itejbu d-diġitalizzazzjoni tal-lingwi fl-UE;

It-teknoloġiji tal-lingwa: benefiċċji sew għall-kumpaniji privati u sew għall-korpi pubbliċi

40.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi sostnut l-iżvilupp ta' strumenti ta' investiment u ta' programmi li jaċċeleraw l-iżvilupp ta' kumpaniji ġodda li jkollhom l-għan li jkattru l-użu tat-teknoloġiji tal-lingwa fis-settur kulturali u kreattiv, b'konċentrazzjoni speċjali fuq komunitajiet li għandhom anqas riżorsi, u li jiġi inkuraġġut l-iżvilupp ta' kapaċitajiet tat-teknoloġiji tal-lingwa f'oqsma fejn is-settur ikun dgħajjef;

41.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' azzjonijiet u ta' finanzjament adatt bil-għan li jabilita lil SMEs u start-ups Ewropej u jagħtihom is-setgħa biex jaċċedu għat-teknoloġiji tal-lingwa u jużawhom faċilment billi jidħlu fi swieq u opportunitajiet ta' żvilupp ġodda, b'tali mod li jagħtu spinta lil-livelli ta' innovazzjoni tagħhom u lill-ħolqien tal-impjiegi;

42.  Jitlob li l-istituzzjonijiet tal-UE jqajmu kuxjenza dwar il-benefiċċji għall-kumpaniji, għall-korpi pubbliċi u għaċ-ċittadini mid-disponibilità online ta' servizzi, kontenuti u prodotti b'diversi lingwi, inklużi lingwi li jintużaw anqas, dawk reġjonali u dawk minoritarji, bil-ħsieb li jegħlbu l-ostakli lingwistiċi u jgħinu fil-ħarsien tal-wirt kulturali tal-komunitajiet lingwistiċi;

43.  Jappoġġja l-iżvilupp ta' servizzi elettroniċi pubbliċi multilingwi fl-amministrazzjonijiet Ewropej, nazzjonali u, fejn ikun f'loku. dawk reġjonali u lokali b'teknoloġiji tal-lingwa innovattivi, inklussivi assistivi, li jnaqqsu l-inugwaljanzi bejn il-lingwi u l-komunitajiet lingwistiċi, jippromwovu aċċess ugwali għas-servizzi, jistimolaw il-mobilità tan-negozji, taċ-ċittadini u tal-ħaddiema fl-Ewropa u jiżguraw it-twettiq ta' Suq Uniku Diġitali multilingwi inklussiv;

44.  Jitlob li l-amministrazzjonijiet fil-livelli kollha jtejbu l-aċċess għal servizzi u informazzjoni online b'lingwi differenti, speċjalment għas-servizzi f'reġjuni transfruntiera u għal kwistjonijiet relatati mal-kultura, u li jużaw it-teknoloġiji tal-lingwa b'xejn u open-source li diġà jeżistu, fosthom it-traduzzjoni awtomatika, l-għarfien tat-taħdit, it-taħdit mill-kitba u s-sistemi lingwistiċi intelliġenti, bħas-sistemi multilingwi għall-irkupru tal-informazzjoni, għall-ġenerazzjoni ta' sommarji u sunti, u għall-fehim tat-taħdit, biex itejbu l-aċċessibilità ta' dawk is-servizzi;

45.  Jirrileva l-importanza tat-tekniki tal-estrazzjoni tal-informazzjoni mid-data u mit-testi għall-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-lingwa; Jissottolinja l-ħtieġa li l-kollaborazzjoni bejn l-industrija u s-sidien tad-data tissaħħaħ; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-qafas regolatorju jiġi adattat u li jiġi żgurat li r-riżorsi lingwistiċi jintużaw u jinġabru b'mod aktar miftuħ u interoperabbli; jinnota li informazzjoni sensittiva ma għandhiex tingħadda f'idejn kumpaniji kummerċjali u s-software tagħhom li huwa disponibbli b'xejn, peress li mhuwiex ċar kif dawn jistgħu jużaw l-għarfien li jiġbru, bħal fil-każ ta' data tas-saħħa;

°

°  °

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90.

(2)

ĠU L 175, 27.6.2013, p. 1.

(3)

ĠU L 318, 4.12.2015, p. 1.

(4)

ĠU C 320, 16.12.2008, p. 1.

(5)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965.

(6)

ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58.

(7)

ĠU C 187, 18.7.1988, p. 236.

(8)

ĠU C 92 E, 16.04.2004, p. 322.

(9)

ĠU C 76 E, 25.3.2004, p. 374.

(10)

ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 59.

(11)

ĠU C 93, 9.3.2016, p. 52.

(12)

Testi adottati, P8_TA(2018)0032.


NOTA SPJEGATTIVA

L-UE hija proġett uniku li jinvolvi aktar minn 500 miljun ċittadin li jaqsmu madwar 80 lingwa differenti. Filwaqt li l-multilingwiżmu huwa wieħed mill-akbar assi tal-Ewropa, jirrappreżenta wkoll waħda mill-aktar sfidi sostanzjali għall-ħolqien ta' UE kulturalment u soċjalment integrata, kif ukoll ostaklu għat-twettiq tal-miri tas-Suq Uniku Diġitali.

It-teknoloġiji tal-lingwa jintużaw f'ħafna prodotti diġitali ta' kuljum, minħabba li l-parti l-kbira minn dawn tal-aħħar jużaw il-lingwa fi grad jew ieħor. Il-komunikazzjonijiet mobbli, il-midja soċjali, l-assistenti intelliġenti u l-interfaċċi bbażati fuq it-taħdit qed jittrasformaw il-mod li bih iċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jinteraġixxu fid-dinja diġitali. Barra minn hekk, it-teknoloġiji tal-lingwa jgħinu wkoll fl-iżvilupp ta' riżorsi u kontenuti multilingwi barra mill-isfera diġitali. Minkejja l-fatt li t-teknoloġiji tal-lingwa huma elementi teknoloġiċi ta' importanza kritika f'din ir-rivoluzzjoni diġitali, mhumiex irrappreżentati kif jixirqilhom ikunu fl-aġendi ta' dawk li jfasslu l-politiki Ewropej.

It-teknoloġiji tal-lingwa jikkontribwixxu għall-ugwaljanza taċ-ċittadini Ewropej kollha f'ħajjithom ta' kuljum, irrispettivament mil-lingwi li bihom jitkellmu.

Għalkemm il-lingwi żgħar jew minoritarji huma dawk li l-aktar li għandhom x'jakkwistaw mit-teknoloġiji tal-lingwa, l-għodod u r-riżorsi għalihom spiss ikunu skarsi – f'xi każijiet, ineżistenti. Fil-fatt, hemm distakk teknoloġiku jikber bejn lingwi kbar u mogħnija b'ħafna riżorsi u l-lingwi uffiċjali, kouffiċjali u mhux uffiċjali l-oħra tal-UE, li wħud minnhom jista' jkun li diġà qed jiffaċċjaw l-estinzjoni diġitali.

Biex dan id-distakk teknoloġiku jingħeleb, il-politiki għandhom jikkonċentraw fuq it-trawwim tal-iżvilupp teknoloġiku għal-lingwi Ewropej kollha. Il-preservazzjoni ta' lingwa, u b'hekk tal-kultura li tiżviluppa madwarha, torbot b'mod fundamentali mal-kapaċità tagħha li tiffunzjona u tkun utli f'ambjenti moderni u li qed jinbidlu, bħalma hija d-dinja diġitali. Għalhekk, id-diversità kulturali u lingwistika torbot mill-qrib mal-kapaċitajiet u mar-riżorsi fid-dinja diġitali.

It-titjib fit-teknoloġiji tal-lingwa jiddependi prinċipalment minn kemm jirnexxilhom jaċċedu għal dejjem aktar data u riżorsi lingwistiċi dejjem aktar speċifikati, u jmantnu dawk id-data u riżorsi. Il-kollaborazzjoni mill-qrib bejn ir-riċerka, l-industrija, is-sidien tad-data pubblika u privata ssir neċessità. Barra minn hekk, ir-regolazzjoni tal-użu ta' tali data għandha ssir wisq aktar miftuħa, u riżorsi lingwistiċi ċentrali (korpora, lessiki, ontoloġiji, eċċ.) għandhom ikunu interoperabbli u kondiviżi f'ambjent miftuħ. Il-qafas ipprovdut mid-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (id-Direttiva 2003/98/KE, magħrufa bħala d-"Direttiva ISP") joffri l-opportunità li l-ammonti enormi ta' data u informazzjoni ġġenerati mill-amministrazzjonijiet pubbliċi jintużaw għal riżorsi prezzjużi tat-teknoloġija lingwistika.

F'Ewropa multilingwi, huwa mistenni li l-ostakli lingwistiċi jkollhom konsegwenzi soċjali u ekonomiċi profondi u interkonnessi, bħal li: (1) irawmu distakk lingwistiku, (2) ifixklu l-mobilità tal-ħaddiema, (3) ixekklu l-aċċess għas-servizzi pubbliċi transfruntiera, (4) jillimitaw l-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess politiku, (5) joħolqu swieq frammentati għall-kummerċ transfruntiera u għall-kummerċ elettroniku, b'mod partikolari għall-SMEs, u (6) jillimitaw l-aċċess għar-riżorsi kulturali u edukattivi.

Barra minn hekk, il-komunità tat-teknoloġiji tal-lingwa tirrikonoxxi nuqqas ta' koordinament bejn l-isforzi tar-riċerka u s-suq tal-applikazzjonijiet u servizzi tal-HLT. Madankollu, inizjattivi riċenti bħal META-NET, il-federazzjoni Cracking the Language Barrier, LT-Innovate u l-programm tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa ħadmu ħafna biex jgħaqqdu l-komunità frammentata.

Madankollu, il-multilingwiżmu fl-Ewropa huwa suġġett kumpless li jinvolvi ħafna partijiet interessati f'pajjiżi differenti b'interessi interkonnessi. L-ebda politika mhi se tindirizza waħedha l-problemi msemmija hawn fuq. Bil-maqlub, biex verament naħtfu l-opportunitajiet ta' Ewropa multilingwi, hemm bżonn ta' azzjoni koordinata u konġunta fil-livell Ewropew, f'dak nazzjonali u f'dak reġjonali, bl-involviment ta' diversi partijiet interessati.

L-Ewropa tista' ssir pijunier dinji fil-qasam tad-diversità lingwistika u tal-ugwaljanza tal-lingwi. L-għodod u l-metodoloġiji li jinbnew biex jiffaċilitaw l-użu mifrux tal-lingwi Ewropej kollha jistgħu jitwessgħu għall-bqija tad-dinja. Ta' min jinnota li hemm madwar 80 lingwa Ewropea u 6 000 lingwa mad-dinja kollha, li minnhom madwar 2 000 biss huma lingwi miktuba u madwar 300 biss għandhom verżjoni standardizzata. L-għodod u l-metodoloġiji li jinbnew fl-Ewropa jkunu ta' siwi għal tal-anqas 200 lingwa oħra madwar id-dinja.

Għalhekk, dan ir-rapport jipproponi għażliet differenti ta' politika li jtejbu l-ugwaljanza tal-lingwi fl-Ewropa bl-użu ta' teknoloġiji ġodda, permezz ta' (1) titjib tal-oqfsa istituzzjonali għall-politiki tat-teknoloġiji tal-lingwa, (2) il-ħolqien ta' politiki ta' riċerka ġodda biex ikattru l-użu tat-teknoloġija lingwistika fl-Ewropa, (3) l-użu ta' politiki edukattivi biex jinkiseb futur ta' ugwaljanza lingwistika fl-era diġitali, u (4) aktar appoġġ sew għal kumpaniji privati u sew għal korpi pubbliċi biex jagħmlu użu aħjar mit-teknoloġiji tal-lingwa.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (25.4.2018)

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar l-ugwaljanza tal-lingwi fl-era diġitali

(2018/2028(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Marisa Matias

(*)  Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-Unjoni Ewropea għandha 24 lingwa uffiċjali u aktar minn 60 lingwa nazzjonali, reġjonali, minoritarja, tas-sinjali u tal-migranti;

B.  billi aktar minn 20 lingwa Ewropea jinsabu fil-periklu tal-estinzjoni diġitali; billi t-teknoloġiji tal-lingwi (TL) għandhom rwol essenzjali fil-ħarsien u fil-promozzjoni tad-diversità lingwistika, speċjalment għal-lingwi inqas użati;

C.  billi, skont l-UNESCO, 30-50 % biss tal-kontenut online madwar id-dinja huwa bl-Ingliż; billi t-traduzzjoni awtomatika u s-softwer tat-traduzzjoni bil-kompjuter ta' kwalità għolja se jgħinu biex jingħelbu l-ostakoli lingwistiċi u jittejjeb l-aċċess translingwistiku għall-informazzjoni;

D.  billi l-multilingwiżmu huwa wieħed mill-akbar assi tal-Ewropa u prinċipju fundatur tal-UE, li jippromwovi ż-żieda fil-prossimità f'Ewropa għaċ-ċittadini, iżda huwa wkoll wieħed mill-akbar sfidi tagħha u jenħtieġ li jsaħħaħ l-iżvilupp tas-soċjetà tal-gigabits;

E.  billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi li s-Suq Uniku Diġitali jrid ikun multilingwi; billi ma ġiet proposta l-ebda politika komuni tal-UE biex tiġi indirizzata l-problema tal-ostakoli lingwistiċi;

F.  billi l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha għandhom id-dmir li jtejbu, jippromwovu u jħaddnu d-diversità lingwistika fl-Ewropa;

G.  billi l-penetrazzjoni tal-kummerċ elettroniku transfruntier hija baxxa ħafna; billi t-TL jistgħu jikkontribwixxu għal komunikazzjoni li, fil-ġejjieni, taqsam il-fruntieri u tegħleb l-ostakoli lingwistiċi, jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku u l-istabbiltà soċjali u jnaqqsu l-ostakoli naturali, u b'hekk jirrispettaw u jippromwovu l-koeżjoni u l-konverġenza u jsaħħu l-kompetittività tal-UE madwar id-dinja;

H.  billi t-TL se jiffaċilitaw il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni b'lingwi oħra, jagħtu lill-kelliema ta' lingwi differenti aċċess ugwali għall-informazzjoni u l-għarfien, u jtejbu l-funzjonalitajiet tan-netwerks tal-IT;

I.  billi l-lingwa tirrappreżenta parti kbira ħafna tal-ġid dejjem jikber tal-Big Data;

J.  billi diffikultajiet fl-aċċess għad-data lingwistika (inkluża d-data online u s-settijiet tad-data tar-riċerka) qed iżommu lura l-iżvilupp teknoloġiku tat-TL;

K.  billi ammont enormi ta' data huwa espress f'lingwi umani; billi l-ġestjoni tat-TL tista' tagħti lok għal firxa wiesgħa ta' prodotti u servizzi innovattivi tal-IT fl-industrija, fil-kummerċ, fil-gvern, fir-riċerka, fis-servizzi pubbliki u fl-amministrazzjoni, filwaqt li tnaqqas l-ostakoli naturali u l-ispejjeż tas-suq;

L.  billi t-TL fl-Ewropa għadhom lura ħafna, minħabba l-frammentazzjoni tas-suq, investiment mhux adegwat fl-għarfien u l-kultura, ir-riċerka mhux ikkoordinata, il-finanzjament insuffiċjenti u l-ostakoli legali, iżda l-iżvilupp attwali tagħhom qed jipprogressa b'pass mgħaġġel u hemm potenzjal enormi għal aktar avvanz;

M.  billi l-iżvilupp teknoloġiku huwa dejjem aktar ibbażat fuq il-lingwi u għandu konsegwenzi għat-tkabbir u s-soċjetà; billi hemm ħtieġa urġenti għal aktar politiki konxji mil-lingwa u għal riċerka u edukazzjoni teknoloġika, iżda anke ġenwinament multidixxiplinari rigward il-komunikazzjoni diġitali u t-TL u r-relazzjoni tagħhom għat-tkabbir u s-soċjetà;

N.  billi d-disponibbiltà ta' għodod teknoloġiċi bħal-logħob tal-kompjuter u l-applikazzjonijiet edukattivi b'lingwi minoritarji hija ċentrali għall-iżvilupp tal-ħiliet lingwistiċi, speċjalment fit-tfal;

O.  billi t-teknoloġiji tal-lingwi umani Ewropej (HTLs) jikkostitwixxu opportunità enormi għall-UE, kemm f'termini ekonomiċi kif ukoll minn perspettiva kulturali;

P.  billi l-aqwa protagonisti tat-TL mhumiex Ewropej u ma jindirizzawx il-ħtiġijiet speċifiċi tal-Ewropa;

Q.  billi l-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tagħmel biss referenza qasira għas-servizzi multilingwi;

R.  billi kien hemm avvanzi sostanzjali fl-intelliġenza artifiċjali; billi t-TL huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-intelliġenza artifiċjali tkun multilingwi;

1.  Jissottolinja li s-Suq Uniku Diġitali ma jistax jiġi implimentat mingħajr soluzzjonijiet teknoloġiċi li jegħlbu l-ostakoli lingwistiċi; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija b'saħħitha u kkoordinata għas-Suq Uniku Diġitali multilingwi;

2.  Jopponi b'mod qawwi l-ħolqien ta' inizjattiva kkoordinata bi skema ta' finanzjament robusta, sostenibbli, fuq skala kbira u fuq terminu twil fir-rigward tat-TL bil-għan xjentifiku li jiġi indirizzat fehim tal-lingwa naturali profond u li tiżdied l-effiċjenza billi jiġu kondiviżi l-għarfien, l-infrastrutturi u r-riżorsi; jenfasizza li l-iskema ta' finanzjament jeħtieġ li topera fil-livell Ewropew, f'dak nazzjonali u f'dak reġjonali, bil-parteċipazzjoni ta' ċentri ta' riċerka, id-dinja akkademika, l-intrapriżi, b'mod partikolari SMEs u negozji ġodda, u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra; jenfasizza li dan il-proġett jenħtieġ li jkun miftuħ, ibbażat fil-cloud u interoperabbli, u għandu jipprovdi għodod bażiċi li jkunu jistgħu jitħaddmu fuq skali differenti ħafna, u jkollhom prestazzjoni tajba, għal diversi applikazzjonijiet tat-TL;

3.  Jieħu nota tal-isforzi u d-dedikazzjoni ta' proġetti ta' lokalizzazzjoni u internazzjonalizzazzjoni mmexxija minn volontiera fl-iżvilupp ta' softwer b'sors miftuħ; jirrakkomanda li jiġi żgurat li kwalunkwe skema ta' finanzjament għall-HLTs tkun tista' kemm taħdem mal-komunitajiet ta' sors miftuħ kif ukoll tiġi aċċessata minnhom;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li d-distakk teknoloġiku bejn il-lingwi jitnaqqas billi jissaħħu l-għarfien u t-trasferiment tat-teknoloġiji;

5.  Jenfasizza li d-diversità kulturali u l-multilingwiżmu fl-Ewropa jistgħu jibbenefikaw mill-aċċess transfruntier għall-kontenut, b'mod partikolari għal finijiet edukattivi;

6.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' azzjonijiet u ta' finanzjament adatt bil-għan li jippermetti u jagħti s-setgħa lill-SMEs u lin-negozji ġodda Ewropej biex ikollhom aċċess faċli għat-TL sabiex ikunu jistgħu jkabbru n-negozji tagħhom online billi jaċċessaw swieq u opportunitajiet ta' żvilupp ġodda, b'tali mod li jagħtu spinta lil-livelli ta' innovazzjoni tagħhom u lill-ħolqien tal-impjiegi;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma ta' finanzjament ta' HLT, ibbażata fuq l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku, l-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropea (FNE); iqis, barra minn hekk, li l-Kummissjoni jenħtieġ li tagħmel enfasi fuq l-oqsma ta' riċerka meħtieġa biex jinkiseb fehim profond tal-lingwa, bħal-lingwistika komputazzjonali, il-lingwistika, l-intelliġenza artifiċjali, it-TL, ix-xjenza tal-informatika u x-xjenza konjittiva;

8.  Jenfasizza r-rwol tal-UE, tal-Istati Membri, tal-universitajiet u ta' istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn li jikkontribwixxu għall-preservazzjoni tal-lingwi tagħhom fid-dinja diġitali u fl-iżvilupp ta' bażijiet tad-data u ta' teknoloġiji tat-traduzzjoni għal-lingwi kollha tal-UE, inklużi l-lingwi li ma tantx huma mitkellma; jitlob li jkun hemm koordinament bejn ir-riċerka u l-industrija, bl-objettiv komuni li jissaħħu l-possibbiltajiet diġitali għat-traduzzjoni tal-lingwi u b'aċċess miftuħ għad-data meħtieġa għal avvanzi teknoloġiċi;

9.  Jinnota d-distakk dejjem jikber bejn l-Ingliż u l-lingwi l-oħra tal-UE fit-teknoloġija, li jwassal għal disparitajiet fl-aċċess għall-informazzjoni bejn gruppi ta' etajiet, reġjuni u Stati Membri differenti, kif ukoll bejn in-nies b'livelli ta' edukazzjoni differenti; jenfasizza li l-inugwaljanza titnaqqas jekk il-kontenut isir disponibbli b'diversi lingwi tal-UE;

10.  Jindika li l-lingwa tista' tkun ostakolu għat-trasferiment tal-għarfien xjentifiku; jinnota li l-maġġoranza tal-ġurnali xjentifiċi b'fatturi ta' impatt għoljin jippubblikaw bil-lingwa Ingliża, li jwassal għal bidla ewlenija fil-ħolqien u d-distribuzzjoni tal-għarfien akkademiku; jenfasizza l-ħtieġa biex dawn il-kundizzjonijiet ta' produzzjoni tal-għarfien jiġu riflessi fil-politiki u l-programmi Ewropej ta' riċerka u innovazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex soluzzjonijiet biex tiżgura li l-għarfien xjentifiku jsir disponibbli f'lingwi oħra għajr il-lingwa Ingliża u biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali għal-lingwa naturali;

11.  Jinnota li s-sistemi ta' sors miftuħ u ta' softwer miftuħ għandhom vantaġġi għaċ-ċittadini tal-UE, peress li l-algoritmi kummerċjali mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku filwaqt li dawk tas-sors miftuħ huma miftuħa għal kull min jixtieq jirrevedihom kif ukoll għal dawk li jixtiequ jieħdu sehem biex ikomplu jiżviluppaw it-teknoloġija, u dan jgħin sabiex il-lingwi kompjuterizzati jinżammu aġġornati u jiffunzjonaw sew;

12.  Jinnota n-natura sensittiva ta' xi informazzjoni mdaħħla fis-sistemi tat-traduzzjoni li, għal raġunijiet ta' data personali u ta' privatezza, ma tistax tingħata lil kumpaniji kummerċjali u s-softwer bħal ħlas tagħhom, billi mhuwiex ċar kif jistgħu jużaw l-għarfien miġbur permezz tal-programmi tat-traduzzjoni, pereżempju fil-każ ta' data dwar is-saħħa;

13.  Jinnota li hemm bżonn li jsiru studji u riċerka transettorjali dwar il-konsegwenzi tal-minoritizzazzjoni tal-lingwi fid-dinja diġitali u dwar l-effetti tagħha fuq l-ugwaljanza u fuq l-aċċess għall-informazzjoni;

14.  Jappoġġja l-iżvilupp ta' servizzi elettroniċi pubbliċi multilingwi fl-amministrazzjonijiet Ewropej, nazzjonali u, fejn xieraq reġjonali u lokali ma' TL innovattivi, inklużivi u ta' assistenza, li se jnaqqas l-inugwaljanzi bejn il-lingwi u l-komunitajiet lingwistiċi, jippromwovi aċċess ugwali għas-servizzi, jistimola l-mobilità tan-negozji, taċ-ċittadini u tal-ħaddiema fl-Ewropa u jiżgura l-kisba ta' Suq Uniku Diġitali multilingwi inklużiv;

15.  Jinnota li t-TL huma disponibbli l-ewwel nett bl-Ingliż; huwa konxju li l-manifatturi u l-kumpaniji Ewropej u dinjija kbar spiss jiżviluppaw it-TL ukoll għal-lingwi Ewropej ewlenin li għandhom swieq relattivament kbar: l-Ispanjol, il-Franċiż u l-Ġermaniż (dawn il-lingwi diġà huma nieqsa minn riżorsi f'ċerti oqsma sekondarji); jenfasizza, madankollu, li jenħtieġ li tittieħed azzjoni ġenerali fil-livell tal-UE (politika, finanzjament, riċerka u edukazzjoni) biex tiżgura li jiġu żviluppati TL għal-lingwi uffiċjali tal-UE li ma tantx huma mitkellma u li jinbdew azzjonijiet speċjali fil-livell tal-UE (politika, finanzjament, riċerka u edukazzjoni) biex jiġu inklużi u inkoraġġiti l-lingwi reġjonali u minoritarji f'dan l-iżvilupp;

16.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir użu aħjar ta' approċċi teknoloġiċi ġodda, imsejsa fuq aktar qawwa komputazzjonali u aċċess aħjar għal ammonti mdaqqsa ta' data, sabiex jitrawwem l-iżvilupp tan-networks newronali tat-tagħlim profond li qed jagħmlu l-HLTs soluzzjoni reali għall problema tal-ostakoli lingwistiċi; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tissalvagwardja biżżejjed finanzjament biex tappoġġja dan l-iżvilupp teknoloġiku;

17.  Jinnota li l-lingwi b'inqas kelliema jeħtieġu appoġġ xieraq minn għadd ta' partijiet ikkonċernati, inklużi diżinjaturi tat-tipa għall-marki dijakritiċi, manifatturi tat-tastieri u sistemi tal-immaniġġjar tal-kontenut, biex ikunu jistgħu jaħżnu, jipproċessaw u juru l-kontenut b'dawn il-lingwi; jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta kif dan l-appoġġ jista' jiġi instigat u kif tista' ssir rakkomandazzjoni fil-proċess ta' akkwist fi ħdan l-UE;

18.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-kollaborazzjoni bejn l-industrija u s-sidien tad-data tissaħħaħ; jenfasizza l-ħtieġa li l-qafas regolatorju jiġi adattat u li jiġi żgurat li r-riżorsi lingwistiċi jintużaw u jinġabru b'mod aktar miftuħ u interoperabbli;

19.  Jemmen li l-integraturi tal-ICT fl-UE jenħtieġ li jingħataw inċentivi ekonomiċi sabiex jaċċelleraw il-provvista ta' servizzi bbażati fil-cloud, sabiex l-HLTs ikun jistgħu jiġu integrati bla xkiel fl-applikazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku tagħhom, b'mod partikolari biex jiġi żgurat li l-SMEs igawdu mill-benefiċċji tat-traduzzjoni awtomatizzata;

20.  Jenfasizza li l-Ewropa jeħtiġilha tiżgura l-pożizzjoni ta' tmexxija tagħha fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali ċċentrata fuq il-lingwi; ifakkar li l-kumpaniji tal-UE huma fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdu soluzzjonijiet adattati għall-ħtiġijiet kulturali, soċjetali u ekonomiċi speċifiċi tagħna;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja finanzjarjament is-sottotitolar, id-doppjaġġ, u t-traduzzjoni ta' logħob tal-kompjuter u ta' applikazzjonijiet tas-softwer f'lingwi minoritarji;

22.  Jinnota li l-għodod u r-riżorsi diġitali tal-lum għal-lingwi inqas użati, inkluża d-disponibbiltà diġitali tal-ortografiji u l-mezzi ta' traduzzjoni u diġitizzazzjoni kollha tal-lingwa tas-sinjali, huma insuffiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jappoġġjaw finanzjarjament proġetti li jiżviluppaw, jiġbru u jippromwovu l-aqwa riżorsi, inklużi disinji tat-tastieri, dizzjunarji, softwer tat-traduzzjoni u l-aħjar prattiki għall-użu ta' lingwi li qed jiffaċċjaw it-theddida tal-esklużjoni diġitali.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

24.4.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

61

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zigmantas Balčytis, José Blanco López, David Borrelli, Jonathan Bullock, Cristian-Silviu Buşoi, Reinhard Bütikofer, Jerzy Buzek, Angelo Ciocca, Edward Czesak, Jakop Dalunde, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Fredrick Federley, Ashley Fox, Adam Gierek, Theresa Griffin, Rebecca Harms, Hans-Olaf Henkel, Eva Kaili, Kaja Kallas, Barbara Kappel, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Peter Kouroumbashev, Zdzisław Krasnodębski, Miapetra Kumpula-Natri, Christelle Lechevalier, Janusz Lewandowski, Paloma López Bermejo, Edouard Martin, Angelika Mlinar, Csaba Molnár, Nadine Morano, Dan Nica, Angelika Niebler, Morten Helveg Petersen, Miroslav Poche, Julia Reda, Paul Rübig, Massimiliano Salini, Algirdas Saudargas, Neoklis Sylikiotis, Dario Tamburrano, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Henna Virkkunen, Martina Werner, Lieve Wierinck, Hermann Winkler, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso, Cornelia Ernst, Francesc Gambús, Françoise Grossetête, Werner Langen, Rupert Matthews, Răzvan Popa, Dominique Riquet, Theodor Dumitru Stolojan

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa D’Amato

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

61

+

ALDE

Fredrick Federley, Kaja Kallas, Angelika Mlinar, Morten Helveg Petersen, Dominique Riquet, Lieve Wierinck

ECR

Edward Czesak, Ashley Fox, Hans-Olaf Henkel, Zdzisław Krasnodębski, Rupert Matthews, Evžen Tošenovský

EFDD

Rosa D’Amato, Dario Tamburrano

ENF

Barbara Kappel

GUE/NGL

Cornelia Ernst, Paloma López Bermejo, Neoklis Sylikiotis

NI

David Borrelli

PPE

Pilar Ayuso, Cristian-Silviu Buşoi, Jerzy Buzek, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Francesc Gambús, Françoise Grossetête, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Werner Langen, Janusz Lewandowski, Nadine Morano, Angelika Niebler, Paul Rübig, Massimiliano Salini, Algirdas Saudargas, Theodor Dumitru Stolojan, Vladimir Urutchev, Henna Virkkunen, Hermann Winkler

S&D

Zigmantas Balčytis, José Blanco López, Adam Gierek, Theresa Griffin, Eva Kaili, Jeppe Kofod, Peter Kouroumbashev, Miapetra Kumpula-Natri, Edouard Martin, Csaba Molnár, Dan Nica, Miroslav Poche, Răzvan Popa, Kathleen Van Brempt, Martina Werner, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho

ĦODOR/AĦE

Reinhard Bütikofer, Jakop Dalunde, Rebecca Harms, Julia Reda, Claude Turmes

1

-

EFDD

Jonathan Bullock

2

0

ENF

Angelo Ciocca, Christelle Lechevalier

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

19.6.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Silvia Costa, Angel Dzhambazki, Jill Evans, María Teresa Giménez Barbat, Petra Kammerevert, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Rupert Matthews, Stefano Maullu, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Yana Toom, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marlene Mizzi, Liliana Rodrigues, Algirdas Saudargas, Remo Sernagiotto, Francis Zammit Dimech


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

21

+

ALDE

María Teresa Giménez Barbat, Yana Toom

GUE/NGL

Curzio Maltese

PPE

Andrea Bocskor, Svetoslav Hristov Malinov, Stefano Maullu, Algirdas Saudargas, Michaela Šojdrová, Bogdan Brunon Wenta, Francis Zammit Dimech, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver

S&D

Silvia Costa, Petra Kammerevert, Krystyna Łybacka, Marlene Mizzi, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Liliana Rodrigues, Julie Ward

VERTS/ALE

Jill Evans

0

-

 

 

4

0

ECR

Angel Dzhambazki, Rupert Matthews, Remo Sernagiotto

ENF

Dominique Bilde

Key to symbols:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Awwissu 2018Avviż legali