Proċedura : 2017/2225(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0240/2018

Testi mressqa :

A8-0240/2018

Dibattiti :

PV 10/09/2018 - 21
CRE 10/09/2018 - 21

Votazzjonijiet :

PV 11/09/2018 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0323

RAPPORT     
PDF 656kWORD 61k
27.6.2018
PE 620.793v02-00 A8-0240/2018

dwar l-impatt tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fuq l-Irlanda ta' Fuq

(2017/2225(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Derek Vaughan

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

L-Irlanda ta' Fuq hija kklassifikata bħala waħda mill-ifqar reġjuni fil-Majjistral tal-Ewropa. Dan huwa parzjalment spjegat mill-fatt li ċerti industriji tradizzjonali marru lura. L-Irlanda ta' Fuq kienet affettwata wkoll minn vjolenza interkomunitarja għal diversi għexieren ta' snin, magħrufa bħala "The Troubles". Il-"Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira" jew il-Ftehim ta' Belfast tal-1998 stabbilixxa triq għall-paċi, fejn il-Gvern Brittaniku u dak Irlandiż u s-soċjetà tat-Tramuntana u dik ta' Nofsinhar qablu b'maġġoranza kbira dwar arranġament ta' kondiviżjoni tal-poter li kellu jtemm il-vjolenza u s-segregazzjoni.

Wara l-iffirmar tal-"Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira", l-Unjoni Ewropea kellha rwol akbar fl-appoġġ għall-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq. Dan l-appoġġ ħa żewġ forom ewlenin. L-ewwel nett, l-Unjoni Ewropea tifforma l-qafas politiku ġenerali għar-relazzjonijiet bejn ir-Renju Unit, ir-Repubblika tal-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq. It-tieni nett, il-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni Ewropea tat attenzjoni speċjali lill-Irlanda ta' Fuq matul is-snin sabiex tappoġġja l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-kuntest tal-proċess ta' paċi. B'dan meqjus, il-Parlament Ewropew jixtieq janalizza l-impatt tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fuq l-Irlanda ta' Fuq, bl-għan li jistabbilixxi t-triq ’il quddiem.

L-Irlanda ta' Fuq tibbenefika minn diversi programmi ta' koeżjoni, u b'mod partikolari mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, kif ukoll il-Programm PEACE għall-Irlanda ta' Fuq u r-Reġjun mal-Fruntiera tal-Irlanda u l-programmi transfruntiera Interreg.

F'xi każijiet, il-fondi tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq għandhom l-istess rwol li għandhom f'reġjuni Ewropej oħrajn, li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ekonomiku u l-progress soċjali. Hemm ukoll xi programmi li huma mfassla apposta għas-sitwazzjoni speċifika fl-Irlanda ta' Fuq u huma mmirati lejn il-bini ta' pontijiet bejn iż-żewġ komunitajiet u bejn il-fruntieri.

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) fl-Irlanda ta' Fuq

L-objettiv tal-programm tal-FEŻR fl-Irlanda ta' Fuq għall-perjodu 2014-2020 huwa li jsaħħaħ il-kompetittività globali. Hemm enfasi partikolari fuq it-trasferiment tat-teknoloġija ta' riċerka u żvilupp lill-kumpaniji fl-Irlanda ta' Fuq, b'EUR 113-il miljun li qed jiġu investiti f'dan il-qasam.

Iktar minn EUR 140 miljun qed jintużaw biex tiżdied il-kompetittività tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, billi jiġu megħjuna jaċċessaw il-kapital permezz ta' taħlita ta' strumenti finanzjarji u sussidji. Aktar minn 6 000 kumpanija se jkunu rċevew l-appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju, bl-għan li jinħolqu 2 800 impjieg. Jeżisti t-tielet għan li huwa għall-promozzjoni ta' azzjonijiet alternattivi b'livell baxx ta' karbonju fl-Irlanda ta' Fuq. Ġew iddedikati EUR 47 miljun għaż-żieda fl-effiċjenza enerġetika fl-akkomodazzjoni soċjali kif ukoll għal miżuri li jippromwovu t-trasport urban multimodali sostenibbli b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju f'Belfast.

Proġetti importanti reċenti ffinanzjati mill-FEŻR fl-Irlanda ta' Fuq jinkludu ċ-ċentru tal-viżitaturi ta' Giant's Causeway, li jikkontribwixxi għall-attraenza taż-żona għat-turisti u b'hekk jagħti spinta lill-ekonomija lokali.

Il-baġit totali tal-programm operazzjonali għall-FEŻR għall-perjodu 2014-2020 fl-Irlanda ta' Fuq huwa ta' EUR 522 091 481, fejn il-kontribuzzjoni tal-UE hija ta' EUR 313 254 888.

Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fl-Irlanda ta' Fuq

L-objettiv ewlieni tal-FSE fl-Irlanda ta' Fuq għall-2014-2020 huwa li jtejjeb il-ħiliet, b'mod partikolari dawk taż-żgħażagħ. L-għan hawnhekk huwa li jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali billi jitnaqqas il-qgħad.

B'mod partikolari, il-programm operazzjonali jfittex li jtejjeb l-impjegabilità ta' 40 000 persuna, inkluż il-qgħad fuq perjodu twil. Hemm dispożizzjoni għal gwida għall-karrieri, konsulenza u taħriġ għaż-żgħażagħ mingħajr impjieg. Objettiv ieħor tal-programm huwa l-promozzjoni tal-apprendistati.

Il-baġit totali tal-Fond Soċjali Ewropew għall-Irlanda ta' Fuq għall-perjodu 2014-2020 huwa ta' EUR 513 382 725, fejn il-kontribuzzjoni tal-UE hija ta' EUR 205 353 090.

Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) fl-Irlanda ta' Fuq

Il-Programm għall-Iżvilupp Rurali għall-Irlanda ta' Fuq huwa partikolarment importanti minħabba l-importanza kontinwa tas-settur agrikolu għall-ekonomija lokali. Il-programm jiffoka prinċipalment fuq il-preservazzjoni u t-titjib tal-ekosistemi, l-iżvilupp lokali fiż-żoni rurali u ż-żieda fil-kompetittività tas-settur agroalimentari.

B'mod partikolari, il-bdiewa qed jirċievu appoġġ biex jorbtu 12 % tal-art agrikola tal-Irlanda ta' Fuq b'kuntratt biex tiġi ppreservata l-bijodiversità, u qed jinżargħu 1 200 ettaru ta' foresti biex jittaffa t-tibdil fil-klima. Matul il-perjodu 2014-2020, kważi 20 % tal-azjendi agrikoli tal-Irlanda ta' Fuq se jibbenefikaw mill-appoġġ ta' investiment biex jirristrutturaw u jimmodernizzaw in-negozji tagħhom. Barra minn hekk, 10 % tal-azjendi agrikoli u 25 % tan-negozji agroalimentari se jirċievu appoġġ biex jiżviluppaw ktajjen qosra ta' provvista u swieq lokali. Il-programm se joħloq ukoll kważi 30 000 post għal korsijiet ta' taħriġ għall-bdiewa u negozji rurali oħrajn. Barra minn hekk, kull persuna li tgħix f'post rurali fl-Irlanda ta' Fuq hija mistennija li tkun koperta minn strateġija ta' żvilupp lokali filwaqt li madwar 12 % tal-popolazzjoni rurali se tibbenefika minn servizzi u infrastruttura mtejba.

Il-baġit totali tal-programm operazzjonali għall-Irlanda ta' Fuq għall-perjodu 2014-2020 huwa ta' EUR 760 100 000, fejn il-kontribuzzjoni tal-UE hija ta' EUR 228 400 000.

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) fl-Irlanda ta' Fuq

Il-FEMS jappoġġja l-attivitajiet marittimi u tas-sajd u jgħin biex iwassal l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd.

L-appoġġ huwa disponibbli għal proġetti li jwasslu għal tkabbir ekonomiku sostenibbli fis-setturi tas-sajd fil-baħar u tal-akkwakultura. B'mod partikolari, il-finanzjament huwa disponibbli għal titjib fuq bastimenti tas-sajd, inklużi t-titjib fl-enerġija u s-sostituzzjoni ta' magni, għat-trobbija tal-ħut, għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħut, għall-investimenti fil-faċilitajiet ibbażati mal-kosta, għas-servizzi għall-industrija tas-sajd, għall-ħolqien ta' impjiegi u taħriġ, u għall-ambjent tal-baħar u għas-sajd fl-ilmijiet interni.

L-allokazzjoni totali għall-Irlanda ta' Fuq taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd għall-perjodu 2014-2020 hija ta' EUR 18 310 000, fejn il-kontribuzzjoni tal-UE hija ta' EUR 13 730 000.

Il-Programm PEACE għall-Irlanda ta' Fuq u r-Reġjun mal-Fruntiera tal-Irlanda;

PEACE IV huwa programm uniku tal-politika ta' koeżjoni tal-UE li jfittex li jsaħħaħ soċjetà paċifika u stabbli billi jrawwem ir-rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq u r-reġjun mal-fruntiera tal-Irlanda, b'mod partikolari l-kontej ta' Cavan, Donegal, Leitrim, Louth, Monaghan u Sligo. Huwa jfittex li jappoġġja azzjonijiet li jibnu l-fiduċja u jressqu lin-nies eqreb lejn xulxin fuq livell transkomunitarju u transfruntier u li jikkontribwixxu favur soċjetà kondiviża għal kulħadd.

Huwa differenti mill-fondi u l-programmi msemmija hawn fuq għax il-finanzjament mhuwiex ġestit minn korpi nazzjonali jew reġjonali imma mill-Korp Speċjali għall-Programmi tal-UE (Foras Um Chláir Speisialta An AE/Boord O Owre Ocht UE Projecks). Dan huwa korp transfruntier speċjali mwaqqaf fil-kuntest tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira u li huwa rikonoxxut kemm mir-Renju Unit kif ukoll mir-Repubblika tal-Irlanda. Il-programm jiffoka fuq erba' objettivi.

L-objettiv tal-edukazzjoni kondiviża huwa li żżid il-livell ta' kuntatt dirett, sostnut u bbażat fuq il-kurrikuli bejn l-istudenti u l-għalliema mill-isfondi kollha. L-għan huwa li 350 skola u 144 000 student jieħdu sehem f'attivitajiet tal-edukazzjoni kondiviża. Hemm ukoll dispożizzjoni għal taħriġ għall-għalliema.

Fir-rigward ta' tfal u żgħażagħ, il-programm ifittex li jinvesti f'relazzjonijiet tajbin u azzjonijiet ta' mentoraġġ sabiex iżid l-interazzjoni bejn it-tfal u ż-żgħażagħ mill-isfondi kollha, iħeġġeġ ir-rispett għad-diversità u jżid ix-xewqa tagħhom li jiffurmaw relazzjonijiet pożittivi. Azzjonijiet distintivi huma disponibbli għal dawk li huma l-aktar emarġinati, l-aktar vulnerabbli u l-iktar diffiċli biex jintlaħqu. Aktar minn 43 000 tifel u tifla u żgħażagħ se jakkwistaw ħiliet u kompetenzi ġodda. Dawn l-azzjonijiet jinvolvu awtoritajiet u komunitajiet lokali kif ukoll organizzazzjonijiet statutorji u volontarji.

Permezz tal-ħolqien ta' spazji u servizzi kondiviżi, l-għan huwa li r-relazzjonijiet komunitarji fiż-żona tal-Programm u b'mod partikolari fl-Irlanda ta' Fuq jiġu ttrasformati. Dan iħeġġeġ ukoll involviment transfruntier u transkomunitarju ikbar kemm mil-lat ekonomiku kif ukoll mil-lat soċjali. Fir-rigward ta' servizzi, il-programm jitfa' fil-mira l-vittmi u s-superstiti tal-kunflitt, pereżempju billi jindirizza t-trawma, jivvaluta l-ħtiġijiet tas-saħħa fiżika u mentali u jgħin lill-familji jaffaċċjaw l-istorja tal-kunflitt.

Bil-bini ta' relazzjonijiet pożittivi, l-għan huwa li jinħoloq ir-rispett fuq bażi transkomunitarja u transfruntiera. Dan jinkludi r-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-medjazzjoni, proġetti lokali u reġjonali biex jibnu l-fiduċja u l-fehim reċiproċi, proġetti li jesploraw l-istorja b'mod sensittiv, attivitajiet fil-qasam tal-isport, l-arti u l-kultura kif ukoll proġetti li jiffaċilitaw l-interazzjoni personali u l-mobilità bejn ir-residenti minn viċinati fejn hemm il-firda.

Il-baġit totali tal-programm operazzjonali għall-perjodu 2014-2020 huwa ta' EUR 269 610 967, fejn il-kontribuzzjoni tal-UE hija ta' EUR 229 169 320.

Il-programmi Interreg fl-Irlanda ta' Fuq

L-Irlanda ta' Fuq tipparteċipa fi programm Interreg V-A flimkien ma' partijiet li jmissu mar-Repubblika tal-Irlanda u l-Iskozja tal-Punent. Il-Korp Speċjali għall-Programmi tal-UE jiġġestixxi wkoll dan il-programm.

Il-programm jiffoka fuq erba' oqsma li huma kruċjali għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir: l-inizjattivi transfruntiera għar-riċerka u l-innovazzjoni, il-preservazzjoni tal-ambjent kondiviż, il-mobilità sostenibbli bejn il-fruntieri, u s-servizzi tas-saħħa u tal-kura soċjali transfruntiera. L-iskemi li jippromwovu t-trasport pubbliku transfruntier u l-aċċess għall-kura tas-saħħa moderna f'reġjuni mal-fruntiera huma partikolarment importanti.

Il-baġit totali tal-programm operazzjonali għall-programm Interreg V-A għall-Irlanda ta' Fuq, l-Irlanda u l-Iskozja għall-perjodu 2014-2020 huwa ta' EUR 282 761 998, fejn il-kontribuzzjoni tal-UE hija ta' EUR 240 347 696.

L-Irlanda ta' Fuq hija wkoll eliġibbli għal finanzjament taħt Interreg V-B (transnazzjonali: il-Programm tal-Periferija tat-Tramuntana u l-Artiku, il-Programm tal-Majjistral tal-Ewropa u l-Programm taż-Żona tal-Atlantiku) u Interreg V-C (interreġjonali, jiġifieri mal-Ewropa kollha).

Missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq

Sabiex jiġi vvalutat l-impatt tal-politika ta' koeżjoni fl-Irlanda ta' Fuq f'aktar dettall, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali bagħat missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq mill-21 sat-23 ta' Marzu 2018. Matul dik il-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni, il-Membri ltaqgħu ma' diversi partijiet interessati sabiex jiġbru informazzjoni dwar il-politika ta' koeżjoni fl-Irlanda ta' Fuq, u żaret diversi proġetti ffinanzjati bl-assistenza tal-programmi ta' koeżjoni. Dawk kienu jinkludu proġetti urbani f'Belfast, proġetti transfruntiera fiż-żona ta' Derry/Londonderry u proġetti rurali fiż-żona ta' Giant's Causeway.

B'mod partikolari, il-Membri żaru ċ-Ċentru Skainos fil-Lvant ta' Belfast u l-Girdwood Hub fit-Tramuntana ta' Belfast, li huma eżempji ta' spazji transkomunitarji u kondiviżi. F'Derry/Londonderry, il-parteċipanti fil-missjoni żaru l-Park tax-Xjenza Reġjonali tal-Majjistral (Catalyst Inc), li jgħin fit-tkabbir ta' negozji żgħar u ta' daqs medju fl-ekonomija tal-għarfien. F'Giant's Causeway, ir-rappreżentanti tal-kumitat żaru ċ-Ċentru tal-Viżitaturi, li huwa importanti biex jattira t-turiżmu fiż-żona, iżda wkoll taw widen lil tliet negozji u inizjattivi lokali li kienu kisbu finanzjament mill-UE għal skopijiet ta' għajnuna fl-iżvilupp tal-ekonomija lokali. F'Belfast saru wkoll laqgħat mal-uffiċċju tal-Kummissjoni, il-Korp Speċjali għall-Programmi tal-UE, id-Dipartiment tal-Finanzi u d-Dipartiment għall-Ekonomija.

Il-laqgħat u ż-żjarat ta' proġetti huma deskritti fid-dettall fir-rapport tal-missjoni, li huwa ppubblikat separatament.

Konklużjoni

Il-konklużjoni ġenerali tar-rapporteur dwar l-impatt tal-politika ta' koeżjoni fuq l-Irlanda ta' Fuq hija li l-politika kellha effett totalment pożittiv fuq il-ħajja fl-Irlanda ta' Fuq, partikolarment fiż-żoni urbani u rurali li kienu jinsabu fil-bżonn, u fir-rigward tar-relazzjonijiet transkomunitarji. Il-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni Ewropea għenet biex ittejjeb is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Irlanda ta' Fuq wara l-implimentazzjoni tal-proċess ta' paċi, li jfisser li issa l-Irlanda ta' Fuq għandha defiċit tal-iżvilupp ħafna iktar baxx milli kien ftit għexieren ta' snin ilu.

Fir-rigward tar-relazzjonijiet transkomunitarji, il-Programm PEACE huwa partikolarment importanti. Huwa amministrat minn korp indipendenti li huwa separat mill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali, u jiffoka b'mod speċjali fuq il-ħolqien ta' rabtiet bejn il-komunitajiet tal-Irlanda ta' Fuq u dawk fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera. Fl-assenza tal-Programm PEACE sponsorjat mill-UE, dawn ir-rabtiet kienu jkunu diffiċli li jinkisbu.

Rigward il-ġejjieni tal-politika ta' koeżjoni fl-Irlanda ta' Fuq, ir-rapporteur tagħkom iqis li, jekk ikun possibbli, il-finanzjament ta' koeżjoni għandu jibqa' jinżamm wara l-2020. Is-suċċessuri tal-Programm PEACE kurrenti u tal-programm Interreg V-A fl-Irlanda ta' Fuq u fiż-żoni mal-fruntiera għandu jkollhom, f'dan ir-rigward, prijorità ferm akbar, peress li għandu jitkompla l-finanzjament tal-proġetti transkomunitarji u transfruntiera.


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-impatt tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fuq l-Irlanda ta' Fuq

(2017/2225(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-impatt tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fuq l-Irlanda ta' Fuq,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Belfast tal-1998 (il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0240/2018),

A.  billi l-politika ta' koeżjoni tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq topera permezz ta' diversi strumenti, inklużi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-Programm PEACE għall-Irlanda ta' Fuq u r-Reġjuni mal-Fruntiera u l-programmi transfruntiera tal-Interreg;

B.  billi huwa ċar li l-Irlanda ta' Fuq hija reġjun li bbenefika ħafna mill-politika ta' koeżjoni tal-UE; billi l-impenn ta' finanzjament futur fl-abbozz tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-Kummissjoni għall-2027-2021 qed jintlaqa' b'mod pożittiv ferm;

C.   billi, apparti l-fondi aktar ġenerali tal-politika ta' koeżjoni , l-Irlanda ta' Fuq ibbenefikat b'mod partikolari minn programmi transfruntiera u programmi interkomunitarji u transkomunitarji speċjali, inkluż il-Programm PEACE;

D.   billi l-politika ta' koeżjoni tal-UE, b'mod partikolari permezz tal-Programm PEACE, ikkontribwiet b'mod deċiżiv għall-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq, tappoġġja l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira u tkompli tappoġġja r-rikonċiljazzjoni tal-komunitajiet;

E.  billi wara l-ħolqien tal-ewwel Programm PEACE fl-1995, intefqu aktar minn EUR 1,5 biljun bl-għan doppju li tiġi promossa l-koeżjoni bejn il-komunitajiet involuti fil-kunflitt fl-Irlanda ta' Fuq u fil-kontej mal-fruntiera tal-Irlanda, kif ukoll l-istabbiltà ekonomika u soċjali;

F.  billi s-suċċess tal-finanzjament ta' koeżjoni tal-UE jirriżulta parzjalment mill-fatt li dan jitqies bħala "flus newtrali", jiġifieri flus mhux marbuta direttament mal-interessi tal-ebda waħda minn dawn il-komunitajiet;

1.  Jenfasizza l-kontribuzzjoni importanti u pożittiva tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq, partikolarment fir-rigward tal-assistenza għall-irkupru ta' oqsma urbani u rurali li jinsabu fil-bżonn, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima u l-bini ta' kuntatti transkomunitarji u transfruntiera fil-kuntest tal-proċess ta' paċi; jinnota, b'mod partikolari, li l-assistenza għal żoni urbani u rurali li jinsabu fil-bżonn spiss tieħu l-forma ta' appoġġ għal żvilupp ekonomiku ġdid li jippromwovi l-ekonomija tal-għarfien, bħalma huma l-Parks tax-Xjenza f'Belfast u f'Derry/Londonderry;

2.  Jenfasizza li aktar minn EUR 1 biljun f'assistenza finanzjarja tal-UE ser jintefqu fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali fl-Irlanda ta' Fuq u fir-reġjuni ġirien fil-perjodu finanzjarju kurrenti, li minnhom EUR 230 miljun ser jiġu investiti fil-Programm PEACE tal-Irlanda ta' Fuq (b'baġit totali ta' kważi EUR 270 miljun) u EUR 240 miljun fil-programm Interreg V-A għall-Irlanda ta' Fuq, l-Irlanda u l-Iskozja (b'baġit totali ta' EUR 280 miljun);

3.   Jikkunsidra li l-programmi speċjali tal-UE għall-Irlanda ta' Fuq, speċjalment il-Programm PEACE, huma ta' importanza ewlenija biex jinżamm il-proċess ta' paċi, peress li jrawmu r-rikonċiljazzjoni u l-kuntatti interkomunitarji, transkomunitarji u transfruntiera; jinnota li ċ-ċentri soċjali transkomunitarji u transfruntiera u s-servizzi kondiviżi huma partikolarment importanti f'dan ir-rigward;

4.  Jilqa' l-passi importanti 'l quddiem li ttieħdu fl-Irlanda ta' Fuq permezz tal-Programm PEACE, u jirrikonoxxi l-ħidma tal-partijiet kollha f'dan il-proċess;

5.   Josserva li l-miżuri interkomunitarji u transkomunitarji għall-bini tal-fiduċja, u l-miżuri għal koeżistenza paċifika, bħalma huma l-ispazji kondiviżi u n-netwerks ta' appoġġ, kellhom rwol ewlieni fil-proċess ta' paċi, peress li l-ispazji kondiviżi jippermettu lill-komunitajiet fl-Irlanda ta' Fuq jinġabru flimkien bħala komunità waħda għal attivitajiet konġunti u jiżviluppaw fiduċja u rispett reċiproċi, u b'hekk jgħinu biex titfejjaq il-firda;

6.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità u tal-approċċ minn isfel għal fuq, li jinkoraġġixxu lill-komunitajiet kollha jieħdu s-sjieda tal-proġetti, u b'hekk jissaħħaħ il-proċess ta' paċi;

7.  Jinnota l-impenn tal-partijiet interessati kollha fl-Irlanda ta' Fuq għall-kontinwazzjoni tal-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fir-reġjun; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' governanza f'diversi livelli kkoordinata u fuq il-prinċipju tas-sħubija;

8.   Huwa tal-opinjoni, madankollu, li jista' jsir aktar biex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u l-viżibilità ġenerali tal-impatt u l-bżonn ta' finanzjament tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq, b'mod partikolari billi l-pubbliku ġenerali jiġi informat dwar l-impatt tal-proġetti ffinanzjati mill-UE għall-proċess ta' paċi u l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun;

9.  Jilqa' l-fatt li s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll fir-reġjuni qegħdin jaħdmu kif suppost u li għaldaqstant l-assistenza finanzjarja tal-UE qiegħda tintefaq b'mod effettiv; jisħaq, madankollu, li meta tiġi vvalutata l-prestazzjoni ta' dan il-programm, iridu dejjem jitqiesu, apparti l-konformità, l-objettivi sottostanti tal-Programm PEACE;

10.  Mingħajr ħsara għan-negozjati li għaddejjin bejn l-UE u r-Renju Unit, jemmen li, wara l-2020, huwa kruċjali għall-Irlanda ta' Fuq li tkun kapaċi tipparteċipa f'ċerti programmi speċjali tal-UE, bħal pereżempju l-Programm PEACE u l-programm Interreg V-A għall-Irlanda ta' Fuq, l-Irlanda u l-Iskozja, peress li dan ikun ta' benefiċċju kbir għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, b'mod partikolari fiż-żoni rurali, żvantaġġati u mal-fruntiera, billi jitnaqqsu d-differenzi eżistenti; iħeġġeġ, barra minn hekk, fil-kuntest tal-QFP ta' wara l-2020, li jintużaw l-istrumenti finanzjarji rilevanti kollha sabiex jippermettu t-tkomplija tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni;

11.  Iqis li, wara l-2020, mingħajr ħsara għan-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u r-Renju Unit, l-appoġġ tal-UE għall-kooperazzjoni territorjali, speċjalment fir-rigward ta' proġetti transfruntiera u transkomunitarji, għandu jitkompla fid-dawl tal-kisbiet tal-programmi ta' koeżjoni tal-UE speċjali għall-Irlanda ta' Fuq, jiġifieri l-Programm PEACE u l-programmi Interreg, li huma partikolarment importanti għall-istabbiltà tar-reġjun; jibża' li, jekk jintemmu dawn il-programmi, jiġu pperikolati l-attivitajiet transfruntiera u dawk interkomunitarji u transkomunitarji għall-bini ta' fiduċja u, bħala konsegwenza, il-proċess ta' paċi;

12.  Jenfasizza li 85 % tal-finanzjament għall-programmi PEACE u Interreg jiġi mill-UE; iqis, għaldaqstant, li huwa importanti li l-UE għandha tkompli tagħmel kuntatt mal-komunitajiet fl-Irlanda ta' Fuq wara l-2020 billi jkollha rwol attiv fl-amministrazzjoni tal-finanzjament tal-koeżjoni u dawk interkomunitarji u transkomunitarji disponibbli tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq, u b'hekk jiġu megħjuna jegħlbu d-diviżjonijiet soċjetali; f'dan il-kuntest, jemmen li l-finanzjament għandu jinżamm f'livell adegwat wara l-2020; jisħaq fuq il-fatt li dan huwa importanti biex jippermetti li tkompli l-ħidma għall-bini tal-paċi;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-esperjenza tal-Irlanda ta' Fuq b'finanzjament tal-koeżjoni, speċjalment bil-Programm PEACE, bħala eżempju ta' kif l-UE qed tindirizza l-kunflitti interkomunitarji u d-diviżjonijiet fil-komunità; jisħaq fuq il-fatt, f'dan ir-rigward, li l-proċess ta' rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq huwa eżempju pożittiv għal żoni oħra fl-UE li jkunu esperjenzaw kunflitt;

14.  Jisħaq fuq il-fatt li prattiki tajba b'finanzjament tal-koeżjoni u l-Programm PEACE għandhom jittieħdu bħala mudell tal-UE u promossi sabiex jegħlbu n-nuqqas ta' fiduċja fost il-komunitajiet f'kunflitt u biex tinkiseb il-paċi dejjiema f'partijiet oħra tal-Ewropa u anke madwar id-dinja;

15.  Iqis li huwa essenzjali li l-poplu tal-Irlanda ta' Fuq, u b'mod partikolari ż-żgħażagħ, għandu jibqa' jkollu aċċess għall-iskambji ekonomiċi, soċjali u kulturali madwar l-Ewropa, partikolarment għall-programm Erasmus+;

16.   Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi t-tkomplija tal-programmi PEACE u Interreg fil-proposta tagħha għall-QFP 2021-2027. jinnota, barra minn hekk, id-dokument ta' pożizzjoni tar-Renju Unit dwar il-futur tal-Politika ta' Koeżjoni ta' April 2018, li fih ir-Renju Unit jiddikjara r-rieda tiegħu li jesplora suċċessur potenzjali għal PEACE IV, kif ukoll Interreg V-A, għall-perjodu ta' wara l-2020 mal-Eżekuttiv tal-Irlanda ta' Fuq, il-Gvern Irlandiż u l-UE, kif ukoll l-impenn tiegħu li jonora l-impenji għal PEACE u Interreg taħt il-QFP kurrenti;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Assemblea u l-Eżekuttiv tal-Irlanda ta' Fuq, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (15.5.2018)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar l-impatt tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fuq l-Irlanda ta' Fuq

(2017/2225(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Derek Vaughan

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra l-impatt tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fuq l-Irlanda ta' Fuq,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Belfast tal-1998 (il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira),

A.  billi l-Irlanda ta' Fuq ibbenefikat ħafna mill-politika ta' koeżjoni tal-UE;

B.  billi, apparti l-fondi ta' politika ta' koeżjoni aktar ġenerali, l-Irlanda ta' Fuq ibbenefikat b'mod partikolari minn programmi transfruntiera u transkomunitarji speċjali, inkluż il-programm PEACE tal-Irlanda ta' Fuq; billi dawn il-programmi kkontribwew b'mod deċiżiv għall-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq u għall-appoġġ tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, u għadhom jappoġġaw ir-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet Kattoliċi u dawk Protestanti;

C.  billi wara l-ħolqien tal-ewwel programm PEACE fl-1995, aktar minn EUR 1.5 biljun ntefqu bl-għan doppju li tiġi promossa l-koeżjoni bejn il-komunitajiet involuti fil-kunflitt fl-Irlanda ta' Fuq u fil-kontej konfinali tal-Irlanda, kif ukoll l-istabbiltà ekonomika u soċjali;

1.  Jenfasizza li ser jintefqu aktar minn EUR 1 biljun f'assistenza finanzjarja tal-UE fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fl-Irlanda ta' Fuq u fir-reġjuni ġirien fil-perjodu finanzjarju kurrenti, li minnhom EUR 230 miljun ser jiġu investiti fil-programm PEACE tal-Irlanda ta' Fuq (b'baġit totali ta' kważi EUR 270 miljun) u EUR 240 miljun fil-programm INTERREG V-A għall-Irlanda ta' Fuq, l-Irlanda u l-Iskozja (b'baġit totali ta' EUR 280 miljun);

2.  Jirrikonoxxi r-rwol sinifikanti li l-politika ta' koeżjoni tal-UE kellha fiż-żamma tal-paċi fl-Irlanda ta' Fuq u fl-iffaċilitar tar-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet;

3.  Jilqa' l-fatt li s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll fir-reġjuni qegħdin jaħdmu kif suppost u li għaldaqstant l-assistenza finanzjarja tal-UE qiegħda tintefaq b'mod effettiv; jisħaq, madankollu, li minbarra l-konformità, l-objettivi sottostanti tal-programm PEACE iridu dejjem jitqiesu meta tiġi vvalutata l-prestazzjoni ta' dan il-programm;

4.  Ma jistax jantiċipa x'soluzzjoni ser tinstab għall-Irlanda ta' Fuq wara l-2020, fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, iżda jisħaq l-importanza li tinstab soluzzjoni għar-reġjun li tippermetti t-tkomplija tal-ħidma importanti għall-bini tal-paċi;

5.  Jinsab konvint li jkun fl-interess tar-Renju Unit, l-Irlanda u l-Unjoni Ewropea kollha li jitkompla l-finanzjament tal-programm PEACE tal-Irlanda ta' Fuq u l-programm INTERREG V-A għall-Irlanda ta' Fuq, l-Irlanda u l-Iskozja bil-għan li jiġi appoġġat żvilupp paċifiku u prosperu ta' dawn ir-reġjuni; jistieden lill-partijiet kollha jkunu immaġinattivi dwar kif jista' jinkiseb finanzjament għal dawn l-objettivi importanti;

6.  Jenfasizza li 85 % tal-finanzjament għall-programmi PEACE u INTERREG ġej mill-UE u li jekk ma jitkompliex il-finanzjament tal-UE, il-proġetti ffinanzjati minn dawn il-programmi jistgħu jiġu pperikolati;

7.  Jilqa' l-proposta ta' Awwissu 2017 tal-Gvern tar-Renju Unit sabiex jesplora, flimkien mal-Eżekuttiv tal-Irlanda ta' Fuq u l-Gvern Irlandiż(1), l-idea ta' suċċessur potenzjali għall-PEACE IV għall-perjodu ta' wara l-2020; jenfasizza r-rispons pożittiv li jinsab fir-Rapport Konġunt ta' Diċembru 2017, li fih kemm in-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll dawk tal-Gvern tar-Renju Unit qablu li jeżaminaw il-possibbiltajiet ta' appoġġ futur għall-programmi ta' finanzjament ta' PEACE u INTERREG(2); jinnota, barra minn hekk, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi t-tkomplija ta' dawn il-programmi fil-proposta tagħha għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss(3).

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

15.5.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

11

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zigmantas Balčytis, Jonathan Bullock, Martina Dlabajová, Raffaele Fitto, Ingeborg Gräßle, Cătălin Sorin Ivan, Georgi Pirinski, Claudia Schmidt, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Brian Hayes, Julia Pitera

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

11

+

ALDE

Martina Dlabajová

ECR

Raffaele Fitto

PPE

Ingeborg Gräßle, Brian Hayes, Julia Pitera, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský

S&D

Zigmantas Balčytis, Cătălin Sorin Ivan, Georgi Pirinski, Derek Vaughan

1

-

EFDD

Jonathan Bullock

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

L-Irlanda ta' Fuq u l-Irlanda: dokument ta' pożizzjoni, paragrafu 17, Awwissu 2017.

(2)

Rapport konġunt min-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Renju Unit dwar il-progress matul l-ewwel fażi tan-negozjati skont l-Artikolu 50 tat-TUE dwar il-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, paragrafu 55, Diċembru 2017.

(3)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Diċembru 2017 dwar l-istat tal-progress tan-negozjati mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (COM(2017)0784), p. 9.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.6.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

2

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, John Flack, Aleksander Gabelic, Michela Giuffrida, Ivan Jakovčić, Marc Joulaud, Constanze Krehl, Sławomir Kłosowski, Louis-Joseph Manscour, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Andrey Novakov, Konstantinos Papadakis, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Liliana Rodrigues, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Ángela Vallina, Monika Vana, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Kerstin Westphal, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Martina Anderson, John Howarth, Elsi Katainen, Tunne Kelam, Ivana Maletić, Bronis Ropė, Milan Zver

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jonathan Bullock, Andrzej Grzyb


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

32

+

ALDE

Ivan Jakovčić, Elsi Katainen, Iskra Mihaylova, Matthijs van Miltenburg

EFDD

Rosa D'Amato

GUE/NGL

Martina Anderson, Martina Michels, Ángela Vallina

PPE

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Andrzej Grzyb, Marc Joulaud, Tunne Kelam, Ivana Maletić, Lambert van Nistelrooij, Andrey Novakov, Stanislav Polčák, Ramón Luis Valcárcel Siso, Joachim Zeller, Milan Zver

S&D

Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Aleksander Gabelic, Michela Giuffrida, John Howarth, Constanze Krehl, Louis-Joseph Manscour, Liliana Rodrigues, Derek Vaughan, Kerstin Westphal

VERTS/ALE

Bronis Ropė, Monika Vana

2

-

EFDD

Jonathan Bullock

NI

Konstantinos Papadakis

4

0

ECR

John Flack, Sławomir Kłosowski, Mirosław Piotrowski, Ruža Tomašić

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Awwissu 2018Avviż legali