Proċedura : 2018/2055(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0265/2018

Testi mressqa :

A8-0265/2018

Dibattiti :

PV 10/09/2018 - 25
CRE 10/09/2018 - 25

Votazzjonijiet :

PV 11/09/2018 - 6.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0331

RAPPORT     
PDF 693kWORD 70k
18.7.2018
PE 620.941v02-00 A8-0265/2018

dwar miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju morali u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, fi spazji pubbliċi, u fil-ħajja politika fl-UE

(2018/2055(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Rapporteur: Pina Picierno

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju morali u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, fi spazji pubbliċi, u fil-ħajja politika fl-UE

(2018/2055(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 10, 19 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li daħlet fis-seħħ bit-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009(1), u, b'mod partikolari, l-Artikoli 1, 20, 21, 23 u 31 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tal-2014 bit-titlu "Violence against women: an EU-wide survey" (Il-vjolenza fuq in-nisa: stħarriġ madwar l-UE)(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta'Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi, li tiddefinixxi u tikkundanna l-fastidju u l-fastidju sesswali(4),

–  wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE),

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-EIGE ta' Ġunju 2017 bit-titlu "Il-vjolenza ċibernetika kontra n-nisa u l-bniet",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-Triju ta' Presidenzi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tad-19 ta' Lulju 2017 mill-Estonja, il-Bulgarija u l-Awstrija,

–  wara li kkunsidra l-istrumenti legali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u b'mod partikolari tad-drittijiet tan-nisa, bħalma huma l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll tagħha, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

–  wara li kkunsidra strumenti oħra tan-NU dwar il-fastidju sesswali u l-vjolenza fuq in-nisa, bħalma huma d-Dikjarazzjoni ta' Vjenna u l-Programm ta' Azzjoni tal-25 ta' Ġunju 1993 adottati mill-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Dikjarazzjoni mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa tal-20 ta' Diċembru 1993, ir-Riżoluzzjoni dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-kriminalità u għall-ġustizzja kriminali sabiex tiġi eliminata l-vjolenza kontra n-nisa tal-21 ta' Lulju 1997, ir-rapporti mir-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar il-vjolenza fuq in-nisa, u r-rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 19 mill-kumitat CEDAW,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottata mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-NU Beijing +5 (2000), Beijing +10 (2005), Beijing +15 (2010) u Beijing +20 (2015),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi)(5),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2012 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (Direttiva dwar in-Nisa fuq Bordijiet) (COM(2012)0614),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar il-Fastidju u l-Vjolenza fuq il-Post tax-Xogħol tas-26 ta' April 2007 bejn KETU/CES, BUSINESSEUROPE, UEAPME u CEEP,

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-Netwerk Ewropew għall-korpi tal-ugwaljanza (EQUINET) bit-titlu "The Persistence of Discrimination, Harassment and Inequality for Women. The work of equality bodies informing a new European Commission Strategy for Gender Equality" (Il-Persistenza tad-Diskriminazzjoni, il-Fastidju u l-Inugwaljanza fil-konfront tan-Nisa. Ix-xogħol tal-korpi tal-ugwaljanza li jinfurmaw dwar Strateġija ġdida tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi), ippubblikat fl-2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport EQUINET bit-titlu "Harassment on the Basis of Gender and Sexual Harassment: Supporting the Work of Equality Bodies" (Fastidju Abbażi tal-Fastidju Sesswali u dak ibbażat fuq il-Ġeneri: Appoġġ għall-Ħidma tal-Korpi tal-Ugwaljanza), ippubblikat fl-2014,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 40 tagħha(6), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-20 ta' Settembru 2001 dwar il-fastidju fuq il-post tax-xogħol(8), tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa(9), tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(10), tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol(11), tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa(12) u l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew li takkumpanjahom ta' Novembru 2013, u tal-24 ta' Novembru 2016 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2014-2015(14), tal-10 ta' Marzu 2015 dwar progress dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013(15), tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar miżuri leġittimi għall-ħarsien ta' informaturi li jkunu qed jaġixxu fl-interess pubbliku meta jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali dwar kumpaniji u korpi pubbliċi(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE(17),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions bit-titlu "Safe at home, safe at work – Trade union strategies to prevent, manage and eliminate work-place harassment and violence against women" (Sikuri d-dar, sikuri fuq il-post tax-xogħol – Strateġiji tat-trade unions sabiex jiġu evitati, ġestiti u eliminati l-fastidju u l-vjolenza fuq in-nisa fuq il-post tax-xogħol),

–  wara li kkunsidra r-rapport għal-Laqgħa ta' Esperti dwar il-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Irġiel fid-Dinja tax-Xogħol (3-6 ta' Ottubru 2016), organizzata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Unjoni Interparlamentari bit-titlu "Sexism, harassment and violence against women parliamentarians (2016)" (Sessiżmu, fastidju u vjolenza fuq il-parlamentari nisa, ippubblikat fl-2016(18),

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titlu "Bullying and sexual harassment at the workplace, in public spaces, and in political life in the EU" (il-Bullying u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, fi spazji pubbliċi, u fil-ħajja politika fl-UE, ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu f'Marzu 2018(19),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0265/2018),

A.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija valur fundamentali tal-UE, rikonoxxut fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; billi l-vjolenza bbażata fuq is-sessi tirriżulta minn bilanċ ta' poter u responsabbiltajiet mhux ugwali fir-relazzjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa u hija marbuta mal-patrijarkiżmu u d-diskriminazzjoni persistenti bbażata fuq is-sessi;

B.  billi l-anzjani, speċjalment in-nisa waħedhom aktar anzjani, jirrappreżentaw grupp soċjali partikolarment vulnerabbli meta jħabbtu wiċċhom ma' fastidju psikoloġiku u fiżiku u bullying;

C.  billi l-fastidju sesswali huwa ddefinit fid-Direttiva 2002/73/KE bħala "fejn kwalunkwe forma ta' mġiba mhux mixtieqa verbali jew mhux verbali ta' natura sesswali sseħħ bl-iskop jew bl-effett li twaqqa' d-dinjità ta' persuna, b'mod partikolari meta toħloq intimidazzjoni, ambjent ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv";

D.  billi din id-definizzjoni għandha tiġi riformulata fid-dawl tal-iżviluppi u d-drawwiet soċjali u teknoloġiċi, li maż-żmien raw evoluzzjoni u tibdil;

E.  billi l-ġlieda kontra l-fastidju minħabba raġunijiet ta' tqala u ta' maternità hija meħtieġa sabiex jinkiseb bilanċ reali bejn ix-xogħol u l-ħajja għan-nisa;

F.  billi l-fastidju sesswali huwa forma ta' vjolenza u huwa l-aktar forma estrema, saħansitra persistenti, ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi; billi madwar 90 % tal-vittmi ta' fastidju sesswali huma nisa u madwar 10 % huma rġiel; billi, skont studju tal-FRA li twettaq fl-2014 madwar l-UE bit-titlu "Violence against women" (Il-vjolenza fuq in-nisa), mara waħda minn kull tlieta esperjenzat vjolenza fiżika jew sesswali matul il-ħajja adulta tagħha; billi sa 55 % tan-nisa ġarrbu fastidju sesswali fl-UE; billi 32 % tal-vittmi kollha fl-UE rrappurtaw li l-awtur kien superjur, kollega jew klijent; billi 75 % tan-nisa fi professjonijiet li jirrikjedu kwalifiki speċifiċi jew f'impjiegi ta' maniġment superjuri ġarrbu fastidju sesswali; billi 61 % tan-nisa impjegati fis-settur tas-servizzi kienu soġġetti għal fastidju sesswali; billi, b'mod globali, bejn 5 % u 10 % tal-forza tax-xogħol Ewropea qed tkun soġġetta għal bullying fi kwalunkwe ħin speċifiku;

G.  billi l-fastidju sesswali u dak psikoloġiku huma pprojbiti fl-impjiegi fil-livell tal-UE, inkluż fir-rigward tal-aċċess għall-impjiegi, it-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni, u jaqgħu taħt il-kunsiderazzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà;

H.  billi hija r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE li jkomplu jtejbu l-mekkaniżmi fis-seħħ billi jimplimentaw ir-regoli l-aktar effiċjenti sabiex jissensibilizzaw dwar id-definizzjoni ta' fastidju sesswali u jipproteġu lill-ħaddiema;

I.  billi l-każijiet ta' fastidju sesswali huma rrappurtati b'mod sinifikantement aktar baxx minħabba s-sensibilizzazzjoni soċjali baxxa dwar il-kwistjoni, il-biża' u l-mistħija assoċjati mat-taħdit ma' persuni oħra dwar is-suġġett, il-biża' mit-tkeċċija, id-diffikultajiet fil-ksib ta' evidenza ir-rappurtar insuffiċjenti, il-kanali għall-monitoraġġ u l-protezzjoni tal-vittmi, u n-normalizzazzjoni tal-vjolenza;

J.  billi r-rappurtar ta' fastidju sesswali fuq ix-xogħol jista' f'ħafna każijiet iwassal għal tkeċċija jew iżolament tal-vittma fuq il-post tax-xogħol; billi reati anqas serji, meta jitħallew mhux ittrattati, jipprovdu motivazzjoni għal reati aktar serji;

K.  billi l-bullying u l-fastidju sesswali jkomplu jirrappreżentaw problemi serji f'varjetà ta' kuntesti soċjali, inkluż il-post tax-xogħol, l-ispazji pubbliċi, l-ispazji virtwali bħall-internet, u l-ħajja politika, u qed jitwettqu dejjem aktar bl-użu ta' teknoloġiji ġodda, pereżempju siti web jew netwerks soċjali, li jippermettu lil dawk li jwettqu r-reati jħossuhom sikuri fl-anonimità;

L.  billi fil-kuntest ta' forom ġodda emerġenti tal-organizzazzjoni tax-xogħol u tal-ħajja soċjali u nuqqas ta' ċarezza fil-konfini bejn il-ħajja privata, professjonali u soċjali, l-imġiba negattiva lejn individwi jew gruppi soċjali tista' tiġi intensifikata; billi l-bullying fuq il-post tax-xogħol jista' ħafna drabi jieħu varjetà ta' forom, u jseħħ kemm fir-relazzjonijiet vertikali (imwettqa minn superjur jew minn subordinati) kif ukoll fir-relazzjonijiet orizzontali (imwettqa minn kollegi tax-xogħol fl-istess livell tal-ġerarkija);

M.  billi l-fastidju sesswali u dak psikoloġiku huma fenomeni li jinvolvu vittmi u awturi ta' kull età, sfond edukattiv u kulturali, introjti u pożizzjonijiet soċjali, u billi dan il-fenomenu għandu konsegwenzi fiżiċi, sesswali, emozzjonali u psikoloġiċi għall-vittmi; billi l-isterjotipi tas-sessi u s-sessiżmu, inkluż diskors ta' mibegħda sessista, offline u online, huma l-kawżi prinċipali ta' bosta forom ta' vjolenza u diskriminazzjoni kontra n-nisa u jipprevjenu l-emanċipazzjoni tan-nisa;

N.  billi d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tiddefinixxi l-vjolenza bbażata fuq is-sessi bħala ksur tal-libertajiet fundamentali tal-vittma u tinkludi vjolenza sesswali (inklużi stupru, attakki u fastidji sesswali); billi l-vittmi nisa ta' vjolenza bbażata fuq is-sessi u t-tfal tagħhom ta' spiss jirrikjedu appoġġ u protezzjoni speċjali minħabba r-riskju għoli li jiġu ripetuti l-vittimizzazzjoni, l-intimidazzjoni u r-ritaljazzjoni marbuta ma' tali vjolenza;

O.  billi l-vjolenza fid-dinja tax-xogħol ta' spiss hija indirizzata b'mod sporadiku, li primarjament jiffoka fuq forom aktar viżibbli, bħall-vjolenza fiżika; billi, madankollu, il-fastidju sesswali u dak psikoloġiku jista' jkollhom effetti distruttivi saħansitra akbar fuq l-individwu kkonċernat;

P.  billi l-atti ta' sessiżmu u l-fastidju sesswali li jirriżulta, li n-nisa jistgħu jkunu soġġetti għalihom fuq il-post tax-xogħol, huma fattur kontribwenti li jimbuttahom 'il barra mis-suq tax-xogħol, li għandu effett negattiv fuq l-indipendenza ekonomika u fuq id-dħul tal-familja tagħhom;

Q.  billi n-nisa li huma vittmi ta' fastidju u vjolenza f'żoni rurali u remoti fl-UE normalment ikollhom aktar diffikultà biex jiksbu l-assistenza sħiħa u l-protezzjoni mill-aggressuri;

R.  billi l-effetti kemm tal-fastidju fiżiku kif ukoll dak verbali, inkluż dak imwettaq online, għandhom effetti ta' ħsara mhux biss fuq terminu qasir iżda wkoll fuq terminu twil, u jistgħu jinkludu per eżempju l-istress u d-depressjoni klinika severa u anki jwasslu lill-vittmi għas-suwiċidju, kif intwera miż-żieda fir-rapporti ta' tali każijiet; billi, flimkien mar-riżultati negattivi tas-saħħa, il-bullying u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol għandhom ukoll impatti negattivi fuq il-karriera ta' individwu, fuq l-organizzazzjonijiet u fuq is-soċjetà, bħal żieda fl-assenteiżmu, produttività u kwalità tas-servizz imnaqqsa, u t-telf ta' kapital uman;

S.  billi d-dritt tal-UE jirrikjedi lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE li jiżguraw li jkun stabbilit korp tal-ugwaljanza biex jipprovdi għajnuna indipendenti lill-vittmi ta' fastidju, iwettaq stħarriġ indipendenti, jiġbor data rilevanti, diżaggregata u komparabbli, iwettaq riċerka dwar definizzjonijiet u klassifikazzjonijiet, jippubblika rapporti indipendenti u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-impjieg u t-taħriġ, dwar l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi u l-provvista tagħhom, u għal dawk impjegati għal rashom;

T.  billi n-nisa fl-UE mhumiex protetti b'mod ugwali kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sessi u l-fastidju sesswali u psikoloġiku minħabba l-fatt li l-politiki u l-leġiżlazzjoni jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor; billi s-sistemi ġudizzjarji mhux dejjem jipprovdu biżżejjed appoġġ lin-nisa; billi l-awturi tal-vjolenza bbażata fuq is-sessi ta' spiss ikunu persuni li l-vittma diġà tkun tafhom, u billi, f'ħafna każijiet, il-vittmi jkunu f'pożizzjoni ta' dipendenza, filwaqt li dan il-fatt iżid il-biża' tagħhom biex jirrappurtaw il-vjolenza;

U.  billi l-Istati Membri kollha ffirmaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, iżda mhux kollha rratifikawha, u billi dan id-dewmien qed jimpedixxi l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni;

V.  billi s-sessiżmu u l-fastidju sesswali u psikoloġiku tan-nisa parlamentari huma reali u mifruxa; billi l-awturi tal-fastidju u tal-voljenza ma jappartjenux biss għall-gradi ta' avversarji politiċi, iżda jistgħu jkunu wkoll membri tal-istess partit politiku, kif ukoll mexxejja reliġjużi, awtoritajiet lokali, u saħansitra membri tal-familja;

W.  billi l-politiċi, bħala rappreżentanti eletti taċ-ċittadini, għandhom responsabbiltà kruċjali li jaġixxu bħala mudelli pożittivi fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju sesswali fis-soċjetà;

X.  billi l-leġittimità tan-nisa fl-isfera politika għadha xi kultant tiġi sfidata, u billi n-nisa huma vittmi ta' sterjotipi, li jiskoraġġuhom milli jinvolvu ruħhom fil-politika, fenomenu li huwa partikolarment kospikwu kull fejn in-nisa fil-politika jkunu inqas rappreżentati;

Y.  billi la l-parlamenti nazzjonali u reġjonali kollha, u lanqas il-kunsilli lokali kollha m'għandhom fis-seħħ strutturi u regoli interni speċifiċi li jistabbilixxu mezzi xierqa sabiex jiġu żgurati tressiq u trattament sikuri, kunfidenzjali ta' lmenti dwar fastidju; billi t-taħriġ dwar il-fastidju sesswali u psikoloġiku jenħtieġ li jkun obbligatorju għall-persunal kollu u għall-membri kollha tal-parlament, inkluż il-Parlament Ewropew;

Z.  billi l-vjolenza domestika hija wkoll kwistjoni ta' post tax-xogħol, peress li jista' jkollha impatt fuq il-parteċipazzjoni, il-prestazzjoni u s-sikurezza tax-xogħol tal-vittma;

AA.  billi l-fastidju sesswali u psikoloġiku ma jsirux biss fuq il-post tax-xogħol, iżda anke fi spazji pubbliċi, inkluż f'ambjenti edukattivi formali u informali, f'faċilitajiet tal-kura tas-saħħa u ta' rikreazzjoni, fit-toroq u fit-trasport pubbliku;

AB.  billi l-istalking ċibernetiku u l-fastidju ċibernetiku jinvolvu l-użu ta' teknoloġiji ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni biex iwettqu stalking, jagħtu fastidju, jikkontrollaw jew jimmanipulaw persuna; billi l-fastidju ċibernetiku huwa problema partikolari għaż-żgħażagħ nisa minħabba li dawn jagħmlu użu akbar minn dawn il-mezzi; billi 20 % taż-żgħażagħ nisa (ta' bejn it-18 u d-29 sena) fl-UE-28 esperjenzaw fastidju ċibernetiku;

AC.  billi studju tal-2016 sab li aktar minn nofs in-nisa esperjenzaw xi forma ta' fastidju sesswali fuq il-postijiet tax-xogħol fir-Renju Unit, iżda erbgħa minn kull ħamsa ma rrappurtawx il-fastidju lil min iħaddimhom(20);

AD.  billi t-teknoloġiji ġodda għandhom ukoll il-potenzjal li jkunu alleat fl-analiżi, il-fehim u l-prevenzjoni ta' każijiet ta' vjolenza;

AE.  billi n-nisa, in-nisa żgħażagħ b'mod partikolari, qed jiġu soġġetti għal bullying u fastidju sesswali li jinvolvu l-użu ta' teknoloġiji ġodda, pereżempju siti web u netwerks soċjali, xi drabi organizzati permezz ta' fora jew gruppi sigrieti fuq il-midja soċjali; billi dawn l-atti jinkludu theddid ta' stupru, theddid tal-mewt, attentati ta' hacking u l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni privata u ritratti; billi, fil-kuntest tal-użu mifrux tal-midja online u soċjali, huwa stmat li waħda minn kull għaxar bniet kienet diġà esperjenzat, sal-età ta' 15-il sena, xi forma ta' vjolenza ċibernetika, inkluż stalking ċibernetiku u fastidju; billi n-nisa li jkollhom rwol pubbliku, fost l-oħrajn il-ġurnalisti u b'mod partikolari LGBTI u nisa b'diżabbiltà, huma l-mira ewlenija ta' bullying ċibernetiku u vjolenza online, u billi xi wħud kellhom iħallu n-netwerks soċjali bħala riżultat, peress li jkunu esperjenzaw biża' fiżika, stress, problemi ta' konċentrazzjoni, biża' li jmorru d-dar u inkwiet dwar l-għeżież tagħhom;

AF.  billi l-prevenzjoni ta' fastidju f'ambjenti tax-xogħol tista' tinkiseb biss meta kemm il-kumpaniji privati kif ukoll dawk pubbliċi joħolqu kultura li fiha n-nisa jiġu ttrattati bħala ugwali u l-impjegati jittrattaw lil xulxin b'rispett;

AG.  billi r-riċerka wriet li l-fastidju huwa komuni ħafna fil-postijiet tax-xogħol fejn l-irġiel jiddominaw il-maniġment u n-nisa għandhom ftit poter, bħall-industriji tad-divertiment u tal-midja, iżda li dan jiġri wkoll f'kumpaniji tat-teknoloġija u tal-liġi, fil-bejgħ u f'ħafna setturi oħra jekk timijiet ta' maniġment iddominati mill-irġiel jittolleraw it-trattament sesswalizzat tal-ħaddiema; billi kumpaniji b'aktar nisa fil-maniġment għandhom inqas fastidju sesswali;

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.  Jikkundanna bil-qawwa kull tip ta' vjolenza kontra n-nisa (VAW) kif deskritt f'CEDAW u l-Konvenzjoni ta' Istanbul;

2.  Jenfasizza li l-fastidju sesswali huwa ksur tad-drittijiet tal-bniedem marbut ma' strutturi ta' poter patrijarkali li jeħtieġ li jingħata sura ġdida bħala kwistjoni ta' urġenza;

3.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-irġiel kollha sabiex jitneħħew il-forom kollha ta' fastidju u vjolenza sesswali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha jinvolvu b'mod attiv lill-irġiel f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' prevenzjoni, kif ukoll f'kampanji edukattivi għall-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza li l-kampanji ta' prevenzjoni jeħtieġ ukoll li jiffokaw fuq reati inqas serji;

4.  Isostni li miżuri ta' sensibilizzazzjoni u kampanji għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra tfajliet u nisa għandhom jiġu estiżi għas-subien ukoll u għandhom jiġu organizzati matul l-istadji inizjali tal-edukazzjoni;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jimmonitorjaw l-implimentazzjoni korretta tad-direttivi tal-UE li jipprojbixxu l-fastidju sesswali;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni u leġiżlazzjoni nazzjonali komprensivi dwar il-VAW, filwaqt li jagħtu attenzjoni xierqa biex jipprovdu riżorsi adegwati, inkluż imma mhux limitat għal taħriġ tal-persunal u ffinanzjar suffiċjenti, għall-korpi tal-ugwaljanza;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkompila eżempji tal-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra l-fastidju sesswali u psikoloġiku u l-fastidju rigward it-tqala u l-maternità fuq il-post tax-xogħol u fi sferi oħra, u xxerred ir-riżultati ta' din il-valutazzjoni b'mod wiesa';

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw mekkaniżmi ta' finanzjament xierqa u adegwati għal programmi u azzjonijiet kontra l-fastidju sesswali u psikoloġiku kontra n-nisa fil-livelli kollha, b'enfasi partikolari fuq l-użu ta' teknoloġiji ġodda u l-mezzi pprovduti mill-innovazzjoni, pereżempju permezz ta' investiment akbar fi proċessi ta' riċerka u innovazzjoni li jfittxu li jittimbraw dan il-fenomenu;

9.  Jistieden lill-Ombudsman Ewropew tiġbor data dwar ir-regoli ta' protezzjoni differenti li jeżistu fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE u toħroġ konklużjonijiet vinkolanti sabiex tarmonizza r-regoli bl-aħjar standards;

10.  Jiddispjaċih li xi Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta' Istanbul u jistieden lill-Istati Membri kollha li għadhom ma għamlux dan, biex jirratifikawha u jimplimentawha bis-sħiħ mingħajr dewmien; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri li diġà rratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul biex jimplimentawha b'mod sħiħ;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiksbu stampa ċara tal-kwistjoni dwar il-fastidju sesswali madwar l-UE bi studji aħjar u xjentifikament aktar sodi, inklużi sfidi ġodda bħall-bullying ċibernetiku;

12.  Jilqa' d-dibattitu pubbliku ġdid mifrux, inkluż fuq il-midja soċjali, li qed jikkontribwixxi għat-tfassil mill-ġdid tal-konfini fir-rigward tal-fastidju sesswali u tal-imġiba aċċettabbli; jilqa', b'mod partikolari, inizjattivi bħall-moviment #MeToo u jappoġġja bis-sħiħ lin-nisa u lit-tfajliet kollha li pparteċipaw fil-kampanja, inklużi dawk li ddenunzjaw lill-awturi tagħhom;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tikkumbatti l-fastidju morali u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, fi spazji pubbliċi u fil-ħajja politika, u biex tinkludi fiha definizzjoni aġġornata u komprensiva ta' fastidju (kemm sesswali kif ukoll mod ieħor) u fastidju morali;

14.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu miġġielda l-fastidju jew l-intimidazzjoni persistenti u prolongati tal-ħaddiema li jikkawżaw, jew huma maħsuba biex jikkawżaw l-umiljazzjoni jew l-iżolament tagħhom jew l-esklużjoni tagħhom mit-tim ta' koħaddiema tagħhom;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, f'kooperazzjoni mal-Eurostat u l-EIGE, itejbu, jippromwovu u jiżguraw il-ġbir sistematiku ta' data rilevanti, komparabbli, diżaggregata abbażi tas-sessi u l-età, dwar każijiet ta' diskriminazzjoni sesswali u dik ibbażata fuq is-sessi u l-fastidju psikoloġiku, inkluż il-fastidju ċibernetiku, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, lit-trade unions u lill-impjegaturi biex jipparteċipaw b'mod attiv fil-proċess tal-ġbir tad-data, billi jipprovdu għarfien espert speċifiku għas-settur u għax-xogħol;

16.  Jinnota li biex jinkisbu ċifri komparabbli dwar il-prevalenza tal-fastidju sesswali u tal-bullying madwar l-Istati Membri, għandhom jiġu prijoritizzati aktar is-sensibilizzazzjoni u r-rikonoxximent tal-problemi permezz ta' sforzi konċertati biex tinxtered l-informazzjoni u jingħata t-taħriġ;

17.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tissottometti proposta għal direttiva sabiex jiġu indirizzati l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-vjolenza bbażata fuq is-sessi, li għandha tinkludi definizzjonijiet komuni tat-tipi differenti ta' VAW, inkluża definizzjoni aġġornata u komprensiva tal-fastidju (b'mod sesswali jew mod ieħor) u l-fastidju morali, u standards legali komuni dwar il-kriminalizzazzjoni tal-VAW; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija komprensiva tal-UE kontra kull forma ta' vjolenza bbażata fuq is-sessi, inklużi l-fastidju sesswali u l-abbuż tan-nisa u l-bniet, li tkun ibbażata fuq testimonjanzi fil-forma ta' stejjer tan-nisa u esperjenza diretta;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu finanzjament pubbliku adegwat biex jiżguraw li l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, l-imħallfin u l-uffiċjali ċivili kollha li jittrattaw każijiet ta' bullying u ta' fastidju sesswali jkunu mħarrġa biex jifhmu l-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol u lil hinn minnu;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu servizzi speċjalizzati ta' kwalità għolja, faċilment aċċessibbli u ffinanzjati b'mod adegwat għall-vittmi tal-vjolenza bbażata fuq is-sessi u tal-fastidju sesswali u dik psikoloġika, u jirrikonoxxu li dawn il-manifestazzjonijiet ta' VAW huma interkonnessi u li jridu jiġu indirizzati permezz ta' approċċ olistiku li jfittex kemm li jkopri l-aspetti soċjokulturali li jagħtu lok għal VAW u li jippermetti lil servizzi speċjalizzati jattrezzaw lilhom infushom b'għodod ta' prevenzjoni u mmaniġġjar teknoloġiku;

20.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-gvernijiet lokali u reġjonali jipprevedu pjanijiet u riżorsi adegwati sabiex jiggarantixxu li l-vittmi tal-vjolenza u l-fastidju fiż-żoni rurali u remoti ma jiċċaħħdux mill-aċċess, jew ikunu ristretti fl-aċċess tagħhom, għall-assistenza u l-protezzjoni;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza forom emerġenti ta' vjolenza bbażata fuq is-sessi, bħall-fastidju online, billi tespandi d-definizzjoni ta' diskors ta' mibegħda illegali kif definit fil-liġi tal-UE fid-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali biex tinkludi l-misoġinija, u tiżgura li l-Kodiċi tal-Kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda online illegali jkopri wkoll dawn ir-reati; jitlob l-iżvilupp ta' programmi edukattivi biex in-nisa jitħeġġu jtejbu l-ħiliet tagħhom fl-użu tat-teknoloġiji l-ġodda, sabiex ikunu jistgħu jiffaċċjaw aħjar il-forom kollha ta' fastidju sesswali u tal-bullying fiċ-ċiberspazju, u jħeġġeġ servizzi speċjalizzati biex jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu data u sistemi ta' riżorsi kapaċi li jissorveljaw u janalizzaw il-problema tal-vjolenza bbażata fuq is-sessi mingħajr ma jiksru r-Regolament Ġenerali l-ġdid dwar il-Protezzjoni tad-Data (ir-Regolament (UE) 2016/679);

22.  Jikkundanna, barra minn hekk, l-okkorrenza wiesgħa ta' fastidju sesswali u tipi oħra ta' abbuż, b'mod partikolari fil-logħob online u fil-midja soċjali, u jinkoraġġixxi lill-kumpaniji tal-midja u l-operaturi jimmonitorjaw u jirreaġixxu mingħajr dewmien għal kwalunkwe każ ta' fastidju; jitlob, għalhekk, għal miżuri differenti, inklużi s-sensibilizzazzjoni, taħriġ speċjali u regoli interni dwar sanzjonijiet dixxiplinari fil-konfront ta' min iwettaq il-fastidju, u appoġġ psikoloġiku u/jew legali għall-vittmi ta' dawn il-prattiki, għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-bullying u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol kif ukoll f'ambjenti online;

Vjolenza fuq il-post tax-xogħol

23.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti għall-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u t-trade unions li jifhmu l-ostakoli li jiffaċċjaw in-nisa meta jirrappurtaw każijiet ta' fastidju sesswali, diskriminazzjoni u vjolenza bbażata fuq is-sessi, u, għalhekk, joffru appoġġ sħiħ u inkoraġġiment għan-nisa biex jirrapportaw każijiet ta' fastidju sesswali, diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi, fastidju minħabba raġunijiet ta' tqala u ta' maternità u bullying, fost l-oħrajn, mingħajr biża' ta' konsegwenzi possibbli, u jistabbilixxu mekkaniżmi li jagħtu s-setgħa u jappoġġjaw lin-nisa fir-rappurtar sikur ta' każijiet ta' abbuż;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki attivi u effettivi biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa, inkluż fastidju sesswali u atti ta' sessiżmu u fastidju morali li l-maġġoranza tan-nisa huma soġġetti għalihom fuq il-post tax-xogħol;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' standards dwar il-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol, li għandhom jipprovdu qafas leġiżlattiv għall-gvernijiet, l-impjegaturi, il-kumpaniji u l-azzjoni tat-trade unions fil-livelli kollha;

26.  Jinnota li xi setturi u xogħol huma esposti aktar għall-vjolenza, b'mod partikolari l-kura tas-saħħa, is-servizzi pubbliċi tal-emerġenza, il-politika, l-edukazzjoni, it-trasport, ix-xogħol domestiku, l-agrikoltura u l-ekonomija rurali, kif ukoll is-setturi tat-tessuti, tal-ħwejjeġ, tal-ġilda u taż-żraben;

27.  Jinnota li xi gruppi ta' ħaddiema jistgħu jiġu affettwati aktar mill-bullying u l-vjolenza fuq il-post tax-xogħol, speċjalment nisa tqal u ġenituri, nisa b'diżabbiltà, nisa migranti, nisa indiġeni, persuni LGBTI u nisa li jaħdmu part-time, bħala trainees jew b'kuntratti temporanji;

28.  Jinnota li mġiba mhux mixtieqa tista' toriġina simultanjament minn sorsi differenti jew tkun relatata simultanjament ma' ħajja professjonali, privata jew soċjali, li għandha effett negattiv fuq l-individwi, il-gruppi professjonali jew il-gruppi soċjali kollha f'dawk l-isferi;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu miżuri li jipprevjenu u jiġġieldu l-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol permezz ta' politiki li jistabbilixxu miżuri ta' prevenzjoni, proċeduri effettivi, trasparenti u kunfidenzjali biex jittrattaw l-ilmenti, sanzjonijiet b'saħħithom u dissważivi għall-awturi, informazzjoni u korsijiet ta' taħriġ komprensivi sabiex jiżguraw li l-ħaddiema jifhmu l-politiki u l-proċeduri, u appoġġ għall-kumpaniji biex ifasslu pjanijiet ta' azzjoni ħalli jimplimentaw dawn il-miżuri kollha; jenfasizza li dawn il-miżuri m'għandhomx jiġu inkorporati fi strutturi eżistenti jekk dawn l-istrutturi diġà jkollhom ostakoli inerenti relatati mas-sessi;

30.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestu fit-taħriġ tal-ispetturi tax-xogħol, f'kollaborazzjoni ma' psikologi speċjalisti, u jiżguraw li l-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet jipprovdu appoġġ professjonali u psikosoċjali speċjalizzat għall-vittmi;

31.  Jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jiżguraw li kemm il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet pubbliċi kif ukoll dawk privati jorganizzaw taħriġ obbligatorju dwar il-fastidju sesswali u l-bullying għall-impjegati kollha u dawk fi rwoli maniġerjali; jenfasizza li taħriġ effettiv għandu jkun interattiv, kontinwu, imfassal għall-post tax-xogħol partikolari u mogħti minn esperti esterni;

32.  Jenfasizza n-nuqqas serju ta' rappurtar ta' każijiet ta' fastidju u jenfasizza l-importanza tal-preżenza ta' kunsilliera kunfidenzjali mħarrġa f'kull organizzazzjoni biex jappoġġjaw lill-vittmi, jassistu fir-rappurtar u jipprovdu assistenza legali;

33.  Jenfasizza li l-kumpaniji għandu jkollhom approċċ ta' tolleranza żero għall-fastidju sesswali u politiki li jwasslu għalih, u li kumpaniji jridu jiżguraw li l-impjegati kollha jkunu konxji minn dawn il-politiki, proċeduri ta' rappurtar u drittijiet u responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tal-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol;

34.  Jistieden lill-kumpaniji tal-midja jipproteġu u jappoġġjaw lill-ġurnalisti li huma vittmi ta' bullying ċibernetiku u jadottaw sensiela ta' prattiki tajbin bħalma huma l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni, it-taħriġ adegwat ta' mmaniġġjar inkluż dwar il-prevenzjoni tal-għoti ta' kolpevolezza lill-vittmi u tal-vittimizzazzjoni sekondarja, il-miżuri li jtejbu ċ-ċibersigurtà u l-għoti ta' appoġġ legali meta jitressaq ilment lill-persuna kkonċernata;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw paga ugwali għan-nisa u l-irġiel bħala mezz biex jiġi evitat l-abbuż tal-poter u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, li huma fundamentali għall-ġlieda kontra l-VAW; jenfasizza li paga ugwali għandha tiġi garantita permezz ta' trasparenza fil-pagi, u billi jinżamm id-dritt għall-informazzjoni għal vittmi preżunti, filwaqt li jiġu żgurati t-trattament ugwali u l-opportunitajiet ta' impjieg bejn in-nisa u l-irġiel, u billi jiġu żgurati u ffaċilitati l-aċċess tan-nisa għal karigi ta' teħid ta' deċiżjonijiet u ta' maniġment superjuri, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat, biex b'hekk tiġi żgurata rappreżentazzjoni bbilanċjata tan-nisa fil-bordijiet tad-diretturi; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżblokkaw id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet, li ilha wieqfa fil-Kunsill mill-2013;

36.  Iqis li huwa meħtieġ approċċ komprensiv għall-vjolenza fuq il-post tax-xogħol, li għandu jinkludi r-rikonoxximent tal-koeżistenza tal-bullying u l-fastidju sesswali u fastidju abbażi tat-tqala u l-maternità b'diversi forom ta' xogħol mhux imħallas fl-ekonomiji formali u informali (bħall-agrikoltura ta' sussistenza, it-tħejjija tal-ikel, il-kura tat-tfal u l-anzjani) u firxa ta' skemi ta' esperjenzi tax-xogħol (bħall-apprendistati, l-internships u x-xogħol volontarju);

37.  Jitlob l-adozzjoni rapida tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub (id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE); itenni t-talba tiegħu għal direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, li għandha tkopri miżuri għall-ġlieda kontra l-fastidju morali u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol;

38.  Jirrikonoxxi li l-vjolenza domestika ta' spiss ikollha riperkussjonijiet fuq il-post tax-xogħol, b'impatt negattiv fuq il-ħajja tal-ħaddiema u l-produttività tal-intrapriżi, u li din ir-riperkussjoni tista' tmur ukoll fid-direzzjoni opposta, mill-post tax-xogħol għad-dar; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tipprovdi gwida dwar l-applikabbiltà ta' ordnijiet Ewropej ta' protezzjoni fuq il-post tax-xogħol u tiċċara l-kwistjoni tar-responsabbiltajiet tal-impjegaturi;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu dan il-fenomenu ta' fastidju abbażi ta' tqala u maternità fl-impjieg;

Vjolenza fil-ħajja politika

40.  Jistieden lill-politiċi kollha jżommu l-ogħla standards ta' mġiba u jaġixxu bħala mudelli responsabbli fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju sesswali fil-parlamenti u lil hinn;

41.  Jikkundanna l-forom kollha ta' fastidju fil-konfront tal-politiċi nisa fuq il-midja soċjali fil-forma ta' "trolling", li jinvolvi l-ippowstjar ta' messaġġi sessisti u abbużivi, inkluż theddid ta' mewt u ta' stupru;

42.  Jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti politiki u proċeduri bejn il-partiti biex jipproteġu lill-individwi eletti f'karigi politiċi, kif ukoll lill-impjegati;

43.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-listi ta' parità fil-livelli kollha għandhom rwol essenzjali biex jippermettu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u jsawru mill-ġdid l-istrutturi tal-poter li jiddiskriminaw kontra n-nisa; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu listi bħal dawn għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew;

44.  Jistieden lill-partiti politiċi kollha, inklużi dawk rappreżentati fil-Parlament Ewropew, jieħdu passi konkreti biex jindirizzaw din il-problema, inkluża l-introduzzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni u r-reviżjoni tar-regolamenti dwar il-partiti interni biex jintroduċu politika ta' tolleranza żero, miżuri preventivi, proċeduri biex jiġu indirizzati l-ilmenti u sanzjonijiet xierqa għal min iwettaq fastidju sesswali u bullying tan-nisa fil-politika;

45.  Jistieden lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali u lill-kunsilli lokali jappoġġjaw bis-sħiħ lill-vittmi fil-qafas ta' proċeduri interni u/jew mal-pulizija, jinvestigaw każijiet, iżommu reġistru kunfidenzjali ta' każijiet tul iż-żmien, jiżguraw taħriġ obbligatorju għall-persunal kollu u l-membri kollha dwar ir-rispett u d-dinjità, u jadottaw azzjonijiet oħra tal-aqwa prassi sabiex jiggarantixxu tolleranza żero fil-livelli kollha fl-istituzzjonijiet rispettivi tagħhom;

46.  Iħeġġeġ lill-atturi rilevanti kollha jiżguraw l-implimentazzjoni komprensiva u rapida tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju sesswali u l-abbuż fl-UE; iqis li huwa dmir tiegħu li jiżgura tolleranza żero tal-fastidju sesswali u li jipproteġi b'mod adegwat lill-vittmi u jappoġġjahom; jitlob, f'dan ir-rigward għal:

–  task force ta' esperti indipendenti li jeżaminaw is-sitwazzjoni tal-fastidju sesswali u l-abbuż fil-Parlament;

–  evalwazzjoni u, jekk meħtieġ, reviżjoni tal-kompożizzjoni tal-korpi kompetenti tal-Parlament sabiex jiġu żgurati l-indipendenza u l-bilanċ bejn is-sessi;

–  taħriġ obbligatorju għall-persunal kollu u l-Membri;

–  skeda ta' żmien ċara għall-implimentazzjoni komprensiva tat-talbiet kollha li jkunu saru fir-riżoluzzjoni;

47.  Jistieden lill-politiċi jħeġġu t-taħriġ fil-maniġment u jattendu t-taħriġ huma nfushom sabiex jiġu evitati attitudnijiet ta' laissez-faire min-naħa tat-tmexxija u jiġu identifikati sitwazzjonijiet li fihom isseħħ il-VAW;

Vjolenza fi spazji pubbliċi

48.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta definizzjoni ta' spazju pubbliku, filwaqt li tqis l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u għalhekk tinkludi f'dik id-definizzjoni spazji pubbliċi "virtwali" bħal netwerks soċjali u siti web;

49.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw li jintroduċu leġiżlazzjoni speċifika dwar il-fastidju fi spazji pubbliċi, inklużi programmi ta' intervent, b'fokus speċifiku fuq ir-rwol ta' intervent minn dawk il-persuni li jkunu fil-qrib;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu aktar riċerka dwar il-kawżi u l-konsegwenzi tal-fastidju sesswali fi spazji pubbliċi, inkluż l-impatt li r-reklami sessisti u sterjotipati jista' jkollhom fuq l-inċidenza ta' vjolenza u fastidju;

51.  Jenfasizza li l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni għall-ġlieda kontra l-isterjotipi tas-sessi u r-relazzjonijiet ta' poter patrijarkali u l-promozzjoni ta' tolleranza żero tal-fastidju sesswali huma fost l-aħjar għodod biex jgħinu jindirizzaw il-vjolenza bbażata fuq is-sessi fi spazji pubbliċi;

52.  Jenfasizza li l-edukazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi f'kull livell hija għodda fundamentali għall-evitar u l-eliminazzjoni ta' dawn il-forom ta' mġiba ħażina, it-tibdil tal-inklinazzjonijiet mentali u t-tnaqqis tat-tolleranza kulturali tas-sessiżmu u l-fastidju sesswali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu introdotti programmi edukattivi u dibattiti dwar is-suġġett fl-iskejjel; jinnota li, f'kooperazzjoni ma' NGOs u korpi għall-ugwaljanza rilevanti, dawn il-programmi u dibattiti għandhom, fejn meħtieġ u xieraq, jinkludu informazzjoni u diskussjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-fastidju sesswali u l-miżuri kontrieh sabiex iqajmu kuxjenza dwar id-drittijiet tal-vittmi u jfakkru lin-nies tar-rabtiet tiegħu mal-oġġettifikazzjoni tan-nisa;

53.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu kampanji ta' sensibilizzazzjoni fl-iskejjel sekondarji u jinkludu l-kwistjoni tal-bullying ċibernetiku f'kurrikuli edukattivi, fl-iskejjel u fl-universitajiet; jitlob, b'mod partikolari, għat-tkomplija tal-kampanja ta' suċċess "Aqta' l-Bullying Ċibernetiku" u l-inizjattiva "Internet Aktar Sikur", bil-għan li jiġġieldu l-bullying u l-fastidju sesswali sabiex jgħinu liż-żgħażagħ, iċ-ċittadini futuri tal-UE, jifhmu l-bżonn li nersqu eqreb lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi u nirrispettaw lin-nisa;

54.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta' rapporti fl-iskejjel biex jinżamm rendikont tal-każijiet kollha tal-bullying ċibernetiku;

55.  Jinnota li xi miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri wrew li huma effettivi biex inaqqsu l-fastidju fi spazji pubbliċi, bħas-sorveljanza formali (iż-żieda fil-preżenza tal-pulizija u/jew persunal tat-trasport fuq it-trasport pubbliku, televiżjoni b'ċirkwit magħluq (CCTV)) u sorveljanza naturali (viżibbiltà aħjar u dawl aħjar);

56.  Jistieden lill-Istati Membri jfakkru lill-fornituri tas-servizz tal-internet dwar id-dmir tagħhom li jipproteġu lill-klijenti online tagħhom billi jindirizzaw każijiet ta' abbuż ripetittiv jew stalking sabiex jipproteġu lill-vittma, jinfurmaw lill-awturi li dawn ma jistgħux jaġixxu b'impunità, u b'hekk ibiddlu l-imġiba tal-awtur;

57.  Jistieden lill-Istati Membri, bl-għajnuna ta' esperti tal-IT u korpi superviżorji xierqa, pereżempju forzi tal-pulizija postali, jeżerċitaw skrutinju akbar fuq il-websajts sabiex jipproteġu lill-vittmi tal-bullying u l-fastidju sesswali u, fejn meħtieġ, jipprevjenu u jikkastigaw ir-reati;

58.  Jistieden lill-Istati Membri jużaw il-mezzi meħtieġa biex jeliminaw il-lingwaġġ użata fil-midja, il-politika u d-diskors pubbliku li jinkoraġġixxi mġiba vjolenti u jmaqdar lin-nisa, u b'hekk jikser id-dinjità umana tagħhom;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni tagħhom u d-definizzjoni tagħhom ta' vjolenza bbażata fuq is-sessi f'konformità mad-definizzjoni tal-VAW fil-Konvenzjoni ta' Istanbul, sabiex tiżdied l-effettività tal-liġijiet kontra l-fastidju u l-fastidju morali;

60.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ għall-implimentazzjoni adegwata tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tipprojbixxi l-fastidju sesswali u jiżguraw li l-korpi tal-ugwaljanza f'kull Stat Membru jkollhom riżorsi suffiċjenti biex jaġixxu kontra d-diskriminazzjoni;

°

°  °

61.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.

(2)

http://fra.europa.eu/en/publication/2014/violence-against-women-eu-wide-survey-main-results-report

(3)

ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(4)

ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.

(5)

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(6)

https://rm.coe.int/168008482e

(7)

Testi adottati, P8_TA(2017)0329.

(8)

ĠU C 77 E, 28.3.2002, p. 138.

(9)

ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 53.

(10)

ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 26.

(11)

ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 102.

(12)

ĠU C 285, 29.8.2017, p. 2.

(13)

Testi adottati, P8_TA(2016)0451.

(14)

Testi adottati, P8_TA(2017)0073.

(15)

ĠU C 316, 30.8.2016, p. 2.

(16)

Testi adottati, P8_TA(2017)0402.

(17)

Testi adottati, P8_TA(2017)0417.

(18)

https://www.ipu.org/resources/publications/reports/2016-10/sexism-harassment-and-violence-against-women-parliamentarians

(19)

Studju – "Bullying and sexual harassment at the workplace, in public spaces, and in political life in the EU" (Il-Bullying u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, fi spazji pubbliċi, u fil-ħajja politika fl-UE), il-Parlament Ewropew, id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, id-Dipartiment tal-Politika għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, Marzu 2018.

(20)

https://www.tuc.org.uk/sites/default/files/SexualHarassmentreport2016.pdf


NOTA SPJEGATTIVA

Il-fastidju sesswali u l-fastidju morali huma tnejn mill-aktar forom estremi u saħansitra mifruxa ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi, li 90 % tal-vittmi tagħha huma nisa. Sa 55 % tan-nisa ġarrbu fastidju sesswali fl-UE u mara waħda minn kull għaxra kienet soġġetta għal fastidju sesswali jew stalking bl-użu ta' teknoloġiji ġodda. Minkejja l-fatt li l-vjolenza u l-fastidju sesswali jirrappreżentaw nuqqas ta' kunsiderazzjoni sfaċċata għall-ugwaljanza bejn is-sessi, u għalhekk jikkontradixxu wieħed mill-valuri ewlenin tal-UE u bosta deċennji ta' leġiżlazzjoni komprensiva internazzjonali, dawn huma problema reali u persistenti ħafna, fi kważi kull pajjiż fid-dinja.

Il-leġiżlazzjoni li ġiet implimentata biex tindirizza l-vjolenza u l-fastidju tvarja madwar l-UE, filwaqt li tirrifletti d-differenzi soċjali, kulturali, legali u amministrattivi fl-Istati Membri – speċjalment f'termini ta' saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-maġġoranza tal-Istati Membri jittrattaw il-vjolenza u l-fastidju permezz ta' leġiżlazzjoni dwar it-trattament ugwali jew liġi ġenerali dwar ix-xogħol minflok permezz ta' leġiżlazzjoni speċifika dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OSH). Dawn id-differenzi huma riflessi wkoll fid-definizzjonijiet varji tal-fastidju sesswali, il-vjolenza, u l-fastidju morali. Il-ħidma lejn approċċ madwar l-UE dwar id-definizzjoni ta' vjolenza fuq in-nisa, u l-istudju tal-kawżi u l-konsegwenzi tagħha huma essenzjali għal inizjattivi fil-livell tal-UE.

Fid-dritt tal-UE, il-fastidju sesswali huwa ddefinit bħala "fejn kwalunkwe forma ta' mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhux mixtieqa ta' natura sesswali sseħħ bl-iskop jew bl-effett li tikser id-dinjità ta' persuna, b'mod partikolari meta toħloq ambjent ta' intimidazzjoni, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv". Barra minn hekk, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tiddefinixxi l-vjolenza bbażata fuq is-sessi bħala ksur tal-libertajiet fundamentali tal-vittma u tinkludi vjolenza sesswali (inklużi stupru, attakk u fastidju sesswali).

Il-fastidju sesswali u l-fastidju morali huma fenomeni li jinvolvu vittmi u awturi ta' kull età, kull sfond edukattiv u kull status soċjoekonomiku. Dawn huma kkawżati mill-isterjotipizzazzjoni tas-sessi u mis-sessiżmu, inkluż diskors ta' mibegħda sessista, li jistgħu jwasslu għal forom ulterjuri ta' vjolenza li tiddemoralizza, filwaqt li ma taffettwax biss lill-vittmi nfushom, iżda anke lill-familji tagħhom.

Id-differenzi bejn l-Istati Membri fid-definizzjoni ta' fastidju u vjolenza sesswali u fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni dwarhom, iħallu impatt fuq jekk każ jitqiesx bħala ksur tad-dinjità ta' persuna u b'hekk fuq jekk dan jiġix irrappurtat bħala każ ta' vjolenza u fastidju. Pereżempju, in-nisa mhux dejjem jirrealizzaw li l-azzjoni meħuda kontrihom tikkostitwixxi fastidju sesswali jew fastidju morali u b'hekk ma jirrappurtawhiex. Barra minn hekk, bosta vittmi ta' vjolenza u fastidju ma jiħdux azzjoni legali minħabba l-prospetti limitati ta' suċċess jew minħabba r-riskju ta' ritaljazzjoni. Għalhekk, in-nuqqas ta' rappurtar huwa problema madwar id-dinja, inkluża l-UE.

Ir-raġunijiet ewlenin għal-livell baxx ta' rikonoxximent ta' fastidju sesswali u fastidju morali fil-livell tal-pajjiżi jinkludu nuqqas ta' sensibilizzazzjoni dwar x'jikkostitwixxi fastidju sesswali, ftit għodda/metodi xierqa għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tal-kwistjoni, prijoritizzazzjoni baxxa tal-kwistjoni mill-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet, evidenza xjentifika limitata, u ftit regolamenti speċifiċi dwar il-kwistjoni.

Ta' spiss, fuq il-post tax-xogħol, il-fastidju sesswali u l-fastidju morali jistgħu jiġu aggravati minn problemi bħall-istruttura tax-xogħol ta' kumpanija jew organizzazzjoni, maniġment inkompetenti, il-vulnerabbiltajiet soċjali tal-vittma, ambjent negattiv jew ostili, u kultura li taċċetta jew saħansitra tippremja involontarjament il-fastidju.

F'termini ta' ħajja politika, il-vjolenza fuq in-nisa ta' spiss tintuża biex tiskoraġġixxi lin-nisa milli jkunu jew isiru attivi fil-politika. Twettqu kampanji madwar id-dinja għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa fil-politika, bħal #NotTheCost. L-iskoraġġimenti jirriżultaw mill-isterjotip li n-nisa mhumiex maqtugħa għall-politika u tali attitudnijiet ixekklu lil bosta nisa milli jinvolvu ruħhom fil-politika. Dawk li jsostnu dawn l-ideat ivarjaw minn avversarji politiċi, sa ċittadini mhux issodisfati, xi kultant inklużi persuni dominanti oħra ta' awtorità bħal mexxejja reliġjużi jew saħansitra membri tal-familja tal-persuna stess.

Għalkemm il-fastidju sesswali fi spazji pubbliċi huwa mifrux, ta' spiss dan ma jiġix irrappurtat u mhuwiex kopert minn riċerka jew minn leġiżlazzjoni xierqa. Dan jista' jsir fit-trasport pubbliku, fit-triq, f'bars u f'ristoranti. Dan isir ukoll f'fora online, peress li l-espansjoni fl-aċċess għal teknoloġiji ġodda ħolqot saħansitra aktar possibbiltajiet għall-fastidju u l-vjolenza f'kull livell u qasam tas-soċjetà u għall-awturi biex jaġixxu b'impunità minħabba l-anonimità online.

Il-fastidju sesswali u l-fastidju morali jista' jkollhom effetti ta' ħsara fit-tul fuq il-vittmi, inklużi implikazzjonijiet profondi fuq is-saħħa psikoloġika (ansjetà u biża'), u fuq dik fiżika (tbenġil, feriti u saħansitra mewt). Il-konsegwenzi individwali tal-fastidju fuq il-post tax-xogħol jistgħu jvarjaw minn episodji ta' ftit stress sa liv fit-tul minħabba mard, u xi kultant saħansitra jistgħu jkunu kawża ta' suwiċidju. Barra minn hekk, il-vjolenza m'għandhiex biss impatt fuq il-vittma iżda anke fuq il-familja tagħha. Il-vittmi nisa tal-vjolenza bbażata fuq is-sessi u t-tfal tagħhom ta' spiss jirrikjedu appoġġ u protezzjoni speċjali minħabba r-riskju għoli li l-fastidju u l-vjolenza jiġu ripetuti.

Kif juri dan ir-rapport, hemm bżonn urġenti ta' żieda fl-għarfien, pereżempju permezz tal-ġbir ta' data komparabbli diżaggregata rilevanti, u fehim tar-riskji u l-konsegwenzi tal-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol, fi spazji pubbliċi, fil-ħajja politika sabiex jinstabu mezzi u metodi possibbli biex dawn jiġu indirizzati. Jeħtieġ ukoll li jiġu ċċarati t-termini, id-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet użati fir-rigward tat-tipi differenti ta' vjolenza sesswali u dik ibbażata fuq is-sessi.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.7.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Heinz K. Becker, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Florent Marcellesi, Angelika Mlinar, Krisztina Morvai, Maria Noichl, Margot Parker, Marijana Petir, Pina Picierno, Liliana Rodrigues, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Anna Záborská, Maria Gabriela Zoană

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Lívia Járóka, Kostadinka Kuneva, Clare Moody, Mylène Troszczynski

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Cornelia Ernst


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

21

+

ALDE

Angelika Mlinar

GUE/NGL

Malin Björk, Cornelia Ernst, Kostadinka Kuneva

NI

Krisztina Morvai

PPE

Heinz K. Becker, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Elissavet Vozemberg-Vrionidi

S&D

Maria Arena, Vilija Blinkevičiūtė, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Clare Moody, Maria Noichl, Pina Picierno, Liliana Rodrigues, Maria Gabriela Zoană

VERTS/ALE

Florent Marcellesi, Ernest Urtasun

0

-

 

 

5

0

EFDD

Margot Parker

ENF

Mylène Troszczynski

PPE

Marijana Petir, Michaela Šojdrová, Anna Záborská

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Awwissu 2018Avviż legali