Proċedura : 2018/2008(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0267/2018

Testi mressqa :

A8-0267/2018

Dibattiti :

PV 13/09/2018 - 5
CRE 13/09/2018 - 5

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.15
CRE 13/09/2018 - 10.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0357

RAPPORT     
PDF 838kWORD 89k
19.7.2018
PE 618.324v02-00 A8-0267/2018

dwar il-kwalità dupliċi tal-prodotti fis-suq uniku

(2018/2008(INI))

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

Rapporteur: Olga Sehnalová

Rapporteur għal opinjoni (*):

Biljana Borzan, Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

(*)  Kumitat assoċjat - Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
 ANNESS: LISTA TA' ENTITAJIET JEW PERSUNI LI MINGĦANDHOM IR-RAPPORTEUR IRĊEVIET KONTRIBUT
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwalità dupliċi tal-prodotti fis-suq uniku

(2018/2008(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004(3),

–  wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2017 bit-titolu "L-applikazzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ikel minħabba kwistjonijiet ta' differenzi fil-kwalità tal-istess prodotti – Il-każ speċifiku tal-ikel",

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2016 dwar gwida għall-implimentazzjoni/applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali (SWD(2016)0163),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2016 dwar approċċ komprensiv għall-istimolu ta' kummerċ elettroniku transfruntier għaċ-ċittadini u n-negozji tal-Ewropa (COM(2016)0320),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018: Aġenda għal Ewropa aktar magħquda, aktar b'saħħitha u aktar demokratika" (COM(2017)0650),

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-President Jean-Claude Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni tat-13 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Marzu 2017, u b'mod partikolari l-paragrafu 3 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tat-3 524 laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd tas-6 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-minuti tal-2 203 laqgħa tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-briefing maħruġ mid-Dipartiment Tematiku A tiegħu f'Jannar 2012 dwar prattiki tal-imballaġġ qarrieqa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar aġenda ġdida għall-Politika Ewropea tal-Konsumatur(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2012 dwar strateġija għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi vulnerabbli(5), b'mod partikolari l-paragrafu 6 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiki Kummerċjali Żleali(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE(8), b'mod partikolari l-paragrafu 14 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rapport annwali dwar il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE(9), b'mod partikolari l-paragrafu 178 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-interpellanza maġġuri tiegħu tal-15 ta' Marzu 2017 dwar id-differenzi fid-dikjarazzjonijiet, il-kompożizzjoni u t-togħma tal-prodotti fis-swieq Ċentrali/tal-Lvant u tal-Punent tal-UE(10),

–  wara li kkunsidra l-briefing tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ta' Ġunju 2017 bit-titolu "Dual quality of branded food products: Addressing a possible east-west divide" (Il-kwalità dupliċi ta' prodotti tal-ikel tad-ditta: nindirizzaw il-possibbiltà ta' distakk bejn il-Lvant u l-Punent),

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ dwar l-ikel u l-konsumaturi Ċeki mwettaq mill-Awtorità Ċeka tal-Ispezzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura fi Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-istudju speċjali dwar il-kwistjoni tal-kwalità dupliċi u l-kompożizzjoni tal-prodotti kkummerċjalizzati fis-suq uniku tal-Unjoni Ewropea mill-perspettiva tal-liġi tal-ħarsien tal-konsumatur (b'mod partikolari l-prattiki kummerċjali żleali), id-dritt tal-kompetizzjoni (speċjalment il-kompetizzjoni inġusta) u d-drittijiet tal-proprjetà industrijali, maħruġ mill-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta' Palacký, Olomuc, fl-2017,

–  wara li kkunsidra d-diversi stħarriġiet, studji u testijiet imwettqa f'dawn l-aħħar snin mill-awtoritajiet tal-ispezzjoni tal-ikel f'ħafna Stati Membri fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Nielsen ta' Novembru 2014 dwar l-istat tat-tikketta privata madwar id-dinja,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' April 2018 dwar Patt Ġdid għall-Konsumaturi (COM(2018)0183),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' April 2018 dwar infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (COM(2018)0185),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali,

–  wara li kkunsidra l-ittra konġunta tar-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Slovakka tat-23 ta' Marzu 2018 lill-Kummissjoni dwar il-kwistjoni tal-kwalità dupliċi tal-prodotti fil-kuntest tal-Patt Ġdid għall-Konsumaturi,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-istudji komparattivi mwettqa mill-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur f'diversi Stati Membri tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi aġġornata d-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali (UCPD) sabiex ikun espliċitu li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jivvalutaw u jindirizzaw prattiċi kummerċjali żleali li jinvolvu l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti bħala identiċi f'diversi pajjiżi tal-UE, meta l-kompożizzjoni jew il-karatteristiċi tagħhom ikunu differenti b'mod sinifikanti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0267/2018),

A.  billi meta jippromwovu, ibigħu jew ifornu prodotti, il-kumpaniji għandhom jipprovdu lill-konsumaturi informazzjoni preċiża u faċli biex tinftiehem dwar il-kompożizzjoni eżatta tal-prodott, inkluż fir-rigward ta' prodotti u riċetti lokali, sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni ta' akkwist infurmata;

B.  billi prinċipju ewlieni għad-ditti għandu jkun li l-konsumaturi jkollhom fiduċja fil-kompożizzjoni, il-valur u l-kwalità ta' prodott; billi huwa d-dmir tal-manifatturi, għalhekk, li jassiguraw li dawn l-aspettattivi jintlaħqu;

C.  billi l-konsumaturi mhumiex konxji li prodotti tal-istess marka u bl-istess imballaġġ jiġu aġġustati għall-preferenzi u l-gosti lokali, u billi d-differenza fil-kwalità tal-prodotti tqajjem tħassib dwar il-fatt li xi Stati Membri jiġu trattati b'mod differenti minn oħrajn; billi l-Unjoni Ewropea diġà żviluppat tikketti bil-għan li tissodisfa l-aspettattivi speċifiċi tal-konsumaturi u biex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-produzzjoni rikonoxxuti bl-użu ta' indikazzjonijiet tal-kwalità;

D.  billi d-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali (UCPD) hija l-għodda leġiżlattiva ewlenija tal-Unjoni sabiex din tiżgura li l-konsumaturi ma jiġux esposti għal reklamar qarrieqi u prattiki żleali oħra fi tranżazzjonijiet min-negozju għall-konsumatur, inkluża l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti li jkollhom marka identika b'tali mod li tista' twassal biex tqarraq bil-konsumaturi;

E.  billi fid-Direttiva UCPD il-prattiki kummerċjali żleali jistgħu jiġu fformulati b'tali mod li jkunu pprojbiti f'kull ċirkustanza jew f'ċerti ċirkustanzi biss; billi skont il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, l-inklużjoni ta' prattika fil-lista tal-Anness I għall-UCPD, fejn xieraq, iwassal għal ċertezza legali akbar u b'hekk għal kompetizzjoni aktar ġusta fost il-produtturi fis-suq;

F.  billi l-konsumaturi jagħmlu assoċjazzjoni bejn il-marka, il-prodott u l-kwalità u għalhekk jistennew li prodotti tal-istess marka u/jew li huma identiċi fl-apparenza jkunu bl-istess mod identiċi wkoll fil-kwalità, kemm jekk jinbiegħu f'pajjiżhom stess kif ukoll jekk jinbiegħu fi Stat Membru ieħor;

G.  billi l-konsumaturi jagħmlu wkoll assoċjazzjoni bejn il-marka u t-tikketta jew l-imballaġġ ta' prodott agrikolu jew alimentari u l-kwalità, u minħabba f'hekk jistennew li prodotti tal-istess marka li jkunu kkummerċjalizzati bl-istess tikketta jew li jkunu identiċi fl-apparenza għandhom ikunu bl-istess mod identiċi kemm fil-kwalità kif ukoll fil-kompożizzjoni, kemm jekk jinbiegħu f'pajjiżhom stess kif ukoll jekk jinbiegħu fi Stat Membru ieħor; billi l-bdiewa kollha fl-Unjoni Ewropea jipproduċu prodotti bl-istess standards għoljin, u l-konsumaturi jistennew li din l-uniformità ta' kwalità tiġi estiża għal prodotti oħra fil-katina tal-ikel, irrispettivament mill-ġurisdizzjoni li jgħixu fiha;

H.  billi ċ-ċittadini kollha tal-UE jistħoqqilhom trattament ugwali fir-rigward tal-prodotti tal-ikel u dawk mhux tal-ikel mibjugħa fis-suq uniku;

I.  billi l-prattiki żleali f'dan ir-rigward iridu jiġu eliminati bil-għan li l-konsumaturi ma jiġux imqarrqa, u billi sinerġija b'saħħitha fil-livell tal-UE biss tista' ssolvi din il-kwistjoni transfruntiera;

J.  billi sabiex prattika kummerċjali titqies żleali skont il-UCPD, l-Istati Membri jridu jwettqu valutazzjoni każ b'każ, ħlief fil-każ tal-prattiki elenkati fl-Anness I;

K.  billi l-President Juncker, fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni 2017, saħaq li mhuwiex aċċettabbli li f'xi partijiet tal-Ewropa qed jinbiegħ lin-nies ikel ta' kwalità aktar baxxa minn dik f'pajjiżi oħra, minkejja li l-imballaġġ u l-marka jkunu identiċi;

L.  billi dehru differenzi sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-UCPD minn Stat Membru għal ieħor, filwaqt li l-approċċi metodoloġiċi u l-effikaċja tal-implimentazzjoni kif ukoll l-infurzar tad-direttiva jvarjaw b'mod sinifikanti fost l-Istati Membri;

M.  billi ħafna drabi l-marka għandha l-aktar rwol importanti fid-deċiżjonijiet dwar il-valur ta' prodott;

N.  billi qafas imsaħħaħ u aktar effiċjenti ta' kooperazzjoni fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni jippromwovi l-fiduċja tal-konsumatur u jnaqqas il-ħsara lill-konsumatur;

O.  billi l-konsumaturi kollha fl-UE għandhom l-istess drittijiet, u billi l-analiżijiet juru li ċerti produtturi u manifatturi biegħu prodotti bi standards ta' kwalità differenti taħt l-istess marka u b'apparenza identika qarrieqa, u ċerti prodotti f'xi pajjiżi kien fihom kwantità iżgħar tal-ingredjent ewlieni jew ingredjenti ta' kwalità aktar baxxa minflok ingredjenti ta' kwalità ogħla; billi din il-problema hija aktar mifruxa fl-Istati Membri li ssieħbu mal-UE mill-2004 'l hawn; billi l-analiżijiet sabu każijiet fejn l-istess prodotti jew dawk b'apparenza identika qarrieqa u ta' kwalità aktar baxxa jew b'togħma, konsistenza jew karatteristiċi sensorjali differenti kienu qed jinbiegħu bi prezzijiet li jvarjaw b'mod konsiderevoli minn pajjiż għal ieħor; billi anke jekk dan ma jiksirx il-prinċipji tal-ekonomija orjentata lejn is-suq jew ir-regoli attwali dwar it-tikkettar jew liġijiet oħrajn dwar l-ikel, xorta huwa abbuż tal-identità tal-marka u għaldaqstant jostakola l-prinċipju li l-konsumaturi kollha jiġu ttrattati b'mod ugwali;

P.  billi kien hemm każijiet ta' differenzi sostanzjali fi prodotti bħal ikel tat-trabi, u dan ipoġġi f'dubju l-prinċipji u dak li jsostnu l-manifatturi, jiġifieri li huma qed jaġġustaw il-prodotti tagħhom biex jissodisfaw il-preferenzi lokali; billi xi konklużjonijiet mil-laboratorji jikkonfermaw li prodotti ta' kwalità aktar baxxa jaf ikun fihom taħlitiet ta' ingredjenti li huma anqas tajba għas-saħħa, u għaldaqstant imorru kontra l-prinċipju ta' trattament ugwali tal-konsumaturi kollha; billi xi rappreżentanti tal-produtturi u l-manifatturi qablu li jemendaw ir-riċetti tal-prodotti tagħhom f'xi pajjiżi sabiex jiġu offruti prodotti identiċi fis-suq uniku kollu;

Q.  billi dawn il-prattiki inaċċettabbli qed jitwettqu minn kumpaniji multinazzjonali agroalimentari magħrufa sew bil-għan li jimmassimizzaw il-marġni tal-profitt tagħhom billi jisfruttaw id-differenzi fil-kapaċità tal-akkwist minn Stati Membru għal ieħor;

R.  billi fil-proposta dwar Patt Ġdid għall-Konsumaturi, li tipproponi reviżjoni mmirata tad-direttivi tal-konsumatur tal-UE li ssegwi l-Kontroll tal-Idoneità tal-liġijiet dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni tal-UE, il-Kummissjoni ssuġġeriet li l-UCPD tiġi aġġornata sabiex ikun ċar li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jivvalutaw u jindirizzaw il-prattiki kummerċjali qarrieqa li jinvolvu l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti bħala identiċi f'diversi Stati Membri, meta l-kompożizzjoni jew il-karatteristiċi tagħhom ikunu konsiderevolment differenti;

S.  billi filwaqt li l-konsumaturi m'għandhomx jiġu żgwidati, id-divrenzjar u l-innovazzjoni tal-prodott m'għandhomx jiġu ristretti bħala tali;

T.  billi s-suq uniku ġab benefiċċji kbar lill-operaturi fil-katina tal-provvista tal-ikel, u billi l-kummerċ tal-ikel għandu dimensjoni transfruntiera dejjem aktar sinifikanti u huwa ta' importanza partikolari għall-funzjonament tas-suq uniku;

U.  billi sabiex jitgawdew bis-sħiħ il-benefiċċji tas-suq intern, hu kruċjali li l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-ikel u l-konsumatur tiġi applikata aħjar biex jiġu identifikati u indirizzati standards dupliċi mhux ġustifikati, u b'hekk il-konsumaturi jiġu protetti minn informazzjoni u prattiki kummerċjali qarrieqa;

V.  billi teżisti ħtieġa kontinwa li r-rwol tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur jissaħħaħ f'dan ir-rigward; billi l-assoċċjazzjonijiet tal-konsumatur għandhom rwol uniku biex jizguraw il-fiduċja tal-konsumatur u għandhom ikomplu jiġu sostnuti permezz ta' miżuri legali u ekonomiċi addizzjonali u bit-tisħiħ tal-kapaċitajiet;

W.  billi d-differenzi li ntwera li jeżistu fl-ingredjenti fi prodotti komparabbli jistgħu, fuq terminu twil, joħolqu riskju għas-saħħa tal-konsumaturi, partikolarment fil-każ ta' konsumaturi vulnerabbli bħat-tfal jew persuni bi problemi djetetiċi u/jew ta' saħħa, u b'hekk jikkontribwixxu għal deterjorament tal-benessri taċ-ċittadini; billi dan huwa l-każ, pereżempju, fejn il-livell ta' xaħam u/jew ta' zokkor ikun ogħla milli mistenni, fejn xaħmijiet li joriġinaw mill-annimali jiġu ssostitwiti minn xaħmijiet ta' oriġini veġetali jew viċeversa, fejn iz-zokkor jiġi ssostitwit minn dolċifikanti artifiċjali, jew fejn jiżdied il-kontenut tal-melħ; billi t-tikkettar li ma jagħtix stampa ċara tal-addittivi użati jew tan-numru ta' prodotti li jissostitwixxu ingredjenti bażiċi jqarrqu bil-konsumaturi u jistgħu joħolqu riskju għal saħħithom;

X.  billi m'hemm l-ebda regolament leġiżlattiv dwar il-kwalità dupliċi fil-livell tal-UE u għalhekk huwa impossibbli li titqabbel il-kwalità jew li jiġu identifikati każijiet ta' kwalità dupliċi u dan ifisser li m'hemm l-ebda strument li jista' jintuża biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni; billi s-servizzi għall-Awditi u l-Analiżi tal-Ikel u tas-Saħħa tal-Kummissjoni rrappurtaw, b'mod regolari, diversi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u l-infurzar tar-rekwiżiti applikabbli tal-liġi dwar l-ikel tal-UE, pereżempju fit-tikkettar tal-laħam isseparat b'mod mekkaniku(12) jew fl-użu ta' addittivi tal-ikel(13);

Y.  billi jistgħu jiġu identifikati differenzi fil-kompożizzjoni – li potenzjalment jaffettwaw is-saħħa tal-konsumaturi – mhux biss f'oġġetti tal-ikel, iżda anke fil-kożmetiċi, fil-prodotti tal-iġjene u fil-prodotti tat-tindif;

Z.  billi l-attivitajiet ta' riformulazzjoni biex jitnaqqas il-kontenut tax-xaħam, taz-zokkor u tal-melħ fl-ikel għadhom lura f'ħafna pajjiżi tal-Ewropea Ċentrali, tal-Lvant u tax-Xlokk;

1.  Jenfasizza li r-riżultati ta' bosta testijiet u stħarriġiet imwettqa f'diversi Stati Membri, l-aktar fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, b'metodoloġiji differenti għal testijiet fil-laboratorju, urew li hemm differenzi ta' kobor li jvarja, inter alia fil-kompożizzjoni u fl-ingredjenti użati, bejn prodotti li jiġu reklamati u distribwiti fis-suq uniku taħt l-istess marka u b'imballaġġ li jidher identiku, għad-detriment tal-konsumaturi; jinnota li skont stħarriġ imwettaq għal awtorità kompetenti nazzjonali, il-maġġoranza tal-konsumaturi jinsabu mħassba b'dawn id-differenzi; għalhekk jikkonkludi li, abbażi tal-konklużjonijiet ta' dawn it-testijiet u l-istħarriġiet, il-konsumaturi jinsabu mħassba dwar diskriminazzjoni bejn is-swieq differenti tal-Istati Membri; jissottolinja li kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni bħal din mhijiex aċċettabbli u li l-konsumaturi kollha tal-UE għandhom igawdu aċċess għall-istess livell ta' kwalità tal-prodotti;

2.  Jenfasizza li l-każijiet ta' dawn id-differenzi sinifikanti jikkonċernaw mhux biss il-prodotti tal-ikel iżda ħafna drabi anke dawk mhumiex tal-ikel, inklużi deterġenti, kożmetiċi, prodotti tal-iġjene u prodotti maħsuba għat-trabi;

3.  Ifakkar li fl-2013 il-Parlament stieden lill-Kummissjoni twettaq investigazzjoni fil-fond sabiex tevalwa jekk hemmx bżonn ta' aġġustament tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u tinforma lill-Parlament u lill-konsumaturi bir-riżultati;

4.  Jilqa' l-inizjattivi reċenti mħabbra mill-Kummissjoni biex tindirizza din il-kwistjoni, b'mod partikolari l-impenn tagħha li tippreżenta metodoloġija tal-ittestjar komuni u talloka baġit għall-preparazzjoni u l-infurzar tagħha u għall-ġbir ta' aktar evidenza affidabbli u kumparabbli, u taġġorna l-UCPD filwaq li tvara ċ-Ċentru ta' Għarfien dwar il-Frodi u l-Kwalità Alimentari;

5.  Jieħu nota tal-mandat mogħti mill-Kunsill Ewropew lill-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel biex jindirizza l-kwistjoni tal-kwalità dupliċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom jipparteċipaw b'mod attiv fl-inizjattivi li għaddejjin, u jinkludu l-iżvilupp u l-integrazzjoni fil-prattiki ta' ħidma tagħhom ta' metodoloġija tal-ittestjar komuni u l-ġbir ta' aktar evidenza; jenfasizza l-ħtieġa li l-partijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumatur ikunu involuti b'mod attiv u li jkunu jistgħu jagħtu l-fehmiet tagħhom f'isem il-konsumaturi, inklużi r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka li jkunu wettqu testijiet tal-prodotti fl-Istati Membri; jemmen li l-Parlament għandu jkun involut fl-inizjattivi kollha li jkunu għaddejjin u li jista' jkollhom impatt fuq l-isforzi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar il-kwalità dupliċi;

6.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri kkonċernati jfasslu valutazzjoni huma stess fir-rigward tal-metodoloġija u l-effikaċja tal-infurzar tal-UCPD u ta' leġiżlazzjoni eżistenti oħra dwar il-kwistjoni tal-kwalità dupliċi tal-prodotti tal-ikel u ta' prodotti oħra, u jressquha lill-Kummissjoni għal valutazzjoni oġġettiva tal-gravità tal-problema;

7.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Parlament li jadotta proġett pilota għall-2018 li se jkun jinvolvi sensiela ta' investigazzjonijiet tas-suq f'diversi kategoriji ta' prodotti għall-konsumatur bil-għan li jiġu vvalutati l-aspetti differenti tal-kwalità dupliċi; jistenna li l-proġett jitwettaq u jiġi ppubblikat fil-ħin, kif kien ippjanat inizjalment; jemmen li l-proġett għandu wkoll jiġi estiż sal-2019 sabiex jiżgura ambitu usa' ta' għarfien u jkopri s-settur mhux tal-ikel; jitlob li l-Membri tal-PE jitħallew ikunu involuti aktar fis-sorveljanza tal-proġett; iħeġġeġ lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-għodod kollha disponibbli, inklużi l-proġetti pilota u nazzjonali, bil-ħsieb li jivvalutaw aktar l-aspetti differenti tal-kwalità dupliċi tal-prodotti tal-ikel;

8.  Jenfasizza li informazzjoni komprensiva dwar l-awtorità pubblika responsabbli għat-teħid ta' azzjoni u dwar il-proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji rilevanti, inkluża l-possibbiltà għall-membri tal-pubbliku li jressqu ilmenti online, hija essenzjali għall-infurzar effikaċi tal-UCPD; iqis bħala negattiv, għalhekk, in-nuqqas ta' informazzjoni fl-Istati Membri kkonċernati li, minkejja t-tħassib espress mill-Istati Membri dwar il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kwalità dupliċi tal-prodotti, ma jagħmlux din l-informazzjoni disponibbli fis-siti web tal-awtoritajiet responsabbli;

9.  Jissottolinja li l-Kummissjoni diġà rċeviet notifika ta' miżura ġdida ta' ttikkettar nazzjonali mfassla biex twissi lill-konsumaturi b'differenzi fil-kompożizzjoni tal-prodotti tal-ikel;

10.  Jilqa' l-fatt li, sabiex tkompli ttejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur fl-UE u tipprovdi appoġġ lin-negozji, il-Kummissjoni varat programm ta' taħriġ online li jgħin lill-kumpaniji jifhmu u jinfurzaw aħjar id-drittijiet tal-konsumatur fl-UE;

Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' kwalità dupliċi tal-prodotti

11.  Jieħu nota tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel u l-ħarsien tal-konsumatur tal-UE fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' prodotti ta' kwalità dupliċi; jirrimarka li dan l-avviż huwa maħsub biex jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jiddeterminaw jekk kumpanija tkunx qed tikser il-liġijiet tal-UE dwar l-ikel u l-konsumatur meta tbigħ prodotti ta' kwalità dupliċi f'pajjiżi differenti, u biex jagħtihom parir dwar kif jikkooperaw ma' xulxin; jinsab imħasseb li l-approċċ gradwali tal-avviż għall-identifikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali dwar jekk il-produtturi jkunux qed jiksru d-dritt tal-Unjoni bħalissa jidher li mhux qed jiġi applikat fil-prattika mill-Istati Membri, u dan jista' jfisser li d-drittijiet tal-konsumatur qed jinkisru;

12.  Jaqbel mal-Kummissjoni li fis-suq uniku, fejn il-konsumaturi għandhom fehim ġenerali taċ-ċirkolazzjoni libera u l-aċċess ugwali tal-beni, dawn ma jistennewx, a priori, li l-prodotti tal-marka mibjugħa f'pajjiżi differenti jvarjaw minn xulxin; ifakkar li, skont il-Kummissjoni, l-istudji li saru dwar il-lealtà lejn il-marka juru li f'moħħ il-konsumatur, il-marki jirrappreżentaw ċertifikat ta' kwalità kkontrollata u kostanti; jaqbel mal-Kummissjoni, barra minn hekk, li dan jispjega għaliex xi konsumaturi jistgħu jistennew li l-prodotti tal-marka jkunu ta' kwalità ekwivalenti jekk mhux eżattament l-istess kull fejn u kull meta jinxtraw u jistenna li s-sidien ta' marka jinfurmawhom meta jiddeċiedu li jibdlu xi element importanti mill-kompożizzjoni tal-prodotti tagħhom;

13.  Iqis, għalhekk, li kwalunkwe informazzjoni addizzjonali, avolja tkun fil-parti viżiva prinċipali tal-pakkett, mhijiex biżżejjed sakemm il-konsumatur ma jifhimx b'mod ċar li l-prodott inkwistjoni jvarja mill-prodotti tal-istess marka mibjugħa fi Stati Membri oħra u li jidhru identiċi;

14.  Jaqbel ukoll mal-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, li l-produtturi m'għandhomx neċessarjament joffru prodotti identiċi fiż-żoni ġeografiċi differenti u li l-moviment liberu tal-merkanzija ma jfissirx li kull prodott għandu jkun identiku kullimkien fis-suq uniku; jenfasizza li l-operaturi kummerċjali huma awtorizzati jikkummerċjalizzaw u jbigħu prodotti b'kompożizzjonijiet u karatteristiċi differenti abbażi ta' fatturi leġittimi sakemm dawn jirrispettaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE; jenfasizza, madankollu, li dawn il-prodotti m'għandhomx ivarjaw fil-kwalità meta jiġu offruti lill-konsumaturi fi swieq differenti;

15.  Iqis li l-għoti ta' informazzjoni preċiża u faċli biex tinftiehem lill-konsumaturi hija kruċjali biex tiġi indirizzata l-kwalità dupliċi tal-prodotti; jinsab konvint li, f'każ li kumpanija jkollha l-ħsieb li tintroduċi fis-suq ta' Stati Membri differenti prodott li jvarja f'ċerti karatteristiċi, dan il-prodott ma jistax jiġi ttikkettat u mmarkat b'mod li jidher identiku;

16.  Jinnota li jista' jkun hemm differenzi aċċettabbli fil-kompożizzjoni ta' prodott ta' marka unika u li l-prodotti jistgħu jkunu differenti minħabba l-preferenzi reġjonali tal-konsumaturi, il-provenjenza ta' ingredjenti lokali, ir-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali, jew l-objettivi ta' riformulazzjoni; jenfasizza li l-intenzjoni mhijiex li jiġu stabbiliti jew li jiġu armonizzati r-rekwiżiti dwar il-kwalità tal-ikel u li mhuwiex mixtieq li tiġi imposta fuq il-manifatturi l-kompożizzjoni eżatta tal-prodotti differenti; jemmen, madankollu, li l-preferenzi tal-konsumaturi m'għandhomx jintużaw bħala skuża biex tonqos il-kwalità jew jiġu offruti gradi ta' kwalità differenti fi swieq differenti; jisħaq fuq il-fatt li l-konsumaturi jridu jkunu konxji u infurmati b'mod ċar dwar dan l-aġġustament għal kull prodott individwali, u mhux biss li jkunu jafu f'termini ġenerali li din il-prattika stabbilita teżisti;

17.  Iqis li l-avviż huwa kkunsidrat bħala indirizzat primarjament għall-prodotti tal-ikel; jemmen li d-dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur għandhom jiġu applikati għall-prodotti kollha tal-ikel u għal dawk mhux tal-ikel disponibbli fis-suq uniku b'mod ġenerali, u li t-tikketta tal-prodott trid tkun leġġibbli u b'informazzjoni sħiħa għall-konsumaturi;

18.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-gwida tal-Kummissjoni tal-2016 dwar l-applikazzjoni tal-UCPD, li tgħid li: "prodotti tal-istess ditta u li jkollhom l-istess imballaġġ jew imballaġġ simili jistgħu jvarjaw fil-kompożizzjoni tagħhom skont il-post tal-manifattura u s-suq ta' destinazzjoni, jiġifieri jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor" u li "skont il-UCPD, prattiki kummerċjali li jikkummerċjalizzaw prodotti b'kompożizzjoni differenti mhumiex inġusti minnhom infushom"; jenfasizza l-importanza tad-dokumenti ta' gwida tal-Kummissjoni biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni xierqa u koerenti tal-UCPD; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara, għalhekk, ir-relazzjoni bejn l-avviż, il-gwida u d-dokument imfassal mis-sottogrupp tas-suq intern tal-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel;

19.  Jinnota li jista' jkun hemm rekwiżiti differenti għall-metodi ta' kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; jissottolinja li hemm diversi analiżijiet li diġà twettqu u li jistgħu jservu bħala bażi għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tal-metodoloġija tal-ittestjar komuni, anke jekk il-metodoloġiji tagħhom kienu differenti u r-riżultati tagħhom ma ġewx ivvalutati bl-istess mod; iqis li l-għan tal-ħidma biex tiġi żviluppata metodoloġija mmexxija miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni (JRC) għandu jiġi ddikjarat b'mod ċar sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni unifikata tal-metodoloġija li tirriżulta, inkluża definizzjoni ta' "differenza sinifikanti", u sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jużawha; jirrimarka li l-istabbiliment ta' liema mill-prodotti varji huwa l-aktar standard u għalhekk il-"prodott ta' referenza" jista' fil-fatt ifixkel il-valutazzjoni ġenerali, peress li dan jista' jkun wisq diffiċli biex jiġi determinat;

20.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar fl-identifikazzjoni ta' prattiki kummerċjali żleali fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali f'dan ir-rigward; jissottolinja l-fatt li l-għan ta' din il-metodoloġija huwa li jiġi żgurat il-ġbir ta' evidenza affidabbli u kumparabbli mill-Istati Membri fuq bażi komuni u biex isir kontribut għall-valutazzjoni ġenerali dwar kemm hi serja u mifruxa l-kwistjoni tal-kwalità dupliċi fis-Suq Uniku; ifakkar li n-natura fattwali tal-prattiki żleali x'aktarx li se tibqa' tiġi ġġudikata biss fuq il-bażi ta' każ b'każ, peress li l-grad ta' kemm il-konsumatur ikun ġie mqarraq hija dejjem kwistjoni ta' ġudizzju suġġettiv mill-awtorità jew qorti kompetenti;

21.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistieden lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu aktar testijiet tas-suq fl-Istati Membri li jinvolvu tqabbil tal-prodotti fost reġjuni u pajjiżi differenti; jirrimarka, madankollu, li skont il-Kummissjoni, tali testijiet għandhom jitwettqu b'approċċ komuni għall-ittestjar li għadu ma ġiex kompletament żviluppat; jenfasizza l-ħtieġa li tinżamm l-iskeda sabiex ir-riżultati tat-testijiet imwettqa skont l-approċċ komuni tal-ittestjar jitlestew, jiġu ppubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE f'bażi ta' data pubblikament disponibbli, u jiġu analizzati malajr kemm jista' jkun iżda mhux aktar tard minn tmiem l-2018; jenfasizza l-ħtieġa, barra minn hekk, li dawn ir-riżultati jiġu żvelati minnufih sabiex jiġu infurmati l-konsumaturi u l-produtturi, titqajjem kuxjenza u b'hekk dan jgħin sabiex jonqsu l-inċidenzi ta' kwalità dupliċi fil-prodotti;

Aspetti oħra tal-kwalità dupliċi

22.  Jenfasizza li t-tikketti privati saru element ewlieni essenzjali fil-basket tax-xiri tal-konsumaturi u li s-sehem mis-suq tagħhom żdied fil-biċċa l-kbira tal-kategoriji ta' prodotti f'bosta Stati Membri matul l-aħħar għaxar snin; jemmen li t-tikketti privati m'għandhomx jimitaw prodotti tal-marka, biex il-konsumaturi ma jitħawdux; itenni li l-kwistjoni tat-tikketti privati tirrikjedi attenzjoni partikolari mill-Kummissjoni, bil-ħsieb li tintemm il-konfużjoni bejn tikketti privati u prodotti tal-marka; jinnota li s-suq uniku huwa aċċessibbli għall-produtturi u l-manifatturi, iżda li huwa wkoll kompetittiv ħafna, u wħud mid-ditti huma magħrufa sew minn kulħadd jew għandhom reputazzjoni tajba fl-Unjoni kollha;

23.  Ifakkar li l-Parlament talab ripetutament lill-Kummissjoni tiddetermina jekk il-kwalità dupliċi għandhiex riperkussjonijiet negattivi għall-produzzjoni lokali u reġjonali, b'mod partikolari l-SMEs; jiddispjaċih li s'issa l-Kummissjoni għadha ma ppreżentat l-ebda data;

24.  Jissottolinja li l-falsifikazzjoni ta' prodotti tal-marka tesponi lill-konsumaturi għal riskji għas-saħħa u s-sikurezza, timmina l-fiduċja tal-konsumaturi u twassal għal telf ta' dħul għall-produtturi; jinnota li l-firxa ta' prodotti ffalsifikati rkuprati fl-UE għadha wiesgħa u tiġbor fiha kważi kull tip ta' prodott;

25.  Jinsab imħasseb dwar ir-restrizzjonijiet imqiegħda fuq il-kummerċjanti fir-rigward tax-xiri ta' prodotti li jista' jkollhom effett negattiv fuq l-għażla tal-konsumatur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tidentifika l-fatturi li jikkontribwixxu għall-frammentazzjoni tas-suq uniku fil-prodotti u jillimitaw b'mod illeġittimu l-kapaċità tal-konsumaturi li jibbenefikaw bis-sħiħ mis-suq uniku, b'attenzjoni partikolari fuq ir-restrizzjonijiet tal-provvista territorjali u l-implikazzjonijiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu mil-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni, jekk applikabbli, sabiex tindirizza prattiki bħal dawn;

26.  Jindika li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jagħżlu kampjuni u jwettqu testijiet fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom biss; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni transfruntiera u kondiviżjoni ta' data mtejba, effikaċi, trasparenti, u rapida, inkluż skambju dwar prodotti potenzjalment mhux konformi u tagħrif dwar il-prattiki żleali li jista' jkun hemm, bejn l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ikel, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u l-Kummissjoni sabiex tiġi indirizzata l-kwalità dupliċi u jsir titjib u jiġi mqarreb l-infurzar tal-leġiżlazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod aktar intensiv f'kooperazzjoni bħal din; jilqa', f'dan ir-rigward, l-adozzjoni tar-Regolament rivedut dwar il-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi (CPC), li jsaħħaħ is-setgħat investigattivi u tal-infurzar, itejjeb l-iskambju tal-informazzjoni u d-data u l-aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti u jistabbilixxi regoli armonizzati li jistipulaw il-proċeduri għall-koordinament tal-miżuri ta' investigazzjoni u infurzar;

27.  Jirrikonoxxi l-utilità tas-"sweeps" li jservu bħala forma importanti ta' koordinament tal-infurzar skont ir-Regolament CPC u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħuhom ulterjorment u jwessgħu l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom;

Rakkomandazzjonijiet u passi ulterjuri

28.  Jenfasizza l-valur ta' dibattitu pubbliku wiesa' u f'waqtu li jwassal għal żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur dwar il-prodotti u l-karatteristiċi tagħhom; jinnota li xi manifatturi u sidien ta' tikketti privati diġà ħabbru bidliet fir-riċetti jew l-użu ta' standard ta' produzzjoni uniku fil-livell tal-UE; jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-industrija fit-titjib tat-trasparenza u ċ-ċarezza fir-rigward tal-kompożizzjoni u l-kwalità tal-prodotti u ta' kwalunkwe tibdil fihom; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiżviluppa kodiċi ta' kondotta f'dan ir-rigward; jitlob, fl-interessi tagħhom stess, biex kemm il-produtturi kif ukoll il-bejjiegħa bl-imnut ikunu involuti aktar, sabiex ikun jista' jinstab rimedju effettiv għas-sitwazzjoni preżenti malajr kemm jista' jkun mingħajr rikors għal proċeduri ta' infurzar, u biex il-konsumaturi Ewropej ikun jista' jkollhom aċċess għal prodotti tal-istess kwalità fis-suq uniku kollu; jistieden lill-manifatturi jikkunsidraw li jinkludu logo fuq l-imballaġġ li jindika li l-kontenut u l-kwalità tal-istess marka huma l-istess fl-Istati Membri kollha;

29.  Jistieden lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-korpi nazzjonali notifikati responsabbli mill-infurzar tal-UCPD u ta' leġiżlazzjoni rilevanti oħra jieħdu rwol aktar attiv fid-dibattitu pubbliku u fit-twassil tal-informazzjoni lill-konsumaturi; jinsab konvint li l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti biex tiġi indirizzata l-problema tal-kwalità dupliċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-appoġġ tagħhom għall-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi permezz ta' mekkaniżmi finanzjarji u legali, sabiex ikunu jistgħu jibnu l-kapaċità, jiżviluppaw l-attivitajiet ta' ttestjar tagħhom, iwettqu testijiet komparattivi u, flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, jgħinu biex jittraċċaw u jesponu l-każijiet ta' divrenzjar inġust tal-prodotti; jemmen, barra minn hekk, li għandu jitrawwem skambju transfruntier imsaħħaħ ta' informazzjoni fost l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi;

30.  Iqis li, abbażi ta' esperjenzi preċedenti, l-awtoritajiet kompetenti ma kinux kapaċi jindirizzaw b'mod effettiv ebda każ speċifiku ta' kwalità dupliċi fil-livell nazzjonali biss jew jinfurzaw il-leġiżlazzjoni eżistenti, jew ippruvaw jagħmlu dan minimament biss, parzjalment minħabba nuqqas ta' dispożizzjoni legali espliċita fil-livell tal-UE; ifakkar li l-Istati Membri huma responsabbli għall-infurzar tal-UCPD u li għalhekk huma għandhom jagħmlu dan sabiex jiżguraw li l-konsumaturi ma jiġux żgwidati minn prattiki ta' kummerċjalizzazzjoni żleali; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkollhom ir-riżorsi tekniċi, finanzjarji u umani adegwati sabiex jiġi żgurat infurzar effikaċi; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-konsumaturi bi spazju għat-tressiq ta' lmenti u għall-investigazzjoni ulterjuri tagħhom, u jinfurmaw kemm jista' jkun lill-konsumaturi bid-drittijiet u l-għażliet tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-obbligi tal-bejjiegħa li jinfurmawhom bil-kompożizzjoni u, fejn applikabbli, l-oriġini tal-prodotti;

31.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kwistjoni tal-kwalità dupliċi hija relatata b'mod dirett mal-essenza tal-funzjonament tas-suq uniku u l-fiduċja tal-konsumaturi, bit-tnejn li huma involuti, u għalhekk tirrikjedi, inter alia, soluzzjoni fil-livell tal-Unjoni permezz ta' miżuri infurzabbli b'mod dirett; jinsab konvint li minħabba l-possibbiltà ta' azzjoni fil-livell nazzjonali, l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni tħares l-integrità tas-suq uniku; jistieden lill-Kummissjoni timmappja l-istandards nazzjonali eżistenti għall-ikel u l-prodotti mhux tal-ikel fl-UE u tivvaluta r-rilevanza tagħhom għal każijiet ta' kwalità dupliċi fis-suq uniku;

32.  Jappella biex il-kapaċitajiet u l-mekkaniżmi fil-livell tal-UE jiġu żviluppati b'mod urġenti f'unità speċjalizzata ta' monitoraġġ u superviżjoni f'korp eżistenti tal-UE (JRC, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) jew oħrajn), filwaqt li, kemm jista' jkun, il-burokrazija tinżamm baxxa kemm jista' jkun, bil-għan li jiġu sorveljati l-konsistenza fil-kompożizzjoni u l-użu proporzjonali tal-ingredjenti fi prodotti tal-ikel tal-istess marka u bl-istess imballaġġ biex jiġu vvalutati l-analiżijiet komparattivi li jkunu saru fil-laboratorji bil-ħsieb li jiġu identifikati l-prattiki kummerċjali żleali fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-ikel;

33.  Jilqa' l-fatt li l-proposta għal Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Kummissjoni, li tfittex li tindirizza l-kwalità dupliċi tal-prodotti billi temenda l-Artikolu 6 tal-UCPD u tiddikjara bħala prattika kummerċjali qarrieqa l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodott bħala identiku għall-istess prodott ikkummerċjalizzat f'diversi Stati Membri oħra, meta dak il-prodott ikollu kompożizzjoni jew karatteristiċi differenti; jinnota, madankollu, li l-proposta fiha wkoll xi dispożizzjonijiet mhux ċari li jeħtieġu kjarifika sabiex jiġu żgurati interpretazzjoni u applikazzjoni xierqa;

34.  Jenfasizza li l-eżitu tal-proċess leġiżlattiv għandu jkun definizzjoni ċara ta' x'jista' jitqies bħala kwalità dupliċi u kif kull każ għandu jiġi vvalutat u indirizzat mill-awtoritajiet kompetenti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-lista miftuħa tal-hekk imsejħa "fatturi leġittimi" tista' tipperikola l-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jwettqu valutazzjonijiet u japplikaw il-liġi; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-użu tal-kunċett ta' "preferenzi definiti tal-konsumaturi" fil-valutazzjoni ta' jekk id-divrenzjar fil-kompożizzjoni tal-prodott jistax ikun ġustifikat jew le, jista' jwassal għal interpretazzjonijiet konfliġġenti bejn l-awtoritajiet kompetenti;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni testendi l-mandat mogħti lill-JRC sabiex fil-futur qarib jaħdem fuq metodoloġija armonizzata mal-Ewropa kollha għat-tqabbil tal-karatteristiċi ta' prodotti mhux tal-ikel kif ukoll fuq linji gwida biex titjieb it-trasparenza tal-prodotti fi żmien sena, kif ukoll biex ikunu evalwati r-riżultati tat-testijiet; jirrimarka li l-JRC għandu wkoll, għall-finijiet tal-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam, ifittex li jikkoopera mal-awtoritajiet tal-Istati Membri li diġà ttestjaw il-prodotti huma stess iżda li għadhom ma kkomunikawx ir-riżultati lill-awtoritajiet nazzjonali ta' Stati Membri oħra;

36.  Jirrimarka li s-sikurezza u l-kwalità tal-ikel, kif ukoll il-fatt li l-konsumaturi ma jitħallewx jiġu mqarrqa, huma kwistjonijiet tal-ogħla prijorità; ifakkar lill-Kummissjoni fl-impenn tagħha ta' monitoraġġ aħjar u ta' titjib tal-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE; iqis li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jissorveljaw b'mod effikaċi l-konformità mal-liġi applikabbli f'dawn l-oqsma;

37.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tistabbilixxi direttorat speċjalizzat taħt il-gwida tal-aġenzija kompetenti eżistenti tal-UE, bi professjonisti fil-qasam, biex iwettaq kontrolli fil-fabbriki tal-manifatturi u awditi tal-fluss tal-produzzjoni sabiex jivverifika jekk il-kompożizzjoni tal-prodott tikkorrispondix għal dik indikata mill-manifattur f'każijiet fejn jirriżulta suspett ta' kwalità dupliċi;

38.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tittejjeb it-trasparenza tal-istudji xjentifiċi fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel b'reazzjoni għat-tħassib tal-pubbliku, sabiex tingħata spinta lill-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa sabiex jittieħdu deċiżjonijiet ta' akkwist appoġġjati minn valutazzjoni tar-riskju affidabbli u bbażata fuq ix-xjenza;

39.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali tal-ikel biex jistabbilixxu, każ b'każ, jekk prattiki diskriminatorji suspettati jkunux verament illegali, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-UCPD u l-interazzjoni tagħhom mar-rekwiżiti dwar informazzjoni ġusta stabbiliti fir-Regolament Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi;

40.  Jinnota li ċ-ċittadini kollha tal-UE huma affettwati minn prattiki ta' kwalità dupliċi, inkluż meta jivvjaġġaw minn Stat Membru għall-ieħor;

41.  Jenfasizza, madankollu, li d-differenzi sostanzjali fil-prodotti għat-trabi, bħall-ikel għat-trabi u t-tfal żgħar, ma jistgħux jiġu ġġustifikati abbażi ta' preferenzi fit-togħma reġjonali biss;

42.  Jirrifjuta bil-qawwa d-dikjarazzjoni li saret minn xi produtturi li l-bidliet fil-kompożizzjoni u/jew il-kwalità jsiru sabiex il-prezzijiet ikunu konformi mal-aspettattivi tal-konsumaturi; jenfasizza li diversi studji wrew li prodotti ta' kwalità inferjuri ħafna drabi jkunu ogħla mill-kontropartijiet tagħhom ta' kwalità ogħla xi mkien ieħor fl-UE;

43.  Jinkoraġġixxi b'mod qawwi l-użu tal-prinċipju tal-ekonomija ċirkolari għall-imballaġġ tal-prodotti u jenfasizza li jekk l-imballaġġ għal prodott fi Stat Membru wieħed jikkonforma ma' dan il-prinċipju, għandhom isiru sforzi miftiehma mill-produttur biex jiġi żgurat li dan ikun il-każ għall-prodotti kollha kkummerċjalizzati taħt l-istess marka fl-istess tip ta' imballaġġ fl-UE kollha u lil hinn minnha;

44.  Jenfasizza li xi każijiet ta' prodotti ta' kwalità dupliċi jirriżultaw minn nuqqas ta' infurzar tal-liġi tal-Unjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jinfurzaw b'urġenza r-regoli eżistenti tal-UE dwar it-tikkettar tal-ikel, inkluż, pereżempju, fir-rigward ta' laħam isseparat b'mod mekkaniku;

º

º  º

45.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Nota spjegattiva

Għalkemm l-isem tal-marka, id-disinn tal-imballaġġ u l-aspett kummerċjali mal-ewwel daqqa t'għajn jidhru l-istess, diversi riċerki mwettqa fi Stati Membri differenti żvelaw, fis-Suq Uniku tal-UE, prodotti li jidher biċ-ċar li għandhom kompożizzjonijiet differenti mill-perspettiva tar-riċetta, il-materja prima bażika użata jew is-sehem tagħha fil-prodott, dan kollu skont il-pajjiż mnejn jinxtraw. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li dawn il-konklużjonijiet dwar il-kwalità dupliċi tal-prodotti mhumiex relatati biss mal-ikel u x-xorb, iżda jistgħu japplikaw ukoll għal prodotti tal-konsumatur bħal deterġenti jew prodotti tal-iġjene.

Il-kwistjoni tal-kwalità dupliċi fi Stati Membri differenti jew fi swieq reġjonali u lokali differenti, skont studju legali mwettaq mill-esperti tal-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta' Palackého Olomouc, tidher fl-attivitajiet li ġejjin:

•  manifattur iqiegħed fis-suq prodotti b'taħwiriet u kompożizzjonijiet li jvarjaw (jiġifieri ingredjent ewlieni differenti) iżda b'imballaġġ tal-istess dehra jew simili (indistingwibbli għall-konsumatur),

•  manifattur iqiegħed fis-suq prodotti ta' kwalitajiet differenti iżda b'imballaġġ tal-istess dehra jew simili (indistingwibbli għall-konsumatur),

•  manifattur iqiegħed fis-suq prodotti ta' piżijiet differenti iżda b'imballaġġ tal-istess dehra jew simili (indistingwibbli għall-konsumatur),

•  meta jniedi prodott ġdid f'suq partikolari, manifattur juża prodott b'kompożizzjoni ta' kwalità ogħla (eż. kwantità jew kwalità akbar ta' laħam jew ta' ingredjenti fil-prodott) sabiex jiġbed l-attenzjoni tal-konsumaturi u "jinfluwenza" lill-konsumaturi biex jixtru/jadottaw il-prodott; wara ċertu perjodu, madankollu, isseħħ "bidla fir-riċetta" mingħajr bidla ċara fl-imballaġġ tal-prodott (ħlief għall-kompożizzjoni tal-prodott li tingħata b'tipa żgħira fuq wara tat-tikketta).

Il-manifattur iwettaq dawn l-attivitajiet kollha mingħajr ma jenfasizza lill-konsumatur b'mod ċar, enfatiku, trasparenti u bla ma jqarraq, il-fatt li l-prodott huwa prodott ieħor ta' kompożizzjoni, piż, kwalità jew karatteristiċi relatati oħra differenti.

Dan kollu jwassal għal sitwazzjoni fejn konsumatur minn pajjiż partikolari li jkun qiegħed fit-territorju ta' Stat ieħor ma jistax ikun żgur jekk prodott li jaf bih u li jkollu ċerti karatteristiċi minn pajjiżu jikkorrispondix mal-prodott li jkun qed jixtri mill-Istat li bħalissa jkun qiegħed fih.

Il-pożizzjoni tar-rapporteur

Ir-rapporteur bdiet issegwi l-kwistjoni tal-kwalità dupliċi mill-qrib fl-2011 meta studju mwettaq mill-"Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi fir-Repubblika Slovakka" wera li l-kompożizzjoni ta' sitt prodotti tal-ikel ta' marka u l-prezzijiet tagħhom ivarjaw b'mod sostanzjali bejn seba' pajjiżi tal-UE. Bħala segwitu għal dan l-istudju, ir-rapporteur avviċinat għall-ewwel darba lill-Kummissjoni b'interpellanza dwar jekk, skont hi, din il-kwalità dupliċi hijiex problema relatata mal-funzjonament tas-Suq Uniku u l-ħarsien tal-konsumatur.

Fl-2015, ir-Rapporteur organizzat b'mod konġunt stħarriġ imwettaq mill-Università tal-Kimika u t-Teknoloġija ta' Praga li qabbel il-karatteristiċi kwalitattivi ta' 24 prodott li joriġinaw mis-swieq tal-konsumaturi fir-Repubblika Ċeka u fil-Ġermanja sabiex tivvaluta l-konformità tagħhom jew in-nuqqas tagħha. F'terz tal-kampjuni nstabu disparitajiet sostanzjali (pereżempju, komponent ewlieni ta' prodott li jinbiegħ fir-Repubblika Ċeka kien il-laħam tat-tiġieġ separat b'mod mekkaniku; fis-suq Ġermaniż, dan l-istess prodott kien fih laħam tal-majjal). L-istudju qajjem ukoll dubju dwar ir-rilevanza tal-argumenti użati spiss dwar il-preferenzi fit-togħma u l-prezzijiet li jvarjaw f'pajjiżi differenti, minħabba li l-prezzijiet tal-prodotti involuti kważi ma varjawx, u skont il-bord sensorjali ċċertifikat, il-preferenzi fit-togħma ma kinux jikkorrispondu mas-suq li l-prodotti suppost kienu aġġustati għalih.

L-intenzjoni tar-rapporteur ċertament mhijiex dik li tgħaqqad il-prodotti fis-Suq Uniku jew li tordna lill-manifatturi biex jibdlu l-kompożizzjonijiet tal-prodotti tagħhom jew li tiddetermina l-kompożizzjoni preċiża tal-prodotti individwali. Barra minn hekk, ir-rapporteur hija konxja wkoll li jista' jkun hemm fatturi oġġettivi li jaffettwaw il-kompożizzjonijiet tal-prodotti li jirriżultaw.

Madankollu, ir-rapporteur hija konvinta li l-prinċipju tal-aċċess ugwali għal oġġetti ta' kwalità għolja b'mod nondiskriminatorju fis-Suq Uniku għandu jkun dritt reali għaċ-ċittadini kollha Ewropej. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-essenza tal-funzjonament tas-Suq Uniku u l-fiduċja tal-konsumaturi fis-Suq Uniku tista' ssirilhom ħsara serja.

L-inizjattivi reċenti mħabbra mill-Kummissjoni biex jindirizzaw din il-kwistjoni, b'mod partikolari l-impenn tagħha biex timplimenta metodoloġija tal-ittestjar komuni fil-livell Ewropew, huma milqugħa mir-rapporteur. Minħabba l-fatt li l-kwalità dupliċi tal-prodotti hija relatata mal-funzjonament tas-Suq Uniku, jidher ċar li hemm bżonn ta' data Ewropea u ta' approċċ komuni. Din hija r-raġuni li għaliha fl-2013 ir-rapporteur, permezz tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-aġenda l-ġdida għall-Politika Ewropea tal-Konsumatur, kienet diġà ssuġġeriet li l-Kummissjoni tiġi mistiedna biex twettaq investigazzjoni bi skop fil-kwistjoni tal-kwalità dupliċi li tagħmilha possibbli li jiġi evalwat jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni eżistenti teħtieġx li tiġi aġġustata.

Ir-rapporteur tenfasizza li l-konsumaturi għandhom ikunu infurmati b'mod preċiż u trasparenti li l-prodott li jkunu xtraw jew li jkunu jafu minn Stat Membru ieħor huwa differenti sabiex jiġi evitat li jkunu żgwidati kemm il-konsumaturi kif ukoll l-impressjoni globali li jkun hemm tal-prodott tax-xiri. Huwa importanti wkoll li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar il-prodotti, il-karatteristiċi u l-kompożizzjoni tagħhom.

Skont ir-rapporteur, il-bejgħ ta' dak li l-konsumatur jista' jinterpreta b'mod faċli bħala prodotti identiċi b'kompożizzjoni intenzjonalment differenti għal konsumaturi f'partijiet differenti tal-UE hija prattika żleali u għalhekk m'għandhiex tkunx aċċettabbli. Ir-rapporteur għalhekk temmen li ż-żieda ta' prattika kummerċjali qarrieqa fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali tirrappreżenta l-aktar mod effettiv ta' kif jiġi indirizzat kwalunkwe każ partikolari ovvju ta' kwalità dupliċi fl-Unjoni Ewropea kollha.

(1)

ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

(2)

ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1.

(3)

ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.

(4)

ĠU C 65, 19.2.2016, p. 2.

(5)

ĠU C 264E , 13.9.2013, p. 11.

(6)

ĠU C 93, 24.3.2017, p. 27.

(7)

ĠU C 86, 6.3.2018, p. 40.

(8)

ĠU C 11, 12.1.2018, p. 2.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2017)0027.

(10)

O-000019/2017.

(11)

ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(12)

http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/overview_reports/details.cfm?rep_id=76

(13)

http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/overview_reports/details.cfm?rep_id=115


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (22.6.2018)

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar il-kwalità dupliċi tal-prodotti fis-suq uniku

(2018/2008(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Biljana Borzan

(*)  Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel u jistabilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali,

–  wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2017 dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ikel minħabba kwistjonijiet ta' differenzi fil-kwalità tal-istess prodotti – Il-każ speċifiku tal-ikel (C(2017)6532),

–  wara li kkunsidra l-ittra konġunta tar-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Litwanja, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Slovakka tat-23 ta' Marzu 2018 lill-Kummissjoni dwar il-kwistjoni tal-kwalità dupliċi tal-prodotti fil-kuntest tal-Patt Ġdid għall-Konsumaturi,

–  wara li kkunsidra d-diskors tat-13 ta' Settembru 2017 tal-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni, fejn huwa enfasizza li mhuwiex aċċettabbli li f'xi partijiet tal-UE l-persuni jinbigħilhom ikel ta' kwalità inferjuri minn dik ta' pajjiżi oħra, minkejja li l-imballaġġ u d-ditta jkunu identiċi,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd tas-6 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' April 2018 dwar Patt Ġdid għall-Konsumaturi (COM(2018)0183),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (COM(2018)0185),

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-istudji komparattivi mwettqa mill-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur f'diversi Stati Membri tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi aġġornata d-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali (UCPD) sabiex ikun espliċitu li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jivvalutaw u jindirizzaw prattiċi kummerċjali żleali li jinvolvu l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti bħala identiċi f'diversi pajjiżi tal-UE, meta l-kompożizzjoni jew il-karatteristiċi tagħhom ikunu differenti b'mod sinifikanti,

–  wara li kkunsidra l-interpellanza maġġuri tiegħu tal-15 ta' Marzu 2017 dwar differenzi fid-dikjarazzjonijiet, il-kompożizzjoni u t-togħma tal-prodotti fis-swieq Ċentrali/tal-Lvant u tal-Punent tal-UE (O-000019/2017),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar aġenda ġdida għall-Politika Ewropea tal-Konsumatur(4),

A.  billi r-riżultati tal-analiżijiet imwettqa f'diversi Stati Membri wrew li hemm differenzi sinifikanti fil-kompożizzjoni u l-kwalità ta' ċerti prodotti kkummerċjalizzati taħt l-istess ditta u bl-istess imballaġġ, u li huma rreklamati bl-istess mod fl-UE kollha; billi dawk id-differenzi ħafna drabi jkunu minħabba l-użu ta' ingredjenti orħos u ta' kwalità aktar baxxa, ingredjenti li ta' spiss ikollhom ukoll valur nutrittiv aktar baxx;

B.  billi dawn l-analiżijiet juru wkoll li ċerti prodotti jkollhom kwantità inqas tal-ingredjent ewlieni, ingredjenti meqjusa li jkunu inqas tajbin għas-saħħa u ta' kwalità inferjuri, u ingredjenti li jkollhom togħma, konsistenza u karatteristiċi sensorjali oħra differenti;

C.  billi, fil-laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd imsemmija hawn fuq, diversi Stati Membri ppreżentaw ir-riżultati ta' studji li juru li kienu qed jinbiegħu prodotti fl-UE bl-istess isem u bl-istess imballaġġ iżda b'livelli differenti ta' kwalità, togħma u/jew ingredjenti differenti, u indikaw li din il-prattika tista' tqarraq bil-konsumaturi u toħloq kompetizzjoni żleali;

D.  billi l-prodotti tal-istess ditta jista' jkollhom karatteristiċi differenti li jirriżultaw minn fatturi leġittimi, bħall-preferenzi tal-konsumaturi fir-reġjuni ta' destinazzjoni, il-lokalità ġeografika tal-post tal-produzzjoni, ir-rekwiżiti lokali speċifiċi u d-differenzi fil-provvista tal-materja prima minħabba d-disponibbiltà ġeografika jew staġjonali tagħhom;

E.  billi s-sikurezza u l-kwalità tal-ikel, kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-ingann huma l-ogħla prijorità;

F.  billi d-differenzi li ntwera li jeżistu fl-ingredjenti fi prodotti komparabbli jistgħu, fuq terminu twil, joħolqu riskju għas-saħħa tal-konsumaturi, partikolarment fil-każ ta' konsumaturi vulnerabbli bħat-tfal u l-persuni bi problemi djetetiċi u/jew ta' saħħa, u b'hekk jikkontribwixxu għal deterjorament tal-benesseri taċ-ċittadini; billi dan huwa l-każ, pereżempju, fejn il-livell tax-xaħam u/jew taz-zokkor ikun ogħla milli mistenni, fejn xaħmijiet li joriġinaw mill-annimali jiġu ssostitwiti minn xaħmijiet ta' oriġini veġetali jew viċe versa, fejn iz-zokkor jiġi ssostitwit minn dolċifikanti artifiċjali, jew fejn jiżdied il-kontenut tal-melħ; billi t-tikkettar li ma jagħtix stampa ċara tal-addittivi użati jew in-numru ta' prodotti sostituti li jissostitwixxu ingredjenti bażiċi jqarrqu bil-konsumaturi u jistgħu joħolqu riskju għal saħħithom;

G.  billi m'hemm l-ebda regolament leġiżlattiv dwar il-kwalità dupliċi fil-livell tal-UE u għalhekk huwa impossibbli li titqabbel il-kwalità jew li jiġu identifikati każijiet ta' kwalità dupliċi u dan ifisser li m'hemm l-ebda strument li jista' jintuża biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni; billi n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u l-infurzar tar-rekwiżiti applikabbli tal-liġi dwar l-ikel tal-UE, pereżempju fit-tikkettar tal-laħam isseparat b'mod mekkaniku(5) jew l-użu tal-addittivi tal-ikel(6), ġew irrappurtati b'mod regolari mis-servizzi tal-Kummissjoni għall-Awditi u l-Analiżi tal-Ikel u tas-Saħħa; billi, ġeneralment, il-manifatturi tal-ikel u oġġetti oħra għall-konsumaturi jistgħu jieħdu vantaġġ minn interpretazzjonijiet diverġenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE u/jew in-nuqqas ta' implimentazzjoni u infurzar tajba mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali biex jadattaw il-prodotti tagħhom, għad-detriment tal-konsumaturi; billi l-kontenut li jvarja ta' prodotti li huma kummerċjalizzati taħt l-istess ditta u bl-istess imballaġġ inaqqas il-fiduċja tal-konsumatur u jimmina r-reputazzjoni tal-qafas regolatorju tal-UE;

H.  billi l-preżenza ta' prodotti fis-suq uniku tal-UE li huma kkummerċjalizzati bħala identiċi f'diversi Stati Membri iżda li jkollhom kompożizzjoni jew karatteristiċi differenti b'mod sinifikanti timmina kompletament il-prinċipji bażiċi li fuqhom huwa bbażat is-suq uniku; billi l-konsumaturi fis-suq intern għandhom jibbenefikaw mill-istess livell ta' protezzjoni fl-Istati Membri kollha;

I.  billi jistgħu jiġu identifikati differenzi fil-kompożizzjoni li potenzjalment jaffettwaw is-saħħa tal-konsumaturi mhux biss f'oġġetti tal-ikel, iżda anke fil-kożmetiċi, il-prodotti tal-iġjene u l-prodotti tat-tindif;

J.  billi l-attivitajiet tar-riformulazzjoni biex jitnaqqas il-kontenut tax-xaħam, taz-zokkor u tal-melħ fl-ikel għadhom lura f'ħafna pajjiżi tal-Ewropea Ċentrali, tal-Lvant u tax-Xlokk;

K.  billi d-ditti għandhom impatt sinifikanti fuq il-perċezzjoni tal-prodotti mill-konsumatur, fuq il-valur u l-kwalità tagħhom; billi l-konsumaturi ma jistennewx minn qabel li l-prodotti tad-ditta mibjugħa f'pajjiżi differenti tas-suq uniku jista' jkollhom karatteristiċi differenti;

L.  billi l-konsumaturi fi Stati Membri differenti, u/jew dawk li jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri, ma jkunux kapaċi jevalwaw huma stess id-differenzi potenzjali fit-togħma u fil-kompożizzjoni ta' ċerti prodotti meta dawk id-differenzi ma jiġux irreġistrati fuq it-tikketta tal-prodott, u għalhekk ma jkunux jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati meta jixtru, minħabba nuqqas ta' informazzjoni rilevanti, li jista' jfixkel l-imġiba ekonomika tagħhom;

M.  billi diversi stħarriġiet tal-opinjoni pubblika wrew li l-konsumaturi jiddejqu b'dawn id-differenzi fil-kwalità u għalhekk iħossuhom ċittadini tat-tieni klassi tal-UE;

1.  Jilqa' l-allokazzjoni ta' EUR 2 miljun għall-iżvilupp ta' metodoloġija komuni ta' ttestjar, u l-inklużjoni fil-baġit tal-UE għall-2018 ta' proġett pilota li għandu l-għan li jivvaluta l-aspetti differenti tal-kwalità dupliċi għal diversi kategoriji ta' prodotti; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet nazzjonali jieħdu sehem b'mod attiv fl-inizjattivi li għaddejjin biex jiġi ffaċilitat il-proċess u biex din il-metodoloġija tiġi integrata fil-prattiki tax-xogħol tagħhom; jenfasizza l-importanza ta' analiżi dettaljata u f'waqtha ta' prodotti tal-ikel, iżda anke ta' prodotti mhux tal-ikel, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni talloka riżorsi finanzjarji bil-għan li jitwettaq ittestjar komparattiv matul perjodu ta' sorveljanza tas-suq ta' mill-inqas sentejn sabiex il-manifatturi jiġu skoraġġiti milli jużaw din il-prattika qarrieqa;

2.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tistabbilixxi direttorat speċjalizzat taħt l-aġenzija kompetenti eżistenti tal-UE, bi professjonisti fil-qasam, biex iwettaq kontrolli fil-fabbriki tal-manifatturi u awditi tal-fluss tal-produzzjoni sabiex jivverifika jekk il-kompożizzjoni tal-prodott tikkorrispondix għal dik indikata mill-manifattur f'każijiet fejn jirriżulta suspett ta' kwalità dupliċi; jitlob lil dan id-direttorat ġdid biex jistabbilixxi pjattaforma online fil-forma ta' reġistru pubbliku Ewropew, li jkun sottodiviż f'taqsima waħda li tinkludi l-informazzjoni dwar il-prodotti kollha li jinsabu mill-awtoritajiet kompetenti li jkunu ta' kwalità dupliċi u taqsima oħra li tinkludi informazzjoni pprovduta volontarjament mill-manifatturi dwar il-prodotti kkummerċjalizzati fl-UE; jenfasizza li dik l-informazzjoni għandha tkun faċilment aċċessibbli, għal paragun faċli, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati qabel ma jixtru;

3.  Jieħu nota tal-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta' metodoloġija armonizzata tal-UE għall-għażla, il-kampjunar u l-ittestjar tal-ikel sabiex jiġu vvalutati l-karatteristiċi relatati mal-kwalità tagħhom; jenfasizza l-impenn biex ir-riżultati tat-testijiet madwar l-UE kollha jkunu disponibbli sal-aħħar ta' din is-sena; jitlob lill-Membri tal-Parlament Ewropew jinvolvu ruħhom aktar fil-proċess; jenfasizza li, flimkien ma' metodoloġija uniformi għall-ittestjar tal-kwalità dupliċi ta' prodotti tal-ikel u tax-xorb, trid tiġi żviluppata wkoll metodoloġija uniformi għall-evalwazzjoni tar-riżultati tat-testijiet u għall-interpretazzjoni tas-sejbiet;

4.  Jilqa' d-dibattitu dwar il-kwalità dupliċi fil-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti kemm jista' jkun partijiet ikkonċernati;

5.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tittejjeb it-trasparenza tal-istudji xjentifiċi fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel b'reazzjoni għat-tħassib pubbliku, sabiex tingħata spinta lill-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa sabiex jittieħdu deċiżjonijiet ta' xiri appoġġjati minn valutazzjoni tar-riskju affidabbli u bbażata fuq ix-xjenza;

6.  Jiddispjaċih li l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ikel minħabba kwistjonijiet ta' differenzi fil-kwalità tal-istess prodotti mhuwiex ambizzjuż biżżejjed, peress li l-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi għandhom japplikaw għall-prodotti kollha b'mod ġenerali, u li dan l-avviż jipproponi passi li mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw il-problema tal-kwalità dupliċi tal-prodotti fis-suq uniku; jenfasizza li huwa importanti li jiġu żviluppati linji gwida u appoġġ ċari u effiċjenti għall-awtoritajiet tal-konsumaturi, u li tinħtieġ b'mod urġenti azzjoni korrettiva sabiex jiġu miġġielda l-prattiki diskriminatorji kontra l-konsumaturi; iwissi li l-konsumaturi jeħtieġ li ma jiġux imqarrqa u jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali tal-ikel biex jistabbilixxu, fuq bażi ta' każ b'każ, jekk dawn il-prattiki humiex illegali, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-UCPD u l-interazzjoni tagħhom mar-rekwiżiti dwar informazzjoni ġusta stabbiliti fir-Regolament Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi;

7.  Jinsab imħasseb dwar ir-restrizzjonijiet territorjali esperjenzati min-negozjanti meta jixtru oġġetti; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga b'mod urġenti l-prattiki żleali minn negozju għal negozju (B2B), bħal meta l-fornituri jisfurzaw lis-supermarkets jakkwistaw il-prodotti tagħhom minn fabbrika partikolari, fatt li jista' jipprevjeni lill-konsumaturi milli jixtru prodotti li jkunu potenzjalment ta' kwalità superjuri minn Stat Membru ieħor u jikkawża distorsjoni tas-suq uniku;

8.  Jinnota li l-produtturi lokali għandhom diffikultà biex jaċċessaw is-suq komuni; jistieden lill-Kummissjoni tiddetermina jekk il-kwalità dupliċi għandhiex riperkussjonijiet negattivi għall-produzzjoni lokali u reġjonali;

9.  Jenfasizza l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi u li jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni; jemmen li l-għoti ta' din l-informazzjoni għandu jkun obbligatorju, pjuttost milli sempliċement volontarju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-korpi nazzjonali rilevanti biex jorganizzaw kampanji ta' komunikazzjoni għall-konsumaturi fl-UE kollha, b'enfasi partikolari fuq l-Istati Membri tal-Punent fejn jista' jkun hemm inqas sensibilizzazzjoni; jinnota li ċ-ċittadini kollha tal-UE huma affettwati minn prattiki ta' kwalità dupliċi, inkluż meta jivvjaġġaw bejn l-Istati Membri; jilqa' b'sodisfazzjon li xi manifatturi ddikjaraw li kienu se jbiddlu r-riċetti tagħhom; jitlob assigurazzjonijiet li kwalunkwe bidla bħal din ma twassalx għal tnaqqis tal-kwalità tal-prodott fi kwalunkwe Stat Membru; jenfasizza r-rwol tal-industrija fl-għoti ta' informazzjoni ċara u korretta lill-konsumaturi fuq l-imballaġġ, kif ukoll biex jintemmu l-prattiki diskriminatorji u fl-irkupru tal-fiduċja tal-konsumaturi; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiffaċilita l-iżvilupp ta' kodiċi ta' kondotta mill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi u tad-ditti;

10.  Jenfasizza li mhuwiex xieraq li t-togħmiet u r-riċetti tal-ikel madwar l-UE jiġu standardizzati, peress li b'hekk, is-swieq lokali u l-ħtiġijiet tal-konsumaturi ma jkunux jistgħu jibqgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni; jenfasizza, madankollu, li d-differenzi sostanzjali fil-prodotti għat-trabi, bħall-ikel għat-trabi u t-tfal żgħar, ma jistgħux jiġu ġġustifikati abbażi ta' preferenzi tat-togħma reġjonali biss; jirrikonoxxi l-argument li prodotti oħra jistgħu jvarjaw f'ċerti każijiet għal raġunijiet leġittimi; jenfasizza, madankollu, li l-konsumaturi għandhom ikunu infurmati b'mod ċar u f'waqtu dwar kwalunkwe differenza; huwa tal-fehma li ikel tal-istess ditta jista' xi drabi jvarja fit-togħma u r-riċetta minħabba ċerti kundizzjonijiet fi swieq lokali fi ħdan l-UE, u li l-użu ta' materja prima lokali u l-ħtieġa li jitqiesu l-liġi nazzjonali jew l-objettivi ta' riformulazzjoni jistgħu wasslu għal differenzi;

11.  Jenfasizza l-importanza tas-soċjetà ċivili fl-analiżi, l-ikkontestar u s-sensibilizzazzjoni fir-rigward ta' prattiki ta' kwalità dupliċi; jitlob aktar appoġġ għal organizzazzjonijiet nazzjonali tal-konsumatur, partikolarment f'pajjiżi fejn għadhom relattivament dgħajfa, sabiex ikunu jistgħu jibnu l-kapaċità, jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom ta' ttestjar u jikkontribwixxu, flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, għall-monitoraġġ u l-esponiment ta' sitwazzjonijiet ta' differenzjazzjoni żleali tal-prodotti; jitlob protezzjoni aħjar għall-informaturi istituzzjonali u individwali fil-qasam tal-sikurezza tal-ikel u d-drittijiet tal-konsumatur;

12.  Jenfasizza li l-argumenti li jsemmu l-preferenzi tal-konsumaturi u r-riformulazzjoni tal-ikel meta ma jkunux akkumpanjati minn biżżejjed informazzjoni adegwata, bħall-konformità mar-regoli nazzjonali rilevanti, ma jistgħu bl-ebda mod jiġġustifikaw it-tqegħid fis-suq ta' prodotti ta' kwalità dupliċi, minħabba l-fatt li dawn il-prodotti ma jirriflettux l-interess ġenerali tal-konsumaturi u li l-preferenzi tal-konsumaturi ma jiġux determinati b'mod trasparenti;

13.  Jirrifjuta bil-qawwa d-dikjarazzjoni li saret minn xi produtturi li l-bidliet fil-kompożizzjoni u/jew il-kwalità jsiru sabiex il-prezzijiet ikunu konformi mal-aspettattivi tal-konsumaturi; jenfasizza li diversi studji wrew li prodotti ta' kwalità inferjuri ħafna drabi jkunu ogħla mill-kontropartijiet tagħhom ta' kwalità ogħla x'imkien ieħor fl-UE;

14.  Iqis li, fis-suq uniku, m'għandu jkun hemm l-ebda differenza, fil-prinċipju, fil-kwalità jew fil-valur nutrittiv bejn il-prodotti kkummerċjalizzati b'tip speċifiku u identiku ta' imballaġġ; jinnota li l-prodotti tal-istess ditta jista', madankollu, ikollhom karatteristiċi differenti li jirriżultaw minn fatturi leġittimi, bħal-lokalità ġeografika tal-produzzjoni, rekwiżiti lokali speċifiċi jew id-differenzi fis-sors tal-materja prima minħabba d-disponibbiltà ġeografika jew staġjonali tagħhom, iżda li l-konsumaturi għandhom ikunu debitament infurmati b'mod ċar u viżibbli fuq l-imballaġġ tal-prodott ta' kull varjazzjoni fil-kompożizzjoni u tal-karatteristiċi meta mqabbla mar-riċetta oriġinali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-emenda tal-leġiżlazzjoni dwar it-tikkettar tal-prodotti għal dan il-għan;

15.  Jinkoraġġixxi b'mod qawwi l-użu tal-prinċipju tal-ekonomija ċirkolari għall-imballaġġ tal-prodotti u jenfasizza li jekk l-imballaġġ għal prodott fi Stat Membru wieħed jikkonforma ma' dan il-prinċipju, għandhom isiru sforzi miftiehma mill-produttur biex jiġi żgurat li dan ikun il-każ għall-prodotti kollha tagħhom ikkummerċjalizzati taħt l-istess ditta fl-istess tip ta' imballaġġ fl-UE kollha u lil hinn minnha;

16.  Jinsisti fuq l-importanza tal-kunċett ta' "prodott ta' referenza", skont liema jridu jitkejlu l-aspettattivi tal-konsumaturi; jenfasizza li l-konsumaturi jeħtieġu jkunu infurmati b'mod adegwat dwar il-kompożizzjoni tal-prodotti li jixtru, sabiex ma jixtrux prodott li l-kompożizzjoni tiegħu tkun differenti minn dik li huma jkollhom f'moħħhom;

17.  Jenfasizza li xi każijiet ta' prodotti ta' kwalità dupliċi jirriżultaw minn nuqqas ta' infurzar tal-liġi tal-Unjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jinfurzaw b'mod urġenti r-regoli eżistenti tal-UE dwar it-tikkettar tal-ikel, anke fir-rigward ta', pereżempju, laħam isseparat b'mod mekkaniku;

18.  Jilqa' l-inizjattivi riċenti tal-Kummissjoni biex tindirizza l-kwistjoni tal-kwalità dupliċi, b'mod partikolari l-aġġornament tal-UCPD fil-proposta dwar il-protezzjoni tal-konsumatur magħrufa bħala l-Patt Ġdid għall-Konsumaturi; jiddispjaċih, madankollu, li l-emenda proposta għall-Artikolu 6 tal-UCPD tista' ma twassalx għal ċertezza akbar tad-dritt; jemmen li l-emenda tal-Anness I tal-UCPD billi tiżdied il-prattika tal-kwalità dupliċi mal-lista s-sewda hija l-aktar mod effettiv biex jiġu indirizzati każijiet ta' kwalità dupliċi fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi qafas legali li jippermetti lill-konsumaturi jfittxu rimedju minn produtturi meta jkunu nkisru d-drittijiet tal-konsumatur;

19.  Jinnota li l-kwalità dupliċi tal-prodotti tikkonċerna mhux biss il-prodotti tal-ikel, iżda testendi wkoll għal ħafna setturi differenti bħal pereżempju dak tal-kożmetiċi; jitlob li jsiru aktar sforzi biex jiġu stabbiliti prattiki mhux diskriminatorji bejn l-Istati Membri u regoli għall-prodotti kollha fis-suq intern;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni effettiva u komprensiva b'istruzzjonijiet ċari dwar kif għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kwalità dupliċi.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.6.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

51

9

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Miriam Dalli, Mark Demesmaeker, Stefan Eck, Bas Eickhout, José Inácio Faria, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Arne Gericke, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Urszula Krupa, Giovanni La Via, Jo Leinen, Peter Liese, Lukas Mandl, Valentinas Mazuronis, Joëlle Mélin, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Massimo Paolucci, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, John Procter, Frédérique Ries, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Ivica Tolić, Estefanía Torres Martínez, Adina-Ioana Vălean, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Herbert Dorfmann, Eleonora Evi, Eleonora Forenza, Peter Jahr, Norbert Lins, Christel Schaldemose, Bart Staes, Dubravka Šuica

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Clare Moody, Thomas Waitz

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

51

+

ALDE:

Gerben-Jan Gerbrandy, Anneli Jäätteenmäki, Valentinas Mazuronis, Frédérique Ries

ECR:

Mark Demesmaeker, Arne Gericke, Urszula Krupa, Bolesław G. Piecha, John Procter, Jadwiga Wiśniewska

EFDD:

Eleonora Evi

GUE/NGL:

Stefan Eck, Eleonora Forenza, Kateřina Konečná, Estefanía Torres Martínez

NI :

Zoltán Balczó

PPE:

Pilar Ayuso, Birgit Collin-Langen, José Inácio Faria, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, György Hölvényi, Peter Jahr, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Miroslav Mikolášik, Annie Schreijer-Pierik, Dubravka Šuica, Ivica Tolić, Adina-Ioana Vălean

S&D:

Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Miriam Dalli, Jytte Guteland, Karin Kadenbach, Jo Leinen, Susanne Melior, Clare Moody, Massimo Paolucci, Pavel Poc, Christel Schaldemose, Claudiu Ciprian Tănăsescu

VERTS/ALE:

Marco Affronte, Margrete Auken, Bas Eickhout, Benedek Jávor, Bart Staes, Thomas Waitz

9

-

ENF

Sylvie Goddyn, Jean-François Jalkh, Joëlle Mélin

EPP

Herbert Dorfmann, Elisabetta Gardini, Jens Gieseke, Julie Girling, Lukas Mandl, Renate Sommer

3

0

EPP

Francesc Gambús

S&D:

Simona Bonafè, Damiano Zoffoli

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)

ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.

(3)

ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

(4)

ĠU C 65, 19.2.2016, p. 2.

(5)

http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/overview_reports/details.cfm?rep_id=76

(6)

http://ec.europa.eu/food/audits-analysis/overview_reports/details.cfm?rep_id=115


OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (17.5.2018)

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar il-kwalità dupliċi tal-prodotti fis-Suq Uniku

(2018/2008(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Momchil Nekov

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-konsumaturi jagħmlu assoċjazzjoni bejn il-marka u t-tikketta jew l-imballaġġ ta' prodott agrikolu jew alimentari u l-kwalità, u jistennew li prodotti tal-istess marka kkummerċjalizzati bl-istess tikketta u/jew identiċi fl-apparenza jkunu identiċi wkoll fil-kwalità u fil-kompożizzjoni, kemm jekk jinbiegħu f'pajjiżhom stess kif ukoll jekk jinbiegħu fi Stat Membru ieħor; billi l-bdiewa kollha fl-Unjoni Ewropea jipproduċu prodotti bl-istess standards għoljin, u l-konsumaturi jistennew li din l-uniformità ta' kwalità tiġi estiża għal prodotti tal-ikel oħra, irrispettivament mill-ġurisdizzjoni li jgħixu fiha;

B.  billi l-prattiki inġusti f'dan ir-rigward iridu jiġu eliminati bil-għan li l-konsumaturi ma jiġux imqarrqa, u billi sinerġija b'saħħitha fil-livell tal-UE biss tista' ssolvi din il-kwistjoni transfruntiera;

C.  billi dan l-aħħar, f'laboratorji approvati f'għadd ta' pajjiżi tal-UE, fosthom il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, l-Ungerija, is-Slovenja u s-Slovakkja, saru analiżi u testijiet organolettiċi komparattivi tal-kontenut u t-tikkettar tal-prodotti fuq ċerti prodotti kkummerċjalizzati f'dawn il-pajjiżi, testijiet u analiżi li jinvolvu t-tqabbil ta' prodotti mal-istess prodotti minn pajjiżi oħra; billi l-ebda konsumatur Ewropew m'għandu jiġi ttrattat bħala ċittadin tat-tieni klassi fis-suq uniku billi jiġi offrut prodotti tal-istess marka iżda ta' kwalità aktar baxxa milli fi Stati Membri oħra;

D.  billi l-Istati Membri b'mod individwali mhumiex fil-pożizzjoni li jqabblu l-prodotti tal-ikel kollha ma' dawk disponibbli fi Stati Membri oħra; billi hija meħtieġa metodoloġija Ewropea b'saħħitha aċċettata mill-atturi kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel, u billi entità jew sistema komuni tal-UE għan-notifika jew il-kondiviżjoni tad-data tista' tipprovdi aċċess immedjat għall-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni u l-ingredjent ta' prodott; billi d-diskussjonijiet tal-Kummissjoni u l-involviment sħiħ tal-partijiet ikkonċernati – bħall-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, il-manifatturi agroalimentari u l-awtoritajiet nazzjonali fl-ambitu tan-Netwerk għall-Kooperazzjoni għall-Ħarsien tal-Konsumatur – huma essenzjali għall-iżvilupp ta' metodoloġija komuni għat-testijiet komparattivi tal-prodotti tal-ikel fi Stati Membri differenti bil-għan li jintefa' aktar dawl fuq l-ambitu tal-problema;

E.  billi l-konsumaturi kollha fl-UE għandhom l-istess drittijiet, u billi l-analiżi juru li ċerti produtturi u manifatturi biegħu prodotti ta' standards ta' kwalità differenti taħt l-istess marka u b'apparenza identika qarrieqa, u ċerti prodotti f'xi pajjiżi kien fihom kwantità iżgħar tal-ingredjent ewlieni jew ingredjenti ta' kwalità aktar baxxa minflok ingredjenti ta' kwalità ogħla; billi din il-problema hija aktar mifruxa fl-Istati Membri li ssieħbu mal-UE mill-2004 'l hawn; billi l-analiżi sabu każijiet tal-istess prodotti jew dawk b'apparenza identika qarrieqa u ta' kwalità aktar baxxa jew b'togħma, konsistenza jew karatteristiċi sensorjali differenti li kienu qed jinbiegħu bi prezzijiet li jvarjaw b'mod konsiderevoli minn pajjiż għal ieħor; billi anke jekk dan ma jiksirx il-prinċipji tal-ekonomija orjentata lejn is-suq jew ir-regoli attwali dwar it-tikkettar jew liġijiet dwar l-ikel oħrajn, dan jikkostitwixxi abbuż tal-identità tal-marka u għaldaqstant jostakola l-prinċipju li l-konsumaturi kollha jiġu trattati b'mod ugwali;

F.  billi kien hemm każijiet ta' differenzi sostanzjali fi prodotti bħall-ikel għat-trabi, u dan ipoġġi f'dubju l-prinċipji u dak li jsostnu l-manifatturi, jiġifieri li huma qed jadegwaw il-prodotti tagħhom biex jissodisfaw il-preferenzi lokali; billi xi konklużjonijiet mil-laboratorji jikkonfermaw li prodotti ta' kwalità aktar baxxa jaf ikun fihom inqas taħlitiet ta' ingredjenti tajba għas-saħħa, u għaldaqstant imorru kontra l-prinċipju ta' trattament ugwali tal-konsumaturi kollha; billi xi rappreżentanti tal-produtturi u l-manifatturi qablu li jemendaw ir-riċetti tal-prodotti tagħhom f'xi pajjiżi b'tali mod li fis-suq uniku kollu jiġu offruti prodotti identiċi;

G.  billi dawn il-prattiki inaċċettabbli qed jitwettqu minn kumpaniji multinazzjonali agroalimentari magħrufa sew bil-għan li jimmassimizzaw il-marġni tal-profitt tagħhom billi jisfruttaw id-differenzi fil-kapaċità tal-akkwist bejn l-Istati Membri;

H.  billi l-konsumaturi mhumiex konxji li prodotti mill-istess marka u bl-istess imballaġġ jiġu adegwati għall-preferenzi u l-gosti lokali, u billi d-differenza fil-kwalità tal-prodotti tqajjem tħassib dwar il-fatt li xi Stati Membri jiġu trattati b'mod differenti minn oħrajn; billi l-Unjoni Ewropea diġà żviluppat tikketti bil-għan li tissodisfa l-aspettattivi speċifiċi tal-konsumaturi u biex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-produzzjoni rikonoxxuti permezz tal-użu ta' termini tal-kwalità;

1.  Jilqa' l-allokazzjoni ta' EUR 2 miljun għaċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) għall-iżvilupp ta' metodoloġija Ewropea aktar b'saħħitha u aċċettata minn atturi differenti, għall-ħolqien ta' linji gwida għal approċċ ta' ttestjar armonizzat u għall-użu ta' metodoloġija biex jitwettaq ittestjar komparattiv tal-prodotti tal-ikel fl-Istati Membri differenti; jinnota li diġà twettqu analiżi ta' livell għoli, u dawn għandhom jitqiesu fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' din il-metodoloġija; jistenna li l-ittestjar jiġi kkompletat mill-aktar fis possibbli, preferibbilment fl-2018; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri jipparteċipaw f'dan l-ittestjar u jintegraw din il-metodoloġija fil-prattiki ta' ħidma tagħhom;

2.  Ifakkar li l-leġiżlazzjoni attwali tippermetti li l-oġġetti jinbiegħu b'kompożizzjonijiet jew karatteristiċi differenti, dment li jirrispettaw bis-sħiħ ir-regolamenti tal-UE u ma jiġux ikkummerċjalizzati b'mod li potenzjalment jista' jqarraq bil-konsumatur; jispjega li l-konsumaturi jkollhom ċerta perċezzjoni dwar il-karatteristiċi ewlenin ta' prodotti tal-marka u li d-differenzi fl-aspettattivi leġittimi speċifiċi ta' prodotti jridu jiġu enfasizzati, b'mod partikolari meta prodott jiddevja sew minn dawn l-aspettattivi; jisħaq fuq il-punt li għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi mill-aktar fis possibbli biex jiġu pprojbiti prattiki li mhumiex iġġustifikati għalkollox mill-ħtieġa li jintużaw ingredjenti lokali, mill-preferenzi fit-togħma adegwati għall-gosti lokali, jew mill-isforzi li tittejjeb is-saħħa pubblika permezz ta' riformulazzjoni tan-nutrijenti, u li dawn għandhom ikunu ċari għall-konsumatur;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-allokazzjoni ta' fondi Ewropej għall-analiżi, jiżguraw li l-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tagħhom tkun obbligatorja u disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, bil-għan li l-konsumaturi jkunu infurmati sew dwar il-kwalità tal-prodotti kkonċernati u jagħmlu l-għażliet tagħhom skont dan;

4.  Jilqa' l-interess pubbliku fis-suġġett fil-pajjiżi fejn saru l-analiżi, u jinnota li fin-nofs hemm il-fiduċja taċ-ċittadini fil-funzjonament tas-suq uniku, u dan jaf ikollu impatt negattiv kemm fuq l-Unjoni kif ukoll fuq id-diversi partijiet ikkonċernati, inklużi l-produtturi u l-manifatturi;

5.  Jinnota li s-suq uniku huwa aċċessibbli għall-produtturi u l-manifatturi, iżda li huwa wkoll kompetittiv ħafna, u li wħud mill-marki huma magħrufa minn kulħadd jew għandhom reputazzjoni tajba fl-Unjoni kollha;

6.  Jinnota li l-produtturi lokali u l-manifatturi jsibuha diffiċli li jieħdu sehem fis-suq komuni, fost raġunijiet oħrajn minħabba li m'hemmx biżżejjed riżorsi jew aċċess għas-suq u minħabba l-kompetizzjoni qawwija fis-suq;

7.  Iqis li l-UE jeħtieġ li ttejjeb il-qafas leġiżlattiv eżistenti li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu infurmati dwar il-prodotti tal-ikel u ma jiġux imqarrqa minn prattiki kummerċjali żleali bejn in-negozjanti u l-konsumaturi huma u jagħmlu deċiżjoni ta' xiri, anki b'reazzjoni għat-tħassib taċ-ċittadini u s-setturi Ewropej dwar prodotti differenti b'apparenza identika qarrieqa iżda ta' standards ta' kwalità u/jew ingredjenti differenti li jinbiegħu taħt l-istess marka fi Stati Membri differenti, fid-dawl tal-effett negattiv ta' din il-prattika fuq il-funzjonament tas-suq uniku;

8.  Iqis li, sadanittant, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur għandhom jagħmlu użu sħiħ mir-rikors għal azzjoni legali eżistenti kif deskritt fl-avviż tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2017 dwar l-applikazzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ikel minħabba kwistjonijiet ta' differenzi fil-kwalità tal-istess prodotti (2017/C 327/01(1)) bil-għan li jiġi evitat it-tfixkil fis-suq uniku;

9.  Jemmen ukoll li l-prattika ta' "marka waħda, prodott wieħed, kontenut differenti u kompożizzjoni proporzjonali" jeħtieġ li tieqaf permezz ta' emenda għall-Artikolu 6 u l-lista ta' prattiki fl-Anness I għad-Direttiva 2005/29/KE(2) tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur; jirrakkomanda bil-qawwa li dawn il-bidliet leġiżlattivi jiġu introdotti biex jiġi żgurat li prodotti tal-istess marka iżda ta' kwalità differenti jew b'ingredjenti differenti jiġu kkummerċjalizzati b'tikketti differenti u li l-operaturi ekonomiċi li jinstabu ħatja ta' prattiċi inġusti jiġu ppenalizzati bl-aħrax u possibbilment pprojbiti minn ċerti swieq;

10.  Jistieden lill-Istati Membri u l-awtoritajiet u l-laboratorji rispettivi tagħhom iwettqu u jinterpretaw l-analiżi li jqabblu l-kompożizzjoni tal-ikel – b'mod partikolari prodotti ta' ditti internazzjonali u b'tikketta privata – f'konformità mal-istandards maqbula b'mod komuni bħal dawk żviluppati mill-JRC fil-qafas jew fil-paragrafu t'hawn fuq, bil-għan li l-produtturi u l-manifatturi jingħataw il-possibilità li jikkumentaw dwar il-konklużjonijiet qabel ma dawn jiġu ppubblikati, u biex ir-riżultati jiġu kkomunikati b'mod oġġettiv u trasparenti, filwaqt li r-rapporti sħaħ ikunu aċċessibbli għall-pubbliku;

11.  Huwa tal-opinjoni li l-manifatturi m'għandhomx jistennew li tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni l-ġdida iżda għandhom ikunu proattivi billi jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw it-trasparenza fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-prodotti tagħhom u r-rispett sħiħ għall-konsumaturi; jappoġġa l-involviment attiv taċ-ċittadini fl-identifikazzjoni u l-indirizzar tad-differenzi fil-kwalità tal-prodotti permezz ta' sistema ta' twissija Ewropea; iqis li, sakemm tinbidel il-prattika, tista' tiġi introdotta sistema li tindika li ntużaw riċetti lokali fil-preparazzjoni ta' prodotti speċifiċi b'mod li jirrispetta d-dritt tal-konsumatur li jagħmel għażla infurmata u li jista' jżid il-viżibilità tal-inizjattivi tal-manifatturi f'dak li jikkonċerna l-użu ta' prattiki lokali tradizzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-kunċett ta' "prodott ta' referenza" li miegħu jistgħu jitqabblu riċetti adegwati għall-gosti lokali jew reġjonali u li, bis-saħħa tiegħu, id-differenzi jsiru evidenti għall-konsumatur, kif ukoll bażi ta' data pubblika għall-iskopijiet ta' informazzjoni tal-konsumatur li tipprovdi l-kriterji speċifiċi użati mill-manifatturi u l-produtturi għal prodotti b'"riċetta differenti" fi Stat Membru partikolari flimkien mar-raġunijiet li għalihom intużaw tali strateġiji; f'dan il-kuntest, ifaħħar l-inizjattiva ta' dawk il-produtturi u l-manifatturi li ħabbru li kienu se jemendaw ir-riċetti tagħhom;

12.  Jappoġġa l-inizjattivi tal-produtturi u l-manifatturi dwar it-tikkettar speċifiku tal-prodotti, u jfakkar li l-leġislazzjoni Ewropea diġà tippermetti l-introduzzjoni ta' tikketti ta' kwalità, bħad-"denominazzjoni ta' oriġini protetta" (DOP) u l-"indikazzjoni ġeografika protetta" (IĠP) għal prodotti li għandhom rabta speċifika ma' reġjun speċifiku, kif ukoll l-"ispeċjalità tradizzjonali garantita" (STG) għal prodotti kkaratterizzati minn proċess ta' produzzjoni tradizzjonali, jew prodotti miż-żoni muntanjużi jew prodotti miż-żoni ultraperiferiċi tal-UE; jisħaq li tali sistemi jirrispettaw kemm id-dritt tal-konsumatur li jagħmel għażla infurmata kif ukoll il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku; jemmen li wieħed mill-mezzi għall-ġlieda kontra l-abbuż relatat mal-immarkar korporattiv? (branding) huwa l-promozzjoni ta' ktajjen tal-provvista qosra fl-industrija tal-ikel u l-ħolqien ta' marki ta' kwalità lokali; jirrikonoxxi li meta jiġu kkontestati l-oġġetti tal-ikel agrikoli u l-kwalità tagħhom dan jirrifletti ħażin fuq il-bdiewa u s-sistema tal-ipproċessar tal-ikel; jistieden lill-Istati Membri, b'mod partikolari lill-awtoritajiet nazzjonali għall-konsumatur u l-ikel, jiżguraw il-konformità mal-acquis tal-konsumatur tal-UE u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-sikurezza u dwar it-tikkettar tal-ikel fil-livell nazzjonali;

13.  Jistieden lill-manifatturi jikkunsidraw li jinkludu logo fuq l-imballaġġ li jindika li l-kontenut u l-kwalità tal-istess marka u bl-istess imballaġġ huma l-istess fl-Istati Membri kollha;

14.  Jappella biex il-kapaċitajiet u l-mekkaniżmi fil-livell tal-UE jiġu żviluppati b'mod urġenti f'unità speċjalizzata ta' monitoraġġ u superviżjoni f'korp eżistenti tal-UE (JRC, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) jew oħrajn), filwaqt li, kemm jista' jkun, il-burokrazija tinżamm għal minimu, bil-għan li jiġu mmonitorjati l-konsistenza fil-kompożizzjoni u l-użu proporzjonali tal-ingredjenti fi prodotti tal-ikel tal-istess marka u bl-istess imballaġġ biex jiġu vvalutati l-analiżi komparattivi li jkunu saru fil-laboratorji sabiex jiġu identifikati l-prattiki kummerċjali żleali fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-ikel;

15.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali fi ħdan il-qafas ta' dispożizzjonijiet legali eżistenti, bħal pereżempju n-Netwerk ta' Kooperazzjoni għall-Ħarsien tal-Konsumatur, jekk ikun meħtieġ bis-sostenn ta' istituzzjonijiet Ewropej eżistenti, b'mod partikolari l-EFSA, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel (CHAFEA) u l-JRC;

16.  Jissottolinja l-importanza tas-soċjetà ċivili fis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku f'dak li jikkonċerna l-prattiki żleali tal-manifatturi u l-produtturi, u jitlob li jkun hemm aktar appoġġ għall-attività ċivika u għall-informaturi istituzzjonali u individwali fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel u d-drittijiet tal-konsumatur;

17.  Jinsab imħasseb li, minħabba l-fatt li min-naħa tal-UE mhi qed tittieħed l-ebda azzjoni jew qed tittieħed azzjoni bilmod wisq, hemm riskju li ċ-ċittadini jitbiegħdu mill-UE minħabba li din ma tkunx qed tieħu azzjonijiet konkreti fuq terminu ta' żmien qasir biex tindirizza din il-kwistjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

16.5.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

41

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, José Bové, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Jacques Colombier, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Luke Ming Flanagan, Beata Gosiewska, Anja Hazekamp, Esther Herranz García, Jan Huitema, Peter Jahr, Ivan Jakovčić, Jarosław Kalinowski, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Mairead McGuinness, Ulrike Müller, James Nicholson, Maria Noichl, Laurenţiu Rebega, Bronis Ropė, Maria Lidia Senra Rodríguez, Ricardo Serrão Santos, Czesław Adam Siekierski, Maria Gabriela Zoană, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Brannen, Elsi Katainen, Gabriel Mato, Susanne Melior, Momchil Nekov, Annie Schreijer-Pierik, Ramón Luis Valcárcel Siso, Thomas Waitz

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Birgit Collin-Langen

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

41

+

ALDE

Jan Huitema, Ivan Jakovčić, Elsi Katainen, Ulrike Müller

ECR

Beata Gosiewska, Zbigniew Kuźmiuk, James Nicholson, Laurenţiu Rebega

EFDD

Marco Zullo

ENF

Jacques Colombier, Philippe Loiseau

GUE/NGL

Matt Carthy, Luke Ming Flanagan, Anja Hazekamp, Maria Lidia Senra Rodríguez

PPE

Daniel Buda, Birgit Collin-Langen, Michel Dantin, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Esther Herranz García, Peter Jahr, Jarosław Kalinowski, Gabriel Mato, Mairead McGuinness, Annie Schreijer-Pierik, Czesław Adam Siekierski, Ramón Luis Valcárcel Siso

S&D

Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Paul Brannen, Nicola Caputo, Susanne Melior, Momchil Nekov, Maria Noichl, Ricardo Serrão Santos, Maria Gabriela Zoană

Verts/ALE

José Bové, Bronis Ropė, Thomas Waitz

1

-

EFDD

John Stuart Agnew

1

0

S&D

Paolo De Castro

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 327, 29.9.2017, p. 1.

(2)

ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.


ANNESS: LISTA TA' ENTITAJIET JEW PERSUNI LI MINGĦANDHOM IR-RAPPORTEUR IRĊEVIET KONTRIBUT

Il-lista li ġejja hija mfassla fuq bażi purament volontarja taħt ir-responsabbiltà esklużiva tar-rapporteur. Ir-rapporteur irċieva input mill-entitajiet jew persuni li ġejjin fit-tħejjija tar-rapport, sal-adozzjoni tiegħu fil-kumitat:

Entità u/jew persuna

ANEC

BEUC

Il-Konfederazzjoni Ċeka tal-Kummerċ u t-Turiżmu

dTest

EuroCommerce

In-Netwerk Ewropew tal-Qalb

FoodDrinkEurope

Henkel

Independent Retail Europe

L-Assoċjazzjoni Internazzjonali għas-Sapun, id-Deterġenti u l-Prodotti ta' Manutenzjoni

Nestlé

Potravinářská komora České republiky

Trejdjunjin fl-industrija tal-ikel tar-Repubblika Ċeka

L-Università tal-Kimika u t-Teknoloġija ta' Praga

Verbraucherzentrale


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

12.7.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Dita Charanzová, Carlos Coelho, Sergio Gaetano Cofferati, Anna Maria Corazza Bildt, Daniel Dalton, Nicola Danti, Dennis de Jong, Pascal Durand, Maria Grapini, Liisa Jaakonsaari, Eva Maydell, Marlene Mizzi, Nosheena Mobarik, Jiří Pospíšil, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Jasenko Selimovic, Ivan Štefanec, Catherine Stihler, Richard Sulík, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mylène Troszczynski, Mihai Ţurcanu, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Biljana Borzan, Birgit Collin-Langen, Julia Reda, Marc Tarabella, Matthijs van Miltenburg, Sabine Verheyen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Isabella De Monte, Sylvie Goddyn, Kateřina Konečná


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

33

+

ALDE

Dita Charanzová, Matthijs van Miltenburg, Jasenko Selimovic

ECR

Daniel Dalton, Nosheena Mobarik, Richard Sulík, Anneleen Van Bossuyt

EFDD

Marco Zullo

GUE/NGL

Kateřina Konečná

PPE

Asim Ademov, Carlos Coelho, Birgit Collin-Langen, Anna Maria Corazza Bildt, Eva Maydell, Jiří Pospíšil, Andreas Schwab, Ivan Štefanec, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mihai Ţurcanu, Sabine Verheyen

S&D

Biljana Borzan, Sergio Gaetano Cofferati, Nicola Danti, Isabella De Monte, Maria Grapini, Liisa Jaakonsaari, Marlene Mizzi, Christel Schaldemose, Olga Sehnalová, Catherine Stihler, Marc Tarabella

VERTS/ALE

Pascal Durand, Julia Reda

3

-

EFDD

John Stuart Agnew

ENF

Sylvie Goddyn, Mylène Troszczynski

1

0

GUE/NGL

Dennis de Jong

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Settembru 2018Avviż legali