Proċedura : 2018/2040(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0230/2018

Testi mressqa :

A8-0230/2018

Dibattiti :

PV 02/07/2018 - 20
CRE 02/07/2018 - 20

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2018 - 6.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0312

RAPPORT     
PDF 771kWORD 76k
27.6.2018
PE 619.283v02-00 A8-0230/2018

dwar rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar it-73 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

(2018/2040(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Eugen Freund

EMENDI
ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

lill-Kunsill dwar it-73 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

(2018/2040(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-NU, adottata fit-3 ta' April 2006 mill-Assemblea Ġenerali, li tistabbilixxi Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 21, 34 u 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2016, kif ukoll il-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-preamboli u l-Artikolu 18 tagħha, kif ukoll il-Konvenzjonijiet tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2017 lill-Kunsill dwar it-72 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-NU, adottata fit-3 ta' Mejju 2011 mill-Assemblea Ġenerali, dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti, li tagħti d-dritt lill-UE biex tintervjeni fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, biex tippreżenta proposti u emendi orali li jitressqu għall-votazzjoni fuq talba ta' Stat Membru u biex teżerċita d-dritt ta' replika,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2017 dwar il-prijoritajiet tal-UE għat-72 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti tad-19 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1325, 1820, 1888, 1889, 1960, 2106, 2122 u 2242 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji ewlenin minquxin fl-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-UE ta' Ġunju 2016, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-sovranità, l-integrità territorjali u l-invjolabbiltà tal-fruntieri statali, li huma rispettati ndaqs mill-Istati parteċipanti kollha,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tat-13 ta' Diċembru 2017(2),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0230/2018),

A.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għadhom impenjati bis-sħiħ favur il-multilateraliżmu, il-governanza globali, il-promozzjoni tal-valuri fundamentali tan-NU bħala parti integrali tal-politika esterna tal-UE, kif ukoll it-tliet pilastri tas-sistema tan-NU: id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Paċi u s-Sigurtà, u l-Iżvilupp; billi sistema multilaterali bbażata fuq regoli u valuri universali hija l-aktar waħda adatta biex taffronta l-kriżijiet, l-isfidi u t-theddid; billi l-futur stess tas-sistema multilaterali qed jiffaċċja sfidi bla preċedent;

B.  billi l-Istrateġija Globali tal-UE tirrifletti l-livell tal-isfidi globali tal-lum, li jirrikjedu NU qawwija u aktar effiċjenti u kooperazzjoni aktar profonda fil-livell tal-Istati Membri kemm fl-UE kif ukoll fin-NU;

C.  billi jeħtieġ li l-Istati Membri tal-UE jagħmlu kull sforz biex jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom fl-organi u l-korpi tas-sistema tan-NU u biex jitkellmu b'vuċi waħda bbażata fuq id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-valuri fundamentali tal-UE; billi din il-kooperazzjoni jeħtieġ li tkun ibbażata fuq sforzi komuni maħsuba biex jimpedixxu li l-kunflitti attwali jkomplu jeskalaw u biex jagħtu appoġġ għas-sejbien ta' soluzzjoni għat-tali kunflitti, biex jippromwovu diżarm u kontroll tal-armi effikaċi, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-arsenali nukleari, biex jimplimentaw l-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima u biex jikkontribwixxu għal ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, insegwitu tal-mandat inkluż fl-Artikolu 34.1 tat-TUE;

D.  billi l-ordni politiku globali u l-ambjent tas-sigurtà qed jevolvu b'pass imgħaġġel u jirrikjedu risposti globali; billi n-Nazzjonijiet Uniti għadha tinsab fil-qalba tas-sistema multilaterali ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tagħha bil-għan li dawn l-isfidi jiġu indirizzati u hija l-aktar entità adatta biex taffronta l-kriżijiet internazzjonali, l-isfidi globali u t-theddid;

E.  billi d-dinja qed tiffaċċja firxa ta' sfidi globali relatati mal-kunflitti attwali u emerġenti u l-konsegwenzi tagħhom, bħat-tibdil fil-klima u t-terroriżmu, li jeħtieġ li jiġu ttrattati fuq skala globali; billi l-istruttura attwali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għadha bbażata fuq xenarju politiku skadut u billi l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu ma jirriflettix b'mod adegwat ir-realtà globali li qed tinbidel; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu strumentali fit-tfassil tal-Aġenda 2030 globali tan-NU u billi l-UE għadha impenjata li tkun minn ta' quddiem fil-mobilizzazzjoni tal-mezzi kollha ta' implimentazzjoni u ta' mekkaniżmu sod ta' segwitu, monitoraġġ u analiżi biex jiġu żgurati l-progress u l-obbligu ta' rendikont; billi dan huwa rifless fl-azzjoni esterna tal-UE u f'politiki oħrajn implimentati bis-saħħa tal-istrumenti finanzjarji differenti tal-UE;

F.  billi t-tliet pilastri tan-NU – il-Paċi u s-Sigurtà, id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Iżvilupp – huma inseparabbli u jsaħħu lil xulxin; billi l-iskop oriġinali tan-NU – iż-żamma tal-paċi – ġie kkontestat minn kriżijiet kumplessi u kontinwi;

G.  billi l-proċeduri burokratiċi onerużi u l-istruttura riġida u kumplessa tan-NU xi drabi xekklu l-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni u l-kapaċità tagħha li tagħti rispons malajr għall-kriżijiet u għall-isfidi globali;

H.  billi rispons b'suċċess għall-kriżijiet globali, it-theddid u l-isfidi jirrikjedi sistema multilaterali effiċjenti, imsejsa fuq regoli u valuri universali;

I.  billi l-ordni internazzjonali bbażat fuq il-kooperazzjoni, id-djalogu u d-drittijiet tal-bniedem qed jiġi ddubitat minn diversi movimenti nazzjonalisti u protezzjonisti madwar id-dinja;

J.  billi l-għadd dejjem jikber ta' kompiti tas-sistema tan-NU jitlob finanzjament adegwat mill-Istati Membri tagħha; billi jeżisti distakk dejjem jiżdied bejn il-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni u l-finanzjament ipprovdut lilha; billi, fid-dawl tal-intenzjoni tal-Istati Uniti li jnaqqsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-baġit tan-NU, l-UE u l-Istati Membri tagħha kollettivament għadhom l-akbar kontributur finanzjarju waħdieni u għandhom jappoġġjaw b'mod attiv lis-Segretarju Ġenerali tan-NU fl-isforzi tiegħu biex jiżgura l-funzjonament u l-finanzjament tajbin tan-NU, bil-għanijiet primarji li jinqered il-faqar, jiġu promossi l-paċi u l-istabbiltà fit-tul, jiġu difiżi d-drittijiet tal-bniedem, jiġu miġġielda l-inugwaljanzi soċjali u tingħata għajnuna umanitarja lill-popolazzjonijiet, lill-pajjiżi u lir-reġjuni li qed iħabbtu wiċċhom ma' kull tip ta' kriżijiet, sew naturali jew ikkawżati mill-bniedem; billi l-kontribuzzjonijiet tal-UE lin-NU għandhom ikunu aktar viżibbli; billi l-aġenziji tan-NU, inkluża l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA), ġarrbu tnaqqis finanzjarju importanti; billi l-livell ġenerali ta' finanzjament tan-NU bħalissa għadu mhuwiex adegwat biex jippermetti lill-organizzazzjoni timplimenta l-mandat tagħha u tiffaċċja l-isfidi globali attwali;

K.  billi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt qed isibu ruħhom taħt theddida dejjem tikber f'reġjuni differenti tad-dinja u billi l-ispazju għas-soċjetà ċivili qed jiċkien f'ħafna Stati Membri tan-NU; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tas-soċjetà ċivili qed jiffaċċjaw għadd dejjem jikber ta' theddid u riskji madwar id-dinja għall-ħidma leġittima tagħhom;

L.  billi l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem huma fil-qalba tal-multilateraliżmu u jikkostitwixxu pilastru ċentrali tas-sistema tan-NU; billi l-UE tappoġġja bil-qawwa d-drittijiet tal-bniedem kollha, li huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati; billi l-UE hija waħda mill-aktar difensuri u promoturi dedikati tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tal-valuri u d-diversità kulturali, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; billi dawn il-valuri qed isibu ruħhom taħt theddida dejjem tikber f'reġjuni differenti tad-dinja; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tas-soċjetà ċivili qed jiffaċċjaw għadd dejjem jikber ta' theddid u riskji għall-ħidma leġittima tagħhom u qed jiffaċċjaw ritaljazzjoni talli jinteraġixxu mal-korpi u l-mekkaniżmi tan-NU; billi l-komunità internazzjonali u l-UE jeħtiġilhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jipprovdu protezzjoni u appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u biex jiddefendu n-normi internazzjonali tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, speċjalment rigward id-drittijiet ta' dawk li jappartjenu għal gruppi ta' minoranza jew li jinsabu f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, inklużi n-nisa, it-tfal, iż-żgħażagħ, il-minoranzi etniċi, razzjali jew reliġjużi, il-migranti, ir-rifuġjati u l-persuni spustati internament, il-persuni b'diżabbiltajiet, il-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) u l-popli indiġeni;

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill:

Ir-riforma tas-sistema tan-NU, inkluża r-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà

(a)  li jappoġġja b'mod attiv l-aġenda ta' riforma bi tliet pilastri tas-Segretarju Ġenerali tan-NU (SĠNU) bil-għan li s-sistema tan-NU ssir verament ikkoordinata, effiċjenti, effikaċi, integrata u trasparenti u jkollha obbligu ta' rendikont; li jappoġġja s-semplifikazzjoni tal-istruttura tal-paċi u s-sigurtà, li jeħtieġ li ssir aktar effiċjenti, iffukata, iffinanzjata b'mod xieraq u operattiva b'setgħa maqsuma b'mod aktar bilanċjat u b'diversità aktar effikaċi f'termini ta' rappreżentanza reġjonali fil-korpi kollha tagħha;

(b)  li jappoġġja tnaqqis fil-burokrazija, semplifikazzjoni tal-proċeduri u deċcentralizzazzjoni tat-teħid ta' deċiżjonijiet, b'żieda fit-trasparenza u fl-obbligu ta' rendikont dwar il-missjonijiet u l-ħidma tal-membri tal-persunal tan-NU, speċjalment rigward l-operazzjonijiet tagħhom fuq il-post;

(c)  li jappoġġja l-isforzi tas-SĠNU biex isir tibdil sostanzjali bil-għan li s-sistema ta' żvilupp tan-NU tiġi allinjata mal-prijoritajiet tal-Aġenda 2030 u mal-SDGs, kif ukoll mar-Responsabbiltà ta' Protezzjoni (R2P), u li tkun adatta għall-iskop li tappoġġja aħjar l-implimentazzjoni tagħhom;

(d)  li jappella lill-Istati Membri tan-NU biex jagħtu s-setgħa kemm lis-SĠNU u lill-Viċi SĠ kif ukoll lill-awtoritajiet rispettivi tagħhom fil-proċess ta' semplifikazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni tan-NU, sabiex jiġu promossi aktar effiċjenza, flessibbiltà, reattività u valur għall-flus tan-NU u l-aġenziji tagħha;

(e)  li jfakkar lill-Istati Membri kollha tan-NU fl-obbligu tagħhom li jżommu l-isforzi finanzjarji tagħhom biex jappoġġjaw lill-aġenziji kollha tan-NU u jonoraw l-impenji tagħhom dwar l-infiq b'rabta mal-għajnuna għall-iżvilupp, filwaqt li jżidu l-effikaċja u l-effiċjenza u jżommu lill-gvernijiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-SDGs globali;

(f)  li jappoġġja b'mod attiv l-isforzi tas-SĠNU fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tan-NU dwar il-Parità bejn is-Sessi bħala għodda essenzjali biex tiġi żgurata r-rappreżentanza ugwali tan-nisa fis-sistema tan-NU; li jaħtar aktar nisa u b'mod partikolari nisa li jappartjenu għal gruppi ta' minoranza fil-karigi ta' maniġment superjuri fil-livell tal-kwartieri ġenerali tan-NU u li jadotta l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll ibbaġitjar sensittiv għall-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi; li jappella lill-UE u lin-NU biex jaħtru aktar pulizija u suldati nisa għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet; li jagħmel pressjoni biex ikun hemm konsulenti intersezzjonali dwar il-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet individwali u għall-pjanijiet ta' azzjoni speċifiċi, li jfasslu l-mod kif ir-Riżoluzzjonijiet 1325 u 2242 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU qed jiġu implimentati fil-livell ta' kull missjoni u operazzjoni; li jiżgura li l-forzi kollha tan-NU jkollhom l-istess rekwiżiti minimi ta' edukazzjoni u kompetenza u li n-NU jeħtiġilha tinkludi perspettiva ċara favur il-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, favur il-persuni LGBTI u kontra r-razziżmu, b'tolleranza żero għall-forom kollha ta' vjolenza u sfruttament sesswali, inkluża funzjoni effikaċi ta' informaturi fi ħdan in-NU biex b'mod anonimu jirrappurtaw reati kommessi minn membri tal-persunal tan-NU fil-konfront kemm ta' membri oħra tal-persunal tan-NU kif ukoll ta' persuni lokali;

(g)  li jissottolinja l-importanza li l-Istati Membri tal-UE jagħtu lill-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tagħhom fl-organi u l-korpi tas-sistema tan-NU;

(h)  li jappella għal riforma komprensiva tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) biex itejjeb ir-rappreżentattività tiegħu abbażi ta' kunsens wiesa' bil-għan li jiżgura li jkun jista' jirreaġġixxi aktar malajr u b'mod aktar effikaċi għat-theddid fil-konfront tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali; li jippromwovi r-rivitalizzazzjoni tal-ħidma tal-Assemblea Ġenerali u titjib fil-koordinazzjoni u fil-koerenza tal-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet kollha tan-NU;

(i)  li jirdoppja l-isforzi għar-riforma tal-KSNU b'mod partikolari, permezz tal-limitazzjoni sinifikanti jew tar-regolamentazzjoni tal-użu tad-dritt tal-veto, notevolment f'każijiet fejn ikun hemm evidenza ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, li qed ixekkel il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u permezz ta' tibdil fil-kompożizzjoni tal-membri tiegħu sabiex jirrifletti aħjar l-ordni globali tal-lum, fost l-oħrajn billi jkun hemm siġġu permanenti għall-Unjoni Ewropea;

(j)  li jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jitkellmu b'vuċi waħda; li jappoġġja l-isforzi li jsiru mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), mid-Delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra kif ukoll mill-Istati Membri biex itejbu l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE u biex jilħqu pożizzjoni komuni tal-UE waqt il-votazzjonijiet, bex b'hekk jittejbu l-koerenza u l-kredibbiltà tal-UE fin-NU;

(k)  li jtenni l-appoġġ tiegħu għall-ħidma tal-Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, inklużi r-Rapporteurs Speċjali, u mekkaniżmi oħrajn tematiċi u speċifiċi għall-pajjiżi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll li jtenni l-appell tiegħu lill-Istati Partijiet kollha biex jestendu stediniet miftuħa lir-Rapporteurs Speċjali kollha ħalli dawn iżuru l-pajjiżi tagħhom;

(l)  li jappoġġja l-istabbiliment ta' proċess preparatorju intergovernattiv miftuħ u inklużiv taħt l-awspiċji tal-Assemblea Ġenerali tan-NU għal summit tan-NU fl-2020, fl-okkażjoni tal-75 anniversarju tan-NU, li jqis miżuri ta' riforma komprensivi għat-tiġdid u t-tisħiħ tan-Nazzjonijiet Uniti;

(m)  li jitkellem favur l-istabbiliment ta' Assemblea Parlamentari tan-Nazzjonijiet Uniti fi ħdan is-sistema tan-NU biex iżżid il-karattru demokratiku, l-obbligu ta' rendikont demokratiku u t-trasparenza tal-governanza globali u biex tippermetti aktar parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-attivitajiet tan-NU u, b'mod partikolari, tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Aġenda 2030 tan-NU u l-SDGs;

Il-paċi u s-sigurtà

(n)  li jappella lill-UE u lin-NU biex iwettqu rwoli komplementari u li jsaħħu 'l xulxin f'kull sitwazzjoni ta' theddid għall-paċi u s-sigurtà; li jvara kooperazzjoni politika strutturata bejn l-UE u n-NU;

(o)  li jippromwovi impenji aktar sodi min-naħa tal-Istati Membri favur il-paċi u s-sigurtà kemm fil-livell internazzjonali kif ukoll f'dak nazzjonali; li jappoġġja lis-SĠNU fl-isforzi tiegħu biex iżid l-involviment tan-NU fin-negozjati għall-paċi; li jappella lin-NU biex tipprijoritizza l-prevenzjoni, il-medjazzjoni u s-sejbien ta' soluzzjonijiet politiċi għall-kunflitti hija u tindirizza l-kawżi bażiċi tagħhom u l-fatturi li jkebbsuhom; li jkompli jappoġġja l-ħidma, l-azzjonijiet u l-inizjattivi tal-mibgħuta speċjali tan-NU, immirati biex isibu soluzzjoni għal dawn il-kunflitti; li jżid l-appoġġ tal-Istati Membri għall-operazzjonijiet tan-NU mmirati lejn iż-żamma u l-bini tal-paċi, b'mod partikolari billi jikkontribwixxu persunal u tagħmir, u li jsaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala faċilitatur f'dan il-qasam; li jiżgura viżibbiltà akbar għal dan l-appoġġ u dan il-kontribut; li jiżgura li l-operazzjonijiet tan-NU mmirati lejn iż-żamma u l-bini tal-paċi jkollhom mandat fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll persunal adegwat biex iwettqu din il-funzjoni;

(p)  li japprofondixxi l-kooperazzjoni man-NU fis-Sħubija Strateġika dwar iż-Żamma tal-Paċi u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet; li jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NU fir-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà; li jappella lin-NU biex l-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi tagħmilhom aktar kredibbli u trasparenti billi tistabbilixxi mekkaniżmi effikaċi u ssaħħaħ dawk eżistenti biex timpedixxi abbużi possibbli mill-membri tal-persunal tan-NU u biex iżżommhom responsabbli; li jadotta approċċ multilaterali matul il-proċess ġenerali tal-missjonijiet; li jsaħħaħ l-interazzjoni mal-komunitajiet lokali, filwaqt li jiżgura l-protezzjoni u s-sokkors immirati lejhom; li jiżgura li l-protezzjoni tal-persuni ċivili tkun fil-qalba tal-mandati għaż-żamma tal-paċi; li jsaħħaħ l-appoġġ għall-atturi lokali billi jagħti s-setgħa lill-aktar gruppi vulnerabbli biex iservu ta' aġenti tal-bidla u li joħloq l-ispazji biex dawn jiġu involuti fil-fażijiet kollha tal-ħidma umanitarja u ta' bini tal-paċi; li jappella lin-NU biex tnaqqas l-impatt ambjentali kumplessiv tal-operazzjonijiet tan-NU mmirati lejn iż-żamma tal-paċi u tikseb kosteffiċjenza, sikurezza u sigurtà kemm għat-truppi kif ukoll għaċ-ċittadini tal-pajjiżi ospitanti;

(q)  li jenfasizza li t-theddid globali u reġjonali kif ukoll il-preokkupazzjonijiet globali komuni jirrikjedu risposta aktar rapida u responsabbiltajiet mill-komunità internazzjonali kollha; li jissottolinja li meta Stat ma jkunx jista' jew ma jkunx lest jissodisfa r-responsabbiltà tiegħu li jipproteġi, din ir-responsabbiltà taqa' f'idejn il-komunità internazzjonali, inklużi l-membri permanenti kollha tal-KSNU, u bl-involviment tal-ekonomiji emerġenti ewlenin l-oħra kollha u l-pajjiżi l-oħra kollha li qed jiżviluppaw, u li dawk li jiksru d-dritt internazzjonali għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja; li jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Blue Helmets; li jappella lill-UE biex, hija u tieħu azzjoni fil-qafas tal-politika R2P tagħha, tħeġġeġ lill-pajjiżi emerġenti u lil dawk li qed jiżviluppaw jingħaqdu mal-komunità internazzjonali;

(r)  li jilqa' l-kooperazzjoni bejn l-UE, in-NU u organizzazzjonijiet intergovernattivi oħra, bħalma hija l-kooperazzjoni trilaterali bejn l-Unjoni Afrikana (UA), l-UE u n-NU, bħala mezz qawwi ta' tisħiħ tal-multilateraliżmu u tal-governanza globali u l-għoti ta' assistenza lil dawk li jinsabu fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għad-dritt umanitarju internazzjonali, u li jappella għal sforz konġunt lejn il-bini tal-kapaċità f'dan ir-rigward mill-UE, min-NU u mill-UA;

(s)  li jkompli jippromwovi definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta' sigurtà tal-bniedem u tal-R2P u li jippromwovi ulterjorment rwol b'saħħtu tan-NU fl-implimentazzjoni tagħhom; li jkompli jsaħħaħ ir-rwol tal-R2P bħala prinċipju importanti għall-ħidma tal-Istati Membri tan-NU dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp; li jkompli jappoġġja l-isforzi għal aktar operazzjonalizzazzjoni tal-R2P u li jappoġġja lin-NU biex tkompli tiżvolġi rwol kritiku ħalli tgħin lill-pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-R2P bil-għan li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-dritt umanitarju internazzjonali; li jfakkar fl-impenn tal-UE favur l-implimentazzjoni tal-R2P kif ukoll favur il-prevenzjoni u l-waqfien tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest ta' atroċitajiet;

(t)  li juża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex itejjeb il-konformità mill-atturi statali u mhux statali mad-dritt umanitarju internazzjonali; li jappoġġja l-isforzi mmexxija mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar favur il-ħolqien ta' mekkaniżmu effikaċi għat-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;

(u)  li jtenni l-kundanna inekwivokabbli tiegħu fil-konfront tat-terroriżmu, kif ukoll l-appoġġ sħiħ tiegħu favur azzjonijiet immirati biex jegħlbu u jeqirdu organizzazzjonijiet terroristiċi, b'mod partikolari Daesh/ISIS, li jirrappreżentaw theddida ċara għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali; li jaħdem mal-Assemblea Ġenerali tan-NU u mal-KSNU biex jiġġieldu l-finanzjament tat-terroriżmu, b'kont meħud tar-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018(3), kif ukoll jibnu mekkaniżmi maħsuba biex jidentifikaw individwi u organizzazzjonijiet terroristiċi u jsaħħu l-mekkaniżmi maħsuba għall-iffriżar tal-assi fid-dinja kollha, b'appoġġ għall-Istitut Interreġjonali ta' Riċerka tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kriminalità u l-Ġustizzja (UNICRI) fl-implimentazzjoni u l-operazzjonalizzazzjoni tal-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu (GCTF), abbażi tal-Inizjattiva Globali kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali; li jsaħħaħ l-isforzi konġunti tal-UE u tan-NU fil-ġlieda kontra l-kawżi bażiċi tat-terroriżmu, partikolarment billi jiġġieldu t-theddid ibridu u jiżviluppaw ir-riċerka u l-bini tal-kapaċità fil-qasam taċ-ċiberdifiża; li jserraħ fuq l-inizjattivi eżistenti stabbiliti mis-sħab lokali għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' approċċi maħsuba biex jiġġieldu r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ ta' terroristi; li jintensifika l-isforzi favur ir-repressjoni tar-reklutaġġ u l-ġlieda kontra l-propaganda terroristika, li t-tnejn li huma jsiru permezz tal-pjattaformi tal-midja soċjali u netwerks ta' predikaturi tal-mibegħda radikalizzati; li jappoġġja l-azzjonijiet li jsaħħu r-reżiljenza tal-komunitajiet vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni, inkluż billi jiġu affrontati l-kawżi ekonomiċi, soċjali, kulturali u politiċi li jwasslu għaliha; li jsaħħaħ l-effikaċja tal-pulizija internazzjonali u l-kooperazzjoni legali u ġudizzjarja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali; li jippromwovi l-edukazzjoni bħala għodda għall-prevenzjoni tat-terroriżmu; li jappoġġja l-politiki ta' kontroradikalizzazzjoni u ta' deradikalizzazzjoni b'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Estremiżmu Vjolenti; li jappoġġja kontribut akbar tal-UE għall-inizjattivi tal-bini tal-kapaċità tan-NU fil-ġlieda kontra l-ġellieda terroristi barranin u kontra l-estremiżmu vjolenti;

(v)  li jagħmel pressjoni għal impenji multilaterali aktar b'saħħithom favur soluzzjonijiet politiċi sostenibbli għall-kunflitti li għaddejjin bħalissa fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq; li jkompli jappoġġja l-ħidma, l-azzjonijiet u l-inizjattivi tal-mibgħuta speċjali tan-NU, immirati biex isibu soluzzjoni għal dawn il-kunflitti; li jappoġġja r-rwol tal-UE fil-qasam umanitarju; li jappella għat-tkomplija tal-għajnuna umanitarja u tal-assistenza finanzjarja u politika mill-komunità internazzjonali; li jżomm responsabbli lit-trasgressuri tad-dritt internazzjonali umanitarju u dwar id-drittijiet tal-bniedem u li jaħdem favur il-waqfien immedjat tal-vjolenza; li jinsisti li l-pajjiż jista' jinġieb għall-paċi biss permezz ta' proċess politiku mmexxi mis-Sirja mmirat lejn elezzjonijiet ħielsa u ġusti, iffaċilitati u ssorveljati min-NU u organizzati abbażi ta' kostituzzjoni ġdida; li jenfasizza li waqfien mill-ġlied iklużiv fil-livell nazzjonali u soluzzjoni paċifika u reċiprokament aċċettabbli għall-kriżi Sirjana jistgħu jinkisbu taħt l-awspiċji tan-NU u, kif previst fil-Komunikat ta' Ġinevra tal-2012 u fir-Riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-KSNU, bl-appoġġ tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja; li jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tagħmel dak kollu li tista' biex tikkundanna bil-qawwa lil dawk responsabbli għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità kommessi waqt il-kunflitt Sirjan; li jappoġġja l-appell tas-SĠNU ġdid għall-istabbiliment ta' bord ġdid, imparzjali u indipendenti maħsub biex jidentifika l-awturi tal-attakki kimiċi fis-Sirja, peress li n-nuqqas ta' tali korp iżid ir-riskji ta' eskalazzjoni militari; li jappoġġja l-inizjattiva għal pjan ta' paċi tan-NU fil-Jemen u li jindirizza l-kriżi umanitarja li għaddejja bħalissa bħala kwistjoni ta' urġenza; li jappella lill-partijiet kollha biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet taċ-ċittadini Jemeniti kollha u li jisħaq fuq il-ħtieġa ta' soluzzjoni politika negozjata permezz ta' djalogu inklużiv bejn il-Jemeniti kollha;

(w)  li jiżgura li l-Assemblea Ġenerali tan-NU tforni, b'kooperazzjoni mal-UE, l-istrumenti pożittivi kollha biex jiġi żgurat li soluzzjoni ta' żewġ Stati, abbażi tal-fruntieri tal-1967, li tipprevedi lil Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ Stati, u Stat ta' Iżrael sigur bi fruntieri siguri u rikonoxxuti, u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, tkun waħda sostenibbli u effikaċi;

(x)  li jaġixxi fuq is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar is-Saħara tal-Punent u li jappoġġja l-isforzi tan-NU favur l-iżgurar ta' soluzzjoni ġusta u dejjiema tal-kunflitt fis-Saħara tal-Punent, abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent u bi qbil mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU; li jagħmel pressjoni biex il-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Referendum fis-Saħara tal-Punent (MINURSO) tingħata mandat fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'konformità mal-missjonijiet l-oħra kollha tan-NU mmirati lejn iż-żamma tal-paċi;

(y)  li jkompli jindirizza t-theddid serju għas-sigurtà fir-reġjuni tas-Saħel, tas-Saħara, tal-Lag taċ-Ċad u tal-Qarn tal-Afrika, bil-għan li tiġi eliminata t-theddida terroristika kkawżata mill-ISIL/Daesh u mill-affiljati ta' al-Qaeda, kif ukoll minn Boko Haram jew minn kwalunkwe grupp terroristiku affiljat ieħor;

(z)  li jirrispetta l-ftehim nukleari bejn l-Iran u l-Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà kif ukoll il-Ġermanja bħala suċċess importanti fid-diplomazija internazzjonali u, speċjalment, f'dik tal-UE u li jkompli jagħmel pressjoni fuq l-Istati Uniti biex imexxu 'l quddiem l-implimentazzjoni prattika tat-tali ftehim;

(aa)  li jkompli jappella biex ikun hemm rispett sħiħ għas-sovranità ta-fruntieri rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u tal-integrità territorjali tal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, fid-dawl tal-ksur tad-dritt internazzjonali f'dawn ir-reġjuni; li jappoġġja u jintensifika l-isforzi diplomatiċi favur riżoluzzjoni paċifika u sostenibbli ta' dawn il-kunflitti li għaddejjin bħalissa jew li jinsabu ffriżati; li jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali timplimenta bis-sħiħ il-politika tan-nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea;

(ab)  li jappoġġja t-taħditiet intra-Koreani fl-isforzi tagħhom lejn id-denuklearizzazzjoni tal-peniżola Koreana; li jappella lill-atturi internazzjonali kollha involuti biex b'mod attiv u pożittiv jikkontribwixxu għal dan il-għan abbażi tad-djalogu;

(ac)  li jħeġġeġ lill-Assemblea Ġenerali u lill-KSNU jiddiskutu t-tensjonijiet fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar bil-għan li jinkoraġġixxu lill-partijiet kollha kkonċernati jiffinalizzaw in-negozjar ta' kodiċi ta' kondotta;

L-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà

(ad)  li jappella lill-Istati Membri kollha biex ikomplu jappoġġjaw u jimplimentaw it-tmien riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU(4) li jiffurmaw l-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà u li jiggwida l-ħidma biex tinkiseb ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi u jiġu żgurati l-parteċipazzjoni tan-nisa, il-protezzjoni tagħhom u d-drittijiet tagħhom matul iċ-ċiklu kollu tal-kunflitti, mill-prevenzjoni tal-kunflitti sar-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitt, filwaqt li jiġi adottat approċċ iffukat fuq il-vittmi biex ikompli jitnaqqas id-dannu li jġarrbu n-nisa u l-bniet milqutin direttament minn xi kunflitt;

(ae)  li jfakkar li l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċessi tal-paċi għadha wieħed mill-anqas aspetti implimentati tal-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, minkejja li n-nisa huma l-vittmi ewlenin tal-kriżijiet tas-sigurtà, kif ukoll tal-kriżijiet politiċi u umanitarji; li jenfasizza li r-Riżoluzzjoni 1325 tal-KSNU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà ma laħqitx l-objettiv primarju tagħha li tħares lin-nisa u li żżid sostanzjalment il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi politiċi u tat-teħid ta' deċiżjonijiet; li jfakkar li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha u t-trawwim tagħha huwa wieħed mill-objettivi prinċipali tal-Unjoni; li jkompli jippromwovi l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel u li jippromwovi b'mod attiv l-appoġġ għal aktar azzjonijiet kontra l-ksur tad-drittijiet tal-persuni LGBTI; li jinvolvi l-aktar nies vulnerabbli fil-livelli kollha tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u l-proċessi l-oħrajn kollha;

(af)  li jfakkar li l-kunflitti armati jolqtu kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa billi jħalluhom it-tnejn vulnerabbli, iżda lin-nisa jqegħduhom f'riskju akbar ta' sfruttament ekonomiku u sesswali, xogħol u spustament furzati, detenzjoni u vjolenza sesswali bħalma huwa l-istupru, li jintuża bħala tattika tal-gwerra u jikkostitwixxi delitt tal-gwerra; li jiżgura għajnuna medika sikura għall-każijiet ta' stupru waqt gwerra; li jappella għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-minorenni, tan-nisa, tal-bniet u tal-anzjani f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-vjolenza sesswali u ma' żwiġijiet tat-tfal, żwiġijiet bikrin u żwiġijiet furzati, kif ukoll tal-vittmi rġiel u subien, li, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u studji internazzjonali(5), iġarrbu sottovalutazzjoni serja f'termini ta' ċifri reali f'ambjenti affettwati minn kunflitti; li jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU jagħmlu disponibbli r-riżorsi finanzjarji u umani kollha neċessarji biex jgħinu lill-popolazzjoni fiż-żoni ta' kunflitt;

(ag)  li jappella lin-NU biex tistabbilixxi proċeduri effiċjenti għar-rappurtar tat-tħassib jew evidenza ta' abbużi, frodi, korruzzjoni u mġiba ħażina b'rabta ma' attivitajiet imwettqa mill-membri tal-persunal militari u ċivili tan-NU waqt missjonijiet immirati lejn iż-żamma tal-paċi u li jittratta dawn il-każijiet permezz ta' investigazzjonijiet speċifiċi f'waqthom; li b'urġenza jibdel il-fatt li l-azzjonijiet legali rigward allegati abbużi għalissa għadhom purament volontarji u jiddependu mill-pajjiż li jikkontribwixxi t-truppi; li, b'urġenza u mingħajr dewmien, jindirizza l-aspetti kollha tar-Rapport ta' Evalwazzjoni tan-NU tal-15 ta' Mejju 2015 dwar l-Isforzi ta' Infurzar u ta' Għajnuna għal Rimedju għall-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali Minn Persunal tan-Nazzjonijiet Uniti u Persunal Relatat f'Operazzjonijiet Immirati lejn iż-Żamma tal-Paċi u li jżomm lit-trasgressuri responsabbli; li, mingħajr dewmien u bl-akbar determinazzjoni, jinvestiga, iħarrek u jikkundanna lil kwalunkwe membru tal-persunal militari u ċivili li jkun wettaq atti ta' vjolenza sesswali; li jinkoraġġixxi lill-persunal tan-NU inkarigat miż-żamma tal-paċi biex ikompli jitħarreġ dwar il-Protokoll Internazzjonali rigward id-Dokumentazzjoni u l-Investigazzjoni dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, bil-għan li jiġi promoss l-għarfien espert dwar il-kwistjonijiet ta' vjolenza sesswali;

(ah)  li jappoġġja u jsaħħaħ l-isforzi internazzjonali, bis-saħħa tan-NU, biex jiġu żgurati l-analiżi tad-disparitajiet bejn ir-rwoli tan-nisa u l-irġiel u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tad-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet kollha tan-NU, speċjalment fl-operazzjonijiet immirati lejn iż-żamma tal-paċi, l-operazzjonijiet umanitarji u l-proċessi ta' rikostruzzjoni u rikonċiljazzjoni ta' wara l-kunflitt; li jiżviluppa indikaturi u jimplimenta għodod ta' monitoraġġ għall-kejl tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-bini tal-paċi u tas-sigurtà, inkluż f'operazzjonijiet immirati lejn iż-żamma tal-paċi, u għall-iżgurar tal-obbligu ta' rendikont, kif ukoll li jippromwovi impenn effikaċi mal-komunitajiet u jiżgura titjib fil-kultura u fl-imġiba b'mod li dawn ikunu konformi wkoll mal-Bord ta' Livell Għoli dwar it-Tisħiħ tal-Pożizzjoni Ekonomika tan-Nisa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU; li jiżgura li l-implimentazzjoni tal-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà tinkludi finanzjament adegwat u tipprovdi appoġġ biex jibdel in-nisa fil-komponent ċentrali tal-isforzi kollha maħsuba biex jindirizzaw l-isfidi globali, inklużi ż-żieda fl-estremiżmu vjolenti, il-prevenzjoni u l-medjazzjoni tal-kunflitti, il-kriżijiet umanitarji, il-faqar, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u s-sigurtà;

(ai)  li jsostni u jsaħħaħ l-isforzi internazzjonali, bis-saħħa tan-NU, biex jieqaf l-abbuż tat-tfal fil-kunflitti armati u biex jiġi affrontat b'mod aktar effikaċi l-impatt tas-sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitt fuq il-bniet; li jappoġġja r-rwol tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati sabiex jissoda l-appoġġ għad-drittijiet taż-żgħażagħ milqutin mill-gwerra, kif ukoll li jappoġġja l-kampanja "Tfal, Mhux Suldati" tan-NU bil-ħsieb li jintemmu r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal mill-forzi armati tal-gvern u minn atturi mhux statali fil-kunflitti;

(aj)  li jżomm l-impenn tiegħu man-NU favur il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni effikaċi tal-inizjattiva Spotlight, li hija maħsuba biex ittemm il-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

Il-prevenzjoni ta' kunflitti u l-medjazzjoni

(ak)  li jipprovdi l-mezzi kollha biex jappoġġja b'mod proattiv il-prijoritajiet tas-SĠNU għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni(6), b'inizjattivi bħalma huma l-istabbiliment ta' Bord Konsultattiv ta' Livell Għoli dwar il-Medjazzjoni, u b'konformità mal-prijoritajiet tal-Missjonijiet Politiċi Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-għodod tal-Fond għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi; li jiżgura li d-drittijiet tal-bniedem jitqiegħdu fil-qalba tal-politiki ta' prevenzjoni tal-kunflitt u ta' medjazzjoni;

(al)  li jsaħħaħ l-aspett operazzjonali tal-prijoritajiet tal-UE u tan-NU għall-prevenzjoni ta' kunflitti u t-tnaqqis tagħhom, inkluż billi jiżgura d-disponibbiltà ta' medjaturi u ta' konsulenti dwar il-medjazzjoni b'esperjenza, inklużi rappreżentanti nisa u uffiċjali għoljin, u li jiżgura koordinament aktar effettiv tal-għodod politiċi, umanitarji, ta' sigurtà u ta' żvilupp tan-NU;

(am)  li jikkunsidra li n-nisa li jidher biċ-ċar li huma sottorappreżentanti fit-taħdidiet madwar il-mejda għall-paċi, fejn jittieħdu deċiżjonijiet essenzjali dwar l-irkupru ta' wara l-kunflitt u l-governanza, minkejja l-fatt li kull meta n-nisa jkollhom rwol espliċitu fil-proċessi ta' paċi il-probabbiltà li jintlaħaq ftehim li jtawwal mill-anqas sentejn tiżdied b'20 %, u b'35 % fil-probabbiltà li jintlaħaq ftehim li jtawwal mill-anqas ħmistax-il sena;

(an)  li jappoġġja bil-qawwa l-Aġenda għaż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà u l-għan tagħha li ż-żgħażagħ jingħataw vuċi aktar qawwija fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali; li jappoġġja f'dan ir-rigward il-ħolqien ta' mekkaniżmi li jippermettu liż-żgħażagħ jipparteċipaw b'mod sinifikanti fil-proċessi ta' paċi;

(ao)  li jkompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni UE-NU dwar it-tfassil ta' strumenti li jindirizzaw il-problema rikorrenti tal-vjolenza relatata mal-elezzjonijiet, inkluż bil-bini fuq l-esperjenza tal-Membri tal-PE waqt il-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali u fid-djalogi parlamentari ta' qabel l-elezzjonijiet mal-partiti politiċi, sabiex tiżdied il-kredibbiltà tal-elezzjonijiet f'dawk il-pajjiżi li jfittxu li jsaħħu il-proċeduri demokratiċi tagħhom, kif ukoll biex jibgħat messaġġ qawwi lil dawk li qegħdin ifittxu li jabbużaw mis-sistema;

(ap)  li jfakkar il-kontributi sinifikanti magħmula mill-UE (l-istrumenti ta' finanzjament estern) għas-sistema tan-NU, inkluż għall-paċi globali, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u l-aġenda tal-iżvilupp;

(aq)  li jappoġġja bil-qawwa l-proposti tas-Segretarju Ġenerali bil-għan li s-Sistema ta' Żvilupp tan-NU ssir aktar effettiva u biex jiddefinixxi pożizzjoni ta' appoġġ fid-dawl tal-patt għall-finanzjament li ġie propost bi skambju għal żieda fl-effettivitá, it-trasparenza u r-responsabbiltà;

In-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-armi u d-diżarm

(ar)  li jappoġġja b'mod sistematiku l-azzjonijiet kollha tan-NU b'rabta mad-diżarm, il-bini tal-fiduċja, in-nonproliferazzjoni u l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, inkluż l-iżvilupp, il-produzzjoni, l-akkwist, il-kumulazzjoni, iż-żamma, it-trasferiment jew l-użu ta' armi kimiċi minn stat firmatarju jew minn attur mhux statali;

(as)  li jesprimi tħassib għall-erożjoni tal-kontroll tal-armi attwali u s-sistema ta' diżarm u l-istrumenti legali tagħha; li jappoġġja l-isforzi kollha li għandhom l-għan li l-kontroll tal-armi u l-aġenda għad-diżarm jitreġġgħu lura fit-triq it-tajba, inkluż billi tingħata spinta ġdida lill-Konferenza dwar id-Diżarm; li jippromwovi n-nonproliferazzjoni nukleari permezz tal-proċess ta' rieżami tal-2020 li jdaħħal fis-seħħ mingħajr aktar dewmien it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari; li jwettaq l-isforzi kollha biex isaħħaħ il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi; li jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-objettivi tal-Konvenzjoni u li jħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU kollha biex jirratifikawha jew biex ikollhom aċċess għaliha; li jsaħħaħ l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) u l-ħidma tagħha billi jiggarantixxi li jkollha riżorsi finanzjarji u l-persunal adegwat biex tilħaq l-objettivi tagħha; li jiżgura li f'każijiet fejn jiġi rapportat l-użu ta' armi kimiċi, l-awturi jitressqu quddiem il-ġustizzja; li jiżgura li tittieħed responsabbiltà għall-vjolazzjonijiet ta' diżarm u tat-trattati għall-kontroll tal-armi permezz ta' mekkaniżmi ta' kontroll tal-armi eżistenti u tal-istrumenti ta' diżarm; li jappoġġja t-Trattat dwar il-Projbizzjoni ta' Armi Nukleari li fl-2017 kien sostnut minn 122 Stat Membru tan-NU u li jaħdem favur l-iffirmar u r-ratifika ta' dan it-Trattat mill-Istati Membri kollha tan-NU; li jmexxi 'l quddiem b'urġenza d-diżarm nukleari kemm reġjonalment kif ukoll globalment bi qbil mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Ottubru 2016 li tistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jappoġġjaw il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Negozjati għal Strument Vinkolanti li Jipprojbixxi l-Armi Nukleari; li jappoġġja l-isforzi tan-NU biex tipprevjeni lill-atturi mhux statali u lill-gruppi terroristiċi milli jiżviluppaw, jimmanifatturaw, jakkwistaw jew jittrasferixxu armi ta' qerda massiva u s-sistemi ta' twassil tagħhom; li jinsisti fuq il-konformità sħiħa mat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi;

(at)  li jimplimenta bis-sħiħ it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA) u li jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jirratifikawh jew biex ikollhom aċċess għalih;

(au)  li jaħdem favur azzjoni aktar effettiva kontra d-devjazzjoni tal-armi u tal-munizzjon u l-kummerċ illegali tagħhom, inklużi armi ta' kalibru żgħir u ħfief, b'mod partikolari bl-iżvilupp ta' sistema ta' rintraċċar tal-armi; li jitlob lill-Membri tal-UN biex b'mod attiv jieħdu passi favur id-diżarm globali u lejn il-prevenzjoni tat-tlielaq għall-armi;

(av)  li jagħti attenzjoni speċjali lill-progress teknoloġiku fil-qasam tal-armamenti fir-robotika u b'mod partikolari, lir-robots u d-droni armati u l-konformità tagħhom mad-dritt internazzjonali; li jistabbilixxi qafas ġuridiku dwar d-droni u robots armati f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali eżistenti biex jiġi evitat li din it-teknoloġija tintuża b'mod mhux korrett f'attivitajiet illegali minn atturi statali u dawk mhux statali; li jippromwovi l-bidu ta' negozjati effettivi dwar il-projbizzjoni tad-droni u ta' robots armati li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman; li jippromwovi qafas legali bbażat fuq in-NU li jistipula b'mod strett li l-użu ta' droni armati jrid jirrispetta l-liġi umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali; li jikkundanna bil-qawwa l-abbużi mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali; li jitlob għal żieda fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali f'kull aspett tal-espressjoni tagħhom, inkluż fil-kuntest tat-teknoloġiji l-ġodda; li jaħdem favur il-projbizzjoni internazzjonali tas-sistemi ta' armi li huma nieqsa mill-kontroll tal-bniedem fuq l-użu tal-forza kif kien mitlub mill-Parlament f'diversi okkażjonijiet u, bi tħejjija għal-laqgħat rilevanti fil-livell tan-NU, li jiżviluppa b'urġenza u li jadotta pożizzjoni komuni dwar is-sistemi ta' armi awtonomi u li jitkellem b'vuċi waħda u li jaġixxi kif xieraq fil-fora rilevanti;

(aw)  li jħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini Kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom ;

(ax)  li jaħdem, b'referenza għar-riżoluzzjoni tal-Assemblea tan-NU għall-Ambjent UNEP/EA.3/Res.1 u għar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Nru  34/20, biex jiġu ċċarati u żviluppati l-obbligi ta' wara l-kunflitt għall-approvazzjoni u l-ġestjoni ta' kontaminazzjoni mill-użu ta' armi tal-uranju mfaqqar, kif ukoll l-għajnuna lill-komunitajiet milquta mill-użu tagħhom;

Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt

(ay)  li jfakkar li d-drittijiet tal-bniedem huma indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati; li jistieden lill-UE u lin-NU sabiex mhux biss jikkundannaw bil-qawwa x-xejra globali disturbanti lejn il-marġinalizzazzjoni u ċ-ċaħda tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija sabiex tiġi miġġielda kull xejriet negattivi , inkluż fir-rigward tal-ispazju għas-soċjetà ċivili , iżda wkoll biex isir użu effettiv tal-istrumenti legali disponibbli, partikolarment l-Artikolu 2 ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi, fejn xieraq; li jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU jirratifikaw u jimplimentaw b'mod effettiv il-konvenzjonijiet kollha ewlenin tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, il-Protokolli Fakultattivi għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali tad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali li jistabbilixxu mekkaniżmi ta' lment u ta' inkjesta, u jikkonformaw mal-obbligi ta' rappurtar taħt dawn l-istrumenti u mal-impenn li jikkooperaw b'rieda tajba mal-mekkaniżmi tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem; li jiġbed l-attenzjoni lejn ir-reazzjonijiet globali kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-promoturi tad-demokratizzazzjoni;

(az)  li jiżgura li r-riformi tad-drittijiet tal-bniedem jibqgħu jiġu integrati bis-sħiħ fit-tliet pilastri tar-riforma tan-NU; li jappoġġja l-allinjament tad-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti;

(aaa)  li jippromwovi l-libertà tad-deisti u tat-teisti, kif ukoll ta' dawk il-persuni li jikkunsidraw lilhom infushom bħala atei, anjostiċi, umanisti u ħassieba ħielsa;

(aab)  li jkompli jiddefendi l-libertà ta' reliġjon jew twemmin; li jħeġġeġ li jsiru sforzi akbar biex jitħarsu d-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi u oħrajn; li jitlob protezzjoni akbar tal-minoranzi reliġjużi kontra l-persekuzzjonijiet u l-vjolenza; li jappella għar-revoka tal-liġijiet li jikkriminalizzaw il-blasfemija jew l-apostasija li jintużaw bħala pretest għall-persekuzzjoni tal-minoranzi reliġjużi u ta' dawk li ma jemmnux; li jsostni l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin; li jaħdem b'mod attiv għar-rikonoxximent min-naħa tan-NU tal-ġenoċidju kontra l-minoranzi reliġjużi u minoranzi oħra mill-hekk imsejjaħ ISIL/Daesh, kif ukoll biex il-każijiet ta' delitti suspettati kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u l-ġenoċidju jiġu riferuti lill-QKI;

(aac)  li jħeġġeġ lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti jissorvelja r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem mill-Istati Membri tagħha stess, sabiex jiġu evitati l-iżbalji tal-passat, bħall-għoti ta' sħubija lil dawk li wettqau ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u lil dawk li adottaw pożizzjonijiet politiċi anti-Semitiċi;

(aad)  li jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU jiżguraw li ċ-ċittadini tagħhom ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċessi politiċi, soċjlai u ekonomiċi – inklużi l-libertà ta' reliġjon jew twemmin – mingħajr diskriminazzjoni;

(aae)  li jappella lill-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali kollha jadottaw b'urġenza, strumenti vinkolanti ddedikati għall-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-bniedem u biex jiżguraw li l-obbligi nazzjonali u internazzjonali kollha li joriġinaw mir-regoli internazzjonali jiġu infurzati b'mod sħiħ; li jtenni l-importanza tal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC); li jfakkar fl-obbligu tal-Assemblea Ġenerali biex, meta teleġġi l-membri tal-UNHRC, tqis ir-rispett tal-promozzjoni u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija min-naħa tal-kandidati; li jappella għall-istabbiliment ta' kriterji ċari bbażati fuq ir-riżultati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għal sħubija fl-UNHRC;

(aaf)  li jiddispjaċih għad-deċiżjoni tal-Istati Uniti li toħroġ mill-UNHRC; li jfakkar li l-parteċipazzjoni u l-appoġġ tal-UE għal dan il-korp indispensabbli għad-drittijiet tal-bniedem u jħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex terġa' tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha;

(aag)  li jħeġġeġ lill-istati kollha, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jirratifikaw malajr il-Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' lment u inkjesta;

(aah)  li jaħdem flimkien mal-Istati Membri kollha tan-NU biex jirrispettaw id-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u li jenfasizza l-importanza ta' stampa u midja ħielsa f'soċjetà b'saħħitha, u r-rwol ta' kull ċittadin fiha ; li jenfasizza l-importanza tal-libertà tal-midja, il-pluraliżmu, l-indipendenza tal-midja u s-sigurtà tal-ġurnalisti biex jilqgħu sfidi ġodda; li jniedi dibattitu dwar it-tfittxija għal bilanċ ġust bejn il-protezzjoni tal-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni u l-ġlieda kontra l-informazzjoni falza; li jfittex li jipproteġi ġurnalisti li jkunu qed jaħdmu fuq każi ta' korruzzjoni u li ħajjithom tkun fil-periklu;

(aai)  li jżomm impenn qawwi biex jiġi promoss it-tmiem tal-piena tal-mewt fid-dinja kollha; li jkompli jiddefendi t-tolleranza żero rigward il-piena tal-mewt; li jappella għal moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt u biex ikompli jaħdem favur l-abolizzjoni universali tagħha; li jikkundanna bil-qawwa ż-żieda fl-użu tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, u jitlob il-projbizzjoni tal-użu tal-piena tal-mewt u eżekuzzjonijiet sommarji bħala piena għal tali reati;

(aaj)  li jappoġġja u jsaħħaħ l-isforzi internazzjonali permezz tan-NU biex jiżguraw analiżi tal-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tad-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet kollha tan-NU; li jitlob l-qerda ta' kull forma ta' vjolenza u diskriminazzjoni kontra n-nisa u t-tfajliet u, billi jqis ukoll id-diskriminazzjoni abbażi tal-identità tal-ġeneru; li jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), u li jappella għal revoka tal-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri tan-NU li tikkriminalizza n-nies abbażi tas-sesswalità jew tal-identità tal-ġeneru tagħhom; li jħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà jkompli jindirizza u jsaħħaħ id-drittijiet tal-persuni LGBTI;

(aak)  li jsaħħaħ ir-rwol tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u s-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali sabiex tiġi promossa r-responsabilità u tintemm l-impunità; li jipprovdi lill-QKI b'appoġġ diplomatiku, politiku u finanzjarju qawwi; li jistieden lill-Istati Membri kollha tan-NU jingħaqdu mal-QKI billi jirratifikaw u jimplimentaw l-Istatut ta' Ruma uli jinkoraġġixxi r-ratifika tal-emendi ta' Kampala; li jistieden lil dawk li jirtiraw mill-QKI biex jreġġgħu lura d-deċiżjonijiet tagħhom; li jappoġġja l-QKI bħala istituzzjoni prinċipali biex l-awturi li jwettqu ksur jinżammu responsabbli għal għemilhom u biex tassisti lill-vittmi fil-ksib tal-ġustizzja, u biextħeġġeġ djalogu u kooperazzjoni qawwija bejn il-QKI, in-NU u l-aġenziji tagħha u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

(aal)  li jikkundanna bil-qawwa l-fastidju ġudizzjarju, id-detenzjoni, il-qtil, it-theddid u l-intimidazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) madwar id-dinja fit-twettiq tal-ħidma leġittima tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem; li jagħmel pressjoni għal sforzi internazzjonali u jappella lill-Istati Membri tan-NU biex jadottaw politiki li jipprovdu protezzjoni u appoġġ għad-DDB li jinsabu f'riskju, u li jippermettielhom iwettqu l-ħidma tagħhom; li jadotta politika li tiddenunzja, b'mod sistematiku u mingħajr ekwivoku, il-qtil tad-DDB u kull tentattiv biex jiġu soġġetti għal kull forma ta' vjolenza, persekuzzjoni, theddid, fastidju, għajbien, priġunerija jew arrest arbitrarju; li jikkundanna lil dawk li jikkommettu jew jittolleraw tali atroċitajiet, u li jqawwi d-diplomazija pubblika b'appoġġ sħiħ tad-DDB; li jissottolinja li d-DDB u l-attivisti tas-soċjetà ċivili huma fost l-atturi ċentrali fl-iżvilupp sostenibbli; li jappella lill-Istati Membri tan-NU jadottaw politiki li jipprovdu protezzjoni u appoġġ għad-DDB li jinsabu f'riskju; li jirrikonoxxi li d-DDB ambjentali, tal-art u indiġeni ffaċċjaw theddid dejjem akbar;

(aam)  li jintrabat li f'konformità mal-acquis Ewropew ta' kontra l-korruzzjoni, jippromwovi miżuri kontra l-korruzzjoni u jaħdem biex dawn jiġu integrati aktar fi programmi tan-Nazzjonijiet Uniti;

(aan)  li jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu mal-imsieħba fuq l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem billi jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jiżviluppaw u jimplimentaw il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali (NAP) li jobbligaw lin-negozji li jiżguraw l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem; li jtenni s-sejħa tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkunu involuti b'mod attiv u kostruttiv fit-tfassil, kemm jista' jkun malajr, ta' strument legalment vinkolanti li, fil-qafas tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem , jirregola l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi ta' negozju oħra għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rimedju u l-għoti ta' aċċess għal rimedju fil-konfront ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kull meta dan iseħħ; li jappoġġja l-bini ta' Trattat tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem bil-għan li jiżgura r-responsabbilta' korporattiva; li jilqa' f'dak il-kuntest, il-ħidma mwettqa mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u jfakkar lin-NU, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipparteċipaw b'mod kostruttiv sabiex iħaffu l-pass ta' dawn in-negozjati u biex jindirizzaw it-tħassib li fadal tal-UE;

(aao)  li jsaħħaħ l-isforzi tiegħu fi ħdan il-qafas tal-Alleanza Internazzjonali għal Negozju ħieles mit-Tortura, koinizjata mill-UE flimkien mal-imsieħba reġjonali; li jinħoloq fond internazzjonali li jassisti lil pajjiżi fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-kummerċ fi prodotti li jistgħu jintużaw għat-tortura u għall-piena tal-mewt; li jappoġġja l-istabbiliment ta' strument internazzjonali li jipprojbixxi l-kummerċ ta' prodotti simili, abbażi tal-esperjenza tatar-Regolament tal-UE (il-Kunsill) 1236/2005 dwar din il-kwistjoni;

(aap)  li jiżgura li n-nisa jkollhom aċċess għall-ippjanar tal-familja u għall-firxa sħiħa ta' drittijiet għal saħħa sesswali pubblika u universali u għas-saħħa u drittijiet riproduttivi, inkluża l-kontraċezzjoni moderna u l-abort sikur u legali; jissottolinja l-fatt li l-aċċess universali għas-saħħa, b'mod partikolari s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet assoċjati huwa dritt fundamentali tal-bniedem, biex b'hekk tiġi miġġielda r-regola Global Gag li reġgħet iddaħħlet mill-Gvern tal-Istati Uniti kmieni fl-2017;

(aaq)  li jappoġġja approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għad-diżabbiltà f'sitwazzjonijiet ta' riskju, f'konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (CRPD);

(aar)  li jqis li l-persuni Rom huma fost l-aktar minoritajiet diskriminati kontra fid-dinja u li f'ħafna pajjiżi d-diskriminazzjoni qed tmur għall-agħar; li jfakkar li l-persuni Rom jgħixu fil-kontinenti kollha u għalhekk din hija kwistjoni ta' tħassib globali; li jistieden lin-NU biex jaħtru rapporteur speċjali dwar il-kwistjonijiet tar-Rom sabiex jissensibilizza u jiżgura li l-programmi tan-NU jaslu wkoll għand il-persuni Rom;

(aas)  li jappella lill-Istati Membri tan-NU, inkluż lill-Istati Membri tal-UE jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata;

Il-Patti Globali għall-migrazzjoni u għar-rifuġjati

(aat)  li jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi mmexxija min-NU għal negozjati ta' żewġ Patti Globali dwar il-Migrazzjoni u r-Rifuġjati abbażi tad-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti ta' Settembru 2016, sabiex jiġi żviluppat rispons internazzjonali aktar effikaċi dwar din il-kwistjoni, kif ukoll il-proċess korrispondenti għall-iżvilupp ta' sistema ta' governanza dinjija, għat-tisħiħ tal-koordinament dwar il-migrazzjoni internazzjonali, il-mobilità tal-persuni, il-movimenti kbar ta' rifuġjati u s-sitwazzjonijiet imtawla ta' rifuġjati, u biex jiġu stabbiliti soluzzjonijiet u approċċi li jtawlu fiż-żmien li jenfasizzaw b'mod ċar l-importanza li jiġu protetti d-drittijiet tar-rifuġjati u l-migranti; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jingħaqdu wara pożizzjoni bħal din u jiddefendu b'mod attiv u jwettqu progress fin-negozjati dwar dawn il-kwistjonijiet importanti; li jfakkar li l-SDGs li jinsabu fl-Aġenda 2030 tan-NU jirrikonoxxu li politiki tal-migrazzjoni ppjanati u amministrati tajjeb jistgħu jgħinu il-ksib ta' żvilupp sostenibbli u ta' tkabbir inklużiv, kif ukoll inaqqsu l-inugwaljanzi fi ħdan l-istati u bejniethom;

(aau)  li jagħmel pressjoni għal dispożizzjonijiet ambizzjużi u bilanċjati li jippermettu kooperazzjoni internazzjonali aktar effettiva u aktar ġusta kif ukoll il-kondiviżjoni globali prevedibbli tar-responsabbilta biex jiġu indirizzati l-movimenti ta' migrazzjoni u l-ispostament furzat, biex jiġi żgurat appoġġ adegwat għar-rifuġjati madwar id-dinja;

(aav)  li jappoġġja l-isforzi kollha biex tiġi żgurata għajnuna b'saħħitha u sostnuta lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jospitaw għadd kbir ta' rifuġjati, u li jiżgura li r-rifuġjati jiġu offruti soluzzjonijiet li jtawlu fiż-żmien, fosthom billi jsiru awtosostenibbli u billi jiġu integrati fil-komunitajiet fejn jgħixu; li jfakkar li l-implimentazzjoni tal-Patt Globali tipprovdi opportunità unika biex tissaħħaħ ir-rabta bejn l-għajunua umanitarja u l-politiki tal-iżvilupp;

(aaw)  li jiżgura li l-Patti Globali huma ċċentrati fuq il-persuni u bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem u jipprovdu miżuri fit-tul, sostenibbli u komprensivi għall-benefiċċju tal-partijiet kollha involuti; li jagħti attenzjoni speċifika lill-migranti li jinsabu f'ċirkostanzi vulnerabbli, bħat-tfal, in-nisa f'riskju, il-vittmi tat-traffikar tal-bniedem jew il-persuni b'diżabbiltà , u gruppi oħrajn li jinsabu f'riskju, inkluża l-komunità LGBTI, filwaqt ;o jisħaq dwar l-importanza li titfassal politika ta' migrazzjoni minn perspettiva intersezzjonali sabiex tirrispondi għall-bżonnijiet partikolari tagħhom; li jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata perspettiva tal-ġeneru mġedda u orizzontali għal rispons internazzjonali kollettiv għar-rifuġjati li tindirizza l-ħtiġijiet ta' protezzjoni speċifiċi tan-nisa, inkluża l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, u li ssaħħaħ il-ħiliet u l-kapaċitajiet tan-nisa fir-rikostruzzjoni u r-rikonċiljazzjoni; li jistieden lill-Istati Membri tan-NU jwettqu impenn indipendenti għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet bħala element ċentrali tal-Patt Globali, f'konformità mal-SDG 5;

(aax)  li jitlob li jsiru sforzi akbar biex tiġi evitata l-migrazzjoni irregolari u jiġi miġġieled id-dħul klandestin ta' persuni u t-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari billi jiġu miġġielda n-netwerks kriminali permezz ta' skambju f'waqtu u effettiv ta' intelligence rilevanti; li jtejjeb il-metodi għall-identifikazzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi u jsaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi bil-għan li jiġi rintraċċat, sekwestrat u rkuprat ir-rikavat tal-attivitajiet kriminali f'dan is-settur; li jinsisti, fil-livell tan-NU, fuq l-importanza li tiġi ratifikata u implimentata bis-sħiħ il-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-protokolli tagħha kontra d-dħul klandestin ta' migranti fuq l-art, bil-baħar u bl-ajru u għall-prevenzjoni, soppressjoni u punizzjoni tat-traffikar ta' persuni, speċjalment ta' nisa u tfal;

(aay)  li jiżgura li tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa rifuġjati u lill-persuni li jfittxu l-asil li huma soġġetti għal forom ta' diskriminazzjoni multipli u li huma aktar vulnerabbli għall-vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru kemm fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom u matul il-vjaġġi tagħhom lejn destinazzjonijiet aktar sikuri; li jfakkar li n-nisa u t-tfajliet li qed ifittxu l-asil għandhom bżonnijiet u tħassib speċifiċi li jvarjaw minn dawk tal-irġiel u li jirrikjedu li l-implimentazzjoni tal-politiki u l-proċeduri ta' asil kollha jkunu sensittivi għall-ġeneru u individwalizzati; li jappella għat-tisħiħ tas-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal u li jappoġġa miżuri konkreti fl-aħjar interessi tat-tfal rifuġjati u migranti, ibbażati fuq il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

(aaz)  li jindirizza l-fenomenu persistenti u mifrux tal-apolidija, li toħloq sfidi akuti tad-drittijiet tal-bniedem; li jiżgura li din il-kwistjoni tiġi indirizzata b'mod adegwat fin-negozjati attwali dwar il-Patt Globali;

(aba)  li jkompli u jsaħħaħ l-appoġġ – inkluż l-appoġġ finazjarju – ipprovdut lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) fl-implimentazzjoni tal-mandat internazzjonali tiegħu għall-protezzjoni tar-rifuġjati, inkluż minn gruppi kriminali u minn individwali involuti fit-traffikar tal-bniedem u fid-dħul klandestin ta' persuni f'ras il-għajn u fil-pajjiżi ta' tranżitu;

(abb)  li jassisti lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant biex jittrattaw il-problemi li kienu qegħdin jiffaċċjaw bħala riżultat tal-ispustament intern furzat massiv minn żoni ta' kunflitt u biex jaġixxi b'mod riżolut għall-protezzjoni u r-restawr tad-drittijiet tal-persuni spustati, inkluż id-dritt tagħhom għar-ritorn, id-drittijiet tal-proprjetà u d-dritt għas-sigurtà personali;

(abc)  li jkompli jenfasizza l-importanza assoluta tal-edukazzjoni għat-tfajliet u n-nisa biex jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi;

(abd)  li jtenni t-tħassib serju tiegħu li mijiet ta' eluf ta' persuni spostati f'pajjiżhom (IDP) u rifuġjati li ħarbu mill-artijiet nativi tagħhom b'rabta ma' kunflitti fit-tul għadhom spostati, u jtenni mill-ġdid id-dritt tar-ritorn tal-IDPs u r-rifuġjati kollha lejn il-postijiet tal-oriġini tagħhom b'mod sikur u dinjituż;

(abe)  li jinsisti dwar il-bżonn li jiġi pprovdut finanzjament speċifiku għall-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet internazzjonali;

L-iżvilupp

(abf)  li jimplimenta l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u s-17-il Għan tagħha għall-Iżvilupp Sostenibbli; li jissottolinja r-rwol ewlieni tal-UE fil-proċess li wassal għall-adozzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa; li jieħu passi konkreti jiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti tal-Aġenda 2030 tan-NU u l-Aġenda ta' Addis Ababa bħala strumenti importanti għall-prevenzjoni u l-iżvilupp; li jiżgura li l-UE u n-NU jkomplu jwettqu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU bl-għan li jeqirdu l-faqar u joħolqu prosperità kollettiva, jindirizzaw l-inugwaljanzi, u b'hekk joħolqu dinja aktar sikura u aktar ġusta, u jiġġieldu t-tibdil fil-klima u jipproteġu l-ambjent naturali;

(abg)  li jieħu passi konkreti biex jiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti tal-Aġenda 2030 u tas-17-il SDG kollha bħala strumenti importanti għall-prevenzjoni u l-iżvilupp sostenibbli; li jħeġġeġ u jappoġġja lill-pajjiżi kollha jieħdu s-sjieda u jistabbilixxu oqfsa nazzjonali biex jintlaħqu s-17-il SDG; li jħeġeġġ lill-Istati Membri tan-NU jorjentaw mill-ġdid il-baġits tagħhom lejn l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli; li jtenni li l-UE tibqa' d-donatur dinji ewlieni tal-għajnuna għall-iżvilupp, bl-għoti ta' EUR 75,7 biljun, u jinkoraġġixxi t-tkabbir kontinwu fl-għajnuna kollettiva tal-UE li tirfed l-isforzi kontinwi tal-Istati Membri għall-promozzjoni tal-paċi, il-prosperità u l-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja; li jagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri tan-NU biex jonoraw l-impenji tagħhom fir-rigward tal-infiq għall-għajnuna għall-iżvilupp u jappella għall-adozzjoni ta' qafas sod ta' indikaturi u l-użu tad-data statistika biex jevalwa s-sitwazzjoni, jimmonitorja l-progress u jiżgura r-responsabbiltà fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; li jkompli fl-isforzi tiegħu biex jikseb koerenza politika għall-iżvilupp fost il-politiki kollha tal-UE, li hija kruċjali biex jinkisbu l-SDGs, u biex jagħmel pressjoni wkoll fuq il-livell tan-NU għal koerenza tal-politika akbar skont l-Għan 17;

It-tibdil fil-klima u d-diplomazija dwar il-klima

(abh)  li jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE għall-Ftehim ta' Pariġi , li jħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU kollha biex jirratifikawh u jimplimentawh b'mod effettiv, u li jenfasizza l-bżonn li l-Ftehim ta' Pariġi jiġi implimentat globalment u mill-Istati Membri kollha tan-NU; li jafferma mill-ġdid il-bżonn ta' politika ambizzjuża tal-UE dwar il-klima u r-rieda tiegħu li jitjiebu il-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali (NDC) inklużi dawk tal-UE, għall-2030, kif ukoll il-bżonn li tiġi żviluppata f'waqtha strateġija fit-tul għall-2050, u wkoll biex jingħata appoġġ għal kwalunkwe inizjattiva li tmur f'din id-direzzjoni; li jaħdem favur azzjoni aktar effettiva għas-sostenibbiltà ambjentali, partikolarment fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima permezz tal-promozzjoni ta' miżuri u azzjonijiet internazzjonali intiżi li jippreservaw u jtejbu l-kwalità tal-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali; li jkompli jsaħħaħ il-livell ta' ambizzjoni tagħna rigward it-tnaqqis fl-emissjonijiet u jenfasizza r-rwol tal-UE bħala mexxejja globali fl-azzjoni klimatika;

(abi)  li jtenni mil-ġdid li l-azzjoni dwar il-klima hija prijorita' ewlenija għall-Unjoni Ewropea; li jiżgura li l-UE tibqa' fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u tkompli tikkoopera ulterjorment man-NU f'dan il-qasam; li jappella lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jirrispettaw il-Ftehim ta' Pariġi u jiżguraw l-implimentazzjoni rapida tad-deċiżjonijiet meħuda waqt il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2016; li jsaħħaħ l-isforzi biex l-Istati Uniti jerġgħu jiġu inklużi fil-kooperazzjoni multilaterali dwar it-tibdil fil-klima;

(abj)  li jkun sieħeb proattiv fl-isforzi kollha tan-NU biex irawwem sħubiji globali u kooperazzjoni dwar l-isfidi tat-tibdil fil-klima, u jenfasizza li l-klima tista' sservi bħala punt ta' dħul għal relazzjonijiet diplomatiċi ma' sħab li magħhom punti oħrajn tal-aġenda huma ferm ikkontestati, u b'hekk joffru opportunità biex jissaħħu l-istabbiltà u l-paċi;

(abk)  li jsaħħaħ l-isforzi ta' diplomazija dwar il-klima tiegħu bl-iżvilupp ta' strateġija diplomatika komprensiva dwar il-klima u biex l-azzjoni dwar il-klima tiġi integrata fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tal-UE, inkluż il-kummerċ, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja u s-sigurtà u d-difiża, bkunsiderazzjoni tal-fatt li sistema ambjentalment mhux sostenibbli toħloq instabbiltà; li jifforma alleanza qawwija ta' pajjiżi u atturi li jkomplu jappoġġaw u jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi li jillimitaw it-tisħin globali għal ferm inqas minn 2 °C, filwaqt li jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1.5 °C;

(abl)  li jfakkar li l-impatti tat-tibdil fil-klima jiġu esperjenzati b'mod differenti min-nisa u l-irġiel; li jenfasizza li n-nisa huma aktar vulnerabbli u jiffaċċjaw riskji u piżijiet ikbar għal diversi raġunijiet, li jvarjaw minn aċċess inugwali għar-riżorsi, l-edukazzjoni, l-opportunitajiet ta' impjieg u d-drittijiet tal-art, għal normi soċjali u kulturali; li jenfasizza li dan għandu jiġi rifless kif xieraq; li jiżgura li n-nisa jaqdu rwol ċentrali fit-tiftix ta' soluzzjonijiet għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil tal-klima, inkluż in-negozjati internazzjonali dwar il-klima, bil-għan li jiġu żviluppati risposti sensittivi għall-ġeneru biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi sottostanti;

(abm)  li jindirizza b'mod proattiv il-konsegwenzi l-aktar ta' sfida tat-tibdil fil-klima u li jiżgura l-protezzjoni xierqa għall-vittmi tagħha, partikolarment permezz ta' rikonoxximent fuq livell tan-NU tal-istatus ta' protezzjoni għar-rifuġjati minħabba l-klima ;

(abn)  li jfakkar meta n-nisa jkollhom aċċess limitat għar-riżorsi produttivi u l-kontroll tagħhom, kif ukoll id-drittijiet limitati huma jkollhom anqas opportunitajiet li jsawru d-deċiżjonijiet u jinfluwenzaw il-politiki, kif ġie rikonoxxut uffiċjalment mit-13-il Konferenza tal-Partijiet dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 13) li saret Bali fl-2007;

(abo)  li jaħdem mill-qrib ma' stati gżejjer żgħar u pajjiżi oħra li qed jiffaċċjaw il-konsegwenzi l-aktar serji tat-tibdil fil-klima biex jiġi żgurat li l-vuċi tagħhom u l-ħtiġijiet tagħhom jiġu kkunsidrati f'fora differenti tan-NU;

(abp)  li jimpenja ruħu f'dibattitu pubbliku u komprensiv mal-Istati Membri kollha tan-NU dwar l-importanza tar-rispett tal-limiti kostituzzjonali tal-mandati presidenzjali fid-dinja kollha;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0304.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0493.

(3)

Ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018 dwar rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar il-qtugħ tas-sorsi ta' dħul għall-ġiħadisti - nindirizzaw il-finanzjament tat-terroriżmu, Testi adottati, P8_TA(2018)0059.

(4)

1325 (2000), 1820 (2009); 1888 (2009); 1889 (2010); 1960 (2011); 2106 (2013); 2122 (2013) u 2242 (2015).

(5)

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), World Report on Violence and Health (Rapport Dinji dwar il-Vjolenza u s-Saħħa), Ġinevra, 2002, p. 154; L-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA), Discussion paper 2: The Nature, Scope and Motivation for Sexual Violence Against Men and Boys in Armed Conflict (Dokument ta' diskussjoni 2: In-Natura, l-Iskop u l-Motivazzjoni tal-Vjolenza Sesswali kontra l-Irġiel u s-Subien fil-Kunflitti Armati), dokument ippreżentat waqt il-Laqgħa tar-Riċerka tal-UNOCHA dwar l-Użu tal-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti Armati: L-Identifikazzjoni tal-Lakuni fir-Riċerka għat-Tħejjija Aktar Informata ta' Interventi Aktar Effikaċi, 26 ta' Ġunju 2008.

(6)

Kif stabbilit fl-ewwel dikjarazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-10 ta' Jannar 2017.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.6.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

9

20

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Wajid Khan, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Tamás Meszerics, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Alojz Peterle, Cristian Dan Preda, Michel Reimon, Sofia Sakorafa, Jean-Luc Schaffhauser, Alyn Smith, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, Miguel Urbán Crespo, Ivo Vajgl, Elena Valenciano, Hilde Vautmans

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Andrea Bocskor, Reinhard Bütikofer, Neena Gill, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Jo Leinen, Urmas Paet, Mirja Vehkaperä, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Andor Deli, Monika Smolková


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

29

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Urmas Paet, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Mirja Vehkaperä

EFDD

Fabio Massimo Castaldo, Aymeric Chauprade

PPE

Sandra Kalniete

S&D

Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Neena Gill, Ana Gomes, Wajid Khan, Jo Leinen, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Monika Smolková, Elena Valenciano

VERTS/ALE

Reinhard Bütikofer, Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Michel Reimon, Alyn Smith, Jordi Solé

9

-

ENF

Mario Borghezio, Jean-Luc Schaffhauser

NI

James Carver, Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz

PPE

Andrea Bocskor, Andor Deli, Tunne Kelam, Cristian Dan Preda

20

0

ECR

Amjad Bashir, Bas Belder, Charles Tannock

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Takis Hadjigeorgiou, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Miguel Urbán Crespo

PPE

Asim Ademov, Michèle Alliot-Marie, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Eduard Kukan, David McAllister, Ramona Nicole Mănescu, Alojz Peterle, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Željana Zovko

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Lulju 2018Avviż legali