Proċedura : 2016/2237(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0231/2018

Testi mressqa :

A8-0231/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2018 - 6.17

Testi adottati :

P8_TA(2018)0317

RAPPORT     
PDF 754kWORD 78k
27.6.2018
PE 612.248v02-00 A8-0231/2018

li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Statut għal intrapriżi soċjali u solidali

(2016/2237(INL))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Jiří Maštálka

(Inizjattiva - Artikolu 46 tar-Regoli tal-Proċedura)

Rapporteur għal opinjoni (*): Heinz K. Becker

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Statut għal intrapriżi soċjali u solidali

(2016/2237(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2011 dwar l-istabbiliment ta' statuti Ewropej għas-soċjetajiet mutwi, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 u l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar "L-Ekonomija Soċjali"(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 dwar "l-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta' klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni"(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar "l-Intraprenditorija Soċjali u l-Innovazzjoni Soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad"(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2015 dwar "Il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni ta' żvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa"(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 dwar "L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja "Flimkien għal tkabbir ġdid"" (COM(2011)0206),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar "Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta' klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni" (COM(2011)0682),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), b'mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-Istatut għal impriża mutwa Ewropea(9),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Lulju 2011 ikkummissjonat mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament bit-titlu "Ir-rwol tal-impriżi mutwi fis-seklu 21",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Intraprenditorja Soċjali (GECES) ta' Ottubru 2016 "Social enterprises and the social economy going forward" (Il-futur tal-intrapriżi soċjali u l-ekonomija soċjali)(10),

–  wara li kkunsidra l-istudju kkummissjonat mid-Dipartiment Tematiku għall-Politiki C tal-Parlament Ewropew ta' Frar 2017 bit-titlu "Statut Ewropew għal Intrapriżi Soċjali u Solidali",

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0231/2018),

A.  billi t-termini "intrapriżi soċjali" u "intrapriżi solidali" ta' sikwit jintużaw bħala sinonimi, għalkemm l-intrapriżi li jirreferu għalihom mhumiex dejjem l-istess u jistgħu jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor; billi l-kunċett ta' "intrapriża soċjali" jirrelata essenzjalment għal organizzazzjonijiet tradizzjonali tal-ekonomija soċjali bħal kooperattivi, intrapriżi mutwi, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet; billi l-konfini tal-kunċett ta' "intrapriża soċjali" qed iwasslu għal diskussjonijiet importanti fost xjenzjati soċjali u avukati; billi jidher li huwa imperattiv li ssir tranżizzjoni mingħajr dewmien lejn rikonoxximent aħjar tal-kunċett ta' "intrapriża soċjali u solidali" billi tiġi stabbilita definizzjoni legali bażika li tista' tagħti kontribut sod għall-isforzi magħmula mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri biex jiżviluppaw intrapriżi soċjali u solidali sabiex ikunu jistgħu wkoll jieħdu vantaġġ mis-suq intern;

B.  billi l-ekonomija soċjali u solidali tagħti kontribut ewlieni lill-ekonomija tal-UE; billi l-Parlament enfasizza, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-19 ta' Frar 2009, tal-20 ta' Novembru 2012 u tal-10 ta' Settembru 2015, li l-ekonomija soċjali u solidali timpjega aktar minn 14-il miljun persuna, li jirrappreżentaw madwar 6,5 % tal-ħaddiema fl-UE u 10 % tal-impriżi tal-UE. billi dan is-settur wera li huwa partikolarment reżiljenti għall-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji u għandu potenzjal għall-innovazzjoni soċjali u teknoloġika, il-ħolqien ta' impjiegi deċenti, inklużivi, lokali u sostenibbli, it-trawwim tat-tkabbir ekonomiku, il-ħarsien tal-ambjent u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u reġjonali; billi l-intrapriżi soċjali u solidali qed isibu modi ġodda ta' kif jindirizzaw il-problemi soċjali f'dinja li qed tinbidel b'rata mgħaġġla; billi l-ekonomija soċjali u solidali tkompli tiżviluppa u għalhekk hija xprun għat-tkabbir u l-impjiegi u jenħtieġ li titħeġġeġ u tiġi appoġġjata;

C.  billi hemm differenzi sostanzjali fost l-Istati Membri fil-mod kif jirregolaw l-intrapriżi soċjali u solidali u l-forom organizzattivi disponibbli għall-intraprendituri soċjali skont l-ordinamenti ġuridiċi tagħhom; billi l-forom organizzattivi distinti li huma adottati mill-intrapriżi soċjali u solidali jiddependu fuq l-oqfsa ġuridiċi eżistenti, fuq l-ekonomija politika tal-provvediment tas-servizzi soċjali u tas-solidarjetà u fuq it-tradizzjonijiet kulturali u storiċi ta' kull Stat Membru;

D.  billi f'xi Stati Membri nħolqu forom ġuridiċi speċifiċi jew bl-adattament tal-mudell kooperattiv, mutwu, ta' assoċjazzjoni jew ta' fondazzjoni u oħrajn jew permezz tal-introduzzjoni ta' forom ġuridiċi li jirrikonoxxu l-impenn soċjali meħud minn pluralità ta' entitajiet u li jinkludu xi karatteristiċi speċifiċi għall-intrapriżi soċjali u solidali; billi fi Stati Membri oħrajn ma nħolqot l-ebda forma ġuridika speċifika għal intrapriżi soċjali u solidali u għalhekk huma joperaw permezz ta' forom ġuridiċi preeżistenti, inklużi forom ġuridiċi użati minn kumpaniji konvenzjonali, bħalma hi l-kumpanija b'responsabbiltà limitata jew il-kumpannija pubblika b'responsabbiltà limitata; billi f'xi Stati Membri l-forma ġuridika li l-intrapriżi soċjali u solidali jistgħu jadottaw tista' tkun fakultattiva; billi jenħtieġ li jiġi nnutat li anki jekk il-forom ġuridiċi speċifiċi jkunu tfasslu għalihom, l-intrapriżi soċjali u solidali, f'ħafna każijiet, jagħżlu forom ġuridiċi oħrajn li huma adattati aħjar għall-bżonnijiet tagħhom u għall-objettivi tagħhom;

E.  billi l-adozzjoni ta' oqfsa ġuridiċi differenti għal intrapriżi soċjali u solidali f'ħafna Stati Membri tikkonferma l-iżvilupp ta' tip ġdid ta' intraprenditorija bbażata fuq il-prinċipji tas-solidarjetà u r-responsabbiltà u li hija aktar iffokata fuq il-ħolqien tal-valur soċjali miżjud, konnessjonijiet lokali u l-promozzjoni ta' ekonomija aktar sostenibbli; billi din id-diversità tikkonferma wkoll li l-intraprenditorija soċjali hija qasam innovattiv u ta' benefiċċju;

F.  billi l-Parlament enfasizza, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar l-intraprenditorija soċjali u l-innovazzjoni soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad, li l-innovazzjoni soċjali tirrelata għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' ideat ġodda, kemm jekk prodotti, servizzi, jew mudelli ta' organizzazzjoni soċjali, li huma mfassla biex jissodisfaw it-talbiet u l-isfidi ġodda soċjali, territorjali u ambjentali, bħall-popolazzjoni li qed tixjieħ, id-depopolazzjoni, il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja, il-ġestjoni tad-diversità, l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-integrazzjoni ta' dawk l-aktar esklużi mis-suq tax-xogħol u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

G.  billi, fid-dawl ta' din id-diversità ta' forom ġuridiċi disponibbli għall-ħolqien ta' intrapriżi soċjali u solidali madwar l-Istati Membri, f'dan il-mument ma hemm l-ebda kunsens fl-Unjoni Ewropea għat-twaqqif ta' forma speċifika ta' intrapriża soċjali; billi l-Parlament diġà saħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati oqfsa ġuridiċi ġodda fil-livell tal-Unjoni, imma dejjem għamel il-punt li dawn jenħtieġ li jkunu fakultattivi għall-intrapriżi fir-rigward tal-oqfsa nazzjonali u ppreċeduti minn valutazzjoni tal-impatt li tqis l-eżistenza ta' diversi mudelli ta' negozju soċjali fl-Istati Membri kollha; billi l-Parlament enfasizza wkoll li kwalunkwe miżura jenħtieġ li turi valur miżjud fl-Unjoni kollha;

H.  billi d-djalogu soċjali huwa ta' importanza kruċjali kemm f'termini tat-twettiq tal-objettiv tal-ekonomija soċjali tas-suq, li huwa livell massimu ta' impjiegi bi progress soċjali, kif ukoll f'termini ta' kompetittività u ġustizzja fis-suq uniku tal-UE; billi d-djalogu soċjali u l-konsultazzjoni mas-sħab soċjali fit-tfassil ta' politika tal-UE jirrappreżentaw innovazzjoni soċjali prinċipali;

I.  billi l-fatt li teżisti għażla fil-forom ġuridiċi disponibbli għandu l-vantaġġ li jippermetti lill-intrapriżi soċjali u solidali jiffurmaw l-istruttura tagħhom bil-mod li jixirqilhom l-aħjar fiċ-ċirkostanzi inkwistjoni, it-tradizzjoni fejn għandhom l-għeruq tagħhom u t-tip ta' negozju li jixtiequ jwettqu;

J.  billi, minkejja dak li ntqal hawn fuq, huwa possibbli li, minn esperjenzi nazzjonali fil-livell tal-Istati Membri jirriżultaw xi karatteristiċi u kriterji distinti li intrapriża soċjali u solidali jenħtieġ li tissodisfa, irrispettivament mill-forma ġuridika li tadotta, jekk din trid tiġi kkunsidrata bħala tip ta' intrapriża bħal din; billi jidher li huwa mixtieq li jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni ġabra komuni ta' karatteristiċi u kriterji fil-forma ta' standards minimi bil-għan li jinħoloq qafas ġuridiku effiċjenti u konsistenti għal tali intrapriżi u biex jiġi żgurat li, minkejja d-diversità tagħhom, l-intrapriżi soċjali kollha għandhom identità komuni irrispettivament mill-Istat Membru fejn ġew inkorporati; billi tali karatteristiċi istituzzjonali jenħtieġ li jgħinu biex intrapriża soċjali tkun tista' tkompli żżomm vantaġġ fuq modi alternattivi kif tiġi organizzata l-produzzjoni tas-servizzi, inklużi s-servizzi soċjali;

K.  billi fil-komunikazzjoni tagħha tal-25 ta' Ottubru 2011 ("Inizjattiva ta' Negozju Soċjali") il-Kummissjoni ddefiniet intrapriża soċjali bħala "operatur fl-ekonomija soċjali li l-objettiv prinċipali tiegħu huwa li jkollu impatt soċjali aktar milli biex jagħmel profitt għas-sidien jew l-azzjonisti tiegħu. Dan jopera billi jipprovdi prodotti u servizzi għas-suq b'mod intraprenditorjali u innovattiv u juża l-profitti tiegħu primarjament biex jikseb objettivi soċjali. Huwa mmaniġġjat b'mod miftuħ u responsabbli u, b'mod partikolari, jinvolvi l-impjegati, il-konsumaturi u partijiet ikkonċernati affettwati mill-attivitajiet kummerċjali tiegħu";

L.  billi għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 1296/2013, "intrapriża soċjali" tfisser impriża, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, li:

(a)   f'konformità mal-artikoli ta' assoċjazzjoni tagħha, l-istatuti jew kwalunkwe dokument ġuridiku ieħor li permezz tagħhom hija stabbilita, ikollha, bħala l-objettiv primarju tagħha, l-ilħuq ta' impatti soċjali pożittivi li jistgħu jitkejlu, aktar milli l-ġenerazzjoni ta' profitti għas-sidien, il-membri u l-azzjonisti tagħha, u li:

(i)   tipprovdi servizzi jew prodotti li jiġġeneraw redditu soċjali u/jew

(ii)   tuża metodu ta' produzzjoni ta' prodotti jew servizzi li jħaddan l-objettiv soċjali tagħha;

(b)   tinvesti l-profitti tagħha, l-ewwel u qabel kollox, biex tilħaq l-objettiv primarju tagħha u jkollha proċeduri u regoli predefiniti li jkopru kwalunkwe distribuzzjoni ta' profitti lill-azzjonisti u lis-sidien li jiżguraw li tali distribuzzjoni ta' profitti ma timminax l-objettiv primarju; kif ukoll

(c)   tkun immaniġġjata b'mod intraprenditorjali, responsabbli u trasparenti, b'mod partikolari billi tinvolvi lill-ħaddiema, il-klijenti u l-partijiet ikkonċernati affettwati mill-attivitajiet ta' negozju tagħha;

M.   billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015, il-Parlament innota li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, li m'għandhomx neċessarjament ikunu organizzazzjonijiet mhux bi skop ta' qligħ, huma intrapriżi li l-iskop tagħhom huwa li jiksbu l-għan soċjali tagħhom, li jista' jkun il-ħolqien ta' impjiegi għal gruppi vulnerabbli, li jfornu servizzi lill-membri tagħhom jew, b'mod aktar ġenerali, li joħolqu impatt soċjali u ambjentali pożittiv, u li jerġgħu jinvestu l-profitti tagħhom primarjament sabiex jilħqu dawk l-objettivi; billi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali huma kkaratterizzati mill-impenn tagħhom li jħarsu l-valuri li ġejjin:

–   il-preminenza tal-għanijiet soċjali u dawk individwali fuq l-interessi tal-kapital;

–   il-governanza demokratika mill-membri;

–   l-għaqda tal-interessi tal-membri u tal-utenti mal-interess ġenerali;

–   is-salvagwardja u l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-solidarjetà u tar-responsabbiltà;

–   l-investiment mill-ġdid ta' fondi żejda f'objettivi ta' żvilupp fit-tul, jew fl-għoti ta' servizzi ta' interess għall-membri jew ta' servizzi ta' interess ġenerali;

–   is-sħubija volontarja u miftuħa;

–  il-ġestjoni awtonoma li tkun indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi;

N.  billi dawn id-definizzjonijiet ta' hawn fuq huma kompatibbli u jlaqqgħu flimkien il-fatturi kollha kondiviżi bejn l-intrapriżi soċjali u solidali kollha irrispettivament mill-Istat Membru ta' inkorporazzjoni u mill-forma ġuridika li jkunu għażlu li jadottaw skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali; billi dawn il-karatteristiċi jenħtieġ li jikkostitwixxu l-linja ta' referenza għal definizzjoni ġuridika trasversali u aktar definittiva ta' "intrapriża soċjali" maqbula universalment u applikata fil-livell tal-Unjoni;

O.  billi l-intrapriżi soċjali huma organizzazzjonijiet privati li huma indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi;

P.  billi l-intrapriżi soċjali joperaw fis-suq b'mod imprenditorjali; billi dan jimplika li l-intrapriżi soċjali jkomplu jwettqu attivitajiet ta' natura ekonomika;

Q.  billi ż-żoni rurali joffru opportunitajiet konsiderevoli għall-intrapriżi soċjali u billi, għaldaqstant, huwa essenzjali li infrastruttura xierqa jenħtieġ li tkun disponibbli fir-reġjuni rurali kollha;

R.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ iridu jkunu oqsma ta' prijorità fl-iżvilupp ta' kultura intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ;

S.  billi s-soċjetajiet mutwi li joperaw fis-setturi relatati mal-kura tas-saħħa u l-assistenza soċjali fl-Unjoni jimpjegaw 8,6 miljun persuna u jipprovdu appoġġ għal 120 miljun ċittadin; billi dawn is-soċjetajiet mutwi għandhom sehem ta' 24 % mis-suq u jiġġeneraw aktar minn 4 % tal-PDG tal-Unjoni;

T.  billi l-kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' valur soċjali trid tkun l-iskop ewlieni ta' intrapriża soċjali u solidali; billi l-intrapriżi soċjali jenħtieġ li jsegwu espressament l-għan li jkunu ta' benefiċċju għall-komunità b'mod ġenerali jew grupp speċifiku ta' persuni, lil hinn mis-sħubija; billi l-iskop soċjali segwit minn intrapriżi soċjali jenħtieġ li jkun indikat b'mod ċar fid-dokumenti ta' stabbiliment tagħhom; billi l-kunċett ta' intrapriża soċjali u solidali jenħtieġ li ma jkunx imfixkel ma' dak ta' responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), għalkemm intrapriżi kummerċjali b'attivitajiet sinifikanti ta' CSR jista' jkollhom interkonnessjoni qawwija ma' negozju soċjali; billi l-intrapriżi soċjali m'għandux ikollhom bħala l-għan tagħhom il-ħolqien ta' profitt kummerċjali tradizzjonali iżda, minflok, jużaw kwalunkwe valur miżjud maħluq għall-iżvilupp ulterjuri ta' proġetti mmirati lejn it-titjib tal-ambjent għall-gruppi fil-mira tagħhom;

U.  billi d-diġitalizzazzjoni, miri klimatiċi ambizzjużi, il-migrazzjoni, l-inugwaljanzi, l-iżvilupp lokali, speċjalment fl-inħawi marġinalizzati, is-servizzi soċjali u tas-saħħa, il-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabbiltà u l-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali, il-qgħad fit-tul u l-inugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll kompiti ambjentali speċifiċi, joffru potenzjal kbir għall-intraprenditorija soċjali; billi l-intrapriżi soċjali u solidali joperaw fis-suq b'mod intraprenditorjali u jassumu riskji ekonomiċi;

V.  billi l-intrapriżi soċjali u solidali jenħtieġ li jwettqu attività utli f'sens soċjali; billi jistgħu jkunu attivi fi spettru wiesa' ta' attivitajiet; billi l-intrapriżi soċjali u solidali tipikament involvew ruħhom fil-provvista ta' servizzi maħsuba biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien għall-komunità, b'mod partikolari servizzi li jappoġġjaw individwi f'ċirkostanzi prekarji jew milquta mill-esklużjoni soċjoekonomika u li jiffaċilitaw l-integrazzjoni tax-xogħol għal gruppi żvantaġġjati; billi, fid-dawl tal-valur soċjali maħluq u l-kapaċità tagħhom li jintegraw mill-ġdid nies qiegħda għal żmien twil, biex iżidu l-koeżjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku, kien hemm xejra komuni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali biex iżżid il-firxa ta' attivitajiet li fihom l-intrapriżi soċjali huma intitolati li jinvolvu ruħhom, sakemm ikunu ta' interess ġenerali u/jew utilità soċjali, bħall-provvista ta' servizzi komunitarji, inklużi l-oqsma edukattivi, tas-saħħa, kulturali, tal-akkomodazzjoni, rikreattivi u ambjentali.

W.  billi intrapriżi soċjali u solidali jipprovdu mudell ta' negozju għas-seklu 21 li jibbilanċja l-bżonnijiet finanzjarji u soċjali; billi l-intrapriżi soċjali u solidali huma ġeneralment assoċjati ma' innovazzjoni soċjali, teknoloġika u ekonomika, bħala riżultat tal-espansjoni tal-attività tagħhom f'oqsma ġodda tal-produzzjoni tal-prodotti jew il-provvista ta' servizzi, inklużi servizzi ambjentali, tas-saħħa, kulturali, edukattivi u rikreattivi, u/jew l-introduzzjoni ta' metodi innovattivi ta' produzzjoni jew ta' organizzazzjoni tax-xogħol, imfassla biex jissodisfaw id-domandi u l-isfidi soċjali, territorjali u ambjentali, bħall-popolazzjoni li qed tixjieħ, id-depopolazzjoni, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, il-ġestjoni tad-diversità, l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-integrazzjoni ta' dawk l-aktar esklużi mis-suq tax-xogħol u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

X.  billi, minħabba l-karattru integrattiv u soċjali tagħhom, l-intrapriżi soċjali joffru impjieg lil dawk il-gruppi ta' ħaddiema esklużi bl-aktar mod komuni mis-suq tax-xogħol, u billi huma jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni qiegħda fit-tul u għall-ġlieda kontra l-qgħad b'mod ġenerali, u b'hekk għaż-żieda fil-koeżjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku;

Y.  billi l-ekonomija soċjali, minħabba n-natura partikolari tal-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet komponenti tagħha, ir-regoli speċifiċi tagħha, l-obbligi soċjali tagħha, u l-metodi innovattivi tagħha, uriet diversi drabi li tista' tkun reżiljenti meta tiffaċċja d-diffikultajiet ekonomiċi u li għandha l-potenzjal li tegħleb il-kriżijiet aktar malajr;

Z.  billi, f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju b'mod partikolari, il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati spiss isservi skop soċjali, kif jidher mill-eżempju tal-"prattika tajba" tar-reintegrazzjoni b'suċċess tal-persuni qiegħda għal żmien twil fi Spanja permezz tal-mudell tal-kumpanija "Sociedad Laboral (SL)", fejn dawk li jkunu qed ifittxu xogħol jistgħu jużaw il-benefiċċju għall-qgħad tagħhom biex iwaqqfu kumpanija, u b'hekk joħolqu aktar impjiegi, bl-istat li jipprovdi appoġġ u pariri dwar kwistjonijiet ta' ġestjoni;

Aa.  billi l-intrapriżi soċjali u solidali mhumiex neċessarjament organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u jistgħu jkunu wkoll bi skop ta' qligħ, dment li l-attivitajiet tagħhom jissodisfaw bis-sħiħ il-kriterji għall-ksib tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea; billi dan, minkejja l-fokus ewlieni tal-intrapriżi soċjali u solidali, jenħtieġ li jkun, fuq kollox, fuq il-valuri soċjali u fuq il-preżenza ta' impatt pożittiv u fit-tul fuq il-benessri u l-iżvilupp ekonomiku tas-soċjetà aktar milli fuq profitt għas-sidien, il-membri jew l-azzjonisti tagħhom; billi, f'dan ir-rigward, restrizzjoni stretta fuq id-distribuzzjoni tal-profitti u l-assi fost il-membri jew l-azzjonisti, magħrufa wkoll bħala "imblukkar tal-assi" (asset lock), hija essenzjali għall-intrapriżi soċjali u solidali; billi tista' tkun permessa distribuzzjoni limitata tal-profitti, wara li tiġi kkunsidrata l-forma ġuridika adottata mill-intrapriża soċjali, il-proċeduri u r-regoli li jkopru dik id-distribuzzjoni jenħtieġ li jiġu stabbiliti b'tali mod li jiżguraw dejjem li din ma timminax l-objettiv soċjali primarju tal-intrapriża; billi, f'kwalunkwe każ, l-akbar proporzjon ta' profitti, u l-aktar sinifikanti, magħmula minn intrapriża soċjali u solidali, jenħtieġ li jerġa' jiġi investit jew inkella użat bil-għan li żżomm u tikseb l-iskop soċjali tagħha;

Ab.  billi, biex tkun effettiva, ir-restrizzjoni fuq in-nuqqas ta' distribuzzjoni jenħtieġ li tkopri numru ta' aspetti, b'mod partikolari l-ħlas ta' dividendi perjodiċi, id-distribuzzjoni ta' riżervi akkumulati, id-devoluzzjoni ta' assi residwi fix-xoljiment tal-entità, it-trasformazzjoni tal-intrapriża soċjali f'tip ieħor ta' organizzazzjoni, jekk dan ikun permess, u t-telf tal-istatus ta' intrapriża soċjali; billi r-restrizzjoni fuq in-nuqqas ta' distrubuzzjoni tista' tinkiser ukoll b'mod indirett mill-ħlas ta' remunerazzjoni lill-impjegati jew id-diretturi li ma jkunx ġustifikabbli u 'l fuq mil-livelli tas-suq;

Ac.  billi l-intrapriżi soċjali u solidali jenħtieġ li jiġu ġestiti skont mudelli ta' governanza demokratika li jinvolvu l-impjegati, il-klijenti u l-partijiet ikkonċernati affettwati mill-attività fit-teħid tad-deċiżjonijiet; billi dan il-mudell parteċipatorju jirrappreżenta proċedura strutturali biex jiġi kkontrollat it-tfittix attwali tal-miri soċjali tal-organizzazzjoni; billi s-setgħa tal-membri fit-teħid tad-deċiżjonijiet jenħtieġ li ma tkunx ibbażata biss jew primarjament fuq is-sehem fil-kapital li jista' jkollhom, anki meta l-forma ġuridika adottata mill-intrapriża soċjali u solidali tkun dik ta' kumpanija kummerċjali;

Ad.   billi, f'xi Stati Membri, l-intrapriżi soċjali u solidali jistgħu jadottaw il-forma ġuridika ta' intrapriża kummerċjali; billi l-possibbiltà ta' tali kumpaniji li jiġu rikonoxxuti fil-livell tal-UE bħala intrapriżi soċjali u solidali jenħtieġ li ssir dipendenti fuq l-issodisfar ta' ċerti rekwiżiti u kundizzjonijiet biex jiġu solvuti l-kontraindikazzjonijiet potenzjali bejn il-forma tal-kumpanija u l-mudell tal-intrapriża soċjali;

Ae.  billi t-trattament tal-impjegati f'intrapriżi soċjali jenħtieġ li jkun komparabbli ma' dak ta' impjegati ta' intrapriżi ta' negozju tradizzjonali;

Af.  billi l-impatt pożittiv tal-intrapriżi soċjali u solidali fuq il-komunità jista' jiġġustifika l-adozzjoni ta' azzjonijiet konkreti fl-appoġġ tagħhom, bħall-ħlas ta' sussidji u l-adozzjoni ta' miżuri favorevoli tat-taxxa u tal-akkwist pubbliku; billi dawk il-miżuri jenħtieġ li fil-prinċipju jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mat-Trattati għax ifittxu li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' attivitajiet jew żoni ekonomiċi maħsuba prinċipalment biex ikollhom impatt pożittiv fuq is-soċjetà, u l-kapaċità li dawn l-intrapriżi jiġbru l-fondi u jagħmlu profitti tkun distintivament aktar limitata minn dik ta' intrapriżi kummerċjali;

Ag.  billi r-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(11) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti għall-ħolqien tal-fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej;

Ah.  billi l-Unjoni jenħtieġ li toħloq ċertifikat jew tikketta għal intrapriżi soċjali u solidali sabiex tagħti lil dawn l-intrapriżi aktar viżibbiltà u trawwem qafas ġuridiku aktar koerenti; billi huwa essenzjali li l-awtoritajiet pubbliċi jivverifikaw u jiżguraw li impriża partikolari tissodisfa r-rekwiżiti biex tinħarġilha tikketta bħala intrapriża soċjali u solidali qabel ma tingħatalha waħda u b'hekk taf tieħu vantaġġ minn kwalunkwe miżura stabbilita fil-livell tal-UE għall-vantaġġ tagħha; billi jenħtieġ li intrapriża soċjali u solidali jkollha dan iċ-ċertifikat irrevokat f'każ li tonqos milli tirrispetta dawk ir-rekwiżiti u l-obbligi ġuridiċi tagħha;

Ai.  billi l-intrapriżi soċjali u solidali jenħtieġ li joħorġu rapport soċjali fuq bażi annwali li fih jagħtu kont, tal-inqas, tal-attivitajiet, ir-riżultati, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, l-allokazzjoni tal-profitti, is-salarji, is-sussidji, u benefiċċji oħra rċevuti tagħhom;

1.  Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-madwar 2 miljun intrapriża tal-ekonomija soċjali u solidali fl-Ewropa(12), li jimpjegaw aktar minn 14,5 miljun persuna(13), u l-kontribut imprezzabbli tagħhom għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, għall-koeżjoni soċjali u reġjonali u għal tkabbir ekonomiku kontinwu fis-suq intern;

2.   Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi tikketta tal-ekonomija soċjali Ewropea fil-livell tal-Unjoni, mogħtija lil intrapriżi bbażati fuq l-ekonomija soċjali u solidali u msejsa fuq kriterji ċari mfassla biex jenfasizzaw il-karatteristiċi speċifiċi ta' dawn l-impriżi u l-impatt soċjali tagħhom, iżżid il-viżibbiltà tagħhom, tħeġġeġ l-investiment, tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament u għas-suq uniku għal dawk li jixtiequ jespandu fil-livell nazzjonali jew lejn Stati Membri oħra, u fl-istess ħin tirrispetta l-varjetà ta' forom ġuridiċi u oqfsa fis-settur u fl-Istati Membri;

3.  Iqis li t-tikketta soċjali Ewropea għandha tkun disponibbli għal organizzazzjonijiet u entitajiet privati li jissodisfaw b'mod strett ir-rekwiżiti legali għal intrapriża soċjali u solidali fl-attivitajiet kollha tagħhom, irrispettivament mill-forma ġuridika tal-inkorporazzjoni tagħhom fi Stat Membru; jinnota li t-tikketta għandha tkun fakultattiva għall-impriża;

4.  iqis li t-tikketta tal-ekonomija soċjali Ewropea għandha tkun volontarja għall-intrapriżi iżda trid tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri kollha;

5.  Iqis li r-rekwiżiti ġuridiċi għall-akkwist u ż-żamma tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea għandhom ikunu identifikati b'referenza għal ċerti karatteristiċi u kriterji komuni, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-anness għal din ir-riżoluzzjoni;

6.  Jenfasizza li, minħabba d-domanda dejjem akbar għas-servizzi soċjali, l-intrapriżi soċjali fl-Unjoni qed isiru dejjem aktar importanti fil-qasam tas-servizzi soċjali biex jappoġġjaw lill-persuni li qegħdin f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali jew li qed jesperjenzawhom; jenfasizza li l-intrapriżi soċjali u solidali m'għandhomx jieħdu post is-servizzi soċjali pprovduti mill-Istat iżda, minflok, għandu jkollhom rwol komplementari għalihom; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-intrapriżi soċjali u solidali li jipprovdu servizzi soċjali, tas-saħħa jew edukattivi u kompiti ambjentali speċifiċi f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u l-voluntiera; jenfasizza li l-intrapriżi soċjali u solidali jistgħu potenzjalment isolvu ċerti sfidi soċjali permezz ta' approċċ "minn isfel għal fuq";

7.  Jirrimarka li l-intrapriżi soċjali u solidali jipprovdu opportunitajiet ta' impjieg għall-persuni b'diżabbiltà u għal persuni minn gruppi żvantaġġati oħra;

8.  Jirrimarka li l-intrapriżi soċjali u solidali għandhom bażi lokali u reġjonali b'saħħitha, li tagħtihom il-vantaġġ li jkunu jafu aħjar x'inhuma l-ħtiġijiet speċifiċi u li jkunu jistgħu joffru l-prodotti u s-servizzi meħtieġa fil-qasam, u b'hekk itejbu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

9.  Jinnota li l-intrapriżi soċjali u solidali jistgħu jikkontribwixxu biex iżidu l-ugwaljanza bejn is-sessi u jnaqqsu d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;

10.  Jenfasizza li dawk li l-aktar spiss ikunu esklużi mis-suq tax-xogħol jeħtieġ isirulhom offerti ta' impjieg, billi jerġgħu jiġu integrati l-persuni qiegħda fit-tul u jiġi miġġieled il-qgħad b'mod ġenerali;

11.  Huwa tal-opinjoni li għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li jinvolvi lill-Istati Membri, li permezz tiegħu, l-entitajiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġuridiċi rilevanti jkunu jistgħu jiksbu t-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea; kwalunkwe entità ġuridika rregolata mil-liġi privata u li tissodisfa l-kriterji ġuridiċi għandha tkun intitolata għat-tikketta tal-UE, irrispettivament minn jekk l-Istat Membru fejn tkun ġiet inkorporata jkollux forma ġuridika speċjali għal intrapriżi soċjali u solidali;

12.  Iqis li għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri għall-protezzjoni tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea u l-prevenzjoni tal-istabbiliment u l-operazzjoni ta' intrapriżi soċjali "foloz"; dan il-mekkaniżmu għandu jiżgura li l-intrapriżi li jkollhom it-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea jiġu mmonitorjati b'mod regolari fir-rigward tal-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-tikketta; iqis li sanzjonijiet effettivi u proporzjonati għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri biex jiżguraw li t-tikketta ma tkunx miksuba jew użata b'mod mhux xieraq;

13.  Iqis li l-intrapriżi soċjali u solidali li jkollhom it-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea għandhom jiġu rikonoxxuti bħala tali fl-Istati Membri kollha, skont it-tipi ta' attività li huma involuti fihom, u għandhom igawdu l-istess benefiċċji, drittijiet u obbligi bħall-intrapriżi inkorporati skont il-liġi tal-Istat Membru fejn joperaw;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' definizzjoni wiesgħa u inklużiva fil-livell tal-Unjoni, li tenfasizza l-importanza tal-prinċipju li perċentwal sostanzjali tal-profitti magħmula mill-impriża għandhom jiġu riinvestiti jew użati b'tali mod li jintlaħaq l-iskop soċjali tal-intrapriżi soċjali u solidali; jenfasizza l-isfidi partikolari li jiffaċċjaw il-kooperattivi soċjali u l-intrapriżi soċjali għall-integrazzjoni fix-xogħol (WISEs) meta jwettqu l-missjoni tagħhom li jgħinu lil dawk li l-aktar spiss ikunu esklużi mis-suq tax-xogħol, u jisħaq fuq il-ħtieġa li dawn l-organizzazzjonijiet ikunu koperti mit-tikketta l-ġdida;

15.  Iqis li l-kriterji u r-rekwiżiti ġuridiċi minimi biex tinkiseb u tinżamm Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea jridu jkunu attività soċjalment utli li għandha tiġi ddefinita fil-livell tal-Unjoni; jirrimarka li din l-attività għandha tkun tista' titkejjel f'termini ta' impatt soċjali f'oqsma bħall-integrazzjoni soċjali tal-persuni vulnerabbli, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawk li jkunu f'riskju ta' esklużjoni f'impjiegi sostenibbli u ta' kwalità, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn is-sessi, l-indirizzar tal-marġinalizzazzjoni tal-migranti, it-titjib fl-opportunitajiet indaqs permezz tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-kultura, u akkomodazzjoni deċenti, u l-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi; jenfasizza li, fil-prestazzjoni tagħhom, l-intrapriżi soċjali u solidali jeħtieġ jikkonformaw mal-aħjar prattiki f'termini ta' kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjiegi;

16.  Jenfasizza li l-ispejjeż u l-formalitajiet involuti biex tinkiseb it-tikketta għandhom jinżammu għal minimu, sabiex ma jkunux żvantaġġati l-intrapriżi soċjali, speċjalment il-kumpaniji soċjali u solidali li jkunu ta' daqs żgħir jew medju; għaldaqstant, il-kriterji komuni tal-Unjoni għandhom ikunu sempliċi, ċari u msejsa fuq fatturi sostantivi – aktar milli formali – u li l-proċeduri rilevanti ma jkunux ta' piż; jinnota li, filwaqt li l-obbligi tar-rappurtar huma għodda raġonevoli sabiex jiġi vverifikat li l-intrapriżi soċjali u solidali jkunu għadhom intitolati għat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea, il-frekwenza ta' dawn ir-rapporti u l-informazzjoni obbligatorja li trid tiġi inkluża ma jridux ikunu opprimenti żżejjed; josserva li l-ispejjeż ta' proċess ta' tikkettar jew ċertifikazzjoni jistgħu jkunu limitati jekk l-amministrazzjoni ċentrali titwettaq fil-livell tal-awtoritajiet nazzjonali li jistgħu, f'kooperazzjoni mal-intrapriżi soċjali u solidali, jaqilbu l-amministrazzjoni u t-trattament tat-tikketta għal awtoamministrazzjoni nazzjonali wara d-definizzjoni pan-Ewropea tal-kriterji għall-intrapriżi soċjali u solidali;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu attivament it-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea u jippubbliċizzaw il-benefiċċji soċjali u ekonomiċi tal-intrapriżi soċjali u solidali, inklużi l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-koeżjoni soċjali;

18.  Jirrimarka li l-implimentazzjoni ta' strateġija ta' responsabbiltà soċjali korporattiva bħala parti minn pjan kummerċjali mhijiex biżżejjed biex intrapriża tiġi kklassifikata bħala intrapriża soċjali u solidali, u għaldaqstant, jenfasizza l-importanza li ssir distinzjoni ċara bejn intrapriża soċjali u solidali u intrapriża impenjata fir-responsabbiltà soċjali korporattiva;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politiki tagħha jirriflettu impenn ħalli jinħoloq ambjent favorevoli għall-intrapriżi soċjali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u s-settur tal-intrapriżi soċjali, twettaq studju komparattiv tad-diversi oqfsa ġuridiċi nazzjonali u reġjonali li jirregolaw l-intrapriżi soċjali fl-UE kollha, u tal-kundizzjonijiet operattivi għall-intrapriżi soċjali u tal-karatteristiċi tagħhom, inklużi d-daqs u n-numru tagħhom u l-qasam tal-attivitajiet tagħhom, kif ukoll tad-diversi sistemi nazzjonali ta' ċertifikazzjoni, status u tikkettar;

20.  Jissottolinja li, fil-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE, l-intrapriżi soċjali u solidali għandhom storja twila u stabbilew ruħhom bħala parteċipanti essenzjali u importanti fis-suq;

21.  Jemmen li l-prijoritajiet ta' investiment għall-intrapriżi soċjali u tal-ekonomija soċjali m'għandhomx ikunu limitati għall-inklużjoni soċjali, iżda għandhom jinkludu l-impjiegi u l-edukazzjoni, sabiex dawn jirriflettu l-firxa wiesgħa ta' attivitajiet ekonomiċi li jkunu preżenti fihom;

22.  Jitlob li l-programm "Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ" jitkompla, li l-baġit tiegħu jintuża b'mod effikaċi u li l-informazzjoni dwar il-programm issir aktar aċċessibbli;

23.  Jitlob li jiġu ssimplifikati l-proċeduri għat-twaqqif ta' intrapriżi soċjali, sabiex il-burokrazija żejda ma tkunx ta' ostaklu għall-intraprenditorija soċjali;

24.   Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, lista, li għandha tkun soġġetta għal rieżami, tal-forom ġuridiċi eżistenti fl-Istati Membri u li għandhom il-karatteristiċi ta' impriżi soċjali u żżomm dik il-lista aġġornata filwaqt li tirrispetta l-ispeċifiċitajiet storiċi u legali tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora aħjar l-ekonomija soċjali fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi għall-intrapriżi soċjali u solidali, minn naħa waħda, u forom oħra ta' intrapriżi, min-naħa l-oħra;

26.  Jenfasizza l-importanza tan-netwerking fost l-intrapriżi soċjali, u jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu t-trasferiment tal-għarfien u l-aħjar prattiki fl-Istati Membri (pereżempju bit-twaqqif ta' punti ta' kuntatt nazzjonali) u fl-Unjoni kollha, bl-involviment mhux biss tal-intrapriżi soċjali u solidali nfushom, iżda anke tan-negozji tradizzjonali, id-dinja akkademika u partijiet interessati oħra; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Intraprenditorija Soċjali u f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tkompli tiġbor u taqsam informazzjoni dwar prattiki tajba eżistenti, u tanalizza kemm id-data kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva dwar il-kontribut tal-intrapriżi soċjali u solidali kemm għall-iżvilupp tal-politika pubblika kif ukoll għall-komunitajiet lokali;

27.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif ukoll l-awtoritajiet reġjonali u lokali, għandhom jissimplifikaw id-dimensjoni tal-intrapriża soċjali fil-politiki, il-programmi u l-prattiki rilevanti;

28.  Jenfasizza bil-qawwa li r-regoli ta' kif joperaw l-intrapriżi soċjali jridu jirrispettaw il-prinċipji ta' kompetizzjoni ġusta u ma jippermettux kompetizzjoni inġusta, sabiex l-intrapriżi żgħar u medji jkunu jistgħu jiffunzjonaw kif suppost.

29.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u tippreżenta, fejn xieraq, proposti leġiżlattivi li jfittxu li jistabbilixxu qafas ġuridiku aktar koerenti u komplet bħala appoġġ għall-intrapriżi bbażati fuq l-ekonomija soċjali u fuq is-solidarjetà, b'mod speċifiku, iżda mhux biss, fl-oqsma tal-akkwist pubbliku, id-dritt tal-kompetizzjoni u t-tassazzjoni, sabiex dawn l-impriżi jiġu ttrattati b'mod li jkun konsistenti man-natura partikolari tagħhom u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-koeżjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku; iqis li miżuri bħal dawn għandhom ikunu disponibbli għal intrapriżi li jkunu kisbu t-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea, li tiggarantixxi r-rispett tal-kriterji biex titqies bħala intrapriża soċjali u solidali; iqis li tali proposti leġiżlattivi jistgħu b'mod partikolari jagħmluha aktar faċli għal intrapriżi soċjali u solidali biex jikkooperaw u jagħmlu tranżazzjonijiet transfruntiera ma' intrapriżi oħra bħal dawn;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi tanġibbli biex jiżblukkaw u jattiraw aktar finanzjament pubbliku u privat meħtieġ mill-intrapriżi soċjali u solidali, inkluż il-promozzjoni ta' Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea;

31.  Jitlob li tinħoloq pjattaforma online pubblika Ewropea u multilingwi, li permezz tagħha l-intrapriżi soċjali u solidali jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni u jagħmlu skambju ta' ideat dwar l-istabbiliment, l-opportunitajiet u r-rekwiżiti ta' finanzjament tal-Unjoni, il-parteċipazzjoni fl-akkwist pubbliku u l-istrutturi ġuridiċi possibbli;

32.  Iqis li jkun xieraq li l-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li tistabbilixxi linja ta' finanzjament biex tappoġġja l-innovazzjoni fl-intrapriżi bbażati fuq l-ekonomija soċjali u fuq is-solidarjetà, b'mod partikolari meta l-karattru innovattiv tal-attività mwettqa mill-impriża tagħmilha diffiċli għaliha biex tiżgura finanzjament suffiċjenti taħt kundizzjonijiet tas-suq normali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu passi tanġibbli biex jagħmluha aktar faċli għal intrapriżi bbażati fuq l-ekonomija soċjali u fuq is-solidarjetà biex jattiraw il-fondi li jeħtieġu biex ikomplu jiffunzjonaw;

33.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-intrapriżi soċjali u solidali jingħataw appoġġ billi jingħatalhom biżżejjed finanzjament, peress li s-sostenibbiltà finanzjarja hija essenzjali biex jibqgħu jeżistu; jenfasizza l-ħtieġa li jitrawwem l-appoġġ finanzjarju offrut mill-investituri privati u l-entitajiet pubbliċi lill-intrapriżi soċjali u solidali fil-livelli reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni, b'attenzjoni speċjali għall-finanzjament tal-innovazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-fondi eżistenti tal-Unjoni fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss – jiġifieri 2021-2027 – bħalma huma l-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali, sabiex jiġu promossi l-ekonomija soċjali u l-intraprenditorija soċjali; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali tiegħu, u żżid is-sensibilizzazzjoni tas-settur finanzjarju dwar il-karatteristiċi u l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali tal-intrapriżi soċjali u solidali; barra minn hekk iqis li huwa neċessarju li, b'mod ġenerali, jingħata appoġġ għal mezzi ta' finanzjament alternattivi, bħal fondi ta' kapital ta' riskju, fondi inizjali, mikrokreditu u finanzjament kollettiv, biex jiżdiedu l-investimenti f'dan is-settur, abbażi tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea;

34.  Jitlob li l-fondi tal-Unjoni jintużaw b'mod effiċjenti u jenfasizza li l-aċċess għal dawk il-fondi jeħtieġ ikun aktar faċli għall-benefiċjarji, anke biex l-intrapriżi soċjali jingħataw appoġġ u jissaħħu fl-objettiv primarju tagħhom li jħallu impatt soċjali aktar milli jimmassimizzaw il-profitt tagħhom, li finalment joffri redditu fuq l-investiment għas-soċjetà fuq żmien twil; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tal-QFP 2021-20127 li jmiss, twettaq rieżami tal-qafas regolatorju għall-fondi ta' investiment soċjali sabiex tiffaċilita l-aċċess tal-intrapriżi soċjali u solidali għas-suq finanzjarju; jitlob, f'dan il-kuntest, kampanja Ewropea effikaċi biex titnaqqas il-burokrazija u tiġi promossa t-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea;

35.  jinnota, f'dan ir-rigward, li l-ekonomija soċjali għadha tħabbat wiċċha ma' diffikultajiet fl-aċċess għall-akkwist pubbliku, bħal ostakli relatati mad-daqs u l-kapaċità finanzjarja; itenni l-importanza ta' implimentazzjoni effikaċi tal-pakkett ta' riforma dwar l-akkwist pubbliku min-naħa tal-Istati Membri sabiex ikun hemm parteċipazzjoni akbar minn dawn l-intrapriżi fil-proċeduri ta' offerti għal kuntratti pubbliċi, billi jippubbliċizzaw aħjar ir-regoli dwar l-akkwist, il-kriterji u l-informazzjoni dwar l-offerti, u billi jtejbu l-aċċess għall-kuntratti għal tali intrapriżi, anke inklużi klawsoli u kriterji soċjali, billi jissimplifikaw il-proċeduri u jfasslu l-offerti b'tali mod li jagħmluhom aktar aċċessibbli għal operaturi iżgħar;

36.  Jagħraf li huwa importanti li l-intrapriżi jingħataw appoġġ finanzjarju fl-ekonomija soċjali u solidali; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-ispeċifiċitajiet tal-intrapriżi soċjali meta jirċievu għajnuna mill-Istat; jipproponi li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament fuq l-eżempju tal-kategoriji stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014(14);

37.  Jinnota li, minbarra l-finanzjament, l-għoti ta' servizzi edukattivi u ta' taħriġ għall-individwi impjegati mill-intrapriżi soċjali, speċjalment biex jitrawmu l-ħiliet intraprenditorjali u l-għarfien ekonomiku bażiku dwar kif titmexxa intrapriża, kif ukoll l-għoti ta' appoġġ speċjalizzat, flimkien mas-simplifikazzjoni tal-amministrazzjoni, huma kruċjali biex jissaħħaħ it-tkabbir ta' dan is-settur; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki mmirati lejn trattament fiskali favorevoli għall-intrapriżi soċjali;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom fil-ġbir ta' data kemm kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva, u analiżijiet dwar intrapriżi soċjali u solidali u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-politika pubblika fil-pajjiżi u bejniethom, b'kont meħud tal-ispeċifiċitajiet ta' dawn l-intrapriżi u bl-użu ta' kriterji xierqa u rilevanti, bil-għan li jittejjeb it-tfassil tal-politika u tal-istrateġiji u jiġu żviluppati għodod li jappoġġjawhom fl-iżvilupp tagħhom;

39.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta, fuq il-bażi tal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta għal att leġiżlattiv, dwar il-ħolqien ta' Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea għal intrapriżi bbażati fuq l-ekonomija soċjali u fuq is-solidarjetà, skont ir-rakkomandazzjonijiet imniżżla fl-Anness tiegħu;

40.  Huwa tal-fehma li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta mitluba għandhom ikunu koperti mill-Unjoni u l-Istati Membri;

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet ta' akkumpanjament fl-anness, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI:RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

Rakkomandazzjoni 1 (il-ħolqien tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea u impriżi li jikkwalifikaw)

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li joħloq "Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea", li se tkun fakultattiva għall-intrapriżi bbażati fuq l-ekonomija soċjali u fuq is-solidarjetà (intrapriżi soċjali u solidali), irrispettivament mill-forma ġuridika li jiddeċiedu li jadottaw b'mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li t-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea għandha tingħata biss lill-intrapriżi li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin, b'mod kumulattiv:

(a)  l-organizzazzjoni għandha tkun entità legali privata stabbilita fi kwalunkwe forma disponibbli fl-Istati Membri u skont id-dritt tal-UE, u għandha tkun indipendenti mill-Istat u l-awtoritajiet pubbliċi;

(b)  l-iskop tagħha jrid ikun essenzjalment iffukat fuq l-interess ġenerali jew utilità pubblika;

(c)  hija għandha essenzjalment twettaq attività utli għas-soċjetà u li tkun ibbażata fuq is-solidarjetà, jiġifieri permezz tal-attivitajiet tagħha, hija għandha timmira li tipprovdi appoġġ lil gruppi vulnerabbli, tiġġieled l-esklużjoni soċjali, l-inugwaljanza u l-ksur tad-drittijiet fundamentali, inkluż fil-livell internazzjonali, jew tgħin tipproteġi l-ambjent, il-bijodiversità, il-klima u r-riżorsi naturali;

(d)  hija għandha tkun soġġetta għal tal-inqas restrizzjoni parzjali fuq id-distribuzzjoni tal-profitti u għal regoli speċifiċi dwar l-allokazzjoni tal-profitti u l-assi matul il-ħajja kollha tagħha, inkluż fix-xoljiment tagħha; fi kwalunkwe każ, il-maġġoranza tal-profitti magħmula mill-impriża għandhom jiġu investiti mill-ġdid jew inkella jintużaw biex jinkiseb l-iskop soċjali tagħha;

(e)  hija għandha tiġi rregolata skont mudelli ta' governanza demokratika li jinvolvu l-impjegati, il-klijenti u l-partijiet ikkonċernati tagħha affettwati mill-attivitajiet tagħha; is-setgħa tal-membri u l-piż fit-teħid tad-deċiżjonijiet ma jistgħux ikunu bbażati fuq is-sehem kapitali li jista' jkollhom;

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li xejn ma jżomm lill-impriżi konvenzjonali milli jingħataw it-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti msemmija hawn fuq, b'mod partikolari rigward l-għan tagħhom, id-distribuzzjoni tal-profitti, il-governanza u t-teħid tad-deċiżjonijiet.

Rakkomandazzjoni 2 (mekkaniżmu għaċ-ċertifikazzjoni, is-superviżjoni u l-monitoraġġ tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea)

L-att leġiżlattiv għandu jistabbilixxi mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni u ta' superviżjoni u monitoraġġ tat-tikketta legali bl-involviment tal-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-ekonomija soċjali; tali mekkaniżmu huwa essenzjali biex tiġi protetta t-tikketta legali tal-"intrapriża bbażata fuq l-ekonomija soċjali u fuq is-solidarjetà" u biex jiġi preservat il-valur intrinsiku tagħha. Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li dan il-kontroll għandu jinvolvi organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-setturi tal-intrapriża soċjali.

Penali għall-ksur tar-regoli rilevanti jistgħu jvarjaw minn sempliċi twissija għall-irtirar tat-tikketta.

Rakkomandazzjoni 3 (ir-rikonoxximent tat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea)

It-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea għandha tkun valida fl-Istati Membri kollha. Intrapriża li jkollha t-tikketta għandha tiġi rikonoxxuta bħala intrapriża soċjali u solidali fl-Istati Membri kollha. It-tikketta għandha tippermetti lil kull impriża li jkollha din it-tikketta twettaq l-attività prinċipali tagħha fi Stati Membri oħrajn skont l-istess rekwiżiti bħall-impriżi nazzjonali li jkollhom it-tikketta. Huma għandhom igawdu l-istess benefiċċji, drittijiet u obbligi bħall-intrapriżi soċjali u solidali inkorporati skont il-liġi tal-Istat Membru fejn joperaw.

Rakkomandazzjoni 4 (obbligi ta' rappurtar)

L-att leġiżlattiv għandu jirrikjedi lill-intrapriżi soċjali u solidali, li jkunu lesti jżommu t-tikketta, joħorġu fuq bażi annwali rapport soċjali dwar l-attivitajiet u r-riżultati tagħhom, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, l-allokazzjoni tal-profitti, is-salarji, is-sussidji, u benefiċċji oħra li jirċievu. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tipproduċi mudell biex tgħin lill-intrapriżi soċjali u solidali f'dan l-isforz.

Rakkomandazzjoni 5 (linji gwida ta' prattiki tajbin)

L-att leġiżlattiv għandu jawtorizza wkoll lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi linji gwida għal prattiki tajbin għal intrapriżi soċjali u solidali fl-Ewropa. Dawn il-prattiki tajbin għandhom jinkludu, b'mod partikolari, dan li ġej:

(a)  mudelli ta' governanza demokratika effettiva;

(b)  proċessi ta' konsultazzjoni għall-istabbiliment ta' strateġija ta' negozju effettiv;

(c)  adattament għall-ħtiġijiet soċjali u għas-suq tal-impjiegi, b'mod partikolari fil-livell lokali;

(d)  politika dwar il-pagi, it-taħriġ professjonali, is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali u l-kwalità ta' impjieg;

(e)  relazzjonijiet ma' utenti u klijenti u t-tweġiba għal ħtiġijiet soċjali li mhumiex koperti mis-suq jew mill-Istat;

(f)  is-sitwazzjoni tal-intrapriża fir-rigward tad-diversità, in-nondiskriminazzjoni u opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa fost il-membri tagħhom, inklużi pożizzjonijiet ta' responsabbiltà u ta' tmexxija;

Rakkomandazzjoni 6 (lista ta' forom ġuridiċi)

L-att leġiżlattiv għandu jinkludi lista ta' forom ġuridiċi fl-Istati Membri ta' intrapriżi u impriżi li jikkwalifikaw għat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea. Din il-lista għandha tiġi riveduta regolarment.Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u l-kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri, dik il-lista għandha tkun ippubblikata fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea.

Rakkomandazzjoni 7 (reviżjoni ta' leġiżlazzjoni eżistenti)

Il-Kummissjoni hija mistiedna tirrevedi l-atti ġuridiċi eżistenti u tippreżenta, fejn xieraq, proposti leġiżlattivi li jistabbilixxu qafas ġuridiku aktar koerenti u komplet fl-appoġġ tal-intrapriżi soċjali;

Rakkomandazzjoni 8 (dwar l-ekosistema għall-intrapriżi soċjali u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-politiki tagħha jirriflettu l-impenn biex joħolqu ekosistema għall-intrapriżi soċjali. Il-Kummissjoni hija mistiedna tikkunsidra l-fatt li l-intrapriżi soċjali u solidali għandhom influwenza lokali u reġjonali qawwija, li tagħtihom il-vantaġġ li jkunu aktar konxji dwar il-bżonnijiet speċifiċi u jkunu kapaċi joffru prodotti u servizzi, ħafna minnhom ibbażati fuq il-komunità, kif ukoll itejbu l-koeżjoni soċjali u territorjali. Il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu passi sabiex tippromwovi l-kooperazzjoni bejn intrapriżi soċjali u intrapriżi solidali ma' kull naħa tal-fruntieri nazzjonali u settorjali sabiex trawwem l-iskambju tal-għarfien u tal-prattiki b'tali mod li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' tali intrapriżi;

NOTA SPJEGATTIVA

L-intrapriżi soċjali u solidali huma parti mill-ekonomija soċjali. Huma jikkombinaw objettivi soċjali, ambjentali u komunitarji usa' b'ġestjoni li ssegwi mudell intraprenditorjali. L-attivitajiet tagħhom huma varjati. Huma tipikament involvew ruħhom fil-provvista ta' servizzi soċjali u servizzi ta' integrazzjoni tax-xogħol għal gruppi żvantaġġati iżda jidher li hemm xejra komuni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali biex titwessa' l-firxa ta' attivitajiet li fihom l-intrapriżi soċjali jkunu intitolati li jinvolvu ruħhom, sakemm ikunu ta' interess ġenerali u/jew utilità soċjali, bħall-provvista ta' servizzi komunitarji, inklużi l-oqsma edukattivi, kulturali u ambjentali.

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja riċenti wriet li l-individwi l-aktar milquta mill-konsegwenzi tal-kriżi huma dawk li jappartjenu għall-gruppi l-aktar esklużi u żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari n-nisa, il-persuni b'diżabbiltà, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema bi ftit kwalifiki. F'dan il-kuntest, ir-rapporteur tagħkom jixtieq ifakkar li l-ekonomija soċjali u solidali timpjega aktar minn 14-il miljun persuna, li jirrappreżentaw madwar 6,5 % tal-ħaddiema fl-UE u 10 % tal-impriżi tal-UE.

Fl-Istati Membri tal-UE, l-intrapriżi soċjali jistgħu jassumu varjetà ta' forom u statuses ġuridiċi, li jvarjaw minn forom ġuridiċi aktar tradizzjonali (jiġifieri assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet, kooperattivi, mutwi kumpaniji b'responsabbiltà reċiproka) għal forom ġuridiċi ġodda ddisinjati b'mod esklussiv għal intrapriżi soċjali (jiġifieri kooperattivi soċjali fl-Italja jew GmbH fil-Ġermanja). Din id-diversità u l-karattru innovattiv ta' ċerti forom ġuridiċi bħal dawn iwissu li għandu jkun hemm kawtela f'dan il-qasam li bħalissa huwa fl-istadju ta' żvilupp intensiv. Hija wkoll indikazzjoni li jkun diffiċli li jinsab kunsens fl-Ewropa rigward jekk huwiex konvenjenti jew neċessarju bħalissa li tiġi stabbilita, fil-livell tal-UE, forma ġuridika speċifika ta' intrapriża soċjali.

Għal din ir-raġuni, ir-rapporteur jadotta approċċ aktar kawt li jikkunsidra li jista' jgħin biex jinbena aktar kunsens politiku u, aktar importanti, li jista' jkollu benefiċċji sostanzjali għall-intrapriżi soċjali. Ir-rapporteur tagħkom jipproponi li l-Kummissjoni tiġi mistiedna tintroduċi fil-livell tal-UE "Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea" li tkun fakultattiva, jiġifieri, fuq talba minn intrapriżi soċali u li tingħata lil dawk li jikkonformaw ma' ġabra ta' kriterji irrispettivament mill-forma ġuridika li jiddeċiedu li jadottaw b'mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Din il-ġabra ta' kriterji hija definita fit-test tar-rapport u mhijwiex kompletament ġdida. Hija tibni fuq testi u riżoluzzjonijiet preċedenti tal-istituzzjonijiet tal-UE. F'dan il-kuntest, ir-rapporteur tagħkom jixtieq jenfasizza, sabiex jiċċara kwalunkwe dubju, li d-definizzjoni tiegħu ta' intrapriżi soċjali tinkludi organizzazzjonijiet bi skop ta' qligħ. L-element kritiku huwa li l-aktar parti sinifikanti tal-benefiċċji hija investita mill-ġdid fl-attivitajiet tal-organizzazzjoni u ddedikata għall-għan soċjali.

Ir-rapporteur tagħkom jemmen li l-idea ta' tikkettar tagħti aktar viżibbiltà lill-intrapriżi soċjali, tipprovdihom b'aktar opportunitajiet biex jaċċessaw kemm finanzi pubbliċi kif ukoll privati, isibu finanzjament aħjar u aktar benefiċċji u anke mobbiltà fl-Unjoni Ewropea.

Flimkien ma' din ir-rakkomandazzjoni, ir-rapporteur jinkludi fl-Anness għall-abbozz ta' rapport tiegħu serje ta' rakkomandazzjonijiet oħra. Ir-rapporteur tagħkom jipproponi l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni u ta' superviżjoni u monitoraġġ tat-tikketta ġuridika Ewropea bl-involviment tal-Istati Membri. Dan jipproteġi lill-intrapriżi soċjali minn frodi.

Ir-rapporteur jipproponi wkoll li t-tikketta soċjali Ewropea għandha tkun valida fl-Istati Membri kollha u dan ifisser li kull impriża li jkollha din it-tikketta għandha tkun tista' twettaq l-attività ewlenija tagħha fi Stati Membri oħra bl-istess rekwiżiti bħal impriżi nazzjonali li għandhom it-tikketta. Dawn għandhom igawdu wkoll l-istess benefiċċji, drittijiet u obbligi bħall-intrapriżi soċjali inkorporati skont il-liġi tal-Istat Membru fejn joperaw.

L-att leġiżlattiv għandu jirrikjedi lill-intrapriżi soċjali, li lesti jżommu t-tikketta, joħorġu fuq bażi regolari rapport soċjali dwar l-attivitajiet u r-riżultati tagħhom, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati, l-allokazzjoni tal-profitti, is-salarji, is-sussidji, u benefiċċji oħra li jirċievu. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tipproduċi mudell biex tgħin lill-intrapriżi soċjali f'dan l-isforz.

L-att leġiżlattiv għandu jawtorizza wkoll lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi linji gwida għal prattiki tajbin għal intrapriżi soċjali fl-Ewropa. L-elementi bażiċi li dawk il-linji gwida għandhom jirreferu għalihom huma ddettaljati fl-Anness.

Għall-konvenjenza, l-att leġiżlattiv għandu jinkludi lista rivedibbli ta' forom ġuridiċi fi Stati Membri ta' intrapriżi u impriżi li jikkwalifikaw għat-Tikketta tal-Ekonomija Soċjali Ewropea.

Fl-aħħar nett, ir-rapporteur jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti u tippreżenta, fejn xieraq, proposti leġiżlattivi li jistabbilixxu qafas legali aktar koerenti u komplet fl-appoġġ tal-intrapriżi soċjali.

(1)

Texti adottati, P6_TA(2009)0062.

(2)

Texti adottati, P7_TA(2012)0429.

(3)

Texti adottati, P8_TA(2015)0320.

(4)

13766/15 SOC 643 EMPL 423.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar il-fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238).

(7)

Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(8)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut tas-Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SKE) (ĠU L 207, 18.8.2002, p. 1).

(9)

Testi adottati, P7_TA(2013)0094.

(10)

http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=9024

(11)

Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar il-fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 8).

(12)

https://ec.europa.eu/growth/sectors/social-economy_en

(13)

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=7523, p. 47

(14)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (23.5.2018)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar l-istatut għall-intrapriżi soċjali u solidali

(2016/2237(INL))

Rapporteur għal opinjoni: Heinz K. Becker

(*)  Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

(Inizjattiva – Artikolu 46 tar-Regoli ta' Proċedura)

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi fl-Ewropa hemm varjetà kbira ta' oqfsa regolatorji għall-intrapriżi soċjali u solidali fil-livell nazzjonali b'differenzi kbar f'termini ta' approċċi ġuridiċi (bħal kooperattivi, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet tal-karità, intrapriżi mutwi, fondazzjonijiet eċċ.), mudelli kummerċjali u tipi ta' appoġġ pubbliku; billi l-intrapriżi soċjali u solidali huma l-atturi tal-ekonomija soċjali, li hija parti integrali mill-ekonomija soċjali tas-suq Ewropea fil-qasam soċjali u fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kultura u l-ambjent;

B.  billi l-intrapriżi soċjali u solidali jiffaċċjaw l-isfidi soċjetali b'approċċ innovattiv u jagħtu appoġġ essenzjali lill-Istati Membri; billi l-intrapriżi soċjali u solidali jagħtu kontribut siewi għall-innovazzjoni soċjali; billi l-ekonomija soċjali u solidali għandha titqies bħala wieħed mill-muturi fl-iżvilupp ta' suq intern u ekonomija tas-suq soċjalment u ambjentalment sostenibbli fl-Ewropa; billi l-intrapriżi soċjali u solidali qed isibu modi ġodda ta' kif isolvu l-problemi soċjali f'dinja li qed tinbidel b'rata mgħaġġla; billi l-impatt tal-intrapiżi soċjali u solidali, speċjalment matul il-kriżi ekonomika, ġie enfasizzat peress li joħolqu impjiegi deċenti, inklużivi, lokali u sostenibbli, irawmu t-tkabbir ekonomiku, iħarsu l-ambjent u jsaħħu l-koeżjoni soċjali u reġjonali(1);

C.  billi d-diġitalizzazzjoni, miri klimatiċi ambizzjużi, il-migrazzjoni, l-inugwaljanzi, l-iżvilupp lokali, speċjalment fl-inħawi marġinalizzati, is-servizzi soċjali u tas-saħħa, il-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità u l-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali, il-qgħad fit-tul u l-inugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll kompiti ambjentali speċifiċi, joffru potenzjal kbir għall-intraprenditorija soċjali; billi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali joperaw fis-suq b'mod intraprenditorjali u jassumu riskji ekonomiċi;

D.  billi l-intrapriżi soċjali għandu jkollhom identità komuni fl-Istati Membri kollha, b'attenzjoni għar-rikonoxximent importanti tad-diversità tagħhom; billi l-istudju reċenti mwettaq mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni bit-titlu "A European Statute for Social and Solidarity-based Enterprises" (Statut Ewropew għall-intrapriżi soċjali u solidali) jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-Unjoni u jirrakkomanda l-ħolqien ta' statut, kif ukoll tikketta, ċertifikazzjoni jew marka relatata, aktar milli obbligu li tinħoloq entità ġuridika partikolari għall-intrapriżi soċjali u solidali;

E.  billi ż-żoni rurali joffru opportunitajiet konsiderevoli għall-intrapriżi soċjali u billi, għaldaqstant, huwa essenzjali li titqiegħed għad-dispożizzjoni infrastruttura xierqa fir-reġjuni rurali kollha;

F.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ jeħtieġ ikunu oqsma ta' prijorità fl-iżvilupp ta' kultura intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ;

G.  billi l-impriżi mutwi li joperaw fis-setturi relatati mal-kura tas-saħħa u l-assistenza soċjali fl-Unjoni jimpjegaw 8,6 miljun persuna u jagħtu appoġġ lil 120 miljun ċittadin; billi dawn l-impriżi mutwi għandhom sehem ta' 24 % mis-suq u jiġġeneraw aktar minn 4 % tal-PDG tal-Unjoni;

H.  billi r-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti għall-ħolqien tal-fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej;

1.  Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-madwar 2 miljun intrapriża tal-ekonomija soċjali fl-Ewropa(3), li jimpjegaw aktar minn 14.5 miljun persuna(4), kif ukoll l-importanza imprezzabbli tagħhom għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, għall-koeżjoni soċjali u reġjonali u għal aktar tkabbir ekonomiku fis-suq intern;

2.  Jissottolinja li, fil-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE, l-intrapriżi soċjali u solidali għandhom storja twila u stabbilew ruħhom bħala parteċipanti essenzjali u importanti fis-suq;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali jirrispettaw l-ispeċifiċitajiet storiċi u ġuridiċi tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali f'dak li jirrigwarda r-regolamentazzjoni tas-suq;

4.  Jenfasizza li, minħabba d-domanda dejjem akbar għas-servizzi soċjali, l-intrapriżi soċjali fl-Unjoni qed isiru dejjem aktar importanti fil-qasam tas-servizzi soċjali li jingħataw lill-persuni li qegħdin f'riskju jew f'sitwazzjoni ta' faqar u esklużjoni soċjali; jenfasizza li l-intrapriżi soċjali u solidali m'għandhomx jieħdu post is-servizzi soċjali pprovduti mill-Istat iżda, minflok, għandu jkollhom rwol komplementari għalihom; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-intrapriżi soċjali u solidali fl-għoti ta' servizzi soċjali, tas-saħħa jew edukattivi u fit-twettiq ta' kompiti ambjentali speċifiċi f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u l-voluntiera; jenfasizza li l-intrapriżi soċjali u solidali għandhom il-potenzjal li jsolvu ċerti sfidi soċjali permezz ta' approċċ "minn isfel għal fuq";

5.  Jirrimarka li l-intrapriżi soċjali u solidali jipprovdu opportunitajiet ta' xogħol għall-persuni b'diżabilità u għal persuni minn gruppi żvantaġġati oħra;

6.  Jirrimarka li l-intrapriżi soċjali u solidali għandhom bażi lokali u reġjonali b'saħħitha, li tagħtihom il-vantaġġ li jkunu jafu aħjar x'inhuma l-ħtiġijiet speċifiċi u li joffru l-prodotti u s-servizzi meħtieġa fl-inħawi, u b'hekk itejbu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

7.  Jinnota li l-intrapriżi soċjali u solidali jistgħu jikkontribwixxu biex tiżdied l-ugwaljanza bejn is-sessi u tonqos id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;

8.  Jenfasizza l-importanza tan-networking fost l-intrapriżi soċjali, u jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu t-trasferiment tal-għarfien u l-aħjar prattiki fl-Istati Membri (pereżempju bit-twaqqif ta' punti ta' kuntatt nazzjonali) u fl-Unjoni kollha, bl-involviment mhux biss tal-intrapriżi soċjali u solidali nfushom, iżda anke tal-intrapriżi tradizzjonali, id-dinja akkademika u partijiet interessati oħra; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tal-Grupp ta' Esperti dwar l-Intraprenditorija Soċjali u f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tkompli tiġbor u taqsam informazzjoni dwar prattiki tajba eżistenti, u tanalizza kemm id-data kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva dwar il-kontribut tal-intrapriżi soċjali u solidali kemm għall-politika pubblika kif ukoll għall-komunitajiet lokali;

9.  Jitlob li tinħoloq pjattaforma online pubblika Ewropea u multilingwi, li permezz tagħha l-intrapriżi soċjali u solidali jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni u jagħmlu skambju ta' ideat dwar l-inizjazzjoni, l-opportunitajiet u l-kundizzjonijiet ta' finanzjament tal-Unjoni, il-parteċipazzjoni fl-akkwist pubbliku u l-istrutturi ġuridiċi possibbli;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi "tikketta tal-ekonomija soċjali Ewropea" fil-livell tal-Unjoni, applikabbli għall-intrapriżi soċjali u solidali u msejsa fuq kriterji ċari mfassla biex tenfasizza l-karatteristiċi speċifiċi ta' dawn l-impriżi u l-impatt soċjali tagħhom, iżżid il-viżibilità tagħhom, tħeġġeġ l-investiment, tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament u għas-suq uniku għal dawk li jixtiequ jespandu fil-livell nazzjonali jew fi Stati Membri oħra, u fl-istess ħin tirrispetta l-varjetà ta' forom ġuridiċi u oqfsa eżistenti fis-settur u fl-Istati Membri; jinnota, barra minn hekk, li l-kriterji għandhom jistabbilixxu – kemm f'termini ekonomiċi kif ukoll f'termini soċjali – b'referenza għall-vijabbiltà finanzjarja, l-għan espliċitu li jkunu ta' benefiċċju għall-komunità jew għal grupp speċifiku ta' persuni; jissottolinja li l-enfasi fuq l-aspetti soċjali għandha tkun l-objettiv ewlieni tal-intrapriżi soċjali u solidali; jemmen li l-għoti ta' tikketta bħal din għandu jsir fuq talba tal-intrapriżi li jissodisfaw il-kriterji ta' kwalifikazzjoni, pereżempju t-tħaddin ta' objettiv soċjali, dimensjoni intraprenditorjali, teħid ta' deċiżjonijiet parteċipattiv, u r-riinvestiment sostanzjali tal-profitti; iqis li t-"tikketta tal-ekonomija soċjali Ewropea" għandha tkun volontarja għall-intrapriżi iżda jeħtieġ tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri kollha;

11.  Jenfasizza li bħalissa jeżistu kriterji għad-definizzjoni ta' "intrapriżi soċjali u solidali" għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni, bħal dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), li jiddefinixxi "intrapriża soċjali" bħala impriża, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, li:

(a)  f'konformità mal-artikoli ta' assoċjazzjoni, l-istatuti jew kwalunkwe dokument ġuridiku ieħor li tkun stabbilita permezz tiegħu, ikollha, bħala objettiv primarju, l-ilħiq ta' impatti soċjali pożittivi li jistgħu jitkejlu, aktar milli l-ġenerazzjoni ta' profitti għas-sidien, il-membri u l-azzjonisti tagħha, u li:

(i)  tipprovdi servizzi jew prodotti li jiġġeneraw rendiment soċjali u/jew

(ii)  tuża metodu ta' produzzjoni ta' oġġetti jew servizzi li jinkludu l-objettiv soċjali tagħha;

(b)  tinvesti l-profitti tagħha l-ewwel u qabel kollox biex tilħaq l-objettiv primarju tagħha u jkollha implimentati proċeduri u regoli predefiniti li jkopru kwalunkwe distribuzzjoni tal-profitti lill-azzjonisti jew lis-sidien, sabiex ikun żgurat li tali distribuzzjoni ta' profitti ma timminax l-objettiv primarju; u

(c)  tkun immaniġġjata b'mod intraprenditorjali, responsabbli u trasparenti, b'mod partikolari billi tinvolvi lill-ħaddiema, lill-klijenti u lill-partijiet ikkonċernati affettwati mill-attivitajiet kummerċjali tagħha;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' definizzjoni wiesgħa u inklużiva fil-livell tal-Unjoni, li tenfasizza l-importanza tal-prinċipju li perċentwal sostanzjali tal-profitti magħmula mill-impriża għandhom jiġu riinvestiti jew użati b'tali mod li jintlaħaq l-iskop soċjali tal-intrapriżi soċjali u solidali; jenfasizza l-isfidi partikolari li jiffaċċjaw il-kooperattivi soċjali u l-intrapriżi soċjali li jippromwovu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol (WISEs) fil-missjoni tagħhom li jgħinu lil dawk li l-aktar spiss ikunu esklużi mis-suq tax-xogħol, u jisħaq fuq il-ħtieġa li dawn l-organizzazzjonijiet ikunu koperti mit-tikketta l-ġdida;

13.  Iqis li l-kriterji u r-rekwiżiti ġuridiċi minimi biex tinkiseb u tinżamm "tikketta soċjali Ewropea" jeħtieġ ikunu attività soċjalment utli li għandha tiġi ddefinita fil-livell tal-Unjoni; jirrimarka li din l-attività għandha tkun tista' titkejjel f'termini ta' impatt soċjali f'oqsma bħall-integrazzjoni soċjali tal-persuni vulnerabbli, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawk li jkunu f'riskju ta' esklużjoni f'impjiegi sostenibbli u ta' kwalità, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn is-sessi, l-indirizzar tal-marġinalizzazzjoni tal-migranti, it-titjib tal-ugwaljanza fl-opportunitajiet permezz tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-kultura, u akkomodazzjoni deċenti, u l-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi; jenfasizza li, fil-prestazzjoni tagħhom, l-intrapriżi soċjali u solidali jeħtieġ jikkonformaw mal-aħjar prattiki f'termini ta' kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjiegi;

14.  Jenfasizza li l-ispejjeż u l-formalitajiet meħtieġa biex tinkiseb it-tikketta għandhom jinżammu f'livell baxx kemm jista' jkun, sabiex ma jkunux żvantaġġati l-intrapriżi soċjali, speċjalment il-kumpaniji soċjali u solidali li jkunu ta' daqs żgħir jew medju; għaldaqstant, jeħtieġ li l-kriterji komuni tal-Unjoni jkunu sempliċi, ċari u msejsa fuq fatturi materjali – aktar milli formali – u li l-proċeduri rilevanti ma jkunux ta' piż; jinnota li, filwaqt li l-obbligi tar-rappurtar huma għodda raġonevoli sabiex jiġi vverifikat li l-intrapriżi soċjali u solidali jkunu għadhom intitolati għat-"tikketta tal-ekonomija soċjali Ewropea", jeħtieġ li l-frekwenza ta' dawn ir-rapporti u l-informazzjoni obbligatorja prevista ma jkunux opprimenti żżejjed; jemmen li l-ispejjeż ta' proċess ta' ċertifikazzjoni/tikkettar jistgħu jkunu potenzjalment limitati jekk l-amministrazzjoni ċentrali titwettaq fil-livell tal-awtoritajiet nazzjonali li, f'kooperazzjoni mal-intrapriżi soċjali u solidali, ikunu jistgħu jaqilbu l-eżekuzzjoni u l-immaniġġjar fuq awtoamministrazzjoni nazzjonali wara d-definizzjoni pan-Ewropea tal-kriterji għall-intrapriżi soċjali u solidali;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu t-"tikketta tal-ekonomija soċjali Ewropea" attivament u jippubbliċizzaw il-benefiċċji soċjali u ekonomiċi tal-intrapriżi soċjali u solidali, inklużi l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-koeżjoni soċjali;

16.  Jirrimarka li l-implimentazzjoni ta' strateġija ta' responsabbiltà soċjali korporattiva bħala parti minn pjan kummerċjali mhijiex biżżejjed biex intrapriża tiġi kklassifikata bħala intrapriża soċjali u solidali, u jenfasizza l-importanza, għaldaqstant, li ssir distinzjoni ċara bejn intrapriża soċjali u solidali u intrapriża impenjata fir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR);

17.  Jemmen li l-prijoritajiet ta' investiment għall-intrapriżi soċjali u tal-ekonomija soċjali m'għandhomx ikunu limitati għall-inklużjoni soċjali, iżda għandhom jinkludu l-impjiegi u l-edukazzjoni, sabiex dawn jirriflettu l-firxa wiesgħa ta' attivitajiet ekonomiċi li jkunu preżenti fihom;

18.  Jitlob li l-programm "Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ" jitkompla, li l-baġit tiegħu jintuża b'mod effikaċi u li l-informazzjoni dwar il-programm issir aktar aċċessibbli;

19.  Jitlob li jiġu ssimplifikati l-proċeduri għat-twaqqif ta' intrapriża soċjali, sabiex il-burokrazija żejda ma tkunx ta' ostaklu għall-intraprenditorija soċjali;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora aħjar l-ekonomija soċjali fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi għall-intrapriżi soċjali u solidali, minn naħa waħda, u forom oħra ta' intrapriżi, min-naħa l-oħra;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-intrapriżi soċjali u solidali jingħataw appoġġ billi jingħatalhom biżżejjed finanzjament, peress li s-sostenibbiltà finanzjarja tagħhom hija essenzjali biex jibqgħu jeżistu; jenfasizza l-ħtieġa li jitrawwem l-appoġġ finanzjarju offrut mill-investituri privati u l-entitajiet pubbliċi lill-intrapriżi soċjali u solidali fil-livelli reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni, b'attenzjoni speċjali għall-finanzjament tal-innovazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-fondi eżistenti tal-Unjoni fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss – jiġifieri dak għal bejn l-2021 u l-2027 – bħalma huma l-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali, sabiex jiġu promossi l-ekonomija soċjali u l-intraprenditorija soċjali; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali tiegħu, u żżid is-sensibilizzazzjoni tas-settur finanzjarju dwar il-karatteristiċi u l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali tal-intrapriżi soċjali u solidali; iqis, barra minn hekk, li, b'mod ġenerali, hemm bżonn appoġġ għal mezzi ta' finanzjament alternattivi, bħal fondi ta' kapital ta' riskju, fondi inizjali, mikrokreditu u finanzjament kollettiv, biex jiżdiedu l-investimenti f'dan is-settur, abbażi tat-"tikketta tal-ekonomija soċjali Ewropea";

22.  Jitlob li l-fondi tal-Unjoni jintużaw b'mod effiċjenti u jenfasizza li l-aċċess għal dawn il-fondi jeħtieġ ikun aktar faċli għall-benefiċjarji, anke biex l-intrapriżi soċjali jingħataw appoġġ u jissaħħu fl-objettiv primarju tagħhom li jħallu impatt soċjali aktar milli jimmassimizzaw il-profitt tagħhom, li finalment joffri redditu fuq l-investiment għas-soċjetà fuq żmien twil; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tal-QFP 2021-20127 li jmiss, twettaq rieżami tal-qafas regolatorju għall-fondi ta' investiment soċjali sabiex tiffaċilita l-aċċess tal-intrapriżi soċjali u solidali għas-suq finanzjarju; jitlob, f'dan il-kuntest, kampanja Ewropea effikaċi biex titnaqqas il-burokrazija u tiġi promossa t-"tikketta tal-ekonomija soċjali Ewropea";

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi kwantifikabbli biex jiżblukkaw u jattiraw l-investiment pubbliku u privat meħtieġ mill-intrapriżi soċjali u solidali, fosthom il-promozzjoni ta' "tikketta tal-ekonomija soċjali Ewropea"; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-ekonomija soċjali għadha tħabbat wiċċha ma' diffikultajiet fl-aċċess għall-akkwist pubbliku, bħal ostakli relatati mad-daqs u l-kapaċità finanzjarja; itenni l-importanza ta' implimentazzjoni effikaċi tal-pakkett ta' riforma dwar l-akkwist pubbliku min-naħa tal-Istati Membri sabiex ikun hemm parteċipazzjoni akbar minn dawn l-intrapriżi fil-proċeduri ta' offerti għal kuntratti pubbliċi, billi jippubbliċizzaw aħjar ir-regoli, il-kriterji u l-informazzjoni dwar l-offerti, itejbu l-aċċess għall-kuntratti għal dawn l-intrapriżi, anke permezz ta' klawsoli u kriterji soċjali, jissimplifikaw il-proċeduri u jfasslu l-offerti b'tali mod li jagħmluhom aċċessibbli għal operaturi iżgħar;

24.  Jagħraf li huwa importanti li l-intrapriżi fl-ekonomija soċjali u solidali jingħataw appoġġ finanzjarju; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-ispeċifiċitajiet tal-intrapriżi soċjali li jirċievu għajnuna mill-Istat; jipproponi li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament fuq l-eżempju tal-kategoriji stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014(6);

25.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif ukoll l-awtoritajiet reġjonali u lokali, għandhom jissimplifikaw id-dimensjoni tal-intrapriża soċjali fil-politiki, il-programmi u l-prattiki rilevanti;

26.  Jenfasizza li dawk li l-aktar spiss ikunu esklużi mis-suq tax-xogħol jeħtieġ isirulhom offerti ta' impjieg, bir-riintegrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul u l-ġlieda kontra l-faqar b'mod ġenerali;

27.  Jinnota li, minbarra l-finanzjament, l-għoti ta' servizzi edukattivi u taħriġ għall-individwi impjegati mill-intrapriżi soċjali – speċjalment biex jitrawmu l-ħiliet intraprenditorjali u l-għarfien ekonomiku bażiku dwar kif titmexxa intrapriża – kif ukoll l-għoti ta' appoġġ speċjalizzat, flimkien mas-simplifikazzjoni tal-amministrazzjoni, huma kruċjali biex jissaħħaħ it-tkabbir ta' dan is-settur; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki mmirati lejn trattament fiskali favorevoli għall-intrapriżi soċjali;

28.  Jenfasizza bil-qawwa li r-regoli ta' kif joperaw l-intrapriżi soċjali jridu jirrispettaw il-prinċipji ta' kompetizzjoni ġusta u ma jippermettux kompetizzjoni inġusta, sabiex l-intrapriżi żgħar u medji jkunu jistgħu jiffunzjonaw kif suppost.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

15.5.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Geoffroy Didier, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Arne Gericke, Marian Harkin, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Thomas Mann, Joëlle Mélin, Miroslavs Mitrofanovs, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Robert Rochefort, Claude Rolin, Siôn Simon, Romana Tomc, Marita Ulvskog, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Tania González Peñas, Sergio Gutiérrez Prieto, Krzysztof Hetman, Miapetra Kumpula-Natri, Joachim Schuster, Helga Stevens, Neoklis Sylikiotis

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Dominique Bilde, Dietmar Köster

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

40

+

ALDE

Enrique Calvet Chambon, Martina Dlabajová, Marian Harkin, Robert Rochefort

ECR

Arne Gericke, Helga Stevens, Jana Žitňanská

EFDD

Laura Agea

GUE/NGL

Tania González Peñas, Neoklis Sylikiotis

PPE

Georges Bach, David Casa, Geoffroy Didier, Krzysztof Hetman, Danuta Jazłowiecka, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Claude Rolin, Romana Tomc

S&D

Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Elena Gentile, Sergio Gutiérrez Prieto, Agnes Jongerius, Jan Keller, Dietmar Köster, Miapetra Kumpula-Natri, Javi López, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Joachim Schuster, Siôn Simon, Marita Ulvskog

VERTS/ALE

Jean Lambert, Miroslavs Mitrofanovs

3

-

ENF

Dominique Bilde, Joëlle Mélin

NI

Lampros Fountoulis

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/611030/EPRS_STU(2017)611030_EN.pdf

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar il-fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 8).

(3)

https://ec.europa.eu/growth/sectors/social-economy_mt

(4)

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=mt&pubId=7523, p. 47

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238).

(6)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.6.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Rosa Estaràs Ferragut, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Heidi Hautala, Mary Honeyball, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, József Szájer, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Sergio Gaetano Cofferati, Geoffroy Didier, Angel Dzhambazki, Angelika Niebler, Kosma Złotowski


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

19

+

ALDE

Jean-Marie Cavada, António Marinho e Pinto

EFDD

Joëlle Bergeron

PPE

Geoffroy Didier, Rosa Estaràs Ferragut, Angelika Niebler, Pavel Svoboda, József Szájer, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

S&D

Sergio Gaetano Cofferati, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Mary Honeyball, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Evelyn Regner

VERTS/ALE

Max Andersson, Heidi Hautala, Julia Reda

2

-

ENF

Marie-Christine Boutonnet, Gilles Lebreton

2

0

ECR

Angel Dzhambazki, Kosma Złotowski

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Ġunju 2018Avviż legali