Proċedura : 2017/2271(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0251/2018

Testi mressqa :

A8-0251/2018

Dibattiti :

PV 11/09/2018 - 16
CRE 11/09/2018 - 16

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2018 - 6.9
CRE 12/09/2018 - 6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0342

RAPPORT     
PDF 758kWORD 76k
10.7.2018
PE 616.905v01-00 A8-0251/2018

dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Stati Uniti

(2017/2271(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Elmar Brok

Rapporteur għal opinjoni (*):

Bernd Lange, Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONItal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Stati Uniti

(2017/2271(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titlu "Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy" (Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea), ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016 u l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tas-7 ta' Ġunju 2017 dwar Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE (JOIN(2017)0021),

–  wara li kkunsidra l-eżiti tas-Summits UE-Stati Uniti li saru fit-28 ta' Novembru 2011 f'Washington, D.C., u fis-26 ta' Marzu 2014 fi Brussell,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tad-79 Laqgħa Interparlamentari tad-Djalogu Trans-Atlantiku bejn il-Leġiżlaturi (TLD) li saret fit-28 u fid-29 ta' Novembru 2016 f'Washington, D.C., tat-80 TLD li saret fit-2 u fit-3 ta' Ġunju fil-Belt Valletta u tal-81 TLD li saret fil-5 ta' Diċembru 2017 f'Washington, D.C.,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummisssjoni tat-28 ta' April 2015 bit-titolu "L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà" (COM(2015)0185),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-6 ta' April 2016 bit-titolu ''Qafas konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu: reazzjoni tal-Unjoni Ewropea" (JOIN(2016)0018),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni u tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO tat-8 ta' Lulju 2016 dwar il-ġabra komuni ta' proposti approvati mill-Kunsill tal-UE u mill-Kunsill tan-NATO fil-5 u fis-6 ta' Diċembru 2016, u r-rapporti ta' progress dwar l-implimentazzjoni tagħhom fl-14 ta' Ġunju 2017 u fil-5 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta tal-UE u tan-NATO tal-2016,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti tat-18 ta' Diċembru 2017 u l-Istrateġija ta' Difiża Nazzjonali tal-Istati Uniti tad-19 ta' Jannar 2018,

–  wara li kkunsidra l-European Reassurance Initiative,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għad-Diplomazija tal-UE dwar il-Klima adottat fl-2015 mill-Kunsill Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, Deċiżjoni 1/CP.21, il-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), kif ukoll il-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kyoto (CMP11) li saret f'Pariġi mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat-22 ta' Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti tal-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġiżlazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi tas-COP 21 dwar it-tibdil fil-klima, b'mod partikolari l-paragrafu 13(2) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar it-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-qafas ta' Ftehim ta' Sħubija Trans-Atlantika(3), ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar l-istat tar-relazzjonijiet Trans-Atlantiċi wara l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti(4), ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 dwar is-Summit bejn l-UE u l-USA tat-28 ta' Novembru 2011(5), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rwol tal-UE fil-promozzjoni ta' Sħubija Trans-Atlantika usa'(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK)(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK)(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni tal-UNRWA(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0251/2018),

A.  billi s-sħubija bejn l-UE u l-Istati Uniti hija bbażata fuq rabtiet politiċi, kulturali, ekonomiċi u storiċi b'saħħithom, fuq valuri komuni bħal-libertà, id-demokrazija, il-promozzjoni tal-paċi u l-istabbiltà, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u fuq għanijiet komuni, bħall-prosperità, is-sigurtà, l-ekonomiji miftuħa u integrati, il-progress soċjali u l-inklużività, l-iżvilupp sostenibbli u s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti, u billi kemm l-Istati Uniti kif ukoll l-UE huma demokraziji mibnija fuq l-istat tad-dritt b'sistemi ta' ekwilibriju ta' setgħat li jiffunzjonaw; billi din is-sħubija qiegħda taffaċċja għadd importanti ta' sfidi u tfixkil fit-terminu qasir, iżda li l-prinċipji fundamentali fit-tul għadhom b'saħħithom u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti, bħala sħab tal-istess fehma, għadha kruċjali; 

B.  billi l-UE u l-Istati Uniti, filwaqt li jibnu fuq il-bażi soda tal-valuri komuni u l-prinċipji kondiviżi tagħhom, għandhom jesploraw modi alternattivi biex isaħħu r-relazzjoni trans-Atlantika u jirrispondu b'mod effikaċi għall-isfidi importanti li qed naffaċċjaw billi jużaw il-kanali ta' komunikazzjoni disponibbli kollha; billi bħala leġiżlaturi, il-Kungress tal-Istati Uniti u l-Parlament Ewropew għandhom rwol importanti u influwenti fid-demokraziji tagħna u għandhom jużaw il-potenzjal sħiħ tal-kooperazzjoni tagħhom biex jippreservaw l-ordni demokratiku, liberali u multilaterali u jippromwovu l-istabbiltà u l-kontinwità fil-kontinent tagħna u fid-dinja;

C.  billi f'dinja globali, kumplessa u dejjem aktar multipolari, l-UE u l-Istati Uniti jrid ikollhom rwoli ta' protagonisti, li jkunu essenzjali u kostruttivi billi jsaħħu u jirrispettaw id-dritt internazzjonali, jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali, u jindirizzaw b'mod konġunt il-kunflitti reġjonali u l-isfidi globali;

D.  billi l-UE u l-Istati Uniti qegħdin jaffaċċjaw żmien ta' tibdil ġeopolitiku u jridu jsibu tarf theddidiet kumplessi, kemm konvenzjonali kif ukoll ibridi, minn atturi statali u mhux statali li ġejjin min-Nofsinhar u mil-Lvant; billi l-attakki ċibernetiċi qegħdin isiru dejjem aktar komuni u sofistikati, u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti permezz tan-NATO tista' tikkomplementa l-isforzi taż-żewġ partijiet u tipproteġi l-istrutturi governattivi tad-difiża u strutturi ta' informazzjoni oħra; billi dawn it-theddidiet jirrikjedu kooperazzjoni internazzjonali biex jiġu indirizzati;

E.  billi l-UE tirrikonoxxi l-appoġġ militari kontinwu tal-Istati Uniti biex jiżgura s-sigurtà u d-difiża tal-UE, u billi l-UE hija grata lejn l-Amerikani kollha li ssagrifikaw ħajjithom biex jiggarantixxu s-sigurtà fl-Ewropa fil-kunflitti fil-Kosovo u l-Bożnija; billi l-UE bħalissa qiegħda tfittex li tiggarantixxi s-sigurtà tagħha stess billi tibni awtonomija strateġika akbar;

F.  billi l-Istati Uniti ddeċidiet li tnaqqas il-baġit tagħha għaż-żamma tal-paċi fi ħdan in-NU b'USD 600 miljun;

G.  billi politika barranija aktar imprevedibbli tal-Istati Uniti qiegħda toħloq inċertezza akbar fir-relazzjonijiet internazzjonali u tista' tħalli lok biex atturi oħra jsiru aktar influwenti fix-xena globali, bħaċ-Ċina, li l-influwenza politika u ekonomika tagħha qiegħda tikber mad-dinja kollha; billi bosta pajjiżi ewlenin fl-Asja, li qabel kienu qrib tal-Istati Uniti, illum qegħdin idawru ħarsithom lejn iċ-Ċina;

H.  billi l-UE tibqa' impenjata bis-sħiħ favur il-multilateraliżmu u l-promozzjoni tal-valuri kondiviżi, inkluż id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; billi ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli huwa ta' benefiċċju kemm għall-Istati Uniti kif ukoll għall-UE; billi, f'dan ir-rigward, huwa ta' importanza fundamentali li l-UE u l-Istati Uniti jaġixxu flimkien u f'sinerġija b'appoġġ għal ordni bbażat fuq ir-regoli li jkun iggarantit minn organizzazzjonijiet sovranazzjonali u istituzzjonijiet internazzjonali b'saħħithom, kredibbli u effikaċi;

I.  billi s-sħubija bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa kienet essenzjali għall-ordni globali fl-oqsma tal-ekonomija, tal-politika u tas-sigurtà għal aktar minn seba' deċennji; billi r-relazzjoni trans-Atlantika qiegħda taffaċċja ħafna sfidi u mill-elezzjoni tal-President Trump qiegħda tkun dejjem aktar taħt pressjoni fuq diversi kwistjonijiet;

J.  billi, bħala parti mill-Istrateġija Globali tal-UE, il-politika dwar it-tibdil fil-klima ġiet integrata fil-politika estera u ta' sigurtà, u ssaħħu r-rabtiet bejn l-enerġija u l-klima, is-sigurtà, l-għanijiet tal-iżvilupp, u l-migrazzjoni, kif ukoll il-kummerċ ġust u liberu;

K.  billi l-UE tibqa' impenjata bis-sħiħ favur sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, miftuħa u mhux diskriminatorja; billi d-WTO hija fil-qalba tas-sistema tal-kummerċ globali bħala l-unika istituzzjoni li tista' tiżgura kundizzjonijiet ekwi ġenwini;

L.  billi kemm l-Istati Uniti kif ukoll l-UE għandhom jappoġġaw l-aspirazzjonijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jingħaqdu mal-komunità trans-Atlantika; billi flimkien mal-impenn imsaħħaħ tal-UE, l-impenn kontinwu tal-Istati Uniti huwa kruċjali f'dan ir-rigward;

M.  billi l-UE għandha responsabbiltà dejjem akbar biex tagħti kont ta' għemilha fil-qasam tas-sigurtà tagħha, f'ambjent strateġiku li mar drastikament għall-agħar b'mod f'dawn l-aħħar snin;

N.  billi s-sigurtà Ewropea hija bbażata fuq l-ambizzjoni ta' awtonomija strateġika komuni, kif rikonoxxuta f'Ġunju 2016 mit-28 Kap ta' Stat u Gvern fl-Istrateġija Globali tal-Unjoni Ewropea;

Qafas ġenerali bbażat fuq il-valuri kondiviżi

1.  Ifakkar u jinsisti li s-sħubija u l-alleanza li għandhom minn żmien ilu l-UE u l-Istati Uniti hija bbażata, u għandha tkun ibbażata, fuq il-kondiviżjoni u l-promozzjoni b'mod konġunt ta' valuri komuni inklużi l-libertà, l-istat tad-dritt, il-paċi, id-demokrazija, l-ugwaljanza, il-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli, l-ekonomija tas-suq, il-ġustizzja soċjali, l-iżvilupp sostenibbli u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi, kif ukoll is-sigurtà kollettiva, bir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti bħala prijorità; jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti, li hija waħda mill-assi ewlenin ta' kooperazzjoni f'dinja globalizzata, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

2.  Jesprimi ammirazzjoni partikolari għall-mod kif l-istudenti Amerikani wieġbu għall-ħafna traġedji li jinvolvu l-użu ta' armi tan-nar fl-iskejjel billi appellaw għal liġijiet aktar rigorużi dwar l-armi tan-nar u għal miżuri li jnaqqsu l-influwenza li għandha n-National Rifle Association fuq il-proċess leġiżlattiv;

3.  Jenfasizza li r-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti hija l-garanti fundamentali għall-istabbiltà globali u ilha l-bażi tal-isforzi tagħna biex niżguraw paċi, prosperità u stabbiltà għas-soċjetajiet tagħna sa mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, kif ukoll biex nibnu sistema multilaterali ta' kooperazzjoni u kummerċ, ta' natura ekonomika u politika, li tkun ibbażata fuq ir-regoli u l-valuri; jafferma mill-ġdid li r-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti hija strateġika u ġenwina, u li rabta trans-Atlantika b'saħħitha hija fl-interess taż-żewġ partijiet u tad-dinja; jemmen li l-politika unilaterali ta' bħalissa "America First" tippreġudika l-interessi kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Uniti, timmina l-fiduċja reċiproka u jista' jkollha wkoll implikazzjonijiet usa' għall-istabbiltà u l-prosperità globali; ifakkar l-interess tal-UE li tibni sħubijiet fit-tul u ta' benefiċċju reċiproku li jkunu bbażati fuq valuri u prinċipji kondiviżi li jkollhom preċedenza fuq il-qligħ tranżazzjonali fuq medda qasira ta' żmien;

4.  Jissottolinja li s-sħubija tmur ferm lil hinn minn politika barranija u kwistjonijiet kummerċjali stricto sensu, u tinkludi wkoll suġġetti oħra bħas-sigurtà (ċibernetika), kwistjonijiet ekonomiċi, diġitali u finanzjarji, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, il-kultura kif ukoll ix-xjenza u t-teknoloġija; jenfasizza li dawn il-kwistjonijiet huma marbuta mill-qrib u għandhom jitqiesu taħt l-istess qafas ġenerali;

5.  Jinsab imħasseb dwar l-approċċi li ttieħdu mill-Istati Uniti biex jiġu indirizzati kwistjonijiet globali u kunflitti reġjonali sa mill-elezzjoni tal-President Trump; jenfasizza l-importanza, għall-UE, tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi u tad-djalogu kontinwu li jenfasizza s-sinifikat tal-kwistjonijiet li jgħaqqdu flimkien lill-UE u lill-Istati Uniti; ifittex li jikkjarifika jekk ir-relazzjoni trans-Atlantika tagħna, li ssawret matul bosta deċennji, għadx għandha l-istess rilevanza llum il-ġurnata għas-sħab Amerikani tagħna; jenfasizza li l-qafas ġenerali bbażat fuq il-valuri tas-sħubija tagħna huwa essenzjali sabiex tiġi żgurata u msaħħa ulterjorament l-istruttura tal-ekonomija u s-sigurtà globali; jissottolinja li l-kwistjonijiet li jgħaqqdu flimkien lill-Istati Uniti u lill-UE, fl-aħħar mill-aħħar, għandu jkollhom aktar rilevanza minn dawk li jifirduhom;

6.  Jenfasizza li, f'sistema internazzjonali kkaratterizzata b'mod permanenti mill-instabbiltà u mill-inċertezza, l-Ewropa għandha r-responsabbiltà li tibni l-awtonomija strateġika tagħha biex taffaċċja l-għadd li qiegħed jikber ta' sfidi komuni; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa għall-pajjiżi Ewropej li jżommu l-kapaċità tagħhom li jiddeċiedu u jaġixxu waħedhom biex jiddefendu l-interessi tagħhom; ifakkar li l-awtonomija strateġika hija kemm ambizzjoni leġittima għall-Ewropa kif ukoll objettiv prijoritarju li jrid ikun artikolat fl-oqsma industrijali u operattivi u f'termini ta' kapaċità;

Tisħiħ tas-sħubija

7.  Ifakkar il-potenzjal kbir u l-interess strateġiku ta' din is-sħubija kemm għall-Istati Uniti kif ukoll għall-UE, fl-għan tagħha li tikseb prosperità u sigurtà fuq bażi reċiproka u li ssaħħaħ ordni globali bbażat fuq ir-regoli u l-valuri sabiex tappoġġa l-istituzzjonijiet internazzjonali u tipprovdilhom il-mezzi biex titjieb il-governanza globali; jappella biex jitrawwem id-djalogu u l-impenn tagħna fuq l-elementi kollha ta' din is-sħubija u fil-livelli kollha ta' kooperazzjoni, inkluż mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jenfasizza li d-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tagħna għandhom impatt fuq l-istruttura tal-ekonomija u s-sigurtà globali, u għalhekk, għandhom imexxu bl-eżempju u jkunu għall-interessi taż-żewġ sħab;

8.  Jissottolinja r-responsabbiltajiet tal-Istati Uniti bħala setgħa globali, u jistieden lill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti tħaddan il-valuri fundamentali kondiviżi li huma s-sisien tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi, u tiżgura, fi kwalunkwe ċirkostanza, ir-rispett għad-dritt internazzjonali, għad-demokrazija, għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, f'konformità mal-Karta tan-NU u ma' strumenti internazzjonali oħra ffirmati jew ratifikati mill-Istati Uniti;

9.  Jissottolinja li l-UE u l-Istati Uniti huma l-aktar sħab importanti ta' xulxin f'dinja multipolari, u li ċaqliq unilaterali jservi biss biex idgħajjef is-sħubija trans-Atlantika, li trid tkun sħubija bejn partijiet ugwali li hija bbażata fuq id-djalogu u li għandha l-għan li tistabbilixxi mill-ġdid il-fiduċja reċiproka;

10.  Jiddispjaċih bid-dewmien twil biex jinħatar Ambaxxatur tal-Istati Uniti għall-Unjoni Ewropea, madankollu, jilqa' l-aħbar li saret nomina għal din il-kariga u li bħalissa tinsab għall-approvazzjoni tas-Senat tal-Istati Uniti;

11.  Jikkritika bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet tal-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għall-Ġermanja l-ġdid, li ddikjara l-ambizzjoni tiegħu li jagħti s-setgħa lill-populisti nazzjonalisti madwar l-Ewropa, u jfakkar li r-rwol tad-diplomatiċi mhuwiex li jappoġġaw forzi politiċi individwali, iżda li jmexxu 'l quddiem il-fehim reċiproku u s-sħubija;

12.  Jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni, il-koordinament, il-konsistenza u l-effikaċja tal-politika tal-UE fir-rigward tal-Istati Uniti, sabiex jippreżentaw lill-UE bħala attur internazzjonali maqgħud u effikaċi b'messaġġ koerenti;

13.  Ifakkar li l-Istati Uniti hija sieħba ewlieni minħabba l-konverġenza tal-interessi tad-difiża u tas-sigurtà u r-relazzjonijiet bilaterali b'saħħithom; jitlob biex jiġi organizzat summit bejn l-UE u l-Istati Uniti mill-aktar fis possibbli bl-għan li jingħelbu l-isfidi attwali u titkompla l-ħidma fuq kwistjonijiet globali u reġjonali ta' tħassib reċiproku;

14.  Iqis li l-preżenza tal-forzi militari tal-Istati Uniti hija importanti fil-pajjiżi Ewropej, fejn meħtieġ u f'konformità tat-twettiq kontinwu tal-impenji miftiehma;

15.  Jinsisti fuq il-fatt li djalogu strutturat u strateġiku dwar politika barranija fil-livell trans-Atlantiku, li jinvolvi wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kungress tal-Istati Uniti, huwa essenzjali għat-tisħiħ tal-istruttura trans-Atlantika, inkluż il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà, u jitlob biex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tal-politika barranija tad-djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti;

16.  Ifakkar fis-suġġeriment tiegħu sabiex jinħoloq Kunsill Politiku Trans-Atlantiku (TPC) għal konsultazzjoni u koordinament sistematiċi dwar il-politika barranija u tas-sigurtà, li jkun immexxi mill-VP/RGħ u mis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti u li jkun sostnut b'kuntatti regolari bejn id-diretturi politiċi;

17.  Jilqa' l-ħidma kontinwa u mingħajr interruzzjoni tat-TLD fit-trawwim tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti permezz ta' djalogu parlamentari u koordinament dwar kwistjonijiet ta' interess komuni; itenni l-importanza tal-kuntatt interpersonali u tad-djalogu fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet Trans-Atlantiċi; jappella, għalhekk, biex ikun hemm involviment intensifikat kemm tas-Senat kif ukoll tal-Kamra tar-Rappreżentanti u tal-Parlament Ewropew; jilqa' t-tnedija mill-ġdid tal-Caucus bipartiġġjan tal-Kungress tal-UE għall-115-il Laqgħa tal-Kungress, u jitlob lill-Uffiċċju ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew (EPLO) u lid-delegazzjoni tal-UE f'Washington biex jikkollaboraw aktar mill-qrib magħhom;

18.  Ifakkar li kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti, is-soċjetajiet tagħna, ankrati fid-demokrazija liberali u l-istat tad-dritt, huma b'saħħithom għaliex huma mibnija fuq pluralità ta' atturi, inklużi fost oħrajn il-gvernijiet tagħna, il-parlamenti, il-korpi u l-atturi deċentralizzati, id-diversi istituzzjonijiet politiċi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-gruppi tal-media liberi u indipendenti u l-gruppi reliġjużi; jenfasizza li għandna nrawmu rabtiet trans-Atlantiċi biex nippromwovu l-merti u l-importanza tas-sħubija trans-Atlantika tagħna, inkluż billi nallokaw finanzjament xieraq, f'livelli differenti u madwar l-UE u l-Istati Uniti, mhux niffukaw biss fuq il-Kosti tal-Lvant u tal-Punent;

19.  Jilqa' t-tisħiħ tar-rwol tar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-istati federali u ż-żoni metropolitani tal-Istati Uniti fi ħdan ir-relazzjoni trans-Atlantika globali, b'mod partikolari fil-każ tar-relazzjonijiet ta' ġemellaġġ; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-kooperazzjoni li teżisti abbażi tal-Memorandum ta' Qbil Under2; jistieden lill-istati federali jsaħħu l-kuntatti tagħhom mal-istituzzjonijiet tal-UE;

20.  Jinsab imħasseb serjament dwar id-dikjarazzjonijiet minn uffiċjali tal-amministrazzjoni ta' Trump li jesprimu disprezz għall-UE u japoġġaw forzi populisti u ksenofobi li għandhom l-għan li jeqirdu l-proġett Ewropew; iqis li dawn id-dikjarazzjonijiet huma ostili u inkompatibbli mal-ispirtu tas-sħubija trans-Atlantika;

21.  Jisħaq fuq il-fatt li l-iskambji kulturali permezz ta' programmi edukattivi huma fundamentali għall-promozzjoni u l-iżvilupp ta' valuri komuni u għall-bini ta' pontijiet bejn is-sħab trans-Atlantiċi; jappella, għalhekk, biex tissaħħaħ u tiżdied il-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-programmi ta' mobilità għall-istudenti bejn l-Istati Uniti u l-UE fl-ambitu ta' Erasmus+;

Naffaċċjaw l-isfidi globali flimkien

22.  Jinsisti fuq il-fatt li l-UE u l-Istati Uniti għandhom jibqgħu jaqdu rwoli kostruttivi essenzjali billi jindirizzaw b'mod konġunt il-kunflitti reġjonali u l-isfidi globali abbażi tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li l-multilateraliżmu, li miegħu l-Ewropa hija tant marbuta , qiegħed jiġi kkontestat mill-attitudnijiet tal-Istati Uniti u ta' potenzi dinjija oħra; ifakkar fl-importanza tal-multilateraliżmu biex jinżammu l-paċi u l-istabbiltà, bħala mezz biex jiġu promossi l-valuri tal-istat tad-dritt u biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet globali, u jinsisti li dawn għandhom jiġu indirizzati fil-fora internazzjonali rilevanti; jinsab għalhekk imħasseb li d-deċiżjonijiet unilaterali reċenti tal-Istati Uniti – id-diżimpenn minn ftehimiet internazzjonali ewlenin, ir-revoka ta' ċerti impenji, id-dgħajfin tar-regoli internazzjonali, l-irtirar minn fora internazzjonali u l-instigazzjoni ta' tensjonijiet diplomatiċi u kummerċjali – jistgħu jbiegħdu minn dawn il-valuri komuni u joħolqu pressjoni fuq ir-relazzjoni u fl-istess ħin jippreġudikawha; jistieden lill-UE turi għaqda, ċertezza u proporzjonalità fir-reazzjonijiet tagħha għal tali deċiżjonijiet; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, biex jevitaw kwalunkwe azzjoni jew mossa intiża li tikseb vantaġġi bilaterali għad-detriment ta' approċċ Ewropew komuni u koerenti;

23.  Jinnota li potenzi dinjija oħra, bħar-Russja u Ċ-Ċina, għandhom strateġiji politiċi u ekonomiċi robusti, li ħafna minnhom jistgħu jmorru kontra l-valuri kondiviżi, l-impenji internazzjonali, u s-sħubija trans-Atlantika tagħna, kif ukoll ipoġġuhom f'riskju; ifakkar li tali żviluppi jagħmlu l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti ferm aktar essenzjali sabiex inkunu nistgħu nkomplu nħaddnu soċjetajiet miftuħa u nippromwovu u nipproteġu d-drittijiet, il-prinċipji u l-valuri komuni tagħna, inkluż il-konformità mad-dritt internazzjonali; jappella, f'dan ir-rigward, għal żieda fil-koordinament bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-allinjament u l-istabbiliment ta' politika ta' sanzjonijiet konġunta sabiex tiżdied l-effikaċja tagħha;

24.  Huwa tal-fehma li tenħtieġ risposta trans-Atlantika konġunta li tindirizza t-tentattivi tar-Russja li teżerċita pressjoni, tinfluwenza, tiddestabbilizza u tisfrutta d-dgħufijiet u l-għażliet demokratiċi tas-soċjetajiet tal-Punent; jemmen, għalhekk, li l-Istati Uniti u l-UE għandhom jagħtu prijorità lill-azzjonijiet koordinati fir-rigward tar-Russja, bl-involviment tan-NATO fejn xieraq; ifakkar fil-periklu ċar għad-demokraziji tagħna li joħqolu l-aħbarijiet foloz, id-diżinformazzjoni u b'mod partikolari s-sorsi ta' ndħil malizzjużi; jappella għat-tnedija ta' djalogu politiku u soċjetali li jibbilanċja l-anonimat u r-responsabbiltà fil-midja soċjali;

25.  Jissottolinja li s-sigurtà hija multidimensjonali u minsuġa u li d-definizzjoni tagħha ma tkoprix biss aspetti militari iżda anke aspetti f'termini ambjentali, enerġetiċi, kummerċjali, ċibernetiċi, tal-komunikazzjonijiet, tas-saħħa, tal-iżvilupp, tar-responsabbiltà, umanitarji, eċċ.; jinsisti fuq il-fatt li l-kwistjonijiet tas-sigurtà għandhom jiġu indirizzati permezz ta' approċċ wiesa'; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, dwar it-tnaqqis sostanzjali propost fil-baġit, pereżempju t-tnaqqis mill-Istati Uniti għall-bini tal-istat fl-Afganistan, għall-għajnuna għall-iżvilupp fl-Afrika, għall-għajnuna umanitarja u għall-kontribuzzjonijiet għall-programmi, operazzjonijiet u aġenziji tan-NU;

26.  Jissottolinja li ftehim ta' kummerċ trans-Atlantiku, li jkun ibbilanċjat u ta' benefiċċju reċiproku, ikollu impatt li jmur lil hinn mill-aspetti kummerċjali u ekonomiċi;

27.  Isostni li n-NATO għadha l-garanti ewlieni għad-difiża kollettiva tal-Ewropa; jilqa' l-affermazzjoni mill-ġdid tal-impenn tal-Istati Uniti favur in-NATO u s-sigurtà Ewropea, u jissottolinja li l-approfondiment tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO jsaħħaħ ukoll is-sħubija trans-Atlantika;

28.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni, il-koordinament u l-effetti ta' sinerġija fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jissottolinja l-importanza ta' nfiq aħjar fuq id-difiża, u jinsisti, f'dan ir-rigward, li l-qsim tal-piżijiet ma għandux ikun iffukat biss fuq l-inputs (il-mira li jintefqu 2 % tal-PDG fuq id-difiża), iżda wkoll fuq l-outputs (il-kapaċitajiet imkejla fuq il-forzi li jistgħu jiġu skjerati, lesti u sostenibbli); ifakkar li dan l-input ikkwantifikat bħala objettiv, madankollu, jirrifletti sens li qiegħed jikber ta' responsabbiltà tal-Ewropej għas-sigurtà tagħhom stess, li qiegħed isir indispensabbli minħabba d-deterjorament tal-ambjent strateġiku tagħhom; jilqa' l-fatt li d-difiża qiegħda ssir qasam ta' prijorità ogħla għall-UE u għall-Istati Membri tagħha, li qiegħda tiġġenera aktar effiċjenzi militari għall-benefiċċju kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO, u jilqa', f'dan il-kuntest, il-preżenza ta' truppi Amerikani fit-territorju tal-UE; isostni li n-NATO hija kruċjali għad-difiża kollettiva tal-Ewropa u tal-alleati tagħha (Artikolu 5 tat-Trattat ta' Washington); jenfasizza li l-kapaċità tan-NATO li twettaq il-kompiti tagħha għadha tiddependi mill-qrib mis-saħħa tar-relazzjoni trans-Atlantika;

29.  Jissottolinja l-importanza u l-kontribut pożittiv li l-Inizjattiva European Reassurance tal-Istati Uniti kellha fuq is-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE;

30.  Jistieden lill-UE ssaħħaħ l-Unjoni tad-Difiża Ewropea bl-għan li tibni kapaċitajiet li jiżguraw ir-rilevanza strateġika tal-UE fid-difiża u s-sigurtà, bħal pereżempju fil-ħolqien ta' aktar sinerġiji u effiċjenzi fl-infiq għad-difiża, ir-riċerka, l-iżvilupp, l-akkwist pubbliku, il-manutenzjoni u t-taħriġ bejn l-Istati Membri; jinsisti li aktar kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża fil-livell tal-UE ssaħħaħ il-kontribut Ewropew għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fil-livelli reġjonali u internazzjonali, u b'hekk javvanzaw ukoll l-objettivi tal-alleanza tan-NATO u tissaħħaħ ir-rabta trans-Atlantika tagħna; jappoġġa, għalhekk, l-isforzi reċenti sabiex tissaħħaħ l-istruttura Ewropea tad-difiża, inklużi l-Fond Ewropew għad-Difiża u l-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) li għadha kif ġiet stabbilita;

31.  Jilqa' t-tnedija tal-PESCO u jappoġġa l-ewwel proġetti tiegħu, bħall-mobilità militari; jenfasizza li l-PESCO huwa ta' interess komuni kemm għall-UE kif ukoll għan-NATO u għandu jkun ta' xprun għal kooperazzjoni ulterjuri bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet f'termini tal-iżvilupp tal-kapaċità u l-konsolidament tal-pilastru tal-UE fin-NATO, fi ħdan il-kuntest tal-kostituzzjoni nazzjonali ta' kull wieħed minnhom;

32.  Itenni l-ħtieġa għall-UE u għall-Istati Uniti li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam taċ-ċibersigurtà u taċ-ċiberdifiża, jiġifieri permezz tal-aġenziji u task forces speċjalizzati, bħall-ENISA, Europol, Interpol, strutturi futuri tal-PESCO u EDF, speċjalment biex jiġġieldu kontra l-attakki informatiċi u flimkien imexxu 'l quddiem l-isforzi biex jiġi żviluppat qafas internazzjonali komprensiv u trasparenti li jistabbilixxi standards minimi għall-politiki taċ-ċibersigurtà, filwaqt li jiġu rispettati l-libertajiet fundamentali; iqis li huwa essenzjali li l-UE u n-NATO jintensifikaw il-kondiviżjoni tal-intelligence sabiex jippermettu l-attribuzzjoni formali taċ-ċiberattakki u konsengwentement jippermettu l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet restrittivi fuq dawk responsabbli għaċ-ċiberattakki;

33.  Jissottolinja li s-sinifikat li qiegħed jikber tal-Intelliġenza Artifiċjali u tat-tagħlim awtomatiku jeħtieġ kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Istati Uniti, u għandhom jittieħdu miżuri biex tavvanza l-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji tat-teknoloġija Amerikani u Ewropej sabiex jiġi żgurat l-użu ottimali tas-sħubiji fil-qasam tal-iżvilupp u l-applikazzjoni;

34.  Jistieden lill-Kungress Amerikan jinkludi lill-Parlament Ewropew fil-programm tiegħu tal-kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku mal-parlamenti tal-Awstralja, il-Kanada, New Zealand u r-Renju Unit;

35.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ komuni li jirregola l-pjattaformi diġitali u biex tiżdied ir-responsabbiltà tagħhom sabiex jiġu diskussi l-kwistjonijiet taċ-ċensura tal-internet, id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet tad-detenturi, id-data personali u l-kunċett tan-newtralità tal-internet; itenni li jeħtieġ li naħdmu flimkien biex nippromwovu internet miftuħ, interoperabbli u sikur, irregolat minn mudell b'partijiet ikkonċernati multipli li jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-libertà tal-espressjoni, u jrawwem il-prosperità ekonomika u l-innovazzjoni, filwaqt li jirrispetta l-privatezza u jħares kontra l-qerq, il-frodi u s-serq; jappella biex jiġu mobilizzati sforzi konġunti biex jiġu żviluppati normi u regolamenti u biex jippromwovu l-applikabbiltà tad-dritt internazzjonali fiċ-ċiberspazju;

36.  Itenni li n-newtralità tal-internet hija mnaqqxa fid-dritt tal-UE; jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni Federali li jħassar ir-regoli dwar in-newtralità tal-internet; jilqa' l-vot reċenti tas-Senat tal-Istati Uniti biex titreġġa' lura din id-deċiżjoni; jistieden lill-Kungress tal-Istati Uniti jsegwi d-deċiżjoni tas-Senat sabiex jinżamm internet miftuħ, sigur u sikur li ma jippermettix trattament diskriminatorju tal-kontenut tal-internet;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' negozjati xierqa fir-rigward tal-istandardizzazzjoni, speċjalment fil-kuntest tal-iżvilupp dejjem aktar rapidu tat-teknoloġija, b'mod partikolari fil-qasam tal-IT;

38.  Jenfasizza li parti importanti tat-tisħiħ tal-isforzi tal-UE u tal-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu tinkludi l-protezzjoni ta' infrastruttura kritika, inkluż billi jiġu avvanzati l-istandards komuni u stimolati l-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà, kif ukoll approċċ komprensiv għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, anke permezz ta' koordinament f'fora reġjonali, mulilaterali u globali u kooperazzjoni fi skambji ta' data rigward l-attivitajiet terroristiċi; itenni l-ħtieġa li jiġu appoġġati mekkaniżmi bħas-Sistema tal-UE ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u sforzi konġunti oħra li jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti u jagħmlu d-differenza fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu; ifakkar liż-żewġ partijiet li l-ġlieda kontra t-terroriżmu trid tkun konformi mad-dritt internazzjonali u mal-valuri demokratiċi, tirrispetta bis-sħiħ il-libertajiet ċivili u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem;

39.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-ħatra reċenti ta' Gina Haspel bħala direttriċi tal-Aġenzija Ċentrali tal-Intelligence (CIA), minħabba r-riżultati fjakki tagħha fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-kompliċità tagħha fil-programm ta' trasferiment u detenzjoni sigrieta tas-CIA;

40.  Jinsab imħasseb bil-kbir dwar it-tneħħija rrapportata ta' restrizzjonijiet limitati għall-programm tad-droni mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti, li se żżid ir-riskji ta' diżgrazzji ċivili u qtil illegali, kif ukoll dwar in-nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tal-programm tad-droni tal-Istati Uniti u tal-għajnuna li qiegħda tingħata minn xi Stati Membri tal-UE; jistieden lill-Istati Uniti u lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw li l-użu ta' droni armati jkun konformi mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt internazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, u li jiġu stabbiliti standards vinkolanti robusti sabiex jirregolaw l-għoti ta' kwalunkwe forma ta' għajnuna għal operazzjonijiet letali bid-droni;

41.  Jissottolinja li jeħtieġ li l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea jiġġieldu kontra l-evażjoni tat-taxxa u reati finanzjarji oħra u jiżguraw it-trasparenza;

42.  Iħeġġeġ aktar kooperazzjoni msaħħa fir-rigward tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, b'mod partikolari fil-qafas tal-ftehim TFTP-UE-Stati Uniti (Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu), li għandu jissaħħaħ sabiex jinkludi data dwar il-flussi finanzjarji assoċjati mal-indħil barrani jew mal-operazzjonijiet ta' intelligence illegali; jistieden, barra minn hekk, lill-UE u lill-Istati Uniti jikkooperaw fi ħdan l-OECD fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa billi jistabbilixxu regoli u normi internazzjonali biex jindirizzaw din il-problema globali; jenfasizza li t-tkomplija tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi hija kruċjali għat-tisħiħ tas-sigurtà komuni tagħna, u jistieden lill-Istati Uniti tiżgura kooperazzjoni bilaterali u multilaterali f'dan il-qasam; jiddeplora r-revoka parzjali ta' Dodd-Frank Act, li rriżultat fi tnaqqis sinifikanti tas-superviżjoni tal-banek Amerikani;

43.  Jenfasizza d-dgħufijiet persistenti tat-Tarka tal-Privatezza fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data; jilqa' u jappoġġa l-appelli lil-leġiżlatur tal-Istati Uniti sabiex jagħmel progress lejn att omnibus dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data; jirrimarka li fl-Ewropa l-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali u li l-Istati Uniti ma għandhiex regoli komparabbli mar-Regolament Ġenerali l-ġdid dwar l-Ipproċessar tad-Data (GDPR);

44.  Ifakkar fis-solidarjetà trans-Atlantika wiesgħa b'reazzjoni għall-ivvalenar ta' Skripal f'Salisbury, li rriżultat fit-tkeċċija ta' diplomatiċi Russi minn 20 Stat Membru tal-UE, kif ukoll mill-Kanada, l-Istati Uniti, in-Norveġja u minn 5 pajjiżi li jaspiraw li jkunu Stati Membri tal-UE;

45.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar ir-rifjut tal-Kungress f'Marzu 2017 għar-regola mressqa mill-Kummissjoni Federali tal-Komunikazzjonijiet dwar il-"Protezzjoni tal-Privatezza tal-Klijenti tal-Broadband u ta' Servizzi Oħra tat-Telekomunikazzjoni", li fil-prattika telimina r-regoli tal-privatezza tal-broadband li kienu jesiġu li l-fornituri tas-servizz tal-Internet jiksbu l-kunsens espliċitu tal-konsumaturi qabel ma jbigħu jew jikkondividu d-data tal-ibbrawżjar tal-web u informazzjoni oħra privata ma' dawk li jirreklamaw u ma' kumpaniji oħra; iqis li din hija theddida oħra għas-salvagwardji tal-privatezza fl-Istati Uniti;

46.  Ifakkar li l-Istati Uniti tibqa' l-uniku pajjiż mhux tal-UE li qiegħed fuq il-lista tal-UE ta' eżenzjoni mill-obbligu ta' viża u li ma jagħtix aċċess mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Uniti ddaħħal il-ħames Stati Membri kkonċernati (il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Polonja u r-Rumanija) fil-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża tal-Istati Uniti mill-aktar fis possibbli; ifakkar li l-Kummissjoni hija ġuridikament obbligata tadotta att delegat – biex tissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jkunux neħħew l-obbligu ta' viża għaċ-ċittadini ta' ċerti Stati Membri tal-UE – fi żmien 24 xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tan-notifiki f'dan ir-rigward, liema skadenza ntemmet fit-12 ta' April 2016; jistieden lill-Kummissjoni tadotta l-att delegat meħtieġ abbażi tal-Artikolu 265 tat-TFUE;

47.  Jisħaq fuq il-fatt li l-UE hija impenjata biex issaħħaħ id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-prosperità, l-istabbiltà, ir-reżiljenza u s-sigurtà tal-ġirien tagħha b'mod dirett permezz ta' mezzi mhux militari, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom u jikkoordinaw aħjar l-azzjonijiet, il-proġetti u l-pożizzjonijiet tagħhom fil-viċinat tal-UE, kemm tal-Lvant kif ukoll tan-Nofsinhar; ifakkar li l-politiki tal-iżvilupp u umanitarji tal-UE madwar id-dinja jikkontribwixxu wkoll għas-sigurtà globali;

48.  Ifaħħar l-enfasi strateġika u l-ftuħ tal-Istati Uniti fil-konfront tar-reġjun, u jfakkar li l-Balkani jirrappreżentaw sfida għall-Ewropa u għas-sigurtà tal-kontinent kollu; jistieden, għalhekk, lill-Istati Uniti biex tkun involuta fi sforzi konġunti ulterjuri fil-Balkani tal-Punent, b'mod partikolari fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija, tal-libertà tal-espressjoni u fil-kooperazzjoni tas-sigurtà; jirrakkomanda aktar azzjonijiet komuni, bħal mekkaniżmi kontra l-korruzzjoni u l-bini tal-istituzzjonijiet, sabiex jipprovdu aktar sigurtà, stabbiltà, reżiljenza u prosperità ekonomika fil-pajjiżi tar-reġjun kif ukoll jibnu rwol fis-soluzzjoni ta' kwistjonijiet li ilhom pendenti; huwa tal-fehma li l-UE u l-Istati Uniti għandhom jibdew djalogu ġdid ta' livell għoli dwar il-Balkani tal-Punent sabiex jiżguraw li l-għanijiet tal-politika u l-programmi ta' assistenza jkunu allinjati, u, barra minn hekk, jieħdu l-miżuri rilevanti;

49.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jkollhom rwol aktar attiv u effettiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt fit-territorju tal-Ukrajna, u jappoġġaw l-isforzi kollha biex tinstab soluzzjoni paċifika dejjiema li tirrispetta l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u li tipprevedi r-ritorn tal-Peniżola tal-Krimea lill-Ukrajna, u jħeġġu u jappoġġaw il-proċessi ta' riforma u l-iżvilupp ekonomiku fl-Ukrajna, li jeħtieġ li jkunu kompletament f'konformità mal-impenji tal-Ukrajna u mar-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet internazzjonali; jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu dwar in-nuqqas ta' progress ulterjuri fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' Minsk u dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja u tas-sigurtà fil-Lvant tal-Ukrajna; isostni, għalhekk, li s-sanzjonijiet kontra r-Russja għadhom meħtieġa u li l-Istati Uniti għandha tikkoordina l-isforzi tagħha mal-UE; jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar din il-kwistjoni bejn il-VP/RGħ u r-Rappreżentant Speċjali tal-Istati Uniti għall-Ukrajna;

50.  Ifakkar ukoll fl-importanza għall-UE u għall-Istati Uniti li tinstab soluzzjoni għall-kunflitti "ffriżati" fil-Georgia u fil-Moldova;

51.  Ifakkar li l-ordni internazzjonali huwa bbażat fuq ir-rispett ta' ftehimiet internazzjonali; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, bid-deċiżjoni tal-Istati Uniti li ma tapprovax il-konklużjonijiet tas-Summit tal-G7 fil-Kanada; itenni l-impenn tiegħu favur id-dritt internazzjonali u l-valuri universali, u b'mod partikolari l-obbligu ta' rendikont, in-nonproliferazzjoni nukleari u r-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim; jissottolinja li l-konsistenza tal-istrateġija tagħna dwar in-nonproliferazzjoni nukleari hija essenzjali għall-kredibbiltà tagħna bħala attur u negozjatur globali ewlieni; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jikkooperaw biex jiffaċilitaw id-diżarm nukleari u l-miżuri effikaċi għat-tnaqqis tar-riskju nukleari;

52.  Jenfasizza li l-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) mal-Iran huwa ftehim multilaterali sinifikanti u kisba diplomatika notevoli għad-diplomazija multilaterali u għad-diplomazija tal-UE għall-promozzjoni tal-istabbiltà fir-reġjun; ifakkar li l-UE hija determinata li tagħmel l-almu tagħha biex iżżomm il-PAKK mal-Iran bħala pilastru ewlieni tal-istruttura tan-nonproliferazzjoni internazzjonali, b'rilevanza wkoll għall-kwistjoni tal-Korea ta' Fuq, u bħala element kruċjali għas-sigurtà u l-istabbiltà tar-reġjun; itenni l-ħtieġa li jiġu indirizzati b'mod aktar kritiku l-attivitajiet Iranjani relatati mal-missili ballistiċi u l-istabbiltà reġjonali, b'mod speċjali l-involviment tal-Iran fid-diversi kunflitti fir-reġjun, u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tal-minoranzi fl-Iran, li huma separati mill-PAKK, fil-formati u l-fora rilevanti; jisħaq fuq il-fatt li l-kooperazzjoni trans-Atlantika fl-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet hija essenzjali; jissottolinja li, skont il-bosta rapporti tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), l-Iran qiegħed jissodisfa l-impenji tiegħu skont il-PAKK; jikkritika bil-qawwa d-deċiżjoni tal-President Trump li joħroġ mill-PAKK b'mod unilaterali u li jimponi miżuri extraterritorjali fuq il-kumpaniji tal-UE li joperaw fl-Iran; jenfasizza li l-UE hija determinata li tipproteġi l-interessi tagħha u tal-kumpaniji u l-investituri tagħha fid-dawl tal-effett extraterritorjali tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti; jilqa', f'dan il-kuntest, id-deċiżjoni li jiġi attivat ir-"regolament tal-imblukkar" li għandu l-għan li jipproteġi l-interessi kummerċjali tal-UE fl-Iran mill-impatt tas-sanzjonijiet extraterritorjali tal-Istati Uniti, u jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jieħdu kwalunkwe miżura oħra xierqa biex jiġi salvagwardjat il-PAKK;

53.  Jinsab imħasseb dwar il-politika tas-sigurtà u tal-kummerċ tal-Istati Uniti fil-Lvant u x-Xlokk tal-Asja, inkluż il-vojt politiku li jirriżulta mill-irtirar tal-Istati Uniti mis-Sħubija Trans-Paċifika (TPP); itenni l-importanza tal-impenn kostruttiv min-naħa tal-UE fil-Lvant u x-Xlokk tal-Asja u fir-reġjun tal-Paċifiku, u jilqa' f'dak il-kuntest, il-politika kummerċjali attiva tal-UE f'dik il-parti tad-dinja u l-inizjattivi tal-UE relatati mas-sigurtà, b'mod partikolari kif imsemmija fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approfondiment tal-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tas-sigurtà fl-Asja u mal-Asja, anke għal raġunijiet ta' bilanċ politiku u ekonomiku;

54.  Jilqa' l-ftuħ ta' djalogi ġodda ta' livell għoli mal-Korea ta' Fuq (RDPK) u s-summit reċenti f'Singapore tat-12 ta' Ġunju, u jfakkar li dawn it-taħditiet, li għad iridu juru xi riżultati tanġibbli u verifikabbli, għandhom bħala għan ir-riżoluzzjoni paċifika tat-tensjonijiet u b'hekk il-promozzjoni tal-paċi, tas-sigurtà u tal-istabbiltà reġjonali u globali; jissottolinja li, fl-istess ħin, il-komunità internazzjonali, inkluż l-UE u l-Istati Uniti, jeħtiġilhom ikomplu jagħmlu pressjoni fuq il-Korea ta' Fuq sakemm hija ma tiddenuklearizzax b'mod kredibbli billi tirratifika t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT) u tħalli lill-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBTO) u lill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) jiddokumentaw id-denuklearizzazzjoni tagħha;

55.  Ifakkar lill-Istati Uniti li hija għadha ma rratifikatx it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari, minkejja li hija Stat li jinsab fl-Anness II fejn il-firma tiegħu hija meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat; jirrepeti l-appell tal-VP/RGħ li fiha ħeġġet lill-mexxejja dinjija jirratifikaw it-Trattat; jinkoraġġixxi lill-Istati Uniti tirratifika t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari mill-aktar fis possibbli u biex tappoġġa ulterjorment lil CTBTO billi tipperswadi lill-Istati li jinsabu fl-Anness II sabiex huma wkoll jirratifikaw it-Trattat;

56.  Jinsisti fuq ir-rispett tad-dritt marittimu internazzjonali, inkluż fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Uniti tirratifika l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS);

57.  Jitlob kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti reġjonali u tal-gwerra bi prokura fis-Sirja, peress li n-nuqqas ta' strateġija komuni jimmina r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, u jistieden lill-partijiet kollha u lill-atturi reġjonali involuti fil-kunflitt sabiex iżommu lura milli jirrikorru għall-vjolenza u kwalunkwe azzjoni oħra li tista' tiggrava s-sitwazzjoni; jafferma mill-ġdid il-preminenza tal-proċess ta' Ġinevra mmexxi min-NU fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt Sirjan, f'konformità mar-riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, innegozjat mill-partijiet għall-kunflitt u b'appoġġ ta' atturi internazzjonali u reġjonali ewlenin; jappella biex ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li qed jinkisru mill-pajjiżi tan-negozjati ta' Astana, jiġu implimentati u rrispettati bis-sħiħ; jappella għal sforzi konġunti li jiggarantixxu aċċess umanitarju sħiħ lil dawk fil-bżonn, u biex ikun hemm investigazzjoni u prosekuzzjoni indipendenti, imparzjali, bir-reqqa u kredibbli ta' dawk responsabbli; jappella wkoll għall-appoġġ, inter alia, tal-ħidma tal-Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti (MIII) dwar id-delitti internazzjonali kommessi fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2012;

58.  Ifakkar li l-UE tappoġġa l-kontinwazzjoni tal-Proċess ta' Paċi sinifikanti fil-Lvant Nofsani favur soluzzjoni ta' żewġ stati, abbażi tal-fruntieri tal-1967, bi stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, fattibbli u kontigwu f'koeżistenza paċifika u sigura mal-Istat ta' Iżrael sigur u l-pajjiżi ġirien l-oħra, u jinsisti li trid tiġi evitata kwalunkwe azzjoni li timmina dawn l-isforzi; jiddispjaċih profondament, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni unilaterali tal-gvern tal-Istati Uniti li ċċaqlaq l-ambaxxata tagħha minn Tel Aviv għal Ġerusalemm u li tirrikonoxxi formalment l-belt bħala l-kapitali ta' Iżrael; jissottolinja li l-kwistjoni ta' Ġerusalemm trid tkun parti minn ftehim ta' paċi finali bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jenfasizza li l-pjan direzzjonali konġunt għandu jissaħħaħ, u jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Uniti tikkoordina mas-sħab Ewropej tagħha fl-isforzi tagħha għal paċi fil-Lvant Nofsani;

59.  Jinkoraġġixxi kooperazzjoni ulterjuri bejn il-programmi globali tal-UE u tal-Istati Uniti li jippromwovu d-demokrazija, il-libertajiet tal-media, l-elezzjonijiet ħielsa u ġusti u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet tar-rifuġjati u l-migranti, tan-nisa u tal-minoranzi razzjali u reliġjużi; jenfasizza l-importanza tal-valuri ta' governanza tajba, tal-obbligu ta' rendikont, tat-trasparenza u tal-istat tad-dritt li huma l-bażi tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem; itenni l-pożizzjoni b'saħħitha u ta' prinċipju tal-UE kontra l-piena tal-mewt u favur moratorju universali fuq il-piena kapitali bl-għan li tiġi abolita fuq livell dinji; jissottolinja l-ħtieġa għal kooperazzjoni fil-prevenzjoni tal-kriżi u fil-konsolidament tal-paċi, kif ukoll fir-risposta għall-emerġenzi umanitarji;

60.  Itenni li l-UE u l-Istati Uniti għandhom interessi komuni fl-Afrika, fejn it-tnejn li huma jeħtiġilhom jikkoordinaw u jintensifikaw l-appoġġ tagħhom fil-livelli lokali, reġjonali u multinazzjonali għall-governanza tajba, għad-drittijiet tal-bniedem, għall-iżvilupp soċjali sostenibbli, għall-protezzjoni ambjentali, għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, għall-governanza ekonomika u kwistjonijiet ta' sigurtà, kif ukoll għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti reġjonali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-tranżazzjonijiet finanzjarji illegali, il-vjolenza u t-terroriżmu; huwa tal-fehma li koordinament aħjar bejn l-UE u l-Istati Uniti, anki permezz ta' djalogu politiku msaħħaħ u tfassil ta' strateġiji konġunti dwar l-Afrika filwaqt li jitqiesu l-fehmiet tal-organizzazzjonijiet reġjonali u l-gruppi subreġjonali, jistgħu jwasslu għal azzjoni aktar effikaċi u l-użu tar-riżorsi;

61.   Jenfasizza l-importanza tal-interessi politiċi, ekonomiċi u tas-sigurtà komuni tal-UE u tal-Istati Uniti, fir-rigward tal-politiki ekonomiċi ta' pajjiżi bħaċ-Ċina u r-Russja, u jfakkar li l-isforzi konġunti, inkluż fil-livell tad-WTO, jistgħu jkunu ta' għajnuna biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħall-iżbilanċi attwali fil-kummerċ globali u s-sitwazzjoni fl-Ukrajna; jistieden lill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex ma tkomplix timblokka n-nomini tal-imħallfin għall-Korp tal-Appell tad-WTO; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib fir-rigward tal-istrateġija taċ-Ċina "One Belt One Road", inkluż permezz tal-iżvilupp ta' kooperazzjoni f'dan ir-rigward bejn l-UE u d-Djalogu Kwadrilaterali dwar is-Sigurtà (QUAD) bejn l-Istati Uniti, l-Indja, il-Ġappun u l-Awstralja;

62.  Jindika l-ħtieġa għal kooperazzjoni aħjar dwar il-politika dwar l-Artiku, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Kunsill tal-Artiku, speċjalment peress li bit-tibdil fil-klima jistgħu jinfetħu rotot ta' navigazzjoni ġodda u riżorsi naturali jistgħu jsiru disponibbli;

63.  Jinsisti li l-migrazzjoni hija fenomenu globali u għalhekk għandha tiġi indirizzata permezz ta' kooperazzjoni, sħubija u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà,iżda anke billi jiġu ġestiti r-rotot migratorji u jiġi segwit approċċ globali fil-livell tan-NU bbażat fuq ir-rispett tad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-Protokoll tagħha tal-1967; jilqa' l-isforzi li saru s'issa fin-NU sabiex jintlaħaq patt globali għal migrazzjoni sikura, ordnata u regolari kif ukoll patt globali dwar ir-refuġjati, u jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Istati Uniti ta' Diċembru 2017 li tirtira mid-diskussjonijiet; jitlob li jkun hemm politika konġunta biex jiġu miġġielda l-kawżi profondi tal-migrazzjoni;

64.  Jappoġġa l-kooperazzjoni mtejba bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar kwistjonijiet tal-enerġija, inkluż l-enerġija rinnovabbli, li tibni fuq il-qafas tal-Kunsill tal-Enerġija bejn l-UE u l-Istati Uniti; għalhekk, iġedded l-appell tiegħu sabiex jitkomplew il-laqgħat; jappella, barra minn hekk, għal aktar kooperazzjoni dwar ir-riċerka fil-qasam tal-enerġija u tat-teknoloġiji ġodda, kif ukoll għal kooperazzjoni biex jiġu protetti infrastrutturi tal-enerġija kontra ċ-ċiberattakki; jinsisti dwar il-ħtieġa li naħdmu flimkien fuq il-provvisti tal-enerġija, u jenfasizza li tenħtieġ kjarifika ulterjuri dwar kif se jissokta r-rwol ta' tranżitu tal-Ukrajna;

65.  Jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar il-Pipeline Nord Stream 2 u r-rwol potenzjalment diviżiv tiegħu fir-rigward tas-sigurtà tal-enerġija u s-solidità tal-Istati Membri, u jilqa' l-appoġġ tal-Istati Uniti biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija fl-Ewropa;

66.  Jiddispjaċih bl-irtirar tal-Istati Uniti mill-Ftehim ta' Pariġi, madankollu jfaħħar l-isforzi kontinwi ta' individwi, kumpaniji, bliet u stati fl-Istati Uniti li għadhom jaħdmu għat-twettiq tal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u jenfasizza l-ħtieġa ta' involviment akbar tal-UE ma' dawn l-atturi; jieħu nota li t-tibdil fil-klima ma għadux parti mill-Istrateġija dwar is-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti; jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE għall-Ftehim ta' Pariġi u għall-Aġenda 2030 tan-NU, u jenfasizza l-ħtieġa li dawn jiġu implimentati sabiex jiggarantixxu sigurtà globali u żvilupp ta' ekonomija u soċjetà aktar sostenibbli, u jfakkar li l-bidla lejn ekonomija ekoloġika tinvolvi ħafna opportunitajiet għall-impjiegi u għat-tkabbir;

67.  Jinkoraġġixxi kooperazzjoni ulterjuri fl-oqsma tal-innovazzjoni, xjenza u t-teknoloġija, u jappella għat-tiġdid tal-Ftehim dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti;

Niddefendu ordni kummerċjali bbażat fuq ir-regoli fi żminijiet diffiċli

68.  Jinnota li fl-2017 l-Istati Uniti kienet l-akbar suq għall-esportazzjonijiet tal-UE u t-tieni l-akbar sors ta' importazzjonijiet tal-UE; jinnota li hemm differenzi fid-defiċits u fl-eċċessi kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti fir-rigward ta' kummerċ fi prodotti, kummerċ f'servizzi, kummerċ diġitali u f'investiment barrani dirett; jenfasizza li r-relazzjoni kummerċjali u ta' investiment UE-Stati Uniti – li hija l-akbar fid-dinja u waħda li kienet dejjem ibbażata fuq valuri komuni – hija waħda mill-aktar muturi importanti tat-tkabbir ekonomiku, tal-kummerċ u tal-prosperità fil-livell globali; jinnota, barra minn hekk, li l-UE għandha bilanċ eċċessiv li jammonta għal USD 147 biljun fi prodotti flimkien mal-Istati Uniti; jinnota li l-impriżi tal-UE jimpjegaw 4,3 miljun ħaddiem fl-Istati Uniti;

69.  Jenfasizza li l-UE u l-Istati Uniti huma żewġ protagonisti f'dinja globalizzata li qed tevolvi b'mod rapidu u b'intensità mingħajr preċedent, u b'kunsiderazzjoni tal-isfidi komuni, l-UE u l-Istati Uniti għandhom interess komuni biex jikkollaboraw u jikkoordinaw dwar kwistjonijiet tal-politika kummerċjali, bil-għan li jsawru s-sistema kummerċjali multilaterali fil-ġejjieni u l-istandards globali;

70.  Jindika li r-rwol ewlieni tad-WTO fi ħdan is-sistema multilaterali huwa l-aħjar għażla biex tiġi garantita sistema miftuħa, ġusta u msejsa fuq ir-regoli, li tikkunsidra u tibbilanċja l-bosta interessi differenti tal-membri tagħha; itenni l-appoġġ tiegħu biex is-sistema kummerċjali multilaterali tkompli tissaħħaħ; jappoġġa l-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni sabiex flimkien mal-Istati Uniti tkompli taħdem biex tinstab risposta pożittiva komuni għall-isfidi istituzzjonali u sistemiċi attwali;

71.  Jenfasizza r-rwol tad-WTO biex tinstab soluzzjoni għat-tilwim relatat mal-kummerċ; jappella lill-membri kollha tad-WTO jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-sistema tad-WTO għar-riżoluzzjoni ta' tilwim; jiddispjaċih f'dan ir-rigward bl-imblukkar min-naħa tal-Istati Uniti ta' nomini ġodda biex jimtlew il-karigi battala fil-Korp tal-Appell, li qed thedded il-funzjonament stess tad-WTO f'dik li hi r-riżoluzzjoni ta' tilwim; jistieden lill-Kummissjoni u lill-membri kollha tad-WTO jesploraw modi biex jegħlbu dan l-imblokk rigward it-tiġdid tal-imħallfin fil-Korp tal-Appell tad-WTO u, jekk ikun meħtieġ, billi jirriformaw is-sistema ta' riżoluzzjoni tat-tilwim; iqis li dawn ir-riformi jista' jkollhom l-għan li jiżguraw l-ogħla livell possibbli ta' effiċjenza u indipendenza tas-sistema filwaqt li jibqgħu konsistenti mal-valuri u mal-approċċ ġenerali li l-UE ddefendiet b'mod kostanti sa mill-ħolqien tad-WTO, partikolarment, il-promozzjoni tal-kummerċ ħieles u ġust fuq bażi globali, skont l-istat tad-dritt, u l-ħtieġa li l-membri kollha tad-WTO jikkonformaw mal-obbligi kollha tad-WTO;

72.  Jilqa' bi pjaċir – minkejja li jiddispjaċih bin-nuqqas ta' riżultati miksuba waqt il-Ħdax-il Konferenza Ministerjali tad-WTO (MC11) – l-iffirmar tad-dikjarazzjoni konġunta dwar it-tneħħija ta' distorsjonijiet tas-suq inġusti u ta' prattiki protezzjonistiċi, mill-Istati Uniti, mill-UE u mill-Ġappun, li ġiet enfasizzata wkoll fl-istqarrija tal-G20 f'Lulju 2017; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni mal-Istati Uniti u mal-Ġappun dwar din il-kwistjoni biex jiġu indirizzati l-prattiki kummerċjali inġusti bħad-diskriminazzjoni, l-aċċess limitat għas-suq, id-dumping u s-sussidji;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni biex flimkien mal-Istati Uniti u ma' membri oħra tad-WTO, tistabbilixxi pjan ta' ħidma dwar it-tneħħija ta' sussidji ta' distorsjoni fis-setturi tal-qoton u tas-sajd (partikolarment fir-rigward tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU)); jappella għal kooperazzjoni biex isir progress fl-aġenda multilaterali dwar kwistjonijiet ġodda bħall-kummerċ elettroniku, il-kummerċ diġitali, inkluż l-iżvilupp diġitali, il-faċilitazzjoni tal-investiment, il-kummerċ u l-ambjent, u l-kummerċ u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u wkoll biex jiġu promossi politiki speċifiċi li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs) fl-ekonomija globali;

74.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jippromwovu l-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali sabiex jissaħħu l-ftehimiet internazzjonali fil-qasam tal-akkwist pubbliku, partikolarment il-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi;

75.  Jistieden lill-Kummissjoni tidħol fi djalogu mal-Istati Uniti bil-ħsieb li jitkomplew in-negozjati għall-Ftehimiet plurilaterali dwar il-Beni Ambjentali (EGA)u għal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA);

76.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jakkomunaw ir-riżorsi biex jiġġieldu kontra l-politiki u l-prattiki kummerċjali inġusti, filwaqt li jirrispettaw ir-regoli multilaterali u l-proċess tad-WTO għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, u jevitaw azzjonijiet unilaterali, peress li dawn huma ta' ħsara għall-ktajjen ta' valur globali li fihom joperaw il-kumpaniji tal-UE u tal-Istati Uniti; jiddispjaċih ferm bl-inċertezza fis-sistema kummerċjali internazzjonali li nħolqot minħabba l-użu mill-Istati Uniti ta' strumenti u għodod ta' politika (pereżempju t-Taqsima 232 mill-1962 u t-Taqsima 301 mill-1974) li kienu stabbiliti qabel il-ħolqien tad-WTO u tas-sistema għar-riżoluzzjoni tat-tilwim tagħha; jinnota f'dan ir-rigward li d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li timponi dazji fuq l-azzar u tal-aluminju skont it-Taqsima 232 ma tistax tiġi ġġustifikata fuq il-bażi ta' sigurtà nazzjonali, u jistieden lill-Istati Uniti tagħti lill-UE u lill-alleati l-oħra eżenzjoni sħiħa u permanenti mill-miżuri; jistieden lill-Kummissjoni tirreaġixxi bis-sod jekk dawn it-tariffi jintużaw bħala mezz biex jitrażżnu l-esportazzjonijiet tal-UE; jisħaq ukoll fuq l-illeġitimità ta' kwalunkwe sanzjoni li tista' tittieħed mill-Istati Uniti bħala kontromiżura fuq il-beni Ewropej wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Korp tal-Appell għall-Konformità fil-qafas tal-ilment mill-Istati Uniti kontra l-UE dwar miżuri li jaffettwaw il-kummerċ f'ajruplani ċivili kbar, peress li 204 mill-218-il talba mressqa mill-Istati Uniti ġew rifjutati mid-WTO u għad baqa' rapport ulterjuri pendenti dwar il-każ relatat kontra s-sussidji illegali tal-Istati Uniti;

77.  Jieħu nota tal-fatt li l-kooperazzjoni bilaterali bejn l-UE u l-Istati Uniti baqgħet għaddejja fuq firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet regolatorji, kif evidenzjat permezz tal-ftehim bilaterali li ġie konkluż dan l-aħħar dwar miżuri prudenzjali fir-rigward tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jew dwar il-ftehim ta' rikonoxximent reċiproku dwar ir-rikonoxximent ta' spezzjonijiet ta' produtturi tal-mediċini; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrispettaw bis-sħiħ ir-rwol tal-Parlament Ewropew f'dan il-proċess;

78.  Jisħaq fuq l-importanza kruċjali tal-proprjetà intellettwali għall-ekonomiji tal-UE u tal-Istati Uniti; jappella liż-żewġ partijiet jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, jiggarantixxu livelli għoljin ta' protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, u jiżguraw li dawk li joħolqu prodotti innovattivi ta' kwalità għolja jkunu jistgħu jkomplu jagħmlu dan;

79.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jtejbu l-aċċess għas-suq tal-SMEs li jesportaw lejn l-Istati Uniti u lejn l-UE, permezz ta' żieda fit-trasparenza dwar ir-regoli eżistenti u dwar il-ftuħ tas-suq fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, pereżempju permezz ta' portal għall-SMEs;

80.  Jenfasizza l-importanza tas-suq tal-Istati Uniti għall-SMEs tal-UE; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jindirizzaw l-effett sproporzjonat li t-tariffi, l-ostakli nontariffarji u l-ostakli tekniċi għall-kummerċ għandhom fuq l-SMEs fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, li jkopru mhux biss it-tnaqqis fit-tariffi iżda wkoll semplifikazzjoni tal-proċeduri doganali u potenzjalment mekkaniżmi ġodda li għandhom l-għan li jgħinu lill-SMEs jiskambjaw l-esperjenzi u l-aħjar prattiki fix-xiri u l-bejgħ fis-swieq tal-UE u tal-Istati Uniti;

81.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti, fil-qafas tal-kooperazzjoni bilaterali tagħhom, iżommu lura minn kompetizzjoni fiskali ma' xulxin, peress li din twassal biss għal tnaqqis fl-investiment fiż-żewġ ekonomiji;

82.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jaqblu dwar qafas għal kummerċ diġitali li jirrispetta l-oqfsa ġuridiċi eżistenti u l-ftehimiet dwar il-protezzjoni tad-data u r-regoli tal-privatezza tad-data taż-żewġ naħat, li huma partikolarment rilevanti għas-settur tas-servizzi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-UE u l-Istati Uniti għandhom jaħdmu flimkien biex iħeġġu lil pajjiżi terzi jadottaw standards għoljin ta' protezzjoni tad-data;

83.  Jappella lill-UE u lill-Istati Uniti biex iqawwu l-kooperazzjoni dwar it-tibdil fil-klima; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jużaw negozjati kummerċjali attwali u futuri, fil-livelli kollha, biex jiżguraw l-applikazzjoni ta' standards miftiehma fuq livell internazzjonali bħalma huma l-Ftehim ta' Pariġi, biex jippromwovu l-kummerċ fi prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, inkluża t-teknoloġija, u sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni globali tal-enerġija, b'aġenda kummerċjali internazzjonali ċara u koordinata, kemm biex jiġi protett l-ambjent kif ukoll biex jinħolqu opportunitajiet għall-impjiegi u t-tkabbir;

84.  Jemmen li ftehim potenzjali ġdid dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u l-Istati Uniti, la jista' jiġi negozjat taħt pressjoni u lanqas taħt theddid, u huwa biss ftehim wiesa', ambizzjuż, bilanċjat u komprensiv li jkopri l-oqsma kummerċjali kollha li jista' jkun ta' interess għall-UE; jinnota, f'dan ir-rigward, li tista' tkun ta' vantaġġ il-possibbiltà li jinħoloq mekkaniżmu speċifiku u permanenti ta' kooperazzjoni regolatorja u konsultattiva; jistieden lill-Kummissjoni tissokta n-negozjati mal-Istati Uniti fiċ-ċirkostanzi t-tajba;

85.  Jenfasizza li l-flussi kummerċjali jirrikjedu dejjem aktar modi ġodda, aktar rapidi u aktar siguri biex jiġu trasferiti prodotti u servizzi bejn il-fruntieri; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti, bħala sħab kummerċjali ewlenin, u bl-għan li jiffaċilitaw il-kummerċ, jikkollaboraw fuq soluzzjonijiet ta' teknoloġija diġitali relatati mal-kummerċ;

86.  Ifakkar fl-importanza tad-djalogu u l-kooperazzjoni eżistenti bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-oqsma tax-xjenza u tat-teknoloġija; jirrikonoxxi r-rwol tal-isforzi bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni bħala l-muturi ewlenin tal-għarfien u t-tkabbir ekonomiku, u jappoġġa t-tkomplija u l-espansjoni tal-Ftehim dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti wara l-2018, bl-għan li jitrawmu r-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji ġodda emerġenti, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u l-ħolqien ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar, il-kummerċ sostenibbli u t-tkabbir inklużiv;

87.  Jikkondividi t-tħassib tal-Istati Uniti dwar il-kapaċità żejda fil-qasam tal-azzar globali; jiddispjaċih, fl-istess ħin, li l-miżuri unilaterali u mhux kompatibbli mad-WTO għandhom l-iskop biss li jdgħajfu l-integrità ta' ordni ta' negozjar ibbażat fuq ir-regoli; jissottolinja li anke jekk l-UE jkollha eżenzjoni permanenti mit-tariffi tal-Istati Uniti dan ma jilleġittimax din il-linja ta' azzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Istati Uniti biex issaħħaħ l-isforzi ħalli tiġi miġġielda l-kapaċità żejda fil-qasam tal-azzar fi ħdan il-qafas tal-Forum Globali tal-G20, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal enormi tal-azzjoni multilaterali; itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-azzjonijiet konġunti u miftiehma fi ħdan is-sistemi kummerċjali bbażati fuq ir-regoli huma l-aħjar mod biex jissolvew dawn il-problemi globali;

88.  Jafferma mill-ġdid l-importanza li l-UE u l-Istati Uniti jindirizzaw, b'mod ikkoordinat u kostruttiv, il-modernizzazzjoni meħtieġa tad-WTO, bil-għan li din issir aktar effikaċi, trasparenti u responsabbli, kif ukoll biex jiżguraw li, fil-proċess ta' tfassil ta' regoli u politiki kummerċjali internazzjonali, jiġu integrati b'mod xieraq id-dimensjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi, dawk soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem;

89.  Jindika li l-UE tissimbolizza ekonomija tas-suq mingħajr distorsjoni, kif ukoll valuri miftuħa u msejsa fuq ir-regoli kif ukoll il-kummerċ ġust; itenni l-appoġġ tiegħu għall-istrateġija tal-Kummissjoni b'risposta għall-politika kummerċjali attwali tal-Istati Uniti, filwaqt li tikkonforma mar-regoli tas-sistema kummerċjali multilaterali; jappella għall-għaqda fost l-Istati Membri kollha tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ komuni biex tindirizza din is-sitwazzjoni; jisħaq fuq l-importanza li tiġi ppreservata l-unità tal-Istati Membri tal-UE f'dan ir-rigward, peress li l-azzjonijiet konġunti tal-UE fil-qafas tal-politika kummerċjali komuni u l-unjoni doganali tal-UE fil-livell internazzjonali, kif ukoll fil-livell bilaterali mal-Istati Uniti, urew li huma ferm aktar effikaċi minn kwalunkwe inizjattiva meħuda minn Stati Membri individwali; itenni li l-UE tinsab lesta biex taħdem mal-Istati Uniti dwar kwistjonijiet ta' interess reċiproku relatati mal-kummerċ fi ħdan ir-regoli tas-sistema kummerċjali multilaterali;

90.  Jiddispjaċih bid-deċiżjoni tal-President Trump li joħroġ lill-Istati Uniti mill-PAKK u l-effett li din id-deċiżjoni se jkollha fuq il-kumpaniji tal-UE li jinnegozjaw fl-Iran; jappoġġa l-isforzi kollha tal-UE mmirati biex tissalvagwardja l-interessi ta' kumpaniji tal-UE li jinvestu fl-Iran, b'mod partikolari d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tattiva l-Istatut ta' Imblukkar, li jixhed l-impenn tal-UE fir-rigward tal-PAKK; jemmen li l-istess statut jista' jintuża kull fejn huwa xieraq;

91.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jsaħħu l-kooperazzjoni u l-isforzi biex jimplimentaw u jespandu skemi ta' diliġenza dovuta għall-impriżi sabiex isaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fuq livell internazzjonali, inkluż fil-qasam tal-kummerċ ta' minerali u metalli li joriġinaw minn żoni milquta minn kunflitti;

92.  Jiddeplora d-diżimpenn tal-Istati Uniti mill-protezzjoni tal-ambjent; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, dwar id-deċiżjoni tal-President Trump – meta l-Istati Uniti hija l-akbar importatur ta' trofej tal-kaċċa tal-iljunfanti – li jneħħi l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' trofej bħal dawn minn ċerti pajjiżi Afrikani, inkluż iż-Żimbabwe u ż-Żambja;

93.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jkomplu u jsaħħu l-kooperazzjoni parlamentari trans-Atlantika, li għandha twassal għal qafas politiku usa' u msaħħaħ biex jittejbu r-rabtiet kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u l-Istati Uniti;

94.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Istati Uniti u ċ-Ċina jistgħu jilħqu ftehim li ma jkunx kompletament kompatibbli mad-WTO, li jista' wkoll jimmina l-interessi tagħna u jixħet dell ikrah fuq ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi kummerċjali; jenfasizza, għalhekk, il-bżonn ta' ftehim aktar globali mas-sħab kummerċjali prinċipali tagħna, b'kunsiderazzjoni tal-interessi komuni tagħna madwar id-dinja.

°

°  °

95.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-SEAE u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-pajjiżi ta' adeżjoni u dawk kandidati, lill-President tal-Istati Uniti u lis-Senat u lill-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti.

(1)

ĠU L 309, 29.11.1996, p. 1.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2018)0068.

(3)

ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 226.

(4)

ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 198.

(5)

ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 124.

(6)

ĠU C 65, 19.2.2016, p. 120.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2016)0435.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2017)0493.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2017)0492.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2018)0042.


OPINJONItal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (21.6.2018)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Stati Uniti

(2017/2271(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Bernd Lange

(*)  Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li fl-2017 l-Istati Uniti kienu l-akbar suq għall-esportazzjonijiet tal-UE u t-tieni l-akbar sors ta' importazzjonijiet tal-UE; jinnota li hemm differenzi fid-defiċits u fl-eċċessi kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti fir-rigward ta' kummerċ fi prodotti, kummerċ f'servizzi, kummerċ diġitali u f'investiment barrani dirett; jenfasizza li r-relazzjoni kummerċjali u ta' investiment UE-Stati Uniti – li hi l-akbar fid-dinja u waħda li kienet dejjem ibbażata fuq valuri komuni – hi waħda mill-aktar muturi importanti tat-tkabbir ekonomiku, tal-kummerċ u tal-prosperità fil-livell globali; jinnota barra minn hekk, li l-UE għandha bilanċ eċċessiv ta' USD 147 biljun fi prodotti flimkien mal-Istati Uniti; jinnota li n-negozji tal-UE jimpjegaw 4,3 miljun ħaddiem fl-Istati Uniti;

2.  Jenfasizza li l-UE u l-Istati Uniti huma żewġ atturi ewlenin f'dinja globalizzata li qed tevolvi b'mod rapidu u b'intensità mingħajr preċedent, u b'kunsiderazzjoni tal-isfidi komuni, l-UE u l-Istati Uniti għandhom interess komuni biex jikkollaboraw u jikkoordinaw dwar kwistjonijiet ta' politika kummerċjali, bil-għan li jsawru s-sistema kummerċjali multilaterali fil-ġejjieni u l-istandards globali;

3.  Jindika li r-rwol ewlieni mwettaq mid-WTO fi ħdan is-sistema multilaterali huwa l-aħjar għażla biex tiġi garantita sistema miftuħa, ġusta u msejsa fuq ir-regoli, li tikkunsidra u tibbilanċja l-bosta interessi differenti tal-membri tagħha; itenni l-appoġġ tiegħu biex is-sistema kummerċjali multilaterali tkompli tissaħħaħ; jappoġġja l-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni sabiex flimkien mal-Istati Uniti tkompli taħdem dwar risposta pożittiva għall-isfidi istituzzjonali u sistematiċi attwali;

4.  Jenfasizza r-rwol tad-WTO biex tinstab soluzzjoni għat-tilwim relatat mal-kummerċ; jappella lill-membri kollha tad-WTO jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-sistema tad-WTO għas-soluzzjoni ta' tilwim; jiddispjaċih f'dan ir-rigward għall-imblukkar min-naħa tal-Istati Uniti ta' nomini ġodda biex jimtlew il-karigi battala fil-Korp tal-Appell, li qed thedded il-funzjonament stess tad-WTO għas-soluzzjoni ta' tilwim; jistieden lill-Kummissjoni u lill-membri kollha tad-WTO jesploraw modi biex jegħlbu dan l-imblokk rigward it-tiġdid tal-imħallfin fil-Korp tal-Appell tad-WTO u, jekk ikun meħtieġ, billi jirriformaw is-sistema għas-soluzzjoni ta' tilwim; iqis li dawn ir-riformi jista' jkollhom l-għan li jiżguraw l-ogħla livell possibbli ta' effiċjenza u indipendenza tas-sistema filwaqt li jibqgħu konsistenti mal-valuri u mal-approċċ ġenerali li l-UE ddefendiet b'mod kostanti sa mill-ħolqien tad-WTO, partikolarment, il-promozzjoni ta' kummerċ ħieles u ġust fuq bażi globali, skont l-istat tad-dritt, u l-ħtieġa li l-membri kollha tad-WTO jikkonformaw mal-obbligi kollha tad-WTO;

5.  Jilqa' bi pjaċir – minkejja li jiddispjaċih għan-nuqqas ta' riżultati miksuba waqt il-Ħdax-il Konferenza Ministerjali tad-WTO (MC11) – il-firma tad-dikjarazzjoni konġunta dwar it-tneħħija ta' distorsjonijiet tas-suq inġusti u ta' prattiki protezzjonisti, mill-Istati Uniti, mill-UE u mill-Ġappun, li ġiet enfasizzata wkoll fl-istqarrija tal-G20 f'Lulju 2017; jitlob li jkun hemm aktar kooperazzjoni mal-Istati Uniti u mal-Ġappun dwar din il-kwistjoni biex jiġu indirizzati l-prattiki kummerċjali inġusti bħad-diskriminazzjoni, l-aċċess limitat għas-suq, id-dumping u s-sussidji;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex flimkien mal-Istati Uniti u ma' membri oħra tad-WTO, tistabbilixxi pjan ta' ħidma dwar it-tneħħija ta' sussidji ta' distorsjoni fis-setturi tal-qoton u tas-sajd (partikolarment fir-rigward tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU)); jappella għal kooperazzjoni biex isir progress fl-aġenda multilaterali dwar kwistjonijiet ġodda bħall-kummerċ elettroniku, il-kummerċ diġitali, inkluż l-iżvilupp diġitali, il-faċilitazzjoni tal-investiment, il-kummerċ u l-ambjent, u l-kummerċ u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u wkoll biex jiġu promossi politiki speċifiċi li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs) fl-ekonomija globali;

7.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jippromwovu l-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali sabiex jissaħħu l-ftehimiet internazzjonali fil-qasam tal-akkwist pubbliku, partikolarment il-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tidħol fi djalogu mal-Istati Uniti bil-ħsieb li jitkomplew in-negozjati għall-Ftehimiet plurilaterali dwar il-Prodotti Ambjentali (EGA) u dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TISA);

9.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jamalgamaw ir-riżorsi biex jiġġieldu kontra l-politiki u l-prattiki kummerċjali inġusti, filwaqt li jirrispettaw ir-regoli multilaterali u l-proċess tad-WTO għas-soluzzjoni ta' tilwim, u jevitaw azzjonijiet unilaterali, peress li dawn huma ta' ħsara għall-ktajjen ta' valur globali li fihom joperaw il-kumpaniji tal-UE u tal-Istati Uniti; jiddispjaċih ferm għall-inċertezza fis-sistema kummerċjali internazzjonali li nħolqot minħabba l-użu mill-Istati Uniti ta' strumenti u għodod ta' politika (pereżempju t-Taqsima 232 mill-1962 u t-Taqsima 301 mill-1974) li kienu stabbiliti qabel il-ħolqien tad-WTO u tas-sistema għas-soluzzjoni ta' tilwim tagħha; jinnota f'dan ir-rigward li d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li timponi tariffi tal-azzar u tal-aluminju skont it-Taqsima 232 ma tistax tiġi ġġustifikata fuq il-bażi ta' sigurtà nazzjonali u jappella lill-Istati Uniti sabiex jagħtu lill-UE u lil alleati oħra eżenzjoni sħiħa u permanenti mill-miżuri; jistieden lill-Kummissjoni tirreaġixxi bis-sod jekk dawn it-tariffi jintużaw bħala mezz biex jitrażżnu l-esportazzjonijiet tal-UE; jisħaq ukoll dwar l-illeġitimità ta' kwalunkwe sanzjoni li tista' tiġi meħuda mill-Istati Uniti bħala kontromiżura fuq il-merkanzija Ewropea wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Korp tal-Appell għall-Konformità fil-qafas tal-ilment mill-Istati Uniti kontra l-UE dwar miżuri li jaffettwaw il-kummerċ f'ajruplani ċivili kbar, peress li 204 mill-218-il talba mressqa mill-Istati Uniti ġew rifjutati mid-WTO u għadu mistenni rapport ulterjuri dwar il-każ relatat kontra s-sussidji illegali tal-Istati Uniti;

10.  Jieħu nota tal-fatt li l-kooperazzjoni bilaterali bejn l-UE u l-Istati Uniti baqgħet għaddejja fuq firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet regolatorji, kif evidenzjat permezz tal-ftehim bilaterali li ġie konkluż dan l-aħħar dwar miżuri prudenzjali fir-rigward tal-assigurazzjoni u tal-assigurazzjoni mill-ġdid jew dwar il-ftehim ta' rikonoxximent reċiproku dwar ir-rikonoxximent ta' ispezzjonijiet ta' produtturi tal-mediċini; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrispettaw bis-sħiħ ir-rwol tal-Parlament Ewropew f'dan il-proċess;

11.  Jisħaq fuq l-importanza kruċjali tal-proprjetà intellettwali għall-ekonomiji tal-UE u tal-Istati Uniti; jappella liż-żewġ partijiet jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, jiggarantixxu livelli għoljin ta' protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, u jiżguraw li dawk li joħolqu prodotti innovattivi ta' kwalità għolja jkunu jistgħu jkomplu jagħmlu dan;

12.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jtejbu l-aċċess għas-suq tal-SMEs li jesportaw lejn l-Istati Uniti u lejn l-UE, permezz ta' żieda fit-trasparenza dwar ir-regoli eżistenti u dwar il-ftuħ tas-suq fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, pereżempju permezz ta' portal għall-SMEs;

13.  Jenfasizza l-importanza tas-suq tal-Istati Uniti għall-SMEs tal-UE; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jindirizzaw l-effett sproporzjonat li t-tariffi, l-ostakli nontariffarji u l-ostakli tekniċi għall-kummerċ għandhom fuq l-SMEs fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, li jkopru mhux biss it-tnaqqis fit-tariffi iżda wkoll semplifikazzjoni tal-proċeduri doganali u potenzjalment mekkaniżmi ġodda li għandhom l-għan li jgħinu lill-SMEs jiskambjaw l-esperjenzi u l-aħjar prattiki fix-xiri u l-bejgħ fis-swieq tal-UE u tal-Istati Uniti;

14.  Jistieden lill-UE u l-Istati Uniti, fil-qafas tal-kooperazzjoni bilaterali tagħhom, iżommu lura minn kompetizzjoni fiskali ma' xulxin, peress li din twassal biss għal tnaqqis fl-investiment fiż-żewġ ekonomiji;

15.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jaqblu dwar qafas għal kummerċ diġitali li jirrispetta l-oqfsa legali eżistenti u l-ftehimiet dwar il-protezzjoni tad-data u r-regoli tal-privatezza tad-data taż-żewġ naħat, li huma partikolarment rilevanti għas-settur tas-servizzi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-UE u l-Istati Uniti għandhom jaħdmu flimkien biex iħeġġu lil pajjiżi terzi jadottaw standards għoljin ta' protezzjoni tad-data;

16.  Jappella lill-UE u lill-Istati Uniti biex iqawwu l-kooperazzjoni dwar it-tibdil fil-klima; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jużaw negozjati kummerċjali attwali u futuri, fil-livelli kollha, biex jiżguraw l-applikazzjoni ta' standards miftiehma fuq livell internazzjonali bħalma huma l-Ftehim ta' Pariġi, biex jippromwovu l-kummerċ fi prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, inkluża t-teknoloġija, u sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni globali tal-enerġija, b'aġenda kummerċjali internazzjonali ċara u koordinata, kemm biex jiġi protett l-ambjent kif ukoll biex jinħolqu opportunitajiet għall-impjiegi u t-tkabbir;

17.  Jemmen li ftehim potenzjali ġdid dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment UE-Stati Uniti, la jista' jiġi negozjat taħt pressjoni u lanqas taħt theddid, u huwa biss ftehim wiesa', ambizzjuż, ibbilanċjat u komprensiv li jkopri l-oqsma kummerċjali kollha li jista' jkun ta' interess għall-UE; jinnota, f'dan ir-rigward, li tista' tkun ta' vantaġġ il-possibbiltà li jinħoloq mekkaniżmu speċifiku u permanenti ta' kooperazzjoni regolatorja u konsultattiva; jistieden lill-Kummissjoni terġa' tibda n-negozjati mal-Istati Uniti fiċ-ċirkostanzi t-tajba;

18.  Jenfasizza li l-flussi kummerċjali jirrikjedu dejjem aktar modi ġodda, aktar rapidi u aktar sikuri biex jiġu trasferiti prodotti u servizzi bejn il-fruntieri; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti, bħala sħab kummerċjali ewlenin, u bil-għan li jiffaċilitaw il-kummerċ, biex jikkollaboraw dwar soluzzjonijiet ta' teknoloġija diġitali relatati mal-kummerċ;

19.  Ifakkar fl-importanza tad-djalogu u l-kooperazzjoni eżistenti UE-Stati Uniti dwar ix-xjenza u t-teknoloġija; jirrikonoxxi r-rwol tal-isforzi UE-Stati Uniti fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni bħala l-muturi ewlenin tal-għarfien u t-tkabbir ekonomiku, u jappoġġja t-tkomplija u l-espansjoni tal-Ftehim dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija UE-Stati Uniti wara l-2018, bil-għan li jitrawmu r-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji ġodda emerġenti, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u l-ħolqien ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar, il-kummerċ sostenibbli u t-tkabbir inklużiv;

20.  Jikkondividi t-tħassib tal-Istati Uniti dwar il-kapaċità żejda fil-qasam tal-azzar globali; jiddispjaċih, fl-istess ħin, li l-miżuri unilaterali u mhux kompatibbli mad-WTO għandhom l-iskop biss li jdgħajfu l-integrità ta' ordni ta' negozjar ibbażat fuq ir-regoli; jissottolinja li anke jekk l-UE jkollha eżenzjoni permanenti mit-tariffi tal-Istati Uniti dan ma jilleġittimax dan il-kors ta' azzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Istati Uniti biex issaħħaħ l-isforzi ħalli tiġi miġġielda l-kapaċità żejda fil-qasam tal-azzar fi ħdan il-qafas tal-Forum Globali tal-G20, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal enormi tal-azzjoni multilaterali; itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-azzjonijiet konġunti u miftiehma fi ħdan is-sistemi kummerċjali bbażati fuq ir-regoli huma l-aħjar mod biex jissolvew dawn il-problemi globali;

21.  Jafferma mill-ġdid l-importanza li l-UE u l-Istati Uniti jindirizzaw, b'mod ikkoordinat u kostruttiv, il-modernizzazzjoni meħtieġa tad-WTO, bil-għan li din issir aktar effettiva, trasparenti u responsabbli, kif ukoll biex jiżguraw li, fil-proċess ta' tfassil ta' regoli u politiki kummerċjali internazzjonali, jiġu integrati b'mod xieraq id-dimensjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi, dawk soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem;

22.  Jindika li l-UE tissimbolizza ekonomija tas-suq mingħajr distorsjoni, kif ukoll valuri miftuħa u msejsa fuq ir-regoli kif ukoll il-kummerċ ġust; itenni l-appoġġ tiegħu għall-istrateġija tal-Kummissjoni b'risposta għall-politika kummerċjali attwali tal-Istati Uniti, filwaqt li tikkonforma mar-regoli tas-sistema kummerċjali multilaterali; jappella għall-għaqda fost l-Istati Membri kollha tal-UE u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ komuni biex tindirizza din is-sitwazzjoni; jisħaq fuq l-importanza li tiġi ppreservata l-unità tal-Istati Membri tal-UE f'dan ir-rigward, peress li l-azzjonijiet konġunti tal-UE fil-qafas tal-politika kummerċjali komuni u l-unjoni doganali tal-UE fil-livell internazzjonali, kif ukoll fil-livell bilaterali mal-Istati Uniti, urew li huma ferm aktar effettivi minn kwalunkwe inizjattiva meħuda minn Stati Membri individwali; itenni li l-UE tinsab lesta biex taħdem mal-Istati Uniti dwar kwistjonijiet ta' interess reċiproku relatati mal-kummerċ fi ħdan ir-regoli tas-sistema kummerċjali multilaterali;

23.  Jiddeplora d-deċiżjoni tal-President Trump li jirtira lill-Istati Uniti mill-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) u l-effett li din id-deċiżjoni se jkollha fuq il-kumpaniji tal-UE li jinnegozjaw fl-Iran; jappoġġja l-isforzi kollha tal-UE mmirati biex tippreserva l-interessi ta' kumpaniji tal-UE li jinvestu fl-Iran, b'mod partikolari d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tattiva l-Istatut ta' Imblukkar, li jixhed l-impenn tal-UE fir-rigward tal-PAKK; jemmen li l-istess statut jista' jintuża kull fejn huwa xieraq;

24.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jsaħħu l-kooperazzjoni u l-isforzi biex jimplimentaw u jespandu skemi ta' diliġenza dovuta għall-intrapriżi sabiex isaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fuq livell internazzjonali, inkluż fil-qasam tal-kummerċ ta' minerali u metalli li joriġinaw minn żoni milquta minn kunflitti;

25.  Jiddeplora d-diżimpenn tal-Istati Uniti mill-protezzjoni tal-ambjent; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, għad-deċiżjoni tal-President Trump – meta l-Istati Uniti hija l-akbar importatur ta' trofej tal-kaċċa tal-iljunfanti – li jneħħi l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' trofej bħal dawn minn ċerti pajjiżi Afrikani, inkluż iż-Żimbabwe u ż-Żambja;

26.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti jkomplu u jsaħħu l-kooperazzjoni parlamentari trans-Atlantika, li għandha twassal għal qafas politiku usa' u msaħħaħ biex jittejbu r-rabtiet kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u l-Istati Uniti;

27.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Istati Uniti u ċ-Ċina jistgħu jilħqu ftehim li ma jkunx kompletament kompatibbli mad-WTO, li jista' wkoll jimmina l-interessi tagħna u jixħet dell ikraħ fuq ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi kummerċjali; jenfasizza, għalhekk, il-bżonn ta' ftehim aktar globali mas-sħab kummerċjali prinċipali tagħna, b'kunsiderazzjoni tal-interessi komuni tagħna madwar id-dinja.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

21.6.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

3

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Tiziana Beghin, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Eleonora Forenza, Nadja Hirsch, Yannick Jadot, France Jamet, Elsi Katainen, Patricia Lalonde, Danilo Oscar Lancini, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Adam Szejnfeld

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Goffredo Maria Bettini, Reimer Böge, Klaus Buchner, Dita Charanzová, Danuta Maria Hübner, Sajjad Karim, Sander Loones

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Czesław Hoc, John Howarth, Dietmar Köster, Kosma Złotowski

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

28

+

ALDE

Dita Charanzová, Nadja Hirsch, Elsi Katainen, Patricia Lalonde

ECR

Czesław Hoc, Sajjad Karim, Sander Loones, Kosma Złotowski

EFDD

Tiziana Beghin, William (The Earl of) Dartmouth

PPE

Laima Liucija Andrikienė, Reimer Böge, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Danuta Maria Hübner, Sorin Moisă, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Tokia Saïfi, Adam Szejnfeld

S&D

Goffredo Maria Bettini, John Howarth, Dietmar Köster, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Alessia Maria Mosca, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández

3

-

ENF

France Jamet, Danilo Oscar Lancini

GUE/NGL

Anne-Marie Mineur

4

0

GUE/NGL

Eleonora Forenza, Helmut Scholz

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Yannick Jadot

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

28.6.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Elmar Brok, Klaus Buchner, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, David McAllister, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Demetris Papadakis, Julia Pitera, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Dobromir Sośnierz, Charles Tannock, Ivo Vajgl, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrea Bocskor, Jakop Dalunde, Neena Gill, Patricia Lalonde, Antonio López-Istúriz White, Urmas Paet, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Marietje Schaake, Janusz Zemke, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Maria Heubuch, Gabriel Mato, Emilian Pavel, Keith Taylor


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

35

+

ALDE

Izaskun Bilbao Barandica, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Urmas Paet, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Ivo Vajgl

ECR

Charles Tannock

PPE

Lars Adaktusson, Andrea Bocskor, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Gabriel Mato, Francisco José Millán Mon, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Željana Zovko

S&D

Andi Cristea, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Neena Gill, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, Demetris Papadakis, Emilian Pavel, Boris Zala, Janusz Zemke

VERTS/ALE

Jakop Dalunde, Maria Heubuch, Tamás Meszerics, Keith Taylor

4

-

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Sofia Sakorafa

NI

Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz

2

0

EFDD

Fabio Massimo Castaldo

VERTS/ALE

Klaus Buchner

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Awwissu 2018Avviż legali