Proċedura : 2018/2003(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0249/2018

Testi mressqa :

A8-0249/2018

Dibattiti :

PV 10/09/2018 - 28
CRE 10/09/2018 - 28

Votazzjonijiet :

PV 11/09/2018 - 6.16
CRE 11/09/2018 - 6.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0333

RAPPORT     
PDF 923kWORD 96k
4.7.2018
PE 619.397v01-00 A8-0249/2018

dwar il-ġestjoni trasparenti u responsabbli tar-riżorsi naturali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw: il-każ tal-foresti

(2018/2003(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp

Rapporteur: Heidi Hautala

Rapporteur għal opinjoni (*):

Kateřina Konečná, Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

(*)  Kumitat assoċjat – l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ġestjoni trasparenti u responsabbli tar-riżorsi naturali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw: il-każ tal-foresti

(2018/2003(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT) (Settembru 2001) u l-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja (VPAs) dwar l-FLEGT ma' pajjiżi terzi,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam)(1),

–  wara li kkunsidra s-Sħubija ta' Busan tal-2011 favur Kooperazzjoni Effikaċi għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2015-2030,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi li ntlaħaq fil-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-istudju tal-Kummissjoni dwar L-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni: Analiżi komprensiva tal-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni (2013),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' studju tal-fattibbiltà dwar l-għażliet biex tiżdied l-azzjoni tal-UE kontra d-deforestazzjoni, ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni (2017),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ottubru 2008 bit-titlu "Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità" (COM(2008)0645),

–  wara li kkunsidra l-Consumer Goods Forum (Forum tal-Prodotti għall-Konsumatur) tal-2010, netwerk globali tal-industrija magħmul minn bejjiegħa bl-imnut, manifatturi u fornituri ta' servizzi, li adotta mira li sal-2020 ma jkun hemm ebda deforestazzjoni fil-ktajjen ta' provvista tas-sħab tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Bonn Challenge (Sfida ta' Bonn) tal-2011, li hija sforz globali sabiex 150 miljun ettaru ta' art deforestata u degradata fid-dinja jiġu restawrati sal-2020, u 350 miljun ettaru sal-2030,

–  wara li kkunsidra t-Tropical Forest Alliance (Alleanza tal-Foresti Tropikali) tal-2020,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti u l-Aġenda ta' Azzjoni tal-2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2016 dwar infurzar tal-liġi, tmexxija u kummerċ fis-settur forestali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam "Towards Eliminating Deforestation from Agricultural Commodity Chains with European Countries" (Lejn l-Eliminazzjoni tad-Deforestazzjoni mill-Ktajjen ta' Prodotti Agrikoli Bażiċi Agrikoli ma' Pajjiżi Ewropej) ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kummissjoni "Kummerċ għal Kulħadd" (2015),

–  wara li kkunsidra l-mekkaniżmu tal-Programm tan-NU dwar it-Tnaqqis tal-Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti (REDD+),

–  wara li kkunsidra l-Pjan Strateġiku tan-NU dwar il-Foresti (UNSPF) tal-2017-2030, li jiddefinixxi sitt Għanijiet Globali dwar il-Foresti u 26 mira assoċjata li għandhom jintlaħqu sal-2030,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni adottata fis-17 ta' Ġunju 1994,

–  wara li kkunsidra l-iżvilupp mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) ta' pjattaformi nazzjonali għal prodotti bażiċi sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni Bilaterali dwar l-Infurzar u Governanza tal-Liġi tal-Foresti (BCM-FLEG) maċ-Ċina (2009),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1969,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1987,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nru 169 dwar il-Popli Indiġeni u Tribali tal-1989,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) tal-2007,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida Volontarji tal-2012 dwar il-Pussess tal-Art (VGGT) tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji tal-2014 tal-FAO dwar Investiment Responsabbli fis-Sistemi tal-Agrikoltura u tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra r-rapport "Planetary Boundaries" l-aktar reċenti,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) tal-1973,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tal-1992 u l-Protokoll assoċjat ta' Kartaġena dwar il-Bijosikurezza tal-2000 u l-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta' Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom tal-2010,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Finanzi Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2011, kif ukoll il-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Intrapriżi Multinazzjonali, aġġornati fl-2011,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar iż-żejt tal-palm u d-deforestazzjoni tal-foresti pluvjali(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' April 2018 minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili dwar ir-Rwol tal-UE fil-Protezzjoni tal-Foresti u tad-Drittijiet,

–  wara li kkunsidra l-Programm Globali tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità marbuta mal-Organiżmi Selvaġġi u l-Foresti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-12 ta' Settembru 2017 dwar l-impatt tal-kummerċ internazzjonali u tal-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-ktajjen ta' valur mondjali(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0249/2018),

A.  billi l-foresti b'diversità bijoloġika jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u għall-konservazzjoni tal-bijodiversità;

B.  billi 300 miljun persuna jgħixu fil-foresti u 1,6 biljun persuna jiddependu direttament fuq il-foresti għall-għajxien tagħhom, inklużi aktar minn 2 000 grupp indiġenu; billi l-foresti għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-ekonomiji lokali; billi huwa stmat li l-foresti fihom madwar 80 % tal-ispeċi terrestri kollha u għaldaqstant huma riżerva importanti ta' bijodiversità; billi, skont l-FAO, madwar 13-il miljun ettaru ta' foresti jintilfu kull sena;

C.  billi d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti jseħħu l-aktar fl-emisfera tan-Nofsinhar u l-foresti tropikali;

D.  billi l-foresti jipprevjenu d-degradazzjoni u d-deżertifikazzjoni tal-art u b'hekk jitnaqqas ir-riskju ta' għargħar, uqigħ tal-art u nixfa;

E.  billi l-foresti huma vitali għal agrikoltura sostenibbli u titjib fis-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni;

F.  billi l-foresti jipprovdu wkoll servizzi essenzjali tal-ekosistema li jappoġġjaw l-agrikoltura sostenibbli permezz tar-regolazzjoni tal-flussi tal-ilma, l-istabbiliment tal-ħamrija, iż-żamma tal-fertilità tal-ħamrija, ir-regolazzjoni tal-klima u l-iffaċilitar ta' ħabitats vijabbli għad-dakkara selvaġġi u l-predaturi ta' pesti agrikoli;

G.  billi l-prodotti tal-forestrija jirrappreżentaw 1 % tal-PDG dinji;

H.  billi r-restawr tal-foresti huwa wieħed mill-istrateġiji vitali biex jiġi limitat it-tisħin globali għal 1,5 gradi; billi l-gvernijiet kollha għandhom jaċċettaw ir-responsabbiltajiet tagħhom u jieħdu miżuri biex inaqqsu l-ispejjeż tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra f'pajjiżhom;

I.  billi d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti huma t-tieni l-akbar kawża umana tal-emissjonijiet tal-karbonju u huma responsabbli għal madwar 20 % tal-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra;

J.  billi l-fjuwil mill-injam għadu l-aktar prodott importanti tal-foresti fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u l-aktar sors importanti ta' enerġija f'bosta pajjiżi Afrikani u Asjatiċi; billi fl-Afrika sub-Saħarjana, erbgħa minn kull ħames persuni għadhom jużaw l-injam għat-tisjir;

K.  billi l-foresti primarji għandhom bijodiversità rikka u jżommu 30 sa 70 fil-mija aktar karbonju minn foresti maqtugħin jew degradati;

L.  billi informazzjoni ċara, konsistenti u aġġornata dwar il-kopertura tal-foresti hija kruċjali għal monitoraġġ effettiv u l-infurzar tal-liġi;

M.  billi filwaqt li l-FLEGT-VPAs kienu siewja biex tittejjeb il-governanza tal-foresti, dawn għad għandhom bosta nuqqasijiet;

N.  billi l-FLEGT-VPAs jiffukaw fuq il-qtugħ tas-siġar fuq skala industrijali, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-qtugħ illegali tas-siġar joriġina mill-qtugħ tas-siġar artiġjanali u mill-injam tal-azjendi agrikoli;

O.  billi l-FLEGT-VPAs għandhom definizzjoni wisq ristretta ta' "legalità", xi drabi jitħallew barra kwistjonijiet kruċjali relatati mad-dominju tal-art u d-drittijiet tal-popli lokali;

P.  billi l-FLEGT-VPAs, ir-REDD+ u ċ-ċertifikazzjoni baqgħu inizjattivi separati, li jeħtiġilhom jiġu kkoordinati aktar;

Q.  billi l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-FLEGT tiddependi ħafna fuq il-pajjiżi ewlenin tal-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċ, bħaċ-Ċina, ir-Russja, l-Indja, il-Korea t'Isfel u l-Ġappun, u l-impenn tagħhom li jindirizzaw il-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ tal-prodotti illegali tal-injam, u billi s'issa d-djalogi politiċi bilaterali ma' dawn is-sħab ma wasslux għal riżultati sodisfaċenti;

R.  billi l-għan tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam (EUTR) huwa li jiżgura li l-ebda injam illegali ma jitqiegħed fis-suq tal-UE; billi r-rieżami tal-2016 tal-EUTR ikkonkluda li l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regolament ma kinux kompluti; billi tnediet konsultazzjoni pubblika fil-bidu ta' din is-sena dwar bidliet possibbli tal-ambitu tal-EUTR;

S.  billi ż-żoni protetti għandhom ikunu fil-qalba ta' kwalunkwe approċċ strateġiku għall-konservazzjoni tal-ħajja selvaġġa; billi dawn għandhom ikunu żoni siguri u inklużivi għall-iżvilupp ekonomiku, abbażi ta' biedja sostenibbli, enerġija, kultura u turiżmu, u jwasslu għall-iżvilupp ta' governanza tajba;

T.  billi s-sħubijiet pubbliċi-privati għandhom rwol importanti fl-iżvilupp sostenibbli ta' parks fl-Afrika sub-Saħarjana, li jirrispettaw id-drittijiet tal-komunitajiet forestali;

U.  billi l-korruzzjoni u istituzzjonijiet dgħajfa jirrappreżentaw ostakli ewlenin għall-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-foresti; billi rapport konġunt tal-2016 tal-Programm tan-NU għall-Ambjent (UNEP) u l-INTERPOL(5) jidentifika li r-reati relatati mal-foresti huma fost l-akbar ħames sfidi ewlenin sabiex jintlaħqu l-SDGs u jistqarr li l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam jammonta għal bejn 15 u 30 % tal-kummerċ globali legali; billi, skont il-Bank Dinji, il-pajjiżi affettwati jitilfu madwar USD 15 biljun kull sena fir-rigward tal-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ tal-injam;

V.  billi l-kriminalità forestali tieħu sura differenti, prinċipalment l-isfruttament illegali ta' speċi tal-injam li huma fil-periklu u li huma ta' valur għoli (CITES elenkati); il-qtugħ illegali tal-injam għall-materjal tal-bini u għall-għamara; il-qtugħ illegali tas-siġar u s-sekwestru tal-injam permezz ta' pjantaġġuni u kumpaniji agrikoli abbużivi għall-forniment ta' polpa lill-industrija tal-karta flimkien mal-użu ta' fjuwil mill-injam, li mhux regolat, u l-kummerċ tal-faħam sabiex jinħeba l-qtugħ illegali tas-siġar fi ħdan u barra miż-żoni protetti;

W.  billi l-urbanizzazzjoni, il-governanza ħażina, id-deforestazzjoni fuq skala kbira għall-agrikoltura, il-minjieri u l-iżvilupp tal-infrastruttura qegħdin jikkawżaw ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem b'impatti devastanti fuq il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali bħalma huma l-ħtif tal-art, l-iżgumbrar furzat, il-fastidju mill-pulizija, l-arresti arbitrarji u l-kriminalizzazzjoni tal-mexxejja tal-komunità, id-difensuri u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem;

X.  billi l-Aġenda 2030 tan-NU tistabbilixxi l-mira li sal-2020 jitwaqqfu u jittaffew l-effetti tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti; billi dan l-impenn huwa mtenni fil-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u m'għandux jiġi differit;

Y.  billi l-SDG 15 isemmi b'mod espliċitu l-ħtieġa ta' ġestjoni tajba tal-foresti, filwaqt li l-foresti jista' jkollhom rwol fejn jgħinu sabiex jintlaħqu ħafna aktar SDGs oħra;

Z.  billi r-REDD+ wassal għal benefiċċji ambjentali u soċjali f'bosta pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw bħall-konservazzjoni tal-bijodiversità, l-iżvilupp rurali u t-titjib tal-governanza tal-foresti; billi, madankollu, ta' spiss ġie kkritikat li jqiegħed pressjoni fuq il-komunitajiet tal-foresti;

AA.  billi hemm ġabra ta' evidenza, li dejjem qiegħda tikber, li l-iżgurar tal-pussess tal-art mill-komunitajiet iwassal għal tnaqqis fid-deforestazzjoni u ġestjoni aktar sostenibbli tal-foresti;

AB.  billi l-agrikoltura tirrappreżenta 80 % tad-deforestazzjoni madwar id-dinja kollha; billi t-trobbija tal-bhejjem u l-pjantaġġuni industrijali kbar, b'mod partikolari dawk tas-sojja u taż-żejt tal-palm, huma l-kawżi ewlenin tad-deforestazzjoni, partikolarment fil-pajjiżi tropiċi, minħabba domanda dejjem akbar għal dawn il-prodotti fil-pajjiżi żviluppati u fl-ekonomiji emerġenti u l-espansjoni tal-agrikoltura industrijali madwar id-dinja; billi fl-2013 studju tal-Kummissjoni żvela li l-UE-27 kienet l-akbar importatur dinji nett tad-deforestazzjoni reali (bejn l-1990 u l-2008); billi għaldaqstant l-UE għandha rwol deċiżiv fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, partikolarment fir-rigward tad-domanda tagħha u r-rekwiżiti tagħha dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward ta' prodotti bażiċi agrikoli;

AC.  billi l-espansjoni tas-sojja wasslet għal problemi soċjali u ambjentali, bħall-erożjoni tal-ħamrija, it-tniġġis tal-ilma, il-kontaminazzjoni mill-pestiċidi u l-ispostament sfurzat tal-popli; billi l-komunitajiet indiġeni kienu fost dawk l-aktar affettwati;

AD.  billi l-espansjoni tal-pjantaġġuni taż-żejt tal-palm wasslet għal qerda massiva tal-foresti u kunflitti soċjali li qiegħdu l-kumpaniji tal-pjantaġġuni kontra l-gruppi indiġeni u l-komunitajiet lokali;

AE.  billi f'dawn l-aħħar snin, is-settur privat wera impenn dejjem akbar lejn il-protezzjoni tal-foresti u billi aktar minn 400 kumpanija impenjaw ruħhom li jeliminaw id-deforestazzjoni mill-prodotti u l-katini ta' provvista tagħhom, f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti, b'enfasi partikolari fuq il-prodotti bażiċi bħaż-żejt tal-palm, is-sojja, iċ-ċanga u l-injam; billi l-miżuri pubbliċi maħsuba għall-prodotti agrikoli madankollu għadhom relattivament rari;

1.  Ifakkar li l-Aġenda 2030 tirrikonoxxi li l-foresti b'diversità bijoloġika għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp sostenibbli kif ukoll għall-Ftehim ta' Pariġi; itenni li l-immaniġġjar sostenibbli u inklużiv tal-foresti u l-użu responsabbli tal-prodotti bażiċi mill-foresti huma l-aktar sistema naturali li hija effettiva u irħisa għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju;

2.  Jitlob lill-UE tappoġġja l-integrazzjoni tal-objettivi dwar il-governanza tal-foresti u tal-art fil-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali ta' pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li għandhom il-foresti;

3.  Ifakkar li l-Ftehim ta' Pariġi jirrikjedi li l-Partijiet kollha jieħdu azzjoni sabiex jikkonservaw u jsaħħu l-bjar, inklużi l-foresti;

4.  Jinnota li t-twaqqif tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti, u l-fatt li l-foresti jitħallew jerġgħu jikbru, jipprovdi mill-inqas 30 % tal-azzjoni ta' mitigazzjoni kollha meħtieġa biex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 C(6);

5.  Jinnota li d-deforestazzjoni hija responsabbli għal 11 % tal-emissjonijiet antropoġeniċi globali ta' gassijiet serra, aktar mill-karozzi tal-passiġġieri kollha f'daqqa;

6.  Jafferma r-rilevanza tat-tip ta' ġestjoni tal-foresti għall-bilanċ tal-karbonju fit-tropiċi, kif enfasizzat fid-dokumenti reċenti(7), li indikaw li forom aktar sottili ta' degradazzjoni, u mhux biss deforestazzjoni fuq skala kbira kif kien maħsub qabel, x'aktarx huma sors sinifikanti ħafna ta' emissjonijiet tal-karbonju li jammontaw għal aktar min-nofs l-emissjonijiet;

7.  Jinnota li r-riforestazzjoni, it-tiġdid tal-foresti degradati eżistenti u ż-żieda fil-kopertura tas-siġar fuq pajsaġġi agrikoli permezz tal-agroforestrija jirrappreżentaw l-uniċi sorsi disponibbli ta' emissjonijiet negattivi b'potenzjal sinifikanti biex jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi;

8.  Ifakkar l-Isfida ta' Bonn(8), li l-għan tagħha huwa li jiġu restawrati 350 miljun ettaru ta' art degradata u deforestata sal-2030 li jistgħu jiġġeneraw madwar USD 170 biljun fis-sena f'benefiċċji netti minn protezzjoni tal-magħqad tal-ilma, rendiment tal-għelejjel u prodotti tal-foresti mtejba, u jistgħu jissekwestraw sa ekwivalenza ta' 1,7 gigatunnellati ta' diossidu tal-karbonju kull sena;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tonora l-impenji internazzjonali tal-UE, inter alia, dawk magħmula fil-qafas tal-COP21, il-Forum tan-NU dwar il-Foresti (UNFF), il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (UNCBD), id-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti u l-SDG 15, b'mod partikolari l-Mira 15.2 intiż biex tiġi promossa l-implimentazzjoni ta' ġestjoni sostenibbli tat-tipi kollha ta' foresti, titwaqqaf id-deforestazzjoni, jiġu restawrati l-foresti degradati u jiżdiedu b'mod sostanzjali t-tisġir u r-riforestazzjoni globalment sal-2020;

10.  Ifakkar speċifikament li l-Unjoni impenjat ruħha għall-miri tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika ta' Aichi, li jirrikjedu li 17 % tal-ħabitats kollha jiġu kkonservati, 15 % tal-ekosistemi degradati jiġu rrestawrati u t-telf tal-foresti jinġieb qrib iż-żero, jew tal-inqas jitnaqqas bin-nofs sal-2020;

11.  Jinnota li l-industrija tal-avjazzjoni tiddependi ħafna fuq il-kumpens għall-emissjonijiet tal-karbonju, inklużi l-foresti; jenfasizza, madankollu, li l-kumpens għall-foresti qiegħed jiffaċċja kritika serja, billi dawn huma diffiċli li jitkejlu u impossibbli li jiġu garantiti; iqis li l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) għandha teskludi l-kumpens għall-foresti mill-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA);

12.  Jissottolinja li l-kawżi tad-deforestazzjoni jmorru lil hinn mis-settur tal-foresti nnifsu u huma relatati ma' firxa varjata ta' kwistjonijiet bħad-dominju tal-art, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-popli indiġeni, il-politiki agrikoli u t-tibdil fil-klima; jappella lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha rigward l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-FLEGT-VPAs u sabiex tindirizza d-deforestazzjoni b'mod olistiku permezz ta' qafas ta' politika koerenti, jiġifieri billi jiġi żgurat ir-rikonoxximent effettiv u r-rispett tad-drittijiet tad-dominju ta' art ta' komunitajiet li jiddependu mill-foresti, b'mod partikolari fil-każ ta' finanzjament tal-UE għall-iżvilupp, kif ukoll fil-proċess ta' skrinjar tal-FLEGT-VPAs, u b'dan il-mod tkun possibbli s-sussistenza fil-komunità forestali lokali filwaqt li tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-ekosistemi;

13.  Jappella lill-Kummissjoni sabiex kull sentejn tfassal rapport dwar il-progress tal-Pjan ta' Azzjoni tal-FLEGT; jisħaq li dan għandu jinkludi valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-VPA, l-iskadenzi skedati, kwalunkwe diffikultajiet misjuba u l-miżuri meħuda jew ippjanati;

14.  Jinnota li l-implimentazzjoni tal-VPAs ser ikollha aktar ċans li tirnexxi jekk tipprevedi aktar appoġġ immirat għall-gruppi vulnerabbli involuti fil-ġestjoni tar-riżorsi tal-injam (bdiewa żgħar, intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs), operaturi indipendenti fis-settur "informali"); jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-proċessi ta' ċertifikazzjoni jirrispettaw l-interessi tal-gruppi aktar vulnerabbli involuti fil-ġestjoni tal-foresti;

15.  Jissottolinja l-importanza li jiġi miġġieled il-kummerċ illegali fl-injam tropikali; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni sabiex in-negozjati futuri tal-liċenzji ta' esportazzjoni FLEGT għal prodotti tal-injam legali vverifikati esportati lejn l-UE jqisu l-esperjenza miksuba bis-sistema Indoneżjana, li ilha effettiva minn Novembru 2016; jitlob li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt awtonoma tal-implimentazzjoni tas-sistema Indoneżjana ta' verifika tal-legalità tal-injam, li għandha tiġi ppreżentata f'perjodu ta' żmien xieraq;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jindirizzaw ir-riskju ta' kunflitti relatati mal-injam, biex jiżguraw li jiġi definit bħala illegali permezz tal-proċess tal-VPA; jemmen li d-definizzjoni tal-legalità tas-Sistema ta' Assigurazzjoni tal-Legalità tal-Injam (TLAS) għandha tevolvi sabiex fil-VPAs kollha tinkludi d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet komunitarji tad-dominju tal-art;

17.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw id-"djalogu strutturat FLEGT" propost sabiex titwettaq valutazzjoni xierqa tar-riskji ta' korruzzjoni fis-settur tal-foresti u jiġu żviluppati miżuri li jsaħħu l-parteċipazzjoni, it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità bħala aspetti ta' strateġija kontra l-korruzzjoni;

18.  Jappella biex l-UE tiżviluppa politika ta' akkwist tal-injam ekoloġiku li tappoġġja l-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi tal-foresti madwar id-dinja;

19.  Jinnota bi tħassib li s-settur tal-foresti huwa partikolarment vulnerabbli għal governanza dgħajfa, inklużi l-korruzzjoni, il-frodi u l-kriminalità organizzata, li jgawdu minn livell sinifikanti ta' impunità; jiddeplora l-fatt li anke f'pajjiżi li għandhom liġijiet tajba tal-foresti, l-implimentazzjoni għadha dgħajfa;

20.  Jirrikonoxxi li r-reati b'rabta mal-foresti, bħall-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, ġew stmati li jirrappreżentaw valur ta' USD 50-152 biljun globalment fl-2016, żieda ta' aktar minn 30-100 biljun fl-2014 u kklassifikati bħala l-ewwel f'termini ta' dħul fost ir-reati ambjentali; jinnota li l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam għandu rwol sostanzjali fil-finanzjament tal-kriminalità organizzata u għaldaqstant ifaqqar b'mod sinifikanti lill-gvernijiet, lin-nazzjonijiet u lill-komunitajiet lokali minħabba dħul mhux miġbur(9);

21.  Jinsab allarmat li l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-ħtif tal-art u s-sekwestru tal-artijiet indiġeni intensifikaw, kawża tal-espansjoni tal-infrastruttura u l-pjantaġġuni tal-monokultura għall-ikel, il-fjuwil u l-fibra, il-qtugħ tas-siġar u l-azzjonijiet ta' mitigazzjoni tal-karbonju bħall-bijofjuwils, il-gass naturali jew l-iżviluppi idroelettriċi fuq skala kbira;

22.  Jinnota bi tħassib li madwar 300 000 Popli Forestali (imsejħa wkoll "pygmies" jew "batwas") fil-foresta pluvjali tal-Afrika Ċentrali qegħdin jiffaċċjaw pressjonijiet bla preċedent fuq l-artijiet, ir-riżorsi tal-foresti u s-soċjetajiet tagħhom, billi l-foresti qegħdin jinqatgħu, jiġu żgumbrati għall-agrikoltura jew jinbidlu f'żoni esklużivi għall-konservazzjoni tal-ħajja selvaġġa;

23.  Iħeġġeġ bis-sħiħ li l-Kummissjoni ssegwi l-punti li saru fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(10), inkluż b'referenza għall-korporazzjonijiet li joperaw f'dan il-qasam; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b'mod partikolari tagħti bidu għall-miżuri msemmija f'din ir-riżoluzzjoni sabiex tidentifika u tikkastiga lil dawk responsabbli, meta tali azzjonijiet jistgħu jiġu allokati direttament jew indirettament lil korporazzjonijiet multinazzjonali li joperaw fil-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru;

24.  Jenfasizza li l-qtugħ illegali tas-siġar jikkawża telf ta' dħul mit-taxxa għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jiddeplora b'mod partikolari l-fatt li r-rifuġji fiskali delokalizzati u l-iskemi ta' evitar tat-taxxa qegħdin jintużaw biex jiffinanzjaw kumpaniji u sussidjarji fittizji ta' kumpaniji ewlenin tal-polpa, tal-qtugħ tas-siġar għall-injam u tal-minjieri assoċjati mad-deforestazzjoni, kif ikkonfermat mill-Panama Papers u mill-Paradise Papers, f'kuntest fejn l-effetti tal-globalizzazzjoni finanzjarja mhux regolata jista' jkollha impatt negattiv fuq il-konservazzjoni tal-foresti u s-sostenibbiltà ambjentali; iħeġġeġ għal darb'oħra sabiex l-UE turi rieda politika u determinazzjoni qawwija fil-ġlieda kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, kemm domestikament kif ukoll ma' pajjiżi terzi;

25.  Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-istudju tal-fattibbiltà li ilu mistenni dwar l-għażliet biex tiżdied l-azzjoni tal-UE kontra d-deforestazzjoni(11), ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea; jinnota li dan l-istudju jiffoka prinċipalment fuq seba' prodotti forestali ta' riskju, jiġifieri ż-żejt tal-palm, is-sojja, il-gomma, iċ-ċanga, il-qamħirrum, il-kawkaw u l-kafè, u jirrikonoxxi li "B'mod ċar l-UE hija parti mill-problema tad-deforestazzjoni globali";

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tniedi minnufih valutazzjoni tal-impatt dettaljata u konsultazzjoni ġenwina mal-partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari bl-involviment tal-popli lokali u n-nisa, bil-ħsieb li jiġi stabbilit ta' Pjan ta' Azzjoni tal-UE sinifikanti dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti li jinkludi miżuri regolatorji konkreti u koerenti, inkluż mekkaniżmu ta' monitoraġġ, biex tiggarantixxi li l-ebda katina ta' provvista jew tranżazzjoni finanzjarja marbuta mal-UE ma jikkawżaw deforestazzjoni, degradazzjoni tal-foresti jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jappella biex dan il-Pjan ta' Azzjoni jippromwovi aktar assistenza finanzjarja u teknika lill-pajjiżi produtturi bil-għan speċifiku li jipproteġi, iżomm u jirrestawra l-foresti u l-ekosistemi kritiċi, u jtejjeb l-għajxien tal-komunitajiet li jiddependu mill-foresti;

27.  Ifakkar li n-nisa indiġeni u l-bdiewa nisa għandhom rwol ċentrali fil-protezzjoni tal-ekosistemi tal-foresti; jinnota bi tħassib, madankollu, in-nuqqas ta' inklużjoni u l-emanċipazzjoni tan-nisa fil-proċess tal-ġestjoni tar-riżorsi naturali; jiddeplora n-nuqqas ta' edukazzjoni dwar il-forestrija; jemmen li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni dwar il-forestrija hija punt ewlieni fil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, li għandha tiġi riflessa fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE;

28.  Jieħu nota tal-ftuħ tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-prodott tar-Regolament dwar l-Injam; iqis li l-possibbiltà li ssir għażla fil-kwestjonarju dwar it-tnaqqis tal-kamp ta' applikazzjoni li għandu jiġi kopert mir-Regolament mhijiex waħda ġġustifikata minħabba li l-kummerċ illegali jiffjorixxi fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni attwali tar-Regolament; jinnota wkoll il-pożizzjoni favorevoli tal-Konfederazzjoni Ewropea tal-Industriji tax-Xogħol tal-Injam dwar l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Injam għall-prodotti kollha tal-injam;

29.  Jinnota li ma kienx possibbli li ssir valutazzjoni, fir-rieżami tal-2016 tal-EUTR (SWD(2016)0034), dwar jekk il-penali stipulati mill-Istati Membri humiex effettivi, proporzjonati u dissważivi peress li l-għadd ta' sanzjonijiet applikati s'issa kien baxx ħafna; għandu dubju dwar l-applikazzjoni minn uħud mill-Istati Membri tal-kriterju "tal-kundizzjonijiet ekonomiċi nazzjonali" għal penali stabbiliti, minħabba l-aspett internazzjonali tar-reat u l-fatt li dan huwa kklassifikat bħala l-ewwel fir-reati ambjentali fid-dinja;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ u jinfurzaw l-EUTR, u sabiex l-EUTR ikopri l-prodotti kollha li huma jew jistgħu jkunu magħmula mill-injam, u li jkun fihom jew jista' jkun fihom l-injam; jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu kontrolli adegwati u effettivi, inkluż fuq ktajjen tal-provvista kumplessi u fuq importazzjonijiet minn pajjiżi ta' pproċessar, u jitlob sanzjonijiet robusti u dissważivi għall-operaturi ekonomiċi kollha, peress li dan huwa reat internazzjonali li jiġġenera l-akbar qligħ fost ir-reati ambjentali;

31.  Jinnota li ġie żvelat li l-liċenzji tal-esportazzjoni tal-FLEGT jippermettu li l-injam miksub b'mod illegali jitħallat mal-injam legali u għalhekk jista' potenzjalment jiġi esportat lejn l-UE bħala konformi mal-EUTR(12);

32.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-gwida tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam sabiex tindirizza l-injam ta' kunflitt u tirrakkomanda aktar miżuri dettaljati ta' mitigazzjoni tar-riskji sabiex jissaħħaħ l-infurzar kif ukoll titlob diliġenza dovuta mill-operaturi li jimportaw minn żoni affettwati minn kunflitt jew żoni ta' riskju għoli, termini u kundizzjonijiet kontra t-tixħim f'kuntratti ma' fornituri, l-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet ta' konformità kontra l-korruzzjoni, dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati, u awditi kontra l-korruzzjoni;

Governanza tal-foresti u tal-art

33.  Jirrikonoxxi l-ħidma importanti mwettqa fi ħdan il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU (UNECE) u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU (FAO) fir-rigward tal-ġestjoni sostenibbli globali tal-foresti, li għandha rwol essenzjali fil-kummerċ sostenibbli tal-prodotti tal-foresti;

34.  Jistieden lill-UE tistabbilixxi kooperazzjoni aktar b'saħħitha u sħubiji effettivi mal-pajjiżi li l-aktar jikkunsmaw l-injam u partijiet ikkonċernati internazzjonali, bħan-NU, b'mod partikolari l-FAO, iċ-Ċentru għal Riċerka Internazzjonali dwar il-Foresti (CIFOR) u l-Programm tal-Bank Dinji dwar il-Foresti (PROFOR), għal tnaqqis aktar effettiv fil-kummerċ ta' injam maqtugħ illegalment fil-livell globali u titjib fil-governanza tal-foresti b'mod ġenerali;

35.  Jenfasizza li l-foresti sekondarji, li jiġu ġġenerati l-aktar permezz ta' proċessi naturali wara disturb tal-bniedem jew disturb naturali sinifikanti tal-foresti primarji, jipprovdu wkoll, flimkien mal-foresti primarji, servizzi kruċjali tal-ekosistema, għajxien għall-popolazzjoni lokali kif ukoll provvista tal-injam; iqis li peress li s-sopravivenza tagħhom hija mhedda wkoll mill-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, kwalunkwe azzjoni li tindirizza t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-ġestjoni tal-foresti għandu jkollha fil-mira wkoll il-foresti sekondarji, u mhux biss dawk primarji;

36.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li titħeġġeġ ġestjoni parteċipatorja u komunitarja tal-foresti permezz tat-tisħiħ tal-involviment tas-soċjetà ċivili fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-proġetti dwar il-ġestjoni tal-foresti li jissensibilizzaw u jiżguraw li l-komunitajiet lokali jaqsmu l-benefiċċji tar-riżorsi tal-foresti;

37.  Jinnota bi tħassib li l-pussess komunitarju mhux sigur tal-art mill-popli tal-foresti jikkostitwixxi ostaklu ewlieni għall-ġlieda kontra d-deforestazzjoni;

38.  Ifakkar li governanza responsabbli tal-pussess tal-art u tal-foresti hija essenzjali sabiex jiġu żgurati stabbiltà soċjali, użu sostenibbli tal-ambjent u investiment responsabbli għall-iżvilupp sostenibbli;

39.  Jinnota l-eżistenza ta' mudelli ta' dritt għall-pussess tal-art tal-forestrija komunitarja/dritt konswetudinarju għall-pussess tal-art kollettiv li jistgħu jġibu għadd ta' benefiċċji(13), inkluża żieda fiż-żona tal-foresta u fir-riżorsi tal-ilma disponibbli, tnaqqis fil-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam billi jiġu stabbiliti regoli ċari dwar l-aċċess għall-injam u sistema b'saħħitha ta' monitoraġġ tal-foresti; jipproponi li jkun hemm aktar riċerka u appoġġ sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati oqfsa legali dwar il-forestrija komunitarja;

40.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi sħab jirrikonoxxu u jipproteġu d-dritt tal-komunitajiet lokali li jiddependu fuq il-foresti u tal-popli indiġeni, b'mod partikolari n-nisa indiġeni, fir-rigward tas-sjieda abitwali u l-kontroll tal-artijiet, it-territorji u r-riżorsi naturali tagħhom, kif stabbilit fl-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, UNDRIP u l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 169; jappella lill-UE tappoġġja lill-pajjiżi sħab f'dan l-isforz u fl-applikazzjoni preċiża tal-prinċipju ta' kunsens liberu u infurmat minn qabel (FPIC) għall-akkwisti ta' art fuq skala kbira;

41.  Jiddenunzja l-ispazju li qiegħed jiċkien u l-għadd li qiegħed jikber ta' attakki fuq il-libertà ta' espressjoni tal-komunitajiet tas-soċjetà ċivili u dawk lokali fir-rigward tal-governanza tal-foresti;

42.  Jappella lill-Kummissjoni sabiex il-VGGT tal-FAO isiru vinkolanti għall-Pjan ta' Investiment Estern; jisħaq fuq il-fatt li l-konformità mal-VGGT tirrikjedi l-eżistenza ta' monitoraġġ u infurzar effettivi indipendenti, inklużi mekkaniżmi adegwati għas-soluzzjoni tat-tilwim u l-ilmenti; jinsisti li l-istandards dwar id-dominju ta' art jiġu inklużi fit-tfassil tal-proġetti, il-monitoraġġ u r-rapportar annwali u jsiru vinkolanti għall-azzjoni esterna kollha tal-UE ffinanzjata minn assistenza uffiċjali għall-iżvilupp (ODA);

43.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu, bħala pass immedjat, mekkaniżmu effettiv ta' lmenti amministrattivi għall-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u impatti dannużi oħra kkawżati minn attivitajiet iffinanzjati mill-ODA sabiex jinbdew proċessi ta' investigazzjoni u ta' rikonċiljazzjoni; jindika li dan il-mekkaniżmu għandu jkollu proċeduri standardizzati, ikun ta' natura amministrattiva, u għaldaqstant ikun komplementari għall-mekkaniżmi ġudizzjarji, u li d-Delegazzjonijiet tal-UE jistgħu jaġixxu bħala punti ta' dħul;

44.  Jappella sabiex l-UE tadotta regoli dwar l-iżvelar obbligatorju ta' informazzjoni dwar id-deforestazzjoni li joffri prova ta' investimenti finanzjarji marbuta mal-produzzjoni jew mal-ipproċessar ta' prodotti bażiċi li huma ta' theddida għall-foresti;

45.  Ifakkar li l-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sas-27 ta' Novembru 2018 dwar il-funzjonament tad-Direttiva 2013/50/UE dwar it-Trasparenza li tintroduċi rekwiżit ta' żvelar għall-pagamenti lill-gvernijiet minn kumpaniji kbar elenkati u mhux elenkati b'attivitajiet fl-industrija estrattiva u li jinvolvi l-qtugħ tas-siġar għall-injam tal-foresti (naturali u seminaturali) primarji; jinnota wkoll li dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva; fid-dawl ta' rieżami possibbli, jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-estensjoni tal-obbligu lil setturi tal-industrija oħra li jaffettwaw lill-foresti, u lil foresti oħra għajr il-foresti primarji;

46.  Jiddeplora n-nuqqas ta' parteċipazzjoni lokali u n-nuqqas ta' ftehimiet dwar il-foresti komunitarji fiż-żonar tal-użu tal-art u l-allokazzjoni tal-konċessjonijiet huma komuni f'bosta pajjiżi; huwa tal-fehma li t-TLAS għandha tinkludi salvagwardji proċedurali li jagħtu saħħa lill-komunitajiet, bil-għan li titnaqqas il-probabbiltà ta' allokazzjoni korrotta jew inġusta jew trasferimenti ta' art;

47.  Jisħaq fuq il-fatt li trasparenza tad-data, kartografija aħjar, monitoraġġ indipendenti, għodod għall-awditjar u kondiviżjoni tal-informazzjoni huma essenzjali għat-titjib tal-governanza, għall-kooperazzjoni internazzjonali u għall-iffaċilitar tal-konformità mal-impenji ta' ebda deforestazzjoni; jappella lill-UE sabiex iżżid l-appoġġ finanzjarju u tekniku lill-pajjiżi sħab sabiex tikseb dawn l-għanijiet u biex tgħinhom jiżviluppaw l-għarfien espert meħtieġ biex itejbu l-istrutturi ta' governanza tal-foresti lokali u r-responsabbiltà;

Ktajjen ta' provvista u finanzjament responsabbli

48.  Jinnota li l-importazzjonijiet tal-injam u tal-prodotti tal-injam għandhom jiġu kkontrollati aktar bir-reqqa fil-fruntieri tal-UE, sabiex jiġi żgurat li l-prodotti importati tassew jikkonformaw mal-kriterji meħtieġa biex jidħlu fl-UE;

49.  Jinnota li aktar minn nofs il-prodotti bażiċi mmanifatturati u esportati fis-suq globali huma prodotti tad-deforestazzjoni illegali; jindika li, b'kont meħud tal-prodotti bażiċi li huma ta' riskju għall-foresti u li huma relatati mal-agrikoltura, huwa stmat li fir-rigward tal-esportazzjonijiet taċ-ċanga 65 % minn dik tal-Brażil u 9 % minn dik tal-Arġentina u fir-rigward tal-esportazzjoni tas-sojja 41 % minn dik tal-Brażil, 5 % minn dik tal-Arġentina u 30 % minn dik tal-Paragwaj x'aktarx li jkunu marbuta mad-deforestazzjoni illegali; jinnota wkoll li l-produtturi tal-UE jimportaw ammonti sinifikanti ta' għalf u ta' proteini mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw(14);

50.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tas-settur privat sabiex jinkisbu l-miri internazzjonali dwar il-foresti, inkluż ir-restawr tal-foresti; jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-ktajjen ta' provvista globali u l-flussi finanzjarji jappoġġjaw biss produzzjoni sostenibbli u mingħajr deforestazzjoni li tkun legali, u ma jwasslux għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

51.  Jilqa' l-fatt li l-atturi ewlenin tas-settur privat (spiss mill-UE) wiegħdu li ser jeliminaw id-deforestazzjoni mill-ktajjen ta' provvista u mill-investimenti tagħhom; jinnota madankollu li l-UE jeħtiġilha tilqa' l-isfida u ssaħħaħ l-isforzi tas-settur privat permezz ta' politiki u ta' miżuri xierqa li joħolqu linja bażi komuni għall-kumpaniji kollha u li jintroduċu kundizzjonijiet ekwi; iqis li dan jagħti spinta lill-wegħdiet, joħloq fiduċja u jżomm lill-kumpaniji aktar responsabbli għall-impenji tagħhom;

52.  Ifakkar li l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem iridu jiġu rrispettati; jappoġġja n-negozjati kontinwi sabiex jinħoloq strument vinkolanti tan-NU dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u jisħaq fuq l-importanza li l-UE tkun involuta b'mod attiv f'dan il-proċess;

53.  Jinkoraġġixxi lill-korporazzjonijiet jieħdu azzjoni biex jipprevjenu l-korruzzjoni fil-prattiki kummerċjali tagħhom, partikolarment dawk relatati mal-allokazzjoni ta' drittijiet tad-dominju ta' art, u sabiex jiżdiedu s-sistemi ta' monitoraġġ estern tagħhom dwar l-istandards tax-xogħol biex jinkludu impenji aktar inklużivi relatati mad-deforestazzjoni;

54.  Jappella biex l-UE tintroduċi rekwiżiti obbligatorji sabiex l-industrija finanzjarja twettaq diliġenza dovuta b'saħħitha fil-valutazzjoni tar-riskji finanzjarji u mhux finanzjarji għall-ambjent, għas-soċjetà u għall-governanza; jappella bl-istess mod għad-divulgazzjoni pubblika tal-proċess ta' diliġenza dovuta, permezz tar-rapportar annwali maħsub għall-investituri;

55.  Jappella biex l-UE tindirizza d-deforestazzjoni globali billi tirregola l-kummerċ Ewropew u l-konsum ta' prodotti bażiċi ta' riskju għall-foresti, bħas-sojja, iż-żejt tal-palm, l-eucalyptus, iċ-ċanga, il-ġilda u l-kawkaw, abbażi tal-esperjenzi meħuda mill-Pjan ta' Azzjoni FLEGT, ir-Regolament dwar l-Injam, ir-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt, id-Direttiva dwar ir-Rapportar mhux Finanzjarju, il-leġiżlazzjoni dwar is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU) u inizjattivi oħra tal-UE biex tirregola l-katini ta' provvista;

56.  Dan il-qafas regolatorju għandu

a)  jistabbilixxi kriterji obbligatorji għal prodotti sostenibbli u mingħajr deforestazzjoni;

b)  jimponi obbligi ta' diliġenza dovuta obbligatorji fuq operaturi kemm upstream kif ukoll downstream fil-ktajjen ta' provvista ta' prodotti bażiċi ta' riskju għall-foresti;

c)  jinforza t-traċċabilità tal-prodotti bażiċi u t-trasparenza fil-katina ta' provvista kollha;

d)  jesiġi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jinvestigaw u jipproċedu kontra ċittadini tal-UE jew kumpaniji bbażati fl-UE li jibbenefikaw minn konverżjoni illegali tal-art f'pajjiżi produtturi;

e)  jkun konformi mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, jirrispetta d-drittijiet konswetudinarji kif stabbiliti fil-VGGT u jiggarantixxi l-FPIC tal-komunitajiet kollha potenzjalment affettwati matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodott;

57.  Jistieden sabiex l-UE tiżgura li l-miżuri mdaħħla fis-seħħ u l-qafas regolatorju ma jagħtux lok għal piżijiet żejda fuq il-produtturi żgħar u ta' daqs medju jew jipprevjenu l-aċċess tagħhom għas-swieq u l-kummerċ internazzjonali;

58.  Jappella bl-istess mod sabiex l-UE tippromwovi qafas regolatorju vinkolanti simili fil-livell internazzjonali u sabiex tintegra d-diplomazija dwar il-foresti fil-politika tagħha dwar il-klima, bil-għan li tinkoraġġixxi lill-pajjiżi, li jipproċessaw u/jew jimportaw kwantitajiet sinifikanti ta' injam tropikali, bħaċ-Ċina u l-Vjetnam, sabiex jadottaw leġiżlazzjoni effettiva li tipprojbixxi l-importazzjoni ta' injam maqtugħ illegalment u li tirrikjedi li l-operaturi jwettqu diliġenza dovuta (simili għall-EUTR); għal dan il-għan, jappella lill-Kummissjoni biex ittejjeb it-trasparenza fir-rigward tad-diskussjonijiet u l-azzjonijiet meħuda taħt il-BCM-FLEGT maċ-Ċina;

59.  Jiddeplora l-isfida tal-gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) rigward il-moratorju fuq l-għoti ta' liċenzji ġodda lil żewġ kumpaniji Ċiniżi għall-qtugħ tas-siġar fil-foresti pluvjali tar-RDK; jappella sabiex il-moratorju jinżamm sakemm il-kumpaniji tal-qtugħ tas-siġar, il-gvern u l-komunitajiet lokali li jiddependu fuq il-foresti jilħqu qbil dwar protokolli li jiżguraw ġestjoni ambjentali u soċjali sodisfaċenti;

60.  Jappella lill-UE biex tintroduċi kriterji ta' kundizzjonalità għall-għalf tal-annimali fir-riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) bl-objettiv li jiġi żgurat li s-sussidji pubbliċi jingħataw lil prodotti alimentari sostenibbli u mhux mid-deforestazzjoni, titnaqqas l-importazzjoni ta' għalf tal-proteina għall-għelejjel u l-bhejjem, filwaqt li tiġi diversifikata u tissaħħaħ il-produzzjoni domestika tal-għelejjel tal-proteina u titneħħa l-importazzjoni ta' prodotti bażiċi li huma ta' riskju għall-foresti (eż. sojja, qamħirrum) minn appoġġ dirett jew indirett fil-politika futura tal-UE dwar l-ikel u l-biedja;

61.  Jenfasizza li l-PAK il-ġdida trid tkun allinjata mal-impenji internazzjonali tal-UE, inkluża l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima;

62.  Jappella sabiex l-indikaturi tal-SDG jintużaw għall-valutazzjoni tal-effetti esterni tal-PAK, kif issuġġerit mill-OECD;

63.  Ifakkar li l-Malasja u l-Indoneżja huma l-produtturi ewlenin taż-żejt tal-palm, b'madwar 85-90 % tal-produzzjoni globali, u li d-domanda li dejjem qiegħda tikber għal dan il-prodott bażiku twassal għal deforestazzjoni, titfa' pressjoni fuq l-użu tal-art u għandha effetti sinifikanti fuq il-komunitajiet lokali, is-saħħa u t-tibdil fil-klima; jisħaq fuq il-punt, f'dan il-kuntest, li n-negozjati għal ftehimiet kummerċjali mal-Indoneżja u l-Malasja għandhom jintużaw sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni fil-prattika;

64.  Fir-rigward taż-żejt tal-palm jirrikonoxxi l-kontribut pożittiv tal-iskemi ta' ċertifikazzjoni eżistenti, iżda jinnota b'dispjaċir li r-Roundtable dwar iż-Żejt tal-Palm Responsabbli (RISPO), iż-Żejt tal-Palm Sostenibbli tal-Indoneżja (ISPO), iż-Żejt tal-Palm Sostenibbli tal-Malasja (MPSO), u l-iskemi ta' ċertifikazzjoni rikonoxxuti ewlenin l-oħra kollha ma jipprojbixxux b'mod effettiv lill-membri tagħhom milli jikkonvertu l-foresti pluvjali jew it-torbieri fi pjantaġġuni tal-palm; iqis, għalhekk, li dawn l-iskemi ta' ċertifikazzjoni ewlenin qegħdin jonqsu milli jillimitaw b'mod effettiv l-emissjonijiet tal-gassijiet serra matul l-istabbiliment u t-tħaddim tal-pjantaġġuni, u b'konsegwenza ta' dan ma setgħux jevitaw nirien kbar fil-foresta u fit-torbieri; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jitwettqu monitoraġġ u awditjar indipendenti ta' dawn l-iskemi ta' ċertifikazzjoni, sabiex tiggarantixxi li ż-żejt tal-palm li jitqiegħed fis-suq tal-UE jikkonforma mal-istandards meħtieġa kollha u jkun sostenibbli; jinnota li l-kwistjoni tas-sostenibbiltà fis-settur taż-żejt tal-palm ma tistax tiġi indirizzata b'politiki u miżuri volontarji biss, iżda l-kumpaniji taż-żejt tal-palm għandhom ikunu soġġetti wkoll għal regoli vinkolanti u għal skema ta' ċertifikazzjoni obbligatorja;

65.  Jisħaq fuq il-bżonn li titjieb l-affidabilità tal-iskemi ta' ċertifikazzjoni volontarji, permezz ta' tikkettar, bil-għan li jiġi garantit li jkun biss iż-żejt tal-palm ħieles mid-deforestazzjoni, mid-degradazzjoni tal-foresti, mill-approprjazzjoni illeġittima tal-art u minn ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem li jidħol fis-suq tal-UE, skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(15), u li skemi bħall-RSPO jinkludu lil dawk kollha li jużaw iż-żejt tal-palm; jenfasizza, barra minn hekk, li jeħtieġ li l-konsumaturi jiġu informati aħjar dwar l-effetti ħżiena tal-produzzjoni mhux sostenibbli taż-żejt tal-palm fuq l-ambjent bl-għan aħħari jkun li jitnaqqas b'mod sinifikanti l-konsum taż-żejt tal-palm;

66.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, u lill-Istati Membri kollha li għadhom m'għamlux dan, biex jaħdmu lejn l-istabbiliment ta' impenn fil-livell tal-UE kollha favur l-akkwist ta' żejt tal-palm iċċertifikat sostenibbli biss sal-2020 billi, inter alia, jiffirmaw u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam "Towards Eliminating Deforestation from Agricultural Commodity Chains with European Countries" (Lejn l-Eliminazzjoni tad-Deforestazzjoni mill-Ktajjen ta' Prodotti Bażiċi Agrikoli ma' Pajjiżi Ewropej), u li jaħdmu lejn l-istabbiliment ta' impenn tal-industrija billi, inter alia, jiffirmaw u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam "In Support of a Fully Sustainable Palm Oil Supply Chain by 2020" (Appoġġ Favur Katina tal-Provvista Kompletament Sostenibbli għaż-Żejt tal-Palm sal-2020);

Koerenza tal-politiki għall-iżvilupp

67.   Ifakkar li l-SDGs jistgħu jintlaħqu biss jekk il-katini tal-provvista jsiru sostenibbli u jinħolqu sinerġiji bejn il-politiki; jinsab allarmat li d-dipendenza għolja tal-UE fuq l-importazzjoni ta' għalf tal-annimali fil-forma ta' fażola tas-sojja tikkawża deforestazzjoni f'pajjiżi barra minnha; jinsab imħasseb dwar l-impatt ambjentali taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-bijomassa u ż-żieda fid-domanda għall-injam fl-Ewropa, b'mod partikolari biex jintlaħqu l-miri tal-UE għall-enerġija rinnovabbli; jappella lill-UE biex tikkonforma mal-prinċipju ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD), kif minqux fl-Artikolu 208 tat-TFUE, billi dan huwa aspett fundamentali tal-kontribut tal-UE għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, tal-Ftehim ta' Pariġi u tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp; jappella, għaldaqstant, lill-UE biex tiżgura konsistenza bejn l-iżvilupp, il-kummerċ, l-agrikoltura, l-enerġija u l-politiki dwar il-klima tagħha;

68.  Jappella lill-Kummissjoni tarmonizza u tikkoordina aħjar l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar fi ħdan il-politiki differenti tal-UE u s-servizzi tagħha involuti fil-politiki; jappella lill-Kummissjoni biex tinnegozja standards għall-importazzjoni tal-injam fil-ftehimiet relatati mal-kummerċ fuq livell bilaterali jew multilaterali fil-ġejjieni, b'mod li ma jiddgħajfux is-suċċessi li nkisbu permezz tal-Pjan ta' Azzjoni FLEGT flimkien mal-pajjiżi li jipproduċu l-injam;

69.  Ifakkar li 80 % tal-foresti huma l-artijiet u t-territorji tradizzjonali ta' popli indiġeni u komunitajiet lokali; jinnota bi tħassib li r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet ta' popli indiġeni rrapportat li rċeviet għadd dejjem jikber ta' allegazzjonijiet dwar sitwazzjonijiet fejn il-proġetti dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima affettwaw b'mod negattiv id-drittijiet ta' popli indiġeni, b'mod partikolari l-proġetti għal enerġija rinnovabbli bħall-produzzjoni tal-bijofjuwil u l-bini ta' digi idroelettriċi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati d-drittijiet ta' pussess tal-art għall-komunitajiet lokali tal-foresti, inklużi d-drittijiet abitwali; jindika li l-pagamenti bbażati fuq ir-riżultati u r-REDD+ huma opportunità biex jissaħħu l-governanza tal-foresti, id-drittijiet tad-dominju tal-art u l-għajxien;

70.  Jisħaq fuq ir-rwol vitali tal-popli indiġeni fil-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-konservazzjoni tal-bijodiversità; ifakkar li l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) tappella lill-istati partijiet tagħha jirrispettaw l-għarfien u d-drittijiet tal-popli indiġeni bħala salvagwardji fl-implimentazzjoni ta' REDD+; iħeġġeġ lill-pajjiżi sħab jadottaw miżuri sabiex jinvolvu b'mod effettiv lill-popli indiġeni fil-miżuri ta' adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu;

71.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri jsaħħu s-sinerġiji bejn il-FLEGT-VPA u r-REDD+;

72.  Jesprimi tħassib serju dwar l-espansjoni tal-użu industrijali fuq skala kbira tal-foresti għall-enerġija permezz tal-monokultura, li jaċċellera it-telf globali tal-bijodiversità u d-deterjorament tas-servizzi tal-ekosistemi;

73.  Ifakkar li l-politika tal-UE dwar il-bijokarburanti għandha tkun konsistenti mal-SDGs u mal-prinċipju tal-PCD; itenni li l-UE għandha telimina gradwalment l-inċentivi kollha ta' politika għall-agrokarburanti sa mhux aktar tard mill-2030;

74.  Jiddeplora l-fatt li r-reviżjoni li għaddejja tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED II) ma tintroduċix kriterji dwar is-sostenibbiltà soċjali u konsegwenzi oħra dwar l-użu indirett tal-art li jqisu r-riskji tal-ħtif tal-art; ifakkar li d-Direttiva għandha tkun konsistenti mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet għaż-żamma tal-art, jiġifieri l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 169 u l-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar iż-Żamma tal-Arti u l-Prinċipji għall-Investiment Responsabbli fis-Sistemi tal-Agrikoltura u l-Ikel; jenfasizza bl-istess mod il-ħtieġa li jiġu introdotti kriterji aktar stretti fuq il-bijomassa tal-foresti sabiex tiġi evitata l-promozzjoni tal-bijoenerġija li toħloq deforestazzjoni barra mill-pajjiż;

75.   Jinnota l-volum sostanzjat ta' evidenza li l-konverżjoni ta' foresta tropikali għall-agrikoltura, għall-pjantaġġuni u għal użi oħra tal-art tikkawża telf sinifikanti ta' speċijiet u b'mod partikolari ta' speċijiet tipiċi tal-foresti; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu restawrati l-foresti naturali u li huma bijoloġikament varjati bħala mezz għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-bijodiversità, f'konformità mal-objettivi tal-Aġenda 2030, b'mod partikolari l-Għan 15; jemmen li programmi ta' restawr tal-foresti għandhom jirrikonoxxu d-drittijiet tal-art tal-antenati lokali, ikunu inklużivi u adatti għall-kundizzjonijiet lokali u jippromwovu soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura bħar-restawr tal-pajsaġġ tal-foresti (FLR) sabiex jiġu bbilanċjati l-użi tal-art, inklużi ż-żoni protetti, l-agroforestrija, is-sistemi tal-biedja, il-pjantaġġuni fuq skala żgħira u r-residenzi tal-bniedem; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni barra mill-pajjiż jiġi indirizzat fid-dawl tal-objettivi stabbiliti mill-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità għall-2020;

76.  Jistieden lill-UE tappoġġja inizjattivi minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li għandhom ħafna foresti, bil-għan li jikkontrobilanċjaw l-espansjoni bla xkiel ta' prattiki agrikoli u attivitajiet ta' estrazzjoni li kellhom impatt negattiv fuq l-immaniġġjar tal-foresti, u fuq l-għajxien u l-integrità kulturali tal-popli indiġeni kif ukoll konsegwenzi detrimentali għall-istabbiltà soċjali u s-sovranità tal-ikel tal-bdiewa;

77.  Itenni li katini tal-valur tal-injam sostenibbli li joriġinaw minn foresti ġestiti b'mod sostenibbli, inklużi l-pjantaġġuni tal-foresti u l-biedja tal-familja, jistgħu jagħtu kontributi importanti biex jintlaħqu l-SDGs u l-impenji dwar it-tibdil fil-klima; jinsisti, f'kuntest fejn id-degradazzjoni jew it-telf tal-foresti jammontaw għal 68,9 % ta' telf kumplessiv tal-karbonju fl-ekosistemi tropikali (16), li ebda finanzjament pubbliku li joriġina mill-finanzjament għall-klima u l-fondi għall-iżvilupp ma jintuża biex jappoġġja l-espansjoni tal-agrikoltura, il-qtugħ tas-siġar fuq skala industrijali, il-minjieri, l-estrazzjoni tar-riżorsi jew l-iżvilupp tal-infrastruttura f'pajsaġġi forestali mhux mittiefsa, filwaqt li b'mod aktar ġenerali l-finanzjament minn fondi pubbliċi għandu jkun soġġett għal kriterji ta' sostenibbiltà robusti; jappella wkoll lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jikkoordinaw il-politiki tad-donaturi f'dan ir-rigward(17);

78.  Iqis li l-isforzi biex tieqaf id-deforestazzjoni jridu jinkludu għajnuna u appoġġ għall-użu l-aktar effettiv ta' uċuħ tar-raba' eżistenti, li jkunu applikati f'rabta ma' approċċ ta' raħal intelliġenti; jirrikonoxxi li l-prattiki agroekoloġiċi għandhom potenzjal qawwi biex jimmassimizzaw il-funzjonijiet tal-ekosistemi u r-reżiljenza permezz tat-tħawwil imħallat u ta' diversità għolja, l-agroforestrija u t-tekniki ta' permakultura rilevanti wkoll għal prodotti agrikoli bħaż-żejt tal-palm, il-kawkaw jew tal-gomma, u jwasslu wkoll għal aktar benefiċċji f'termini ta' eżiti soċjali, diversifikazzjoni tal-produzzjoni u tal-produttività, mingħajr ma jirrikorru għal konverżjoni ulterjuri tal-foresti;

Kriminalità tal-foresti

79.  Jinnota li, skont il-UNEP u l-INTERPOL, il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-kummerċ tal-injam huma wieħed mill-aktar ħames setturi importanti tal-kriminalità ambjentali, bi gruppi transnazzjonali ta' kriminalità organizzata jkollhom rwol akbar;

80.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ġlieda kontra l-kummerċ internazzjonali illegali teħtieġ azzjoni komuni u inklużiva biex titwaqqaf il-qerda, id-deforestazzjoni, il-qtugħ illegali tas-siġar u jiġu miġġielda l-frodi, il-qtil u t-talba għal prodotti bażiċi u ħajja selvaġġa tal-foresti; jappella biex tiġi stabbilita forza tal-pulizija internazzjonali sabiex iż-żoni protetti jinżammu sikuri;

81.  Jissottolinja li l-kriminalità tal-foresti, bħall-ħruq mhux regolat jew illegali tal-faħam jew il-kriminalitajiet fuq skala kbira mill-kumpaniji li jinvolvu l-injam, il-karta u l-polpa, għandhom impatt kbir fuq l-emissjonijiet globali, ir-riżervi tal-ilma, id-deżertifikazzjoni u x-xejriet tax-xita;

82.  Jinnota bi tħassib li, skont l-UNEP u l-INTERPOL, il-leġiżlazzjoni li tindirizza l-kriminalità ambjentali hija meqjusa bħala inadegwata f'bosta pajjiżi, minħabba, fost oħrajn, nuqqas ta' għarfien espert u persunal, multi żgħar jew l-assenza ta' sanzjonijiet kriminali, eċċ., li huma ostakli għall-ġlieda effettiva kontra dawn il-kriminalitajiet;

83.  Jisħaq fuq l-importanza li jintużaw pieni li jkunu tassew deterrenti u effettivi fil-pajjiżi produtturi sabiex jiġu missielta l-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ tal-injam;

84.  Jappella lill-Kummissjoni tespandi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2008/99/KE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali(18) sabiex din tinkludi l-qtugħ illegali tas-siġar;

85.  Jinkoraġġixxi lill-UE tipprovdi assistenza fit-tisħiħ tas-sorveljanza tad-deforestazzjoni u l-attivitajiet illegali;

86.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti tal-kriminalità ambjentali, bħall-faqar, il-korruzzjoni u l-governanza mhux adegwata, permezz ta' approċċ integrat u olistiku, inkoraġġiment tal-kooperazzjoni finanzjarja transfruntiera u użu tal-istrumenti kollha rilevanti għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata internazzjonali, inkluż il-ħtif u l-konfiska ta' assi kriminali, u azzjoni kontra l-ħasil tal-flus;

87.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-oqfsa ġuridiċi domestiċi, jiġi appoġġjat l-istabbiliment ta' netwerks nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u t-t-titjib tal-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dritt internazzjonali rilevanti għall-promozzjoni ta' ġestjoni trasparenti u responsabbli tal-foresti permezz, fost l-oħrajn, tal-iskambju tal-aħjar prattiki, l-iżvelar rigoruż tal-informazzjoni, il-valutazzjonijiet robusti tal-impatt għas-sostenibilità u s-sistemi ta' monitoraġġ u rapportar, b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġu protetti l-gwardji tal-foresti; jappella għal aktar kollaborazzjoni bejn is-setturi u bejn l-aġenziji kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak internazzjonali, partikolarment mal-INTERPOL u l-UNODC, inklużi l-kondiviżjoni tal-intelligence u l-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-espansjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) sabiex din tkopri l-kriminalità ambjentali;

88.  Ifakkar li aċċess akbar għad-data doganali dwar l-importazzjonijiet li jidħlu fl-UE jkun jista' jżid it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-katina tal-valur globali; jistieden lill-Kummissjoni testendi l-obbligi fil-qasam tad-data doganali u tinkludi lill-esportatur u lill-manifattur bħala elementi obbligatorji tad-data doganali, b'hekk jissaħħu t-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-ktajjen tal-valur globali;

Kwistjonijiet Kummerċjali

89.  Jenfasizza li n-negozjati kummerċjali tal-Unjoni jridu jkunu konformi mal-impenji tal-Unjoni li tieħu azzjoni sabiex tnaqqas id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, u sabiex issaħħaħ l-istokkijiet tal-karbonju tal-foresti fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

90.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu estiżi u rinforzati l-arranġamenti għall-prevenzjoni, il-monitoraġġ u l-verifika tal-impatti ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżultaw minn ftehimiet ta' kummerċ u ta' investiment ħieles (FTAs) bilaterali u multilaterali tal-UE, inkluż permezz ta' indikaturi verifikabbli u inizjattivi ta' monitoraġġ u ta' rapportar indipendenti bbażati fil-komunità;

91.  Iħeġġeġ lill-UE sabiex, fil-kapitoli tagħha dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD), tinkludi dejjem dispożizzjonijiet vinkolanti u infurzabbli sabiex jintemmu l-qtugħ illegali, id-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti u l-ħtif tal-art, u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem li huwa soġġett għal mekkaniżmi xierqa u effettivi għas-soluzzjoni ta' tilwim, u sabiex tqis, fost diversi metodi ta' infurzar, mekkaniżmu bbażat fuq is-sanzjonijiet u dispożizzjonijiet li jiggarantixxu d-dritt għall-proprjetà, konsultazzjoni minn qabel u kunsens infurmat; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi tali dispożizzjonijiet f'FTAs konklużi diġà permezz ta' klawżola ta' reviżjoni, b'mod partikolari l-impenn li jiġi implimentat b'mod effettiv il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima; jenfasizza l-importanza li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu mmonitorjati u l-ħtieġa li jitnedew proċeduri ta' konsultazzjoni tal-gvern mingħajr dewmien f'każ li s-sħab kummerċjali ma jirrispettawx dawn ir-regoli, u li jidħlu fis-seħħ mekkaniżmi ta' infurzar eżistenti bħall-mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta' tilwim stabbiliti fi ħdan il-qafas tal-kapitoli TSD;

92.  Jappella lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet ambizzjużi speċifiċi għall-foresti fil-ftehimiet kollha kummerċjali u ta' investiment tal-UE; jisħaq fuq il-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu vinkolanti u infurzabbli permezz ta' mekkaniżmi effettivi ta' monitoraġġ u sanzjonijiet li jippermettu lill-individwi u lill-komunitajiet, barra jew fi ħdan l-UE, sabiex ifittxu rimedju;

93.  Jisħaq fuq il-fatt li l-korruzzjoni marbuta mal-qtugħ illegali għandha tiġi indirizzata fil-politika kummerċjali tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi fl-FTAs tagħha, dispożizzjonijiet kontra l-korruzzjoni relatati mal-qtugħ illegali li huma infurzabbli u li jridu jiġu implimentati b'mod effettiv u bis-sħiħ;

94.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi prattiki illegali marbuta mal-foresti, bħall-ipprezzar baxx tal-injam f'konċessjonijiet, il-ħsad ta' siġar protetti minn korporazzjonijiet kummerċjali, il-kuntrabandu ta' prodotti tal-foresti bejn il-fruntieri, il-qtugħ u l-ipproċessar illegali ta' materja prima tal-foresti mingħajr liċenzja, fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet infurzabbli kontra l-korruzzjoni fl-FTAs;

95.  Jinnota li r-Regolament dwar Skema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP) għad għandu kamp ta' applikazzjoni limitat għall-protezzjoni u l-ġestjoni responsabbli tar-riżorsi tal-foresti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-konvenzjonijiet rilevanti għall-foresti koperti mill-iskemi SĠP u SĠP+ jiġu mmonitorjati kif xieraq, inkluż minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-foresti f'pajjiżi sħab, inkluża l-possibbiltà li jiġi stabbilit mekkaniżmu tal-ilmenti sabiex jiġi żgurat li l-ilmenti tal-partijiet interessati jitqiesu kif xieraq; jisħaq fuq il-fatt li dan il-mekkaniżmu jrid jagħti attenzjoni speċjali lid-drittijiet tal-persuni indiġeni, tal-komunitajiet li jiddependu fuq il-foresti, u lid-drittijiet mogħtija taħt il-Konvenzjoni C169 tal-ILO dwar il-Popli Indiġeni u Tribali;

96.  Ifakkar fl-importanza ta' aċċess xieraq għall-ġustizzja, rimedji legali u protezzjoni effettiva għall-informaturi fil-pajjiżi li jesportaw riżorsi naturali sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni jew inizjattiva;

°

°  °

97.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0098.

(3)

ĠU C 215, 19.6.2018, p. 125.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2017)0330.

(5)

Nellemann, C. (Kap Editur); Henriksen, R., Kreilhuber, A., Stewart, D., Kotsovou, M., Raxter, P., Mrema, E., and Barrat, S. (Eds),, The Rise of Environmental Crime – A Growing Threat to Natural Resources, Peace, Development And Security, A UNEP-INTERPOL Rapid Response Assessment, Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent u r-Rispons Rapidu RHIPTO, Norwegian Centre for Global Analyses, www.rhipto.org, 2016.

(6)

Goodman, R.C. and Herold, M., Why Maintaining Tropical Forests is Essential and Urgent for Maintaining a Stable Climate, Dokument ta' Ħidma 385, Centre for Global Development, Washington DC, 2014; McKinsey & Company, Pathways to a Low-Carbon Economy, 2009; McKinsey & Company, Pathways to a Low-Carbon Economy: Version 2 of the Global Greenhouse Gas Abatement Cost Curve, 2013.

(7)

Baccini, A. et al., 'Tropical forests are a net carbon source based on aboveground measurements of gain and loss', Science, Vol. 358, Ħarġa 6360, 2017, p. 230-234.

(8)

Ara https://www.iucn.org/theme/forests/our-work/forest-landscape-restoration/bonn-challenge

(9)

Nellemann, C. (Kap Editur); Henriksen, R., Kreilhuber, A., Stewart, D., Kotsovou, M., Raxter, P., Mrema, E., u Barrat, S. (Eds), The Rise of Environmental Crime – A Growing Threat to Natural Resources, Peace, Development And Security, A UNEP-INTERPOL Rapid Response Assessment, Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent u Rispons Rapidu RHIPTO, Norwegian Centre for Global Analyses, www.rhipto.org, 2016.

(10)

ĠU C 215, 19.6.2018, p. 125.

(11)

http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/feasibility_study_deforestation_kh0418199enn_main_report.pdf

(12)

Ir-Rapport dwar Reati Permessi tal-2014 tal-Aġenzija tal-Investigazzjoni Ambjentali (EIA) u tan-Netwerk ta' Monitoraġġ tal-Foresti tal-Indoneżja (Jaringan Pemantau Independen Kehutanan/JPIK) sab li xi kumpaniji liċenzjati TLAS huma involuti fil-"ħasil tal-injam," li jħallat l-injam miksub b'mod illegali mal-injam legali. Illum il-ġurnata, dan l-injam jista' potenzjalment jiġi esportat lejn l-UE bħala injam bil-liċenzja FLEGT. Disponibbli hawn: http://www.wri.org/blog/2018/01/indonesia-has-carrot-end-illegal-logging-now-it-needs-stick; sors primarju: https://eia-international.org/wp-content/uploads/Permitting-Crime.pdf

(13)

Każ min-Nepal ippreżentat minn ClientEarth, disponibbli fuq https://www.clientearth.org/what-can-we-learn-from-community-forests-in-nepal/

(14)

Forest Trends Report Series: Consumer Goods and Deforestation: An Analysis of the Extent and Nature of Illegality in Forest Conversion for Agriculture and Timber Plantations, 2014.

(15)

ĠU C 215, 19.6.2018, p. 125.

(16)

Baccini, A. et al., 'Tropical forests are a net carbon source based on aboveground measurements of gain and loss', Science, Vol. 358, Ħarġa 6360, 2017, p. 230-234, http://science.sciencemag.org/content/early/2017/09/27/science.aam5962

(17)

Baccini, A. et al., op. cit.

(18)

ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (24.4.2018)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar il-ġestjoni trasparenti u responsabbli tar-riżorsi naturali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: il-każ tal-foresti

(2018/2003(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Maria Arena

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-progress li sar fil-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja (VPAs) dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT), b'mod partikolari f'termini ta' koeżjoni bejn is-soċjetà ċivili, l-industrija u l-gvernijiet sabiex jittieħdu deċiżjonijiet ta' politika komuni; jistieden lill-Kummissjoni ġġib in-negozjati kontinwi f'eżitu ta' suċċess, issaħħaħ u tħaffef l-implimentazzjoni tal-VPAs eżistenti, tagħti aktar prijorità lill-infurzar tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tipprovdi għajnuna xierqa biex tappoġġja l-proċessi ta' riforma meħtieġa fil-pajjiżi tal-VPA li jesportaw, u tindirizza l-isfidi li għad fadal bħall-korruzzjoni, l-injam mir-reġjuni ta' kunflitt, id-deforestazzjoni illegali, id-degradazzjoni tal-foresti, it-trasparenza, u s-sigurtà ta' pussess għall-komunitajiet bħala prinċipju ewlieni tal-governanza tal-art; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-pajjiżi tal-VPA jqisu l-kwistjonijiet tad-deforestazzjoni, tal-konverżjoni tal-foresti u tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti meta jiżviluppaw is-sistemi ta' verifika tal-legalità tal-injam tagħhom; isostni wkoll li l-Pjan ta' Azzjoni FLEGT għandu jqis ukoll żoni ġeografiċi ta' prijorità ġodda, kemm VPA kif ukoll mhux VPA;

2.  Jinnota li l-implimentazzjoni tal-VPAs se jkollha aktar ċans li tirnexxi jekk tipprevedi aktar appoġġ immirat għall-gruppi vulnerabbli involuti fil-ġestjoni tar-riżorsi tal-injam (bdiewa żgħar, intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs), operaturi indipendenti fis-settur "informali"); jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-proċessi ta' ċertifikazzjoni jirrispettaw l-interessi tal-gruppi aktar vulnerabbli involuti fil-ġestjoni tal-foresti;

3.  Jissottolinja l-importanza li jiġi miġġieled il-kummerċ illegali fl-injam tropikali; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni sabiex in-negozjati futuri tal-liċenzji ta' esportazzjoni FLEGT għal prodotti tal-injam legali vverifikati esportati lejn l-UE jqisu l-esperjenza miksuba bis-sistema Indoneżjana, li ilha effettiva minn Novembru 2016; jitlob li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt awtonoma tal-implimentazzjoni tas-sistema Indoneżjana ta' verifika tal-legalità tal-injam, li għandha tiġi ppreżentata f'perjodu ta' żmien xieraq;

4.  Ifakkar li l-injam mir-reġjuni ta' kunflitt diġà huwa qasam ta' azzjoni fil-Pjan ta' Azzjoni FLEGT iżda li ma sarx biżżejjed xogħol sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni; jistieden lill-Kummissjoni twettaq l-impenn tagħha li testendi l-obbligi tad-diliġenza dovuta mogħtija mir-Regolament tal-UE dwar l-Injam (EUTR) sabiex l-injam mir-reġjuni ta' kunflitt jiġi kopert fil-qafas tar-rieżami li jmiss;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jittejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-EUTR sabiex il-kummerċ sostenibbli fl-injam u fil-prodotti tal-injam importati u prodotti fuq livell domestiku jiġi ppreservat bl-aħjar mod;

6.  Jirrikonoxxi l-ħidma importanti mwettqa fi ħdan il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU (UNECE) u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU (FAO) fir-rigward tal-ġestjoni sostenibbli globali tal-foresti, li għandha rwol essenzjali fil-kummerċ sostenibbli tal-prodotti tal-foresti;

7.  Jistieden lill-UE tistabbilixxi kooperazzjoni aktar b'saħħitha u sħubiji effettivi mal-pajjiżi li l-aktar jikkunsmaw l-injam u partijiet ikkonċernati internazzjonali, bħan-NU, b'mod partikolari l-FAO, iċ-Ċentru għal Riċerka Internazzjonali dwar il-Foresti (CIFOR) u l-Programm tal-Bank Dinji dwar il-Foresti (PROFOR), għal tnaqqis aktar effettiv fil-kummerċ ta' injam maqtugħ illegalment fil-livell globali u titjib fil-governanza tal-foresti b'mod ġenerali;

8.  Jinnota li l-importazzjonijiet tal-injam u tal-prodotti tal-injam għandhom jiġu kkontrollati aktar bir-reqqa fil-fruntieri tal-UE, sabiex jiġi żgurat li l-prodotti importati tassew jikkonformaw mal-kriterji meħtieġa biex jidħlu fl-UE;

9.  Ifakkar li l-foresti jospitaw 300 miljun persuna u li kważi 1,6 biljun persuna jiddependu fuq riżorsi tal-foresti għall-għajxien tagħhom, bħala sors ta' ikel, fjuwil għat-tisjir u t-tisħin, mediċini, kenn, ilbies, impjieg u introjtu; jinnota li r-riżorsi tal-foresti jiffunzjonaw ukoll bħala xbieki ta' sikurezza fi kriżijiet jew emerġenzi – pereżempju meta l-għelejjel imutu minħabba perjodi twal ta' nixfa; iqis li l-UE għandha taħdem b'mod kontinwu mal-kontropartijiet tagħha biex tiżgura li l-valur miżjud li jirriżulta mill-foresti jkun sostenibbli u f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU;

10.  Jinnota bi tħassib li l-agrikoltura kummerċjali orjentata lejn l-esportazzjoni tibqa' fattur prinċipali tad-deforestazzjoni dinjija, peress li madwar 75 % tad-deforestazzjoni kollha issa tirriżulta mill-konverżjoni tal-foresti naturali għall-agrikoltura(1), u li madwar nofs id-deforestazzjoni tropikali kollha mis-sena 2000 'l hawn saret minħabba l-konverżjoni illegali ta' foresti għall-agrikoltura kummerċjali; jinnota li l-UE hija l-akbar importatur taż-żejt tal-palm u tal-esportazzjonijiet tas-sojja minn pajjiżi b'foresti tropikali u li, skont stimi riċenti, is-sojja, iċ-ċanga, iż-żejt tal-palm, il-kafè u l-kawkaw kienu responsabbli għal kważi 80 % tad-deforestazzjoni tropikali madwar id-dinja, filwaqt li r-rwol tal-agrikoltura kummerċjali orjentata lejn l-esportazzjoni li tixpruna d-deforestazzjoni kiber fis-seklu 21(2); jenfasizza l-ħtieġa għal politika agrikola komuni soda tal-UE, sabiex titnaqqas id-dipendenza tagħna fuq l-importazzjonijiet f'ċerti setturi;

11.  Itenni t-talba tiegħu lill-UE sabiex tiżviluppa pjan ta' azzjoni dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti li jkun jinkludi miżuri regolatorji konkreti biex tiggarantixxi li l-ebda katina ta' provvista u tranżazzjoni finanzjarja marbuta mal-UE ma jwasslu għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti;

12.  Jinnota bi tħassib li d-deforestazzjoni titqies bħala waħda mill-fatturi li jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima globali u jfakkar li 70 % tal-pjanti u tal-annimali tad-dinja jgħixu f'foresti u qed jitilfu l-ħabitats tagħhom minħabba d-deforestazzjoni;

13.  Jinnota li l-UE rregolat il-ktajjen ta' provvista tal-injam, tal-ħut u tal-minerali minn żoni ta' kunflitt, imma sa issa għadha ma rregolatx il-prodotti agrikoli ta' riskju għall-foresti; jinnota li, skont l-istudju riċenti tal-fattibbiltà dwar l-għażliet biex tiġi intensifikata l-azzjoni tal-UE kontra d-deforestazzjoni, leġiżlazzjoni li tirregola l-aċċess għas-suq tal-UE għall-prodotti bażiċi ta' riskju għall-foresti hija l-aktar miżura effettiva min-naħa tad-domanda sabiex tiġi miġġielda d-deforestazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li jiġi żviluppat qafas infurzabbli għall-obbligi ta' diliġenza dovuta fil-katina tal-provvista kollha ta' dawn il-prodotti bażiċi, b'tali mod li tiġi żgurata ċertezza legali u abbażi ta' kriterji tas-sostenibbiltà jew dawk relatati mal-eliminazzjoni tad-deforestazzjoni, bħal fir-rigward ta' impatti diretti u indiretti fuq il-foresti u ekosistemi oħra, it-trattament tal-ħaddiema u d-drittijiet tal-komunitajiet tal-foresti u tal-persuni indiġeni fir-rigward ta' tali kwistjonijiet bħall-ħtif tal-art;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu estiżi u rinforzati l-arranġamenti għall-prevenzjoni, il-monitoraġġ u l-verifika tal-impatti ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżultaw minn ftehimiet ta' kummerċ u ta' investiment ħieles (FTAs) bilaterali u multilaterali tal-UE, inkluż permezz ta' indikaturi verifikabbli u inizjattivi ta' monitoraġġ u ta' rapportar indipendenti bbażati fil-komunità;

15.  Ifakkar li l-Malasja u l-Indoneżja huma l-produtturi ewlenin taż-żejt tal-palm, b'madwar 85-90 % tal-produzzjoni globali, u li d-domanda li dejjem qiegħda tikber għal dan il-prodott bażiku twassal għal deforestazzjoni, titfa' pressjoni fuq l-użu tal-art u għandha effetti sinifikanti fuq il-komunitajiet lokali, is-saħħa u t-tibdil fil-klima; jisħaq, f'dan il-kuntest, li n-negozjati għal ftehimiet kummerċjali mal-Indoneżja u l-Malasja għandhom jintużaw sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni fil-prattika;

16.  Iħeġġeġ lill-UE sabiex, fil-kapitoli tagħha dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD), tinkludi dejjem dispożizzjonijiet vinkolanti u infurzabbli sabiex jintemmu l-qtugħ illegali, id-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti u l-ħtif tal-art, u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem li huwa soġġett għal mekkaniżmi xierqa u effettivi għas-soluzzjoni ta' tilwim, u tqis, fost diversi metodi ta' infurzar, mekkaniżmu bbażat fuq is-sanzjonijiet u dispożizzjonijiet li jiggarantixxu d-dritt għall-proprjetà, konsultazzjoni minn qabel u kunsens infurmat; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi tali dispożizzjonijiet f'FTAs konklużi diġà permezz ta' klawżola ta' reviżjoni, b'mod partikolari l-impenn li jiġi implimentat b'mod effettiv il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima; jenfasizza l-importanza li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu mmonitorjati u l-ħtieġa li jitnedew proċeduri ta' konsultazzjoni tal-gvern mingħajr dewmien f'każ li s-sħab kummerċjali ma jirrispettawx dawn ir-regoli, u li jiġu skattati mekkaniżmi ta' infurzar eżistenti bħall-mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta' tilwim stabbiliti fi ħdan il-qafas tal-kapitoli TSD;

17.  Ifakkar li l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem iridu jiġu rrispettati; jappoġġja n-negozjati kontinwi sabiex jinħoloq strument vinkolanti tan-NU dwar korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u jisħaq fuq l-importanza tal-UE li tiġi involuta b'mod attiv f'dan il-proċess;

18.  Jinnota li r-Regolament SĠP għad għandu kamp ta' applikazzjoni limitat għall-protezzjoni u l-ġestjoni responsabbli tar-riżorsi tal-foresti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-konvenzjonijiet rilevanti għall-foresti koperti mill-iskemi SĠP u SĠP+ jiġu mmonitorjati kif xieraq, inkluż minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-foresti f'pajjiżi sħab, inkluża l-possibbiltà li jiġi stabbilit mekkaniżmu tal-ilmenti sabiex jiġi żgurat li l-ilmenti tal-partijiet interessati jitqiesu kif xieraq; jisħaq fuq il-fatt li dan il-mekkaniżmu jrid jagħti attenzjoni speċjali lid-drittijiet tal-persuni indiġeni, tal-komunitajiet li jiddependu fuq il-foresti, u lid-drittijiet mogħtija taħt il-Konvenzjoni C169 tal-ILO dwar il-Popli Indiġeni u Tribali;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi prattiki illegali marbuta mal-foresti, bħall-ipprezzar baxx tal-injam f'konċessjonijiet, il-ħsad ta' siġar protetti minn korporazzjonijiet kummerċjali, il-kuntrabandu ta' prodotti tal-foresti bejn il-fruntieri, il-qtugħ u l-ipproċessar illegali ta' materja prima tal-foresti mingħajr liċenzja, fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet infurzabbli kontra l-korruzzjoni fl-FTAs;

20.  Jisħaq fuq il-fatt li l-korruzzjoni marbuta mal-qtugħ illegali għandha tiġi indirizzata fil-politika kummerċjali tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi fl-FTAs tagħha, dispożizzjonijiet kontra l-korruzzjoni relatati mal-qtugħ illegali li huma infurzabbli u li jridu jiġu implimentati b'mod effettiv u bis-sħiħ;

21.  Ifakkar fl-importanza ta' aċċess xieraq għall-ġustizzja, rimedji legali u protezzjoni effettiva għall-informaturi fil-pajjiżi li jesportaw riżorsi naturali sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni jew inizjattiva;

22.  Jitlob lill-UE tikkunsidra li tiżviluppa sistema ta' tikkettar trasparenti, funzjonali, effettiva u infurzabbli għat-"traċċabbiltà soċjali u ambjentali" tul il-katina ta' produzzjoni tal-injam u tal-prodotti bażiċi agrikoli ta' riskju għall-foresti, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-WTO, u għall-promozzjoni ta' azzjoni simili fil-livell internazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li ċ-ċertifikazzjoni għandha tkun faċilment aċċessibbli għall-bdiewa u l-SMEs u tkun tinftiehem mill-konsumaturi, u jfakkar li tali miżuri għandhom jibqgħu prattiċi u finanzjarjament affordabbli, speċjalment għall-produtturi żgħar; ifakkar li l-kontrolli doganali jridu jiġu rinforzati, li l-indipendenza sħiħa u l-obbligu ta' rendikont sħiħ tal-awtoritajiet tal-liċenzjar u tal-awdituri jridu jiġu żgurati u li trid tittieħed azzjoni legali kontra kwalunkwe prattika illegali identifikata fil-proċess taċ-ċertifikazzjoni;

23.  Ifakkar li governanza responsabbli tal-pussess tal-art u tal-foresti hija essenzjali sabiex jiġu żgurati stabbiltà soċjali, użu sostenibbli tal-ambjent u investiment responsabbli għall-iżvilupp sostenibbli;

24.  Jitlob lill-UE taħdem mas-settur privat u tippromwovi l-użu ta' linji gwida dwar imġiba kummerċjali responsabbli fi ktajjen tal-provvista agrikoli responsabbli, bħal dawk tal-OECD, kif ukoll impenji ambizzjużi skont il-konvenzjonijiet tal-ILO u l-ftehimiet ambjentali multilaterali, b'parteċipazzjoni xierqa tas-soċjetà ċivili u kooperazzjoni effettiva mal-partijiet ikkonċernati lokali, u tiżviluppa dispożizzjonijiet xierqa biex tinforza standards soċjali u ambjentali għall-investituri u tipprevjeni attivitajiet ta' investiment li jħeġġu d-deforestazzjoni u l-qtugħ illegali, billi, pereżempju, iżżid din id-dimensjoni fid-Direttiva dwar ir-Rapportar Mhux Finanzjarju fl-okkażjoni tar-rieżami li jmiss; jistieden lill-UE taħdem ukoll f'din id-direzzjoni mas-sħab internazzjonali.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

24.4.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Tiziana Beghin, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Karoline Graswander-Hainz, Nadja Hirsch, Yannick Jadot, France Jamet, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Artis Pabriks, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Viviane Reding, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Eric Andrieu, Goffredo Maria Bettini, Reimer Böge, Klaus Buchner, Dita Charanzová, Agnes Jongerius, Frédérique Ries

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

36

+

ALDE

Dita Charanzová, Nadja Hirsch, Frédérique Ries

ECR

David Campbell Bannerman, Emma McClarkin, Joachim Starbatty, Jan Zahradil

EFDD

Tiziana Beghin, William (The Earl of) Dartmouth

ENF

France Jamet

GUE/NGL

Anne-Marie Mineur, Helmut Scholz

PPE

Laima Liucija Andrikienė, Reimer Böge, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Sorin Moisă, Artis Pabriks, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Viviane Reding, Tokia Saïfi, Adam Szejnfeld, Iuliu Winkler

S&D

Eric Andrieu, Goffredo Maria Bettini, Karoline Graswander-Hainz, Agnes Jongerius, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Joachim Schuster

ĦODOR/AĦE

Klaus Buchner, Yannick Jadot

0

-

 

 

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

Evaluation of the EU FLEGT Action Plan (Forest Law Enforcement Governance and Trade) 2004-2014 [Evalwazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-FLEGT tal-UE (Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali)], April 2016, p. 92.

(2)

http://ec.europa.eu/environment/forests/studies_EUaction_deforestation_palm_oil.htm


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (23.5.2018)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp

dwar il-ġestjoni trasparenti u responsabbli tar-riżorsi naturali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: il-każ tal-foresti

(2018/2003(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*):Kateřina Konečná

(*)  Kumitat assoċjat – l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Josserva li d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti huma t-tieni l-akbar kawża ta' tisħin globali u huma responsabbli għal madwar 15 % tal-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra(1); jenfasizza l-importanza li jittieħdu approċċi ta' politika xierqa għall-immaniġġjar integrali u sostenibbli tal-foresti sabiex jinkisbu kemm benefiċċji tal-karbonju kif ukoll dawk mhux tal-karbonju;

2.  Ifakkar li l-Ftehim ta' Pariġi jirrikjedi li l-Partijiet kollha jieħdu azzjoni sabiex jikkonservaw u jsaħħu l-bjar, inklużi l-foresti;

3.  Jinnota li t-twaqqif tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti, u l-fatt li l-foresti jitħallew jerġgħu jikbru, jipprovdi mill-inqas 30 % tal-azzjoni ta' mitigazzjoni kollha meħtieġa biex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 oC(2);

4.  Jinnota li d-deforestazzjoni hi responsabbli għal 11 % tal-emissjonijiet antropoġeniċi globali ta' gassijiet serra, aktar mill-karozzi tal-passiġġieri kollha f'daqqa;

5.  Jafferma r-rilevanza tat-tip ta' ġestjoni tal-foresti għall-bilanċ tal-karbonju fit-tropiċi, kif enfasizzat fid-dokumenti reċenti(3), li indikaw li forom aktar sottili ta' degradazzjoni, u mhux biss deforestazzjoni fuq skala kbira kif kien maħsub qabel, x'aktarx huma sors sinifikanti ħafna ta' emissjonijiet tal-karbonju li jammontaw għal aktar min-nofs l-emissjonijiet;

6.  Jinnota li r-riforestazzjoni, it-tiġdid tal-foresti ddegradati eżistenti u ż-żieda fil-kopertura tas-siġar fuq pajsaġġi agrikoli permezz tal-agroforestrija jirrappreżentaw l-uniċi sorsi disponibbli ta' emissjonijiet negattivi b'potenzjal sinifikanti biex jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi;

7.  Jirrikonoxxi li r-reati b'rabta mal-foresti, bħall-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, ġew stmati(4) li jirrappreżentaw valur ta' USD 50-152 biljun fl-2016, żieda ta' aktar minn 30-100 biljun fl-2014 u kklassifikati bħala l-ewwel f'termini ta' dħul fost ir-reati ambjentali b'mod globali; jinnota li dawn għandhom rwol ewlieni fil-finanzjament tal-kriminalità organizzata u li b'mod sinifikanti jfaqqru lill-gvernijiet, lin-nazzjonijiet u lill-komunitajiet lokali minħabba dħul mhux miġbur;

8.  Ifakkar l-Isfida ta' Bonn(5) li l-għan tagħha hu li jiġu restawrati 350 miljun ettaru ta' art iddegradata u ddeforestata sal-2030 li jistgħu jiġġeneraw madwar USD 170 biljun fis-sena f'benefiċċji netti minn protezzjoni tal-magħqad tal-ilma, rendiment tal-għelejjel u prodotti tal-foresti mtejba, u jistgħu jissekwestraw sa ekwivalenza ta' 1,7 gigatunnellati ta' diossidu tal-karbonju kull sena;

9.  Jinnota li l-foresti mhumiex biss sors essenzjali tal-injam, tal-ikel u tal-fibri, iżda jospitaw ukoll 80 % tal-bijodiversità tal-art tad-dinja, huma fornitur ewlieni ta' diversi servizzi tal-ekosistema, u għandhom rwol sinifikanti fiċ-ċiklu globali tal-karbonju;

10.  Jenfasizza li l-foresti sekondarji, li jiġu ġġenerati l-aktar permezz ta' proċessi naturali wara disturb tal-bniedem jew disturb naturali sinifikanti tal-foresti primarji, jipprovdu wkoll flimkien mal-foresti primarji, servizzi kruċjali tal-ekosistema, għajxien għall-popolazzjoni lokali kif ukoll provvista tal-injam; iqis li peress li s-sopravivenza tagħhom hija mhedda wkoll mill-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam, kwalunkwe azzjoni li tindirizza t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-ġestjoni tal-foresti għandu jkollha fil-mira wkoll il-foresti sekondarji, u mhux biss dawk primarji;

11.  Jinnota li huwa fatt stabbilit sew u mhux ikkontestat li l-konverżjoni ta' foresta tropikali għall-agrikoltura, għall-pjantaġġuni u għal użi oħra tal-art tikkawża telf sinifikanti ta' speċijiet, b'mod partikolari ta' speċijiet tipiċi tal-foresti;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tonora l-impenji internazzjonali tal-UE, inter alia, dawk magħmula fil-qafas tal-COP21, il-Forum tan-NU dwar il-Foresti (UNFF), il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (UNCBD), id-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti u l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 15, b'mod partikolari l-Mira 15.2 intiż biex tiġi promossa l-implimentazzjoni ta' ġestjoni sostenibbli tat-tipi kollha ta' foresti, titwaqqaf id-deforestazzjoni, jiġu restawrati l-foresti ddegradati u jiżdiedu b'mod sostanzjali t-tisġir u r-riforestazzjoni globalment sal-2020;

13.  Ifakkar speċifikament li l-Unjoni impenjat ruħha għall-miri tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika ta' Aichi, li jirrikjedu li 17 % tal-ħabitats kollha jiġu kkonservati, 15 % tal-ekosistemi ddegradati jiġu rrestawrati u t-telf tal-foresti jinġieb qrib iż-żero, jew tal-inqas jitnaqqas bin-nofs sal-2020;

14.  Ifakkar b'mod partikolari l-impenji kollettivi tal-Unjoni skont id-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti biex jiġu restawrati 150 miljun ettaru ta' pajsaġġi u artijiet imsaġġra ddegradati sal-2020 u biex minn hemm 'il quddiem tiżdied ir-rata ta' restawr globali b'mod sinifikanti sabiex jiġu restawrati mill-inqas 200 miljun ettaru addizzjonali sal-2030;

15.  Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Istudju tal-fattibbiltà li ilu mistenni dwar l-għażliet biex tiżdied l-Azzjoni tal-UE kontra d-deforestazzjoni(6), ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea; jinnota li dan l-istudju jiffoka prinċipalment fuq seba' prodotti forestali ta' riskju, jiġifieri ż-żejt tal-palm, is-sojja, il-gomma, iċ-ċanga, il-qamħirrum, il-kakaw u l-kafè, u jirrikonoxxi li "B'mod ċar l-UE hija parti mill-problema tad-deforestazzjoni globali";

16.  Huwa kompletament konxju dwar kemm hija kumplessa l-kwistjoni tad-deforestazzjoni u jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata soluzzjoni globali bbażata fuq ir-responsabbiltà kollettiva ta' bosta atturi; jirrakkomanda bil-qawwa dan il-prinċipju għal dawk kollha involuti fil-katina tal-provvista tal-injam, inklużi l-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet finanzjarji, il-gvernijiet ta' pajjiżi produtturi, il-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, in-negozji nazzjonali u multinazzjonali, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, u l-NGOs; huwa konvint, barra minn hekk, li dawn l-atturi kollha jeħtiġilhom b'mod neċessarju jipparteċipaw billi jikkoordinaw l-isforzi tagħhom sabiex isolvu l-ħafna problemi serji marbuta mad-deforestazzjoni;

17.  Jilqa' l-fatt li l-atturi ewlenin tas-settur privat (spiss mill-UE) wiegħdu li se jeliminaw id-deforestazzjoni mill-ktajjen ta' provvista u mill-investimenti tagħhom; jinnota madankollu li l-UE jeħtiġilha tilqa' l-isfida u ssaħħaħ l-isforzi tas-settur privat permezz ta' politiki u ta' miżuri xierqa li joħolqu linja bażi komuni għall-kumpaniji kollha u li jintroduċu kundizzjonijiet ekwi; iqis li dan jagħti spinta lill-wegħdiet, joħloq fiduċja u jżomm lill-kumpaniji aktar responsabbli għall-impenji tagħhom;

18.  Jieħu nota tal-ftuħ tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-prodott tar-Regolament dwar l-Injam; iqis li l-possibbiltà li ssir għażla fil-kwestjonarju dwar it-tnaqqis tal-kamp ta' applikazzjoni li għandu jiġi kopert mir-Regolament mhijiex waħda ġġustifikata minħabba li l-kummerċ illegali jiffjorixxi fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni attwali tar-Regolament; jinnota wkoll il-pożizzjoni favorevoli tal-Konfederazzjoni Ewropea tal-Industriji tax-Xogħol tal-Injam dwar l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Injam għall-prodotti kollha tal-injam;

19.  Jinnota li ma kienx possibbli li ssir valutazzjoni, fir-rieżami tal-2016 tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam (SWD(2016)0034), dwar jekk il-penali stipulati mill-Istati Membri humiex effettivi, proporzjonati u dissważivi peress li l-għadd ta' sanzjonijiet applikati s'issa kien baxx ħafna; għandu dubju dwar l-applikazzjoni minn uħud mill-Istati Membri tal-kriterju "tal-kundizzjonijiet ekonomiċi nazzjonali" għal penali stabbiliti, minħabba l-aspett internazzjonali tar-reat u l-fatt li dan hu kklassifikat bħala l-ewwel fir-reati ambjentali fid-dinja;

20.  Jinnota li ġie żvelat li l-liċenzji tal-esportazzjoni tal-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT) jippermettu li l-injam miksub b'mod illegali jitħallat mal-injam legali u għalhekk jista' potenzjalment jiġi esportat lejn l-UE bħala konformi mar-Regolament tal-UE dwar l-Injam (EUTR)(7);

21.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-gwida tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam sabiex tindirizza l-injam ta' kunflitt u tirrakkomanda aktar miżuri dettaljati ta' mitigazzjoni tar-riskji sabiex jissaħħaħ l-infurzar kif ukoll titlob diliġenza dovuta mill-operaturi li jimportaw minn żoni affettwati minn kunflitt jew żoni ta' riskju għoli, termini u kundizzjonijiet kontra t-tixħim f'kuntratti ma' fornituri, l-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet ta' konformità kontra l-korruzzjoni, dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati, u awditi kontra l-korruzzjoni;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ u jinfurzaw l-EUTR, u sabiex l-EUTR ikopri l-prodotti kollha li huma jew jistgħu jkunu magħmula mill-injam, u li jkun fihom jew jista' jkun fihom l-injam; jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu kontrolli adegwati u effettivi, inkluż fuq ktajjen tal-provvista kumplessi u fuq importazzjonijiet minn pajjiżi ta' pproċessar, u jitlob sanzjonijiet robusti u dissważivi għall-operaturi ekonomiċi kollha, peress li dan huwa reat internazzjonali li jiġġenera l-akbar qligħ fost ir-reati ambjentali;

23.  Jinnota l-eżistenza ta' mudelli ta' dritt għall-pussess tal-art tal-forestrija komunitarja/dritt konswetudinarju għall-pussess tal-art kollettiv li jistgħu jġibu għadd ta' benefiċċji(8) inkluż żieda fiż-żona tal-foresta u fir-riżorsi tal-ilma disponibbli, tnaqqis fil-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam billi jiġu stabbiliti regoli ċari dwar l-aċċess għall-injam u sistema b'saħħitha ta' monitoraġġ tal-foresti; jipproponi li jkun hemm aktar riċerka u appoġġ sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati oqfsa legali dwar il-forestrija komunitarja;

24.  Jenfasizza li rikonoxximent tad-drittijiet tal-popli għall-pussess tal-art, pereżempju permezz ta' kostituzzjoni, mhux bilfors qed jiġi applikat fil-prattika(9) u li l-UE għandha għalhekk twettaq skrinjar attiv biex tiżgura li d-drittijiet għall-pussess tal-art jiġu rrispettati għall-finijiet ta' Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja (VPA) u għal każijiet individwali ta' finanzjament għall-iżvilupp tal-UE;

25.  Ifakkar li l-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sas-27 ta' Novembru 2018 dwar il-funzjonament tad-Direttiva 2013/50/UE dwar it-Trasparenza li tintroduċi rekwiżit ta' żvelar għall-pagamenti lill-gvernijiet minn kumpaniji kbar elenkati u mhux elenkati b'attivitajiet fl-industrija estrattiva u li jinvolvi l-qtugħ tas-siġar għall-injam tal-foresti (naturali u seminaturali) primarji; jinnota wkoll li dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva; fid-dawl ta' rieżami possibbli, jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra testendi l-obbligu lil setturi tal-industrija oħra li jaffettwaw lill-foresti, u lil foresti oħra għajr il-foresti primarji;

26.  Jitlob li l-UE żżomm l-impenn tagħha li tħaffef in-negozjati li għaddejjin dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarji dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-konċessjonijiet għall-qtugħ tas-siġar għall-injam li jingħataw b'mod korrott jew b'mod illegali ma jsirux leġittimi permezz ta' kwalunkwe ftehim jew leġiżlazzjoni u li l-leġiżlazzjoni u dawn il-ftehimiet ikunu konformi mad-dritt u mal-impenji internazzjonali li jikkonċernaw il-protezzjoni ambjentali u l-bijodiversità, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli, u jwasslu għal miżuri adegwati għall-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, inkluża l-protezzjoni legali tad-drittijiet tal-komunitajiet lokali u tal-popli indiġeni billi jirrikonoxxu d-drittijiet konswetudinarji tagħhom għall-pussess tal-art u li huma jindirizzaw problemi fil-kummerċ globali tal-prodotti tal-injam, bħall-injam tal-konflitt u l-injam tal-konverżjoni;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoordinaw politiki tad-donaturi u jiżguraw li l-finanzjament għall-iżvilupp permezz ta' dawn il-politiki ma jintużax biex jappoġġja l-espansjoni tal-qtugħ tas-siġar għall-injam fuq skala industrijali f'foresti tropiċi intatti; jitlob li jiġi sospiż il-finanzjament għal kwalunkwe proġett fejn talba ssostanzjata ta' tali qtugħ tas-siġar għall-injam teżisti sakemm tali talba tiġi miċħuda jew jiġu applikati miżuri korrettivi;

28.  Jistieden lill-UE tappoġġja inizjattivi minn pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom ħafna foresti, bil-għan li jikkontrobilanċjaw l-espansjoni bla xkiel ta' prattiki agrikoli u attivitajiet ta' estrazzjoni li kellhom impatt negattiv fuq l-immaniġġjar tal-foresti, u fuq l-għajxien u l-integrità kulturali tal-popli indiġeni kif ukoll konsegwenzi detrimentali għall-istabbiltà soċjali u s-sovranità tal-ikel tal-bdiewa;

29.  Jinnota li l-proċess FLEGT għandu jindirizza l-kawżi sottostanti tad-deforestazzjoni fil-pajjiżi li jipproduċu li jinkludu drittijiet għall-pussess tal-art insikuri, infurzar dgħajjef tal-liġi u governanza dgħajfa;

30.  Jistieden lill-UE, biex fid-djalogu tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom ħafna foresti, iżżid il-ħtieġa li jiġu introdotti skemi u programmi ta' kumpens adegwati għall-komunitajiet lokali li ġew spostati bil-forza u mċaħħda mill-aċċess għall-art u r-riżorsi konswetudinarji tagħhom kif ukoll fis-sitwazzjonijiet kollha fejn ma nkisibx il-kunsens liberu, minn qabel u infurmat (FPIC) tagħhom;

31.  Jistieden lill-UE toħloq, bħala element supplimentari ta' VPAs, leġiżlazzjoni ta' segwitu dwar dawn il-ftehimiet fuq il-mudell tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam li tinkludi kemm kumpaniji kif ukoll istituzzjonijiet finanzjarji, u biex tirrieżamina l-funzjonament ta' VPAs eżistenti fil-prattika sabiex jiġi żgurat li l-valutazzjoni konġunta dwar is-sistema ta' assigurazzjoni tal-legalità tal-injam fil-pajjiż tiffunzjona kif deskritt fil-VPA u li l-ħasil tal-injam jista' jiġi eskluż; jinnota bi tħassib li filwaqt li l-UE – b'mertu tagħha – irregolat il-ktajjen ta' provvista tal-injam, tal-ħut u tal-minerali ta' kunflitt, sa issa għadha ma rregolat l-ebda katina ta' provvista ta' prodotti bażiċi agrikoli ta' riskju għall-foresti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw ir-Regolament dwar l-Injam, bl-għan li tiġi vverifikata aħjar l-effikaċja tiegħu;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw proċess li jiġi skattat meta jkun hemm kunflitt f'pajjiż sieħeb tal-VPA, inkluża l-ħatra ta' bord indipendenti biex iwettaq valutazzjoni tar-riskju ta' injam ta' kunflitt u l-ħtieġa li l-VPA jiġi sospiż fl-istadji kollha tan-negozjati meta jkun hemm evidenza li d-dħul mill-kummerċ tal-injam ikun qed joħloq kunflitt;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-koerenza u ssaħħaħ is-sinerġiji bejn il-Politika Agrikola Komuni (PAK) u politiki oħra tal-UE, u tiżgura li dawn jitwettqu b'mod konsistenti ma' programmi mmirati lejn il-ġlieda kontra d-deforestazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi REDD+; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-importazzjoni ta' prodotti bażiċi ta' riskju għall-foresti tiġi eliminata mill-appoġġ dirett jew indirett tal-politika futura tal-UE dwar l-ikel u l-biedja; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi, fejn ikun prattiku, żieda fil-prattika tal-agroforestrija u tar-riforestazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-problemi ambjentali relatati mad-deforestazzjoni jiġu indirizzati wkoll fid-dawl tal-objettivi stabbiliti mill-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità sal-2020, li għandha tkun parti integrali mill-azzjoni esterna tal-Unjoni f'dan il-qasam;

34.  Iqis li l-kartografija, inkluż permezz tas-satellita u ta' teknoloġiji ġeospazjali, hija kruċjali sabiex tiżgura trasparenza u responsabbiltà fil-ġestjoni tal-foresti u sabiex jiġu stabbiliti strateġiji mmirati għall-forestazzjoni, ir-riforestazzjoni u l-ħolqien ta' kurituri ekoloġiċi; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu assistenza teknika u finanzjarja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom ħafna foresti sabiex jappoġġjaw il-kartografija ddettaljata tal-foresti tagħhom, anke billi jappoġġjaw proġetti dwar kartografija kollaborattiva mmexxija b'mod konġunt mill-NGOs, mill-organizzazzjonijiet tal-forestrija, mix-xjenzjati u mill-esperti lokali;

35.  Jinnota li aktar minn nofs il-prodotti bażiċi prodotti u esportati fis-suq globali huma prodotti minn deforestazzjoni illegali(10), u li aktar minn 80 % tad-deforestazzjoni kollha hi mmexija mill-espansjoni agrikola, kemm dik kummerċjali kif ukoll dik ta' sussistenza(11); jinnota wkoll li l-importazzjonijiet tal-UE tal-għalf u l-proteini (eż. sojja), minħabba livelli għolja ta' konsum ta' laħam kif ikkonfermat minn studju riċenti, l-importazzjonijiet tagħha tal-kawkaw u ż-żejt tal-palm, il-fluss tal-finanzjament għal setturi li jixprunaw id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, il-konsum tal-bijofjuwils tiegħu u d-domanda dejjem tikber għall-bijomassa tal-foresti u l-injam, inkluża għall-enerġija, huma skattaturi sinifikanti tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti(12);

36.  Jitlob li l-UE tistabbilixxi qafas regolatorju vinkolanti biex tiggarantixxi li l-ktajjen tal-provvista kollha tal-importaturi tal-prodotti bażiċi agrikoli jkunu traċċabbli sal-oriġini tal-materja prima; jinnota li t-teknoloġiji l-ġodda, eż. it-teknoloġija blockchain, jistgħu jintużaw biex jintraċċaw l-oriġini tal-prodotti bażiċi, u jenfasizza li dawn jistgħu jintużaw fil-prattika sabiex tiżdied it-trasparenza dwar l-oriġini ta' prodotti bażiċi differenti u virtwalment jitneħħew id-degradazzjoni tal-foresti u d-deforestazzjoni mill-ktajjen ta' provvista;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa skema ta' ċertifikazzjoni għal prodotti li huma ħielsa mid-deforestazzjoni u li huma prodotti b'mod sostenibbli li jidħlu fis-suq tal-UE;

38.  Fir-rigward taż-żejt tal-palm jirrikonoxxi l-kontribut pożittiv tal-iskemi ta' ċertifikazzjoni eżistenti, iżda jinnota b'dispjaċir li RISPO, ISPO, MPSO, u l-iskemi ta' ċertifikazzjoni rikonoxxuti ewlenin l-oħra kollha ma jipprojbixxux b'mod effettiv lill-membri tagħhom milli jikkonvertu l-foresti pluvjali jew it-torbieri fi pjantaġġuni tal-palm; iqis, għalhekk, li dawn l-iskemi ta' ċertifikazzjoni ewlenin qed jonqsu milli jillimitaw b'mod effettiv l-emissjonijiet tal-gassijiet serra matul l-istabbiliment u t-tħaddim tal-pjantaġġuni, u b'konsegwenza ta' dan ma setgħux jevitaw nirien kbar fil-foresta u fit-torbieri; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jitwettqu monitoraġġ u awditjar indipendenti ta' dawn l-iskemi ta' ċertifikazzjoni, sabiex tiggarantixxi li ż-żejt tal-palm li jitqiegħed fis-suq tal-UE jikkonforma mal-istandards meħtieġa kollha u jkun sostenibbli; jinnota li l-kwistjoni tas-sostenibbiltà fis-settur taż-żejt tal-palm ma tistax tiġi indirizzata b'politiki u miżuri volontarji biss, iżda l-kumpaniji taż-żejt tal-palm għandhom ikunu soġġetti wkoll għal regoli vinkolanti u għal skema ta' ċertifikazzjoni obbligatorja;

39.  Ifakkar ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar iż-żejt tal-palm u d-deforestazzjoni tal-foresti pluvjali(13), inkluż ir-rikonoxximent li 73 % tad-deforestazzjoni globali tirriżulta mill-qerda tal-art għal prodotti bażiċi agrikoli, b'40 % tad-deforestazzjoni globali tkun ikkawżata mill-konverżjoni għal pjantaġġuni taż-żejt tal-palm monokulturali fuq skala kbira u li l-UE hija importatur kbir ta' prodotti li jirriżultaw mid-deforestazzjoni; ifakkar ukoll l-emendi tiegħu għad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli li qed jeliminaw b'mod gradwali l-inċentivi għall-użu taż-żejt tal-plam fil-fjuwils tat-trasport sal-2021;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi r-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq dwar iż-żejt tal-palm u d-deforestazzjoni tal-foresti pluvjali, billi tintroduċi kriterji ta' sostenibbiltà għaż-żejt tal-palm u għal prodotti li jinkluduh li qed jidħlu fis-suq tal-UE, u għal skema ta' ċertifikazzjoni unika u li ttejjeb it-traċċabbiltà taż-żejt tal-palm importat;

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, u lill-Istati Membri kollha li għadhom m'għamlux dan, biex jaħdmu lejn l-istabbiliment ta' impenn fil-livell tal-UE kollha favur l-akkwist ta' żejt tal-palm iċċertifikat sostenibbli biss sal-2020 billi, inter alia, jiffirmaw u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam "Towards Eliminating Deforestation from Agricultural Commodity Chains with European Countries" (Lejn l-Eliminazzjoni tad-Deforestazzjoni mill-Ktajjen ta' Prodotti Bażiċi Agrikoli ma' Pajjiżi Ewropej), u li jaħdmu lejn l-istabbiliment ta' impenn tal-industrija billi, inter alia, jiffirmaw u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam "In Support of a Fully Sustainable Palm Oil Supply Chain by 2020" (Appoġġ Favur Katina tal-Provvista Kompletament Sostenibbli għaż-Żejt tal-Palm sal-2020);

42.  Iqis li l-isforzi biex tieqaf id-deforestazzjoni jridu jinkludu għajnuna u appoġġ għall-użu l-aktar effettiv ta' uċuħ tar-raba' eżistenti, li jkunu applikati f'rabta ma' approċċ ta' raħal intelliġenti; jirrikonoxxi li l-prattiki agroekoloġiċi għandhom potenzjal qawwi biex jimmassimizzaw il-funzjonijiet tal-ekosistemi u r-reżiljenza permezz tat-tħawwil imħallat u ta' diversità għolja, l-agroforestrija u t-tekniki ta' permakultura rilevanti wkoll għal prodotti agrikoli bħaż-żejt tal-palm, il-kawkaw jew tal-gomma, u jwasslu wkoll għal aktar benefiċċji f'termini ta' eżiti soċjali, diversifikazzjoni tal-produzzjoni u tal-produttività, mingħajr ma jirrikorru għal konverżjoni ulterjuri tal-foresti;

43.  Jistieden lill-UE tiżgura li l-miżuri mdaħħla fis-seħħ u l-qafas regolatorju ma jagħtux lok għal piżijiet żejda fuq il-produtturi żgħar u ta' daqs medju jew jipprevjenu l-aċċess tagħhom għas-swieq u l-kummerċ internazzjonali;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni turi rieda politika u tmexxija billi timpenja ruħha li twassal, malajr kemm jista' jkun u qabel it-tmiem tal-mandat ta' din il-Kummissjoni, pjan ta' azzjoni tal-UE ambizzjuż dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti li jkun jinkludi miżuri regolatorji konkreti biex tiggarantixxi li l-ebda katina ta' provvista jew tranżazzjoni finanzjarja marbuta mal-UE ma twassal għad-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti jew il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

45.  Jitlob li tali azzjoni leġiżlattiva tinkludi rekwiżiti ta' diliġenza dovuta obbligatorji fuq il-katina tal-operaturi li jużaw prodotti bażiċi ta' riskju għall-foresti u l-obbligi għall-istituzzjonijiet finanzjarji biex jieħdu azzjoni sabiex jeliminaw ir-riskju ta' deforestazzjoni li jirriżulta minn investimenti finanzjarji;

46.  Jenfasizza li n-negozjati kummerċjali tal-Unjoni jridu jkunu konformi mal-impenji tal-Unjoni li tieħu azzjoni sabiex tnaqqas id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, u sabiex issaħħaħ l-istokkijiet tal-karbonju tal-foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħmlu użu sħiħ mill-proċessi u d-djalogi diplomatiċi u istituzzjonali eżistenti sabiex iħeġġu lill-pajjiżi li jipproċessaw u/jew jimportaw kwantitajiet sinifikanti ta' injam tropikali, b'mod partikolari fejn dawk il-prodotti tal-injam imbagħad jiġu esportati lejn l-UE, bħaċ-Ċina u l-Vjetnam, sabiex jadottaw leġiżlazzjoni effettiva li tipprojbixxi l-importazzjoni ta' injam maħsud b'mod illegali u li tirrikjedi li l-operaturi jwettqu diliġenza dovuta komparabbli għar-Regolament tal-UE dwar l-Injam.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

17.5.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

53

1

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Ivo Belet, Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Miriam Dalli, Seb Dance, Stefan Eck, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Benedek Jávor, Urszula Krupa, Jo Leinen, Peter Liese, Lukas Mandl, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Rory Palmer, Massimo Paolucci, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, John Procter, Julia Reid, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Ivica Tolić, Nils Torvalds, Adina-Ioana Vălean, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nikos Androulakis, Nicola Caputo, Esther Herranz García, Jan Huitema, Peter Jahr, Karol Karski, Ulrike Müller, Stanislav Polčák, Bart Staes, Tiemo Wölken

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

John Flack, Jaromír Kohlíček, Miltiadis Kyrkos

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

53

+

ALDE

Gerben-Jan Gerbrandy, Jan Huitema, Anneli Jäätteenmäki, Valentinas Mazuronis, Ulrike Müller, Nils Torvalds

ECR:

John Flack, John Procter

EFDD:

Piernicola Pedicini

ENF :

Sylvie Goddyn

GUE/NGL:

Stefan Eck, Jaromír Kohlíček

NI :

Zoltán Balczó

PPE:

Pilar Ayuso, Ivo Belet, Birgit Collin-Langen, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Jens Gieseke, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Esther Herranz García, György Hölvényi, Peter Jahr, Peter Liese, Lukas Mandl, Stanislav Polčák, Annie Schreijer-Pierik, Ivica Tolić, Adina-Ioana Vălean

S&D:

Nikos Androulakis, Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nicola Caputo, Nessa Childers, Miriam Dalli, Seb Dance, Jytte Guteland, Miltiadis Kyrkos, Jo Leinen, Susanne Melior, Rory Palmer, Massimo Paolucci, Pavel Poc, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Tiemo Wölken, Damiano Zoffoli

VERTS/ALE:

Benedek Jávor, Davor Škrlec, Bart Staes

1

-

EFDD

Julia Reid

3

0

ECR

Karol Karski, Urszula Krupa, Bolesław G. Piecha

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

https://www.forestcarbonpartnership.org/what-redd

(2)

Goodman, R. C. and Herold, M. Why Maintaining Tropical Forests is Essential and Urgent for Maintaining a Stable Climate (Novembru 2014) (Għaliex iż-Żamma ta' Foresti Tropikali hija Essenzjali u Urġenti għaż-Żamma ta' Klima Stabbli), Dokument ta' Ħidma 385, Ċentru għal Żvilupp Globali. McKinsey & Company, Pathways to a low-carbon economy (2009) (Perkorsi lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju). McKinsey & Company, Pathways to a low-carbon economy (2009) (Perkorsi lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju). Version 2 of the Global Greenhouse Gas Abatement Cost Curve (Verżjoni 2 tal-Kurva tal-Kost għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet Globali ta' Gassijiet Serra).

(3)

Baccini, A. et al., Tropical forests are a net carbon source based on aboveground measurements of gain and loss (2017) (Il-foresti tropikali huma sors nett ta' karbonju bbażat fuq kejl tal-gwadann u t-telf tas-superfiċje).

(4)

UNEP,The Rise of Environmental Crime report (2016) (Ir-rapport dwar iż-Żieda fir-Reati Ambjentali).

(5)

Ara https://www.iucn.org/theme/forests/our-work/forest-landscape-restoration/bonn-challenge

(6)

http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/feasibility_study_deforestation_kh0418199enn_main_report.pdf

(7)

Ir-Rapport dwar Reati Permessi tal-2014 tal-Aġenzija tal-Investigazzjoni Ambjentali (EIA) u tan-Netwerk ta' Monitoraġġ tal-Foresti tal-Indoneżja (Jaringan Pemantau Independen Kehutanan/JPIK) sab li xi kumpaniji liċenzjati TLAS huma involuti fil-"ħasil tal-injam," li jħallat l-injam miksub b'mod illegali mal-injam legali. Illum il-ġurnata, dan l-injam jista' potenzjalment jiġi esportat lejn l-UE bħala injam bil-liċenzja FLEGT. Disponibbli fuq http://www.wri.org/blog/2018/01/indonesia-has-carrot-end-illegal-logging-now-it-needs-stick primary source https://eia-international.org/wp-content/uploads/Permitting-Crime.pdf

(8)

Każ min-Nepal ippreżentat minn ClientEarth, disponibbli fuq https://www.clientearth.org/what-can-we-learn-from-community-forests-in-nepal/

(9)

Każ reċenti (proġett WaTER iffinanzjat mid-DĠ DEVCO) involva l-ksur tad-drittijiet għall-pussess tal-art tal-popli indiġeni tal-Kenja Ogiek u Sengwer, minkejja r-rikonoxximent tad-drittijiet tagħhom għall-art fil-Kostituzzjoni, b'mod partikolari l-Artikolu 63(2)(d) tagħha u fl-Att Komunitarju tal-Art tal-2016.

(10)

Forest Trends Report Series, 2014: Consumer Goods and Deforestation: An Analysis of the Extent and Nature of Illegality in Forest Conversion for Agriculture and Timber Plantations (Prodotti għall-Konsumatur u d-Deforestazzjoni: Analiżi tal-Livell u n-Natura tal-Illegalità fil-Konverżjoni tal-Foresti għall-Agrikoltura u l-Pjantaġġuni tal-Injam)

https://www.forest-trends.org/wp-content/uploads/2014/09/doc_4718.pdf

(11)

Tackling deforestation and forest degradation: a case for EU action in 2017 (Il-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti: każ għal azzjoni tal-UE fl-2017) https://www.greenpeace.org/eu-unit/Global/eu-unit/reports-briefings/2017/170620%20-%20A%20case%20for%20EU%20action%20in%202017.pdf

(12)

Feasibility study on options to step up EU action against deforestation (European Commission) (Studju dwar il-fattibbiltà tal-għażliet biex tiżdied l-azzjoni tal-UE kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti (Kummissjoni Ewropea)) http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/feasibility_study_deforestation_kh0418199enn_main_report.pdf

(13)

Testi adottati, P8_TA(2017)0098.


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

21

+

ALDE

Thierry Cornillet, Mirja Vehkaperä

GUE/NGL

Lola Sánchez Caldentey, Marie-Christine Vergiat

PPE

Asim Ademov, Frank Engel, György Hölvényi, Ádám Kósa, Adam Szejnfeld, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská, Joachim Zeller

S&D

Enrique Guerrero Salom, Cécile Kashetu Kyenge, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Vincent Peillon, Elly Schlein

VERTS/ALE

Heidi Hautala, Maria Heubuch

0

-

 

 

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Awwissu 2018Avviż legali