Proċedura : 2018/2038(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0244/2018

Testi mressqa :

A8-0244/2018

Dibattiti :

PV 10/09/2018 - 22
CRE 10/09/2018 - 22

Votazzjonijiet :

PV 11/09/2018 - 6.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0324

RAPPORT     
PDF 628kWORD 57k
28.6.2018
PE 620.798v03-00 A8-0244/2018

dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri speċifiċi għall-Greċja skont ir-Regolament 2015/1839

(2018/2038(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Pascal Arimont

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008 kellha impatt profond fuq il-baġits nazzjonali u reġjonali, u llimitat il-finanzjament għat-tipi kollha ta' investiment fl-Istati Membri kollha b'mod ġenerali, u fil-Greċja b'mod partikolari.

Fil-Greċja, il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 ikkoinċida ma' reċessjoni twila u profonda, li ġiet ikkawżata mill-kriżi ekonomika u finanzjarja globali li kixfet in-nuqqasijiet strutturali fit-tul tal-ekonomija. Bejn l-2007 u l-2013, il-PDG naqas b'26 % f'termini reali u filwaqt li r-reċessjoni intemmet fl-2014, it-tkabbir matul is-sentejn kien inqas minn 1 %. Ir-rata ta' impjieg naqset minn 66 % tal-popolazzjoni bejn 20 u 64 sena fl-2007 għal 53 % fl-2013, u dan jimplika li kienu ftit aktar minn nofs l-ammont ta' nies fl-età tax-xogħol li kienu impjegati. Il-qgħad żdied minn 8,4 % tal-forza tax-xogħol għal 27,5 % matul l-istess perjodu.

Il-bilanċ finanzjarju tas-settur pubbliku li kien diġà f'defiċit sinifikanti fl-2007 kompla jmur għall-agħar waqt li l-PDG waqa'. Fl-2009, id-defiċit kiber għal 15 % tal-PGD u minkejja l-miżuri ta' awsterità imposti minn istituzzjonijiet finanzjarji b'ritorn għal self, dan xorta kien 13 % tal-PGD fl-2013. Id-dejn pubbliku kkonsolidat, diġà għoli ħafna qabel il-kriżi, żdied għal 178 % tal-PDG fl-2013 u kien xi ftit jew wisq l-istess fl-2015. L-investiment pubbliku b'rabta mal-PDG naqas bin-nofs bejn l-2007 u l-2013, u għalkemm kien hemm xi żieda fis-sentejn ta' wara, fl-2015, kien biss ta' ftit aktar minn 50 % tal-livell tal-2006 f'termini reali.

F'dan il-kuntest ekonomiku pjuttost diffiċli, il-Fondi SIE saru ferm aktar importanti għall-kofinanzjament ta' programmi ta' investiment pubbliku. L-impenji mill-Fondi SIE kellhom rwol kruċjali fil-Greċja bħal f'ħafna Stati Membri oħra, fejn f'xi każijiet koprew aktar minn 50 % tal-investiment pubbliku totali.

Total ta' EUR 20,4 biljun mill-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 ġie allokat lill-Greċja. Matul dak il-perjodu, il-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni għenu lill-Greċja biex jinħolqu aktar minn 21 000 impjieg; biex jibdew aktar minn 2 400 negozju u biex ġie investit direttament f'aktar minn 30 000 SME; biex il-kopertura tal-internet broadband tiġi estiża għal 800 000 ċittadin addizzjonali; biex jittejjeb it-trasport urban, għall-benefiċċju ta' aktar minn 27 000 ruħ; biex isir investiment fi proġetti tal-ilma li għall-benefiċċju ta' aktar minn 450 000 ruħ.

Għall-perjodu attwali 2020-2014, permezz ta' 20 programm nazzjonali u reġjonali, il-Greċja ġiet allokata EUR 20,38 biljun mill-Fondi SIE, li, flimkien mal-kontribuzzjonijiet nazzjonali ta' EUR 4,6 biljun, itellgħu l-baġit għal total ta' EUR 24,98 biljun, li għandhom jiġu investiti f'diversi oqsma.

Bejn l-2008 u l-2015, ir-reġjuni Griegi kollha esperjenzaw tnaqqis enormi fil-PDG per capita tagħhom meta mqabbel mal-medja tal-UE, u dan ireġġa' lura l-konverġenza miksuba bejn l-2000 u l-2008. Fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni Griegi, it-tnaqqis ammonta għal iktar minn 3 % fis-sena. Fl-2008, tlieta mit-tlettax-il reġjun kellhom PDG per capita ogħla minn 75 % tal-medja tal-UE, fl-2015, żewġ reġjuni biss kienu 'l fuq mill-medja (ir-reġjun tal-belt kapitali Attiki (95 %) u Notio Aigaio, il-Gżejjer tan-Nofsinhar tal-Eġew (75 %)).

Fl-istess ħin, il-Greċja esperjenzat influss mingħajr preċedent ta' rifuġjati u migranti. Bejn Jannar 2015 u Marzu 2016, aktar minn miljun ruħ għaddew mill-Greċja, u aktar minn 57 000 migrant baqgħu fil-Greċja.

Milquta mill-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja u l-kriżi tar-rifuġjati, il-Greċja kellha tiffaċċja tnaqqis fil-likwidità u nuqqas ta' fondi pubbliċi għall-investiment pubbliku meħtieġa biex jitrawwem irkupru ekonomiku sostenibbli.

Barra minn hekk, kien vitali li n-nuqqas ta' likwidità u ta' fondi pubbliċi fil-Greċja ma xekklux l-investiment taħt programmi appoġġati mill-FEŻR, l-FSE u l-Fond ta' Koeżjoni (FK) u mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).

F'dan il-kuntest, din is-sitwazzjoni eċċezzjonali kellha tiġi indirizzata b'miżuri speċifiċi, li hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni pproponiet li r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jiġi emendat bil-għan li jiġu pprovduti miżuri mmirati b'mod speċifiku għall-Greċja. Il-Parlament u l-Kunsill, bħala koleġiżlaturi, malajr approvaw il-proposta tal-Kummissjoni. L-għan kien li jiġu pprovduti malajr miżuri mmirati speċifikament għall-Greċja.

Ir-Regolament 2015/1839 introduċa miżuri speċifiċi għall-Greċja, fosthom żieda tar-rata ta' kofinanzjament tal-UE għal 100 %, tneħħija tal-limitu massimu ta' 95 % għat-total kumulattiv ta' prefinanzjament u ta' pagamenti interim għall-programmi 2007-2013 rigward il-FEŻR, l-FSE, il-FK, u żieda ta' 7 % tal-prefinanzjament inizjali għall-perjodu 2014-2020 fir-rigward tal-FEŻR, il-FSE, il-FK u l-FEMS, fl-2015 u fl-2016.

B'konsegwenza ta' dawn il-miżuri eċċezzjonali, il-Greċja rċeviet madwar EUR 2 biljun f'fondi tal-UE fl-2015 u fl-2016, b'żieda ma' dak li diġà kien ippjanat. Dan il-forniment minn qabel ta' riżorsi finanzjarji kkontribwixxa għall-isforzi ġenerali biex jgħinu lill-Greċja u kellu rwol importanti fl-appoġġ tal-ekonomija fi żmien ta' likwidità finanzjarja strettament limitata.

Il-fondi mħallsa mill-UE b'konsegwenza tal-implimentazzjoni tar-Regolament 2015/1839 ikkontribwew ħafna biex jitnaqqas b'mod sinifikanti l-għadd ta' proġetti li altrimenti ma kinux ikunu ffinalizzati mal-għeluq tal-perjodu ta' programmazzjoni, u dan wassal għat-tlestija b'suċċess tal-perjodu 2007-2013 u kellu effett pożittiv fuq l-ekonomija b'mod ġenerali.

L-investiment addizzjonali mill-politiki ta' koeżjoni u ta' żvilupp rurali huwa stmat li żied il-PDG tal-Greċja fl-2015 bi ftit aktar minn 2 % 'l fuq mil-livell kien ikun fin-nuqqas tal-finanzjament ipprovdut.

Għalhekk, billi żied ir-rata ta' kofinanzjament u billi applika l-investiment tal-UE b'mod flessibbli, ir-Regolament emendatorju fil-fatt ippermetta lill-politika reġjonali tal-UE tikkontribwixxi b'mod effettiv biex jittaffa l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fil-Greċja.

Jekk din il-flessibbiltà tista' titħeġġeġ f'ċirkostanzi eċċezzjonali, irridu nżommu f'moħħna li l-għan ewlieni tal-politika ta' koeżjoni tal-UE huwa li ġġib valur miżjud għall-finanzjament pubbliku u privat. F'dak is-sens, miżuri eċċezzjonali bħal dawk previsti fir-Regolament 2015/1839 jistgħu jiġu ġġustifikati biss fuq bażi eċċezzjonali.


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri speċifiċi għall-Greċja skont ir-Regolament 2015/1839

(2018/2038(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2015 intitolata "Bidu ġdid għat-tkabbir u l-impiegi fil-Greċja" (COM(2015)0400),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1839 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi għall-Greċja(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/825 dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perijodu mill-2017 sal-2020 (SRSP)(3),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2016 dwar evalwazzjonijiet ex post tal-FEŻR u tal-Fond ta' Koeżjoni 2007-2013 (SWD(2016)0318),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Ministeru Grieg tal-Ekonomija u l-Iżvilupp dwar l-użu tal-ammonti taħt ir-Regolament (UE) 2015/1839 (perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013)(4),

-  wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali O-000100/2017(B8-0001/2018) lill-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 2015/1839 dwar miżuri speċifiċi għall-Greċja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0244/2018),

A.  billi l-politika ta' koeżjoni hija espressjoni ta' solidarjetà u l-istrument ewlieni ta' investiment tal-UE, u tkopri r-reġjuni kollha u tnaqqas id-disparitajiet; billi l-importanza tal-valur miżjud u tal-flessibbiltà tagħha matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja ġew ikkonfermati f'diversi okkażjonijiet; billi, bir-riżorsi baġitarji eżistenti, il-politika ta' koeżjoni kkontribwiet biex jinżammu opportunitajiet tant meħtieġa ta' investiment pubbliku, għenet biex żammet il-kriżi milli taggrava u ppermettiet lill-Istati Membri u r-reġjuni jadottaw risponsi mfassla apposta bil-għan li tiżdied ir-reżiljenza tagħhom fil-konfront ta' avvenimenti mhux mistennija u xokkijiet esterni;

B.  billi l-appoġġ bejn l-2007 u l-2015 mill-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni fil-Greċja ammonta għal EUR 15,8 biljun, ekwivalenti għal madwar 19 % tat-total tan-nefqa kapitali tal-gvern;

C.  billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja kienet wasslet għal rati ta' tkabbir negattivi persistenti fil-Greċja, li ma setgħux jiġu indirizzati mit-tliet pakketti ta' salvataġġ internazzjonali, kif ukoll għal problemi ta' likwidità serji u nuqqas ta' fondi pubbliċi;

D.  billi l-Greċja u l-gżejjer Griegi ntlaqtu u għadhom qed jintlaqtu b'mod partikolari mill-kriżi tar-rifuġjati u tal-migrazzjoni u jinsabu taħt pressjoni kbira mill-flussi akbar ta' migranti u rifuġjati, u dan issarraf f'daqqa ta' ħarta kbira lill-ekonomika lokali, b'mod partikolari fil-qasam tat-turiżmu;

E.  billi bejn l-2007 u l-2013, il-PDG tal-Greċja naqas b'26 % f'termini reali u filwaqt li r-reċessjoni ntemmet fl-2014, it-tkabbir matul is-sentejn ta' wara kien inqas minn 1 %. billi r-rata tal-impjiegi niżlet minn 66 % għal 53 % fl-2013, u dan jimplika li kienu biss nofs in-nies fl-età tax-xogħol li kellhom impjieg, waqt li l-qgħad żdied minn 8,4 % għal 27,5 % matul l-istess perjodu, u dan kellu impatt qawwi fuq il-kapaċità tal-akkwist tal-popolazzjoni Griega u laqat ħażin ħafna lil diversi setturi, inkluża s-saħħa; billi skont l-aktar data reċenti tal-Eurostat, ir-rata ta' qgħad hija ta' 20,8 %, b'livell għoli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ;

F.  billi l-Kummissjoni u l-koleġiżlaturi rrikonoxxew, fl-2015, li l-Greċja ntlaqtet mill-kriżi b'mod uniku, li seta' kellu impatt enormi kemm fuq il-finalizzazzjoni tal-operazzjonijiet taħt il-programmi operazzjonali 2000-2006 u 2007-2013 kif ukoll fuq il-bidu tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020;

G.  billi l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2015/1839 kienet maħsuba biex tipprovdi lill-Greċja b'likwidità f'mument kruċjali qabel ma l-implimentazzjoni ta' programmi kienet intemmet u l-opportunitajiet ta' investiment meħtieġa kienu ntilfu, minħabba li ammonti sostanzjali kienu jiġu rkuprati f'każ ta' nuqqas ta' tlestija tal-proġetti mill-perjodi 2000-2006 u 2007-2013;

H.  billi r-Regolament (UE) 2015/1839 stabbilixxa prefinanzjament inizjali addizzjonali għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 ta' żewġ pagamenti ta' 3,5 % kull wieħed tal-ammont ta' appoġġ mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), kif ukoll l-applikazzjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 ta' rata ta' kofinanzjament ta' 100 % għan-nefqa eliġibbli u r-rilaxx bikri tal-aħħar 5 % tal-pagamenti tal-UE li fadal, li kellhom jinżammu sa tmiem il-programmi;

I.  billi r-Regolament ġie adottat bil-għan li jirrispondi mill-aktar fis possibbli għal sitwazzjoni ta' kriżi serja u li jiżgura li l-Greċja jkollha biżżejjed fondi biex tlesti l-proġetti taħt il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 u biex tibda l-implimentazzjoni taħt il-perjodu attwali;

J.  billi skont l-Artikolu 152(6)2, il-Greċja kellha tippreżenta, sa tmiem l-2016, rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-applikazzjoni tar-rata ta' kofinanzjament ta' 100 % u mal-limitu massimu għall-pagamenti għall-programmi fi tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni;

K.  billi l-UE ħallset ukoll 95 % tal-ispiża totali tal-investiment fil-perjodu ta' finanzjament 2007-2013 fil-Greċja (il-massimu ta' 85 % normalment applikabbli), permezz tar-Regolament (UE) Nru 1311/2011 li jippermetti l-hekk imsejħa miżura "supplimentari";

L.  billi f'Ottubru 2015 ġie stabbilit kont delimitat, li fih ġew trasferiti l-fondi kollha allokati għall-finanzjament ta' proġetti ffinanzjati mill-UE sabiex ikun żgurat li dawn jintużaw biss għal pagamenti lil benefiċjarji u operazzjonijiet taħt il-programmi operazzjonali;

M.  billi l-Greċja rċeviet ukoll appoġġ mill-2011 permezz tat-Task Force għall-Greċja tal-Kummissjoni, li pprovdiet assistenza teknika għall-proċess ta' riforma tal-pajjiż, u mill-2015 permezz tas-Servizz ta' Sostenn għar-Riforma Strutturali li pprovda assistenza għat-tħejjija, għat-tfassil, għall-implimentazzjoni u għall-evalwazzjoni ta' riformi li jsaħħu t-tkabbir; billi r-Regolament (UE) 2017/825 dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP) għall-perijodu mill-2017 sal-2020 daħal fis-seħħ fl-20 ta' Mejju 2017 u kien mument importanti għall-impenji tas-Servizz ta' Sostenn għar-Riforma Strutturali mal-Istati Membri interessati, inkluża l-Greċja;

1.  Itenni r-rwol importanti li tiżvolġi l-politika ta' koeżjoni fl-ilħuq tal-objettivi tal-UE ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, ġlieda kontra l-qgħad, tnaqqis fl-inugwaljanzi u tisħiħ tal-kompetittività fir-reġjuni kollha tal-UE, fl-espressjoni tas-solidarjetà Ewropea u fl-ikkomplementar ta' politiki oħra; ifakkar, barra minn hekk, li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) huma l-akbar sors ta' investiment dirett fil-Greċja;

2.  Jieħu nota tar-rapport dwar l-użu tal-ammonti taħt ir-Regolament (UE) 2015/1839 relatat mal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 li kien dovut fl-aħħar tal-2016; jinnota li r-rapport tressaq mill-awtoritajiet Griegi f'Mejju 2017 u tpoġġa għad-dispożizzjoni tal-Parlament f'Diċembru 2017, wara ħafna talbiet; japprezza li l-Kummissjoni pprovdiet lill-Parlament b'valutazzjoni proviżorja tal-lista ta' 181 proġett ta' prijorità, li jammontaw għal EUR 11,5 biljuni u ekwivalenti għal madwar 55 % tat-total tal-allokazzjonijiet tal-FEŻR, FK u FSE lill-Greċja, li minnhom 118 kienu diġà ġew implimentati b'suċċess sa tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni u 24 meqjusa li ġew eliminati gradwalment;

3.  Jenfasizza li, skont id-data pprovduta fir-rapport imsemmi hawn fuq, wara l-adozzjoni tar-Regolament fir-rigward tal-miżuri speċifiċi għall-Greċja, l-impatt dirett fuq il-likwidità fl-2015 kien ta' EUR 1 001 709 731.50 u fl-2016 l-inputs ammontaw għal EUR 467 674 209.45; madankollu, jinnota li flimkien maż-żieda tal-prefinanzjament inizjali għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-Greċja rċeviet madwar EUR 2 biljun fl-2015-2016;

4.  Japprezza l-fatt li l-ammonti mħallsa ġew allokati għal firxa wiesgħa ta' proġetti: it-trasport u infrastrutturi oħra (l-ambjent, it-turiżmu, il-kultura, ir-riġenerazzjoni urbana u rurali, l-infrastrutturi soċjali), proġetti ta-soċjetà tal-informazzjoni, u azzjonijiet biex jiġu żviluppati riżorsi umani; barra minn hekk, jilqa' l-fatt li 63 % tal-pagamenti totali għal proġetti ta' għajnuna mill-Istat ikkonċernaw għajnuna għall-impriżi u l-proġetti kummerċjali, li kkontribwew direttament għall-kompetittività u għat-tnaqqis tar-riskju intraprenditorjali, filwaqt li 37 % ikkonċernaw azzjonijiet ta' għajnuna mill-Istat għal proġetti ta' infrastrutura, u b'hekk issupplementaw l-arranġamenti rigward il-kundizzjonijiet tas-suq u t-titjib kummerċjali;

5.  Japprezza l-fatt li r-rapport imressaq mill-awtoritajiet Griegi jirrikonoxxi li ż-żieda tal-likwidità rrappreżentat fl-istess ħin titjib tad-dħul finanzjarju, b'madwar EUR 1,5 biljun, u tal-programm ta' investiment pubbliku għall-2015-2016;

6.  Jilqa' l-effetti tal-miżuri fir-rigward tat-titjib tal-attività ekonomika, in-normalizzazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-fatturat u l-kapital operatorju ta' numru sinifikanti ta' negozji, il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi, u t-tlestija ta' infrastrutturi tal-produzzjoni importanti, riflessi wkoll f'impatt sinifikanti fuq id-dħul mit-taxxa fil-baġit;

7.  Jifhem li l-fondi mħallsa mill-UE li rriżultaw mill-implimentazzjoni tar-Regolament intużaw fl-2015 għat-tlestija tal-proġetti taħt il-Programmi Operazzjonali sa tmiem il-perjodu ta' eliġibbiltà, u li fl-2016, l-ammont li fadal li tħallas flimkien mar-riżorsi nazzjonali kkontribwixxa wkoll għat-tlestija ta' proġetti oħra;

8.  Japprezza l-fatt li l-awtoritajiet Griegi impenjaw ruħhom li jorganizzaw mill-ġdid il-klassifikazzjoni tal-proġetti u jidentifika proġetti ewlenin li għandhom jintgħażlu għal tlestija; jissottolinja li dan għen b'mod sinifikanti biex jingħelbu l-ostakli istituzzjonali u amministrattivi u biex jiġu stabbiliti azzjonijiet prijoritarji li għandhom jiġu implimentati bla dewmien ulterjuri, u b'hekk anke jiġu prevenuti l-korrezzjonijiet finanzjarji; jilqa' l-fatt li l-fondi mħallsa mill-UE taħt ir-Regolament (UE) 2015/1839 naqqsu b'mod sinifikanti n-numru ta' proġetti ddikjarati bħala mhux kompluti; jinnota li, meta mqabbel mal-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006, li fih madwar 900 proġett ma kinux tlestew, 79 proġett kien għadhom ma tlestewx fi żmien tas-sottomissjoni tat-talbiet finali għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, iżda li dawn huma mistennija li jitlestew bl-użu ta' fondi nazzjonali;

9.  Jissottolinja li l-assorbiment tal-fondi strutturali tjieb notevolment, u li sa tmiem Marzu 2016, ir-rata tal-pagamenti fil-Greċja għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 kienet aktar minn 97 %(5)4 u li skont il-livell ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti totali u tal-impenji pendenti ("reste à liquider" (RAL)) għall-programmi għall-2017-2013 fil-31 ta' Marzu 2018, il-Greċja ma kellha l-ebda RAL taħt l-Intestatura 1b5; jilqa' l-fatt li l-Greċja kienet l-ewwel Stat Membru li ħadet ir-riżorsi disponibbli kollha u laħqet rata ta' assorbiment ta' 100 % meta mqabbla mal-medja tal-UE ta' 96 %;

10.  Jirrikonoxxi, madankollu, li r-rati ta' assorbiment jipprovdu biss informazzjoni indikattiva u li enfasi fuq l-assorbiment tal-fondi m'għandhiex issir askapitu tal-effikaċja, il-valur miżjud u l-kwalità tal-investimenti; jinnota li l-miżuri speċifiċi huma ta' natura makroekonomika u li l-effetti tagħhom huma diffiċli li jiġu ttraċċati għal proġetti individwali;

11.  Ifakkar li l-FSIE għandhom impatt sinifikanti fuq il-PDG u indikaturi oħra f'diversi Stati Membri, kif ukoll fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali b'mod ġenerali, u li l-investiment sostnut mill-politiki ta' koeżjoni u tal-iżvilupp rurali fil-Greċja huwa stmat li fl-2015 żied il-PDG, fi tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti, b'aktar minn 2 % 'l fuq mil-livell li kien jilħaq mingħajr il-fondi pprovduti; ifakkar li l-użu tal-fondi strutturali tal-UE jeħtieġ li jiffoka dejjem fuq it-twettiq tal-objettivi bbażati fuq it-Trattat u fuq il-kisba ta' valur miżjud reali tal-UE, jimmira fuq il-prijoritajiet tal-UE u jmur lil hinn minn sempliċi tkabbir tal-PDG;

12.  Jieħu nota tal-analiżi primarjament kwantitattiva tar-rapport imressaq mill-awtoritajiet Griegi dwar l-użu tal-ammonti taħt ir-Regolament (UE) 2015/1839 b'rabta mal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, li jikkonforma mar-rekwiżiti legali; jirrikonoxxi li l-effett tal-miżuri speċifiċi ma jistax jiġi separat mill-impatt ġenerali tal-FSIE fil-Greċja iżda jikkunsidra li valutazzjoni kwalitattiva, minkejja li hi diffiċli biex titwettaq, tgħin biex tiġi komplementata l-analiżi u biex jiġu mifhuma r-riżultati miksuba; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi aktar informazzjoni f'termini ta' żieda fil-kompetittività u l-produttività u s-sostenibbiltà fl-aspetti soċjali u ekoloġiċi;

13.  Japprezza l-fatt li, skont id-data finali kkomunikata mill-Kummissjoni fil-31 ta' Diċembru 2016, l-ammont ta' talbiet għall-ħlas mill-awtoritajiet Griegi kien ta' EUR 1,6 biljun u li l-Greċja wriet, mill-31 ta' Marzu 2018, rata ta' implimentazzjoni ta' 28 % għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020(6)6, li jfisser li kienet fost l-Istati Membri bl-aqwa prestazzjoni, b'mod ġenerali, minkejja xi differenzi li ġew innotati rigward il-livell ta' tqassim jew ir-rata ta' assorbiment skont il-fond; japprova, barra minn hekk, l-adozzjoni tar-Regolament 2015/1839 bħala miżura importanti, xierqa biex tipprovdi appoġġ imfassal apposta f'mument kruċjali għall-Greċja; jilqa' l-fatt li kif mitlub, il-prefinanzjament addizzjonali kien kompletament kopert minn talbiet intermedji għal ħlas mill-FEŻR u l-Fond ta' Koeżjoni, filwaqt li nnota li ma kienx kompletament kopert mill-FSE (madwar 4 %) jew l-FEMS;

14.  Ifakkar fl-importanza tar-riformi strutturali rilevanti; jirrikonoxxi l-isforzi magħmula u jistieden lill-Greċja biex tkompli tagħmel użu sħiħ mill-possibbiltajiet ta' assistenza taħt il-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali sabiex jinħoloq ambjent tan-negozju sod għall-użu effiċjenti u effettiv tal-FSIE u għall-massimizzazzjoni tal-impatt soċjoekonomiku tagħhom;, sabiex

15.  Jirrikonoxxi li bis-sostenn tal-investiment pubbliku u l-implimentazzjoni flessibbli tal-investimenti tal-UE, permezz tar-riprogrammazzjoni tal-fondi jew biż-żieda tar-rata ta' kofinanzjament, il-politika reġjonali taffiet l-impatt tal-kriżi finanzjarja u tal-konsolidazzjoni fiskali sostnuta f'diversi Stati Membri; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġi żgurat il-finanzjament xieraq tagħhom fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss; itenni madankollu li l-politika ta' koeżjoni għandha titqies bħala l-għodda ewlenija ta' investiment pubbliku u bħala katalizzatur biex jiġi attirat finanzjament pubbliku u privat addizzjonali, u li miżuri simili li jirriżultaw fi tnaqqis fil-kwoti ta' kofinanzjament nazzjonali meħtieġa għall-għoti ta' finanzjament għall-programmi operazzjonali ffinanzjati mill-Fondi Strutturali, għall-Greċja jew Stat Membru ieħor, għandhom ikunu previsti fuq bażi eċċezzjonali biss u qabel l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom, għandhom jiġu analizzati mill-perspettiva tal-effikaċja tagħhom, u ġustifikati kif jixraq;

16.  Jinnota li xi reġjuni jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex jikkofinanzjaw proġetti taħt l-FSIE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, bħala kwistjoni ta' urġenza, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, l-impatt fuq il-kalkolu tad-defiċits tal-gvern tal-istrumenti reġjonali kkofinanzjati permezz tal-FSIE, speċjalment ta' dawk fir-reġjuni inqas żviluppati;

17.  Ifakkar lill-awtoritajiet Griegi fl-importanza li jiżguraw komunikazzjoni u viżibbiltà xierqa tal-proġetti taħt l-FSIE;

18.  Jilqa' l-valutazzjoni preliminari li l-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 huwa mistenni li jingħalaq mingħajr ebda telf ta' fondi għall-Greċja; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar ir-riżultati tal-proċess ta' għeluq, li hu mistenni li jiġi konkluż fl-ewwel nofs tal-2018, kif ukoll tipprovdi aġġornament dwar il-proġetti li għandhom jitlestew b'fondi nazzjonali u dawk li kienu għadhom ma tlestewx fil-31 ta' Marzu 2018;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)

ĠU L 270, 15.10.2015, p. 1.

(3)

ĠU L 129, 19.5.2017, p. 1.

(4)

Ateni, Mejju 2017.

(5)

4 Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar evalwazzjonijiet ex post tal-FEŻR u tal-Fond ta' Koeżjoni 2007-2013.

5 Livell ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti totali u livell ta' RAL għall-Intestatura 1b (programmi 2007-2013) - Ħatra ta' awtoritajiet nazzjonali u livell ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti interim tal-Programmi Operazzjonali 2014-2020 tal-FSIE (Status fil-31 ta' Marzu 2018).

(6)

6 Livell ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti totali u livell tar-"reste à liquider" (RAL) għall-Intestatura 1b (programmi 2007-2013) - Ħatra ta' awtoritajiet nazzjonali u livell ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti interim tal-Programmi Operazzjonali 2014-2020 tal-FSIE (Status fil-31 ta' Marzu 2018).


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.6.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, John Flack, Aleksander Gabelic, Michela Giuffrida, Ivan Jakovčić, Marc Joulaud, Constanze Krehl, Sławomir Kłosowski, Louis-Joseph Manscour, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Andrey Novakov, Konstantinos Papadakis, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Liliana Rodrigues, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Ángela Vallina, Monika Vana, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Kerstin Westphal, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

John Howarth, Elsi Katainen, Tunne Kelam, Ivana Maletić, Bronis Ropė, Milan Zver

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jonathan Bullock, Andrzej Grzyb


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

36

+

ALDE

Ivan Jakovčić, Elsi Katainen, Iskra Mihaylova, Matthijs van Miltenburg

ECR

John Flack, Sławomir Kłosowski, Mirosław Piotrowski, Ruža Tomašić

EFDD

Rosa D'Amato

GUE/NGL

Martina Michels, Ángela Vallina

PPE

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Andrzej Grzyb, Marc Joulaud, Tunne Kelam, Ivana Maletić, Lambert van Nistelrooij, Andrey Novakov, Stanislav Polčák, Ramón Luis Valcárcel Siso, Joachim Zeller, Milan Zver

S&D

Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Aleksander Gabelic, Michela Giuffrida, John Howarth, Constanze Krehl, Louis-Joseph Manscour, Liliana Rodrigues, Derek Vaughan, Kerstin Westphal

VERTS/ALE

Bronis Ropė, Monika Vana

2

-

EFDD

Jonathan Bullock

NI

Konstantinos Papadakis

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Awwissu 2018Avviż legali