Proċedura : 2018/2064(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0238/2018

Testi mressqa :

A8-0238/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/07/2018 - 9.8

Testi adottati :

P8_TA(2018)0299

RAPPORT     
PDF 541kWORD 55k
27.6.2018
PE 621.031v03-00 A8-0238/2018

dwar ir-rakkomandazzjoni, mill-Kummissjoni, għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti tal-Marokk fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu

(COM(2017)0808 – 2018/2064(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Claude Moraes

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rakkomandazzjoni, mill-Kummissjoni, għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti tal-Marokk fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu

(COM(2017)08082018/2064(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni, mill-Kummissjoni, għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti tal-Marokk fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu (COM(2017)0805),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 16 u 218 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI(5),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tad-Data (ETS Nru 108) u l-Protokoll Addizzjonali tat-8 ta' Novembru 2001 għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali f'dak li għandu x'jaqsam mal-awtoritajiet superviżorji u flussi ta' data transfruntiera (ETS Nru 181),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/2018 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) dwar tmien mandati ta' negozjar sabiex jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali li jippermettu l-iskambju ta' data bejn il-Europol u pajjiżi terzi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità(6),

–  wara li kkunsidra l-ftehim li ntlaħaq mill-Parlament tal-UE u mill-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Regolament dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, u b'mod partikolari l-Kapitolu tiegħu dwar l-ipproċessar ta' data personali operazzjonali li japplika għall-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni meta jwettqu l-attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitoli 4 u 5 tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0234/2018),

A.  billi r-Regolament (UE) 2016/794 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) jippermetti t-trasferiment ta' data personali lil awtorità ta' pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, sa fejn tali trasferiment ikun neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol, abbażi ta' deċiżjoni ta' adegwatezza tal-Kummissjoni skont id-Direttiva (UE) 2016/680, ta' ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 218 tat-TFUE li jipprevedi salvagwardji adegwati, jew ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni li jippermettu l-iskambju ta' data personali konklużi qabel l-1 ta' Mejju 2017, u, f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali, fuq bażi ta' każ b'każ taħt kundizzjonijiet stretti stabbiliti fl-Artikolu 25(5) tar-Regolament (UE) 2016/794 u dment li jkunu żgurati salvagwardji adegwati;

B.  billi l-ftehimiet internazzjonali li jippermettu lill-Europol u lil pajjiżi terzi jikkooperaw u jiskambjaw data personali għandhom jirrispettaw l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 16 tat-TFUE, u b'hekk jirrispettaw il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop, id-dritt għal aċċess, id-dritt għal rettifika u jkunu soġġetti għal monitoraġġ minn awtorità indipendenti stipulata speċifikament mill-Karta, u jkunu meħtieġa u proporzjonati għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol;

C.  billi tali trasferiment għandu jkun ibbażat fuq ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 tat-TFUE li jipprevedi garanziji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi;

D.  billi d-dokument ta' programmazzjoni tal-Europol 2018/2020(7) jirrileva r-rilevanza dejjem tikber ta' approċċ multidixxiplinari msaħħaħ, inkluża l-aggregazzjoni tal-għarfien espert u tal-informazzjoni meħtieġa minn firxa titwessa' ta' sħab, għat-twettiq tal-missjoni tal-Europol;

E.  billi l-Parlament, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-2017 dwar il-Ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, issottolinja li l-ftehimiet ta' kooperazzjoni strateġiċi u operazzjonali bejn il-Europol u pajjiżi terzi jiffaċilitaw kemm l-iskambju ta' informazzjoni kif ukoll kooperazzjoni prattika fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità;

F.  billi l-Europol diġà stabbilixxa diversi ftehimiet dwar l-iskambju ta' data ma' pajjiżi terzi fil-passat, bħall-Albanija, l-Awstralja, il-Bożnija-Ħerżegovina, il-Kanada, il-Kolombja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Georgia, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Moldova, Monaco, il-Montenegro, in-Norveġja, is-Serbja, l-Iżvizzera, l-Ukrajna, l-Istati Uniti tal-Amerka;

G.  billi l-KEPD ilu l-kontrollur tal-Europol mill-1 ta' Mejju 2017, u huwa wkoll il-konsulent tal-istituzzjonijiet tal-UE għal dak li jikkonċerna l-politiki u l-leġiżlazzjoni relatati mal-protezzjoni tad-data;

1.  Iqis li n-neċessità tal-kooperazzjoni mar-Renju tal-Marokk fil-qasam tal-infurzar tal-liġi għall-interessi tas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-proporzjonalità tagħha, jeħtieġ li jiġu vvalutati sewwa; jitlob li l-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, twettaq valutazzjoni tal-impatt eżawrjenti; jirrileva li hemm bżonn ta' kawtela xierqa fid-definizzjoni ta' mandat ta' negozjar għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti tal-Marokk fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu;

2.  Iqis li l-konsistenza sħiħa mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, kif ukoll ma' drittijiet u libertajiet fundamentali oħra protetti mill-Karta, għandha tkun żgurata fil-pajjiżi terzi riċeventi; jistieden lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, jikkompleta l-linji gwida tan-negozjar proposti mill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stipulati f'din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jieħu nota li, sal-lum, ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt xierqa sabiex jiġu vvalutati fil-fond ir-riskji li jirriżultaw minn trasferimenti ta' data personali lir-Renju tal-Marokk fir-rigward tad-drittijiet tal-individwi għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data, iżda wkoll għal drittijiet u libertajiet fundamentali oħra protetti mill-Karta; jitlob li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt xierqa sabiex tiddefinixxi s-salvagwardji meħtieġa li għandhom jiġu integrati fil-ftehim;

4.  Jinsisti li l-livell ta' protezzjoni li jirriżulta mill-ftehim għandu jkun essenzjalment ekwivalenti għal-livell ta' protezzjoni fid-dritt tal-UE; jenfasizza li, jekk tali livell ma jistax jiġi ggarantit, kemm fil-liġi u kemm fil-prattika, il-ftehim ma jistax jiġi konkluż;

5.  Jitlob li, sabiex jirrispetta bis-sħiħ l-Artikolu 8 tal-Karta u l-Artikolu 16 tat-TFUE u sabiex tiġi evitata kwalunkwe responsabbiltà potenzjali tal-Europol rigward ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data li jirriżulta mit-trasferiment ta' data personali mingħajr is-salvagwardji meħtieġa u xierqa, il-ftehim jinkludi dispożizzjonijiet stretti u speċifiċi li jimponu r-rispett tal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop b'kundizzjonijiet ċari għall-ipproċessar tad-data personali trażmessa;

6.  Jitlob li l-Linja Gwida B tiġi kkompletata biex tindika espressament il-qbil li l-Europol, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament dwar il-Europol, għandu jirrispetta kwalunkwe restrizzjoni imposta fuq data personali trażmessa lill-Europol mill-Istati Membri jew minn fornituri oħra rigward l-użu u l-aċċess għad-data li għandha tiġi ttrasferita lir-Renju tal-Marokk;

7.  Jitlob li l-ftehim jipprevedi b'mod ċar li kwalunkwe pproċessar ulterjuri għandu dejjem jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel u bil-miktub mill-Europol; jenfasizza li dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom jiġu ddokumentati mill-Europol u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-KEPD fuq talba tiegħu; jitlob li l-ftehim ikun fih ukoll dispożizzjoni li tobbliga lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju tal-Marokk jirrispettaw dawn ir-restrizzjonijiet u jispeċifikaw kif il-konformità ma' dawn ir-restrizzjonijiet imbagħad tiġi infurzata;

8.  Jinsisti li l-ftehim jinkludi dispożizzjoni ċara u preċiża li tistipula l-perjodu taż-żamma tad-data għad-data personali li tkun ġiet ittrasferita u li tirrikjedi li d-data personali ttrasferita titħassar fi tmiem il-perjodu taż-żamma tad-data; jitlob li miżuri proċedurali jiġu stipulati fil-ftehim biex jiżguraw il-konformità; jinsisti li, f'każijiet eċċezzjonali, fejn ikun hemm raġunijiet debitament ġustifikati biex id-data tinħażen għal perjodu estiż, lil hinn mill-iskadenza tal-perjodu taż-żamma tad-data, dawn ir-raġunijiet u d-dokumentazzjoni ta' akkumpanjament jiġu kkomunikati lill-Europol u lill-KEPD;

9.  Jistenna li l-kriterji inklużi fil-Premessa 71 tad-Direttiva (UE) 2016/680 jiġu applikati, jiġifieri t-trasferimenti ta' data personali għandhom ikunu suġġetti għall-obbligi ta' kunfidenzjalità mill-awtoritajiet kompetenti tal-Marokk li jirċievu data personali mill-Europol, il-prinċipju tal-ispeċifiċità, u li d-data personali mhi se tintuża fl-ebda każ biex tintalab, tingħata jew tiġi eżegwita piena tal-mewt jew kwalunkwe għamla oħra ta' trattament krudili u inuman;

10.  Iqis li l-kategoriji ta' reati li għalihom id-data personali se tiġi skambjata jeħtieġ li jkunu definiti b'mod ċar u mniżżla fil-ftehim internazzjonali stess, f'konformità mad-definizzjonijiet ta' reati kriminali tal-UE meta jkunu disponibbli; jenfasizza li din il-lista għandha tiddefinixxi b'mod ċar u preċiż l-attivitajiet koperti minn tali reati, u l-persuni, il-gruppi u l-organizzazzjonijiet li aktarx jiġu affettwati mit-trasferiment;

11.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiddefinixxu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (QtĠ-UE) u fit-tifsira tal-Artikolu 8(3) tal-Karta, mal-Gvern tar-Renju tal-Marokk, liema awtorità superviżorja indipendenti għandha tkun responsabbli li tissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim internazzjonali; iħeġġeġ li tali awtorità tkun identifikata u stabbilita qabel ma jidħol fis-seħħ il-ftehim internazzjonali; jinsisti li l-isem ta' din l-awtorità jiġi espressament inkluż f'anness mal-ftehim;

12.  Iqis li għandu jkun possibbli għal kull parti kontraenti li tissospendi jew tirrevoka l-ftehim internazzjonali jekk ikun hemm ksur tiegħu, u li l-korp superviżorju indipendenti għandu jkollu wkoll is-setgħa li jissuġġerixxi li l-ftehim jiġi sospiż jew itterminat f'każ ta' ksur tiegħu; iqis li kwalunkwe data personali li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim u li tkun ġiet ittrasferita qabel is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tagħha tista' tibqa' tiġi pproċessata f'konformità mal-ftehim; iqis li evalwazzjoni perjodika tal-ftehim għandha tkun stabbilita sabiex tevalwa l-konformità tas-sħab mal-ftehim;

13.  Huwa tal-fehma li definizzjoni ċara tal-kunċett ta' każijiet individwali hija meħtieġa, minħabba li dan il-kunċett huwa neċessarju biex jiġu vvalutati n-neċessità u tal-proporzjonalità tat-trasferimenti tad-data; jirrileva li din id-definizzjoni għandha tirreferi għal investigazzjonijiet kriminali reali;

14.  Huwa tal-fehma li l-kunċett ta' raġunijiet raġonevoli jeħtieġ li jiġi ddefinit għall-valutazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tat-trasferimenti ta' data; jirrileva li din id-definizzjoni għandha tirreferi għal investigazzjonijiet kriminali reali;

15.  Jenfasizza li d-data ttrasferita lil awtorità riċeventi qatt ma tista' tiġi pproċessata ulterjorment minn awtoritajiet oħra u li, għal dan il-għan, għandha titfassal lista eżawrjenti tal-awtoritajiet kompetenti tar-Renju tal-Marokk, li lilhom il-Europol jista' jittrasferixxi data, inkluża deskrizzjoni tal-kompetenzi tal-awtoritajiet; iqis li kwalunkwe modifika għal tali lista li tissostitwixxi jew iżżid awtorità kompetenti ġdida tkun tirrikjedi reviżjoni tal-ftehim internazzjonali;

16.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi indikat espressament li trasferimenti ulterjuri ta' informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju tal-Marokk lil awtoritajiet oħra fir-Renju tal-Marokk jistgħu jitħallew isiru biss biex jissodisfaw l-iskop oriġinali tat-trasferiment mill-Europol, u għandhom dejjem jiġu kkomunikati lill-awtorità indipendenti, lill-KEPD u lill-Europol;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indikat espressament li t-trasferimenti ulterjuri ta' informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju tal-Marokk lil pajjiżi oħra huma projbiti u jirriżultaw fit-terminazzjoni immedjata tal-ftehim internazzjonali;

18.  Iqis li l-ftehim internazzjonali mar-Renju tal-Marokk għandu jinkludi d-dritt tas-suġġetti tad-data għal informazzjoni, rettifika u tħassir kif previst f'leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

19.  Jinnota li t-trasferiment ta' data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija fi trade union, id-data ġenetika jew data li tikkonċerna s-saħħa u l-ħajja sesswali ta' persuna huwa estremament sensittiv u jagħti lok għal preokkupazzjonijiet profondi fid-dawl tal-qafas legali, tal-karatteristiċi tas-soċjetà u tal-isfond kulturali differenti tar-Renju tal-Marokk meta mqabbel mal-Unjoni Ewropea; jirrileva l-fatt li atti kriminali huma definiti b'mod differenti fl-Unjoni u fir-Renju tal-Marokk huwa tal-fehma li tali trasferiment ta' data, għaldaqstant, għandu jseħħ biss f'każijiet eċċezzjonali ħafna u b'salvagwardji ċari għas-suġġett tad-data u għall-persuni marbuta mas-suġġett tad-data; iqis li jeħtieġ li jiġu ddefiniti salvagwardji speċifiċi li jkunu jridu jiġu rrispettati mir-Renju tal-Marokk fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, inkluż ir-rispett tal-libertà ta' espressjoni, tal-libertà ta' reliġjon u tad-dinjità tal-bniedem;

20.  Jemmen li għandu jiġi inkluż fil-ftehim mekkaniżmu ta' monitoraġġ u li l-ftehim għandu jkun suġġett għal valutazzjonijiet perjodiċi biex jiġu evalwati l-funzjonament tiegħu bi rbit mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-Europol kif ukoll il-konformità tiegħu mad-drittijiet u mal-prinċipji Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tfittex il-parir tal-KEPD qabel il-finalizzazzjoni tal-ftehim internazzjonali bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 2016/794 u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001;

22.  Jenfasizza li l-kunsens tal-Parlament Ewropew għall-konklużjoni tal-ftehim se jkun kondizzjonali fuq l-involviment sodisfaċenti tal-Parlament Ewropew fl-istadji kollha tal-proċedura skont l-Artikolu 218 tat-TFUE;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Gvern tar-Renju tal-Marokk.

(1)

ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.

(2)

ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(3)

ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(4)

ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

(5)

ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2017)0366.

(7)

Id-Dokument ta' Programmazzjoni tal-Europol 2018-2020 adottat mill-Bord Amministrattiv tal-Europol fit-30 ta' Novembru 2017, EDOC# 856927v18.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.6.2018

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

2

5

 

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Martina Anderson, Heinz K. Becker, Malin Björk, Michał Boni, Rachida Dati, Frank Engel, Tanja Fajon, Kinga Gál, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Monika Hohlmeier, Sophia in ‘t Veld, Dietmar Köster, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Roberta Metsola, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Judith Sargentini, Giancarlo Scottà, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Carlos Coelho, Pál Csáky, Gérard Deprez, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Andrejs Mamikins, Ana Miranda, Emilian Pavel, Morten Helveg Petersen, Jaromír Štětina

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

David Coburn, Luigi Morgano


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

41

+

ALDE

Gérard Deprez, Nathalie Griesbeck, Morten Helveg Petersen, Cecilia Wikström

ECR

Branislav Škripek, Helga Stevens

ENF

Giancarlo Scottà

NI

Udo Voigt

PPE

Asim Ademov, Heinz K. Becker, Michał Boni, Carlos Coelho, Pál Csáky, Rachida Dati, Frank Engel, Kinga Gál, Monika Hohlmeier, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Barbara Kudrycka, Roberta Metsola, Csaba Sógor, Jaromír Štětina, Traian Ungureanu

S&D

Tanja Fajon, Ana Gomes, Sylvie Guillaume, Dietmar Köster, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Claude Moraes, Luigi Morgano, Péter Niedermüller, Ivari Padar, Emilian Pavel, Birgit Sippel, Josef Weidenholzer

VERTS/ALE

Ana Miranda, Judith Sargentini, Bodil Valero

2

-

EFDD

David Coburn

ENF

Auke Zijlstra

5

0

ALDE

Sophia in 't Veld

EFDD

Kristina Winberg

GUE/NGL

Martina Anderson, Malin Björk, Marie-Christine Vergiat

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Ġunju 2018Avviż legali