Proċedura : 2017/2128(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0268/2018

Testi mressqa :

A8-0268/2018

Dibattiti :

PV 13/09/2018 - 4
CRE 13/09/2018 - 4

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0356

RAPPORT     
PDF 997kWORD 80k
23.7.2018
PE 618.104v02-00 A8-0268/2018

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti (KE) Nru 1107/2009

(2017/2128(INI))

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Rapporteur: Pavel Poc

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Sfond ġenerali u ħarsa ġenerali lejn sorsi ta' evidenza

F'Mejju 2017, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (ENVI) tal-Parlament Ewropew talab li jitħejja rapport ta' implimentazzjoni dwar ir-Regolament (KE) 1107/2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPP), minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "ir-Regolament". Dan ir-rapport huwa parti mill-programm ta' skrutinju ta' implimentazzjoni tal-kumitat ENVI.

L-Unità tal-Evalwazzjoni Ex Post (EVAL) tad-Direttorat għall-Valutazzjoni tal-Impatt u l-Valur Miżjud Ewropew (fid-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari tal-Parlament Ewropew, DĠ EPRS) ipprovdiet għarfien espert dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament. Sabiex titħejja l-evidenza meħtieġa għar-riċerka, ġie kkummissjonat studju mmirat lejn l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Regolament. Ir-riżultati ġew ikkonsolidati f'Valutazzjoni ta' Implimentazzjoni Ewropea (EIA) u ppubblikati uffiċjalment f'April 2018(1).

L-istudju kien ibbażat fuq erba' linji ta' riċerka interkonnessi:

-  "Evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) 1107/2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-impatti tiegħu. L-immappjar tal-użu magħmul mill-Istati Membri tad-derogi mogħtija skont l-Artikolu 53 tar-Regolament";

-  "Il-valutazzjoni tal-kriterji u l-kapaċità għal "identifikazzjoni tal-periklu" affidabbli u armonizzata ta' sustanzi attivi";

-  Il-kapaċità ta' "valutazzjoni tal-Istati Membri" għall-"awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti" affidabbli u l-uniformità tagħha";

-  L-immappjar tal-prattiki tal-evalwazzjoni (valutazzjoni tar-riskju) xjentifika ta' sustanzi attivi użati fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti";

Studju komprensiv dwar l-impatt tar-Regolament qatt ma kien twettaq qabel. L-EIA ġabret data u sejbiet ġodda u hija s-sors ewlieni ta' informazzjoni għal dan ir-rapport ta' implimentazzjoni.

Jenħtieġ li jiġi nnutat li f'Novembru 2016 il-Kummissjoni ppubblikat Pjan Direzzjonali dwar l-evalwazzjoni skont il-programm REFIT(2) tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u r-residwi tal-pestiċidi, li r-riżultati tiegħu huma mistennija lejn il-bidu tal-2019.

L-għan ewlieni taż-żewġ evalwazzjonijiet huwa li tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) 1107/2009. Għalkemm il-kamp ta' applikazzjoni tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni huwa usa'(3), is-sett ta' kriterji standard għall-evalwazzjoni huwa, madankollu identiku.

Barra minn hekk, fi Frar 2016 l-Ombudsman Ewropew waslet għall-konklużjoni tagħha fil-każ 12/2013/MDC dwar il-prattiki tal-Kummissjoni Ewropea rigward l-awtorizzazzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Il-Kummissjoni, fir-rwol tagħha ta' amministratur tar-riskju tagħha, għandha d-dmir li tiżgura li s-sustanzi attivi li tapprova mhumiex ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali, jew l-ambjent. L-Ombudsman sabet li l-Kummissjoni tista' tkun laxka wisq fil-prattiki tagħha u jista' jagħti l-każ li ma tkunx qed tqis biżżejjed il-prinċipju ta' prekawzjoni.

Hemm ukoll sentenzi rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u deċiżjonijiet preliminari rilevanti oħra li ġew ikkunsidrati mir-Rapporteur.

Il-kontroversja riċenti relatata mat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat kompliet enfasizzat li l-fiduċja fl-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-UE ġiet imminata serjament. F'Ottubru 2017, il-Kummissjoni ddikjarat l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) "Inwaqqfu l-glifosat biex b'hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi"(4) ammissibbli. Mal-miljun ċittadin talbu lill-Kummissjoni "tipproponi lill-Istati Membri jipprojbixxu l-glifosat, jirriformaw il-proċedura għall-approvazzjoni tal-pestiċidi u jistabbilixxu miri obbligatorji fil-livell tal-UE għat-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi".

F'dan l-isfond, fi Frar 2018, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jwaqqaf kumitat speċjali dwar il-proċeduri tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi (PEST) biex janalizza u jivvaluta, fost affarijiet oħra, il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għall-pestiċidi fl-Unjoni, inklużi l-metodoloġija użata u l-kwalità xjentifika tagħha, l-indipendenza tal-proċedura mill-industrija, u t-trasparenza tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u r-riżultati tiegħu

Barra minn hekk, f'April 2018, bħala segwitu għar-risposta tagħha lill-ECI(5) l-Kummissjoni Ewropea pproponiet uffiċjalment reviżjoni mmirata tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel u ppubblikat proposta għal Regolament dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari(6), li temenda, fost oħrajn, ir-Regolamenti li l-implimentazzjoni tagħhom hija diskussa hawnhekk.

Dan juri li l-evalwazzjoni ta' sistema regolatorja kumplessa biex jiġi armonizzat u mmonitorjat it-tqegħid ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fis-suq intern tal-UE hija ta' prijorità fl-aġenda politika.

Il-fatti kollha msemmija hawn taw kontribut għal dan ir-rapport. Ir-Rapporteur iqis ukoll studji u rapporti rilevanti oħra mwettqa minn awtoritajiet nazzjonali u partijiet ikkonċernati.

Ir-Regolament fil-kuntest usa' tal-politika dwar il-pestiċidi tal-UE

Fl-2006, il-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija tematika dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi fl-Istati Membri kollha. Fl-2006, bħala segwitu, il-Kummissjoni ppubblikat proposta għal regolament li jħassar id-Direttiva 91/414/KEE. L-att finali (ir-Regolament (KE) 1107/2009 li huwa l-fokus hawnhekk) ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fl-2009.

Ir-Regolament stabbilixxa regoli għall-awtorizzazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti f'forma kummerċjali u għat-tqegħid fis-suq, l-użu u l-kontroll tagħhom fl-UE. Stabbilixxa kemm regoli għall-approvazzjoni ta' sustanzi attivi, aġenti protettivi u sinerġisti, li jkunu fi jew li jikkostitwixxu prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, kif ukoll regoli għall-aġġuvanti u għall-koformulanti.

Element ġdid importanti introdott mir-Regolament kien għadd ta' kriterji limitu stretti(7) għall-approvazzjoni ta' sustanzi attivi fil-livell tal-UE. Il-kriterji ġew introdotti bl-intenzjoni li jiġu pprojbiti s-sustanzi l-aktar tossiċi mis-suq. L-introduzzjoni ta' kriterji limitu tfisser li l-proċess tal-approvazzjoni huwa rregolat minn approċċ ibbażat fuq il-periklu, li ma kienx il-każ skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KE.

L-approċċ ibbażat fuq il-periklu kien mirfud minn prinċipju ieħor tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE: il-prinċipju ta' prekawzjoni. B'mod partikolari, l-Istati Membri m'għandhomx jitwaqqfu milli japplikaw il-prinċipju ta' prekawzjoni fejn ikun hemm inċertezza xjentifika fir-rigward tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent li jkunu ppreżentati mill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

Proċeduri regolatorji għall-approvazzjoni ta' sustanzi attivi u awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

Fl-Unjoni Ewropea, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huma soġġetti għal proċess ta' approvazzjoni doppja: sustanzi attivi huma approvati fil-livell tal-UE, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kummerċjali huma sussegwentement awtorizzati fil-livell tal-Istat Membru.

Tliet strumenti ewlenin huma fil-qalba tar-Regolament:

a)  l-approvazzjoni ta' sustanzi attivi mwettqa minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali, l-EFSA u l-Kummissjoni flimkien mal-esperti tal-Istati Membri (raggruppati fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf /il-Kumitat PAFF/);

b)  l-awtorizzazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi approvati;

c)  l-infurzar ta' deċiżjonijiet regolatorji meħuda fil-qafas ta' approvazzjonijiet u awtorizzazzjonijiet.

Il-proċedura ta' approvazzjoni tikkonsisti minn diversi stadji:

1.  L-applikazzjoni għal approvazzjoni hija ppreżentata lil pajjiż tal-UE msejjaħ Stat Membru Rapporteur (RMS);

2.  L-RMS jivverifika jekk l-applikazzjoni hijiex ammissibbli;

3.  L-RMS iħejji abbozz ta' rapport ta' valutazzjoni;

4.  L-EFSA toħroġ il-konklużjonijiet tagħha;

5.  Il-Kumitat PAFF jivvota dwar l-approvazzjoni jew in-nuqqas ta' approvazzjoni;

6.  L-adozzjoni mill-Kummissjoni;

7.  Il-pubblikazzjoni ta' Regolament fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.

Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti normalment ikun fih aktar minn komponent wieħed. Il-komponent attiv kontra l-organiżmi ta' ħsara/il-mard tal-pjanti jissejjaħ is-"sustanza attiva". Il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fihom tal-anqas sustanza attiva approvata waħda, u jistgħu jinkludu mikroorganiżmi, feromoni u estratti botaniċi.

Il-kontrolli tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-użu tagħhom jitwettqu mill-Istati Membri.

Oqsma ewlenin ta' tħassib

L-EIA ppubblikata mill-EPRS identifikat għadd ta' punti ta' tħassib differenti relatati mal-implimentazzjoni tar-Regolament. Fl-abbozz ta' rapport, ir-Rapporteur jiffoka prinċipalment fuq l-aspetti li għandhom konsengwenzi negattivi għall-kisba tal-objettivi tas-saħħa u tal-ambjent.

Dawn jinkludu, b'mod partikolari, żieda fid-derogi mogħtija skont l-Artikolu 53 mingħajr ma jiġu pprovduti ġustifikazzjonijiet sodisfaċenti jew il-fatt li għadd ta' aspetti kruċjali mhux qed jiġu vvalutati b'mod suffiċjenti (pereżempju taħlitiet mhux intenzjonali u effetti ta' kombinazzjoni, l-impatt ambjentali fuq il-bijodiversità, id-degradazzjoni tal-pestiċidi f'konċentrazzjonijiet baxxi, l-immunotossiċità fl-iżvilupp u n-newrotossiċità fl-iżvilupp).

Għalkemm ir-Regolament ġab progress ċar f'termini ta' protezzjoni aħjar tas-saħħa pubblika u l-ambjent bl-introduzzjoni tal-kriterji limitu ta' periklu, armonizzazzjoni insuffiċjenti (pereżempju, ekotossikoloġija) tfixkel l-evalwazzjoni tas-sustanzi u għaldaqstant l-implimentazzjoni effikaċi fl-oqsma xjentifiċi rilevanti.

L-evalwazzjoni identifikat għadd ta' kwistjonijiet marbuta mat-trasparenza. Partikolarment problematiku huwa n-nuqqas ta' disponibbiltà ta' alternattivi ekonomikament fattibbli u aċċessibbli , kif ukoll il-fatt li l-prattika agrikola tajba fil-kuntest ta' ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara u użu miżjud u disponibbiltà ta' sustanzi b'riskju baxx mhumiex promossi biżżejjed. Jidher ukoll li l-objettivi u l-istrumenti tar-Regolament ma jidhrux li huma konformi mal-politiki tal-UE fil-qasam tal-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel, it-tibdil fil-klima u l-użu sostenibbli tal-pestiċidi u l-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fl-ikel u l-għalf. L-infurzar tar-Regolament huwa problematiku. Hemm indikazzjonijiet ta' żieda fil-kummerċ f'prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti illegali u falsifikati, li ġiet identifikata fi snin riċenti.

Rakkomandazzjonijiet mir-rapporteur

Ir-Rapporteur huwa konvint li jeħtieġu aktar sforzi kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tar-Regolament. Għalkemm l-objettivi tar-Regolament relatati mas-saħħa u l-ambjent huma rrapportati bħala rilevanti għall-ħtiġijiet reali, l-evalwazzjoni uriet li fil-prattika, dawn iż-żewġ objettivi mhumiex qed jinkisbu. Dan huwa r-riżultat ta' problemi bl-implimentazzjoni prattika tat-tliet strumenti ewlenin tar-Regolament identifikati mill-evalwazzjoni tal-EPRS - (a) l-approvazzjoni tas-sustanzi, (b) l-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi approvati, u (c) l-infurzar ta' deċiżjonijiet regolatorji meħuda fil-qafas ta' approvazzjonijiet u awtorizzazzjonijiet.

Fir-rigward tal-impatti negattivi fuq is-saħħa pubblika u l-ambjent, ir-Rapporteur jikkunsidra diversi aspetti tal-implimentazzjoni li huma partikolarment problematiċi. Dawn jinkludu: l-użu ħażin tal-proċedura ta' awtorizzazzjoni ta' emerġenza, evidenzjat minn żieda fin-numru ta' derogi mogħtija skont l-Artikolu 53, l-użu frekwenti tal-proċedura ta' data konfermatorja, il-kompatibbiltà tar-Regolament mal-prinċipju ta' prekawzjoni, l-armonizzazzjoni mhux kompleta ta' rekwiżiti tad-data u metodoloġiji użati f'xi oqsma xjentifiċi għall-evalwazzjoni tas-sustanzi kontra l-kriterji limitu.

Ir-Rapporteur jilqa' l-proposta riċenti tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-mudell tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE li jkopri fost l-oħrajn prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li jinnota, madankollu, li xi wħud mill-aspetti kruċjali tal-proċess regolatorju tat-teħid tad-deċiżjonijiet mhumiex indirizzati b'mod suffiċjenti minn din il-proposta u b'mod partikolari l-istadju tal-ġestjoni tar-riskju mwettaq mill-Kumitat PAFF fil-kuntest tal-approvazzjoni ta' sustanzi attivi. Jeħtieġ ukoll aktar trasparenza fir-rigward tal-aspetti tal-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

Barra minn hekk, ma tistax tinkiseb implimentazzjoni effikaċi mingħajr armonizzazzjoni aħjar ma' politiki tal-UE u mingħajr aktar inċentivi biex jiġu promossi soluzzjonijiet alternattivi.

L-evidenza disponibbli turi li l-infurzar ta' deċiżjonijiet regolatorji skont ir-Regolament mhuwiex biżżejjed u li huwa meħtieġ li jsiru kontrolli aħjar fil-livell nazzjonali.

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti

(2017/2128(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE(9),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006(10),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2017 dwar pestiċidi b'riskju baxx ta' oriġini bijoloġika(12),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tat-18 ta' Frar 2016 fil-Każ 12/2013/MDC dwar il-prattiki tal-Kummissjoni rigward l-awtorizzazzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (pestiċidi)(13),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni ta' Implimentazzjoni Ewropea rigward ir-Regolament (KE) 1107/2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-Annessi rilevanti tiegħu ppubblikati mis-Servizzi ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (DĠ EPRS)(14) f'April 2018,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta' Novembru 2016 fil-Kawżi C-673/13 P (il-Kummissjoni vs Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe) u C-442/14 Bayer CropScience vs il-Bord għall-awtorizzazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-bijoċidi),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' April 2018 dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari li jemenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002 [dwar il-liġi ġenerali dwar l-ikel], id-Direttiva 2001/18/KE [dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' OĠM], ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 [dwar ikel u għalf ĠM], ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 [dwar l-addittivi fl-għalf], ir-Regolament (KE) Nru 2065/2003 [dwar it-taħwir bl-affumikazzjoni], ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 [dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel], ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 [dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel], ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 [dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti] u r-Regolament (UE) Nru 2015/2283 [dwar ikel ġdid](15),

–  wara li kkunsidra l-mandat u x-xogħol tal-Kumitat Speċjali tal-Parlament Ewropew dwar il-proċeduri tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi (PEST),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 għad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0268/2018),

A.  billi l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament") uriet li l-għanijiet ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent ma kinux qed jintlaħqu bis-sħiħ u li jista' jsir titjib sabiex jinkisbu l-għanijiet kollha tar-Regolament;

B.  billi l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Regolament għandha titqies flimkien mal-politika globali tal-UE dwar il-pestiċidi, inklużi r-regoli stabbiliti mid-Direttiva 2009/128/KE (id-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli), ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 (ir-Regolament dwar il-Bijoċidi), ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 (ir-Regolament dwar il-Livell Massimu ta' Residwi), u r-Regolament (KE) Nru 178/2002 (il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel);

C.  billi l-implimentazzjoni tar-Regolament mhix qed tkun sodisfaċenti u jenħtieġ li tkun konformi mal-politiki relatati tal-UE, inkluż fil-qasam tal-pestiċidi;

D.  billi l-evidenza disponibbli turi li l-implimentazzjoni prattika tat-tliet strumenti ewlenin tar-Regolament – l-approvazzjonijiet, l-awtorizzazzjonijiet u l-infurzar tad-deċiżjonijiet regolatorji – tħalli lok għal titjib u ma tiżgurax it-twettiq sħiħ tal-objettivi tar-Regolament;

E.  billi ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ma ġew applikati bl-ebda mod mill-Kummissjoni, b'mod partikolari l-Artikolu 25 dwar l-approvazzjoni ta' aġenti protettivi u sinerġisti u l-Artikolu 27 dwar lista negattiva ta' koformulanti mhux aċċettabbli;

F.  billi dispożizzjonijiet ewlenin oħra, bħall-applikazzjoni tal-kriterji limitu għal sustanzi attivi li jkunu interferenti endokrinali, ġew ittardjati b'mod sinifikanti minħabba mġiba illegali mill-Kummissjoni;

G.  billi l-persuni kkonċernati qajmu tħassib dwar l-approċċ tal-evalwazzjoni, kif stabbilit mil-liġi, b'mod partikolari fir-rigward ta' min jenħtieġ li jipproduċi l-istudji xjentifiċi u l-evidenza għall-evalwazzjonijiet tas-sustanza attiva u l-użu tal-approċċ ibbażat fuq il-periklu matul dawk l-evalwazzjonijiet;

H.  billi l-oneru tal-provi jenħtieġ li jibqa' fuq l-applikant, sabiex jiġi żgurat li ma jintefqux flejjes pubbliċi fuq studji li eventwalment jistgħu jibbenefikaw l-interessi privati; billi, fl-istess waqt, trid tiġi żgurata trasparenza f'kull pass tal-proċedura tal-awtorizzazzjoni, f'konformità sħiħa mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali filwaqt li jrid jiġi żgurat ukoll li madwar l-Unjoni jiġu applikati b'mod konsistenti prinċipji tal-laboratorju tajbin;

I.  billi hemm tħassib assoċjat mal-implimentazzjoni prattika tal-approċċ tal-evalwazzjoni stabbilit; billi, b'mod partikolari, hemm tħassib ewlieni assoċjat mal-armonizzazzjoni mhux kompleta tar-rekwiżiti tad-data u l-metodoloġiji użati li jistgħu jfixklu l-proċess tal-evalwazzjoni;

J.  billi l-prestazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali nstabet li hija fattur ewlieni li jinfluwenza l-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi; billi hemm differenzi sostanzjali fost l-Istati Membri fir-rigward tal-għarfien espert u l-persunal disponibbli; billi r-Regolament u rekwiżiti legali ta' appoġġ rilevanti mhumiex qed jiġu implimentati b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha, u dan in-nuqqas qed ikollu implikazzjonijiet rilevanti għas-saħħa u l-ambjent;

K.  billi t-trasparenza fl-istadji kollha tal-proċedura ta' approvazzjoni jenħtieġ li tittejjeb, u żieda fit-trasparenza jaf tgħin iżżid il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema li tirregola l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti; billi t-trasparenza tal-attivitajiet relatati mal-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti ukoll mhijiex sodisfaċenti f'bosta każijiet; billi l-Kummissjoni pproponiet bidliet għal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel, bil-għan li tindirizza t-tħassib relatat mad-data u mal-evidenza mogħtija matul il-proċess tal-evalwazzjoni u żżid it-trasparenza;

L.  billi l-awtorizzazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li sseħħ esklussivament fil-livell nazzjonali, ħafna drabi tiffaċċja dewmien fid-deċiżjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju; billi dan, f'xi każijiet, iwassal għal żieda fl-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri taħt deroga, li jagħmlu użu mill-Artikolu 53 tar-Regolament; billi hemm każijiet fejn dawn id-derogi jintużaw kontra l-intenzjoni inizjali tal-leġiżlatur;

M.  billi r-Regolament jintroduċi d-dispożizzjoni li l-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara (IPM) kellha ssir parti mir-rekwiżiti statutorji ta' ġestjoni skont ir-regoli ta' kundizzjonalità tal-Politika Agrikola Komuni; billi din għad trid isseħħ;

N.  billi l-evidenza disponibbli turi li din il-parti ta' regolamentazzjoni fil-livell tal-UE ssaħħaħ u żżid il-valur għall-isforzi u l-azzjonijiet nazzjonali;

O.  billi, ħafna drabi, il-kunsiderazzjonijiet serji ta' alternattivi joħorġu biss wara bidla fir-rekwiżiti legali; billi, pereżempju, fil-każ tal-projbizzjoni estiża fuq neonikotinojdi, l-aktar valutazzjoni riċenti (tat-30 ta' Mejju 2018)(16) tissuġġerixxi li jeżistu alternattivi mhux kimiċi faċilment disponibbli għal 78 % tal-użi tan-neonikotinojdi;

P.  billi, mill-31 ta' Mejju 2016 'l hawn ma tressqet l-ebda sustanza attiva ġdida għall-approvazzjoni; billi l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' prodotti ġodda, b'mod partikolari prodotti b'riskju baxx, huma importanti;

Q.  billi d-disponibbiltà ta' pestiċidi falsifikati fis-suq hija kwistjoni ta' tħassib reali; billi l-pestiċidi falsifikati jistgħu jagħmlu ħsara kemm lill-ambjent kif ukoll lill-effikaċja tar-Regolament;

Konklużjonijiet prinċipali

1.  Iqis li l-UE hija l-livell xieraq li fih jenħtieġ li tkompli sseħħ azzjoni regolatorja fil-qasam tal-pestiċidi;

2.  Jinnota li l-miżuri ambjentali mmirati biex jipprevjenu, jillimitaw u jrażżnu l-firxa ta' patoġeni u organiżmi ta' ħsara jridu jibqgħu jkunu l-fokus tal-azzjonijiet attwali u ulterjuri kollha;

3.  Iqis li l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-Regolament jirrappreżentaw pass sinifikanti 'l quddiem fir-rigward tat-trattament tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-UE meta mqabbel mal-passat;

4.  Jenfasizza li jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lir-rwol tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) fl-iżvilupp ta' prodotti ġodda, peress li l-SMEs spiss huma nieqsa mir-riżorsi sostanzjali li huma meħtieġa fil-proċess ta' żvilupp u approvazzjoni ta' sustanzi ġodda;

5.  Jinsab imħasseb mill-fatt li r-Regolament ma ġiex implimentat b'mod effikaċi u li bħala riżultat l-objettivi tiegħu, fir-rigward tal-produzzjoni agrikola u l-innovazzjoni, mhumiex qed jinkisbu fil-prattika; jenfasizza l-fatt li, parzjalment minħabba l-livell baxx ta' innovazzjoni, l-għadd ta' sustanzi attivi fil-pestiċidi qed jonqos;

6.  Ifakkar li hemm ħtieġa sostanzjali għal approċċ integrattiv u li r-Regolament (KE) Nru 1185/2009 dwar l-istatistika li tikkonċerna l-pestiċidi(17) jrid jagħmel parti mill-valutazzjoni u r-riżultati tagħha jintużaw biex jitnaqqsu l-kwantitajiet, u b'hekk jitnaqqsu r-riskji u l-impatt negattiv tagħhom fuq is-saħħa u l-ambjent;

7.  Jinnota li l-objettivi u l-istrumenti tar-Regolament u l-implimentazzjoni tiegħu mhumiex dejjem konformi biżżejjed mal-politiki tal-UE fl-oqsma tal-agrikoltura, is-saħħa, il-benessri tal-annimali, is-sigurtà tal-ikel, il-kwalità tal-ilma, it-tibdil fil-klima, l-użu sostenibbli tal-pestiċidi u l-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fl-ikel u l-għalf;

8.  Ifakkar li l-prinċipju ta' prekawzjoni huwa prinċipju ġenerali tal-UE fl-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u li dan il-prinċipju jara li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-ambjent permezz ta' deċiżjonijiet preventivi f'każ ta' riskju; itenni li l-prinċipju ta' prekawzjoni mhuwiex qed jiġi applikat b'mod ċar fil-kuntest ġenerali tal-analiżi tar-riskju tal-pestiċidi;

9.  Isib li mhuwiex aċċettabbli li r-rekwiżiti ta' approvazzjoni għal aġenti protettivi u sinerġisti għadhom ma ġewx applikati, bil-kuntrarju tal-Artikolu 25 tar-Regolament;

10.  Isib li mhuwiex aċċettabbli li l-lista negattiva ta' koformulanti għadha ma ġietx adottata, speċjalment wara l-projbizzjoni tal-POE-tallowamines flimkien mal-glifosat, li enfasizzat l-effetti negattivi li jista' jkollhom ċerti koformulanti;

11.  Jieħu nota tal-Evalwazzjoni REFIT tal-Kummissjoni li tinsab għaddejja tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u tat-tlestija ppjanata tagħha sa Novembru 2018; jemmen li dawn is-sejbiet se jkunu bażi adegwata biex il-koleġiżlaturi jiddiskutu l-iżvilupp futur tar-Regolament;

12.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda kostanti u kontinwa tal-użu u l-każijiet identifikati ta' użu ħażin ta' awtorizzazzjonijiet ta' emerġenza mogħtija skont l-Artikolu 53 f'xi Stati Membri; jinnota li xi Stati Membri jużaw l-Artikolu 53 ħafna aktar minn oħrajn; jinnota l-assistenza teknika mogħtija mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament, meta teżamina l-użu tal-awtorizzazzjonijiet ta' emerġenza; jinnota r-riżultati tal-investigazzjoni min-naħa tal-EFSA tal-awtorizzazzjonijiet ta' emerġenza fl-2017 ta' tliet neonikotinojdi, li wrew li filwaqt li xi awtorizzazzjonijiet ta' emerġenza kienu meħtieġa u fil-parametri stabbiliti fil-leġiżlazzjoni, oħrajn ma kinux ġustifikati; iqis li huwa essenzjali li l-Istati Membri jipprovdu d-data meħtieġa biex l-EFSA tkun tista' twettaq il-mandat tagħha b'mod effikaċi;

13.  Jisħaq fuq l-importanza li t-tfassil tal-politika jkun infurmat bi xjenza regolatorja, li tipproduċi evidenza verifikabbli u ripetibbli permezz ta' prinċipji xjentifiċi miftiehma internazzjonalment f'dak li jikkonċerna aspetti bħal-linji gwida, prattiki tajbin tal-laboratorju u riċerka rieżaminata bejn il-pari;

14.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-armonizzazzjoni mhux kompluta tad-data u r-rekwiżiti tal-ittestjar f'ċerti oqsma xjentifiċi twassal għal metodi ta' ħidma ineffiċjenti, nuqqas ta' fiduċja fost l-awtoritajiet nazzjonali, u dewmien fil-proċess ta' awtorizzazzjoni, li jaf jirriżulta f'effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, fuq l-ambjent u fuq il-produzzjoni agrikola;

15.  Jiddispjaċih għad-disponibbiltà pubblika limitata ta' informazzjoni dwar il-proċedura ta' evalwazzjoni u ta' awtorizzazzjoni, kif ukoll l-aċċess limitat għal informazzjoni; jiddispjaċih li l-livell ta' trasparenza tal-Istati Membri rapporteur huwa baxx (huwa u jaġixxi fil-qafas tal-proċedura ta' approvazzjoni), jissuġġerixxi li l-aċċessibbiltà u l-faċilità ta' użu għall-utent tal-informazzjoni fl-EFSA jistgħu jitjiebu, u li t-trasparenza fl-istadju tal-ġestjoni tar-riskju tidher li hija nieqsa u hija kkunsidrata wkoll bħala problematika mill-partijiet ikkonċernati; jilqa' l-isforzi li jsiru mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) biex jiżdiedu t-trasparenza u l-faċilità ta' użu għall-utent permezz tas-sit web tagħha u jikkunsidra li dan il-mudell jista' jintuża fil-futur biex tiġi mtejba t-trasparenza;

16.  Jenfasizza li l-kredibbiltà tas-sistema ta' awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti tiddependi ħafna fuq il-fiduċja tal-pubbliku fl-aġenziji Ewropej, li jipprovdu l-opinjonijiet xjentifiċi li jiffurmaw il-bażi għall-approvazzjoni u għall-ġestjoni tar-riskju; jissottolinja li huwa importanti li jkun hemm trasparenza fil-proċess ta' valutazzjoni xjentifika biex ma tintilifx il-fiduċja tal-pubbliku; jitlob, għaldaqstant, li l-aġenziji rilevanti jiġu ffinanzjati b'mod adegwat u jkollhom il-persunal meħtieġ biex jiżguraw proċess ta' awtorizzazzjoni indipendenti, trasparenti u f'waqtu; jilqa', f'dan ir-rigward, il-fatt li l-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni REFIT tagħha tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel, waslet għall-konklużjoni li l-EFSA kienet trasparenti ferm u qasmet id-data fi ħdan il-limiti tar-regoli stretti relatati mal-kunfidenzjalità stabbiliti mill-koleġiżlaturi; jilqa' wkoll l-isforzi kontinwi tal-EFSA biex ittejjeb is-sistema tagħha bil-għan li tiżgura l-indipendenza u l-ġestjoni ta' kunflitti ta' interess potenzjali, li ġiet imfaħħra mill-Qorti tal-Awdituri bħala l-aktar sistema avvanzata tal-aġenziji li ġew ivverifikati fl-2012, u li ġiet imfaħħra reċentement f'Ġunju 2017; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi titjib biex tkompli tissaħħaħ it-trasparenza tal-proċess regolatorju, inkluż dwar l-aċċess għad-data fl-istudji dwar is-sikurezza li ġew ippreżentati mill-produtturi bħala parti mill-applikazzjonijiet tagħhom għall-awtorizzazzjoni fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-UE; jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi rriveduta l-proċedura bil-għan li jittejbu l-evalwazzjonijiet, tiżdied l-indipendenza tal-awtoritajiet inkarigati biex iwettqu l-istudji, jiġu evitati kunflitti ta' interess u biex il-proċedura ssir aktar trasparenti;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi katalogu tal-użu fil-livell Ewropew, sabiex ittejjeb l-armonizzazzjoni tar-Regolament;

18.  Jinsab imħasseb li, f'xi każijiet, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti disponibbli fis-suq u l-applikazzjoni tagħhom mill-utenti mhux neċessarjament jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ta' awtorizzazzjoni rilevanti fir-rigward tal-kompożizzjoni u l-użu tagħhom; jenfasizza li meta jkun possibbli, jenħtieġ li l-użu mhux professjonali jkun limitat bil-għan li jitnaqqas l-użu ħażin;

19.  Jissottolinja l-importanza ta' taħriġ kontinwu għall-utenti professjonali biex jiġi żgurat l-użu adattat u xieraq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; jikkunsidra d-distinzjoni bejn l-utenti professjonali u dawk dilettanti bħala xierqa; jinnota li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jintużaw fil-kuntest tal-ġonna privati, il-linji ferrovjarji u l-ġonna pubbliċi;

20.  Jiddikjara li d-dritt tal-Istati Membri li jirrifjutaw il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati jibqa' mhux affettwat;

21.  Jenfasizza li r-Regolament jenħtieġ li jirrifletti aħjar il-ħtieġa li jiġu promossi prattiki agrikoli bbażati fuq ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara, fosthom billi jiġi stimulat l-iżvilupp ta' sustanzi b'riskju baxx; jenfasizza li n-nuqqas ta' disponibbiltà ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx ixekkel l-iżvilupp ta' ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara; jinnota bi tħassib li għaxar sustanzi biss huma approvati bħala prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'riskju baxx, minn total ta' kważi 500 disponibbli fis-suq tal-UE;

22.  Jenfasizza li l-awtorizzazzjoni u l-promozzjoni ta' pestiċidi b'riskju baxx u mingħajr sustanzi kimiċi hija miżura importanti sabiex tiġi appoġġata l-ġestjoni tal-organiżmi ta' ħsara b'użu baxx tal-pestiċidi; jirrikonoxxi l-ħtieġa għal aktar riċerka dwar dawn il-prodotti, peress li l-kompożizzjoni u l-funzjonament tagħhom huma radikalment differenti minn dawk ta' prodotti konvenzjonali; jissottolinja li dan jinkludi wkoll il-ħtieġa għal aktar għarfien espert fi ħdan l-EFSA u awtoritajiet kompetenti nazzjonali sabiex jiġu evalwati dawn is-sustanzi attivi bijoloġiċi; jisħaq fuq il-punt li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ta' oriġini bijoloġika jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-istess evalwazzjonijiet rigorużi bħas-sustanzi l-oħra; f'konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2017 dwar pestiċidi b'riskju baxx ta' oriġini bijoloġika, jistieden lill-Kummissjoni tissottometti proposta leġiżlattiva speċifika li temenda r-Regolament (KE) Nru 1107/2009, barra r-reviżjoni ġenerali b'rabta mal-inizjattiva REFIT, bil-ħsieb li jiġi stabbilit proċess mgħaġġel ta' evalwazzjoni, awtorizzazzjoni u reġistrazzjoni għall-pestiċidi b'riskju baxx;

23.  Jemmen li r-Regolament Nru 1107/2009 jenħtieġ li jiġi emendat ukoll sabiex iqis is-sustanzi li mhumiex ikkunsidrati bħala prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li, meta jintużaw għall-protezzjoni tal-pjanti, dawn jiġu rregolati mir-Regolament; jinnota li dawn is-sustanzi joffru alternattivi interessanti f'termini ta' metodi ta' produzzjoni integrata u xi prodotti ta' bijokontroll;

24.  Jenfasizza li jenħtieġ li jingħataw attenzjoni speċjali u appoġġ lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għal użi minuri, għaliex bħalissa hemm inċentiv ekonomiku baxx biex il-kumpaniji jiżviluppaw tali prodotti; jilqa' l-istabbiliment tal-Faċilità għall-Koordinazzjoni tal-Użi Minuri bħala forum biex tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-kultivaturi u l-industrija biex jiżviluppaw soluzzjonijiet għal użi minuri;

25.  Jenfasizza li ħafna prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzati ma ġewx evalwati skont standards tal-UE għal aktar minn 15-il sena, bħala konsegwenza ta' dewmien fil-proċeduri ta' awtorizzazzjoni;

26.  Jenfasizza l-importanza li jinħoloq qafas regolatorju favur l-innovazzjoni, li jippermetti s-sostituzzjoni ta' kimika aktar qadima bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ġodda u aħjar; jissottolinja l-importanza tad-disponibbiltà ta' firxa wiesgħa ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti b'modi differenti ta' azzjoni bil-għan li jiġi evitat l-iżvilupp ta' reżistenzi u tinżamm l-effikaċja tal-applikazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;

27.  Jinsab imħasseb li l-armonizzazzjoni ta' linji gwida għadha mhijiex konsolidata;

28.  Jenfasizza li linji gwida neqsin jew mhux kompleti huma nuqqasijiet serji li għandhom konsegwenzi negattivi għall-implimentazzjoni tar-Regolament u għaldaqstant għall-ksib tal-objettivi tiegħu;

29.  Jenfasizza li d-dokumenti ta' gwida disponibbli mhumiex dejjem legalment vinkolanti, li joħolqu inċertezza regolatorja għall-applikanti u jitfgħu dubju fuq ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet imwettqa fil-qafas tal-proċeduri ta' approvazzjoni;

30.  Jilqa' l-kunċett tas-sistema żonali u l-għan tagħha li tiffaċilita l-awtorizzazzjoni effiċjenti tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; jikkunsidra l-proċedura ta' rikonoxximent reċiproku bħala essenzjali biex il-piż tax-xogħol jinqasam u l-iskadenzi jiġu rispettati; jiddispjaċih dwar il-problemi ta' implimentazzjoni assoċjati mal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex jittejjeb il-funzjonament tas-sistema żonali; jissottolinja li l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti jenħtieġ li jkollha l-għan li tevita xogħol doppju u li tagħmel sustanzi ġodda disponibbli lill-bdiewa mingħajr dewmien żejjed;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa biex jinqasam l-għarfien u jinkisbu ħiliet fir-rigward ta' alternattivi għal pestiċidi kimiċi u għall-IPM, inkluż is-sejbien tal-aħjar newba tal-għelejjel għas-sitwazzjonijiet klimatiċi u fis-suq tal-bdiewa; jinnota wkoll li dan diġà ġie previst fir-regolament orizzontali tal-PAK, b'mod partikolari wkoll fis-Servizzi ta' Konsulenza għall-Azjendi Agrikoli ffinanzjati taħt l-iżvilupp rurali;

32.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd żgħir ta' sustanzi ġodda li ġew approvati, filwaqt li fl-istess ħin sustanzi oħra tneħħew mis-suq; jisħaq fuq l-importanza ta' sett ta' għodod xieraq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għall-bdiewa bil-għan li jassiguraw il-provvista tal-ikel tal-UE;

33.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li f'dibattiti riċenti, is-sistema ta' evalwazzjoni bbażata fuq ix-xjenza attwali tal-UE għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti qed tiġi dejjem aktar ikkontestata; jenfasizza l-importanza li tinżamm u tkompli tissaħħaħ sistema li tkun xjentifikament robusta, oġġettiva, u bbażata fuq evidenza evalwata bejn il-pari, miksuba minn approċċ xjentifiku miftuħ, indipendenti u multidixxiplinari biex tiġi awtorizzata kwalunkwe sustanza attiva, f'konformità mal-prinċipji ta' analiżi ta' riskju tal-UE u l-prinċipju ta' prekawzjoni kif stabbiliti fil-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel; jinsisti li l-proċedura għall-approvazzjoni mill-ġdid tas-sustanzi attivi trid tqis l-użu prattiku tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, kif ukoll il-progress xjentifiku u teknoloġiku f'dan il-qasam; jinnota li l-kumplessitajiet fis-sistema ta' evalwazzjoni u awtorizzazzjoni attwali jwasslu biex jinqabżu l-iskadenzi u dan jista' jfisser li s-sistema sħiħa ma tistax taħdem kif suppost; jisħaq, għaldaqstant, fuq il-ħtieġa li s-sistema tiġi rriveduta u ssimplifikata;

34.  Jenfasizza l-iżbilanċ fl-għadd ta' applikazzjonijiet bejn xi Stati Membri tal-istess żona li huma ta' daqs simili u li għandhom kundizzjonijiet agrikoli simili;

Rakkomandazzjonijiet

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni effikaċi tar-Regolament fir-rigward tar-rwoli speċifiċi tagħhom fil-proċeduri ta' approvazzjoni u awtorizzazzjoni;

36.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu n-nuqqas ta' persunal serju u kroniku tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jwassal għal dewmien fl-istadju tal-identifikazzjoni tal-periklu u fil-valutazzjoni tar-riskju inizjali li jsiru mill-Istati Membri;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu li l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent huma għanijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni, filwaqt li jtejbu l-produzzjoni agrikola u jissalvagwardjaw il-kompetittività tas-settur agrikolu;

38.  Jistieden lill-industrija tipprovdi d-data u l-istudji xjentifiċi kollha f'format elettroniku uniformi u li jinqara mill-magni lill-Istati Membri Rapporteur u lill-aġenziji tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mudell armonizzat għall-inputs tad-data kif ukoll biex jiġi ffaċilitat skambju tad-data aktar faċli bejn l-Istati Membri fl-istadji kollha tal-proċess; jirrikonoxxi li din id-data trid tiġi mmaniġġjata fi ħdan il-parametri tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data u l-proprjetà intellettwali tal-UE;

39.  Jistieden lill-Istati Membri japplikaw b'mod strett l-Artikolu 9 tar-Regolament dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet u jaċċettaw biss applikazzjonijiet kompleti għall-valutazzjoni tas-sustanza attiva;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw applikazzjoni sħiħa u uniformi tal-kriterji limitu ta' periklu, wara gwida armonizzata eżistenti, u biex jiżguraw li s-sustanzi jiġu vvalutati għar-riskju tagħhom biss jekk ikun hemm evidenza li ma jippreżentawx proprjetajiet (limitu) perikolużi, kif meħtieġ mir-Regolament;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni biex finalment timplimenta d-dispożizzjonijiet dwar il-koformulanti, l-aġenti protettivi u s-sinerġisti, tistabbilixxi lista ta' koformulanti li mhumiex aċċettabbli u regoli sabiex l-aġenti protettivi u s-sinerġisti jiġu ttestjati fil-livell tal-UE, u tiżgura li dawk is-sustanzi kimiċi biss li jikkonformaw mal-kriterji ta' approvazzjoni tal-UE jkunu jistgħu jiġu kummerċjalizzati;

42.  Jilqa' l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni, kif espress fl-evalwazzjoni REFIT tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel(18), b'mod partikolari li dan mhuwiex alternattiva għal approċċ ta' ġestjoni tar-riskju, iżda minflok forma partikolari ta' ġestjoni tar-riskju; ifakkar li din l-opinjoni hija appoġġata wkoll minn deċiżjonijiet tal-qrati tal-UE(19); jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-kriterji ta' limitu kif stabbilit fir-Regolament humiex adattati għall-iskop f'dan ir-rigward;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex meta jaġixxu bħala amministraturi tar-riskju fil-proċeduri ta' approvazzjoni u ta' awtorizzazzjoni, japplikaw kif xieraq il-prinċipju ta' prekawzjoni u biex jagħtu attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tal-gruppi vulnerabbli kif definit fl-Artikolu 3(14) tar-Regolament;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-aġenziji u lill-awtoritajiet kompetenti jirrevedu u jtejbu l-komunikazzjoni tagħhom dwar il-proċeduri ta' valutazzjoni tar-riskju u d-deċiżjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju sabiex titjieb il-fiduċja pubblika fis-sistema tal-awtorizzazzjoni;

45.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw aħjar il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni fil-livell nazzjonali, sabiex jiġu limitati d-derogi u l-estensjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 53 tar-Regolament f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza reali; jistieden lill-Kummissjoni tuża bis-sħiħ id-drittijiet ta' kontroll tagħha skont l-Artikolu 53(2) u (3); ikompli jistieden lill-Istati Membri biex jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligu li jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni stabbilit fl-Artikolu 53(1), b'mod partikolari fir-rigward ta' kwalunkwe miżura li tittieħed sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-utenti, il-gruppi vulnerabbli u l-konsumaturi;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza metodi biex tiddetermina meta jenħtieġ li jiġu applikati ċerti derogi, b'mod partikolari fir-rigward ta' "esponiment negliġibbli" jew "ħsara serja għas-saħħa tal-pjanti", mingħajr ma tinbidel l-ittra jew l-ispirtu tal-liġi; iwissi lill-Kummissjoni li kwalunkwe interpretazzjoni mill-ġdid tat-terminu "esponiment negliġibbli" bħala "riskju negliġibbli" tmur kontra l-ittra u l-ispirtu tal-liġi;

47.  Jitlob aktar investiment min-naħa tal-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jinċentivaw inizjattivi ta' riċerka dwar sustanzi attivi, inklużi sustanzi bijoloġiċi ta' riskju baxx, u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-ambitu ta' Orizzont Ewropa u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027; jissottolinja l-importanza ta' qafas regolatorju dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fil-livell tal-UE, li jipproteġi l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, u jistimula wkoll ir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jiġu żviluppati prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti effikaċi u siguri filwaqt li jiġu żgurati prattika agrikola sostenibbli u ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara; jenfasizza li hija meħtieġa varjetà wiesgħa ta' għodod siguri u effikaċi biex tiġi protetta s-saħħa tal-pjanti; jenfasizza l-potenzjal li t-tekniki ta' biedja ta' preċiżjoni u l-innovazzjoni teknoloġika jista' jkollhom biex jgħinu lill-bdiewa Ewropej itejbu kemm jistgħu l-kontroll tal-organiżmi ta' ħsara b'mod aktar immirat u sostenibbli;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tillimita b'mod strett l-użu tal-proċedura ta' data konfermatorja għall-iskop tagħha kif stabbilit fl-Artikolu 6(f) tar-Regolament, jiġifieri fejn jiġu stabbiliti rekwiżiti ġodda matul il-proċess tal-evalwazzjoni jew bħala riżultat ta' għarfien xjentifiku u tekniku ġdid; jisħaq fuq il-punt li d-dossiers kompluti huma importanti għall-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi; jiddispjaċih li l-proċedura ta' deroga permezz ta' data konfermatorja wasslet biex ċerti prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li kieku kienu jiġu pprojbit baqgħu fis-suq għal perjodu ta' żmien estiż;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu t-trasparenza globali tal-proċeduri, fosthom billi jipprovdu minuti dettaljati dwar id-diskussjonijiet tal-komitoloġija u l-pożizzjonijiet rispettivi, b'mod partikolari billi jispjegaw u jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf (Kumitat PAFF);

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw koerenza aħjar tar-Regolament u l-implimentazzjoni tiegħu ma' leġiżlazzjoni u politiki relatati tal-UE, b'mod partikolari mad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi, u jipprovdu inċentivi, inkluż li jagħmlu biżżejjed riżorsi disponibbli, li fuq perjodu ta' żmien qasir jippromwovu u jistimulaw l-iżvilupp u l-użu ta' alternattivi siguri u mhux tossiċi għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; jinnota li l-qafas regolatorju ma kienx kapaċi jqis l-impatti inevitabbli fuq l-ispeċijiet mhux fil-mira, primarjament fuq iż-żunżan u pollinaturi oħra u insetti oħra ta' benefiċċju għall-biedja, bħallikieku kienu predaturi ta' organiżmi ta' ħsara; jinnota l-istudju xjentifiku riċenti li jenfasizza l-"insett Armageddon", li minħabba fih 75 % tal-insetti bil-ġwienaħ saru estinti fil-Ġermanja kollha, anki fir-riżervi naturali fejn ma ntuża l-ebda pestiċida għall-agrikoltura; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw koerenza tal-PAK mal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, b'mod partikolari billi jirrispettaw l-obbligi skont ir-Regolament (KE) 1107/2009 u d-Direttiva 2009/128/KE dwar il-lista ta' rekwiżiti statutorji ta' ġestjoni (SMR 12 u SMR 13), kif propost mill-Kummissjoni fil-proposta għal Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK(20);

51.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw infurzar effikaċi tar-Regolament, b'mod speċjali fir-rigward tal-kontrolli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kummerċjalizzati fl-UE, irrispettivament minn jekk ġewx prodotti fl-UE jew importati minn pajjiżi terzi;

°

°  °

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

http://www.europarl.europa.eu/thinktank/mt/document.html?reference=EPRS_STU(2018)615668

(2)

https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/refit_en

(3)

B'mod partikolari, ikopri r-Regolament (KE) 1107/2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li huwa l-fokus ta' dan ir-rapport ta' implimentazzjoni, u r-Regolament (KE) Nru 396/2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali

(4)

http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/initiatives/successful/details/follow-up/2017/000002/en?lg=mt

(5)

http://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/3/2017/EN/C-2017-8414-F1-EN-MAIN-PART-1.PDF

(6)

https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/initiatives/com-2018-179_mt

(7)

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) 1107/2009 jistabbilixxi li sustanza attiva għandha tkun approvata biss jekk ma tkunx ikklassifikata bħala sustanza karċinoġenika, mutaġenika, tossika għar-riproduzzjoni, persistenti u bijoakkumulanti, tossika għall-ambjent, jew tfixkel is-sustanza endokrina għall-bnedmin u organiżmi li mhumiex immirati. Dan ifisser li jekk l-istadju tal-identifikazzjoni tal-periklu jwassal għal klassifikazzjoni tas-sustanza attiva li tissodisfa kwalunkwe wieħed mill-kriterji limitu li għadhom kemm issemmew, allura jenħtieġ li tiġi pprojbita u għalhekk l-użu tagħha fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jkun ipprojbit fl-Unjoni Ewropea. (Bozzini 2018, Anness II għall-EIA, p. 21)

(8)

ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(9)

ĠU L 70, 16.03.2005, p. 1.

(10)

ĠU L 353, 31.12.2008, P. 1.

(11)

ĠU, L 309, 24.11.2009, p. 71.

(12)

Testi adottati, P8_TA(2017)0042.

(13)

https://www.ombudsman.europa.eu/mt/cases/decision.faces;jsessionid=414F07CA7B69C35675EE16710B5AB5AC

(14)

http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2018/615668/EPRS_STU(2018)615668_EN.pdf

(15)

COM(2018)0179.

(16)

ANSES - Agence nationale de sécurité sanitaire de l'alimentation, de l'environnement et du travail (Franza) - Konklużjonijiet, 2018

(17)

ĠU L 324, 10.12.2009, p. 1.

(18)

SWD(2018)0038.

(19)

Pereżempju, is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta' Settembru 2011, Franza vs il-Kummissjoni, T-257/07, ECLI:EU:T:2011:444.

(20)

Proposta għal Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK - COM(2018)0392.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (22.6.2018)

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

dwar l-Implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti

(2017/128(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Peter Jahr

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza l-importanza ta' qafas regolatorju li jħeġġeġ il-kompetittività, jistimula u jiffaċilita r-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jiġu żviluppati prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPPs) aħjar u aktar siguri, filwaqt li fl-istess ħin jiżgura d-disponibblità ta' firxa wiesgħa ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; jemmen li r-reviżjonijiet futuri tal-qafas regolatorju jenħtieġ li jħeġġu l-awtorizzazzjoni ta' PPPs kompatibbli mas-sistemi tal-agrikoltura sostenibbli, li huma ambjentalment sodi, effettivi u affordabbli, u li jqisu wkoll b'mod xieraq l-impatti mhux fil-mira, b'mod partikolari fuq in-naħal u dakkara oħra jew insetti oħra ta' benefiċċju għall-biedja, bħall-predaturi naturali tal-organiżmi ta' ħsara;

2.  Jinnota li l-proċess ta' approvazzjoni tal-UE għall-PPPs huwa wieħed mill-aktar stretti fid-dinja, fejn bħalissa jdum aktar minn 11-il sena, li jirrikjedi medja ta' aktar minn 200 studju xjentifiku u li jiswa aktar minn EUR 220 miljun biex prodott jiddaħħal fis-suq tal-UE; jissottolinja t-twemmin tiegħu li s-sett ta' miri tar-Regolament jista' jinkiseb bl-aktar mod effettiv jekk il-bdiewa u l-produtturi, irrispettivament mill-Istati Membri li fihom qegħdin joperaw, ikollhom aċċess għal firxa wiesgħa ta' sustanzi attivi u PPPs li tippermettilhom jindirizzaw l-organiżmi ta' ħsara b'mod effiċjenti; jenfasizza li d-disponibbiltà ta' firxa wiesgħa ta' PPPs hija l-pedament għal kwalunkwe strateġija sinifikanti għaliex il-bdiewa nkella jiddependu fuq PPPs inqas immirati u, għaldaqstant, inqas effiċjenti, li jwassal għal konsum akbar; jesprimi, għaldaqstant, it-tħassib tiegħu dwar l-għadd żgħir ta' sustanzi attivi ġodda li ġew awtorizzati minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009; jinnota li minn meta ġew introdotti r-regoli attwali, ġew awtorizzati biss tmien sustanzi attivi ġodda għall-użu fis-suq tal-UE; jenfasizza li PPPs sostenibbli u ta' riskju baxx (u s-sustanzi attivi fihom) għandhom rwol ewlieni hawnhekk; jenfasizza l-fatt li, jekk il-bdiewa ma jkollhomx aċċess għal PPPs, huma mhux se jkollhom is-setgħa li jipprevjenu t-tkabbir ta' ċerti patoġeni naturali li jinsabu fil-pjanti, u b'hekk dan jipperikola s-sigurtà tal-ikel tagħna;

3.  Jinnota li dan ir-regolament jagħmel parti mir-reġim aktar wiesa' tal-PPPs tal-UE, li jinkludi wkoll id-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli (SUD), ir-regolament li jistabbilixxi l-Livelli Massimi ta' Residwi (MRL) u r-Regolament dwar il-Klassifikazzjoni, l-Ittikkettar u l-Imballaġġ tas-Sustanzi u t-Taħlitiet, u li l-erba' partijiet kollha jridu jiġu kkunsidrati flimkien sabiex jiġi identifikat jekk humiex xierqa għall-iskop, inkluż bl-għan li jitnaqqas il-volum totali ta' PPPs li jintużaw, b'mod partikolari billi l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiżguraw l-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara (IPM) u jħeġġu l-użu ta' pestiċidi ta' riskju baxx kif ukoll ta' prattiki agronomiċi; ifakkar li hemm ħtieġa sostanzjali għal approċċ integrat u li jenħtieġ li jitqies ir-Regolament (KE) Nru 1185/2009 dwar l-istatistika li tikkonċerna l-pestiċidi;

4.  Jinnota li l-użu adattat u xieraq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jrid jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/128/KE u, b'mod partikolari, mal-prinċipji ġenerali tal-IPM u mal-approċċ olistiku tagħha; jiddispjaċih li dawn il-prinċipji mhux qed jiġu implimentati bil-potenzjal sħiħ tagħhom fl-Istati Membri u li l-iżvilupp tal-IPM qed jiġi mxekkel mid-disponibbiltà limitata ta' pestiċidi mhux kimiċi ta' riskju baxx, inklużi alternattivi għall-protezzjoni tal-pjanti ta' riskju baxx; jinnota li r-reżistenza hija element bijoloġiku li ma jistax jiġi evitat meta wieħed ikun qed jittratta organiżmi ta' ħsara u mard li jirriproduċu malajr; jenfasizza l-użu tal-IPM bħala mod kif tiġi evitata r-reżistenza u l-ħtieġa li jiġi evitat trattament ta' kopertura meta spiss qas jiġi identifikat organiżmu wieħed ta' ħsara;

5.  Jenfasizza l-importanza ta' taħriġ u edukazzjoni kontinwi għall-bdiewa fl-użu adattat u xieraq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti jużaw bl-aħjar mod il-miżuri kollha disponibbli biex iżidu l-użu sigur tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u jnaqqsu l-effetti ambjentali negattivi; jenfasizza l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn l-użu professjonali u privat tal-PPPs, meta jitqies li dawn mhumiex soġġetti għall-istess obbligi, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu distinzjoni ċara bejn dawn iż-żewġ tipi ta' użu u jemendaw ir-regoli skont dan; jenfasizza li l-PPPs ma jintużawx biss fl-agrikoltura, iżda anki għall-kontroll tal-ħaxix ħażin u tal-organiżmi ta' ħsara f'żoni urbani, inklużi l-ġonna pubbliċi u l-linji tal-ferrovija; jenfasizza li l-utenti professjonali u mhux professjonali tal-PPPs jenħtieġ li jirċievu taħriġ adegwat;

6.  Jenfasizza l-potenzjal li t-tekniki ta' biedja ta' preċiżjoni u l-innovazzjoni teknoloġika jista' jkollhom biex jgħinu lill-bdiewa Ewropej itejbu kemm jistgħu l-kontroll tal-organiżmi ta' ħsara b'mod aktar immirat u sostenibbli, f'konformità mal-prinċipji tad-Direttiva 2009/128/KE; jenfasizza l-kisbiet potenzjali tal-effiċjenza fil-protezzjoni tal-pjanti li jistgħu jinkisbu permezz tal-użu ta' teknoloġiji ta' biedja ta' preċiżjoni, li jwasslu għal tnaqqis sinifikanti fil-kwantitajiet li jintużaw u jnaqqsu wkoll l-impatt ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tilqa' b'mod sħiħ din il-forma ta' progress xjentifiku u teknoloġiku u tiżgura li l-bdiewa, il-konsumaturi u l-ambjent jibbenefikaw minnha;

7.  Jinnota li, għal ċerti għodod fis-"sett ta' għodod", bħal kontrolli bijoloġiċi permezz tal-predaturi naturali tal-organiżmi ta' ħsara jew biex jaħdmu l-parassiti jew il-parassitojdi tagħhom, huwa importanti li l-pestiċidi mhux immirati b'firxa wiesgħa jiġu evitati sakemm ma jintużawx bħala l-aħħar soluzzjoni;

8.  Jenfasizza r-rwol importanti li l-PPPs għandhom biex jippermettu t-tkabbir u l-ħsad tal-pjanti b'inqas telf li jirriżulta mill-mard u minn infestazzjonijiet ta' organiżmi ta' ħsara, u jtejbu r-rendimenti ta' kwalità u l-introjti rurali;

9.  Jinnota li l-PPPs jirrappreżentaw spiża sinifikanti għall-bdiewa bħala parti mis-sistemi tal-produzzjoni tal-pjanti tagħhom;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa biex jinqasam l-għarfien u jinkisbu ħiliet fir-rigward ta' alternattivi għal pestiċidi kimiċi u għall-IPM, inkluż is-sejbien tal-aħjar newba tal-għelejjel għas-sitwazzjonijiet klimatiċi u fis-suq tal-bdiewa; jinnota wkoll li dan diġà ġie previst fir-regolament orizzontali tas-CAP, b'mod partikolari wkoll fis-Servizzi ta' Konsulenza għall-Azjendi Agrikoli ffinanzjati fi ħdan l-iżvilupp rurali;

11.  Jenfasizza l-kontribut li l-awtorizzazzjoni ta' PPPs ta' riskju baxx tagħmel għal settur tal-biedja sostenibbli tal-UE, l-importanza li tiġi żgurata d-disponibbiltà tagħhom u r-rwol importanti li l-PPPs ta' riskju baxx jista' jkollhom fi strateġija komprensiva ta' ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara; jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza ta' kontribut għal ekosistema agrikola li tiffunzjona aħjar u għal settur tal-biedja sostenibbli, filwaqt li jinnota li n-nuqqas ta' disponibbiltà ta' PPPs jista' jikkomprometti d-diversifikazzjoni tal-agrikoltura u jrendi l-organiżmi ta' ħsara reżistenti għall-PPPs; jemmen, f'dan ir-rigward, li trid tiġi ggarantita valutazzjoni tal-effettività u tar-riskji tagħhom, u tal-kapaċità tagħhom li jissodisfaw il-ħtiġijiet ambjentali, tas-saħħa u ekonomiċi tal-agrikoltura, biex tiżdied l-aċċettazzjoni u tiġi ffaċilitata adozzjoni wiesgħa tal-istrateġiji għall-protezzjoni tal-pjanti tal-bdiewa; jistieden biex jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp ta' PPPs ta' riskju baxx; josserva li s-sustanzi u l-prodotti naturali li huma magħrufa li jinvolvu inqas riskju jenħtieġ li ma jkollhomx bżonn ta' proċeduri ta' approvazzjoni twal; jitlob, għaldaqstant, l-introduzzjoni ta' proċedura aċċellerata (jiġifieri proċedura rapida) għall-evalwazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti bijoloġiċi ta' riskju baxx;

12.  Jesprimi tħassib dwar l-għadd żgħir ta' sustanzi ġodda li ġew approvati, filwaqt li fl-istess ħin sustanzi oħra tneħħew mis-suq; jenfasizza l-importanza ta' sett ta' għodod xieraq ta' PPPs għall-bdiewa biex jassiguraw il-provvista tal-ikel tal-UE;

13.  Jilqa' l-fatt li qed isir rapport ta' implimentazzjoni għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 sabiex tiġi eżaminata bir-reqqa l-prestazzjoni tiegħu, bl-għan li tiġi żgurata s-sikurezza tal-ikel u l-protezzjoni ambjentali u livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-pjanti u tal-annimali; jenfasizza, fl-istess waqt, il-ħtieġa li tiġi mħarsa l-kompetittivà tas-settur agrikolu tal-UE, billi jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi permezz tal-aċċess għal firxa wiesgħa ta' sustanzi attivi u PPPs bi prezz raġonevoli għall-bdiewa u għall-produtturi kollha, irrispettivament minn liema Stat Membru jkunu qegħdin joperaw fih; ifakkar il-premessa tmienja tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, li tenfasizza b'mod ċar li jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-protezzjoni ta' gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni, u li jenħtieġ li jiġi applikat il-prinċipju ta' prekawzjoni; jesprimi, f'dan il-kuntest, it-tħassib tiegħu li xi Stati Membri mhumiex mgħammra biżżejjed biex jittrattaw prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti illegali u ffalsifikati;

14.  Jieħu nota tal-Evalwazzjoni REFIT tal-Kummissjoni li tinsab għaddejja tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u tat-tlestija ppjanata tagħha sa Novembru 2018; jemmen li dawn is-sejbiet se jkunu bażi adegwata biex il-koleġiżlaturi jiddiskutu l-iżvilupp futur tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

15.  Jenfasizza l-fatt li bejn l-1993 u l-2009, l-għadd ta' sustanzi pestiċidi attivi awtorizzati naqas b'70 %, filwaqt li għadd ta' tifqigħat tal-organiżmi ta' ħsara fl-UE żdied;

16.  Jirrikonoxxi li l-PPPs kellhom rwol sinifikanti fit-titjib tal-kapaċità li s-settur agrikolu jissodisfa l-ħtiġijiet ta' nutrizzjoni globali, li kkontribwixxa biex is-sehem globali ta' persuni malnutriti fil-popolazzjoni jitnaqqas minn 18.6 % fl-1990-1992 għal madwar 10.9 % fl-2014-2016, skont l-FAO(1); jemmen, għalhekk, li s-sistema attwali jenħtieġ li tittejjeb billi jiżdiedu l-isforzi biex jiġu eliminati l-effetti negattivi minflok ma din titneħħa mingħajr ma jkun hemm alternattivi li jkunu daqstant kapaċi li jżommu u jżidu l-provvista tal-ikel;

17.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li f'dibattiti riċenti, is-sistema ta' evalwazzjoni bbażata fuq ix-xjenza attwali tal-Unjoni Ewropea għall-PPPs ġiet ikkontestata dejjem aktar; jenfasizza l-importanza li tinżamm u tkompli tissaħħaħ sistema li tkun xjentifikament robusta, oġġettiva, u bbażata fuq evidenza evalwata bejn il-pari, miksuba minn approċċ xjentifiku miftuħ, indipendenti u multidixxiplinari biex tiġi awtorizzata kwalunkwe sustanza attiva, f'konformità mal-prinċipji ta' analiżi ta' riskju tal-UE u l-prinċipju ta' prekawzjoni kif stabbiliti fil-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel (Regolament (KE) Nru 178/2002); jinsisti li l-proċedura għall-approvazzjoni mill-ġdid tas-sustanzi attivi trid tqis l-użu prattiku tal-PPPs, kif ukoll il-progress xjentifiku u teknoloġiku f'dan il-qasam; jinnota li l-kumplessitajiet fis-sistema ta' evalwazzjoni u awtorizzazzjoni attwali jwasslu biex jinqabżu l-iskadenzi u dan jista' jfisser li s-sistema sħiħa ma tistax taħdem kif suppost; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li s-sistema tiġi rriveduta u ssimplifikata;

18.  Jilqa' l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni, kif espress fl-evalwazzjoni REFIT tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel(2), li dan mhuwiex alternattiva għal approċċ ta' ġestjoni tar-riskju, iżda minflok forma partikolari ta' ġestjoni tar-riskju; ifakkar li din l-opinjoni hija appoġġjata wkoll minn deċiżjonijiet tal-qrati tal-UE(3); jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-kriterji ta' limitu kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 humiex adattati għall-iskop f'dan ir-rigward;

19.  Jinnota li l-Istat Membru Repporteur għandu jħejji u jippreżenta rapport lill-Kummissjoni, b'kopja lill-Awtorità, imsejjaħ "abbozz ta' rapport ta' valutazzjoni", li jivvaluta jekk jistax jiġi mistenni li s-sustanza attiva tissodisfax il-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4; jenfasizza li l-Istat Membru Rapporteur jeħtieġlu jagħmel valutazzjoni indipendenti, oġġettiva u trasparenti fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali;

20.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li r-Regolament (KE) Nru 834/2007 ma jipprevedi l-ebda reġim daqstant xjentifikament robust u dettaljat għall-valutazzjoni tal-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u fuq l-ambjent fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tas-sustanzi għall-protezzjoni tal-pjanti fil-produzzjoni organika; jinnota li l-prinċipju tas-separazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-ġestjoni tar-riskju ma jiġix applikat fir-Regolament imsemmi hawn fuq;

21.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar dewmien sistematiku fil-proċessi ta' awtorizzazzjoni u l-użu dejjem akbar tad-derogi kif stabbilit fl-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009; jenfasizza li dan id-dewmien ixekkel serjament l-introduzzjoni ta' prodotti effiċjenti, siguri u innovattivi fis-suq, u li dan iwassal ukoll għal użu dejjem akbar ta' awtorizzazzjonijiet ta' emerġenza, li jinvolvu piż ambjentali akbar; jissottolinja l-ħtieġa biex l-Istati Membri jikkonformaw mal-iskadenzi legali, biex jiżguraw il-prevedibbiltà għall-applikanti u jiffaċilitaw l-introduzzjoni ta' PPPs innovattivi fis-suq li jkunu konformi ma' rekwiżiti aktar stretti; jikkunsidra wkoll, li kwalunkwe deroga jenħtieġ li tkun debitament ġustifikata u vvalutata mill-ġdid fuq bażi regolari; ifakkar il-premessa 10 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, li tenfasizza b'mod ċar li s-sustanzi jenħtieġ li jiġu inklużi biss fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fejn ikun intwera li huma jippreżentaw benefiċċju ċar għall-produzzjoni tal-pjanti u li mhumiex mistennija jkollhom xi effett ta' ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew xi effett inaċċettabbli fuq l-ambjent; jenfasizza li awditu tal-Kummissjoni li sar fl-2016 u fl-2017 f'seba' Stati Membri wera li l-parti l-kbira tal-Istati Membri vverifikati ma kellhomx is-sistemi korretti fis-seħħ biex jiżguraw li l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet isir fl-iskadenzi legali, li jenħtieġ li ma jaqbżux il-120 jum;

22.  Jiddeplora d-deċiżjonijiet unilaterali mill-Istati Membri, li jistgħu jwasslu għall-abolizzjoni jew għal restrizzjoni fl-użu ta' prodotti approvati minn Stati Membri oħra, u n-nuqqas ta' armonizzazzjoni fil-ħin li jittieħed biex jiġu pproċessati t-talbiet għal awtorizzazzjoni, li jagħti lok għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern u jġiegħel lill-bdiewa f'sitwazzjonijiet mingħajr ebda progress tekniku, li huma kemm ta' ħsara għall-ambjent kif ukoll kontroproduttivi f'termini tal-kompetizzjoni tal-azjendi agrikoli;

23.  Jenfasizza li l-kredibbiltà tas-sistema ta' awtorizzazzjoni tal-PPPs tiddependi ħafna fuq il-fiduċja tal-pubbliku fl-aġenziji Ewropej, li jipprovdu l-opinjonijiet xjentifiċi li jiffurmaw il-bażi għall-approvazzjonijiet u għall-ġestjoni tar-riskju; jissottolinja li huwa importanti li jkun hemm trasparenza fil-proċess ta' valutazzjoni xjentifika biex ma tintilifx il-fiduċja tal-pubbliku; jitlob, għalhekk, li l-aġenziji rilevanti jiġu ffinanzjati b'mod adegwat u jkollhom il-persunal meħtieġ biex jiżguraw proċess ta' awtorizzazzjoni indipendenti, trasparenti u f'waqtu; jilqa', f'dan ir-rigward, il-fatt li l-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni REFIT tagħha tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel(4), waslet għall-konklużjoni li l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) kienet trasparenti ferm u qasmet id-data fi ħdan il-limiti tar-regoli stretti relatati mal-kunfidenzjalità stabbiliti mill-koleġiżlaturi; jilqa' wkoll l-isforzi kontinwi tal-EFSA biex ittejjeb is-sistema tagħha biex tiżgura l-indipendenza u l-ġestjoni ta' kunflitti ta' interess potenzjali, li ġiet imfaħħra mill-Qorti tal-Awdituri bħala l-aktar sistema avvanzata tal-aġenziji li ġew vverifikati fl-2012(5), u li ġiet imfaħħra reċentement f'Ġunju 2017(6); jistieden lill-Kummissjoni tipproponi titjib biex tkompli tissaħħaħ it-trasparenza tal-proċess regolatorju, inkluż dwar l-aċċess għad-data fl-istudji dwar is-sikurezza li ġew ippreżentati mill-produtturi bħala parti mill-applikazzjonijiet tagħhom għall-awtorizzazzjoni fis-suq tal-PPPs fl-UE; jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi rriveduta l-proċedura sabiex jittejbu l-evalwazzjonijiet, tiżdied l-indipendenza tal-awtoritajiet inkarigati biex iwettqu l-istudji, jiġu evitati kunflitti ta' interess u biex il-proċedura ssir aktar trasparenti;

24.  Jenfasizza l-iżbilanċ fl-għadd ta' applikazzjonijiet bejn xi Stati Membri tal-istess żona, ta' daqs simili u b'kundizzjonijiet agrikoli simili;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitħeġġeġ il-qsim tax-xogħol u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri permezz taż-żieda fid-disponibbiltà u l-użu ta' metodoloġija armonizzata u mudelli għat-twettiq tal-evalwazzjonijiet, filwaqt li titnaqqas l-eżistenza ta' rekwiżiti nazzjonali addizzjonali mhux neċessarji, sabiex jiġi żgurat li s-suq intern jopera bl-aħjar mod; jindika l-eżistenza ta' rekwiżiti speċifiċi f'kull Stat Membru u n-nuqqas ta' armonizzazzjoni bejn il-metodoloġiji li jintużaw għall-evalwazzjonijiet bħala l-kawżi ewlenin tan-nuqqas ta' fiduċja bejn l-Istati Membri u r-raġuni għaliex huma jwettqu rivalutazzjonijiet abbażi tal-mudelli nazzjonali tagħhom; jissottolinja r-rwol tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009; jenfasizza l-benefiċċji ta' awtorizzazzjoni effiċjenti, inkluż aċċess aktar fil-ħin għall-PPPs li jinkludi alternattivi ta' riskju baxx; jikkunsidraha bħala ta' importanza vitali li tittejjeb l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-tqegħid fis-suq tal-PPPs fl-UE, sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni; jissottolinja li l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti jenħtieġ li jkollha l-għan li tevita xogħol doppju u li tagħmel sustanzi ġodda disponibbli lill-bdiewa mingħajr dewmien żejjed;

26.  Jilqa' l-idea u l-miri tas-sistema ta' awtorizzazzjoni żonali, iżda jirrikonoxxi li dawn il-miri potenzjalment jistgħu jinkisbu b'mod aktar effiċjenti permezz ta' sistema ta' awtorizzazzjoni waħda fil-livell tal-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa jekk il-proċess ta' awtorizzazzjoni jistax jinkiseb b'mod aktar effiċjenti fil-ħin u fl-ispejjeż jew billi tittejjeb is-sistema attwali (eż. billi tissaħħaħ l-armonizzazzjoni tal-metodoloġija, tal-mudelli u tar-rekwiżiti għall-applikazzjoni, u/jew billi tiġi introdotta awtorizzazzjoni obbligatorja għaż-żona sħiħa wara evalwazzjoni pożittiva miż-zRMS), jew billi tiġi stabbilita sistema ta' approvazzjoni waħda tal-Unjoni;

27.  Jilqa' l-idea u l-miri tas-sistema ta' awtorizzazzjoni żonali u jfakkar li din is-sistema, fil-prinċipju, jenħtieġ li twassal għal awtorizzazzjoni ta' PPPs li tkun aktar effiċjenti fil-ħin u fl-ispejjeż għall-partijiet kollha kkonċernati; jinnota li l-għan tal-evalwazzjoni żonali tal-applikazzjonijiet tal-PPP, li tippermetti lill-applikanti jipproponu Stat Membru Rapporteur żonali (zRMS) wieħed biex iwettaq il-valutazzjoni, jenħtieġ li twassal biex l-Istati Membri kkonċernati (cMS) jieħdu deċiżjoni f'kooperazzjoni ma' xulxin fi żmien il-limitu massimu ta' 120 jum wara li ż-zRMS ikun ħareġ ir-rapport tar-reġistrazzjoni; jesprimi t-tħassib tiegħu li, fil-prattika, dawn il-benefiċċji ftit li xejn immaterjalizzaw, li wassal għal dewmien sistematiku fil-proċess ta' awtorizzazzjoni u użu akbar ta' awtorizzazzjonijiet ta' emerġenza; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri biex jisfruttaw b'mod sħiħ l-opportunità tal-qsim tax-xogħol li tingħata mis-sistema ta' awtorizzazzjoni żonali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti jappoġġjaw lill-Istati Membri biex jagħmlu dan;

28.  Jenfasizza li, f'termini tas-suq uniku, l-għan tal-proċedura tar-rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri f'reġjun ġeografiku partikolari kien li jiġu ssimplifikati l-proċeduri u tiżdied il-fiduċja fost l-Istati Membri; iqis l-applikazzjoni tal-proċedura ta' rikonoxximent reċiproku bħala għodda importanti sabiex jiżdied il-qsim tax-xogħol u tiġi żgurata l-konformità mal-iskadenzi filwaqt li tingħata l-garanzija tal-aħjar protezzjoni lill-utenti, li tippermetti lill-applikanti japplikaw għal awtorizzazzjoni fi Stat Membru ieħor li juża l-prodott inkwistjoni bl-istess mod għall-istess prattiki agrikoli, abbażi tal-valutazzjoni li saret għall-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru oriġinali, li, min-naħa tiegħu, jeħtiġielu jkun responsabbli l-ħin kollu għall-valutazzjoni li tinħareġ lill-Istati Membri li jkunu qed japplikaw ir-rikonoxximent reċiproku;

29.  Huwa tal-fehma li, meta jitqiesu d-diskrepanzi fil-prattika bejn l-Istati Membri u l-lista ta' prodotti li jkunu ġew awtorizzati b'mod effettiv, dawn l-objettivi ma ntlaħqux; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, jekk jippersistu d-diskrepanzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-PPPs awtorizzati u n-nuqqas ta' fiduċja bejniethom, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ma jkunx jista' jiġi applikat b'mod effettiv; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni ttejjeb il-funzjonament tas-sistema tar-rikonoxximent reċiproku, billi timxi f'żewġ stadji:

  a) tirrevedi l-proċedura tar-rikonoxximent reċiproku bl-għan li żżid l-effettività tagħha u ttejjeb l-implimentazzjoni tagħha, tilħaq l-iskadenzi u żżid il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri;

  b) twettaq valutazzjoni tal-impatt sabiex tkejjel il-fattibbiltà tal-istabbiliment ta' proċedura ta' awtorizzazzjoni għall-PPPs, possibbilment fil-livell Ewropew u li tiġi kkoordinata mill-Kummissjoni, filwaqt li tqis il-karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi, bl-għan li r-regoli bejn l-Istati Membri jiġu armonizzati, jitnaqqsu b'mod drammatiku l-ispejjeż u l-limiti ta' żmien u jiġu solvuti l-problemi ta' kompetizzjoni inġusta billi jissaħħaħ is-suq intern għall-PPPs, u filwaqt li tikkunsidra l-fatt li din it-tip ta' proċedura mhux se tkun possibbli mingħajr riżorsi baġitarji u għarfien espert suffiċjenti mill-Istati Membri;

30.  Jistenna li l-valutazzjoni tal-impatt tikkonferma jekk tistabbilixxix awtorità waħda fil-livell tal-UE, li tkun responsabbli għall-aspetti kollha tal-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni tas-sustanzi attivi, tevita xogħol doppju, tnaqqas b'mod sinifikanti l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi, u tiżgura livell għoli b'mod uniformi ta' protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, kif ukoll tipprovdi "punt uniku ta' servizz" għall-evalwazzjoni u r-reġistrazzjoni tas-sustanzi attivi;

31.  Jemmen li proċedura ta' awtorizzazzjoni għall-PPPs, li tkun armonizzata fil-livell Ewropew, tista' tipprovdi soluzzjonijiet komuni lil azjendi agrikoli żgħar, li bħalissa jinsabu f'sitwazzjonijiet mingħajr ebda progress tekniku minħabba l-ispiża biex jiksbu awtorizzazzjoni u minħabba n-nuqqas ta' investiment u riċerka min-naħa tal-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi;

32.  Jinnota li n-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-Istati Membri qed iwassal għal xogħol doppju, li jirriżulta f'nefqa ineffiċjenti u f'piżijiet amministrattivi;

33.  Jinnota bi tħassib li l-bdiewa għandhom inqas għodod disponibbli għalihom minħabba l-għadd baxx ta' sustanzi attivi ġodda li ġew approvati minn meta ġie implimentat ir-Regolament (KE) 1107/2009; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar l-importanza li jiffinanzjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, b'mod partikolari permezz ta' sħubiji pubbliċi-privati, bl-għan li jsibu soluzzjonijiet vijabbli, siguri u effettivi għall-protezzjoni tal-pjanti f'termini ambjentali, tas-saħħa u ekonomiċi, u jenfasizza l-ħtieġa li l-bdiewa jiġu ggwidati fl-implimentazzjoni ta' dawn is-soluzzjonijiet alternattivi biex dawn ikunu jistgħu jnaqqsu l-użu tagħhom tal-PPPs u jiġi żgurat li l-agrikoltura sostenibbli tissodisfa t-talbiet ta' popolazzjoni globali dejjem tikber, kif ukoll jiġi indirizzat it-tħassib ambjentali u tas-saħħa; jenfasizza li r-riċerka u t-teknoloġija għandhom rwol importanti biex iżidu l-għadd ta' għodod disponibbli biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali u futuri li taffaċċja l-agrikoltura, bħall-ġlieda kontra r-reżistenza;

34.  Jilqa' l-isforzi li saru mill-Kummissjoni fil-ħolqien tal-għodda ta' koordinazzjoni għall-approvazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għal użi minuri, iżda jenfasizza l-ħtieġa li jsiru aktar disponibbli b'mod mifrux sustanzi attivi għal dawn l-iskopijiet, u jfakkar li f'ħafna Stati Membri, l-użi minuri jirrappreżentaw maġġoranza kbira ta' pjanti;

35.  Jemmen li r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jenħtieġ li jiġi emendat ukoll sabiex iqis is-sustanzi li mhumiex ikkunsidrati bħala PPPs u li, meta jintużaw għall-protezzjoni tal-pjanti, jiġu rregolati mir-Regolament; dawn is-sustanzi joffru alternattivi interessanti f'termini ta' metodi ta' produzzjoni integrata u xi prodotti ta' bijokontroll;

36.  Jilqa' l-istabbiliment tal-Faċilità għall-Koordinazzjoni tal-Użi Minuri bħala forum biex tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-kultivaturi u l-industrija biex jiżviluppaw soluzzjonijiet għal użi minuri; jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament fit-tul u sostnut ta' din il-faċilità;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jwettqu skambju ta' informazzjoni u prattiki tajbin li jirriżultaw mir-riċerka fil-ġlieda kontra l-organiżmi ta' ħsara għall-pjanti, li b'hekk iwittu t-triq għal soluzzjonijiet alternattivi, li f'termini ambjentali, tas-saħħa u ekonomiċi huma prattikabbli;

38.  Jenfasizza li jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lir-rwol tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) fl-iżvilupp ta' prodotti ġodda, peress li l-SMEs spiss huma nieqsa mid-diversi riżorsi li huma meħtieġa fil-proċess ta' żvilupp u approvazzjoni ta' sustanzi ġodda;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-koordinazzjoni tal-ġenerazzjoni tad-data, b'mod partikolari data dwar ir-residwi, madwar l-Istati Membri;

40.  Jikkunsidra li l-prodotti li jiġu impurtati minn barra l-UE, li tkabbru permezz tal-PPPs, jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-istess kriterji stretti bħall-prodotti li jiġu prodotti ġewwa l-UE; huwa mħasseb li l-PPPs mhux irreġistrati fl-UE jistgħu jintużaw fil-produzzjoni ta' prodotti importati;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi sistema ta' awtorizzazzjoni pan-Ewropea għal użi minuri u pjanti speċjali u lista komuni ta' pjanti ewlenin/minuri li għandhom jiġu applikati fil-livell tal-UE;

42.  Jemmen li l-pestiċidi ta' riskju baxx jista' jkollhom rwol importanti fl-IPM u jistieden proċess ta' awtorizzazzjoni aċċellerat għal dawn is-sustanzi sabiex tiġi ffaċilitata l-inklużjoni tagħhom fi strateġiji għall-protezzjoni tal-pjanti.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.6.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

11

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Richard Ashworth, José Bové, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Diane Dodds, Jørn Dohrmann, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Luke Ming Flanagan, Karine Gloanec Maurin, Beata Gosiewska, Martin Häusling, Esther Herranz García, Jan Huitema, Peter Jahr, Ivan Jakovčić, Zbigniew Kuźmiuk, Norbert Lins, Philippe Loiseau, Mairead McGuinness, Giulia Moi, Ulrike Müller, Maria Noichl, Marijana Petir, Bronis Ropė, Maria Lidia Senra Rodríguez, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella, Maria Gabriela Zoană, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Franc Bogovič, Karin Kadenbach, Elsi Katainen, Anthea McIntyre, Momchil Nekov, Miguel Viegas

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Krzysztof Hetman

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

32

+

ALDE

Jan Huitema, Ivan Jakovčić, Elsi Katainen, Ulrike Müller

ECR

Jørn Dohrmann, Beata Gosiewska, Zbigniew Kuźmiuk, Anthea McIntyre

NI

Diane Dodds

PPE

Richard Ashworth, Franc Bogovič, Daniel Buda, Michel Dantin, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Esther Herranz García, Krzysztof Hetman, Peter Jahr, Norbert Lins, Mairead McGuinness, Marijana Petir, Czesław Adam Siekierski

S&D

Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Nicola Caputo, Paolo De Castro, Karine Gloanec Maurin, Karin Kadenbach, Momchil Nekov, Maria Noichl, Maria Gabriela Zoană

11

-

EFDD

John Stuart Agnew, Giulia Moi, Marco Zullo

ENF

Philippe Loiseau

GUE/NGL

Matt Carthy, Luke Ming Flanagan, Maria Lidia Senra Rodríguez, Miguel Viegas

ĦODOR/AĦE

José Bové, Martin Häusling, Bronis Ropė

1

0

S&D

Marc Tarabella

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

Ara FAO (2015): The State of Food Security in the World (L-Istat tas-Sigurtà tal-Ikel fid-Dinja); http://www.fao.org/3/a-i4646e.pdf

(2)

SWD(2018)0038.

(3)

Pereżempju, Sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta' Settembru 2011, Franza vs il-Kummissjoni, T-257/07, ECLI:EU:T:2011:444.

(4)

SWD(2018)0038.

(5)

https://www.eca.europa.eu/Lists/News/NEWS1210_11/NEWS1210_11_EN.PDF

(6)

https://www.efsa.europa.eu/sites/default/files/corporate_publications/files/policy_independence.pdf


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.7.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

48

2

8

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Miriam Dalli, Seb Dance, Mark Demesmaeker, Stefan Eck, Bas Eickhout, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Arne Gericke, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Karin Kadenbach, Urszula Krupa, Giovanni La Via, Jo Leinen, Peter Liese, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Rory Palmer, Massimo Paolucci, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, John Procter, Julia Reid, Frédérique Ries, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Renate Sommer, Adina-Ioana Vălean, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Guillaume Balas, Anja Hazekamp, Jan Huitema, Merja Kyllönen, Alojz Peterle, Christel Schaldemose, Keith Taylor

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marc Joulaud, Stanisław Ożóg


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

48

+

ALDE

Catherine Bearder, Jan Huitema, Anneli Jäätteenmäki, Valentinas Mazuronis, Frédérique Ries

ECR

Mark Demesmaeker

EFDD

Piernicola Pedicini

ENF

Sylvie Goddyn

GUE/NGL

Stefan Eck, Anja Hazekamp, Merja Kyllönen

NI

Zoltán Balczó

PPE

Pilar Ayuso, Ivo Belet, Birgit Collin-Langen, Francesc Gambús, Jens Gieseke, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Marc Joulaud, Giovanni La Via, Peter Liese, Miroslav Mikolášik, Alojz Peterle, Annie Schreijer-Pierik, Adina-Ioana Vălean

S&D

Guillaume Balas, Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Miriam Dalli, Seb Dance, Jytte Guteland, Karin Kadenbach, Jo Leinen, Susanne Melior, Rory Palmer, Massimo Paolucci, Pavel Poc, Christel Schaldemose, Daciana Octavia Sârbu, Damiano Zoffoli

VERTS/ALE

Marco Affronte, Margrete Auken, Bas Eickhout, Davor Škrlec, Keith Taylor

2

-

EFDD

Julie Reid

PPE

Julie Girling

8

0

ECR

Arne Gericke, Urszula Krupa, Stanisław Ożóg, Bolesław G. Piecha, John Procter

PPE

Karl-Heinz Florenz, György Hölvényi, Renate Sommer

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Awwissu 2018Avviż legali