Proċedura : 2018/2035(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0262/2018

Testi mressqa :

A8-0262/2018

Dibattiti :

PV 12/09/2018 - 14
CRE 12/09/2018 - 14

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.10

Testi adottati :

P8_TA(2018)0352

RAPPORT     
PDF 846kWORD 74k
16.7.2018
PE 619.271v02-00 A8-0262/2018

dwar strateġija Ewropea għall-plastik f'ekonomija ċirkolari

(2018/2035(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Rapporteur: Mark Demesmaeker

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Sajd
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar strateġija Ewropea għall-plastik f'ekonomija ċirkolari

(2018/2035(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 dwar "Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari" (COM(2018)0028),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 dwar l-impatt tal-użu ta' plastik ossodegradabbli, inklużi basktijiet tal-plastik ossodegradabbli, fuq l-ambjent (COM(2018)0035),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll id-dokument ta' ħidma tal-persunal tas-16 ta' Jannar 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart (COM(2018)0032),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019 tal-Kummissjoni (COM(2016)0773), b'mod partikolari l-objettiv li jiġu stabbiliti rekwiżiti aktar speċifiċi għall-prodott u aktar orizzontali f'oqsma bħad-durabbiltà, ir-riparabbiltà, it-titjib fil-kwalità, id-disinn għaż-żarmar u l-faċilità ta' użu mill-ġdid u riċiklaġġ,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta' azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari" (COM(2015)0614),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttivi 2000/53/KE dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi, u 2012/19/UE dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'lanfills(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/720 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 li temenda d-Direttiva 94/62/KE rigward it-tnaqqis tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-istabbiliment ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija(6) (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva dwar l-Ekodisinn") u r-regolamenti ta' implimentazzjoni u l-ftehimiet volontarji adottati skont dik id-direttiva,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 1386/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020(7),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2017 dwar l-ekoinnovazzjoni biex tkun tista' ssir tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari,

–  wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Speċjali Nru 468 ta' Ottubru 2017 dwar l-attitudnijiet taċ-ċittadini Ewropej lejn l-ambjent,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) tal-UNFCCC,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti bit-titolu "Nittrasformaw id-dinja tagħna: L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli", adottata fis-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fil-25 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari(8),

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-16 ta' Jannar 2018 dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna fil-kuntest tal-SDGs 2030(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0262/2018]),

A.  billi l-plastik huwa materjal prezzjuż, li jintuża b'mod mifrux fit-totalità tal-ktajjen tal-valur u li huwa utli għas-soċjetà u l-ekonomija tagħna, jekk jintuża u jiġi ġestit b'mod responsabbli;

B.  billi l-mod li bih huwa manifatturat, użat u mormi l-plastik illum għandu effetti devastanti għal dak li jikkonċerna l-ambjent, il-klima u l-ekonomija, u potenzjalment għandu impatt avvers fuq is-saħħa ta' kemm il-bnedmin kif ukoll l-annimali; billi l-isfida ewlenija hija għalhekk li l-plastik jiġi prodott u jintuża b'mod responsabbli u sostenibbli sabiex titnaqqas il-produzzjoni ta' skart tal-plastik u biex jitnaqqas l-użu ta' sustanzi perikolużi fil-plastik, fejn possibbli; billi r-riċerka u l-innovazzjoni f'teknoloġiji ġodda u alternattivi għandhom rwol importanti f'dan ir-rigward;

C.  billi dawn l-effetti negattivi joħolqu tħassib għall-pubbliku ġenerali, fejn 74 % taċ-ċittadini tal-UE jesprimu tħassib dwar l-impatt tal-plastik fuq is-saħħa, filwaqt li 87 % jinsabu inkwetati dwar l-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

D.  billi l-momentum politiku attwali għandu jintuża biex issir tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari sostenibbli tal-plastik li tagħti prijorità lill-prevenzjoni tal-produzzjoni tal-iskart tal-plastik, skont il-ġerarkija tal-iskart;

E.   billi diversi Stati Membri diġà stabbilew miżuri leġiżlattivi nazzjonali għall-projbizzjoni tal-mikroplastiks miżjuda intenzjonalment fil-kożmetiċi;

F.  billi l-pajjiżi Ewropej għandhom storja ta' esportazzjoni tal-iskart tal-plastik, inkluż lejn pajjiżi fejn sistemi ta' ġestjoni u ta' riċiklaġġ inadegwati jikkawżaw dannu ambjentali u huma ta' riskju għas-saħħa tal-komunitajiet lokali, b'mod partikolari ta' dawk li jimmaniġġaw l-iskart;

G.  billi l-iskart tal-plastik huwa kwistjoni globali u hemm bżonn ta' kooperazzjoni internazzjonali biex tiġi miġġielda l-isfida; billi l-UE hija impenjata li tilħaq l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, li ħafna minnhom huma rilevanti għall-konsum u l-produzzjoni sostenibbli tal-plastik sabiex jiġu limitati l-impatti tagħhom fuq il-baħar u l-art;

H.  billi l-produzzjoni annwali fid-dinja tal-plastik laħqet 322 miljun tunnellata fl-2015, u hija mistennija li tirdoppja matul l-20 sena li ġejjin;

I.  billi fl-UE, qed jiġu prodotti 25.8 miljun tunnellata ta' skart tal-plastik kull sena;

J.  billi fl-UE, 30 % biss tal-iskart tal-plastik jinġabar għar-riċiklaġġ; billi 6 % biss tal-plastik imqiegħed fis-suq huwa magħmul minn plastik riċiklat;

K.  billi r-rimi fil-miżbliet (31 %) u l-inċinerazzjoni (39 %) tal-iskart tal-plastik għadhom għoljin;

L.  billi madwar 95 % tal-valur tal-materjal tal-imballaġġ tal-plastik fil-preżent joħroġ mill-ekonomija u dan iwassal għal rata ta' telf annwali ta' bejn EUR 70 biljun u EUR 105 biljun;

M.  billi l-UE għandha mira li jiġi riċiklat 55 % tal-imballaġġ tal-plastik minn issa sal-2030;

N.  billi r-riċiklaġġ tal-plastik iġib miegħu benefiċċji sinifikanti għall-klima f'dak li għandu x'jaqsam mat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2;

O.  billi, fid-dinja, bejn 5 u 13-il miljun tunnellata ta' plastik jispiċċaw fl-oċeani tad-dinja kull sena u, sal-lum, huwa stmat li hemm aktar minn 150 miljun tunnellata ta' plastik fl-oċeani;

P.  billi bejn 150 000 u 500 000 tunnellata ta' skart tal-plastik jidħlu fl-ibħra u l-oċeani tal-EU kull sena.

Q.  billi, skont studji kkwotati min-NU, jekk ma jsir xejn, fl-2050 se jkun hemm aktar plastik milli ħut fl-oċeani;

R.  billi l-plastik jirrappreżenta 85 % tal-iskart fil-bajjiet u aktar minn 80 % tal-iskart fil-baħar;

S.  billi prattikament kull tip ta' materjal tal-plastik jista' jinstab fl-oċean – mir-roqgħa kbira ta' żibel fil-Paċifiku, li fiha mill-anqas 79 000 tunnellata ta' plastik f'wiċċ żona ta' 1.6 miljun kilometru kwadru, għaż-żoni l-aktar remoti tad-dinja bħall-art fonda oċeanika u l-Artiku;

T.  billi l-iskart fil-baħar jaffettwa b'mod negattiv anki l-attivitajiet ekonomiċi u l-katina alimentari tal-bniedem;

U.  billi 90 % tal-ghasafar tal-baħar kollha jibilgħu partikuli tal-plastik;

V.  billi l-impatt sħiħ tal-iskart tal-plastik fuq il-flora, il-fawna u s-saħħa tal-bniedem għadu mhux mifhum; billi l-konsegwenzi katastrofiċi fuq il-ħajja tal-baħar ġew iddokumentati, u aktar minn 100 miljun annimal tal-baħar jinqatlu kull sena minħabba l-fdalijiet tal-plastik fl-oċean;

W.  billi s-soluzzjonijiet għall-indirizzar tal-plastik fil-baħar ma jistgħux jiġu iżolati minn strateġija globali għall-plastik; billi l-Artikolu 48 tar-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd(11), li fih miżuri mfassla biex jippromwovu l-irkupru ta' rkaptu tas-sajd mitluf, huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda huwa limitat wisq fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, peress li l-Istati Membri qed jitħallew jeżentaw lill-maġġoranza l-kbira tal-bastimenti tas-sajd minn dan l-obbligu u l-obbligi ta' rappurtar għadhom ftit li xejn osservati;

X.  billi qed jiġi kkunsidrat finanzjament mill-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (KTE) għal proġetti fil-baħar Adrijatiku, bħal strumenti ġodda ta' governanza u prattiki tajba sabiex jittaffa, u, jekk jista' jkun, jiġi eliminat il-fenomenu tal-abbandun tar-rkaptu tas-sajd, filwaqt li l-flotot tas-sajd jingħataw rwol ġdid ta' sentinelli tal-baħar;

Y.  billi l-Istati Membri huma firmatarji tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (MARPOL) u għandhom jimmiraw għall-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tagħha;

Z.  billi s-"sajd fantażma" jseħħ meta kreaturi tal-baħar jinqabdu jew jitħabblu fix-xbieki tas-sajd, fin-nases u fix-xlief mitlufa jew abbandunati u mhux bijodegradabbli, jew b'konsegwenza tagħhom ikorru, imutu bil-ġuħ jew jinqatlu; billi dan il-fenomenu jiġi kkawżat mit-telf u l-abbandun tal-irkaptu tas-sajd; billi r-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd jirrikjedi l-immarkar obbligatorju tal-irkaptu u n-notifika u l-irkupru tal-irkaptu mitluf; billi, għalhekk, għadd ta' sajjieda jġibu lura lejn il-port, fuq inizjattiva tagħhom stess, xbieki mitlufa rkuprati mill-baħar;

AA.  billi għalkemm huwa diffiċli li wieħed jivvaluta bi preċiżjoni l-kontribut tal-akkwakultura għall-iskart tal-baħar, huwa stmat li 80 % tal-fdalijiet fil-baħar huma plastik u mikroplastik, u li bejn 20 % u 40 % tal-iskart tal-plastik fil-baħar huwa parzjalment marbut mal-attivitajiet tal-bniedem fuq il-baħar, inklużi l-bastimenti kummerċjali u tal-kruċieri, u l-bqija joriġina fuq l-art, u billi, skont studju riċenti tal-FAO(12), madwar 10 % ġej minn irkaptu tas-sajd mitluf jew mormi; billi l-irkaptu tas-sajd mitluf jew mormi huwa komponent wieħed tal-iskart tal-plastik fil-baħar u hu stmat li 94 % tal-plastik li jidħol fl-oċean jispiċċa f'qiegħ il-baħar, u għaldaqstant hemm il-ħtieġa li jintuża l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) sabiex is-sajjieda jkunu jistgħu jibbenefikaw direttament mill-iskemi "sajd għall-iskart fil-baħar", billi jingħatalhom ħlas jew inċentivi finanzjarji u materjali oħra;

AB.  billi bejn 75 000 u 300 000 tunnellati ta' mikroplastiks jiġu rilaxxati fl-ambjent tal-UE kull sena, inkluż il-mikroplastik li huwa intenzjonalment miżjud mal-prodotti tal-plastik, mikroplastik rilaxxat waqt l-użu ta' prodotti u dak iġġenerat mid-degradazzjoni tal-prodotti tal-plastik;

AC.  billi l-mikroplastik u l-partiċelli ta' daqs nano joħolqu sfidi speċifiċi għall-politika pubblika;

AD.  billi l-mikroplastik jinstab f'90 % tal-fliexken tal-ilma;

AE.   billi t-talba tal-Kummissjoni lill-ECHA biex teżamina l-bażi xjentifika sabiex jiġi limitat l-użu tal-mikroplastik miżjud intenzjonalment fil-prodotti għall-konsumaturi jew f'dawk għal użu professjonali hija milqugħa;

AF.  billi t-talba tal-Kummissjoni lill-ECHA biex tħejji proposta għal restrizzjoni possibbli fuq il-plastik ossodegradabbli hija milqugħa;

AG.   billi, skont l-Artikolu 311 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda hija soġġetta għal proċedura leġiżlattiva speċjali li tirrikjedi l-unanimità fost l-Istati Membri u l-konsultazzjoni tal-Parlament;

Rimarki ġenerali

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni ta-l-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari" (COM(2018)0028) bħala pass 'il quddiem fit-tranżizzjoni tal-UE minn ekonomija lineari għal ekonomija ċirkolari; jirrikonoxxi li l-plastik għandu rwol utli fl-ekonomija tagħna u fil-ħajja tagħna ta' kuljum iżda fl-istess ħin għandu żvantaġġi sinifikanti; iqis li l-isfida ewlenija għalhekk hija li l-plastik jiġi ġestit b'mod sostenibbli tul il-katina tal-valur kollha u b'hekk jinbidel il-mod ta' kif nipproduċu u nużaw il-plastik, b'tali mod li jinżamm il-valur fl-ekonomija tagħna, mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, il-klima u s-saħħa pubblika;

2.  Jenfasizza li l-prevenzjoni tal-iskart tal-plastik minn qabel, kif definita fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, għandha tkun l-ewwel prijorità f'konformità mal-ġerarkija tal-iskart; iqis, barra minn hekk, li t-tisħiħ sostanzjali tal-prestazzjoni tagħna tar-riċiklaġġ tal-plastik huwa esssenzjali għas-sostenn tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli kif ukoll għall-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa pubblika; jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jikkunsidraw il-projbizzjoni Ċiniża riċenti fuq l-importazzjoni tal-iskart tal-plastik bħala opportunità biex isir investiment fil-prevenzjoni tal-iskart tal-plastik, anki billi jiġi inkoraġġut l-użu mill-ġdid u d-diżinn ċirkulari ta' prodott, u biex isir investiment f'faċiltajiet tal-aħħar teknoloġija għall-ġbir, is-separazzjoni u r-riċiklaġġ fl-UE; jemmen li l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward huwa importanti, b'mod partikolari għall-SMEs;

3.  Huwa konvint li l-istrateġija għall-plastik għandha sservi wkoll bħala lieva biex jiġu inkoraġġuti mudelli ta' negozju, produzzjoni u konsum ġodda, intelliġenti, sostenibbli u ċirkolari li jkopru l-katina tal-valur kollha f'konformità mal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU Nru 12 dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, anki permezz tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni; jistieden lill-Kummissjoni trawwem rabtiet ċari bejn il-politiki tal-Unjoni dwar l-iskart, il-kimika u l-prodotti għal dan il-għan, anki permezz tal-iżvilupp ta' ċikli ta' materjal mhux tossiku kif stabbilit fis-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi politika għal wara l-2020 għall-ekonomija ċirkolari u l-bijoekonomija bbażata fuq pilastru sod ta' riċerka u innovazzjoni, u tiżgura li l-impenji meħtieġa jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) il-ġdid; jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza tar-riċerka biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi u biex jinftiehem l-impatt tal-makroplastik, tal-mikroplastik u tal-plastik ta' daqs nano fuq l-ekosistemi u fuq is-saħħa tal-bniedem;

5.  Jenfasizza li l-plastik huwa varjat u jista' jiġi applikat b'diversi modi, u li għaldaqstant huwa meħtieġ approċċ imfassal apposta – u ta' spiss speċifiku għall-prodott – għad-diversi ktajjen tal-valur, b'għadd ta' soluzzjonijiet varji li jieħdu kont tal-impatt ambjentali, l-alternattivi eżistenti, l-esiġenzi lokali u reġjonali u li jiggarantixxu li l-ħtiġijiet funzjonali tal-konsumaturi jiġu ssodisfati;

6.  Jisħaq fuq il-punt li huma neċessarji azzjonijiet konġunti u koordinati mill-partijiet ikkonċernati kollha fil-katina tal-valur kollha, inklużi l-konsumaturi, bl-għan li jinkiseb eżitu li jkun ta' vantaġġ kemm għall-ekonomija, l-ambjent, il-klima u s-saħħa pubblika;

7.  Jenfasizza li t-tnaqqis fil-produzzjoni tal-iskart huwa responsabbiltà kondiviża u li t-trasformazzjoni tat-tħassib ġenerali dwar l-iskart tal-plastik f'responsabbiltà pubblika tibqa' sfida importanti; jenfasizza li huwa essenzjali, f'dan ir-rigward, li jiġu żviluppati mudelli ġodda ta' konsum billi tiġi inkoraġġuta l-bidla fl-imġiba tal-konsumaturi; jappella għal żieda fl-għarfien tal-konsumaturi dwar l-impatt tat-tniġġis tal-plastik tal-iskart, l-importanza tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tajba tal-iskart u l-alternattivi eżistenti;

Mid-disinn għar-riċiklaġġ għad-disinn għaċ-ċirkolarità

8.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jiżguraw li l-acquis kollu relatat mal-prodotti u l-iskart jiġi implimentat u infurzat bis-sħiħ u malajr; jirrimarka li, fl-UE, 30 % biss tal-iskart tal-plastik jinġabar għar-riċiklaġġ u dan iwassal għal ħela enormi ta' riżorsi; jenfasizza li, sal-2030, il-plastik mhux se jibqa' jkun aċċettat fil-miżbliet u li l-Istati Membri għandhom jimmaniġġaw l-iskart tal-plastik tagħhom b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2008/98/KE; itenni li l-Istati Membri għandhom jużaw strumenti ekonomiċi u miżuri oħra biex jipprovdu inċentivi għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart; jenfasizza l-importanza ta' ġbir separat u ta' faċilitajiet ta' separazzjoni biex ikun hemm riċiklaġġ ta' kwalità għolja u jiġi promoss l-użu ta' materja prima sekondarja ta' kwalità;

9.  Jistieden lill-partijiet ikkonċernati tal-industrija jibdew jieħdu azzjonijiet konkreti minn issa sabiex jiġi żgurat li l-imballaġġ tal-plastik kollu jkun jista' jintuża mill-ġdid jew jiġi riċiklat b'mod kosteffikaċi l-iktar tard sal-2030, jassoċjaw l-identità tad-ditta tagħhom ma' mudelli kummerċjali sostenibbli u ċirkolari u jużaw is-saħħa tagħhom fis-suq biex jippromwovu u jmexxu xejriet ta' konsum sostenibbli u ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tevalwa l-iżviluppi, tippromwovi l-aqwa prattiki u tivverifika l-allegazzjonijiet ambjentali biex jiġi evitat il-"greenwashing";

10.  Jemmen li s-soċjetà ċivili għandha tkun involuta u infurmata kif xieraq sabiex tkun tista' żżomm l-industrija responsabbli għall-impenji u l-obbligi tagħha;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrevedi u ssaħħaħ ir-rekwiżiti essenzjali fid-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ sal-2020, filwaqt li tieħu kont tal-proprjetajiet relattivi ta' materjal ta' imballaġġ differenti fuq il-bażi ta' valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja u tindirizza b'mod partikolari l-prevenzjoni u d-disinn għaċ-ċirkolarità; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ b'rekwiżiti ċari, applikabbli u effettivi, inkluż dwar "imballaġġ tal-plastik li jista' jintuża mill-ġdid u riċiklabbli b'mod kosteffikaċi", u dwar l-imballaġġ eċċessiv;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u ċ-ċirkolarità prinċipji fundamentali, inkluż ir-rwol importanti li jista' jkollhom il-materjal, il-prodotti u s-sistemi ċirkolari, anki għall-oġġetti ta' plastik li ma jintużawx għall-imballaġġ; iqis li dan jista' jinkiseb, inter alia, permezz tar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur, billi jiġu żviluppati standards tal-prodotti, isiru valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja, jitwessa' l-qafas leġiżlattiv tal-ekodisinn biex ikopri l-gruppi ewlenin kollha tal-prodotti tal-plastik, jiġu adottati dispożizzjonijiet dwar l-ekotikkettar u jiġi implimentat il-metodu tal-Impronta Ambjentali tal-Prodott;

Il-ħolqien ta' suq uniku ġenwin għall-plastik riċiklat

13.   Jinnota li hemm diversi raġunijiet għall-użu skars tal-plastik riċiklat fl-UE, fost l-oħrajn minħabba li l-prezzijiet tal-fjuwils fossili huma baxxi, parzjalment minħabba s-sussidji, in-nuqqas ta' fiduċja u n-nuqqas ta' provvista ta' kwalità għolja; jenfasizza li huwa meħtieġ suq intern stabbli għal materja prima sekondarja sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-ostakli li jiffaċċja dan is-suq u toħloq kundizzjonijiet ekwi;

L-istandards tal-kwalità u l-verifika

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta malajr standards ta' kwalità bl-għan li tibni l-fiduċja u tinċentiva s-suq għall-plastik sekondarju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tiżviluppa dawn l-istandards ta' kwalità, tieħu kont tad-diversi gradi ta' riċiklaġġ li huma kompatibbli mal-funzjonalità ta' prodotti differenti, filwaqt li tissalvagwardja s-saħħa pubblika, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-użu sikur tal-materjal riċiklat fil-materjal li jiġi f'kuntatt mal-ikel u tixpruna l-innovazzjoni;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni tqis l-aħjar prattiki fiċ-ċertifikazzjoni ta' partijiet terzi indipendenti u tinkoraġġixxi ċ-ċertifikazzjoni ta' materjal riċiklat, peress li l-verifika hija essenzjali sabiex tiżdied il-fiduċja kemm tal-industrija kif ukoll tal-konsumaturi fil-materjal riċiklat;

Kontenut riċiklat

16.  Jitlob lill-atturi industrijali kollha jibdlu l-impenji pubbliċi tagħhom biex iżidu l-użu tal-plastik riċiklat f'impenji formali u jwettqu azzjonijiet konkreti;

17.  Jemmen li regoli obbligatorji dwar il-kontenut riċiklat jistgħu jkunu meħtieġa biex tingħata spinta lill-użu ta' materja prima sekondarja, peress li s-swieq għall-materjal riċiklat għandhom mhux qed jaħdmu; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra tintroduċi rekwiżiti għal kontenut riċiklat minimu għall-prodotti tal-plastik speċifiċi mqiegħda fis-suq tal-UE, filwaqt li tirrispetta r-rekwiżiti tas-sikurezza tal-ikel;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imnaqqsa għal prodotti li jkun fihom kontenut riċiklat;

Akkwist ċirkolari

19.  Jenfasizza li l-akkwist huwa strument essenzjali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari peress li għandu s-setgħa li jsaħħaħ l-innovazzjoni fil-mudelli kummerċjali u jrawwem prodotti u servizzi effiċjenti fir-riżorsi; jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi netwerk ta' tagħlim tal-UE dwar l-akkwist ċirkolari sabiex jinġabru t-tagħlimiet miksuba minn proġetti pilota; jemmen li azzjonijiet volontarji għandhom iwittu t-triq, abbażi ta' valutazzjoni ta' impatt robusta, għal regoli vinkolanti tal-UE dwar l-akkwist pubbliku ċirkolari;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jeliminaw b'mod gradwali l-inċentivi mhux raġonevoli kollha li jaħdmu kontra l-ilħuq tal-ogħla livelli possibbli ta' riċiklaġġ tal-plastik;

Interfaċċa tal-iskart ta' sustanzi kimiċi

21.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jottimizzaw il-kontrolli fuq il-materjal u l-prodotti importati sabiex jiżguraw u jinfurzaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi u dwar il-prodotti;

22.  Jirreferi għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart;

Prevenzjoni tal-produzzjoni tal-iskart tal-plastik

Plastik b'użu uniku

23.  Jinnota li għad m'hemm l-ebda soluzzjoni biex jiġu indirizzati l-effetti dannużi tal-plastik b'użu uniku, u jemmen li taħlita ta' miżuri volontarji u regolatorji, kif ukoll bidla fis-sensibilizzazzjoni, l-imġiba u l-parteċipazzjoni tal-konsumatur, huma għalhekk meħtieġa biex tissolva din il-kwistjoni kumplessa;

24.  Jieħu nota tal-azzjonijiet li diġà ttieħdu f'xi Stati Membri u għalhekk jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar qafas leġiżlattiv speċifiku għat-tnaqqis tal-impatt ta' ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent, b'mod partikolari l-plastik b'użu uniku; iqis li din il-proposta għandha tikkontribwixxi għal tnaqqis sinifikanti tal-iskart fil-baħar, li aktar minn 80 % minnu huwa plastik, u b'hekk tikkontribwixxi għall-għan tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli li jiġi impedit u mnaqqas b'mod sinifikanti t-tniġġis tal-baħar ta' kull tip;

25.  Jemmen li huwa importanti li dan il-qafas joffri sett ta' miżuri ambizzjużi lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jkun kompatibbli mal-integrità tas-suq uniku, jipproduċi impatt ambjentali tanġibbli u pożittiv u impatt soċjoekonomiku u jipprovdi l-funzjonalità meħtieġa għall-konsumaturi;

26.   Jirrikonoxxi l-fatt li t-tnaqqis u r-restrizzjoni ta' prodotti tal-plastik b'użu uniku jistgħu joħolqu opportunitajiet għal mudelli kummerċjali sostenibbli;

27.   Jirreferi għall-ħidma li għaddejja fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja dwar din il-proposta;

28.  Jenfasizza li hemm diversi modi kif jistgħu jintlaħqu rati għoljin ta' ġbir separat u riċiklaġġ u tnaqqis fl-iskart tal-plastik, inklużi skemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur (EPR) b'tariffi mmodulati, skemi ta' rifużjoni tad-depożitu u żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku; jirrikonoxxi l-merti tar-reġimi stabbiliti fi Stati Membri differenti u l-potenzjal għall-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri; jissottolinja l-fatt li l-għażla ta' skema partikolari tibqa' fil-kompetenza tal-awtorità kompetenti fl-Istat Membru;

29.  Jilqa' l-fatt li d-Direttiva 94/62/KE tistipula li, sa tmiem l-2024, l-Istati Membri jeħtieġ li jistabbilixxu skemi EPR obbligatorji għall-imballaġġ kollu u jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li testendi dan l-obbligu għal prodotti tal-plastik oħra skont l-Artikoli 8 u 8a tad-Direttiva 2008/98/KE;

30.  Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (COM(2018)0325) għal kontribuzzjoni bbażata fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat; jisħaq fuq il-fatt li l-effett direzzjonali ta' tali kontribuzzjoni jrid ikun koerenti mal-ġerarkija tal-iskart; jenfasizza għalhekk li għandha tingħata prijorità lill-prevenzjoni tal-produzzjoni tal-iskart;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissieħbu fil-koalizzjoni internazzjonali għat-tnaqqis tat-tniġġis ikkawżat mill-basktijiet tal-plastik li tnediet fis-COP 22 f'Marrakexx f'Novembru 2016, u jappoġġawha;

32.  Jemmen li s-supermarkets jaqdu rwol kruċjali fit-tnaqqis tal-plastik b'użu uniku fl-UE; jilqa' l-inizjattivi bħal xkafef fis-supermarket mingħajr prodotti tal-plastik, li jipprovdu opportunitajiet għas-supermarkets biex jittestjaw bijomaterjali kompostabbli bħala alternattivi għall-imballaġġ tal-plastik;

33.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet (COM(2018)0033), li l-għan tagħha huwa li tnaqqas b'mod sinifikanti l-piż u l-ispejjeż għas-sajjieda meta jieħdu l-irkaptu tas-sajd u l-iskart tal-plastik lura fil-port; jissottolinja r-rwol importanti li s-sajjieda jistgħu jaqdu, b'mod partikolari billi jiġbru skart tal-plastik mill-baħar matul l-attività tas-sajd tagħhom, u jġibuh lura fil-port biex jgħaddi minn ġestjoni xierqa tal-iskart; jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinċentivaw din l-attività, sabiex l-iskart miġbur matul l-attivitajiet ta' tindif ma jiġix irkuprat minn kwalunkwe sistema ta' rkupru bl-ispejjeż u s-sajjieda ma jintalbux iħallsu miżata għat-trattament tiegħu;

34.  Jiddispjaċih li l-implimentazzjoni tal-Artikolu 48(3) tar-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd dwar l-irkupru u l-obbligi ta' rapportar fir-rigward tal-irkaptu tas-sajd mitluf ma kinitx tidher fir-rapport tal-evalwazzjoni u tal-implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-2017; jenfasizza l-ħtieġa ta' valutazzjoni dettaljata tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tar-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd f'termini ta' rkaptu tas-sajd;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni jappoġġaw il-pjanijiet għall-ġbir tal-iskart fil-baħar bl-involviment, meta jkun possibbli, tal-bastimenti tas-sajd, u jintroduċu faċilitajiet tal-akkoljenza u tar-rimi fil-portijiet għall-iskart tal-baħar, kif ukoll skema ta' riċiklaġġ għal xbieki li ma jkunux għadhom jintużaw; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fil-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar l-Immarkar tal-Irkaptu tas-Sajd, filwaqt li jikkollaboraw mill-qrib mas-settur tas-sajd biex jiġġieldu s-sajd fantażma;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni jtejbu l-ġbir tad-data fil-qasam tal-plastik fil-baħar billi jistabbilixxu u jimplimentaw sistema ta' rapportar diġitali obbligatorja fl-UE kollha għall-irkaptu mitluf minn bastimenti tas-sajd individwali b'appoġġ għall-azzjoni ta' rkupru, bl-użu ta' data minn bażijiet tad-data reġjonali biex jikkondividu informazzjoni fil-bażi tad-data Ewropea ġestita mill-Aġenzija għall-Kontroll tas-Sajd jew jiżviluppaw is-SafeSeaNet f'sistema faċli biex tintuża u mifruxa mal-UE kollha, u b'hekk jippermettu lis-sajjieda jissenjalaw irkaptu mitluf;

37.  Jenfasizza l-bżonn li l-Istati Membri jagħmlu aktar sforzi sabiex jiżviluppaw strateġiji u pjanijiet li permezz tagħhom jitnaqqas it-tixrid fil-baħar tal-irkaptu tas-sajd, pereżempju permezz ta' għotjiet tal-FEMS, kif ukoll bl-appoġġ tal-Fondi Strutturali u tal-KTE u bl-involviment attiv meħtieġ tar-reġjuni;

Il-plastik ibbażat fuq prodotti bijoloġiċi, il-bijodegradibbiltà u l-kompostabbiltà

38.  Jappoġġa bil-qawwa lill-Kummissjoni fil-preżentazzjoni ta' standards ċari addizzjonali u regoli u definizzjonijiet ċari dwar il-kontenut b'bażi organika, il-bijodegradabbiltà (karatteristika indipendenti tal-materja prima) u l-kompostabbiltà bl-għan li jiġu indirizzati l-ideat żbaljati u n-nuqqas ta' fehim u li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni ċara;

39.  Jenfasizza l-fatt li t-trawwim ta' bijoekonomija sostenibbli jista' jikkontribwixxi biex titnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq il-materja prima importata; jenfasizza r-rwol potenzjali għall-plastik ibbażat fuq prodotti bijoloġiċi u l-plastik bijodegradabbli, fejn intwera li dawn huma ta' benefiċċju minn perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja; iqis li l-bijodegradabbiltà jeħtieġ li tiġi vvalutata skont il-kundizzjonijiet rilevanti tad-dinja reali;

40.  Jenfasizza li l-plastik bijodegradabbli u dak kompostabbli jistgħu jgħinu biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, iżda ma jistgħux jitqiesu bħala rimedju universali għall-iskart marittimu u lanqas m'għandhom jilleġittimizzaw applikazzjonijiet b'użu uniku mhux neċessarji; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżviluppa kriterji ċari għal prodotti u applikazzjonijiet utli magħmula minn plastik bijodegradabbli, inklużi l-imballaġġ u l-applikazzjonijiet fl-agrikoltura; jappella għal aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp f'dan il-qasam; jenfasizza li l-plastik bijodegradabbli u dak mhux bijodegradabbli għandhom jiġu ttrattati b'mod differenti fid-dawl tal-ġestjoni xierqa tal-iskart;

41.  Jenfasizza li l-plastik ibbażat fuq prodotti bijoloġiċi joffri potenzjal għal differenzjazzjoni parzjali tal-materja prima, u jappella għal aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp f'dan ir-rigward; jirrikonoxxi l-eżistenza ta' materjal innovattiv ibbażat fuq prodotti bijoloġiċi li diġà jeżisti fis-suq; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' trattament newtrali u ugwali tal-materjal ta' sostituzzjoni;

42.  Jappella għal projbizzjoni sħiħa fuq il-plastik ossodegradabbli fl-UE sal-2020, peress li dan it-tip ta' plastik mhuwiex bijodegradabbli għalkollox, mhuwiex kompostabbli, u jaffettwa b'mod negattiv ir-riċiklaġġ tal-plastik konvenzjonali u jonqos milli jagħti prova ta' benefiċċju ambjentali;

Mikroplastik

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi projbizzjoni fuq il-mikroplastik fil-kożmetiċi, il-prodotti ta' kura personali, id-deterġenti u l-prodotti tat-tindif sal-2020; jistieden lill-ECHA, barra minn hekk, tevalwa u tħejji, jekk ikun xieraq, projbizzjoni fuq il-mikroplastik li jiżdied intenzjonalment ma' prodotti oħra, filwaqt li tqis jekk hemmx alternattivi vijabbli disponibbli;

44.   Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti minimi fil-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti biex jitnaqqas b'mod sinifikanti r-rilaxx ta' mikroplastik fis-sors, b'mod partikolari fir-rigward tat-tessuti, tajers, żebgħa u loqom tas-sigaretti;

45.  Jieħu nota tal-prattika tajba ta' Operation Clean Sweep u tal-inizjattivi varji tal-ebda telf ta' gerbub ("zero pellet loss"); jemmen li hemm lok li dawn l-inizjattivi jiġu replikati fil-livell tal-UE u dak globali;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tistudja s-sorsi, id-distribuzzjoni, id-destin u l-effetti kemm tal-makroplastik kif ukoll tal-mikroplastiks fil-kuntest tat-trattament tal-ilma mormi u tal-ġestjoni tal-ilma tal-maltemp fil-kontrolli attwali dwar l-idoneità tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Għargħar; jistieden, barra minn hekk, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar sħiħ tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tappoġġa r-riċerka fit-teknoloġiji tat-trattament tal-ħama tad-dranaġġ u tal-purifikazzjoni tal-ilma;

Riċerka u innovazzjoni

47.  Jilqa' l-istqarrija tal-Kummissjoni li fiha ħabbret li se tiġi investita s-somma addizzjonali ta' EUR 100 miljun fil-qafas tal-programm Orizzont 2020 sabiex tixpruna l-investiment lejn soluzzjonijiet ċirkolari u effiċjenti fl-użu ta' riżorsi, bħal għażliet ta' prevenzjoni u ta' disinn, diversifikazzjoni tal-materja prima u teknoloġiji innovattivi tar-riċiklaġġ bħal riċiklaġġ molekulari u kimiku, kif ukoll it-titjib tar-riċiklaġġ mekkaniku; jissottolinja l-potenzjal innovattiv tan-negozji ġodda f'dan ir-rigward; jappoġġa l-istabbiliment ta' Aġenda Strateġika ta' Riċerka u Innovazzjoni għaċ-ċirkolarità tal-materjal, b'enfasi speċifika fuq il-plastik u l-materjal li fih il-plastik, lil hinn mill-imballaġġ, bħala gwida għal deċiżjonijiet futuri ta' finanzjament fil-programm Orizzont Ewropa; jinnota li finanzjament adegwat se jkun meħtieġ biex jgħin fl-ingranaġġ ta' investiment privat; jenfasizza li s-sħubiji pubbliċi privati jistgħu jgħinu jaċċelleraw it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari;

48.  Jenfasizza l-potenzjal qawwi tar-rabta tal-aġenda diġitali mal-aġenda tal-ekonomija ċirkolari; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ostakli regolatorji għall-innovazzjoni u jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-ftehimiet li tista' tagħmel l-UE fir-rigward tal-innovazzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija għall-plastik u l-aġenda usa' tal-ekonomija ċirkolari;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni jappoġġaw l-użu ta' rkaptu tas-sajd innovattiv billi jinkoraġġixxu lis-sajjieda jbiddlu x-xbieki qodma u jadattaw ix-xbieki eżistenti b'sistemi ta' traċċar u sensuri tax-xbieki konnessi ma' apps fuq l-ismart phones, ċipep ta' identifikazzjoni tal-frekwenzi tar-radju u sistemi ta' traċċar tal-bastimenti sabiex ikunu jistgħu jżommu rekord aktar preċiż tax-xbieki tagħhom u jirkuprawhom, jekk ikun meħtieġ; jagħraf ir-rwol li t-teknoloġija jista' jkollha fil-prevenzjoni tad-dħul tal-iskart tal-plastik fil-baħar;

50.  Jitlob li Orizzont Ewropa jinkludi "Missjoni ta' Oċean Ħieles mill-Plastik" sabiex juża l-innovazzjoni biex jitnaqqas l-ammont ta' plastik li jidħol fl-ambjent tal-baħar u jinġabar il-plastik preżenti fl-oċeani; itenni l-appell tiegħu dwar il-ġlieda kontra l-iskart fil-baħar (inklużi l-prevenzjoni, iż-żieda fil-litteriżmu dwar l-oċeani, iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar l-isfida ambjentali tat-tniġġis tal-plastik u forom oħra ta' skart fil-baħar, u kampanji ta' tindif bħas-sajd għall-iskart u t-tindif tax-xtajtiet) kif imsemmi fil-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-10 ta' Novembru 2016 dwar "Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna" (JOIN(2016)0049); jappella għal djalogu politiku tal-UE dwar l-iskart fil-baħar bejn dawk li jfasslu l-politika, il-partijiet ikkonċernati u l-esperti;

Azzjoni Globali

51.  Jistieden lill-UE tassumi rwol proattiv fl-iżvilupp ta' Protokoll Globali dwar il-Plastik u tiżgura li d-diversi impenji li ttieħdu kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell globali jkunu jistgħu jiġu ssorveljati b'mod integrat u trasparenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jassumu rwol ta' tmexxija attiva fil-grupp ta' ħidma stabbilit permezz tal-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent f'Diċembru 2017 biex jaħdem fuq ir-rispons internazzjonali għall-ġlieda kontra r-rimi tal-iskart tal-plastik fil-baħar u mikroplastik; jenfasizza li l-kwistjonijiet ta' tniġġis mill-plastik u tal-kapaċitajiet ta' ġestjoni tal-iskart għandhom ikunu parti mill-qafas tal-politika esterna tal-UE, peress li parti kbira mill-iskart tal-plastik fl-oċeani toriġina minn pajjiżi fl-Asja u fl-Afrika;

52.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex, flimkien mal-Iskema ta' Ġestjoni u Verifika Ambjentali tal-UE, jiffokaw fuq il-prevenzjoni, jeżaminaw ir-regoli tal-akkwist interni u l-prattiki tal-ġestjoni tal-iskart tal-plastik tagħhom u jnaqqsu b'mod sinifikanti l-produzzjoni tal-iskart tal-plastik tagħhom, b'mod partikolari billi jissostitwixxu, inaqqsu u jirrestrinġu l-plastik b'użu uniku;

°

°  °

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 150, 14.6.2018, p. 93.

(2)

ĠU L 150, 14.6.2018, p. 100.

(3)

ĠU L 150, 14.6.2018, p. 109.

(4)

ĠU L 150, 14.6.2018, p. 141.

(5)

ĠU L 115, 6.5.2015, p. 11.

(6)

ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

(7)

ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.

(8)

ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2017)0287.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2018)0004.

(11)

ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(12)

Abandoned, lost or otherwise discarded fishing gear (Irkaptu tas-sajd abbandunat, mitluf jew mormi b'xi mod ieħor)


NOTA SPJEGATTIVA

It-trasformazzjoni ta' żoni ta' skart mimlija plastik f'għelieqi tad-deheb

Opportunitajiet ċirkolari għall-ambjent, il-klima u l-ekonomija tagħna

1. Il-kwistjoni x'inhi?

Il-plastik huwa materjal prezzjuż u importanti li għandu utilità kbira għas-soċjetà u l-ekonomija tagħna; Madankollu, il-mod li bih il-plastik qed jiġi prodott u użat illum la huwa affordabbli u lanqas sostenibbli. Il-plastik ġie żviluppat biex iservi b'mod perpetwu, iżda spiss jiġi ddisinjat biex jintrema wara li jintuża. Barra minn hekk, il-ġbir tal-plastik għar-riċiklaġġ għadu baxx ħafna. Minn madwar 25.8 miljun tunnellata ta' skart tal-plastik prodott fl-UE ta' kull sena jinġabar inqas minn 30 % għar-riċiklaġġ. Dan għandu żvantaġġi sinifikanti:

1)  Telf għall-ambjent: l-iskart tal-plastik għandu impatt partikolarment devastanti fuq l-ekosistemi tal-baħar u jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-iskart fil-baħar. Kull sena bejn 150 000 u 500 000 tunnellata ta' skart tal-plastik jispiċċaw fl-ibħra u fl-oċeani tal-UE. Barra minn hekk, bħala medja, ta' kull sena fl-UE jintremew bejn 75 000 u 300 000 tunnellata ta' mikroplastik fl-ambjent;

2)  Telf għall-klima: studji wrew li r-riċiklaġġ ta' 1 miljun tunnellata ta' plastik jiswa daqslikieku jitneħħew 1 miljun karozza mit-toroq(1);

3)  Telf għall-ekonomija tagħna: l-istimi juru li 95 % tal-valur tal-materjal tal-imballaġġ tal-plastik joħroġ mill-ekonomija u jwassal għal rata ta' telf annwali ta' bejn EUR 70 u EUR 105 biljun;

4)  Impatt potenzjali fuq is-saħħa: il-mikroplastik u l-prodotti sekondarji tagħhom jistgħu jidħlu wkoll fil-katina tal-ikel, u l-effetti ta' dan fuq saħħet il-bniedem għad mhumiex konklużivi.

Issa hemm momentum politiku ġenwin sabiex tiġi promossa bidla trasformattiva u tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari tal-plastik. Fil-fatt id-deċiżjoni riċenti taċ-Ċina li tipprojbixxi l-importazzjoni ta' skart tal-plastik iġġiegħel lill-UE tieħu azzjoni. Ir-rapporteur jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha tikkunsidra din il-projbizzjoni bħala opportunità li tinvesti u tkun innovattiva minn ġewwa, u tieqaf milli "testernalizza" l-problema tal-iskart tal-plastik tagħna.

Il-momentum politiku huwa appoġġat ukoll miċ-ċittadini tal-Ewropa. Stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru juri biċ-ċar li l-maġġoranza assoluta ta' dawk li wieġbu (87 %) jaqblu li huma mħassba dwar l-impatt tal-prodotti tal-plastik fuq l-ambjent(2).

Il-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Strateġija Ewropea għal Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari" hija għalhekk f'waqtha u milqugħa mir-rapporteur. Ir-rapporteur jiġbed l-attenzjoni għall-ħames sfidi ġenerali li ġejjin:

•  Jeħtieġ li niġġestixxu l-plastik b'mod sostenibbli tul il-katina tal-valur kollha;

•  L-Istrateġija għandha tmur lil hinn minn materjali għall-imballaġ sostenibbli, u għandha sservi bħala lieva biex jiġu stimulati mudelli ta' negozju u konsum ġodda, intelliġenti u ċirkolari li jkopru l-katina tal-valur kollha;

•  Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi politika ta' wara l-2020 għall-ekonomija ċirkolari bbażata fuq riċerka u innovazzjoni robusta;

•  Il-plastik għandu għadd kbir ta' applikazzjonijiet u għalhekk minflok soluzzjoni b'approċċ ta' universalità ("one-size-fits-all"), jirrikjedi approċċ imfassal apposta, ħafna drabi speċifiku għall-prodott;

•  Impenji u azzjonijiet konġunti mill-partijiet ikkonċernati kollha, inkluża kollaborazzjoni transsettorjali, tul il-katina tal-valur, huma meħtieġa, u jeħtieġ li nibdlu t-tħassib dwar l-iskart tal-plastik f'responsabbiltà pubblika;

2. X'hemm bżonn li jsir?

2.1 Mid-disinn għar-riċiklaġġ għad-disinn għaċ-ċirkolarità

Kollox jibda minn ġestjoni tajba tal-iskart u tal-materjal. L-ewwel pass fundamentali huwa l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tal-"acquis" kollu dwar l-iskart, inkluż it-titjib sinifikanti introdott mill-adozzjoni riċenti tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart, mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri.

Barra minn hekk, ir-rapporteur jappoġġa l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li, sal-2030, il-plastik għall-imballaġġ kollu li jitqiegħed fis-suq Ewropew jintuża mill-ġdid jew ikun riċiklabbli. Il-partijiet ikkonċernati kollha tal-industrija għandhom iwettqu azzjonijiet konkreti sabiex din l-ambizzjoni titqiegħed fil-prattika, mhux biss għall-imballaġġ għall-konsumaturi iżda wkoll għas-settur minn negozju għal negozju, u għandhom jassoċjaw l-identità tad-ditta tagħhom ma' mudelli ta' negozju sostenibbli u ċirkolari.

Barra minn hekk, ir-rapporteur jemmen li s-soċjetà ċivili għandha rwol importanti biex iżżomm l-industrija responsabbli għall-impenji tagħha, u jqis il-"Patt Ġdid għall-Konsumaturi" li jmiss bħala qafas ideali biex dan jitwettaq. Huwa jqis l-eżempju Netherlandiż ta' "Punt ta' Kuntatt għall-Imballaġġ" ("Meldpunt Verpakkingen") bħala mudell interessanti u rilevanti li jista' jiġi replikat fi Stati Membri oħra, peress li dan jinvolvi lill-konsumaturi u jinċentiva lill-industrija biex tagħmel l-imballaġġ aktar sostenibbli(3).

Ir-rapporteur jappoġġa bil-qawwa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi aġġornament tar-rekwiżiti essenzjali fid-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ (PPWD). Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintroduċi "ċ-ċirkolarità l-ewwel" bħala prinċipju fundamentali, li għandu japplika wkoll għall-oġġetti ta' plastik li ma jintużawx għall-imballaġġ, bl-iżvilupp ta' standards tal-prodott u bir-reviżjoni tal-qafas leġiżlattiv dwar l-Ekodisinn;

2.2 Il-ħolqien ta' Suq Uniku ġenwin għall-plastik riċiklat

L-użu ta' plastik riċiklat fil-prodotti għadu baxx: madwar 6 % biss skont iċ-ċifri tal-Kummissjoni. Ir-rapporteur jikkunsidra erba' moduli ewlenin biex jinħoloq suq uniku ġenwin għall-plastik sekondarju.

1) L-istandards tal-kwalità u l-verifika

Bħalissa hemm diskrepanza bejn il-kwalità tal-plastik riċiklat u l-kwalità meħtieġa għall-funzjonalità ta' prodott partikolari. Dan huwa minħabba nuqqas ta' fiduċja, verifika u trasparenza. F'dan ir-rigward huma essenzjali l-iżvilupp ta' gradi ta' riċiklaġġ li jikkorrispondu għall-funzjonalità ta' diversi prodotti, kif ukoll il-verifika. Teżisti skema ta' verifika Ewropea li tista' tintuża, EuCertPlast.(4) Madankollu, ir-rapporteur jemmen li ċertifikat minn parti terza indipendenti jista' wkoll ikun pass importanti 'l quddiem. L-iskema ta' ċertifikazzjoni QA-CER żviluppata mill-Assoċjazzjoni tal-Kwalità Belġjana tista' tipprovdi mudell għall-Ewropa(5).

2) Jitrawwem il-kontenut riċiklat

Ir-rapporteur jilqa' d-diversi impenji pubbliċi pożittivi dwar il-kontenut riċiklat li ħadu atturi ewlenin tal-industrija, iżda jqis li huwa importanti li dawn l-impenji pubbliċi jiġu mibdula f'wegħdiet konkreti. Madankollu, dan l-approċċ volontarju waħdu mhuwiex biżżejjed: ir-rapporteur, għalhekk, jemmen li jista' jkun hemm bżonn regoli obbligatorji dwar il-kontenut riċiklat għal prodotti speċifiċi. Modulazzjonijiet tal-EPR u tal-VAT jistgħu jkunu ta' appoġġ għal dan l-għan.

3) Disinn li jiffavorixxi ċ-ċirkolarità fl-akkwist

L-akkwist pubbliku u privat għandu s-setgħa li jixpruna l-innovazzjoni fil-mudelli kummerċjali. Madankollu, l-akkwist ċirkolari jibqa' l-eċċezzjoni u mhux ir-regola. Sabiex jiġi inċentivat, jistgħu jittieħdu diversi azzjonijiet, anki fil-livell tal-UE: b'mod partikolari, jiġu stimulati u appoġġati l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iskambju tal-aħjar prattiki. L-UE tista' tistabbilixxi netwerk ta' tagħlim tal-UE dwar l-akkwist ċirkolari sabiex jinġabru t-tagħlimiet miksuba minn diversi Ftehimiet Ekoloġiċi (pereżempju fir-reġjun tal-Fjandri(6) u fin-Netherlands(7)) u jingħata appoġġ għall-istabbiliment ta' ftehimiet futuri. Barra minn hekk, it-tagħlimiet miksuba minn azzjonijiet volontarji minn isfel għal fuq jistgħu jwittu t-triq għall-istabbiliment ta' regoli vinkolanti dwar l-akkwist pubbliku ċirkolari.

4) Interfaċċa tal-iskart ta' sustanzi kimiċi

Fl-aħħar nett, ir-rapporteur jemmen li rabta mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, il-prodott u l-iskart, hija essenzjali għall-istabbiliment ta' suq uniku għall-plastik riċiklat. B'mod partikolari, ir-rapporteur iqis li hija neċessità assoluta li jiżdiedu l-kontrolli fuq il-materjal importat, filwaqt li jiġi sottolinjat li l-preżenza ta' sustanza ta' tħassib ma għandhiex tkun ġustifikazzjoni ġenerali għall-preklużjoni tar-riċiklaġġ ta' skart għall-applikazzjonijiet speċifiċi, definiti tajjeb u sikuri.

2.3 Prevenzjoni tal-produzzjoni tal-iskart tal-plastik

1) Plastik b'użu uniku

Aktar minn 80 % tal-iskart marittimu jiġi mill-plastik, li 50 % minnu ġej minn plastik b'użu uniku. Dawn in-numri juru li hemm raġunijiet leġittimi biex tittieħed azzjoni fuq dawn l-oġġetti li jintużaw darba biss. Ir-rapporteur għalhekk huwa favur leġiżlazzjoni speċifika dwar il-plastik b'użu uniku bl-għan li jitnaqqas l-iskart marittimu. Jenħtieġ qafas li jipprovdi sett ta' miżuri possibbli lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, li huwa kompatibbli mal-integrità tas-suq uniku, li jipproduċi impatt ambjentali tanġibbli u pożittiv, u li jipprovdi l-funzjonalità meħtieġa għall-konsumaturi;

Ir-rapporteur jenfasizza li hemm diversi modi kif jistgħu jintlaħqu rati għoljin ta' ġbir u riċiklaġġ u tnaqqis fl-iskart, inkluż permezz ta' skemi ta' rifużjoni tad-depożitu jew skemi tal-EPR; Huwa jissottolinja li l-għażla ta' skema partikolari tibqa' fi ħdan il-kompetenza tal-awtorità kompetenti tal-Istati Membri, li tista' tqis l-ispeċifiċitajiet lokali u tiżgura li ma tiġi ppreġudikata l-ebda sistema eżistenti li taħdem sew u li tkun kosteffiċjenti; Huwa ħerqan ukoll li jissottolinja li l-politika fiskali tibqa' l-kompetenza tal-Istati Membri, u għalhekk, jopponi l-introduzzjoni ta' taxxa tal-plastik li tkun applikabbli għall-UE kollha bħala fluss potenzjali ta' riżorsa proprja tal-UE;

2) Plastik organiku

Hemm ħafna ideat żbaljati u nuqqas ta' fehim dwar il-plastik organiku, li jinkludi plastik bijodegradabbli, kompostabbli u bbażat fuq prodotti bijoloġiċi. Ir-rapporteur għalhekk jappoġġa lill-Kummissjoni għall-preżentazzjoni ta' regoli armonizzati ċari kemm dwar il-kontenut ibbażat fuq prodotti bijoloġiċi kif ukoll dwar il-bijodegradabbiltà.

Il-plastik bijodegradabbli jista' jkun element li jappoġġa t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, iżda mhumiex rimedju universali għall-iskart marittimu. Ir-rapporteur, għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa lista ta' prodotti u applikazzjonijiet utli magħmula minn plastik bijodegradabbli, ibbażata fuq kriterji ċari.

Barra minn hekk, il-plastik ibbażat fuq prodotti bijoloġiċi jista' jkun parti minn soluzzjoni usa' peress li joffri l-potenzjal għal differenzjazzjoni parzjali tal-materja prima u jista' jnaqqas id-dipendenza tar-riżorsi tal-UE fuq pajjiżi terzi. Ir-rapporteur jemmen li jenħtieġ aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp f'dan il-qasam sabiex tiġi xprunata l-innovazzjoni.

Ir-rapporteur jappella wkoll għal projbizzjoni totali fuq il-plastik ossodegradabbli, peress li dan it-tip ta' plastik mhuwiex bijodegradabbli b'mod sikur, u għalhekk jonqos milli jagħti prova ta' benefiċċju ambjentali.

3) Mikroplastik

Ir-rapporteur jemmen li l-aktar għażla kosteffiċjenti hija li jiġi indirizzat l-użu tal-mikroplastik fis-sors. Huwa għalhekk jappella għal projbizzjoni fuq il-mikroplastik li jiżdied intenzjonalment fi prodotti bħal kożmetiċi u prodotti tat-tindif, u li jeżistu alternattivi vijabbli għalih. L-introduzzjoni riċenti ta' leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-użu ta' mikrożibeġ tal-plastik fi prodotti kożmetiċi tat-tlaħliħ f'uħud mill-Istati Membri, bħal pereżempju r-Renju Unit, hija prova li dan huwa possibbli.

Ir-rapporteur jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti minimi fil-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti biex tnaqqas b'mod sinifikanti r-rilaxx ta' mikroplastiks fis-sors, b'mod partikolari fir-rigward tat-tessuti, tajers, żebgħa u loqom tas-sigaretti; Huwa jemmen li r-riżultati tal-proġett MERMAIDS Life+(8), li ffoka fuq il-mitigazzjoni tal-impatt tal-mikroplastik ikkawżat mill-proċessi tal-ħasil tat-tessuti, joffru osservazzjonijiet interessanti f'dan ir-rigward.

2.4 Innovazzjoni

L-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, u l-investimenti fl-infrastruttura huma kruċjali jekk l-UE tixtieq tirnexxi fl-iżvilupp ta' ekonomija tal-plastik ġdida. L-istqarrija tal-Kummissjoni li fiha ħabbret investiment addizzjonali ta' EUR 100 miljun sabiex tixpruna l-investiment lejn soluzzjonijiet ċirkolari fil-qafas ta' Orizzont 2020 hija inkoraġġanti. Ir-rapporteur jappoġġa l-iżvilupp ta' Aġenda Strateġika ta' Riċerka u Innovazzjoni dwar il-plastik li għandha wkoll tħares lil hinn mill-2020.

Ir-rapporteur huwa konvint li oqsma bħar-riċiklaġġ tal-kimiki u l-applikazzjonijiet ta' użu u ħżin tal-karbonju (CCU), li jużaw id-dijossidu tal-karbonju bħala materja prima għandhom ikunu parti mill-aġenda ta' innovazzjoni. Huwa jistieden ukoll lill-Kummissjoni tkompli tibni fuq l-esperjenza ta' raggruppamenti tal-innovazzjoni eżistenzi, bħal Catalisti fil-Fjandri(9).

2.5 Azzjoni Globali

Fuq livell internazzjonali, sforzi innovattivi u kosteffikaċi biex jiġi indirizzat l-iskart tal-plastik qegħdin jiġu żviluppati b'rata mgħaġġla. Jekk l-UE trid tmexxi l-aġenda globali tal-ekonomija ċirkolari u tħalli impatt, jeħtiġilha tkun fuq quddiem nett u jkollha rwol proattiv fl-iżvilupp ta' Protokoll Globali dwar il-Plastik. Ir-rapporteur, għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strument li jittraċċa l-impenji differenti b'mod integrat u trasparenti.

3. Konklużjoni

Il-projbizzjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi tal-iskart tal-plastik toffri opportunità enormi għall-UE biex tippromwovi bidla trasformattiva u bidla lejn ekonomija ċirkolari tal-plastik. Jeħtieġ li nużaw dan il-momentum biex ninvestu u nkunu innovattivi. Jekk jirnexxilna fl-iżvilupp ta' approċċ olistiku li jkopri l-katina tal-valur kollha permezz ta' mudelli ċirkolari tan-negozju u tal-konsum, nistgħu noħolqu sitwazzjoni vantaġġjuża għall-partijiet ikkonċernati kollha involuti. Nistgħu nbiddlu ż-żoni tal-iskart mimlija plastik f'għelieqi tad-deheb.

(1)

Ara http://presse.ademe.fr/wp-content/uploads/2017/05/FEDEREC_ACV-du-Recyclage-en-France-VF.pdf

(2)

Ewrobarometru Speċjali 468, "L-attitudnijiet taċ-ċittadini tal-Ewropa lejn l-ambjent", Ottubru 2017.

(3)

https://meldpuntverpakkingen.nl/

(4)

https://www.eucertplast.eu/

(5)

http://www.bqa.be/files/uploads/Audits/2016_BQA_folder_QA-CER.pdf

(6)

http://vlaanderen-circulair.be/nl/onze-projecten/detail/green-deal-circulair-aankopen

(7)

https://mvonederland.nl/green-deal-circulair-inkopen

(8)

http://life-mermaids.eu/en/

(9)

http://catalisti.be/


OPINJONI tal-Kumitat għas-Sajd (2.7.2018)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar strateġija Ewropea għall-plastik f'ekonomija ċirkolari

(2018/2035(INI))

Rapporteur għal opinjoni: John Flack

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Sajd jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi kwantitajiet enormi ta' plastik u mikroplastik jidħlu fil-baħar, fejn, wara li jkunu ntremew, huma jiddiżintegraw fl-ilma u sussegwentement jidħlu fil-katina alimentari, fejn komposti tossiċi jinbelgħu minn firxa wiesgħa ta' ħajja tal-baħar u jistgħu javvelenaw u jikkawżaw il-mewt lir-riżorsi tal-baħar ħajjin, kif ukoll għandhom impatt dirett fuq is-saħħa tal-bniedem; billi l-iskart tal-plastik fil-baħar jista' wkoll ikollu impatt fuq l-effiċjenza tal-irkaptu tas-sajd li, fil-każ tas-sajd fuq skala żgħira, huwa saħansitra akbar u jikkawża problemi ekonomiċi;

B.  billi l-kwistjoni tal-iskart tal-plastik fil-baħar huwa sfida globali li tista' tiġi indirizzata biss permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali;

C.  billi r-Riżoluzzjoni 11 tal-Assemblea tan-NU għall-Ambjent tal-Programm Ambjentali tan-NU tat-23-27 ta' Mejju 2016 irrikonoxxiet li "l-preżenza ta' skart tal-plastik kif ukoll mikroplastik fl-ambjent tal-baħar hija kwistjoni serja ta' tħassib globali li qed tikber rapidament li teħtieġ rispons globali urġenti b'kont meħud ta' approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott";

D.  billi l-istess riżoluzzjoni ħeġġet lill-manifatturi tal-prodotti u oħrajn "jeliminaw jew inaqqsu l-użu ta' partiċelli primarji mikroplastiċi fil-prodotti"; billi fl-Istati Uniti u fil-Kanada ġew stabbiliti projbizzjonijiet tal-użu ta' mikroplastik fi prodotti speċifiċi għall-kura personali; billi diversi Stati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar abbozzi ta' liġijiet li jipprojbixxu l-mikroplastik f'ċerti prodotti kożmetiċi, u billi l-Kummissjoni talbet li l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tirrestrinġi l-mikroplastik miżjud intenzjonalment; billi l-Kunsill stieden ukoll lill-Kummissjoni tieħu miżuri dwar il-mikroplastik, speċjalment minn prodotti kożmetiċi u deterġenti; billi hemm konfużjoni konsiderevoli fost il-konsumaturi relatata mat-terminoloġija tal-plastik, partikolarment fir-rigward tal-bijoplastik u l-plastik bijodegradabbli u b'bażi bijoloġika, u informazzjoni ċara mill-produtturi tal-plastik hija kritika biex titwettaq l-istrateġija għall-plastik;

E.  billi l-Kummissjoni hija impenjata biex tiżviluppa, meta jkun xieraq, ir-rekwiżiti tal-prodotti skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn(1) li jikkunsidraw il-mikroplastik, u barra minn hekk, żviluppat kriterji biex ittejjeb ir-riċiklabbiltà tal-plastik fil-kriterji tagħha tal-Ekotikketta u l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku;

F.  billi s-soluzzjonijiet għall-indirizzar tal-plastik fil-baħar ma jistgħux jiġu iżolati mill-istrateġija globali għall-plastik; billi l-Artikolu 48 tar-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd(2), li fih miżuri mfassla biex jippromwovu l-irkupru ta' rkaptu tas-sajd mitluf, huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda huwa wisq limitat fil-kamp ta' applikazzjoni, peress li l-Istati Membri qed jitħallew jeżentaw lill-maġġoranza l-kbira tal-bastimenti tas-sajd minn dan l-obbligu u l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta' rappurtar għadha fqira;

G.  billi l-Istati Membri huma firmatarji għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (MARPOL) u għandhom jimmiraw għal implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tagħha;

H.  billi s-sajd fantażma jseħħ meta kreaturi tal-baħar jinqabdu jew jitħabblu fix-xbieki tas-sajd, fin-nases u fix-xlief mitlufa jew abbandunati u mhux bijodegradabbli, jew b'konsegwenza tagħhom ikorru, imutu bil-ġuħ jew jinqatlu; billi l-fenomenu tas-"sajd fantażma" jiġi kkawżat mit-telf u l-abbandun tal-irkaptu tas-sajd; billi r-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd jirrikjedi l-immarkar obbligatorju tal-irkaptu u n-notifika u l-irkupru tal-irkaptu mitluf; billi għadd ta' sajjieda għalhekk iġibu lura lejn il-port, fuq inizjattiva tagħhom stess, xbieki mitlufa rkuprati mill-baħar;

I.  billi għalkemm huwa diffiċli li wieħed jivvaluta bi preċiżjoni l-kontribut tal-akkwakultura għall-iskart tal-baħar, huwa stmat li 80 % tal-fdalijiet fil-baħar huwa plastik u mikroplastik, u li bejn 20 % u 40 % tal-iskart tal-plastik fil-baħar huwa parzjalment marbut mal-attivitajiet tal-bniedem fuq il-baħar, inklużi l-bastimenti kummerċjali u tal-kruċieri, bil-bqija li joriġina fuq l-art, u billi, skont studju riċenti tal-FAO(3), madwar 10 % ġej minn irkaptu tas-sajd mitluf jew mormi; billi l-irkaptu tas-sajd mitluf jew mormi huwa komponent wieħed ta' skart tal-plastik fil-baħar u hu stmat li 94 % tal-plastik li jidħol fl-oċean jispiċċa fuq qiegħ il-baħar, għaldaqstant hemm il-ħtieġa li jintuża l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) sabiex is-sajjieda jkunu jistgħu jibbenefikaw direttament mill-iskemi "sajd għall-iskart fil-baħar", billi jingħatalhom ħlas jew inċentivi finanzjarji u materjali oħra;

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari" (COM(2018)0028), li tappoġġa l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina(4), li timmira li tikseb stat ambjentali tajjeb fl-ilmijiet tal-ibħra Ewropej; jiddispjaċih, madankollu, li l-implimentazzjoni tal-Artikolu 48(3) tar-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd dwar l-irkupru u l-obbligi ta' rapportar fir-rigward tal-irkaptu tas-sajd mitluf ma kienitx tidher fl-evalwazzjoni tal-2017 tal-Kummissjoni u fir-rapport ta' implimentazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa għal valutazzjoni dettaljata tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tar-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd f'termini ta' rkaptu tas-sajd;

2.  Jenfasizza li l-fehim u l-indirizzar tal-iskart tal-baħar jirrikjedi sensiela ta' azzjonijiet f'diversi livelli interkonnessi u ambizzjużi u jitlob, għalhekk, li l-UE u l-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni tal-isforzi internazzjonali biex inaqqsu l-forom ta' tniġġis tal-baħar u biex iżidu l-miżuri globali kontra l-plastik, f'konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 14); jirrimarka li l-isforzi jistgħu jinkludu kampanji u programmi biex titqajjem kuxjenza dwar l-impatt tal-iskart fuq l-ekosistemi tal-baħar, ir-riċerka dwar il-fattibbiltà ta' xbieki tas-sajd bijodegradabbli/kompostabbli, proġetti ta' edukazzjoni għas-sajjieda u programmi pubbliċi speċifiċi biex jitneħħew il-plastik u oġġetti oħra minn qiegħ il-baħar, kif ukoll il-kunsiderazzjoni tal-vijabbiltà ta' responsabbiltà estiża tal-produttur għall-irkaptu tas-sajd;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni jappoġġaw il-pjanijiet għall-ġbir tal-iskart fil-baħar bl-involviment, meta jkun possibbli, tal-bastimenti tas-sajd, u biex jintroduċu faċilitajiet tal-akkoljenza u tar-rimi fil-portijiet għall-iskart tal-baħar, kif ukoll skema ta' riċiklaġġ għal xbieki li ma jkunux għadhom jintużaw; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fil-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar l-Immarkar tal-Irkaptu tas-Sajd, filwaqt li jikkollaboraw mill-qrib mas-settur tas-sajd biex jikkumbattu s-sajd fantażma;

4.  Jenfasizza li l-Istati Membri u r-reġjuni jeħtiġilhom jagħmlu aktar biex jifformulaw strateġiji u pjanijiet biex jitnaqqas it-telf ta' rkaptu tas-sajd fuq il-baħar u li l-għotjiet FEMS għandhom jintużaw għall-ġbir u t-tneħħija tar-rimi fil-baħar u l-iskart tal-baħar, kif ukoll l-istabbiliment ta' skemi ta' riċiklaġġ tal-irkaptu u l-infrastruttura meħtieġa; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni, biex flimkien mal-FEMS, jissottomettu proposti taħt il-programm Orizzont 2020; jirrimarka li jista' jkun li l-Istati Membri jkunu wkoll jixtiequ jimplimentaw skema volontarja ta' bonus għas-sajjieda li jġibu lura l-iskart tal-plastik u xbieki mitlufa jew li ma jkunux għadhom tajbin għall-użu; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu aktar appoġġ għall-inizjattivi eżistenti biex tiġi indirizzata din l-isfida globali, bħal "Fishing for litter", "Oceana", is-"Surfrider Foundation", il-"Plastic Oceans Foundation", l-inizjattiva "Mission Blue" u "One world, one ocean";

5.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni jappoġġaw l-użu ta' rkaptu tas-sajd innovattiv billi jinkoraġġixxu lis-sajjieda jagħmlu "skambju parzjali" tax-xbieki qodma biex jixtru l-ġodda u jadattaw ix-xbieki eżistenti b'sistemi ta' traċċar u sensuri tax-xbieki konnessi ma' apps tas-smart phones, ċipep ta' identifikazzjoni tal-frekwenzi tar-radju u sistemi ta' traċċar tal-bastimenti sabiex il-kaptani jkunu jistgħu jżommu rekord aktar preċiż tax-xbieki tagħhom u jirkuprawhom, jekk ikun meħtieġ; jagħraf ir-rwol li t-teknoloġija jista' jkollha fil-prevenzjoni tad-dħul tal-iskart tal-plastik fil-baħar;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni jtejbu l-ġbir tad-data fil-qasam tal-plastik fil-baħar billi jistabbilixxu u jimplimentaw sistema ta' rapportar diġitali obbligatorja fl-UE kollha għall-irkaptu mitluf minn bastimenti tas-sajd individwali b'appoġġ għall-azzjoni ta' rkupru, bl-użu ta' data minn bażijiet tad-data reġjonali, biex jikkondividu informazzjoni fil-bażi tad-data Ewropea ġestita mill-Aġenzija għall-Kontroll tas-Sajd jew jiżviluppaw is-SafeSeaNet f'sistema faċli biex tintuża u mifruxa mal-UE kollha, u b'hekk jippermettu lis-sajjieda jissenjalaw irkaptu mitluf;

7.  Il-mikroplastik huwa ta' detriment għall-istokkijiet tal-ħut, għall-bijodiversità u għas-saħħa tal-bniedem; jappella, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex tiżviluppa u tappoġġa l-kapaċitajiet biex tidentifika u timmonitorja l-livelli ta' kontaminazzjoni minn mikroplastik fil-ħut kummerċjali, fil-prodotti tal-frott tal-baħar u fl-ambjent tal-baħar u r-riżorsi bijoloġiċi tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tadotta oqfsa tal-analiżi tar-riskju tas-sikurezza tal-ikel biex tevalwa l-perikli u r-riskji għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni, f'konformità mal-prinċipju ta' sostituzzjoni u l-proċeduri REACH għar-restrizzjoni ta' sustanzi li jistgħu jkunu ta' riskju għall-istrateġija għall-plastik, biex, bħala kwistjoni ta' urġenza, tkompli bil-proċess rikjest mill-Kunsill għar-restrizzjoni tal-użu ta' mikroplastik miżjud b'mod intenzjonali, billi jirrikjedi li l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tirrieżamina l-bażi xjentifika għat-teħid ta' azzjoni regolatorja fil-livell tal-UE biex tikseb it-tnaqqis gradwali tal-użu tal-mikroplastik fi prodotti bħall-kożmetiċi, il-prodotti tal-kura personali, id-deterġenti u ż-żebgħa, sa ma tinkiseb projbizzjoni totali; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, l-industrija u l-partijiet interessati kkonċernati mill-effetti tal-kontaminazzjoni mill-mikroplastik u n-nanoplastik u l-impatt tat-tniġġis fuq is-sajd, l-akkwakultura u l-ktajjen tal-provvista tal-frott tal-baħar.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.6.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, David Coburn, Richard Corbett, Linnéa Engström, João Ferreira, Sylvie Goddyn, Mike Hookem, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, António Marinho e Pinto, Gabriel Mato, Norica Nicolai, Liadh Ní Riada, Ulrike Rodust, Remo Sernagiotto, Ricardo Serrão Santos, Isabelle Thomas

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Giuseppe Ferrandino, John Flack, Seán Kelly, Verónica Lope Fontagné, Ana Miranda

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

20

+

ALDE

Izaskun Bilbao Barandica, Norica Nicolai

ECR

John Flack, Remo Sernagiotto

EFDD

David Coburn, Mike Hookem

GUE/NGL

Liadh Ní Riada

PPE

Carlos Iturgaiz, Seán Kelly, Werner Kuhn, Gabriel Mato

S&D

Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Richard Corbett, Ulrike Rodust, Ricardo Serrão Santos, Isabelle Thomas

VERTS/ALE

Marco Affronte, Linnéa Engström, Ana Miranda

0

-

 

 

1

0

ENF

Sylvie Goddyn

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

(2)

ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(3)

Abandoned, lost or otherwise discarded fishing gear (Irkaptu tas-sajd abbandunat, mitluf jew mormi b'xi mod ieħor)

(4)

ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.7.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

57

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Catherine Bearder, Ivo Belet, Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Miriam Dalli, Seb Dance, Mark Demesmaeker, Stefan Eck, Bas Eickhout, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Arne Gericke, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Karin Kadenbach, Urszula Krupa, Giovanni La Via, Jo Leinen, Peter Liese, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Rory Palmer, Massimo Paolucci, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, John Procter, Julia Reid, Frédérique Ries, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Renate Sommer, Adina-Ioana Vălean, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Guillaume Balas, Anja Hazekamp, Jan Huitema, Merja Kyllönen, Alojz Peterle, Christel Schaldemose, Keith Taylor

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Zoltán Balczó, Marc Joulaud, Stanisław Ożóg


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

57

+

ALDE

Catherine Bearder, Jan Huitema, Anneli Jäätteenmäki, Valentinas Mazuronis, Frédérique Ries

ECR

Mark Demesmaeker, Arne Gericke, Urszula Krupa, Stanisław Ożóg, Bolesław G. Piecha, John Procter

EFDD

Piernicola Pedicini

ENF

Sylvie Goddyn

GUE/NGL

Stefan Eck, Anja Hazekamp, Merja Kyllönen

NI

Zoltán Balczó

PPE

Pilar Ayuso, Ivo Belet, Birgit Collin-Langen, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Jens Gieseke, Julie Girling, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, György Hölvényi, Marc Joulaud, Giovanni La Via, Peter Liese, Miroslav Mikolášik, Alojz Peterle, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Adina-Ioana Vălean

S&D

Guillaume Balas, Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Miriam Dalli, Seb Dance, Jytte Guteland, Karin Kadenbach, Jo Leinen, Susanne Melior, Rory Palmer, Massimo Paolucci, Pavel Poc, Christel Schaldemose, Daciana Octavia Sârbu, Damiano Zoffoli

VERTS/ALE

Marco Affronte, Margrete Auken, Bas Eickhout, Davor Škrlec, Keith Taylor

1

-

EFDD

Julia Reid

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Awwissu 2018Avviż legali